Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0147

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-18 ta’ Novembru 2020.
    Atresmedia Corporación de Medios de Comunicación S.A. vs Asociación de Gestión de Derechos Intelectuales (AGEDI) u Artistas e Intérpretes o Ejecutantes, Sociedad de Gestión de España (AIE).
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur – Direttiva 92/100/KEE – Artikolu 8(2) – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(2) – Komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol awdjoviżiv li jinkorpora fonogramma jew riproduzzjoni ta’ fonogramma – Ħlas ekwu u uniku.
    Kawża C-147/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:935

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    18 ta’ Novembru 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur – Direttiva 92/100/KEE – Artikolu 8(2) – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(2) – Komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol awdjoviżiv li jinkorpora fonogramma jew riproduzzjoni ta’ fonogramma – Ħlas ekwu u uniku”

    Fil-Kawża C‑147/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit‑Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

    Atresmedia Corporación de Medios de Comunicación SA

    vs

    Asociación de Gestión de Derechos Intelectuales (AGEDI),

    Artistas Intérpretes o Ejecutantes, Sociedad de Gestión de España (AIE),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur), E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: C. Ströholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Jannar 2020,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Atresmedia Corporación de Medios de Comunicación SA, minn C. Aguilar Fernández, L. J. Vidal Calvo u M. González Gordon, abogados,

    għall-Asociación de Gestión de Derechos Intelectuales (AGEDI), minn J. J. Marín López, abogado,

    għal Artistas Intérpretes o Ejecutantes, Sociedad de Gestión de España (AIE), minn A. López Sánchez, abogado,

    għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn A. Rubio González, sussegwentement minn S. Jiménez García, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u J. Samnadda, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Lulju 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE tad‑19 ta’ Novembru 1992 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 120), u tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Atresmedia Corporación de Medios de Comunicación SA (iktar ’il quddiem “Atresmedia”), impriża li għandha diversi stazzjonijiet tat-televiżjoni, u l-Asociación de Gestión de Derechos Intelectuales (AGEDI) u Artistas Interpretes o Ejecurequées, Sociedad de Gestión de España (AIE), entitajiet li jiġġestixxu, rispettivament, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ produttur ta’ fonogrammi u tali drittijiet ta’ artisti tal-ispettaklu, dwar il-ħlas, minn Atresmedia, ta’ kumpens ekwu u uniku għax-xandir, fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni operati minn din tal-aħħar, ta’ xogħlijiet awdjoviżivi li jinkorporaw fonogrammi.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt internazzjonali

    Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati

    3

    L-Artikolu 31(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331), jgħid li:

    “Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, il-kuntest għandu jinkludi, minbarra t-test, inklużi l-preambolu u l-annessi tiegħu:

    (a)

    kwalunkwe ftehim dwar it-trattat li jkun sar bejn il-Partijiet kollha fl-okkażjoni tal-konklużjoni tat-trattat;

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-Konvenzjoni ta’ Ruma

    4

    L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Artisti tal-Ispettaklu, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir, iffirmata f’Ruma fis‑26 ta’ Ottubru 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), kuntrarjament għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni bl-eċċezzjoni tar-Repubblika ta’ Malta.

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija konvenzjoni jistabbilixxi li:

    “Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

    […]

    (b)

    ‘fonogramma’ tfisser kull fissazzjoni esklużivament akustika ta’ ħsejjes li joħorġu minn eżekuzzjoni jew minn ħsejjes oħra;

    […]

    (e)

    ‘riproduzzjoni’ tfisser li tagħmel kopja jew kopji ta’ fissazzjoni;

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-WPPT

    6

    L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat, fl‑20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur u t-Trattat tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi (iktar ’il quddiem il-“WPPT”). Dawn it-Trattati ġew approvati f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas‑16 ta’ Marzu 2000 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur u tat-Trattat WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi [l-Interpretazzjonijiet, l-Eżekuzzjonijiet u l-Fonogrammi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208), u daħlu fis-seħħ, għal dak li jikkonċerna l-Unjoni, fl‑14 ta’ Marzu 2010.

