Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0331

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2020.
    Staatssecretaris van Financiën vs X.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98 – Possibblità għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti kunsinni ta’ beni u provvisti ta’ servizzi – Anness III, punt 1 – Kunċetti ta’ ‘prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem’ u ta’ ‘prodotti li normalment jintużaw sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel’ – Prodotti afrodiżijaċi.
    Kawża C-331/19.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:786

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

    1 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98 – Possibblità għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti kunsinni ta’ beni u provvisti ta’ servizzi – Anness III, punt 1 – Kunċetti ta’ ‘prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem’ u ta’ ‘prodotti li normalment jintużaw sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel’ – Prodotti afrodiżijaċi”

    Fil-Kawża C‑331/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ April 2019, fil-proċedura

    Staatsecretaris van Financiën

    vs

    X,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

    komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u M. Ilešič, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Olandiż, minn M. L. Noort u M. K. Bulterman, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStaatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) u X, dwar l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) prevista għall-oġġetti tal-ikel għal prodotti kkummerċjalizzati u użati bħala afrodiżijaċi, magħmula essenzjalment minn elementi ta’ oriġini veġetali jew annimali u kkunsmati oralment.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002,

    3

    Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifika fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5), jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”:

    “1.   Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-assigurazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumatur li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ikel, waqt li jingħata kont b’mod partikolari tad-diversità fil-provvista ta’ l-ikel inklużi prodotti tradizzjonali, waqt li jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tas-suq intern. Jistabbilixxi prinċipji komuni u responsabbiltajiet, il-mezzi ta’ provvista ta’ bażi xjentifika soda, arranġamenti effiċjenti ta’ organizzazzjoni u proċeduri biex isostni it-teħid ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel u l-għalf.

    2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, dan ir-Regolament jipprovdi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw b’mod ġenerali l-ikel u l-għalf, u b’mod partikolari s-sigurtà ta’ l-ikel u l-għalf, fil-livell tal-[Unjoni Ewropea] u dak nazzjonali.

    Dan jistabbilixxi l-Awtorita Ewropea għas-Sigurta ta’ l-Ikel [(EFSA)].

    Jipprovdi l-proċeduri għal kwistjonijiet b’impatt dirett jew indirett dwar is-sigurtà ta’ l-ikel u l-għalf.

    […]”

    4

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjoni ta’ ‘ikel’”, jipprevedi:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘ikel’ (jew ‘oġġetti ta’ l-ikel’) tfisser kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem.

    ‘Ikel’ tinkludi xorb, chewing gum u kull sustanza oħra, inkluż ilma, intenzjonalment inkorporati fl-ikel matul il-manifattura tiegħu, tħejjija jew trattament. Tinkludi ilma wara l-punt ta’ konformità kif definit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/83/KE [tal-Kunsill tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 4, p. 90)], mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tad-Direttivi tal-Kunsill 80/778/KEE [tal-15 ta’ Lulju 1980 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU 1980, L 229, p. 11)] u 98/83/KE.

    ‘Ikel’ ma jinkludix:

    a)

    għalf;

    b)

    annimali ħajjin sakemm ma jkunux ippreparati għat-tqegħid fis-suq għall-konsum uman;

    ċ)

    pjanti qabel il-ħsad;

    d)

    prodotti mediċinali skond it-tifsira tad-Direttivi tal-Kunsill 65/65/KEE [tas-26 ta’ Jannar 1965 dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi, dwar l-ispeċjalitajiet farmaċewtiċi (ĠU 1965, L 22, p. 369)] u 92/73/KEE [tat-22 ta’ Settembru 1992, li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 65/65/KEE u 75/319/KEE dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-mediċini u li tiffissa dispożizzjonijiet kumplimentari għall-mediċini omeopatiċi (ĠU 1992, L 297, p. 8)];

    e)

    kosmetiċi skond it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE [tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 3, p. 285)];

    f)

