EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0074

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2020.
LE vs Transportes Aéreos Portugueses SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Artikolu 7(1) – Kumpens tal-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira – Eżenzjoni – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – ‘Passiġġieri problematiċi’ (Unruly passengers) – Invokabbiltà tal-okkorrenza ta’ ċirkustanza straordinarja għal titjira mhux affettwata minnha – Kunċett ta’ ‘miżuri raġonevoli’.
Kawża C-74/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:460

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Artikolu 7(1) – Kumpens tal-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira – Eżenzjoni – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – ‘Passiġġieri problematiċi’ (Unruly passengers) – Invokabbiltà tal-okkorrenza ta’ ċirkustanza straordinarja għal titjira mhux affettwata minnha – Kunċett ta’ ‘miżuri raġonevoli’”

Fil-Kawża C‑74/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa (il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

LE

vs

Transportes Aéreos Portugueses SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby (Relatur), K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Diċembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Transportes Aéreos Portugueses SA, minn M. Riso, advogada,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u P. Lacerda kif ukoll minn P. Barros da Costa u L. Guerreiro, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Bartl kif ukoll minn A. Berg, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères u A. Ferrand, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, inizjalment minn G. Hesse, sussegwentement minn J. Schmoll, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Rechena u N. Yerrell, bħala aġenti,

għall-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA), minn S. Rostren u R. Sousa Uva, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LE u Transportes Aéreos Portugueses SA (iktar ’il quddiem “TAP”), trasportatur tal-ajru, dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jikkumpensa lil dan il-passiġġier li t-titjira tiegħu ġarrbet dewmien twil.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-Konvenzjoni ta’ Tokyo

3

Il-Konvenzjoni dwar Reati u Ċerti Atti Oħra li Jseħħu Abbord Inġenji tal-Ajru (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 704, p. 219, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Tokjo”) ġiet iffirmata f’Tokjo fl‑14 ta’ Settembru 1963 u daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ Diċembru 1969.

4

L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Tokjo, iżda l-Unjoni Ewropea ma hijiex.

5

L-Artikolu 1(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“Din il-Konvenzjoni tapplika:

a)

għar-reati tal-liġijiet kriminali;

b)

għall-atti li, indipendentement minn jekk jikkostitwixxux reat, jistgħu jikkompromettu jew jikkompromettu s-sigurtà tal-inġenju tal-ajru jew tal-persuni jew oġġetti abbord, jew jippreġudikaw il-bon ordni u d-dixxiplina abbord.”

6

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi:

“Meta l-bdot tal-inġenju tal-ajru jkollu raġuni li jemmen li persuna kkommettiet jew wettqet jew dalwaqt ser tikkommetti jew twettaq abbord reat jew att, imsemmi fl-Artikolu 1(1), huwa jista’ jieħu, fil-konfront ta’ dik il-persuna, il-miżuri raġonevoli, inklużi miżuri ta’ restrizzjoni, li huma neċessarji:

a)

sabiex jiggarantixxi s-sigurtà tal-inġenju tal-ajru jew tal-persuni jew oġġetti abbord;

b)

sabiex iżomm il-bon ordni u d-dixxiplina abbord;

c)

sabiex jippermettulu jikkonsenja l-imsemmija persuna lill-awtoritajiet kompetenti jew li jiżbarkaha skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu.”

7

Wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2020, tal-protokoll li jemenda l-Konvenzjoni dwar Reati u Ċerti Atti Oħra li Jseħħu Abbord Inġenji tal-Ajru, magħmul f’Montréal fl-4 ta’ April 2014, l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Tokjo ġie emendat. Madankollu, din l-emenda ma hijiex applikabbli, tal-inqas ratione temporis, għall-fatti tal-kawża prinċipali.

Il-Ftehim ŻEE

8

Taħt il-kapitolu intitolat “Trasport”, l-Artikolu 47(2) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 2991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), kif emendat bil-Ftehim dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU 2007, L 221, p. 15) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), jipprevedi li d-dispożizzjonijiet speċifici dwar il-mezzi kollha ta’ transport jinsabu fl-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE.

9

L-Artikolu 126(1) ta’ dan il-ftehim huwa fformulat kif ġej:

“Il-Ftehim għandu japplika għal dawk it-territorji li fihom japplikaw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea […] u taht il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dawk it-Trattati, u fit-territorji […] ta’ l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, [u r-]Renju tan-Norveġja […].”

