This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CJ0095
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 24 February 2021.#Agenzia delle Dogane v Silcompa SpA.#Request for a preliminary ruling from the Corte suprema di cassazione.#Reference for a preliminary ruling – Directive 76/308/EEC – Articles 6 and 8 and Article 12(1) to (3) – Mutual assistance for the recovery of certain claims – Excise duty payable in two Member States for the same transactions – Directive 92/12/EC – Articles 6 and 20 – Release of products for consumption – Falsification of the accompanying administrative document – Offence or irregularity committed in the course of movement of products subject to excise duty under a duty suspension arrangement – Irregular departure of products from a suspension arrangement – ‘Duplication of the tax claim’ relating to the excise duties – Review carried out by the courts of the Member State in which the requested authority is situated – Refusal of the request for assistance made by the competent authorities of another Member State – Conditions.#Case C-95/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Frar 2021.
Agenzia delle Dogane vs Silcompa SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 76/308/KEE – Artikoli 6 u 8 kif ukoll 12(1) sa (3) – Assistenza reċiproka fil-qasam tal-irkupru ta’ ċerti djun – Dazju tas-sisa eżiġibbli f’żewġ Stati Membri għall-istess tranżazzjonijiet – Direttiva 92/12/KE – Artikoli 6 u 20 – Rilaxx fis-suq ta’ prodotti – Falsifikazzjoni tad-dokument amministrattiv mehmuż – Ksur jew irregolarità mwettqa waqt iċ-ċaqliq ta’ prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni – Ħruġ irregolari ta’ prodotti minn arranġament ta’ sospensjoni – ‘Irduppjar tad-dejn fiskali’ dwar id-dazji tas-sisa – Stħarriġ imwettaq mill-qrati tal-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità mitluba – Rifjut tat-talba għal assistenza ppreżentata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor – Kundizzjonijiet.
Kawża C-95/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Frar 2021.
Agenzia delle Dogane vs Silcompa SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 76/308/KEE – Artikoli 6 u 8 kif ukoll 12(1) sa (3) – Assistenza reċiproka fil-qasam tal-irkupru ta’ ċerti djun – Dazju tas-sisa eżiġibbli f’żewġ Stati Membri għall-istess tranżazzjonijiet – Direttiva 92/12/KE – Artikoli 6 u 20 – Rilaxx fis-suq ta’ prodotti – Falsifikazzjoni tad-dokument amministrattiv mehmuż – Ksur jew irregolarità mwettqa waqt iċ-ċaqliq ta’ prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni – Ħruġ irregolari ta’ prodotti minn arranġament ta’ sospensjoni – ‘Irduppjar tad-dejn fiskali’ dwar id-dazji tas-sisa – Stħarriġ imwettaq mill-qrati tal-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità mitluba – Rifjut tat-talba għal assistenza ppreżentata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor – Kundizzjonijiet.
Kawża C-95/19.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:128
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
24 ta’ Frar 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 76/308/KEE – Artikoli 6 u 8 kif ukoll 12(1) sa (3) – Assistenza reċiproka fil-qasam tal-irkupru ta’ ċerti djun – Dazju tas-sisa eżiġibbli f’żewġ Stati Membri għall-istess tranżazzjonijiet – Direttiva 92/12/KE – Artikoli 6 u 20 – Rilaxx fis-suq ta’ prodotti – Falsifikazzjoni tad-dokument amministrattiv mehmuż – Ksur jew irregolarità mwettqa waqt iċ-ċaqliq ta’ prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni – Ħruġ irregolari ta’ prodotti minn arranġament ta’ sospensjoni – ‘Irduppjar tad-dejn fiskali’ dwar id-dazji tas-sisa – Stħarriġ imwettaq mill-qrati tal-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità mitluba – Rifjut tat-talba għal assistenza ppreżentata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor – Kundizzjonijiet”
Fil-Kawża C‑95/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Frar 2019, fil-proċedura
Agenzia delle Dogane
vs
Silcompa SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur), E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Grumetto, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Svediż, minn H. Shev, H. Eklinder, C. Meyer-Seitz, J. Lundberg u A. Falk, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Perrin u F. Tomat, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Ottubru 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal‑15 ta’ Marzu 1976 dwar l-assistenza bejn xulxin għall-irkupru ta’ pretensjonijiet relatati ma’ ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 44), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE tal‑15 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 12, p. 27) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 76/308”), moqri flimkien mal-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, u rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/108/KEE tal‑14 ta’ Diċembru 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 235) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/12”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Agenzia delle Dogane (l-Aġenzija tad-Dwana, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) u Silcompa SpA, kumpannija li tipproduċi alkoħol etiliku, stabbilita fl-Italja, dwar żewġ avviżi ta’ ħlas adottati għall-irkupru ta’ dazji tas-sisa, abbażi ta’ talba għal assistenza mressqa lill-Aġenzija mill-amministrazzjoni fiskali Griega, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 76/308, dwar bejgħ ta’ alkoħol etiliku mwettaq minn Silcompa, bejn is-sena 1995 u s-sena 1996, taħt arranġamenti ta’ sospensjoni ta’ dazju lejn il-Greċja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 76/308
3 |
Skont is-seba’ premessa tagħha, id-Direttiva 76/308 hija intiża b’mod partikolari sabiex tiddefinixxi b’mod eżawrjenti ċ-ċirkustanzi partikolari li jippermettu lill-awtorità mitluba li ma tilqax it-talbiet għal assistenza stabbiliti mill-awtorità applikanti. |
4 |
Skont l-għaxar premessa ta’ din id-direttiva, meta, matul il‑proċedura ta’ rkupru fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, id-dejn jew it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tiegħu, maħruġ fl‑Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti, ikun ikkontestat, l-azzjoni ta’ kontestazzjoni għandha titressaq mill-persuna kkonċernata quddiem il-korp kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, filwaqt li l-awtorità mitluba għandha tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni li hija bdiet sakemm dan il-korp kompetenti jagħti d-deċiżjoni tiegħu. |
5 |
L-imsemmija direttiva hija applikabbli, skont l-Artikolu 2(f) tagħha, għad-djun kollha relatati mad-dazji tas-sisa, b’mod partikolari, fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku. |
6 |
