This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CC0790
Opinion of Advocate General Hogan delivered on 14 January 2021.#Parchetul de pe lângă Tribunalul Braşov v LG and MH.#Request for a preliminary ruling from the Curtea de Apel Braşov.#Reference for a preliminary ruling – Prevention of the use of the financial system for the purposes of money laundering and terrorist financing – Directive (EU) 2015/849 – Directive 2005/60/EC – Offence of money laundering – Laundering by the perpetrator of the predicate offence (‘self-laundering’).#Case C-790/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Hogan, ippreżentati fl-14 ta’ Jannar 2021.
Parchetul de pe lângă Tribunalul Braşov vs LG u MH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Braşov.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Direttiva 2005/60/KE – Reat ta’ ħasil tal-flus – Ħasil imwettaq mill-awtur tar-reat sottostanti (‘awtoriċiklaġġ’).
Kawża C-790/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Hogan, ippreżentati fl-14 ta’ Jannar 2021.
Parchetul de pe lângă Tribunalul Braşov vs LG u MH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Braşov.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Direttiva 2005/60/KE – Reat ta’ ħasil tal-flus – Ħasil imwettaq mill-awtur tar-reat sottostanti (‘awtoriċiklaġġ’).
Kawża C-790/19.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:15
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
HOGAN
ippreżentati fl‑14 ta’ Jannar 2021 ( 1 )
Kawża C‑790/19
Parchetul de pe lângă Tribunalul Braşov
vs
LG,
MH,
partijiet magħquda:
Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Braşov
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Appell ta’ Braşov, ir-Rumanija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2005/60/KE — Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu — Direttiva (UE) 2015/849 — Reati ta’ ħasil tal-flus — Awtoriċiklaġġ — Suġġett attiv tar-reat — Kamp ta’ applikazzjoni”
I. Introduzzjoni
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE ( 2 ). |
2. |
Din it-talba saret fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra LG u MH. Huwa allegat li f’diversi okkażjonijiet bejn l-2009 u l-2013 huma wettqu u ħadu sehem f’reat kriminali ta’ ħasil tal-flus. Id-domanda li staqsiet il-qorti tar-rinviju hija jekk l-awtur ta’ reat sottostanti li minnu joriġinaw il-flus maħsula jistax ukoll ikun l-awtur tar-reat ta’ ħasil tal-flus kif dawk ir-reati huma ddefiniti fl-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 2015/849. |
3. |
Madankollu, meqjus iż-żmien li fih seħħew il-fatti msemmija, għandu jiġi nnotat li l-kwistjoni għandha tiġi analizzata skont l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu ( 3 ). Tabilħaqq, filwaqt li d-Direttiva 2005/60 ġiet qabel il-verżjoni tal-lum ta’ dik id-direttiva – jiġifieri d-Direttiva 2015/849 – kienet id-Direttiva 2005/60 li kienet fis-seħħ fiż-żmien li dawk ir-reati apparentement twettqu. Għal din ir-raġuni, hija biss għal din id-direttiva ta’ qabel li nistgħu nirreferu biex inqisu din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
4. |
Barra minn dan, għandu jiġi nnotat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li l-konvenut fil-kawża prinċipali kien instab ħati tar-reat ta’ ħasil tal-flus imsemmi fl-Artikolu 29(1)(a) tal-Lege nr. 656/2002 pentru prevenirea și sancționarea spălării banilor (il-Liġi Nru 656/2002 dwar il-prevenzjoni u l-pieni għal ħasil tal-flus) ( 4 ) li ttrasponiet id-Direttiva 2005/60. Kif għadni kif osservajt, id-Direttiva 2015/849 kienet adottata wara l-perijodu li matulu kienu twettqu r-reati inkwistjoni. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tgħid li l-liġi nazzjonali li ttrasponiet id-Direttiva 2015/849 ma kinitx ippubblikata fiż-żmien meta l-każ tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
5. |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, biex tingħata risposta sodisfaċenti lill-qorti nazzjonali li ressqet quddiemha domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis li jkun jeħtiġilha tikkunsidra dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li l-qorti nazzjonali ma għamlitx riferiment għalihom fid-domanda tagħha ( 5 ). Fil-kuntest tad-definizzjoni ta’ ħasil tal-flus, xejn fil-fatt ma jgħodd għal dan il-punt f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dan il-każ minħabba li d-definizzjoni ta’ ħasil ta’ flus hija sostanzjalment simili kemm fid-Direttiva 2005/60, kif ukoll fid-Direttiva 2015/849. Huwa f’dan l-isfond ġenerali li aħna issa nistgħu ngħaddu biex inqisu d-dispożizzjonijiet legali rilevanti. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt internazzjonali
6. |
