Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0826

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fit-3 ta’ Diċembru 2020.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:991

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PIKAMÄE

    ippreżentati fit‑3 ta’ Diċembru 2020 ( 1 )

    Kawża C‑826/19

    WZ

    vs

    Austrian Airlines AG

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien ta’ titjira – Titjira ddevjata lejn ajruport differenti mill-ajruport inizjalment previst – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 2(l) – Kunċett ta’ ‘kanċellazzjoni’ – Artikolu 8(3) – Teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment – Inizjattiva – Ksur tal-obbligi previsti fl-Artikoli 8 u 9 tar-regolament – Dritt għal kumpens”

    1.

    Titjira ddevjata lejn ajruport differenti mill-ajruport inizjalment previst, iżda li jinsab viċin ta’ dan tal-aħħar, għandha tinftiehem bħala li ġiet ikkanċellata fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 ( 2 ), hekk li tagħti lok għal dritt għal kumpens għall-benefiċċju tal-passiġġieri kkonċernati bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, jew bħala waħda sempliċement imdewma, f’liema każ dawn il-passiġġieri jkollhom tali dritt biss jekk id-dewmien ikun għal tliet sigħat jew iktar, skont is-sentenza Sturgeon et ( 3 )?

    2.

    Wara l-inżul, it-trasportatur tal-ajru huwa meħtieġ joffri fuq inizjattiva tiegħu stess li jieħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment lejn l-ajruport inizjalment previst jew destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mal-passiġġier fit-tifsira tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament?

    3.

    Il-ksur tal-obbligu ta’ teħid ta’ responsabbiltà msemmi f’dak l-artikolu, kif ukoll fl-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 261/2004 jagħti lok għal dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa fit-tifsira tal-Artikolu 7(1) ta’ dan tal-aħħar?

    4.

    Dawn huma domandi, fost dawk li huma s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija), li ser ikunu s-suġġett, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ dawn il-konklużjonijiet immirati.

    5.

    Fis-sentenza li ser tagħti, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, ser ikollha l-opportunità li tiddeċiedi għall-ewwel darba dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004, u b’hekk li tagħti lil dan tal-aħħar post ċert fil-loġika u l-istruttura ta’ dan ir-regolament.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    6.

    Il-premessi 1, 2 u 4 tar-Regolament Nru 261/2004 jgħidu:

    “(1)

    Azzjoni [mill-Unjoni] fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

    (2)

    Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

    […]

    (4)

    [L-Unjoni] għandha għalhekk togħla l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn dak ir-Regolament kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat”.

    7.

    L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jgħid:

    “1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

    (a)

    jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

    (b)

    jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

    (ċ)

    jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

    […]

    (iii)

    huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

    […]”.

    8.

    L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dewmien”, jistabbilixxi:

    “1.   Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

    (a)

    għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

    (b)

    għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

    (ċ)

    għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

    passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

    (i)

    l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); u

    (ii)

    meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

    (iii)

    meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).

    2.   Fi kwalunkwe każ, l-assistenza għandha tiġi offruta fil-limiti tal-ħin stabbiliti hawn fuq fir-rigward ta’ kull parentesi ta’ distanza”.

    9.

    L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jgħid:

    “1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

    (a)

    EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

    (b)

    EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

    (ċ)

    EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

    Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

    […]”

    10.

    L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, jistabbilixxi:

    “1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

    (a)

    rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġà ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma, meta rilevanti,

    titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunità;

    (b)

    rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá; jew

    (ċ)

    rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.

    […]

    3.   Meta, fil-każ fejn belt, ċittà jew reġjuni hi moqdija minn bosta ajruporti, trasportatur ta’ l-ajru joffri passiġġier titjira għal ajruport alternattiv għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jħallas l-ispiża tat-trasferiment tal-passiġġier minn dak l-ajruport alternattiv jew għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula, jew għal destinazzjoni oħra li qegħda fil-qrib miftehma mal-passiġġier.”

    11.

    L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Id-dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud”, jgħid:

    “1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas:

    (a)

    ikliet u ħwejjeġ oħra ta’ xorb u ta’ ikel b’konnessjoni raġonevoli mal-ħin li għandhom jistennew;

    (b)

    akkomodazzjoni f’lukanda f’każijiet:

    fejn isir meħtieġ li joqogħdu għal lejl waħda jew aktar, jew

    fejn isir meħtieġ li l-passiġġier ikollu joqgħod għal żmien addizzjonali għal dak maħsub minnu;

    (ċ)

    trasport bejn l-ajruport u l-post ta’ l-akkomodazzjoni (il-lukanda jew post ieħor).

    […]”

    II. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12.

    WZ għamel prenotazzjoni waħda mal-Austrian Airlines għal vjaġġ li kien jikkonsisti f’żewġ titjiriet fid-data tal‑21 ta’ Mejju 2018, l-ewwel waħda bejn Klagenfurt (l-Awstrija) u Vjenna (l-Awstrija), bi tluq u wasla previsti, rispettivament, fis-18.35 u s-19.20, u t-tieni bejn Vjenna u Berlin Tegel (il-Ġermanja), bi tluq u wasla previsti rispettivament fid-21.00 u l-22.20.

    13.

    Il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi li seħħew matul ir-rotazzjoni ta’ qabel ta’ qabel tal-aħħar tal-inġenju tal-ajru fi Vjenna ġġeneraw dewmien li mbagħad affettwa t-titjiriet sussegwenti magħmula minn dan l-inġenju tal-ajru fuq il-linja bejn Vjenna u Berlin, b’tali mod li t-titjira lejn Berlin Tegel ipprenotata minn WZ qabżet l-orarju ta’ projbizzjoni ta’ titjir billejl fis-seħħ f’dak l-ajruport.

    14.

    L-Austrian Airlines b’hekk iddevjat it-titjira kkonċernata lejn l-ajruport ta’ Berlin Schönefeld, li jinsab barra l-belt ta’ Berlin, fil-Land ta’ Brandenburg. Din it-titjira telqet minn Vjenna fl-22.07 u niżlet f’Berlin Schönefeld fil-23.18.

    15.

    Skont il-qorti tar-rinviju, id-devjazzjoni tat-titjira kkawżat lil WZ mhux biss dewmien (inżul fil-23.18 minflok fl-22.20 kif inizjalment previst), iżda wkoll inkonvenjent marbut mal-post tal-inżul iktar ’il bogħod mid-dar tiegħu (24 km minflok 8 km), li kien jeħtieġ ħin ta’ vjaġġ itwal għal dan tal-aħħar (41 minuta biex jasal id-dar tiegħu mill-ajruport ta’ Berlin Schönefeld minflok 15‑il minuta biex jivvjaġġa lejn id-dar tiegħu mill-ajruport ta’ Berlin Tegel). L-Austrian Airlines ma offriet lil WZ l-ebda trasport alternattiv bejn l-ajruporti ta’ Berlin Schönefeld u Berlin Tegel.

    16.

    WZ talab il-ħlas ta’ EUR 250 bħala kumpens bis-saħħa tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Din it-talba kienet ibbażata, minn naħa, fuq id-dewmien tat-titjira mal-wasla u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-Austrian Airlines kienet naqset milli toffrilu trasport kumplimentari mill-ajruport ta’ Berlin Schönefeld għal Berlin Tegel.

    17.

    L-Austrian Airlines ikkontestat it-talba u argumentat li, l-ewwel nett, il-parti li għamlet it-talba waslet fid-destinazzjoni finali tagħha, Berlin, b’dewmien ta’ 58 minuta biss. It-tieni nett, WZ seta’ faċilment wasal f’daru billi nqeda b’mezz ta’ trasport supplimentari. It-tielet nett, ġiet aċċertata l-eżistenza ta’ “ċirkostanzi straordinarji”, fit-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, minħabba problemi meteoroloġiċi kbar matul ir-rotazzjoni ta’ qabel ta’ qabel tal-aħħar li wasslet lill-Eurocontrol biex tassenja lil din ir-rotazzjoni, imwettqa mill-istess inġenju tal-ajru, slot fl-orarju iktar tard minn dak inizjalment ippjanat.

    18.

