EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0264

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Lulju 2020.
Constantin Film Verleih GmbH vs YouTube LLC u Google Inc.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Pjattaforma ta’ filmati online – Upload ta’ film mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju – Azzjoni relatata ma’ preġudizzju għal dritt ta’ proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 8 – Dritt tar-rikorrenti għal informazzjoni – Artikolu 8(2)(a) – Kunċett ta’ ‘indirizzi’ – Indirizz tal-posta elettronika, indirizz IP u numru tat-telefon – Esklużjoni.
Kawża C-264/19.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:542

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Pjattaforma ta’ filmati online – Upload ta’ film mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju – Azzjoni relatata ma’ preġudizzju għal dritt ta’ proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 8 – Dritt tar-rikorrenti għal informazzjoni – Artikolu 8(2)(a) – Kunċett ta’ ‘indirizzi’ – Indirizz tal-posta elettronika, indirizz IP u numru tat-telefon – Esklużjoni”

Fil-Kawża C‑264/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Frar 2019, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura

Constantin Film Verleih GmbH

vs

YouTube LLC,

Google Inc.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Frar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Constantin Film Verleih GmbH, minn B. Frommer, R. Bisle u M. Hügel, Rechtsanwälte,

għal YouTube LLC u Google Inc., minn J. Wimmers u M. Barudi, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, T. Scharf, S. L. Kalėda u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Constantin Film Verleih GmbH, kumpannija ta’ distribuzzjoni ta’ films stabbilita fil-Ġermanja, minn naħa, u YouTube LLC u Google Inc., stabbiliti fl-Istati Uniti, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ informazzjoni meħtieġa minn Constantin Film Verleih, mingħand dawn iż-żewġ kumpanniji, relatata mal-indirizzi tal-posta elettronika, l-indirizzi IP, u n-numri tat-telefon ċellulari ta’ utenti li ppreġudikaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/48

3

Il-premessi 2, 10, 15 u 32 tad-Direttiva 2004/48 huma fformulati kif ġej:

“(2)

Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali [ma għandhiex] tfixkel il-libertà ta’ l-espressjoni, il-moviment liberu ta’ l-informazzjoni, jew il-protezzjoni ta’ data personali, inkluż l-Internet..

[…]

(10)

L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis‑suq intern.

[…]

(15)

Din id-Direttiva ma għandiex taffettwa […] id-Direttiva 95/46/KE ta’ l‑24 ta’ Ottubru 1995 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward [ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data] [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)] […]

[…]

(32)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tassigura r-rispett sħiħ għall-proprjetà intellettwali, skond l-Artikolu 17(2) ta’ dik il-Karta.”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Materja tas-suġġett”: din “tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 3(a) tagħha:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.

[…]

3.   Din id-Direttiva ma għandix taffettwa:

a)

id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jiggvernaw il-liġi sostantiva dwar il-proprjetà intellettwali [u] id-Direttiva 95/46/KE, […]”.

6

L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Id-dritt għall-informazzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u proporżjonali ta’ min għamel il-klejm, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni fuq n-networks ta’ l-oriġini u tad-distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew is-servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għandu jkun pprovdut mill-kontravventur u/jew xi persuna oħra li:

a)

instab f’possessjoni ta’ l-oġġetti li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

b)

instab juża is-servizzi li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

c)

instab li qed jipprovdi fuq skala kummerċjali servizzi użati biex jagħmlu attivitajiet li jikkontravjenu;

jew

d)

kien indikat mill-persuna li għaliha saret riferenża fil-punti (a), (b) jew (ċ) bħala li kienet involuta fil-produzzjoni, manifattura jew distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi;

