Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0079

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-27 ta’ Frar 2020.
    Ir-Repubblika tal-Litwanja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – FAEGG, FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Infiq imġarrab mir-Repubblika tal-Litwanja – Għajnuna għall-irtirar antiċipat – Regolament (KE) Nru 1257/1999 – Artikolu 33m(1) – Żnaturament tal-provi.
    Kawża C-79/19 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:129

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    27 ta’ Frar 2020 ( *1 )

    “Appell – FAEGG, FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Infiq imġarrab mir-Repubblika tal-Litwanja – Għajnuna għall-irtirar antiċipat – Regolament (KE) Nru 1257/1999 – Artikolu 33m(1) – Żnaturament tal-provi”

    Fil-Kawża C‑79/19 P

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2019,

    Ir-Repubblika tal-Litwanja, inizjalment irrappreżentata minn R. Krasuckaitė, sussegwentement minn K. Dieninis, bħala aġenti,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Jokubauskaitė u J. Aquilina, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika tal-Litwanja titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Novembru 2018, Il‑Litwanja vs Il-Kummissjoni (T‑508/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:828), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1119 tat-22 ta’ Ġunju 2015 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2015, L 182, p. 39), inkwantu din imponiet fuq ir-Repubblika tal-Litwanja korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 %, u b’hekk eskludiet l-ammont ta’ EUR 1 938 300.08 mill-finanzjament imħallas abbażi tal-miżura “Irtirar antiċipat” matul il-perijodu ta’ bejn is-16 ta’ Ottubru 2010 u l-15 ta’ Ottubru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament Nru 1257/1999

    2

    L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391), kif emendat bl-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33). (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1257/1999”), kien jinsab fil-Kapitolu IV, intitolat “Irtirar Kmieni”, tat-Titolu II, intitolat “Miżuri ta’ Żvilupp Rurali”, ta’ dan ir-regolament. Dan l-artikolu kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Sostenn għal irtirar kmieni mill-biedja tista’ tikkontribwixxi għal dawn l-oġġettivi:

    biex jipprovdi dħul għal bdiewa anzjani li jiddeċiedu li jieqfu mill-biedja,

    biex jinkoraġġixxi t-tibdil ta’ dawn il-bdiewa anzjani minnn bdiewa li jkunu jistgħu itejbu, fejn meħtieġ, il-vijabbiltà ekonomika tal-kumplament ta’ l-oqsma agrikoli,

    li jassenja mill-ġdid l-art għal użu mhux agrikolu meta din ma tkunx tista’ tkun maħduma skont il-kondizzjonijiet sodisfaċenti tal-vijabbiltà ekonomika.”

    3

    L-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

    “Dak li jittrasferixxi l-azjenda għandu:

    iwaqqaf l-attività kummerċjali kollha definittivament; hu jista’, b’danakollu, ikompli b’xogħol tal-biedja li ma jkunx kummerċjali jew li jżomm l-użu tal-bini,

    ma jkunx ta’ anqas minn 55 sena imma ma jkunx għadu laħaq l-eta’ ta’ irtirar fiż-żmien tat-trasferiment,

    u

    ikun ipprattika l-biedja l-10 snin ta’ qabel it-trasferiment.”

    4

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33b(1) tal-istess regolament kien jiddefinixxi l-“azjendi ta’ semi-sussistenza” bħala l-“azjendi li prinċipalment jipproduċu għall-konsum minnhom stess, iżda li jikkumerċjalizzaw parti mill-output tagħhom”.

    5

    Mill-Artikolu 33k tar-Regolament Nru 1257/1999 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fis-Sub-Kapitolu III, intitolat “Derogi”, tal-Kapitolu IXa, intitolat “Miżuri speċifiċi applikabbli għall-Istati Membri l-ġodda”, li jinsab taħt it-Titolu II, intitolat “Miżuri ta’ żvilupp rurali”, ta’ dan ir-regolament kienu jippreċiżaw il-każijiet li fihom b’mod partikolari r-Repubblika tal-Litwanja kienet awtorizzata tidderoga mill-kriterji ta’ eliġibbiltà stipulati għall-miżuri ddefiniti fil-Kapitoli I, IV, V u VII tal-imsemmi regolament.

    6

    L-Artikolu 33m(1) tal-istess regolament kien ifformulat kif ġej:

    “B’deroga mit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 11(1), bdiewa fil-Litwanja li ġew allokati kwota fuq il-ħalib, għandhom ikunu eliġibbli għall-skema ta’ irtirar kmieni bil-kondizzjoni li jkollhom inqas minn 70 sena meta jsir it-trasferiment.

    L-ammont għall-appoġġ għandu jkun soġġett għall-ammonti massimi li hemm fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament u għandu jkun ikkalkulat b’relazzjoni mad-daqs tal-kwota fuq il-ħalib u l-attività globali ta’ biedja f’l-azjenda.

    Il-kwoti fuq il-ħalib allokati lil min jitrasferixxi għandhom ikunu mdaħħla mill-ġdid fil-kwota nazzjonali fuq il-ħalib mingħajr ma jsir xi ħlas addizzjonali ta’ kumpens.”

