EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0224

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-16 ta’ Lulju 2020.
CY et vs Caixabank SA u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n. 17 de Palma de Mallorca u mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción de Ceuta.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikoli 6 u 7 – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Self ipotekarju – Klawżoli inġusti – Klawżoli li jimponu t-totalità tal-ispejjeż għall-kostituzzjoni u għall-ħelsien ta’ ipoteka a karigu ta’ min jissellef – Effetti tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-imsemmija klawżoli – Setgħat tal-qorti nazzjonali fil-preżenza ta’ klawżola kkwalifikata bħala ‘inġusta’ – Tqassim tal-ispejjeż – Applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura supplimentari – Artikolu 3(1) – Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali – Artikolu 4(2) – Esklużjoni tal-klawżoli relattivi għall-għan prinċipali tal-kuntratt jew għall-aġġustament tal-prezz jew tar-remunerazzjoni – Kundizzjoni – Artikolu 5 – Obbligu ta’ tfassil ċar u li jinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali – Spejjeż – Preskrizzjoni – Prinċipju ta’ effettività.
Kawżi magħquda C-224/19 u C-259/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:578

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikoli 6 u 7 – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Self ipotekarju – Klawżoli inġusti – Klawżoli li jimponu t-totalità tal-ispejjeż għall-kostituzzjoni u għall-ħelsien ta’ ipoteka a karigu ta’ min jissellef – Effetti tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-imsemmija klawżoli – Setgħat tal-qorti nazzjonali fil-preżenza ta’ klawżola kkwalifikata bħala ‘inġusta’ – Tqassim tal-ispejjeż – Applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura supplimentari – Artikolu 3(1) – Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali – Artikolu 4(2) – Esklużjoni tal-klawżoli relattivi għall-għan prinċipali tal-kuntratt jew għall-aġġustament tal-prezz jew tar-remunerazzjoni – Kundizzjoni – Artikolu 5 – Obbligu ta’ tfassil ċar u li jinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali – Spejjeż – Preskrizzjoni – Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawżi magħquda C‑224/19 u C‑259/19,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n.°17 de Palma de Mallorca (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 17 ta’ Palma de Mallorca, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2019 (C‑224/19), li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Marzu 2019, kif ukoll mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción de Ceuta (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja ta’ Ceuta, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2019 (C‑259/19), li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Marzu 2019, fil-proċeduri

CY

vs

CaixaBank SA (C‑224/19),

u

LG,

PK

vs

Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA (C‑259/19),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal CY, minn N. Martínez Blanco, abogado,

għal Caixabank SA, minn J. Gutiérrez de Cabiedes Hidalgo de Caviedes, abogado,

għal LG, minn R. Salamanca Sánchez, abogado, u M. Cruz Ruiz Reina, procuradora,

għal Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA, minn C. Fernández Vicién, J. Capell Navarro u A. Picón Franco, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz u M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi, waħda bejn CY u Caixabank S.A., u l-oħra bejn LG u PK kontra Banco Bilbao Vizcaya Argentaria S.A. (iktar ’il quddiem “BBVA”), dwar klawżoli inġusti preżenti f’kuntratti ta’ self mogħnija b’garanziji ipotekarji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 93/13

3

Is-sittax, id-dsatax, l-għoxrin u l-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 jistipulaw:

“Billi l-istima, skond il-kriterji ġenerali magħżula, tal-karattru inġust ta’ klawżoli, b’mod partikolari fil-bejgħ jew f’attivitajiet ta’ provvista ta’ natura pubblika li jipprovdu servizzi kollettivi li jqisu s-solidarjetà fost l-utenti, għandha tiġi supplimentata billi ssir valutazzjoni globali tad-diversi interessi involuti; billi din tikkostitwixxi l-ħtieġa ta’ buona fede; billi, waqt li tkun qed issir stima ta’ buona fede, għandha titqies b’mod partikolari s-saħħa tal-posizzjonijiet tal-ftehim tal-partijiet, kemm jekk il-konsumatur kellu xi jħajru biex jaqbel mal-klawżola kif ukoll jekk il-merkanzija jew is-servizzi nbiegħu jew ġew ipprovduti bl-ordni speċjali tal-konsumatur; billi l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha;

Billi, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, m’għandhiex issir stima ta’ karattru inġust ta’ klawżoli li jiddeskrivu l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas il-proporzjon bejn kwalità/il-prezz tal-merkanzija jew is-servizzi pprovduti; billi l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u l-proporzjon bejn kwalità/prezz jistgħu madankollu jiġu kkunsidrati meta tkun qiegħda ssir l-istima dwar jekk klawżoli oħra jkunux ġusti; […]

Billi l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem, il-konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha u, jekk ikollu xi dubju, l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli lejn il-kunsumatur għandha tirbaħ;

Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi,”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.   Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.”

6

L-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

7

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. […]”

8

L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

9

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

10

Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

Id-dritt Spanjol

11

Ir-Regola 6.a tal-Anness II tar-Real Decreto 1426/1989, por el que se aprueba el arancel de los notarios (Digriet Irjali Nru 1426/1989 li Japprova d-Drittijiet tan-Nutara) tas-17 ta’ Novembru 1989 (BOE Nru 285 tat-28 ta’ Novembru 1989, p. 37169) fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, tipprovdi:

“[L-obbligu ta’ ħlas tad-drittijiet jaqa’ fuq] il-parti li talbet l-intervent jew is-servizzi tan-nutar u, jekk ikun il-każ, fuq dawk li għandhom il-kwalità ta’ parti interessata skont ir-regoli tad-dritt sostantiv u fiskali […]”

12

It-tmien regola tal-Anness II tar-Real Decreto 1427/1989, por el que se aprueba el arancel de los registradores de la propiedad (id-Digriet Irjali Nru 1427/1989, li Japprova l-Onorarji tar-Riċevituri tar-Reġistrazzjoni) tas-17 ta’ Novembru 1989 (BOE Nru 285, tat-28 ta’ Novembru 1989, p. 37171), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, timponi l-obbligu [li jitħallsu l-onorarji tar-riċevitur tar-reġistrazzjoni] fuq “dak jew dawk li d-dritt huwa immedjatament irreġistrat jew imsemmi favurihom, liema onorarji jistgħu ukoll jintalbu mingħand […] min talab is-servizz ikkonċernat jew mingħand min id-dritt ġie rreġistrat favurih jew min talab iċ-ċertifikat.”

Il-LCGC

13

L-Artikolu 7 tal-Ley 7/1998, sobre Condiciones Generales de la Contratación (il-Liġi 7/1998 dwar il-Kundizzjonijiet Kuntrattwali Ġenerali), tat-13 ta’ April 1998 (BOE Nru 89, tal-14 ta’ April 1998, p. 12304), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-iffirmar tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LCGC”), jipprovdi:

“Il-kundizzjonijiet ġenerali li ġejjin jitqiesu li ma humiex fil-kuntratt:

a)

Dawk li realment il-konsumatur ma kellux l-okkażjoni li jkollu għarfien sħiħ tagħhom qabel il-konklużjoni tal-kuntratt jew li ma ġewx iffirmati, jekk ikun il-każ, skont l-Artikolu 5;

b)

Il-kundizzjonijiet illeġibbli, ambigwi, mhux ċari u li ma jinftehmux, ħlief, fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, meta l-aderent ikun aċċettahom espressament bil-miktub u meta dawn jissodisfaw il-leġiżlazzjoni speċifika dwar it-trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali f’dan il-qasam.”

14

L-Artikolu 8 tal-LCGC jipprovdi:

“1.   Il-kundizzjonijiet ġenerali li, bi ħsara għall-persuna li taderixxi għalihom, imorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew ta’ kwalunkwe regola oħra li tordna jew li tipprojbixxi ċertu aġir, huma awtomatikament nulli, sakemm tali dispożizzjonijiet ma jissanzjonawx il-ksur tagħhom b’mod differenti.