2.   L-informazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, kif inhu xieraq, tikkomprendi:

a)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi oħra ta’ qabel ta’ l-oġġetti jew servizzi, kif wkoll intiżi l-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut;

b)

informazzjoni fuq il-kwantitajiet prodotti, manifatturati, mibjugħa, mgħotija jew ordnati, kif wkoll il-prezz miksub għal dawn l-oġġetti jew servizzi in kwestjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet statutorji oħra li:

a)

jagħtu d-detentur tad-dritt biex jirċievi aktar informazzjoni sħiħa;

b)

jiggvernaw l-użu tal-passi legali ċivili jew kriminali ta’ l-informazzjoni kkomunikata skond dan l-Artikolu;

c)

jiggvernaw ir-risponsabbilità ta’ l-użu ħażin tad-dritt ta’ l-informazzjon; jew

d)

jaffordjaw opportunità li jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni li tisforza il-persuna li għaliha saret riferenza fil-paragrafu 1 biex tammetti l-parteċipazzjoni tiegħu/tagħha jew ta’ familjari viċini li kien hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali; jew

jew

e)

jiggverna il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ l-informazzjoni jew il-proċessar tad-data personali.”

Id-dritt Ġermaniż

7

Bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 101(1) tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet Relatati), tad‑9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. 1965 I, p. 1273), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“UrhG”), il-persuna li, fuq livell kummerċjali, tippreġudika d-drittijiet tal-awtur jew dritt ieħor protett minn din il-liġi tista’ tintalab mill-persuna leża biex tipprovdi immedjatament informazzjoni dwar l-oriġini u l-kanal ta’ distribuzzjoni ta’ kopji kontrafatti jew ta’ prodotti oħra.

8

F’każ ta’ ksur manifest, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 101(1) tal-UrhG, dan id-dritt għal informazzjoni jista’ jiġi eżerċitat ukoll, bis-saħħa tal-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 101(2) ta’ din il-liġi, kontra persuna li fuq livell kummerċjali pprovdiet servizzi użati sabiex jiġu eżerċitati attivitajiet ta’ kontrafazzjoni.

9

Il-persuna li hija obbligata tipprovdi l-informazzjoni għandha, bis-saħħa tal-punt 1 tal-Artikolu 101(3) tal-UrhG, tindika l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, tal-fornituri u tad-detenturi preċedenti oħra ta’ kopji jew prodotti oħra, tal-utenti tas-servizzi kif ukoll tal-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut.

10

Konformement mal-punti 2 u 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 111 tat‑Telekommunikationsgesetz (il-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet), tat‑22 ta’ Ġunju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1190), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem it-“TKG”), waqt l-attribuzzjoni tan-numri tat-telefon jinġabru u jinżammu l-isem u l-indirizz tal-proprjetarju tal-linja, kif ukoll, jekk tkun persuna fiżika, id-data tat-twelid tagħha.

11

Bis-saħħa tat-tielet sentenza tal-Artikolu 111(1) tat‑TKG, fir-rigward tas-servizzi mħallsa minn qabel, l-imsemmija informazzjoni għandha, barra minn hekk, tiġi vverifikata.

12

Skont l-Artikolu 111(2) tat‑TKG, waqt l-attribuzzjoni ta’ indirizz tal-posta elettronika, tali verifika u tali żamma ma humiex obbligatorji.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Fil-Ġermanja, Constantin Film Verleih għandha drittijiet esklużivi ta’ operat b’mod partikolari fuq ix-xogħlijiet ċinematografiċi “Parker” u “Scary Movie 5”.

14

Matul is-snin 2013 u 2014, ittellgħu xogħlijiet fuq is-sit internet www.youtube.com, pjattaforma, operata minn YouTube, li tippermetti lill-utenti jippubblikaw, jaraw u jaqsmu filmati (iktar ’il quddiem il-“pjattaforma YouTube”). B’dan il-mod l-imsemmija xogħlijiet ġew ivviżjonati fiha diversi għexur ta’ eluf ta’ drabi.

