EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0869

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fil-15 ta’ Lulju 2021.


;

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:617

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fil-15 ta’ Lulju 2021 ( 1 )

Kawża C‑869/19

L

vs

Unicaja Banco, S.A., li qabel kienet Banco de Caja España de Inversiones, Salamanca y Soria, S.A.U.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 6(1) – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980) – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti restitutorji tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-klawżola inġusta – Portata tal-istħarriġ imwettaq mill-qorti nazzjonali fil-grad tal-appell – Prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet – Prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fil-kuntest tar-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv – Prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ reformatio in peius – Prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata – Preskrizzjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja; iktar ’il quddiem il-“Qorti Suprema”) tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal‑Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ( 2 ). Din tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell mibdija wara s-sentenza tal-Awla Manja tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et ( 3 ). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment sostniet li l-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema li timponi limitazzjoni ratione temporis għar-rimbors tas-somom indebitament imħallsa mill-konsumaturi lill-banek taħt klawżola inġusta magħrufa bħala “klawżola ta’ rata minima (floor clause)” tmur kontra l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi, u għaldaqstant, li l-konsumaturi huma intitolati għal rimbors sħiħ ta’ dawn l-ammonti skont dik id-dispożizzjoni.

2.

Il-problema li tqum f’din il-kawża tirrigwarda l-fatt li huwa biss il-bank, u mhux il-konsumatur, li appella mis-sentenza tal-ewwel istanza li kienet imponiet limitazzjoni ratione temporis fuq ir-rimbors minħabba din il-ġurisprudenza nazzjonali u li l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Gutiérrez Naranjo wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ tali appell, iżda qabel ma l-qorti nazzjonali adita bl-appell tat id-deċiżjoni tagħha. Il-kwistjoni prinċipali mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant dik dwar jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, qorti nazzjonali li quddiemha jkollha appell għandhiex tordna ex officio r-rimbors sħiħ tas-somom indebitament imħallsa mill-konsumatur skont is-sentenza Gutiérrez Naranjo, minkejja ċerti prinċipji tad-dritt proċedurali nazzjonali, fosthom il-prinċipji ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet, ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fil-kuntest tar-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv u ta’ projbizzjoni tar-reformatio in peius, li jistgħu jitqiesu bħala ostakolu għal tali deċiżjoni ex officio.

3.

Din il-kawża qiegħda tinstema’ mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod parallel ma’ erba’ kawżi oħra (C‑600/19, C‑693/19, C‑725/19 u C‑831/19) li fihom qegħdin jinqraw il-konklużjonijiet tiegħi llum. Dawn il-kawżi huma bbażati fuq talbiet għal deċiżjoni preliminari Spanjoli, Taljani u Rumeni, u jirrigwardaw ukoll kwistjonijiet simili u potenzjalment sensittivi dwar il-portata tal-obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-Direttiva 93/13 u r-relazzjoni mas-sistemi proċedurali nazzjonali.

4.

Konsegwentement, din il-kawża toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar id-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari li tiċċara kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji proċedurali nazzjonali fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-klawżoli inġusti skont din id-direttiva.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

5.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

B. Id-dritt Spanjol

6.

L-Artikolu 1303 tal-Código Civil español (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”) jipprovdi:

“Meta obbligu jiġi ddikjarat null, il-kontraenti għandhom jirrestitwixxu reċiprokament l-oġġetti li kienu s-suġġett tal-kuntratt, il-profitt prodott minn dawn l-oġġetti u l-prezz flimkien mal-interessi, bla ħsara għall-artikoli li ġejjin.”

7.

L-Artikolu 216 tal-Ley de Enjuiciamiento Civil (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”) jipprevedi:

“Il-qrati ċivili għandhom jiddeċiedu l-kawżi li jkunu jinsabu quddiemhom fid-dawl tal-fatti, tal-provi u tat-talbiet tal-partijiet, ħlief meta l-liġi tipprovdi mod ieħor f’każijiet partikolari.”

8.

L-Artikolu 218(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprevedi:

‘1. “Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom ikunu ċari u preċiżi u jikkorrispondu għat-talbiet u pretensjonijiet oħra tal-partijiet, li jkunu ġew ippreżentati fil-ħin matul il-proċeduri. Huma għandhom jinkludu d-dikjarazzjonijiet meħtieġa, għandhom jikkundannaw jew jilliberaw lill-konvenut u għandhom jiddeċiedu l-punti kontenzjużi kollha li jkunu ġew dibattuti.

Mingħajr ma titbiegħed mill-kawża tal-azzjoni billi tilqa’ punti ta’ fatt u ta’ liġi differenti minn dawk li l-partijiet riedu jsostnu, il-qorti għandha tiddeċiedi skont ir-regoli applikabbli għall-kawża, anki jekk dawn ma jkunux ġew iċċitati jew invokati korrettament mill-partijiet fil-kawża.”

9.

L-Artikolu 412(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprevedi:

“Ladarba jkun ġie stabbilit is-suġġett tal-kawża fit-talba, fir-risposta u, jekk ikun il-każ, fil-kontrotalba, il-partijiet ma jistgħux ibiddluh fi stadju ulterjuri.”

10.

L-Artikolu 465(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi:

“Id-digrieti jew sentenzi mogħtija fl-appell għandhom jiddeċiedu biss fuq il-punti u l-kwistjonijiet imqajma fl-appell u, jekk ikun il-każ, fit-talbiet intiżi għaċ-ċaħda tal-appell jew fl-appell inċidentali msemmi fl-Artikolu 461. Id-deċiżjoni ġudizzjarja ma tistax tkun ta’ detriment għall-appellant, ħlief jekk id-dannu jirriżulta mill-fatt li jintlaqa’ l-appell inċidentali ppreżentat mill-konvenut inizjali.”

III. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11.

Skont id-digriet tar-rinviju, fit-22 ta’ Marzu 2006, l-istituzzjoni finanzjarja Banco de Caja España de Inversiones, Salamanca y Soria, S.A.U. (iktar ’il quddiem “Banco Ceiss”), assorbita sussegwentement minn Unicaja Banco, S.A. (iktar ’il quddiem “Unicaja Banco”), tat lil L, fil-kwalità ta’ konsumatur, self ipotekarju ta’ EUR 120000 sabiex tixtri d-dar tagħha. L kellha tirrimborsa dan is-self fuq 30 sena f’360 pagament mensili.

