EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0786

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fis-27 ta’ Jannar 2021.
The North of England P & I Association Ltd., bħala suċċessur legali ta’ Marine Shipping Mutual Insurance Company vs Bundeszentralamt für Steuern.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Köln.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni diretta barra mill‑assigurazzjoni għall-ħajja – It-Tieni Direttiva 88/357/KEE – It-tieni inċiż tal‑Artikolu 2(d) – Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE – L-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 46(2) – Taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni – Kunċett ta’ ‘Stat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju’ – Vetturi ta’ kull tip – Kunċett ta’ ‘Stat Membru tar-reġistrazzjoni’ – Assigurazzjoni ta’ bastimenti tan-navigazzjoni fl‑ibħra – Bastimenti rreġistrati fir-reġistru tal-bastimenti miżmuma minn Stat Membru iżda li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat terz bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħelsien temporanju mill-bandiera.
Kawża C-786/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:67

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fis-27 ta’ Jannar 2021 ( 1 )

Kawża C‑786/19

The North of England P & I Association Ltd., li qiegħda taġixxi wkoll bħala suċċessur legali ta’ Marine Shipping Mutual Insurance Company

vs

Bundeszentralamt für Steuern

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Assigurazzjoni diretta li ma hijiex assigurazzjoni għall-ħajja – Direttiva 88/357/KEE – It-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) – Direttiva 92/49/KEE – Artikolu 46(2) – Taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni – Kunċett ta’ “Stat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju” – Vetturi ta’ kull tip – Kunċett ta’ “Stat Membru tar-reġistrazzjoni” – Operat ta’ bastiment tan-navigazzjoni fl-ibħra – Bastiment imniżżel fir-reġistru tal-bastimenti ta’ Stat Membru iżda li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat terz”

I. Introduzzjoni

1.

Dan ir-rinviju preliminari sar fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn kumpannija tal-assigurazzjoni stabbilita fir-Renju Unit (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) u l-Bundeszentralamt für Steuern (l-Uffiċċju Ċentrali Federali tat-Taxxi, il-Ġermanja), bħala l-awtorità fiskali kompetenti fil-qasam tat-taxxa fuq l-assigurazzjonijiet (iktar ’il quddiem il-“konvenut”), fuq il-punt dwar jekk il-primjums tal-assigurazzjoni marittima li tirċievi r-rikorrenti humiex suġġetti għat-taxxa Ġermaniża fuq il-primjums tal-assigurazzjoni.

2.

Il-kawża prinċipali tikkonċerna d-direttivi tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni u, b’mod iktar preċiż, ċerti dispożizzjonijiet dwar il-ġbir tat-taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE ( 2 ), moqri flimkien mal-ewwel parti tas-sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49/KEE ( 3 ), għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-Istat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju, fil-kuntest tal-assigurazzjoni għar-riskji fir-rigward tal-operat ta’ bastimenti.

3.

Skont il-kriterji fis-seħħ fil-mument tal-ġbir tat-taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni, huwa biss l-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni” li seta’ jimponi din it-taxxa abbażi tal-assigurazzjoni tal-vetturi ta’ kull tip, inkluż il-bastimenti. Il-bastimenti kkonċernati f’dan il-każ kienu mniżżla f’reġistru ta’ proprjetà fil-Ġermanja, imma kienu jtajru l-bandiera ta’ Stati oħra minħabba awtorizzazzjoni speċifika mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar il-mod li bih għandu jinftiehem, f’tali kuntest, il-kunċett ta’ “Stat Membru tar-reġistrazzjoni”.

4.

B’mod iktar preċiż, permezz tar-rinviju preliminari tagħha, il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja) qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, għall-finijiet tal-prova tat-titolu ta’ proprjetà, wieħed għandux jikkunsidra li r-riskju jkun jinstab fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-bastiment ikun imniżżel f’reġistru uffiċjali jew fl-Istat li l-bandiera tiegħu tittajjar mill-bastiment.

5.

Il-kwistjoni legali li tqajjem din il-kawża diġà ġiet ittrattata parzjalment mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari bis-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner ( 4 ). Madankollu, l-applikazzjoni konkreta tat-tagħlim li joħroġ minn din il-ġurisprudenza teżiġi analiżi iktar fil-fond fil-kuntest partikolari tal-każ ineżami, li huwa kkaratterizzat bl-ipoteżi ta’ bdil temporanju tal-bandiera li jinvolvi reġistrazzjoni doppja f’reġistri differenti ta’ bastimenti, li tikkomplika għaldaqstant l-eżerċizzju sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt internazzjonali

6.

