EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0328

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2020.
Kawża mressqa minn Porin kaupunki.
Talba għal deċiżjoni preliminari ,imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 1(2)(a) – Kuntratti pubbliċi fil-qasam tas-servizzi tat-trasport – Ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-komuni dwar l-organizzazzjoni u l-provvista ta’ servizzi soċjali u tas-saħħa bbażat fuq il-mudell imsejjaħ tal-“komun responsabbli” fis-sens tad-dritt Finlandiż – Trasferiment tar-responsabbiltajiet tal-organizzazzjoni tas-servizzi lil wieħed mill-komuni fiż-żona ta’ kooperazzjoni kkonċernata – Kuntratt in house – Għoti mingħajr sejħa għal offerti ta’ servizzi tat-trasport lil kumpannija miżmuma kollha kemm hi mill-komun responsabbli.
Kawża C-328/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:483

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 1(2)(a) – Kuntratti pubbliċi fil-qasam tas-servizzi tat-trasport – Ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-komuni dwar l-organizzazzjoni u l-provvista ta’ servizzi soċjali u tas-saħħa bbażat fuq il-mudell imsejjaħ tal-“komun responsabbli” fis-sens tad-dritt Finlandiż – Trasferiment tar-responsabbiltajiet tal-organizzazzjoni tas-servizzi lil wieħed mill-komuni fiż-żona ta’ kooperazzjoni kkonċernata – Kuntratt in house – Għoti mingħajr sejħa għal offerti ta’ servizzi tat-trasport lil kumpannija miżmuma kollha kemm hi mill-komun responsabbli”

Fil-Kawża C‑328/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), b’deċiżjoni tal-15 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ April 2019, fil-proċedura mibdija minn

Porin kaupunki

fil-preżenza ta’:

Porin Linjat Oy,

Lyttylän Liikenne Oy,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby (Relatur), K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Porin kaupunki, minn A. Kuusniemi-Laine u J. Lähde, asianajajat,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u M. Pere, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Huttunen, P. Ondrůšek u L. Haasbeek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mill-Porin kaupunki (il-Belt ta’ Pori, il-Finlandja) dwar l-għoti, minn din il-belt, ta’ servizzi tat-trasport pubbliku lil Porin Linjat Oy.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/18

3

Intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi:

“1.   Għall-għan ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet mdaħħla fil-paragrafi 2 sa 15 għandhom jgħoddu.

2.   

(a)

‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

[…]

(d)

‘Kuntratti għal servizzi pubbliċi’ huma kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-disposizzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II.

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007

4

Intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1) jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(b)

“awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika jew grupp ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew Stati Membri li għandhom is-setgħa jintervjenu fit-trasport pubbliku għall-passiġġieri f’żona ġeografika partikolari, jew kwalunkwe korp li ngħata tali awtorità;

(ċ)

‘awtorità lokali kompetenti’ tfisser kwalunkwe awtorità kompetenti li ż-żona ġeografika ta’ kompetenza tagħha mhix nazzjonali;

[…]

(j)

‘operatur intern’, tfisser entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta’ grupp ta’ awtoritajiet mill-inqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess;

[…]”

5

Intitolat “L-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku”, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], kif definiti fid-[Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19) jew fid-Direttiva 2004/18], għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz kif definit f’dawk id-Direttivi Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi [2004/17] jew [2004/18], id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw.

2.   Sakemm mhux projbit mil-liġi nazzjonali, kwalunkwe awtorità lokali kompetenti, kemm jekk hi awtorità individwali jew grupp ta’ awtoritajiet li jipprovdu servizzi integrati għat-trasport pbbliku għall-passiġġieri u kemm jekk le, tista’ tiddeċiedi li tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri hija nfisha jew tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament lill-entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta’ grupp ta’ awtorijajiet mill-anqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċità kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess. Fejn awtorità lokali kompetenti tieħu tali deċiżjoni, għandu japplika dan li ġej:

[…]

(b)

il-kondizzjoni biex jiġi applikat dan il-paragrafu hija li l-operatur intern u kwalunkwe entità li fuqha dan l-operatur jeżerċita influwenza anke minima jwettqu l-attività pubblika kollha tiegħu tat-trasport ta’ passiġġieri fit-territorju ta’ l-awtorità lokali kompetenti, minkejja kwalunkwe linji ħerġin jew elementi anċillari oħra ta’ dik l-attività li jidħlu fit-territorju ta’ awtoritajiet lokali kompetenti ġirien, u ma jieħdux sehem f’sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri organizzati barra mit-territorju ta’ l-awtorità lokali kompetenti;

[…]”

Id-dritt Finlandiż

Il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi

6

L-Artikolu 10 tal-laki julkisista hankinnoista (348/2007) (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi (348/2007)) tat-30 ta’ Marzu 2007 li tittrasponi d-Direttiva 2004/18, jipprevedi li din il-liġi ma tapplikax għall-kuntratti li l-entità kontraenti tagħti lil entità distinta minnha fuq il-livell formali iżda awtonomu minnha fuq il-livell deċiżjonali, meta hija teżerċita fuqha, waħedha jew ma’ entitajiet kontraenti oħra, kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u meta din l-entitità distinta twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha mal-entitajiet kontraenti li jikkontrollawha.

Il-Liġi dwar il-Komuni tal-1995

7

Skont l-Artikolu 76(1) tal-kuntalaki (365/1995) (il-Liġi dwar il-Komuni (365/1995)) tas-17 ta’ Marzu 1995 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Komuni tal-1995”), komuni jistgħu, fil-kuntest ta’ ftehim, jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom kollha. L-Artikolu 76(2) ta’ din il-liġi jawtorizza lill-komuni jiftiehmu li komun ikun responsabbli għal funzjoni f’isem komun wieħed jew iktar.

8

Skont l-Artikolu 77(1) tal-imsemmija liġi, meta, fil-kuntest ta’ ftehim, komun ikun inkarigat b’funzjoni f’isem komun wieħed jew iktar, jista’ jiġi miftiehem li l-komuni l-oħra kkonċernati għandhom jaħtru parti mill-membri tal-istituzzjoni tal-ewwel komun responsabbli minn din il-funzjoni.

Il-Liġi dwar il-Komuni tal-2015

9

Il-Liġi dwar il-Komuni tal-1995 tħassret bil-kuntalaki (410/2015) (il-Liġi dwar il-Komuni (410/2015)) tal-10 ta’ April 2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Komuni tal-2015”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2015.

10

Skont l-Artikolu 8 ta’ din il-liġi, komun jista’ jwettaq huwa stess il-funzjonijiet fdati lilu mil-liġi jew jiftiehem li jafda r-responsabbiltà tal-eżekuzzjoni tagħhom lil komun ieħor jew lil grupp ta’ komuni. Il-komun jew il-grupp ta’ komuni responsabbli għall-organizzazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija funzjonijiet għandhom b’mod partikolari jiggarantixxu l-ugwaljanza fl-aċċess għas-servizzi kkonċernati, id-definizzjoni tal-bżonnijiet, tal-kwantità u tal-kwalità tagħhom, il-metodu u l-kontroll tal-provvista ta’ dawn is-servizzi kif ukoll l-eżerċizzju tal-kompetenza attribwita lill-awtorità kkonċernata. Barra minn hekk, komun jibqa’ responsabbli għall-finanzjament tal-funzjonijiet tiegħu, anki jekk ir-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tagħhom tiġi ttrasferita lil komun ieħor jew lil grupp ta’ komuni.

