This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CJ0025
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 27 February 2020.#Corporis Sp. z o.o. v Gefion Insurance A/S.#Request for a preliminary ruling from the Sąd Okręgowy w Poznaniu.#Reference for a preliminary ruling — Directive 2009/138/EC — Representation of a non-life insurance undertaking — Representative permanently resident in national territory — Service of documents — Receipt of the document initiating proceedings — Regulation (EC) No 1393/2007 — Non-applicability.#Case C-25/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-27 ta’ Frar 2020.
Corporis Sp. z o.o. vs Gefion Insurance A/S.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Poznaniu.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/138/KE – Rappreżentanza ta’ impriża ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja – Rappreżentant iddomiċiljat fit-territorju nazzjonali – Notifika jew komunikazzjoni ta’ atti – Riċezzjoni tal-att promotur – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Nuqqas ta’ applikabbiltà.
Kawża C-25/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-27 ta’ Frar 2020.
Corporis Sp. z o.o. vs Gefion Insurance A/S.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Poznaniu.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/138/KE – Rappreżentanza ta’ impriża ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja – Rappreżentant iddomiċiljat fit-territorju nazzjonali – Notifika jew komunikazzjoni ta’ atti – Riċezzjoni tal-att promotur – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Nuqqas ta’ applikabbiltà.
Kawża C-25/19.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:126
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
27 ta’ Frar 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/138/KE – Rappreżentanza ta’ impriża ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja – Rappreżentant iddomiċiljat fit-territorju nazzjonali – Notifika jew komunikazzjoni ta’ atti – Riċezzjoni tal-att promotur – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Nuqqas ta’ applikabbiltà”
Fil-Kawża C‑25/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura
Corporis sp. z o.o.
vs
Gefion Insurance A/S,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn L. S. Rossi (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Corporis sp. z o.o., minn P. Nowosielski u P. Mazgaj, radcowie prawni, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa‑Lacombe, M. Heller u S. L. Kalėda, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 219, p. 66, fil-ĠU 2016, L 262, p. 34, u fil-ĠU 2019, L 316, p. 107), kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Corporis sp. z o.o., kumpannija tal-assigurazzjoni li għandha s-sede tagħha fil-Polonja, u Gefion Insurance A/S, kumpannija tal-assigurazzjoni li għandha s-sede tagħha fid-Danimarka, dwar il-kumpens għad-danni kkawżati minn inċident tat-traffiku. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 76, 105 u 127 tad-Direttiva 2009/138 jipprevedu:
[…]
[…]
|
4 |
Skont l-Artikolu 147 ta’ din id-direttiva: “Kwalunkwe impriża tal-assigurazzjoni li jkollha l-intenzjoni teżerċita negozju għall-ewwel darba fi Stat Membru wieħed jew iktar taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandha l-ewwel tinnotifika lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha, bl-indikazzjoni tan-natura tar-riskji jew tal-impenji li tipproponi li tkopri.” |
5 |
L-Artikolu 148 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “1. Fi żmien xahar min-notifika prevista fl-Artikolu 147, l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża għandhom jikkomunikaw dan li ġej lill-Istat Membru jew l-Istati Membri li fit-territorji tagħhom l-impriża tal-assigurazzjoni jkollha l-intenzjoni li teżerċita negozju fl-ambitu tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi: […]
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru tal-impriża għandhom jinfurmaw l-impriża tal-assigurazzjoni kkonċernata b’dik il-komunikazzjoni. 2. L-Istati Membri li fit-territorju tagħhom impriża tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja jkollha l-intenzjoni, skont il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi, li tkopri riskji fil-klassi 10 fil-Parti A fl-Anness I barra mir-responsabbiltà ta’ trasportatur, jistgħu jirrikjedu li impriża tal-assigurazzjoni [mhux tal-ħajja] tissottometti dan li ġej:
[…]” |
6 |
L-Artikolu 151 tal-istess direttiva, intitolat “Non-diskriminazzjoni ta’ persuni li jressqu klejms”, li jinsab fit-Titolu I, Kapitolu VIII, Taqsima 1, subtaqsima 2, tagħha, intitolat “Responsabbiltà ta’ terzi għar-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur”, huwa fformulat kif ġej: “L-Istat Membru ospitanti għandu jeħtieġ lill-impriża tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja li tiżgura li l-persuni li għandhom klejms li joriġinaw minn avvenimenti li jseħħu fit-territorju tiegħu ma jitqiegħdux f’sitwazzjoni anqas favorevoli bħala riżultat tal-fatt li l-impriża tkun qiegħda tkopri riskju, ta’ xort’ oħra minn responsabbiltà ta’ trasportatur, fil-klassi 10 fil-Parti A tal-Anness I permezz ta’ provvista ta’ servizzi iktar milli permezz ta’ stabbiliment li jkun jinstab f’dak l-Istat.” |
7 |
L-Artikolu 152 tad-Direttiva 2009/138, bit-titolu “Rappreżentant [Rappreżentazzjoni]”, jipprevedi: “1. Għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 151, l-Istat Membru ospitanti għandu jeħtieġ lill-impriża tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja li taħtar rappreżentant residenti jew stabbilit fit-territorju tiegħu li għandu jiġbor l-informazzjoni kollha neċessarja fir-rigward ta’ klejms, u għandu jkollu poteri suffiċjenti biex jirrappreżenta lill-impriża fir-rigward ta’ persuni li jsofru ħsara jew li jistgħu jsegwu klejms, inkluż il-pagament ta’ dawn il-klejms, u li jirrappreżentaha jew, meta neċessarju, li jara li tkun rappreżentata quddiem il-qrati u l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru f’relazzjoni għal dawn il-klejms. Dak ir-rappreżentant jista’ wkoll ikun meħtieġ li jirrappreżenta l-impriża tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja quddiem l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-kontroll tal-eżistenza u l-validità ta’ poloz ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ta’ vetturi bil-mutur. 2. L-Istat Membru ospitanti ma għandhux jeħtieġ li dak ir-rappreżentant jidħol għal attivitajiet għan-nom tal-impriża tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja li tkun ħatritu barra minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 1. […]” |
8 |
Skont il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1393/2007: “Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal notifika [u komunikazzjoni] ta’ att lir-rappreżentant awtorizzat tal-parti fl-Istat Membru fejn qed jitwettqu l-proċedimenti, indipendentement mill-post tar-residenza ta’ dik il-parti.” |
9 |
L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal notifika hemmhekk. […]” |
Id-dritt Pollakk
10 |
L-Artikolu 133(2) tal-ustawa Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 1360), jipprevedi: “L-atti proċedurali jew id-deċiżjonijiet indirizzati lil persuna ġuridika jew lil entità li ma għandhiex personalità ġuridika għandhom jiġu nnotifikati lill-korp awtorizzat li jirrappreżentahom quddiem qorti jew lil kollaboratur awtorizzat sabiex jirċievi l-atti proċedurali.” |
11 |
Il-punt 6 tal-Artikolu 177(1) ta’ din il-liġi jipprevedi: “Il-qorti tista’ tissospendi ex officio l-proċeduri jekk dawn ma jistgħux ikomplu minħabba li l-indirizz tar-rikorrent ma ġiex speċifikat jew ġie indikat ħażin, li r-rikorrent ma jindikax fit-terminu stabbilit l-indirizz tal-konvenut jew l-informazzjoni li tippermetti lill-qorti tistabbilixxi n-numri msemmija fl-Artikolu 208 […], jew li r-rikorrent ma jikkonformax ruħu ma’ ordnijiet oħra li jsirulu.” |
12 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 182(1) tal-imsemmija liġi hija fformulata kif ġej: “Il-qorti għandha tagħlaq il-proċedura sospiża fuq talba tal-partijiet jew fuq talba tal-werrieta, jew għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 5 u 6 tal-Artikolu 177(1), jekk talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ma tkunx ġiet imressqa fit-terminu ta’ sena mid-data tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni.” |
13 |