12.

Skont il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ self redatt minn Banco Ceiss, ir-rata annwali ta’ interessi fuq is-self kienet ta’ 3.350 % għall-ewwel sena u sussegwentement kellha tapplika rata ta’ interess varjabbli, li kienet 0.52 % iktar mir-rata għal 12-il xahar ta’ Euribor ( 4 ). Il-kuntratt kien jinkludi, madankollu, klawżola li kienet tistabbilixxi li r-rata ta’ interessi tas-self ma kellha tinżel qatt inqas minn 3 % fis-sena (“il-klawżola ta’ rata minima”) Meta fl-2009 l-Euribor niżlet b’mod sinjifikattiv, din il-klawżola kienet tipprekludi li r-rata ta’ interessi tkun inqas minn 3 % fis-sena.

13.

F’Jannar 2016, L ippreżentat rikors kontra Banco Ceiss quddiem il-Juzgado de Primera Instancia de Valladolid (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Valladolid, Spanja; iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Ewwel Istanza”), fejn talbet li l-klawżola ta’ rata minima tiġi ddikjarata nulla minħabba li hija inġusta abbażi ta’ nuqqas ta’ trasparenza skont il-leġiżlazzjoni Spanjola li tittrasponi d-Direttiva 93/13. Barra minn hekk, L talbet għal rimbors minn Banco Ceiss tal-ammont sħiħ li kien indebitament tħallas taħt il-klawżola ta’ rata minima. Sussidjarjament, L talbet li Banco Ceiss tkun obbligata tħallas lura l-ammont riċevut taħt din il-klawżola mid‑9 ta’ Mejju 2013.

14.

Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2016 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-ewwel istanza”), il-Qorti tal-Ewwel Istanza kkonstatat li l-klawżola ta’ rata minima kienet inġusta minħabba nuqqas ta’ trasparenza u kkundannat lil Banco Ceiss tirrimborsa l-ammont riċevut mid-9 ta’ Mejju 2013, flimkien mal-interessi, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti Suprema fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Mejju 2013 (Nru 241/2013, iktar ’il quddiem is-“sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013”). Din il-qorti kkundannat ukoll lil Banco Ceiss għall-ispejjeż.

15.

Fl-14 ta’ Lulju 2016, Banco Ceiss appellat minn din is-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial de Valladolid (il-Qorti Provinċjali ta’ Valladolid, Spanja; iktar ’il quddiem il-“Qorti Provinċjali”). Hija kkontestat il-kundanna tagħha għall-ispejjeż minħabba li r-rikors ma kienx intlaqa’ kollu kemm hu, iżda biss parzjalment. L opponiet għal dan l-appell.

16.

Fil-21 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha Gutiérrez Naranjo ( 5 ), li fiha ddeċidiet, essenzjalment, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik stabbilita mis-sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013, li tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta għas-somom indebitament imħallsa wara l-għoti tad-deċiżjoni li tikkonstata n-natura inġusta tagħha.

17.

Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Jannar 2017, il-Qorti Provinċjali laqgħet l-appell għar-raġuni li r-rikors kien intlaqa’ biss parzjalment u annullat il-kundanna ta’ Banco Ceiss għall-ispejjeż. Dik il-qorti ma għamlet ebda riferiment għas-sentenza Gutiérrez Naranjo, u lanqas ma emendat id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza f’dak li jirrigwarda l-effetti restitutorji tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-imsemmija klawżola ta’ rata minima, peress li dak ma kienx is-suġġett tal-appell.

18.

L appellat fil-kassazzjoni minn dik is-sentenza quddiem il-Qorti Suprema. Insostenn ta’ dan l-appell, L issostni li, billi ma applikatx is-sentenza Gutiérrez Naranjo u billi ma tordnax ex officio r-rimbors tas-somom kollha riċevuti taħt il-klawżola ta’ rata minima, dik is-sentenza tikser, fost dispożizzjonijiet oħra, l-Artikolu 1303 tal-Kodiċi Ċivili, li jirregola l-effetti restitutorji marbuta man-nullità tal-obbligi kuntrattwali, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li jistabbilixxi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumatur. Banco Ceiss topponi l-appell billi ssostni li, peress li L ma appellax mis-sentenza tal-ewwel istanza sabiex tikkontesta l-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti restitutorji tan-nullità tal-klawżola ta’ rata minima, ma huwiex possibbli għall-Qorti Provinċjali li tordna li r-rimbors għandu jestendi għas-somom kollha mħallsa.

19.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li, fis-sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013, il-Qorti Suprema ddeċidiet li klawżoli ta’ rata minima inklużi f’ċerti kuntratti konklużi bejn konsumaturi u banek konvenuti fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva kienu nulli minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza, iżda dik il-qorti imponiet limitazzjoni ratione temporis fuq l-effetti restitutorji tan-nullità ta’ dawn il-klawżoli, inkwantu hija ddeċidiet li dawn l-effetti ma kinux japplikaw għall-ħlasijiet imwettqa qabel id-data tal-pubblikazzjoni ta’ dik is-sentenza, jiġifieri d-9 ta’ Mejju 2013, u l-ġurisprudenza sussegwenti kkonfermat dik is-sentenza fil-kuntest ta’ azzjonijiet individwali għal rimedju. Fis-sentenza tagħha Gutiérrez Naranjo, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet sussegwentement li tali limitazzjoni ratione temporis, fil-ġurisprudenza nazzjonali stabbilita mis-sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013, kienet tmur kontra l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. Il-Qorti Suprema għaldaqstant biddlet, sa mis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Frar 2017 (No 123/2017), il-ġurisprudenza tagħha sabiex tirrifletti s-sentenza Gutiérrez Naranjo. Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat din is-sentenza, il-qrati Spanjoli kienu aditi b’diversi kawżi dwar in-nullità tal-klawżoli ta’ rata minima u, f’każijiet bħal dak ineżami, it-talba mill-konsumaturi għar-rimbors tas-somom indebitament imħallsa, imressqa kemm prinċipalment, kif ukoll sussidjarjament, kienet limitata għall-ħlasijiet imwettqa wara d-9 ta’ Mejju 2013 minħabba l-eżistenza tal-ġurisprudenza nazzjonali, u l-konsumaturi ma appellawx minn dawn is-sentenzi li kienu jimponu limitazzjoni ratione temporis fuq ir-rimbors minħabba din il-ġurisprudenza.