2.   B’mod partikolari, huma nulli l-kundizzjonijiet ġenerali inġusti fil-kuntratti konklużi ma’ konsumatur […]”

Id-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 6/2000

15

L-Artikolu 40 tar-Real-Decreto Ley 6/2000, de Medidas Urgentes de Intensificación de la Competencia en Mercados de Bienes y Servicios (id-Digriet-Liġi Irjali 6/2000 dwar Miżuri Urġenti ta’ Intensifikazzjoni tal-Kompetizzjoni fis-Swieq tal-Oġġetti u tas-Servizzi) tat-23 ta’ Ġunju 2000 (BOE Nru 151, tal-24 ta’ Ġunju 2000, p. 22440), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“[L]-istabbilimenti ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħra għandhom jindikaw espressament […] id-dritt li għandu min jissellef li jinnomina, bi ftehim komuni mal-parti li tislef, lill-persuna jew lill-entità li ser tagħmel stima tal-proprjetà immobbli li hija s-suġġett tal-ipoteka […]”

Id-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 1/2007

16

Ir-Real Decreto Legislativo 1/2007, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 1/2007 li Japprova t-Test Ikkonsolidat tal-Liġi Ġenerali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti u Liġijiet Oħra Komplementari) tas-16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287, tat-30 ta’ Novembru 2007, p. 49181), jipprovdi fl-Artikolu 8 tiegħu, intitolat “Drittijiet fundamentali tal-konsumaturi u tal-utenti”:

“Jikkostitwixxu drittijiet fundamentali tal-konsumaturi u tal-utenti:

[…]

b)

Il-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi u soċjali leġittimi tagħhom, b’mod partikolari fil-konfront tal-prattiki kummerċjali żleali u tal-inklużjoni ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti.

[…]

d)

L-informazzjoni eżatta dwar id-diversi oġġetti jew servizzi, kif ukoll l-edukazzjoni u l-vulgarizzazzjoni għall-promozzjoni tal-għarfien dwar l-użu, il-konsum jew it-tgawdija xierqa ta’ dawk l-oġġetti jew servizzi. […]”

17

L-Artikolu 60 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Qabel ma l-konsumatur jew l-utent jintrabat b’kuntratt jew offerta tal-istess tip, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur, b’mod ċar u li jinftiehem, sakemm ma tkunx evidenti minħabba l-kuntest, l-informazzjoni rilevanti, korretta u suffiċjenti dwar il-karatteristiċi prinċipali tal-kuntratt, b’mod partikolari dwar il-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi tiegħu.

2.   L-obbligi ta’ informazzjoni dwar l-oġġetti jew is-servizzi stabbiliti minn din il-liġi jew minn kull regola oħra applikabbli huma rilevanti, kif ukoll:

a)

il-karatteristiċi prinċipali tal-oġġetti jew tas-servizz, sa fejn xieraq insostenn tal-komunikazzjoni użata u għall-oġġett jew is-servizzi ikkonċernat;

[…]

c)

il-prezz inklużi t-taxxi kollha. Meta n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi tfisser li l-prezz ma jistax jiġi raġonevolment ikkalkolat minn qabel, il-mod li bih il‑prezz huwa kkalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, kull ammont ta’ ħlas addizzjonali għat-trasport, għall-kunsinna jew għall-posta jew, fejn dawn l-ammonti ta’ ħlas ma jistgħux jiġu raġonevolment ikkalkolati minn qabel, għandu jissemma’ li dawn l-ispejjeż jistgħu jkunu a karigu tal-konsumatur;

Kull informazzjoni għall-konsumatur jew għall-utent dwar il-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi, inkluż ir-reklamar, għandha tinforma l-prezz totali, billi ssir distinzjoni, skont il-każ, bejn l-ammont tas-supplimenti jew tat-tnaqqis applikabbli, l-ammont tal-ispejjeż mgħoddija fuq il-konsumatur jew fuq l-utent, u l-ispejjeż addizzjonali għas-servizzi anċillari, għall-finanzjament, għall-użu ta’ mezzi differenti ta’ ħlas jew għall-kundizzjonijiet oħra ta’ ħlas simili. […]”

18

L-Artikolu 80 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007, intitolat “Rekwiżiti applikabbli għall-klawżoli li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali”, jipprovdi:

“1.   Fil-kuntratti konklużi ma’ konsumaturi u ma’ utenti li jinkludu klawżoli li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali, […] dawn il-klawżoli għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

a)

Ir-redazzjoni għandha tkun preċiża, ċara u sempliċi, u għandha tkun tista’ tinftiehem direttament […];

b)

Aċċessibbiltà u leġibbiltà, sabiex il-konsumatur u l-utent ikunu jistgħu jsiru jafu l-eżistenza u l-kontenut tagħhom qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. […];

c)

Bona fide u bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, li jeskludi, fi kwalunkwe każ, l-użu ta’ klawżoli inġusti. […]”

19

L-Artikolu 82 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007, intitolat “Kunċett ta’ klawżola inġusta”, jipprovdi:

“1.   Għandhom jitqiesu bħala inġusti l-klawżoli kollha li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali kif ukoll il-prattiki kollha li ma jirriżultawx minn ftehim espress u li, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, joħolqu, għad-detriment tal-konsumatur u tal-utent, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.

2.   […] Jekk il-professjonist jallega li klawżola partikolari ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali, l-oneru tal-prova għandu jaqa’ fuqu.

3.   In-natura inġusta ta’ kawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u billi jsir riferiment għaċ-ċirkustanzi kollha li fih ikun ġie konkluż, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li dan jiddependi minnu. […]”

20

Skont l-Artikolu 83 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007, intitolat “Nullità tal-klawżoli inġusti u sussistenza tal-kuntratt”:

“Il-klawżoli inġusti huma nulli ipso iure u jitqiesu li ma nkitbux. Għal dawn il-finijiet, wara li tkun semgħet lill-partijiet, il-qorti għandha tikkonstata n-nullità tal-klawżoli inġusti li jinsabu fil-kuntratt, iżda dan jibqa’ vinkolanti għall-partijiet skont l-istess termini jekk ikun jista’ jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

21

L-Artikolu 87 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007, intitolat “Klawżoli inġusti minħabba assenza ta’ reċiproċità”, jipprovdi fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Huma inġusti l-klawżoli li, fil-kuntratt, joħolqu, għad-detriment tal-konsumatur jew tal-utent, assenza ta’ reċiproċità li tmur kontra l-bona fide, u, b’mod partikolari:

[…]

5.   […] kwalunkwe dispożizzjoni oħra li tistabbilixxi ħlas għal prodotti jew servizzi li ma ġewx effettivament użati jew ikkunsmati. […]”

22

L-Artikolu 89 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007, intitolat “Klawżoli inġusti li jaffettwaw il-perfezzjoni u l-eżekuzzjoni tal-kuntratt”, jipprovdi:

“Fi kwalunkwe każ għandhom jitqiesu bħala klawżoli inġusti:

[…]

4.   L-impożizzjoni, fuq il-konsumatur jew fuq l-utent, ta’ oġġetti jew ta’ servizzi addizzjonali jew anċillari mhux mitluba.