    7

    L-Artikolu 2(b) tal-WPPT jipprevedi li:

    “Għall-għanijiet tat-Trattat:

    […]

    (b)

    ‘fonogramma’ tfisser l-iffissar ta’ ħsejjes ta’ prestazzjoni jew ta’ ħsejjes oħra, jew ta’ rappreżentazzjoni ta’ ħsejjes, li mhix il-forma ta’ fissazzjoni inkorporata f’xogħol ċinematografiku jew xogħol ieħor awdjoviżiv”.

    8

    Il-Konferenza Diplomatika dwar Ċerti Kwistjonijiet tad-Drittijiet tal-Awtur u tad-Drittijiet Relatati tal‑20 ta’ Diċembru 1996 adottat id-dikjarazzjoni komuni li ġejja, fir-rigward tal-Artikolu 2(b) tal-WPPT:

    “Huwa mifhum li t-tifsira ta’ fonogramma mogħtija fl-Artikolu 2(b) ma timplikax li d-drittijiet fuq il-fonogramma huma milquta b’xi mod jekk din tiġi inkorporata f’xogħol ċinematografiku jew f’xogħol awdjoviżiv ieħor.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 92/100

    9

    Is-seba’ u l-għaxar premessa tad-Direttiva 92/100 jgħidu li:

    “Billi x-xogħol kreattiv u artistiku ta’ awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b’mod partikulari għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi; billi l-possibbiltà biex tassigura dak id-dħul u tirkupra dak l-investiment tista’ tkun biss permezz ta’ protezzjoni legali adekwata tad-detenturi tad-drittijiet relatati;

    […]

    Billi l-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri għandha ssir approssimattiva b’tali mod li ma tkunx konflinġenti mal-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati ħafna mid-drittijiet ta’ l-awtur u l-liġijiet tad-drittijiet relatati”.

    10

    L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li:

    “L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jassiguraw li ħlas uniku ekwu jitħallas mill-utent, jekk fonogramm jixxandar għall-finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, tintuża għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku, u biex jassiguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fl-assenza ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm, jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom.”

    11

    Id-Direttiva 92/100 ġiet ikkodifikata u mħassra bid-Direttiva 2006/115.

    Id-Direttiva 2001/29/KE

    12

    Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230):

    “L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

    (a)

    għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

    (b)

    għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

    (ċ)

    għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

    […]”

    Id-Direttiva 2006/115

    13

    Il-premessi 5 u 7 tad-Direttiva 2006/115 jgħidu li:

    “(5)

    Ix-xogħol kreattiv u artistiku ta’ awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b’mod partikulari għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi. Il-possibbiltà li jiġi żgurat dak id-dħul u li jiġi rkuprat dak l-investiment tista’ tkun garantita b’mod effettiv biss permezz ta’ protezzjoni legali adegwata tad-detenturi tad-drittijiet relatati.

    […]

    (7)

    Il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri għandha tiġi approssimata b’tali mod li ma tmurx kontra l-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati d-drittijiet ta’ l-awtur u l-liġijiet tad-drittijiet relatati ta’ bosta Stati Membri.”

    14

    Il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 hija identika għall-formulazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100.

    Id-dritt Spanjol

    15

    L-Artikolu 108(4) tar-Real Decreto Legislativo 1/1996, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley de Propiedad Intelectual, regularizando, aclarando y armonizando las disposiciones legales vigentes sobre la materia (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1996 li Japprova t-Test Ikkodifikat tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali, li Jistabbilixxi, Jippreċiża u Jarmonizza d-Dispożizzjonijiet Legali fis-Seħħ f’dan il-Qasam), tat‑12 ta’ April 1996 (BOE Nru 97, tat‑22 ta’ April 1996, p. 14369), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LPI”), jistabbilixxi li:

    “L-utenti ta’ fonogramma ppubblikata għal skopijiet kummerċjali jew ta’ riproduzzjoni ta’ dik il-fonogramma li tintuża għal kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku għandu jkollhom l-obbligu li jħallsu ħlas ekwu u uniku lill-artisti u lill-produtturi ta’ fonogrammi, li għandhom jaqsmu dan il-ħlas bejniethom. Fin-nuqqas ta’ qbil bejniethom dwar kif għandu jkun maqsum dan il-ħlas, dan għandu jkun f’partijiet ugwali […]”

    16

    L-Artikolu 114(1) tal-LPI jipprevedi li:

    “‘Fonogramma’ tfisser kull fissazzjoni esklużivament akustika tal-eżekuzzjoni ta’ xogħol jew ta’ ħsejjes oħra.”

    17

    L-Artikolu 116(2) tal-LPI, li jinsab taħt it-titolu li jirregola d-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi, jinkludi formulazzjoni identika għal dik tal-Artikolu 108(4) tiegħu.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    18

    Fid‑29 ta’ Lulju 2010, l-AGEDI u AIE ressqu, quddiem il-Juzgado de lo Mercantil núm. 4 Bis de Madrid (il-Qorti Kummerċjali ta’ Madrid, Spanja), azzjoni kontra Atresmedia sabiex din tal-aħħar tiġi kkundannata tħallashom kumpens abbażi ta’ atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali, jew ta’ riproduzzjonijiet tagħhom, imwettqa bejn l‑1 ta’ Ġunju 2003 u l‑31 ta’ Diċembru 2009 fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni operati minn Atresmedia kif ukoll abbażi tar-riproduzzjoni mhux awtorizzata ta’ fonogrammi mwettqa għall-finijiet ta’ dawn l-atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

    19

    Peress li din l-azzjoni ġiet iddikjarata infondata mill-Juzgado de lo Mercantil de Madrid (il-Qorti Kummerċjali ta’ Madrid), l-AGEDI u AIE appellaw mis-sentenza mogħtija minn din il-qorti quddiem l-Audiencia Provincial de Madrid (il-Qorti Provinċjali ta’ Madrid, Spanja), li annullat din is-sentenza u laqgħet it-talba tagħhom fl-intier tagħha.

    20

    Atresmedia ppreżentat appell fil-kassazzjoni mis-sentenza mogħtija mill-Audiencia Provincial de Madrid (il-Qorti Provinċjali ta’ Madrid) quddiem il-qorti tar-rinviju.

    21

    Din il-qorti tosserva li l-appell jirrigwarda esklużivament il-kwistjoni dwar jekk il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet awdjoviżivi mwettqa minn Atresmedia fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni tagħha tagħtix id-dritt għall-ħlas ekwu u uniku previst, fid-dritt Spanjol, fl-Artikolu 108(4) u fl-Artikolu 116(2) tal-LPI, li jikkorrispondu, fid-dritt tal-Unjoni, għall-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 u għall-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. B’mod partikolari, l-imsemmija qorti tindika li hija għandha tiddetermina jekk, mill-mument meta fonogramma ppubblikata għal finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ din il-fonogramma, ġietx inkorporata jew “sinkronizzata” f’reġistrazzjoni awdjoviżiva li tinkludi l-fissazzjoni ta’ xogħol awdjoviżiv, l-artisti tal-ispettaklu kif ukoll il-produtturi ta’ fonogrammi kkonċernati jistgħux jeżiġu dan il-ħlas ekwu u uniku.

    22

    L-istess qorti żżid li, peress li l-AGEDI u AIE jitolbu lil Atresmedia kumpens abbażi tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet awdjoviżivi mwettqa bejn l‑1 ta’ Ġunju 2003 u l‑31 ta’ Diċembru 2009, kemm id-Direttiva 92/100 kif ukoll id-Direttiva 2006/115 huma applikabbli rationae temporis għall-kawża prinċipali.