L-Artikolu 6(1) u (2) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil, it-Tiftix, il-Qbid u l-Konfiska ta’ Rikavati mill-Kriminalità ffirmata fi Strasbourg fit-8 ta’ Novembru 1990 (Ġabra tat-Trattati Ewropej, Nru 141) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Strasbourg”) jgħid: “1. Kull parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi u oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġu stabbiliti bħala reati skont id-dritt nazzjonali tagħha, meta jitwettqu intenzjonalment:
u bla ħsara għall-prinċipji kostituzzjonali ta’ kull parti u għall-kunċetti bażiċi tas-sistema legali tagħha; […] 2. Għall-finijiet ta’ implimentazzjoni jew applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:
[traduzzjoni mhux uffiċjali] […]” |
7. |
L-Artikolu 9(1) u (2) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil, it-Tiftix, il-Qbid u l-Konfiska ta’ Rikavati mill-Kriminalità u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu,, iffirmata f’Varsavja fis-16 ta’ Mejju 2005 (Ġabra tat-Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa, Nru 198) (“il-Konvenzjoni ta’ Varsavja”) jgħid: “1 Kull parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi u oħrajn li jista’ jkun meħtieġ jiġu stabbiliti bħala reati skont il-dritt nazzjonali tagħha, meta jitwettqu intenzjonalment:
[…] 2 Għall-finijiet ta’ implimentazzjoni jew applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:
[traduzzjoni mhux uffiċjali] […]” |
B. Id-dritt tal-Unjoni
1. Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI
8. |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tas-26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità ( 6 ) jgħid: “Sabiex isaħħu l-azzjoni kontra l-kriminalità organizzata, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri [neċessarji sabiex ma jagħmlux jew ma jżommux] riservi dwar l-artikoli li ġejjin [tal-Konvenzjoni ta’ Strasbourg]: […]
|
2. Id-Direttiva 2005/60
9. |
Il-premessi 1 u 5 tad-Direttiva 2005/60 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
10. |
L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2005/60 jgħid: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu projbiti. 2. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, dawn li ġejjin, meta jitwettqu bi ħsieb, għandhom jitqiesu bħala money laundering:
|
3. Id-Direttiva 2015/849
11. |
Skont il-premessa 1 tad-Direttiva 2015/849: “Il-flussi ta’ flus illeċiti jistgħu jagħmlu ħsara lill-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju, u jheddu s-suq intern tal-Unjoni kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali. Il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata jibqgħu problemi sinifikanti li għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni. Minbarra l-iżvilupp ulterjuri tal-applikazzjoni tal-liġi kriminali fil-livell tal-Unjoni, il-prevenzjoni mmirata u proporzjonata tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija indispensabbli u tista’ tipproduċi riżultati komplementari.” |
12. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2015/849 jgħid: “1. Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu projbiti. 3. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, dawn li ġejjin, meta jitwettqu b’intenzjoni, għandhom jitqiesu bħala ħasil tal-flus:
[…]” |
4. Id-Direttiva 2018/1673
13. |
Skont il-premessa 11 tad-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali ( 7 ), “[j]enħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li ċerti attivitajiet ta’ ħasil tal-flus ikunu punibbli wkoll meta jitwettqu mill-awtur tal-attività kriminali li ġġenerat il-proprjetà (awtoriċiklaġġ). F’tali każijiet, fejn, l-attività ta’ ħasil tal-flus ma tammontax biss għas-sempliċi pussess jew użu tal-proprjetà, iżda tinvolvi wkoll it-trasferiment, il-konverżjoni, il-ħabi jew it-travestiment ta’ proprjetà u tirriżulta f’aktar ħsara minn dik diġà kkawżata mill-attività kriminali, pereżempju billi l-proprjetà li tkun ġiet minn attività kriminali titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u, permezz ta’ dan, tinħeba l-oriġini illegali tagħha, jenħtieġ li dik l-attività ta’ ħasil tal-flus tkun punibbli”. |
14. |
Artikolu 3 tad-Direttiva 2018/1673, bit-titolu “Reati ta’ ħasil tal-flus” jgħid: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja, meta mwettqa intenzjonalment, tkun punibbli bħala reat kriminali:
2. L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba msemmija fil-paragrafu 1 tkun punibbli bħala reat kriminali, fejn it-trasgressur issuspetta jew kien imissu jkun jaf li l-proprjetà kienet ġejja minn attività kriminali. […] 5. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 tkun punibbli bħala reat kriminali meta titwettaq minn persuni li wettqu jew kienu involuti fl-attività kriminali li minnha tkun ġiet il-proprjetà.” |
