EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0115

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2020.
China Construction Bank Corp. vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Oppożizzjoni – Artikolu 8(1)(b) – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt – Evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti.
Kawża C-115/19 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:469

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

11 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Oppożizzjoni – Artikolu 8(1)(b) – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt – Evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti”

Fil-Kawża C‑115/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑14 ta’ Frar 2019

China Construction Bank Corp., stabbilit f’Bejing (iċ-Ċina), irrappreżentat minn A. Carboni u J. Gibbs, solicitors,

rikorrent,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Ivanauskas u D. Botis, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Groupement des cartes bancaires, stabbilit f’Pariġi (Franza), irrappreżentat minn C. Herissay-Ducamp, avukat,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, China Construction Bank Corp. (iktar ’il quddiem “CCB”) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Diċembru 2018, China Construction Bank vs EUIPO – Groupement des cartes bancaires (CCB) (T‑665/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:879), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑14 ta’ Ġunju 2017 (Każ R 2265/2016‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn il-Groupement des cartes bancaires u CCB (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1), ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21, u rettifiki fil-ĠU 2016, L 71, p. 322; ĠU 2016, L 110, p. 4; ĠU 2016, L 267, p. 1), li daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 2016. Sussegwentement, dan tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2017, bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti fl-oriġini tal-kawża, dan l-appell għandu jiġi eżaminat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009.

3

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009 kien jipprovdi:

“1.   Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[…]

b)

jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

[…]

5.   Barra minn hekk, malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti […], it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trade mark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni [fl-Unjoni] u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

4

Fl‑14 ta’ Ottubru 2014, CCB talab lill-EUIPO sabiex jirreġistra s-sinjal li ġej bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea:

Image

5

Is-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-Klassi 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal‑15 ta’ Ġunju 1957 kif irrevedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”, u jikkorrispondu mad-deskrizzjoni li ġejja: “Servizzi bankarji; evalwazzjoni finanzjarja [assigurazzjoni, operazzjonijiet bankarji, proprjetà immobbli]; servizzi ta’ finanzjar u finanzjament; servizzi ta’ kards; depożiti ta’ oġġetti ta’ valur; stima ta’ oġġetti antiki; sensarija; servizzi ta’ garanzija; kuraziji”.

6

Fis‑7 ta’ Mejju 2015, il-Groupement des cartes bancaires għamel oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi kollha msemmija fil-punt preċedenti. Din l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq drittijiet preċedenti, fosthom it-trade mark tal-Unjoni Ewropea sussegwenti, li ġiet irreġistrata fit‑12 ta’ Novembru 1999:

Image

7

Din it-trade mark hija b’mod partikolari rreġistrata għas-servizzi li ġejjin, li jaqgħu taħt il-Klassi 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice: “Assigurazzjonijiet u finanzi, jiġifieri: servizzi ta’ assigurazzjoni, entità; ħruġ ta’ ċekkijiet tal-vjaġġaturi u ta’ ittri tal-kreditu; servizzi bankarji [finanzjarji], affarijiet monetarji, servizzi bankarji; […] ġestjoni ta’ flussi bankarji u monetarji b’mezzi elettroniċi; […] ħruġ u servizzi ta’ kards imħallsin minn qabel, kards tal-ħlas, ta’ kreditu, ta’ kontanti […]; servizzi ta’ ħlas b’mezz elettroniku […]; servizzi ta’ transazzjonijiet finanzjarji lil detenturi ta’ kards permezz ta’ ATMs; servizzi ta’ awtentikazzjoni u ta’ verifikazzjoni […]; informazzjoni finanzjarja permezz ta’ kwalunkwe mezz ta’ telekomunikazzjoni”.

8

Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

9

Fl‑4 ta’ Ottubru 2016, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO laqgħet l-oppożizzjoni għall-motiv li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Hija ma eżaminatx il-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament.

10

CCB appella, li ġie miċħud bid-deċiżjoni kontenzjuża.

11

F’din id-deċiżjoni, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO qies li l-pubbliku rilevanti huwa kompost parzjalment minn professjonisti u parzjalment minn konsumaturi finali jew mill-pubbliku inġenerali, li l-livell ta’ attenzjoni tagħhom huwa għoli.