11

Skont l-Artikolu 49 tal-Liġi dwar il-Komuni tal-2015, komuni u gruppi ta’ komuni jistgħu, fil-kuntest ta’ ftehim, jeżerċitaw flimkien il-funzjonijiet tagħhom, peress li din il-kooperazzjoni tista’ b’mod partikolari tieħu l-forma ta’ istituzzjoni komuni. L-Artikolu 50(2) ta’ din il-liġi jipprovdi b’mod partikolari li l-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi ma tapplikax għall-kooperazzjoni bejn il-komuni jekk il-kooperazzjoni tirrigwarda attribuzzjoni magħmula minn komun jew grupp ta’ komuni lil entità relatata, fis-sens tal-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi, jew jekk, għal raġuni oħra, din il-liġi tal-aħħar ma tapplikax għall-kooperazzjoni.

12

L-Artikolu 50(1) tal-Liġi dwar il-Komuni tal-2015 jipprovdi li, jekk komun jaqbel li jiġi ttrasferit lil komun ieħor jew lil grupp ta’ komuni r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni ta’ funzjoni imposta fuqu, din il-liġi ma tapplikax għal tali trasferiment.

13

Skont l-Artikolu 51(1) ta’ din il-liġi, komun, ikkwalifikat bħala “komun responsabbli”, jista’ jwettaq funzjoni f’isem komun wieħed jew iktar b’tali mod li l-komuni jkollhom istituzzjoni komuni responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ din il-funzjoni. Il-komuni jistgħu jiftiehmu li l-komuni l-oħra jaħtru parti mill-membri tal-istituzzjoni komuni.

14

L-Artikolu 52(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-ftehim li jistabbilixxi istituzzjoni komuni, imsemmi fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, għandu b’mod partikolari jippreċiża l-funzjonijiet ta’ din l-istituzzjoni u, jekk ikun il-każ, it-trasferiment tar-responsabbiltà ta’ organizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi, il-kompożizzjoni tagħha u d-dritt tal-komuni l-oħra li jaħtru membri, il-kriterji ta’ kalkolu tal-ispejjeż u tat-tqassim tagħhom kif ukoll it-tul u t-terminazzjoni tal-imsemmi ftehim.

Il-Liġi dwar it-Trasport Pubbliku

15

Skont l-Artikolu 12(3) tal-joukkoliikennelain (869/2009) (il-Liġi dwar it-Trasport Pubbliku (869/2009)) tat-13 ta’ Novembru 2009 kif emendata bil-laki joukkoliikennelain muuttamisesta (1219/2011) (il-Liġi dwar l-Emenda tal-Liġi dwar it-Trasport Pubbliku (1219/2011)), tad-9 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Trasport Pubbliku”), l-awtorità komunali reġjonali tawtorizza l-operazzjoni ta’ rotot regolari biss għat-territorju li għalih hija kompetenti.

16

Skont l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar it-Trasport Pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tat-trasport bit-triq, fis-sens tar-Regolament Nru 1370/2007, huma obbligati li jiddeterminaw il-livell ta’ servizz applikabbli għat-trasport pubbliku li jaqa’ taħt iż-żona ta’ kompetenza tagħhom. Din id-dispożizzjoni tobbliga lil dawn l-awtoritajiet sabiex jikkooperaw, sa fejn neċessarju, bejniethom, kif ukoll mal-komuni u mal-assoċjazzjonijiet ta’ provinċji waqt it-tfassil tad-definizzjoni tal-livell ta’ servizz.

17

Mill-Artikolu 5(2) tal-imsemmija liġi jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti għat-trasport operat skont ir-Regolament Nru 1370/2007 huma responsabbli mid-definizzjoni tas-servizzi. Madankollu, ir-responsabbiltà tal-ippjanar tal-itinerarji u tal-ħinijiet tista’ taqa’ fuq l-operaturi tat-trasport jew l-awtoritajiet, jew anki tinqasam bejniethom.

18

Skont l-Artikolu 6 tal-Liġi dwar it-Trasport Pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati li jistabbilixxu l-ippjanar tas-servizzi ta’ trasport pubbliku, qabel kollox, bħala sistemi reġjonali jew territorjali, sabiex jinkiseb netwerk ta’ trasport pubbliku li jkun funzjonali. Matul it-tfassil tal-ippjanar tat-trasport pubbliku, dawn l-awtoritajiet għandhom jikkooperaw bejniethom kif ukoll mal-komuni.

19

Skont l-Artikolu 14(4) ta’ din il-liġi, l-imsemmija awtoritajiet għandhom jadottaw deċiżjonijiet dwar l-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ trasport pubbliku li jaqgħu taħt iż-żona ta’ kompetenza tagħhom jew parti minnha skont ir-Regolament Nru 1370/2007.

Il-Liġi dwar is-Servizzi u l-Miżuri ta’ Appoġġ għall-Persuni b’Diżabbiltà

20

L-Artikolu 3 tal-laki vammaisuuden perusteella järjestettävistä palveluista ja tukitoimista (380/1987) (il-Liġi dwar is-Servizzi u l-Miżuri ta’ Appoġġ għall-Persuni b’Diżabbiltà (380/1987)) tat-3 ta’ April 1987 jagħti lill-komuni r-responsabbiltà fil-qasam tal-organizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

Permezz ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2012 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku”), il-Bliet ta’ Pori, ta’ Harjavalta, ta’ Kokemäki, ta’ Ulvila u l-Komun ta’ Nakkila (il-Finlandja) iddeċidew li jafdaw ċerti funzjonijiet ta’ trasport lill-Belt ta’ Pori, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità lokali kompetenti. Dawn il-funzjonijiet huma amministrati mill-komuni li huma partijiet għal dan il-ftehim skont il-modalitajiet previsti fl-Artikoli 76 u 77 tal-Liġi dwar il-Komuni tal-1995, peress li l-Belt ta’ Pori tikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, istituzzjoni komuni.

22

Il-Kummissjoni tat-Trasport Pubbliku tar-Reġjun ta’ Pori (iktar ’il quddiem il-“Kumissjoni tat-Trasport Pubbliku”), li hija kkostitwita minn ħames membri maħtura mill-Belt ta’ Pori u minn membru maħtur minn kull wieħed mill-komuni l-oħra partijiet għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku, taġixxi bħala awtorità kompetenti għat-trasport lokali fil-Belt ta’ Pori u esklużivament għat-trasport użat fiż-żona stabbilita mill-partijiet għal dan il-ftehim. Il-funzjonament tal-Kummissjoni tat-Trasport Pubbliku huwa rregolat minn statut li huwa approvat mill-Assemblea Komunali tal-Belt ta’ Pori kif ukoll minn regoli ta’ ġestjoni approvati mill-imsemmija kummissjoni.