L-Artikolu 208(1)(b) tal-ustawa o działalności ubezpieczeniowej i reasekuracyjnej (il-Liġi dwar l-Attivitajiet tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni), tal‑11 ta’ Settembru 2015 (Dz. U tal-2018, pożizzjoni 999), li jittrasponi fid-dritt Pollakk l-Artikolu 152 tad-Direttiva 2009/138, jipprevedi: “Impriża ta’ assigurazzjoni barranija li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru […] li ma huwiex ir-Repubblika tal-Polonja, li, fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u permezz ta’ mezz ieħor li ma huwiex il-ħolqien ta’ fergħa, għandha l-intenzjoni li teżerċita fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja attività ta’ assigurazzjoni fil-qasam tal-assigurazzjonijiet imsemmija fil-grupp 10 tal-Parti II tal-anness tal-liġi, ħlief fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili tal-impriżi ta’ trasport, tittrażmetti lill-awtorità ta’ sorveljanza, permezz tal-awtorità tal-Istat tagħha:
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Corporis hija kumpannija tal-assigurazzjoni stabbilita fil-Polonja li ġiet issurrogata fid-drittijiet għal kumpens tal-proprjetarju ta’ vettura assigurata fil-Polonja, implikata f’inċident tat-traffiku. Gefion Insurance hija kumpannija ta’ assigurazzjoni stabbilita fid-Danimarka li tkopri r-riskji tal-persuna l-oħra implikata f’dan l-inċident. |
15 |
Gefion Insurance ħatret lil Crawford Polska sp. z o.o., li għandha s-sede tagħha fil-Polonja, bħala impriża li għandha s-setgħa tirrappreżentaha ma’ persuni li sofrew dannu fil-Polonja, skont l-Artikolu 152 tad-Direttiva 2009/138. F’dan ir-rigward, Crawford Polska, responsabbli mir-regolazzjoni tal-inċidenti għan-nom ta’ Gefion Insurance, b’hekk issodisfat it-talba għal kumpens prinċipali mressqa minn Corporis fir-rigward tal-inċident inkwistjoni. |
16 |
Quddiem is-Sąd Rejonowy Poznań – Stare Miasto (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań Stare Miasto, il-Polonja), Corporis talbet il-pagament ta’ somma ta’ 157.41 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 30), flimkien mal-interessi kif ukoll l-ispejjeż. |
17 |
Dik il-qorti, li kienet qiegħda tiddeċiedi fl-ewwel istanza, ordnat in-notifika tal-att promotur lil Gefion Insurance, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007. Din il-kumpannija rrifjutat li tikkonferma r-riċezzjoni minħabba li dan l-att kien redatt bil-lingwa Pollakka. |
18 |
Għalhekk, permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Lulju 2018, is-Sąd Rejonowy Poznań – Stare Miasto (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań Stare Miasto) talbet lil Corporis tħallas antiċipu ta’ PLN 5000 (madwar EUR 1150) sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ traduzzjoni bil-lingwa Daniż tad-dokumenti ddestinati għal Gefion Insurance, taħt piena ta’ sospensjoni tal-proċedura. |
19 |
Corporis irrifjutat li tħallas dan l-antiċipu billi sostniet li Gefion Insurance kienet irrappreżentata minn kumpannija stabbilita fil-Polonja, jiġifieri Crawford Polska, li kienet responsabbli sabiex tirrappreżenta lil Gefion Insurance bil-lingwa Pollakka quddiem il-qorti nazzjonali adita. Minħabba f’hekk, xejn ma jiġġustifika t-talba għal pagament ta’ antiċipu għat-traduzzjoni bil-lingwa Daniża tal-imsemmi att promotur. |
20 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Settembru 2018, is-Sąd Rejonowy Poznań – Stare Miasto (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań Stare Miasto) issospendiet il-proċeduri minħabba li dawn ma setgħux jitkomplew, peress li Corporis ma kinitx ħallset l-antiċipu dwar l-ispejjeż ta’ traduzzjoni tad-dokumenti ddestinati għal Gefion Insurance. |
21 |
Corporis ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja), billi invokat, b’mod partikolari, ksur tal-Artikolu 208(1) tal-Liġi dwar l-Attivitajiet tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni, li jittrasponi l-Artikolu 152 tad-Direttiva 2009/138. |
22 |