12

Fir-rigward tat-territorju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, huwa espona li dan it-territorju jestendi għall-Unjoni kollha, filwaqt li fakkar li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’parti mill-Unjoni hija biżżejjed sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

13

Sussegwentement, huwa qies li, minħabba l-użu tat-trade mark preċedenti, il-pubbliku Franċiż rilevanti jidentifika din it-trade mark bħala li tagħmel riferiment għall-kards “CB”. Kien diġà ġie stabbilit, fid-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tas‑27 ta’ Awwissu 2014 fil-Każ R 944/2013‑4, dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn il-Groupement des cartes bancaires u CCB dwar is-sinjal verbali CCB li kienet saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, li t-trade mark verbali CB tgawdi minn reputazzjoni fi Franza għal servizzi li jaqgħu taħt il-Klassi 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice. Il-provi ppreżentati mill-Groupement des cartes bancaires f’din il-kawża jikkorroboraw li din ir-reputazzjoni nżammet.

14

Għal dak li jirrigwarda l-paragun tas-sinjali f’kunflitt, l-ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fi Franza, qies li din it-trade mark hija, minkejja l-karattru stilistiku ħafna tagħha, ipperċepita bħala li hija l-grupp ta’ ittri “CB”. Fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, l-element figurattiv tagħha huwa biss aċċessorju għall-element dominanti, ikkostitwit mill-grupp ta’ ittri “CCB”.

15

Konsegwentement, hemm ċertu xebh viżiv bejn is-sinjali f’kunflitt. Barra minn hekk, fuq il-livell fonetiku, dawn is-sinjali huma simili f’livell ogħla mill-medju. Min-naħa l-oħra, fuq il-livel kunċettwali, ma huwiex possibbli li jsir paragun.

16

L-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO qies li, fid-dawl tal-identiċità tas-servizzi koperti mis-sinjali f’kunflitt, tax-xebh ta’ dawn is-sinjali u tar-reputazzjoni trade mark preċedenti fi Franza, id-differenzi bejn is-sinjali f’kunflitt u l-livell ta’ attenzjoni ogħla mill-medju tal-pubbliku rilevanti ma humiex suffiċjenti sabiex titneħħa l-probabbiltà ta’ konfużjoni.

17

Huwa żied li l-fatt li ċerti servizzi ta’ CCB, koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, ma jintużawx regolarment mill-konsumaturi jżid il-possibbiltà li dawn il-konsumaturi, anki dawk li juru livell għoli ta’ attenzjoni, jieħdu żball minħabba l-memorja impreċiża tagħhom tal-konfigurazzjoni tas-sinjali f’kunflitt.

18

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO qies li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fi Franza u li, konsegwentement, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ta’ dan l-uffiċju kienet iddeċidiet ġustament li tilqa’ l-oppożizzjoni.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

19

Fis‑27 ta’ Settembru 2017, CCB ippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

20

B’mod partikolari huwa qajjem motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Permezz ta’ dan il-motiv, CCB ikkontesta l-evalwazzjoni mill-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tan-natura distintiva tat-trade mark preċedenti, l-evalwazzjoni tiegħu tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt u l-evalwazzjoni globali tiegħu tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

21

Fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, CCB ikkritika b’mod partikolari lill-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO talli ma identifikax debitament is-servizzi li fil-konfront tagħhom huwa qies li din it-trade mark kellha reputazzjoni. Skont CCB, il-provi prodotti mill-Groupement des cartes bancaires ma kinux jippermettu li tiġi stabbilita r-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark għas-servizzi kollha koperti minnha.

22

F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt, CCB argumenta, b’mod partikolari, li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO kien, f’din l-evalwazzjoni, ħa inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Fid-deċiżjoni kontenzjuża, din it-trade mark ġiet analizzata bħallikieku kienet trade mark verbali. Bl-istess mod, is-sinjal li qiegħda ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark ġie analizzat abbażi tal-element verbali tiegħu mingħajr ma ttieħed inkunsiderazzjoni l-element figurattiv tiegħu.

23

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala infondat.

It-talbiet tal-partijiet fl-appell

24

CCB jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi l-kawża jew, sussidjarjament, tibgħatha lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-EUIPO u lil kull parti intervenjenti għall-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti minn CCB fil-kuntest ta’ din il-proċedura u fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza.

25

L-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lil CCB għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

L-argumenti tal-partijiet

26

CCB iqajjem tliet aggravji insostenn tal-appell tiegħu.