20.

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-proċeduri ċivili Spanjoli huma rregolati mill-prinċipji ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet, ta’ preskrizzjoni tal-miżuri proċedurali, ta’ projbizzjoni ta’ mutatio libelli jew tat-tibdil tat-talba, ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fil-kuntest tar-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv (principio de congruencia) u, fil-każ ta’ appelli, ta’ projbizzjoni ta’ reformatio in peius. Kif tirrikonoxxi l-ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja; iktar ’il quddiem il-“Qorti Kostituzzjonali”), uħud minn dawn il-prinċipji, bħall-projbizzjoni tar-reformatio in peius, isibu l-għeruq tagħhom fid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni Spanjola, li għandu l-ekwivalenti tiegħu fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Skont il-qorti tar-rinviju, huwa evidenti li f’dan il-każ, dawn il-prinċipji wasslu lill-Qorti Provinċjali sabiex ma tordnax ir-rimbors sħiħ tas-somom imħallsa taħt il-klawżola ta’ rata minima, peress li L ma kinitx appellat mid-deċiżjoni tas-sentenza tal-ewwel istanza li ordnat ir-rimbors tas-somom imħallsa wara d-9 ta’ Mejju 2013 biss.

21.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi, kif stabbilit fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, huwa inkompatibbli mal-iffissar ta’ limitazzjoni ratione temporis tar-rimbors ta’ somom indebitament imħallsa minn konsumatur taħt klawżola inġusta, iżda li dan il-prinċipju ma huwiex assolut u huwa suġġett għal restrizzjonijiet marbuta ma’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, bħall-awtorità ta’ res judicata u termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-regola tad-dritt Spanjol, li tipprovdi li, fil-kuntest ta’ appell, huwa possibbli li jiġu kkontestati separatament id-diversi partijiet tad-dispożittiv tas-sentenza minn kwalunkwe parti u jekk deċiżjoni ma tkunx ikkontestata minn ebda waħda mill-partijiet, il-qorti tal-appell ma tistax tannullaha jew tbiddilha, tippreżenta xebh f’ċerti aspetti mal-awtorità ta’ res judicata. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-prinċipji ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet, ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fil-kuntest tar-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv u l-projbizzjoni tar-reformatio in peius kif previsti mid-dritt nazzjonali, mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari jekk, ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Gutiérrez Naranjo, il-qorti nazzjonali adita b’appell ippreżentat esklużivament mill-bank, u mhux mill-konsumatur, għandhiex tordna r-rimbors tas-somom kollha riċevuti taħt il-klawżola inġusta, minkejja li dan iqiegħed fi żvantaġġ il-pożizzjoni tal-bank, għall-kuntrarju tal-projbizzjoni tar-reformatio in peius.

22.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE, jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipji proċedurali li huma l-prinċipju dispożittiv [prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet], il-prinċipju ta’ kongruwenza [prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fil-kuntest tar-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv] u l-projbizzjoni tar-reformatio in peius, li jipprekludu lill-qorti adita bl-appell ippreżentat mill-bank kontra sentenza li tillimita ratione temporis il-ħlas lura tas-somom indebitament imħallsa mill-konsumatur abbażi ta’ “klawżola ta’ limitu minimu” ddikjarata nulla, tordna l-ħlas lura totali tas-somom imsemmija u b’dan il-mod tpoġġi fi żvantaġġ lill-appellant minħabba li din il-limitazzjoni ma ġietx ikkontestata mill-konsumatur?”

23.

L, Unicaja Banco, il-Gvern Ċek, Spanjol, Taljan u Norveġiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja.

24.

Inżammet seduta konġunta mal-Kawża C‑600/19 fis-26 ta’ April 2021, li matulha L, Unicaja Banco, il-Gvern Spanjol, Taljan u Norveġiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

IV. Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

25.

L issostni li, abbażi tas-sentenza Gutiérrez Naranjo, il-qorti nazzjonali għandha timponi ex officio l-effetti restitutorji tan-nullità ta’ klawżola ta’ rata minima, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligu ta’ protezzjoni tal-konsumaturi taħt id-Direttiva 93/13. Kif hija sostniet fis-seduta, L ma attakkatx is-sentenza tal-ewwel istanza minħabba l-ġurisprudenza nazzjonali u, kieku għamlet dan, hija kienet tkun ikkundannata għall-ispejjeż. L talbet rimbors sħiħ tal-ammont sa mill-bidu, b’tali mod li ma hemmx estensjoni tas-suġġett tal-kawża u, għal dak li jikkonċerna l-limitazzjoni ratione temporis, ma ngħatat ebda deċiżjoni definittiva b’tali mod li ma hemmx kwistjoni ta’ awtorità ta’ res judicata. Il-pożizzjoni ta’ L lanqas ma tmur kontra l-projbizzjoni ta’ reformatio in peius, peress li s-sentenza Gutierrez Naranjo għandha tiġi osservata, għaliex fil-każ kuntrarju, L ma tistax tiġi rrimborsata u l-bank iżomm is-somom imħallsa taħt il-klawżola inġusta.

26.

Unicaja Banco jsostni li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali adita b’appell li tislet ex officio l-konsegwenzi li jirriżultaw minn klawżola inġusta meta dan iwassalha biex twarrab ir-regola li tipprojbixxi r-riformatio in peius. Xejn ma kien jipprekludi lil L milli tippreżenta appell jew appell inċidentali mis-sentenza tal-ewwel istanza u L kellha mhux biss il-benefiċċju tar-rappreżentazzjoni legali, iżda hija kienet taf ukoll bis-sentenza Gutiérrez Naranjo li kellha tiġi adottata. Ir-regola ta’ projbizzjoni tar-reformatio in peius tagħmel parti mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, protett mill-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni Spanjola, u konformement mas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2008, Heemskerk u Schaap ( 6 ), id-Direttiva 93/13 ma timponix li din ir-regola tiġi injorata. Kif Unicaja Banco sostniet waqt is-seduta, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività huma osservati, peress li l-ġurisprudenza nazzjonali invokata mill-Kummissjoni ma hijiex applikabbli, u bidliet fil-ġurisprudenza ma jistgħux iwasslu għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjonijiet li għandhom l-awtorità ta’ res judicata.