10

Taħt it-titolu “Referenzi għat-Territorji”, il-punt 8 tal-Protokoll 1 tal-imsemmi ftehim jipprovdi:

“Kull meta atti msemmija jkun fihom referenzi għat-territorju tal-‘Komunità’ jew tas-‘suq komuni’ r-referenzi għandhom għall-finijiet tal-Ftehim jinftiehmu bhala referenzi għat-territorji tal-Partijiet Kontraenti kif imfissra fl-Artikolu 126 tal-Ftehim.”

11

Taħt it-titolu “Daħla”, l-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE, intitolat “Trasport – Lista prevista fl-Artikolu 47”, jipprovdi:

“Meta l-atti msemmijin f’dan l-Anness ikun fihom nozzjonijiet jew jirreferu għal proceduri li huma specifici għall-ordni legali Komunitarju, bhal ma huma:

il-preamboli,

lil min huma indirizzati l-atti Komunitarji,

referenzi għat-territorji jew lingwi tal-KE,

referenzi għad-drittijiet u l-obbligi ta’ l-Istati Membri tal-KE, l-entitajiet pubblici, l-impriżi u l-individwi tagħhom fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom, u

referenzi għal proceduri ta’ informazzjoni u notifika,

għandu japplika l-Protokoll Nru 1 dwar adattamenti orizzontali, sakemm ma jkunx specifikat mod iehor f’dan l-Anness.”

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 261/2004

12

Il-premessi 1 u 13 sa 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

“(1)

Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ‘Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[…]

(13)

Passiġġieri li t-titjiriet tagħhom huma kkanċellati għandhom jitħallew jew jiksbu rimbors tal-biljetti tagħhom jew jiksbu arranġament ieħor taħt kondizzjonijiet sodisfaċjenti, u ħsieb xieraq tagħhom għandu jiġi meħud waqt li qed jistennew titjira ta’ aktar tard.

(14)

Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

(15)

Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

13

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

(b)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Mebru għal liema japplika t-Trattat, kemm-il darba rċievu vantaġġi jew kumpens u ġew mogħtija assistenza f’dak il-pajjiż terz, jekk il-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera tat-titjira in kwistjoni hu trasportatur Komunitarju.”

14

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

(ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, […]

[…]

3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[…]”

15

Bit-titolu “Dritt għall-kumpens”, l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

[…]

(ċ)

EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

[…]”

16

Bit-titolu “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

(a)

rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti,

titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

(b)

rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá; jew

(ċ)

rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.”

Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008

17

Skont il-punt 7.d tal-Anness IV, intitolat “Ħtiġiet essenzjali għal operazzjonijiet ta’ l-ajru msemmijin fl-Artikolu 8” tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza ta’ l-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU 2008, L 79, p. 1):

“F’sitwazzjoni ta’ emerġenza, li tipperikola l-operazzjoni jew is-sikurezza ta’ l-inġenju ta’ l-ajru u/jew tal-persuni abbord, il-bdot fil-kmand għandu jieħu kwalunkwe azzjoni li huwa/hija jikkunsidra meħtieġa fl-interess tas-sikurezza. […]”

18

Ir-Regolament Nru 216/2008 tħassar, b’effett mill-11 ta’ Settembru 2018, bir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u Nru 216/2008 kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU 2018, L 212, p. 1). Ir-Regolament 2018/1139 madankollu ma japplikax ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

Ir-Regolament Nru 965/2012

19

Il-punt (a) tal-punt “CAT.GEN.MPA.105 Responsabbiltajiet tal-kmandant” tal-Anness IV, intitolat “Operazzjonijiet tat-Trasport Kummerċjali bl-Ajru” tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 (ĠU 2012, L 296, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 800/2013 tal-14 ta’ Awwissu 2013 (ĠU 2013, L 227, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 965/2012”), jipprovdi li:

“Minbarra li jikkonforma mal-punt CAT.GEN.MPA.100, il-kmandant għandu:

[…]

(4)

ikollu l-awtorità jniżżel minn fuq l-inġenju tal-ajru lil kwalunkwe persuna, jew kwalunkwe parti mit-tagћbija, li tista’ tirrappreżenta periklu potenzjali gћas-sikurezza tal-inġenju tal-ajru jew tal-okkupanti tiegћu;

(5)

ma jћallix lil persuna tinġarr fl-inġenju tal-ajru jekk din tidher li tkun taћt l-influwenza tal-alkoћol jew tad-droga, tant li x’aktarx tipperikola s-sikurezza tal-inġenju tal-ajru jew tal-okkupanti tiegћu;

[…]”

20

Il-punt “CAT.GEN.MPA.110 Awtorità tal-kmandant” ta’ dan l-anness huwa fformulat kif ġej:

“L-operatur gћandu jieћu l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jiżgura li l-persuni kollha li jkunu qed jinġarru fl-inġenju tal-ajru jobdu l-ordnijiet leġittimi kollha mogħtija mill-kmandant biex tkun żgurata s-sikurezza tal-inġenju tal-ajru u tal-persuni jew tal-proprjetà li jkun hemm fih.”