Skont dik il-qorti, hemm dubji dwar il-kwistjoni jekk is-Sąd Rejonowy Poznań – Stare Miasto (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań Stare Miasto) applikatx korrettement id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007 billi ordnat in-notifika tal-att promotur lill-kumpannija ta’ assigurazzjoni stabbilita fid-Danimarka u mhux lir-rappreżentant tagħha, stabbilit fil-Polonja, responsabbli mir-regolazzjoni ta’ inċidenti, fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 151 u tal-Artikolu 152(1) u (2) tad-Direttiva 2009/138. |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi s-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 152(1) u (2) tad-Direttiva 2009/138 […], moqri flimkien mal-Artikolu 151 ta’ din l-istess direttiva u l-premessa 8 tar-Regolament Nru 1393/2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rappreżentanza ta’ impriża tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja mir-rappreżentant maħtur tinkludi r-riċezzjoni ta’ att promotur għal danni rigward inċident tat-traffiku?” |
Fuq id-domanda preliminari
24 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 152(1) tad-Direttiva 2009/138, moqri flimkien mal-Artikolu 151 tagħha u mal-premessa 8 tar-Regolament Nru 1393/2007, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ħatra minn impriża ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja ta’ rappreżentant fl-Istat Membru ospitanti tinkludi wkoll l-awtorizzazzjoni ta’ dan ir-rappreżentant li jirċievi att promotur fil-qasam tal-kumpens minħabba inċident tat-traffiku. |
25 |
F’dan il-każ, id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007, il-qorti tal-ewwel istanza ordnatx korrettement lil kumpannija tal-assigurazzjoni stabbilita fil-Polonja tinnotifika att promotur lil kumpannija tal-assigurazzjoni stabbilita fid-Danimarka jew jekk dan l-att kellux jiġi nnotifikat lill-impriża maħtura minn din tal-aħħar, skont l-Artikolu 152 tad-Direttiva 2009/138, li minħabba f’hekk kellha s-setgħa tirrappreżentaha mal-persuni li sofrew dannu kif ukoll quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru. |
26 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, hemm lok, qabel kollox, li jiġi vverifikat jekk ir-Regolament Nru 1393/2007 huwiex applikabbli f’dan il-każ. |
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, dan ir-regolament huwa applikabbli f’materji ċivili u kummerċjali, meta att ġudizzjarju jew ekstraġudizzjarju għandu jiġi trażmess minn Stat Membru għal ieħor sabiex jiġi nnotifikat jew ikkomunikat hemmhekk. |
28 |
Madankollu, il-premessa 8 tal-imsemmi regolament tindika espressament li dan tal-aħħar ma għandux japplika għan-notifika u l-komunikazzjoni ta’ att lir-rappreżentant li ngħata mandat minn parti fl-Istat Membru fejn żvolġiet l-istanza, ikun liema jkun il-post ta’ residenza ta’ din il-parti. |
29 |
Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, mill-interpretazzjoni sistematika tar-regolament inkwistjoni jirriżulta li dan jipprevedi biss żewġ ċirkustanzi li fihom in-notifika ta’ att ġudizzjarju bejn l-Istati Membri ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jiġifieri, minn naħa, meta d-domiċilju jew il-post ta’ residenza abitwali tad-destinatarju ma huwiex magħruf u, min-naħa l-oħra, meta dan tal-aħħar ikun ħatar rappreżentant b’mandat fl-Istat fejn tiżvolġi l-proċedura ġudizzjarja. Min-naħa l-oħra, fil-każijiet l-oħra, meta d-destinatarju ta’ att ġudizzjarju jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, in-notifika ta’ dan l-att taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007 u għandha, għaldaqstant, kif jipprevedi l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, titwettaq permezz ta’ mezzi stabbiliti mill-imsemmi regolament innifsu għal dan il-għan (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punti 24 u 25, kif ukoll tas‑16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 68 u 69). |
30 |
Issa, huwa paċifiku li Gefion Insurance, destinatarja tal-att ġudizzjarju indirizzat lilha minn Corporis, ħatret lil Crawford Polska bħala entità li għandha s-setgħa tirrappreżentaha ma’ persuni li sofrew dannu fil-Polonja kif ukoll quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 152 tad-Direttiva 2009/138. |
31 |
Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 1393/2007 ma japplikax f’dan il-każ. |
