EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0177

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Jannar 2022.
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Rikors għal annullament – Ambjent – Approvazzjoni tal‑vetturi bil‑mutur – Regolament (UE) 2016/646 – Emissjonijiet minn vetturi ħfief għall‑passiġġieri u kummerċjali (Euro 6) – Iffissar, għall-emissjonijiet ta’ ossidi tan‑nitroġenu, ta’ valuri li ma għandhomx jinqabżu (NTE) fl‑ittestjar tal‑emissjonijiet f’sewqan reali (RDE) – Ir-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE – Ammissibbiltà ta’ appell – Entità infra‑Statali li għandha setgħat fil‑qasam tal-protezzjoni tal-ambjent li tillimita ċ-ċirkulazzjoni ta’ ċerti vetturi – Kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun ikkonċernat direttament.
Kawżi magħquda C-177/19 P sa C-179/19 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:10

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

“Appell – Rikors għal annullament – Ambjent – Approvazzjoni tal‑vetturi bil‑mutur – Regolament (UE) 2016/646 – Emissjonijiet minn vetturi ħfief għall‑passiġġieri u kummerċjali (Euro 6) – Iffissar, għall-emissjonijiet ta’ ossidi tan‑nitroġenu, ta’ valuri li ma għandhomx jinqabżu (NTE) fl‑ittestjar tal‑emissjonijiet f’sewqan reali (RDE) – Ir-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE – Ammissibbiltà ta’ appell – Entità infra‑Statali li għandha setgħat fil‑qasam tal-protezzjoni tal-ambjent li tillimita ċ-ċirkulazzjoni ta’ ċerti vetturi – Kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun ikkonċernat direttament”

Fil-Kawżi magħquda C‑177/19 P sa C‑179/19 P,

li għandhom bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit-22 ta’ Frar 2019 (C‑177/19 P u C‑178/19 P) u fit-23 ta’ Frar 2019 (C‑179/19 P),

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller, D. Klebs u S. Eisenberg, bħala aġenti,

appellanti,

sostnuta minn:

Association des Constructeurs Européens d’Automobiles, irrappreżentata minn F. Di Gianni u G. Coppo, avvocati,

Ir-Rumanija, irrappreżentata inizjalment minn E. Gane, O.‑C. Ichim, L. Liţu u C.‑R. Canţăr, sussegwentement minn E. Gane, O.‑C. Ichim u L. Liţu, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

intervenjenti fl-appelli,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Ville de Paris (il-Belt ta’ Pariġi, Franza), irrappreżentata minn J. Assous, avocat,

Ville de Bruxelles (il-Belt ta’ Brussell, il-Belġju), irrappreżentata minn M. Uyttendaele, C. Derave, N. Mouraux, u A. Feyt avocats, kif ukoll minn S. Kaisergruber, Rechtsanwalt,

Ayuntamiento de Madrid (il-Muniċipalità ta’ Madrid, Spanja), irrappreżentata minn J. Assous, avocat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑F. Brakeland u M. Huttunen, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza (C‑177/19 P),

u

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

appellanti,

sostnuta minn:

Association des Constructeurs Européens d’Automobiles, irrappreżentata minn F. Di Gianni u G. Coppo, avvocati,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Ville de Paris (il-Belt ta’ Pariġi, France), irrappreżentata minn J. Assous, avocat,

Ville de Bruxelles (il-Belt ta’ Brussell, il-Belġju), irrappreżentata minn M. Uyttendaele, C. Derave, N. Mouraux u A. Feyt avocats, kif ukoll minn S. Kaisergruber, Rechtsanwalt,

Ayuntamiento de Madrid (il-Muniċipalità ta’ Madrid, Spanja), irrappreżentata minn J. Assous, avocat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑F. Brakeland u M. Huttunen, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza (C‑178/19 P),

u

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑F. Brakeland, bħala aġent,

appellanti,

sostnuta minn:

Association des Constructeurs Européens d’Automobiles, irrappreżentata minn F. Di Gianni u G. Coppo, avvocati,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Ville de Paris (il-Belt ta’ Pariġi, Franza), irrappreżentata minn J. Assous, avocat,

Ville de Bruxelles (il-Belt ta’ Brussell, il-Belġju), irrappreżentata minn M. Uyttendaele, C. Derave, N. Mouraux u A. Feyt, avocats, kif ukoll minn S. Kaisergruber, Rechtsanwalt,

Ayuntamiento de Madrid (il-Muniċipalità ta’ Madrid, Spanja), irrappreżentata minn J. Assous, avocat,

rikorrenti fl-ewwel istanza (C‑179/19 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, C. Lycourgos, President tar-Raba’ Awla, u M. Ilešič, Imħallef,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (C‑177/19 P), l-Ungerija (C‑178/19 P) u l-Kummissjoni Ewropea (C‑179/19 P) jitolbu l‑annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid vs Il-Kummissjoni (T‑339/16, T‑352/16 u T‑391/16, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2018:927), li permezz tagħha din tal-aħħar, minn naħa, annullat il-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal‑20 ta’ April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal‑emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU 2016, L 109, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”), sa fejn jistabbilixxi, fil-punti 2.1.1 u 2.1.2 tal-Anness IIIA tar-Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2008, L 199, p. 1), il-valur tal-fattur ta’ konformità finali CF pollutant u l-valur tal-fattur ta’ konformità CF pollutant temporanju għall-massa ta’ ossidi tan-nitroġenu u, min-naħa l-oħra, żamm l-effetti tad‑dispożizzjonijiet annullati sakemm tiġi adottata fi żmien raġonevoli leġiżlazzjoni ġdida li tieħu post dawn id-dispożizzjonijiet, żmien li ma jistax jeċċedi tnax‑il xahar dekorribbli mid-data li fiha dik is-sentenza tiġi fis-seħħ.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2007/46/KE

2

Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru [qafas] għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Qafas) (ĠU 2007, L 263, p. 1), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 214/2014 tal-25 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 69, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2007/46”), tipprovdi, fil-premessi 2, 3 u 14 tagħha:

“(2)

Għall-finijiet ta’ l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern tal-Komunità, huwa xieraq li s-sistemi ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri jiġu sostitwiti bi proċedura ta’ approvazzjoni Komunitarja msejsa fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali.

(3)

Il-ħtiġijiet tekniċi applikabbli għas-sistemi, il-komponenti, l-unitajiet tekniċi separati u l-vetturi għandhom ikunu armonizzati u speċifikati f’atti regolatorji. Dawk l-atti regolatorji għandhom primarjament ifittxu li jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza stradali, protezzjoni tas-saħħa, protezzjoni ambjentali, effiċjenza fl-enerġija u protezzjoni kontra l-użu mhux awtorizzat.

[…]

(14)

L-objettiv ewlieni tal-leġislazzjoni rigward l-approvazzjoni dwar il-vetturi hu li jiġi żgurat li vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda li jitqiegħdu fis-suq jipprovdu livell għoli ta’ sikurezza u protezzjoni ambjentali. Dan l-għan m’għandux jiġi mxekkel bl-immuntar ta’ ċerti partijiet jew tagħmir wara li l-vetturi jkunu tqiegħdu fis-suq jew daħlu fis-servizz. Għalhekk, għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi żgurat li partijiet jew tagħmir li jistgħu jintramaw fuq il-vetturi u jistgħu jxekklu b’mod sostanzjali t-tħaddim ta’ sistemi li huma essenzjali għas-sikurezza u l-protezzjoni ambjentali, ikunu soġġetti għal kontroll minn qabel minn awtorità tal-approvazzjoni qabel ma dawn jiġu offruti għall-bejgħ. Dawn il-miżuri għandhom jikkonsistu minn dispożizzjonijiet tekniċi li jikkonċernaw il-ħtiġijiet li dawk il-partijiet jew tagħmir iridu jikkonformaw magħhom.”