    Il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat, l-Awstrija) ċaħdet it-talbiet ta’ WZ meta kkunsidrat li d-devjazzjoni tat-titjira ma kinitx tikkostitwixxi tibdil sinjifikattiv fir-rotta tat-titjira b’mod li ma jistax titqies li t-titjira kienet ġiet ikkanċellata. Dik il-qorti kkonstatat ukoll li d-dewmien ma kienx jammonta għal tliet sigħat jew iktar.

    19.

    WZ appella quddiem il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg). Din tal-aħħar qiegħda tistaqsi jekk, l-ewwel nett, il-fatti għandhomx jinftiehmu bħala kanċellazzjoni, dewmien jew każ separat; it-tieni nett, jekk it-trasportatur tal-ajru jistax iserraħ fuq il-fatt li seħħew ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 li affettwaw titjira qabel dik meħuda mill-passiġġier; u it-tielet nett, jekk it-trasportatur tal-ajru għandux iħallas kumpens għall-ksur tal-obbligi ta’ assistenza u t-teħid ta’ responsabbiltà li kellu.

    20.

    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 8(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi applikat għal żewġ ajruporti li t-tnejn li huma jinsabu fi prossimità immedjata ta’ ċentru ta’ belt, fejn madankollu wieħed minnhom biss jinsab fit-territorju tal-belt filwaqt li l-ieħor jinsab fil-Land Federali ġar?

    2)

    L-Artikolu 5(1)(ċ), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirriżulta dritt għal kumpens minħabba kanċellazzjoni ta’ titjira f’każ ta’ nżul f’ajruport ta’ destinazzjoni alternattiv tal-istess lokalità, tal-istess belt jew l-istess reġjun?

    3)

    L-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirriżulta dritt għal kumpens għal dewmien twil f’każ ta’ nżul f’ajruport alternattiv tal-istess lokalità, tal-istess belt jew tal-istess reġjun?

    4)

    L-Artikolu 5, l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit jekk passiġġier bl-ajru ikunx issubixxa telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar fis-sens tas-sentenza [tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716)], id-dewmien għandu jiġi kkalkolat b’riferiment għall-mument ta’ nżul fl-ajurport ta’ destinazzjoni alternattiv jew għall-mument tat-trasferiment fl-ajruport ta’ destinazzjoni previst fir-reżervazzjoni inizjali jew f’destinazzjoni oħra qrib li tkun miftiehma mal-passiġġier?

    5)

    L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur tal-ajru li jwettaq titjiriet fi proċedura ta’ rotazzjoni jista’ jinvoka incident, f’dan il-każ tnaqqis tar-rata tal-wasliet dovut għal kundizzjonijiet ta’ maltempata, li seħħ fir-rigward tar-rotazzjoni ta’ tliet titjiriet qabel it-titjira kkonċernata?

    6)

    L-Artikolu 8(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ nżul f’ajruport ta’ destinazzjoni alternattiv, it-trasportatur tal-ajru huwa obbligat jipproponi t-trasferiment lejn post ieħor fuq inizjattiva tiegħu stess jew il-passiġġier għandu jitlob dan?

    7)

    L-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(3) u l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġier għandu dritt għal kumpens minħabba l-ksur tal-obbligi ta’ assistenza u ta’ teħid ta’ responsabbiltà previsti fl-Artikoli 8 u 9?”

    21.

    Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn WZ, mill-Gvern Awstrijak u mill-Kummissjoni Ewropea.

    III. Analiżi

    22.

    Kif ingħad iktar ’il fuq, dawn il-konklużjonijiet ser jirrigwardaw biss, f’konformità mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni, it-tielet, is-sitt u s-seba’ domanda.

    23.

    Għalhekk ser neżamina dawn id-domandi fl-ordni tagħhom.

    A.   Fuq it-tieni u t-tielet domanda

    24.

    Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1)(ċ), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-inżul ta’ titjira f’ajruport differenti minn dak inizjalment previst li jinsab fl-istess belt, l-istess agglomerazzjoni jew l-istess reġjun jagħti lok, għall-benefiċċju tal-passiġġier, għal dritt għal kumpens minħabba kanċellazzjoni jew dewmien twil tat-titjira mal-wasla ( 4 ).

    25.

    Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tevalwa jekk il-każ ta’ titjira ddevjata lejn ajruport alternattiv li jinsab ħdejn l-ajruport inizjalment previst jistax jiġi kklassifikat bħala kanċellazzjoni tat-titjira jew għandux jiġi kkunsidrat, fejn applikabbli, bħala dewmien mal-wasla. Ir-risposta għal din id-domanda hija mimlija konsegwenzi sa fejn dritt għal kumpens jiġi rrikonoxxut awtomatikament lill-passiġġier fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira (dment li ma jjunx ġie informat bil-kanċellazzjoni fil-limiti ta’ żmien previsti fl-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004), filwaqt li dak il-passiġġier ma jibbenefikax minn tali dritt fil-każ ta’ dewmien jekk dan tal-aħħar ma jkunx għal ħin ta’ tliet sigħat jew iktar.

    26.

    Sabiex nagħti risposta għal dawn id-domandi, l-ewwel ser neżamina l-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004, u ser nasal għall-konklużjoni li dan il-kunċett, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, bħala prinċipju, iħaddan sitwazzjoni, bħal din fil-każ preżenti, li fiha titjira tinżel f’ajruport alternattiv li jinsab fl-istess reġjun bħall-ajruport inizjalment previst (taqsima 1). Madankollu, sussegwentement ser nargumenta li tali interpretazzjoni ma tkunx korretta billi, bl-introduzzjoni tal-Artikolu 8(3) fir-Regolament Nru 261/2004, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeżenta l-imsemmi xenarju mill-applikazzjoni tar-reġim legali assoċjat mal-kanċellazzjonijiet (taqsima 2). Għalhekk, ser niġbed il-konklużjoni li titjira ddevjata lejn ajruport li jinsab fl-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun tagħti lok biss għal dritt għal kumpens għall-benefiċċju tal-passiġġier ikkonċernat jekk dan tal-aħħar jasal fl-ajruport inizjalment previst jew id-destinazzjoni l-oħra fil-qrib miftiehma mat-trasportatur tal-ajru b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar (taqsima 3).

    1. Id-devjazzjoni ta’ titjira lejn ajruport li jservi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun bħal dak inizjalment previst hija titjira kkanċellata?

    a) Fuq il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

    27.

    Il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004 bħala n-“nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat”. Peress li din id-definizzjoni hija għalhekk ibbażata fuq iċ-ċirkustanza ta’ nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira, determinazzjoni eżatta tat-tifsira tal-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” ma tistax tinjora ċerti dettalji preliminari fir-rigward tal-kunċett ta’ “titjira”.

    28.

    Il-kunċett ta’ “titjira” ma huwiex iddefinit fir-Regolament Nru 261/2004. Madankollu, ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja kkaratterizzatha bħala li tikkonsisti, essenzjalment, f’operazzjoni ta’ trasport bl-ajru mwettqa minn trasportatur tal-ajru li jiffissa r-rotta tagħha ( 5 ). Imbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li r-rotta tikkostitwixxi “element essenzjali” tat-titjira, sakemm din tal-aħħar titwettaq skont skeda ffissata minn qabel mit-trasportatur tal-ajru ( 6 ). Jidhirli li jsegwi li jekk ir-rotta tat-titjira li tidher f’din l-iskeda ma tiġix segwita, ikun hemm “nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira”, fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004, u għalhekk din għandha titqies bħala “kkanċellata”.

    29.

    Imbagħad tqum il-kwistjoni dwar taħt liema kundizzjonijiet jista’ jiġi konkluż li r-rotta tat-titjira ma kinitx ġiet segwita.

    30.