    tabakk u prodotti tat-tabakk skond it-tifsira tad-Diretttiva 89/622/KEE tal-Kunsill [tat-13 ta’ Novembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar it-tikkettjar tal-prodotti tat-tabakk (ĠU 1989, L 359, p. 1)];

    g)

    sustanzi narkotiċi jew psikotropiċi skond it-Tifsira tal-Konvenzjoni Unika tal-Ġnus Magħquda dwar Droga Narkotika, 1961, [konkluża fi New York fit-30 ta’ Marzu 1961, emendata bil-protokoll tal-1972 li jemenda l-konvenzjoni unika tal-1961 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 520, p. 151) u l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar Sustanzi Psikotropiċi, 1971 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1019, p. 175)];

    h)

    fdalijiet u kontaminanti.”

    5

    L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Għanijiet ġenerali” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Il-liġi dwar l-ikel għandha ssegwi wieħed jew aktar mill-għanijiet ġenerali ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u s-saħħa u l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-Konsumatur, inklużi prattiki ġusti fin-negozju ta’ l-ikel, waqt li jingħata kont ta’, fejn japplika, l-protezzjoni tas-saħħa u l-benessri ta’ l-annimali, is-saħħa tal-pjanti u l-ambjent.”

    Id-Direttiva tal-VAT

    6

    Skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri għandhom japplikaw rata normali ta’ VAT stabbilita minn kull Stat Membru li hija l-istess għall-kunsinna ta’ oġġetti u għall-provvista ta’ servizzi.

    7

    L-Artikolu 97 ta’ din id-direttiva jipprovdi li r-rata normali ma tistax tkun inqas minn 15 %.

    8

    L-Artikolu 98(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.

    2.   Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.

    […]”

    9

    L-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, li jinkludi l-lista tal-kunsinni ta’ beni u l-provvista ta’ servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa ta’ VAT imsemmija fl-Artikolu 98, jinkludi, fil-punti 1 sa 4 tiegħu:

    “1)

    Oġġetti ta’ l-ikel (inkluż ix–xorb imma eskluż ix-xorb alkoħoliku) għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali; annimali ħajjin, żerriegħa, pjanti u ingredjenti normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ affarijiet ta’ l-ikel; prodotti normalment maħsuba li jkunu użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-oġġetti ta’ l-ikel”.

    2)

    il-provvisti ta’ l-ilma;

    3)

    prodotti farmaċewtiċi ta’ tip normalment użati għall-kura tas-saħħa, għall-prevenzjoni tal-mard u bħala trattament għal skopijiet mediċi u veterinarji, inklużi prodotti użati għall-kontraċezzjoni u għall-protezzjoni sanitarja;

    4)

    tagħmir mediku, għajnuniet u strumenti oħra normalment maħsuba biex itaffu jew jikkuraw id-diżabilità, għall-użu esklussiv u personali tal-persuni b’diżabilità, inkluża t-tiswija ta’ din il-merkanzija, u l-provvista ta’ siġġijiet tat-tfal tal-karrozza;

    […]”

    Id-dritt Olandiż

    10

    Fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 9(2)(a) tal-Wet houdende vervanging van de bestaande omzetbelasting door een omzetbelasting volgens het stelsel van heffing over de toegevoegde waarde (il-Liġi li Tissostitwixxi t-Taxxa Eżistenti fuq id-Dħul mill-Bejgħ b’Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ skont is-Sistema ta’ Taxxa fuq il-Valur Miżjud), tat-28 ta’ Ġunju 1968 (Stb. 1968, Nru 329), ir-rata ta’ VAT kienet ta’ 6 % għall-kunsinni ta’ oġġetti li jidhru fit-Tabella I ta’ din il-liġi.