15

Constantin Film Verleih irrikjediet, min-naħa ta’ YouTube u ta’ Google, fejn din tal-aħħar hija l-kumpannija omm tal-ewwel kumpannija, li dawn jipprovdulha sensiela ta’ informazzjoni relatata ma’ kull wieħed mill-utenti li kienu wettqu upload ta’ xogħlijiet bħal dawn (iktar ’il quddiem l-“utenti inkwistjoni”).

16

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, sabiex itellgħu filmati fuq il-pjattaforma YouTube, l-utenti għandhom qabel kollox jirreġistraw lilhom infushom ma’ Google permezz ta’ kont utent, fejn il-ftuħ ta’ dan il-kont jirrikjedi biss, min-naħa ta’ dawn l-utenti, l-indikazzjoni ta’ isem, indirizz tal-posta elettronika u data tat-twelid. Din id-data ma hijiex normalment ivverifikata u l-indirizz postali tal-utent ma jintalabx. Madankollu, sabiex ikun jista’ jippubblika filmati ta’ tul ogħla minn 15‑il minuta fuq il-pjattaforma YouTube, l-utent għandu jipprovdi numru tat-telefon ċellulari sabiex ikun jista’ jirċievi kodiċi ta’ attivazzjoni, li huwa neċessarju sabiex jipproċedi b’tali pubblikazzjoni. Barra minn hekk, skont il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ użu u ta’ protezzjoni tad-data komuni ta’ YouTube u ta’ Google, l-utenti tal-pjattaforma YouTube jawtorizzaw il-ħażna tal-ġurnali tas-server, inkluż l-indirizz IP, id-data u l-ħin tal-użu u r-rikjesti varji kif ukoll l-użu usa’ tal-grupp ta’ din id-data.

17

Wara li l-partijiet fil-kawża prinċipali ddikjaraw unanimament li t-tilwima fl-ewwel istanza dwar l-ismijiet u l-indirizzi postali tal-utenti inkwistjoni kienet formalment waslet għal soluzzjoni, Constantin Film Verleih, li kisbet biss ismijiet ta’ utenti fittizji, talbet li YouTube u Google jipprovdulha informazzjoni addizzjonali.

18

Din l-informazzjoni addizzjonali tirrigwarda, minn naħa, l-indirizzi tal-posta elettronika u n-numri tat-telefon ċellulari, kif ukoll l-indirizzi IP li ntużaw mill-utenti inkwistjoni sabiex jagħmlu upload tal-fajl, flimkien mal-mument eżatt ta’ dan l-upload li jindika d-data u s-siegħa, inklużi l-minuti, is-sekondi u ż-żona orarja, jiġifieri l-mument tal-upload u, min-naħa l-oħra, l-indirizz IP użat f’dan l-aħħar lok mill-utenti sabiex jaċċedu għall-kont Google tagħhom bil-għan li jaċċedu għall-pjattaforma YouTube, ukoll flimkien mal-mument eżatt tal-aċċess li jindika d-data u s-siegħa, inklużi l-minuti, is-sekondi u ż-żona orarja, jiġifieri l-mument tal-aċċess.

19

Permezz tad-deċiżjoni tagħha tat‑3 ta’ Mejju 2016, il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) ċaħdet it-talba ta’ Constantin Film Verleih. Min-naħa l-oħra, fuq appell minn din tal-aħħar, permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Awwissu 2018, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), laqgħet parzjalment it-talba ta’ Constantin Film Verleih, u kkundannat lil YouTube u lil Google sabiex jipprovdulha l-indirizzi tal-posta elettronika tal-utenti inkwistjoni, filwaqt li ċaħdet il-kumplament tal-appell.

20

Permezz tal-appell tagħha għal Reviżjoni, ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), Constantin Film Verleih ippersistiet fit-talbiet tagħha intiżi sabiex YouTube u Google jiġu ordnati jipprovdulha n-numri tat-telefon ċellulari kif ukoll l-indirizzi IP tal-utenti inkwistjoni. Barra minn hekk, permezz tal-appell rispettiv tagħhom għal Reviżjoni, YouTube u Google jitolbu ċ-ċaħda totali tat-talba ta’ Constantin Film Verleih, inkluż fir-rigward tal-komunkazzjoni tal-indirizzi tal-posta elettronika tal-utenti inkwistjoni.