5.   Żidiet fil-prezzijiet għal servizzi anċillari […] li ma jikkorrispondux għal servizzi addizzjonali li jistgħu jiġu aċċettati jew miċħuda […]”

Il-Liġi 2/2009

23

Il-Ley 2/2009, por la que se regula la contratación con los consumidores de prestamos o créditos hipotecarios y de servicios de intermediación para la celebración de contratos de préstamo o crédito (il-Liġi Nru 2/2009 li Tirregola l-Konklużjoni, mal-Konsumaturi, ta’ Kuntratti ta’ Self jew ta’ Kreditu Ipotekarju u ta’ Kuntratti ta’ Servizzi ta’ Senserija għall-Finijiet tal-Konklużjoni ta’ Kuntratti ta’ Self jew ta’ Kreditu), tal-31 ta’ Marzu 2009, (BOE Nru 79, tal-1 ta’ April 2009, p. 30843), tipprovdi fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 tagħha, intitolat “Obbligi ta’ trasparenza fir-rigward tal-prezz”:

“L-impriżi għandhom jistabbilixxu liberament it-tariffi tal-kummissjonijiet tagħhom, kundizzjonijiet u spejjeż li jistgħu jiġu mgħoddija fuq il-konsumaturi, mingħajr restrizzjonijiet oħra minbarra dawk riprodotti fil-qasam tal-klawżoli inġusti f’din il-liġi, […] kif ukoll fid-[Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007].

It-tariffi tal-kummissjonijiet jew tal-kumpensi u l-ispejjeż li jistgħu jintalbu, inklużi l-attivitajiet ta’ konsulenza, għandhom jindikaw l-ipoteżijiet u, jekk ikun il-każ, il-frekwenza li għaliha japplikaw. Il-kummissjonijiet jew kumpensi jew spejjeż mgħoddija fuq il-klijent għandhom jikkorrispondu għal servizzi effettivament ipprovduti jew għall-ispejjeż sostnuti. Is-servizzi li ma ġewx espressament aċċettati jew mitluba mill-klijent ma jagħtu lok għal ebda kummissjoni jew spejjeż.”

Il-LEC

24

L-Artikolu 394 tal-Ley de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LEC”) jipprovdi:

“1.   Fil-proċeduri ta’ dikjarazzjoni, l-ispejjeż fl-ewwel istanza jaqgħu fuq il-parti li t-talbiet kollha tagħha ġew miċħuda, ħlief jekk il-qorti tevalwa, billi tiġġustifikah debitament, li l-kawża tqajjem dubji serji ta’ fatt jew ta’ liġi. […]

2.   Fil-każ li t-talbiet jintlaqgħu jew jiġu miċħuda parzjalment, kull parti għandha tħallas l-ispejjeż marbuta mal-istanza tagħha u għandha tbati nofs l-ispejjeż komuni sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa sabiex waħda mill-partijiet tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ kawża frivola.”

Il-Kodiċi Ċivili

25

L-Artikolu 1303 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) huwa fformulat kif ġej:

“Meta obbligu jiġi ddikjarat null, il-partijiet għandhom jirrestitwixxu lil xulxin l-affarijiet li kienu s-suġġett tal-kuntratt u l-frott tagħhom, jew il-prezz miżjud bl-interessi, mingħajr preġudizzju għall-artikoli segwenti.”

26

Skont l-Artikolu 1964(2) tal-Kodiċi Ċivili:

“L-azzjonijiet personali li ma jkunux suġġetti għal terminu partikolari għandhom jiġu preskritti wara ħames snin mill-jum li fih l-obbligu jitqies li huwa applikabbli. Fir-rigward tal-obbligi kontinwi li ssir jew li ma ssirx xi ħaġa, it-terminu jibda jiddekorri għal kull nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi.”

27

L-Artikolu 1969 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika kuntrarja, it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-kategoriji kollha ta’ azzjonijiet huwa kkalkolat mill-jum li fih dawn setgħu jiġu eżerċitati.”

Id-Digriet dwar ir-Rati ta’ Interessi, ir-Regoli Operazzjonali, l-Informazzjoni tal-Klijenti u l-Pubbliċità tal-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu

28

Il-Kapitolu 1 tal-Orden sobre tipos de interés y comisiones, normas de actuación, información a clientes y publicidad de las Entidades de crédito (Digriet dwar ir-Rati ta’ Interess, ir-Regoli Operazzjonali, l-Informazzjoni tal-Klijenti u l-Pubbliċità tal-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu) tat-12 ta’ Diċembru 1989 (BOE Nru 303 tad-19 ta’ Diċembru 1989, p. 39289), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa fformulat kif ġej:

“Il-ħames nett. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom liberament jistabbilixxu l-kummissjonijiet li jkunu rċevew għall-operazzjonijiet jew għas-servizzi li huma jipprovdu.

[…]

Is-servizzi li ma ġewx espressament aċċettati jew mitluba mill-klijent ma jagħtu lok għal ebda kummissjoni jew spejjeż. Il-kummissjonijiet jew l-ispejjeż mgħoddija lill-klijent għandhom jikkorrispondu għal servizzi effettivament ipprovduti jew għall-ispejjeż sostnuti.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑224/19

29

Fis-16 ta’ Mejju 2000, CY ikkonkluda mal-istabbiliment finanzjarju Caixabank kuntratt ta’ self ipotekarju quddiem nutar, ta’ ammont inizjali ta’ EUR 81 136.63, li kien jipprevedi wkoll il-ħlas ta’ interessi varjabbli.

30

Ir-raba’ klawżola tal-istess kuntratt teżiġi mingħand min jissellef il-ħlas ta’ “kummissjoni tal-ftuħ”. Din il-klawżola tipprovdi:

“Il-kummissjonijiet segwenti huma stipulati favur [Caixabank] u għandhom jitħallsu mill-parti li ngħatat il-kreditu:

A) - Kummissjoni tal-ftuħ fuq il-limitu totali tas-self, li għandu jitħallas darba biss waqt [l-għoti] ta’ dan l-att: wieħed fil-mija, jiġifieri ammont ta’ mija u ħamsa u tletin elf pesetas Spanjoli (135000) ekwivalenti għal EUR 811.37.”

31

Il-ħames klawżola tal-imsemmi kuntratt timponi fuq il-persuna li tissellef il-ħlas tal-ispejjeż kollha ta’ kostituzzjoni u ta’ rilaxx tal-ipoteka. Din il-klawżola hija fformulata kif ġej:

“Il-parti li ngħatat il-kreditu għandha tbati l-ħlas tal-ispejjeż ta’ stima tal-proprjetà immobbli ipotekata[;] tal-ispejjeż u tal-ħlasijiet fiskali l-oħra kollha li jirriżultaw minn dan l-att notarili, mill-atti u mill-kuntratti li huma fformalizzati fih kif ukoll mir-reġistrazzjoni tiegħu fir-Registro de la Propiedad (Reġistru tal-Proprjetà)[;] tal-ispejjeż l-oħra kollha u l-ħlasijiet fiskali li jirriżultaw mill-għotjiet kollha ta’ atti li jkunu neċessarji sabiex dan id-dokument u d-dokument li jikkonstata l-estinzjoni tal-effetti tiegħu jiġu ammessi fir-reġistru tal-proprjetà, inklużi l-ispejjeż u l-ħlasijiet fiskali l-oħra kollha li jirriżultaw mill-irċevuti li juru l-ħlas, totali jew parzjali, tas-somom mislufa, kif ukoll tal-onorarji ta’ avukat u tal-ispejjeż ta’ marixxall f’każ ta’ rkupru ġudizzjarju, anki jekk l-intervent ta’ dawn tal-aħħar ma jkunx imperattiv.”

32

Fit-22 ta’ Marzu 2018, CY ippreżenta rikors quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n.°17 de Palma de Mallorca (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 17 ta’ Palma de Mallorca, Spanja), sabiex jikseb, abbażi tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-konstatazzjoni tan-nullità, minħabba n-natura inġusta tagħhom, tar-raba’ u tal-ħames klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“klawżoli kkontestati”), kif ukoll ir-rimbors tal-ammonti kollha mħallsa b’applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli. Min-naħa tagħha, Caixabank invokat il-validità sħiħa tal-klawżoli kkontestati. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, CY qies li kien neċessarju li l-qorti nazzjonali tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari dwar l-imsemmija klawżoli kkontestati.