    Ir-Regolament Nru 1698/2005

    7

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilipp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 286M, p. 26, rettifika fil-ĠU 2012, L 206, p. 23), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1463/2006 tad-19 ta’ Ġunju 2006 (ĠU 2006, L 277, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 48, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1698/2005”), fl-Artikolu 20 tiegħu kien jipprevedi:

    “L-appoġġ immirat għall-kompetittività tas-settur agrikolu u tal-foresterija għandu jikkonċerna:

    (a)

    miżuri mmirati lejn il-promozzjoni tal-għarfien u t-titjib tal-potenzjal uman permezz ta’:

    […]

    (iii)

    l-irtirar kmieni ta’ bdiewa u ħaddiema fl-azjendi agrikoli;

    […]

    (d)

    miżuri transizzjonali […] għal-Litwanja […] dwar:

    (1)

    l-appoġġ għall-azjendi agrikoli ta’ semi-sussistenza li għaddejjin minn ristrutturar;

    […]”

    8

    L-Artikolu 23(1) u (2) tar-Regolament Nru 1698/2005 kien ifformulat kif ġej:

    “1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(a)(iii), għandu jingħata:

    (a)

    lill-bdiewa li jiddeċiedu li jieqfu mill-attività agrikola tagħhom għall-fini li jittrasferixxu l-azjenda tagħhom lil bdiewa oħra;

    (b)

    lill-ħaddiema f’azjendi agrikoli li jiddeċiedu li jwaqqfu definittivament kull xogħol ta’ biedja wara t-trasferiment tal-azjenda.

    2.   Min jittrasferixxi l-azjenda agrikola għandu:

    (a)

    ma jkollux inqas minn 55 sena iżda għadu mhux ta’ età normali ta’ rtirar meta jseħħ it-trasferiment jew ma jkunx 10 snin iżgħar mill-età normali ta’ rtirar fl-Istat Membru kkonċernat meta jseħħ it-trasferiment;

    (b)

    iwaqqaf definittivament kull attività kummerċjali ta’ biedja;

    (c)

    ikun ipprattika l-biedja għall-10 snin qabel it-trasferiment.”

    9

    L-Artikolu 34(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

    “L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(d)(i) għall-azjendi agrikoli li jipproduċu primarjament għall-konsum tagħhom stess u li jqiegħdu ukoll fis-suq proporzjon mill-prodotti tagħhom (‘azjendi agrikoli ta’ semi-sussistenza’), għandu jingħata lill-bdiewa li jippreżentaw pjan ta’ żvilupp tan-negozju.”

    10

    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 94 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi li dan tal-aħħar kellu japplika għall-appoġġ Komunitarju għall-perijodu ta’ programmazzjoni li jibda fl-1 ta’ Jannar 2007.

    Ir-Regolament Nru 1306/2013

    11

    L-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1306/2013”), jipprovdi dan li ġej:

    “Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li għandhom jiġu esklużi abbażi tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità reġistrat. Hija għandha tqis kif xieraq in-natura tal-ksur u tal-ħsara finanzjarja kkawżata lill-Unjoni. Hija għandha tibbaża l-esklużjoni fuq l-identifikazzjoni tal-ammonti minfuqin bla bżonn u, meta dawn ma jkunux jistgħu jiġu identifikati bi sforz proporzjonat, tista’ tapplika korrezzjonijiet estrapolati jew b’rata fissa. Korrezzjonijiet b’rata fissa għandhom jiġu applikati biss meta minħabba n-natura tal-każ jew minħabba li l-Istat Membru ma jkunx ipprovda l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni, ma jkunx possibbli bi sforz proporzjonat li tiġi identifikata b’mod aktar preċiż il-ħsara finanzjarja magħmula lill-Unjoni.”

    Id-deċiżjonijiet li japprovaw il-pjanijiet ta’ żvilupp rurali

    12

    Permezz tad-Deċiżjonijiet C(2004) 2949 final, tat-3 ta’ Awwissu 2004, u C(2007) 5076 final, tad-19 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni Ewropea approvat il-pjanijiet ta’ żvilupp rurali (iktar ’il quddiem il-“PŻR”) 2004–2006 u 2007–2013 rispettivament, li jipprevedu l-implimentazzjoni tal-azzjoni għall-“Irtirar antiċipat” fil-kuntest ta’ attività agrikola kummerċjali.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    13

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 23 sa 44 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-ħtiġiet tal-kawża preżenti, jitqassru kif ġej.

    14

    Mill-20 sal-24 ta’ April 2009 il-Kummissjoni wettqet verifika fil-Litwanja fuq l-approvazzjoni tal-konformità tal-miżura “Irtirar antiċipat fil-kuntest tal-attività agrikola kummerċjali” skont ir-Regolament Nru 1257/1999, fir-rigward tal-PŻR 2004–2006, u r-Regolament Nru 1698/2005, fir-rigward tal-PŻR 2007–2013.