27

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u li għalhekk kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

28

Dan l-aggravju jinkludi erba’ partijiet.

29

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni, fil-parti tal-eżami tagħha li tikkonsisti fl-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt, tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, u billi reġgħet ħadet inkunsiderazzjoni ta’ din ir-reputazzjoni fl-evalwazzjoni globabli tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Għalhekk hija għoddiet il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti darbtejn.

30

CCB tenfasizza li l-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt tikkostitwixxi analiżi awtonoma. Huwa biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li l-livell ta’ karattru distintiv tat-trade mark preċedenti għandu rwol, bħal-livell ta’ xebh tas-sinjali f’kunflitt u tal-livell ta’ xebh tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni.

31

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma fehmitx in-natura figurattiva tas-sinjali f’kunflitt. Hija analizzat dawn is-sinjali bħallikieku kienu sinjali verbali, u b’dan il-mod injorat il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 skont liema l-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġġenerata minn dawn is-sinjali fit-totalità tagħhom, li evidentement tinkludi l-elementi figurattivi tagħhom.

32

Billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni tan-natura figurattiva tas-sinjali f’kunflitt, il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, ibbilanċjat b’mod żbaljat il-paragun viżiv u l-paragun fonetiku ta’ dawn is-sinjali. Peress li s-sinjali inkwistjoni jinkludu l-logo tal-impriżi rispettivi u li logo huwa min-natura tiegħu intiż sabiex iservi bħala indikazzjoni viżiva, il-Qorti Ġenerali kien imissha tat importanza ikbar għall-paragun viżiv. Hija tat wisq importanza għall-paragun fonetiku.

33

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji fid-determinazzjoni tas-servizzi li għalihom hija qieset li t-trade mark preċedenti kienet tgawdi minn reputazzjoni u kellha, għaldaqstant, karattru distintiv għoli. Il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali skont liema l-karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti jistendi għas-“servizzi finanzjarji, [għas]-servizzi monetarji u [għas]-servizzi bankarji” la hija sostnuta bi provi u lanqas immotivata. Il-Qorti Ġenerali bbażat din il-konstatazzjoni fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, minkejja li din ir-reputazzjoni kienet ġiet stabbilita biss għal numru ristrett ta’ servizzi koperti minn din it-trade mark. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata mingħajr ambigwità li l-Ewwel Bord tal-Appel tal-EUIPO ma kellux jibbaża d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell ta’ dan l-uffiċċju fuq il-Każ R 944/2013‑4, li kienet dwar it-trade marks verbali tal-impriżi inkwistjoni u kellha għalhekk suġġett differenti minn dak ta’ din il-kawża.

34

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

35

Fil-fatt, diversi fatturi rilevanti ma ttiħdux inkunsiderazzjoni. Għalhekk, il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti huwa għoli kien imissu, skont CCB, ġie inkluż fl-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, peress li tali ċirkustanza tagħmilha inqas probabbli li l-pubbliku jkollu memorja imperfetta tas-sinjali f’kunflitt u li jasal li jfixkel l-oriġini tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u dik tas-servizzi indikati mit-trade mark preċedenti. Issa, minflok ħadet inkunsiderazzjoni ta’ dan il-fatt, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq kunsiderazzjoni ġenerali skont liema l-pubbliku rilevanti għandu memorja imperfetta tas-sinjali f’kunflitt.

36

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, dwar ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, applikabbli għall-Qorti Ġenerali permezz tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut.

37

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali naqset milli timmotiva l-konstatazzjoni tagħha skont liema t-trade mark preċedenti tgawdi minn reputazzjoni u għandha għalhekk karattru distintiv għoli għas-servizzi finanzjarji, għas-servizzi monetarji u għas-servizzi bankarji. Hija ma pprovdiet ebda spjegazzjoni fuq il-kwistjoni dwar kif il-provi ta’ użu tat-trade mark preċedenti, li kienu marbuta speċifikament mal-kards tal-ħlas, setgħu jiġġustifikaw konklużjoni daqshekk ġenerali.

38

Permezz tat-tielet aggravju, li CCB iqajjem b’mod sussidjarju, huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-fatti u l-provi, l-ewwel nett, billi ma fehmitx il-karattru figurattiv tas-sinjali f’kunflitt, it-tieni, bili bbażat ruħha fuq id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO fil-Każ R 944/2013‑4 u, it-tielet, billi tat lit-trade mark preċedenti karattru distintiv għoli għas-servizzi finanzjarji, monetarji u bankarji.

