EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0243

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Ottubru 2020.
A vs Veselības ministrija.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 20(2) – Direttiva 2011/24/UE – Artikolu 8(1) u (5) kif ukoll (6)(d) – Assigurazzjoni għall-mard – Kura fl-isptar mogħtija fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ affiljazzjoni – Rifjut ta’ awtorizzazzjoni minn qabel – Trattament fi sptar li jista’ jiġi żgurat b’mod effettiv fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni – Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon.
Kawża C-243/19.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:872

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 20(2) – Direttiva 2011/24/UE – Artikolu 8(1) u (5) kif ukoll (6)(d) – Assigurazzjoni għall-mard – Kura fl-isptar mogħtija fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ affiljazzjoni – Rifjut ta’ awtorizzazzjoni minn qabel – Trattament fi sptar li jista’ jiġi żgurat b’mod effettiv fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni – Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon”

Fil-Kawża C‑243/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura

A

vs

Veselības ministrija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, A. Kumin, T. von Danwitz u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Frar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A, minn S. Brady, barrister, P. Muzny u E. Endzelis, avukati,

għall-Veselības ministrija, minn I. Viņķele u R. Osis,

għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn I. Kucina u L. Juškeviča, sussegwentement minn L. Juškeviča u V. Soņeca, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Horoszko u M. Malczewska, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann, A. Szmytkowska u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU 2011, L 88, p. 45), tal-Artikolu 56 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A u l-Veselības ministrija (il-Ministeru għas-Saħħa, il-Latvja) dwar ir-rifjut li tingħata awtorizzazzjoni li tippermetti lil iben A jibbenefika minn kura tas-saħħa koperta mill-baġit tal-Istat Latvjan fi Stat Membru ieħor.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004

3

Il-premessi 4 u 45 tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxu:

“(4)

Huwa neċessarju li l-karatteristiċi speċjali ta’ leġislazzjoni nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali jkunu rispettati u li tkun ippreparata biss sistema ta’ kordinazzjoni.

[…]

(45)

Minħabba li l-objettiv ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri l-miżuri ta’ kordinazzjoni sabiex jiggarantixxu li d-dritt ta’ moviment liberu ta’ persuni jkun jista’ jiġi eżerċitat b’mod effettiv, ma jistax jintlaħaq kif suppost mill-Istati Membri u jista’ għaldaqstant, minħabba l-livell u l-effetti ta’ dik l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan il-Regolament ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv”.

4

L-Artikolu 20(1) sa (3) ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Vjaġġar bl-iskop li jingħataw benefiċċji mogħtija in natura – awtorizzazzjoni biex jingħata trattament xieraq barra l-Istat Membru ta’ residenza”, jipprevedi:

“1.   Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuna assigurata li tivjaġġa lejn Stat Membru ieħor bl-iskop li tirċievi benefiċċji mogħtija in natura waqt iż-żjara tagħha, għandha tikseb awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti.

2.   Persuna assigurata litkun awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti biex tmur fi Stat Membru ieħor bil-għan li tirċievi t-trattament xieraq għall-kondizzjoni tagħha, għandha tirċievi l-benefiċċji mogħtija in natura mogħtija, f’isem l-istituzzjoni kompetenti, mill-istituzzjoni tal-post taż-żjara, skond id-disposizzjonijiet li dina tapplika, bħallikieku kienet assigurata taħt din il-leġislazzjoni. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata fejn it-trattament konċernat huwa fost il-benefiċċji mogħtija mil-leġislazzjoni fl-Istat Membru fejn il-persuna konċernata jkollha l-post tar-residenza tagħha u fejn din il-persuna ma tistax tingħata dan it-trattament fi żmien li jista’ jkun ġustifikat fuq raġunijiet mediċi. L-istat preżenti tas-saħħa tal-persuna u l-iżvilupp probabbli tal-marda tagħha għandha jittieħdu in konsiderazzjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-membri tal-familja ta’ persuna assigurata.”

Id-Direttiva 2011/24

5

Il-premessi 1, 4, 6, 7, 8, 29 u 43 tad-Direttiva 2011/24 jipprovdu:

“(1)

Skont l-Artikolu 168(1) tat-Trattat [FUE], għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fit-tifsira u l-implimentazzjoni tal-linji politiċi u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Dan jimplika li għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, anki meta l-Unjoni tadotta atti skont dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat.

[…]

(4)

Minkejja l-possibbiltà li l-pazjenti jirċievu kura tas-saħħa transkonfinali skont din id-Direttiva, l-Istati Membri jżommu r-responsabbiltà li jipprovdu kura tas-saħħa sikura, ta’ kwalità għolja, effiċjenti u kwantitattivament adegwata liċ-ċittadini fit-territorju tagħhom. Barra minn hekk, it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha m’għandhomx iwasslu biex il-pazjenti jitħeġġu jirċievu trattament barra l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni tagħhom.

[…]

(6)

Kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja […] (minn hawn ’il quddiem “il-Qorti tal-Ġustizzja”) f’diversi okkażjonijiet, filwaqt li tagħraf in-natura speċifika tagħhom, kull tip ta’ kura medika taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-TFUE.

(7)

Din id-Direttiva tirrispetta u hija mingħajr preġudizzju għal-libertà ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi liema tip ta’ kura tas-saħħa jqis bħala dik adegwata. L-ebda dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandha tiġi interpretata b’mod li jippreġudika l-għażliet etiċi fundamentali tal-Istati Membri.

(8)

Xi kwistjonijiet relatati mal-kura tas-saħħa transkonfinali, b’mod partikolari r-rimborż tal-kura tas-saħħa mogħtija fi Stat Membru għajr għal dak fejn ir-riċevitur tal-kura huwa residenti, diġà ġew indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-direttiva hija maħsuba biex tilħaq applikazzjoni aktar ġenerali u anke effettiva tal-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja skont il-każ.

[…]

(29)

Huwa xieraq li jkun meħtieġ li anki pazjenti li jfittxu l-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor f’ċirkostanzi minbarra dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-prinċipji ta’ moviment liberu tal-pazjenti, servizzi u oġġetti skont it-TFUE u din id-Direttiva. Il-pazjenti għandhom igawdu l-garanzija li l-ispejjeż ta’ dik il-kura tas-saħħa ser jitħallsu mill-anqas fil-livell li jingħata għall-istess kura tas-saħħa kieku din ġiet ipprovduta fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni. Dan għandu jirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbilta tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-livell tal-kopertura għall-mard disponibbli għaċ-ċittadini tagħhom u jipprevjeni kull effett sinifikanti fuq il-finanzjament tas-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali.