    15

    Konformement mal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2008, L 322M, p. 162, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 885/2006”), il-Kummissjoni, fi tmiem il-proċedura, bagħtet il-pożizzjoni definittiva tagħha lill-awtoritajiet Litwani permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ottubru 2012. F’din l-ittra, wara li ċċitat l-opinjoni tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni u l-konklużjonijiet tiegħu li jinsabu fir-rapport finali tiegħu tas-27 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ attività agrikola kummerċjali” minn bidwi qabel ma jkun jista’ jibbenefika mill-miżura ta’ rtirar antiċipat. B’mod iktar partikolari, wara li ħadet nota tad-definizzjoni ta’ azjendi agrikoli ta’ semisussistenza fil-Litwanja stabbilita fil-kuntest tal-miżura “Agrikoltura ta’ semi-sussistenza”, il-Kummissjoni kkonkludiet li attività agrikola kummerċjali ddefinita ex post mir-Repubblika tal-Litwanja setgħet twassal sabiex jitqies li kienu jikkostitwixxu tali attivitajiet azjendi agrikoli li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet minimi sabiex jitqiesu bħala azjendi ta’ semisussistenza. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ċċitat l-eżempju ta’ azjenda agrikola li għandha żewġ baqriet li ġiet ikkunsidrata mill-awtoritajiet Litwani bħala li tikkostitwixxi attività agrikola kummerċjali, filwaqt li tali azjenda ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet minimi sabiex titqies bħala azjenda ta’ semisussistenza. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-verifiki ex post imwettqa mill-awtoritajiet Litwani ma kinux xierqa sabiex juru li r-riskju finanzjarju kien inqas mill-korrezzjoni finanzjarja proposta. Għaldaqstant, hija kkonkludiet li, peress li l-awtoritajiet Litwani ttrasponew b’mod inkomplet ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, kellha tiġi applikata korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa.

    16

    Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/123/UE tas-26 ta’ Frar 2013 dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-FAEGG, skont il-FAEG u skont il-FAEŻR (ĠU 2013, L 67, p. 20, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/123”), din l-istituzzjoni imponiet fuq ir-Repubblika tal-Litwanja korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 %, ta’ ammont totali ta’ EUR 3 033 008.85, għall-fondi mħallsa abbażi tal-miżura “Irtirar antiċipat” matul il-perijodu tal-ksur, f’dan il-każ mit-8 ta’ Lulju 2007 sal-15 ta’ Ottubru 2010.

    17

    F’rapport ta’ sinteżi, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor ir-raġunijiet għall-korrezzjonib’rata fissa li saret wara l-verifiki li kienet wettqet fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità. Hija indikat b’mod partikolari li l-awtoritajiet Litwani ma kinux urew li d-definizzjoni, stabbilita fil-kontroll imwettaq ex post tal-kunċett ta’ “attività agrikola kummerċjali” kienet konformi ma’ dik tal-azjendi ta’ semisussistenza u li, għaldaqstant, kontroll ex post imwettaq minn dawn l-awtoritajiet ma kienx xieraq sabiex juri li r-riskju finanzjarju kien inqas mill-korrezzjoni b’rata fissa imposta.

    18

    Ir-Repubblika tal-Litwanja ma kkontestatx id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/123 li tistabbilixxi din il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa.

    19

    Fis-27 ta’ Ġunju 2014, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu komunikazzjoni uffiċjali lir-Repubblika tal-Litwanja skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) u skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 885/2006, dwar il-fondi mħallsa abbażi tal-miżura “Irtirar antiċipat fil-kuntest ta’ attività agrikola kummerċjali” matul il-perijodu ta’ bejn is-16 ta’ Ottubru 2010 u l-15 ta’ Ottubru 2013.

    20

    Il-Kummissjoni indikat li din kienet komunikazzjoni uffiċjali addizzjonali dwar il-verifika li wasslet għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/123, filwaqt li ħabbret li kellha tiġi imposta korrezzjoni finanzjarja ġdida relatata ma’ dan il-perijodu fuq ir-Repubblika tal-Litwanja, u dan għal raġunijiet identiċi għal dawk imsemmija fir-rapport ta’ sinteżi ta’ din il-verifika.

    21

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet għal diversi dokumenti mfassla fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/123, inkluż għall-pożizzjoni definittiva tagħha tad-9 ta’ Ottubru 2012. Hija żiedet ukoll, fl-anness, ir-rapport ta’ sinteżi dwar din id-deċiżjoni, li jipprovdi li l-awtoritajiet Litwani ma kinux urew li d-definizzjoni, stabbilita fil-kontroll imwettaq ex post, tal-kunċett ta’ “attività agrikola kummerċjali” kienet konformi ma’ dik tal-azjendi ta’ semisussistenza u, għaldaqstant, li kontroll ex post imwettaq minn dawn l-awtoritajiet ma kienx xieraq sabiex juri li r-riskju finanzjarju kien inqas mill-korrezzjoni b’rata fissa proposta. Għalhekk, is-servizzi tal-Kummissjoni kkonkludew li minħabba dawn il-lakuni, kellha tiġi applikata korrezzjoni ġdida b’rata fissa ta’ 5 %.