C. Il-dritt Rumen
15. |
Fiż-żmien tal-fatti rilevanti l-Artikolu 29(1) tal-Liġi Nru 656/2002 dwar il-prevenzjoni u l-pieni għal ħasil tal-flus, kif emendata, kien ifformulat kif ġej: “Dawn li ġejjin għandhom jikkostitwixxu r-reat ta’ ħasil tal-flus, punibbli b’sentenza ta’ priġunerija ta’ minn tlieta sa tnax-il sena:
|
III. Il-fatti tal-kawża prinċipali
16. |
Fil-15 ta’ Novembru 2018 it-Tribunalul Braşov (il-Qorti tal-Kontea ta’ Braşov, ir-Rumanija) ikkundannat lill-konvenut LG għal żmien ta’ priġunerija ta’ sena u disa’ xhur, b’sentenza sospiża wara li huwa nstab ħati tar-reat ta’ ħasil tal-flus kif previst fl-Artikolu 29(1)(a) tal-Liġi Nru 656/2002 dwar il-prevenzjoni u l-pieni għal ħasil tal-flus. |
17. |
Dik il-qorti kkonstatat li l-konvenut LG, fil-kapaċità tiegħu ta’ direttur tal-kumpannija, kien wettaq ir-reat ta’ evażjoni tat-taxxa u li huwa kien ukoll ħasel il-flus miksuba minn dan. Dik il-qorti kkonstatat ukoll li matul il-perijodu bejn l-2009 u l-2013, LG naqas iżomm rekord ta’ dokumenti fiskali bħala prova ta’ dħul fil-kontijiet tal-kumpannija li tagħha huwa kien maniġer. Dan in-nuqqas tqies li kien jikkostitwixxi r-reat ta’ evażjoni fiskali. |
18. |
Is-somom ta’ flus li rriżultaw mill-evażjoni tat-taxxa kienu sussegwentement ittrasferiti fil-kontijiet ta’ kumpannija oħra, irrappreżentata minn MH, u mbagħad kienu rtirati minn LG u MH. Dan it-trasferiment sar abbażi ta’ kuntratt ta’ ċessjoni ta’ krediti konkluż bejn LG, il-kumpannija li tagħha huwa kien maniġer u l-kumpannija li tagħha MH kienet maniġer. Skont dan il-kuntratt, is-somom dovuti lil LG mill-kumpannija li tagħha huwa kien maniġer kienu tħallsu minn klijenti tal-imsemmija kumpannija fil-kontijiet tal-kumpannija mmexxija minn MH. |
19. |
It-Tribunal Braşov (il-Qorti tal-Kontea ta’ Braşov) ordnat ukoll li jingħalqu proċeduri kriminali kontra l-konvenut LG għal evażjoni tat-taxxa, billi LG kien għamel tajjeb għat-telf rilevanti. Il-konvenuta l-oħra miegħu, MH, kienet, madankollu, illiberata minn dik il-qorti. Il-qorti kkunsidrat li ma kienx ġie stabbilit li MH kienet taf dwar il-fatt li l-konvenut LG kellu flus maħsula ġejjin minn evażjoni tat-taxxa. |
20. |
Il-Parchetul de pe lângă Tribunalul Brașov (il-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Kontea ta’ Brașov, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Pubbliku”), il-konvenut LG u l-Agenția Națională de Administrare Fiscală, Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Brașov (l-Aġenzija Nazzjonali ta’ Amministrazzjoni Fiskali, id-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Brașov, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem il-“parti ċivili”) appellaw minn dik is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”). |
21. |
Il-Prosekutur Pubbliku jikkontesta s-sentenza, billi jargumenta b’mod partikolari li ma kienx hemm raġuni għaliex il-konvenuta MH kellha tiġi lliberata. Il-parti ċivili tikkontesta s-sentenza minħabba li t-talbiet tagħha skont il-liġi ċivili kienu parzjalment miċħuda. LG sussegwentement irtira l-appell tiegħu. |
22. |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li qiegħda titlob interpretazzjoni tad-Direttiva 2015/849 –għalkemm ma kinitx trasposta fid-dritt Ruman fil-perijodu preskritt – minħabba li dik id-direttiva tiddefinixxi r-reat ta’ ħasil tal-flus bl-istess mod bħad-Direttiva 2005/60, li kienet fis-seħħ fiż-żmien rilevanti u kienet trasposta fil-Liġi Nru 656/2002 dwar il-prevenzjoni u l-pieni għal ħasil tal-flus. |
23. |
Skont il-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jkun hemm rinviju għal deċiżjoni preliminari minħabba li hemm interpretazzjonijiet konfliġġenti tal-Artikolu 29(1) tal-Liġi Nru 656/2002 dwar il-prevenzjoni u l-pieni għal ħasil tal-flus, billi fil-prattika ġudizzjarja hemm soluzzjonijiet diverġenti. F’dawk iċ-ċirkustanzi, din it-tilwima potenzjalment tista’ tkun riżolta b’diversi modi dijametrikament opposti għal xulxin, skont jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkunx jew le tal-fehma li jkun jeżisti l-element essenzjali tan-natura tipika tar-reat. |
24. |
Skont il-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-istess persuna ma tistax tkun ħatja kemm tar-reat ta’ ħasil tal-flus, irrispettivament mill-forma tiegħu, kif ukoll tar-reat sottostanti. Il-qorti tar-rinviju tinnota li interpretazzjoni bħal din toriġina mhux biss mill-preambolu, iżda wkoll minn analiżi sintattika, semantika u teleoloġika tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2015/849. Barra minn dan, skont il-qorti tar-rinviju, li jitqies li s-suġġett attiv tar-reat sottostanti jista’ wkoll ikun is-suġġett attiv tar-reat ta’ ħasil tal-flus ikun ifisser li ma jkunx qiegħed jitqies il-prinċipju ta’ ne bis in idem. |
IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
25. |
Kien f’ċirkustanzi bħal dawn li, permezz tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2019, li l-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet fl-24 ta’ Ottubru 2019, il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov) kienet iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija d-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari: “L-Artikolu 1(3)(a) [tad-Direttiva 2015/849] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li twettaq l-att materjali li jikkostitwixxi r-reat tal-ħasil tal-flus hija dejjem persuna differenti minn dik li twettaq ir-reat ewlieni (l-allegat reat li minnu jiġu l-flus suġġetti għall-ħasil tal-flus)?” |
26. |
Wara li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet domanda dwar kif l-irtirar tal-appell ta’ LG seta’ jħalli effett fuq il-bqija tal-proċeduri, il-qorti tar-rinviju kkonfermat permezz ta’ ittra li l-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet fis-16 ta’ Jannar 2020, li, minħabba l-appelli li l-Prosekutur Pubbliku u l-parti ċivili kienu ppreżentaw, dan l-irtirar ma kellux konsegwenzi fuq ir-rilevanza tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Kull eżami ta’ dawk l-appelli jkun jeħtieġ li l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar l-eżistenza tal-elementi relatati mal-korrispondenza bejn il-fatti lmentati u l-fatti allegati kontra LG u MH, kif ukoll dwar l-illegalità u l-imputabbiltà, , fir-rigward tar-reat tal-ħasil tal-flus, biex b’hekk kull riżoluzzjoni dwar il-merti tal-każ stess tkun tiddependi mir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
27. |
Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati mill-Prosekutur Pubbliku, mill-Gvern Ċek, Pollakk u Rumen u mill-Kummissjoni Ewropea. |
28. |
Fi tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kellha informazzjoni suffiċjenti biex tipproċedi għas-sentenza mingħajr seduta, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
V. Analiżi
A. Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
29. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu l-Gvern Rumen jinvoka tliet raġunijiet ta’ inammissibbiltà. L-ewwel nett, jeżisti dubju dwar l-ammissibbiltà tar-rinviju minħabba li LG kien irtira l-appell. It-tieni nett, ma jistax jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tagħti r-risposta tagħha. It-tielet nett, ma hemmx interpretazzjonijiet diverġenti fil-ġurisprudenza nazzjonali u, għalhekk, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx utli għall-qorti tar-rinviju. |
30. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali bil-punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma jkunu jeħtieġu biex jiddeċiedu t-tilwim imressaq quddiemhom. Fil-kuntest ta’ dik il-kooperazzjoni, hija biss għall-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, biex fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ tiddetermina kemm dwar il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex hija tkun tista’ tagħti sentenza, kif ukoll dwar ir-rilevanza tad-domandi li hija tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, jekk id-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, fil-prinċipju, obbligata tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn qorti nazzjonali fil-kuntest fattwali u leġiżlattiv li dik il-qorti tkun responsabbli tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika n-natura eżatta tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta tagħti deċiżjoni fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun għalkollox ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma tkunx relatata mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew mas-suġġett tagħha, meta l-problema tkun ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiema d-dokumentazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa biex hija tagħti risposta siewja għad-domandi magħmula ( 8 ). |
31. |
F’dan il-każ huwa ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mir-risposta tal-qorti tar-rinviju għad-domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja li kien għad hemm tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u li, biex dik it-tilwima tissolva, dik il-qorti jkollha tieħu deċiżjoni, essenzjalment, dwar id-domanda jekk is-suġġett attiv tar-reat ta’ ħasil tal-flus jistax ikun dak tar-reat sottostanti, meqjusa d-Direttiva 2005/60. Konsegwentement, ma jidhirx li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika. |
32. |
Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-fatti ppreżentati fit-talba tal-qorti tar-rinviju jippermettu li jinftiehmu l-kwistjonijiet fil-każ u dawn, fi kwalunkwe każ, ippermettew lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar nett, jista’ jingħad ukoll li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ deċiżjoni preliminari, li tiddeċiedi dwar ir-realtà jew dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-interpretazzjonijiet differenti tal-dritt nazzjonali li fuqhom straħet il-qorti tar-rinviju. |
33. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies ammissibbli. |
B. Analiżi tad-domanda magħmula
34. |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-persuna li twettaq att li jikkostitwixxi ħasil tal-flus, kif iddefinit mill-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60, tistax tkun l-awtriċi tar-reat li minnu joriġinaw il-flus maħsula. Nipproponi issa li nikkunsidra din il-kwistjoni. |
1. Osservazzjoni preliminari dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/60
35. |
Qabelxejn, għandu jiġi nnotat li filwaqt li, huwa minnu, li d-Direttiva 2005/60 hija mibnija fuq bażi legali doppja (jiġifieri, l-Artikolu 47(2) KE (li sar l-Artikolu 53(1) TFUE]) u l-Artikolu 95 KE (li sar l-Artikolu 114 TFUE)), u tfittex, għalhekk, li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, l-għan ewlieni tagħha huwa li s-sistema finanzjarja ma titħalliex tintuża għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif jidher kemm mit-titolu, kif ukoll mill-preambolu tagħha ( 9 ). F’dan il-kuntest, huwa ċar li, filwaqt li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2005/60 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu pprojbiti, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix obbligu li jiġu imposti pieni kriminali għall-aġir iddefinit fl-Artikolu 1(2) tal-istess direttiva. |
36. |
Tabilħaqq, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma humiex miżuri ta’ natura penali – b’differenza mid-Direttiva 2018/1673. Għall-kuntrarju, kif intqal iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/60 huma essenzjalment preventivi min-natura tagħhom stess, sa fejn ifittxu li jistabbilixxu, b’approċċ abbażi ta’ riskju, għadd ta’ miżuri preventivi u disważivi għall-ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u biex iħarsu l-solidità u l-integrità tas-sistema finanzjarja. Dawk il-miżuri huma intiżi li ma jħallux jew, mill-inqas, jirrestrinġu kemm jista’ jkun dawk l-attivitajiet, billi jistabbilixxu, għal dak il-fini, ostakoli fl-istadji kollha li dawk l-attivitajiet jistgħu jinvolvu, kontra dawk li jaħslu l-flus u dawk li jiffinanzjaw it-terroriżmu ( 10 ). Filwaqt li timponi l-projbizzjoni ta’ ċertu aġir li jikkostitwixxi ħasil ta’ flus, id-Direttiva 2005/60, madankollu, tħalli lill-Istati Membri ħielsa jagħżlu l-mezzi li bihom din il-projbizzjoni tinġieb fis-seħħ. Bħala tali, id-direttiva ma titlobx li l-Istati Membri jikkriminalizzaw aġir bħal dan, għalkemm, ovvjament, huma ħielsa – fil-prinċipju, almenu – jagħmlu hekk. |
37. |
F’dawk iċ-ċirkustanzi huwa ċar li d-Direttiva 2005/60 ma titlobx li l-Istati Membri jimponu sanzjonijiet kriminali fuq l-awtur ta’ ħasil tal-flus kif iddefinit fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 – jiġifieri, il-konverżjoni jew it-trasferiment ta’ proprjetà, meta jkun magħruf li tali proprjetà tkun ġejja minn attività kriminali jew minn att ta’ parteċipazzjoni f’tali attività, għall-finijiet ta’ ħabi jew travestiment tal-oriġini illeċita tal-proprjetà jew biex tingħata għajnuna lil kwalunkwe persuna li tkun involuta fit-twettiq ta’ tali attività biex tevadi l-konsegwenzi legali tal-azzjoni tagħha – meta hija tkun ukoll l-awtriċi tar-reat sottostanti. |
38. |
Minkejja dan, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni titlob li jitqiesu mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, l-għanijiet imfittxija mir-regoli li hija tkun tagħmel parti minnhom u, skont il-każ, l-oriġini tagħha ( 11 ). Madankollu, dawn l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni jwassluni għall-konklużjoni li, filwaqt li l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 ma jitlobx sanzjoni kriminali fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt ta’ qabel dan, lanqas ma jżomm milli tinħareġ tali leġiżlazzjoni penali mill-Istati Membri. |
2. Jekk l-Istati Membri jistgħux jikkriminalizzaw ħasil tal-flus fejn l-awtur ta’ dan ir-reat ikun ukoll l-awtur tar-reat sottostanti
39. |
Għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60 ma tipprojbixxix espressament lill-Istati Membri milli jilleġiżlaw biex il-ħasil tal-flus isir reat kriminali fejn l-awtur tiegħu jkun ukoll l-awtur tar-reat sottostanti. |
40. |