    23

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-kunċett ta’ ‘riproduzzjoni ta’ fonogramm ippubblikat għal finijiet kummerċjali’ li jinsab fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [92/100] u tad-Direttiva [2006/115] jinkludi r-riproduzzjoni ta’ fonogramm ippubblikat għal finijiet kummerċjali f’reġistrazzjoni awdjoviżiva li tinkludi l-iffissar ta’ xogħol awdjoviżiv?

    2)

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, entità ta’ xandir televiżiv li tuża, għal kull tip ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, reġistrazzjoni awdjoviżiva li tinkludi l-iffissar ta’ xogħol ċinematorgrafiku jew awdjoviżiv li fiha huwa ppubblikat fonogamm għal finijiet kummerċjali, għandha l-obbligu tal-ħlas uniku u ekwu previst fl-Artikolu 8(2) ta’ dawn id-direttivi?”

    Fuq id-domandi preliminari

    24

    Għandu jiġi osservat, qabelxejn, li huwa paċifiku, fil-kawża prinċipali, li fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali, jew riproduzzjonijiet ta’ dawn il-fonogrammi, ġew inkorporati fir-reġistrazzjonijiet awdjoviżivi li jinkludu l-fissazzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, peress li dawn ir-reġistrazzjonijiet awdjoviżivi kienu sussegwentement is-suġġett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni li Atresmedia hija l-proprjetarja tagħhom.

    25

    F’dan ir-rigward, id-domanda tal-qorti tar-rinviju ma tirrigwardax ir-riproduzzjoni ta’ tali fonogrammi meta jiġu inkorporati fl-imsemmija reġistrazzjonijiet awdjoviżivi. Fil-fatt, din il-qorti tippreċiża li tali inkorporazzjoni saret bl-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati u bħala korrispettiv għal ħlas mogħti lil dawn tal-aħħar skont l-arranġamenti kuntrattwali applikabbli.

    26

    Madankollu, l-imsemmija qorti tixtieq tkun taf jekk l-artisti tal-ispettaklu u l-produtturi ta’ fonogrammi kkonċernati għandhomx jirċievu l-ħlas ekwu u uniku previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 u fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, meta tali reġistrazzjonijiet awdjoviżivi sussegwentement ikunu s-suġġett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ħlas ekwu u uniku, imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitħallas mill-utent meta jwettaq komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ reġistrazzjoni awdjoviżiva li tinkludi l-fissazzjoni ta’ xogħol awdjoviżiv li fiha tkun ġiet inkorporata fonogramma jew riproduzzjoni ta’ din il-fonogramma.

    28

    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, l-Istati Membri għandhom jipprevedu dritt sabiex jiżguraw li ħlas ekwu u uniku jitħallas mill-utent meta fonogramma ppubblikata għal finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ din il-fonogramma, tintuża għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku.

    29

    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tfakkar, dan il-ħlas jirrappreżenta l-korrispettiv tal-użu ta’ fonogramma kummerċjali waqt tali xandir jew komunikazzjoni lill-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2003, SENA, C‑245/00, EU:C:2003:68, punt 37, u tal‑14 ta’ Lulju 2005, Lagardère Active Broadcast, C‑192/04, EU:C:2005:475, punt 50).

    30

    Dawn id-dispożizzjonijiet b’hekk jagħtu lill-persuni koperti minnhom dritt ta’ natura kumpensatorja, li l-element li jagħti lok għalih huwa x-xandir jew il-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-interpretazzjoni jew tal-eżekuzzjoni tax-xogħol iffissat fuq fonogramma ppubblikata għal finijiet kummerċjali, jew fuq riproduzzjoni ta’ tali fonogramma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers, C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat jekk reġistrazzjoni awdjoviżiva li tinkludi l-fissazzjoni ta’ xogħol awdjoviżiv, bħal dik imsemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, għandhiex tiġi kklassifikata bħala “fonogramma” jew bħala “riproduzzjoni ta’ din il-fonogramma”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 jew tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

    32

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li la d-Direttivi 92/100 u 2006/115 u lanqas id-direttivi l-oħra tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “fonogramma” jew ma jinkludu riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dan il-kunċett.