    Ir-risposta jidhirli li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Sousa Rodríguez et ( 7 ). Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha d-domanda jekk il-fatt li ftit wara t-tluq ajruplan kien dar lura lejn l-ajruport tat-tluq b’mod li l-passiġġieri spiċċaw fil-punt tat-tluq oriġinali tagħhom kienx ifisser li t-titjira kienet ġiet ikkanċellata. F’dik l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, biex titjira titqies li twettqet, “ma huwiex biżżejjed li l-ajruplan ikun telaq skont ir-rotta ppjanata, iżda jirrikjedi wkoll li jasal fid-destinazzjoni tiegħu kif jinsab fir-rotta msemmija” u qagħdet fuq il-konstatazzjoni li t-“terminu ‘rotta’ […] jindika l-vjaġġ bl-ajruplan mill-ajruport tat-tluq sal-ajruport tal-wasla, skont ordni kronoloġiku stabbilit” ( 8 ) ( 9 ).

    31.

    Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li huwa t-tibdil relatat mal-ajruport tat-tluq u/jew l-ajruport tal-wasla li jinvolvi, bħala prinċipju, l-abbandun tal-iskeda inizjalment prevista u, għaldaqstant jippermetti li tiġi adottata l-klassifikazzjoni ta’ “titjira kkanċellata” fit-tifsira tar-Regolament Nru 261/2004.

    32.

    Din l-interpretazzjoni jidhirli li hija sostnuta mid-digriet mogħti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Wunderlich ( 10 ). F’dik l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet adita bil-kwistjoni dwar jekk titjira għandhiex titqies bħala kkanċellata fil-każ li l-postijiet tat-tluq u tal-wasla ta’ din it-titjira kienu skont l-iskeda prevista, iżda l-imsemmija titjira kienet tat lok għal waqfa mhux skedata. Filwaqt li kkunsidrat li r-risposta kienet deduċibbli b’mod ċar mis-sentenza Sousa Rodríguez et ( 11 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet hemmhekk li l-fatt tal-aħħar ma jippermettix li t-titjira inkwistjoni titqies bħala kkanċellata peress li l-postijiet tat-tluq u tal-wasla tagħha kienu konformi mal-programm previst ( 12 ). Fi kliem ieħor, ir-raġuni għaliex ma setax jiġi konkluż li t-titjira kienet ġiet ikkanċellata kienet, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li t-tibdil li sar fir-rotta ta’ dik it-titjira la kien relatat mal-ajruport tat-tluq u lanqas ma’ dak tal-wasla. Jiena niddeduċi, a contrario, li kwalunkwe tibdil relatat ma’ wieħed minn dawn iż-żewġ elementi jeħtieġ, bħala prinċipju, il-konklużjoni li t-titjira inkwistjoni hija titjira kkanċellata fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004.

    b) Applikazzjoni f’dan il-każ

    33.

    Il-qafas fattwali tal-kawża preżenti jagħti prova – ma niċħadx – tal-limiti ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, anki jekk it-titjira li kien fuqha r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma niżlitx fl-ajruport tad-destinazzjoni finali, kif muri fl-iskeda tat-titjira, hu niżel f’ajruport li jinsab ħdejn l-ewwel wieħed, u dan jista’ possibbilment jitlob interpretazzjoni iktar flessibbli tar-rekwiżit tal-osservanza skrupluża tar-rotta skedata li jidhirli hu meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja eżaminata iktar ’il fuq.

    34.

    Fil-fatt jista’ jiġi argumentat li, billi s-servizz tat-trasport bl-ajru jkun, min-natura tiegħu, espost għall-okkorrenza eventwali ta’ diffikultajiet li x’aktarx iwasslu għal tibdil fir-rotta tat-titjira, kwalunkwe tibdil żgħir ta’ din ir-rotta, bħal inżul f’ajruport li jinsab viċin l-ajruport tad-destinazzjoni finali, ma għandux iwassal biex it-titjira inkwistjoni titqies ikkanċellata. Dan huwa preċiżament dak li jidhirli li qiegħda targumenta l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha meta tgħid li, ladarba t-titjira meħuda mill-attur fil-kawża prinċipali ġiet iddevjata biss minn Berlin Tegel għal Berlin Schönefeld, biex b’hekk l-ajruport alternattiv jikkorrispondi mal-istess destinazzjoni tal-ivvjaġġar, l-iskeda tat-titjira ma kinitx ġiet abbandunata, iżda kienet sempliċement ġiet adattata għaċ-ċirkustanzi esterni.

    35.

    Nikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinftiehem bil-mod previst mill-Kummissjoni għal żewġ raġunijiet.

    36.

    L-ewwel nett, nixtieq niċċara li l-fatt li l-punt 18 tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Wunderlich ( 13 ) juża t-terminu “l-postijiet tat-tluq u tal-wasla” minflok “ajruporti tat-tluq u tal-wasla” ma jsostnix l-argument tal-Kummissjoni, peress li dak il-punt jagħmel parafrażi tal-punt 28 tas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et (C‑83/10, EU:C:2011:652), li tirreferi għaliha, li tagħmel riferiment għal “ajruport tat-tluq sal-ajruport tal-wasla”.

    37.

    It-tieni nett u fuq kollox, ma għandux jintesa li l-Qorti tal-Ġustizzja oriġinarjament elevat ir-rotta, fi Sturgeon et, għall-grad ta’ fattur determinanti sabiex tiddistingwi l-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” minn dak ta’ “dewmien” tat-titjira, kunċetti li fir-rigward tagħhom ir-Regolament Nru 261/2004 jassoċja konsegwenzi legali differenti ħafna ( 14 ). Issa, interpretazzjoni flessibbli tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja eżaminata iktar ’il fuq, li tgħid li tibdil żgħir relatat mal-ajruport tat-tluq jew mal-ajruport tad-destinazzjoni tat-titjira ma jfissirx il-kanċellazzjoni ta’ din tal-aħħar, ikollha l-effett li ċċajpar l-imsemmija distinzjoni, b’detriment għar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004.

    38.

    Għaldaqstant, jiena tal-fehma li titjira ddevjata bil-ħsieb li tinżel f’ajruport li jservi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun bħal dak inizjalment previst tista’ mal-ewwel daqqa ta’ għajn tiġi kklassifikata bħala titjira kkanċellata fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li interpretat il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni”, kif previst fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004. Għalhekk, id-devjazzjoni tat-titjira jkollha l-effett li tagħti lok għal dritt għal kumpens abbażi ta’ qari flimkien tal-Artikoli 5(1)(ċ) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004.

    39.

    Madankollu, biex tiġi vverifikata l-eżattezza ta’ din il-proposta, huwa neċessarju li tiġi eżaminata fid-dawl tat-termini tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004, billi dan tal-aħħar japplika għall-każ preżenti sa fejn jirregola speċifikament l-ipoteżi ta’ titjira ddevjata lejn ajruport li jservi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun bħal dak inizjalment previst.

    2. Fuq il-kompatibbiltà tal-klassifikazzjoni bħala “kanċellazzjoni” tal-każ ta’ devjazzjoni fil-kawża preżenti mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004

    a) Osservazzjonijiet preliminari

    40.

    Għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri, ir-Regolament Nru 261/2004 stabbilixxa sistema ta’ regoli li fihom id-drittijiet previsti fih, jiġifieri d-drittijiet għal kumpens, għal assistenza u teħid ta’ responsabbiltà (Artikoli 7, 8 u 9), huma suġġetti għall-okkorrenza ta’ ċerti avvenimenti, jiġifieri r-rifjut ta’ imbark, il-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil fit-tluq (Artikoli 4, 5 u 6), li magħha l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja żiedet id-dewmien twil fil-wasla (is-sentenza Sturgeon et) ( 15 ). Għalhekk, il-kanċellazzjoni ta’ titjira għandha l-effett li tagħti lill-passiġġier dritt għal kumpens (EUR 250, 400 jew 600 skont id-distanza li din it-titjira kien ikollha tkopri kieku saret), dritt għal assistenza fil-forma ta’ rimbors tal-biljett jew rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali, kif ukoll dritt għal teħid ta’ responsabbiltà li jikkonsisti fl-offerta mingħajr ħlas ta’ xorb, komunikazzjonijiet (telefoniċi, bil-faks u elettroniċi) u, jekk ikun il-każ, akkomodazzjoni.

    41.