Skont l-Artikolu 6 tal-istess direttiva: “1. Fuq it-talba ta’ l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha, skond il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw għall-irkupru ta’ talbiet bħalhom li jinqalgħu fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, tirkupra talbiet li huma s-suġġett ta’ xi dokument li jippermetti l-infurzar tagħhom. 2. Għal dan l-iskop kull talba li għaliha jkun intalab l-irkupru għandha tiġi trattata bħala talba ta’ l-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, ħlief fejn japplika Artikolu 12.” |
7 |
L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 76/308 jipprevedi: “1. It-talba għall-irkupru ta’ pretensjoni li l-awtorità applikanti tindirizza lill-awtorità mitluba għandha tiġi akkumpanjata minn koppja uffiċċjali jew iċċertifikata ta’ l-istrument li tippermetti l-infurzar tagħha, maħruġa mill-Istat Membru fejn tinstab l-awtorità applikanti u, jekk ikun xieraq, permezz ta’ l-oriġinali jew kopja ċċertifikata ta’ dokumenti oħra meħtieġa għall-irkupru. 2. L-awtorità applikanti m’għandhiex tagħmel talba għall-irkupru kemm-il darba [sakemm]:
|
8 |
L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. L-istrument li jippermetti l-infurzar tal-pretensjoni għandu jkun rikonoxxut direttamant u ttrattat awtomatikament bħala strument li jippermetti l-infurzar ta’ pretensjoni ta’ l-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba. 2. Minkejja l-ewwel paragrafu, l-istrument li jippermetti l-infurzar tal-pretensjoni għandu [jista’], fejn ikun xieraq, u b’konformità mad-disposizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba, jiġi aċċettat bħala, rikonoxxut bħala, msaħħaħ permezz ta’, jew mibdul bi strument li jawtorizza l-infurzar fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Fi żmien tliet xhur mid-data li fiha tiġi riċevuta t-talba ta’ rkupru, l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jtemmu tali aċċettazzjoni, rikonoxximent, tisħiħ jew bdil, ħlief f’kazijiet fejn jiġi applikat it-tielet subparagrafu. M’għandhomx jiġu rifjutati jekk l-istrument li jippermetti tali infurzar jiġi mfassal sew. L-awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità applikanti bir-raġunijiet għaliex tkun qabżet il-perjodu ta’ tliet xhur. Jekk xi waħda minn dawn il-formalitajiet tagħti lok għall-kontestazzjoni dwar il-pretensjoni u/jew l-istrument li jippermetti l-infurzar maħruġ mill-awtorità applikanti, għandu japplika l-Artikolu 12.” |
9 |
L-Artikolu 12(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Jekk, matul il-proċedura ta’ rkupru, it-talba u/jew id-dokument li jippermettu l-infurzar tiegħu maħruġa fl-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab huma kontestati minn parti interessata, l-azzjoni għandha titressaq minn din tal-aħħar quddiem il-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab, skond il-liġijiet fis-seħħ hemmhekk. Din l-azzjoni għandha tiġi notifikata mill-awtorità applikanti lill-awtorità mitluba. Il-parti konċernata tista’ wkoll tinnotifika l-awtorità mitluba bl-azzjoni. 2. Hekk kif l-awtorità mitluba tkun irċeviet in-notifika li għaliha jirreferi l-paragrafu 1 jew mill-awtorità applikanti jew mill-parti interessata, għandha tissospendi l-proċedura ta’ infurzar sakemm ikun hemm id-deċiżjoni tal-korp kompetenti fil-materja, kemm-il darba l-awtorità applikanti ma titlobx mod ieħor b’mod konformi mat-tieni subparagrafu. Jekk l-awtorità mitluba tħoss li hu meħtieġ, u bla ħsara għal Artikolu 13, dik l-awtorità tista’ tieħu miżuri prekawzjonarji biex tiggarantixxi l-irkupru kemm-il darba l-liġijiet jew regolamenti fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab jippermettu azzjoni bħal din dwar talbiet bħalhom. Minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ paragrafu 2, l-awtorità applikanti tista b’mod konformi mal-liġi, mar-regolamenti u mal-prattika amministrattiva fis-seħħ fl-Istat Membru li fih hija tinstab, titlob lill-awtorità mitluba sabiex tirkupra pretensjoni kkontestata, kemm-il darba l-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattika amministrattiva fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba jippermettu tali azzjoni. Jekk ir-riżultat tal-kontestazzjoni huwa sussegwentement favorevoli għad-debitur, l-awtorità applikanti għandha tkun responsabbli għar-rimborz ta’ kull somma rkuprata, flimkien ma’ kull kumpens dovut, b’mod konformi mal-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba. 3. Fejn huma l-miżuri ta’ infurzar meħuda fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab li qed ikunu kkontestati l-azzjoni għandha titressaq quddiem il-korp kompeteneti ta’ dak l-Istat Membru skond il-liġijiet u r- regolamenti tiegħu”. |
Id-Direttiva 92/12
10 |
Ir-raba’ premessa tad-Direttiva 92/12 tindika li, sabiex jiġu żgurati l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, l-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa għandu jkun identiku fl-Istati Membri kollha. |
11 |
Din id-direttiva hija applikabbli, konformement mal-Artikolu 3(1) tagħha, fil-livell tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, għall-alkoħol u għax-xorb alkoħoliku. |
12 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom jgħoddu id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
13 |
L-Artikolu 5(1) tal-istess direttiva jipprovdi: “Il-prodotti riferiti fl-Artikolu 3(1) għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fiż-żmien tal-produzzjoni tagħhom ġewwa t-territorju tal-[Unjoni] kif definit fl-Artikolu 2 jew ta’ l-importazzjoni tagħhom f’dak it-territorju.” |
14 |
Konformement mal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/12: “1. Id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fiż-żmien tar-rilaxx għall-konsum jew meta jiġu rekordjati nuqqasijiet li għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 14(3). Rilaxx għall-konsum ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandha tfisser:
2. Il-kondizzjonijiet ta’ meta għandu jitħallas u-rata ta’ dazju tas-sisa li għandhom jiġu addottati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fid-data li fiha jkollu jitħallas id-dazju fl-Istat Membru fejn iseħħ ir-rilaxx għall-konsum jew jiġu rekordjati n-nuqqasijiet. […]” |
15 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, bħala prinċipju, “il-moviment tal-prodotti soġġetti għat-taxxa tas-sisa taħt arranġamenti ta’ sospensjoni għandu jsir bejn tax warehouses”. |
16 |
Skont l-Artikolu 15(3) u (4) tal-imsemmija direttiva: “3. Ir-riskji ta’ moviment ta’ oġġetti ġewwa l-Komunità għandhom ikunu koperti bil-garanzija mogħtija mill-warehousekeeper tal-kunsinni awtorizzat, kif provdut fl-Artikolu 13, jew, jekk ikun meħtieġ, b’garanzija li torbot in solidum fuq kemm min jagħmel il-kunsinna, kif ukoll it-trasportatur. […] 4. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 20, ir-responsabbiltà tal-magazzinier awtorizzat ta’ dispaċċ u, jekk tinqala’ l-ħtieġa, dik tat-trasportatur tista’ tiġi biss ippruvata [meħlusa] permezz tal-prova li l-konsenjatarju ikun wassal il-prodotti, b’mod partikolarment mid-dokument mehmuż kif riferit fl-Artikolu 18 taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu 19.” |