32 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, kif tiddikjara l-premessa 76 tad-Direttiva 2009/138, fid-dawl tal-mobbiltà dejjem tikber taċ-ċittadini tal-Unjoni, l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-karozzi qiegħda ssir dejjem iktar u iktar fuq bażi transkonfinali. |
33 |
B’hekk, is-sistema stabbilita minn din id-direttiva tippermetti b’mod partikolari lil impriża ta’ assigurazzjoni stabbilita fi Stat Membru li teżerċita l-attivitajiet tagħha fi Stat Membru ieħor permezz ta’ fergħa jew abbażi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
34 |
Fir-rigward ta’ din it-tieni possibbiltà, li minnha għamlet użu Gefion Insurance sabiex toffri s-servizzi tagħha fil-Polonja, din hija kkaratterizzata mill-fatt li ma huwiex neċessarju li tinħoloq entità ġuridika fl-Istat Membru ospitanti sabiex hemmhekk teżerċita tali attivitajiet. Għal dan il-għan huwa biżżejjed, konformement mal-Artikolu 147 tad-Direttiva 2009/138, b’mod partikolari li l-impriża ta’ assigurazzjoni li tixtieq teżerċita għall-ewwel darba l-attivitajiet tagħha fl-Istat Membru ospitanti abbażi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinforma lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-Istat Membru ta’ oriġini bl-intenzjoni tagħha billi tindika n-natura tar-riskji u tal-impenji li hija tipproponi li tkopri u li dawn l-awtoritajiet jittrażmettu lil dawk tal-Istat Membru ospitanti, konformement mal-Artikolu 148 ta’ din id-direttiva, l-informazzjoni rikjesta minn din id-dispożizzjoni, dwar l-impriża ta’ assigurazzjoni kkonċernata. |
35 |
Madankollu, fid-dawl tad-diffikultà li jiġu ppreżentati rikorsi kontra impriża ta’ assigurazzjoni li teżerċita attivitajiet transkonfinali abbażi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-Artikolu 151 tad-Direttiva 2009/138 jirrikjedi li l-Istat Membru ospitanti jeżiġi mill-impriża ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja kkonċernata li tiżgura li l-persuni li jressqu talba għal kumpens minħabba avvenimenti li jseħħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ma jitqegħdux f’sitwazzjoni inqas favorevoli minħabba l-fatt li din l-impriża tkopri riskju taħt is-sistema ta’ provvista ta’ servizzi u mhux permezz ta’ stabbiliment li jinsab f’dan l-Istat Membru. |
36 |
Għal dan il-għan, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 152(1) ta’ din id-direttiva, l-Istat Membru ospitanti għandu jirrikjedi mill-impriża ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja kkonċernata li taħtar rappreżentant residenti jew stabbilit fit-territorju tiegħu li għandu poteri suffiċjenti sabiex jirrappreżenta lil din l-impriża kemm mal-persuni li jkunu sofrew dannu, u li jistgħu, minħabba dan il-fatt, jitolbu kumpens kif ukoll fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji eventwalment mibdija minn dawn il-persuni quddiem il-qrati u l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru. |
37 |
Sa fejn din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax il-portata eżatta tas-setgħat fdati f’dan ir-rigward lir-rappreżentant tal-impriża ta’ assigurazzjoni u, b’mod partikolari, jekk is-setgħa ta’ rappreżentanza tinkludix il-possibbiltà għall-imsemmi rappreżentant li jirċievi n-notifiki ta’ atti ġudizzjarji, hemm lok, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni kif ukoll l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2009/138 hija intiża b’mod partikolari sabiex tiggarantixxi, konformement mal-premessa 105 tagħha, ugwaljanza fit-trattament tal-persuni kollha detenturi u benefiċjarji ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom jew mill-post ta’ residenza tagħhom. |
39 |
F’dan il-kuntest, l-Artikolu 152(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 151 tagħha, għandu l-għan li jippermetti kumpens effikaċi lill-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku li jirrisjedu fi Stat Membru li fih impriża ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja tipprovdi s-servizzi tagħha, u dan minkejja li hija ma jkollhiex stabbiliment hemmhekk. |
40 |