    F’dan il-kuntest, jista’ jiġi kkunsidrat, skont dak imsemmi fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-każ ta’ devjazzjoni previst fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jikkorrispondi għal sitwazzjoni ta’ kanċellazzjoni fit-tifsira tar-Regolament Nru 261/2004 u b’hekk tiftaħ, għall-benefiċċju tal-passiġġieri, id-drittijiet kollha li joħorġu minnha, li, fir-rigward tal-assistenza, neċessarjament jieħdu l-forma ta’ teħid ta’ responsabbiltà mit-trasportatur tal-ajru għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ trasferiment bejn l-ajruport tal-wasla u l-ajruport inizjalment previst jew destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mal-passiġġier. Kieku dan kien il-każ, il-proposta magħmula fl-aħħar tat-taqsima preċedenti tkun ovvjament korretta.

    42.

    Madankollu, jista’ jiġi kkunsidrat ukoll li l-każ ta’ devjazzjoni previst fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 ma jikkorrispondix għal sitwazzjoni ta’ kanċellazzjoni, iżda għal każ separat ta’ servizz inadempjenti meta mqabbel ma’ rifjut ta’ imbark, kanċellazzjoni jew dewmien, u b’hekk jiftaħ, għall-benefiċċju tal-passiġġieri, l-uniku dritt previst fih meta jseħħ tali servizz inadempjenti. Kieku dan kien il-każ, il-proposta magħmula fl-aħħar tat-taqsima preċedenti ovvjament ikollha tiġi modifikata.

    43.

    Sabiex jiġi ddeterminat liema miż-żewġ interpretazzjonijiet tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 hija korretta, għandna nirrikorru għall-metodi klassiċi ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    b) Interpretazzjoni letterali, sistematika, storika u teleoloġika

    44.

    Fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali, jiena tal-fehma li tista’ tkun il-bażi kemm għall-ewwel kif ukoll għat-tieni possibbiltà previsti fil-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija limitata biex tipprovdi d-dritt tal-passiġġier li jitħallsulu l-ispejjeż tat-trasferiment bejn l-ajruport tal-wasla u dak li kien inizjalment previst fil-każ ta’ devjazzjoni ta’ titjira lejn ajruport li jinsab fl-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun, mingħajr ma tinkludi fit-test tagħha ebda element li jippermetti li tiġi kkonfermata jew eskluża l-klassifikazzjoni ta’ tali devjazzjoni bħala “kanċellazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004.

    45.

    Fortunatament, l-interpretazzjonijiet sistematiċi u storiċi tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jwasslu għal riżultat eżeġetiku iktar ċar.

    46.

    Minn perspettiva sistematika, huwa fuq kollox neċessarju li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004 jitqies kollu kemm hu. Il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni jsemmi, infakkar, il-kontenut tad-dritt għal assistenza, billi jipprovdi li, meta jsir riferiment għal dan l-artikolu, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn ir-rimbors tal-biljett (u titjira lura lejn il-punt tat-tluq tagħhom (subparagrafu (a)) u rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tagħhom taħt kundizzjonijiet ta’ trasport paragunabbli mal-ewwel opportunità (subparagrafu (b)) jew f’data iktar tard (subparagrafu (ċ)). Kif fil-fatt isir riferiment għaliha fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004 (“Kanċellazzjoni”), il-kanċellazzjoni ta’ titjira tnissel, għall-benefiċċju tal-passiġġieri kkonċernati, id-dritt li jibbenefikaw minn dawn iż-żewġ alternattivi ta’ assistenza. Issa, huwa raġonevoli, fil-fehma tiegħi, li nimmaġina li, kieku d-dritt li jinsab fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 kien ġie kkonċepit, bħad-drittijiet għar-rimbors tal-biljett jew rotta differenti, bħala li jiddependi fuq kanċellazzjoni tat-titjira, probabbilment kien ikun inkorporat fil-paragrafu 1, possibbilment permezz taż-żieda ta’ punt “(d)” ma’ dan tal-aħħar.

    47.

    Jekk nikkunsidraw li d-dritt għat-teħid ta’ responsabbiltà tal-ispejjeż ta’ trasferiment bejn l-ajruport tal-wasla u l-ajruport inizjalment previst li jservi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun jitqiegħed f’paragrafu awtonomu, minbarra dak li jiddefinixxi d-drittijiet għall-assistenza mogħtija lill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni, bilfors jiġi dedott minn dan li l-kundizzjonijiet li fuqhom jiddependi t-tnissil ta’ dawn id-drittijiet ma humiex applikabbli għal tal-ewwel.

    48.

    B’mod partikolari, għandu jitfakkar li l-ewwel kelmiet tal-paragrafu 1 (“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu […]”), jassumu li d-drittijiet għal assistenza previsti fih huma fil-prinċipju ssubordinati għall-okkorrenza ta’ avvenimenti identifikati b’mod eżawrjenti fir-Regolament Nru 261/2004 u l-ġurisprudenza li interpretatu, jiġifieri r-rifjut ta’ imbark (l-Artikolu 4), il-kanċellazzjoni (l-Artikolu 5), id-dewmien fit-tluq (l-Artikolu 6) u d-dewmien fil-wasla ta’ tliet siegħat jew iktar (sentenza Sturgeon et) ( 16 ). Issa, jekk l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jingħata interpetazzjoni awtonoma minn dik tal-paragrafu 1, kif irrakkomandajt fil-punt preċedenti, id-dritt li hemm fih ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ssubordinat għall-okkorrenza ta’ wieħed minn dawn l-avvenimenti. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jagħti lill-passiġġieri dritt li jkollhom koperti l-ispejjeż ta’ trasferiment bejn l-ajruport tal-wasla u dak inizjalment previst meta dawn l-ajruporti jinsabu fl-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun, indipendentement minn jekk xi wieħed mill-avvenimenti msemmijin attwalment seħħx.

    49.

    Jidhirli li interpretazzjoni awtonoma tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 hija iktar u iktar iġġustifikata peress li d-dritt inkwistjoni huwa materjalment differenti mid-drittijiet għal assistenza stabbiliti fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu peress li ma jirrelatax mar-“rotta differenti” tal-passiġġier tal-ajru lejn id-destinazzjoni finali tiegħu, iżda pjuttost mal-każ ta’ “trasferiment” bejn żewġ ajruporti fil-qrib. Filwaqt li l-ewwel wieħed jikkostitwixxi servizz ta’ trasport bl-ajru ġeneralment ipprovdut mit-trasportatur ikkonċernat ( 17 ), it-tieni huwa servizz ta’ trasport ta’ natura differenti pprovdut minn operatur ekonomiku indipendenti mit-trasportatur tal-ajru, b’dan tal-aħħar ikun unikament responsabbli li jħallas l-ispejjeż minfuqa mill-passiġġier biex jibbenefika minn servizz bħal dan. Fil-qosor, inqis li l-fatt li d-dritt li jinsab fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu natura differenti minn dik tad-drittijiet għal assistenza jista’ jiġi spjegat bil-fatt li jingħata lill-passiġġier minħabba servizz inadempjenti tat-trasportatur tal-ajru differenti minn dawk li jagħtu lok għad-dritt għal assistenza, skont ir-Regolament Nru 261/2004 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li interpretatu.

    50.

    Ħarsa mill-qrib lejn ix-xogħol preparatorju għar-regolament inkwistjoni, kif ukoll il-predeċessur tiegħu, jiġifieri r-Regolament (KEE) Nru 295/91 ( 18 ), tikkonferma, fil-fehma tiegħi, li d-dritt sanċit fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jitlob interpretazzjoni awtonoma minn ta’ dik ta’ drittijiet oħra għall-assistenza li jidhru f’dan l-Artikolu 8.

    51.

    Fir-rigward tar-Regolament Nru 295/91, għandu jiġi osservat li dan ir-regolament kien fih, fl-Artikolu 6(2), regola ta’ kontenut kważi identika għal dik stabbilita fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 ( 19 ), u li din ir-regola kienet ġiet inkorporata f’dispożizzjoni ddedikata esklużivament għad-drittijiet tal-passiġġieri għat-teħid ta’ responsabbiltà ( 20 ), minflok ma tidher fost id-drittijiet għal assistenza previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 295/91 ( 21 ). Rigward ix-xogħol preparatorju għar-Regolament Nru 261/2004, ninnota li, minkejja li l-proposta tal-Kummissjoni fl-oriġini ta’ dan ir-regolament ( 22 ) kienet ċaqalqet ir-regola inkwistjoni f’artikolu intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, dan iċ-ċaqliq ma rriżultax fid-dħul tagħha fl-Artikolu 8(1) tar-regolament imsemmi, iżda fl-iżolament ta’ din ir-regola fil-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu 8, fejn tinsab bħalissa.

