Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0352

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Diċembru 2020.
    Région de Bruxelles-Capitale vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2324 – Tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva ‘glifosat’ – Artikolu 263 TFUE – Locus standi ta’ entità reġjonali – Interess dirett.
    Kawża C-352/19 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:978

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    3 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

    “Appell – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2324 – Tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva ‘glifosat’ – Artikolu 263 TFUE – Locus standi ta’ entità reġjonali – Interess dirett”

    Fil-Kawża C‑352/19 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑1 ta’ Mejju 2019,

    Région de Bruxelles-Capitale (il-Belġju), irrappreżentat minn A. Bailleux, avocat,

    Appellant,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn X. Lewis, F. Castillo de la Torre, I. Naglis u F. Castilla Contreras, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Lulju 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tiegħu, ir-Région de Bruxelles-Capitale jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑28 ta’ Frar 2019, Région de Bruxelles-Capitale vs Il Kummissjoni (T‑178/18, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-digriet appellat, EU:T:2019:130), li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tiegħu intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (UE) 2017/2324 tat‑12 ta’ Diċembru 2017 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2017, L 333, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Skont il-premessi 10, 23, 24 u 29 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414 (ĠU 2009, L 309, p. 1):

    “(10)

    Is-sustanzi għandhom jiġu inklużi biss fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fejn ikun intwera li huma ta’ benefiċċju ċar għall-produzzjoni tal-pjanti u li mhumiex mistennija jkollhom xi effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew xi effett inaċċettabbli fuq l-ambjent. Sabiex jinkiseb l-istess livell ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha, id-deċiżjoni dwar l-aċċettabbiltà jew in-nuqqas ta’ aċċettabbiltà ta’ sustanzi bħal dawn għandha tittieħed fuq livell Komunitarju abbażi ta’ kriterji armonizzati. Dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati għall-ewwel approvazzjoni ta’ sustanza attiva skont dan ir-Regolament. Għas-sustanzi attivi li diġà ġew approvati, il-kriterji għandhom jiġu applikati fil-ħin tat-tiġdid jew tar-reviżjoni tal-approvazzjoni tagħhom.

    […]

    (23)

    Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi jistgħu jkunu formulati b’ħafna modi u użati fuq firxa ta’ pjanti u prodotti tal-pjanti, f’kondizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti u ambjentali (inkluż dawk klimatiċi) differenti. L-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom għalhekk jingħataw mill-Istati Membri.

    (24)

    Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni għandhom jiżguraw standard għoli ta’ protezzjoni. B’mod partikolari, meta jingħataw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-objettiv tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent għandu jieħu prijorità fuq l-objettiv li titjieb il-produzzjoni tal-pjanti. Għalhekk, għandu jintwera, qabel ma l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jitqiegħdu fis-suq, li dawn joffru benefiċċju ċar għall-produzzjoni tal-pjanti u li m’għandhom ebda effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, inkluż dik ta’ gruppi vulnerabbli, jew xi effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent.

    […]

    (29)

    Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa wieħed mill-mezzi li bih jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija fil-Komunità. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni tax-xogħol, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-industrija u għall-Istati Membri u biex tiġi prevista disponibbiltà iktar armonizzata tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-awtorizzazzjonijiet mogħtija minn Stat Membru wieħed għandhom ikunu aċċettati mill-Istati Membri l-oħra fejn il-kondizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti u ambjentali (inkluż dawk klimatiċi) ikunu komparabbli. Għalhekk, il-Komunità għandha tiġi maqsuma f’żoni b’tali kondizzjonijiet komparabbli sabiex ikun iffaċilitat tali rikonoxximent reċiproku. Madankollu, iċ-ċirkostanzi ambjentali jew agrikoli speċifiċi għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iżjed jistgħu jirrekjedu li, mal-applikazzjoni, l-Istati Membri jirrikonoxxu jew jemendaw awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor, jew jirrifjutaw li jawtorizzaw il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tagħhom, fejn dan ikun ġustifikat bħala riżultat taċ-ċirkostanzi ambjentali jew agrikoli speċifiċi jew fejn ma jkunx jista’ jinkiseb il-livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent meħtieġ minn dan ir-Regolament. Għandu jkun possibbli wkoll li jiġu imposti kondizzjonijiet adatti b’kont meħud tal-objettivi stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni nazzjonali adottat skont id-[Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU 2009, L 309, p. 71, rettifika fil-ĠU 2010, L 161, p. 11)].”