[…]

(43)

Il-Qorti tal-Ġustizzja f’għadd ta’ okkażjonijiet sostniet li raġunijiet sovrastanti ta’ interess ġenerali jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għal-libertà tal-forniment tas-servizzi, bħal rekwiżiti tal-ippjanar relatati mal-għan li jkun żgurat aċċess suffiċjenti u permanenti għal firxa bilanċjata ta’ trattament ta’ kwalità għolja fl-Istat Membru kkonċernat jew inkella x-xewqa li l-ispejjeż ikunu kkontrollati u, kemm jista’ jkun, tiġi evitata kwalunkwe ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi, u umani. Il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat diversi kunsiderazzjonijiet potenzjali: ir-riskju li jiġi pperikolat b’mod serju l-bilanċ finanzjarju ta’ sistema tas-sigurtà soċjali, l-objettiv li għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jkun hemm disponibbli għal kulħadd servizz bilanċjat mediku jew tal-isptar u l-objettiv li fuq it-territorju nazzjonali jkun hemm kapaċità ta’ trattament jew kompetenza medika, essenzjali għas-saħħa pubblika, u anki s-sopravivenza tal-popolazzjoni. […]”

6

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/24, intitolat “Prinċipji ġenerali għar-rimborż tal-ispejjeż”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr ħsara għar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 u 9, l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni għandu jiżgura li l-ispejjeż magħmula mill-persuna assigurata li tirċievi kura tas-saħħa transkonfinali jiġu rimborżati, jekk il-kura tas-saħħa inkwistjoni tkun fost il-benefiċċji li l-persuna assigurata hija intitolata għalihom fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni.

[…]

3.   Huwa f’idejn l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni li jiddetermina, fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-kura tas-saħħa li fir-rigward tagħha l-persuna assigurata hija intitolata biex ma tħallasx hi l-ispejjeż u l-livell ta’ dan il-ħlas ta’ dawk l-ispejjeż, irrispettivament minn fejn tkun ipprovduta il-kura tas-saħħa.

4.   L-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali għandhom jiġu rimborżati jew imħallsa direttament mill-Istat Membru ta’ affiljazzjoni sal-livell tal-ispejjeż li kienu jitħallsu mill-Istat Membru ta’ affiljazzjoni kieku din il-kura tas-saħħa kienet ipprovduta fit-territorju tiegħu mingħajr ma jinqabżu l-ispejjeż reali tal-kura tas-saħħa riċevuta.

Fejn l-ispiża sħiħa tal-kura tas-saħħa transkonfinali taqbeż il-livell tal-ispejjeż li kienu jitħallsu li kieku l-kura tas-saħħa kienet ipprovduta fit-territorju tiegħu, l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni jista’ xorta waħda jiddeċiedi li jirrimborża l-ispiża sħiħa.

[…]

8.   L-Istat Membru ta’ affiljazzjoni ma għandux jagħmel ir-rimborż tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali soġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel ħlief fil-każijiet imniżżla fl-Artikolu 8.

9.   L-Istat Membru ta’ affiljazzjoni jista’ jillimita l-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-rimborż għall-kura tas-saħħa transkonfinali abbażi ta’ raġunijiet aktar importanti ta’ interess ġenerali bħalma huma r-rekwiżiti tal-ippjanar marbuta mal-għan li jiġi żgurat aċċess suffiċjenti u permanenti għal għażla bbilanċjata ta’ trattamenti ta’ kwalità għolja fl-Istat Membru kkonċernat jew max-xewqa li jiġu kkontrollati l-ispejjeż u tiġi evitata, kemm jista’ jkun possibbli, kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani.

[…]”

7

Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kura tas-saħħa li tista’ tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel”:

“1.   L-Istat Membru ta’ affiljazzjoni jista’ jipprevedi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għar-rimborż tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali, skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 9. Is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, inklużi l-kriterji u l-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji, u d-deċiżjonijiet individwali ta’ tiċħid tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, għandhom ikunu ristretti għal dak li hu meħtieġ u proporzjonali għall-objettiv li jrid jintlaħaq, u ma jistgħux jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ostaklu mhux iġġustifikat għall-moviment liberu tal-pazjenti.

2.   Il-kura tas-saħħa li tista’ tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel għandha tkun limitata għal kura tas-saħħa li:

(a)

hija soġġetta għar-rekwiżiti tal-ippjanar marbuta mal-ħsieb li jiġi żgurat aċċess suffiċjenti u permanenti għal għażla bbilanċjata ta’ trattamenti ta’ kwalità għolja fl-Istat Membru kkonċernat jew max-xewqa li jiġu kkontrollati l-ispejjeż u tiġi evitata, kemm jista’ jkun possibbli, kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani u:

(i)

tinvolvi akkomodazzjoni fi sptar mal-lejl għall-pazjent ikkonċernat għal mill-anqas lejl wieħed; jew

(ii)

teħtieġ l-użu ta’ infrastruttura medika jew tagħmir mediku speċjalizzati ħafna u għoljin ħafna;

[…]

5.   Mingħajr ħsara għall-punti (a) sa (c) tal-paragrafu 6, l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni ma jistax jirrifjuta li jagħti awtorizzazzjoni minn qabel meta l-pazjent huwa intitolat għall-kura tas-saħħa in kwistjoni, skont l-Artikolu 7, u meta din il-kura tas-saħħa ma tistax tkun ipprovduta fit-territorju tiegħu f’limitu ta’ żmien li huwa medikament ġustifikabbli, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni medika oġġettiva tal-kundizzjoni medika tal-pazjent, l-istorja u l-iżvolġiment probabbli tal-marda tal-pazjent, il-grad tal-uġigħ tal-pazjent u/jew in-natura tad-diżabilità tal-pazjent fiż-żmien meta tkun saret jew ġiet imġedda t-talba għal-awtorizzazzjoni minn qabel.

6.   L-Istat Membru ta’ affiljazzjoni jista’ jirrifjuta li jagħti awtorizzazzjoni minn qabel għar-raġunijiet li ġejjin:

[…]

(d)

din il-kura tas-saħħa tista’ tkun ipprovduta fit-territorju tiegħu f’limitu ta’ żmien li huwa medikament ġustifikabbli, b’kont meħud tal-istat tas-saħħa attwali u l-iżvolġiment probabbli tal-marda ta’ kull pazjent ikkonċernat.”