33

Fir-rigward tal-klawżola dwar l-ispejjeż tal-ipoteka, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-ġurisprudenza Spanjola tqis, fil-parti l-kbira, dan it-tip ta’ klawżoli bħala inġusti u, konsegwentement, nulli. Madankollu, din il-qorti tosserva li, fir-rigward tal-effetti ta’ din l-invalidità, il-qrati Spanjoli waslu għal deċiżjonijiet differenti u kontradittorji li jqiegħdu lill-konsumaturi u lill-istabbilimenti finanzjarji f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti telenka diversi prattiki ġurisprudenzjali li hija tqis li “jirregolaw” l-effetti restituttivi tal-konstatazzjoni tan-nullità, filwaqt li tistaqsi jekk dawn humiex kompatibbli mal-Artikolu 6(1) moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13.

34

Fir-rigward tal-klawżola li timponi kummissjoni ta’ ftuħ, il-Juzgado de Primera Instancia n.°17 de Palma de Mallorca (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 17 ta’ Palma de Mallorca) tirrimarka kunsens tal-qrati provinċjali dwar in-natura inġusta u n-nullità tagħha, minħabba l-fatt li tali kummissjoni ma tikkorrispondi għal ebda servizz jew spejjeż reali jew effettivi. Madankollu, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) reċentement ikkontradixxiet din il-linja ġurisprudenzjali, billi kkunsidrat li l-kummissjoni ta’ ftuħ, bħala parti mis-suġġett prinċipali ta’ kuntratt ta’ self, kellha tiġi eskluża mill-istħarriġ tan-natura inġusta tagħha skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fondatezza ta’ dan ir-raġunament tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) u tistaqsi wkoll jekk ir-risposta għal din id-domanda hijiex influwenzata mill-fatt li r-Renju ta’ Spanja ma ttrasponiex l-imsemmi Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 fid-dritt Spanjol sabiex jiżgura livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia n.° 17 de Palma de Mallorca (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 17 ta’ Palma de Mallorca, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tlettax-il domanda preliminari li ġejjin:

“1)

Fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, id-dikjarazzjoni ta’ nullità minħabba klawżola inġusta li tattribwixxi lil min jissellef l-ispejjeż kollha ta’ formalizzazzjoni, ta’ novazzjoni jew ta’ kanċellazzjoni ta’ self b’garanżija ipotekarja tista’ tkun mibdula f’dak li jirrigwarda l-effetti restitutorji tagħha wara li tkun ġiet iddikjarata nulla minħabba li hija inġusta?

2)

Fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li, wara li klawżola li tattribwixxi l-ispejjeż kollha ta’ formalizzazzjoni, ta’ novazzjoni jew ta’ kanċellazzjoni ta’ self b’garanżija ipotekarja lil min jissellef tiġi ddikjarata nulla, l-ispejjeż tan-nutar u ta’ amministrazzjoni għandhom jinqasmu bin-nofs bejn is-sellief u min jissellef tista’ titqies li hija bdil minn qorti tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta u għaldaqstant tmur kontra l-prinċipju, previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li klawżoli inġusti ma humiex vinkolanti fuq il-konsumatur?

3)

Fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li, wara li klawżola li tattribwixxi l-ispejjeż kollha ta’ formalizzazzjoni, ta’ novazzjoni jew ta’ kanċellazzjoni ta’ self b’garanżija ipotekarja lil min jissellef tiġi ddikjarata nulla, huwa wkoll min jissellef li għandu jħallas l-ispejjeż tal-istima tal-proprjetà immobbli u t-taxxa għall-istabbiliment ta’ ipoteka li jirriżultaw mill-formalizzazzjoni tas-self tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju li klawżola inġusta iddikjarata nulla ma hijiex vinkolanti fuq il-konsumatur, u l-fatt li huwa min jissellef li għandu l-oneru li jipprova li ma kienx tħalla jippreżenta l-istima tiegħu tal-proprjetà immobbli, imur kontra l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13?

4)

Fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, tmur kontra [l-imsemmija direttiva] ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li, wara li klawżola li tattribwixxi l-ispejjeż kollha ta’ kostituzzjoni, ta’ novazzjoni jew ta’ kanċellazzjoni ta’ self b’garanżija ipotekarja lil min jissellef tiġi ddikjarata nulla, din il-klawżola tista’ tkompli tipproduċi effetti fil-konfront ta’ min jissellef meta dan iwettaq novazzjonijiet modifikattivi jew meta jikkanċella l-ipoteka, fis-sens li jibqa’ responsabbli għall-ħlas tal-ispejjeż li jirriżultaw minn tali modifiki jew kanċellazzjoni tal-ipoteka, u l-attribuzzjoni ta’ dawn l-ispejjeż fuq min jissellef timplika ksur tal-prinċipju li klawżola inġusta iddikjarata nulla ma hijiex vinkolanti fuq il-konsumatur?

5)

Fid-dawl tal-Artikolu 6(1), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, ġurisprudenza nazzjonali li teskludi parżjalment l-effett restitutorju ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta li tattribwixxi lil min jissellef l-ispejjeż kollha ta’ formalizzazzjoni, ta’ novazzjoni jew ta’ kanċellazzjoni ta’ self b’garanżija ipotekarja, tmur kontra l-effett dissważiv fil-konfront tal-bejjiegħa jew tal-fornituri stabbilit fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13?

6)

Fid-dawl tal-prinċipju, stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li klawżoli ddikjarati nulli ma jistgħux jinbidlu, u fid-dawl tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva li klawżoli inġusti ma humiex vinkolanti fuq il-konsumatur, ġurisprudenza nazzjonali li tibdel l-effetti restitutorji, wara li klawżola li tattribwixxi l-ispejjeż kollha ta’ formalizzazzjoni, ta’ novazzjoni jew ta’ kanċellazzjoni ta’ self b’garanżija ipotekarja lil min jissellef tiġi ddikjarata nulla, billi tinvoka l-interess ta’ min jissellef, tista’ tmur kontra dan?

7)

Fid-dawl tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 93/13, ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li klawżola msejħa kommissjoni ta’ ftuħ tissodisfa awtomatikament il-verifika ta’ trasparenza tista’ tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ inverżjoni tal-oneru tal-prova stabbilit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, sa fejn il-bejjiegħ jew il-fornitur jkollu biss jipprova li pprovda informazzjoni minn qabel u li l-klawżola tkun ġiet innegozjata individwalment?

8)

Il-fatt li ġurisprudenza nazzjonali tistabbilixxi li konsumatur għandu per se jkun jaf li hija prattika abitwali li l-istabbilimenti finanzjarji jimponu kommissjoni ta’ ftuħ; u għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li min jissellef jipproduċi xi prova biex isostni l-allegazzjoni li l-klawżola ġiet innegozjata individwalment, jew jekk bil-kontra ta’ dan, f’kull każ, min isellef għandu jipprova li l-imsemmija klawżola tkun ġiet innegozjata individwalment, imur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 u kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

9)

Fid-dawl tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13 u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li l-klawżola msejħa kommissjoni ta’ ftuħ ma tistax tiġi mistħarrġa fir-rigward tan-natura inġusta tagħha b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) peress li din tkun tikkonċerna d-definizzjoni tal-għan prinċipali tal-kuntratt, tista’ tmur kontra l-imsemmija direttiva, jew inkella għandu, bil-kontra ta’ dan, jitqies li tali kommissjoni ta’ ftuħ ma tikkostitwixxix parti mill-prezz tal-kuntratt iżda remunerazzjoni sussidjarja, u għaldaqstant għandha tippermetti li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tistħarreġ it-trasparenza u/jew il-kontenut tagħha sabiex tiddetermina jekk din tkunx inġusta taħt id-dritt nazzjonali?