    3

    L-Artikolu 20(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Għandu jiġi adottat Regolament skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 79(3), li jipprovdi li:

    a)

    l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva tiġġedded, soġġett għall-kondizzjonijiet u għar-restrizzjonijiet fejn xieraq; jew

    b)

    l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva ma tiġix imġedda.

    2.   […]

    F’każ li tiġi rtirata l-approvazzjoni jew jekk l-approvazzjoni ma tiġix imġedda minħabba tħassib immedjat għas-saħħa tal-bniedem jew għas-saħħa tal-annimali jew tal-ambjent, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernati għandhom jiġu rtirati mis-suq minnufih.”

    4

    Skont l-Artikolu 36 tal-imsemmi regolament:

    “1.   L-Istat Membru li jkun qed jeżamina l-applikazzjoni għandu jagħmel valutazzjoni indipendenti, oġġettiva u trasparenti fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku attwali bl-użu tad-dokumenti ta’ gwida disponibbli fiż-żmien tal-applikazzjoni. Huwa għandu jagħti lill-Istati Membri kollha fl-istess żona l-opportunità li jippreżentaw kummenti li għandhom jitqiesu waqt il-valutazzjoni.

    […]

    2.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħtu jew jirrifjutaw awtorizzazzjonijiet kif meħtieġ abbażi tal-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni kif previst fl-Artikoli 31 u 32.

    3.   B’deroga mill-paragrafu 2 u soġġett għal-liġi Komunitarja, jistgħu jiġu imposti kondizzjonijiet adatti fir-rigward tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 31(3) u (4) u miżuri oħra ta’ tnaqqis tar-riskju li joħorġu minn kondizzjonijiet speċifiċi tal-użu.

    Meta t-tħassib ta’ Stat Membru dwar is-saħħa tal-bniedem jew l-annimali jew tal-ambjent ma jistax ikun ikkontrollat billi jiġu stabbiliti l-miżuri nazzjonali ta’ tnaqqis tar-riskju msemmija fl-ewwel subparagrafu, Stat Membru jista’ jirrifjuta l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tiegħu jekk, minħabba ċ-ċirkostanzi ambjentali jew agrikoli speċifiċi tiegħu, huwa għandu raġunijiet sostanzjati biex iqis li l-prodott in kwistjoni għadu joħloq riskju serju jew inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew tal-ambjent.

    […]”

    5

    L-Artikolu 40 tal-istess regolament, intitolat “Rikonoxximent reċiproku”, jipprevedi, taħt il-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi, il-possibbiltà għad-detentur ta’ awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 29 li japplika għal awtorizzazzjoni għall-istess prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru ieħor.

    6

    L-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprovdi:

    “L-Istat Membru li lilu tiġi ppreżentata applikazzjoni skont l-Artikolu 40 għandu, wara li jeżamina l-applikazzjoni u d-dokumenti li jakkumpanjawha msemmija fl-Artikolu 42(1), kif inhu xieraq b’rigward għaċ-ċirkostanzi fit-territorju tiegħu, jawtorizza il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni, ħlief meta japplika l-Artikolu 36(3).”

    7

    L-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Awtorizzazzjoni għandha tiġġedded wara applikazzjoni mid-detentur tal-awtorizzazzjoni, bil-kondizzjoni li r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 29 għadhom qed jiġu ssodisfatti.

    2.   Fi żmien tliet xhur mit-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, aġent protettiv jew sinerġist li jinsabu fil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, l-applikant għandu jressaq l-informazzjoni li ġejja:

    […]

    5.   L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mhux iktar tard minn tnax-il xahar wara t-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva, tal-aġent protettiv jew tas-sinerġist li jkun fih.

    6.   Fejn, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tad-detentur tal-awtorizzazzjoni, ma tittieħdet l-ebda deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni qabel l-iskadenza tagħha, l-Istat Membru kkonċernat għandu jestendi l-awtorizzazzjoni għall-perijodu meħtieġ sabiex ikun ikkompletat l-eżami u tiġi adottata deċiżjoni dwar it-tiġdid.”

    8

    L-Artikolu 78(3) tal-imsemmi regolament jipprevedi l-adozzjoni ta’ regolament li jinkludi l-lista tas-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332), peress li dawn is-sustanzi jitqiesu li huma approvati skont l-istess regolament.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    Fuq l-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat mill-Unjoni Ewropea

    9

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal‑25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU 2011, L 153, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 26, p. 38), adotta l-lista prevista mill-Artikolu 78(3) tar-Regolament Nru 1107/2009. Il-glifosat kien inkluż f’din il-lista, b’data ta’ skadenza tal-perijodu ta’ approvazzjoni tal‑31 ta’ Diċembru 2015.

