EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0407

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-11 ta’ Frar 2021.
Katoen Natie Bulk Terminals NV u General Services Antwerp NV vs Belgische Staat u Middlegate Europe NV vs Ministerraad.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State u Grondwettelijk Hof (Il-Belġju).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 45 TFUE — Moviment liberu tal‑ħaddiema — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Eżerċizzju ta’ attivitajiet portwali — Ħaddiema portwali — Aċċess għall-professjoni u reklutaġġ — Modalitajiet ta’ rikonoxximent tal-ħaddiema portwali — Ħaddiema portwali li ma jagħmlux parti mill-grupp ta’ ħaddiema previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Limitazzjoni tat-tul tal-kuntratt tax-xogħol — Mobbiltà tal‑ħaddiema portwali bejn żoni portwali differenti — Ħaddiema li jwettqu xogħol loġistiku — Ċertifikat tas-sigurtà — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Sigurtà fiż-żoni portwali — Protezzjoni tal-ħaddiema — Proporzjonalità.
Kawżi magħquda C-407/19 u C-471/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:107

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Frar 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 45 TFUE — Moviment liberu tal‑ħaddiema — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Eżerċizzju ta’ attivitajiet portwali — Ħaddiema portwali — Aċċess għall-professjoni u reklutaġġ — Modalitajiet ta’ rikonoxximent tal-ħaddiema portwali — Ħaddiema portwali li ma jagħmlux parti mill-grupp ta’ ħaddiema previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Limitazzjoni tat-tul tal-kuntratt tax-xogħol — Mobbiltà tal‑ħaddiema portwali bejn żoni portwali differenti — Ħaddiema li jwettqu xogħol loġistiku — Ċertifikat tas-sigurtà — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Sigurtà fiż-żoni portwali — Protezzjoni tal-ħaddiema — Proporzjonalità”

Fil-Kawżi magħquda C‑407/19 u C‑471/19,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) (C‑407/19) u l-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) (C‑471/19), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Mejju u tas‑6 ta’ Ġunju 2019, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Mejju u fl-20 ta’ Ġunju 2019 rispettivament, fil-proċeduri

Katoen Natie Bulk Terminals NV,

General Services Antwerp NV

vs

Belgische Staat (C‑407/19),

u

Middlegate Europe NV

vs

Ministerraad (C‑471/19),

fil-preżenza ta’:

Katoen Natie Bulk Terminals NV,

General Services Antwerp NV,

Koninklijk Verbond der Beheerders van Goederenstromen (KVBG) CVBA,

MVH Logistics en Stuwadoring BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal General Services Antwerp NV, Katoen Natie Bulk Terminals NV u Middlegate Europe NV, minn M. Lebbe u E. Simons, advocaten,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn P. Wytinck, D. D’Hooghe u T. Ruys, advocaten,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Nijenhuis, S. L. Kalėda u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni, fil-Kawża C‑407/19, tal-Artikoli 34, 35, 45, 49, 56, 101, 102 u 106(1) TFUE u, fil-Kawża C‑471/19, tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, tal-Artikoli 15 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, fil-Kawża C‑407/19, minn naħa, Katoen Natie Bulk Terminals NV u General Services Antwerp NV u, min-naħa l-oħra, il-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) u, fil-Kawża C‑471/19, minn naħa, Middlegate Europe NV u, min-naħa l-oħra, il-Ministerraad (il-Kunsill tal-Ministri, il-Belġju) dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol portwali u, b’mod partikolari, il-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni.

Id-dritt Belġjan

Il-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol

3

Fid-dritt Belġjan, is-sistema komuni applikabbli għall-kuntratti ta’ xogħol, b’mod partikolari tal-ħaddiema, hija stabbilita mill-wet betreffende de arbeidsovereenkomsten (il-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol), tat‑3 ta’ Lulju 1978 (Belgisch Staatsblad, 22 ta’ Awwissu 1978, p. 9277).

Il-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali

4

L-Artikolu 1 tal-wet betreffende de havenarbeid (il-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali), tat‑8 ta’ Ġunju 1972 (Belgisch Staatsblad, 10 ta’ Awwissu 1972, p. 8826), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali”), jipprevedi:

“[…]

Fiż-żoni tal-port, l-ebda individwu ma jista’ jordna t-twettiq tal-kompiti portwali minn ħaddiema li ma humiex ħaddiema tal-baċiri rrikonoxxuti.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Id-delimitazzjoni taż-żoni portwali u tax-xogħol portwali bil-mod kif tkun ġiet stabbilita mir-Re […] tirregola l-applikazzjoni ta’ din il-liġi.”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“Ir-Re għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għar-rikonoxximent tal-ħaddiema tal-baċiri, wara li jikseb opinjoni tal-kumitat konġunt kompetenti għaż-żona portwali inkwistjoni.

[…]”

7

Skont l-Artikolu 3 bis tal-istess liġi:

“Wara l-kisba tal-opinjoni tal-kumitat konġunt kompetenti għaż-żona portwali inkwistjoni, ir-Re jista’ jobbliga lill-persuni li jimpjegaw, li jħaddmu ħaddiema tal-baċiri f’din iż-żona, sabiex jaffiljaw ruħhom ma’ organizzazzjoni tal-persuni li jħaddmu awtorizzata mir-Re u li, bħala mandatarja, tissodisfa l-obbligi kollha li, skont il-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol individwali u kollettiv u l-leġiżlazzjoni soċjali, jirriżultaw mir-reklutaġġ ta’ ħaddiema tal-baċiri għall-persuni li jimpjegaw.

Sabiex tkun awtorizzata, l-organizzazzjoni tal-persuni li jħaddmu msemmija fil-paragrafu preċedenti għandu jkollha l-maġġoranza tal-persuni li jimpjegaw interessati bħala membri.”

Id-Digriet Irjali tal‑1973

8

L-Artikolu 1 tal-koninklijk besluit tot oprichting en tot vaststelling van de benaming en van de bevoegdheid van het Paritair Comité van het havenbedrijf (id-Digriet Irjali li jistabbilixxi l-Kummissjoni Konġunta tal-portijiet u li jistabbilixxi l-isem u l-kompetenza tagħha), tat‑12 ta’ Jannar 1973 (Belgisch Staatsblad, 23 ta’ Jannar 1973, p. 877), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tal‑1973”), jipprovdi:

“Hija stabbilita kummissjoni konġunta msejħa ‘Kummissjoni Konġunta tal-Portijiet’ (kompetenti għall-ħaddiema b’mod ġenerali u għall-persuni li jimpjegawhom), għal:

il-ħaddiema kollha u l-persuni li jimpjegawhom li, fiż-żoni tal-port:

A. Iwettqu kompiti portwali bħala attività prinċipali jew aċċessorja, jiġifieri kull tqandil ta’ merkanzija ttrasportata bil-baħar jew bix-xmara, bil-ferrovija jew bit-triq, u kull servizz awżiljarju fir-rigward ta’ din il-merkanzija, irrispettivament minn jekk dawn l-attivitajiet iseħħux fuq il-mollijiet, fil-passaġġi fuq l-ilma jew fl-istabbilimenti inkarigati mill-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu tal-merkanzija, kif ukoll kull tqandil ta’ merkanzija ttrasportata bil-baħar jew bix-xmara li d-destinazzjoni jew l-oriġini tagħha hija l-mollijiet ta’ stabbilimenti industrijali.

Dawn it-termini għandu jkollhom it-tifsiriet li ġejjin:

1. Tqandil ta’ merkanzija:

a) merkanzija: il-merkanzija kollha, inklużi l-kontejners u l-mezzi tat-trasport, iżda huma esklużi:

it-trasport taż-żejt bl-ingrossa, prodotti ġejjin miż-żejt (likwidi) u materja prima likwida għar-raffineriji, l-industrija kimika u attivitajiet ta’ ħżin u pproċessar f’impjanti taż-żejt;

ħut maqbud minn dgħajjes tas-sajd;

gassijiet likwidi ppressati u bl-ingrossa.

b) tqandil: it-tagħbija, il-ħatt, l-istivar, il-ħatt, iċ-ċaqliq tal-merkanzija, il-ħatt bl-ingrossa, il-bidu, il-klassifikazzjoni, l-għażla, il-kalibrazzjoni, l-istivar, il-ħatt, kif ukoll il-ġbir flimkien u separazzjoni tat-tagħbijiet unitarji.

2. Servizzi awżiljarji relatati ma’ din il-merkanzija: l-immarkar, l-użin, il-kejl, l-inkubar, il-verifika, ir-riċezzjoni, il-protezzjoni (minbarra s-servizzi ta’ protezzjoni mogħtija minn kumpanniji taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni konġunta għas-servizzi ta’ protezzjoni u/jew sorveljanza f’isem il-kumpanniji li jirrapportaw lill-Kummissjoni tal-portijiet konġunti), l-għoti, il-kampjunar u l-issiġillar, l-irbit u l-ħall.

[…]”

Id-Digriet Irjali tal‑2004

9

Qabel l-emenda tiegħu bil-koninklijk besluit tot wijziging van het koninklijk besluit van 5 juli 2004 betreffende de erkenning van havenarbeiders in de havengebieden die onder het toepassingsgebied vallen van de wet van 8 juni 1972 betreffende de havenarbeid (id-Digriet Irjali li jemenda d-Digriet Irjali tal‑5 ta’ Lulju 2004 dwar ir-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali fiż-żoni portwali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tat‑8 ta’ Ġunju 1972 li Tirregola x-Xogħol Portwali) tal‑10 ta’ Lulju 2016 (Belgisch Staatsblad, 13 ta’ Lulju 2016, p. 43879, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tal‑2016”), l-Artikolu 2 tal-koninklijk besluit betreffende de erkenning van havenarbeiders in de havengebieden die onder het toepassingsgebied vallen van de wet van 8 juni 1972 betreffende de havenarbeid (id-Digriet Irjali dwar ir-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali fiż-żoni portwali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tat‑8 ta’ Ġunju 1972 li Tirregola x-Xogħol Portwali) tal‑5 ta’ Lulju 2004 (Belgisch Staatsblad, 4 ta’ Awwissu 2004, p. 58908) kien jipprevedi:

“Wara r-rikonoxximent tagħhom, il-ħaddiema portwali jitqassmu jew fil-‘grupp ġenerali’ jew fil-‘grupp loġistiku’.

Il-ħaddiema portwali tal-grupp ġenerali huma rrikonoxxuti sabiex iwettqu kull xogħol portwali fis-sens tal-Artikolu 1 tad-[Digriet Irjali tal‑1973].

Il-ħaddiema portwali tal-grupp loġistiku huma rrikonoxxuti sabiex iwettqu x-xogħol portwali fis-sens tal-Artikolu 1 tad-[Digriet Irjali tal-1973], f’postijiet fejn il-merkanzija tgħaddi minn, fit-tħejjija tad-distribuzzjoni jew l-ispedizzjoni ulterjuri tagħha, trasformazzjoni li twassal indirettament għal valur miżjud li jista’ jintwera.”

10

Id-Digriet Irjali dwar ir-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali fiż-żoni portwali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tat‑8 ta’ Ġunju 1972 li Tirregola x-Xogħol Portwali, kif emendat bid-Digriet Irjali tal‑2016 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tal-2004”), issostitwixxa b’mod partikolari l-kunċett ta’ “grupp” b’dak ta’ “pool”. L-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tal‑2004 jipprevedi:

“§ 1.   F’kull żona tal-port, il-ħaddiema tal-baċiri għandhom ikunu rrikonoxxuti mill-kummissjoni konġunta stabbilita, iktar ’il quddiem imsejħa il-“Kummissjoni amministrattiva”, maħluqa fi ħdan is-sottokumitat konġunt kompetenti għaż-żona tal-port inkwistjoni.

Din il-kummissjoni amministrattiva tkun ikkostitwita minn:

1.

president u viċi president;

2.

erba’ membri effettivi u erba’ supplenti maħtura mill-organizzazzjonijiet ta’ persuni li jħaddmu rrappreżentati fi ħdan is-sottokumitat konġunt;

3.

erba’ membri effettivi u erba’ supplenti maħtura mill-organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema rrappreżentati fi ħdan is-sottokumitat konġunt;

4.

segretarju wieħed jew iktar.