10)

Fid-dawl tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, li ma ġiex traspost mil-LCGC fl-ordinament ġuridiku Spanjol, il-fatt li qorti Spanjola tinvoka u tapplika l-Artikolu 4(2) tal-istess direttiva meta tali dispożizzjoni ma ġietx trasposta fl-ordinament ġuridiku Spanjol skont ir-rieda tal-leġiżlatur, li ried livell ta’ protezzjoni sħiħ fir-rigward tal-klawżoli kollha li l-bejjiegħ jew il-fornitur ikun jista’ jinkludi f’kuntratt konkluż ma konsumaturi, inklużi dawk li jaffettwaw l-għan prinċipali tal-kuntratt, anki jekk ikunu ġew redatti b’mod ċar u li jinftihem, jekk jitqies li klawżola msejħa kommissjoni ta’ ftuħ tikkostitwixxi l-għan prinċipali tal-kuntratt ta’ self, imur kontra l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13?

11)

Fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, il-klawżola msejħa kommissjoni ta’ ftuħ, meta ma tkunx ġiet innegozjata individwalment u meta l-istabbiliment finanzjarju ma jipprovax li din tikkorrispondi għal servizzi effettivament mogħtija u għal-spejjez li huwa jkun sostna, u meta tikkawża żbilanċ kunsiderevoli bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti, għandha tiġi ddikjarata nulla mill-qorti nazzjonali?

12)

Fid-dawl tal-Artikolu 6(1), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-kundanna tal-bejjiegħ jew tal-fornitur għall-ispejjeż, li tirriżulta minn proċedura li fiha konsumatur ikun qed jeżerċita azzjonijiet għall-annullament ta’ klawżoli inġusti inklużi f’kuntratt konkluż mal-istess konsumatur, u fil-każ li l-imsemmija dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola abbużiva tinkiseb mill-qrati, tkun konformi mal-prinċipju li klawżola inġusta ma hijiex vinkolanti u mal-prinċipju ta’ effett dissważiv fuq il-bejjiegħ jew fuq il-fornitur meta dawn l-azzjonijiet jintlaqgħu mill-qorti nazzjonali, irrispettivament mir-restituzzjoni konkreta tal-ammonti deċiżi fis-sentenza, sa fejn, barra minn hekk, it-talba prinċipali tkun l-annullament tal-klawżola, u r-restituzzjoni tal-ammonti tkun biss talba sussidjarja marbuta mat-talba prinċipali?

13)

Fid-dawl tal-prinċipju li klawżola inġusta ma hijiex vinkolanti u tal-prinċipju ta’ effett dissważiv previsti fid-Direttiva 93/13 (Artikoli 6(1) u 7(1)), l-effetti restitutorji li jirriżultaw minn dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta inkluża f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, jistgħu jiġu limitati ratione temporis billi tintlaqa’ l-eċċezzjoni li r-restituzzjoni tal-ammont tkun preskritta, anki jekk skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali l-azzjoni għal annullament ab initio ta’ klawżola abbużiva ma tkunx suġġetta għall-preskrizzjoni?”

Il-Kawża C‑259/19

36

Fl-1 ta’ Lulju 2011, LG u PK ikkonkludew mal-istabbiliment finanzjarju BBVA kuntratt ta’ self ipotekarju li kien jinkludi klawżola li tipprovdi, skont il-qorti tar-rinviju, li l-ispejjeż kollha ta’ formalizzazzjoni u ta’ estinzjoni tal-ipoteka għandhom jiġu sostnuti mill-persuna li tissellef.

37

Ir-rikorrenti ppreżentaw rikors quddiem il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción de Ceuta (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja ta’ Ceuta, Spanja) intiż sabiex tiġi stabbilita n-nullità tal-imsemmija klawżola, minħabba n-natura inġusta tagħha.

38

Peress li r-raġunijiet kienu, essenzjalment, analogi għal dawk tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑224/19, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción de Ceuta (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja ta’ Ceuta) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[1)

]Sabiex tkun iggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u l-osservanza tal-ġurisprudenza tal-Unjoni li timplimentaha, huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, mad-[Direttiva 93/13] u, b’mod iktar partikolari, mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) ta’ din tal-aħħar li t-Tribunal Supremo (Il-Qorti Suprema, Spanja) stabbilixxiet bħala kriterju mhux ekwivoku, fis-sentenzi tagħha Nri 44 sa 49 tat-23 ta’ Jannar 2019, in-natura inġusta, fil-kuntratti ta’ self li jinkludu garanzija ipotekarja konklużi ma’ konsumaturi, ta’ klawżola mhux innegozzjata li tipprevedi li l-ispejjeż relatati mal-ħolqien tat-tranżazzjoni ta’ self ipotekarju għandhom jitħallsu minn min jissellef u qassmet ir-responsabbiltà għad-diversi spejjeż li jinsabu f’din il-klawżola inġusta li n-nullità tagħha ġiet ikkonstatata bejn l-istabbiliment bankarju li daħħal il-klawżola u l-konsumatur li jissellef, sabiex tiġi llimitata r-restituzzjoni tal-ammonti mħallsa indebitament b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali?

[2)

]Sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u l-osservanza tal-ġurisprudenza tal-Unjoni li timplimentaha, huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, mad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 u, b’mod iktar partikolari, mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) ta’ din tal-aħħar il-fatt li t-Tribunal Supremo (Il-Qorti Suprema, Spanja) tagħmel interpretazzjoni inklużiva ta’ klawżola nulla minħabba n-natura inġusta tagħha, meta t-tħassir ta’ din il-klawżola u l-effetti ta’ dan it-tħassir ma jipprekludux iż-żamma fis-seħħ tal-kuntratt ta’ self b’garanzija bankarja?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni sar-raba’ domandi fil-Kawża C‑224/19

39

Il-Gvern Spanjol iqajjem in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tat-tieni sar-raba’ domandi preliminari fil-Kawża C‑224/19, minħabba li dawn jirrigwardaw il-kwistjoni dwar min għandu jħallas ċerti spejjeż skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, li hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, eskluża, bħala tali, mis-setgħa diskrezzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja skont ġurisprudenza stabbilita (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 22).

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li skont din il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-eżami ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-interpretazzjoni mogħtija lir-regoli nazzjonali mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta.

41

Min-naħa l-oħra, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Issa, mit-tieni sar-raba’ domandi jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ċerta ġurisprudenza nazzjonali. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja fl-ebda mument ma hija mitluba tinterpreta d-dritt nazzjonali.

43

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni sar-raba’ domanda fil-Kawża C‑224/19 huma ammissibbli.

Fuq l-ammissibbiltà tat-tnax-il domanda fil-Kawża C‑224/19

44

Caixabank tikkontesta l-ammissibbiltà tat-tnax-il domanda magħmula fil-Kawża C‑224/19 kif ukoll il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għaliha, billi ssostni, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju ma indikatx l-elementi utli sabiex tirrispondi għal din id-domanda, jiġifieri r-regoli nazzjonali dwar il-kundanna għall-ispejjeż u sa fejn dawn ir-regoli jistgħu jippreġudikaw id-drittijiet tal-konsumaturi ggarantiti mid-Direttiva 93/13 u, min-naħa l-oħra, li r-regoli nazzjonali dwar l-ispejjeż jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

45

Issa, għalkemm il-qorti tar-rinviju, fil-fatt, ma indikatx id-dispożizzjoni tad-dritt Spanjol li tirregola t-tqassim tal-ispejjeż fil-kawża prinċipali, il-Gvern Spanjol indika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li dan huwa l-Artikolu 394 tal-LEC, li huwa pprovda l-formulazzjoni tiegħu, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi fuq it-tnax-il domanda fil-Kawża C‑224/19. Barra minn hekk, sa fejn din id-domanda ma tirrigwardax l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Artikolu 394 tal-LEC iżda, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 6(1) jew l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 394 tal-LEC fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali fil-Kawża C‑224/19, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għaliha.