    10

    Permezz tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1885 tal‑20 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi […] Glifosat […] (ĠU 2015, L 276, p. 48) u (UE) 2016/1056 tad‑29 ta’ Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-estensjoni tal-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat (ĠU 2016, L 173, p. 52), il-Kummissjoni sussegwentement estendiet il-perijodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat sat‑30 ta’ Ġunju 2016, imbagħad sal‑15 ta’ Diċembru 2017.

    11

    Permezz tal-att kontenzjuż, adottat fit‑12 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni ġeddet, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-perijodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat sal‑15 ta’ Diċembru 2022.

    Fuq il-kompetenzi tar-Région de Bruxelles-Capitale fil-qasam tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

    12

    Il-kompetenzi tar-Région de Bruxelles-Capitale fil-qasam tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ġew deskritti fil-punti 9 sa 17 tad-digriet appellat. Dawn il-punti, li ma humiex ikkontestati fil-kuntest ta’ dan l-appell, huma fformulati kif ġej:

    “9

    Ir-rikorrent, ir-Région de Bruxelles-Capitale, huwa wieħed mit-tliet reġjuni li lilhom, skont l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni Belġjana, il-liġi tattribwixxi ċerti kompetenzi.

    10

    Dawn il-kompetenzi jinkludu, fl-ewwel subparagrafu tal-punt II tal-Artikolu 6(1) tal-Loi spéciale de réformes institutionnelles tat‑8 ta’ Awwissu 1980 (Moniteur Belge tal‑15 ta’ Awwissu 1980, p. 9434) (il-Liġi Speċjali dwar Riformi Istituzzjonali, iktar ’il quddiem il-“Liġi Speċjali”), “[i]l-protezzjoni tal-ambjent, b’mod partikolari dik tal-ħamrija, is-sottoswol, l-ilma u l-arja kontra t-tniġġis u l-aggressjoni […]”. Skont din id-dispożizzjoni, ir-rikorrent huwa kompetenti sabiex jirregola l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tiegħu.

    11

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-punt II tal-Artikolu 6(1) tal-Liġi Speċjali, l-awtorità federali hija madankollu kompetenti sabiex “[t]istabbilixxi standards ta’ prodotti”. Hija għalhekk l-awtorità federali li teżamina l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li toħroġ tali awtorizzazzjonijiet fil-Belġju, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009. Skont [l-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 6(4) tal-Liġi Speċjali, ir-reġjuni huma involuti fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza.

    12

    L-Artikolu 7 tal-arrêté royal belge du 28 février 1994 relatif à la conservation, à la mise sur le marché et à l’utilisation des pesticides à usage agricole (Moniteur belge tal‑11 ta’ Mejju 1994, p. 12504) (id-Digriet Irjali Belġjan tat‑28 ta’ Frar 1994 dwar il-Konservazzjoni, it-Tqegħid fis-Suq u l-Użu ta’ Pestiċidi għal Użu Agrikolu) jistipula li huma pprojbiti t-tqiegħed fis-suq, il-preparazzjoni, it-trasportazzjoni, l-importazzjoni, l-offerta, l-eżibizzjoni, l-offerta għall-bejgħ, iż-żamma, l-akkwist jew l-użu ta’ pestiċida għal użu agrikolu li ma jkunx ġie preċedentement awtorizzat mill-Ministru. Skont l-Artikolu 8 ta’ dan id-digriet, “[i]l-Ministru jew uffiċjal magħżul għal dan l-għan mill-Ministru għandu jagħti l-awtorizzazzjoni fuq il-parir tal-Kumitat ta’ Approvazzjoni msemmi fl-Artikolu 9.” Skont l-Artikolu 9 tal-imsemmi digriet, il-Kumitat ta’ Approvazzjoni huwa kompost minn 12-il membru maħtura mill-Ministru (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ Approvazzjoni”), inkluż “espert mir-Reġjun ta’ Brussell, ippreżentat mill-Ministru-President tar-Région de Bruxelles-Capitale.”

    13

    Fl‑20 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrent adotta id-Digriet dwar l-Użu Sostenibbli ta’ Pestiċidi fir-Région de Bruxelles-Capitale (Moniteur Belge tal‑21 ta’ Ġunju 2013, p. 40062, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑20 ta’ Ġunju 2013”). Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, dan id-digriet jittrasponi d-Direttiva [2009/128].

