Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0424

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Lulju 2020.
Cabinet de avocat UR vs Administraţia Sector 3 a Finanţelor Publice prin Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2006/112/KE – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Artikolu 9(1) – Kunċett ta’ ‘persuna taxxabbli’ – Persuna li teżerċita l-professjoni ta’ avukat – Deċiżjoni ġudizzjarja definittiva – Prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata – Portata ta’ dan il-prinċipju fl-ipoteżi fejn din id-deċiżjoni tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C-424/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:581

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2006/112/KE – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Artikolu 9(1) – Kunċett ta’ ‘persuna taxxabbli’ – Persuna li teżerċita l-professjoni ta’ avukat – Deċiżjoni ġudizzjarja definittiva – Prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata – Portata ta’ dan il-prinċipju fl-ipoteżi fejn din id-deċiżjoni tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑424/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura

Cabinet de avocat UR

vs

Administraţia Sector 3 a Finanţelor Publice prin Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti,

Administraţia Sector 3 a Finanţelor Publice,

MJ,

NK,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, N. Jääskinen, Imħallef,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Cabinet de avocat UR, minn D. Rădescu, avocat,

għall-Gvern Rumen, inizjalment minn C. R. Canţăr, R. I. Haţieganu u A. Rotăreanu, sussegwentement minn E. Gane, R. I. Haţieganu u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u A. Armenia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), u l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-Cabinet de avocat UR (iktar ’il quddiem “UR”) u, min-naħa l-oħra, l-Administraţia Sector 3 a Finanţelor Publice prin Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti (l-Amministrazzjoni tal-Finanzi Pubbliċi tat-Tielet Distrett, irrappreżentata mid-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Bukarest, ir-Rumanija), l-Administraţia Sector 3 a Finanţelor Publice (l-Amministrazzjoni tal-Finanzi Pubbliċi tat-Tielet Distrett, ir-Rumanija), MJ u NK dwar l-issuġġettar ta’ UR għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/112:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[…]

[(c)]

il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]”

4

L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

Id-dritt Rumen

5

L-Artikolu 431 tal-Codul de procedură civilă (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), intitolat “Effetti ta’ res judicata”, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“1.   Ħadd ma jista’ jiġi mħarrek darbtejn fl-istess kwalità, għall-istess kawża u bl-istess suġġett.

2.   Kull parti tista’ tinvoka l-awtorità ta’ res judicata f’kawża oħra, jekk ikun hemm rabta mar-riżoluzzjoni ta’ din tal-aħħar.”

6

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-“effett negattiv jew estintiv” tal-awtorità ta’ res judicata jostakola sentenza ġdida meta jkun hemm identiċità tal-partijiet, tal-kawża ġuridika u tas-suġġett tar-rikors, filwaqt li l-“effett pożittiv” tal-awtorità ta’ res judicata jippermetti lil kull parti tinvoka r-res judicata fil-kuntest ta’ tilwima meta teżisti rabta mar-riżoluzzjoni ta’ din tal-aħħar, bħal identiċità tal-kwistjonijiet kontenzjużi mqajma.

7

L-Artikolu 432 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Eċċezzjoni tal-awtorità ta’ res judicata”, jipprevedi:

“L-eċċezzjoni tal-awtorità ta’ res judicata tista’ tiġi invokata mill-qorti jew mill-partijiet f’kull stadju tal-proċedura, anki quddiem il-qorti tal-appell. Jekk din l-eċċezzjoni tiġi milqugħa dan jista’ jkollu l-effett li jaggrava s-sitwazzjoni tal-parti kkonċernata b’riżultat tar-rikors tagħha stess meta mqabbla mas-sitwazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Fit‑28 ta’ Mejju 2015, UR, uffiċċju tal-avukati stabbilit fir-Rumanija, talab it-tħassir tiegħu, lill-Amministrazzjoni tal-Finanzi Pubbliċi tat-Tielet Distrett, b’effett mis-sena 2002, mir-reġistru tal-persuni suġġetti għall-VAT u r-rimbors tal-VAT miġbura minn din l-amministrazzjoni matul il-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2010 sal‑31 ta’ Diċembru 2014, minħabba li huwa kien ġie rreġistrat f’dan ir-reġistru bi żball.

9

Fid-dawl tan-nuqqas ta’ tweġiba mill-amministrazzjoni għal din it-talba, UR ħarrek lill-konvenuti fil-kawża prinċipali quddiem it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija) sabiex din tordna lill-Amministrazzjoni tal-Finanzi Pubbliċi tat-Tielet Distrett tħassru mir-reġistru tal-persuni suġġetti għall-VAT u tikkundanna lill-konvenuti fil-kawża prinċipali jħallsuh lura l-VAT miġbura in solidum.

10

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Frar 2017, it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) ċaħdet ir-rikors ta’ UR.