    52.

    Għalhekk jirriżulta minn interpretazzjoni sistematika u storika li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 kien ġie maħsub bħala dispożizzjoni awtonoma li hija stess tiffissa kemm il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha stess (il-proposta mit-trasportatur tal-ajru lill-passiġġier ta’ titjira ddevjata lejn ajruport li jinsab fl-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun minn ajruport inizjalment previst) kif ukoll il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mit-twettiq ta’ dawn il-kundizzjonijiet (id-dritt tal-passiġġier għat-teħid ta’ responsabbiltà tal-ispejjeż minfuqa bħala riżultat tat-trasferiment bejn l-ajruport tal-wasla u l-ajruport inizjalment previst jew destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mat-trasportatur tal-ajru), mingħajr ma jkun meħtieġ, sabiex jiġi identifikat wieħed jew l-ieħor, li tinqara flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 261/2004, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    53.

    Fl-aħħar nett, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha titqies minn priżma teleoloġika, li bla dubju hija – infakkar – il-metodu ppreferut mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 ( 23 ). Issa, diġà għedt li dan il-metodu jippermetti, fil-fehma tiegħi, li jitneħħa kull dubju possibbli li jifdal dwar jekk il-każ ta’ devjazzjoni previst fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament għandux jiġi assimilat ma’ kanċellazzjoni tat-titjira skont it-tifsira tal-Artikolu 2(l) tal-imsemmi regolament.

    54.

    Fir-rigward tal-għan primarju segwit mir-Regolament Nru 261/2004, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li dan ir-regolament jimmira, kif jidher mill-premessi 1, 2 u 4 tiegħu, li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, billi jsaħħaħ id-drittijiet tagħhom f’numru ta’ sitwazzjonijiet li jikkawżaw diffikultajiet u inkonvenjenti serji, bħar-rifjut ta’ imbark, il-kanċellazzjoni u d-dewmien twil, u r-rimedju tagħhom b’mod standardizzat u immedjat ( 24 ).

    55.

    Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta’ titjira bħala “kkanċellata” timplika li l-inkonvenjenti li jaffaċċjaw il-passiġġieri bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ trasport ikunu serji. Issa, l-inżul ta’ titjira f’ajruport differenti minn dak inizjalment previst, iżda li jservi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun, ma jikkostitwixxix, fil-fehma tiegħi, sitwazzjoni li tikkawża, bħala tali, għall-passiġġieri, inkonvenjenzi tant serji daqs dawk maħluqa minn kanċellazzjoni (jew rifjut ta’ imbark jew dewmien fil-wasla ta’ tliet siegħat jew iktar).

    56.

    Barra minn hekk, ma jidhirlix ovvju li interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 li tassimila l-każ ta’ devjazzjoni lejn ajruport li jservi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun milli l-ajruport inizjalment previst ma’ kanċellazzjoni tiżgura protezzjoni ogħla tal-passiġġier milli l-interpretazzjoni li tikklassifikah bħala servizz inadempjenti distint mill-kanċellazzjoni, ir-rifjut ta’ imbark u d-dewmien twil mal-wasla. Infakkar, fil-fatt, li wieħed mill-mezzi użati mill-imsemmi regolament biex jikseb l-għan primarju tiegħu li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri huwa dak li jiddisswadi lit-trasportaturi tal-ajru milli jwettqu kanċellazzjonijiet ( 25 ). F’dan il-kuntest, huwa faċli li wieħed jimmaġina li, jekk il-każ ta’ devjazzjoni previst fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 ma jinftihemx bħala li jaqa’ barra mill-iskop tal-kunċett ta’ “kanċellazzjoni”, u b’hekk joħloq, għall-benefiċċju tal-passiġġier, l-istess drittijiet bħal din tal-aħħar, it-trasportaturi tal-ajru jirreaġixxu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, bħala operaturi ekonomiċi informati, billi jiddeċiedu li jikkanċellaw titjiriet li setgħu sempliċement jiġu ddevjati lejn ajruport li jinsab ħdejn l-ajruport inizjalment previst, u mbagħad joffru lill-passiġġieri fuq dawn it-titjiriet rotta differenti lejn dan l-aħħar ajruport, probabbilment f’data iktar tard. Wara kollox, ikun ekonomikament loġiku li jsiru sforzi organizzattivi, ħafna drabi mhux insinjifikattivi, biex il-passiġġieri jkunu jistgħu jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom malajr kemm jista’ jkun meta l-obbligi li jaqgħu fuq it-trasportaturi tal-ajru b’riżultat ta’ din id-devjazzjoni jkunu simili għal dawk li jkollhom f’każ ta’ kanċellazzjoni (kumpens, assistenza u teħid ta’ responsabbiltà)?

    3. Konklużjoni

    57.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-interpretazzjoni prevista fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fejn titjira ddevjata bil-ħsieb li tinżel f’ajruport li jservi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun bħal dak inizjalment previst tista’ tiġi kklassifikata bħala titjira kkanċellata, ma tistax tiġi sostnuta, meta l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 iqis devjazzjoni bħal din bħala każ ta’ servizz inadempjenti distint minn dak tal-kanċellazzjoni tat-titjira. Minn dan isegwi li din id-devjazzjoni tagħti lok, bħala prinċipju, biss għad-dritt tal-passiġġier li jitħallas tal-ispejjeż tat-trasferiment ta’ dan tal-aħħar bejn l-ajruport tal-wasla u l-ajruport inizjalment previst (jew destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma bejn it-trasportatur tal-ajru u l-passiġġier), bl-esklużjoni tad-dritt għal kumpens li l-passiġġier ikollu fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira.

    58.

    Għall-finijiet utli kollha, u anki għalkemm jien konxju mill-fatt li dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, inżid ngħid li ċertament ma jistax jiġi eskluż li, minħabba l-ipoteżi ta’ devjazzjoni inkwistjoni, il-passiġġier jasal fl-ajruport inizjalment previst jew id-destinazzjoni differenti fil-qrib miftiehma mat-trasportatur tal-ajru b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar. Naturalment, dewmien daqshekk twil mal-wasla jiftaħ, għall-benefiċċju ta’ dan il-passiġġier, dritt għal kumpens meta jinqraw flimkien l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, liema dritt jirriżulta mis-sentenza Sturgeon et ( 26 ) iċċitata iktar ’il fuq.

    59.

    Qabel ma nikkonkludi, nixtieq nindika li interpretazzjoni li tassimila l-każ ta’ devjazzjoni rregolat mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 ma’ kanċellazzjoni tat-titjira tkun ukoll f’kunflitt, kif naraha jien, mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, li għalih il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet f’diversi okkażjonijiet meta interpretat dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament ( 27 ).

    60.

    Kif inhu magħruf, dan il-prinċipju jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Fir-rigward tar-Regolament Nru 261/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li l-kwistjoni dwar jekk sitwazzjonijiet li jaqgħu taħtu humiex paragunabbli trid tiġi deċiża “skont it-tip u d-daqs tal-inkonvenjenzi differenti u tad-danni subiti mill-passiġġieri kkonċernati” ( 28 ) ( 29 ). Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, ftit hemm dubju, fil-fehma tiegħi, li passiġġier li kien fuq titjira li pproċediet skont l-iskeda inizjali u waslet fl-ajruport inizjalment previst b’dewmien ta’ inqas minn tliet sigħat ikun sofra inkonvenjent tal-istess tip u tal-istess daqs bħal passiġġier, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, fejn it-titjira tiegħu tkun ġiet iddevjata lejn ajruport alternattiv li jservi l-istess belt, agglomerazzjoni jew reġjun, u li wasal fl-ajruport inizjalment previst b’dewmien ta’ inqas minn tliet sigħat. Madankollu, kieku dan il-każ ta’ devjazzjoni kellu jiġi assimilat ma’ kanċellazzjoni, it-tieni passiġġier biss kien ikun intitolat li jirċievi kumpens taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

    61.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tieni u t-tielet domanda li l-Artikolu 5(1)(ċ), l-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1), u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-inżul ta’ titjira f’ajruport differenti mill-ajruport inizjalment previst li jinsab fl-istess belt, agglomerazzjoni jew l-istess reġjun ma jagħtix lok għal dritt għal kumpens għall-benefiċċju tal-passiġġier minħabba kanċellazzjoni tat-titjira. Dritt għal kumpens jitnissel biss jekk, minħabba din id-devjazzjoni, il-passiġġier jasal fl-ajruport inizjalment previst jew id-destinazzjoni differenti fil-qrib miftiehma mat-trasportatur tal-ajru b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar.