23

L-ispejjeż relatati mat-trasport li ġew allokati skont ir-Regolament Nru 1370/2007 huma maqsuma bejn il-komuni partijiet għall-imsemmi ftehim, skont modalitajiet stabbiliti speċifikament mill-Kummissjoni tat-Trasport Pubbliku. Fil-preparazzjoni tal-baġit u tal-pjan finanzjarju, il-komuni li huma partijiet għall-Fehim ta’ Kooperazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku għandhom jingħataw il-possibbiltà li jagħmlu proposti dwar l-għanijiet u l-finanzjament tal-kooperazzjoni.

24

L-Istatut tal-Kummissjoni tat-Trasport Pubbliku jipprevedi li hija taġixxi, bħala awtorità reġjonali kompetenti komuni fil-qasam tat-trasport għaż-żona li tkopri t-territorju tal-partijiet għal dan il-ftehim, taħt l-awtorità tal-Assemblea Komunali u tal-Kunsill Eżekuttiv Komunali tal-Belt ta’ Pori. L-imsemmija kummissjoni hija, għaż-żona kollha koperta mill-imsemmi ftehim, responsabbli għall-funzjonijiet li r-Regolament Nru 1370/2007 u l-Liġi dwar it-Trasport Pubbliku jassenjaw lill-awtorità kompetenti fil-qasam tat-trasport pubbliku. Għal dan il-għan, hija tiddeċiedi b’mod partikolari l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni u ta’ attribuzzjoni tat-trasport pubbliku, fis-sens ta’ dan ir-regolament, li huwa operat biss fiż-żona ta’ kompetenza tagħha. Hija għandha tapprova wkoll il-kuntratti li għandhom jiġu konklużi u tiddeċiedi dwar it-tariffi u l-ħlasijiet.

25

Fl-istess ħin, il-Bliet ta’ Pori u ta’ Ulvila kif ukoll il-Komun ta’ Merikarvia (il-Finlandja) ftiehmu, permezz ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni dwar l-organizzazzjoni u l-provvista tas-servizzi soċjali u tas-saħħa konkluż fit-18 ta’ Diċembru 2012 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa”), fuq il-bażi tal-Artikoli 76 u 77 tal-laki kunta- ja palvelurakenneuudistuksesta (169/2007) (il-Liġi dwar ir-Ristrutturazzjoni tal-Komuni u tas-Servizzi (169/2007) tad-9 ta’ Frar 2007, li jittrasferixxu lill-Belt ta’ Pori r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni tas-servizzi soċjali u tas-saħħa għat-territorju kollu tagħhom.

26

Dan il-ftehim huwa bbażat fuq il-mudell magħruf tal-“komun responsabbli”, previst mil-Liġi dwar il-Komuni tal-1995 u l-Liġi dwar il-Komuni tal-2015. Fil-kuntest ta’ dan il-mudell, funzjoni li taqa’ fuq il-komuni differenti hija assunta minn wieħed minnhom, ikkwalifikat bħala “komun responsabbli”, f’isimhom fil-kuntest ta’ ftehim konkluż bejn l-imsemmija komuni.

27

Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa jindika lill-Belt ta’ Pori bħala l-“belt [jew komun] responsabbli” jew il-“belt ospitanti”, filwaqt li l-Belt ta’ Ulvila u l-Komun ta’ Merikarvia huma kklassifikati bħala “komuni kontraenti”.

28

Dan il-ftehim jipprevedi li l-mekkaniżmu tas-servizzi soċjali u tas-saħħa jikkostitwixxi totalità koerenti, żviluppata b’mod konġunt mill-komun responsabbli u mill-komuni kontraenti ta’ dan il-ftehim. Il-komun responsabbli għandu jevalwa u jiddefinixxi l-bżonnijiet tar-residenti fil-qasam tas-servizzi soċjali u tas-saħħa, jiddeċiedi dwar il-portata u l-livell tal-kwalità ta’ dawn is-servizzi offruti lir-residenti, jiżgura li dawn ikollhom is-servizzi neċessarji u jiddeċiedi wkoll dwar il-mod kif l-imsemmija servizzi għandhom jiġu pprovduti. Barra minn hekk, hija responsabbli għad-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi soċjali u tas-saħħa, kif ukoll għall-kontroll u s-sorveljanza tagħhom.

29

Fil-prattika, ir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tas-servizzi soċjali u tas-saħħa li jaqgħu taħt iż-żona ta’ kooperazzjoni taqa’ fuq il-Kummissjoni ta’ Garanzija tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Belt ta’ Pori, li hija kummissjoni konġunta, komposta minn tmintax-il membru, li tlieta minnhom jinħatru mill-Belt ta’ Ulvila, tnejn mill-Komun ta’ Merikarvia u t-tlettax l-oħra mill-Belt ta’ Pori. Barra minn hekk, il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa jipprovdi li l-Assemblea Komunali tal-Belt ta’ Pori għandha tapprova l-istatut ta’ din il-kummissjoni u tiddetermina l-kamp ta’ azzjoni, kif ukoll il-funzjonijiet ta’ din tal-aħħar. L-imsemmija kummissjoni tassumi r-responsabbiltà sħiħa tas-servizzi soċjali u tas-saħħa, tal-mekkaniżmu tal-imsemmija servizzi kif ukoll tal-baġit neċessarju. Fil-kuntest tal-kamp ta’ azzjoni tagħha, hija tapprova b’mod partikolari l-ftehimiet li għandhom jiġu konklużi u tiddeċiedi dwar it-tariffi dovuti għas-servizzi u għas-servizzi l-oħra kkonċernati, skont il-kriterji ġenerali stabbiliti mill-Assemblea Komunali tal-Belt ta’ Pori. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ta’ Garanzija tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Belt ta’ Pori tistabbilixxi kull sena pjan ta’ servizzi li jiddefinixxi l-kontenut speċifiku tas-servizzi, fejn l-abbozz tal-pjan jiġi sottomess minn qabel, għal opinjoni, lill-komuni kontraenti tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa. Fl-aħħar nett, dan il-ftehim jipprevedi li l-ġestjoni ekonomika tas-servizzi soċjali u tas-saħħa tkun ibbażata fuq baġit, pjan finanzjarju u pjan ta’ dawn is-servizzi ppreparati b’mod konġunt, kif ukoll fuq sorveljanza tal-ispejjeż u tal-użu tal-imsemmija servizzi. Fir-rigward tal-ispejjeż, dawn jinqasmu skont l-użu tas-servizzi soċjali u tas-saħħa, b’tali mod li kull komun iħallas l-ispiża reali tas-servizzi użati mill-popolazzjoni tiegħu u r-residenti li għalihom huwa responsabbli.