    22

    Fis-17 ta’ Lulju 2014, il-Ministeru tal-Agrikoltura Litwan esprima bil-miktub in-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-korrezzjoni proposta mis-servizzi tal-Kummissjoni u talab li l-kawża titressaq quddiem il-Korp ta’ Konċiljazzjoni. F’din l-ittra, il-Ministeru tal-Agrikoltura Litwan enfasizza n-natura sproporzjonata tal-korrezzjoni l-ġdida proposta, peress li d-dannu li seta’ jsir lill-Unjoni, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn is-16 ta’ Ottubru 2010 u l-15 ta’ Ottubru 2013, kien jammonta biss għal EUR 16 788.34. Huwa fakkar ukoll il-kontenut tal-kontroll ex post tat-talbiet li kien twettaq mill-awtoritajiet Litwani kif ukoll il-kriterji li abbażi tagħhom jitwettaq dan il-kontroll. Barra minn hekk, huwa sostna li l-obbligu li jiġu applikati kriterji kwantitattivi, bħad-daqs tal-azjenda agrikola kkonċernata jew l-ammont tad-dħul irċevut, kien illegali. F’dan ir-rigward, huwa ddeskriva s-sitwazzjoni konkreta tal-Litwanja u l-konsegwenzi negattivi eventwali li tista’ twassal għalihom l-approssimazzjoni tal-kunċett tal-eżerċizzju ta’ “attività agrikola kummerċjali” ma’ dik tal-“azjendi ta’ semi-sussistenza”.

    23

    Fis-17 ta’ Diċembru 2014, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni indika li ma kienx possibbli li ssir konċiljazzjoni peress li din kienet korrezzjoni finanzjarja kontinwa, minħabba li din kienet korrezzjoni finanzjarja kontinwa, u l-korrezzjoni finanzjarja inizjali kienet ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/123, li ma kinitx ġiet ikkontestata.

    24

    Fl-10 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Litwani li, fin-nuqqas ta’ bidla sostanzjali tar-raġunijiet li kienu ppermettew l-impożizzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja inizjali, u fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet Litwani ma kinux adottaw l-inqas miżura korrettiva, kien iġġustifikat li din l-istess korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % tiġi applikata għall-infiq imwettaq abbażi tal-miżura “Irtirar antiċipat”.

    25

    Fit-22 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-Repubblika tal-Litwanja, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 %, ta’ ammont totali ta’ EUR 1 938 300.08, għall-fondi mħallsa abbażi tal-miżura “Irtirar antiċipat” matul il-perijodu ta’ bejn is-16 ta’ Ottubru 2010 u l-15 ta’ Ottubru 2013, minħabba li r-Repubblika tal-Litwanja ma kinitx wettqet kontroll xieraq tal-obbligu impost fuq il-bdiewa li jeżerċitaw attività agrikola kummerċjali qabel ma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna għall-irtirar antiċipat.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    26

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Settembru 2015, ir-Repubblika tal-Litwanja ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża billi invokat motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan il-motiv kien magħmul minn żewġ partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq il-fatt li l-korrezzjoni b’rata fissa imposta mid-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni u, min-naħa l-oħra, in-natura sproporzjonata ta’ din il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa.

    27

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors.

    It-talbiet tal-partijiet

    28

    Ir-Repubblika tal-Litwanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fil-kuntest tal-appell.

    29

    Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika tal-Litwanja għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    30

    Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika tal-Litwanja tqajjem żewġ aggravji. Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tiegħu, dan l-Istat Membru jsostni li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 33m(1) tar-Regolament Nru 1257/1999 meta ddeċidiet li l-pussess ta’ kwota tal-ħalib ma kienx jikkostitwixxi prova ċara tal-parteċipazzjoni ta’ bidwi Litwan f’attività agrikola kummerċjali. Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-provi meta, fil-punti 74 sa 79 tas-sentenza appellata ddeċidiet li l-Gvern Litwan ma kienx wera li l-pussess ta’ kwota tal-ħalib kien ifisser li l-bidwi kkonċernat kien jeżerċita attività agrikola kummerċjali.

    Fuq l-ewwel aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    31

    L-ewwel aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

    32

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Litwanja essenzjalment tilmenta li, fil-punti 72, 82 u 83 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat l-Artikolu 33m(1) tar-Regolament Nru 1257/1999 b’mod żbaljat. B’mod iktar partikolari, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma interpretatx din id-dispożizzjoni fis-sens li l-allokazzjoni ta’ kwota tal-ħalib lil bidwi Litwan hija kriterju sinjifikattiv għall-finijiet tal-eliġibbiltà tiegħu għall-iskema tal-irtirar antiċipat.

    33

    Skont ir-Repubblika tal-Litwanja, din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 33m(1) tar-Regolament Nru 1257/1999, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi li huma eliġibbli għall-iskema tal-irtirar antiċipat il-bdiewa Litwani li għalihom lilhom allokata kwota tal-ħalib, li fiha hemm indikat li l-kwoti tal-ħalib tal-bidwi li jittrasferixxi jiġu rrestitwiti lir-riżerva nazzjonali u li l-ammont ta’ sostenn huwa kkalkolat skont il-volum tal-kwota tal-ħalib.

    34

    Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Litwanja ssostni li d-deroga prevista fl-Artikolu 33m(1) tar-Regolament Nru 1257/1999 hija r-riżultat tat-teħid inkunsiderazzjoni espress tas-sitwazzjoni tas-settur tal-ħalib fil-Litwanja. Għaldaqstant, l-użu tal-kunċett ta’ “kwota tal-ħalib” f’din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma huwa insinjifikattiv.