    B.   Dwar is-sitt domanda

    62.

    Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ nżul f’ajruport differenti minn dak li kien inizjalment previst, it-trasportatur tal-ajru huwiex meħtieġ li joffri lill-passiġġier fuq inizjattiva tiegħu stess li jieħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ trasferiment lejn l-ajruport tal-aħħar jew destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mal-passiġġier.

    63.

    L-ewwel nixtieq nuri n-nuqqas ta’ qbil tiegħi mal-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fejn il-fatt li dan l-artikolu jipprovdi li t-trasportatur tal-ajru “għandu jħallas l-ispiża tat-trasferiment tal-passiġġier minn dak l-ajruport alternattiv jew għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula, jew għal destinazzjoni oħra li qegħda fil-qrib miftehma mal-passiġġier” ( 30 ) għandu neċessarjament iwassal għall-konklużjoni li dan it-trasportatur ma huwiex meħtieġ li jieħu l-inizjattiva sabiex jissodisfa dan l-obbligu. Filwaqt li huwa veru li l-kelmiet “għandu jħallas” jistgħu jissuġġerixxu li l-imsemmi obbligu jinvolvi biss ir-rimbors tal-ispejjeż tat-trasferiment fuq talba tal-passiġġier, din l-interpretazzjoni madankollu tinjora l-fatt li l-frażi preċedenti tad-dispożizzjoni inkwistjoni (“[meta] trasportatur ta’ l-ajru joffri passiġġier titjira għal ajruport alternattiv għal dak għal liema l-prenotazzjoni ġiet magħmula”) ( 31 ) tirreferi għal proposta mit-trasportatur li tista’ tkun akkumpanjata minn offerta biex jitħallsu l-ispejjeż minfuqa mill-passiġġier bħala riżultat tat-trasferiment inkwistjoni. Għalhekk, jiena tal-fehma li l-ittra tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 ma tippermettix risposta univoka għal din il-mistoqsija.

    64.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aspett teleoloġiku tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 huwa għal darba oħra ta’ importanza determinanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tiegħu. Għandu jitfakkar, fil-fatt, li, għalkemm l-għan primarju ta’ dan ir-regolament huwa, kif tindika l-premessa 1 tiegħu, dak li “tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri”, din l-istess premessa tippreċiża li “konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali” ( 32 ).

    65.

    Fi kliem ieħor, il-filosofija sottostanti s-sistema tar-regoli stabbilita bir-Regolament Nru 261/2004 hija wkoll ibbażata fuq il-konstatazzjoni li l-passiġġier-konsumatur jinsab fi żvantaġġ fil-konfront tat-trasportatur tal-ajru u fornitur tas-servizz. Sabiex jikkumpensa għal din is-sitwazzjoni, u b’hekk sabiex jippermetti li l-passiġġier-konsumatur igawdi b’mod effettiv mid-drittijiet li ngħatawlu, dak ir-regolament jidhirli li jeħtieġ li l-passiġġier-konsumatur ikun assistit b’mod attiv mit-trasportatur tal-ajru u fornitur tas-servizz.

    66.

    Dan jirriżulta b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 li jirregolaw id-drittijiet tal-passiġġier għal assistenza. F’dan ir-rigward, fil-fatt jista’ jiġi kkonstatat li, minkejja li l-verżjonijiet lingiwstiċi differenti tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament ma humiex unanimi fuq il-kwistjoni dwar jekk inizjattiva hijiex imposta fuq it-trasportatut tal-ajru jew fuq il-passiġġier ( 33 ), l-Artikolu 4(3) (rifjut ta’ imbark), l-Artikolu 5(1)(a) (kanċellazzjoni), u l-Artikolu 6(1)(ċ)(iii) (dewmien ta’ mill-inqas ħames sigħat), tal-istess regolament rispettivament jipprovdu li t-trasportatur tal-ajru għandu, lill-passiġġieri kkonċernati, “jassistihom”, li l-passiġġieri kkonċernati “għandhom jiġu offruti […] l-assistenza” u li dawn il-passiġġieri “għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera […] l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a)”.

    67.

    Il-ħtieġa ta’ proposta għal assistenza mit-trasportatur tal-ajru tabilħaqq tirrifletti l-ħtieġa li l-passiġġier-konsumatur jiġi protett sa fejn dan tal-aħħar, “mitluq” f’ajruport differenti minn dak tad-destinazzjoni finali tiegħu minħabba li seħħ wieħed mill-avvenimenti msemmija iktar ’il fuq, jinsab f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà fir-rigward tat-trasportatur tal-ajru stabbilit f’dan l-ajruport. Din hija r-raġuni għaliex dan tal-aħħar huwa meħtieġ li jissodisfa l-obbligu ta’ assistenza li għandu fuqu irrispettivament minn talba minn qabel mill-passiġġier.

    68.

    Kif ġie osservat mill-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, din l-interpretazzjoni jidhirli li hija kompletament konformi mas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Rusu, li fiha ddeċidiet li huwa t-trasportatur tal-ajru li jkun irrifjuta l-imbark tal-passiġġieri li għandu joffrilhom l-assistenza prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, f’dik is-sentenza, li hu t-trasportatur tal-ajru, meta ppreżenta l-offerta tiegħu, li għandu jipprovdi lill-passiġġier bl-informazzjoni meħtieġa biex ikun jista’ jagħmel għażla effettiva bejn ir-rimbors tal-biljett jew rotta differenti, mingħajr ma dan il-passiġġier ikun meħtieġ li jikkontribwixxi attivament fit-tfittxija għal din l-informazzjoni ( 34 ). Fi ftit kliem, jirriżulta, jidhirli, minn din is-sentenza li t-tgawdija effettiva tad-dritt għal assistenza min-naħa tal-passiġġier ma tistax tinjora l-ħtieġa għal intervent minn qabel mit-trasportatur tal-ajru.

    69.

    Issa, għalkemm id-dritt ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment bejn l-ajruport tal-wasla u dak li kien inizjalment previst (jew destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mal-passiġġier) għandu jirċievi, kif ġie sostnut f’dawn il-konklużjonijiet, interpretazzjoni awtonoma mid-drittijiet għal assistenza li jinsabu fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004, nemmen li l-obbligu korrelattiv fuq it-trasportatur tal-ajru għandu jikkunsidra wkoll ir-rekwiżit li jiġi protett il-passiġġier-konsumatur kif stabbilit fl-ewwel premessa ta’ dan ir-regolament.

    70.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għas-sitt domanda li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ nżul f’ajruport differenti minn dak oriġinarjament previst, it-trasportatur tal-ajru huwa meħtieġ li joffri lill-passiġġier fuq inizjattiva tiegħu stess li jieħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ trasferiment lejn l-ajruport tal-aħħar jew lejn destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mal-passiġġier.

    C.   Fuq is-seba’ domanda

    71.

    Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-ksur tal-obbligi ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment tal-passiġġieri bejn l-ajruport tal-wasla u l-ajruport inizjalment previst (jew id-destinazzjoni fil-qrib miftiehma mal-passiġġier) u tat-trasport mill-ajruport sal-post tal-akkomodazzjoni, li hija r-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru bis-saħħa tal-Artikolu 8(3) u tal-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, jagħtix, aktarx, lill-passiġġier dritt għal kumpens ta’ somma f’daqqa fit-tifsira tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament.