Id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali tas‑6 ta’ Novembru 1969 li jistabbilixxi l-modalitajiet ġenerali tal-funzjonament tal-kummissjonijiet u tas-sottokumitati konġunti, kif ukoll ir-regoli partikolari previsti fl-Artikolu 10 ta’ dan id-digriet irjali, għandhom japplikaw għall-funzjonament tal-Kummissjoni amministrattiva.

§ 2.   It-talba għal rikonoxximent għandha tiġi ppreżentata bil-miktub lis-sottokumitat konġunt kompetenti permezz ta’ mudell ipprovdut għal dan il-għan.

It-talba għandha tindika jekk hijiex tiġi ppreżentata għal impjieg fil-pool jew barra minnu.

§ 3.   Minkejja d-dispożizzjonijiet fit-Taqsima 1(1), għall-ħaddiema li jwettqu xogħol fis-sens tal-Artikolu 1 tad-[Digriet Irjali tal‑1973], f’postijiet fejn il-merkanzija, waqt it-tħejjija tagħha għad-distribuzzjoni jew l-ispedizzjoni posterjuri tagħha, tgħaddi minn trasformazzjoni li twassal indirettament għal valur miżjud li jista’ jintwera, u li jkollhom ċertifikat ta’ sigurtà, imsejħa ‘ħaddiema loġistiċi’, dan iċ-ċertifikat ta’ sigurtà jkun daqs rikonoxximent fis-sens tal-[Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali].

Il-persuna li timpjega li tkun iffirmat kuntratt ta’ xogħol ma’ ħaddiem għandha titlob iċ-ċertifikat ta’ sigurtà għat-twettiq tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti u l-ħruġ isir wara l-preżentazzjoni tal-karta tal-identità u tal-kuntratt tax-xogħol. Il-modalitajiet ta’ din il-proċedura għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol.”

11

Skont l-Artikolu 2 ta’ dan id-Digriet Irjali:

“§ 1.   Il-ħaddiema tal-baċiri msemmija [fl-ewwel] subparagrafu tal-Artikolu 1(1), ladarba jiġu rrikonoxxuti, għandhom jiddaħħlu jew le fil-pool tal-ħaddiema tal-baċiri.

Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità ta’ ħaddiema għar-rikonoxximent sabiex dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-pool.

§ 2.   Il-ħaddiema tal-baċiri ingaġġati fil-pool għandhom ikunu rrikonoxxuti għal tul iddeterminat jew għal żmien mhux iddefinit.

Il-modalitajiet relatati mat-tul tar-rikonoxximent għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ ftehim kollettiv.

§ 3.   Il-ħaddiema tal-baċiri li ma jkunux integrati fil-pool jkunu impjegati permezz ta’ kuntratt tax-xogħol skont il-Liġi […] dwar il-kuntratti ta’ xogħol.

It-tul tar-rikonoxximent għandu jiġi limitat għat-tul ta’ dan il-kuntratt tax-xogħol.”

12

L-Artikolu 4 tal-imsemmi Digriet Irjali huwa fformulat kif ġej:

“§ 1.   Għar-rikonoxximent bħala ħaddiem tal-baċiri msemmi fis-subparagrafu 1 tal-Artikolu 1(1), għandhom japplikaw dawn ir-rekwiżiti:

[…]

2o

jiġi ddikjarat medikament b’saħħtu għax-xogħol portwali mis-servizz estern għall-prevenzjoni u l-protezzjoni fuq ix-xogħol, li tkun affiljata miegħu l-organizzazzjoni tal-persuni li jħaddmu li tkun ġiet maħtura bħala mandatarja skont l-Artikolu 3 bis tal-[Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali];

3o

ikun għadda mit-testijiet psikotekniċi mwettqa mill-korp maħtur għal dan il-għan mill-organizzazzjoni tal-persuni li jimpjegaw li tkun ġiet maħtura bħala mandatarja skont l-Artikolu 3 bis tal-[Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali]; l-għan ta’ dawn it-testijiet ikun li jiġi eżaminat jekk il-kandidat għal ħaddiem tal-baċiri jkollux intelliġenza biżżejjed u l-karattru u l-motivazzjoni xierqa sabiex iwettaq, wara taħriġ, il-funzjoni ta’ ħaddiem tal-baċiri;

[…]

6o

ikun segwa korsijiet ta’ preparazzjoni għal tliet ġimgħat sabiex jaħdem b’mod sikur, kif ukoll sabiex jikseb kwalifika professjonali u jkun għadda mit-test finali. L-awtorità kompetenti tkun tista’ tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ kwalità li għandu jiġbor fih it-taħriġ, li jista’ jsir liberament;

7o

fl-aħħar ħames snin ma jkunx ġie suġġett għal miżura ta’ rtirar tar-rikonoxximent bħala ħaddiem tal-baċiri abbażi tal-punt 1 jew 3 tal-Artikolu 7(1) ta’ dan id-digriet;

8o

fil-każ tar-rikonoxximent ta’ ħaddiem tal-baċiri msemmi fl-Artikolu 2(3), ikollu wkoll kuntratt ta’ xogħol.

§ 2.   Ir-rikonoxximent ta’ ħaddiem tal-baċiri jkun validu f’kull żona tal-port, bil-mod kif jiddelimitah ir-Re skont l-Artikoli 35 u 37 tal-Liġi tal‑5 ta’ Diċembru 1968 dwar il-ftehim kollettiv u l-kummissjonijiet konġunti.

Il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet [li abbażi tagħhom] ħaddiem tal-baċiri jkun jista’ jaħdem f’żona portwali differenti minn dik li fiha jkun irrikonoxxut ikunu stabbiliti permezz ta’ ftehim kollettiv.

L-organizzazzjoni tal-persuni li jħaddmu maħtura bħala mandatarja skont l-Artikolu 3 bis tal-[Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali] tibqa’ mandatarja jekk il-ħaddiem tal-baċiri jaħdem barra miż-żona tal-port li fiha jkun ġie rrikonoxxut.

§ 3.   Il-ħaddiema tal-baċiri li jistgħu juru li jissodisfaw kundizzjonijiet ekwivalenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tax-xogħol portwali ma għandhomx jibqgħu jkunu suġġetti għal dawn il-kundizzjonijiet, f’dak li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni ta’ dan id-digriet irjali.

§ 4.   It-talbiet ta’ rikonoxximent u tiġdid għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni amministrattiva u għandhom jiġu pproċessati minnha.”

13

L-Artikolu 13/1 tal-istess Digriet Irjali jipprovdi:

“1.   [Għall-perijodu preċedenti għat‑30 ta’ Ġunju 2017,] [i]l-kuntratt ta’ xogħol imsemmi [fis-subparagrafu 2] tal-Artikolu 2(3) għandu jiġi konkluż għal żmien indeterminat;

2.   [Għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Lulju 2017 sat‑30 ta’ Ġunju 2018,] [i]l-kuntratt ta’ xogħol imsemmi [fis-subparagrafu 2] tal-Artikolu 2(3) għandu jiġi konkluż għal perijodu ta’ mill-inqas sentejn;

3.   [Għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Lulju 2018 sat‑30 ta’ Ġunju 2019,] [i]l-kuntratt ta’ xogħol imsemmi [fis-subparagrafu 2] tal-Artikolu 2(3) għandu jiġi konkluż għal perijodu ta’ mill-inqas sena;

4.   [Għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Lulju 2019 sat‑30 ta’ Ġunju 2020,] [i]l-kuntratt ta’ xogħol imsemmi [fis-subparagrafu 2] tal-Artikolu 2(3) għandu jiġi konkluż għal perijodu ta’ mill-inqas sitt xhur.”

14

Skont l-Artikolu 15/1 tad-Digriet Irjali tal‑2004:

“Għall-applikazzjoni ta’ dan id-digriet irjali:

1° Il-ħaddiema tal-baċiri rrikonoxxuti bis-saħħa [tas-subparagrafu 2] tal‑Artikolu 2(2) preċedenti għandhom ikunu rrikonoxxuti ipso jure bħala ħaddiema tal-baċiri integrati fil-pool, skont l-Artikolu 2(1), bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikoli 5 sa 9 ta’ dan id-digriet irjali;

2° il-ħaddiema tal-baċiri rrikonoxxuti bis-saħħa [tas-subparagrafu 3] tal-Artikolu 2(3) preċedenti għandhom ikunu assimilati ipso jure mal-ħaddiema loġistiċi msemmija fl-Artikolu 1(3), bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikoli 5 sa 9 ta’ dan id-digriet irjali.”

Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kawża C‑407/19

15

Katoen Natie Bulk Terminals u General Services Antwerp huma żewġ kumpanniji stabbiliti fil-Belġju li l-attività tagħhom tinkludi operazzjonijiet portwali fil-Belġju u barra l-pajjiż.

16

Fil‑5 ta’ Settembru 2016, dawn iż-żewġ kumpanniji ppreżentaw, quddiem il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑407/19, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), rikors intiż għall-annullament tad-Digriet Irjali tal‑2016.

17

Dan id-Digriet Irjali ġie adottat wara l-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata lir-Renju tal-Belġju mill-Kummissjoni Ewropea, fit‑28 ta’ Marzu 2014, li tipprovdi li l-leġiżlazzjoni tiegħu dwar ix-xogħol portwali kienet tikser l-Artikolu 49 TFUE. Il-Kummissjoni indikat essenzjalment li l-leġiżlazzjoni Belġjana dwar l-użu ta’ ħaddiema portwali kienet tiskoraġġixxi lill-impriżi barranin milli jistabbilixxu ruħhom fil-Belġju peress li huma ma kellhomx l-għażla libera tal-membri tal-persunal tagħhom, iżda kienu obbligati jirrikorru għall-ħaddiema portwali rrikonoxxuti, anki għal kompiti loġistiċi, li barra minn hekk setgħu jitħaddmu biss f’żona ġeografika limitata. Wara l-adozzjoni tad-Digriet Irjali tal‑2016, il-Kummissjoni ddeċidiet, fis‑17 ta’ Mejju 2017, li tagħlaq il-proċedura ta’ ksur.

18

Ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jippreċiża, preliminarjament, li d-Digriet Irjali tal‑2016, li huwa liġi sostantiva li l-annullament erga omnes tagħha qiegħed jintalab fil-kuntest tal-kontenzjuż oġġettiv pendenti quddiemha, japplika mingħajr distinzjoni għall-impriżi, għall-persuni li jimpjegaw u għall-ħaddiema, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, li jwettqu jew li jordnaw it-twettiq ta’ xogħol portwali fiż-żoni portwali Belġjani, jew li huma stabbiliti fiż-żoni portwali jew li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom hemmhekk.

19

Dik il-qorti tiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li d-Digriet Irjali tal‑2004 jirregola x-xogħol portwali fiż-żoni portwali (marittimi) li jinsabu fil-Belġju, fosthom il-portijiet ta’ Antwerpen (il-Belġju) u ta’ Zeebrugge (il-Belġju) li huma portijiet tal-baħar intiżi għat-trasport internazzjonali, jiġifieri ambjent kompetittiv ħafna. Għaldaqstant, l-interess nettament transkonfinali taż-żoni portwali marittimi ma għandux jintesa, fid-dawl b’mod partikolari tal-attivitajiet ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni mwettqa fihom, tad-diversi operaturi internazzjonali, li ġejjin b’mod partikolari minn Stati Membri oħra li huma attivi fihom, tal-attivitajiet kummerċjali li jitwettqu hemmhekk fis-settur tal-kummerċ internazzjonali u tal-attrazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni f’post li jista’ jkun interessanti għall-operaturi barranin u għall-ħaddiema barranin, jekk ikun il-każ ta’ Stati Membri qrib, li jkunu jixtiequ jużaw lil dawn l-operaturi sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-imsemmija qorti tqis li t-tilwima li hija adita biha ma tikkonċernax sitwazzjoni purament interna, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

20

Fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema, żgurat mill-Artikolu 45 TFUE, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) josserva li Katoen Natie Bulk Terminals u General Services Antwerp huma kumpanniji loġistiċi Belġjani li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’żoni portwali Belġjani li, sabiex iwettqu l-għan soċjali tagħhom, għandhom l-intenzjoni li jimpjegaw ħaddiema portwali oħra minbarra ħaddiema portwali rrikonoxxuti, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom. Fil-kwalità tagħhom ta’ persuni li jimpjegaw li jixtiequ jimpjegaw, fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti, ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, dawn il-kumpanniji jistgħu għalhekk jinvokaw il-moviment liberu tal-ħaddiema, stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE. Sa fejn jidher li l-kundizzjonijiet li jinsabu fid-Digriet Irjali tal‑2004 jikkumplikaw, għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, it-twettiq tax-xogħol portwali fit-territorju Belġjan u jinvolvu ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, persuni li jimpjegaw bħalma huma l-imsemmija kumpanniji għandhom ukoll ikunu jistgħu jopponu tali leġiżlazzjoni. Dan juri wkoll li l-kawża pendenti quddiem dik il-qorti ma tistax tiġi ridotta għal sitwazzjoni purament interna.