3

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tas-sistema, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi, bil-ħsieb li jiġu faċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom fil-Komunità.

[…]

Ħtiġijiet tekniċi speċifiċi dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-vetturi għandhom jiġu stabbiliti fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’atti regolatorji li l-lista eżawrjenti tagħhom hi stabbilita fl-Anness IV.”

4

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligi ta’ l-Istati Membri”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi li japplikaw għall-approvazzjoni jikkonformaw ma’ l-obbligi tagħhom skond din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom japprovaw biss dawk il-vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw jew jippermettu biss il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ dawk il-vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva.

Huma m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew fiċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati, għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn din id-Direttiva, jekk jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din ta’ l-aħħar.”

5

L-Anness IV tal-istess direttiva, intitolat “Rekwiżiti għall-Iskop tal-Approvazzjoni tat-Tip KE tal-Vetturi”, jinkludi, fil-Parti I tiegħu, il-lista ta’ “atti regolatorji għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi prodotti f’serje mhux limitati”. Minnha jirriżulta li l-att regolatorju previst għall-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) huwa r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1).

Ir-Regolament Nru 715/2007

6

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 715/2007, intitolat “Suġġett”, jipprovdi, fil‑paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi komuni għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur (“vetturi”) u “spare parts” bħal ma hu tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis fir-rigward ta’ l-emissjonijiet tagħhom.”

7

Il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Obbligi ta’ l-Approvazzjoni tat-Tip tal-Manifatturi”, jinkludi l-Artikolu 4 tiegħu, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Obbligi tal-manifatturi”, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-manifatturi għandhom juru li l-vetturi ġodda kollha mibjugħa, reġistrati jew mqiegħda fis-servizz fil-Komunità għandhom l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu. […]

Dawn l-obbligi jinkludu r-rispett tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness I u l-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5.”

Id-Direttiva 2008/50/KE

8

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Suġġett”, id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1), tistabbilixxi miżuri intiżi, b’mod partikolari, għall-“manteniment tal-kwalità ta’ l-arja fejn din tkun tajba u tkun qiegħda tittejjeb [u t-titjib tagħha] f’każijiet oħra”.

Ir-Regolament (UE) 2016/427

9

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/427 tal-10 ta’ Marzu 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU 2016, L 82, p. 1), il-Kummissjoni introduċiet proċedura ta’ ttestjar tal-emissjonijiet f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali (RDE) sabiex tirrifletti aħjar l-emissjonijiet imkejla fit-toroq.

Ir-Regolament kontenzjuż

10

Skont il-premessa 1 tar-Regolament kontenzjuż:

“Ir-Regolament [Nru 715/2007] huwa wieħed mill-atti regolatorji separati li jaqa’ taħt il-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip stipulata fid-Direttiva [2007/46].”

11

L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Ir-Regolament [Nru 692/2008] huwa emendat kif ġej:

[…]

6.

L-Anness IIIA huwa emendat kif stipulat fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.”

12

L-Anness II tal-imsemmi regolament jipprevedi, b’mod partikolari, l-inklużjoni tal-punti 2.1.1, 2.1.2 u 2.1.3 fl-Anness IIIA tar-Regolament Nru 692/2008.

13

Il-punt 2.1.1 jipprovdi fattur ta’ konformità finali għall-massa ta’ ossidi tan‑nitroġenu ta’ 1 flimkien ma’ marġni ta’ 0.5 u jippreċiża li dan il-marġni “huwa parametru li jqis l-inċertezzi addizzjonali tal-kejl li jkunu ġejjin mit-tagħmir tal-PEMS, li huma suġġetti għal reviżjoni annwali u jistgħu jiġu riveduti bħala riżultat tal-kwalità mtejba tal-proċedura tal-PEMS jew tal-progress tekniku”.

14

Il-punt 2.1.2 jipprovdi li, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-punt 2.1.1, matul perijodu ta’ 5 snin u 4 xhur wara d-dati speċifikati fl-Artikolu 10(4) u (5) tar‑Regolament Nru 715/2007 u fuq talba tal-manifattur, fattur ta’ konformità temporanja għall-massa ta’ ossidi tan-nitroġenu ta’ 2.1 jista’ jiġi applikat.

15

L-imsemmi punt 2.1.3 jirrigwarda l-“[f]unzjonijiet ta’ trasferiment”.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Ġunju, fid-29 ta’ Ġunju u fid-19 ta’ Lulju 2016, il-Belt ta’ Pariġi (Kawża T‑339/16), il‑Belt ta’ Brussell (Kawża T‑352/16) u l-Muniċipalità ta’ Madrid (Kawża T‑391/16) ippreżentaw kull waħda minnhom, rispettivament, azzjoni intiża għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż.

17

Insostenn tar-rikorsi tagħhom, huma sostnew, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma setgħetx, permezz ta’ dan ir-regolament, tadotta valuri NTE ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu li jaqbżu l-limiti stabbiliti għall-istandard Euro 6 bir-Regolament Nru 715/2007.

18

Permezz ta’ atti separati, il-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, qajmet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kontra l-imsemmija rikorsi, ibbażati fuq il-fatt li l-Belt ta’ Pariġi, il-Belt ta’ Brussell u l-Muniċipalità ta’ Madrid ma kinux direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u talbet lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Il-Qorti Ġenerali għaqqdet mal-mertu l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

19

Il-Kawżi T‑339/16, T‑352/16 u T‑391/16 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza.

20

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, wara li qieset, fil-punt 84 ta’ dik is‑sentenza, li “l-inċidenza tas-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti [fl-ewwel istanza] mir-regolament ikkontestat [kienet] stabbilita u li, għaldaqstant, dan tal-aħħar [kien] jirrigwardahom direttament, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE”. Fil-mertu, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, annullat il‑punt 2 tal-Anness II tar-Regolament kontenzjuż, sa fejn jistabbilixxi, fil‑punti 2.1.1 u 2.1.2 tal-Anness IIIA tar-Regolament Nru 692/2008, il-valur tal‑fattur ta’ konformità CF pollutant finali u l-valur tal-fattur ta’ konformità CF pollutant temporanju għall-massa tal-ossidi tan-nitroġenu u, min-naħa l-oħra, żammet l‑effetti tad-dispożizzjonijiet annullati sakemm tiġi adottata fi żmien raġonevoli leġiżlazzjoni ġdida li tissostitwixxi dawn id-dispożizzjonijiet, żmien li ma jistax jeċċedi tnax‑il xahar dekorribbli mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dik is‑sentenza. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikorsi kif ukoll it-talba għal kumpens imressqa mill-Belt ta’ Pariġi.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑177/19 P, ir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata u tiċħad ir-rikorsi;

sussidjarjament, temenda l-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata fis-sens li l-effetti tad-dispożizzjoni annullata jinżammu għal perijodu massimu sostanzjalment itwal minn tnax‑il xahar dekorribbli mid-data tad-dħul fis-seħħ tas-sentenza; u

tikkundanna lill-Belt ta’ Pariġi, lill-Belt ta’ Brussell u lill-Muniċipalità ta’ Madrid għall-ispejjeż.

22

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2019, ir-Repubblika Slovakka ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 2019, ir-Rumanija ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-proċedura orali, jekk din isseħħ.