Ir-Regolament Nru 376/2014

21

Il-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU 2014, L 122, p. 18), jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(7)

‘okkorrenza’ tfisser kwalunkwe avveniment relatat mas-sikurezza li jipperikola jew li, jekk ma jiġix ikkoreġut jew indirizzat, jista’ jipperikola lill-inġenju tal-ajru, lil min ikun qiegħed abbord jew lil kwalunkwe persuna oħra u jinkludi b’mod partikolari aċċident jew inċident serju”.

22

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 376/2014 jipprovdi li:

“L-okkorrenzi li jistgħu jirrappreżentaw riskju sinifikanti għas-sikurezza tal-avjazzjoni u li jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin għandhom jiġu rrappurtati mill-persuni elenkati fil-paragrafu 6 permezz tas-sistemi obbligatorji ta’ rappurtar dwar l-okkorrenzi skont dan l-Artikolu:

(a)

okkorrenzi marbutin mat-tħaddim tal-inġenju tal-ajru, bħal:

(i)

okkorrenzi marbutin mal-kolliżjonijiet;

(ii)

okkorrenzi marbutin mat-tlugħ u l-inżul;

(iii)

okkorrenzi marbutin mal-karburant;

(iv)

okkorrenzi waqt it-titjira;

(v)

okkorrenzi marbutin mal-komunikazzjoni;

(vi)

okkorrenzi marbutin ma’ ħsara, emerġenzi u sitwazzjonijiet kritiċi oħrajn;

(vii)

l-inabbilitazzjoni tal-ekwipaġġ u ta’ ekwipaġġ ieħor relatat mal-okkorrenzi;

(viii)

il-kondizzjonijiet meteoroloġiċi jew okkorrenzi marbutin mas-sigurtà”.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1018

23

L-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1018 tad-29 ta’ Ġunju 2015 li jistabbilixxi lista ta’ klassifikazzjoni tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li għandhom jiġu rapportati b’mod mandatorju skont ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 (ĠU 2015, L 163, p. 1), jipprovdi li:

“Il-klassifikazzjoni dettaljata tal-okkorrenzi li għandha ssir referenza għalihom matul ir-rapportar, permezz ta’ sistemi ta’ rapportar mandatorji, l-okkorrenzi skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament [Nru 376/2014] hija stipulata fl-Annessi I sa V ta’ dan ir-Regolament.”

24

Fil-qasam tas-sigurtà, il-punt 6(2) tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2015/1018 isemmi, bħala okkorrenzi msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 376/2014, id-“[d]iffikultà biex jiġu kkontrollati passiġġieri intossikati, vjolenti jew li ma jirrispettawx ir-regoli”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25

LE bbukkja titjira ma’ TAP bi tluq minn Fortaleza (il-Brażil) b’destinazzjoni għal Oslo (in-Norveġja) u b’titjira ta’ konnessjoni f’Lisbona (il-Portugall).

26

Din it-titjira ġiet operata fil-21 ta’ Awwissu u fit-22 ta’ Awwissu 2017 b’dewmien ta’ madwar 24 siegħa għall-wasla f’Osla. Dan id-dewmien kien dovut għall-fatt li LE ma kienx f’pożizzjoni li jimbarka t-tieni titjira tat-titjira ta’ konnessjoni bejn Lisbona u Oslo, minħabba dewmien għall-wasla tal-ewwel titjira bejn Fortaleza u Lisbona. Dan id-dewmien tal-aħħar kien dovut għall-fatt li l-inġenju tal-ajru li opera din it-titjira, kellu jagħmel devjazzjoni lejn Las Palmas de Grande Canarie (Spanja) waqt it-titjira preċedenti tiegħu bejn Fortaleza u Lisbona, sabiex jiġi żbarkat passiġġier problematiku li gidem passiġġier u kien aggressiv fil-konfront ta’ passiġġieri oħra kif ukoll tal-membri tal-ekwipaġġ. Għaldaqstant, LE tqiegħed fuq it-titjira sussegwenti lejn Oslo, operata minn TAP, li kienet l-għada.