    35

    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Litwanja essenzjalment tilmenta li l-Qorti Ġenerali applikat il-ġurisprudenza tagħha stess b’mod żbaljat billi, fil-punti 72, 78 u 84 tas-sentenza appellata qieset li s-sempliċi pussess ta’ kwota tal-ħalib jew is-sempliċi reġistrazzjoni ta’ annimal iddestinat għall-qatla fid-database kkonċernata ma kienx biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ attività agrikola kummerċjali min-naħa tal-bidwi. B’mod iktar partikolari, ir-Repubblika tal-Litwanja tagħmel riferiment għas-sentenza tal-25 ta’ Frar 2015, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (T‑257/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:111), li tgħid li l-kriterji marbuta mal-produzzjoni huma meħtieġa biss sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bidwi kienx jirċievi dħul reali u ma humiex intiżi sabiex jimponu livell minimu ta’ dinamiżmu ekonomiku tal-azjenda agrikola li taħtu din l-azjenda ma titqiesx li tikkostitwixxi attività agrikola kummerċjali.

    36

    Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Litwanja ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-pussess ta’ baqra waħda li tippermetti l-bejgħ ta’ 2 jew 3 litri ħalib kuljum jew il-pussess ta’ razzett kompost minn baqra waħda li sussegwentement tkun ingħatat għall-qatla kienu ta’ natura negliġibbli u għalhekk ma kinux ta’ natura li jiġġeneraw dħul reali. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet livell minimu li taħtu impriża agrikola ma tistax titqies li tikkostitwixxi attività agrikola kummerċjali.

    37

    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    38

    Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha.

    39

    Kif jippreċiża l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1257/1999, dan tal-aħħar huwa intiż, b’mod partikolari, li jsostni l-irtirar antiċipat fis-settur tal-agrikoltura sabiex, fost oħrajn, joffri dħul lill-bdiewa anzjani li jiddeċiedu li jieqfu mill-attività agrikola tagħhom u sabiex tittejjeb il-vijabbiltà ekonomika tal-azjendi agrikoli billi tiġi mħeġġa s-sostituzzjoni ta’ dawn il-bdiewa anzjani.

    40

    Sabiex ikun jista’ jibbenefika minn din l-iskema ta’ għajnuna għall-irtirar antiċipat, il-bidwi għandu jissodisfa tliet kundizzjonijiet, elenkati fl-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri jtemm definittivament kull attività agrikola għal finijiet kummerċjali, ikollu mill-inqas 55 sena mingħajr ma jkun laħaq l-età normali tal-irtirar fil-mument tat-trasferiment tal-attività agrikola tiegħu, u jkun eżerċita din l-attività agrikola matul l-għaxar snin li jippreċedu l-imsemmi trasferiment.

    41

    L-Artikolu 33m(1) tar-Regolament Nru 1257/1999 jipprevedi deroga applikabbli għar-Repubblika tal-Litwanja fir-rigward tal-imsemmija skema ta’ għajnuna għall-irtirar antiċipat. B’hekk, skont din id-dispożizzjoni, “[b]’deroga mit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 11(1) [ta’ dan ir-regolament], bdiewa fil-Litwanja li ġew allokati kwota fuq il-ħalib, għandhom ikunu eliġibbli għall-skema ta’ irtirar kmieni bil-kondizzjoni li jkollhom inqas minn 70 sena meta jsir it-trasferiment.”

    42

    Il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33m(1) tar-Regolament Nru 1257/1999 għalhekk ma tħalli lok għal ebda dubju dwar il-fatt li d-deroga li huwa jipprevedi tirrigwarda biss l-età tal-bdiewa Litwani kkonċernati. Minn naħa, huwa jindika b’mod ċar li din id-dispożizzjoni tipprevedi deroga “mit-tieni inċiż” tal-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar l-età. Min-naħa l-oħra, l-espressjoni “bil-kondizzjoni” li tinsab b’mod partikolari fil-verżjonijiet Franċiża, Spanjola, Taljana, Portugiża u Ingliża fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33m(1) tal-imsemmi regolament hija immedjatament segwita mir-riferiment għall-età ta’ dawn il-bdiewa.

    43

    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni, essenzjalment, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33m(1) tar-Regolament Nru 1257/1999 ma jidderogax mill-kundizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament, dwar l-eżerċizzju ta’ attività agrikola kummerċjali, minħabba li din tirrendi l-pussess ta’ kwota tal-ħalib kriterju determinanti fir-rigward ta’ dan l-eżerċizzju. Ir-riferiment għall-pussess ta’ tali kwota fir-realtà huwa intiż biss sabiex jiġu identifikati l-bdiewa Litwani li jistgħu jibbenefikaw mid-deroga bbażata fuq l-età li l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi.

    44

    Għalhekk, din id-deroga ma tistax teżenta lill-bdiewa li jixtiequ jibbenefikaw mill-għajnuna għall-irtirar antiċipat milli jagħtu l-prova li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra elenkati fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1257/1999 u, b’mod partikolari, li huma kienu jeżerċitaw attività agrikola kummerċjali.