17 |
Skont l-Artikolu 18(1) tal-istess direttiva: “[…] il-prodotti kollha soġġetti għal sisa li jiċċaqalqu taħt arranġamenti ta’ sospensjoni ta’ dazju bejn Stati Membri, inkluż ċaqliq bil-baħar jew bl-ajru direttament minn port jew ajruport tal-[Unjoni] għal ieħor [tal-Unjoni], għandhom ikollhom mehmuż dokument kompletat mill-konsenjatur. Dan id-dokument jista’ jew ikun dokument amministrattiv jew dokument kummerċjali. […]” |
18 |
L-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 92/12 jipprovdu: “L-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu nfurmati min-negozjanti mit-twassil mibgħut jew riċevut permezz tad-dokument jew referenza għad-dokument speċifikat fl-Artikolu 18. Dan id-dokument għandu jitħejja f’erba’ kopji:
[…] L-Istati Membri ta’ destinazzjoni jistgħu jistipulaw li l-kopja li għandha tintbagħat lura lill-konsenjatur għad-disċarġ għandha tkun ċertifikata u ttimbrata mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom. […]” |
19 |
L-Artikolu 19(2) u (3) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “2. Meta prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jiġu mċaqalqa taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju għand magazzinier awtorizzat jew għand negozjant reġistrat jew mhux reġistrat, kopja tad-dokument amministrattiv mehmuż jew kopja tad-dokument kummerċjali, debitament annotata, għandha tiġi ritornata lill-konsenjatarju mill-konsenjatur għad-disċarġ, mhux aktar tard minn 15-il jum wara ix-xahar li fih ikun irċeviha l-konsenjatarju. […] 3. L-arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju kif definiti fl-Artikolu 4(c) għandhom ikunu mwettqa bit-tqegħid tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt xi wieħed mill-arranġamenti riferiti fl-Artikolu 5(2) u bla ħsara għall-kondizzjonijiet riferiti fih, wara li l-konsenjatarju jkun irċieva l-kopja li għandha tintbagħat lura mad-dokument amministrattiv mehmuż jew kopja tad-dokument kummerċjali, debitament annotata, li fih għandu jiġi nnutat li l-prodotti ikunu ġew imqegħda taħt arranġament bħal dak.” |
20 |
L-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva jistipula: “1. Fejn tkun saret xi irregolarita jew xi reat fil-kors taċ-ċaqliq li jkun jinvolvi il-ħlas ta’ dazju tas-sisa, id-dazju tas-sisa għandu jkun dovut fl-Istat Membru fejn ikun sar ir-reat jew l-irregolarita mill-persuna naturali jew legali li tkun iggarantit il-ħlas tad-dazji tas-sisa skond l-Artikolu 15(3), mingħajr preġudizzju għat-teħid ta’ proċeduri kriminali. Meta d-dazju tas-sisa jinġabar minn Stat Membru li ma jkunx dak tat-tluq, l-Istat Membru li jiġbor id-dazju għandu javża lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tat-tluq. 2. Meta, fil-kors taċ-ċaqliq, ikun inkixef reat jew irregolarita mingħajr ma jkun jista’ jiġi stabbilit fejn ikun seħħ, għandu jitqies li jkun seħħ fl-Istat Membru fejn ikun inkixef. 3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 6(2), meta prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jaslux fid-destinazzjoni tagħhom u ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit fejn ikun seħħ ir-reat jew l-irregolarita, dak ir-reat jew irregolarita għandu jitqies li jkun seħħ fl-Istat Membru tat-tluq, li għandu jiġbor id-dazji tas-sisa bir-rata fis-seħħ fid-data meta jkunu ntbagħtu l-prodotti kemm-il darba fi żmien ta’ erba’ xhur l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jafu bil-korrettezza tat-tranżazzjoni jew bil-lok fejn ir-reat jew l-irregolarita tkun attwalment seħħet. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jitrattaw kull ksur jew irregolarità u jimponi pieni effettivi. 4. Jekk, qabel ma jiskadi perjodu ta’ tlett snin mid-data li fha kien tħejja d-dokument mehmuż, jiġi aċċertat l-Istat Membru fejn ikun seħħ ir-reat jew l-irregolarita, l-Istati Membru għandhom jiġbru d-dazju tas-sisa bir-rata fis-seħħ fid-data li fiha jkunu ntbagħtu l-oġġetti. F’dan il-każ, malli tiġi provduta xhieda li l-ġbir ikun sar, id-dazju tas-sisa oriġinalment impost għandu jitħallas lura.” |
Id-dritt Taljan
21 |
L-assistenza reċiproka fil-qasam tal-irkupru tad-dazji tas-sisa hija rregolata fid-dritt Taljan, b’mod partikolari, bid-decreto legislativo n. 69 –, Attuazione della direttiva 2001/44/CE relativa all’assistenza reciproca in materia di recupero di crediti connessi al sistema di finanziamento del FEOGA, nonché ai prelievi agricoli, ai dazi doganali, all’IVA ed a talune accise (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 69 dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/44/KE dwar l-assistenza reċiproka fil-qasam tal-irkupru tad-djun li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet li jagħmlu parti mis-sistema tal-finanzjament tal-FAEGG, kif ukoll ta’ imposti agrikoli u ta’ dazji doganali, u dwar il-VAT u ċerti dazji tas-sisa), tad‑9 ta’ April 2003 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 87 tal‑14 ta’ April 2003, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 69/2003”). |
22 |
L-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 69/2003, intitolat “Assistenza għall-irkupru tad-djun”, jipprevedi: “1. Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, il-Ministero dell’economia e delle finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja) għandu, abbażi ta’ titoli eżekuttivi rċevuti, jipproċedi għall-irkupru tad-djun imsemmija fl-Artikolu 1 li huma mnissla fl-Istat Membru li hija tinsab fih, konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ għall-irkupru tad-djun simili mnissla fit-territorju nazzjonali; dawn it-titoli, li huma infurzabbli direttament u immedjatament, huma assimilati għar-rwoli msemmija fid-decreto del Presidente della Repubblica [n. 602, Disposizioni sulla riscossione delle imposte sul reddito (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 602 – dwar dispożizzjonijiet relatati mal-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul) tad‑29 ta’ Settembru 1973 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 268 tas‑16 ta’ Ottubru 1976)]. 2. L-awtorità applikanti tista’ tagħmel talba għall-irkupru biss:
[…]” |
23 |