    14

    Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Digriet tal‑20 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrent “jista’ jidentifika pestiċidi li l-użu tagħhom huwa pprojbit minħabba r-riskji li għandhom għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent”.

    15

    Fl‑10 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti adotta, abbażi tad-Digriet tal‑20 ta’ Ġunju 2013, id-digriet li jipprojbixxi l-użu ta’ pestiċidi li jinkludu l-glifosat fir-Région de Bruxelles-Capitale (Moniteur belge tat‑2 ta’ Diċembru 2016, p. 79492, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑10 ta’ Novembru 2016”).

    16

    Mir-rikors jirriżulta li d-Digriet tal‑10 ta’ Novembru 2016 huwa s-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat quddiem is-Sezzjoni għall-Kwistjonijiet Amministrattivi tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju). Ir-rikors jirrigwarda essenzjalment l-allegat ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1107/2009 kif ukoll tal-Artikoli 34, 35 u 36 TFUE. F’din il-kawża, ir-rikorrent jikkunsidra li l-approvazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-glifosat u l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza mill-awtorità federali Belġjana ma jistgħux jiġu kompromessi bi projbizzjoni totali fuq l-użu tal-imsemmija prodotti fit-territorju tar-Région de Bruxelles-Capitale.

    17

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent huwa assoċjat mal-ħidma tal-kumitati tal-komitoloġija fil-livell tal-Unjoni u jirrappreżenta hemmhekk ir-Renju tal-Belġju b’mod alternat. Fil-kuntest ta’ din il-kompetenza, huwa pparteċipa f’konsultazzjoni mar-reġjuni Belġjani l-oħra qabel ix-xogħol imwettaq fir-rigward tas-sustanza attiva glifosat mill-iStanding Committee on Plants, Animals, Food and Feed (il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf […]) permezz tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni tal-Politika Internazzjonali tal-Ambjent, stabbilit mill-Ftehim ta’ kooperazzjoni tal‑5 ta’ April 1995, bejn l-Istat Federali, ir-Reġjun Fjamming, ir-Reġjun ta’ Walloon u r-[rikorrent] dwar il-politika internazzjonali tal-Ambjent (Moniteur Belge tat‑13 ta’ Diċembru 1995, p. 33436).”

    Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

    13

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Marzu 2018, ir-Région de Bruxelles-Capitale talab l-annullament tal-att kontenzjuż.

    14

    Permezz ta’ att separat, il-Kummissjoni qajmet, skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent.

    15

    Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali laqgħet din l-eċċezzjoni u ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, minħabba li r-Région de Bruxelles-Capitale ma huwiex direttament ikkonċernat mill-att kontenzjuż, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    It-talbiet tal-partijiet fl-appell

    16

    Permezz tal-appell tiegħu, ir-Région de Bruxelles-Capitale jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla d-digriet appellat;

    tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    17

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell;

    tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    Osservazzjonijiet preliminari

    18

    Għandu jitfakkar li r-rikors ta’ entità reġjonali jew lokali ma jistax jiġi assimilat ma’ rikors ta’ Stat Membru u għandu, għaldaqstant, jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, C‑417/04 P, EU:C:2006:282, punti 21 sa 24).

    19

    Din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra deċiżjoni li ma hijiex destinatarja tagħha, bħalma huwa l-każ f’dan il-każ tar-Région Bruxelles-Capitale, għall-kundizzjoni li din tkun direttament u individwalment ikkonċernata minn din id-deċiżjoni jew, jekk ikun att regolatorju, li tkun direttament ikkonċernata minnu u li l-imsemmi att leġiżlattiv ma jinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni.

    20

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, adita b’eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess tar-Région Bruxelles-Capitale li jitlob l-annullament tal-att kontenzjuż, illimitat l-eżami tagħha għall-kwistjoni dwar jekk dan kienx direttament ikkonċernat mill-imsemmi att u ddeċidiet, fid-digriet appellat, li din il-kundizzjoni ma kinitx issodisfatta.

    21

    Insostenn tal-appell tiegħu kontra dan id-digriet, ir-Région de Bruxelles-Capitale jinvoka żewġ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata għan-nom tal-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), u, it-tieni wieħed, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat l-assenza ta’ interess dirett tiegħu mill-att kontenzjuż.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus

    L-argumenti tal-partijiet

    22

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tiegħu, ir-Région de Bruxelles-Capitale jikkritika lill-Qorti Ġenerali li rrifjutat, fil-punti 34 sa 36 tad-digriet appellat, li tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fl-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu. Huwa jqis li, peress li dan jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, dwar l-aċċess għall-ġustizzja.