39

Skont l-EUIPO, l-appell għandu jiġi miċħud.

40

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, huwa josserva li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO u l-Qorti Ġenerali eżaminaw ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark preċedenti u li huma validament qiesu li, minkejja l-istilizzar ta’ din it-trade mark, il-pubbliku rilevanti fi Franza jipperċepixxiha bħala li hija l-akronimu “CB”.

41

Ir-riferiment għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt sar biss b’mod sussidjarju. Anki jekk din ir-reputazzjoni kienet ġiet kompletament injorata fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-kunsiderazzjoni dwar il-perċezzjoni tat-trade mark preċedenti mill-pubbliku rilevanti għadha dik indikata mill-Qorti Ġenerali.

42

Barra minn hekk, l-EUIPO jqis li l-Bord tal-Appell u l-Qorti Ġenerali setgħu jieħdu inkunsiderazzjoni tal-imsemmija reputazzjoni. Huwa josserva li l-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt ma tistax issir abbażi biss tar-rappreżentazzjoni grafika ta’ dawn is-sinjali. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-paragun tal-imsemmija sinjali għandu jkun ibbażat fuq il-perċezzjoni tal-pubbliku. Għaldaqstant, kull element li jista’ jinfluwenza din il-perċezzjoni, bħar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, huwa rilevanti għal dan il-paragun.

43

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-EUIPO jargumenta li l-maġġoranza tal-argumenti ta’ CCB dwar il-paragun tas-sinjali f’kunflitt jirrigwardaw il-fatti u, għaldaqstant, huma inammissibbli.

44

Barra minn hekk, huwa josserva li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata ġustament li l-istilizzar tat-trade mark preċedenti ma jiġbidx tant attenzjoni li jipprekludi lill-pubbliku rilevanti milli jikkonċentra l-attenzjoni tiegħu fuq il-grupp ta’ ittri “CB”. Għaldaqstant CCB huwa żbaljat meta jikkritika lill-Qorti Ġenerali li analizzat is-sinjali f’kunflitt bħallikieku kienu sinjali verbali.

45

It-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha, skont l-EUIPO, tiġi miċħuda bħala inammissibbli, peress li din tirrigwarda l-fatti.

46

L-argumenti ppreżentati minn CCB fil-kuntest ta’ din il-parti huma, fi kwalunkwe każ, infondati.

47

Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-servizzi meħuda inkunsiderazzjoni, l-EUIPO jqis li ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit karattru distintiv għoli fir-rigward tal-elementi speċifiċi kollha ta’ kategorija wiesgħa ta’ prodotti jew ta’ servizzi li t-trade mark inkwistjoni tindika.

48

Għal dak li jirrigwarda r-raba’ parti tal-ewwel aggravju, l-EUIPO jargumenta li l-livell ta’ attenzjoni għoli tal-pubbliku rilevanti ma jeskludix li l-pubbliku rilevanti jkollu memorja imperfetta tas-sinjali f’kunflitt.

49

It-tieni aggravju għandu, skont l-EUIPO, jiġi miċħud ukoll.

50

Il-Qorti Ġenerali debitament spjegat iċ-ċaħda tagħha tal-argumenti ta’ CCB skont liema ma kienx intwera li t-trade mark preċedenti kienet tgawdi minn karattru distintiv għoli għas-servizzi finanzjarji, monetarji u bankarji.

51

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali esponiet li l-konstatazzjoni magħmula mill-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti kien suffiċjentement sostnut bil-provi ppreżentati fil-każ. Minn dan isegwi li b’mod partikolari ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk dan il-bord tal-appell kienx għamel riferiment ġust għad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell ta’ dan l-uffiċċju fil-każ R 944/2013‑4. Fil-fatt, tali eżami ma setax jaffettwa l-konstatazzjoni tal-karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti.

52

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda t-tielet aggravju, l-EUIPO jqis li CCB naqas milli jippreċiża l-fatti u l-provi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u li huwa lanqas ma indika l-partijiet speċifiċi tas-sentenza appellata li tali żnaturament jirriżulta manifestament minnha.