L-Artikolu 6 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, intitolat “Kontestazzjoni tad-dejn”, jipprovdi: “1. Il-persuna kkonċernata li tixtieq tikkontesta d-dejn jew it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tiegħu, maħruġ fl-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità applikanti, għandha tadixxi l-korp kompetenti ta’ dan l-Istat, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dan l-Istat; f’dan il-każ, il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, li jkun irċieva notifika tar-rikors mill-awtorità applikanti jew mill-persuna kkonċernata, għandu jissospendi, ħlief fil-każ ta’ talba kuntrarja fformulata mill-awtorità applikanti nfisha, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni sad-deċiżjoni ta’ dan il-korp. Meta l-proċedura ta’ rkupru tad-dejn ikkontestat madankollu tkun ġiet imnedija wara t-talba tal-awtorità applikanti u d-deċiżjoni fuq il-kontestazzjoni tkun favorevoli għad-debitur, l-awtorità applikanti għandha tirrestitwixxi l-ammont irkuprat, kif ukoll kull somma dovuta oħra, skont il-leġiżlazzjoni Taljana. Jekk qorti tagħti deċiżjoni fuq il-kontestazzjoni b’mod favorevoli għall-awtorità applikanti u tippermetti l-irkupru tad-dejn f’dan l-istess Stat, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni titkompla abbażi ta’ din id-deċiżjoni. 2. Il-persuna kkonċernata li tkun biħsiebha tikkontesta l-atti tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni għandha tadixxi lill-korp kompetenti, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali. 3. L-Istat Membru li fih tinsab l-awtorità applikanti għandu jibqa’ responsabbli lejn l-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità mitluba għall-ispejjeż kollha sostnuti u għat-telf kollu magħmul bħala riżultat ta’ azzjonijiet li jinstab li huma infondati fid-dawl tar-realtà tad-dejn jew tal-validità tat-titolu maħruġ mill-awtorità applikanti.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
24 |
Bejn is-sena 1995 u s-sena 1996, Silcompa kienet tbigħ alkoħol etiliku, b’sospensjoni tad-dazji tas-sisa, lejn il-Greċja. |
25 |
Fix-xahar ta’ Jannar 2000, wara kontroll imwettaq mill-Ufficio Tecnico di Finanza di Reggio Emilia (l-Uffiċċju Tekniku tal-Finanzi ta’ Reggio Emilia, l-Italja), fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva prevista fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 92/12, ġie stabbilit li d-dokumenti amministrattivi mehmuża (iktar ’il quddiem id-“DAM”) tal-lottijiet ta’ alkoħol mibgħuta minn Silcompa qatt ma kienu waslu lill-awtoritajiet doganali Griegi għat-tħejjija tad-dokumenti uffiċjali u li t-timbri tal-uffiċju tad-dwana ta’ Kórinthos (il-Greċja) li jinsabu fuq id-DAM, misjuba fl-uffiċji ta’ Silcompa, kienu foloz. Konsegwentement, l-Aġenzija ħarġet tliet avviżi ta’ ħlas għall-irkupru tad-dazji tas-sisa mhux imħallsa għal ammont totali ta’ EUR 6296 495.47. |
26 |
Silcompa ppreżentat rikors kontra dawn l-avviżi ta’ ħlas quddiem it-Tribunale di Bologna (il-Qorti Distrettwali ta’ Bologna, l-Italja), li d-deċiżjoni tagħha, favorevoli għal Silcompa, kienet min-naħa tagħha kkontestata mill-Aġenzija quddiem il-Corte d’Appello di Bologna (il-Qorti tal-Appell ta’ Bologna, l-Italja). Skont il-qorti tar-rinviju, fid-data tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-proċedura dwar dan ir-rikors kienet għadha pendenti. |
27 |
Barra minn hekk, wara talba għal informazzjoni indirizzata lil Silcompa, fix-xahar ta’ April 2001, mill-awtoritajiet doganali Griegi sabiex tikseb kjarifiki dwar it-tranżazzjonijiet relatati mal-lottijiet ta’ alkoħol ikkonċernati, u r-risposta ta’ Silcompa lilha, dawn l-awtoritajiet informaw lill-Aġenzija, fix-xahar ta’ Frar 2004, li l-kunsinni ta’ prodotti mibgħuta minn Silcompa lil impriża Griega kellhom jiġu kkunsidrati bħala irregolari. |
28 |
Għalhekk, fis‑27 ta’ Marzu 2004, l’Ufficio delle Dogane di Reggio Emilia (l-uffiċċju tekniku tal-finanzi ta’ Reggio Emilia, l-Italja) ħareġ l-avviż ta’ aġġustament Nru 6/2004, li kien ikopri kemm id-djun fiskali Taljani li huma bbażati fuqhom l-avviżi ta’ ħlas maħruġa fix-xahar ta’ Jannar 2000 u msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, kif ukoll aġġustament fiskali addizzjonali ta’ EUR 473 410.66, dovut wara l-komunikazzjoni tal-awtoritajiet doganali Griegi, tax-xahar ta’ Frar 2004. Silcompa kkontestat l-avviż ta’ aġġustament Nru 6/2004 quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Reggio Emilia (il-Kummissjoni Fiskali Distrettwali ta’ Reggio Emilia, l-Italja). Din il-proċedura wasslet għall-konklużjoni, fix-xahar ta’ Settembru 2017, ta’ ftehim ta’ tranżazzjoni bejn l-Aġenzija u Silcompa, fejn din tal-aħħar kellha tħallas is-somma totali ta’ EUR 1554 181.23 bħala d-dejn mitlub mill-amministrazzjoni fiskali Taljana. |
29 |
Barra minn hekk, fix-xahar ta’ Jannar 2005, l-uffiċċju tad-dwana ta’ Ateni (il-Greċja) ħareġ, dwar l-istess tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni fi ħdan l-Unjoni, żewġ “avviżi ta’ ħlas tad-dazji tas-sisa”, li jqisu li r-rilaxx illegali fis-suq, fit-territorju Grieg, tal-alkoħol etiliku mibgħut minn Silcompa lil kumpanniji “fittizji” kien ġie stabbilit. Dan l-uffiċċju bbaża ruħu, skont l-affermazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, fuq l-investigazzjonijiet kriminali li taw lok għas-sentenza li kienet ikkonfermat fl-ewwel istanza l-wasla tal-merkanzija ta’ Silcompa għand l-operaturi Griegi u r-rilaxx fis-suq frawdolenti tagħha. |
30 |
Fil‑31 ta’ Jannar 2005, l-amministrazzjoni fiskali Griega ressqet, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 76/308, talba għal assistenza lill-Aġenzija għall-irkupru tad-djun relatati mad-dazji tas-sisa kkonċernati. |
31 |
Fit‑13 ta’ Settembru 2005, l-Aġenzija, bħala awtorità kompetenti mitluba, innotifikat lil Silcompa, skont l-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 69/2003, żewġ avviżi ta’ ħlas bonarji għall-ammonti ta’ EUR 10280 291.66 (opinjoni RP 05/14) u ta’ EUR 64 218.25 (opinjoni RP 05/12), li huma s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
32 |
Ir-rikors ippreżentat minn Silcompa kontra dawn l-avviżi għall-ħlas ġie miċħud fl-ewwel istanza bħala inammissibbli mill-Commissione tributaria provinciale di Roma (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Ruma, l-Italja), qabel ma ntlaqa’ mill-Commissione tributaria regionale del Lazio (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), adita b’appell ippreżentat minn Silcompa, li jinvoka n-nuqqas ta’ notifika mill-awtoritajiet Griegi tal-“atti preċedenti” u l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-imsemmija avviżi għall-ħlas, sa fejn dawn tal-aħħar ma kinux isemmu proċeduri li kienu tressqu b’mod parallel fl-Italja dwar l-irkupru tad-dazji tas-sisa fuq l-istess tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni. |
33 |
Għaldaqstant, l-Aġenzija appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja). |
34 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari jekk, fil-kuntest ta’ rikors li jikkonċerna l-proċedura ta’ eżekuzzjoni mibdija fil-kuntest tal-assistenza reċiproka fil-qasam tal-irkupru tad-djun relatati ma’ dazji tas-sisa, tistax tiġi kkunsidrata “eventwali duplikazzjoni tal-kreditu fiskali”, peress li talbiet ibbażati fuq l-istess fatti li jagħtu lok għad-dazju tas-sisa ġew ippreżentati b’mod parallel fl-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità applikanti u f’dak fejn tinsab l-awtorità mitluba. |
35 |