30

Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni ta’ Garanzija tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Belt ta’ Pori ddeċidiet li t-trasport tal-persuni b’diżabbiltà lejn il-postijiet tax-xogħol u tal-attività ta’ kuljum b’karozzi tal-linja b’qiegħ baxx kellu jsir, għaż-żona kollha koperta mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa, mill-Belt ta’ Pori bħala funzjoni tagħha, permezz ta’ Porin Linjat, kumpannija b’responsabbiltà limitata li hija żżomm integralment. Konsegwentement, il-Belt ta’ Pori, għal dan il-kuntratt tat-trasport tal-persuni b’diżabbiltà, ma għamlitx sejħa għal offerti iżda tatu direttament lil Porin Linjat, skont is-sistema tal-kuntratt in house, li fid-dritt Finlandiż huwa kklassifikat bħala “attribuzzjoni lil entità relatata”.

31

Madankollu, il-Belt ta’ Pori tindika li qabel kienet ikkonkludiet żewġ kuntratti oħra ma’ Porin Linjat fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-kuntratt ta’ għoti ta’ trasport għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Mejju 2016, dwar il-livell ta’ ġestjoni tat-trasport pubbliku fil-Belt ta’ Pori u dwar is-servizzi li għandhom jingħataw lil operaturi, konkluż fil-5 ta’ Settembru 2013, li għandu bħala suġġett il-linji ta’ trasport li jgħaqqdu l-Belt ta’ Pori, il-Komun ta’ Nakkila u l-Bliet ta’ Harjavalta u ta’ Kokemäki u, fit-tieni lok, il-kuntratt konkluż fil-11 ta’ Ġunju 2014 dwar it-trasport bejn il-Bliet ta’ Pori u ta’ Ulvila, li jkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2014 u l-31 ta’ Mejju 2016.

32

Lyttylän Liikenne Oy ikkontestat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ Garanzija tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Belt ta’ Pori tal-4 ta’ Mejju 2015 quddiem il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja) li annullatha għar-raġuni, minn naħa, li Porin Linjat ma tistax tiġi kklassifikata bħala “entità relatata” jew “operatur intern” għall-Belt ta’ Pori, fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Liġi (348/2007) u, min-naħa l-oħra, li ebda raġuni oħra prevista f’din il-liġi ma tiġġustifika l-fatt li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi eżentat mill-obbligu ta’ sejħa għal offerti. Dik il-qorti tqis li, kuntrarjament għall-Belt ta’ Pori li għandha ħames rappreżentanti fi ħdan il-Kummissjoni tat-Trasport Pubbliku, il-komuni l-oħra li huma partijiet għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa għandhom biss rappreżentant wieħed fi ħdan din il-kummissjoni b’mod li ma humiex f’pożizzjoni li jeżerċitaw kontroll fuq Porin Linjat. Minn dan isegwi li l-profitt miksub minn din il-kumpannija minħabba l-operat tat-trasport pubbliku ta’ dawn il-komuni ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk l-imsemmija kumpannija twettaqx il-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha għall-benefiċċju tal-awtorità kontraenti li tikkontrollaha, f’dan il-każ il-Belt ta’ Pori. Għalkemm l-operat tat-trasport huwa parzjalment ibbażat fuq atti adottati mill-Belt ta’ Pori, l-ammont tad-dħul mill-bejgħ magħmul minn Porin Linjat għall-operat tat-trasport ta’ din il-belt huwa madankollu insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ relazzjoni bejn il-Belt ta’ Pori u entità relatata, peress li Porin Linjat ma twettaqx il-parti essenzjali tal-attività tagħha għall-benefiċċju tal-azzjonist uniku tagħha.

33

Il-Belt ta’ Pori, li hija sostnuta minn Porin Linjat, ippreżentat appell quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), li fil-kuntest tiegħu hija ssostni li din tal-aħħar tikkostitwixxi entità li hija relatata magħha. Fil-fatt, Porin Linjat hija kumpannija miżmuma u kkontrollata mill-Belt ta’ Pori u, mis-sena 2009, hija ma pparteċipatx, bħala offerent, f’sejħiet għal offerti għal servizzi ta’ trasport. Barra minn hekk, hija bl-ebda mod ma tieħu sehem fil-kompetizzjoni fis-suq. Abbażi tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku, il-Bliet ta’ Harjavalta, ta’ Kokemäki, ta’ Ulvila u l-Komun ta’ Nakkila għaddew lill-Belt ta’ Pori r-responsabbiltà li tamministra, bħala komun responsabbli, il-funzjonament tat-trasport pubbliku tal-komuni parteċipanti fil-kooperazzjoni. Konsegwentement, id-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-operat, minn Porin Linjat, ta’ dan it-trasport fit-territorju tal-imsemmija komuni huwa attribwit lill-Belt ta’ Pori. B’hekk, iktar minn 90 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Porin Linjat isir abbażi tal-operat tat-trasport tal-Belt ta’ Pori.

34

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa jistax, min-natura tiegħu stess, jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, minħabba li jikkonkretizza trasferiment ta’ kompetenzi jew kooperazzjoni bejn entitajiet li jappartjenu lis-settur pubbliku, jew għal kull raġuni oħra.

35

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kooperazzjoni bejn il-komuni tar-reġjun ta’ Pori hija bbażata, f’dak li jirrigwarda l-provvista kemm tas-servizzi soċjali u tas-saħħa kif ukoll tas-servizzi ta’ trasport, fuq il-mudell imsejjaħ bħala tal-“komun responsabbli”. Issa, din il-qorti tistaqsi jekk il-kuntratti mogħtija mill-komun responsabbli jevitawx l-obbligu ta’ sejħa għal offerti meta dan il-komun jew l-entità relatata tiegħu jakkwistaw servizzi f’isem il-komuni taż-żona ta’ kooperazzjoni li huma intiżi għall-abitanti tagħhom. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-mudell imsejjaħ tal-“komun responsabbli” jista’ jinftiehem bħala trasferiment ta’ kompetenzi, kif interpretat fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985). Madankollu, din is-sentenza ma tittrattax espressament il-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ sejħa għal offerti previst fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fuq il-kuntratti pubbliċi għandux japplika għal miżuri li jsegwu trasferiment ta’ kompetenzi.

36

Il-qorti tar-rinviju tindika li, jekk ikun il-każ, il-mudell imsejjaħ tal-“komun responsabbli” jista’ wkoll jiġi kklassifikat bħala “kooperazzjoni bejn entitajiet tas-settur pubbliku”. F’dan il-każ, għandu madankollu jiġi ppreċiżat jekk il-komun responsabbli jistax, waqt l-organizzazzjoni tas-servizzi għall-entitajiet kontraenti l-oħra li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni, jirrikorri għal entità li hija relatata miegħu mingħajr ma jagħmel sejħa għal offerti.