11

Insostenn tar-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), UR jinvoka l-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ sentenza tat‑30 ta’ April 2018, li saret definittiva, li permezz tagħha din l-istess qorti, filwaqt li tikkonferma sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2016 tat-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest), iddeċidiet li persuna taxxabbli, bħal UR, li tipprattika l-professjoni ta’ avukat, ma teżerċita ebda attività ekonomika u, sussegwentement, ma tistax titqies li twettaq tranżazzjonijiet ta’ kunsinna ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi, peress li l-kuntratti konklużi mal-klijenti tiegħu huma kuntratti għal assistenza legali u mhux kuntratti għall-provvista ta’ servizzi (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat‑30 ta’ April 2018”).

12

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ ‘persuna taxxabbli’ fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [2006/112] jinkludi wkoll il-persuni li jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat?

2)

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jippermetti li jkun hemm derogi, fil-kuntest ta’ proċedura sussegwenti, mill-awtorità ta’ res judicata li minnha tgawdi deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li permezz tagħha ġie stabbilit essenzjalment li, konformement mal-applikazzjoni u mal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali dwar il-VAT, avukat ma jikkunsinnax oġġetti, ma jwettaqx attività ekonomika u ma jikkonkludix kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi, iżda kuntratti ta’ assistenza ġuridika?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

13

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li teżerċita l-professjoni ta’ avukat għandha titqies bħala “persuna taxxabbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

14

Bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, “persuna taxxabbli” tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikunu xi jkunu l-iskop jew ir-riżultati ta’ din l-attività.

15

Il-kliem użat f’din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari t-terminu “kull persuna”, jagħti definizzjoni wiesgħa lill-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” ibbażata fuq l-indipendenza fit-twettiq ta’ attività ekonomika fis-sens li kull persuna, fiżika jew ġuridika, kif ukoll organi rregolati bid-dritt pubbliku kif ukoll privat, u anki entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika, li, b’mod oġġettiv, jissodisfaw ir-rekwiżiti li jidhru fl-imsemmija dispożizzjoni, jitqiesu li huma persuni suġġetti għall-VAT (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław, C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 28, kif ukoll tat‑12 ta’ Ottubru 2016, Nigl et, C‑340/15, EU:C:2016:764, punt 27).

16

Fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, dan jiddefinixxi l-kunċett ta’ “attività ekonomika” bħala li jkopri kull attività ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ fornitur ta’ servizzi, inklużi, inter alia, il-professjonijiet.

17

Konsegwentement, u peress li l-professjoni ta’ avukat tikkostitwixxi professjoni liberali, mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li persuna li teżerċita din il-professjoni teżerċita attività ekonomika u għandha titqies bħala “persuna taxxabbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

18

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2006/112 tagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lill-VAT billi, fl-Artikolu 2 tagħha dwar it-tranżazzjonijiet taxxabbli, minbarra l-importazzjonijiet ta’ oġġetti, issemmi wkoll l-akkwisti intra-Komunitarji ta’ oġġetti, il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali (sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Rēdlihs, C‑263/11, EU:C:2012:497, punt 24, u tat‑3 ta’ Settembru 2015, Asparuhovo Lake Investment Company, C‑463/14, EU:C:2015:542, punt 33).

19

Barra minn hekk, fil-punt 49 tas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑492/08, EU:C:2010:348), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax japplika rata mnaqqsa ta’ VAT għall-provvista ta’ servizzi minn avukati li għalihom dawn jitħallsu totalment jew parzjalment mill-Istat fil-kuntest tal-għajnuna legali. Issa, din l-evalwazzjoni tippreżumi neċessarjament li dawn is-servizzi tqiesu li kienu suġġetti għall-VAT u li dawn l-avukati, ikklassifikati bħala “entitajiet privati bi skop ta’ lukru” f’dik is-sentenza, tqiesu li kienu jaġixxu bħala persuni taxxabbli.

20

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li teżerċita l-professjoni ta’ avukat għandha titqies bħala “persuna taxxabbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

21

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, fil-kuntest ta’ tilwima dwar il-VAT, qorti nazzjonali tapplika l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata meta l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tostakola t-teħid inkunsiderazzjoni, minn din il-qorti, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT.

22

F’dan ir-rigward, qabel kollox għandha titfakkar l-importanza li għandu l-prinċipju ta’ res judicata, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu żgurati kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li ma jkunux jistgħu jitqiegħdu iktar inkwistjoni deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dawn ir-rimedji (sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 22; tal‑11 ta’ Settembru 2019, Călin, C‑676/17, EU:C:2019:700, punt 26, u tal‑4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia, C‑34/19, EU:C:2020:148, punt 64).