27.

Il-Gvern Ċek isostni li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-prinċipji proċedurali nazzjonali inkwistjoni, li, kif applikati għall-appelli, għandhom ukoll rabta mal-awtorità ta’ res judicata. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali prinċipji ma jistgħux jiġu injorati anki jekk fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumaturi, u s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, Lintner ( 7 ), hija applikabbli f’dan il-każ.

28.

Il-Gvern Spanjol isostni li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jipprekludix lill-qorti nazzjonali milli tapplika l-prinċipji proċedurali nazzjonali inkwistjoni, li jipprevjenu li jingħata effett sħiħ lin-nullità ta’ klawżola inġusta konformement mas-sentenza Gutiérrez Naranjo, li ngħatat wara li s-sentenza tal-ewwel istanza saret definittiva. Jekk tingħata protezzjoni lil konsumatur li jkun naqas milli jagħmel użu mir-rimedji pprovduti fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti, dan imur kontra dawn il-prinċipji, u l-projbizzjoni tar-reformatio in peius għandha l-bażi tagħha fid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif iggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta. Il-prinċipju ta’ effettività huwa osservat, peress li l-liġi nazzjonali tippermetti lill-partijiet tal-ewwel istanza jinvokaw id-drittijiet tagħhom u lill-qorti li twettaq stħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti bil-possibbiltà ta’ appell. Kif ġie argumentat waqt is-seduta, din il-kawża tikkonċerna l-awtorità ta’ res judicata, u ma hemm ebda paragun validu fir-rigward tal-ġurisprudenza nazzjonali ċċitata mill-Kummissjoni u għaldaqstant ebda ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

29.

Il-Gvern Taljan iqis li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-prinċipji proċedurali nazzjonali inkwistjoni. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-assenza ta’ rimedji kontra l-motivi sfavorevoli tas-sentenza fl-ewwel istanza timplika l-awtorità ta’ res judicata, li tipprekludi li l-interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni li tinsab f’dik is-sentenza titqajjem ex officio mill-qorti fl-appell. Dan ma jippreġudikax il-prinċipju ta’ effettività, peress li l-konsumatur huwa liberu li jappella, u l-bdil sussegwenti tal-ġurisprudenza nazzjonali jew tal-Unjoni ma jistax jiġġustifika li l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jiġi injorat. Kif enfasizza l-Gvern Taljan waqt is-seduta, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi invokat fil-limiti stabbiliti mis-sistemi nazzjonali, li jippreżupponi l-osservanza ta’ regoli proċedurali nazzjonali, bħall-awtorità ta’ res judicata.

30.

Il-Gvern Norveġiż isostni li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-prinċipji proċedurali nazzjonali inkwistjoni fil-kuntest ta’ appell, anki meta s-sentenza appellata tkun tinkludi deċiżjonijiet li jmorru kontra d-Direttiva 93/13, sakemm it-termini ta’ dekadenza li jipprekludu l-atti proċedurali tal-konsumatur josservaw il-prinċipju ta’ effettività. Dawn il-prinċipji jipproteġu interessi superjuri komuni għall-Istati Membri tal-Unjoni u tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles u ma għandhomx jinkisru billi jiġi estiż il-prinċipju ta’ effettività. Kif enfasizza l-Gvern Norveġiż waqt is-seduta, jekk il-qrati nazzjonali jagħtu interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt taż-Żona Ekonomika Ewropea, jeżistu rimedji oħra, bħall-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat u r-regoli nazzjonali li jippermettu l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjonijiet finali.

31.

Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipji proċedurali nazzjonali inkwistjoni, peress li l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ma humiex osservati. Fil-fehma tagħha, din il-kawża ma tikkonċernax l-awtorità ta’ res judicata, peress li l-proċedura għadha pendenti. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, hija ssostni li teżisti ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Kostituzzjonali ( 8 ) u tal-Qorti Suprema ( 9 ) li tirrikonoxxi li l-applikazzjoni ex officio tar-regoli ta’ ordni pubbliku tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipji inkwistjoni; peress li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 huwa rrikonoxxut bħala regola ta’ ordni pubbliku, il-qorti nazzjonali kellha tagħti ex officio l-effett sħiħ lil din id-dispożizzjoni, mingħajr ma tkun limitata minn dawn il-prinċipji. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, hija ssostni li l-applikazzjoni stretta tal-prinċipji inkwistjoni tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13, peress li l-ġurisprudenza nazzjonali ddisswadiet lil L milli tippreżenta appell fit-termini previsti u dan il-kuntest ġuridiku, flimkien ma’ dawn il-prinċipji, ċaħħdu lil L mir-rimedju uniku sabiex tinvoka d-drittijiet tagħha taħt din id-direttiva. Kif sostniet waqt is-seduta, din il-kawża hija ta’ natura eċċezzjonali u filwaqt li l-qorti nazzjonali għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-klawżola inġusta, id-drittijiet tad-difiża ma huma bl-ebda mod imxekkla, peress li, qabel ma tissodisfa dan l-obbligu, il-qorti ser tisma’ lill-partijiet, b’tali mod li d-dritt għal rimedju effettiv huwa ggarantit matul il-proċedura kollha.

V. Analiżi

32.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludix l-applikazzjoni ta’ ċerti prinċipji tad-dritt proċedurali nazzjonali, fosthom il-prinċipji ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet, ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fil-kuntest tar-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv u ta’ projbizzjoni tar-reformatio in peius kif jinsabu fl-Artikoli 216, 218(1) u 465(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jipprekludu lil qorti nazzjonali, adita b’appell minn sentenza li timponi limitazzjoni ratione temporis fuq ir-rimbors tas-somom indebitament imħallsa minn konsumatur taħt klawżola inġusta, milli tordna ex officio r-rimbors sħiħ ta’ dawk is-somom konformement mas-sentenza Gutiérrez Naranjo għar-raġuni li dik il-limitazzjoni ma kinitx ikkontestata mill-konsumatur.

33.