21

Fir-rigward tal-mertu tat-tilwima, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jippreċiża li Katoen Natie Bulk Terminals u General Services Antwerp, essenzjalment, jikkontestaw seba’ miżuri li jinsabu fid-Digriet Irjali tal-2004 li ġew stabbiliti jew emendati mid-Digriet Irjali tal‑2016.

22

Dik il-qorti titlaq mill-premessa li dawn il-miżuri kollha jikkostitwixxu ostakolu għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE, peress li dawn jistgħu jikkumplikaw jew jirrendu inqas attraenti għall-ħaddiema, fosthom dawk li joriġinaw minn Stat Membru ieħor, it-twettiq ta’ xogħol portwali f’żona portwali Belġjana, kif ukoll ir-reklutaġġ ta’ tali ħaddiema mill-persuni li jimpjegaw.

23

Fir-rigward ta’ ġustifikazzjoni eventwali ta’ dawn l-ostakoli fid-dawl ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, l-imsemmija qorti tosserva li Katoen Natie Bulk Terminals u General Services Antwerp jikkontestaw li l-imsemmija miżuri huma “xierqa” fil-ġeneralità tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, li huwa li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u, b’dan il-mod, is-sigurtà kif ukoll il-protezzjoni tad-dritt tax-xogħol tal-ħaddiema portwali. Huma jikkontestaw ukoll li dawn l-istess miżuri huma proporzjonati u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan mingħajr ma huma diskriminatorji.

24

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, ir-rikonoxximent obbligatorju tal-ħaddiema portwali kollha li ma humiex inkarigati li jwettqu kompiti loġistiċi mill-Kummissjoni Amministrattiva msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Digriet Irjali tal‑2004 u li hija komposta minn organizzazzjonijiet ta’ persuni li jimpjegaw u organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni Amministrattiva”), l-assenza ta’ garanziji proċedurali suffiċjenti f’dan ir-rigward u l-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-bżonn ta’ ħaddiema għall-finijiet ta’ inklużjoni fil-pool, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jikkonstata li, fid-dritt Belġjan, deċiżjoni pożittiva jew negattiva tal-Kummissjoni Amministrattiva fuq l-għoti ta’ rikonoxximent bħala ħaddiem portwali tista’ tiġi direttament ikkontestata permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja.

25

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-verifika tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent relatati mal-kapaċità medika u mal-fatt li l-persuna tkun għaddiet mit-testijiet psikotekniċi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-kundizzjoni addizzjonali, stabbilita fl-Artikolu 4(1)(8) tad-Digriet Irjali tal‑2004, li teżiġi li l-ħaddiem ikollu, barra minn hekk, kuntratt ta’ xogħol, hijiex adegwata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, li huwa li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali.

26

Għal dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, it-tul tar-rikonoxximent tal-ħaddiema li ma humiex inklużi fil-pool, kif ukoll is-sistema tranżitorja stabbilita mid-Digriet Irjali tal‑2004, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) josserva li, kull darba li l-ħaddiem jikseb kuntratt ta’ xogħol, huwa għandu jwettaq il-proċedura ta’ rikonoxximent, irrispettivament mir-raġuni għalfejn il-kuntratt ta’ xogħol preċedenti tiegħu jkun intemm.

27

Ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) josserva, fir-raba’ lok, li, permezz tas-sistema tranżitorja prevista mid-Digriet Irjali tal‑2004, kuntratt ta’ xogħol konkluż qabel it‑30 ta’ Ġunju 2017 kellu jkun stabbilit għal żmien indeterminat. Imbagħad, suċċessivament, kuntratt konkluż mill‑1 ta’ Lulju 2017 kellu jkun stabbilit għal perijodu ta’ mill-inqas sentejn, mill‑1 ta’ Lulju 2018, għal perijodu ta’ mill-inqas sena u mill‑1 ta’ Lulju 2019, għal perijodu ta’ mill-inqas sitt xhur. Huwa biss mill‑1 ta’ Lulju 2020 li t-tul tal-kuntratt ta’ xogħol seta’ jiġi ddeterminat liberament. Għalhekk, l-istatus ta’ ħaddiem portwali suġġett, skont l-Artikolu 2(3) tad-Digriet Irjali tal‑2004, għas-sistema komuni prevista mil-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Xogħol, huwa nettament inqas attraenti minn dak tal-ħaddiem portwali inkluż fil-pool, li jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni mhux ġustifikata għall-moviment liberu.

28

F’dak li jirrigwarda, fil-ħames lok, ir-rikonoxximent ipso jure tal-ħaddiema portwali kollha li huma impjegati bħala ħaddiema portwali “inklużi fil-pool”, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) josserva li, skont Katoen Natie Bulk Terminals u General Services Antwerp, din il-miżura ċċaħħad lill-persuni li jimpjegaw mid-dritt li jiksbu xogħol ta’ kwalità permezz tal-konklużjoni direttament mal-ħaddiema portwali ta’ kuntratt permanenti li jiżguralhom sigurtà ta’ impjieg skont ir-regoli tad-dritt industrijali komuni, peress li dawn il-ħaddiema jibqgħu inklużi “ipso jure” fil-pool. Tqum il-kwistjoni dwar jekk miżura bħal din għandhiex titqies bħala xierqa u proporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex, u għaldaqstant konformi mal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll mal-moviment liberu tal-ħaddiema.

29

Fis-sitt lok, fir-rigward tal-obbligu li jiġu stabbiliti permezz ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol (iktar ’il quddiem “FKX”) il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-impjieg tal-ħaddiema, sabiex jitwettaq xogħol f’żona portwali oħra li ma hijiex dik li fiha dawn kisbu r-rikonoxximent, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi jekk tali miżura hijiex raġonevoli u proporzjonata jew jekk, kif isostnu Katoen Natie Bulk Terminals u General Services Antwerp, jistax jiġi sostnut b’mod raġonevoli li l-mobbiltà tal-ħaddiema bejn żoni differenti tal-portijiet għandha tiġi ristretta u suġġetta għal kundizzjonijiet addizzjonali minħabba s-sigurtà fiż-żoni portwali.

30

Fl-aħħar nett, fis-seba’ lok, fir-rigward tal-obbligu, għall-ħaddiema li jwettqu xogħol loġistiku, kif iddefinit fl-Artikolu 1(3) tad-Digriet Irjali tal‑2004 (iktar ’il quddiem il-“ħaddiema loġistiċi”), li jkollhom “ċertifikat ta’ sigurtà”, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iqis li tali miżura hija intiża sabiex tiżgura s-sigurtà b’mod ġenerali u, minħabba f’dan il-fatt, ukoll dik tal-ħaddiema kkonċernati. Madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk tali miżura, interpretata fis-sens li l-imsemmi ċertifikat ta’ sigurtà għandu jintalab kull darba li kuntratt ta’ xogħol ġdid jiġi konkluż, tirrappreżentax piż amministrattiv sinjifikattiv u sproporzjonat, fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikol[i] 49, 56, 45, 34, 35, 101 jew 102 TFUE, moqri[ja] flimkien mal-Artikolu 106(1) TFUE jew le għand[hom] jiġ[u] interpretat[i] fis-sens li jippreklud[u] d-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1 tad-[Digriet Irjali tal‑2004], moqri flimkien mal-Artikolu 2 [ta’ dan id-digriet irjali], li hija d-dispożizzjoni li tipprevedi li l-ħaddiema tal-baċiri msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmi [digriet irjali] huma, mar-rikonoxximent tagħhom mill-Kummissjoni Amministrattiva kkostitwita, b’mod konġunt, minn naħa minn membri maħtura mill-organizzazzjonijiet tal-persuni li jħaddmu rrappreżentati fi ħdan is-sottokumitat konġunt ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, minn membri maħtura mill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema rrappreżentati fi ħdan is-sottokumitat konġunt, inklużi jew le fil-pool tal-ħaddiema tal-baċiri, fejn ir-rikonoxximent għall-iskop tal-inklużjoni fil-pool jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonn ta’ ħaddiema, b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-fatt li l-ebda terminu massimu ma huwa previst li fih il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tagħti deċiżjoni u tal-fatt li appell ġudizzjarju biss huwa previst kontra d-deċiżjonijiet tagħha dwar ir-rikonoxximent?

2)

L-Artikol[i] 49, 56, 45, 34, 35, 101 jew 102 TFUE, moqri[ja] flimkien mal-Artikolu 106(1) TFUE jew le għand[hom] jiġ[u] interpretat[i] fis-sens li jippreklud[u] regola stabbilita mis-subparagrafi 2, 3, 6 u 8 tal-Artikolu 4(1) tad-[Digriet Irjali tal‑2004], li hija r-regola li timponi bħala kundizzjoni għar-rikonoxximent bħala ħaddiem tal-baċir li l-ħaddiem [a)], ikun iddikjarat medikament kapaċi għax-xogħol tal-baċiri mis-servizz estern għall-prevenzjoni u l-protezzjoni tax-xogħol, li miegħu hija affiljata l-organizzazzjoni tal-persuni li jħaddmu li nħatret bħala mandatarja konformement mal-Artikolu 3[bis] tal-Liġi [li Tirregola x-Xogħol Portwali], [b)], ikun għadda mit-testijiet psikotekniċi mwettqa mill-organu maħtur għal dan il-għan mill-organizzazzjoni tal-persuni li jħaddmu li inħatret bħala mandatarja konformement ma’ dan l-istess Artikolu 3[bis] tal-Liġi [li Tirregola x-Xogħol Portwali], [c)], ikun ħa sehem għal tliet ġimgħat f’korsijiet preparatorji dwar is-sigurtà fuq ix-xogħol u għall-ksib ta’ kwalifika professjonali u jkun għadda mill-eżami finali u, [d)], ikun diġà fil-pussess ta’ kuntratt ta’ xogħol fil-każ ta’ ħaddiem tal-biċiri li ma jkunx inkluż fil-pool, li meta moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) tad-[Digriet Irjali tal-2004], iffisser li l-ħaddiema tal-baċiri barranin għandhom ikunu jistgħu juru li huma jissodisfaw, fi Stat Membru ieħor, kundizzjonijiet ekwivalenti, sabiex għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-digriet preżenti, ma jkunux suġġetti għal dawn il-kundizzjonijiet?

3)

L-Artikol[i] 49, 56, 45, 34, 35, 101 jew 102 TFUE, moqri[ja] flimkien mal-Artikolu 106(1) TFUE jew le għand[hom] jiġ[u] interpretat[i] fis-sens li jippreklud[u] regola stabbilita mill-Artikolu 2(3) tad-[Digriet Irjali tal-2004], li hija r-regola li permezz tagħha l-ħaddiema tal-baċiri, li ma humiex inklużi fil-pool u li, minħabba f’hekk huma direttament ingaġġati minn persuna li tħaddem permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol konformement mal-liġi […] ikollhom it-tul tar-rikonoxximent limitat għat-tul ta’ dan il-kuntratt ta’ xogħol b’tali mod li kull darba tkun trid tinbeda proċedura ġdida ta’ rikonoxximent?

4)

L-Artikol[i] 49, 56, 45, 34, 35, 101 jew 102 TFUE, moqri[ja] flimkien mal-Artikolu 106(1) TFUE jew le għand[hom] jiġ[u] interpretat[i] fis-sens li jippreklud[u] regola stabbilita mill-Artikolu 13/1 tad-[Digriet Irjali tal‑2004] li hija r-regola transizzjonali li tipprevedi li l-kuntratt ta’ xogħol imsemmi fit-tielet domanda preliminari għandu inizjalment jiġi konkluż għal żmien indeterminat, [fit-tieni stadju,] mill-1 ta’ Lulju 2017 għal perijodu ta’ mill-inqas sentejn; [fit-tielet stadju,] mill-1 ta’ Lulju 2018 għal perijodu ta’ mill-inqas sena; [fir-raba’ stadju,] mill-1 ta’ Lulju 2019 għal perijodu ta’ mill-inqas sitt xhur; [u, fl-aħħar nett, fir-raba’ stadju,] mill-1 ta’ Lulju 2020 għal perijodu li għandu jiġi ddeterminat liberament?