    33

    Skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-kuntest li tinsab fih, u b’mod partikolari l-oriġini tagħha kif ukoll id-dritt internazzjonali, kif ukoll l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers, C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/100 u tad-Direttiva 2006/115 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari tad-dritt konvenzjonali li dawn l-istrumenti huma intiżi preċiżament li jimplimentaw, kif huwa espressament imfakkar fl-għaxar premessa tad-Direttiva 92/100 u fil-premessa 7 tad-Direttiva 2006/115 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers, C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar id-dritt ta’ kiri u ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati [COM (90) 586 final], li ppreċediet l-adozzjoni tad-Direttiva 92/100, jirriżulta li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, kien hemm lok, fir-rigward taċ-ċirkustanza li t-termini użati fl-imsemmija direttiva kienu fundamentali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati u li t-tifsira tagħhom kienet diġà ġiet armonizzata b’mod wiesa’ permezz tad-dritt konvenzjonali, li jsir riferiment għall-kunċetti li jinsabu b’mod partikolari fil-Konvenzjoni ta’ Ruma.

    36

    Ċertament, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma jagħmlux parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, peress li l-Unjoni ma hijiex parti għall-imsemmija konvenzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tfakkar li l-Konvenzjoni ta’ Ruma tipproduċi effetti indiretti fi ħdan l-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 4250).

    37

    Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-kunċett ta’ “fonogramma” huwa ddefinit bħala kull fissazzjoni “esklużivament akustika” tal-ħsejjes li joħorġu minn eżekuzzjoni jew minn ħsejjes oħra. Minn dan isegwi li fissazzjoni ta’ immaġnijiet u ta’ ħsejjes ma tistax taqa’ taħt dan il-kunċett, peress li tali fissazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala “esklużivament akustika”.

    38

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “fonogramma”, li jinsab fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, li ssostitwixxa mingħajr emenda l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100, għandu jiġi interpretat b’osservanza tal-kunċett ekwivalenti inkluż fil-WPPT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 58, u tat‑8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers, C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 62), peress li d-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għalhekk huma applikabbli għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 3839).

    39

    Issa, skont l-Artikolu 2(b) tal-WPPT, “fonogramma” tfisser “il-fissazzjoni ta’ ħsejjes ta’ interpretazzjoni jew ta’ eżekuzzjoni jew ta’ ħsejjes oħra, jew ta’ rappreżentazzjoni ta’ ħsejjes, li ma hijiex fil-forma ta’ fissazzjoni inkorporata f’xogħol ċinematografiku jew f’xogħol awdjoviżiv ieħor”.

    40

    F’dan ir-rigward, mill-“Gwida għat-Trattati dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati Amministrati mill-WIPO”, dokument interpretattiv imħejji mill-WIPO li, mingħajr ma għandu saħħa legali vinkolanti, jikkontribwixxi madankollu għall-interpretazzjoni tal-WPPT (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Gwida tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat‑28 ta’ Settembru 1979, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 201 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), jirriżulta li l-WPPT aġġorna id-definizzjoni ta’ “fonogramma” imsemmija fl-Artikolu 3(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, b’mod partikolari “bl-effett li, fil-każ li fissazzjoni awdjoviżiva ma jkollhiex l-istatus ta’ xogħol, fisssazzjoni ta’ ħsejjes, jew ta’ rappreżentazzjoni ta’ ħsejjes, inkorporata f’tali fissazzjoni awdjoviżiva għandha titqies bħala ‘fonogramma’”, liema fatt l-Avukat Ġenerali fakkar ukoll essenzjalment fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu.