    72.

    Qabel kollox, hemm lok li jiġi ssuġġerit li l-Qorti tal-Ġustizzja tirriformula din id-domanda b’riferiment biss għall-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Fir-rigward tal-Artikolu 9(1)(c) ta’ dan ir-regolament, jiena tal-fehma li r-rilevanza tal-interpretazzjoni tiegħu għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma hijiex ċara mill-qafas fattwali tal-kawża preżenti u li, fi kwalunkwe każ, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament bħala dispożizzjoni awtonoma, li jiena nirrakkomanda f’dawn il-konklużjonijiet, hija tali li teskludi din ir-rilevanza sa fejn din l-interpretazzjoni timplika li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 biss huwa applikabbli f’każ ta’ devjazzjoni bħal f’dan il-każ preżenti.

    73.

    Tali kwistjoni ma jidhirlix li toħloq xi diffikultajiet partikolari, billi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà pprovdiet l-indikazzjonijiet kollha meħtieġa biex tingħata risposta.

    74.

    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ħadet espressament pożizzjoni fl-affermattiv, għalkemm fil-forma ta’ obiter dictum, dwar il-kwistjoni relatata mal-eżistenza ta’ dritt għal kumpens għall-passiġġier minħabba n-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru li jissodisfa l-obbligi ta’ assistenza u teħid ta’ responsabbiltà li jaqgħu fuqu skont l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 fis-sentenza Sousa Rodríguez et ( 35 ).

    75.

    Wieħed jista’ eventwalment jistaqsi jekk passiġġier għandux ukoll dan id-dritt meta t-trasportatur tal-ajru jkun kiser l-obbligu li jieħu r-responsabbiltà għat-trasferiment tal-passiġġier bejn l-ajruport tal-wasla u dak oriġinarjament previst (jew id-destinazzjoni fil-qrib miftiehma) fid-dawl tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Infakkar għal darba oħra, fil-fatt, li t-teżi sostnuta f’dawn il-konklużjonijiet hija li l-obbligi ta’ assistenza proprji, li l-ksur tagħhom jagħti lok għal dritt għal kumpens skont is-sentenza Sousa Rodríguez et ( 36 ), huma previsti biss fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, filwaqt li l-Artikolu 8(3) tiegħu għandu jitqies bħala dispożizzjoni awtonoma. Issa, nemmen li r-risposta għal din id-domanda għandha neċessarjament tkun affermattiva, billi l-obbligu inkwistjoni, bħal dawk ta’ assistenza (u t-teħid ta’ responsabbiltà), “jkun[u] ineffettiv[i] jekk ma [jkunux jistgħu] jiġ[u] infurzat[i]”, biex nissellef il-kliem użat mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-każ Sousa Rodríguez et ( 37 ).

    76.

    Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kumpens inkwistjoni jistax jikkonsisti f’kumpens ta’ somma f’daqqa fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, kif isostni r-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa biżżejjed li jiġi eżaminat bir-reqqa r-raġunament li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza McDonagh ( 38 ), meta kkunsidrat il-kwistjoni tal-validità tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004 fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, biex tiġi eskluża possibbiltà bħal din.

    77.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, in-nuqqas ta’ kwalunkwe limitu temporali jew finanzjarju fuq l-obbligu li tittieħed responsabbiltà sanċit fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament ma jistax jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-konsegwenzi finanzjarji negattivi, anki kunsiderevoli, li dan jinvolvi għat-trasportaturi tal-ajru ma humiex sproporzjonati mal-għan ta’ protezzjoni għolja tal-passiġġieri u li, fi kwalunkwe każ, it-trasportaturi tal-ajru, bħala operaturi informati, huma intitolati li jgħaddu l-ispejjeż iġġenerati minn dan l-obbligu fuq il-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru. F’dan l-istadju, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet punt ieħor biex tiċċara li l-passiġġier ma jistax, madankollu, jikseb, bħala kumpens, minħabba n-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru li jissodisfa dan l-obbligu ta’ teħid ta’ responsabbiltà, ħlief ir-rimbors ta’ somom li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, jirriżultaw meħtieġa, xierqa u raġonevoli sabiex jikkumpensaw għan-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru li jieħu responsabbiltà għall-passiġġier ikkonċernat, u ħalliet f’idejn il-qorti nazzjonali li tagħmel tali evalwazzjoni ( 39 ). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tfisser li interpretazzjoni skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità tippreżupponi korrispondenza bejn l-ammont ta’ kumpens dovut mit-trasportatur tal-ajru u dak tal-ispejjeż minfuqa mill-passiġġier ikkonċernat, rekwiżit li jeskludi, minnu nnifsu, kumpens ta’ somma f’daqqa, bħal dak previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004.

    78.

    Nammetti bil-qalb kollha li ż-żieda ta’ dan il-punt f’dik is-sentenza kienet motivata mhux speċifikament mix-xewqa li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ kumpens ta’ somma f’daqqa, iżda mill-ħtieġa unika li jitqiegħed limitu fuq l-ammonti mitluba mill-passiġġieri minħabba n-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru li jissodisfa l-obbligu tiegħu li jieħu r-responsabbiltà fil-każ li t-titjira tagħhom tkun ġiet ikkanċellata bħala riżultat ta’ ċirkustanzi straordinarji li jippersistu maż-żmien. Madankollu, in-natura ġenerali tal-kliem użat mill-Qorti tal-Ġustizzja, flimkien mal-fatt li l-punt inkwistjoni jidher ukoll fid-dispożittiv tal-imsemmija sentenza, juri, fil-fehma tiegħi, li r-rikonoxximent lill-passiġġier ta’ kumpens ta’ somma f’daqqa, bħal dak previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, wara l-ksur ta’ kwalunkwe obbligu ta’ teħid ta’ responsabbiltà previst fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, ikollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, konsegwenzi finanzjarji negattivi għat-trasportatur tal-ajru tant sinjifikattivi li dan l-artikolu ma jkunx jista’ jiġi interpretat b’dan il-mod mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    79.

    Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li, f’dan il-każ, il-ksur tal-obbligu ta’ teħid ta’ responsabbiltà fl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 min-naħa tat-trasportatur tal-ajru, joħloq, għall-benefiċċju tal-passiġġier, dritt għar-rimbors ta’ somom li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, kienu meħtieġa, xierqa u raġonevoli sabiex jikkumpensaw għal dan in-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru.

    80.

    Wara li ġiet ikkunsidrata l-ħtieġa li tiġi adottata interpretazzjoni skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ kull dispożizzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, huwa ovvju, fil-fehma tiegħi, li din il-konklużjoni hija applikabbli wkoll fil-każ li l-obbligu miksur mit-trasportatur tal-ajru ikun dak imsemmi fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament.

    81.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għas-seba’ domanda preliminari li l-ksur tal-obbligu ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment tal-passiġġieri bejn l-ajruport tal-wasla u l-ajruport previst inizjalment (jew id-destinazzjoni fil-qrib miftiehma mal-passiġġier), li jaqa’ fuq it-trasportatur tal-ajru bis-saħħa tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004, ma jagħtix lill-passiġġier dritt għal kumpens ta’ somma f’daqqa skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, joħloq, għall-benefiċċju tal-passiġġier, dritt għal rimbors ta’ somom li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, jirriżultaw meħtieġa, xierqa u raġonevoli sabiex jikkumpensaw għal dan in-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru.

    IV. Konklużjoni

    82.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni, it-tielet, is-sitt u s-seba’ domanda preliminari magħmula mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija) kif ġej:

    1)

    L-Artikolu 5(1)(ċ), l-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-inżul ta’ titjira f’ajruport differenti mill-ajruport inizjalment previst li jinsab fl-istess belt, agglomerazzjoni jew l-istess reġjun ma jagħtix lok għal dritt għal kumpens għall-benefiċċju tal-passiġġier minħabba kanċellazzjoni tat-titjira. Dritt għal kumpens jitnissel biss jekk, minħabba din id-devjazzjoni, il-passiġġier jasal fl-ajruport inizjalment previst jew id-destinazzjoni differenti fil-qrib miftiehma mat-trasportatur tal-ajru b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar.

