This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CC0825
Opinion of Advocate General Tanchev delivered on 3 June 2021.#Beeren-, Wild-, Feinfrucht GmbH v Hauptzollamt Erfurt.#Request for a preliminary ruling from the Thüringer Finanzgericht.#Reference for a preliminary ruling – Customs union – End-use procedure – Authorisation with retroactive effect – Regulation (EU) No 952/2013 – Union Customs Code – Article 211(2) – Scope ratione temporis – Conditions – Regulation (EEC) No 2454/93 – Article 294(2) – Scope.#Case C-825/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fit-3 ta’ Ġunju 2021.
Beeren-, Wild-, Feinfrucht GmbH vs Hauptzollamt Erfurt.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Thüringer Finanzgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Proċedura ta’ użu aħħari – Awtorizzazzjoni b’effett retroattiv – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Artikolu 211(2) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Kundizzjonijiet – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 294(2) – Portata.
Kawża C-825/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fit-3 ta’ Ġunju 2021.
Beeren-, Wild-, Feinfrucht GmbH vs Hauptzollamt Erfurt.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Thüringer Finanzgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Proċedura ta’ użu aħħari – Awtorizzazzjoni b’effett retroattiv – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Artikolu 211(2) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Kundizzjonijiet – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 294(2) – Portata.
Kawża C-825/19.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section ;
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:453
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI TANCHEV
ippreżentati fit‑3 ta’ Ġunju 2021 ( 1 )
Kawża C‑825/19
Beeren-, Wild-, Feinfrucht GmbH
vs
Hauptzollamt Erfurt
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Thüringer Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Thuringia, il-Ġermanja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Unjoni Doganali – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Proċedura ta’ użu aħħari – Awtorizzazzjoni suċċessiva b’effett retroattiv – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Kundizzjonijiet”
1. |
Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna żewġ kwistjonijiet diskreti. L-ewwel kwistjoni tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 211 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ( 2 ) (iktar ’il quddiem, il-“KDU”) u t-tieni kwistjoni tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 294(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 ( 3 ) li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju” jew il-“KDK RI”), jekk jinstab li l-Artikolu 211 tar-Regolament Nru 952/2013 ma jkunx applikabbli ratione temporis. |
2. |
It-Thüringer Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Thuringia, il-Ġermanja (il-“qorti tar-rinviju”) issottomettiet erba’ domandi separati lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel tlieta jikkonċernaw l-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 211 tal-KDU u l-aħħar waħda tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 294(2) tal-KDK RI. Kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn il-konklużjonijiet jien ser nillimita ruħi għall-eżami tal-ewwel tliet domandi. |
I. Il-qafas ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Regolament Nru 952/2013
3. |
L-Artikolu 211 tal-KDU, intitolat “Awtorizzazzjoni” jipprovdi dan li ġej: “1. Awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali hija meħtieġa għal dan li ġej:
Il-kondizzjonijiet li bihom jitħalla l-użu ta’ proċedura waħda jew aktar minn dawk imsemmijin fl-ewwel subparagrafu […] għandhom ikunu stabbiliti fl-awtorizzazzjoni. 2. L-awtoritajiet doganali għandhom jagħtu awtorizzazzjoni b’effett retroattiv, fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni b’effett retroattiv ukoll fejn il-merkanzija li tkun tqiegħdet taħt proċedura doganali ma tkunx għadha disponibbli fil-ħin meta l-applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni kienet aċċettata. […]”. |
4. |