5)

L-Artikol[i] 49, 56, 45, 34, 35, 101 jew 102 TFUE, moqri[ja] flimkien mal-Artikolu 106(1) TFUE jew le għand[hom] jiġ[u] interpretat[i] fis-sens li jippreklud[u] regola stabbilita mill-Artikolu 15/1 tad-[Digriet Irjali tal-2004] li hija r-regola (transizzjonali) li tipprovdi li l-ħaddiema tal-baċiri rrikonoxxuti fil-leġiżlazzjoni l-antika jiġu rrikonoxxuti awtomatikament bħala ħaddiema tal-baċiri fil-pool u dan jostakola l-possibbiltà li persuna li tħaddem timpjega direttament lil dawn il-ħaddiema tal-baċiri (b’kuntratt permanenti) u jipprojbixxi lill-persuni li jħaddmu milli jimpjegaw u jżommu ħaddiema ta’ kwalità billi jikkonkludu kuntratt permanenti direttament magħhom u joffrulhom sigurtà ta’ impjieg skont ir-regoli tad-dritt industrijali komuni?

6)

L-Artikol[i] 49, 56, 45, 34, 35, 101 jew 102 TFUE, moqri[ja] flimkien mal-Artikolu 106(1) TFUE jew le għand[hom] jiġ[u] interpretat[i] fis-sens li jippreklud[u] regola stabbilita mill-Artikolu 4(2) tad-[Digriet Irjali tal-2004] li hija r-regola li tipprevedi li [FKX] jiddetermina l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li skonthom ħaddiem tal-baċiri jista’ jiġi impjegat f’żona tal-port li ma hijiex dik fejn ġie rrikonoxxut, aspett li jillimita l-mobbiltà tal-ħaddiema bejn iż-żoni tal-port mingħajr ma l-leġiżlatur jistabbilixxi huwa stess indikazzjonijiet ċari ta’ dawk li jistgħu jkunu dawn il-kundizzjonijiet u modalitajiet?

7)

L-Artikol[i] 49, 56, 45, 34, 35, 101 jew 102 TFUE, moqri[ja] flimkien mal-Artikolu 106(1) TFUE jew le għand[hom] jiġ[u] interpretat[i] fis-sens li jippreklud[u] regola stabbilita mill-Artikolu 1(3) tad-[Digriet Irjali tal-2004] li tipprovdi li l-ħaddiema (tal-loġistika) li jwettqu xogħol fis-sens tal-Artikolu 1tad-[Digriet Irjali tal-1973] f’postijiet fejn il-merkanzija tiġi suġġetta għal transformazzjoni bi preparazzjoni għad-distribuzzjoni jew spedizzjoni sussegwenti, li indirettament toħloq valur miżjud li jista’ jintwera, għandhom ikunu fil-pussess ta’ ċertifikat tas-sigurtà, fejn dan iċ-ċertifikat ta’ sigurtà jgħodd bħala rikonoxximent fis-sens tal-[Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali], b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li dan iċ-ċertifikat tas-sigurtà huwa mitlub mill-persuna li timpjega li ffirmat kuntratt ta’ xogħol ma’ ħaddiem sabiex iwettaq attivitajiet f’dan is-sens u li nħareġ fuq preżentazzjoni tal-karta tal-identità jew tal-kuntratt ta’ xogħol u fejn il-modalitajiet tal-proċedura li għandha tiġi segwita huma stabbiliti minn [FKX], mingħajr ma l-leġiżlatur jipprovdi indikazzjonijiet ċari fuq dan il-punt?”

Il-Kawża C‑471/19

32

Middlegate Europe hija impriża tat-trasport stabbilita f’Zeebrugge li topera fl-Ewropa kollha. Fil-qafas tat-trasport internazzjonali bit-triq, il-ħaddiema tagħha, bl-għajnuna ta’ trattur tal-irmonk, fil-mollijiet tal-port ta’ Zeebrugge, fost affarijiet oħrajn, jippreparaw trejlers għat-tagħbija tagħhom b’destinazzjoni lejn ir-Renju Unit u l-Irlanda.

33

Fit‑12 ta’ Jannar 2011, ħaddiem li, fil-kuntest ta’ trasport bit-triq internazzjonali minn Virton (il-Belġju) lejn Bury (ir-Renju Unit), ipprepara tali tagħbijiet ġie suġġett għal kontroll tal-pulizija. Wara dan il-kontroll, il-pulizija indirizzat proċess verbali kontra Middlegate Europe għall-ksur tal-Artikolu 1 tal-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali, jiġifieri xogħol portwali mwettaq minn ħaddiem portwali mhux irrikonoxxut.

34

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2013, ġiet imposta fuq Middlegate Europe multa ta’ EUR 100. Din il-kumpannija ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-arbeidsrechtbank Gent, afdeling Brugge (it-Tribunal Industrijali ta’ Gent, it-Taqsima ta’ Brugge, il-Belġju). Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2014, dik il-qorti ċaħdet ir-rikors bħala infondat. Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Novembru 2016, l-arbeidshof te Gent (il-Qorti Industrijali ta’ Gent, il-Belġju) ċaħdet l-appell ippreżentat mis-sentenza fl-ewwel istanza bħala infondat.

35

Middlegate Europe sussegwentement ippreżentat appell kontra l-imsemmija sentenza quddiem il-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju). Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, hija sostniet li l-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali jiksru l-Artikoli 10, 11 u 23 tal-Kostituzzjoni Belġjana, sa fejn jiksru l-libertà tal-kummerċ u tal-industrija tal-impriżi. Fuq talba ta’ Middlegate Europe, il-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) iddeċidiet li tressaq żewġ domandi preliminari lill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑471/19, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju).

36

Dik il-qorti tirrileva li l-libertà tal-kummerċ u tal-industrija, kif stabbilita mill-Kostituzzjoni Belġjana, hija marbuta mill-qrib mal-libertà professjonali, mad-dritt għax-xogħol u mal-libertà ta’ intrapriża, li huma ggarantiti mill-Artikoli 15 u 16 tal-Karta u ma’ diversi libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE, bħal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 56 TFUE) u l-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE).

37

Fl-ewwel lok, il-Qorti Kostituzzjonali tqis li l-obbligu impost, skont il-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali, fuq l-impriżi li jixtiequ jwettqu, f’żona portwali, xogħol portwali, inklużi attivitajiet minbarra dawk tat-tagħbija u l-ħatt ta’ vapuri, li jirrikorru biss għal ħaddiema portwali rrikonoxxuti u li jissieħbu b’mod obbligatorju għal dan il-għan ma’ organizzazzjoni rappreżentattiva tal-persuni li jimpjegaw irrikonoxxuta, jidher li jirrestrinġi, fir-rigward ta’ dawn l-impriżi, l-għażla ħielsa tal-persunal u l-libertà ta’ negozju tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

38

Għaldaqstant, dik il-qorti tqis li l-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali jinvolvu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑576/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2430), hija tistaqsi jekk din ir-restrizzjoni hijiex iġġustifikata jew le, fid-dawl tal-karatteristiċi u taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tax-xogħol portwali.

39

Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li l-għan tal-leġiżlatur Belġjan, fl-adozzjoni tal-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali, kien li jipproteġi l-professjoni ta’ ħaddiem portwali billi jipprojbixxi lill-ħaddiema mhux irrikonoxxuti milli jwettqu xogħol portwali. Fil-fatt, bl-istabbiliment legali tal-istatus ta’ “ħaddiem portwali rrikonoxxut” — li huwa strettament marbut man-natura speċifika, diffiċli u perikoluża tax-xogħol portwali — dan il-leġiżlatur ipprova jirriżerva l-attivitajiet ta’ tagħbija u ħatt tal-merkanzija fil-portijiet, li t-tekniċità tagħhom tiżviluppa malajr, esklużivament għal ħaddiema li wettqu taħriġ professjonali sod, intiż għall-evalwazzjoni kemm tal-kwalifiki professjonali tagħhom kif ukoll tal-kapaċitajiet fiżiċi u intellettwali tagħhom. Bl-istabbiliment ta’ dan l-istatus u l-monopolju tax-xogħol li huwa marbut miegħu, l-imsemmi leġiżlatur ried ukoll jindirizza t-tħassib li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u li jiġu evitati inċidenti fuq il-post tax-xogħol, minn naħa, u n-neċessità li kuljum ikollu ħaddiema speċjalizzati sabiex ikun hemm produttività, servizz u kompetittività, min-naħa l-oħra. Bl-impożizzjoni tas-sħubija tal-persuna li timpjega ma’ organizzazzjoni unika ta’ persuni li jimpjegaw awtorizzata minn żona portwali, li taġixxi bħala segretarjat soċjali maniġerjali, il-leġiżlatur Belġjan ipprova, barra minn hekk, jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tad-drittijiet soċjali bejn il-ħaddiema portwali kollha meta mqabbla mal-obbligi kollha tad-dritt soċjali li jirriżultaw mill-istatus ta’ ħaddiem portwali rrikonoxxut.

40

Fit-tieni lok, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fl-istennija tal-intervent tal-leġiżlatur Belġjan, il-konstatazzjoni pura u sempliċi tal-antikostituzzjonalità tal-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali jista’ jkollha l-effett li eluf ta’ ħaddiema portwali jsibu ruħhom għal għarrieda, matul ċertu perijodu ta’ żmien, f’sitwazzjoni ta’ inċertezza kbira f’dak li jirrigwarda l-istatus legali tagħhom fis-suq tax-xogħol, li jista’ jkollu konsegwenzi soċjali u finanzjarji negattivi għall-ħaddiema portwali. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu, fl-istess ċirkustanzi, ikunu wkoll ikkonfrontati b’konsegwenzi serji.

41

Sabiex tiġi evitata, jekk ikun il-każ, l-inċertezza legali u l-malesseri soċjali, u sabiex il-leġiżlatur Belġjan ikun jista’ jemenda l-organizzazzjoni tax-xogħol portwali fiż-żoni portwali b’mod konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Kostituzzjoni Belġjana, moqrija flimkien mal-libertà tal-kummerċ u tal-industrija ggarantiti mill-Artikoli 15 u 16 tal-Karta u mal-Artikolu 49 TFUE, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) tirrileva li hija tista’, skont id-dritt Belġjan, iżżomm temporanjament l-effetti tal-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 49 [TFUE], moqri jew le flimkien mal-Artikolu 56 tal-istess Trattat, mal-Artikoli 15 u 16 tal-[Karta] u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq persuni jew fuq impriżi li jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet portwali f’żona portwali Belġjana fis-sens tal-[Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali] – l-obbligu li jużaw biss ħaddiema portwali awtorizzati?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-[Qorti kostituzzjonali] tista’ żżomm provviżorjament l-effetti tal-Artikoli 1 u 2, inkwistjoni tal-[Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali] sabiex tiġi evitata inċertezza legali u malesseri soċjali, u sabiex tippermetti li l-leġiżlatur jemendahom b’mod konformi mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni Ewropea?”

43

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Lulju 2020, il-Kawżi C‑407/19 u C‑471/19 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

44

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Ottubru 2020, Katoen Natie Bulk Terminals, General Services Antwerp u Middlegate Europe talbu li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

45

Insostenn tat-talba tagħhom, huma sostnew, essenzjalment, minn naħa, li minn ċerti dokumenti li saru aċċessibbli wara l-qari tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jirriżulta li l-Gvern Belġjan kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-persuni li jimpjegaw u tal-ħaddiema tas-settur portwali kienu ftiehmu u ddeċidew li jimxu mal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ssegwi l-proposti tal-Avukat Ġenerali. Min-naħa l-oħra, huma jixtiequ jiġbdu l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjonijiet reċenti fil-qasam tax-xogħol portwali mogħtija minn qrati tal-Istati Membri.