Fil-fatt, l-obbligu ta’ din l-impriża li taħtar rappreżentant fl-Istat Membru ospitanti, previst fl-imsemmi Artikolu 152(1), jimplika li tali rappreżentant għandu s-setgħa, minn naħa, li jiġbor l-informazzjoni kollha neċessarja fir-rigward tal-fajls ta’ kumpens u, min-naħa l-oħra, li jirrappreżenta lill-imsemmija impriża mhux biss quddiem il-persuni li jistgħu jitolbu kumpens għad-dannu subit, iżda wkoll fil-proċeduri ġudizzjarji kollha dwar it-talbiet għal kumpens imressqa quddiem il-qrati tal-Istat Membru ospitanti. |
41 |
B’hekk, il-funzjoni ta’ tali rappreżentant tikkonsisti f’li jiffaċilita l-passi meħuda mill-vittmi ta’ inċidenti u, b’mod partikolari, li jippermettilhom li jressqu l-ilment tagħhom fil-lingwa tagħhom stess, jiġifieri dik tal-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant, ikun kuntrarju għall-għan imfittex mill-Artikolu 152(1) tad-Direttiva 2009/138 li dawn il-vittmi jiġu mċaħħda, ladarba jkunu ħadu l-passi tagħhom minn qabel direttament ma’ dan ir-rappreżentant, u għaldaqstant li huma jkunu jistgħu jibdew azzjoni diretta kontra l-assiguratur inkwistjoni, mill-possibbiltà li jinnotifikaw l-atti ġudizzjarji lill-imsemmi rappreżentant bil-għan li titressaq azzjoni għad-danni quddiem l-imsemmija qrati nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Sedition Welter, C‑306/12, EU:C:2013:650, punt 24). |
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-fatt li tiġi eskluża mis-setgħat kollha li għandu jkollu r-rappreżentant tal-impriża ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja kkonċernata responsabbli mir-regolazzjoni tal-inċidenti l-awtorizzazzjoni ta’ dan tal-aħħar li jirċievi n-notifiki ta’ atti promoturi fil-qasam tal-kumpens minħabba inċident tat-traffiku jmur kontra l-għan li jiġi żgurat kumpens effikaċi lill-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku tal-karozzi. |
43 |
Barra minn hekk, tali esklużjoni tmur kontra l-għan previst fl-Artikolu 151 tad-Direttiva 2009/138 li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni kontra persuni li jressqu talba għal kumpens. Fil-fatt, jekk tali persuni, wara li jkunu nnegozjaw mar-rappreżentant tal-impriża ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja kkonċernata u jkunu vverifikaw ma’ dan tal-aħħar il-possibbiltà li jitolbu kumpens, ikunu obbligati jinnotifikaw l-att promotur lil din l-impriża ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, u mhux lir-rappreżentant ta’ din tal-aħħar fl-Istat Membru ospitanti, huma jkunu suġġetti għal formalitajiet supplimentari u onerużi li jikkonċernaw b’mod partikolari n-neċessità li jitwettqu traduzzjonijiet, li jista’ jwassal għal spejjeż sproporzjonati meta mqabbla mal-ammont mitlub bħala kumpens. |
44 |
Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, is-Sąd Rejonowy Poznań – Stare Miasto (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań Stare Miasto) talbet lil Corporis tħallas antiċipu ta’ PLN 5000 (madwar EUR 1150) sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ traduzzjoni bil-lingwa Daniża ta’ dokumenti intiżi għal Gefion Insurance, filwaqt li Corporis titlob quddiem din il-qorti l-pagament ta’ somma ta’ PLN 157.41 (madwar EUR 30), flimkien mal-interessi kif ukoll l-ispejjeż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li l-ammont ta’ tali spejjeż ta’ traduzzjoni jkun sproporzjonat meta mqabbel mas-somma mitluba bħala kumpens, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 152(1) tad-Direttiva 2009/138, moqri flimkien mal-Artikolu 151 tagħha u mal-premessa 8 tar-Regolament Nru 1393/2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħatra minn impriża ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja ta’ rappreżentant fl-Istat Membru ospitanti tinkludi wkoll l-awtorizzazzjoni ta’ dan ir-rappreżentant li jirċievi att promotur fil-qasam tal-kumpens minħabba inċident tat-traffiku. |
Fuq l-ispejjeż
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 152(1) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), moqri flimkien mal-Artikolu 151 tagħha u mal-premessa 8 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħatra minn impriża ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja ta’ rappreżentant fl-Istat Membru ospitanti tinkludi wkoll l-awtorizzazzjoni ta’ dan ir-rappreżentant li jirċievi att promotur fil-qasam tal-kumpens minħabba inċident tat-traffiku. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.