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din il-kwistjoni tirriżulta mir-rabta bejn l-obbligu, previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, għall-qorti nazzjonali, inkluża qorti li quddiemha jkollha appell, li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali u li tislet il-konsegwenzi kollha tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, minn naħa, u l-applikazzjoni ta’ diversi prinċipji tad-dritt proċedurali nazzjonali li jirregolaw il-proċeduri mibdija abbażi ta’ din id-direttiva, min-naħa l-oħra. F’termini wiesa’, il-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet jimplika li huma l-partijiet li għandhom jibdew jew itemmu l-kawża u li jiddeterminaw is-suġġett tal-kawża ( 10 ). Dan il-prinċipju huwa marbut mal-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fil-kuntest tar-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv, sa fejn il-qorti hija obbligata tiżgura l-koerenza tad-deċiżjonijiet mat-talbiet tal-partijiet ( 11 ). Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ projbizzjoni tar-reformatio in peius, parti li tippreżenta rikors, quddiem qorti superjuri, bħal appell, ma għandhiex titqiegħed f’sitwazzjoni iktar sfavorevoli milli kieku ma ppreżentatx dan ir-rikors ( 12 ).

34.

Sabiex nagħti risposta għad-domanda magħmula f’din il-kawża, ser nagħmel kumment preliminari dwar ir-rilevanza potenzjali tal-Artikolu 47 tal-Karta f’dan il-kuntest (Taqsima A). Sussegwentement ser neżamina l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti skont id-Direttiva 93/13, inkluża s-sentenza Gutiérrez Naranjo (Taqsima B) u l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f’din il-ġurisprudenza għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża (Taqsima C).

35.

Abbażi ta’ din l-analiżi, wasalt għall-konklużjoni li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipji proċedurali nazzjonali inkwistjoni fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti.

A. Kumment preliminari

36.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ta’ Unicaja Banco u tal-Gvern Spanjol jirriżulta li d-domanda magħmula f’din il-kawża tirrigwarda l-kompatibbiltà mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ta’ ċerti prinċipji proċedurali nazzjonali li jsibu l-bażi tagħhom fid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif iggarantit mill-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni Spanjola u li huwa analogu għall-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Gvern Spanjol jissuġġerixxi wkoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 47 tal-Karta sabiex tingħata risposta għal din id-domanda.

37.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jistabbilixxi, favur kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu ġew miksura, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal ( 13 ). Huwa paċifiku li l-Artikolu 47 tal-Karta japplika fil-kawża preżenti, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u għaldaqstant tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta ( 14 ).

38.

Kif ippreċiżajt fil-punti 59 u 60 tal-konklużjonijiet paralleli tiegħi fil-Kawżi C‑693/19 u C‑831/19, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 93/13, teżisti relazzjoni partikolari bejn l-Artikolu 47 tal-Karta u l-prinċipju ta’ effettività, li jistabbilixxi wkoll obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni (ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ( 15 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-Direttiva 93/13 jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta, li japplika, b’mod partikolari, għall-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet ( 16 ).

39.

Barra minn hekk, kif turi l-ġurisprudenza sal-lum tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 93/13, l-Artikolu 47 tal-Karta jidher li jeżerċita, fil-parti l-kbira tiegħu, rwol ta’ sostenn u wieħed komplementari meta mqabbel mal-prinċipju ta’ effettività fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tar-regoli proċedurali nazzjonali mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. Pereżempju, l-Artikolu 47 tal-Karta jintervjeni f’dan il-kuntest f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet dwar l-aċċess għal rimedju effettiv sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ibbażati fuq id-Direttiva 93/13 ( 17 ), kif ukoll kwistjonijiet relatati ma’ smigħ xieraq, bħall-osservanza tal-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u ta’ audi alteram partem fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja fejn tkun inkwistjoni l-legalità tal-klawżoli fir-rigward ta’ din id-direttiva ( 18 ).

40.

Fil-kawża preżenti, ma huwiex ikkontestat li l-partijiet ingħataw aċċess għal rimedji effettivi sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom fir-rigward tad-Direttiva 93/13. Bħalma tindika l-Kummissjoni, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn klawżola inġusta taħt l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, lanqas ma jidher li jippreżenta ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza Gutiérrez Naranjo, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ir-raġunament tagħha fuq l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 u qieset li ma kienx hemm lok li jiġi indirizzat l-Artikolu 47 tal-Karta f’dan il-kuntest ( 19 ). Għaldaqstant, peress li ebda argument li jirrigwarda l-Artikolu 47 tal-Karta ma ġie ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja u peress li l-kwistjonijiet imqajma f’din il-kawża s’issa ma ġewx ittrattati fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jidhirli li ma hemm ebda raġuni li nagħmel dan hawnhekk.

B. Il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti mill-qrati nazzjonali

41.

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi ( 20 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 7(1) ta’ din id-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-erba’ u għoxrin premessa tagħha, jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu mezzi adegwati u effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi ( 21 ). Filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet taw lok għal ġurisprudenza abbondanti, ser nesponi l-prinċipji applikabbli misluta minn din il-ġurisprudenza dwar l-eżistenza u l-portata tal-obbligu tal-qorti nazzjonali li tistħarreġ ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, kif ukoll is-sentenza Gutiérrez Naranjo, li huma l-iktar rilevanti għall-analiżi tiegħi ta’ din il-kawża.

1. L-eżistenza tal-obbligu tal-qorti nazzjonali li tistħarreġ ex officio

42.

Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ għarfien, li twassal lill-konsumatur sabiex jaqbel mal-klawżoli redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut ta’ dawk il-klawżoli ( 22 ). Sabiex tkun iggarantita l-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13, in-nuqqas ta’ bilanċ eżistenti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur jista’ jkun irrettifikat biss permezz ta’ azzjoni pożittiva mhux marbuta mal-partijiet fil-kuntratt ( 23 ). Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku sottostanti għall-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13 lill-konsumaturi, il-qorti nazzjonali hija obbligata teżamina ex officio jekk il-klawżola hijiex inġusta u, meta tagħmel dan, tikkumpensa għan-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur, meta jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatti neċessarji għal dak lil-kompitu ( 24 ).