24

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata u tiċħad ir-rikorsi;

sussidjarjament, tannulla d-dispożittiv tas-sentenza appellata sa fejn dan jistabbilixxi tnax‑il xahar bħala żmien għaż-żamma tal-effetti tad-dispożizzjonijiet annullati dekorribbli mid-data tad-dħul fis-seħħ tas-sentenza u tiddeċiedi li l-effetti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinżammu sa meta tiġi adottata l-leġiżlazzjoni l-ġdida li tissostitwixxihom.

25

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑178/19 P, l-Ungerija titlob li l-Qorti tal‑Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata u tiċħad ir-rikorsi;

sussidjarjament, tannulla d-dispożittiv tas-sentenza appellata sa fejn dan jistabbilixxi tnax‑il xahar bħala żmien għaż-żamma tal-effetti tad-dispożizzjonijiet annullati dekorribbli mid-data tad-dħul fis-seħħ tas-sentenza u tiddeċiedi li l-effetti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinżammu sa meta tiġi adottata l-leġiżlazzjoni l-ġdida li tieħu post dawn id-dispożizzjonijiet; u

tikkundanna lill-partijiet tal-kawża fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.

26

Kemm prinċipalment kif ukoll sussidjarjament, il-Kummissjoni tressaq l-istess talbiet bħal dawk imressqa mill-Ungerija.

27

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑179/19 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikorsi u tikkundanna lill‑Belt ta’ Pariġi, lill-Belt ta’ Brussell u lill-Muniċipalità ta’ Madrid għall‑ispejjeż; u

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata, tibgħat lura l-kawża quddiem il‑Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid u tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

28

Permezz tad-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2019, Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑177/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:837), L-Ungerija vs Il-Kummissjoni (C‑178/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:835), u Il-Kummissjoni vs Ville de Paris et (C‑179/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:836), l‑Association des Constructeurs Européens d’Automobiles (iktar ’il quddiem l-“ACEA”) ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tal‑appellanti.

29

F’kull waħda mill-kawżi li jirrigwardawhom, il-Belt ta’ Pariġi, il-Belt ta’ Brussell u l-Muniċipalità ta’ Madrid jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

30

Sussidjarjament, l-Muniċipalità ta’ Madrid titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat dawn il-kawżi lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-motivi li ma ġewx eżaminati fl-ewwel istanza. Il-Belt ta’ Pariġi u l-Belt ta’ Brussell jagħmlu l-istess talba sussidjarja fil-Kawża C‑179/19 P.

31

Skont l-Artikolu 54(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-President tal-Ħames Awla ddeċieda, fit-28 ta’ Jannar 2021, wara li nstemgħu l-Avukat Ġenerali u l-partijiet, li jgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tal-konklużjonijiet u tas-sentenza.

Fuq l-appelli

32

Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑177/19 P, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem ħames aggravji, ibbażati, l-ewwel, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-bliet appellati huma direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, it-tieni, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward tal-aħħar, it-tielet, fuq ksur, b’mod partikolari, tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 715/2007 sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta r-Regolament kontenzjuż, ir-raba’, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment dan ir-regolament u, il-ħames, fuq talba intiża sabiex l-effetti tad-dispożizzjonijiet annullati tal-imsemmi regolament jinżammu fis-seħħ għal perijodu itwal minn tnax‑il xahar dekorribbli mid-data tad-dħul fis-seħħ tas-sentenza appellata.

33

Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑178/19 P, l-Ungerija tqajjem żewġ aggravji relatati, l-ewwel wieħed, mal-ammissibbiltà tar-rikorsi fl-ewwel istanza u, it-tieni wieħed, mal-perijodu ta’ żmien ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet taż-żamma tal-effetti tad-dispożizzjonijiet annullati tar-Regolament kontenzjuż.

34

Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑179/19 P, il-Kummissjoni tqajjem aggravju wieħed ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn iddeċidiet li r-Regolament kontenzjuż jemenda element essenzjali tar-Regolament Nru 715/2007.

Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑177/19 P

L-argumenti tal-partijiet

35

Permezz tat-tieni aggravju tagħha fil-Kawża C‑177/19 P, li għandu jiġi eżaminat qabel kollox, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mill-ACEA u mir-Repubblika Slovakka, tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita ferm tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Issa, f’dan il-każ, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma esponietx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-bliet appellati kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li hija sempliċement semmiet il-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 jipprekludi li dawn il-bliet ikunu jistgħu jadottaw leġiżlazzjonijiet dwar iċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi konformi mal-istandard Euro 6.

36

Il-Belt ta’ Brussell u l-Muniċipalità ta’ Madrid isostnu li t-tieni aggravju fil-Kawża C‑177/19 P huwa infondat.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, L-Unjoni Ewropea vs Kendrion,C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, huwa minnu, kif jirriżulta mill-motivi tas-sentenza appellata, b’mod partikolari mill-punti 50 sa 84 tagħha, li l-Qorti Ġenerali essenzjalment intrabtet, sabiex tiddetermina jekk il-bliet appellati humiex direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, li tinterpreta mhux dan ir-regolament iżda d-Direttiva 2007/46, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tagħha. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri “m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew fiċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati, għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn din id-Direttiva, jekk jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din ta’ l-aħħar”.

39

Madankollu, il-Qorti Ġenerali esponiet b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti, b’mod partikolari fil-punti 50 sa 54, 56, 59, 67, 74, 76 u 77 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 huwa rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bliet appellati humiex ikkonċernati direttament mir-Regolament kontenzjuż, minkejja li din id-dispożizzjoni tinsab f’att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni distint minn dan ir-regolament.

40

B’mod partikolari, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-interpretazzjonijiet letterali, teleoloġiċi u kuntestwali tad-Direttiva 2007/46, b’mod partikolari tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3), iwasslu sabiex jitqies li din effettivament tipprekludi lill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru li jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxi ċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi għal raġunijiet relatati ma’ aspetti tal-kostruzzjoni jew il-funzjonament tagħhom koperti mill-imsemmija direttiva jekk dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħha. Issa, essenzjalment, fil-punti 3, 4, 52, 74 u 76 tas-sentenza appellata, wara li fakkret li dawn ir-rekwiżiti huma dawk previsti mill-“atti regolatorji” tal-istess direttiva kif ukoll mill-atti sekondarji tagħhom, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li r-Regolament Nru 715/2007 huwa l-“att regolatorju” applikabbli skont il-proċedura ta’ approvazzjoni prevista mid-Direttiva 2007/46 għall-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn vetturi ħfief għall-passiġġieri jew kummerċjali, peress li dawn l-emissjonijiet jikkostitwixxu wieħed mill-aspetti tal-kostruzzjoni jew tal-funzjonament ta’ dawn il-vetturi koperti mid-Direttiva 2007/46, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tagħha. Barra minn hekk, kif joħroġ, b’mod partikolari, mid-deskrizzjoni tal-kuntest ġuridiku tal-kawżi li tinsab fil-punti 2 sa 16 tas-sentenza appellata, ir-Regolament Nru 692/2008, ir-Regolament 2016/427 u r-Regolament kontenzjuż huma “atti sekondarji” tar-Regolament Nru 715/2007 sa fejn dawn għandhom bħala bażi legali lil dan tal-aħħar u huma intiżi sabiex jimplimentawh.