53

Dan l-aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, infondat. Kuntrarjament għal dak li jargumenta CCB, il-Qorti Ġenerali ma injoratx il-karattru figurattiv tas-sinjali f’kunflitt; hija għamlet riferiment għad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO fil-Każ R 944/2013‑4 b’mod sussidjarju biss u ġustament qieset li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv għoli għas-servizzi kkonċernati kollha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti individwali, il-probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, tinftiehem bħala l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi koperti minn din it-trade mark u dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, skont il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament. L-eżistenza ta’ tali probabbiltà għandha tiġi evalwata globalment, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs EUIPO, C‑766/18 P, EU:C:2020:170, punti 6367 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

Dawn il-fatturi jinkludu b’mod partikolari l-livell ta’ xebh bejn is-sinjali f’kunflitt u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti inkwistjoni kif ukoll l-intensità tar-reputazzjoni u l-livell ta’ karattru distintiv, intrinsiku jew miksub permezz tal-użu, tat-trade mark preċedenti (sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI, C‑552/09 P, EU:C:2011:177, punt 64, u tal‑4 ta’ Marzu 2020, EUIPO vs Equivalenza Manufactory, C‑328/18 P, EU:C:2020:156, punt 57).

56

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li permezz tagħha CCB jikkritika lill-Qorti Ġenerali li inkludiet b’mod żbaljat ir-reputazzjoni u, għaldaqstant, il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti fl-evalwazzjoni tagħha tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt, għandu jitfakkar li l-eżami tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt jikkostitwixxi paragun viżiv, fonetiku u kunċettwali, ibbażat fuq l-impressjoni globali li dawn is-sinjali jħallu, fid-dawl tal-kwalitajiet intrinsiċi tagħhom, fil-memorja tal-pubbliku rilevanti (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, EUIPO vs Equivalenza Manufactory, C‑328/18 P, EU:C:2020:156, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jirrigwarda l-kapaċità ta’ din it-trade mark li tidentifika l-prodotti jew is-servizzi li ġiet irreġistrata għalihom bħala li joriġinaw minn impriża partikolari u għaldaqstant li tiddistingwi dawn il-prodotti jew servizzi minn dawk ta’ impriżi oħrajn (ara, fir-rigward tal-karattru distintiv ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Birkenstock Sales vs EUIPO, C‑26/17 P, EU:C:2018:714, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-reputazzjoni, għandu jitfakkar li trade mark tgawdi minn reputazzjoni meta hija magħrufa, f’parti sostantiva tat-territorju rilevanti, minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew mis-servizzi koperti. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sehem mis-suq li għandha t-trade mark, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta’ żmien tal-użu tagħha, kif ukoll l-ammont tal-investimenti li saru mill-impriża sabiex tippromwoviha (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, EUIPO vs Puma, C‑564/16 P, EU:C:2018:509, punti 5556 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għaldaqstant, kuntrarjament għall-fattur tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt, dak tar-reputazzjoni u tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti ma jimplikax paragun bejn diversi sinjali, iżda jikkonċerna biss sinjal wieħed, jiġifieri dak li l-opponent irreġistra bħala trade mark. Peress li dawn iż-żewġ fatturi għandhom għalhekk portata fundamentalment differenti, l-eżami ta’ wieħed minnhom ma jippermettix li jinsiltu konklużjonijiet dwar l-ieħor. Anki fl-ipoteżi li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv għoli minħabba r-reputazzjoni tagħha, din iċ-ċirkustanza ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk u, fl-affermattiv, sa liema livell, din it-trade mark hijiex viżivament, fonetikament u kunċettwalment simili għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

59

Konsegwentement, huwa legalment żbaljat li x-xebh tas-sinjali f’kunflitt jiġi evalwat skont ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

60

F’dan il-każ, fil-parti tal-motivi tas-sentenza appellata dwar ix-xebh tas-sinjali f’kunflitt, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 52 u 53 ta’ dik is-sentenza, li r-reputazzjoni u l-karattru distintiv għoli ta’ trade mark jistgħu jkunu rilevanti sabiex jiġi identifikat l-element dominanti fl-impressjoni globali prodotta minnha. Fil-punt 54 tal-imsemmija sentenza, hija ddeduċiet minn dan li, fid-dawl tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO seta’ jqis li l-pubbliku rilevanti kien jipperċepixxi din it-trade mark bħala l-element verbali kkostitwit mill-inizjali CB. Hija kkonkludiet, fil-punt 58 tal-istess sentenza, li dan il-bord tal-appell ġustament ħa inkunsiderazzjoni prinċipalment ta’ dan il-komponent tat-trade mark preċedenti meta huwa wettaq il-paragun tas-sinjali f’kunflitt.