    23

    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 37 tad-digriet appellat, li hija ma kinitx spjegat b’mod suffiċjentement preċiż kif ir-riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus huwa ta’ natura li jinfluwenza l-evalwazzjoni tal-interess dirett u individwali tiegħu f’din il-kawża.

    24

    Il-Kummissjoni titlob li l-aggravju jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    25

    Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar li, għalkemm, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni jorbtu lill-istituzzjonijiet tagħha u jipprevalu, konsegwentement, fuq l-atti li huma jadottaw (sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2008,Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 42; tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe, C‑404/12 P u C‑405/12 P, EU:C:2015:5, punt 44), dawn l-istess ftehimiet internazzjonali ma jistgħux jipprevalu fuq id-dritt primarju tal-Unjoni.

    26

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jistax ikollu l-effett li jbiddel il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali evalwat l-ammissibbiltà tar-rikors mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandha tiġi miċħuda.

    28

    Barra minn hekk, peress li l-argument ibbażat fuq ir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu jiġi miċħud, il-kritika tal-motivi li permezz tagħhom, fil-punt 37 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument hija ineffettiva. Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell għandha tiġi miċħuda.

    29

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat dwar l-assenza ta’ interess dirett tal-appellant mill-att kontenzjuż

    30

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni ta’ “interess dirett” tfisser li l-miżura għandha, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1998, Glencore Grain vs Il-Kummissjoni, C‑404/96 P, EU:C:1998:196, punt 41, kif ukoll tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 103).

    31

    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat it-tieni aggravju, peress li dan huwa maqsum f’erba’ partijiet.

    Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    32

    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, ir-Région de Bruxelles-Capitale jsostni li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punti 50 sa 55 tad-digriet appellat, li l-att kontenzjuż ma kellux l-effett li jikkonserva l-validità tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva glifosat. Fil-fatt, dan l-att kien jippermetti li tali awtorizzazzjonijiet ikomplu jipproduċu l-effetti tagħhom filwaqt li, fl-assenza ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, dawn l-awtorizzazzjonijiet ikunu ipso facto skadew.

    33

    Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    34

    Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1107/2009 jirriżulta li, għalkemm l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva ma tiġġeddidx mil-leġiżlatur tal-Unjoni minħabba tħassib immedjat dwar is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew l-ambjent, l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva maħruġa mill-Istati Membri jiskadu u dawn il-prodotti għandhom jiġu rtirati immedjatament mis-suq.

    35

    Madankollu, it-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva ma għandux effett paragunabbli fl-assenza ta’ tiġdid. Fil-fatt, dan ma jwassalx għall-konferma, għall-estensjoni jew għat-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza, peress li d-detenturi tagħhom għandhom, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 1107/2009, jitolbu t-tiġdid tagħhom fi żmien tliet xhur sussegwenti għal dak tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva, applikazzjoni li fir-rigward tagħha l-Istati Membri għandhom huma stess min-naħa tagħhom jiddeċiedu fi żmien tnax-il xahar, skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu.

    36

    Konsegwentement, bid-deċiżjoni tagħha li l-att kontenzjuż ma kellux l-effett li jikkonferma l-validità tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva glifosat, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

    Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    37

    Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tiegħu, ir-Région de Bruxelles-Capitale jikkritika l-motivi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 56 sa 59 tad-digriet appellat, l-argument tiegħu bbażat fuq il-fatt li dan huwa direttament affettwat mill-att kontenzjuż, peress li dan tal-aħħar jobbligah jiddeċiedi fuq it-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-glifosat f’terminu massimu ta’ tnax-il xahar mid-dħul fis-seħħ tiegħu, skont l-Artikolu 43(5) tar-Regolament Nru 1107/2009.

    38

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali żbaljat, fil-punt 57 tad-digriet appellat, meta ddeċidiet li l-obbligu ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jaqa’ fuq l-awtorità federali Belġjana u mhux fuq ir-Région de Bruxelles-Capitale. Fil-fatt, dan tal-aħħar neċessarjament jipparteċipa fil-proċedura deċiżjonali, peress li, skont id-dritt nazzjonali, huwa għandu siġġu fuq il-Kumitat ta’ approvazzjoni fejn il-ministru kompetenti għat-tiġdid tal-imsemmija awtorizzazzjonijiet huwa obbligat li jikseb l-opinjoni tiegħu.