L-Artikolu 288 tal-KDU, ( 4 ) intitolat “Applikazzjoni” jipprevedi li: “1. L-Artikoli [lista ta’ artikoli li ma tinkludix l-Artikolu 211] għandhom japplikaw minn 30 ta’ Ottubru 2013. 2. L-Artikoli għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw minn 1 ta’ Mejju 2016”. |
2. Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446
5. |
L-Artikolu 172 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 ( 5 ), intitolat “Effett retroattiv” jipprovdi: “1. Meta l-awtoritajiet doganali jagħtu awtorizzazzjoni b’effett retroattiv skont l-Artikolu 211(2) tal-Kodiċi, l-awtorizzazzjoni għandha tidħol fis-seħħ mhux iktar kmieni mid-data ta’ aċċettazzjoni tal-applikazzjoni. […] 3. Jekk l-applikazzjoni tikkonċerna tiġdid ta’ awtorizazzjoni tal-istess tip ta’ operazzjoni u merkanzija, tista’ tingħata awtorizazzjoni b’effett retroattiv mid-data tal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni oriġinali. […]”. |
6. |
L-Artikolu 256 tar-Regolament Delegat 2015/2446 jiddikjara: “[…] [Dan ir-Regolament] [G]ħandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2016. […]”. |
II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula
7. |
Beeren-, Wild-, Feinfrucht GmbH (“BWF”) timporta, tipproċessa u tikkummerċjalizza faqqiegħ ippreżervat fis-salmura. BWF kellha, sal-31 ta’ Diċembru 2012, awtorizzazzjoni valida għall-importazzjoni ta’ dan il-faqqiegħ minn pajjiżi terzi u t-tqegħid tagħhom f’ċirkulazzjoni libera għal użu speċifiku. BWF użat ripetutament din l-awtorizzazzjoni qabel ma skadiet. Il-kumpannija ma applikatx għal estensjoni tal-awtorizzazzjoni. Skont id-digriet tar-rinviju, din l-ommissjoni kienet dovuta għal “nuqqas ta’ għarfien”. BWF baqgħet timporta faqqiegħ minn pajjiżi terzi wara l-31 ta’ Diċembru 2012 għal rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera u ma talbet ebda trattament favorevoli għal dawn l-importazzjonijiet. BWF ħallset id-dazji doganali li rriżultaw, liema spiża ma setgħetx tgħaddi għal fuq il-klijenti tagħha. |
8. |
Iċ-ċirkustanza tal-awtorizzazzjoni skaduta ġiet skoperta waqt awditu tal-kumpannija. Fid-9 ta’ Jannar 2015, BWF applikat għal estensjoni tal-awtorizzazzjoni oriġinali (iktar ’il quddiem “awtorizzazzjoni suċċessiva”). Fl-14 ta’ Jannar 2015, il-Hauptzollamt Erfurt (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali, Erfurt, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il‑“Hauptzollamt”) ħareġ awtorizzazzjoni suċċessiva b’effett retroattiv mid-9 ta’ Jannar 2015 (i.e. mid-data ta’ meta saret it-talba); huwa rrifjuta li jagħti l-awtorizzazzjoni b’effett retroattiv miż-żmien tal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni preċedenti (jiġifieri, mill-1 ta’ Jannar 2013). |
9. |
B’riferiment għas-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tagħha f’kuntest ta’ ristrutturazzjoni għaddejja, BWF applikat mill-ġdid għal awtorizzazzjoni suċċessiva b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013. Il-Hauptzollamt irrifjuta din it-talba b’deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2015 peress li qies li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni retroattiva skont l-Artikolu 294(2) tal-KDK RI u/jew tal-Artikolu 294(3) tal-KDK RI ma kinux ġew issodisfatti. |
10. |
BWF ippreżentat appell amministrattiv kontra din id-deċiżjoni. Il-Hauptzollamt irrifjuta dan l-appell amministrattiv b’deċiżjoni tas-6 ta’ April 2016, u fit-3 ta’ Mejju 2016, BWF ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
11. |
Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, BWF argumentat li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni suċċessiva b’effett retroattiv għandu jkun irregolat mill-Artikolu 211 tal-KDU u mhux mill-Artikolu 294 tal-KDK RI, peress li l-Artikolu 211, bħala regola proċedurali, għandu jiġi applikat retroattivament għal każ pendenti. |
12. |
Fil-21 ta’ Marzu 2019 u, għalhekk, waqt li l-proċedura fil-kawża prinċipali kienet pendenti, il-Hauptzollamt ħareġ deċiżjoni ġdida abbażi tal-Artikolu 294 tal-KDK RI, li ssostitwiet id-deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2015 (fil-forma ta’ deċiżjoni dwar l-appell amministrattiv tas-6 ta’ April 2016), u rrifjuta mill-ġdid l-applikazzjoni ta’ BWF għal estensjoni tal-effett retroattiv tal-awtorizzazzjoni suċċessiva tagħha mill-1 ta’ Jannar 2013. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq motivazzjoni differenti minn dak tal-ewwel deċiżjoni. Hija din id-deċiżjoni sussegwenti tal-21 ta’ Marzu 2019 li hija s-suġġett tal-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju. |
13. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
14. |
Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn BWF u mill-Kummissjoni Ewropea. Ma ntalbet ebda seduta u ma nżammet ebda waħda. |
III. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
15. |
Permezz ta’ l-ewwel tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qegħda, essenzjalment, tfittex gwida dwar l-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 211(2) tal-KDU u, b’mod partikolari, dwar jekk din id-dispożizzjoni tistax tkun applikabbli, ratione temporis, għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
16. |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet, dispożizzjoni ġdida tapplika mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxiha u, għalkemm hija ma tapplikax għal sitwazzjonijiet legali li jkunu tnisslu u jkunu ġew definittivament konklużi taħt il-liġi preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għal sitwazzjonijiet legali ġodda ( 6 ). |
17. |
B’mod partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli għall-kawżi kollha li jkunu pendenti fid-data ta’ meta jidħlu fis-seħħ, bil-kontra tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx, bħala prinċipju, għal sitwazzjonijiet li jkunu ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, sakemm ma jirriżultax b’mod ċar mill-kliem, mill-għanijiet u mill-istruttura tagħhom li tali effett ikollu jiġi assenjat lilhom ( 7 ). |
18. |
Għaldaqstant, jien ser nindirizza l-ewwel il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 211(2) tal-KDU għandux jiġi interpretat bħala regola sostantiva jew proċedurali. Peress li wasalt għal konklużjoni li l-Artikolu 211(2) tal-KDU verament jistabbilixxi regola sostantiva, jien ser nindirizza, sussegwentement, il-kwistjoni dwar jekk jirriżultax b’mod ċar mill-formulazzjoni, mill-għanijiet u mill-istruttura ta’ dik id-dispożizzjoni, li madankollu għandha tiġi applikata b’effett retroattiv. |
B. L-Artikolu 211(2) tal-KDU jikkostitwixxi regola sostantiva jew proċedurali?
19. |
Il-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju tagħha tistipula li hija tqis l-Artikolu 211 tal-KDU bħala, fundamentalment, regola proċedurali. Insostenn ta’ din il-fehma, il-qorti tar-rinviju tindika l-pożizzjoni tad-dispożizzjoni fl-istruttura tal-KDU u s-sustanza prinċipali fiha. L-applikant fil-kawża prinċipali jsostni wkoll li l-Artikolu 211 tar-Regolament Nru 952/13 għandu jitqies li huwa regola proċedurali. |
20. |
Jien ma naqbilx ma’ din l-analiżi. |
1. Il-kontenut tal-Artikolu 211(2) tal-KDU
21. |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma indirizzatx il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 211(2) tal-KDU għandux jitqies li huwa regola sostantiva jew proċedurali jew jekk dik id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata li għandha effett retroattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat, madankollu, id-distinzjoni bejn ir-regoli sostantivi u dawk proċedurali fil-qasam tal-leġiżlazzjoni doganali f’diversi kawżi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġeneralment iddeċidiet li dispożizzjonijiet li kienu determinanti għall-eżistenza (jew l-ammont) tad-dejn doganali kienu “regoli sostantivi”, li normalment ma jkunux jistgħu jingħataw applikazzjoni retroattiva. |
22. |
Fis-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie (C‑201/04, EU:C:2006:136) u tat-8 ta’ Settembru 2005, Beemsterboer Coldstore Services (C‑293/04, EU:C:2006:162), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, rispettivament, li regoli li jirregolaw id-dejn doganali nnifsu u regoli li jirregolaw il-kundizzjonijiet li taħthom persuna responsabbli kienet tevita l-irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni kienu regoli sostantivi. |
23. |
B’hekk, f’Molenbergnatie, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 221 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 ( 8 ) rigward komunikazzjonijiet ta’ “l-ammont tad-dazju” lid-debitur, ippromulgaw regoli ta’ natura kompletament proċedurali ( 9 ). Dawn ir-regoli ma kinux jirregolaw l-eżistenza tad-dejn doganali. |