27

Minħabba dan id-dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat, LE talab lil TAP il-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 600 previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

28

Billi TAP irrifjuta li jħallas dan il-kumpens minħabba li d-dewmien twil kontenzjuż kien dovut għal ċirkustanza straordinarja u li ajruplan ieħor ma kienx jippermetti li dan id-dewmien jiġi rrimedjat, LE adixxa t-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa (il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona, il-Portugall).

29

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-klassifikassjoni legali taċ-ċirkustanza li wasslet għal dan id-dewmien, dwar il-punt jekk trasportatur tal-ajru responsabbli għat-titjira jistax jinvoka tali ċirkustanza meta din tkun affettwat l-inġenju tal-ajru li opera t-titjira kkonċernata, iżda seħħet matul it-titjira ta’ qabel din tal-aħħar, kif ukoll dwar in-natura raġonevoli tal-miżuri implimentati minn dan it-trasportatur.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa (il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-każ fejn passiġġier, matul titjira, jigdem lil passiġġieri oħra u jaggredixxi lill-ekwipaġġ li pprova jikkalmah, b’tali mod li kien jiġġustifika, skont il-kmandant tat-titjira, devjazzjoni lejn l-ajruport l-iktar qrib sabiex ikun jista’ jiġi żbarkat dan il-passiġġier u l-bagalji rispettivi tiegħu, liema fatt ta lok għal dewmien fil-wasla ta’ din it-titjira lejn id-destinazzjoni tagħha, jidħol fil-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” msemmi fil-premessa 14 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004?

2)

‘Ċirkustanza straordinarja’ vverifikata fit-titjira ta’ tluq, immedjatament qabel, li ġiet operata mill-istess ajruplan, hija rilevanti sabiex tiġi eskluża r-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru b’rabta mad-dewmien fil-wasla ta’ dan l-ajruplan fit-titjira ta’ ritorn, li fih ġie imbarkat il-passiġġier li ressaq it-talba għal kumpens, ir-rikorrent attwali?

3)

L-evalwazzjoni u l-konklużjoni min-naħa tal-konvenuta li l-provvista ta’ ajruplan ieħor ma kienx jevita d-dewmien diġà fis-seħħ kif ukoll it-trasferiment tal-passiġġier, ir-rikorrent attwali, lejn it-titjira tal-jum segwenti, inkwantu din il-kumpannija, attwalment konvenuta, kellha biss titjira kuljum lejn id-destinazzjoni finali tal-passiġġier, hija ekwivalenti għal aġir min-naħa tat-trasportatur tal-ajru, attwalment konvenuta, li fih din tal-aħħar adottat il-miżuri kollha reġonevoli minkejja li ma kienx possibbli li jiġi rrettifikat id-dewmien ikkonstatat, li jaqa’ taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004?”

Fuq id-domandi preliminari

Rimarka preliminari

31

Skont l-Artikolu 3(1)(b) tiegħu, ir-Regolament Nru 261/2004 japplika, b’mod partikolari, għall-passiġġieri li jtiru minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kemm-il darba huma ma jkunux irċevew benefiċċji jew kumpens u assistenza f’dan il-pajjiż terz, jekk il-trasportatur tal-ajru li jkun qiegħed jopera t-titjira inkwistjoni jkun trasportatur Komunitarju.

32

Għaldaqstant, b’applikazzjoni tal-Artikolu 47(2) tal-Ftehim ŻEE, moqri flimkien mal-Artikolu 126(1) tiegħu, il-punt 8 tal-Protokoll 1 ta’ dan il-Ftehim u l-Anness XIII tal-imsemmi Ftehim, ir-Regolament Nru 261/2004 japplika, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minnu, għat-titjiriet li jitilqu u li jaslu f’ajruport li jinsab fit-territorju Norveġiż.

33

Konsegwentement, u sa fejn imkien ma ġie invokat matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-passiġġier ikkonċernat irċieva fil-Brażil benefiċċji jew kumpens u assistenza, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifikah, titjira b’konnessjoni operata minn trasportatur Komunitarju, f’dan il-każ TAP, minn Fortaleza bid-destinazzjoni finali ta’ Oslo tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004.

Fuq l-ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-aġir problematiku ta’ passiġġier li ġġustifika d-devjazzjoni min-naħa tal-bdot fil-kmand tal-inġenju tal-ajru tat-titjira kkonċernata lejn ajruport differenti minn dak tal-wasla sabiex jiġi żbarkat dan il-passiġġier u l-bagalji tiegħu, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

35

Għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira jew ta’ dewmien twil, jiġifieri dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi l-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru previsti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 (sentenza tal-4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 18).