    39

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 58 tad-digriet appellat, li l-parteċipazzjoni tar-Région de Bruxelles-Capitale fl-eżami tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti li fihom il-glifosat hija effett dirett tal-Artikolu 43(5) u (6) tar-Regolament Nru 1107/2009 u mhux tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, f’diversi kawżi, l-interess dirett tar-rikorrent ġie aċċettat, minkejja li l-att li huwa kien qiegħed jikkontesta kien jaffettwah biss permezz ta’ att ieħor tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Deza vs ECHA, T‑115/15, EU:T:2017:329, punti 30 sa 35).

    40

    Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    41

    Fl-ewwel lok, huwa paċifiku li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 43(5) u (6) tar-Regolament Nru 1107/2009, minn naħa, li jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti f’terminu massimu ta’ tnax-il xahar li jibda jiddekorri mit-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva li tinsab fl-imsemmi prodott, liema applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur mit-tiġdid tal-approvazzjoni tal-imsemmija sustanza attiva, u, min-naħa l-oħra, meta ma tkun ittieħdet ebda deċiżjoni fuq it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni qabel l-iskadenza tagħha, li testendi l-awtorizzazzjoni għat-tul neċessarju, jaqa’, fil-Belġju, fuq l-awtorità federali, peress li din hija kompetenti skont id-dritt nazzjonali sabiex “tistabbilixxi standards ta’ prodotti”.

    42

    Għalkemm huwa minnu li d-dritt nazzjonali jipprevedi li r-reġjuni huma “involuti fit-tfassil tal-leġiżlazzjonijiet federali dwar standards ta’ prodotti” u li, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 7 tad-Digriet Irjali tat‑28 ta’ Frar 1994, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ pestiċida għal użu agrikolu jistgħu jiġu approvati mill-Ministru Federali kompetenti biss wara opinjoni ta’ kumitat li fih ir-Région de Bruxelles-Capitale huwa rrappreżentat minn espert, din il-kompetenza konsultattiva ma tikkostitwixxix effett dirett tal-Artikolu 43(5) u (6) tar-Regolament Nru 1107/2009. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kritika mqajma mill-appellant kontra l-punt 57 tad-digriet appellat għandha tiġi miċħuda.

    43

    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, il-Qorti Ġenerali ma indikatx, fil-punt 58 tad-digriet appellat, li l-parteċipazzjoni tar-Région de Bruxelles-Capitale fl-eżami tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti li fihom il-glifosat hija effett dirett tal-Artikolu 43(5) u (6) tar-Regolament Nru 1107/2009 u mhux tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali sempliċement irrilevat, f’dan il-punt, li l-argument tal-appellant, kif tressaq minnu, ma invokax l-effetti tal-att kontenzjuż stess, iżda biss dawk tal-Artikolu 43(5) u (6) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, il-kritika tal-appellant tal-punt 58 tad-digriet appellat hija ineffettiva.

    44

    Barra minn hekk, peress li l-ewwel motiv ta’ ċaħda tal-argument tal-appellant mill-Qorti Ġenerali, imsemmi fil-punt 57 tad-digriet appellat, huwa fondat, kif ġie indikat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, it-tieni motiv ta’ ċaħda tal-istess argument li jinsab fil-punt 58 tad-digriet appellat huwa ta’ natura sussidjarja. Il-kritika li jagħmel tiegħu l-appellant hija għalhekk ineffettiva wkoll għal din ir-raġuni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2007, Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni, C‑443/05 P, EU:C:2007:511, punt 137) u għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

    45

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    46

    Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika l-motivi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 60 sa 63 tad-digriet appellat, l-argument tiegħu bbażat fuq il-fatt li, fid-dawl tal-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku prevista fl-Artikoli 40 sa 42 tar-Regolament Nru 1107/2009, l-att kontenzjuż għandu l-effett li jinnewtralizza b’mod kunsiderevoli l-kapaċità tal-Kumitat ta’ Approvazzjoni u, konsegwentement, il-kapaċità tiegħu li jopponi l-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-glifosat, jekk dan il-prodott ikun diġà ġie awtorizzat fi Stat Membru ieħor.

    47

    Fl-ewwel lok, ir-Région de Bruxelles-Capitale jikkritika lill-Qorti Ġenerali peress li qieset li l-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku ma toħloqx awtomatiżmu u li l-Artikolu 41(1) kif ukoll l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 1107/2009 jħallu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istat Membru li quddiemu titressaq talba għal rikonoxximent reċiproku. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex motivata.

    48

    Fit-tieni lok, ir-Région de Bruxelles-Capitale jqis li huwa b’mod manifestament żbaljat li l-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 63 tad-digriet appellat, li l-effetti tal-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku ma humiex il-konsegwenza diretta tal-att kontenzjuż.