41

Barra minn hekk, mill-punti 59, 74 u 76 tas-sentenza appellata jirriżulta li, skont il-Qorti Ġenerali, sa fejn ir-Regolament kontenzjuż jintroduċi fattur ta’ konformità li japplika għall-valuri ffissati fir-Regolament Nru 715/2007, sabiex jiġu ddefiniti l-valuri ta’ emissjonijiet niġġiesa tal-ossidi tan-nitroġenu li ma jistgħux jinqabżu (NTE) matul it-testijiet RDE stabbiliti bir-Regolament Nru 2016/427, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 japplika wkoll għal dawn il-valuri NTE, b’mod li, minħabba l-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż, l-awtoritajiet pubbliċi ma jistgħux jimponu iktar restrizzjonijiet ta’ ċirkulazzjoni bbażati fuq il-livell tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn vetturi li l-kategorija tagħhom taqa’ taħt ir-Regolament Nru 715/2007 u li josservaw l-imsemmija valuri NTE. Fid-dawl tal-konstatazzjoni tagħha li r-Regolament kontenzjuż jaffettwa għalhekk il-kompetenzi regolatorji tagħhom fil-qasam tar-regolamentazzjoni taċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi tal-bliet appellati, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet minn dan, b’mod partikolari fil-punti 50, 76, 80 u 84 ta’ dik is-sentenza, li dawn kienu direttament ikkonċernati minn dan ir-regolament.

42

Għalhekk, qari tas-sentenza appellata kollha jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-interpretazzjoni tagħha tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 kellha bħala konsegwenza li l-bliet appellati huma direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

43

Konsegwentement, il-motivazzjoni pprovduta mill-Qorti Ġenerali insostenn tal-konklużjoni li il-bliet appellati huma direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija biżżejjed sabiex tissodisfa r-rekwiżiti esposti fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, bla preġudizzju għall-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni, li hija s-suġġett tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑177/19 P u tat-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑178/19 P.

44

Għaldaqstant, it-tieni aggravju fil-Kawża C‑177/19 P jista’ jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑177/19 P u fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑178/19 P

L-argumenti tal-partijiet

45

Permezz tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑177/19 P u t-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑178/19 P, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Ungerija, rispettivament, isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-bliet appellati huma direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

46

B’mod partikolari, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mill-ACEA, mir-Rumanija u mir-Repubblika Slovakka, issostni, fl-ewwel lok, li r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ azzjoni tal-komuni ma jirriżultawx mir-Regolament kontenzjuż iżda minn rekwiżiti oħra u li, b’mod partikolari, il-possibbiltà għal kollettività lokali li toħloq żoni li fihom iċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi hija pprojbita ma tiddependix minn dan ir-regolament. Jekk jitqies li ż-żoni li fihom hija pprojbita ċ-ċirkulazzjoni huma illegali, dan il-fatt jirriżulta mir-rekwiżiti ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet fundamentali.

47

Pereżempju, id-Direttiva 2008/50 tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu “miżuri xierqa” sabiex, fil-każ li jinqabżu l-valuri limitu, il-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Mickelsson u Roos (C‑142/05, EU:C:2009:336), u mill-punt 53 tas-sentenza appellata, regoli bħal dawk dwar il-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll id-dritt għall-proprjetà, protett mid-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jirrendu sproporzjonati restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ vetturi ġodda rreġistrati li jikkawżaw ftit tniġġis. L-annullament parzjali tar-Regolament kontenzjuż huwa mingħajr effett fuq dan l-istat tad-dritt, b’tali mod li ma teżistix rabta bejn il-“kompetenzi normattivi” ta’ entitajiet infra-Statali f’dan il-qasam u r-Regolament kontenzjuż.

48

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, kollha kemm huma, ir-regoli fil-qasam tar-reġistrazzjoni ma jirrigwardawx il-modalitajiet ta’ użu tat-toroq, bħal dawk relatati mal-ħolqien ta’ żoni li fihom iċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi hija pprojbita. Is-sempliċi fatt li l-komuni jistgħu, inter alia, ikunu effettivament inkarigati bit-twettiq ta’ għan ambjentali ma jiġġustifikax li huma jkunu jistgħu jikkontestaw kull att li jista’ jkollu effetti fuq l-ambjent billi jippreżentaw rikors skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Effettivament, dan iwassal sabiex jiġi rrikonoxxut lilhom dritt għal annullament bħal dak li jibbenefikaw minnu r-rikorrenti privileġġjati msemmija fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE.

49

Fir-rigward tal-miżura li l-bliet appellati huma intiżi li jieħdu f’dan il-każ immirata sabiex ittejjeb il-kwalità tal-arja, id-Direttiva 2008/50 hija l-iktar direttiva speċjali u, għalhekk, tieħu preċedenza fuq id-Direttiva 2007/46. L‑espożizzjoni kuntrarja li l-Qorti Ġenerali għamlet fil-punt 74 tas-sentenza appellata ma hijiex konvinċenti.

50

Bl-istess mod, hija infondata d-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 52 sa 54 tas-sentenza appellata bejn, minn naħa, ir-regolamenti ġenerali li jirregolaw iċ-ċirkulazzjoni (ġranet mingħajr vetturi, rekwiżiti ġenerali tal-kodiċi tat-triq) u, min-naħa l-oħra, ir-regolamenti tat-traffiku adottati mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri u li jimponu restrizzjonijiet tat-traffiku bbażati fuq il-livell tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa għal vetturi li l-kategorija tagħhom taqa’ taħt ir-Regolament Nru 715/2007 u li jissodisfaw l-istandard Euro 6 jew, waqt it-testijiet RTE, il-valuri NTE. Skont il-loġika tal-Qorti Ġenerali, bħala prinċipju ma għandux ikun possibbli li jittieħdu miżuri ta’ portata ġenerali intiżi sabiex jitnaqqas il-livell tal-emissjonijiet li japplikaw ukoll għall-vetturi li jikkonformaw mal-istandard Euro 6.

51

L-Ungerija, sostnuta mill-ACEA, issostni, b’mod partikolari, minn naħa, li r‑Regolament kontenzjuż jikkonċerna direttament biss lill-manifatturi li huma obbligati josservaw il-limiti stabbiliti f’dan ir-regolament kif ukoll lill-awtoritajiet li huma awtorizzati sabiex jikkontrollaw l-osservanza ta’ dawn il-limiti u jawtorizzaw l-approvazzjoni tat-tip u r-reġistrazzjoni, peress li dawn l-entitajiet huma dawk li jimplimentaw u japplikaw l-imsemmi regolament, u li fir-rigward tagħhom dan tal-aħħar jistabbilixxi dispożizzjonijiet ta’ natura obbligatorja.

52

Min-naħa l-oħra, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Ungerija hija tal-fehma li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46. Din id-dispożizzjoni la teskludi u lanqas tillimita l-adozzjoni mill-bliet appellati ta’ miżuri intiżi sabiex inaqqsu ċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi li jissodisfaw din id-direttiva u r-Regolament Nru 715/2007 għal raġunijiet ibbażati fuq il-livell ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa. L-imsemmija dispożizzjoni għandha biss l-għan li tiżgura li l-vetturi ġodda li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din l-istess direttiva u testi oħra tad-dritt tal-Unjoni marbuta magħha jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq mingħajr xkiel fis-suq intern.