2. Il-portata tal-obbligu tal-qorti nazzjonali li twettaq stħarriġ ex officio

43.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu minn qorti nazzjonali fl-appell, huwa paċifiku wkoll li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-modalitajiet proċedurali tal-proċeduri ta’ appell intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jirrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 25 ).

44.

Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ekwivalenza, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali, li għandha l-għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali tar-rimedji fl-ordinament ġuridiku intern tagħha, li tivverifika l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett, il-kawża u l-elementi essenzjali tar-rimedji kkonċernati ( 26 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jikkostitwixxi dispożizzjoni ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, għandhom il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku ( 27 ). Minn dan isegwi li, meta qorti nazzjonali fl-istadju tal-appell ikollha d-diskrezzjoni jew l-obbligu taħt ir-regoli proċedurali nazzjonali li teżamina ex officio il-validità ta’ att ġuridiku fid-dawl tar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, anki jekk tali kwistjoni ma tkunx tqajjmet fl-ewwel istanza, hija xorta waħda għandha teżerċita tali kompetenza sabiex tevalwa, ex officio u fid-dawl tad-Direttiva 93/13, jekk klawżola hijiex inġusta ( 28 ).

45.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk regola proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din ir-regola fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha meħuda kollha f’daqqa, kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ( 29 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ħtieġa li jiġi osservat dan il-prinċipju ma tistax tasal sabiex tirrimedja għal kollox il-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat ( 30 ).

46.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-konsumaturi ma hijiex assoluta u li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix li l-qorti nazzjonali ma tapplikax regoli proċedurali interni li jagħtu, b’mod partikolari, l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki jekk dan jippermetti li jiġi rrimedjat għal ksur ta’ dispożizzjoni, tkun xi tkun in-natura tiegħu, inkluża fid-Direttiva 93/13 ( 31 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza, kemm għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll għall-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, tal-prinċipju ta’ res judicata u li, sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-liġi u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu għaddew f’ġudikat wara li jkunu ġew eżerċitati d-drittijiet kollha disponibbli għal appell jew wara li jkun skada t-terminu previst għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, ma jistgħux jitqiegħdu iktar inkwistjoni ( 32 ).

47.

Pereżempju, fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones ( 33 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari, li regoli nazzjonali li jimponu terminu ta’ xahrejn, li fl-iskadenza tiegħu, fl-assenza ta’ rikors għal annullament, deċiżjoni ta’ arbitraġġ tkun saret definittiva u b’hekk tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, kienu konformi mal-prinċipju ta’ effettività, filwaqt li enfasizzat li dan il-prinċipju ma jistax jiġi estiż sal-punt li jikkumpensa għal kollox għall-passività totali min-naħa ta’ konsumatur li ma jkunx beda proċedura sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu.

48.

Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività, peress li d-deċiżjoni tal-awtorità li ttemm il-proċedura għal ordni ta’ ħlas tkun saret res judicata, fatt li jirrendi impossibbli l-istħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali fl-istadju tal-infurzar għas-sempliċi raġuni li l-konsumatur ma jkun ippreżenta oppożizzjoni fit-terminu stabbilit, u li jkun hemm riskju sinjifikattiv li l-konsumatur jagħmel dan.

3. Is-sentenza Gutiérrez Naranjo

49.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, hija l-qorti nazzjonali li għandha teskludi l-applikazzjoni tal-klawżola inġusta sabiex din ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, ħlief fil-każ ta’ oppożizzjoni mill-konsumatur ( 35 ). Il-qorti nazzjonali għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit f’din id-dispożizzjoni ( 36 ).

50.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fis-sentenza Gutiérrez Naranjo ( 37 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik stabbilita mis-sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013, li tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji tal-annullament ta’ klawżola inġusta għas-somom indebitament imħallsa taħt tali klawżola wara l-għoti tad-deċiżjoni li tikkonstata n-natura inġusta. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li klawżola inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, bħala li qatt ma eżistiet, b’mod li din ma jistax ikollha effett fir-rigward tal-konsumatur. Konsegwentement, il-konstatazzjoni min-naħa ta’ qorti li klawżola hija inġusta għandha, bħala prinċipju, ikollha l-effett li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni legali u fattwali tal-konsumatur li kien jinsab fiha kieku dik il-klawżola ma kinitx teżisti. Għaldaqstant, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li teskludi klawżola inġusta li timponi l-ħlas ta’ somom li jirriżultaw li ma humiex dovuti għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju korrispondenti fir-rigward ta’ dawn l-istess ammonti. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-dritt nazzjonali ma għandux jippreġudika s-sustanza tad-dritt kweżit mill-konsumatur taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 li ma jkunx marbut bi klawżola inġusta.

51.

Konsegwentement, mill-ġurisprudenza preċedenti jirriżulta li l-Istati Membri ma humiex obbligati, skont id-Direttiva 93/13, jadottaw sistema proċedurali partikolari ta’ stħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti mill-qrati nazzjonali, sakemm josservaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-protezzjoni tal-konsumaturi ma hijiex assoluta, lanqas ma huma l-prinċipji proċedurali nazzjonali li jirregolaw il-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-klawżoli inġusti skont din id-direttiva. Kif juru s-sentenzi msemmija fil-punti 47, 48 u 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta approċċ ibbilanċjat fir-rigward tal-interazzjoni bejn ir-regoli proċedurali nazzjonali u r-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13, filwaqt li tiżgura li tali regoli ma jippreġudikawx is-sistema tal-protezzjoni tal-konsumaturi stabbilita b’din id-Direttiva 93/13.

52.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti.

C. Applikazzjoni tal-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ

53.

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-Gvern Ċek, Spanjol, Taljan, u Norveġiż jikkunsidraw li l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata huwa inkwistjoni f’din il-kawża, L u l-Kummissjoni ma jaqblux. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata ma jissemmiex fid-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tidher madankollu kkonċernata mir-regoli proċedurali nazzjonali li huma simili għall-awtorità ta’ res judicata (ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali ( 38 ). Konsegwentement, għalkemm l-analiżi tiegħi tiffoka fuq il-prinċipji proċedurali nazzjonali mqiegħda inkwistjoni bid-domanda, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet, ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fil-kuntest tar-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv u ta’ projbizzjoni tar-reformatio in peius, ma nara l-ebda raġuni għalfejn din ma tistax tiġi applikata fir-rigward tar-regoli proċedurali nazzjonali dwar l-awtorità ta’ res judicata sa fejn il-qorti tar-rinviju tqishom bħala li huma involuti fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

54.

Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-Kummissjoni ssostni li hemm ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-Qorti Suprema li tirrikonoxxi li l-applikazzjoni ex officio għar-regoli ta’ ordni pubbliku tikkostitwixxi l-eċċezzjoni għall-prinċipji proċedurali nazzjonali inkwistjoni, filwaqt li Unicaja Banco u l-Gvern Spanjol jieħdu perspettiva differenti (ara l-punti 26, 28 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qroti tal-Ġustizzja li għaliha hemm riferiment fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet u tal-fatt li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 jikkostitwixxi dispożizzjoni ekwivalenti għal regola ta’ ordni pubbliku, minn dan isegwi li, jekk taħt id-dritt nazzjonali tali regoli huma meqjusa bħala eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali inkwistjoni, il-qorti nazzjonali li quddiemha jkollha l-appell għandha tagħti ex officio effett sħiħ lill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 mingħajr ma tkun imxekkla minn dawk il-prinċipji ( 39 ). Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dik il-ġurisprudenza tapplikax għall-kawża prinċipali u, jekk dan ikun il-każ, jidhirli li l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli proċedurali nazzjonali li jipprekludu d-dritt ta’ L li tinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward id-drittijiet tagħha taħt id-Direttiva 93/13 tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

55.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività jeżistu, fil-fehma tiegħi, indikazzjonijiet serji, ibbażati fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdu li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipji proċedurali nazzjonali inkwistjoni fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami.

56.

Huwa minnu li L ma ppreżentax appell jew appell inċidentali mis-sentenza tal-ewwel istanza li imponiet limitazzjoni ratione temporis fuq l-effetti restitutorji tas-somom riċevuti taħt il-klawżola inġusta u li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-passività totali min-naħa tal-konsumatur tista’ tillimita l-prinċipju ta’ effettività. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, in-nuqqas ta’ intervent fi żmien xieraq ta’ konsumatur, bħal L, jista’ jiġi imputat għall-fatt li, fil-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Gutiérrez Naranjo, li ppreċiżat li l-ġurisprudenza nazzjonali stabbilita bis-sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013 kienet tmur kontra l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, it-terminu għall-preżentata ta’ appell jew appell inċidentali taħt id-dritt intern kien diġà skada.

57.

Fil-fehma tiegħi, f’tali sitwazzjoni, huwa diffiċli li konsumatur, bħal L, jiġi kkritikat li ma jkunx ippreżenta appell jew appell inċidentali ft-termini previsti sabiex jikkontesta l-ġurisprudenza nazzjonali stabbilita mis-sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013 li ma kinitx tippermettilu jirbaħ il-kawża. Il-fatt li, kif indikaw Unicaja Banco u l-Gvern Spanjol, id-dritt nazzjonali jipprevedi possibbiltà ta’ adattament tat-tqassim tal-ispejjeż dovuti mill-parti kkonċernata ma jikkonvinċinix mod ieħor, fid-dawl tal-eżistenza ta’ din il-ġurisprudenza nazzjonali. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li ssostni Unicaja Banco, il-fatt li L ibbenefikat minn rappreżentazzjoni legali u apparentement kienet taf bis-sentenza pendenti Gutiérrez Naranjo, ma jinvalidax din l-analiżi. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, il-fatt li konsumatur ikollu rappreżentazzjoni legali ma jaffettwax l-obbligu impost fuq il-qorti nazzjonali li tistħarreġ klawżoli inġusti taħt id-Direttiva 93/13 ( 40 ). Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’dik il-kawża, li nqraw fit-13 ta’ Lulju 2016 ( 41 ), waslu għal konklużjoni differenti minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja u għaldaqstant setgħu saħħu l-idea li din il-ġurisprudenza nazzjonali kienet kompatibbli mad-Direttiva 93/13, qabel ma ngħatat is-sentenza.

58.

Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, kif indikat mill-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ ġurisprudenza nazzjonali stabbilita bis-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013, flimkien mal-applikazzjoni tal-prinċipji proċedurali nazzjonali inkwistjoni, irriżultat f’sitwazzjoni fejn L kienet imċaħħda mill-mezzi proċedurali sabiex tinvoka d-drittijiet tagħha bbażati fuq id-Direttiva 93/13. Barra minn hekk, kif indikat minn L, konstatazzjoni li dawk il-prinċipji proċedurali nazzjonali jipprekludu qorti nazzjonali adita b’appell milli tordna ex officio ir-rimbors tas-somom kollha indebitament imħallsa mill-konsumatur taħt klawżola inġusta f’konformità mas-sentenza Gutiérrez Naranjo tkun tfisser li konsumatur fil-pożizzjoni ta’ L ma jkollu ebda possibbiltà li jiġi rrimborsat b’mod sħiħ u li l-bank iżomm is-somom imħallsa żejda taħt il-klawżola inġusta. F’dan ir-rigward, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, id-dritt nazzjonali ma għandux jiġi applikat b’tali mod li jippreġudika s-sustanza tad-dritt mogħti mill-konsumatur fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 li ma jkunx marbut bi klawżola inġusta (ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

59.

Għandu wkoll jiġi osservat li ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami huma differenti, fil-fehma tiegħi, minn dawk li wasslu għas-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, Lintner ( 42 ). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, iddeċidiet, bħall-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża, li l-istħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti taħt id-Direttiva 93/13 ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali li teskludi b’mod partikolari l-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet sabiex tkopri l-klawżoli kuntrattwali kollha, anki dawk li ma jagħmlux parti mis-suġġett tat-tilwima. Min-naħa l-oħra, fil-każ ineżami, L ressqet talba għar-rimbors sħiħ tas-somom indebitament imħallsa taħt il-klawżola inġusta sa mill-bidu u, għaldaqstant, din it-talba baqgħet tagħmel parti mis-suġġett tal-kawża (ara l-punti 13 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

60.