    49

    Il-Kummissjoni titlob li t-tielet parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    50

    Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 ta’ din is-sentenza jirriżulta li waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li jippermettu li jiġi stabbilit li miżura taffettwa direttament lil individwu hija li din ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha.

    51

    Issa, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 61 tad-digriet appellat, meta Stat Membru jirċievi applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti diġà awtorizzat għall-istess użu minn Stat Membru ieħor, huwa ma huwiex obbligat li jissodisfa dan ir-rekwiżit, peress li, l-ewwel nett, l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jippermettilu li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi prevalenti fit-territorju tiegħu u li, it-tieni nett, l-Artikolu 36(3) ta’ dan ir-regolament, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 41 tiegħu, jippreċiża, minn naħa, li huwa jista’ jimponi miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji marbuta mas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew tal-ambjent, min-naħa l-oħra, li huwa jista’ saħansitra jirrifjuta l-ħruġ tal-awtorizzazzjoni, meta miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji ma jippermettux li jiġi indirizzat it-tħassib ta’ dan l-Istat Membru minħabba karatteristiċi ambjentali jew agrikoli speċifiċi tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li l-proċedura tar-rikonoxximent reċiproku ma toħloqx awtomatiżmu u tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istat Membru li quddiemu tressqet talba għar-rikonoxximent reċiproku.

    52

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-appellant ma huwiex fondat meta jikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fir-rigward ta’ dan il-punt, wettqet żball ta’ liġi u vvizzjat l-evalwazzjoni tagħha b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

    53

    Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, huwa ġustament, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-effetti tal-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku ma humiex fihom infushom il-konsegwenza diretta tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva hija biss waħda mir-rekwiżiti fost dawk kollha elenkati fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, li għalihom hija suġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih din is-sustanza attiva. Barra minn hekk, l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni fi Stat Membru ma jwassalx, fih innifsu, għal awtorizzazzjoni fl-Istati Membri l-oħra, peress li l-Artikolu 40 ta’ dan ir-regolament jipprovdi, taħt il-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi, li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni mogħtija fi Stat Membru jista’, skont il-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku, japplika għal awtorizzazzjoni għall-istess prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru ieħor. Fl-aħħar nett, u kif ġie espost fil-punt preċedenti, dan l-aħħar Stat Membru ma huwiex obbligat jagħti din l-awtorizzazzjoni fiċ-ċirkustanzi kollha.

    54

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

    Fuq ir-raba’ parti tat-tieni aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    55

    Permezz tar-raba’ parti tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika l-motivi, esposti fil-punti 66 sa 77 tad-digriet appellat, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tiegħu bbażat fuq l-effetti tal-att kontenzjuż fuq il-validità tad-digriet tal‑10 ta’ Novembru 2016 u, konsegwentement, fuq il-konsegwenzi tiegħu fuq il-kontenzjuż li dan id-digriet huwa s-suġġett tiegħu.

    56

    Fl-ewwel lok, ir-Région de Bruxelles-Capitale jqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat, għall-kundizzjoni tal-interess dirett it-test żviluppat fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Ottubru 2005, Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni (T‑366/03 u T‑235/04, EU:T:2005:347), fir-rigward tal-kriterju tal-interess dirett, u b’tali mod fixklet iż-żewġ rekwiżiti msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    57

    Fit-tieni lok, ir-Région de Bruxelles-Capitale jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni ir-riskju li l-att kontenzjuż jirrappreżenta għall-validità tal-projbizzjoni tal-użu tal-pestiċidi li fihom il-glifosat, stabbilit permezz tad-digriet tagħha tal‑10 ta’ Novembru 2016.

    58

    Fit-tielet lok, ir-Région de Bruxelles-Capitale jsostni li l-adozzjoni, minkejja kuntest ġuridiku sfavorevoli, tad-Digriet tal‑10 ta’ Novembru 2016 kienet iddettata minn tħassib ta’ interess ġenerali ta’ natura politika, u mhux biss minn kunsiderazzjonijiet legali.