36

Skont il-premessi 14 u 15 kif ukoll l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-trasportatur tal-ajru huwa għalhekk eżentat mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jekk dan ikun jista’ jipprova li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien tat-titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla jkun dovut għal “ċirkustanzi straordinarji” li ma setgħux jiġu evitati anki kieku l-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu u, fil-każ tal-okkorrenza ta’ tali ċirkustanza, li huwa jkun adotta l-miżuri adatti għas-sitwazzjoni billi jimplimenta l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, sabiex jiġi evitat li din twassal għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien twil tat-titjira kkonċernata, mingħajr ma jkun jista’ jiġi rikjest minnu li jagħmel sagrifiċċji mhux tollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti (sentenza tal-4 ta’ Apri 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 19).

37

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-avvenimenti li, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jevitaw il-kontroll effettiv tiegħu, liema kundizzjonijiet huma kumulattivi, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 (sentenzi tal-4 ta’ Apri 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 20, u tat-12 ta’ Marzu 2020, Finnair, C‑832/18, EU:C:2020:204, punt 38).

38

Skont il-premessa 14 tal-imsemmi regolament, tali ċirkustanzi jistgħu jseħħu, b’mod partikolari, fil-każ ta’ riskju marbut mas-siġurtà (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 21).

39

Madankollu, huwa paċifiku li l-aġir problematiku ta’ passiġġier li ġġustifika li l-bdot fil-kmand tal-inġenju tal-ajru, li konformement mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Tokjo kif ukoll mal-punt 7.d tal-Anness IV tar-Regolament Nru 216/2008, għandu l-obbligu li jieħu l-miżuri kollha neċessarji fl-interess tas-sigurtà, jagħmel devjazzjoni tat-titjira kkonċernata lejn ajruport differenti minn dak tal-wasla sabiex jiġi żbarkat dan il-passiġġier u l-bagalji tiegħu, jimmina effettivament is-sigurtà ta’ din it-titjira.

40

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni indika, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 376/2014, moqri flimkien mal-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1018 u l-punt 6(2) tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, li d-diffikultajiet biex jiġu kkontrollati passiġġieri intossikati, vjolenti jew li ma jirrispettawx ir-regoli jistgħu jkunu ta’ riskju kbir għas-sigurtà fl-ajru u, minħabba dan il-fatt, jagħtu lok għal obbligu ta’ notifika permezz tas-sistemi għar-rappurtar obbligatorju tal-okkorrenzi previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 376/2014.

41

Barra minn hekk, minn naħa, aġir problematiku ta’ gravità tali li ġġustifika li l-bdot fil-kmand abbord jagħmel devjazzjoni tat-titjira kkonċernata ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat responsabbli għat-titjira.

42

Fil-fatt, minkejja li t-trasport bl-ajru tal-passiġġieri jikkostitwixxi l-ewwel missjoni tal-imsemmi trasportatur u naturalment jesponi lil dan tal-aħħar għall-fatt li jrid jikkontrolla l-aġir tal-passiġġieri li jittrasporta, xorta jibqa’ l-fatt li aġir bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix aġir li jista’ jiġi mistenni minn passiġġier li għandu mhux biss l-obbligu i jikkonforma ruħu mal-ordnijiet kollha tal-bdot fil-kmand mogħtija sabiex tkun żgurata s-sigurtà abbord, konformement mal-punt “CAT.GEN.MPA.110 Awtorità tal-kmandant” tal-Anness IV tar-Regolament Nru 965/2012 iżda wkoll li jiżgura li l-kuntratt tat-trasport, li jorbtu mat-trasportatur tal-ajru kkonċernat responsabbli għat-titjira, jiġi eżegwit b’mod tajjeb.