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-identifikazzjoni tal-element dominanti ta’ sinjal tista’ tirriżulta rilevanti sabiex jitwettaq il-paragun tas-sinjali f’kunflitt (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, BGW, C‑20/14, EU:C:2015:714, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), madankollu ma jsegwix li r-reputazzjoni u l-livell tal-karattru distintiv ta’ dan is-sinjal, li jikkonċernawh fit-totalità tiegħu, jippermettu li jiġi ddeterminat liema komponent tal-imsemmi sinjal huwa dominanti fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti.

62

Għall-kuntrarju, ir-Regolament Nru 207/2009 ma jistax jinftiehem fis-sens li r-reputazzjoni jew il-karattru distintiv għoli ta’ trade mark jistgħu jwasslu għall-konstatazzjoni li wieħed mill-elementi li jiffurmawha jipprevali fuq wieħed mill-elementi l-oħrajn tagħha għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt.

63

Fil-punt 52 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali affermat li r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti setgħet “[tinfluwenza] kif jitqiesu l-konnessjonijiet bejn id-diversi elementi” ta’ din it-trade mark. Issa, ir-reputazzjoni ta’ trade mark verbali stilistika ħafna, bħat-trade mark preċedenti inkwistjoni, hija bbażata preċiżament fuq għarfien, minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti, tal-elementi kollha, kemm verbali kif ukoll figurattivi, li jiffurmaw din it-trade mark.

64

Minn dan isegwi li, billi qieset li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO kien fondat li jiddeduċi mir-reputazzjoni u mill-karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti li din ser tkun ipperċepita bħala li hija l-element verbali CB, li dan l-element verbali għalhekk kien dominanti u li, min-naħa tiegħu, kellu jiddomina l-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali f’kunflitt, il-Qorti Ġenerali wettqet l-iżball ta’ liġi deskritt fil-punt 59 ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija fondata.

65

Peress li r-reputazzjoni u l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, barra minn hekk, ġew eżaminati fil-punti 38 sa 48 tas-sentenza appellata u sussegwentement inklużi, fil-punt 67 ta’ dik is-sentenza, fl-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk din il-parti tal-eżami mwettaq mill-Qorti Ġenerali hijiex, bħalma jsostni CCB fit-tieni aggravju tiegħu, nieqsa minn motivazzjoni suffiċjenti.

66

B’mod iktar partikolari, CCB jikkritika lill-Qorti Ġenerali li, b’risposta għall-argumenti tiegħu mqassra fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, ikkonstatat, mingħajr ma mmotivat din il-konstatazzjoni b’mod suffiċjenti, li t-trade mark preċedenti kienet tgawdi minn reputazzjoni u kellha għalhekk karattru distintiv għoli, b’mod ġenerali, għas-“servizzi finanzjarji, [għas]-servizzi monetarji u [għas]-servizzi bankarji”.

67

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2016, Klement vs EUIPO, C‑642/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:918, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, EUIPO vs Equivalenza Manufactory, C‑328/18 P, EU:C:2020:156, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Fil-punti 39 sa 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esponiet, b’mod immotivat sew, li l-evalwazzjoni inkluża fid-deċiżjoni kontenzjuża dwar ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti setgħet tiġi assimilata ma’ konstatazzjoni, mill-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-eżistenza ta’ karattru distintiv għoli ta’ din it-trade mark.

69

Sussegwentement, hija stipulat b’mod ċar, fil-punt 44 ta’ dik is-sentenza, li CCB, filwaqt li ma kkontestax l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti għal ċerti servizzi, argumenta li tali reputazzjoni ma setgħetx tiġi kkonstatata għas-servizzi kollha koperti minn din it-trade mark. Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 45 tal-imsemmija sentenza, li ma kienx hemm lok, sabiex tingħata tweġiba għal dan l-argument ta’ CCB, li jiġi eżaminat jekk l-evalwazzjoni essenzjalment inkluża fid-deċiżjoni kontenzjuża, skont liema t-trade mark preċedenti kienet tgawdi minn reputazzjoni għall-kategorija ġenerali tas-“servizzi finanzjarji, tas-servizzi monetarji u tas-servizzi bankarji” kinitx iġġustifikata.