Filwaqt li tammetti li, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 76/308, meta l-kontestazzjoni tirrigwarda l-miżuri ta’ eżekuzzjoni fl-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità mitluba, hija l-istanza kompetenti ta’ dan l-Istat Membru li hija adita filwaqt li, meta l-kontestazzjoni tirrigwarda d-dejn jew it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tiegħu, hija l-istanza kompetenti fl-Istat Membru fejn l-awtorità applikanti tkun tinsab li hija adita, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, konformement mal-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 92/12, id-dazju tas-sisa inizjalment miġbur għandu jiġu rrimborsat jekk jiġi ddeterminat l-Istat Membru fejn effettivament twettaq il-ksur jew l-irregolarità. Madankollu, skont l-imsemmija dispożizzjoni, tali determinazzjoni tal-Istat Membru fejn effettivament twettaq il-ksur jew l-irregolarità għandha sseħħ qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin mid-data tat-tfassil tad-DAM, terminu li, f’dan il-każ, ikun ilu li skada għal żmien twil. |
36 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, prevista fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308, intiża sabiex timplimenta talba għal assistenza mressqa abbażi tal-Artikolu 6(1) tagħha, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12, bħall-post fejn twettaq il-ksur jew l-irregolarità, għandhomx ukoll jiġu eżaminati, tal-inqas fiċ-ċirkustanzi partikolari li jikkaratterizzaw il-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont din il-qorti, dan huwa eżami li ma jidhirx li jirrigwarda d-dejn jew it-titolu barrani, kif jipprevedi l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 76/308, iżda li jikkonċerna l-legalità tat-talba għal assistenza u, konsegwentement, dik tal-miżuri kollha ta’ eżekuzzjoni ta’ dan id-dejn. |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva [76/308], fir-rigward tal-Artikolu 20 tad-Direttiva [92/12], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-proċeduri mibdija kontra l-atti ta’ eżekuzzjoni tal-irkupru, il-kundizzjoni tal-post (ta’ tqegħid effettiv għall-konsum) fejn l-irregolarità jew il-ksur effettivament twettqu jista’ jkun suġġett għal eżami, u, jekk ikun il-każ, sa fejn, bħal fil-każ inkwistjoni, l-istess talba, ibbażata eżattament fuq l-istess tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni, hija indirizzata indipedentement lill-persuna taxxabbli mill-[awtorità applikanti] u mill-[awtorità mitluba], u li kemm il-proċeduri dwar it-talba interna kif ukoll dawk dwar it-tranżazzjoni ta’ ġbir mill-Istat l-ieħor huma pendenti fl-istess ħin quddiem l-Istat rikjest, peress li din il-konstatazzjoni għandha l-valur ta’ rifjut tat-talba għall-għajnuna u, għaldaqstant, tal-atti ta’ eżekuzzjoni kollha?” |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
38 |
Fit‑22 ta’ Ottubru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
39 |
Fil‑31 ta’ Diċembru 2019, il-qorti tar-rinviju wieġbet għal din it-talba għal informazzjoni. |
40 |
Is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li ż-żamma tagħha kienet iffissata għas‑26 ta’ Marzu 2020, minħabba l-kriżi sanitarja u l-inċertezzi li din imponiet fuq id-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet terġa’ tibda l-attività ġudizzjarja tagħha f’kundizzjonijiet normali, ġiet annullata u l-mistoqsijiet li kienu saru għal tweġiba orali ġew ittrasformati f’mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub. Il-Gvern Taljan, Spanjol u dak Svediż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, wieġbu għall-mistoqsijiet fit-terminu mogħti mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
Fuq id-domanda preliminari
41 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308, moqri flimkien mal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontestazzjoni li tirrigwarda l-miżuri ta’ eżekuzzjoni meħuda fl-Istat Membru li fih tinsab l-awtorità mitluba, l-istanza kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tista’ tirrifjuta li tilqa’ t-talba għall-irkupru tad-dazji tas-sisa, imressqa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, f’dak li jirrigwarda prodotti li joriġinaw irregolarment minn arranġament ta’ sospensjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12, billi tibbaża ruħha fuq l-istess tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni li kienu diġà s-suġġett tal-irkupru tad-dazji tas-sisa fl-Istat Membru li fih tinsab l-awtorità mitluba. |
42 |
F’dan il-każ, billi jibbażaw ruħhom fuq l-irregolaritajiet imwettqa matul l-istess serje ta’ tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni b’sospensjoni ta’ dazji tas-sisa għas-snin 1995 u 1996, l-awtoritajiet ta’ żewġ Stati Membri, jiġifieri r-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ellenika, iqisu li huma kompetenti, skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12, sabiex jitolbu d-dazji tas-sisa imposti fuq dawn it-tranżazzjonijiet. |
43 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li d-Direttiva 76/308 ġiet imħassra u kkodifikata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE tas‑26 ta’ Mejju 2008 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU 2008, L 150, p. 28), li min-naħa tagħha ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas‑16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU 2010, L 84, p. 1). Barra minn hekk, id-Direttiva 92/12 ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti fit-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari odjern qiegħed jiġi eżaminat fid-dawl tad-Direttivi 76/308 u 92/12. |
44 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-Direttiva 92/12, din tal-aħħar hija intiża li tistabbilixxi ċertu numru ta’ regoli fir-rigward taż-żamma, tal-moviment u tal-kontrolli tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, bħall-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tagħha, u dan, b’mod partikolari, kif jirriżulta mir-raba’ premessa tagħha, sabiex jiġi żgurat li l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa tkun identika fl-Istati Membri kollha. Din l-armonizzazzjoni tippermetti, bħala prinċipju, li tiġi evitata t-taxxa doppja fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Prankl, C‑175/14, EU:C:2015:142, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12 huwa intiż b’mod partikolari li jiddetermina l-Istat Membru li huwa esklużivament kompetenti biex jiġbor id-dazji tas-sisa fuq il-prodotti kkonċernati meta, matul il-moviment, jitwettaq ksur jew irregolarità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Cipriani, C‑395/00, EU:C:2002:751, punt 46, u tat‑13 ta’ Diċembru 2007, BATIG, C‑374/06, EU:C:2007:788, punt 44). |
46 |
Il-fatt taxxabbli, fis-sens tad-Direttiva 92/12, huwa kkostitwit, konformement mal-Artikolu 5(1) tagħha, mill-produzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jew mill-importazzjoni tagħhom f’dan it-territorju (sentenza tal‑5 ta’ April 2001, Van de Water, C‑325/99, EU:C:2001:201, punt 29). |
47 |
Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12, id-dazju tas-sisa jsir dovut, b’mod partikolari, mar-rilaxx għall-konsum tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa. Skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, dan il-kunċett ikopri wkoll kull ħruġ, inkluż irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni, iddefinit fl-Artikolu 4(c) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2001, Van de Water, C‑325/99, EU:C:2001:201, punti 30, 31, 34 sa 36; tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Cipriani, C‑395/00, EU:C:2002:751, punti 42 u 43, kif ukoll tat‑13 ta’ Diċembru 2007, BATIG, C‑374/06, EU:C:2007:788, punt 29). |
48 |
Konformement mal-Artikolu 4(c) tad-Direttiva 92/12, l-arranġament ta’ sospensjoni jikkostitwixxi arranġament ta’ taxxa applikabbli għall-produzzjoni, l-ipproċessar, iż-żamma u ċ-ċaqliq tal-prodotti b’sospensjoni tad-dazji tas-sisa. |
49 |
Tali arranġament huwa kkaratterizzat mill-fatt li d-dazji tas-sisa relatati mal-prodotti li jaqgħu taħtu għadhom ma humiex eżiġibbli, minkejja li l-fatt taxxabbli jkun diġà seħħ. Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, dan l-arranġament jipposponi l-eżiġibbiltà tiegħu sakemm tiġi ssodisfatta kundizzjoni ta’ eżiġibbiltà, bħal dik deskritta fil-punt 47 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa, C‑64/15, EU:C:2016:62, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 92/12, iċ-ċaqliq f’arranġament ta’ sospensjoni tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa għandu jseħħ, bħala prinċipju, bejn imħażen tat-taxxa, iddefiniti fl-Artikolu 4(b) ta’ din id-direttiva u operati mill-magazziniera awtorizzati, fis-sens tal-Artikolu 4(a) tagħha. |
51 |
Skont l-Artikolu 15(4) tal-imsemmija direttiva, bla ħsara għall-Artikolu 20 tagħha, ir-responsabbiltà tal-magazzinier awtorizzat ta’ dispaċċ tista’ tiġi meħlusa biss permezz tal-prova tat-teħid tal-prodotti mid-destinatarju, b’mod partikolari permezz tad-DAM msemmi fl-Artikolu 18 tal-istess direttiva fil-kundizzjonijiet iffissati fl-Artikolu 19 tagħha. |
52 |
Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ta rwol ċentrali lill-magazzinier awtorizzat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċaqliq tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u mqiegħda taħt arranġament ta’ sospensjoni, li jirriżulta f’sistema ta’ responsabbiltà għar-riskji kollha inerenti għal dan iċ-ċaqliq. Dan il-magazzinier huwa, konsegwentement, indikat bħala li huwa responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa meta, matul iċ-ċaqliq ta’ dawn il-prodotti, tkun twettqet irregolarità jew ksur li jwasslu għall-eżiġibbiltà tagħhom. Din ir-responsabbiltà hija, barra min hekk, oġġettiva u hija bbażata mhux fuq it-tort ippruvat jew preżunt tal-magazzinier, iżda fuq il-parteċipazzjoni tiegħu f’attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Kapnoviomichania Karelia, C‑81/15, EU:C:2016:398, punti 31 u 32). |
53 |
Fil-każ fejn irregolarità jew ksur ikunu twettqu matul iċ-ċaqliq li jwassal għall-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa, l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 92/12 jattribwixxi s-setgħa ta’ ġbir tad-dazji tas-sisa, prinċipalment, lill-Istat Membru tal-post fejn tkun seħħet l-irregolarità jew il-ksur. |
54 |
Jekk, min-naħa l-oħra, il-post fejn twettaq il-ksur jew l-irregolarità ma jistax jiġi stabbilit, l-Artikolu 20(2) u (3) ta’ din id-direttiva jipprevedi preżunzjonijiet f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni ta’ dan il-post, rispettivament, favur l-Istat Membru fejn ikun ġie kkonstatat il-ksur jew l-irregolarità jew, meta l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ma jaslux fid-destinazzjoni u meta ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit il-post tal-ksur jew l-irregolarità, favur l-“Istat Membru tat-tluq”. |
55 |
Barra minn hekk, kif tosserva l-Kummissjoni u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 92/12 jipprevedi mekkaniżmu msejjaħ “korrettiv”, li jippermetti li jiġi ddeterminat l-Istat Membru fejn effettivament twettaq il-ksur jew l-irregolarità, qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tal-istabbiliment tad-DAM, konformement mal-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 19(1) tagħha. F’dan il-każ, meta l-prova ta’ dan l-irkupru tkun ġiet ipprovduta, id-dazju tas-sisa inizjalment miġbur minn Stat Membru ieħor, abbażi tal-Artikolu 20(2) u (3) ta’ din id-direttiva, jiġi rrimborsat. |
56 |
Għaldaqstant, dan il-mekkaniżmu korrettiv previst fl-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 92/12 ma jirrigwardax is-sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ kompetenzi bejn, minn naħa, Stat Membru fejn twettaq il-ksur jew l-irregolarità matul iċ-ċaqliq ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li jwassal għall-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa u, min-naħa l-oħra, Stat Membru fejn, sussegwentement, seħħ ir-rilaxx għall-konsum ta’ dawn il-prodotti, iżda, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva essenzjalment fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ipoteżi fejn huwa ċar li l-post fejn effettivament seħħ il-ksur jew l-irregolarità jinsab fi Stat Membru differenti minn dak li kien ġie ddeterminat inizjalment. |
57 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fix-xahar ta’ Jannar 2000, l-awtoritajiet doganali Taljani kkonstataw in-nuqqas ta’ approvazzjoni tal-arranġament ta’ sospensjoni, fis-sens tal-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 92/12, sa fejn id-DAM li Silcompa kienet irċeviet, fir-rigward tal-kunsinni ta’ prodotti mibgħuta, kienu vvizzjati b’irregolarità sa fejn it-timbri tal-uffiċċju tad-dwana ta’ Kórinthos (il-Greċja), li kienu twaħħlu fuqhom, kienu foloz. |
58 |
Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax jekk, għall-finijiet tal-irkupru tad-dazju tas-sisa, dawn l-awtoritajiet doganali setgħux effettivament jistabbilixxu li l-irregolarità li tikkonsisti fit-twaħħil ta’ timbri doganali Griegi foloz kienet twettqet fl-Italja sabiex jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 92/12 jew inkella jekk dawn kellhomx japplikaw waħda mill-preżunzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(2) u (3) ta’ din id-direttiva. |
59 |
Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex element konkret sabiex tevalwa t-twettiq eventwali tal-ksur jew tal-irregolarità fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex dak tar-Repubblika Taljana. Il-kummerċjalizzazzjoni illegali fit-territorju Grieg tal-alkoħol etiliku mibgħut minn Silcompa għandha, ċertament, titqies bħala ksur jew irregolarità tal-prodotti inkwistjoni, iżda din tista’ titqies ukoll li hija biss konsegwenza tal-ksur jew tal-irregolarità li twettqet preċedentement fl-Italja, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju. |
60 |
Skont tali determinazzjoni, hemm żewġ ipoteżijiet possibbli. |