    45

    Din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li d-deroga prevista fl-Artikolu 33m(1) ta’ dan ir-regolament hija, kif tindika r-Repubblika tal-Litwanja, ir-riżultat tat-teħid inkunsiderazzjoni espress tas-sitwazzjoni tas-settur tal-ħalib fil-Litwanja. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, ir-riferiment għall-pussess ta’ kwota tal-ħalib hija intiża biss sabiex jiġu identifikati l-bdiewa Litwani li jistgħu jibbenefikaw mid-deroga mill-kundizzjoni tal-età għall-finijiet tal-benefiċċju tal-iskema ta’ għajnuna għall-irtirar antiċipat. Fil-fatt, huma biss il-bdiewa Litwani li ngħataw kwota tal-ħalib li jistgħu jibbenefikaw minn din id-deroga marbuta mal-età.

    46

    Għaldaqstant, billi kkonstatat, minn naħa, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li s-sempliċi fatt li jkun ingħata kwota tal-ħalib ma jippermettix li jiġi konkluż li kien hemm eżerċizzju ta’ attività agrikola kummerċjali minn bidwi, u, min-naħa l-oħra, fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 33m(1) tar-Regolament Nru 1257/1999 jagħmel deroga biss għal dak li jirrigwarda l-età li għandhom jilħqu l-bdiewa Litwani sabiex jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna għall-irtirar antiċipat u li din id-deroga ma teżentax lil dawn il-bdiewa mill-obbligu li josservaw il-kundizzjonijiet l-oħra sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi.

    47

    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    48

    Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, li permezz tagħha r-Repubblika tal-Litwanja ssostni li l-Qorti Ġenerali, kuntrarjament għall-ġurisprudenza tagħha stess u għal dik tal-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilixxiet livell minimu li taħtu bidwi jkun preżunt li ma jeżerċitax attività agrikola kummerċjali, għandu jiġi rrilevat li din il-parti hija bbażata fuq qari żbaljat u inkomplet tas-sentenza appellata.

    49

    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet analiżi korretta tas-sitwazzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1257/1999 u tal-ġurisprudenza rilevanti.

    50

    Għalhekk, mill-punti 52 sa 56 tas-sentenza appellata jirriżulta li, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali sempliċement fakkret li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità li tista’ twassal għal korrezzjoni b’rata fissa, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, u li, sabiex tiġġustifika r-rifjut tagħha li timponi fuq il-baġit tal-Unjoni ċertu nfiq, hija għandha tipproduċi prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija jkollha fir-rigward tal-infiq imġarrab mill-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, huwa dan tal-aħħar li għandu jipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet sabiex wieħed jibbenefika mill-finanzjament irrifjutat mill-Kummissjoni huma ssodisfatti.

    51

    Fit-tieni lok, fil-punti 65 sa 67 ta’ din is-sentenza l-Qorti Ġenerali fakkret li, sabiex ikun eliġibbli għall-iskema tal-irtirar antiċipat, il-bidwi kkonċernat għandu jkun eżerċita attività agrikola kummerċjali. F’dan ir-rigward, fil-punt 68 tal-imsemmija sentenza hija ppreċiżat li l-fatt li wieħed jeżerċita attività li sempliċement tissodisfa l-bżonnijiet tiegħu u dawk tal-familja tiegħu ma jistax jiġi assimilat mal-eżerċizzju ta’ attività li tiġġenera dħul li tikkorrispondi għall-kwalifika ta’ “azjenda agrikola kummerċjali”. Hija ppreċiżat ukoll, fil-punt 69 ta’ din l-istess sentenza, li l-kriterji marbuta mal-produzzjoni huma meħtieġa biss sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bidwi kkonċernat kienx jirċievi dħul reali u ma humiex intiżi sabiex jimponu limitu minimu ta’ dinamiżmu ekonomiku tal-azjenda agrikola li taħtu l-operatur tagħha ma kienx ikun eliġibbli għall-għajnuna għall-irtirar antiċipat, minkejja li kien jeżerċita l-attività tiegħu għal finijiet kummerċjali.

    52

    Issa, f’dan il-każ, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punti 70 u 72 tas-sentenza appellata, id-dubju tal-Kummissjoni kien jirrigwarda l-fatt li s-sempliċi ċirkustanza li bidwi Litwan ikun irreġistrat fid-database li tiġbor fiha dawk li jkunu ngħataw kwoti tal-ħalib kien kriterju rilevanti sabiex jitqies li tali bidwi kien jeżerċita attività agrikola kummerċjali, minkejja li kien biżżejjed għalih li jkollu baqra waħda u li jbigħ 2 jew 3 litri ħalib kuljum sabiex ikun irreġistrat f’din id-database, u b’hekk ikun eliġibbli għall-għajnuna għall-irtirar antiċipat.

    53

    Għaldaqstant, kienet ir-Repubblika tal-Litwanja li kellha turi li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma kinux eżatti u li anki dawn l-azjendi żgħar li kienu rreġistrati fid-database tal-kwoti tal-ħalib kienu jiġġeneraw dħul reali u mhux negliġibbli, u b’hekk kienu jissodisfaw il-kriterju tal-eżerċizzju ta’ attività agrikola kummerċjali, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1257/1999, mingħajr ma jkollha tittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-portata tad-dinamiżmu ekonomiku tal-azjenda agrikola kkonċernata.