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montego Bay”) ( 5 ), u li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994, ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 98/392/KE ( 6 ).

7.

L-Artikolu 91(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“Kull Stat għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità tiegħu lill-vapuri, għar-reġistrazzjoni ta’ vapuri fit-territorju tiegħu, u tad-dritt li jtajru il-bandiera tiegħu. Il-vapuri għandhom in-nazzjonalità ta’ l-Istat li l-bandiera tiegħu huma ntitolati li jtajru. Għandu jkun hemm rabta ġenwina bejn l-Istat u l-vapur”.

8.

L-Artikolu 92 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “L-istatus ta’ vapuri”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Vapuri għandhom ibaħħru taħt il-bandiera ta’ Stat wieħed biss u, apparti milli f’każi li eċċezzjonalment hemm provvediment espress dwar dan fi trattati internazzjonali jew f’din il-Konvenzjoni, għandhom ikunu suġġetti għall-ġurisdizzjoni esklussiva tiegħu fl-ibħra internazzjonali. […]”

9.

L-Artikolu 94 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, intitolat “Id-doveri ta’ l-Istat tal-bandiera”, jipprovdi li:

“1.   Kull Stat għandu effettivament jeżerċita l-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu f’materji amministrattivi, tekniċi u soċjali fuq il-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu.

2.   Partikolarment, kull Stat għandu:

a)

jżomm reġistru ta’ vapuri li jkun fih l-ismijiet u l-partikolaritajiet tal-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu, apparti minn dawk li huma esklużi minn regolamenti internazzjonali ġeneralment aċċettati minħabba d-daqs żgħir tagħhom; u

b)

jassumi ġurisdizzjoni permezz tal-liġi interna tiegħu fuq kull vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu u fuq il-kaptan, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ fir-rigward ta’ materji amministrattivi, tekniċi u soċjali li jikkonċernaw il-vapur.

3.   Kull Stat għandu jieħu dawk il-miżuri dwar il-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu skond ma huma meħtieġa sabiex jassiguraw is-sigurtà fuq il-baħar […]”.

B.   Id-dritt tal-Unjoni

10.

Skont l-Artikolu 310 tad-Direttiva 2009/138/KE ( 7 ), id-Direttivi 88/357 u 92/49 ġew imħassra b’effett mill-1 ta’ Novembru 2012. Madankollu, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, il-kawża prinċipali tibqa’ rregolata minn dawn iż-żewġ direttivi.

1. Id-Direttiva 88/357

11.

L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357 kien jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(d)

‘Stat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju’ jfisser:

l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà, meta l-assigurazzjoni tirrelata jew għal bini inkella għal bini u l-kontenut tagħhom, sa fejn il-kontenut ikun kopert mill-istess polza ta’ l-assigurazzjoni,

l-Istat Membru tar- reġistrazzjoni, meta l-assigurazzjoni tirrelata għal vetturi ta’ kull tip,

l-Istat Membru fejn it-titolari tal-polza jkun ħareġ il-polza fil-każ ta’ poloz ta’ erba’ xhur jew anqas li jkopru riskji ta’ l-ivvjaġġar jew ta’ vaganza, tkun xi tkun il-klassi kkonċernata,

l-Istat Membru fejn it-titolari tal-polza jkollu r-residenza abitwali tiegħu, jew jekk it-titolari tal-polza jkun persuna ġuridika, l-Istat Membru fejn l-istabbiliment ta’ dan ta’ l-aħħar, li jkun jirrelata għalih il-kuntratt, ikun jinstab, fil-każijiet kollha li mhumiex espliċitament koperti bl-inċiżi ta’ qabel”.

2. Id-Direttiva 92/49

12.