21

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżitu ta’ dawn iż-żewġ appelli għal Reviżjoni jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48, u, b’mod partikolari, mir-risposta għad-domanda dwar jekk l-informazzjoni addizzjonali mitluba minn Constantin Film Verleih taqax taħt it-terminu “indirizzi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-indirizzi tal-produtturi, manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi preċedenti oħra ta’ oġġetti jew ta’ servizzi kif ukoll il-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut destinatarji msemmija fl-Artikolu 8(2)(a) tad‑Direttiva [2004/48], li huma inklużi, skont il-każ, fl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) ta[’ din id-]direttiva, jinkludu wkoll

a)

l-indirizzi tal-posta elettronika tal-utenti tas-servizzi u/jew

b)

in-numri tat-telefon tal-utenti tas-servizzi u/jew

c)

l-indirizzi IP użati mill-utenti ta’ servizzi sabiex jittellgħu fajls kontrafatti, kif ukoll il-mument preċiż ta’ dan it-tlugħ ta’ fajls?

2)

Fil-każ li l-punt (c) tal-ewwel domanda jingħata risposta fl‑affermattiv:

L-informazzjoni li għandha tingħata skont l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva [2004/49] tinkludi wkoll l-indirizz IP li l-utent li jkun preċedentement tella’ fajls kontrafatti uża l-iktar reċentement sabiex jikseb aċċess għall-kont ta’ utent tiegħu fuq Google/YouTube, kif ukoll il-mument preċiż ta’ dan l-aċċess, irrispettivament [mill-fatt] jekk kienx hemm jew le ksur ta’ drittijiet [ta’ proprjetà intellettwali] fil-kuntest ta’ dan l-iktar aċċess reċenti?”

Fuq id-domandi preliminari

23

Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “indirizzi” jinkludi, fir-rigward ta’ utent li wettaq upload ta’ fajls li jippreġudikaw dritt tal-proprjetà intellettwali, l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, in-numru tat-telefon tiegħu kif ukoll l-indirizz IP użat sabiex iwettaq upload ta’ dawn il-fajls jew l-indirizz IP użat fl-aħħar aċċess tiegħu għall-kont tal-utent.

24

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kumpanniji YouTube u Google jipprovdu, fuq skala kummerċjali, servizzi li ntużaw mill-utenti inkwistjoni għall-finijiet ta’ attivitajiet ta’ kontrafazzjoni, li jikkonsistu fl-upload, fuq il-pjattaforma YouTube, tal-fajls li jinkludu xogħlijiet protetti, għad-dannu ta’ Constantin Film Verleih. It-tilwima li biha hija adita l-qorti tar-rinviju tirrigwarda r-rifjut ta’ dawn il-kumpanniji li jipprovdu ċerta informazzjoni rikjesta minn Constantin Film Verleih, dwar dawn l-utenti, b’mod partikolari, l-indirizzi tal-posta elettronika u n-numri tat-telefon tagħhom kif ukoll l-indirizzi IP użati minnhom kemm fil-mument tal-upload tal-fajls ikkonċernati kif ukoll fil-mument tal-aħħar aċċess fil-kont Google/YouTube tagħhom. Mid-deċiżjoni ta’ rinviju, liema fatt barra minn hekk ma huwiex ikkontestat fil-kuntest ta’ din il-kawża, jirriżulta li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mill-punt dwar jekk tali informazzjoni taqax taħt il-kunċett ta’ “indirizzi” fis-sens tal-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48.