Id-dritt tal-Latvja

8

Il-punt 293 tal-Ministru kabineta noteikumi Nr. 1529 “Veselības aprūpes organizēšanas un finansēšanas kārtība” (id-Digriet tal-Kunsill tal-Ministri Nru 1529, dwar l-Organizzazzjoni u l-Finanzjament tal-Kura tas-Saħħa), tas-17 ta’ Diċembru 2013 (Latvijas Vēstnesis, 2013, Nru 253), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1529”), kien jipprovdi:

“Skont ir-[Regolament Nru 883/2004] u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-[Regolament Nru 883/2004] (ĠU 2009, L 284, p. 1), is-[servizz tas-saħħa] għandu joħroġ id-dokumenti li ġejjin, li jiċċertifikaw id-dritt ta’ persuna li tibbenefika, fi Stat Membru ieħor tal-[Unjoni Ewropea] jew taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] jew fl-Isvizzera, minn kura tas-saħħa ffinanzjata mill-baġit tal-Istat:

[…]

293.2. il-formola S2, intitolata “Awtorizzazzjoni għad-dritt għal trattament skedat” (iktar ’il quddiem il-“formola S2”), li tippermetti li wieħed jibbenefika mit-trattamenti tas-saħħa skedati indikati fuq il-formola, fil-pajjiż u fit-terminu li jissemmew fiha […]”

9

Skont il-punt 310 ta’ dan ir-regolament:

“Is-[servizz tas-saħħa] għandu joħroġ il-formola S2 lil persuna li għandha d-dritt li tibbenefika mis-servizzi tas-saħħa koperti mill-baġit tal-Istat, u li tixtieq tirċievi kura tas-saħħa skedata fi Stat Membru ieħor tal-[Unjoni], fiż-[ŻEE], jew fl-Isvizzera, jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

310.1. is-servizzi tas-saħħa huma koperti mill-baġit tal-Istat skont ir-regoli applikabbli għal tali kura;

310.2. fid-data tal-eżami tat-talba, ebda wieħed mill-fornituri tal-kura tas-saħħa msemmija fil-punt 7 ta’ dawn ir-regolamenti ma jista’ jiggarantixxi dawn is-servizzi tas-saħħa u tkun inkisbet opinjoni motivata f’dan is-sens mingħand il-fornitur ikkonċernat;

310.3. il-kura inkwistjoni hija meħtieġa sabiex il-persuna tevita deterjorament irriversibbli għall-funzjonijiet vitali jew l-istat ta’ saħħa tagħha, fid-dawl tal-istat ta’ saħħa tal-persuna fil-mument meta tkun eżaminata u l-kors prevedibbli tal-marda”.

10

Il-punt 323.2 tar-Regolament Nru 1529 kien jipprovdi li kien is-servizz tas-saħħa kompetenti li kellu jiddeċiedi li joħroġ awtorizzazzjoni minn qabel għal trattament skedat ta’ kirurġija kardijaka fi sptar fi Stat Membru tal-Unjoni, fi Stat Membru taż-ŻEE jew fl-Isvizzera.

11

Il-punt 324.2 ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi li s-servizz tas-saħħa kellu jirrifjuta li jagħti awtorizzazzjoni minn qabel fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

“324.2. meta l-kura tas-saħħa tista’ tingħata fil-Latvja fit-terminu li ġej (ħlief f’sitwazzjoni fejn ma huwiex permess li wieħed jistenna minħabba l-istat ta’ saħħa tal-persuna u l-iżvilupp prevedibbli tal-marda u sa fejn dan huwa indikat fid-dokument mediku msemmi fil-punt 325.2 jew fil-punt 325.3 ta’ dan id-digriet):

[…]

324.2.2. fil-każ ta’ kura fl-isptarijiet imsemmija fil-punti 323.2 u 323.3: tnax‑il xahar;

[…]”

12

Il-punt 328 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Is-Servizz [tas-Saħħa] għandu jirrimborsa l-ispejjeż magħmula minn persuni li huma intitolati li jirċievu kura tas-saħħa ffinanzjata pubblikament fil-Latvja meta dawk il-persuni jkunu rċevew kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, Stat li jagħmel parti miż-ŻEE jew fl-Isvizzera, u ħallsu għal dik il-kura mill-fondi tagħhom stess:

328.1. skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 u tar-Regolament Nru 987/2009, kif ukoll il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-ispejjeż relatati mal-kura tas-saħħa mogħtija mill-Istat li fih dawn il-persuni rċevew il-kura tas-saħħa, u fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-Unjoni jew tal-Istat li jagħmel parti miż-ŻEE jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, rigward l-ammont li għandu jiġi rrimborsat lil dawn il-persuni, fejn:

[…]

328.1.2. is-servizz [tas-saħħa] adotta deċiżjoni sabiex joħroġ formola S2 lil dawn il-persuni, iżda madankollu dawn il-persuni ħallsu għal dik il-kura tas-saħħa mill-fondi tagħhom stess,

328.2 fid-dawl tal-iskala tat-tariffi għat-trattamenti tal-kura tas-saħħa, li kienet stabbilita fiż-żmien li dawn il-persuni rċevew tali trattamenti, jew fir-rigward tal-limitu ta’ kumpens għal spejjeż skont il-qafas legali relatat max-xiri ta’ mediċina u tagħmir mediku maħsub għal kura fi sptarijiet, fiż-żmien li dik il-mediċina u t-tagħmir mediku ġie akkwistat, fejn:

328.2.1 dawn il-persuni rċevew kura tas-saħħa skedata (b’mod partikolari b’awtorizzazzjoni minn qabel), mingħajr preġudizzju għas-sitwazzjoni msemmija fil-punt 328.1.2. u dak it-trattament huwa fost dawk imħallsa skont il-proċedura stipulata f’dan ir-regolament minn fondi pubbliċi fir-Repubblika tal-Latvja.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Iben ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, wild minuri li jbati minn malformazzjoni kardijaka konġenitali, kellu jgħaddi minn operazzjoni fil-qalb miftuħa.

14

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, affiljata mas-sistema tas-saħħa Latvjana, oppona li ssir trasfużjoni tad-demm fil-mument ta’ din l-operazzjoni minħabba li huwa kien Xhud ta’ Ġeħova. Peress li din l-operazzjoni ma kinitx possibbli fil-Latvja mingħajr ma ssir trasfużjoni tad-demm, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lin-Nacionālais veselības dienests (is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa, il-Latvja) (iktar ’il quddiem is-“servizz tas-saħħa”) joħroġ formola S2 għal ibnu, li tawtorizza lil persuna tibbenefika minn ċerta kura tas-saħħa skedata, b’mod partikolari, fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni għajr l-Istat ta’ affiljazzjoni tiegħu, sabiex ibnu ssirlu l-imsemmija operazzjoni fil-Polonja. Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2016, is-servizz tas-saħħa rrifjuta li joħroġ din il-formola. Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2016, il-Ministeru tas-Saħħa kkonferma d-deċiżjoni tas-servizz tas-saħħa minħabba li l-operazzjoni inkwistjoni setgħet titwettaq fil-Latvja u li huma biss is-sitwazzjoni medika kif ukoll il-limitazzjonijiet fiżiċi ta’ persuna li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tinħareġ l-imsemmija formola.