Tabilħaqq, kif diġà spjegajt fl-osservazzjoni preliminari tiegħi, l-uniku obbligu li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2005/60 huwa dak li (meħud flimkien mal-paragrafu (2)(a) tal-istess artikolu) jipprojbixxi “il-konverżjoni jew it-trasferiment ta’ proprjetà, bil-konoxxenza li tali proprjetà ġejja minn attività kriminali jew minn kompliċità f’tali attività, għall-iskop ta’ ħabi jew travestiment ta’ l-oriġini illeċita tal-proprjetà jew sabiex tingħata għajnuna lil kwalunkwe persuna li tkun involuta fit-twettiq ta’ tali attività sabiex tevadi l-konsegwenzi legali ta’ l-azzjoni tagħha”. Filwaqt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60, għalhekk, ma titlobx li l-Istati Membri jikkriminalizzaw l-aġir deskritt fil-paragrafu 2(a), dan l-artikolu ma jżommhomx milli jagħmlu hekk, minkejja li l-awtur ta’ dak l-att ikun ukoll l-awtur tar-reat sottostanti li minnu joriġinaw il-flus maħsula. |
41. |
Barra minn dan, ma jistax jiġi injorat li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/60 jippermetti espressament li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti fil-qasam kopert minn din id-direttiva għall-prevenzjoni ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu. Kif sostnut preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja, dik id-dispożizzjoni hija inkluża fil-Kapitolu I tad-direttiva, bit-titolu “Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet’, u tapplika, għalhekk, għad-dispożizzjonijiet kollha fil-qasam kopert mid-Direttiva 2005/60 għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ( 12 ). |
42. |
Fl-aħħar nett, kuntrarjament għall-fehmiet li ġew espressi mill-qorti tar-rinviju, ma naħsibx li dak li hemm speċifikat fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 li l-awtur ta’ ħasil tal-flus kif iddefinit f’dik id-dispożizzjoni għandu jkun jaf li “tali proprjetà ġejja minn attività kriminali” neċessarjament jikkontradixxi dik l-interpretazzjoni. Tabilħaqq, proprju din il-projbizzjoni preċiża minnha nnifisha tindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni qagħad attent li jiżgura li jkunu pprojbiti biss atti intenzjonali, kif speċifikat fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/60. Filwaqt li din il-kundizzjoni tkun, neċessarjament, issodisfata fejn l-awtur ikun l-istess persuna, ikun utli li wieħed jiftakar dan meta ż-żewġ reati – jiġifieri, ir-reat sottostanti u r-reat ta’ ħasil tal-flus – jitwettqu minn żewġ persuni distinti. Inċidentalment, ninnota, barra minn hekk, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li jkun xieraq li din il-preċiżjoni tinżamm fl-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 2015/849 u fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2018/1673, għalkemm, f’din l-aħħar direttiva, l-Istati Membri huma, għall-ewwel darba, obbligati espliċitament joħolqu r-reat kriminali tal-awtoriċiklaġġ tal-flus. |
43. |
It-tieni nett, il-kriminalizzazzjoni tal-awtoriċiklaġġ hija wkoll konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 2005/60. Tabilħaqq, kif diġà ssemma, din id-direttiva hija bbażata b’mod partikolari fuq l-Artikolu 95 KE (illum l-Artikolu 114 TFUE) li huwa relatat mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Dan huwa faċilment spjegat mill-fatt li l-ħasil ta’ flus x’aktarx joħloq distorsjoni tas-swieq finanzjarji u tal-kompetizzjoni ( 13 ). F’dan il-kuntest, l-awtoriċiklaġġ jista’ tabilħaqq jitqies bħala mġiba ta’ kompetizzjoni żleali u l-kriminalizzazzjoni tiegħu tista’ tipproteġi l-funzjonament tas-suq intern ( 14 ). Nirrepeti, għalhekk, li fil-prinċipju, ir-Rumanija kienet ħielsa tipprovdi għal tali reat fid-dritt nazzjonali tagħha. |
44. |
It-tielet nett, għandu jkun innotat li d-Direttiva 2005/60 kienet adottata f’kuntest internazzjonali, biex tapplika u tagħmel obbligatorji fl-Unjoni Ewropea r-rakkomandazzjonijiet tat-“Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja” (FATF), li huwa l-korp internazzjonali ewlieni fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus ( 15 ). Kif espressament speċifikat fil-premessa 5 tad-Direttiva 2005/60, “[i]r-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF ġew riveduti u mwessgħa b’mod sostanzjali fl-2003 [u] din id-Direttiva għandha tiġi allinjata ma’ dak l-istandard internazzjonali ġdid”. |
45. |
Madankollu, skont l-ewwel waħda minn dawn ir-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF, pajjiżi jistgħu jipprovdu li r-reat ta’ ħasil tal-flus ma jkunx japplika għal persuni li jkunu wettqu r-reat sottostanti, fejn dan ikun meħtieġ minn prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali tagħhom. Meqjus il-mod kif din il-possibbiltà hija fformulata, li l-awtoriċiklaġġ ma jkunx att kriminali għandu jitqies bħala eċċezzjoni. F’dawk iċ-ċirkustanzi, l-assenza ta’ speċifikazzjoni espliċita li l-awtoriċiklaġġ għandu jkun ipprojbit – bħal fid-Direttiva 2005/60 – għandha titqies bħala awtorizzazzjoni (impliċita) għall-kriminalizzazzjoni ta’ tali aġir ( 16 ). |