    11

    Il-punt a.1 ta’ din it-tabella jsemmi:

    “1.

    prodotti tal-ikel, b’mod partikolari:

    a.

    ikel u xorb normalment maħsub għall-konsum mill-bniedem;

    b.

    prodotti manifestament maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni tal-ikel u tax-xorb imsemmi f’(a) u li huma inklużi fihom b’mod sħiħ jew parzjali;

    c.

    prodotti maħsuba li jkunu użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-ikel u x-xorb imsemmija f’(a), bil-kundizzjoni li x-xorb alkoħoliku ma jkunx ikkunsidrat bħala prodott tal-ikel;

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    X, imprenditur suġġett għall-VAT, jikkummerċjalizza, fil-ħanut tiegħu ta’ prodotti erotiċi, b’mod partikolari, kapsuli, qtar, trab u sprays, ippreżentati bħala afrodiżijaċi li jżidu l-libido. Dawn il-prodotti, li jikkonsistu essenzjalment minn elementi ta’ oriġini veġetali jew annimali, huma intiżi għall-konsum mill-bniedem u jintużaw oralment.

    13

    Bejn l-2009 u l-2013, il-persuna taxxabbli applikat, fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, ir-rata mnaqqsa tal-VAT li tapplika għall-prodotti tal-ikel.

    14

    Peress li qieset li dawn ma kinux “prodotti tal-ikel”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT, l-amministrazzjoni fiskali kkontestat l-applikazzjoni ta’ din ir-rata għall-istess prodotti u ddeċidiet li toħroġ avviż ta’ aġġustament.

    15

    Il-persuna taxxabbli kkontestat tali deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali quddiem ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi).

    16

    Fl-appell, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) laqgħet ir-rikors tal-persuna taxxabbli, billi qieset li l-użu tal-prodotti inkwistjoni bħala afrodiżijaċi ma jipprekludix it-tassazzjoni tagħhom skont ir-rata mnaqqsa prevista għall-prodotti tal-ikel. Din il-qorti ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-prodotti huma intiżi għal użu orali u huma magħmula minn ingredjenti li jistgħu jinsabu fil-prodotti tal-ikel. Barra minn hekk, hija indikat li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel” hija tant wiesgħa li setgħet tkopri prodotti li ma humiex direttament assoċjati ma’ prodotti tal-ikel, bħalma huma l-ħelu, iċ-chewing-gums jew il-kejkijiet.

    17

    Is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi ppreżenta appell fil-kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag) quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

    18

    Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemha teħtieġ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-kunċett ta’ prodotti tal-ikel iddestinati għall-konsum mill-bniedem, użat fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva [2006/112/KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għal kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, intiż sabiex, jew raġonevolment mistenni li, jittiekel mill-bniedem, konformement mal-Artikolu 2 tar-[Regolament Nru 178/2002]?

    Jekk din id-domanda tingħata risposta fin-negattiv, kif għandu jiġi interpretat dan il-kunċett?

    2)

    Jekk prodotti li jistgħu jittieklu jew li jistgħu jinxtorbu ma jistgħux jitqiesu bħala prodotti tal-ikel iddestinati għall-konsum mill-bniedem, abbażi ta’ liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk dawn il-prodotti jistgħux jitqiesu bħala prodotti li normalment huma intiżi sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel?”

    Fuq id-domandi preliminari

    19

    Permezz tad-domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandhom jiġu interpretati l-kunċetti ta’ “prodotti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem” u ta’ “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel”, li jinsabu fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT.

    20

    Skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-VAT, kull Stat Membru għandu japplika l-istess rata normali ta’ VAT għall-kunsinna ta’ oġġetti u għall-provvista ta’ servizzi.

    21

    B’deroga minn dan il-prinċipju, l-Artikolu 98(1) ta’ din id-direttiva jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw rata waħda jew tnejn imnaqqsa ta’ VAT. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tal-imsemmija direttiva, ir-rati mnaqqsa tal-VAT jistgħu jiġu applikati biss għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi fil-kategoriji li jinsabu fl-Anness III tal-istess direttiva.