15

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors quddiem l-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) sabiex jikseb, favur ibnu, att amministrattiv favorevoli li jirrikonoxxi d-dritt li wieħed jibbenefika mit-trattamenti tas-saħħa skedati. Permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors.

16

Adita b’appell, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Frar 2017, ikkonfermat l-imsemmija sentenza minħabba li, sabiex tinħareġ il-formola S2, kellhom jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fil-punt 310 tar-Regolament Nru 1529. Issa, din il-qorti rrilevat li t-trattament mediku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa kura tas-saħħa ffinanzjata mill-baġit tal-Istat Latvjan, kien ċertament neċessarju sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni irriversibbli tal-funzjonijiet vitali jew tal-istat tas-saħħa ta’ iben ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, iżda li, fil-mument tal-eżami tat-talba għall-ħruġ tal-formola S2, l-isptar ikkonferma li dan it-trattament seta’ jitwettaq fil-Latvja. Barra minn hekk, il-qorti msemmija qieset li mill-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali rrifjuta tali trasfużjoni ma setgħetx tiġi dedotta l-impossibbiltà tal-isptar inkwistjoni li jipprovdi l-imsemmi trattament mediku u kkonkludiet li waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ħruġ tal-formola S2 ma kinitx issodisfatta.

17

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostna, b’mod partikolari, li huwa vittma ta’ diskriminazzjoni peress li l-maġġoranza l-kbira tal-affiljati għandhom il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-kura tas-saħħa inkwistjoni mingħajr ma jirrinunzjaw għat-twemmin reliġjuż tagħhom. Il-Ministeru tas-Saħħa jsostni, min-naħa tiegħu, li dan l-appell huwa infondat minħabba li r-regola stabbilita fil-punt 310 tad-Digriet Nru 1529 hija imperattiva u ma tipprovdix li l-awtorità kompetenti għandha setgħa diskrezzjonali meta hija tadotta att amministrattiv. Din ir-regola għandha tinqara flimkien mal-punt 312.2 ta’ dan id-digriet, li minnu jirriżulta li huma biss il-ġustifikazzjonijiet mediċi diretti li huma deċiżivi. Il-Ministeru tas-Saħħa jqis li r-rikorrent fil-kawża prinċipali qiegħed jitlob, essenzjalment, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji li l-leġiżlatur nazzjonali ma pprevediex. Huwa jindika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi restrizzjonijiet raġonevoli, li jiżguraw kemm jista’ jkun użu razzjonali tar-riżorsi finanzjarji u li jipproteġu l-interessi pubbliċi kollha marbuta mal-aċċess għal mediċina ta’ kwalità fil-Latvja.

18

Fit-22 ta’ April 2017, iben ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għadda minn operazzjoni tal-qalb fil-Polonja.

19

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-servizzi tas-saħħa Latvjani setgħux jirrifjutaw il-ħruġ tal-formola S2 li tippermetti dan it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlas tal-kura abbażi ta’ kriterji esklużivament mediċi jew jekk kinux ukoll obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward it-twemmin reliġjuż ta’ A.

20

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Augstākās tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 20(2) tar-Regolament [Nru 883/2004] flimkien mal-Artikolu 21(1) tal-Karta […], għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jirrifjuta l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament jekk fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna jkun disponibbli trattament fi sptar li ma hemmx dubju fir-rigward tal-effettività medika tiegħu, iżda l-metodu ta’ trattament użat imur kontra l-konvinzjonijiet reliġjużi tal-imsemmija persuna?

(2)

L-Artikolu 56 [TFUE] u l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva [2011/24] flimkien mal-Artikolu 21(1) tal-Karta […], għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’ jiċħad l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jekk fl-Istat ta’ affiljazzjoni tal-persuna huwa disponibbli trattament fi sptar li ma hemmx dubju fir-rigward tal-effettività medika tiegħu, iżda l-metodu ta’ trattament użat imur kontra l-konvinzjonijiet reliġjużi tal-imsemmija persuna?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata jirrifjuta li jagħti lil din tal-aħħar l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament meta, f’dan l-Istat Membru, trattament fi sptar, li l-effettività medika tiegħu ma tqajjem ebda dubju, ikun disponibbli, iżda t-twemmin reliġjuż ta’ din il-persuna ma japprovax il-metodu tat-trattament mogħti.

22

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont il-premessi 4 u 45 tar-Regolament Nru 883/2004, l-għan tiegħu huwa li jikkoordina s-sistemi tas-sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni. Ir-Regolament imsemmi mmodernizza u ssemplifika regoli li kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), filwaqt li żamm l-istess għan ta’ dan tal-aħħar (sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2019, V, C‑33/18, EU:C:2019:470, punt 41).

23

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 883/2004, persuna assigurata li tmur fi Stat Membru ieħor għall-finijiet li tirċievi trattament mediku għandha, bħala prinċipju, titlob awtorizzazzjoni mingħand l-istituzzjoni kompetenti.

24

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004 għandha bħala għan li tagħti dritt għal servizzi in natura mogħtija, f’isem l-istituzzjoni kompetenti, mill-istituzzjoni tal-post tas-soġġorn, skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn jingħataw dawn is-servizzi, bħallikieku l-persuna kkonċernata kienet irreġistrata ma’ din l-istituzzjoni. B’hekk il-persuni assigurati taħt is-sigurtà soċjali jingħataw drittijiet li ma kienx ikollhom mod ieħor peress li, sa fejn jimplikaw teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlas mill-istituzzjoni tal-post ta’ soġġorn skont il-leġiżlazzjoni li tapplika din tal-aħħar, dawn id-drittijiet ma jistgħux, ipotetikament, jiġu ggarantiti lill-imsemmija persuni assigurati taħt is-sigurtà soċjali biss abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Inizan, C‑56/01, EU:C:2003:578, punt 22). Għaldaqstant, il-persuni assigurati jibbenefikaw, skont dan ir-regolament, minn drittijiet li ma tagħtihomx il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE u kkonkretizzata mid-Direttiva 2011/24 fil-qasam tal-kura tas-saħħa.

25

L-uniku għan tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004 huwa li jidentifika ċ-ċirkustanzi li fihom huwa eskluż li l-istituzzjoni kompetenti tista’ tirrifjuta l-awtorizzazzjoni minn qabel mitluba abbażi tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tipprovdi żewġ kundizzjonijiet li, ladarba ssodisfatti, irendu obbligatorju l-għoti, mill-istituzzjoni kompetenti, tal-awtorizzazzjoni minn qabel li tkun intalbet abbażi tal-ewwel paragrafu tal-istess Artikolu. L-ewwel kundizzjoni teżiġi li l-kura inkwistjoni tkun fost is-servizzi pprovduti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tirrisjedi l-persuna assigurata. It-tieni kundizzjoni teżiġi li l-kura li din tal-aħħar tkun beħsiebha tirċievi fi Stat Membru differenti mit-territorju fejn tirrisjedi ma tistax, fid-dawl tal-istat tas-saħħa attwali tagħha u tal-iżvolġiment tal-marda tagħha, tingħatalha fiż-żmien normalment neċessarju sabiex jinkiseb it-trattament inkwistjoni fl-Istat Membru ta’ residenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, Petru, C‑268/13, EU:C:2014:2271, punt 30).