70

Fil-punt 46 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li din l-evalwazzjoni kienet debitament iġġustifikata mill-punti 22 sa 24 tad-deċiżjoni kontenzjuża, peress li d-data inkluża f’dawn il-punti kienet turi l-importanza u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fis-sistema ta’ pagament Franċiża u fl-iżvilupp tat-tranżazzjonijiet b’kards ta’ kreditu fi Franza.

71

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li CCB jargumenta ġustament li l-importanza u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fis-sistema tat-tranżazzjonijiet b’kard ta’ kreditu jippermettu, ċertament, li jinftiehem għaliex il-Qorti Ġenerali qieset li din it-trade mark għandha karattru distintiv għoli għas-servizzi relatati mal-pagamenti b’kard ta’ kreditu, iżda bl-ebda mod ma tispjega għaliex it-trade mark preċedenti għandha, b’mod ġenerali, karattru distintiv għoli fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, monetarji u bankarji.

72

Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li l-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-prodotti jew is-servizzi koperti minnha u tal-perċezzjoni preżunta tas-setturi kkonċernati. Minn dan isegwi li l-livell ta’ dan il-karattru distintiv għandu jiġi ddeterminat abbażi, b’mod partikolari, tas-sehem mis-suq li għandha t-trade mark ikkonċernata, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta’ żmien tal-użu ta’ din it-trade mark, kif ukoll il-proporzjon tas-setturi kkonċernati li jidentifika l-prodotti jew is-servizzi bħala li ġejjin minn impriża partikolari permezz tal-imsemmija trade mark (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, EU:C:1999:323, punti 2223, kif ukoll tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Oberbank et, C‑217/13 u C‑218/13, EU:C:2014:2012, punti 3941).

73

Il-punt 46 tas-sentenza appellata jagħmel riferiment għal tali elementi, iżda dawn jirrigwardaw is-sehem tas-suq li għandha t-trade mark preċedenti u l-intensità tal-użu tagħha fi Franza għal dak li jirrigwarda, speċifikament, is-servizzi li jippermettu li jitwettqu tranżazzjonijiet b’kard ta’ kreditu.

74

Bħalma kkonstatat il-Qorti Ġenerali stess fil-punt 45 tas-sentenza appellata, kien hemm lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku, li jiġi eżaminat il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti għas-“servizzi finanzjarji”, “għas-servizzi monetarji” u “għas-servizzi bankarji”, peress li dawn is-servizzi jagħmlu parti minn dawk koperti mit-trade mark preċedenti u, barra minn hekk, essenzjalment, huma identiċi għal dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

75

Issa, sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx dan l-eżami. Fil-punt 46 tas-sentenza appellata, hija sempliċement għamlet riferiment għar-reputazzjoni li tgawdi minnha t-trade mark preċedenti fis-sottokategorija preċiża tas-servizzi li jippermettu li jitwettqu tranżazzjonijiet b’kards ta’ kreditu. Barra minn hekk, fil-punt 47 ta’ dik is-sentenza, hija sempliċement ċaħdet il-kritika ta’ CCB fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO fil-Każ R 944/2013‑4.

76

Għalhekk, jirriżulta li s-sentenza appellata hija nieqsa minn evalwazzjoni tar-reputazzjoni u tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti li ssir debitament fid-dawl tas-servizzi koperti minn din it-trade mark dwar “servizzi finanzjarji”, “servizzi monetarji” u “servizzi bankarji”, u din il-firxa iktar wiesgħa ta’ servizzi koperti mill-imsemmija trade mark hija madankollu dik, bħalma jirriżulta mill-punt 45 tas-sentenza appellata, skont liema kien hemm lok li jiġi evalwat jekk teżistix probabbiltà li l-pubbliku jkun jista’ jemmen b’mod żbaljat li s-servizzi offruti minn CCB taħt it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni joriġinaw mill-Groupement des cartes bancaires jew minn impriża relatata.

77

Minn dan isegwi li l-konklużjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 48 tas-sentenza appellata, skont liema l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti ġie evalwat b’mod korrett fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma huwiex immotivat biżżejjed. Dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni jivvizzja wkoll l-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 67 tas-sentenza appellata, liema punt 67 jagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-imsemmi punt 48. F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tieni aggravju għandu jintlaqa’.