24. |
B’kuntrast, il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik l-istess kawża ddeċidiet li l-Artikolu 221(3) tal-KDK “[j]irregola d-dejn doganali stess ( 10 )”. Dak il-paragrafu kien jipprovdi li “[K]omunikazzjoni lid-debitur m’għandhiex issir wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet snin mid-data li fiha dak id-debitu doganali sar dovut”. Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li d-dejn kien “preskritt u għaldaqstant estint” mal-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-dispożizzjoni li tistabbilixxi din id-dispożizzjoni kienet ippromulgat regola sostantiva ( 11 ). Għaldaqstant, l-Artikolu 221(3) tal-KDK ma jistax jiġi applikat għall-irkupru ta’ dejn doganali li jkun sar dovut qabel l-1 ta’ Jannar 1994, id-data li fiha din id-dispożizzjoni daħlet fis-seħħ ( 12 ). |
25. |
F’Beemsterboer Coldstore Services, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK ippromulga regola sostantiva “safejn [huwa rregola] l-kundizzjonijiet li fihom persuna taxxabbli [ġiet eżentata] mill-ġbir a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni wara żball ta’ l-awtoritajiet doganali ( 13 )”. Fi kliem l-Avukata Ġenerali Kokott, id-dispożizzjoni kellha kontenut sostantiv, peress li “[kienet] isservi sabiex tikkjarifika mistoqsija dwar jekk debitur xorta [kellux] jħallas ammont legalment dovut ( 14 )”. |
26. |
Fil-kawża Mitsui & Co. Deutschland (C‑256/07, EU:C:2009:167), il-Qorti tal-Ġustizzja żammet lura milli espliċitament tikkaratterizza dispożizzjoni li tistabbilixxi preskrizzjoni ta’ tnax-il xahar għal ċerti aġġustamenti tal-prezz bħala dispożizzjoni li għandha titqies li hija regola sostantiva (bil-kontra ta’ dik proċedurali). Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tagħti effett retroattiv lid-dispożizzjoni inkwistjoni abbażi tar-raġunament li applikazzjoni retroattiva taż-żmien preskrittiv il-ġdid u iqsar għal dawn l-aġġustamenti, kienet “tpoġġi fid-dubju ċ-ċertezza legali ( 15 )”. Madankollu, l-Avukat Ġenerali Mazák, fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ din il-kawża, iddikjara espliċitament il-fehma tiegħu li n-natura sostantiva tar-regola inkwistjoni kienet tirriżulta mill-fatt li hija “iddefinixx[iet] l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dritt għal modifika tal-valur ta’ tranżazzjoni” ( 16 ). Dan il-valur, għandi nżid, kien determinanti għall-ammont tad-dejn doganali. |
27. |
Distinzjoni bbażata fuq jekk ir-regoli inkwistjoni humiex determinanti għall-eżistenza jew l-ammont ta’ dejn doganali tagħmel sens. Kif tindika fl-osservazzjonijiet tagħha l-Kummissjoni, l-esklużjoni jew l-eżenzjoni minn jew impożizzjoni ta’ dazju doganali fuq merkanzija identika, importata fl-istess waqt u taħt l-istess ċirkustanzi fattwali, ma tistax tiddependi fuq it-tul tal-proċeduri amministrattivi jew legali. L-istess sett ta’ ċirkustanzi fattwali, li jirriżultaw fl-istess waqt, għandhom iwasslu għall-istess dejn doganali u jiġu trattati skont l-istess regoli sostantivi. |
28. |
Meta napplika din il-loġika għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, jien inqis li l-Artikolu 211(2) tal-KDU hija dispożizzjoni sostantiva. |
29. |
L-Artikolu 211(2) tal-KDU fil-verżjoni tal-lingwa Ingliża ( 17 ) jgħid li “the customs authorities shall grant an authorisation with retroactive effect” fejn il-kundizzjonijiet kollha elenkati jiġu ssodisfatti. Fl-assenza ta’ tali awtorizzazzjoni li tkopri l-importazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni mwettqa minn BWF waqt il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2013 sat-8 ta’ Jannar 2015, kienu dovuti dazji doganali mal-importazzjoni ta’ din il-merkanzija. |
30. |
Madankollu, jekk BWF tingħata awtorizzazzjoni b’effett retroattiv, jew skont l-Artikolu 211(2) tal-KDU jew skont l-Artikolu 294 tal-KDK RI, tapplika l-eżenzjoni tal-użu aħħari, u BWF tkun tista’ tapplika għal ħlas lura tad-dazji doganali mħallsa. |
31. |