61 |
L-ewwel ipoteżi tirrigwarda l-każ ta’ pluralità ta’ ksur jew ta’ irregolaritajiet. |
62 |
F’każ bħal dan, f’sitwazzjoni fejn diversi tipi ta’ ksur jew irregolaritajiet ikunu twettqu b’mod konsekuttiv fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, żewġ, jew saħansitra diversi, Stati Membri, jikkunsidraw li huma kompetenti, abbażi tad-Direttiva 92/12, sabiex jiġbru d-dazji tas-sisa li jirriżultaw minn ksur jew minn irregolarità mwettqa fit-territorji rispettivi tagħhom. |
63 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jistax jiġi validament sostnut li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprivileġġa l-prevenzjoni tal-abbużi u tal-frodi billi jippermetti, b’mod ġenerali, lill-Istati Membri kollha, ikkonċernati minn trasport irregolari ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, li jipproċedu għall-ġbir tad-dazju tas-sisa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Prankl, C‑175/14, EU:C:2015:142, punt 27). |
64 |
Bl-istess mod, f’sitwazzjoni li timplika ħruġ irregolari mill-arranġament ta’ sospensjoni, li seħħet fi Stat Membru, li twassal, konformement mal-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 92/12, għal rilaxx għall-konsum ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, kif ukoll, sussegwentement, għal rilaxx għall-konsum effettiv fi Stat Membru ieħor, ma jistax jiġi aċċettat li dan tal-aħħar jista’ wkoll jiġbor id-dazji tas-sisa f’dak li jirrigwarda l-istess tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni. |
65 |
Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, konformement mal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 92/12, ir-rilaxx għall-konsum tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jista’ jseħħ darba waħda biss. Minn dan isegwi li, filwaqt li fil-prattika, jista’ jkun hemm diversi istanzi ta’ ksur jew irregolaritajiet suċċessivi f’diversi Stati Membri, matul iċ-ċaqliq tal-istess prodott suġġett għal dazju tas-sisa, huwa biss l-ewwel wieħed minnhom, jiġifieri dak li kellu bħala konsegwenza li joħroġ il-prodotti f’ċaqliq mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, sa fejn tali ksur jew tali irregolarità kellhom bħala effett li jwasslu għar-rilaxx fis-suq tal-prodotti, fis-sens tal-Artikolu 6 tagħha. |
66 |
It-tieni ipoteżi possibbli tirrigwarda l-każ fejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru bbażaw ruħhom fuq waħda mill-preżunzjonijiet tal-Artikolu 20(2) u (3) tad-Direttiva 92/12 u fejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor jikkonstataw li l-ksur jew l-irregolarità effettivament twettqu f’dan l-aħħar Stat Membru. F’tali ipoteżi, l-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati Membri jipproċedu għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv imsemmi fl-Artikolu 20(4) ta’ din id-direttiva, fl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti għal dan l-għan f’terminu ta’ tliet snin mid-data tal-istabbiliment tad-DAM, konformement mal-Artikolu 18(1) u mal-Artikolu 19(1) tal-imsemmija direttiva. |
67 |
Ladarba jiddekorri dan it-terminu ta’ tliet snin, ebda Stat Membru, għajr dak li bbaża ruħu fuq waħda minn dawn il-preżunzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(2) u (3) tad-Direttiva 92/12, ma jista’ jinvoka iktar validament il-kompetenza prevista fl-Artikolu 20(4) tagħha. |
68 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-Direttiva 76/308, għandu jitfakkar, minn naħa, li din id-direttiva tistabbilixxi regoli komuni dwar l-assistenza reċiproka sabiex jiġi żgurat l-irkupru tad-djun relatati ma’ ċerti imposti, dazji u taxxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, X, C‑498/10, EU:C:2012:635, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
69 |
Skont l-Artikolu 2(f) tagħha, l-imsemmija direttiva tapplika, b’mod partikolari, għad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku. |
70 |
Barra minn hekk, fir-rigward tar-regoli dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru tad-djun relatati b’mod partikolari mad-dazji tas-sisa, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(1) u (3) tad-Direttiva 76/308 jipprevedi tqassim tal-kompetenzi bejn l-istanzi tal-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità applikanti u dawk tal-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità mitluba sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kontestazzjonijiet li jirrigwardaw, rispettivament, id-dejn jew it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tiegħu u l-miżuri ta’ eżekuzzjoni stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian, C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 37). |
71 |
Dan it-tqassim tal-kompetenzi huwa l-korollarju tal-fatt li d-dejn u t-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tiegħu huma stabbiliti abbażi tad-dritt fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l‑awtorità applikanti, filwaqt li, għall-miżuri ta’ eżekuzzjoni fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, din tal-aħħar tapplika, skont l-Artikoli 5 u 6 tad‑Direttiva 76/308, id-dispożizzjonijiet li d-dritt nazzjonali tagħha jipprevedi għal atti simili, peress li din l-awtorità tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tevalwa l-legalità ta’ att skont id-dritt nazzjonali tagħha (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian, C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 40). |
72 |
Dan huwa għaliex, konformement mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 76/308, it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal‑irkupru tad-dejn għandu jkun direttament irrikonoxxut u awtomatikament ittrattat bħala strument li jippermetti l-eżekuzzjoni ta’ dejn tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian, C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 36). |
73 |
L-imsemmi tqassim tal-kompetenzi huwa wkoll espressjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati (ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2010/24, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Donnellan, C‑34/17, EU:C:2018:282, punti 40 sa 46). |
74 |
Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 76 u 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest ma jistgħux jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat Membru applikant dwar il-post fejn twettqet l-irregolarità jew il-ksur, peress li tali evalwazzjoni tifforma parti mis-suġġett stess tad-dejn li l-Istat Membru applikant jitlob l-irkupru tiegħu u għalhekk taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tiegħu. |
75 |
Madankollu, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 76/308, kif ukoll il-ġurisprudenza relatata magħha, ma tikkonċernax sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha jiġu invokati żewġ djun konkorrenti bbażati, essenzjalment, fuq l-istess tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni, waħda kkonstatata minn istanza tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba u l-oħra kkonstatata minn istanza tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti u li tgawdi, fl-ewwel Stat Membru, minn trattament nazzjonali. Fil-fatt, ir-regoli dwar it-tqassim tal-kompetenzi f’tali sitwazzjoni huma previsti fid-Direttiva 92/12. |