46. |
Barra minn hekk, f’dan il-kuntest internazzjonali, wieħed ma jistax jinjora l-Konvenzjoni ta’ Strasbourg, li kienet trasposta fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat li l-Artikolu 6(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Strasbourg huwa fformulat b’mod simili għall-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 u li – kif hemm previst fir-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF – l-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Strasbourg ma jipprojbixxix il-kriminalizzazzjoni tal-awtoriċiklaġġ iżda, għall-kuntrarju, jindika li jista’ jkun previst li r-reati msemmija fl-Artikolu 6(1) tal-istess Konvenzjoni ma jkunux japplikaw għal persuni li jkunu wettqu r-reat sottostanti ( 17 ). Madankollu, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI espressament jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ma jsirux jew jinżammu riżervi fir-rigward tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Strasbourg, sa fejn għandhom x’jaqsmu reati gravi. |
47. |
Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nikkonkludi li, meqjusa l-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60, l-għan segwit minn din id-direttiva u l-kuntesti internazzjonali u leġiżlattivi li hija tinsab fihom, l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun tipprovdi li l-persuna li tkun wettqet ir-reat sottostanti ma tinstabx ukoll ħatja tal-ħasil tal-flus li jkun ġej mir-reat sottostanti. |
48. |
Fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60, filwaqt li wara kollox din hija kwistjoni tal-Istati Membri, ma narax raġuni għaliex Stat Membru ma jistax jagħżel li jittrasponi l-obbligu previst f’din id-dispożizzjoni permezz tad-dritt nazzjonali li jkun jipprovdi għal atti kriminali ta’ din ix-xorta. |
49. |
Madankollu, wieħed għad irid jara jekk din l-interpretazzjoni tiksirx il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif argumentat, b’mod partikolari, mill-qorti tar-rinviju. |
3. Kunsiderazzjonijiet dwar il-prinċipju ta’ “ne bis in idem”
50. |
Ma huwiex ikkontestat li l-Liġi Nru 656/2002 dwar il-prevenzjoni u l-pieni għal ħasil tal-flus tittrasponi d-Direttiva 2005/60 fid-dritt Rumen. L-Artikolu 29(1) ta’ din il-Liġi jikkostitwixxi, b’mod partikolari, implimentazzjoni tal-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2005/60 u, għalhekk, tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Għalhekk, il-liġi Rumena għandha tirrispetta d-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta li jipprovdi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi” ( 18 ). |
51. |
Kif diġà ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, isegwi mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 50 tal-Karta li dan l-artikolu jipprojbixxi li l-istess persuna tkun suġġetta għal prosekuzzjoni jew tingħata pieni kriminali iktar minn darba għall-istess reat. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju rilevanti biex jiġi eżaminat jekk ikunx twettaq l-istess reat huwa li jkunu identifikati l-fatti materjali, jiġifieri li jkun jeżisti għadd ta’ ċirkustanzi konkreti li jkunu marbuta strettament flimkien li jwasslu biex finalment il-persuna konċernata tiġi lliberata jew ikkundannata ( 19 ). |
52. |
Madankollu, fil-każ tal-kriminalizzazzjoni tal-ħasil tal-flus, ma naħsibx li l-att kostitwenti tar-reat ta’ ħasil kif previst fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 u l-fatt materjali tar-reat sottostanti – li huwa l-kundizzjoni indispensabbli għalih – huma identiċi skont it-tifsira indikata fil-punt preċedenti, jiġifieri, “fatt li sostanzjalment ikun l-istess” ( 20 ) Tabilħaqq, malli l-fatti tar-reat ikunu differenti, anki jekk jitwettqu minn persuna waħda fuq jew b’oġġett uniku, xejn ma jipprekludi prosekuzzjoni separata tagħhom ( 21 ). |
53. |
Filwaqt li huwa msemmi fl-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 2005/60 is-sempliċi pussess jew l-użu ta’ proprjetà ġejja minn attività kriminali, il-ħasil tal-flus, madankollu, kif iddefinit fis-subparagrafi (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni, jikkonċerna l-konversjoni jew it-trasferiment ta’ proprjetà għall-fini ta’ ħabi jew travestiment tal-oriġini illeċita tagħha u l-ħabi jew it-travestiment tan-natura vera, provenjenza, post, dispożizzjoni, moviment u drittijiet fir-rigward ta’ tali proprjetà jew ta’ sidha. F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 1(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2005/60, l-attività ta’ ħasil tal-flus, għalhekk, tabilħaqq tinvolvi l-konverżjoni u t-trasferiment ta’ assi miksuba b’mod illeċitu u l-ħabi u t-travestiment tagħhom permezz tas-sistema finanzjarja. Bħala tali, dawn l-attivitajiet, għalhekk, manifestament jikkostitwixxu att kriminali addizzjonali li huwa distint mir-reat sottostanti u li, barra minn hekk, jikkawżaw ħsara addizzjonali jew ta’ tip differenti minn dik diġà kkawżata mir-reat sottostanti. |