    59

    Fir-raba’ lok, id-digriet appellat jikkontradixxi manifestament, skont ir-Région de Bruxelles-Capitale, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid vs Il-Kummissjoni (T‑339/16, T‑352/16 u T‑391/16, EU:T:2018:927). F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-bliet rikorrenti, li kienu ħadu miżuri sabiex jillimitaw il-polluzzjoni tal-arja marbuta mat-traffiku fit-territorju tagħhom, kienu direttament ikkonċernati minn regolament li jistabbilixxi l-valuri massimi awtorizzati ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali għall-vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali f’livell ogħla minn dak previst mill-istandard magħruf bħala “Euro 6”. Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali qieset li s-sempliċi illegalità virtwali, jiġifieri li ma tkunx għadha ġiet stabbilita minn deċiżjoni ġudizzjarja, ta’ tali miżuri fid-dawl ta’ dan ir-regolament kienet suffiċjenti sabiex il-bliet inkwistjoni jkunu direttament ikkonċernati minnha. Issa, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-illegalità virtwali tad-Digriet tal‑10 ta’ Novembru 2016 fir-rigward tal-att kontenzjuż ma kinitx biżżejjed sabiex turi l-interess dirett tal-appellant minn din id-deċiżjoni.

    60

    Fil-ħames lok, ir-Région de Bruxelles-Capitale jikkritika lill-Qorti Ġenerali li vvizzjat id-digriet appellat b’nuqqas ta’ motivazzjoni billi naqset milli teżamina l-argument li l-att kontenzjuż jaffettwa direttament il-pożizzjoni legali tiegħu filwaqt li sostniet l-interess ġuridiku tal-awturi tar-rikorsi għal annullament tad-Digriet tal‑10 ta’ Novembru 2016.

    61

    Il-Kummissjoni titlob li r-raba’ parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    62

    Fl-ewwel lok, il-fatt li l-Qorti Ġenerali, skont l-appellant, interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tagħha stess ma jikkostitwixxix fih innifsu żball ta’ liġi li fuqu jista’ jiġi bbażat appell. Barra minn hekk, l-ilment ibbażat fuq konfużjoni bejn il-kriterji tal-interess dirett u tal-interess individwali ma huwa akkumpanjat minn ebda preċiżazzjoni li tippermetti li tiġi evalwata l-fondatezza tiegħu u għalhekk jista’ biss jiġi miċħud.

    63

    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-legalità tad-Digriet tal‑10 ta’ Novembru 2016, ikkontestata fil-kuntest ta’ rikors quddiem il-Kunsill tal-Istat, ma tistax fi kwalunkwe każ tiġi affettwata mill-att kontenzjuż, peress li dan tal-aħħar ġie adottat wara d-data tal-adozzjoni tal-imsemmi digriet. Barra minn hekk, la r-riskju ta’ rikors għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, invokat f’termini allużivi fl-appell, u lanqas id-dubji dwar il-validità tas-sistema ta’ projbizzjoni tal-użu tal-pestiċidi li jinkludu l-glifosat fir-rigward tal-Kostituzzjoni Belġjana, li l-appellant ma jippreċiżax ir-rabta tagħha mal-att kontenzjuż, ma huma ta’ natura li jistabbilixxu li dan tal-aħħar jaffettwah b’mod dirett. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellant ma jistabbilixxix li l-att kontenzjuż joħloq riskju għal din is-sistema ta’ projbizzjoni.

    64

    Fit-tielet lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kundizzjoni ta’ “interess dirett” tfisser b’mod partikolari li l-miżura inkwistjoni għandha tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna fiżika jew ġuridika li jkollha l-intenzjoni tippreżenta rikors skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, tali kundizzjoni għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-effetti legali tal-miżura, peress li l-effetti politiċi eventwali tagħha ma għandhomx effett fuq din l-evalwazzjoni.

    65

    Fir-raba’ lok, l-argument tal-appellant bbażat fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid vs Il-Kummissjoni (T‑339/16, T‑352/16 u T‑391/16, EU:T:2018:927), ma jesponix kif il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li s-soluzzjoni adottata fid-digriet appellat tikkontradixxi din is-sentenza huwa fih innifsu ta’ natura li jivvizzja l-imsemmi digriet b’illegalità.

    66

    Fil-ħames lok, għalkemm ir-Région de Bruxelles-Capitale jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argument tiegħu li l-att kontenzjuż jaffettwa direttament il-pożizzjoni legali tiegħu billi sostniet l-interess ġuridiku tal-awturi tar-rikorsi għal annullament kontra d-Digriet tal‑10 ta’ Novembru 2016, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument ġie ppreżentat mill-appellant biss fir-risposta tiegħu għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

    67

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ parti tat-tieni aggravju kif ukoll l-appell kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

    Dwar l-ispejjeż

    68

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 14(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellant tilef, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Ir-Région de Bruxelles-Capitale huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    Reġistratur


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top