    22

    B’mod iktar partikolari, il-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT jippermetti lill-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT, b’mod partikolari, għall-“oġġetti tal-ikel (inkluż ix-xorb imma eskluż ix-xorb alkoħoliku) għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali” kif ukoll għall-“prodotti normalment maħsuba li jkunu użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-oġġetti ta’ l-ikel”.

    23

    Id-Direttiva tal-VAT ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “oġġetti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem”, u lanqas ta’ “prodotti normalment maħsuba li jkunu użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-oġġetti ta’ l-ikel” u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għad-Direttiva 2006/112/KE (ĠU 2011, L 77, p. 1), lanqas ma jipprevedi definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti. Barra minn hekk, la d-Direttiva tal-VAT u lanqas ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 ma jagħmlu riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dan ir-rigward.

    24

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċetti ta’ “ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem” u ta’ “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-oġġetti tal-ikel”, li jinsabu fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, għandhom jiġu interpretati konformement mat-tifsira normali tal-kliem li jikkomponuhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw dawn it-termini u l-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti l-kliem imsemmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 65).

    25

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-sens komuni fil-lingwa ta’ kuljum tal-kliem li jikkostitwixxi l-istess kunċetti, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment enfasizza fil-punti 18, 19 u 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħala prinċipju jikkostitwixxu “prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem” il-prodotti kollha li fihom nutrijenti kostituttivi, enerġetiċi u regolatorji tal-ġisem tal-bniedem, neċessarji għaż-żamma, għall-funzjonament u għall-iżvilupp ta’ dan l-organiżmu, ikkonsmati sabiex jagħtuh dawn in-nutrijenti.

    26

    Peress li din il-funzjoni nutrittiva hija determinanti sabiex prodott ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “prodott tal-ikel għall-konsum mill-bniedem”, skont is-sens abitwali fil-lingwa ta’ kuljum ta’ dawn it-termini, huwa irrilevanti jekk dan il-prodott għandux jew le effetti ta’ benefiċċju għas-saħħa, kemm jekk l-inġestjoni tiegħu timplika jew le ċertu pjaċir għall-konsumatur u li l-użu tiegħu jaqa’ f’kuntest soċjali partikolari. Għaldaqstant, il-fatt li l-konsum tal-imsemmi prodott għandu effetti pożittivi fuq il-libido tal-persuna li tinġerixxih huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

    27

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sens komuni fil-lingwa ta’ kuljum tal-kliem “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-ikel”, għandu jiġi rrilevat li dawn it-termini jkopru l-prodotti li l-konsum tagħhom jagħti wkoll nutrijenti kostituttivi, enerġetiċi u regolatorji lill-ġisem tal-bniedem, neċessarji għaż-żamma, għall-funzjonament u għall-iżvilupp ta’ dan l-organiżmu.

    28

    Għandu jiġi kkonstatat li tali funzjoni nutrittiva ma tistax tkun nieqsa f’din il-kategorija ta’ prodotti peress li dawn il-prodotti għandhom l-għan li jikkompletaw jew jissostitwixxu l-prodotti tal-ikel.

    29

    Peress li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti għandhom l-istess funzjoni nutrittiva, ma hemmx, konsegwentement, raġuni sabiex jiġu ttrattati b’mod differenti għall-finijiet tal-VAT u li japplikaw għalihom sistemi differenti tal-VAT.

    30

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li jaqgħu fih il-kunċetti ta’ “prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem” u ta’ “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel”, li jinsabu fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 20 sa 22 ta’ din is-sentenza, dawn iż-żewġ kunċetti jindikaw prodotti li l-kunsinna tagħhom hija suġġetta għal rata mnaqqsa ta’ VAT, fatt li jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju tal-applikazzjoni tar-rata normali tal-VAT. Għaldaqstant, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Segler-Vereinigung Cuxhaven, C‑715/18, EU:C:2019:1138, punt 25).