46

Bis-saħħa tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma jkollhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie diskuss mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

47

F’din il-kawża, dan ma huwiex il-każ. Il-pożizzjoni li l-Gvern Belġjan kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-persuni li jimpjegaw u tal-ħaddiema fis-settur portwali għandhom l-intenzjoni li jadottaw fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-proposti fformulati mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu hija irrilevanti għar-risposta li għandha tingħata għad-domandi tal-qrati tar-rinviju f’dawn il-kawżi. Bl-istess mod, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji reċenti, imsemmija minn Katoen Natie Bulk Terminals, General Services Antwerp u Middlegate Europe fit-talba tagħhom għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, lanqas ma jippreżentaw tali rilevanza. Dawn huma, minn naħa, deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Spanjola adottata wara l-għoti tas-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑576/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2430) u, min-naħa l-oħra, sentenza ta’ qorti Olandiża, mingħajr rabta mal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

48

Barra minn hekk, sa fejn, fit-talba tagħhom għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, Katoen Natie Bulk Terminals, General Services Antwerp u Middlegate Europe jesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom ma’ ċerti evalwazzjonijiet li jinsabu fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar ma jipprevedux il-possibbiltà għall-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu r-rwol li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bir-raġunijiet li fl-aħħar tagħhom huwa jasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, irrispettivament mill-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

51

Għandu jiġi kkonstatat li, kemm fil-Kawża C‑407/19, kif ukoll fil-Kawża C‑471/19, l-elementi tat-tilwima huma limitati għal Stat Membru wieħed biss.

52

F’dan ir-rigward, minn naħa, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif, minkejja n-natura purament interna tagħha, it-tilwima pendenti quddiemha għandha element ta’ rabta mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali li jirrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 55). Issa, kif jirriżulta mill-punti 18 sa 20 ta’ din is-sentenza, fil-Kawża C‑407/19, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) ħa ħsieb jispjega kif in-natura internazzjonali taż-żoni portwali li jinsabu fil-Belġju tippermetti li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjonijiet ikkonċernati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli jippreżentaw tali element ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jidhru li huma trasponibbli bis-sħiħ għat-tilwima li biha hija adita l-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) fil-Kawża C‑471/19.

53

Għall-kuntrarju, meta l-qorti tar-rinviju adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura għal annullament ta’ dispożizzjonijiet applikabbli mhux biss għaċ-ċittadini nazzjonali, iżda wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, id-deċiżjoni li dik il-qorti ser tadotta wara s-sentenza tagħha mogħtija wara domanda preliminari ser tipproduċi l-istess effetti fir-rigward ta’ dawn iċ-ċittadini tal-aħħar, liema fatt jiġġustifika li hija tirrispondi għad-domandi li sarulha b’rabta mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali minkejja l-fatt li l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma limitati fi Stat Membru wieħed biss (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-kunsiderazzjoni tapplika wkoll fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda l-konformità ta’ tali dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Issa, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma applikabbli mingħajr distinzjoni kemm għaċ-ċittadini Belġjani kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

54

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq id-domandi preliminari kollha.

Fuq id-domandi preliminari fil-Kawża C‑471/19

Fuq l-ewwel domanda

55

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑471/19, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikoli 15 u 16 tal-Karta, kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil persuni jew impriżi li jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet portwali f’żona portwali, inklużi attivitajiet oħra minbarra t-tagħbija u l-ħatt ta’ vapuri fis-sens strett tal-kelma, jirrikorru biss għal ħaddiema portwali rrikonoxxuti bħala tali skont il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet stabbiliti b’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni.

56

Qabelxejn għandu jiġi indikat li, fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-Artikoli 15 u 16 tal-Karta, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-impriżi li jixtiequ jipprovdu servizzi portwali għandhom b’mod obbligatorju jirrikorru għal ħaddiema portwali rrikonoxxuti, eżami tar-restrizzjoni kkawżata minn leġiżlazzjoni nazzjonali skont l-Artikoli 49 u 56 TFUE jkopri wkoll l-eventwali restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet previsti fl-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta, b’tali mod li eżami separat għal eventwali inkompatibbiltà mal-libertà ta’ intrapriża ma huwiex neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet, C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Sa fejn il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑471/19 invokat, fl-ewwel domanda tagħha, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista minn din id-domanda, tapplika bl-istess mod għall-operaturi kemm residenti kif ukoll mhux residenti li, għaldaqstant, huma ttrattati b’mod ugwali.

58

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE jipprekludu kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward tan-nazzjonalità, hija ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mill-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Consorzio Stabile Libor Lavori Pubblici, C‑358/12, EU:C:2014:2063, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Issa, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑471/19 u bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tobbliga lill-impriżi li joriġinaw minn Stati Membri oħra li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom f’dan l-Istat Membru sabiex jeżerċitaw hemmhekk attivitajiet portwali jew li, mingħajr ma jistabbilixxu ruħhom hemmhekk, jixtiequ jipprovdu servizzi portwali hemmhekk, jirrikorru biss għal ħaddiema portwali rrikonoxxuti bħala tali skont din il-leġiżlazzjoni, tipprojbixxi lil tali impriża milli tirrikorri għall-persunal tagħha stess jew li timpjega ħaddiema oħra mhux irrikonoxxuti u, għaldaqstant, tista’ tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-istabbiliment ta’ din l-impriża fl-Istat Membru kkonċernat jew it-twettiq minnha ta’ servizzi fl-imsemmi Stat Membru.

60

Hija tikkostitwixxi, għalhekk, restrizzjoni għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑576/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2430, punti 3738).

61

Tali restrizzjonijiet jistgħu jkunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan, jiġifieri jekk ma jkunux jeżistu miżuri inqas restrittivi li jippermettu li dan jintlaħaq b’mod daqstant effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C‑438/05, EU:C:2007:772, punt 75; tal‑10 ta’ Lulju 2014, Consorzio Stabile Libor Lavori Pubblici, C‑358/12, EU:C:2014:2063, punt 31; u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑576/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2430, punti 4753).

62

Mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑471/19, miġbura fil-qosor fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li jikkoinċidu mal-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi, essenzjalment, li jiżguraw is-sigurtà fiż-żoni portwali u li jiġu evitati l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, li jiżguraw id-disponibbiltà ta’ ħaddiema speċjalizzati fid-dawl tat-talba li tvarja f’dawn iż-żoni, kif ukoll li jiżguraw l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ drittijiet soċjali bejn il-ħaddiema portwali kollha.

63

L-ewwel nett, fir-rigward tal-għan intiż li jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tad-drittijiet soċjali bejn il-ħaddiema portwali kollha, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tal-ħaddiema tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertajiet ta’ moviment (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C‑438/05, EU:C:2007:772, punt 77, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑576/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2430, punt 50).

64

Madankollu, tali għan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil persuni jew lil impriżi li jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet portwali f’żona portwali li jużaw biss ħaddiema portwali rrikonoxxuti, sa fejn is-sempliċi fatt, għal ħaddiem portwali, li jiġi rrikonoxxut bħala tali ma jimplikax li ser igawdi neċessarjament mill-istess drittijiet soċjali bħall-ħaddiema l-oħra portwali rrikonoxxuti. Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dan il-għan jista’ jintlaħaq permezz tal-obbligu tal-persuni li jimpjegaw ħaddiema portwali li jissieħbu ma’ organizzazzjoni unika. Issa, tali obbligu jista’ jiġi impost b’applikazzjoni tal-Artikolu 3 bis tal-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali, li ma huwiex kopert minn din id-domanda.

65

It-tieni nett, fir-rigward tal-għan intiż li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ ħaddiema speċjalizzati, sa fejn dan jista’ jitqies li jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, sistema riġida, li tipprevedi l-kostituzzjoni ta’ grupp limitat ta’ ħaddiema portwali rrikonoxxuti li kull impriża li tixtieq teżerċita attivitajiet portwali għandha b’mod obbligatorju tirrikorri għalih, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ ħaddiema speċjalizzati.

66

It-tielet nett, fir-rigward tal-għan iktar speċifiku intiż li jiżgura s-sigurtà fiż-żoni portwali u li jiġu evitati l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, kif jirriżulta mill-punt 63 ta’ din is-sentenza, il-protezzjoni tal-ħaddiema hija waħda mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertajiet ta’ moviment.

67

L-istess japplika għall-għan iktar speċifiku intiż li jiżgura s-sigurtà fiż-żoni portwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑576/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2430, punti 49 sa 52).

68

F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 70 u 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn l-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali huma limitati għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ rikonoxximent tal-ħaddiema portwali, li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet konkreti ta’ implimentazzjoni tagħha għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ atti adottati skont l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, ma jistax jitqies li dawn id-dispożizzjonijiet huma, fihom innifishom, inadegwati jew sproporzjonati sabiex jintlaħaq l-għan intiż li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u sabiex jiġu evitati l-inċidenti fil-post tax-xogħol.

69

Fil-fatt, in-natura neċessarja u proporzjonata ta’ tali sistema u, konsegwentement, il-kompatibbiltà tagħha mal-Artikoli 49 u 56 TFUE, għandha tiġi evalwata b’mod globali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet kollha previsti għar-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali kif ukoll tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ tali sistema.

70

Leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-impriżi li jixtiequ jipprovdu servizzi portwali għandhom b’mod obbligatorju jirrikorru għal ħaddiema portwali rrikonoxxuti tista’ titqies li hija proporzjonata meta mqabbla mal-għan imfittex biss jekk ir-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi limitat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità responsabbli għar-rikonoxximent tagħhom u li jiġi żgurat li din ma tintużax b’mod arbitrarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑389/05, EU:C:2008:411, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Barra minn hekk, peress li l-għan ta’ tali leġiżlazzjoni huwa li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u li jiġu evitati inċidenti fuq il-post tax-xogħol, il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali għandhom loġikament jirrigwardaw biss il-punt dwar jekk dawn għandhomx il-kwalitajiet u l-kapaċitajiet neċessarji sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom b’sigurtà sħiħa.

72

Għal dan il-għan, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, jista’, jekk ikun il-każ, jiġi previst li, sabiex jiġu rrikonoxxuti, il-ħaddiema portwali għandu jkollhom taħriġ professjonali suffiċjenti.

73

Madankollu, rekwiżit li tali taħriġ għandu jingħata jew jiġi ċċertifikat minn organu wieħed partikolari fl-Istat Membru kkonċernat, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-eventwali rikonoxximent tal-persuni kkonċernati bħala ħaddiema portwali fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, jew tat-taħriġ li dawn ikunu segwew fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni u tal-kompetenzi professjonali li jkunu kisbu hemmhekk, ikun sproporzjonat meta mqabbel mal-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑317/14, EU:C:2015:63, punti 27 sa 29).

74

Barra minn hekk, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-limitazzjoni tan-numru ta’ ħaddiema portwali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikonoxximent u, għaldaqstant, il-kostituzzjoni ta’ grupp ristrett ta’ tali ħaddiema, li għalihom kull impriża li tixtieq teżerċita attivitajiet portwali għandha tirrikorri b’mod obbligatorju, sa fejn jiġi preżunt li din tkun xierqa sabiex tiżgura s-sigurtà fiż-żoni portwali, hija ċertament sproporzjonata, meta mqabbla mat-twettiq ta’ tali għan.

75

Fil-fatt, dan il-għan jista’ jintlaħaq ukoll billi jiġi previst li kull ħaddiem li jkun kapaċi juri li huwa għandu l-kapaċitajiet professjonali meħtieġa u, jekk ikun il-każ, ikun segwa taħriġ xieraq jista’ jiġi rrikonoxxut bħala ħaddiem portwali.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑471/19 għandha tkun li l-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil persuni jew impriżi li jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet portwali f’żona portwali, inklużi attivitajiet oħra minbarra t-tagħbija u l-ħatt ta’ vapuri fis-sens strett tal-kelma, li jirrikorru biss għal ħaddiema portwali rrikonoxxuti bħala tali skont il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet stabbiliti b’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, sa fejn l-imsemmija kundizzjonijiet u modalitajiet, minn naħa, ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji, magħrufa minn qabel u li jippermettu lill-ħaddiema portwali ta’ Stati Membri oħra juru li huma jissodisfaw, fl-Istat ta’ oriġini tagħhom, rekwiżiti ekwivalenti għal dawk applikati għall-ħaddiema portwali nazzjonali u, min-naħa l-oħra, ma jistabbilixxux grupp limitat ta’ ħaddiema li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali rikonoxximent.

Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑471/19

77

It-tieni domanda fil-Kawża C‑471/19 tirrigwarda l-każ li mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li l-Artikoli 49 u 56 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali. Il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’tali każ, hija tistax iżżomm provviżorjament l-effetti ta’ dawn l-artikoli, sabiex tevita inċertezza legali u malesseri soċjali fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat.

78

Issa, mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi li torganizza x-Xogħol Portwali ma humiex, bħala tali, inkompatibbli mal-libertajiet stabbiliti fl-Artikoli 49 u 56 TFUE, iżda li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà, ma’ dawn il-libertajiet, tas-sistema stabbilita skont tali dispożizzjonijiet teħtieġ approċċ globali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet u tal-modalitajiet kollha tal-implimentazzjoni ta’ tali sistema.

79

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari fil-Kawża C‑471/19.

Fuq id-domandi preliminari fil-Kawża C‑407/19

Osservazzjonijiet preliminari

80

Id-domandi preliminari fil-Kawża C‑407/19 huma intiżi sabiex jippermettu lill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża tevalwa l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjonijiet differenti tad-Digriet Irjali tal-2004, li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi li Tirregola x-Xogħol Portwali. Dik il-qorti tirreferi, f’dan il-kuntest, għad-diversi libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat.

81

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑471/19 jirriżulta li tali leġiżlazzjoni taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantiti, rispettivament, mill-Artikoli 49 u 56 TFUE.

82

Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat li tali leġiżlazzjoni taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE. Fil-fatt, il-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jiġi invokat mhux biss mill-ħaddiema stess, iżda wkoll mill-persuni li jimpjegawhom. Sabiex ikun effikaċi u utli, id-dritt tal-ħaddiema li jiġu rreklutati u impjegati mingħajr diskriminazzjoni għandu neċessarjament ikollu bħala korollarju tiegħu d-dritt tal-persuni li jimpjegaw li jirreklutawhom b’osservanza tar-regoli fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema (sentenza tas‑16 ta’ April 2013, Las, C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 18). Id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Dawn id-dispożizzjonijiet u, b’mod partikolari, l-Artikolu 45 TFUE għalhekk jipprekludu kull miżura li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa taċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (sentenza tas‑16 ta’ April 2013, Las, C‑202/11, EU:C:2013:239, punti 1920 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

83

Fit-tielet lok, għalkemm il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑407/19 invokat ukoll, fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha, l-Artikoli 34 u 35 TFUE, dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, għandu madankollu jiġi kkonstatat li hija ma pprovdiet ebda indikazzjoni dwar l-effett konkret fuq din il-libertà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija f’dawn id-domandi.

84

Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, meta miżura nazzjonali taffettwa kemm il-moviment liberu tal-ħaddiema kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ din il-miżura, bħala prinċipju, fir-rigward ta’ waħda biss minn dawn iż-żewġ libertajiet fundamentali jekk jirriżulta li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, waħda minnhom hija kompletament sekondarja fir-rigward tal-oħra u tista’ tiġi marbuta magħha (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Omega, C‑36/02, EU:C:2004:614, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

L-istess għandu japplika għal miżura li taffettwa kemm il-libertà ta’ stabbiliment, kemm il-moviment liberu tal-ħaddiema, kif ukoll il-moviment liberu tal-merkanzija.

86

Issa, jekk jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fil-punt 80 ta’ din is-sentenza tista’ tirrestrinġi wkoll il-moviment liberu tal-merkanzija, sa fejn il-ħaddiema portwali jwettqu wkoll servizzi relatati mat-trasport tal-merkanzija bi tranżitu mill-portijiet, huwa evidenti li tali restrizzjoni tkun kompletament sekondarja meta mqabbla mar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-servizzi, kif ukoll mal-libertà ta’ stabbiliment.

87

Fir-raba’ lok, għalkemm il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑407/19 tinvoka, fil-formulazzjoni tad-domandi li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli 101, 102 u 106 TFUE, hija lanqas ma pprovdiet spjegazzjonijiet suffiċjenti sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tevalwa jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

88

Barra minn hekk, kif tfakkar mill-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-individwi jirrikorru, għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet portwali, esklużivament għal ħaddiema portwali rrikonoxxuti, ma taqax taħt l-Artikoli 101 u 102 kif ukoll l-Artikolu 106(1) TFUE, sa fejn, anki jekk jittieħdu kollettivament, il-ħaddiema portwali ma jistgħux jitqiesu bħala “impriżi” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 1999, Becu et, C‑22/98, EU:C:1999:419, punti 27, 3031).

89

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġu eżaminati d-domandi preliminari fil-Kawża C‑407/19 biss fid-dawl tal-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE.

90

F’dan ir-rigward, mill-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza jirriżulta li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bħall-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi li Torganizza x-Xogħol Portwali, tobbliga lill-impriżi mhux residenti li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom f’dan l-Istat Membru sabiex jeżerċitaw hemmhekk attivitajiet portwali jew li, mingħajr ma jistabbilixxu ruħhom hemmhekk, jixtiequ jipprovdu servizzi portwali hemmhekk sabiex jirrikorru biss għal ħaddiema portwali rrikonoxxuti skont din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE.

91

Bl-istess mod, tali leġiżlazzjoni nazzjonali jista’ jkollha effett dissważiv fil-konfront tal-ħaddiema u tal-persuni li jimpjegaw li ġejjin minn Stati Membri oħra u tikkostitwixxi, konsegwentement, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema, stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ April 2013, Las, C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 22).

92

Barra minn hekk, jirriżulta rispettivament mill-punti 61 u 63 ta’ din is-sentenza li tali restrizzjonijiet jistgħu jkunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li l-għan intiż li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u li jiġu evitati l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, invokat mill-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jista’ jikkostitwixxi tali raġuni, ta’ natura li tiġġustifika dawn ir-restrizzjonijiet, sakemm dawn ikunu neċessarji u proporzjonati fir-rigward tal-għan imfittex.

93

Għaldaqstant, hemm lok, fir-rigward ta’ kull waħda mill-miżuri msemmija fid-domandi preliminari fil-Kawża C‑407/19, li tiġi eżaminata n-natura neċessarja u proporzjonata tagħhom meta mqabbla mal-għan imsemmi fil-punt preċedenti.

Fuq l-ewwel domanda, fuq il-punt (d) tat-tieni domanda kif ukoll fuq it-tielet u r-raba’ domanda

94

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, permezz tal-punt (d) tat-tieni domanda tagħha, kif ukoll permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑407/19 tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha:

ir-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali jaqa’ taħt kummissjoni amministrattiva, li hija kkostitwita b’mod ugwali minn membri maħtura mill-organizzazzjonijiet ta’ persuni li jimpjegaw u mill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema;

din il-kummissjoni tiddeċiedi wkoll, skont il-bżonn ta’ ħaddiema, jekk il-ħaddiema rrikonoxxuti għandhomx jew le jiġu inklużi fi grupp ta’ ħaddiema portwali;

għall-ħaddiema portwali li ma jkunux inklużi f’dan il-grupp, it-tul tar-rikonoxximent tagħhom huwa limitat għat-tul tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, sakemm dan tal-aħħar ikun għal żmien indeterminat, bil-kundizzjoni li, skont dispożizzjoni tad-dritt tranżitorju, dan il-benefiċċju huwa, inizjalment, progressivament estiż għall-ħaddiema portwali li għandhom kuntratt ta’ xogħol għal żmien dejjem jiqsar, u, sussegwentement, għal dawk li għandhom kuntratt ta’ xogħol, irrispettivament mit-tul tiegħu;

ma huwa previst l-ebda terminu massimu li fih l-imsemmija kummissjoni għandha tiddeċiedi; u

huwa previst biss rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet tal-istess kummissjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ ħaddiem portwali.

95

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 92 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit ta’ rikonoxximent tal-ħaddiema portwali huwa intiż li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u li jiġu evitati l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, leġiżlazzjoni li permezz tagħha dan ir-rikonoxximent jingħata minn korp amministrattiv kompost b’mod ugwali minn membri maħtura mill-organizzazzjonijiet ta’ persuni li jimpjegaw u ta’ ħaddiema ma tidhirx li hija neċessarja u xierqa sabiex jintlaħaq dan il-għan.

96

Fil-fatt, ma huwiex żgurat li l-membri ta’ dan il-korp, maħtura minn dawn l-organizzazzjonijiet, ikollhom l-għarfien neċessarju sabiex jiddeterminaw jekk ħaddiem portwali jissodisfax il-kriterji ta’ rikonoxximent, dwar il-kapaċità tiegħu li jwettaq il-kompiti tiegħu b’sigurtà sħiħa.

97

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 126 sa 128 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm il-membri tal-korp kompetenti għar-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali huma maħtura minn operaturi diġà preżenti fis-suq, b’mod partikolari minn organizzazzjoni li tirrappreżenta l-ħaddiema portwali diġà rrikonoxxuti li jkun hemm riskju li jidħlu f’kompetizzjoni għall-postijiet tax-xogħol disponibbli mal-ħaddiema li jkunu qegħdin jitolbu r-rikonoxximent tagħhom, jeżisti dubju raġonevoli dwar l-imparzjalità ta’ dawn il-membri u dwar jekk jistgħux, għaldaqstant, jiddeċiedu dwar l-applikazzjonijiet għal rikonoxximent b’mod oġġettiv, trasparenti u nondiskriminatorju (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑439/99, EU:C:2002:14, punt 39; tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 51; kif ukoll tas‑26 ta’ Settembru 2013, Ottica New Line, C‑539/11, EU:C:2013:591, punti 5354).

98

It-tieni nett, l-assenza ta’ ffissar ta’ terminu raġonevoli li fih il-korp inkarigat mir-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu lanqas ma tidher li hija neċessarja u xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u sabiex jiġu evitati l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol.

99

Għall-kuntrarju, l-assenza ta’ tali terminu hija ta’ natura li żżid ir-riskju ta’ rifjut arbitrarju ta’ rikonoxximent ta’ ħaddiem portwali li jkollu l-kwalitajiet meħtieġa, għall-finijiet biss li tiġi ristretta l-kompetizzjoni fis-suq tax-xogħol ikkonċernat.

100

It-tielet nett, fir-rigward tal-fatt li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑407/19, huwa previst biss rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet tal-kummissjoni responsabbli għar-rikonoxximent tal-ħaddiema tal-portijiet, għandu jiġi rrilevat li, sabiex titqies li hija proporzjonata meta mqabbla mal-għan imfittex, miżura li tinvolvi r-restrizzjoni ta’ libertà fundamentali għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, PI, C‑230/18, EU:C:2019:383, punti 78 sa 81).

101

Hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑407/19 li għandha tivverifika, jekk ikun il-każ, li r-rimedju ġudizzjarju previst kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva jissodisfa r-rekwiżiti ta’ tali stħarriġ.

102

Għall-kuntrarju, il-fatt li ma huwa previst ebda rikors quddiem istanza amministrattiva kontra d-deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali ma huwiex ta’ natura li jqajjem dubju dwar in-natura neċessarja u proporzjonata ta’ miżura nazzjonali li tirrendi tali rikonoxximent obbligatorju.

103

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-inklużjoni, jew le, tal-ħaddiema portwali rrikonoxxuti fi grupp ta’ ħaddiema, fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva, għandu jiġi rrilevat li mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑407/19 jirriżulta li l-pool previst mid-Digriet Irjali tal‑2004 ma jikkostitwixxix grupp riġidu, bħal dak imsemmi fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, sa fejn, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(3) ta’ dan id-digriet irjali, il-ħaddiema li ma humiex inklużi f’dan il-grupp jistgħu jiġu impjegati bħala ħaddiema portwali fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol.

104

Madankollu, minn din l-aħħar dispożizzjoni, kif ukoll mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, jirriżulta li r-rikonoxximent tal-ħaddiema mhux inklużi fil-pool huwa limitat għat-tul tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, filwaqt li, skont l-Artikolu 2(2) tad-Digriet Irjali tal‑2004, il-ħaddiema portwali li jinsabu fil-pool jistgħu jiġu rrikonoxxuti għal żmien indeterminat.