37

Tqum ukoll il-kwistjoni dwar, minn naħa, jekk, sabiex jiġi ddeterminat is-sehem tad-dħul mill-bejgħ ta’ Porin Linjat magħmul mill-operat tat-trasport pubbliku tal-Belt ta’ Pori, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ relatat mat-trasport reġjonali li l-Belt ta’ Pori torganizza, bħala awtorità kompetenti, f’isem il-Bliet ta’ Harjavalta, ta’ Kokemäki u ta’ Ulvila, kif ukoll tal-Komun ta’ Nakkila abbażi tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku u, min-naħa l-oħra, jekk is-sehem tad-dħul mill-bejgħ ta’ Porin Linjat magħmul mill-operat tat-trasport pubbliku tal-Belt ta’ Pori huwiex tali li din il-kumpannija tista’ tiġi kklassifikata bħala “entità kkontrollata” minn din il-belt.

38

Sa fejn, minn naħa, il-Belt ta’ Pori tagħti kuntratti għal servizzi ta’ trasport reġjonali, f’isimha stess iżda wkoll f’isem il-komuni l-oħra partijiet għall-ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku u, min-naħa l-oħra, dawn il-komuni jsostnu parti mill-ispejjeż tas-servizzi mogħtija, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Belt ta’ Pori tistax titqies bħala awtorità kontraenti għat-trasport reġjonali kollu u jekk, għaldaqstant, it-totalità ta’ dawn il-kuntratti għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ imwettaq minn Porin Linjat mill-operat tat-trasport pubbliku ta’ din il-belt.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva [2004/18] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-mudell [imsejjaħ] tal-awtorità lokali responsabbli [komun responsabbli] konformement mal-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali [komuni] inkwistjoni [fil-kawża prinċipali], jissodisfa l-kundizzjonijiet għal trasferiment ta’ kompetenzi li ma humiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis,C-51/15, EU:C:2016:985) jew għal kooperazzjoni orizzontali li ma hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ sejħa għal offerti (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Piepenbrock,C-386/11, EU:C:2013:385 u l-ġurisprudenza ċċitata), jew dan jikkostitwixxi każ ieħor, it-tielet kawża differenti?

2)

Jekk il-mudell [imsejjaħ] ta’ awtorità lokali responsabbli [komun responsabbli] konformement mal-ftehim ta’ kooperazzjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet għal trasferiment ta’ kompetenzi: Fil-każ li l-kuntratti jingħataw wara li l-kompetenzi jkunu ġew ittrasferiti, l-entità pubblika li lilha jkunu ġew ittrasferiti l-kompetenzi hija kkunsidrata bħala l-awtorità kontraenti u, fuq il-bażi tal-kompetenzi lilha ttrasferiti mill-awtoritajiet lokali [komuni] l-oħra bħala l-awtorità lokali responsabbli, din l-entità pubblika tista’ tagħti kuntratti għal servizzi lill-entità relatata mingħajr sejħa għal offerti, sa fejn, mingħajr il-prinċipju ta’ awtorità lokali responsabbli, l-għoti ta’ dawn il-kuntratti għal servizzi kien ikun assenjat lill-awtoritajiet lokali li ttrasferew il-kompetenza bħala l-funzjoni tagħhom stess?

3)

Jekk, min-naħa l-oħra, il-mudell [imsejjaħ] ta’ awtorità lokali responsabbli [komun responsabbli] konformement mal-ftehim ta’ kooperazzjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kooperazzjoni orizzontali: l-awtoritajiet lokali [komuni] li qed jipparteċipaw f’din il-kooperazzjoni jistgħu jagħtu kuntratti għal servizzi mingħajr ma joħorġu sejħiet għal offerti lil awtorità lokali li qed tieħu sehem fil-kooperazzjoni, li tat dawn il-kuntratti għal servizzi lil waħda mill-entitajiet relatati magħha mingħajr sejħa għal offerti?

4)

Fil-kuntest ta’ verifika dwar jekk kumpannija twettaqx il-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha għall-awtorità lokali [komun] li hija ssuġġettata għall-kontroll tagħha, meta jiġi kkalkolat id-dħul mill-bejgħ relatat mal-awtorità lokali, id-dħul mill-bejgħ ta’ kumpannija proprjetà tal-awtorità lokali li teżerċita servizzi tat-trasport fis-sens tar-[Regolament Nru 1370/2007] jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ relatat mal-awtorità lokali sa fejn din il-kumpannija tikseb dan id-dħul mill-bejgħ minn servizzi tat-trasport organizzati mill-awtorità lokali bħala l-awtorità kompetenti fis-sens tar-Regolament dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

40

L-ewwel nett, għalkemm, b’differenza mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa, in-natura ġuridika tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku ma tissemmiex espressament mill-qorti tar-rinviju, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, permezz ta’ dan il-ftehim tal-aħħar, il-Bliet ta’ Harjavalta, ta’ Kokemäki u ta’ Ulvila kif ukoll il-Komun ta’ Nakkila fdaw lill-Belt ta’ Pori r-responsabbiltà li tamministra, bħala komun responsabbli, il-funzjonament tat-trasport pubbliku tal-komuni li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni.

41

Għalhekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li jirriżulta li l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku huwa bbażat, bħal fil-każ tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa, fuq il-mudell imsejjaħ tal-“komun responsabbli”.

42

Konsegwentement, huwa abbażi ta’ din il-premessa li l-Qorti tal-Ġustizzja ser teżamina d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

43

It-tieni nett, jidher li l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku u l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa ma ġewx konklużi mill-istess partijiet. Fil-fatt, il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku jorbot il-Bliet ta’ Pori, ta’ Harjavalta, ta’ Kokemäki u ta’ Ulvila kif ukoll il-Komun ta’ Nakkila. Fir-rigward tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa, dan ġie konkluż mill-Bliet ta’ Pori u ta’ Ulvila kif ukoll mill-Komun ta’ Merikarvia.

44

It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-kwalità tagħha ta’ “komun responsabbli”, il-Belt ta’ Pori għandha tipprovdi s-servizzi kkonċernati minn dawn iż-żewġ ftehimiet. Għal dan il-għan, hija tibbaża ruħha fuq entità relatata, jiġifieri operatur intern, li hija żżomm integralment u li hija tikkontrolla, jiġifieri Porin Linjat.

Fuq l-ewwel domanda

45

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li ftehim, li jipprovdi li l-komuni li huma partijiet f’dan il-ftehim jafdaw lil wieħed minnhom bir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tas-servizzi għall-benefiċċju tagħhom, huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 minħabba li jikkostitwixxi trasferiment tal-kompetenzi, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE, kif interpretat fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985), jew kooperazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti eskluża mill-obbligu ta’ sejħa għal offerti, fis-sens tas-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Piepenbrock (C‑386/11, EU:C:2013:385).

46

Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985, punti 4041), it-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan Stat Membru jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 4(2) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni hija obbligata tosserva l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom, inkluż dak li jirrigwarda l-awtonomija lokali u reġjonali. Barra minn hekk, peress li dan it-tqassim tal-kompetenzi ma huwiex riġidu, il-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni tirrigwarda wkoll ir-riorganizzazzjonijiet ta’ kompetenzi fi ħdan Stat Membru. Tali riorganizzazzjonijiet, li jistgħu b’mod partikolari jieħdu l-forma ta’ trasferimenti volontarji ta’ kompetenzi bejn awtoritajiet pubbliċi, għandhom il-konsegwenza li awtorità li kienet preċedentement kompetenti teħles mill-obbligu u mid-dritt li twettaq funzjoni pubblika partikolari filwaqt li awtorità oħra tassumi dan l-obbligu u dan id-dritt.