    31

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ikel” li tinsab fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002 ma hijiex rilevanti għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti, peress li dan ir-regolament, li għandu bħala għan, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, il-protezzjoni tas-saħħa, jirrigwarda s-sustanzi kollha li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel. Għalhekk, l-imsemmi regolament isemmi, permezz tal-kunċett partikolarment wiesa’ ta’ “oġġetti ta’ l-ikel”, kull sustanza maħsuba sabiex tiġi inġestita jew raġonevolment tista’ tiġi inġestita mill-bniedem, inklużi x-xorb alkoħoliku u l-ilma. Għalhekk, dan il-kunċett għandu portata li teċċedi dik tal-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem” jew tal-kunċett ta’ “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel”, li jinsab fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT.

    32

    Barra minn hekk, la l-kunċett ta’ “oġġetti tal-ikel” u lanqas dak ta’ “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-prodotti tal-ikel”, li jinsab fil-punt 1 ta’ dan l-anness, ma jistgħu jkopru prodotti mediċinali, peress li l-Anness III tad-Direttiva tal-VAT isemmi b’mod distint, fil-punt 3 tiegħu, il-“prodotti farmaċewtiċi”.

    33

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan intiż mill-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi stabbilixxa l-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li l-oġġetti essenzjali kif ukoll l-oġġetti u s-servizzi li jikkorrispondu għal għanijiet soċjali jew kulturali, sa fejn dawn ma jippreżentawx jew ma jippreżentawx wisq riskji ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, jistgħu jkunu suġġetti għal rata mnaqqsa ta’ VAT (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑161/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:355, punt 25).

    34

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-għan ta’ dan l-anness huwa li jagħmel inqas oneruż, u, konsegwentement, iktar aċċessibbli għall-konsumatur finali, li finalment iħallas il-VAT, ċerti oġġetti meqjusa bħala partikolarment neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Oxycure Belgium, C‑573/15, EU:C:2017:189, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kull prodott intiż għall-konsum mill-bniedem li jagħti lill-ġisem tal-bniedem nutrijenti neċessarji għaż-żamma, għall-funzjonament u għall-iżvilupp ta’ dan l-organiżmu, jaqa’ taħt il-kategorija li tinsab fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, anki jekk il-konsum ta’ dan il-prodott huwa intiż ukoll li jipproduċi effetti oħra.

    36

    Min-naħa l-oħra, prodott li ma jkunx fih nutrijenti jew li jkun fih fi kwantità kompletament negliġibbli u li l-konsum tiegħu jservi biss sabiex jipproduċi effetti differenti minn dawk neċessarji għaż-żamma, għall-funzjonament jew għall-iżvilupp tal-ġisem tal-bniedem ma jistax jaqa’ taħt din il-kategorija.

    37

    Għalkemm mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li dan huwa l-każ fir-rigward tal-prodotti afrodiżijaċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

    38

    Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan intiż mill-Anness III tad-Direttiva tal-VAT li l-oġġetti essenzjali jiġu suġġetti għal rata mnaqqsa ta’ VAT sabiex ikunu iktar aċċessibbli għall-konsumatur finali.

    39

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-kunċetti ta’ “prodotti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem” u ta’ “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-ikel”, li jinsabu fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkopru l-prodotti kollha li fihom nutrijenti kostituttivi, tal-enerġija u regolatorji tal-ġisem tal-bniedem, neċessarji għaż-żamma, għall-funzjonament u għall-iżvilupp ta’ dan l-organu, ikkunsmati sabiex jipprovduh b’dawn in-nutrijenti.

    Fuq l-ispejjeż

    40

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-kunċetti ta’ “prodotti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem” u ta’ “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-ikel”, li jinsabu fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkopru l-prodotti kollha li fihom nutrijenti kostituttivi, tal-enerġija u regolatorji tal-ġisem tal-bniedem, neċessarji għaż-żamma, għall-funzjonament u għall-iżvilupp ta’ dan l-organu, ikkunsmati sabiex jipprovduh b’dawn in-nutrijenti.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top