76 |
Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, eċċezzjonalment, l-istanzi tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba huma awtorizzati jivverifikaw jekk l-eżekuzzjoni tat-titolu hijiex ta’ natura li tippreġudika b’mod partikolari l-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat Membru u, jekk ikun il-każ, li tirrifjuta li tagħti l-assistenza kollha jew parti minnha jew li tissuġġettaha għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian, C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 42 u tas‑26 ta’ April 2018, Donnellan, C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 47). |
77 |
Fil-fatt, minħabba t-trattament nazzjonali rrikonoxxut, skont l-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 76/308, għad-dejn li huwa s-suġġett ta’ talba għall-irkupru kif ukoll għat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru ta’ dan id-dejn, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li tali titolu jkun eżegwit fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba jekk din l-eżekuzzjoni hija ta’ natura li tippreġudika l-ordni pubbliku tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian, C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 43, u, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2010/24, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Donnellan, C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 48). |
78 |
Bl-istess mod, minkejja dan it-trattament nazzjonali, huwa diffiċilment konċepibbli li t-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tad-dejn jiġi eżegwit fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba jekk din l-eżekuzzjoni tkun ta’ natura li twassal għal sitwazzjoni li fiha jista’ jitwettaq, bi ksur tad-Direttiva 92/12, il-ġbir doppju tad-dazji tas-sisa imposti sostanzjalment fuq l-istess tranżazzjonijiet relatati mal-istess prodotti. |
79 |
Sabiex jiġi evitat li sseħħ tali sitwazzjoni, huwa neċessarju li l-istanza kompetenti tal-istess Stat Membru tkun tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ dan it-titolu. |
80 |
L-adozzjoni ta’ soluzzjoni kuntrarja twassal sabiex jiġi aċċettat li, fl-istess sistema nazzjonali, jistgħu jeżistu flimkien żewġ deċiżjonijiet definittivi li jirrigwardaw it-tassazzjoni tal-istess prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, waħda bbażata fuq il-ħruġ irregolari tagħhom mill-arranġament ta’ sospensjoni u l-oħra tibbaża ruħha fuq ir-rilaxx għall-konsum ulterjuri tagħhom. |
81 |
Sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li għadhom pendenti l-proċedura bbażata fuq il-ħruġ irregolari mill-arranġament ta’ sospensjoni u dik relatata mat-talba għal assistenza, il-qorti tar-rinviju għandha, bħala prinċipju, fl-ewwel lok, tissospendi l-proċeduri quddiemha fir-rigward tal-proċedura relatata mat-talba għal assistenza, sakemm tiġi deċiża l-proċedura dwar il-ħruġ irregolari mill-arranġament ta’ sospensjoni, u, fit-tieni lok, huwa biss fl-ipoteżi fejn ikun hemm, fl-Istat Membru rikjest, deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tirrigwarda t-tassazzjoni tal-istess prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa bħal dawk koperti mit-titolu eżekuttiv tal-Istat Membru applikant, li din il-qorti tista’ tirrifjuta li tagħti l-assistenza. |
82 |
Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, fil-punt 55 tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, BATIG (C‑374/06, EU:C:2007:788), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minkejja li d-Direttiva 92/12 effettivament tfittex li tarmonizza l-metodi li bihom jinġabar id-dazju tas-sisa billi tfittex li tilħaq l-għan doppju ta’ ġbir effettiv tad-dazji tas-sisa fi Stat Membru wieħed, li huwa dak fejn iseħħ ir-rilaxx għall-konsum, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma stabbilixxiex il-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja bħala prinċipju assolut. |
83 |
Fil-fatt, tali motivi jidħlu fil-kuntest fattwali partikolari tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, li kienet tikkonċerna l-ipoteżi ta’ ħruġ illegali mill-arranġament ta’ sospensjoni minħabba s-serq tal-prodotti li fuqhom kienu twaħħlu, fl-“Istat Membru tat-tluq”, marki fiskali li għandhom, kif jirriżulta mill-punt 32 tal-imsemmija sentenza, valur intrinsiku li jiddistingwihom minn sempliċi ħruġ li jikkonferma l-ħlas ta’ somma flus lill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru li ħareġ dawn il-marki (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Prankl, C‑175/14, EU:C:2015:142, punti 28 u 29). |
84 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308, moqri flimkien mal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontestazzjoni li tirrigwarda l-miżuri ta’ eżekuzzjoni meħuda fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, l-istanza kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tista’ tirrifjuta li tilqa’ t-talba għall-irkupru tad-dazji tas-sisa, imressqa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, f’dak li jirrigwarda prodotti li ħarġu irregolarment minn arranġament ta’ sospensjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12, peress li din it-talba hija bbażata fuq il-fatti li jirrigwardaw l-istess tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni li diġà huma s-suġġett ta’ rkupru tad-dazji tas-sisa fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba. |
Fuq l-ispejjeż
85 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal‑15 ta’ Marzu 1976 dwar l-assistenza bejn xulxin għall-irkupru ta’ pretensjonijiet relatati ma’ ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE tal‑15 ta’ Ġunju 2001, moqri flimkien mal-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodott, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/108/KEE tal‑14 ta’ Diċembru 1992, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontestazzjoni li tirrigwarda l-miżuri ta’ eżekuzzjoni meħuda fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, l-istanza kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tista’ tirrifjuta li tilqa’ t-talba għall-irkupru tad-dazji tas-sisa, imressqa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, f’dak li jirrigwarda prodotti li ħarġu irregolarment minn arranġament ta’ sospensjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12, kif emendata bid-Direttiva 92/108, peress li din it-talba hija bbażata fuq il-fatti li jirrigwardaw l-istess tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni li diġà huma s-suġġett ta’ rkupru tad-dazji tas-sisa fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.