47

Mill-punti 42 sa 44 tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985), jirriżulta wkoll li tali trasferiment ta’ kompetenzi ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku”. Barra minn hekk, huwa biss kuntratt konkluż b’titolu oneruż li jista’ jikkostitwixxi kuntratt pubbliku li jaqa’ taħt id-Direttiva 2004/18. Din in-natura oneruża timplika li l-awtorità kontraenti li tikkonkludi kuntratt pubbliku tirċievi bis-saħħa tiegħu, permezz ta’ korrispettiv, provvista li għandha tinvolvi interess ekonomiku dirett għal din l-awtorità kontraenti. In-natura sinallagmatika tal-kuntratt għalhekk hija karatteristika essenzjali ta’ kuntratt pubbliku. Issa, il-fatt stess li awtorità pubblika tinħeles minn kompetenza li preċedentement kienet inkarigata minnha jneħħi, fir-rigward tagħha, kull interess ekonomiku għat-twettiq tal-funzjonijiet li jikkorrispondu għal din il-kompetenza.

48

Madankollu, sabiex jitqies li huwa att ta’ organizzazzjoni interna, kopert mill-Artikolu 4(2) TUE, trasferiment ta’ kompetenzi bejn awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ li l-awtorità pubblika li tingħata kompetenza jkollha s-setgħa li torganizza l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet li jaqgħu taħt din il-kompetenza kif ukoll li tistabbilixxi l-qafas regolatorju relatat għal dawn il-funzjonijiet u, fl-aħħar nett, li hija jkollha awtonomija finanzjarja li tippermetti li jiġi żgurat il-finanzjament tagħhom. L-awtorità inizjalment kompetenti ma tistax għalhekk iżżomm ir-responsabbiltà prinċipali fir-rigward ta’ dawn l-istess funzjonijiet, u lanqas ma tista’ tirriżerva l-kontroll finanzjarju tagħhom jew tapprova minn qabel id-deċiżjonijiet previsti mill-entità relatata magħha. Trasferiment ta’ kompetenzi għaldaqstant jippreżupponi li l-awtorità pubblika l-ġdida teżerċita din il-kompetenza b’mod awtonomu u taħt ir-responsabbiltà tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis, C‑51/15, EU:C:2016:985, punti 4951).

49

L-awtonomija ta’ azzjoni tal-awtorità pubblika li għandha kompetenza ma tfissirx madankollu li l-entità l-ġdida kompetenti għandha tiġi eskluża minn kull influwenza min-naħa ta’ kwalunkwe entità pubblika oħra. Fil-fatt, entità li tittrasferixxi kompetenza tista’ żżomm ċertu dritt ta’ skrutinju fuq il-funzjonijiet marbuta mas-servizz pubbliku ttrasferit. Madankollu, tali influwenza, li tista’ tiġi eżerċitata permezz ta’ organiżmu, bħal assemblea ġenerali, kompost minn rappreżentanti ta’ entitajiet territorjali preċedentement kompetenti, teskludi, bħala prinċipju, kull indħil fil-modalitajiet konkreti ta’ eżekuzzjoni tal-funzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza ttrasferita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis, C‑51/15, EU:C:2016:985, punt 52).

50

F’dan il-każ, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa jipproċedi bit-trasferiment, mill-komuni partijiet għal dan il-ftehim għall-benefiċċju tal-Belt ta’ Pori, tar-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tas-servizzi soċjali u tas-saħħa ta’ dawn il-komuni. Dan it-trasferiment ta’ kompetenzi volontarji joriġina mil-Liġi (169/2007).

51

It-tieni nett, il-ġestjoni taż-żona ta’ kooperazzjoni hekk stabbilita hija organizzata skont il-modalitajiet previsti fl-Artikoli 76 u 77 tal-Liġi dwar il-Komuni tal-1995. Minn dan isegwi li l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa jagħti għalhekk lill-komun responsabbli r-responsabbiltà li jevalwa u jiddefinixxi l-bżonnijiet tar-residenti tal-komuni kkonċernati fil-qasam tas-servizzi soċjali u tas-saħħa, li jiddeċiedi dwar il-portata u l-livell ta’ kwalità ta’ dawn is-servizzi mogħtija lil dawn ir-residenti u li jiżgura li dawn ikollhom is-servizzi neċessarji. Il-komun responsabbli għandu jiddeċiedi wkoll dwar il-mod kif jiġu pprovduti dawn is-servizzi, id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-imsemmija servizzi, kif ukoll il-kontroll u s-sorveljanza tagħhom.

52

It-tielet nett, ir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tas-servizzi soċjali u tas-saħħa li jaqgħu taħt iż-żona ta’ kooperazzjoni hija fdata, fil-prattika, lil istituzzjoni komuni, f’dan il-każ il-Kummissjoni ta’ Garanzija tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Belt ta’ Pori, li l-kompożizzjoni u l-funzjonijiet tagħha huma deskritti fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

53

Ir-raba’ nett, il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa jipprovdi li l-Assemblea Komunali tal-Belt ta’ Pori għandha tapprova l-istatut ta’ din il-kummissjoni u tiddetermina l-kamp ta’ azzjoni kif ukoll il-funzjonijiet ta’ din tal-aħħar.

54

Il-ħames nett, dan il-ftehim ta’ kooperazzjoni jipprevedi li l-ġestjoni ekonomika tas-servizzi soċjali u tas-saħħa hija bbażata fuq baġit, pjan finanzjarju u pjan ta’ dawn is-servizzi ppreparati b’mod konġunt mill-komuni partijiet għall-imsemmi ftehim, kif ukoll fuq sorveljanza tal-ispejjeż u tal-użu tal-imsemmija servizzi.

55

Is-sitt nett, l-ispejjeż tas-servizzi soċjali u tas-saħħa huma mqassma skont l-użu ta’ dawn is-servizzi, b’tali mod li kull komun iħallas l-ispiża reali tal-imsemmija servizzi użati mill-popolazzjoni tiegħu u mir-residenti li għalihom huwa responsabbli.

56

Għalhekk, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha tagħmel, jidher li l-kundizzjonijiet ta’ trasferiment ta’ kompetenzi, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE, huma ssodisfatti b’tali mod li ma jidhirx li l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa jikkostitwixxi “kuntratt pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18. Għaldaqstant, dan il-ftehim ta’ kooperazzjoni għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa jistax ukoll jikkostitwixxi kooperazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti eżenti mill-obbligu ta’ sejħa għal offerti, fis-sens tas-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑480/06, EU:C:2009:357), u tat-13 ta’ Ġunju 2013, Piepenbrock (C‑386/11, EU:C:2013:385).