53

Il-Belt ta’ Brussell issostni li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li hija direttament ikkonċernata mir-Regolament kontenzjuż. Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 52, 54 u 76 tas-sentenza appellata, dan ir-regolament jipprekludiha effettivament milli teżerċita l-kompetenzi tagħha kif jidhrilha xieraq, sa fejn hija għandha l-obbligu legali li tittollera l-preżenza ta’ vetturi li, minkejja li ma humiex konformi mal-istandard Euro 6 inizjalment stabbilit, huma konformi mal-istandard Euro 6 kif iddefinit mill-ġdid mill-imsemmi regolament, peress li l-valuri NTE ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu ddefiniti fir-Regolament kontenzjuż huma ogħla mill-valuri inizjalment stabbiliti bir-Regolament Nru 715/2007. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat, huma affettwati mir-Regolament kontenzjuż ir-regolamenti tat-traffiku adottati minn awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri li jimponu restrizzjonijiet ta’ ċirkulazzjoni bbażati fuq il-livell tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa fuq vetturi li l-kategorija tagħhom taqa’ taħt dan ir-regolament u li jissodisfaw l-istandard Euro 6 jew, waqt it-testijiet RDE, il-valuri NTE.

54

Il-Belt ta’ Brussell iżżid li, f’dan il-każ, ir-Regolament kontenzjuż jipproduċi mhux biss effetti legali, iżda wkoll effetti materjali, b’mod partikolari f’termini ta’ rigress fil-kwalità tal-arja fit-territorju tagħha, effetti li hija għandha tiġġieled taħt piena li hija tkun responsabbli jew li r-Renju tal-Belġju jkun is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikoli 258 u 259 TFUE. B’hekk, skont il-Belt ta’ Brussell, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fis-sentenza appellata, dan il-preġudizzju għas-sitwazzjoni materjali u ġuridika tagħha sabiex tikkonkludi li r-rikors kien ammissibbli.

55

Barra minn hekk, il-Belt ta’ Brussell tindika li, fil-każ fejn hija tadotta leġiżlazzjoni li tipprojbixxi ċ-ċirkulazzjoni fit-territorju tagħha tal-vetturi li ma josservawx l-istandard Euro 6 wara testijiet fil-laboratorju biss jew li ma josservawx l-istandard Euro 6, mingħajr applikazzjoni tal-fattur ta’ konformità, wara testijiet RDE, il-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor jistgħu jippreżentaw rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju tal-Belġju abbażi tal-Artikolu 258 jew tal-Artikolu 259 TFUE. Dan huwa effett li jirriżulta direttament mir-Regolament kontenzjuż, u dan l-effett jippermetti, fih innifsu, li jintwera li l-bliet appellati huma direttament ikkonċernati minn dan ir-regolament, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

56

Il-Belt ta’ Brussell ma taqbilx li l-Qorti Ġenerali ħolqot konfużjoni bejn id-Direttiva 2007/46 u d-Direttiva 2008/50. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex ikkontestat li l-miżuri adottati mill-bliet appellati għandhom ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni, kemm mad-Direttiva 2008/50 u kif ukoll mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija. Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma insuffiċjenti sabiex jiġi konkluż li r-Regolament kontenzjuż ma jipprekludix lil dawn il-bliet milli jeżerċitaw kif jixtiequ l-kompetenzi tagħhom stess.

57

Barra minn hekk, ikun żbaljat li jiġi kkonstatat li r-Regolament kontenzjuż huwa att distint u kompletament separat mid-Direttiva 2007/46, peress li dan ir-regolament jaqa’ fil-qafas stabbilit mill-imsemmija direttiva.

58

Iktar minn hekk, l-effett tar-Regolament kontenzjuż fuq is-sitwazzjoni tal-bliet appellati ma huwiex purament ipotetiku. B’mod partikolari, ma huwiex stabbilit li dawn il-bliet jistgħu jipprevalixxu ruħhom mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-derogi mill-projbizzjoni fil-prinċipju ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni sabiex jidderogaw mill-qafas stabbilit mid-Direttiva 2007/46 u mill-atti regolatorji tagħha. Barra minn hekk, li kieku l-imsemmija bliet ma kellhom l-ebda kompetenza għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi kkonċernati, huma xorta waħda jkollhom il-kompetenza għall-adozzjoni ta’ miżuri regolatorji fil-qasam taċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi u din il-kompetenza tkun direttament affettwata mir-Regolament kontenzjuż fil-każ li huma jkunu jixtiequ jużaw l-istandard Euro 6 sabiex jirregolaw dan iċ-ċirkulazzjoni.

59

Fl-aħħar nett, il-Belt ta’ Brussell issostni li miżuri li jikkonċernaw il-livell ta’ emissjonijiet huma neċessarjament adottati għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u tal-funzjonament tal-vetturi, anki jekk, barra minn hekk, għanijiet oħra huma mfittxija.

60

Min-naħa tagħha, il-Muniċipalità ta’ Madrid issostni li r-Regolament kontenzjuż jaqa’ fl-ambitu tad-Direttiva 2007/46 kemm minn perspettiva materjali kif ukoll ratione temporis. Barra minn hekk, l-imsemmi regolament jirreferi għal din id-direttiva sa mill-ewwel premessa tiegħu.

61

Minn perspettiva materjali, kull deċiżjoni legali li timponi restrizzjoni għall-użu ta’ vetturi tal-art bil-mutur abbażi ta’ kriterji tekniċi stabbiliti bid-Direttiva 2007/46 u r-Regolament kontenzjuż hija direttament u neċessarjament ikkonfrontata mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva. B’mod kontrastanti, projbizzjoni simili iżda bbażata fuq kunsiderazzjonijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mar-rekwiżiti tekniċi preskritti minn dawn iż-żewġ testi tkun irrilevanti f’dan ir-rigward.

62

Minn perspettiva ratione temporis, kif jirriżulta mill-punt 53 tas-sentenza appellata, huwa fid-dawl tad-Direttiva 2007/46 li l-Qorti Ġenerali evalwat l-ammissibbiltà tar-rikorsi tal-ewwel istanza. Fil-fatt, mill-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, li saret mill-Qorti Ġenerali fil-punt 59 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-bliet appellati, li r-realtà tal-kompetenzi legali tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali ma hijiex ikkontestata, huma direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

63

B’hekk, il-Muniċipalità ta’ Madrid tenfasizza li hija taqbel b’mod globali mar-raġunament tal-Qorti Ġenerali meta din ikkonstatat, fil-punti 81 u 82 tas-sentenza appellata, in-natura reali tal-limitazzjoni tas-setgħat li tirriżulta mir-Regolament kontenzjuż, moqri flimkien mad-Direttiva 2007/46, sabiex tikkonkludi li r-rikors tagħha kien ammissibbli.

64

Barra minn hekk, il-pożizzjoni difiża mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Ungerija hija kontradittorja. Fil-fatt, minn naħa, dawn l-Istati Membri jqisu li l-bliet appellati ma humiex affettwati mir-Regolament kontenzjuż, sa fejn huma għad għandhom kull possibbiltà sabiex jipprojbixxu, jimpedixxu jew jirrestrinġu ċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi tal-art bil-mutur, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-tniġġis atmosferiku, fuq il-bażi ta’ testi legali oħra bħad-Direttiva 2008/50. Madankollu, min-naħa l-oħra, dawn l-istess Stati Membri jsostnu li dawn il-bliet ma humiex direttament ikkonċernati minn test li jemenda l-istandard Euro 6.