Fuq il-mertu

46

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 34).

47

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li qorti nazzjonali fformulat, fuq livell formali, it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma tipprekludix li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li tressqet quddiemha, sew jekk hija għamlet riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Il-ħmistax-il domanda preliminari magħmula fiż-żewġ kawżi magħquda għandhom jinġabru flimkien f’ħames partijiet, jiġifieri l-ewwel parti dwar il-klawżola relatata mal-ispejjeż tal-kostituzzjoni u r-rilaxx tal-ipoteka, it-tieni parti dwar il-klawżola li timponi kummissjoni ta’ ftuħ, it-tielet parti dwar l-iżbilanċ sinjifikattiv possibbli tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw minn tali klawżola, ir-raba’ parti dwar il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola inġusta, u l-ħames dwar is-sistema nazzjonali ta’ tqassim tal-ispejjeż fil-kuntest ta’ rikorsi għall-konstatazzjoni tan-nullità tal-klawżoli inġusti.

Fuq l-ewwel sas-sitt domandi fil-Kawża C‑224/19 u ż-żewġ domandi fil-Kawża C‑259/19 dwar l-effetti tan-nullità tal-klawżola li tistipula l-ispejjeż tal-kostituzzjoni u tar-rilaxx tal-ipoteka

49

Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, fil-każ ta’ nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas tal-ispejjeż kollha tal-kostituzzjoni u tar-rilaxx tal-ipoteka mill-konsumatur, il-qorti nazzjonali tirrifjuta r-restituzzjoni lill-konsumatur tal-ammonti mħallsa skont l-imsemmija klawżola.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, ladarba klawżola tiġi ddikjarata inġusta u, għaldaqstant, nulla, hija l-qorti nazzjonali, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola sabiex din ma tipproduċix iktar effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, ħlief jekk dan tal-aħħar jopponi dan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 65, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Minn dan isegwi li l-qorti nazzjonali ma tistax tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti, ħlief sabiex tikkontribwixxi sabiex jiġi eliminat l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bin-nuqqas ta’ applikazzjoni pur u sempliċi ta’ tali klawżoli inġusti fil-konfront tal-konsumatur (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 60).

52

Klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha, għaldaqstant, titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’tali mod li ma jistax ikollha effett fil-konfront tal-konsumatur. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha l-konsegwenza li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt tal-konsumatur li kien ikun fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola inġusta (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 61).

53

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li l-qorti nazzjonali kellha tislet il-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li l-konsumatur ma jkunx marbut b’din il-klawżola (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 49). B’mod partikolari, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ somom li jirriżultaw li ma humiex dovuti għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju korrispondenti fir-rigward ta’ dawn l-istess somom (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 62).

54

Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-fatt li klawżola kuntrattwali meqjusa inġusta hija meqjusa bħala li qatt ma eżistiet huwa ta’ natura li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-eventwali dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw it-tqassim tal-ispejjeż ta’ kostituzzjoni u ta’ rilaxx ta’ ipoteka fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet. Issa, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq min jissellef l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, la l-Artikolu 6(1) u lanqas l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludu li jiġi rrifjutat il-ħlas lura, lill-konsumatur, tal-parti tal-imsemmija spejjeż li huwa stess għandu jbati.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sas-sitt domanda fil-Kawża C‑224/19 u għaż-żewġ domandi fil-Kawża C‑259/19 għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, f’każ ta’ nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas tal-ispejjeż kollha tal-kostituzzjoni u tar-rilaxx tal-ipoteka mill-konsumatur, il-qorti nazzjonali tirrifjuta l-ħlas lura lill-konsumatur tal-ammonti mħallsa skont l-imsemmija klawżola, sakemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jkunu japplikaw fin-nuqqas tal-klawżola msemmija ma jkunux jimponu fuq il-konsumatur il-ħlas tat-totalità jew ta’ parti minn dawn l-ispejjeż.

Fuq is-seba’ sal-għaxar domanda fil-Kawża C‑224/19 dwar l-istħarriġ tan-natura inġusta u tat-trasparenza tal-klawżola li timponi l-ħlas ta’ kummissjoni ta’ ftuħ

56

Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3, 4(2) u 5 tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li teskludi l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li timponi fuq il-konsumatur il-ħlas ta’ kummissjoni tal-ftuħ għar-raġuni li din tkun element tal-prezz tal-kuntratt skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, filwaqt li tikkunsidra li tali klawżola tissodisfa fiha nnifisha r-rekwiżit ta’ trasparenza stabbilit minn din l-aħħar dispożizzjoni.

57

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li l-qorti tar-rinviju għamlet is-seba’ sal-ħdax-il domanda billi telqet mill-premessa li t-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fis-sistema legali Spanjola hija nieqsa.

58

Issa, sabiex tingħata risposta għad-domandi preliminari f’din il-kawża, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-traspożizzjoni effettiva tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fis-sistema legali Spanjola (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 42).

59

Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tagħha, jippermetti, madankollu, lill-Istati Membri li jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni li tittrasponi din id-direttiva, li l-“evalwazzjoni tan-natura inġusta” ma tkunx tirrigwarda l-klawżoli msemmija f’din id-dispożizzjoni, sakemm dawn il-klawżoli jkunu redatti b’mod ċar u li jinftiehem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 32; tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 41, kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 45).

60

B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jillimita ruħu li jipprovdi li “l-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

61

Għalhekk, fil-kawża prinċipali, huwa biss jekk il-klawżola li timponi l-ħlas ta’ kummissjoni għall-ftuħ mill-konsumatur kienet tirrigwarda lil wieħed miż-żewġ suġġetti msemmija iktar ’il fuq li l-istħarriġ tan-natura inġusta tagħha jista’ jiġi limitat skont l-imsemmi Artikolu 4(2).

62

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klawżoli tal-kuntratt li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt” għandhom jinftiehmu bħala li huma dawk li jistabbilixxu l-prestazzjonijiet essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh. Min-naħa l-oħra, il-klawżoli li għandhom natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt dan il-kunċett (sentenzi tat-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 3536, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 32).

63

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tan-natura, tal-istruttura ġenerali u tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ self ikkonċernat kif ukoll fil-kuntest legali u fattwali li dan tal-aħħar ikun jinsab fih, jekk il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix element essenzjali tal-kuntratt ta’ self ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Madankollu, sabiex il-qorti nazzjonali tiġi ggwidata fl-evalwazzjoni tagħha, huwa utli li jiġi ppreċiżat li l-portata eżatta tal-kunċetti ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” u ta’ “prezz”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ma tistax tiġi ddeterminata mill-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, bir-rettifiki fil-ĠU L 207, 11.8.2009, p. 14, fil-ĠU L 199, 31.7.2010, p. 40, u fil-ĠU L 234, 10.9.2011, p. 46) (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 47). Għalhekk, il-fatt li kummissjoni għall-ftuħ tkun inkluża fl-ispiża totali ta’ self ipotekarju ma jistax jiddetermina jekk dan huwiex servizz essenzjali tiegħu.