    2)

    L-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ nżul f’ajruport differenti minn dak oriġinarjament previst, it-trasportatur tal-ajru huwa meħtieġ li joffri lill-passiġġier fuq inizjattiva tiegħu stess li jieħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ trasferiment lejn l-ajruport tal-aħħar jew lejn destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mal-passiġġier.

    3)

    Il-ksur tal-obbligu ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasferiment tal-passiġġieri bejn l-ajruport tal-wasla u l-ajruport previst inizjalment (jew id-destinazzjoni viċina miftiehma mal-passiġġier), li jaqa’ fuq it-trasportatur tal-ajru bis-saħħa tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 261/2004, ma jagħtix lill-passiġġier dritt għal kumpens ta’ somma f’daqqa skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, joħloq, għall-benefiċċju tal-passiġġier, dritt għal rimbors ta’ somom li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, jirriżultaw meħtieġa, xierqa u raġonevoli sabiex jikkumpensaw għal dan in-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

    ( 3 ) Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009 (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716).

    ( 4 ) Minkejja r-riferiment għall-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 261/2004, jidhirli ovvju li d-“dewmien twil” imsemmi mit-tielet domanda jikkorrispondi mal-ipoteżi ta’ dewmien twil mal-wasla, jiġifieri dewmien mal-wasla ta’ tliet sigħat jew iktar fit-tifsira tas-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716), u mhux għal dak tad-dewmien twil fit-tluq. Fil-fatt, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li t-talba għall-ħlas ta’ kumpens imressqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali quddiem il-qrati nazzjonali kienet ibbażata b’mod partikolari fuq id-dewmien tat-titjira kkonċernata mal-wasla. Fi kwalunkwe każ, dewmien fit-tluq ma jagħti lok għal ebda dritt għal kumpens bħala tali, minħabba n-nuqqas ta’ riferiment mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004 għall-Artikolu 7 tiegħu.

    ( 5 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 40).

    ( 6 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 30).

    ( 7 ) Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011 (C‑83/10, EU:C:2011:652).

    ( 8 ) Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et (C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 28).

    ( 9 ) Il-korsiv huwa tiegħi.

    ( 10 ) Digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2016 (C‑32/16, EU:C:2016:753).

    ( 11 ) Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011 (C‑83/10, EU:C:2011:652).

    ( 12 ) Digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2016, Wunderlich (C‑32/16, EU:C:2016:753, punt 18).

    ( 13 ) Digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2016 (C‑32/16, EU:C:2016:753).

    ( 14 ) Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009 (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 29 sa 36).

    ( 15 ) Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009 (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716).

    ( 16 ) Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009 (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716).

    ( 17 ) Dan jirriżulta b’mod partikolarment ċar mill-qari tal-verżjoni bil-lingwa Taljana tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004, li fiha t-terminu “rotta differenti” ġie tradott bħala “imbarco su un volo alternativo” (il-korsiv huwa tiegħi), jiġifieri “imbark fuq titjira alternattiva”.

    ( 18 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) tal‑4 ta’ Frar 1991 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal imbark miċħud fit-trasport bl-ajru skedat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 306, p. 5).

    ( 19 ) L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 295/91 kien ifformulat kif ġej: “Meta kull belt, jew reġjun ikollu diversi ajruporti u kull trasportatur bl-ajru joffri lil kull passiġġier, li jkun ġie miċħud l-imbark, kull titjira lejn kull ajurport li ma jkunx l-ajruport ta’ destinazzjoni li għalih ikun ipprenota l-passiġġier, l-ispiża tal-vjaġġ bejn l-ajruporti alternattivi jew lejn destinazzjoni alternattiva li tkun viċin, bi qbil mal-passiġġier, tkun magħmula fuq l-obbligu tat-trasportatur bl-ajru”.

    ( 20 ) Ara l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 295/91, li skontu, “[m]inbarra l-kumpens minimu ta’ ammonti stabbiliti fl-Artikolu 4, it-trasportatur bl-ajru għandu joffri mingħajr ħlas lill-passiġġieri li jkunu miċħuda l-imbark: a) l-ispejjeż għal kull telefonata u/jew telex/messaġġ bil-fax sal-punt ta’ destinazzjoni; b) ikliet u trattenimenti b’relazzjoni raġonevoli għall-ħin ta’ stennija; c) akkomodazzjoni ġewwa lukanda f’każijiet meta jkun meħtieġ li wieħed joqgħod lejl jew aktar”.

    ( 21 ) Din id-dispożizzjoni tgħid dan li ġej: “Fl-eventwalità ta’ ċaħda ta’ imbark, passiġġier għandu jkollu l-għażla bejn: - rimborż mingħajr penali ta’ l-ispiża tal-biljett għall-parti mill-vjaġġ mhux magħmul, jew - rotaġġ mill-ġdid għad-destinazzjoni finali tiegħu fl-ewwel opportunità, jew - rotaġġ mill-ġdid f’data aktar tard għall-konvenjenza tal-passiġġier.”

    ( 22 ) Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens għall-passiġġieri tal-ajru u l-assistenza f’każ ta’ rifjut ta’ imbark u kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira (COM/2001/0784 final – COD 2001/0305) (ĠU 2002, C 103 E/17, p. 225).

    ( 23 ) Fost numru kunsiderevoli ta’ eżempji possibbli, ara r-riferiment tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-għanijiet tar-Regolament Nru 261/2004 meta ntalbet tinterpreta l-kunċett ta’ “titjira” fis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 35), fejn tgħid li meta “titjira […] [titqies] li hija vjaġġ bir-ritorn, fir-realtà, ikollha bħala effett li tnaqqas il-protezzjoni mogħtija lill-passiġġieri skont dan ir-regolament, li jkun kuntrarju għall-għan tagħha li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni lill-passiġġieri”.

    ( 24 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Mennens (C‑255/15, EU:C:2016:472, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 25 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar kumpens għall-passiġġieri tal-ajru u assistenza f’każ ta’ rifjut ta’ imbark u kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira (COM/2001/0784 final – COD 2001/0305), punt 5. Ara wkoll, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 83).

    ( 26 ) Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009 (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716).

    ( 27 ) Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punti 93 sa 100); tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, EU:C:2008:400, punti 38 u 39); tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 48 et seq.); tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punti 33 sa 40); u tas-7 ta’ Settembru 2017, Bossen et (C‑559/16, EU:C:2017:644, punt 19 et seq.); kif ukoll id-digriet tal-5 ta’ Ottubru 2016, Wunderlich (C‑32/16, EU:C:2016:753, punti 21 et seq.).

    ( 28 ) Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 49).

    ( 29 ) Il-korsiv huwa tiegħi.

    ( 30 ) Il-korsiv huwa tiegħi.

    ( 31 ) Il-korsiv huwa tiegħi.

    ( 32 ) Il-korsiv huwa tiegħi.

    ( 33 ) Il-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża (“so können Fluggäste wählen zwischen […]”), Finlandiża (“matkustajalle on annettava mahdollisuus valita jokin seuraavista vaihtoehdoista […]”), Litwana (“keleiviams leidžiama rinktis […]”) u Pollakka (“pasażerowie mają prawo wyboru pomiędzy […]”) sempliċiment jagħmlu riferiment għall-fatt li l-passiġġieri jistgħu jew għandhom id-dritt li jagħżlu bejn il-forom differenti ta’ assistenza disponibbli, mingħajr ma jispeċifikaw jekk huwiex it-trasportatur tal-ajru li għandu jipproponi lill-passiġġieri l-assistenza prevista minn din id-dispożizzjoni jew humiex dawn tal-aħħar li għandhom jistaqsu għaliha, filwaqt lil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jikkontemplaw l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ ipoteżijiet.

    ( 34 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019 (C‑354/18, EU:C:2019:637, punti 53 sa 55).

    ( 35 ) Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011 (C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 44).

    ( 36 ) Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011 (C‑83/10, EU:C:2011:652).

    ( 37 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Sousa Rodríguez et (C‑83/10, EU:C:2011:427, punt 60).

    ( 38 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013 (C‑12/11, EU:C:2013:43).

    ( 39 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punti 45 sa 51).

    Top