26

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa previst mil-leġiżlazzjoni Latvjana u li l-ewwel kundizzjoni li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004 hija ssodisfatta fil-kawża prinċipali.

27

Il-qorti tar-rinviju tindika, min-naħa l-oħra, li l-punt kontenzjuż fil-kawża prinċipali huwa dak dwar jekk hijiex issodisfatta t-tieni kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

28

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-awtorizzazzjoni meħtieġa ma tistax tiġi rrifjutata meta trattament identiku jew li jkollu l-istess grad ta’ effettività ma jistax jinkiseb fi żmien xieraq fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tirrisjedi l-persuna kkonċernata (sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, Petru, C‑268/13, EU:C:2014:2271, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Sabiex jiġi evalwat jekk jeżistix tali trattament, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-istituzzjoni kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw kull każ konkret, billi tieħu debitament inkunsiderazzjoni mhux biss is-sitwazzjoni medika tal-pazjent fil-mument meta tintalab l-awtorizzazzjoni u, jekk ikun il-każ, il-grad ta’ wġigħ jew tan-natura tad-diżabbiltà ta’ dan tal-aħħar, iżda wkoll l-istorja medika tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C‑372/04, EU:C:2006:325, punt 62; tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 66, u tad-9 ta’ Ottubru 2014, Petru, C‑268/13, EU:C:2014:2271, punt 32).

30

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżami taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw kull każ konkret li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004, sabiex jiġi ddeterminat jekk jistax jinkiseb trattament identiku jew li għandu l-istess grad ta’ effettività fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata, jikkostitwixxi evalwazzjoni medika oġġettiva. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004 tieħu esklużivament inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni medika tal-pazjent u mhux l-għażliet personali tiegħu fil-qasam tal-kura medika.

31

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet neċessarja sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni irriversibbli tal-funzjonijiet vitali jew tal-istat ta’ saħħa tat-tifel tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-eżami tal-istat tiegħu u tal-evoluzzjoni prevedibbli tal-marda tiegħu. Barra minn hekk, din l-operazzjoni setgħet titwettaq fil-Latvja permezz ta’ trasfużjoni tad-demm, u ma kienx hemm raġuni medika li tiġġustifika l-użu ta’ metodu ta’ trattament ieħor. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali oppona tali trasfużjoni għas-sempliċi raġuni li t-twemmin reliġjuż tiegħu kien jipprekludi dan u xtaq li l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sseħħ mingħajr trasfużjoni, li ma kienx possibbli fil-Latvja.

32

Għaldaqstant, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma kienet teżisti ebda raġuni medika li tiġġustifika li iben ir-rikorrent ma jkunx jista’ jibbenefika mit-trattament disponibbli fil-Latvja.

33

Għalhekk, sa fejn it-tieni kundizzjoni li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004 tikkonsisti esklużivament fl-eżami tal-istat patoloġiku tal-pazjent, l-istorja tiegħu, l-iżvilupp probabbli tal-marda tiegħu, il-grad ta’ wġigħ u/jew in-natura tad-diżabbiltà tiegħu u għalhekk ma jimplikax it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għażla personali tiegħu fil-qasam tal-kura, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Latvjani li jirrifjutaw li joħorġu l-formola S2 ma tistax titqies bħala inkompatibbli fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni.

34

Madankollu, meta l-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata jirrifjuta li jagħti l-awtorizzazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 883/2004, dan l-Istat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li huwa obbligat li jirrispetta d-drittijiet fundamentali ggarantiti minnha, fosthom b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 21 tagħha (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Prokuratura Rejonowa w Słupsku, C‑634/18, EU:C:2020:455, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta huwa espressjoni partikolari tiegħu (sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 43, u tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 29).

36

Barra minn hekk, il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin hija ta’ natura imperattiva inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Stabbilita fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, din il-projbizzjoni hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tikkonferixxi lill-individwi dritt invokabbli bħala tali f’tilwima bejniethom f’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 76, u tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 76).

37

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi prinċipju ġenerali jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Differenza fit-trattament tkun iġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 55).

38

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fl-ewwel lok, jekk ir-rifjut li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jingħata l-awtorizzazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 883/2004 joħloqx differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon. Jekk dan huwa l-każ, hija għandha għalhekk teżamina, fit-tieni lok, jekk din id-differenza fit-trattament hijiex ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli. Madankollu, meta jkun hemm talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-proċess, tipprovdi preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju fis-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Aventis Pasteur, C‑358/08, EU:C:2009:744, punt 50).

39

F’dan il-każ, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija fformulata b’mod newtrali u ma tagħtix lok għal diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon.

40

Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk, fid-dawl tal-provi li jinsabu fil-proċess, dan ir-rifjut joħloqx differenza fit-trattament li hija indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin reliġjuż.

41

Il-qorti tar-rinviju tindika li, b’differenza mill-persuni li l-istat tagħhom, jew dak tat-tfal tagħhom, jeħtieġ intervent mediku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali iżda li ma humiex Xhieda ta’ Ġeħova, it-twemmin reliġjuż tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jaffettwa l-għażla ta’ dan tal-aħħar fil-qasam tal-kura. Għax-Xhieda ta’ Ġeħova, peress li l-projbizzjoni tat-trasfużjonijiet tad-demm tifforma parti integrali mit-twemmin reliġjuż tagħhom, huma ma jistgħux jaċċettaw li jsofru intervent mediku li jimplika tali trasfużjonijiet. Peress li l-Istat Membru ta’ residenza ma jkoprix l-ispiża ta’ trattament ieħor, awtorizzat mit-twemmin reliġjuż tagħhom, l-ispejjeż ikkawżati minnu jkollhom jitħallsu personalment minn persuni bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

42

F’tali sitwazzjoni, jidher għalhekk li jista’ jkun hemm differenza fit-trattament indiretta bejn, minn naħa, il-pazjenti li jirċievu intervent mediku bi trasfużjoni tad-demm li l-ispejjeż tagħhom huma koperti mis-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ residenza u, min-naħa l-oħra, il-pazjenti li, għal raġunijiet reliġjużi, jiddeċiedu li ma jirċevux tali intervent f’dan l-Istat Membru u li jirrikorru, fi Stat Membru ieħor, għal trattament li ma huwiex prekluż mit-twemmin reliġjuż tagħhom, li l-ispejjeż għalih ma humiex koperti mill-ewwel Stat Membru.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi nnotat li r-rifjut li tagħti lir-rikorrent l-awtorizzazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli.