25

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar, preliminarjament, li, skont l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 2004/48, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-kuntest ta’ azzjoni kontra ksur tad-dritt għall-proprjetà intellettwali u bi tweġiba għal talba ġustifikata u proporzjonata tar-rikorrenti, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jordnaw li informazzjoni dwar l-oriġini u n-networks ta’ distribuzzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi li jippreġudikaw dritt għall-proprjetà intellettwali tiġi pprovduta mill-persuna li twettaq il-ksur u/jew minn kull persuna oħra li nstabet li kienet qiegħda tipprovdi, fuq skala kummerċjali, servizzi użati f’attivitajiet ta’ kontrafazzjoni.

26

L-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48 jippreċiża li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jinkludi, skont il-każijiet, l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, tal-manifatturi, tad-distributuri, tal-fornituri u ta’ detenturi preċedenti oħra ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, kif ukoll tal-bejjiegħa bl-ingrossa destinatarji u tal-bejjiegħa bl-imnut.

27

Minn dan jirriżulta, bis-saħħa tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati kompetenti jistgħu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jordnaw lill-operatur tal-pjattaforma online jipprovdi l-ismijiet u l-indirizzi ta’ kull persuna msemmija fil-paragrafu 2(a) ta’ dan l-artikolu li wettqet upload ta’ film fuq din il-pjattaforma mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tad-dritt tal-awtur.

28

Fir-rigward tal-punt dwar jekk il-kunċett ta’ “indirizzi” fis-sens tal-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48 jinkludix ukoll l-indirizzi tal-posta elettronika, in-numri tat-telefon u l-indirizzi IP ta’ dawn il-persuni jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri biex jiddeterminaw is-sens u l-portata tiegħu, il-kunċett ta’ “indirizzi” jikkostitwixxi kunċett tad-dritt tal-Unjoni li normalment għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Barra minn hekk, peress li d-Direttiva 2004/48 ma tiddefinixxix dan il-kunċett, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tagħha għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-oriġini tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 65, u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sens abitwali tat-terminu “indirizz”, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 30 u 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, fil-lingwaġġ ta’ kuljum, dan jirrigwarda biss l-indirizz postali, jiġifieri l-post ta’ domiċilju jew ta’ residenza ta’ persuna speċifika. B’hekk meta dan it-terminu jintuża mingħajr preċiżazzjoni oħra, bħall-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48, dan ma jirrigwardax l-indirizz tal-posta elettronika, in-numru tat-telefon jew l-indirizz IP.

31

Fit-tieni lok, ix-xogħlijiet preparatorji li wasslu għall-adozzjoni tad-Direttiva 2004/48 u, b’mod partikolari, il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri u proċeduri sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta’ drittijiet tal-proprjetà intelletwali tat‑30 ta’ Jannar 2003 (COM (2003) 46 final), l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad‑29 ta’ Ottubru 2003 (ĠU 2004, C 32, p. 15) u r‑rapport tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Diċembru 2003 (A5-0468/2003) dwar din il-proposta, jidħlu fl-estensjoni ta’ din il-konstatazjoni. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif sostniet i-Kummissjoni Ewropea quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn ma jinkludu ebda indikazzjoni ta’ natura li tissuġġerixxi li t-terminu “indirizz” użat fl-Artikolu 8(2)(a) ta’ din id-direttiva għandu jinftiehem fis-sens li ma jinkludix biss l-indirizz postali, iżda wkoll l-indirizz ta’ posta elettronika, in-numru tat-telefon jew l-indirizz IP tal-persuni kkonċernati.

32

Fit-tielet lok, il-kuntest li fih jintuża l-kunċett inkwistjoni huwa kkorroborat minn tali interpretazzjoni.

33

Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżami ta’ atti oħra tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw l-indirizz tal-posta elettronika jew l-indirizz IP turi li ebda wieħed minnhom ma tuża t-terminu “indirizz” mingħajr preċiżazzjoni oħra, sabiex tindika n-numru tat-telefon, l-indirizz IP jew l-indirizz tal-posta elettronika.