Il-premessi 1, 2 u 30 tad-Direttiva 92/49 kienu jipprovdu:

“(1)

Billi huwa neċessarju li jiġi kkompletat is-suq intern f’assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja mill-punto di vista ta’ kemm id-dritt ta’ stabbiliment u kemm il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, biex ikun aktar faċli għal intrapriżi ta’ assigurazzjoni b’uffiċċji ewlenin fil-Komunità li jkopru riskji li jinstabu fil-Komunità;

(2)

Billi [d-Direttiva 88/357] diġà kkontribwiet sostanzjalment għall-akkwist tas-suq intern f’assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja billi titolari tal-poloz li, permezz ta’ l-istatus tagħhom, id-daqs tagħhom jew in-natura tar-riskji li għandhom jiġu assigurati, ma jeħtiġux protezzjoni speċjali fl-Istat Membru fejn jinstab riskju, jingħataw libertà kompleta li jagħmlu l-ikbar użu possibbli mis-suq ta’ l-assigurazzjoni;

[…]

(30)

Billi uħud mill-Istati Membri ma jissuġġetawx operazzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni għal xi forma ta’ tassazzjoni indiretta, waqt li l-maġġoranza japplikaw taxxi speċjali u forom oħrajn ta’ kontribuzzjoni, inklużi sovrapiżijiet intiżi għal korpi ta’ kumpens; billi l-istrutturi u r-rati ta’ dawn it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet ivarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membri li fihom huma applikati; billi huwa mixtieq li jiġu pprevenuti sitwazzjonijiet eżistenti li jwasslu għal distorzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-servizzi ta’ l-assigurazzjoni bejn Stati Membri; billi, fl-istennija ta’ armonizzazzjoni sussegwenti, l-applikazzjoni tas-sistemi tat-taxxa u ta’ forom oħrajn ta’ kontribuzzjoni previsti mill-Istati Membri fejn jinstabu r-riskji aktarx tirrimedja dik il-probelma u hija għall-Istati Membri li jagħmlu l-arranġamenti biex jassiguraw li dawn it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet jinġabru”.

13.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49 kien jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt ta’ assigurazzjoni għandu jkun suġġett esklużivament għal taxxi indiretti u piżijiet parafiskali fuq premiums ta’ l-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih jinstab ir-riskju kif definit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE […]”

3. Id-Direttiva 2009/138

14.

Id-definizzjoni tal-Istat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju qiegħda llum fl-Artikolu 13(13) tad-Direttiva 2009/138. L-Artikolu 13(13)(b) ta’ din id-direttiva huwa fformulat f’termini identiċi għal dawk tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357.

15.

L-Artikolu 157 tad-Direttiva 2009/138, intitolat “Taxxi fuq il-premiums”, jipprovdi li “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt tal-assigurazzjoni għandu jkun suġġett esklużivament għat-taxxi indiretti u l-imposti parafiskali fuq premiums tal-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju jew fl-Istat Membru tal-impenn”.

16.

Madankollu, id-Direttiva 2009/138 ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

C.   Id-dritt Ġermaniż

17.

L-Artikolu 1 tal-Versicherungsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Assigurazzjonijiet), fil-verżjoni tiegħu li kienet applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“VersStG”) ( 8 ), jipprovdi:

“1)   Huwa suġġett għat-taxxa l-ħlas tar-remunerazzjoni tal-assigurazzjoni li jsir fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ assigurazzjoni li tirriżulta minn kuntratt jew minn kull sors ieħor.

2)   Meta assiguratur stabbilit fit-territorju tal-Istati Membri ta[l-Unjoni Ewropea] jew ta’ Stati firmatarji oħra tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [ ( 9 )] jkun parti fir-relazzjoni ta’ assigurazzjoni, l-obbligu fiskali ma jinħoloqx, jekk id-detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni jkun persuna fiżika, ħlief jekk huwa, fil-mument tal-ħlas tal-primjum tal-assigurazzjoni, ikollu d-domiċilju tiegħu jew ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju li fih tapplika din il-liġi, jew, jekk huwa ma jkunx persuna fiżika, meta l-impriża, l-istabbiliment jew sit ekwivalenti li għalih tirreferi r-relazzjoni ta’ assigurazzjoni tkun tinstab, waqt il-ħlas tal-primjum, fit-territorju li fih tapplika din il-liġi. L-obbligu fiskali huwa wkoll suġġett, meta jkunu assigurati

[…]

2.

riskji marbutin ma’ vetturi ta’ kull tip, għall-kundizzjoni li l-vettura tkun imniżżla fit-territorju li fih tapplika din il-liġi f’reġistru uffiċjali jew uffiċjalment irrikonoxxut u tikseb numru ta’ identifikazzjoni;

[…]”

18.