65

B’żieda ma’ dan, wara li tosserva li l-bliet huma atturi prinċipali tad-dritt tal-Unjoni, il-Muniċipalità ta’ Madrid tfakkar l-għan tal-ftuħ tal-kundizzjonijiet għall-preżentata tar-rikorsi diretti u l-fatt li l-iżvilupp tal-akkoljenza rriżervata għall-ammissibbiltà tal-entitajiet infra-Statali, speċjalment fl-oqsma relatati mad-dritt tal-ambjent, jista’ jiġi pperċepit bħala korollarju tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE u msemmi mill-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata. B’hekk, jista’ jiġi aċċettat li l-entitajiet infra-Statali, bħall-bliet appellati, li permezz tal-azzjonijiet tagħhom jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Istati li taħthom huma jaqgħu quddiem l-Unjoni Ewropea, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ ammissibbiltà, u huwa l-awtur tal-att ikkontestat li għandu juri li huma ma humiex affettwati mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

66

Fl-aħħar nett, il-Belt ta’ Pariġi u l-Muniċipalità ta’ Madrid isostnu li l-possibbiltà, imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġi ppreżentat kontra l-Istat Membru kkonċernat tikkostitwixxi effett li jirriżulta mir-Regolament kontenzjuż u tikkonferma l-fatt li l-bliet appellati huma direttament ikkonċernati minn dan ir-regolament. Fil-fatt, pereżempju, fil-każ fejn belt tipprojbixxi ċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi kollha konformi mal-imsemmi regolament, hija twettaq ksur tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46.

67

Il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tidher li qiegħda tadotta qari wisq wiesa’ tas-sentenza appellata. Fil-fatt, l-appell jirreferi diversi drabi għal “żoni li fihom iċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi hija pprojbita”. Issa, mill-punt 52 tas-sentenza appellata jirriżulta li miżuri ta’ restrizzjoni taċ-ċirkulazzjoni li jirrigwardaw il-vetturi kollha ma humiex affettwati mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur.

68

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha dubji dwar ir-raġunament espost mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, id-dritt primarju ma jipprekludix li atti tad-dritt sekondarju jistgħu direttament jikkonċernaw individwi suġġetti għad-dritt, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. B’mod partikolari, il-fatt li l-komuni għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jipprekludix a priori lil dawn milli jkunu direttament ikkonċernati jekk huma jistgħu juru l-eżistenza ta’ bidla fil-pożizzjoni legali tagħhom li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

69

Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-rikors ta’ entità reġjonali jew lokali ma jistax jiġi assimilat ma’ rikors ta’ Stat Membru, peress li l-kunċett ta’ “Stat Membru” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE jkopri biss l-awtoritajiet governattivi tal-Istati Membri. Entità reġjonali jew lokali tista’, sa fejn hija tgawdi mill-personalità ġuridika skont id-dritt nazzjonali applikabbli għaliha, tippreżenta rikors kontra att tad-dritt tal-Unjoni biss fil-każ fejn hija tkun taqa’ taħt waħda mill-każijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1984, Commune de Differdange et vs Il-Kummissjoni, 222/83, EU:C:1984:266, punti 9 sa 13, u tat-2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni, C‑417/04 P, EU:C:2006:282, punti 2124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Għalhekk, peress li tali entitajiet huma, bħal kull persuna fiżika jew ġuridika msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, suġġetti għall-kundizzjonijiet speċifiċi li din id-dispożizzjoni tipprevedi, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tal-Muniċipalità ta’ Madrid, espost fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, li entitajiet infra‑Statali, bħall-bliet appellati, għandhom jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ ammissibbiltà meta jippreżentaw rikors għal annullament kontra att tad-dritt tal-Unjoni skont l-imsemmija dispożizzjoni.

71

F’din il-kawża, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra r-rikorsi għal annullament ippreżentati quddiemha, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 36 sa 40 tas-sentenza appellata, li r-Regolament kontenzjuż huwa att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, u sussegwentement iddeċidiet, skont raġunament li jinsab fil-punti 41 sa 84 ta’ dik is-sentenza, li dan ir-regolament kien jikkonċerna direttament lill-bliet appellati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

72

Fir-rigward tal-kundizzjoni li persuna ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata, din teħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita, li żewġ kriterji jiġu ssodisfatti kumulattivament, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji inkarigati mill-implimentazzjoni tagħha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni, C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punt 55, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

B’mod partikolari, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 50 tas-sentenza appellata, att tad-dritt tal-Unjoni li jipprekludi lil persuna ġuridika pubblika milli teżerċita kif jidhrilha l-kompetenzi tagħha stess jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna ġuridika, b’tali mod li din għandha titqies li hija direttament ikkonċernata minn dan l-att, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Venezuela vs Il-Kunsill (Effett fuq Stat terz) (C‑872/19 P, EU:C:2021:507), punt 69).

74

Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 effettivament jipprekludi lill-bliet appellati milli jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom li jirregolaw iċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri kif jidhrilhom xieraq sabiex inaqqsu t-tniġġis u, għaldaqstant, li, fid-dawl tar-rabta bejn din id-dispożizzjoni u r-Regolament kontenzjuż, dawn il-bliet għandhom jitqiesu li huma direttament ikkonċernati minn dan ir-regolament.

75

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 jipprovdi li l-Istati Membri “m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew fiċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi, għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn din id-Direttiva, jekk jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din ta’ l-aħħar”.

76

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 51 sa 53 tas-sentenza appellata, li regolamenti, adottati minn awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, li jirrigwardaw il-vetturi kollha jew kategorija ta’ vetturi ddefinita b’riferiment għal kriterji differenti minn dawk li huma s-suġġett tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46, tal-“atti regolatorji” tagħha u tal-atti sekondarji tagħhom, ma jistgħux imorru kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-parti l-kbira tar-regolamenti tal-“kodiċi tat-triq” kif ukoll il-miżuri ta’ restrizzjoni taċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bħal dawk li jistabbilixxu żoni pedonali, “ġranet mingħajr karozzi” jew ċirkulazzjoni ta’ vetturi li jalternaw f’każ ta’ żieda fit-tniġġis, ma jistgħux jiġu affettwati minn dawn l-atti tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali qieset li awtorità pubblika ta’ Stat Membru tista’ issa, mingħajr ma tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, timponi restrizzjonijiet fuq iċ-ċirkulazzjoni bbażati fuq il-livell ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa għal vetturi li l-kategorija tagħhom taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 715/2007 u li jissodisfaw biss fl-aħjar ipoteżi l-istandard Euro 5, peress li dan l-istandard u l-istandards preċedenti Euro ma għadhomx iktar fis-seħħ għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, billi huwa l-istandard Euro 6 li huwa issa applikabbli.

77

B’mod kontrastanti, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 54 sa 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-inklużjoni ta’ riferiment għaċ-“ċirkulazzjoni fit-toroq” fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 għandha l-effett li tipprekludi awtorità pubblika ta’ Stat Membru milli timponi restrizzjonijiet fuq iċ-ċirkulazzjoni bbażati fuq il-livell tal‑emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 715/2007 u li josservaw il-valuri NTE matul testijiet RDE, peress li dawn il-valuri huma fis-seħħ minħabba l-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż u peress li, konsegwentement, tali vetturi josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-direttiva.

78

Fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li għalih jirreferu l-punti 77, 79 u 80 ta’ dik is‑sentenza, il-Qorti Ġenerali ċċitat, bħala eżempju ta’ miżura ta’ limitazzjoni taċ‑ċirkulazzjoni li għalhekk ma tistax iktar, fil-fehma tagħha, tiġi introdotta mill‑bliet appellati minħabba l-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż, miżura li, abbażi tal-livelli ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-vetturi, tillimita ċ‑ċirkulazzjoni ta’ dawk li, matul it-testijiet RDE, ma josservawx il-limiti tal‑emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti fl-istandard Euro 6, iżda li, matul dawn it-testijiet, huma madankollu konformi mal-valuri NTE tal‑emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu ddefiniti f’dan ir-regolament, li huma ogħla minn dawk tal-ewwel.