Is-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 211 tal-KDU ma hijiex biss kundizzjoni għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni b’effett retroattiv, iżda – jekk titwarrab, għal mument, il-verżjoni tal-lingwa Franċiża tal-Artikolu 211(2) tal-KDU – fil-fatt tirrikjedi li l-awtoritajiet doganali jagħtu din l-awtorizzazzjoni ladarba ssir applikazzjoni. Din l-awtorizzazzjoni hija, fiha nnifisha, determinanti għall-eżistenza tad-dejn doganali fir-rigward tal-merkanzija inkwistjoni. |
32. |
Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 22 sa 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija għaldaqstant il-fehma tiegħi li l-Artikolu 211(2) tal-KDU għandu jitqies li jistabbilixxi regola sostantiva. |
33. |
Ħarsa iktar mill-qrib lejn il-kundizzjonijiet individwali elenkati fl-Artikolu 211(2)(a) sa (h) tal-KDU tikkonferma biss din il-fehma. |
34. |
Is-subparagrafu (a) jirrikjedi “ħtieġa ekonomika ippruvata” u s-subparagrafu (b) jirrikjedi li l-applikazzjoni ma tkunx relatata ma’ attentat ta’ qerq. La l-eżistenza ta’ ħtieġa ekonomika u lanqas l-assenza ta’ qerq ma jikkonċernaw kwistjonijiet proċedurali; pjuttost, dawn huma rekwiżiti sostantivi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex wieħed jikkwalifika għal awtorizzazzjoni b’effett retroattiv. Għalkemm is-subparagrafu (a) jirrikjedi ħtieġa ekonomika “ippruvata”, ma jindirizzax il-kwistjonijiet proċedurali dwar kif tiġi pprovduta tali evidenza. |
35. |
Is-subparagrafu (c) jirrikjedi li applikant jagħti prova, abbażi ta’ kontijiet jew ta’ kotba: li r-rekwiżiti kollha tal-proċedura jkunu ssodisfatti; li fejn xieraq, il-merkanzija tkun tista’ tiġi identifikata għall-perijodu kkonċernat; u li l-kontijiet jew kotba jippermettu li l-proċedura tiġi vverifikata. Is-subparagrafu (d) jirrikjedi li l-formalitajiet kollha meħtieġa sabiex tiġi regolarizzata s-sitwazzjoni tal-merkanzija jistgħu jitwettqu, u s-subparagrafu (f) jipprovdi li “eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi mhux meħtieġ”. Anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw kwistjonijiet proċedurali, huma ma jindirizzawx il-mod li bih dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu ssodisfatti jew kif għandha tiġi prodotta l-evidenza, iżda pjuttost jistabbilixxu kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni b’effett retroattiv. |
36. |
Is-subparagrafu (e) jistipula l-kundizzjoni li ma tingħata ebda awtorizzazzjoni b’effett retroattiv lill-applikant fi żmien tliet snin mid-data li tintlaqa’ l-applikazzjoni, is-subparagrafu (g) jeskludi applikazzjonijiet li jikkonċernaw l-operat ta’ faċilitajiet ta’ mħażen għall-ħażna doganali ta’ merkanzija, u s-subparagrafu (h) jimponi preskrizzjoni ta’ tliet snin fuq applikazzjonijiet li jikkonċernaw l-istess tip ta’ operazzjoni u ta’ merkanzija. |
37. |
Dawn ir-rekwiżiti huma, fil-fehma tiegħi, kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom, kundizzjonijiet sostantivi. |
2. Il-pożizzjoni tal-Artikolu 211(2) fl-istruttura tal-KDU
38. |
L-Artikolu 211 jinsab fil-Kapitolu 1, intitolat “Provvedimenti ġenerali”, tat-Titolu VII tal-KDU, intitolat “Proċeduri speċjali”. Il‑Kapitolu 1 jinkludi l-Artikoli 210 sa 225 tal-KDU. |
39. |
L-organizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 liberament issegwi mudell li fih dispożizzjoni waħda jew tnejn li huma kompletament jew fil-parti l-kbira sostantivi, u li jikkonċernaw, rispettivament, awtorizzazzjoni (Artikolu 211), għeluq ta’ proċedura speċjali (Artikolu 215), jew moviment ta’ merkanzija (Artikolu 219) u forom normali ta’ maniġġar (Artikolu 220) huma segwiti b’artikolu intitolat “Id-delega tas-setgħa”, li tagħti s-setgħa lil Kummissjoni sabiex tadotta atti ddelegati li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dawn ir-regoli (Artikoli 212, 216 u 221), u artikolu intitolat “L-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni” (Artikoli 213, 217 u 222), li jagħtu istruzzjonijiet lil Kummissjoni sabiex “tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli ta’ proċedura” li jirrigwardaw parti minn dawn ir-regoli sostantivi ( 18 ). |
40. |
Għaldaqstant, jien ma nqisx li l-istruttura tal-KDU ixxaqleb favur li tittratta l-Artikolu 211(2) bħala regola proċedurali. Għall-kuntrarju, il-pożizzjoni tal-Artikolu 211(2) fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VII hija fejn wieħed jistenna li jsib regola sostantiva, u mhux proċedurali. |