    41

    Għaldaqstant, għandu jitqies li kemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(b) tal-WPPT kif ukoll id-dokument imsemmi fil-punt preċedenti jeskludu li fissazzjoni ta’ ħsejjes inkorporata f’xogħol ċinematografiku jew f’xogħol awdjoviżiv ieħor taqa’ taħt il-kunċett ta’ “fonogramma”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    42

    Huwa minnu li, kif enfasizzaw l-AGEDI u AIE kif ukoll il-Gvern Spanjol, id-dikjarazzjoni komuni dwar l-Artikolu 2(b) tal-WPPT adottata mill-Konferenza Diplomatika dwar Ċerti Kwistjonijiet tad-Drittijiet tal-Awtur u tad-Drittijiet Relatati tal‑20 ta’ Diċembru 1996, li tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 31(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, element essenzjali għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, tippreċiża li “id-definizzjoni ta’ fonogramma li tinsab fl-Artikolu 2.b) ma timplikax li l-inkorporazzjoni f’xogħol ċinematografiku jew f’xogħol awdjoviżiv ieħor għandha xi effett fuq id-drittijiet fuq il-fonogramma”.

    43

    Madankollu, din id-dikjarazzjoni komuni ma tistax tqiegħed inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

    44

    Fil-fatt, mill-imsemmija dikjarazzjoni komuni jista’ jiġi dedott li fonogramma inkorporata f’xogħol ċinematografiku jew f’xogħol awdjoviżiv ieħor titlef il-kwalità tagħha ta’ “fonogramma” peress li tagħmel parti minn tali xogħol, mingħajr madankollu ma dan il-fatt ikollu xi effett fuq id-drittijiet fuq din il-fonogramma fil-każ li din tintuża indipendentement mix-xogħol inkwistjoni.

    45

    Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mid-dokument imsemmi fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li minnu jirriżulta li din l-istess dikjarazzjoni komuni hija intiża li tispjega li “l-fonogrammi jistgħu jintużaw f’[xogħol ċinematografiku jew f’xogħol awdjoviżiv ieħor] biss permezz tal-konklużjoni ta’ arranġamenti kuntrattwali xierqa, li jieħdu debitament inkunsiderazzjoni d-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi previsti fil-[WPPT]. Jekk dawn jintużaw mill-ġdid b’mod indipendenti mix-xogħol awdjoviżiv, huma għandhom jitqiesu bħala fonogrammi”.

    46

    F’dan il-każ, minn naħa, diġà ġie osservat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza li l-inkorporazzjoni tal-fonogrammi inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’xogħlijiet awdjoviżivi twettqet bl-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati u bħala korrispettiv għal ħlas mogħti lil dawn tal-aħħar skont l-arranġamenti kuntrattwali applikabbli. Min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma huwa allegat li dawn il-fonogrammi huma użati mill-ġdid b’mod indipendenti mix-xogħol awdjoviżiv li fih ġew inkorporati.

    47

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li reġistrazzjoni awdjoviżiva li tinkludi l-fissazzjoni ta’ xogħol awdjoviżiv ma tistax tiġi kklassifikata bħala “fonogramma”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 jew tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

    48

    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “riproduzzjoni [ta’] fonogramma”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li ma huwiex iddefinit mill-imsemmija direttivi, li lanqas ma jinkludu riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiġi ddefinita l-portata tiegħu, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3(e) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għar-raġunijiet esposti fil-punti 34 sa 36 ta’ din is-sentenza, jiddefinixxi r- “riproduzzjoni” bħala “li tagħmel kopja jew kopji ta’ fissazzjoni”.

    49

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din id-definizzjoni tirreferi għall-att li jikkonsisti fit-twettiq ta’ riproduzzjoni tal-fissazzjoni inkwistjoni, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu.