78

Fid-dawl tal-iżball ta’ liġi kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju u tan-nuqqas ta’ motivazzjoni kkonstatata fil-kuntest tal-eżami tat-tieni aggravju, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati t-tieni sar-raba’ partijiet tal-ewwel aggravju jew it-tielet aggravju.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

79

Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

80

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex taqta’ definittivament it-tilwima.

81

Bħalma tfakkar fil-punti 55 u 72 ta’ din is-sentenza, il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa fattur rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn din it-trade mark u tal-perċezzjoni preżunta tas-setturi kkonċernati.

82

Fir-rigward ta’ dan il-fattur, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO, fil-punti 22 sa 25 tad-deċiżjoni kontenzjuża, sempliċement ikkonstata l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fi Franza fis-settur tas-servizzi li jippermettu li jitwettqu tranżazzjonijiet b’kards ta’ kreditu. Minkejja l-portata sostanzjalment usa’ tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO naqas milli jeżamina l-karattru distintiv ta’ din it-trade mark billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod iktar ġenerali, tas-servizzi koperti minnha.

83

Barra minn hekk, mill-punt 30 tad-deċiżjoni kontenzjuża jsegwi li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO bbaża ruħu fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti sabiex jevalwa x-xebh tas-sinjali f’kunflitt. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza, tali approċċ huwa żbaljat.

84

Minn dan isegwi li l-argumenti ta’ CCB ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-motiv tiegħu bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, skont liema l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO evalwa b’mod żbaljat ix-xebh tas-sinjali f’kunflitt u naqas milli jidentifika debitament is-servizzi li fir-rigward tagħhom kellu jiġi eżaminat il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, huma fondati. Peress li, konsegwentement, dan il-motiv għandu jintlaqa’, id-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata.

Fuq l-ispejjeż

85

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

86

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

87

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, intervenjent fl-ewwel istanza li ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż fil-proċedura ta’ appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

88

F’dan il-każ, il-Groupement des cartes bancaires, li kien parti intervenjenti fl-ewwel istanza, ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja kontroreplika sabiex iwieġeb, kemm għall-appell kif ukoll għar-replika ta’ CCB. Madankollu, din il-kontroreplika, li qabilha ma kienx hemm risposta min-naħa tal-Groupement des cartes bancaires, konformement mal-Artikolu 175 tar-Regoli tal-Proċedura, skont liema l-kontroreplika għandha l-għan li tikkompleta r-risposta, ġiet ikklassifikata bħala dokument mhux previst minn dawn ir-Regoli u, konsegwentement, ma tpoġġietx fil-proċess.

89

Minkejja li l-Groupement des cartes bancaires għandu, għaldaqstant, jitqies bħala li ma pparteċipax fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk ma jistax jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura ta’ appell, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ din il-parti, għandha tingħata deċiżjoni dwar l-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza. Fil-fatt, billi l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda taqta’ definittivament it-tilwima billi qiegħda tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors, hija għandha wkoll tagħti deċiżjoni fuq l-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza.

90

Peress li CCB rebaħ kemm fil-kuntest tal-appell kif ukoll fil-kuntest tar-rikors u peress li talab sabiex l-EUIPO u l-Groupement des cartes bancaires jiġu kkundannati għall-ispejjeż, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, l-EUIPO għandu jiġi kkundannat sabiex ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu fil-kuntest kemm ta’ dan l-appell kif ukoll tal-proċedura fl-ewwel istanza, għall-ispejjeż kollha sostnuti minn CCB fil-kuntest ta’ dan l-appell u għal nofs l-ispejjeż sostnuti minnu fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza. Il-Groupement des cartes bancaires għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti minn CCB fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Diċembru 2018, China Construction Bank vs EUIPO – Groupement des cartes bancaires (CCB) (T‑665/17, EU:T:2018:879), hija annullata.

 

2)

Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑14 ta’ Ġunju 2017 (Każ R 2265/2016‑1) hija annullata.

 

3)

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, l-ispejjeż sostnuti minn China Construction Bank Corp. fil-kuntest ta’ dan l-appell u nofs l-ispejjeż sostnuti minnu fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza.

 

4)

Il-Groupement des cartes bancaires għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, nofs l-ispejjeż sostnuti minn China Construction Bank Corp. fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top