43

Min-naħa l-oħra, tali aġir ma jistax, fil-prinċipju, jiġi kkontrollat mit-trasportatur tal-ajru kkonċernat responsabbli għat-titjira, peress li, l-ewwel nett, dan jirriżulta minn passiġġier li, fil-prinċipju, l-aġir u r-reazzjonijiet tiegħu għat-talbiet tal-ekwipaġġ ma humiex prevedibbli u li, it-tieni nett, abbord l-inġenju tal-ajru, il-bdot fil-kmand kif ukoll l-ekwipaġġ għandhom biss mezzi limitati sabiex jikkontrollaw tali passiġġier.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni meħuda mill-bdot fil-kmand, b’reazzjoni għal dan l-aġir, li jagħmel devjazzjoni tal-inġenju tal-ajru sabiex jiġu żbarkati l-imsemmi passiġġier u l-bagalji tiegħu, konformement mal-punt (a) tal-punt “CAT.GEN.MPA.105 Responsabbiltajiet tal-kmandant” tal-Anness IV tar-Regolament Nru 965/2012, ittieħdet fil-kuntest tar-responsabbiltajiet li huwa għandu, skont l-Artikolu 8 u l-punt 7.d tal-Anness IV tar-Regolament Nru 216/2008, li jadotta kwalunkwe miżura li huwa jqis neċessarja fl-interess tas-sigurtà.

45

Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti jekk jidher, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifikah, li t-trasportatur tal-ajru kkonċernat responsabbli għat-titjira jirriżulta li kkontribwixxa għall-okkorrenza ta’ dan l-aġir problematiku tal-passiġġier ikkonċernat jew jekk it-trasportatur kien f’pożizzjoni li jantiċipa tali aġir u li jieħu l-miżuri xierqa f’mument meta huwa seta’ jagħmel dan mingħajr konsegwenzi kbar fuq l-iżvolġiment tat-titjira kkonċernata, billi jibbaża ruħu fuq sinjali bikrija ta’ tali aġir.

46

F’dan l-aħħar rigward, tali jista’ jkun fost oħrajn il-każ, bħalma jinvokaw l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Gvern Franċiż u dak Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, jekk it-trasportatur tal-ajru responsabbli għat-titjira pproċeda sabiex jimbarka passiġġier li kien qiegħed juri problemi ta’ aġir diġà qabel, jew saħansitra waqt l-imbark, u dan minkejja li, konformement mal-punt (b) tal-punt “NCC.GEN.106 Responsabbiltajiet u awtorità tal-bdot fil-kmand” tal-Anness VI tar-Regolament Nru 965/2012, il-bdot fil-kmand għandu l-awtorità sabiex jirrifjuta li jittrasporta jew sabiex jiżbarka ta’ kwalunkwe persuna, bagalja jew merkanzija li tista’ tirrappreżenta perikolu potenzjali gћas-sigurtà tal-inġenju tal-ajru jew tal-okkupanti tiegћu.

47

F’tali ipoteżi, l-aġir problematiku ta’ passiġġier, għalkemm jibqa mhux inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, xorta waħda seta’ jiġi kkontrollat mill-imsemmi trasportatur, u dan jeskludi lil tali aġir milli jiġi kklassifikat bħala “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

48

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aġir problematiku ta’ passiġġier li ġġustifika li l-bdot fil-kmand tal-inġenju tal-ajru jagħmel devjazzjoni tat-titjira kkonċernata lejn ajruport differenti minn dak tal-wasla sabiex jiġu żbarkati dan il-passiġġier u l-bagalji tiegħu jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm it-trasportatur tal-ajru responsabbli għat-titjira ma kkontribwixxiex għall-okkorrenza ta’ dan l-aġir jew naqas milli jieħu l-miżuri xierqa fid-dawl ta’ sinjali bikrija ta’ tali aġir, u dan huwa l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah.

Fuq it-tieni domanda

49

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu li jikkumpensa lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, trasportatur tal-ajru responsabbli għat-titjira jista’ jinvoka “ċirkustanza straordinarja” li ma affettwatx l-imsemmija titjira kkanċellata jew li ġarrbet dewmien iżda titjira preċedenti operata minnu permezz tal-istess inġenju tal-ajru.

50

Hekk kif tfakkar fil-punt 36 tas-sentenza preżenti, it-trasportatur tal-ajru jkun f’pożizzjoni li jeżenta ruħu mill-obbligi tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri skont l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jekk ikun f’pożizzjoni li jipprova, b’mod partikolari, li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil tat-titjira kkonċernata huma dovuti għal “ċirkustanzi straordinarji”.

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li la l-premessi 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 u lanqas l-Artikolu 5(3) tiegħu ma jillimitaw il-possibbiltà mogħtija lit-trasportaturi tal-ajru responsabbli għat-titjira li jinvokaw “ċirkustanza straordinarja” għas-sempliċi ipoteżi li l-imsemmija ċirkustanza tkun affettwat it-titjira li ġarrbet dewmien jew li ġiet ikkanċellata, bl-esklużjoni tal-ipoteżi li l-imsemmija ċirkustanza tkun affettwat titjira preċedenti operata mill-istess inġenju tal-ajru.