58

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim, li jipprovdi l-komuni partijiet għal dan il-ftehim jafdaw lil wieħed minnhom ir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni ta’ servizzi għall-benefiċċju ta’ dawn il-komuni, huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba li jikkostitwixxi trasferiment ta’ kompetenzi, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE, kif interpretat fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985).

Fuq it-tieni u r-raba’ domanda

59

Permezz tat-tieni u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ kooperazzjoni, li jipprovdi li l-partijiet għal dan il-ftehim jittrasferixxu lil waħda minnhom ir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni ta’ servizzi għall-benefiċċju tagħhom stess, jippermetti li dan il-komun jitqies, meta jagħmel attribuzzjonijiet sussegwenti għall-imsemmi trasferiment, li huwa awtorità kontraenti u jawtorizzah jafda, mingħajr sejħa għal offerti minn qabel, lil entità in house, servizzi li jkopru mhux biss il-bżonnijiet tiegħu stess iżda wkoll dawk tal-komuni l-oħra partijiet għall-imsemmi ftehim meta, fin-nuqqas ta’ dan it-trasferiment ta’ kompetenzi, l-imsemmija komuni kien ikollhom jaqdu huma stess dawn il-bżonnijiet.

60

Mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li, bla ħsara għal verifiki mill-qorti tar-rinviju, mekkaniżmu bħall-mudell imsejjaħ tal-“komun responsabbli” iwettaq trasferiment ta’ kompetenzi, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE, kif interpretat fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985).

61

Issa, min-natura tiegħu, tali trasferiment ta’ kompetenzi jimplika astensjoni mill-komuni l-oħra li huma partijiet għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-benefiċċju tal-komun responsabbli. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, fil-mudell imsejjaħ tal-“komun responsabbli”, tali komun jassumi f’isem dawn il-komuni l-oħra funzjoni li kull komun kien jiżgura huwa stess.

62

Għalhekk, b’effett ta’ dan it-trasferiment, il-komun responsabbli jinsab, b’xi mod, issurrogat fid-drittijiet u l-obbligi tal-imsieħba kuntrattwali tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi li huma s-suġġett ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni bbażat fuq il-mudell imsejjaħ tal-“komun responsabbli”.

63

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, huwa l-benefiċjarju tat-trasferiment tal-kompetenzi, jiġifieri l-komun responsabbli, li għandu jipprovdi għall-bżonnijiet tal-komuni l-oħra partijiet għall-ftehim ta’ kooperazzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa u għalhekk li jipprovdi s-servizzi soċjali u tas-saħħa inkwistjoni fil-kawża prinċipali fit-territorju kollu kopert minn dan il-ftehim, filwaqt li kull komun jibqa’ madankollu responsabbli għall-ispejjeż reali tas-servizzi użati mill-popolazzjoni tiegħu u mir-residenti li għalihom huwa responsabbli.

64

Għalhekk, sabiex ma jintilifx l-effett utli ta’ trasferiment ta’ kompetenzi, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE, kif interpretat fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985), l-awtorità li lilha ġiet ittrasferita l-funzjoni għandha neċessarjament titqies, fil-kuntest tal-għoti ta’ servizz, bħala l-awtorità kontraenti għal din il-funzjoni, u dan għat-territorji kollha tal-komuni partijiet għall-ftehim li jwettaq it-trasferiment tal-kompetenzi.

65

Madankollu, għandu jiġi evalwat jekk din l-awtorità kontraenti tistax tirrikorri għal entità in house sabiex tirrispondi mhux biss għall-bżonnijiet tagħha stess iżda wkoll għal dawk tal-komuni li ttrasferixxewlha kompetenza.

66

Fil-kuntest ta’ attribuzzjoni in house, l-awtorità kontraenti hija meqjusa li rrikorriet għall-mezzi tagħha stess. Fil-fatt, anki jekk l-entità maħtura tkun ġuridikament distinta minnha, din tkun kważi tagħmel parti mid-dipartimenti interni tagħha meta żewġ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti. L-ewwel nett, l-awtorità kontraenti għandha teżerċita fuq l-entità maħtura kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess. It-tieni nett, din l-entità għandha twettaq il-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha għall-benefiċċju tal-awtoritajiet kontraenti li jżommuha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C‑107/98, EU:C:1999:562, punt 50, kif ukoll tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei, C‑340/04, EU:C:2006:308, punt 33).

67

L-ewwel kundizzjoni dwar il-kontroll tal-awtorità pubblika hija, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meqjusa ssodisfatta meta l-awtorità kontraenti jkollha, waħedha jew flimkien ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra, il-kapital kollu ta’ kumpannija maħtura. Dan il-fatt fil-fatt jindika, bħala prinċipju, li l-awtorità kontraenti teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess (sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Asemfo, C‑295/05, EU:C:2007:227, punt 57, u tat-13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant, C‑324/07, EU:C:2008:621, punt 30).

68

Għalkemm l-użu ta’ għoti in house ġie, sal-lum, aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja biss f’ipoteżijiet li fihom awtorità kontraenti kellha, totalment jew parzjalment, il-kapital tal-entità maħtura, minn dan ma jistax jiġi dedott li, fil-kuntest ta’ mekkaniżmu bħalma huwa l-mudell imsejjaħ “il-komun responsabbli” fis-sens tad-dritt Finlandiż, huwa impossibbli għal awtorità kontraenti, f’dan il-każ il-komun responsabbli, li tagħżel li tagħmel għoti in house sabiex tissodisfa l-bżonnijiet tal-awtoritjiet kontraenti li magħhom hija kkonkludiet ftehim fuq l-imsemmi mudell, minħabba biss li l-komuni l-oħra partijiet għal dan il-ftehim ma għandhom ebda sehem mill-kapital tal-entità in house. Il-kriterju taż-żamma ta’ parti mill-kapital ma jistax fil-fatt jikkostitwixxi l-uniku mezz sabiex jintlaħaq dan l-għan, peress li l-kontroll analogu għal dak li teżerċita awtorità kontraenti fuq id-dipartimenti tagħha stess jista’ jimmanifesta ruħu b’mod ieħor milli permezz ta’ approċċ kapitalistiku.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li mir-risposta għall-ewwel domanda u mill-punti 40 sa 42 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, f’dan il-każ, ġew ittrasferiti lill-Belt ta’ Pori kompetenzi ta’ komuni oħra mhux biss skont il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku iżda wkoll bis-saħħa tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa. Barra minn hekk, mill-punti 60 sa 64 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, minħabba dawn it-trasferimenti ta’ kompetenzi, il-Belt ta’ Pori, bħala “komun responsabbli”, tassumi f’isem il-komuni kontraenti l-funzjonijiet li dawn tawha. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-entità maħtura Porin Linjat hija entità relatata mal-Belt ta’ Pori, li tikkontrollaha. Minn dan isegwi li l-Belt ta’ Pori għandha neċessarjament tiġi kkunsidrata, fil-kuntest ta’ għoti ta’ servizz, bħala l-awtorità kontraenti għal dawn il-funzjonijiet.