C. L-Artikolu 211(2) jista’ jiġi applikat retroattivament?
41. |
Ir-regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu eċċezzjonalment interpretati bħala applikabbli għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni, mill-għanijiet jew mill-istruttura ġenerali tagħhom li tali effett ikollu jiġi attribwit lilhom ( 19 ). |
42. |
F’Beemsterboer Coldstore Services, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward, iddeċidiet li kien xieraq li tiġi applikata l-verżjoni l-ġdida u emendata ta’ regola sostantiva għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, għaliex il-verżjoni l-ġdida kellha “natura essenzjalment interpretattiva” ( 20 ). F’dan il-każ, il-verżjoni emendata tad-dispożizzjoni inkwistjoni kienet ġiet ippromulgata bil-għan li ttejjeb iċ-ċertezza legali u, peress li t-test il-ġdid saħħaħ il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tan-negozjanti kkonċernati, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi ma pprekludewx l-applikazzjoni tal-verżjoni emendata għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħha ( 21 ). |
43. |
Bil-kontra, l-Artikolu 221(2) tal-KDU jintroduċi emendi sostanzjali fil-leġiżlazzjoni preċedenti. Filwaqt li l-Artikolu 294 tal-KDK RI uża l-formulazzjoni li tgħid li l-awtoritajiet doganali “jistgħu jorħorġu awtorizzazzjoni retroattiva”, l-Artikolu 221(2) tal-KDU jistipula li dawk l-awtoritajiet “għandhom jagħtu awtorizzazzjoni b’effett retroattiv” meta l-kundizzjonijiet kollha elenkati (ta’ natura kompletament jew fil-parti l-kbira sostanzjali) jiġu ssodisfatti. Huwa ċar li din ma hijiex sempliċement bidla interpretattiva. |
44. |
Ma sibt ebda indikazzjoni fil-preambolu jew fl-istorja leġiżlattiva li kien hemm l-intenzjoni ta’ xi applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 211(2) tal-KDU. |
45. |
Għandi nindika ukoll li l-kwistjoni għall-qorti tar-rinviju tikkonċerna jekk ir-regoli għal proċedura ta’ użu aħħari jistgħux jiġu applikati retroattivament. L-awtorizzazzjoni għal proċedura ta’ użu aħħari tista’ tingħata biss taħt ċerti kundizzjonijiet u din il-proċedura b’hekk tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regoli doganali ġenerali. Bħala tali, ir-regoli li jirregolaw din il-proċedura għandhom jiġi interpretati strettament ( 22 ). L-għoti ta’ awtorizzazzjoni b’effett retroattiv skont l‑Artikolu 211(2) tal-KDU u l-Artikolu 172(1) tal-KDU RD bl-istess mod jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet, li huwa suġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi. L-għoti ta’ awtorizzazzjoni b’effett retroattiv mid-data li fiha l-awtorizzazzjoni oriġinali tkun skadiet skont l-Artikolu 211(2)(h) tal-KDU u l-Artikolu 172(3) tal-KDU RD hija għaldaqstant eċċezzjoni oħra għar-regoli ġenerali għall-awtorizzazzjonijiet b’effett retroattiv, li hija suġġetta għal, jerġa, kundizzjonijiet addizzjonali. Interpretazzjoni wiesgħa tal-applikazzjoni, ratione temporis, ta’ dawn ir-regoli għaldaqstant ma tidhirx iġġustifikata. |
D. It-tieni u t-tielet domanda
46. |
Rekwiżit separat għall-applikazzjoni ta’ regoli proċedurali għal sitwazzjoni fattwali ta’ qabel id-data effettiva ta’ dawn ir-regoli, huwa li l-kawża tkun “pendenti” fil-waqt li fih ir-regoli proċedurali jidħlu fis-seħħ. It-tweġiba għall-ewwel domanda tirrendi t-tieni u t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju mingħajr skop. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar jekk il-kawża kinitx “pendenti” fil-waqt li fih l-Artikolu 211(2) tal-KDU sar applikabbli (1 ta’ Mejju 2016). |
IV. Konklużjoni
47. |
Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju s-segwenti risposta għall-ewwel tliet domandi magħmula: L-Artikolu 211(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, bħala regola sostantiva, japplika biss għal applikazzjonijiet li l-perijodu ta’ awtorizzazzjoni retroattiva tagħhom ikun validu mill-1 ta’ Mejju 2016. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u ĠU 2016, L 267, p. 2.