    54

    Issa, wara li evalwat, fil-punti 73 sa 77 ta’ din is-sentenza, il-provi kollha ppreżentati mir-Repubblika tal-Litwanja, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 78 ta’ din l-istess sentenza, li r-Repubblika tal-Litwanja ma kienx irnexxielha tneħħi d-dubju serju u raġonevoli tal-Kummissjoni dwar l-għoti eventwali tal-benefiċċju tal-għajnuna għall-irtirar antiċipat lil bdiewa Litwani li, minkejja li kienu ġew irreġistrati fid-database dwar il-kwoti tal-ħalib, kellhom biss baqra waħda u għalhekk ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li jirċievu dħul fil-kuntest ta’ attività agrikola għal finijiet kummerċjali.

    55

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma imponiet limitu minimu li taħtu tkun preżunta l-assenza ta’ attività agrikola kummerċjali, jiġifieri, f’dan il-każ, il-produzzjoni ta’ ħalib permezz ta’ baqra waħda.

    56

    Għaldaqstant, minn dan il-Qorti Ġenerali ġustament iddeduċiet, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni seta’ kellha dubji dwar ir-rilevanza tar-reġistrazzjoni tal-bdiewa Litwani f’databases relatati mas-settur agrikolu, bħad-database li tiġbor fiha l-operaturi li ngħataw kwoti tal-ħalib, bħala kriterju sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bidwi kkonċernat kienx eżerċita attività agrikola kummerċjali qabel seta’ jibbenefika mill-għajnuna għall-irtirar antiċipat.

    57

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    58

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    59

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Litwanja essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 74 sa 79 tas-sentenza appellata, żnaturat il-provi meta kkunsidrat li dan l-Istat Membru ma kienx wera li l-pussess ta’ kwota tal-ħalib kien jagħti prova tal-eżistenza ta’ attività agrikola kummerċjali.

    60

    It-tieni aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

    61

    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Litwanja essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, kellha tiddeduċi mill-provi li hija pprovdiet li l-miżura ta’ rtirar antiċipat kienet marbuta mal-iskema tal-kwoti tal-ħalib, li tirrendi r-reġistrazzjoni ta’ bidwi Litwan fid-database ta’ dawn il-kwoti bħala kriterju sinjifikattiv għall-finijiet tal-għoti tal-għajnuna għall-irtirar antiċipat. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Litwanja tindika li, quddiem il-Qorti Ġenerali, hija invokat verifika mwettqa mill-Kummissjoni fix-xahar ta’ April 2005 dwar l-applikazzjoni nazzjonali tal-miżuri ta’ għajnuna fis-settur tal-prodotti tal-ħalib u r-Rapport Speċjali Nru 4/2008 tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-kwoti tal-ħalib fl-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004.

    62

    Skont ir-Repubblika tal-Litwanja, dawn id-dokumenti kienu jikkostitwixxu indikatur tal-parteċipazzjoni fis-suq u, għaldaqstant, kienu ta’ natura li juru li bidwi Litwan li jkun ingħata kwota tal-ħalib kien jeżerċita attività agrikola kummerċjali. Ftit jimporta, f’dan ir-rigward, li ma kien hemm ebda kontroll fuq id-database dwar il-kwoti tal-ħalib waqt il-verifika mwettqa mill-20 sal-24 ta’ April 2009 fil-kuntest tal-miżura ta’ rtirar antiċipat, peress li l-iskema tal-kwoti tal-ħalib kienet ilha magħrufa mill-Kummissjoni mis-sena 2004.

    63

    Ir-Repubblika tal-Litwanja tikkunsidra wkoll li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, qieset li l-iskema tal-kwoti tal-ħalib ma kinitx marbuta mal-miżuri ta’ żvilupp rurali, bħall-miżura ta’ rtirar antiċipat. Fil-fatt, mill-Artikolu 33m(1) tar-Regolament Nru 1257/1999 jirriżulta b’mod ċar li l-ammonti ta’ għajnuna għall-irtirar antiċipat huma kkalkolati b’teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs tal-kwota tal-ħalib tal-azjenda, li tikkonferma għalhekk in-natura determinanti tal-kriterju dwar il-kwota tal-ħalib sabiex tinkiseb tali għajnuna.

    64

    Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Litwanja tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 75 sa 79 tas-sentenza appellata, ma ħaditx inkunsiderazzjoni provi prodotti quddiemha li jiġġustifikaw li l-allokazzjoni ta’ kwoti tal-ħalib lill-bdiewa Litwani kienet turi li dawn tal-aħħar kienu jikkummerċjalizzaw il-ħalib u kienu jrabbu numru xieraq ta’ annimali.

    65

    F’dan ir-rigward, hija tallega, l-ewwel nett, li dawn il-provi kienu jinsabu fil-punt 38(1) tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, kif ukoll fil-punti 21 u 33 tar-replika tagħha fl-ewwel istanza.

    66

    Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Litwanja ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-risposti li hija tat għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, minkejja li dawn ir-risposti kienu jsemmu disa’ kriterji li juru li l-bdiewa kkonċernati kienu rċevew dħul għall-produzzjoni tagħhom u li għalhekk huma kienu eżerċitaw attività agrikola kummerċjali.