44

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li jiġu protetti s-saħħa pubblika u d-drittijiet ta’ ħaddieħor, billi tinżamm provvista adegwata, ibbilanċjata u permanenti ta’ kura ta’ kwalità fl-isptar fit-territorju nazzjonali kif ukoll billi tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema ta’ sigurtà soċjali.

45

Għandu jiġi rrilevat li, meta miżura nazzjonali taqa’ fil-qasam tas-saħħa pubblika, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost il-beni u l-interessi protetti mit-Trattat FUE.

46

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat b’mod partikolari li l-għadd ta’ sptarijiet, id-distribuzzjoni ġeografika tagħhom, il-mod ta’ organizzazzjoni tagħhom u t-tagħmir li bihom huma attrezzati, u anki n-natura tas-servizzi mediċi li huma kapaċi joffru, għandhom ikunu suġġetti għal ippjanar, li jissodisfa, b’mod ġenerali, diversi preokkupazzjonijiet. Minn naħa, dan l-ippjanar għandu l-għan li jiżgura li fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ikun hemm aċċess suffiċjenti u permanenti għal firxa bbilanċjata ta’ kura ta’ kwalità fl-isptar. Min-naħa l-oħra, dan jifforma parti minn rieda li jiġu kkontrollati l-ispejjeż u li jiġi evitat, sa fejn huwa possibbli, kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani. Tali ħela jkun iktar u iktar ta’ ħsara inkwantu huwa stabbilit li s-settur tal-kura medika fl-isptar jiġġenera spejjeż kunsiderevoli u għandu jissodisfa bżonnijiet li dejjem jikbru, filwaqt illi r-riżorsi finanzjarji li jistgħu jiġu ddedikati għall-kura medika ma humiex, irrispettivament mill-mod ta’ finanzjament użat, illimitati (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, C‑157/99, EU:C:2001:404, punti 76 sa 79; tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C‑372/04, EU:C:2006:325, punti 108109; kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 43).

47

Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li riskju ta’ riperkussjonijiet finanzjarji fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon. L-għan li jinżamm servizz tas-saħħa u tal-isptarijiet ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd jista’ wkoll jaqa’ taħt id-derogi għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, sa fejn tali għan jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa (ara, b’analoġija, fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Hekk kif tfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-persuna assigurata li kisbet l-awtorizzazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 883/2004 għandha bħala prinċipju tibbenefika, matul il-perijodu stabbilit mill-istituzzjoni kompetenti, mill-benefiċċji in natura pprovduti, f’isem l-imsemmija istituzzjoni, mill-istituzzjoni tal-Istat Membru ta’ soġġorn, skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikata minn din tal-aħħar, bħallikieku l-assigurat soċjali kien affiljat magħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-dritt hekk mogħti lill-assigurat taħt is-sigurtà soċjali jimplika konsegwentement li l-kuri pprovduti għandhom l-ewwel jiġu assunti mill-istituzzjoni tal-Istat Membru ta’ soġġorn, skont il-leġiżlazzjoni applikata minn din tal-aħħar, bl-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li sussegwentement tħallas lura lill-istituzzjoni tal-Istat Membru ta’ soġġorn skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 883/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ April 2005, Keller, C‑145/03, EU:C:2005:211, punti 6566). Konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-benefiċċji in natura pprovduti mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru f’isem l-istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor, abbażi tal-kapitolu li taqa’ taħtu d-dispożizzjoni msemmija, jagħtu lok għal rimbors sħiħ.

49

Minn dan isegwi li, fil-każ fejn benefiċċji in natura mogħtija fl-Istat Membru ta’ soġġorn jagħtu lok għal spejjeż ogħla minn dawk marbuta mal-benefiċċji li kienu jingħataw fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata, l-obbligu ta’ rimbors sħiħ jista’ jagħti lok għal spejjeż addizzjonali fir-rigward ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

50

Kif irrikonoxxiet ġustament il-qorti tar-rinviju, tali spejjeż addizzjonali jkunu diffiċilment prevedibbli jekk, sabiex tiġi evitata differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon, l-istituzzjoni kompetenti kienet, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004, obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni t-twemmin reliġjuż tal-persuna assigurata, peress li dan it-twemmin jaqa’ taħt il-forum internum tagħha u huwa, min-natura tiegħu, suġġettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Barra minn hekk, kif indika l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, huwa possibbli li s-sistemi tas-saħħa nazzjonali jkunu jistgħu jiġu esposti għal numru kbir ta’ talbiet għal awtorizzazzjoni li tingħata kura tas-saħħa transkonfinali bbażata fuq raġunijiet reliġjużi pjuttost milli fuq is-sitwazzjoni medika tal-persuna assigurata.

52

Li kieku l-istituzzjoni kompetenti kellha tieħu inkunsiderazzjoni t-twemmin reliġjuż tal-persuna assigurata, tali spejjeż addizzjonali jistgħu, fid-dawl tal-imprevedibbiltà u tal-portata potenzjali tagħhom, iwasslu għal riskju għan-neċessità li tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema tal-assigurazzjoni għall-mard, li tikkostitwixxi għan leġittimu rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li ma tiħux inkunsiderazzjoni t-twemmin reliġjuż tal-persuna assigurata iżda li hija bbażata fuq kriterji esklużivament mediċi tista’ tnaqqas tali riskju u għalhekk tidher adatta sabiex tiżgura dan l-għan.

53

Fir-rigward tal-ħtieġa tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu dwar il-livell li bih huma jkollhom l-intenzjoni li jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u dwar il-mod kif għandu jintlaħaq dan il-livell. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandu jiġi rrikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri (sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu, C‑198/14, EU:C:2015:751, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fl-assenza ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ibbażata fuq kriterji esklużivament mediċi, l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni jkun espost għal piż finanzjarju addizzjonali li jkun diffiċilment prevedibbli u li jista’ jwassal għal riskju għall-istabbiltà finanzjarja tas-sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard tiegħu.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għal awtorizzazzjoni minn qabel għall-finijiet tat-teħid tar-responsabbiltà finanzjarja mill-istituzzjoni kompetenti tal-ħlas għall-kura prevista fi Stat Membru ieħor, tat-twemmin reliġjuż tal-persuna kkonċernata jidher li huwa miżura ġġustifikata fid-dawl tal-għan imsemmi fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, li ma jeċċedix dak li huwa oġġettivament neċessarju għal dan l-għan u li jissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità mfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza.