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3.
( 4 ) Kif ikkorreġut bir-Rettifika tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU 2013, L 287, p. 90).
( 5 ) Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, u fil-ĠU 2018, L 75, p. 41) (iktar ’il quddiem il‑“KDU RD”).
( 6 ) Sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Moravia Gas Storage (C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 7 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 9); tat‑23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie (C‑201/04, EU:C:2006:136, punt 31); tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 44); u tas-26 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Moravia Gas Storage (C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 33). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 11 u 12 ta’ Meridionale Industria Salumi et, li regoli proċedurali u dawk sostantivi ta’ regolament li jifformaw ħaġa waħda indiviżibbli u d-dispożizzjonijiet individwali tagħhom li ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni waħedhom ma jistax jingħatalhom effett retroattiv “sakemm indikazzjonijiet suffiċjentement ċari ma jwasslux għal [din] il-konklużjoni”.
( 8 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) (il-“KDK”).
( 9 ) Sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie (C‑201/04, EU:C:2006:136, punt 36).
( 10 ) Idem, punt 39.
( 11 ) Idem, punt 41.
( 12 ) Idem, punt 42. Ara, għal perspettiva kritika tal-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Molenbergnatie, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawżi magħquda Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb (C‑278/07 sa C‑280/07, EU:C:2008:521, punti 31 u 32). Madankollu, il-kritika ppreżentata fil-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston kienet dwar jekk l-iskadenza tat-terminu preskrittiv verament twassalx għall-estinzjoni tad-dejn doganali (kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’Molenbergnatie), u allura dwar jekk it-terminu preskrittiv verament irregolax id-dejn nnifsu. Hija ma kkontestatx il-konstatazzjoni li regola li tirregola d-dejn għandha titqies li hija regola sostantiva.
( 13 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services (C‑293/04, EU:C:2006:162, punt 20).
( 14 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott f’Beemsterboer Coldstore Services (C‑293/04, EU:C:2005:527, punt 24).
( 15 ) Sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland (C‑256/07, EU:C:2009:167, punt 36).
( 16 ) Punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 17 ) Jien ninnota li l-verżjoni tal-lingwa Franċiża għandha tifsira differenti minn dik tal-verżjoni Ingliża: “Les autorités douanières peuvent accorder une autorisation avec effet rétroactif […]” (enfasi miżjuda). Il-verżjonijiet tal-lingwa Bulgara, Daniża, Ġermaniża, Taljana, Pollakka, Slovakka u Svediża jidhru li huma kollha konsistenti mal-verżjoni Ingliża. Id-differenza ma hijiex determinanti għall-analiżi ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 18 ) Ma hemm ebda artikolu speċifiku li jagħti setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti ddelegati jew li jirrikjedu li hija tispeċifika regoli proċedurali marbuta mal-Artikolu 210, li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċeduri speċjali, mal-Artikolu 214, li jindirizza r-rekwiżiti li jinżammu l-kotba, jew mal-Artikolu 218, li jikkonċerna t-trasferiment ta’ drittijiet u obbligi.
( 19 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services (C‑293/04, EU:C:2006:162, punt 21).
( 20 ) Idem, punti 22 u 23.
( 21 ) Idem, punti 25 u 26.
( 22 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke (C‑48/98, EU:C:1999:548, punt 52); tad-29 ta’ Lulju 2010, Isaac International (C‑371/09, EU:C:2010:458, punt 42); u tal-14 ta’ Jannar 2010, Terex Equipment et (C‑430/08 u C‑431/08, EU:C:2010:15, punt 42).