    50

    Tali att, li huwa s-suġġett tad-dritt ta’ natura preventiva msemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, ma huwiex is-suġġett tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 u tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, li ma jipprevedux tali dritt ta’ natura preventiva, iżda dritt ta’ natura kumpensatorja, li l-element li jagħti lok għalih huwa, kif tfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-interpretazzjoni jew tal-eżekuzzjoni ta’ xogħol iffissat fuq fonogramma jew fuq riproduzzjoni tagħha, fejn tali riproduzzjoni għandha titqies, fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, bħala kopja tal-fonogramma li tirriżulta minn tali att ta’ riproduzzjoni.

    51

    Issa, peress li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 34 sa 41 ta’ din is-sentenza, reġistrazzjoni awdjoviżiva li tinkludi l-fissazzjoni ta’ xogħol awdjoviżiv ma tistax tiġi kklassifikata bħala “fonogramma”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 jew tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, tali reġistrazzjoni lanqas ma tista’, għall-istess raġunijiet, tikkostitwixxi kopja ta’ din il-fonogramma u, għaldaqstant, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “riproduzzjoni” tal-imsemmija fonogramma, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    52

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li reġistrazzjoni awdjoviżiva li tinkludi l-fissazzjoni ta’ xogħol awdjoviżiv ma tistax tiġi kklassifikata bħala “fonogramma” jew “riproduzzjoni ta’ din il-fonogramma”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 jew tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

    53

    Minn dan isegwi li l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ tali reġistrazzjoni ma tagħtix id-dritt għal ħlas previst f’dawn id-dispożizzjonijiet.

    54

    Għandu jingħad ukoll li tali interpretazzjoni ma tmurx kontra l-għanijiet tad-Direttiva 92/100 jew tad-Direttiva 2006/115, ippreċiżati rispettivament fis-seba’ premessa tad-Direttiva 92/100 u fil-premessa 5 tad-Direttiva 2006/115, li huma intiżi li jiżguraw il-kontinwità tax-xogħol kreattiv u artistiku tal-awturi u tal-artisti tal-ispettaklu, billi jipprevedu protezzjoni legali armonizzata li tiggarantixxi l-possibbiltà li jiġi rċevut dħul adegwat u li jiġu rkuprati l-investimenti, u b’hekk li jippermettu li jintlaħaq bilanċ adegwat bejn l-interessi tal-artisti tal-ispettaklu u l-produtturi ta’ fonogrammi li jirċievu ħlas abbażi tax-xandir ta’ fonogramma speċifika u l-interess ta’ terzi li jkunu jistgħu jxandru din il-fonogramma jew jikkomunikawha lill-pubbliku f’kundizzjonijiet raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, SENA, C‑245/00, EU:C:2003:68, punt 36).

    55

    Fil-fatt, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn l-għanijiet għandhom jintlaħqu bil-konklużjoni, meta l-fonogrammi jew ir-riproduzzjonijiet ta’ dawn il-fonogrammi jiġu inkorporati fix-xogħlijiet awdjoviżivi kkonċernati, ta’ arranġamenti kuntrattwali xierqa bejn id-detenturi tad-drittijiet fuq il-fonogrammi u l-produtturi ta’ tali xogħlijiet, b’tali mod li l-ħlas tad-drittijiet relatati fuq il-fonogrammi fl-okkażjoni ta’ tali inkorporazzjoni ssir permezz ta’ tali arranġamenti kuntrattwali.

    56

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħlas ekwu u uniku, imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet, ma għandux jitħallas mill-utent meta jwettaq komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ reġistrazzjoni awdjoviżiva li tinkludi l-fissazzjoni ta’ xogħol awdjoviżiv li fiha tkun ġiet inkorporata fonogramma jew riproduzzjoni ta’ din il-fonogramma.

    Fuq l-ispejjeż

    57

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE tad‑19 ta’ Novembru 1992 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħlas ekwu u uniku, imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet, ma għandux jitħallas mill-utent meta jwettaq komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ reġistrazzjoni awdjoviżiva li tinkludi l-fissazzjoni ta’ xogħol awdjoviżiv li fiha tkun ġiet inkorporata fonogramma jew riproduzzjoni ta’ din il-fonogramma.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top