56

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata jirrifjuta li jagħti lil din tal-aħħar l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament meta, f’dan l-Istat Membru, trattament fi sptar, li l-effettività medika tiegħu ma tqajjem ebda dubju, ikun disponibbli, iżda t-twemmin reliġjuż ta’ din il-persuna assigurata ma jippermettix il-metodu ta’ trattament użat.

Fuq it-tieni domanda

Fuq l-ammissibbiltà

57

Il-Ministeru tas-Saħħa kif ukoll il-Gvern Latvjan u dak Pollakk isostnu li d-Direttiva 2011/24 ma hijiex rilevanti fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, peress li A ma talbitx l-awtorizzazzjoni minn qabel għall-finijiet tat-teħid tar-responsabbiltà mill-istituzzjoni kompetenti għall-ħlas tal-kura tas-saħħa transkonfinali intiża għal binha skont dik id-direttiva. Barra minn hekk, fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġie sostnut ukoll li A naqset milli titlob ir-rimbors tal-kura tas-saħħa transkonfinali rċevuta minn binha fi żmien sena, hekk kif meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni Latvjana li tittrasponi d-Direttiva 2011/24.

58

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, peress li d-domandi li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod xieraq għad-domandi magħmula lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 25; tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys, C‑307/10, EU:C:2012:361, punt 32; kif ukoll tad-9 ta’ Ottubru 2014, Petru, C‑268/13, EU:C:2014:2271, punt 23).

59

Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

60

Fir-rigward tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 2011/24, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, peress li l-opinjoni tal-partijiet fil-kawża prinċipali ma taqbilx mal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk din tapplikax fil-każ ta’ rifjut, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ residenza, li jagħtu l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni li ser tingħata għall-kawża prinċipali tiddependi mir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda.

61

L-interpretazzjoni mitluba, kif ukoll l-eżami tan-natura u tal-portata tar-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel tirrigwarda l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/24 sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ ssir taf jekk A hijiex intitolata għar-rimbors fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni tal-ispejjeż kollha jew ta’ parti mill-ispejjeż għall-kura tas-saħħa fi sptar transkonfinali mogħtija lil binha.

62

Għalhekk, l-interpretazzjoni mitluba ma hijiex manifestament nieqsa minn kull rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u l-problema mqajma ma hijiex ipotetika, iżda tirrelata mal-fatti diskussi mill-partijiet fil-kawża prinċipali li għandhom jiġu ddeterminati mill-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula.

63

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali setgħax jitlob l-awtorizzazzjoni minn qabel għat-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/24 u jekk talba għal rimbors ulterjuri għandhiex titqies li tressqet barra mit-termini previsti mid-dritt nazzjonali. F’dan il-kuntest, għandu jitqies li tali talba intiża għal rimbors fil-limiti previsti fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva hija, impliċitament iżda neċessarjament, inkluża f’talba għal rimbors sħiħ skont ir-Regolament Nru 883/2004.

64

Isegwi li t-tieni domanda hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

65

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(5) u (6)(d) tad-Direttiva 2011/24, moqri fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni ta’ pazjent jirrifjuta li jagħti lil dan tal-aħħar l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva meta, f’dan l-Istat Membru, trattament fi sptar, li l-effettività medika tiegħu ma tqajjem ebda dubju, ikun disponibbli iżda t-twemmin reliġjuż ta’ dan il-pazjent ma jippermettix il-metodu ta’ trattament użat.

66

Hekk kif jirriżulta mill-premessa 8 tad-Direttiva 2011/24, din tal-aħħar ikkodifikat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE fil-qasam tal-kura tas-saħħa, filwaqt li fittxet li tasal għal applikazzjoni iktar ġenerali u daqstant iktar effettiva tal-prinċipji stabbiliti każ b’każ minn din il-ġurisprudenza.

67

B’hekk, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2011/24 jipprovdi li, mingħajr ħsara għar-Regolament Nru 883/2004 u soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva, l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni għandu jiżgura li l-ispejjeż magħmula mill-persuna assigurata li tirċievi kura tas-saħħa transkonfinali jiġu rrimborsati, jekk il-kura tas-saħħa inkwistjoni tkun fost il-benefiċċji li l-persuna assigurata hija intitolata għalihom f’dan l-Istat Membru.

68

Barra minn hekk, l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2011/24 jipprevedi li l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali għandhom jiġu rrimborsati jew imħallsa direttament mill-Istat Membru ta’ affiljazzjoni sal-livell tal-ispejjeż li kienu jitħallsu minnu kieku din il-kura tas-saħħa kienet ipprovduta fit-territorju tiegħu mingħajr ma jinqabżu l-ispejjeż reali tal-kura tas-saħħa rċevuta.

69

Barra minn hekk, l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jipprovdi li Stat Membru jista’ jissuġġetta l-kura fl-isptar għal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Madankollu, dan l-artikolu jippreċiża li tali sistema, inklużi l-kriterji, l-applikazzjoni ta’ dawn, u d-deċiżjonijiet individwali ta’ rifjut tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, għandha tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonali għall-għan imfittex, u ma tistax tikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas ostakolu mhux iġġustifikat għall-moviment liberu tal-pazjenti.

70

Min-naħa tagħha, il-premessa 43 tad-Direttiva 2011/24 tipprovdi li l-kriterji ta’ attribuzzjoni tal-awtorizzazzjoni minn qabel għandhom ikunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw l-ostakoli għal-libertà tal-provvista ta’ kura tas-saħħa, bħala rekwiżiti tal-ippjanar relatati mal-għan li jkun żgurat aċċess suffiċjenti u permanenti għal firxa bbilanċjata ta’ trattament ta’ kwalità għolja fl-Istat Membru kkonċernat jew inkella x-xewqa li l-ispejjeż ikunu kkontrollati u, kemm jista’ jkun, jiġi evitat kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani.

71

F’dan ir-rigward, il-Gvern Latvjan isostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li timplimenta l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/24 hija intiża sabiex tiżgura kontroll tal-ispejjeż u sabiex tiggarantixxi aċċess suffiċjenti u permanenti għal firxa bbilanċjata ta’ trattamenti ta’ kwalità. Peress li tali għanijiet huma leġittimi, hekk kif jirriżulta mill-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-imsemmija sistema hijiex limitata għal dak li huwa neċessarju u proporzjonat sabiex dawn jintlaħqu.

72

F’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-għan relattiv għan-neċessità li tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema ta’ sigurtà soċjali, għandha tiġi rrilevata l-eżistenza ta’ differenza sistematika bejn is-sistema ta’ rimbors implimentata mir-Regolament Nru 883/2004 u dik prevista mid-Direttiva 2011/24.