54. |
Dan jintwera fil-kuntest ta’ evażjoni fiskali. Jista’ jitwettaq reat bil-ħabi illeċitu ta’ dħul taxxabbli. Reat ieħor – u, sostanzjalment, differenti – jista’ jitwettaq meta l-istess persuna li tħallas it-taxxa tagħmel ħilitha biex taħsel ir-rikavat ta’ dan ir-reat permezz tas-sistema finanzjarja. |
55. |
Barra minn hekk, din hija l-għażla restrittiva magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni tal-awtoriċiklaġġ. Tabilħaqq, jista’ jiġi nnotat obiter li filwaqt li s-sempliċi akkwist, pussess jew użu ta’ proprjetà li toriġina minn attività kriminali issa għandu jkun punibbli bħala reat kriminali skont l-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2018/1673, tali atti huma esklużi mill-obbligu li jkun ikkriminalizzat l-awtoriċiklaġġ fl-Artikolu 3(5) tal-istess direttiva ( 22 ). |
56. |
Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, jiena nikkonkludi li, mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem, l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix li l-persuna li twettaq l-att li jikkostitwixxi r-reat ta’ ħasil tal-flus tkun l-istess persuna li twettaq ir-reat sottostanti. |
VI. Konklużjoni
57. |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod li ġej għad-domanda magħmula mill-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov, ir-Rumanija): L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-persuna li twettaq l-att li jikkostitwixxi r-reat ta’ ħasil tal-flus tista’ tkun l-istess persuna li twettaq ir-reat sottostanti. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU 2015, L 141, p. 73.
( 3 ) ĠU 2005, L 309, p. 15.
( 4 ) Ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 904, tat-12 ta’ Diċembru 2002.
( 5 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Jyske Bank Gibraltar (C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 38).
( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4 p. 158.
( 7 ) ĠU 2018, L 284, p. 22.
( 8 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 18 sa 20), u tat-23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53, punti 48 sa 50).
( 9 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Jyske Bank Gibraltar (C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 46).
( 10 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2018, Corporate Companies (C‑676/16, EU:C:2018:13, punt 26).
( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 113).
( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvios (C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 78).
( 13 ) Ara, f’dan ir-rigward, Hyttinen, T., “A European Money Laundering Curiosity: Self-Laundering in Finland”, vol. 8, EuCLR, Nomos, 2018, p. 268-293, l-iktar p. 273.
( 14 ) Fuq din il-kwistjoni, ara Maugeri, A.-M., “Self-laundering of the proceeds of tax evasion in comparative law: Between effectiveness and safeguards”, vol. 9(1), New Journal of European Criminal Law, SAGE Journals, 2018, p. 83-108, l-iktar p. 84 u r-referenzi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.
( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Jyske Bank Gibraltar (C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 46) u l-premessa 5 tad-Direttiva 2005/60.
( 16 ) Ara, f’dan ir-rigward, Hyttinen, T., “A European Money Laundering Curiosity: Self-Laundering in Finland”, vol. 8, EuCLR, 2018, p. 268-293, l-iktar p. 277.
( 17 ) L-istess kien previst fl-Artikolu 9(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja fl-2005.
( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 21).
( 19 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punti 34 u 35).
( 20 ) It-traduzzjoni hija tiegħi (fil-lingwa oriġinali “un fait en substance le même”). Ara Michiels, O., “Le cumul de sanctions: le principe non bis in idem à l’aune de la jurisprudence de la Cour de justice et de la Cour européenne des droits de l’homme”, fi L’Europe au présent ! Liber amicorum Melchior Wathelet, Bruylant, 2018, p. 555-578, l-iktar p. 565.
( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, Beaussonie, G., “Quelques observations à partir de (et non sur) l’“auto-blanchiment”’, No4, Actualité Juridique Pénale, 2016, p. 192.
( 22 ) Ara wkoll il-premessa 11 tad-Direttiva 2018/1673 u Spjegazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (COM(2016) 826 finali).