52

Min-naħa l-oħra, l-ibbianċjar tal-interessi tal-passiġġieri tal-ajru u dawk tat-trasportaturi tal-ajru li seħħ qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon I, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 67, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 39) jippreżumi li jittieħdu inkunsiderazzjoni kif jiġu operati l-inġenji tal-ajru mit-trasportaturi tal-ajru u, b’mod partikolari, l-fatt, invokat mill-partijiet ikkonċernati li ħadu parti f’din il-proċedura, li, tal-inqas għal ċerti kategoriji ta’ titjiriet, l-istess inġenju tal-ajru jista’ jwettaq diversi titjiriet suċċessivi matul l-istess ġurnata, li jimplika li kwalunkwe ċirkustanza straordinarja li taffetwa inġenju tal-ajru fuq titjira preċedenti għandha riperkussjoni fuq it-titjira jew titjiriet sussegwenti.

53

Għaldaqstant, trasportatur tal-ajru responsabbli għat-titjira għandu jkun jista’, sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu li jikkumpensa lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, jinvoka “ċirkustanza straordinarja” li tkun affettwat titjira preċedenti operata minnu stess permezz tal-istess inġenju tal-ajru.

54

Konsegwentement, u b’teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tal-għan imsemmi fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004 li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, iżda wkoll tal-formulazzjoni tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, l-invokazzjoni ta’ tali ċirkustanza straordinarja tippreżupponi li teżisti rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza ta’ din iċ-ċirkustanza li affettwat titjira preċedenti u d-dewmien jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira sussegwenti, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tevalwah fid-dawl tal-fatti għad-dispożizzjoni tagħha u b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari ta’ kif jiġi operat l-inġenju tal-ajru kkonċernat.

55

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu li jikkumpensa lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, trasportatur tal-ajru responsabbli għat-titjira jista’ jinvoka “ċirkustanza straordinarja” li tkun affettwat titjira preċedenti operata minnu permezz tal-istess inġenju tal-ajru, bil-kundizzjoni li jkun hemm rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza ta’ din iċ-ċirkustanza u d-dewmien jew il-kanċellazzjoni tat-titjira sussegwenti, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tevalwah, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-mod kif jiġi operat l-inġenju tal-ajru inkwistjoni mit-trasportatur tal-ajru kkonċernat responsabbli għat-titjira.

Fuq it-tielet domanda

56

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li trasportatur tal-ajru jipproċedi sabiex iqiegħed lil passiġġier fuq rotta differenti, permezz ta’ titjira operata minnu stess, u li tirriżulta fil-wasla tal-passiġġier l-għada tal-jum inizjalment previst u dan minħabba li l-inġenju tal-ajru li jkollu jittrasportah ikun ġie affettwat minn ċirkustanza straordinarja, jikkostitwixxi “miżura raġonevoli” li teħles lil dan it-trasportatur mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) u fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament.

57

Hekk kif tfakkar fil-punt 36 tas-sentenza preżenti, fil-każ ta’ okkorrenza ta’ ċirkustanza straordinarja, it-trasportatur tal-ajru responsabbli għat-titjira jinħeles mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens previst fl‑Artikolu 5(1)(ċ) u fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 biss jekk ikun f’pożizzjoni li jipprova li adotta l-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni billi jimplimenta l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu sabiex jevita li din iċ-ċirkustanza twassal għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien twil tat-titjira kkonċernata, mingħajr madankollu ma jkun jista’ jiġi rikjest minnu li jagħmel sagrifiċċji mhux tollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti.

58

Minn dan jirriżulta, konformement mal-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri msemmija fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll mar-rekwiżit li l-passiġġieri affettwati minn kanċellazzjoni jew dewmien twil tat-titjira jitqiegħdu fuq rotta differenti li tkun raġonevoli, sodisfaċenti li sseħħ fl-iqsar żmien, imsemmi fil-premessi 12 u 13 kif ukoll fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, li, fil-każ tal-okkorrenza ta’ ċirkustanza straordinarja, it-trasportatur tal-ajru li jkollu l-intenzjoni jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri, previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) u fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, billi jadotta miżuri raġonevoli mfakkra fil-punt preċedenti ma jistax, fil-prinċipju, sempliċement joffri lill-passiġġieri kkonċernati rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tagħhom permezz tat-titjira sussegwenti operata minnu stess u li tasal fid-destinazzjoni l-għada tal-jum inizjalment previst għall-wasla tagħhom.