79

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 81 tas-sentenza appellata, il-bliet appellati ġġustifikaw quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma dan ġie kkontestat fl-ewwel istanza jew fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, li huma għandhom, skont id-dritt nazzjonali, kompetenzi għall-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa, b’mod partikolari sabiex jikkumbattu t-tniġġis tal-arja, inkluża l-kompetenza li jirrestrinġi ċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi għal dan il-għan.

80

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, ġustament, tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 fis-sens li tillimita l-eżerċizzju tal-imsemmija kompetenzi bil-mod espost fil-punti 77 u 78 ta’ din is-sentenza.

81

F’dan ir-rigward, hemm lok, qabelxejn, li jiġi ppreċiżat li, minkejja li restrizzjonijiet għall-kompetenza li jiddisponu minnha l-bliet appellati li jirregolaw iċ-ċirkulazzjoni jistgħu jirriżultaw mil-libertajiet u mid-drittijiet fundamentali ggarantiti fid-dritt tal-Unjoni, dan il-fatt ma jipprekludix, fih innifsu, lil dawn il-bliet milli jkunu direttament ikkonċernati minn att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur.

82

Fir-rigward tal-fondatezza tal-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tal‑espressjoni “ċirkulazzjoni fit-toroq” li tinsab fit-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il‑kuntest li fih tinsab u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, CRCAM,C‑337/20 PPU, EU:C:2021:671, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, għandu jiġi osservat li, għalkemm, fid-dawl tas-sens normali tagħha, l-espressjoni “ċirkulazzjoni fit-toroq” tidher li tirreferi għaċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi fit-territorju ta’ Stat Membru, din ma hijiex l-unika attività li, skont din id-dispożizzjoni, ma tistax tkun is-suġġett ta’ projbizzjoni min-naħa tal-Istati Membri, peress li l-imsemmija dispożizzjoni ssemmi wkoll attivitajiet oħra li lanqas ma jistgħu jiġu pprojbiti, bħar-“reġistrazzjoni”, il-“bejgħ” u d-“dħul fis-servizz” ta’ vetturi.

84

Issa, kif tenfasizza essenzjalment il-Kummissjoni, projbizzjoni ta’ bejgħ jew ta’ tqegħid fis-servizz timplika ostakolu ġenerali għall-aċċess għas-suq għall-vetturi kkonċernati. L-istess jista’ jingħad għal projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni. Għalhekk, dawn il-projbizzjonijiet kollha jirreferu għal ostakoli għall-aċċess għas-suq tal-vetturi.

85

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih jinsab it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, jirriżulta, qabelxejn, mit-titolu stess ta’ din id-direttiva, li l-għan tagħha huwa l-istabbiliment ta’ qafas għall-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur, li jissuġġerixxi li l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, fosthom dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 tagħha, jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-vetturi u mhux iċ-ċirkulazzjoni sussegwenti tagħhom.

86

Sussegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-ewwel u tat-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 huma komplementari. Fil-fatt, dawn iż-żewġ paragrafi jirrigwardaw, rispettivament, obbligu pożittiv li jippermetti lill-Istati Membri jirreġistraw u jawtorizzaw il-bejgħ u d-dħul fis-servizz, b’mod partikolari, vetturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, u obbligu negattiv li jipprekludi lill-Istati Membri milli jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jostakolaw ir-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ dawn il-vetturi. Issa, l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali twessa’ konsegwentement b’mod kunsiderevoli l-portata tat-tieni paragrafu, li huwa għalhekk ħafna iktar wiesa’ minn dak tal-ewwel wieħed, u dan jidher li huwa diffiċli li jiġi ġġustifikat.

87

Fl-aħħar nett, għalkemm, kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/46, il-manifatturi tal-vetturi bil-mutur u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-approvazzjoni huma speċifikament ikkonċernati mill-obbligi previsti f’dan l-artikolu, huwa paċifiku li l-bliet appellati ma għandhomx setgħat fil-qasam tal-approvazzjoni ta’ dawn il-vetturi.

88

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan imfittex mid-Direttiva 2007/46, jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha moqri flimkien mal-premessi 2, 3 u 14 tagħha, li din tistabbilixxi proċedura uniformi ta’ approvazzjoni tal-vetturi ġodda, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali fir-rigward tal-karatteristiċi tekniċi tagħhom, fejn ir-rekwiżiti tekniċi speċifiċi dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-vetturi huma stabbiliti mid-direttivi partikolari li jinsabu fl-Anness IV ta’ din id-direttiva. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li dan il-qafas armonizzat għandu bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li huwa intiż li jiggarantixxi livell għoli ta’ sigurtà fit-toroq żgurat permezz tal-armonizzazzjoni totali tar-rekwiżiti tekniċi li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-kostruzzjoni tal-vetturi (sentenza tal-20 ta’ Marzu 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja,C‑639/11, EU:C:2014:173, punti 3435).

89

Il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 83 sa 88 ta’ din is-sentenza jimmilitaw kontra interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, bħal dik adottata mill-Qorti Ġenerali, li tagħti portata wiesgħa lil espressjoni iżolata f’din id-direttiva sabiex issostni l-konklużjoni li din id-dispożizzjoni tostakola ċerti restrizzjonijiet lokali fil-qasam tat-traffiku li huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jipproteġu l-ambjent.

90

L-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 adottata mill-Qorti Ġenerali lanqas ma hija kkonfermata mill-oriġini ta’ din id‑dispożizzjoni. Fil-fatt, filwaqt li l-Proposta għal Direttiva tal-14 ta’ Lulju 2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi [COM(2003)418 final], ma kinitx tirreferi għaċ-“ċirkulazzjoni fit-toroq”, huwa biss fil-Proposta Emendata għal Direttiva tad-29 ta’ Ottubru 2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Riformulata) [COM(2004)738 final], li sar dan ir-riferiment.

91

Issa, minn naħa, skont il-klawżola 5 ta’ din il-proposta emendata, l-imsemmi riferiment għandu jinftiehem bħala “klawżola ta’ moviment liberu”. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mit-titolu stess ta’ din il-klawżola 5, l-emendi magħmula f’din il-proposta emendata kienu intiżi biss sabiex jiċċaraw l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-moviment liberu tal-vetturi, tal-komponenti u tal-unitajiet tekniċi approvati, u mhux sabiex jestendu l-portata ta’ dawn l-obbligi.

92

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li ż-żieda ta’ riferiment għaċ-“ċirkulazzjoni fit-toroq” ma kellhiex bħala għan li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tal-vetturi, iżda biss li tevita l-evażjoni, mill-Istati Membri, tal-projbizzjoni ta’ oppożizzjoni għall-aċċess għas-suq tal-vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2007/46 u li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, tal-atti regolatorji tagħha u tal-atti sekondarji tagħhom waqt ir-reġistrazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew id-dħul fis-servizz ta’ dawn il-vetturi.

93

B’hekk, il-Qorti Ġenerali għamlet qari tal-espressjoni “ċirkulazzjoni fit-toroq”, li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, b’mod iżolat li la huwa konċiljabbli mal-kuntest li fih din id-dispożizzjoni taqa’, la mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha u lanqas mal-oriġini tal-imsemmija dispożizzjoni.