70

It-tieni nett, jekk jitqies li huwa applikabbli, wara trasferiment ta’ kompetenzi fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE, kif interpretat fis-sentenza été tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985), ir-rekwiżit ta’ kontroll eżerċitat fuq l-entità in house konġuntament mal-awtorità kontraenti li tibbenefika mit-trasferiment tal-kompetenzi u l-awtoritajiet kontraenti l-oħra li rrinunzjaw għall-eżerċizzju tal-kompetenza kkonċernata, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-mudell imsejjaħ tal-“komun responsabbli” joffri l-possibbiltà lill-komuni kontraenti li huma parti għal ftehim ibbażat fuq dan il-mudell, minkejja l-fatt li huma ma għandhomx sehem mill-kapital tal-entità in house, li jeżerċitaw, bħall-komun responsabbli, influwenza determinanti kemm fuq l-għanijiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti tal-entità maħtura u, għaldaqstant, kontroll effettiv, strutturali u funzjonali fuq din l-entità (ara, b’analoġija, is-sentenzai tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen,C‑458/03, EU:C:2005:605, punt 65; tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei, C‑340/04, EU:C:2006:308, punt 36; tad-29 ta’ Novembru 2012, Econord, C‑182/11 u C‑183/11, EU:C:2012:758, punt 27, u tat-8 ta’ Mejju 2014, Datenlotsen Informationssysteme, C‑15/13, EU:C:2014:303, punt 26).

71

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, li titlob li l-entità maħtura għandha twettaq il-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha għall-benefiċċju tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ fejn impriża tkun miżmuma minn diversi awtoritajiet, din il-kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta jekk din l-impriża twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha ma’ dawn l-awtoritajiet meħuda flimkien u mhux biss ma’ waħda minn dawn l-awtoritajiet b’mod partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei, C‑340/04, EU:C:2006:308, punti 7071). Dan ir-rekwiżit għandu l-għan li jiggarantixxi li d-Direttiva 2004/18 tibqa’ applikabbli fil-każ fejn impriża kkontrollata minn awtorità waħda jew iktar tkun attiva fis-suq, u għalhekk tista’ tidħol f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħra. Fil-fatt, impriża ma hijiex neċessarjament imċaħħda mil-libertà ta’ azzjoni mis-sempliċi fatt li d-deċiżjonijiet li jikkonċernawha huma kkontrollati mill-awtorità jew awtoritajiet li jżommuha, jekk hija tkun għadha tista’ teżerċita parti sinjifikattiva mill-attività ekonomika tagħha ma’ operaturi oħra (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Undis Servizi, C‑553/15, EU:C:2016:935, punti 3233 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72

Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk jistgħux jiġu assimilati ma’ attivitajiet imwettqa għall-benefiċċju tal-awtorità kontraenti, servizzi assenjati lil entità in house abbażi ta’ żewġ ftehimiet ta’ kooperazzjoni li, l-ewwel nett, jittrasferixxu kull kompetenza lill-istess komun responsabbli, it-tieni nett, jirrigwardaw servizzi differenti, it-tielet nett, ma jiġbrux flimkien l-istess partijiet u, ir-raba’ nett, huma intiżi sabiex ikopru kemm il-bżonnijiet tal-awtorità kontraenti stess kif ukoll dawk tal-awtoritajiet kontraenti l-oħra li huma partijiet għall-imsemmija ftehimiet.

73

Bla ħsara għall-verifiki mill-qorti tar-rinviju, mill-informazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, imfakkra fil-punti 10, 24 sa 26 kif ukoll fil-punti 29 sa 31 u 33 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-implimentazzjoni ta’ kull wieħed miż-żewġ ftehimiet ta’ kooperazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali donnha tinkludi ċertu numru ta’ garanziji ta’ natura li jipprekludu li l-entità in house tikseb rwol fis-suq u marġni ta’ manuvrar li jrendu prekarju l-kontroll eżerċitat kemm mill-Belt ta’ Porin kif ukoll mill-imsieħba kuntrattwali tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant, C‑324/07, EU:C:2008:621, punt 36).

74

Peress li dawn il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni jinkludu garanziji suffiċjenti ta’ natura li jipproteġu kontra kull preġudizzju għall-kompetizzjoni, huwa irrilevanti li l-kampijiet ta’ applikazzjoni ratione personae u materjali tal-imsemmija ftehimiet ma jikkoinċidux.

75

Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-entità in house twettaqx il-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha għall-benefiċċju tal-awtorità jew l-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-attivitajiet kollha li hija twettaq fil-kuntest taż-żewġ ftehimiet ta’ kooperazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

76

B’hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, sabiex il-parti tad-dħul mill-bejgħ magħmul minn Porin Linjat tiġi kkalkolata abbażi tal-operat tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiżdied id-dħul mill-bejgħ magħmul minn din il-kumpannija fuq it-talba ta’ din il-belt skont il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa, minn naħa, u l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku, min-naħa l-oħra, sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet tagħha stess, ma’ dak magħmul minn din il-kumpannija fuq it-talba tal-komuni partijiet għall-imsemmija ftehimiet.

77

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ kooperazzjoni, li jipprovdi li l-komuni partijiet għal dan il-ftehim jittrasferixxu lil wieħed minnhom ir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni ta’ servizzi għall-benefiċċju ta’ dawn il-komuni, jippermetti li dan il-komun jitqies, matul l-attribuzzjonijiet sussegwenti għall-imsemmi trasferiment, li huwa awtorità kontraenti u jawtorizzah jafda, mingħajr sejħa għal offerti minn qabel, lil entità in house, b’servizzi li jkopru mhux biss il-bżonnijiet tiegħu stess iżda wkoll dawk tal-komuni l-oħra partijiet għall-imsemmi ftehim, meta, mingħajr dan it-trasferiment ta’ kompetenzi, l-imsemmija komuni kien ikollhom iwettqu huma stess il-bżonnijiet tagħhom stess.

Fuq it-tielet domanda

78

Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

79

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim, li jipprovdi li l-komuni partijiet għal dan il-ftehim jafdaw lil wieħed minnhom bir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni ta’ servizzi għall-benefiċċju ta’ dawn il-komuni, huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba li jikkostitwixxi trasferiment ta’ kompetenzi fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE, kif interpretat fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985).

 

2)

L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ kooperazzjoni, li jipprovdi li l-komuni partijiet għal dan il-ftehim jittrasferixxu lil wieħed minnhom ir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni ta’ servizzi għall-benefiċċju ta’ dawn il-komuni, jippermetti li dan il-komun jitqies, matul l-attribuzzjonijiet sussegwenti għall-imsemmi trasferiment, li huwa awtorità kontraenti u jawtorizzah jafda, mingħajr sejħa għal offerti minn qabel, lil entità in house, b’servizzi li jkopru mhux biss il-bżonnijiet tiegħu stess iżda wkoll dawk tal-komuni l-oħra partijiet għall-imsemmi ftehim, meta, mingħajr dan it-trasferiment ta’ kompetenzi, l-imsemmija komuni kien ikollhom iwettqu huma stess il-bżonnijiet tagħhom stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Top