    67

    Ir-Repubblika tal-Litwanja ssostni wkoll li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali tindika fil-punti 76 sa 78 tas-sentenza appellata, hija rrispondiet b’mod ċar għad-domanda dwar jekk is-sempliċi preżenza tal-bidwi fid-database dwar il-kwoti tal-ħalib kinitx tfisser li huwa kien meqjus li jeżerċita attività agrikola kummerċjali. F’dan ir-rigward, hija ssostni li fir-risposta li hija fformulat quddiem il-Qorti Ġenerali, hija indikat b’mod espress li “[hija] sostniet b’mod kostanti l-pożizzjoni, waqt il-proċess kollu ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni, li l-eżistenza ta’ inklużjoni fid-databases tikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex tikkonferma li tassew qiegħed jitwettaq l-eżerċizzju ta’ attività agrikola kummerċjali.[…]”.

    68

    Fl-aħħar nett, hija tqis li, kuntrarjament għal dak li tindika l-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata, argumenti oħra kienu jsostnu l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tar-rilevanza tal-inklużjoni ta’ bidwi fid-databse tal-kwoti tal-ħalib sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza, fir-rigward tiegħu, ta’ attività agrikola kummerċjali. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali messha wkoll ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti addizzjonali li hija pprovdiet, b’mod partikolari, fir-risposti tagħha għad-domandi magħmula minn din il-qorti, li kienu juru li 43 % tal-produtturi Litwani ma kinux kisbu kwota tal-ħalib, u dan kien jikkonferma l-verifika mwettqa mill-awtoritajiet Litwani tar-realtà tal-parteċipazzjoni fis-suq tal-bidwi kkonċernat u tal-ġbir ta’ dħul tiegħu.

    69

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    70

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li din ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali laqgħet insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, dment li dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u li l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli tal-proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti li tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għalhekk ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn l-elementi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    71

    Tali żnaturament jkun jeżisti meta, mingħajr ma jitressqu provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tkun tidher li hija manifestament żbaljata. Madankollu, dan l-iżnaturament għandu jidher b’mod manifest mid-dokumenti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Barra minn hekk, fejn appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa jrid jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati minnha u juri l-iżbalji fl-analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Il-Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑358/18 P, EU:C:2019:763, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    72

    Permezz tal-aggravju tagħha bit-titolu “Żnaturament tal-fatti” u mqassar kif ġej: “il-Qorti Ġenerali żnaturat […] il-fatti meta, fil-punti 74 sa 79 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet li l-Gvern Litwan naqas li juri li l-pussess ta’ kwota tal-ħalib ifisser li r-rikorrent kien impenjat fil-produzzjoni agrikola kummerċjali, fatt li essenzjalment ma kienx jikkorrispondi mad-dokumenti tal-kawża ppreżentati lilha”, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi minn żewġ aspetti.

    73

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegazzjoni ta’ żnaturament tal-provi fil-punt 74 tas-sentenza appellata, f’dak li jirrigwarda l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-iskema tal-kwoti tal-ħalib ma kinitx marbuta mal-miżuri ta’ żvilupp rurali, bħall-miżura ta’ rtirar antiċipat, din ma tistax ma tiġix miċħuda.

    74

    Fil-fatt, minn dan il-punt tas-sentenza appellata, li għandu jinqara flimkien mal-punt 73 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li kulma għamlet il-Qorti Ġenerali kien li tikkonstata li, għalkemm iż-żewġ dokumenti invokati mir-Repubblika tal-Litwanja kienu tabilħaqq relatati mal-iskema tal-kwoti tal-ħalib, huma madankollu ma kinux juru li l-funzjonament tad-database dwar il-kwoti tal-ħalib kienet is-suġġett tal-verifika mwettqa mill-20 sal-24 ta’ April 2009 fil-kuntest tal-miżura ta’ rtirar antiċipat u li, konsegwentement, il-Kummissjoni kienet taf bir-rabta bejn l-iskema tal-kwoti tal-ħalib u l-miżura ta’ għajnuna għall-irtirar antiċipat. Huwa għalhekk fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa sovrana tagħha ta’ evalwazzjoni tal-provi li l-Qorti Ġenerali minn dan iddeduċiet, fil-punt 74 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-iskema tal-kwoti tal-ħalib ma kinitx marbuta mal-miżuri ta’ żvilupp rurali, bħall-miżura ta’ rtirar antiċipat.

    75

    B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żnaturament tal-fatti u tal-provi.

    76

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment tar-Repubblika tal-Litwanja li jgħid li fil-punti 75 sa 79 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi intiżi li jistabbilixxu l-fatt li, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn kwota tal-ħalib, il-bdiewa Litwani kellhom jagħtu l-prova li huma kienu jikkummerċjalizzaw il-ħalib, dan ukoll għandu jiġi miċħud.

    77

    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li t-tieni parti tat-tieni aggravju fir-realtà hija bbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi prodotti mill-appellanti quddiemha. Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punt 54 tas-sentenza preżenti, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punti 75 sa 81 ta’ din is-sentenza, il-provi kollha prodotti mill-appellanti. Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

    78

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    79

    Peress li ż-żewġ aggravji mressqa mir-Repubblika tal-Litwanja insostenn tal-appell tagħha għandhom jiġu ddikjarati infondati, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq l-ispejjeż

    80

    Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Litwana tilfet, din għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Ir-Repubblika tal-Litwanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

    Top