105

Barra minn hekk, skont id-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikolu 13/1 tad-Digriet Irjali tal‑2004, il-possibbiltà tal-benefiċċju minn rikonoxximent mingħajr inklużjoni fil-pool kienet inizjalment limitata biss għall-ħaddiema portwali li jkollhom kuntratt għal żmien indeterminat u progressivament ġiet estiża għall-ħaddiema portwali li jkollhom kuntratt ta’ xogħol għal żmien dejjem jiqsar. Huwa biss mill‑1 ta’ Lulju 2020 li l-ħaddiema portwali kollha li jkollhom kuntratt ta’ xogħol jistgħu jiġu rrikonoxxuti bħala tali, indipendentement mit-tul tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom.

106

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha r-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali għandu jiġġedded f’intervalli raġonevoli ma hijiex inkompatibbli mal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u sabiex jiġu evitati inċidenti fuq il-post tax-xogħol, sa fejn ir-rekwiżit ta’ tiġdid perjodiku tar-rikonoxximent jippermetti li jiġi żgurat li l-ħaddiema portwali jkomplu jkollhom il-kapaċitajiet neċessarji sabiex iwettqu b’mod sikur il-kompiti tagħhom.

107

Madankollu, leġiżlazzjoni li abbażi tagħha parti biss mill-ħaddiema portwali jistgħu jibbenefikaw minn rikonoxximent għal żmien indeterminat, filwaqt li r-rikonoxximent ta’ ċerti ħaddiema portwali oħra jiskadi awtomatikament fi tmiem il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, anki jekk dan kien biss għal żmien qasir ħafna, b’tali mod li dawn il-ħaddiema tal-aħħar ikollhom ikunu suġġetti għal proċedura ġdida ta’ rikonoxximent kull darba li jikkonkludu kuntratt ta’ xogħol ġdid, ma tidhirx li hija xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt preċedenti.

108

Fil-fatt, ma hemmx raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw dan it-trattament differenti taż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema portwali li jinsabu f’sitwazzjonijiet kompletament simili, mill-perspettiva tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

109

Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 157 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-missjonijiet ta’ perijodu qasir huma predominanti fix-xogħol portwali.

110

Fil-fatt, matul il-perijodu tranżitorju msemmi fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, huma biss il-ħaddiema portwali inklużi fil-pool li għandhom il-possibbiltà li jikkonkludu kuntratti ta’ xogħol għal żmien qasir, ħaġa li twassal, fil-prattika, għal sitwazzjoni fejn dan il-pool huwa kkostitwit minn numru limitat ta’ ħaddiema portwali li għandu jintuża b’mod obbligatorju. Issa, diġà ġie rrilevat fil-punt 74 ta’ din is-sentenza li l-istabbiliment ta’ tali grupp jikkostitwixxi miżura sproporzjonata, fir-rigward tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali, u ma jistax jiġi ġġustifikat fid-dawl ta’ dan il-għan.

111

Barra minn hekk, anki wara t-tmiem tal-perijodu tranżitorju, il-fatt li l-ħaddiema portwali mhux inklużi fil-pool għandhom ikunu s-suġġett ta’ rikonoxximent ġdid kull darba li jikkonkludu kuntratt ta’ xogħol ġdid, għalkemm dawn ikunu reċentement, mal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol preċedenti għal żmien qasir, diġà s-suġġett ta’ rikonoxximent, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet stabbiliti fl-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE, li ma tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-għan imsemmi fil-punt preċedenti.

112

Fil-fatt, ma jistax jitqies b’mod raġonevoli li tali ħaddiema jistgħu jkunu tilfu, ftit żmien wara r-rikonoxximent tagħhom bħala ħaddiema portwali, il-kapaċitajiet u kwalitajiet li ftit qabel iġġustifikaw dan ir-rikonoxximent.

113

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda, għall-punt (d) tat-tieni domanda kif ukoll għat-tielet u għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑407/19 għandha tkun li l-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha:

ir-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali jaqa’ taħt kummissjoni amministrattiva, li hija kkostitwita b’mod ugwali minn membri maħtura mill-organizzazzjonijiet ta’ persuni li jimpjegaw u mill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema;

din il-kummissjoni tiddeċiedi wkoll, skont il-bżonn ta’ ħaddiema, jekk il-ħaddiema rrikonoxxuti għandhomx jew le jiġu inklużi fi grupp ta’ ħaddiema portwali, filwaqt li, għall-ħaddiema portwali li ma humiex inklużi f’dan il-grupp, it-tul tar-rikonoxximent tagħhom huwa limitat għat-tul tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, b’tali mod li proċedura ta’ rikonoxximent ġdida għandha tinbeda għal kull kuntratt ġdid li huma jikkonkludu;

ma huwa previst l-ebda terminu massimu li fih l-imsemmija kummissjoni għandha tiddeċiedi.

Fuq il-punti (a) sa (c) tat-tieni domanda

114

Permezz tal-punti (a) sa (c) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑407/19 tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha, sakemm ma jkunx jista’ juri li huwa kien jissodisfa kundizzjonijiet ekwivalenti fi Stat Membru ieħor, ħaddiem għandu, sabiex jiġi rrikonoxxut bħala ħaddiem portwali:

jiġi ddikjarat medikament b’saħħtu għax-xogħol portwali minn servizz estern għall-prevenzjoni u l-protezzjoni fuq ix-xogħol, li hija affiljata miegħu organizzazzjoni li magħha l-persuni li jimpjegaw kollha attivi fiż-żona portwali kkonċernata għandhom b’mod obbligatorju jaffiljaw ruħhom;

ikun għadda mit-testijiet psikotekniċi mwettqa mill-korp maħtur għal dan il-għan minn din l-organizzazzjoni tal-persuni li jimpjegaw;

ikun segwa matul tliet ġimgħat korsijiet ta’ preparazzjoni dwar sigurtà fuq ix-xogħol u intiżi għall-kisba ta’ kwalifika professjonali; u

ikun għadda mill-eżami finali li jirrigwarda dan it-taħriġ.

115

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 140 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżiti ta’ kapaċità medika, li wieħed jgħaddi minn test psikoloġiku u ta’ taħriġ professjonali qabel ix-xogħol huma, bħala prinċipju, kundizzjonijiet xierqa sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u proporzjonati meta mqabbla ma’ tali għan.

116

Fil-fatt, kif sostna l-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, tali rekwiżiti joffru garanziji raġonevoli li x-xogħol portwali jsir b’mod li jkun l-iktar sikur possibbli, minn ħaddiema li jkollhom ġudizzju suffiċjenti u li jkollhom taħriġ kif ukoll motivazzjoni xierqa sabiex jitnaqqas in-numru ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u ta’ riskji oħra għas-sigurtà pubblika marbuta mat-tqandil ta’ merkanzija.

117

Il-fatt li l-kapaċità medika tal-kandidati għar-rikonoxximent bħala ħaddiema portwali hija kkontrollata mis-servizz għall-prevenzjoni u l-protezzjoni fuq ix-xogħol li miegħu tkun affiljata l-organizzazzjoni tal-persuni li jimpjegaw fiż-żona portwali kkonċernata u li tkun din l-istess organizzazzjoni li taħtar il-korp inkarigat mit-twettiq tat-testijiet psikotekniċi li dawn il-kandidati għandhom jgħaddu minnhom sabiex jiġu rrikonoxxuti ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jqajjem dubju dwar in-natura xierqa u proporzjonata tal-imsemmija rekwiżiti.

118

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 141 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali eżamijiet mediċi jew testijiet għandhom, sabiex jitqiesu neċessarji u proporzjonati meta mqabbla mal-għan imfittex, isiru f’kundizzjonijiet ta’ trasparenza, ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità.

119

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑407/19 li għandha tivverifika jekk ir-rwol tal-organizzazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw u, jekk ikun il-każ, tas-sindakati tal-ħaddiema portwali rrikonoxxuti fil-ħatra tal-korpi responsabbli mit-twettiq ta’ tali eżamijiet jew testijiet huwiex ta’ natura, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, li jqiegħed fid-dubju n-natura trasparenti, oġġettiva u imparzjali ta’ dawn l-eżamijiet jew testijiet.

120

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punti (a) sa (c) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha, sakemm ma jkunx jista’ juri li huwa jissodisfa fi Stat Membru ieħor kundizzjonijiet ekwivalenti, ħaddiem għandu, sabiex jiġi rrikonoxxut bħala ħaddiem portwali:

jiġi ddikjarat medikament b’saħħtu għax-xogħol portwali minn servizz estern għall-prevenzjoni u l-protezzjoni fuq ix-xogħol, li tkun affiljata miegħu organizzazzjoni li magħha l-persuni li jimpjegaw kollha attivi fiż-żona portwali kkonċernata għandhom b’mod obbligatorju jaffiljaw ruħhom;

ikun għadda mit-testijiet psikotekniċi mwettqa mill-korp maħtur għal dan il-għan minn din l-organizzazzjoni tal-persuni li jimpjegaw;

ikun segwa matul tliet ġimgħat korsijiet ta’ preparazzjoni dwar sigurtà fuq ix-xogħol u intiżi għall-kisba ta’ kwalifika professjonali; u

ikun għadda mill-eżami finali,

sakemm il-missjoni fdata lill-organizzazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw u, jekk ikun il-każ, lis-sindakati tal-ħaddiema portwali rrikonoxxuti fil-ħatra tal-korpi responsabbli mit-twettiq ta’ tali eżamijiet jew testijiet ma tkunx ta’ natura li tqiegħed fid-dubju n-natura trasparenti, oġġettiva u imparzjali ta’ dawn tal-aħħar.

Fuq il-ħames domanda

121

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-ħaddiema portwali, irrikonoxxuti bħala tali konformement mas-sistema legali li kienet applikabbli għalihom qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, iżommu, skont din tal-aħħar, il-kwalità ta’ ħaddiema portwali rrikonoxxuti u huma inklużi fil-grupp ta’ ħaddiema portwali previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

122

Sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, l-għan ta’ sistema ta’ rikonoxximent tal-ħaddiema portwali, kif deskritt mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑407/19, huwa li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u li jiġu evitati l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-ħaddiema portwali rrikonoxxuti bħala tali taħt sistema analoga preċedenti jżommu r-rikonoxximent tagħhom taħt is-sistema l-ġdida ma tidhirx li hija inadegwata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u lanqas li hija sproporzjonata fir-rigward ta’ dan il-għan.

123

Fil-fatt, jista’ raġonevolment jiġi preżunt li ħaddiema portwali diġà rrikonoxxuti taħt is-sistema preċedenti għandhom diġà l-kapaċitajiet u l-kwalitajiet neċessarji sabiex jiżguraw is-sigurtà fiż-żoni portwali.

124

Mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑407/19 jirriżulta li l-ħames domanda tagħha hija motivata mill-argument imressaq quddiemha mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’din il-kawża, li miżura bħal dik imsemmija fil-punt 121 ta’ din is-sentenza hija ta’ natura li ċċaħħad lil persuna li timpjega mill-possibbiltà li tirrekluta b’mod dirett, jiġifieri barra mill-grupp, ħaddiema portwali diġà rrikonoxxuti, sa fejn dawn tal-aħħar jevitaw li jitilqu minn dan il-pool sabiex jikkonkludu tali kuntratt ta’ xogħol, peress li, b’dan il-mod, huma jitilfu r-rikonoxximent tagħhom.

125

Issa, tali argument ma jikkritikax iż-żamma, taħt is-sistema legali l-ġdida, tar-rikonoxximent miksub minn ħaddiem portwali taħt is-sistema legali preċedenti, iżda l-fatt li dan ir-rikonoxximent jintilef jekk il-ħaddiem ikkonċernat jitlaq mill-pool sabiex jikkonkludi kuntratt ta’ xogħol direttament ma’ persuna li timpjega.

126

F’dan ir-rigward, u kif jirriżulta mill-punt 113 ta’ din is-sentenza, l-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha ħaddiem portwali rrikonoxxut iżda mhux inkluż fil-grupp ta’ ħaddiema li hija tipprevedi għandu jkun is-suġġett ta’ proċedura ġdida ta’ rikonoxximent għal kull kuntratt ta’ xogħol ġdid li huwa jikkonkludi.