23

Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk dan ikun jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Călin, C‑676/17, EU:C:2019:700, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

B’mod partikolari, id-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti ta’ dan id-dritt adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, korp ġudizzjarju nazzjonali għandu, bħala prinċipju, ibiddel id-deċiżjoni tiegħu mogħnija bl-awtorità ta’ res judicata (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2019, Călin, C‑676/17, EU:C:2019:700, punt 28, u tal‑4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia, C‑34/19, EU:C:2020:148, punt 66).

25

Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu strutturati b’tali mod li jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 24; tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 54, u tal‑4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia, C‑34/19, EU:C:2020:148, punt 58).

26

Għaldaqstant, għalkemm ir-regoli proċedurali interni applikabbli jinkludu l-possibbiltà li, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-qorti nazzjonali tibdel deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata sabiex tirrendi s-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, din il-possibbiltà għandha tipprevali, konformement mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jekk jiġu ssodisfatti dawk il-kundizzjonijiet, sabiex is-sitwazzjoni inkwistjoni terġa’ tiġi konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Călin, C‑676/17, EU:C:2019:700, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jinvoka l-“effett pożittiv” tal-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza tagħha tat‑30 ta’ April 2018.

28

Din il-qorti tippreċiża li, kieku kellha tqis li din is-sentenza għandha l-awtorità ta’ res judicata, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fiha jistgħu joħolqu preċedent fiskali favorevoli għall-imsemmi rikorrent u jikkostitwixxu l-bażi tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

29

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2010 sal‑31 ta’ Diċembru 2014, filwaqt li s-sentenza tat‑30 ta’ April 2018 kienet tikkonċerna l-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2011 sat‑30 ta’ Novembru 2014. Barra minn hekk, is-suġġett tal-imsemmija kawża, jiġifieri talba għat-tħassir, b’effett mis-sena 2002, mir-reġistru tal-persuni taxxabbli għall-VAT u għar-rimbors tal-VAT miġbura mill-amministrazzjoni tal-finanzi pubbliċi Rumena matul il-perijodu inkwistjoni, huwa differenti minn dak tal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza.

30

Konsegwentement, fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju jkollha, bis-saħħa tar-regoli proċedurali tad-dritt Rumen applikabbli, il-possibbiltà li tiċħad ir-rikors fil-kawża prinċipali, hija jkollha tagħmel użu minnha u tiżgura l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ dak tad-Direttiva 2006/112, billi fejn ikun neċessarju ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, l-interpretazzjoni li hija tat fis-sentenza tagħha tat‑30 ta’ April 2018, peress li din l-interpretazzjoni ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia, C‑34/19, EU:C:2020:148, punt 61, u tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 44).

31

Fl-ipoteżi kuntrarja, fejn din il-qorti tqis li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata tostakola t-tqegħid inkwistjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, bħas-sentenza tat‑30 ta’ April 2018, minkejja li din id-deċiżjoni tinvolvi ksur tad-dritt tal-Unjoni, din l-applikazzjoni ma tistax tipprekludi wkoll lill-imsemmija qorti milli tqiegħed inkwistjoni kull konstatazzjoni li tirrigwarda punt komuni deċiż permezz ta’ tali deċiżjoni, waqt l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni oħra tal-awtorità fiskali kompetenti li tikkonċerna l-istess persuna suġġetta għat-taxxa jew persuna taxxabbli, iżda li tirrigwarda sena finanzjarja differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 29).

32

Fil-fatt, tali applikazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jkollha l-konsegwenza li, fl-ipoteżi fejn id-deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva tkun ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, l-applikazzjoni żbaljata ta’ din il-leġiżlazzjoni tirriżulta għal kull sena finanzjarja ġdida, mingħajr ma jkun possibbli li din l-interpretazzjoni żbaljata tiġi kkoreġuta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 30).

33

Issa, ostakoli ta’ tali portata għall-applikazzjoni effettiva tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT ma jistgħux jiġu ġġustifikati b’mod raġonevoli bil-prinċipju ta’ ċertezza legali u għalhekk għandhom jitqiesu li jmorru kontra l-prinċipju ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 31).

34

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, fil-kuntest ta’ tilwima dwar il-VAT, qorti nazzjonali tapplika l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, meta din it-tilwima la tirrigwarda perijodu ta’ tassazzjoni identiku għal dak li kien inkwistjoni fit-tilwima li tat lok għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha din l-awtorità u lanqas ma jkollha l-istess suġġett bħalha, u meta l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tostakola t-teħid inkunsiderazzjoni, minn din il-qorti, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li teżerċita l-professjoni ta’ avukat għandha titqies bħala “persuna taxxabbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li, fil-kuntest ta’ tilwima dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), qorti nazzjonali tapplika l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, meta din it-tilwima la tirrigwarda perijodu ta’ tassazzjoni identiku għal dak li kien inkwistjoni fit-tilwima li tat lok għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha din l-awtorità u lanqas ma jkollha l-istess suġġett bħalha, u meta l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tostakola t-teħid inkunsiderazzjoni, minn din il-qorti, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top