Barra minn hekk, l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2008, Heemskerk u Schaap ( 43 ), jidhirli li huwa wkoll inapplikabbli għal din il-kawża. Dik is-sentenza kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ ċerti miżuri tal-Unjoni ġeneralment marbuta ma’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tapplika ex officio leġiżlazzjoni tal-Unjoni meta dan ikollu l-konsegwenza li jċaħħad il-prinċipju proċedurali nazzjonali mill-projbizzjoni tar-reformatio in peius hija distinta mill-kuntest speċifiku li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-konsumaturi taħt id-Direttiva 93/13 ( 44 ), bħalma huwa l-każ hawnhekk.

61.

Konsegwentement, għandu jitqies li l-prinċipji proċedurali nazzjonali inkwistjoni jmorru kontra l-prinċipju ta’ effettività, peress li jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13.

62.

Nikkonkludi għalhekk li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipji proċedurali nazzjonali inkwistjoni fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti.

VI. Konklużjoni

63.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) kif ġej:

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipji proċedurali nazzjonali ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet, ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv u ta’ projbizzjoni ta’ reformatio in peius, li jipprekludu lill-qorti nazzjonali, adita b’appell ippreżentat minn bank minn sentenza li timponi limitazzjoni ratione temporis fuq ir-rimbors ta’ somom indebitament imħallsa minn konsumatur taħt klawżola ta’ rata minima ddikkjarata sussegwentement nulla, milli tordna r-rimbors sħiħ tal-imsemmi ħlas.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.

( 3 ) C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Gutiérrez Naranjo”). Ara, iktar ’il quddiem il-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 4 ) Euribor hija l-abbrevjazzjoni ta’ Euro Interbank Offered. Ir-rati ta’ Euribor huma bbażati fuq ir-rati ta’ interessi medji li bihom il-banek issellfu fondi f’euros wieħed lill-ieħor.

( 5 ) C‑154/15, C‑307/15 u C-308/15, EU:C:2016:980.

( 6 ) C‑455/06, EU:C:2008:650.

( 7 ) C‑511/17, EU:C:2020:188.

( 8 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2008 (Nru 41/2008) u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 9 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2008 (Nru 3257/2008), u tas-16 ta’ Settembru 2009 (Nru 5696/2009).

( 10 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lintner (C‑511/17, EU:C:2019:1141, punt 43).

( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, Muñoz-Perea Piñar, D., “Ámbito del principio de congruencia a la luz de la jurisprudencia de la Sala Primera del Tribunal Supremo”, Noticias Jurídicas, 2020.

( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avuakat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Les Éditions Albert René vs UASI (C‑16/06 P, EU:C:2007:728, punti 3536).

( 13 ) Sentenza tal-20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 40).

( 14 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 47); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2015:746, punti 8384).

( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2015:746, punti 85 sa 97). Ara wkoll, pereżempju, van Duin, A., “Metamorphosis?The Role of Article 47 of the EU Charter of Fundamental Rights in Cases Concerning National Remedies and Procedures under Directive 93/13/EEC”, Journal of European Consumer and Market Law, Vol. 6, 2017, p. 190 sa 198.

( 16 ) Sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 29).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, b’mod partikolari l-punt 59); tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, b’mod partikolari, l-punti 45, 47 u 66); u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Biuro podróży Partner (C‑119/15, EU:C:2016:987, punti 23 sa 47)); ipparaguna mas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punti 36 sa 57).

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punti 29 sa 36); tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punti 21 sa 51); u tad-29 ta’ April 2021, Rzecznik Praw Obywatelskich (C‑19/20, EU:C:2021:341, punti 91 sa 99); ipparaguna mad-digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑539/14, EU:C:2015:508, punti 23 sa 50).

( 19 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016 (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 42, 7576).

( 20 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2021, Dexia Nederland (C‑229/19 u C‑289/19, EU:C:2021:68, punt 57). Ara wkoll il-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13.

( 21 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Societé Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 52).

( 22 ) Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial and Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 25), u tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria and Bankia (C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 49).

( 23 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 48), u tal-11 ta’ Marzu 2020, Lintner (C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 25).

( 24 ) Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 32), u tal-4 ta’ Ġunju 2020, Kancelaria Medius (C‑495/19, EU:C:2020:431, punt 37).

( 25 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340, punt 29).

( 26 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, EOS KSI Slovensko (C‑448/17, EU:C:2018:745, punt 40).

( 27 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen (C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 35).

( 28 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340, punt 30).

( 29 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ April 2021, PROFI CREDIT Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 53).

( 30 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 62).

( 31 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 68).

( 32 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 46).

( 33 ) C‑40/08, EU:C:2009:615, punti 34 sa 48.

( 34 ) C‑49/14, EU:C:2016:98, punti 45 sa 55.

( 35 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch (C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 58).

( 36 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2020, Banca B. (C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 43).

( 37 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016 (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 61 sa 75). Għal diskuzzjoni fid-dettall, ara, pereżempju, Leskinen, C. u de Elizalde, F., “The control of terms that define the essential obligations of the parties under the Unfair Contract Terms Directive: Gutiérrez Naranjo”, Common Market Law Review, Vol. 55, 2018, p. 1595 sa 1618.

( 38 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Societé Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 46).

( 39 ) Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-obbligu li tiġi eżaminata ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali taħt id-Direttiva 93/13 jikkostitwixxi regola proċedurali li torbot lill-qrati nazzjonali. Ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska (C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 74). Għalhekk, il-fatt li, kif indikaw Unicaja Banco u l-Gvern Spanjol, il-ġurisprudenza nazzjonali taqa’ taħt regoli ta’ ordni pubbliku ta’ natura proċedurali ma jistax minnu nnifsu jeskludi l-applikazzjoni tagħha fil-każ ineżami.

( 40 ) Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, Lintner (C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 40) u l-konklużjonijiet tiegħi fl-istess kawża (C‑511/17, EU:C:2019:1141, punti 65 sa 69).

( 41 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:552, b’mod partikolari l-punti 38 sa 76).

( 42 ) C‑511/17, EU:C:2020:188, punti 28 sa 34. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Lintner (C‑511/17, EU:C:2019:1141, punt 49 sa 53).

( 43 ) C‑455/06, EU:C:2008:650, punti 44 sa 48. Ipparaguna mas-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Maks Pen (C‑18/13, EU:C:2014:69, punt 37).

( 44 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punti 3940).

Top