65

Barra minn hekk, mit-termini tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li t-tieni kategorija ta’ klawżoli li fir-rigward tagħhom ma tistax issir evalwazzjoni tan-natura possibbilment inġusta tagħhom, għandha portata mnaqqsa, peress li din l-esklużjoni tikkonċerna biss l-adegwatezza bejn il-prezz jew ir-remunerazzjoni prevista u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, u din l-esklużjoni hija spjegata mill-fatt li ma teżisti ebda skala jew kriterju legali li jista’ jsostni u jiggwida l-istħarriġ ta’ din l-adegwatezza. B’hekk, il-klawżoli dwar il-korrispettiv dovut mill-konsumatur lill-persuna li ssellef jew li jinċidu fuq il-prezz effettiv li għandu jitħallas lil dan tal-aħħar mill-konsumatur, fil-prinċipju, ma jaqgħux taħt din it-tieni kategoriji ta’ klawżoli, ħlief fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-ammont tal-korrispettiv jew tal-prezz kif stabbilit fil-kuntratt ikunx adegwat għas-servizz ipprovdut bħala korrispettiv mill-persuna li ssellef (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punti 3435, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li r-rekwiżit ta’ tfassil ċar u li jinftiehem li jinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, japplika fi kwalunkwe każ, inkluż meta klawżola taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva u anki jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ittraspona din id-dispożizzjoni. Dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi ridott biss għan-natura komprensibbli fuq il-livelli formali u grammatikali ta’ klawżola kuntrattwali (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 46).

67

Għall-kuntrarju, peress li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni, l-imsemmi rekwiżit għandu jinftiehem b’mod estensiv, jiġifieri, bħala li jimponi mhux biss li l-klawżola kkonċernata tkun tinftiehem mill-konsumatur fuq livell grammatikali, iżda wkoll li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li għalih tirreferi l-klawżola kkonċernata kif ukoll, jekk ikun il-każ, ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra, b’tali mod li l-konsumatur jitpoġġa f’pożizzjoni li jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u intelleġibbli, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 70 sa 73; tat-3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 37, kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 43).

68

Il-kjarezza u n-natura komprensiva tal-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu eżaminati mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha, li fosthom hemm ir-reklamar u l-informazzjoni pprovduta mill-persuna li tissellef fil-kuntest tan-negozjati ta’ kuntratt ta’ self, u billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ attenzjoni li jista’ jiġi mistenni minn konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 74, tas-26 ta’ Frar 2015, Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 75, tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 4647, kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 46).

69

Minn dan isegwi li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll l-Artikolu 5 tagħha jipprekludu ġurisprudenza li tgħid li klawżola kuntrattwali għandha titqies li hija fiha nnifisha trasparenti, mingħajr bżonn ta’ eżami bħal dak deskritt fil-punt preċedenti.

70

Fil-kawża prinċipali, hija għalhekk il-qorti nazzjonali, meta tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-konklużjoni tal-kuntratt, li għandha tivverifika jekk l-istabbiliment finanzjarju kkomunikax lill-konsumatur l-elementi suffiċjenti sabiex dan tal-aħħar isir jaf bil-kontenut u bil-funzjonament tal-klawżola li timponilu l-ħlas ta’ kummissjoni għall-ftuħ, kif ukoll ir-rwol tiegħu fil-kuntratt ta’ self. B’dan il-mod, il-konsumatur ikollu aċċess għall-motivi li jiġġustifikaw ir-remunerazzjoni li tikkorrispondi għal din il-kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 77), u b’hekk jista’ jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu u, b’mod partikolari, l-ispiża totali tal-imsemmi kuntratt.

71

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għas-seba’ sal-għaxar domanda għandha tkun li l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-klawżoli tal-kuntratt li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” għandhom jinftiehmu bħala li huma dawk li jistabbilixxu l-prestazzjonijiet essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh. Min-naħa l-oħra, il-klawżoli li għandhom natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt dan il-kunċett. Il-fatt li kummissjoni għall-ftuħ hija inkluża fl-ispiża totali ta’ self ipotekarju ma jistax jiddetermina li dan huwa servizz essenzjali ta’ dan is-self. Fi kwalunkwe każ, qorti ta’ Stat Membru hija obbligata tistħarreġ in-natura ċara u li tinftiehem ta’ klawżola kuntrattwali dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratt, u dan indipendentement minn traspożizzjoni tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva fis-sistema legali ta’ dan l-Istat Membru.

Fuq il-ħdax-il domanda dwar eventwali żbilanċ sinjifikattiv tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw minn klawżola li timponi l-ħlas ta’ kummissjoni ta’ ftuħ

72

Permezz tal-ħdax-il domanda, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑224/19 tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt ta’ self konkluż bejn konsumatur u istituzzjoni finanzjarja li timponi fuq il-konsumatur il-ħlas ta’ kummissjoni għall-ftuħ, toħloq bi ħsara għall-konsumatur żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, meta l-istabbiliment finanzjarju ma jurix li din il-kummissjoni tikkorrispondi għal servizzi effettivament ipprovduti u għal spejjeż li huwa jkun sostna.

73

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat mill-ewwel li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tkopri l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola inġusta”, previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika fl-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, filwaqt li hija l-qorti msemmija li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprovdi biss lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet li din tal-aħħar hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżit ta’ bona fide, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, huwiex osservat, huwa importanti li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tas-sittax-il premessa ta’ din, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika għal dan il-għan jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur, filwaqt li jkun ittratta mal-konsumatur b’mod leali u ġust, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżola wara negozjati individwali (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 50).

75

F’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ possibbli żbilanċ sinjifikattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan jista’ jirriżulta mis-sempliċi fatt ta’ preġudizzju suffiċjentement serju għas-sitwazzjoni legali li fiha l-konsumatur, bħala parti għall-kuntratt inkwistjoni, jinsab skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, kemm jekk fil-forma ta’ restrizzjoni għall-kontenut tad-drittijiet li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa għandu skont dan il-kuntratt kif ukoll jekk fil-forma ta’ ostakolu għall-eżerċizzju tagħhom jew ukoll tal-impożizzjoni fuqu ta’ obbligu supplimentari, li ma huwiex previst mir-regoli nazzjonali (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 51).

76

Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata, billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt u billi jsir riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tiegħu, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 52)

77

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa n-natura eventwalment inġusta tal-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl ta’ dawn il-kriterji.

78

F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, skont il-Liġi 2/2009, il-kummissjonijiet jew l-ispejjeż mgħoddija lill-klijent għandhom jikkorrispondu għal servizzi effettivament ipprovduti jew għal ispejjeż sostnuti. Minn dan isegwi li klawżola li jkollha bħala effett li teżenta lill-bejjiegħ jew lill-fornitur mill-obbligu li juri li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti fir-rigward ta’ kummissjoni għall-ftuħ, tista’, mingħajr preġudizzju għal verifika mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-klawżoli kollha tal-kuntratt, taffettwa b’mod sfavorevoli l-pożizzjoni legali tal-konsumatur u, konsegwentement, toħloq, għad-detriment tiegħu, żbilanċ sinjifikattiv, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħdax-il domanda fil-Kawża C‑224/19 għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt ta’ self konkluż bejn konsumatur u istituzzjoni finanzjarja, li timponi fuq il-konsumatur il-ħlas ta’ kummissjoni ta’ ftuħ, tista’ toħloq għad-detriment tal-konsumatur żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, meta l-istabbiliment finanzjarju ma jurix li din il-kummissjoni tikkorrispondi għal servizzi effettivament ipprovduti u għal spejjeż li dan ikun għamel, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tlettax-il domanda fil-Kawża C‑224/19 dwar il-limitazzjoni tal-effetti tan-nullità ta’ klawżola inġusta permezz tal-iffissar ta’ terminu ta’ preskrizzjoni

80

Permezz tat-tlettax-il domanda tagħha magħmula fil-Kawża C‑224/19, li għandha tiġi eżaminata qabel it-tnax-il domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux ġurisprudenza nazzjonali li tipprevedi li t-tressiq tal-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi tal-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta tkun suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni, minkejja li skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-azzjoni intiża sabiex tiġi kkostitwita n-nullità assoluta ta’ klawżola kuntrattwali inġusta ma tkunx suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni.