34

Fir-raba’ lok, l-interpretazzjoni esposta fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza hija wkoll konformi mal-għan li għandu jintlaħaq mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 fid-dawl tal-għan ġenerali tal-imsemmija direttiva.

35

F’dan ir-rigward, huwa minnu li d-dritt għal informazzjoni, previst mill-imsemmi Artikolu 8, huwa intiż biex jagħmel applikabbli u jikkonkretizza d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u biex jiżgura b’dan il-mod l-eżerċizzju effettiv tad-dritt fundamentali tal-proprjetà, li minnu jagħmel parti d-dritt ta’ proprjetà intellettwali protett fl-Artikolu 17(2) tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany, C‑580/13, EU:C:2015:485, punt 29) billi jippermetti lill-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jidentifika l-persuna li tippreġudika lil dan tal-aħħar u li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jipproteġi dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, NEW WAVE CZ, C‑427/15, EU:C:2017:18, punt 25).

36

Madankollu, waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 2004/48, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jipproċedi għal armonizzazzjoni minima li tirrigwarda l-osservanza tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali b’mod ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Hansson, C‑481/14, EU:C:2016:419, punt 36). B’hekk, din l-armonizzazzjoni hija limitata, fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, għal elementi ta’ informazzjoni ddefiniti sew.

37

Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li d-Direttiva 2004/48 għandha l-għan li tistabbilixxi ekwilibriju ġust bejn, minn naħa, l-interess tal-proprjetarji għall-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tagħhom, stabbilit fl-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi u tad-drittijiet fundamentali tal-utenti ta’ oġġetti protetti kif ukoll tal-interess ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW, C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 57; tad‑29 ta’ Lulju 2019, Pelham et, C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 32, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 42).

38

B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48,, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi li din id-dispożizzjoni hija intiża li tirrikonċilja r-rispett ta’ drittijiet differenti, b’mod partikolari d-dritt ta’ informazzjoni tal-proprjetarji mad-dritt għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali tal-utenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany, C‑580/13, EU:C:2015:485, punt 28).

39

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi spjegat li, għalkemm mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu, bis-saħħa tal-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48, li jipprevedu l-possibbiltà, għall-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, li jordnaw il-provvista tal-indirizz tal-posta elettronika, tan-numru tat-telefon jew tal-indirizz IP tal-persuni koperti minn din id-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ azzjoni dwar preġudizzju għad-dritt tal-proprjetà intellettwali, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri għandhom tali fakultà. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 8(3)(a) ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espressament il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li l-proprjetarji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jingħataw id-dritt li jirċievu informazzjoni iktar estiża, madankollu suġġett għall-fatt li jiġi żgurat ekwilibriju ġust bejn id-drittijiet fundamentali differenti preżenti u l-osservanza tal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑19 ta’ Frar 2009, LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten, C‑557/07, EU:C:2009:107, punt 29, u s-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Bonnier Audio e.a., C‑461/10, EU:C:2012:219, punt 55).

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “indirizzi” li jinsab fih ma jinkludix, fir-rigward ta’ utent li wettaq upload ta’ fajls li jippreġudikaw dritt tal-proprjetà intellettwali, l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, in-numru tat-telefon tiegħu kif ukoll l-indirizz IP użat sabiex iwettaq upload ta’ dawn il-fajls jew l-indirizz IP użat fl-aħħar aċċess tiegħu għall-kont tal-utent.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “indirizzi” li jinsab fih ma jinkludix, fir-rigward ta’ utent li wettaq upload ta’ fajls li jippreġudikaw dritt tal-proprjetà intellettwali, l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, in-numru tat-telefon tiegħu kif ukoll l-indirizz IP użat sabiex iwettaq upload ta’ dawn il-fajls jew l-indirizz IP użat fl-aħħar aċċess tiegħu għall-kont tal-utent.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top