94

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 jillimita l-eżerċizzju tal-kompetenzi li l-bliet appellati għandhom fil-qasam tal-protezzjoni tal-kwalità tal-arja u l-użu li huma jagħmlu minnhom kif ukoll, min-naħa l-oħra, tar-rabta tar-Regolament kontenzjuż ma’ din id-dispożizzjoni, dawn huma direttament affettwati minn dan ir-regolament u li, konsegwentement, dan jikkonċernahom direttament, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

95

Barra minn hekk, ebda raġuni oħra mressqa mill-bliet appellati u ebda kunsiderazzjoni fformulata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma tippermetti li tiġi sostnuta l-konklużjoni tagħha li l-bliet appellati huma direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

96

B’mod partikolari, l-ewwel, sa fejn il-bliet appellati jinvokaw il-possibbiltà, fil-każ li jadottaw, fil-qasam taċ-ċirkulazzjoni, regolamenti li jmorru kontra r-Regolament kontenzjuż, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra wieħed mill-Istati Membri li huma jaqgħu taħtu u jekk jispeċifikaw li din l-eventwalità tikkostitwixxi effett li jirriżulta direttament minn dan ir-regolament, li jimplika li dawn għandhom jitqiesu li huma direttament ikkonċernati minnu, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-argument tagħhom ma jistax jintlaqa’.

97

Fil-fatt, dan l-argument, bħall-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 79 tas-sentenza appellata li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ tali possibbiltà, huwa bbażat fuq il-premessa li l-adozzjoni, mill-bliet appellati, ta’ regolamenti li jillimitaw iċ-ċirkulazzjoni lokali ta’ ċerti vetturi għall-finijiet tal-protezzjoni tal-ambjent tista’ tikser il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, moqri flimkien mar-Regolament kontenzjuż. Issa, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 80 sa 93 ta’ din is-sentenza, din il-premessa hija żbaljata.

98

L-istess japplika għall-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata, li skonthom, essenzjalment, il-qrati nazzjonali tal-Istati Membri jkunu mitluba jannullaw minħabba inkompatibbiltà mar-Regolament kontenzjuż, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, att adottat minn belt li jirrestrinġi ċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi għal raġunijiet marbuta mal-livell ta’ emissjonijiet tagħhom, anki jekk dawn il-vetturi jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti mir-Regolament kontenzjuż. Fil-fatt, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma bbażati wkoll fuq il-premessa żbaljata imsemmija fil-punt preċedenti, b’tali mod li huma lanqas ma jistgħu jistabbilixxu li l-bliet appellati huma direttament ikkonċernati minn dan ir-regolament.

99

It-tieni, fir-rigward tal-argument imressaq mill-Belt ta’ Brussell, kif espost fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali tidher li kkunsidrat fil-punt 83 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-Kummissjoni bdiet proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju tal-Belġju, ir-Renju ta’ Spanja jew ir-Repubblika Franċiża minħabba allegata kwalità insuffiċjenti tal-arja fit-territorji rispettivi tagħhom fid-dawl tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/50, inkluż fir-rigward tal-livell tal-ossidi tan-nitroġenu, ma jistax jitqies li huwa effett li jirriżulta direttament mir-Regolament kontenzjuż. Fil-fatt, peress li, kif jirriżulta mill-punt 94 ta’ din is-sentenza, dan ir-regolament ma jipprekludix lill-bliet appellati milli jużaw il-kompetenzi li huma għandhom li jirregolaw iċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi kif huma jidhrilhom xieraq għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-protezzjoni tal-ambjent, l-imsemmi regolament ma jistax jitqies li għandu effett dirett fuq l-possibbiltà li l-Istati Membri li fuqhom dawn il-bliet jiddependu jiġu mħarrka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jew saħansitra kkundannati minn din tal-aħħar, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tagħhom fil-qasam tal-ambjent.

100

It-tielet, l-eżempji, imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 82 tas-sentenza appellata, ta’ miżuri ta’ restrizzjoni taċ-ċirkulazzjoni diġà adottati mill-bliet appellati, bħal dik implimentata mill-Belt ta’ Pariġi sabiex tirrestrinġi ċ-ċirkulazzjoni fit-territorju tagħha ta’ vetturi li ma josservawx standard Euro partikolari, lanqas ma jqiegħdu f’dubju l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, peress li l-punt dwar jekk dawn il-bliet effettivament adottawx regolamenti meqjusa mill-Qorti Ġenerali bħala li jaqgħu taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, minħabba l-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż, ma jnaqqas xejn min-natura żbaljata tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha tal-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati quddiemha, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

101

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑177/19 P kif ukoll it-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑178/19 P għandhom jintlaqgħu.

102

Issa, mill-kliem stess tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l‑ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat, skont din id-dispożizzjoni, minn persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex destinatarja tal-att ikkontestat hija suġġetta għall-kundizzjoni li din il-persuna tkun direttament ikkonċernata mill-imsemmi att.

103

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u qieset ir-rikorsi fl-ewwel istanza ammissibbli.

Fuq ir-rikors fl-ewwel istanza

104

Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża u li, b’mod partikolari, hemm lok li tingħata deċiżjoni definittiva dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament.

105

Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 82 sa 101 ta’ din is-sentenza, il-bliet rikorrenti fl-ewwel istanza, kuntrarjament għal dak li jallegaw, ma jistgħux jitqiesu li huma direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

106

Peress li, kif jirriżulta mill-punt 102 ta’ din is-sentenza, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat, skont din id-dispożizzjoni, minn persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex destinatarja tal-att ikkontestat hija suġġetta għall-kundizzjoni li din il-persuna tkun direttament ikkonċernata mill-imsemmi att, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandhom jintlaqgħu.

107

Konsegwentement, ir-rikorsi għal annullament ippreżentati rispettivament mill‑Belt ta’ Pariġi, mill-Belt ta’ Brussell u mill-Muniċipalità ta’ Madrid għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

108

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l‑appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

109

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

110

Barra minn hekk, l-Artikolu 184(3) tal-imsemmi regolament jipprovdi li, meta appell ippreżentat minn Stat Membru li ma jkunx intervjena fil-kawża quddiem il‑Qorti Ġenerali jkun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l-ispejjeż għandhom jinqasmu bejn il-partijiet jew li l-appellant li jirbaħ għandu jirrimborsa lill-parti li titlef l-ispejjeż li jkun ikkawżalha minħabba l-appell tiegħu. F’dan il‑każ, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess marbuta mal-appelli.

111

Sussegwentement, fid-dawl tal-annullament tas-sentenza appellata u tal‑inammissibbiltà tar-rikorsi tal-ewwel istanza, hemm lok li l-Belt ta’ Brussell, il-Belt ta’ Pariġi u l-Muniċipalità ta’ Madrid jiġu kkundannati jbatu, minbarra l‑ispejjeż tagħhom stess marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-appelli, dawk sostnuti mill-Kummissjoni marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid vs Il-Kummissjoni (T‑339/16, T‑352/16 u T‑391/16, EU:T:2018:927), hija annullata.

 

2)

Ir-rikorsi għal annullament fil-Kawżi magħquda T‑339/16, T‑352/16 u T‑391/16, ippreżentati, rispettivament, mill-ville de Paris, mill-ville de Bruxelles u mill-ayuntamiento de Madrid, huma miċħuda bħala inammissibbli.

 

3)

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess marbuta mal-appelli.

 

4)

Il-ville de Paris, il-ville de Bruxelles u l-ayuntamiento de Madrid għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess marbuta mal‑proċedura tal-ewwel istanza u mal-appelli, dawk sostnuti mill‑Kummissjoni Ewropea marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza.

 

Firem


( *1 ) Lingwi tal-kawża: l-Ispanjol u l-Franċiż.

Top