81

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tiżgura lill-konsumaturi tipprekludi leġiżlazzjoni interna li tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali, fl-iskadenza ta’ terminu ta’ dekadenza, milli żżomm in-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis, C‑473/00, EU:C:2002:705, punt 38).

82

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex ta’ natura assoluta (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 68) u li l-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 41, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 69).

83

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi prevista fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, jaqgħu taħt is-sistema legali interna tal-Istati Membri skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas għandhom jitmexxew b’mod li jirrendu fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi n-natura mhux preskrittibbli tal-azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni l-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi ta’ din il-konstatazzjoni, mingħajr preġudizzju għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

85

B’mod iktar partikolari, f’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tindika li din hija kwistjoni dwar l-applikazzjoni eventwali għall-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi tal-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola inġusta ta’ kuntratt ipotekarju, tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 1964(2) tal-Kodiċi Ċivili.

87

Sa fejn it-termini ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin (sentenza tal-15 ta’ April 2010, Barth, C‑542/08, EU:C:2010:193, punt 28) jew ta’ sentejn (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Banca Antoniana Popolare Veneta, C‑427/10, EU:C:2011:844, punt 25) ġew meqjusa fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala li huma konformi mal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitqies li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin applikabbli għall-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi tal-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola inġusta, ma jidhirx, fil-prinċipju u mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tal-elementi msemmija fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, li huwa tali li jirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13.

88

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll, essenzjalment, dwar in-natura kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ta’ ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għall-preżentata ta’ azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi tal-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta jibda jiddekorri mill-konklużjoni tal-kuntratt li jinkludi din il-klawżola.

89

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan it-terminu, previst fl-Artikolu 1964(2) tal-Kodiċi Ċivili, jidher li jibda jiddekorri mill-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju li jinkludi klawżola inġusta, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

90

F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa possibbli li l-konsumaturi ma jkunux jafu dwar in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju jew ma jipperċepixxux il-portata tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 69).

91

Issa, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mill-konklużjoni tal-kuntratt, sa fejn din timplika li l-konsumatur jista’ jitlob ħlas lura tal-pagamenti mwettqa b’eżekuzzjoni ta’ klawżola kuntrattwali meqjusa inġusta biss matul l-ewwel ħames snin wara l-iffirmar tal-kuntratt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk huwa kienx jaf jew setax raġonevolment ikun jaf bin-natura inġusta ta’ din il-klawżola, hija ta’ natura li tagħmel eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ dan il-konsumatur mogħtija mid-Direttiva 93/13 u, għaldaqstant, tikser il-prinċipju ta’ effettività moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

92

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tlettax-il domanda magħmula fil-Kawża C‑224/19 għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-preżentata tal-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi tal-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta tkun suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni, sakemm il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu kif ukoll it-tul tiegħu ma jrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt tal-konsumatur li jitlob tali restituzzjoni.

Fuq it-tnax-il domanda fil-Kawża C‑224/19 dwar il-kompatibbiltà tas-sistema legali ta’ tqassim tal-ispejjeż mad-Direttiva 93/13

93

Permezz tat-tnax-il domanda tagħha magħmula fil-Kawża C‑224/19, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema li tippermetti li parti mill-ispejjeż proċedurali tiġi imposta fuq il-konsumatur, skont il-livell tas-somom imħallsa indebitament li jitħallsu lura lilu wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha.

94

Fil-fatt, mill-elementi tal-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni tal-Artikolu 394 tal-LEC jista’ jkollha l-effett li ma tikkundannax lill-bejjiegħ jew lill-fornitur għall-ispejjeż kollha meta tintlaqa’ kompletament l-azzjoni għal nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta mressqa minn konsumatur, iżda li tintlaqa’ biss parzjalment l-azzjoni għall-ħlas lura tas-somom imħallsa skont din il-klawżola.

95

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza, imsemmija fil-punt 83 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-tqassim tal-ispejjeż ta’ proċedura ġudizzjarja quddiem il-qrati nazzjonali jaqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri mingħajr preġudizzju għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

96

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li xejn fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkonstatat li s-sistema msemmija tapplika b’mod differenti skont jekk id-dritt inkwistjoni jingħatax mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali. Madankollu, huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività l-fatt li l-konsumatur jitgħabba bl-ispejjeż ta’ proċedura skont l-ammonti restitwiti lilu, meta jkun rebaħ il-kawża f’dak li jirrigwarda n-natura inġusta tal-klawżola kkontestata.

97

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, din għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi mfakkra fil-punt 85 ta’ din is-sentenza.

98

F’dan il-każ, id-Direttiva 93/13 tagħti d-dritt lill-konsumatur li jindirizza ruħu quddiem qorti sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tagħha. Jekk id-destin tal-ispejjeż ta’ tali proċedura jkun jiddependi biss fuq l-ammonti mħallsa indebitament u li tkun ordnata r-restituzzjoni tagħhom, dan ikun ta’ natura li jiddiswadi lill-konsumatur milli jeżerċita l-imsemmi dritt, fid-dawl tal-ispejjeż li tkun twassal għalihom azzjoni ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 69).

99

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tnax-il domanda magħmula fil-Kawża C‑224/19 għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema li tippermetti li parti mill-ispejjeż proċedurali tiġi imposta fuq il-konsumatur skont il-livell tas-somom imħallsa indebitament li jitħallsu lura lilu wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha, peress li tali sistema toħloq ostakolu sostanzjali li jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali kif stabbilit mid-Direttiva 93/13.

Fuq l-ispejjeż

100

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, f’każ ta’ nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas tal-ispejjeż kollha tal-kostituzzjoni u tar-rilaxx tal-ipoteka mill-konsumatur, il-qorti nazzjonali tirrifjuta l-ħlas lura lill-konsumatur tal-ammonti mħallsa skont l-imsemmija klawżola, sakemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jkunu japplikaw fin-nuqqas tal-klawżola msemmija ma jkunux jimponu fuq il-konsumatur il-ħlas tat-totalità jew ta’ parti minn dawn l-ispejjeż.

 

2)

L-Artikolu 3, l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-klawżoli tal-kuntratt li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” għandhom jinftiehmu bħala li huma dawk li jistabbilixxu l-prestazzjonijiet essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh. Min-naħa l-oħra, il-klawżoli li għandhom natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt dan il-kunċett. Il-fatt li kummissjoni għall-ftuħ hija inkluża fl-ispiża totali ta’ self ipotekarju ma jistax jiddetermina li dan huwa servizz essenzjali ta’ dan is-self. Fi kwalunkwe każ, qorti ta’ Stat Membru hija obbligata tistħarreġ in-natura ċara u li tinftiehem ta’ klawżola kuntrattwali dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratt, u dan indipendentement minn traspożizzjoni tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva fis-sistema legali ta’ dan l-Istat Membru.

 

3)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt ta’ self konkluż bejn konsumatur u istituzzjoni finanzjarja, li timponi fuq il-konsumatur il-ħlas ta’ kummissjoni ta’ ftuħ, tista’ toħloq għad-detriment tal-konsumatur żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, meta l-istabbiliment finanzjarju ma jurix li din il-kummissjoni tikkorrispondi għal servizzi effettivament ipprovduti u għal spejjeż li dan ikun għamel, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

 

4)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-preżentata tal-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi tal-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta tkun suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni, sakemm il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu kif ukoll it-tul tiegħu ma jrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt tal-konsumatur li jitlob tali restituzzjoni.

 

5)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema li tippermetti li parti mill-ispejjeż proċedurali tiġi imposta fuq il-konsumatur skont il-livell tas-somom imħallsa indebitament li jitħallsu lura lilu wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha, peress li tali sistema toħloq ostakolu sostanzjali li jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali kif stabbilit mid-Direttiva 93/13.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top