73

Kuntrarjament għall-Artikolu 20(2) tar-Regolament 883/2004, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2011/24 jipprevedi, hekk kif tfakkar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, li l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa transkonfinali għandhom jiġu rrimborsati jew imħallsa direttament mill-Istat Membru ta’ affiljazzjoni sal-livell tal-ispejjeż li dan kien jassumi li kieku l-kura tas-saħħa ngħatat fit-territorju tiegħu, u dan mingħajr ma jinqabżu l-ispejjeż attwali tal-kura tas-saħħa mogħtija.

74

Ir-rimbors previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/24 jista’ għalhekk ikun suġġett għal limitu doppju. Minn naħa, dan huwa kkalkolat abbażi tat-tariffi applikabbli għall-kura tas-saħħa fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk il-livell tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa mogħtija fl-Istat Membru ospitanti huwa inqas minn dak tal-kura tas-saħħa mogħtija fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni, dan ir-rimbors ma għandux jaqbeż l-ispejjeż reali tal-kura tas-saħħa mogħtija.

75

Peress li r-rimbors ta’ din il-kura tas-saħħa skont id-Direttiva 2011/24 huwa suġġett għal dan il-limitu doppju, is-sistema tas-saħħa tal-Istat Membru ta’ affiljazzjoni ma tistax tiġi suġġetta għal riskju ta’ spejjeż addizzjonali marbuta mat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlas tal-kura transkonfinali bħal dak ikkonstatat fil-punti 49 sa 54 ta’ din is-sentenza.

76

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 29 tad-Direttiva 2011/24, li tindika espressament li dan it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlas tal-ispejjeż ma jistax ikollu effett kunsiderevoli fuq il-finanzjament tas-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa.

77

Għaldaqstant, fil-kuntest tad-Direttiva 2011/24 u b’differenza mis-sitwazzjonijiet irregolati mir-Regolament Nru 883/2004, l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni ma huwiex, bħala prinċipju, espost għal piż finanzjarju addizzjonali fil-każ ta’ kura transkonfinali.

78

F’tali ċirkustanzi, tali għan ma jistax, bħala prinċipju, jiġi invokat sabiex jiġġustifika r-rifjut li tingħata l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/24 f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

79

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-għan dwar iż-żamma ta’ kapaċità ta’ kura tas-saħħa jew ta’ kompetenza medika, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk is-sistema Latvjana ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li timplimenta l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/24 illimitatx ruħha għal dak li kien neċessarju u proporzjonat sabiex jiġi żgurat dan l-għan, meta l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni rrifjuta li jħallas l-ispejjeż tat-trattament għall-kura fi sptar transkonfinali mogħtija lil iben ir-rikorrent fil-kawża prinċipali sal-ammont li kien ikun offrut għal kura identika mogħtija f’dan l-Istat Membru.

80

Għalhekk, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li dan ma huwiex il-każ, l-awtoritajiet Latvjani ma jistgħux jissuġġettaw ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ dan it-trattament, sal-ammont li huwa offrut għal trattament identiku mogħti fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel maħruġa skont l-Artikolu 8(5) u (6)(d) tal-imsemmija direttiva.

81

Min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmija qorti tqis li din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel kienet limitata għal dak li kien neċessarju u proporzjonat sabiex jiġi żgurat l-imsemmi għan, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 8(5) u (6)(d) tad-Direttiva 2011/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li din l-aħħar dispożizzjoni tieħu inkunsiderazzjoni biss is-sitwazzjoni medika tal-pazjent.

82

Fil-fatt, l-ebda element ma jippermetti serjament li jiġu ġġustifikati interpretazzjonijiet differenti fil-kuntest tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004, minn naħa, u f’dak tal-Artikolu 8(5) u (6)(d) tad-Direttiva 2011/24, min-naħa l-oħra, peress li, fiż-żewġ każijiet, il-kwistjoni hija dwar jekk il-kura fl-isptar meħtieġa mill-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata tistax tingħata fit-territorju tal-Istat Membru ta’ residenza tagħha f’terminu aċċettabbli li jippreżerva l-utilità u l-effettività tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C‑372/04, EU:C:2006:325, punt 60).

83

Madankollu, meta l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni jirrifjuta li jagħti l-awtorizzazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/24, minħabba li ma jkunux issodisfatti r-rekwiżiti li jinsabu fil-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, dan l-Istat Membru għandu jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li huwa obbligat jirrispetta d-drittijiet fundamentali ggarantiti minnha, fosthom b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 21 tagħha.

84

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza, tali rifjut jintroduċi differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon. Peress li din id-differenza fit-trattament għandha għan leġittimu marbut maż-żamma ta’ kapaċità ta’ kura tas-saħħa jew ta’ kompetenza medika, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-imsemmija differenza hijiex proporzjonata. Hija għandha b’mod partikolari teżamina jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tat-twemmin reliġjuż tal-pazjenti, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 8(5) u (6)(d) tad-Direttiva 2011/24, għandux l-effett li joħloq riskju għall-pjanifikazzjoni ta’ trattamenti fi sptar fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni.

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(5) u (6)(d) tad-Direttiva 2011/24, moqri fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni ta’ pazjent jirrifjuta li jagħti lil dan tal-aħħar l-awtorizzazzjoni, prevista fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, meta, f’dan l-Istat Membru, trattament fi sptar, li l-effettività medika tiegħu ma tqajjem ebda dubju, ikun disponibbli iżda t-twemmin reliġjuż ta’ dan il-pazjent ma jippermettix il-metodu tat-trattament użat, sakemm dan ir-rifjut ma jkunx oġġettivament iġġustifikat minn għan relatat maż-żamma ta’ kapaċità ta’ kura tas-saħħa jew ta’ kompetenza medika, u sakemm ma jkunx jikkostitwixxi mezz xieraq u neċessarju li jippermetti li jintlaħaq dan l-għan, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

86

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata jirrifjuta li jagħti lil din tal-aħħar l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament meta, f’dan l-Istat Membru, trattament fi sptar, li l-effettività medika tiegħu ma tqajjem ebda dubju, ikun disponibbli, iżda t-twemmin reliġjuż ta’ din il-persuna assigurata ma jippermettix il-metodu ta’ trattament użat.

 

2)

L-Artikolu 8(5) u (6)(d) tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni ta’ pazjent jirrifjuta li jagħti lil dan tal-aħħar l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva meta, f’dan l-Istat Membru, trattament fi sptar, li l-effettività medika tiegħu ma tqajjem ebda dubju, ikun disponibbli iżda t-twemmin reliġjuż ta’ dan il-pazjent ma jippermettix il-metodu ta’ trattament użat, sakemm dan ir-rifjut ma jkunx oġġettivament iġġustifikat minn għan leġittimu relatat maż-żamma ta’ kapaċità ta’ kura tas-saħħa jew ta’ kompetenza medika, u sakemm ma jkunx jikkostitwixxi mezz xieraq u neċessarju li jippermetti li jintlaħaq dan l-għan, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Top