59

Fil-fatt, id-diliġenza meħtieġa minn dan it-trasportatur tal-ajru sabiex ikun jista’ jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens jippreżumi li huwa jimplimenta l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiżgura rotta differenti li tkun raġonevoli, sodisfaċenti u li sseħħ fl-iqsar żmien, li fosthom hemm it-tfittxija ta’ titjiriet oħrajn diretti jew indiretti operati potenzjalment minn trasportaturi tal-ajru oħrajn li jappartjenu jew le għall-istess alleanza tal-linji tal-ajru u li tasal b’inqas dewmien mit-titjira sussegwenti tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat.

60

Għaldaqstant huwa biss jekk ma jkun hemm ebda post disponibbli fuq titjira oħra diretta jew indiretta li tippermetti lill-passiġġier ikkonċernat jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’inqas dewmien mit-titjira sussegwenti tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat jew jekk tali rotta differenti tkun tikkostitwixxi għal dan it-trasportatur tal-ajru sagrifiċċju mhux tollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti li l-imsemmi trasportatur tal-ajru għandu jitqies li implimenta l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex iqiegħed lill-passiġġier inkwistjoni fuq rotta differenti permezz tat-titjira sussegwenti operata minnu stess.

61

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li trasportatur tal-ajru jipproċedi sabiex iqiegħed passiġġier fuq rotta differenti, permezz ta’ titjira operata minnu stess u li tirriżulta fil-wasla ta’ dan il-passiġġier l-għada tal-jum inizjalment previst, minħabba li l-inġenju tal-ajru li kellu jittrasportah kien affettwat minn ċirkustanza straordinarja, ma jikkostitwixxix “miżura raġonevoli” li teħles lil dan it-trasportatur mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) u fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, sakemm ma kien hemm ebda possibbiltà oħra ta’ rotta differenti, diretta jew indiretta, permezz ta’ titjira operata minnu stess jew minn kwalunkwe trasportatur tal-ajru ieħor u li tasal b’inqas dewmien mit-titjira sussegwenti tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat jew sakemm it-twettiq ta’ tali rotta differenti kienet tikkostitwixxi għal dan tal-aħħar sagrifiċċju mhux tollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tevalwah.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aġir problematiku ta’ passiġġier li ġġustifika li l-bdot fil-kmand tal-inġenju tal-ajru jagħmel devjazzjoni tat-titjira kkonċernata lejn ajruport differenti minn dak tal-wasla sabiex jiġu żbarkati dan il-passiġġier u l-bagalji tiegħu jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm it-trasportatur tal-ajru responsabbli għat-titjira ma kkontribwixxiex għall-okkorrenza ta’ dan l-aġir jew naqas milli jieħu l-miżuri xierqa fid-dawl ta’ sinjali bikrija ta’ tali aġir, u dan huwa l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah.

 

2)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu li jikkumpensa lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, trasportatur tal-ajru responsabbli għat-titjira jista’ jinvoka “ċirkustanza straordinarja” li tkun affettwat titjira preċedenti operata minnu permezz tal-istess inġenju tal-ajru, bil-kundizzjoni li jkun hemm rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza ta’ din iċ-ċirkustanza u d-dewmien jew il-kanċellazzjoni tat-titjira sussegwenti, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tevalwah, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-mod kif jiġi operat l-inġenju tal-ajru inkwistjoni mit-trasportatur tal-ajru kkonċernat responsabbli għat-titjira.

 

3)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li trasportatur tal-ajru jipproċedi sabiex iqiegħed passiġġier fuq rotta differenti, permezz ta’ titjira operata minnu stess u li tirriżulta fil-wasla ta’ dan il-passiġġier l-għada tal-jum inizjalment previst, minħabba li l-inġenju tal-ajru li kellu jittrasportah kien affettwat minn ċirkustanza straordinarja, ma jikkostitwixxix “miżura raġonevoli” li teħles lil dan it-trasportatur mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) u fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, sakemm ma kien hemm ebda possibbiltà oħra ta’ rotta differenti, diretta jew indiretta, permezz ta’ titjira operata minnu stess jew minn kwalunkwe trasportatur tal-ajru ieħor u li tasal b’inqas dewmien mit-titjira sussegwenti tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat jew sakemm it-twettiq ta’ tali rotta differenti kienet tikkostitwixxi għal dan tal-aħħar sagrifiċċju mhux tollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tevalwah.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top