127

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda fil-Kawża C‑407/19 għandha tkun li l-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-ħaddiema portwali, irrikonoxxuti bħala tali skont is-sistema legali li kienet applikabbli għalihom qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, iżommu, skont din tal-aħħar, il-kwalità ta’ ħaddiema portwali rrikonoxxuti u huma inklużi fil-grupp ta’ ħaddiema portwali previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

Fuq is-sitt domanda

128

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑407/19 tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-trasferiment ta’ ħaddiem portwali fil-grupp ta’ ħaddiema ta’ żona portwali minbarra dik li fiha kiseb ir-rikonoxximent tiegħu huwa suġġett għal kundizzjonijiet u modalitajiet stabbiliti minn FKX.

129

Għandu jiġi rrilevat qabelxejn li l-fatt li tali kundizzjonijiet u modalitajiet jkunu stabbiliti minn FKX ma għandux l-effett li jeskludihom mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija artikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C‑438/05, EU:C:2007:772, punti 3334).

130

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal kundizzjonijiet, kemm jekk dawn ikunu stabbiliti mil-liġi jew minn FKX, il-possibbiltà għal ħaddiem portwali rrikonoxxut li jaħdem f’żona portwali differenti minn dik li fiha huwa kiseb ir-rikonoxximent tiegħu tikkostitwixxi restrizzjoni kemm għall-moviment liberu tal-ħaddiema kif ukoll għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

131

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tirrestrinġi kemm il-libertà ta’ ħaddiem portwali li jeżerċita impjiegi f’diversi żoni portwali differenti kif ukoll il-possibbiltà, għal impriża li tistabbilixxi ruħha f’żona portwali partikolari jew li tixtieq tipprovdi servizzi hemmhekk, li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiem portwali tal-għażla tagħha, li jkun kiseb ir-rikonoxximent tiegħu f’żona portwali differenti.

132

Madankollu, il-Gvern Belġjan sostna, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, skont l-Artikolu 4(2) tad-Digriet Irjali tal‑2004, ir-rikonoxximent ta’ ħaddiem portwali huwa validu f’kull żona portwali, ħlief meta dan jagħmel parti minn grupp partikolari ta’ żona portwali. F’dan l-aħħar każ, il-passaġġ minn żona portwali għal oħra jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk ikunx hemm bżonn ta’ ħaddiema u jekk tkunx miftuħa r-riżerva ta’ reklutaġġ. Din id-dispożizzjoni teskludi għalhekk biss il-possibbiltà li ħaddiem portwali li jagħmel parti minn grupp ikun simultanjament attiv barra minn dan tal-aħħar, kemm jekk fl-istess żona portwali kif ukoll f’oħra. Madankollu, il-possibbiltà ta’ ħidma f’żona portwali oħra tibqa’ miftuħa għal kull ħaddiem portwali rrikonoxxut li ma jagħmilx parti mill-pool.

133

F’dan ir-rigward, għandu, minn naħa, jiġi ppreċiżat li tali leġiżlazzjoni tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE minkejja li tikkonċerna biss numru limitat ta’ ħaddiema.

134

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fil-punt 132 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn pool ta’ ħaddiema portwali, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa intiż sabiex jipprovdi fuq bażi ta’ każ b’każgħall-bżonnijiet ta’ xogħol speċjalizzat f’kull żona portwali tal-Istat Membru kkonċernat, il-fatt li t-trasferiment ta’ ħaddiem portwali bejn il-pools ta’ żewġ żoni differenti huwa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, suġġett għal kundizzjonijiet u għal modalitajiet intiżi sabiex jiżguraw li kull pool ikollu numru suffiċjenti ta’ ħaddiema, jista’ jiġi ġġustifikat fid-dawl tal-għan leġittimu li tiġi żgurata s-sigurtà f’kull żona portwali. Fil-fatt, miżura li tipprevedi tali kundizzjonijiet tista’, b’mod partikolari, tippermetti li jiġi żgurat li jkun jeżisti b’mod permanenti numru minimu ta’ ħaddiema kkwalifikati li jistgħu jiggarantixxu l-funzjonament tal-port b’sigurtà sħiħa. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali miżura hijiex neċessarja u proporzjonata fid-dawl ta’ dan il-għan.

135

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għas-sitt domanda fil-Kawża C‑407/19 għandha tkun li l-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-trasferiment ta’ ħaddiem portwali fil-grupp ta’ ħaddiema ta’ żona portwali minbarra dik li fiha huwa jkun kiseb ir-rikonoxximent tiegħu jkun suġġett għal kundizzjonijiet u għal modalitajiet stabbiliti minn FKX, sakemm dawn tal-aħħar jirriżultaw neċessarji u proporzjonati fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà f’kull żona portwali, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq is-seba’ domanda

136

Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑407/19 tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-ħaddiema loġistiċi għandu jkollhom “ċertifikat ta’ sigurtà”, maħruġ fuq preżentazzjoni tal-karta tal-identità tagħhom u tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom u li l-modalitajiet ta’ ħruġ kif ukoll il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-kisba tiegħu huma stabbiliti minn FKX.

137

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex li tiddetermina l-konformità, mal-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li sempliċement tipprevedi li ċ-“ċertifikat ta’ sigurtà” li l-ħaddiema loġistiċi li jaħdmu f’żona portwali għandu jkollhom jinħarġilhom fuq preżentazzjoni tal-karta tal-identità tagħhom u l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, bil-modalitajiet l-oħra għall-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat kif ukoll il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jinkiseb dan id-dokument jiġu stabbiliti minn FKX.

138

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 129 ta’ din is-sentenza, għalkemm l-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE ma jipprekludux, bħala prinċipju, li l-kundizzjonijiet tax-xogħol fi Stat Membru jkunu stabbiliti minn FKX, xorta jibqa’ l-fatt li kundizzjonijiet stabbiliti b’dan il-mod ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli.

139

Issa, l-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata u neċessarja tar-restrizzjonijiet għal-libertajiet stabbiliti fl-imsemmija artikoli, li jirriżultaw mir-rekwiżit li kull ħaddiem loġistiku attiv f’żona portwali għandu jkollu “ċertifikat ta’ sigurtà”, għandha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet konkreti għall-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat, kif ukoll il-proċedura li għandha tiġi segwita għal dan il-għan, stabbiliti minn FKX.

140

Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ tali ċertifikat jirrigwardaw esklużivament il-kwistjoni dwar jekk il-ħaddiem loġistiku kkonċernat għandux il-kwalitajiet u l-kapaċitajiet neċessarji sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u li l-proċedura prevista għall-kisba ta’ dan iċ-ċertifikat ma timponix piżijiet amministrattivi mhux raġonevoli u sproporzjonati.

141

B’mod partikolari, ir-rekwiżit li l-ħruġ taċ-“ċertifikat ta’ sigurtà” jeħtieġ il-preżentazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tal-persuna kkonċernata jista’ jkollu l-konsegwenza li jobbliga lill-persuna li timpjega jew lill-ħaddiem ikkonċernat li jitolbu l-ħruġ ta’ ċertifikat ġdid kull darba li jiġi konkluż kuntratt ta’ xogħol ġdid. Sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 109 ta’ din is-sentenza, il-missjonijiet ta’ tul qasir huma predominanti fil-qasam tax-xogħol portwali, tali rekwiżit jista’ jirriżulta eċċessiv u sproporzjonat. Kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ikun suffiċjenti li jiġi previst it-tiġdid perjodiku ta’ tali ċertifikat, filwaqt li jiġi previst li dan jibqa’ validu wara x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien qasir.

142

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għas-seba’ domanda fil-Kawża C‑407/19 għandha tkun li l-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-ħaddiema loġistiċi għandu jkollhom “ċertifikat ta’ sigurtà”, maħruġ fuq preżentazzjoni tal-karta ta’ identità tagħhom u l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom u li l-modalitajiet ta’ ħruġ tiegħu kif ukoll il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-kisba tiegħu huma stabbiliti minn FKX, sakemm il-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ tali ċertifikat ikunu neċessarji u proporzjonati fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u li l-proċedura prevista għall-kisba tiegħu ma timponix piżijiet amministrattivi mhux raġonevoli u sproporzjonati.

Fuq l-ispejjeż

143

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil persuni jew impriżi li jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet portwali f’żona portwali, inklużi attivitajiet oħra minbarra t-tagħbija u l-ħatt ta’ vapuri fis-sens strett tal-kelma, li jirrikorru biss għal ħaddiema portwali rrikonoxxuti bħala tali skont il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet stabbiliti b’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, sa fejn l-imsemmija kundizzjonijiet u modalitajiet, minn naħa, ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji, magħrufa minn qabel u li jippermettu lill-ħaddiema portwali ta’ Stati Membri oħra juru li huma jissodisfaw, fl-Istat ta’ oriġini tagħhom, rekwiżiti ekwivalenti għal dawk applikati għall-ħaddiema portwali nazzjonali u, min-naħa l-oħra, ma jistabbilixxux grupp limitat ta’ ħaddiema li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali rikonoxximent.

 

2)

L-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha:

ir-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali jaqa’ taħt kummissjoni amministrattiva, li hija kkostitwita b’mod ugwali minn membri maħtura mill-organizzazzjonijiet ta’ persuni li jimpjegaw u mill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema;

din il-kummissjoni tiddeċiedi wkoll, skont il-bżonn ta’ ħaddiema, jekk il-ħaddiema rrikonoxxuti għandhomx jew le jiġu inklużi fi grupp ta’ ħaddiema portwali, filwaqt li, għall-ħaddiema portwali li ma humiex inklużi f’dan il-grupp, it-tul tar-rikonoxximent tagħhom huwa limitat għat-tul tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, b’tali mod li proċedura ta’ rikonoxximent ġdida għandha tinbeda għal kull kuntratt ġdid li huma jikkonkludu; u

ma huwa previst l-ebda terminu massimu li fih l-imsemmija kummissjoni għandha tiddeċiedi.

 

3)

L-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha, sakemm ma jkunx jista’ juri li huwa jissodisfa fi Stat Membru ieħor kundizzjonijiet ekwivalenti, ħaddiem għandu, sabiex jiġi rrikonoxxut bħala ħaddiem portwali:

jiġi ddikjarat medikament b’saħħtu għax-xogħol portwali minn servizz estern għall-prevenzjoni u l-protezzjoni fuq ix-xogħol, li hija affiljata miegħu organizzazzjoni li magħha l-persuni li jimpjegaw kollha attivi fiż-żona portwali kkonċernata għandhom b’mod obbligatorju jaffiljaw ruħhom;

ikun għadda mit-testijiet psikotekniċi mwettqa mill-korp maħtur għal dan il-għan minn din l-organizzazzjoni tal-persuni li jimpjegaw;

ikun segwa matul tliet ġimgħat korsijiet ta’ preparazzjoni dwar sigurtà fuq ix-xogħol u intiżi għall-kisba ta’ kwalifika professjonali; u

ikun għadda mill-eżami finali,

sakemm il-missjoni fdata lill-organizzazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw u, jekk ikun il-każ, lis-sindakati tal-ħaddiema portwali rrikonoxxuti fil-ħatra tal-korpi responsabbli mit-twettiq ta’ tali eżamijiet jew testijiet ma tkunx ta’ natura li tqiegħed fid-dubju n-natura trasparenti, oġġettiva u imparzjali ta’ dawn tal-aħħar.

 

4)

L-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-ħaddiema portwali, irrikonoxxuti bħala tali skont is-sistema legali li kienet applikabbli għalihom qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, iżommu, skont din tal-aħħar, il-kwalità ta’ ħaddiema portwali rrikonoxxuti u huma inklużi fil-grupp ta’ ħaddiema portwali previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

 

5)

L-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-trasferiment ta’ ħaddiem portwali fil-grupp ta’ ħaddiema ta’ żona portwali minbarra dik li fiha huwa kiseb ir-rikonoxximent tiegħu jkun suġġett għal kundizzjonijiet u għal modalitajiet stabbiliti minn FKX, sakemm dawn tal-aħħar jirriżultaw neċessarji u proporzjonati fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà f’kull żona portwali, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

6)

L-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-ħaddiema loġistiċi għandu jkollhom “ċertifikat ta’ sigurtà”, maħruġ fuq preżentazzjoni tal-karta ta’ identità tagħhom u l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom u li l-modalitajiet ta’ ħruġ tiegħu u l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-kisba tiegħu huma stabbiliti minn FKX, sakemm il-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ tali ċertifikat ikunu neċessarji u proporzjonati fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u li l-proċedura prevista għall-kisba tiegħu ma timponix piżijiet amministrattivi mhux raġonevoli u sproporzjonati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top