L-Artikolu 1(1) tax-Schiffsregisterordnung (ir-Regolament dwar ir-Reġistri tal-Bastimenti), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ix-“SchRegO”) ( 10 ), jipprovdi li r-reġistri tal-bastimenti huma amministrati mill-Amtsgerichte (il-Qorti Distrettwali, il-Ġermanja).

19.

Skont l-Artikolu 3(2) tax-SchRegO, fir-reġistru tal-bastimenti (reġistri marittimi) jiġu rreġistrati l-bastimenti merkantili u l-bastimenti l-oħra intiżi għan-navigazzjoni marittima (bastimenti tan-navigazzjoni fl-ibħra), meta dawn ikunu obbligati jew għandhom dritt itajru l-bandiera Ġermaniża, skont l-Artikolu 1 jew l-Artikolu 2 tal-Gesetz über das Flaggenrecht der Seeschiffe und die Flaggenführung der Binnenschiffe (Flaggenrechtsgesetz) (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Bandiera tal-Bastimenti tat-Tbaħħir u t-Titjir tal-Bandiera tal-Bastimenti tan-Navigazzjoni fl-Ilmijiet Interni (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Bandiera)) (iktar ’il quddiem il-“FlaggRG”) ( 11 ).

20.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9 tax-SchRegO, fir-reġistru tal-bastimenti jiġi rreġistrat kull bastiment li jista’, skont l-Artikolu 3(2) u (3) tax-SchRegO, ikun is-suġġett ta’ reġistrazzjoni, jekk il-proprjetarju jiddikjarah b’mod regolari għal dan il-għan.

21.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(1) tax-SchRegO, il-proprjetarju huwa obbligat li jirreġistra bastiment tan-navigazzjoni fl-ibħra, meta dan ikun obbligat li jtajjar il-bandiera Ġermaniża skont l-Artikolu 1 tal-FlaggRG ( 12 ).

22.

Skont l-Artikolu 14(1) tax-SchRegO, sakemm bastiment ikun irreġistrat f’reġistru tal-bastimenti barranin, huwa ma jistax ikun irreġistrat fir-reġistru tal-bastimenti Ġermaniżi. F’każ ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħelsien mill-bandiera, huwa meħtieġ jipproċedi għar-reġistrazzjoni, fir-reġistru tal-bastimenti, tas-sospensjoni tad-dritt li jtajjar il-bandiera Ġermaniża, kif ukoll tal-perijodu ta’ tali sospensjoni. L-Artikolu 17(2) tax-SchRegO jimponi l-obbligu li tiġi indikata, fir-reġistru tal-bastimenti, il-projbizzjoni tal-eżerċitar tad-dritt li jtajjar il-bandiera Ġermaniża u d-dewmien ta’ din il-projbizzjoni.

23.

Skont l-Artikolu 1(1) tal-FlaggRG, il-bastimenti merkantili kollha u l-bastimenti l-oħra intiżi għan-navigazzjoni fl-ibħra (bastimenti tan-navigazzjoni fl-ibħra), li l-proprjetarji tagħhom huma ċittadini Ġermaniżi u huma ddomiċiljati fit-territorju li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Grundgesetz (il-Liġi Fundamentali), huma obbligati jtajru l-bandiera Ġermaniża.

24.

Skont l-Artikolu 6(1) tal-FlaggRG, il-bastimenti tan-navigazzjoni fl-ibħra li għandhom itajru l-bandiera Ġermaniża skont l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi ma humiex awtorizzati jtajru bnadar oħra bħala bandiera nazzjonali.

25.

Skont l-Artikolu 7(1) tal-FlaggRG, il-Bundesamt für Seeschifffahrt und Hydrographie (l-Uffiċċju Federali tat-Tbaħħir Merkantili u tal-Idrografija, il-Ġermanja) jista’ jagħti lis-sid jew lil min jipprovdi bastiment tan-navigazzjoni fl-ibħra rreġistrat fir-reġistru tal-bastimenti, wara talba għal dan il-għan, l-awtorizzazzjoni revokabbli biex itajjar, għal perijodu li ma jaqbiżx is-sentejn, bandiera oħra li ma hijiex il-bandiera Ġermaniża (awtorizzazzjoni għall-ħelsien mill-bandiera). Skont l-Artikolu 7a(3) tal-FlaggRG, id-dritt li tittajjar il-bandiera Ġermaniża ma jistax jiġi eżerċitat sakemm l-awtorizzazzjoni tal-ħelsien mill-bandiera tkun fis-seħħ.

III. Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

26.

Ir-rikorrenti hija assiguratur stabbilit fir-Renju Unit, li toffri assigurazzjonijiet marittimi fid-dinja kollha u li, b’effett mit-2 ta’ Novembru 2011, hija s-suċċessur legali ta’ impriża li kienet ikkonkludiet il-kuntratti ta’ assigurazzjoni li wasslu għall-kawża prinċipali.

27.

Il-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni ġew konklużi ma’ erbatax‑il kumpannija marittima, kontra riskji marbutin mar-responsabbiltà ċivili, mal-protezzjoni legali, mal-kopertura tal-assigurazzjoni (li tkopri d-danni differenti kkaġunati lill-bastimenti) kif ukoll riskji ta’ gwerra li jġarrbu l-bastimenti mmexxija minn dawn il-kumpanniji. Dawn tal-aħħar huma stabbiliti fil-Ġermanja u huma mniżżla fir-reġistru tal-kummerċ miżmum mill-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) bħala kumpanniji b’responsabbiltà limitata taħt id-dritt Ġermaniż (GmbH). L-għan soċjali rispettiv tagħhom jikkonsisti fil-ġestjoni ta’ bastimenti tan-navigazzjoni fl-ibħra. Il-bastimenti tal-imsemmija kumpanniji marittimi huma mniżżla fir-reġistru tal-bastimenti miżmum mill-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg).

28.

Huma wkoll kontraenti fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-erbatax‑il kumpannija marittima, fil-kapaċità tagħhom ta’ detenturi ta’ polza ta’ assigurazzjoni jew koassigurati, kemm il-kumpannija tal-operat marittimu li teżerċita l-attivitajiet tagħha bħala li tamministra lil dawn il-kumpanniji marittimi u li l-flotta tagħhom tinkludi l-bastimenti kollha tan-navigazzjoni fl-ibħra inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-bareboat charterers stabbiliti fil-Liberja u f’Malta.

29.

Skont l-Artikolu 7(1) tal-FlaggRG, il-bastimenti li jappartjenu lill-kumpanniji marittimi ġew awtorizzati jtajru, flok il-bandiera Ġermaniża, bandiera nazzjonali oħra (iktar ’il quddiem il-“ħelsien mill-bandiera”), jiġifieri l-bnadar tal-Liberja jew ta’ Malta. Matul il-perijodu tal-ħelsien mill-bandiera, dawn il-bastimenti baqgħu mniżżla fir-reġistru Ġermaniż tal-bastimenti.

30.

Ir-rikorrenti rċeviet, abbażi tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni, remunerazzjonijiet fil-forma ta’ primjums tal-assigurazzjoni li fuqhom hija ma ħallsitx taxxa tal-primjums tal-assigurazzjoni.

31.

Matul is-sena 2012, il-konvenut għamel verifiki fiskali li jikkonċernaw it-taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni għand il-kumpannija tal-operat marittimu kif ukoll għand diversi kumpanniji marittimi. Huwa kkonkluda, abbażi tal-konstatazzjonijiet li saru waqt il-verifiki, li r-remunerazzjonijiet ta’ assigurazzjoni miġbura mir-rikorrenti matul il-perijodu inkwistjoni u li jirrigwardaw il-bastimenti li kienu s-suġġett tal-kawża prinċipali kienu suġġetti għal din it-taxxa u li r-rikorrenti kienet suġġetta għall-imsemmija taxxa.

32.

Konsegwentement, il-konvenut talab lir-rikorrenti, permezz ta’ avviż ta’ rkupru tat-taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni bid-data tal-11 ta’ Novembru 2014, il-ħlas tat-taxxa fuq l-assigurazzjonijiet għax-xahar ta’ Diċembru 2009, bir-rata ta’ taxxa normali.

33.

Ir-rikorrenti ppreżentat ilment kontra dan l-avviż li ma kellux suċċess, qabel ma ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja).

34.

Ir-rikorrenti tikkunsidra li r-remunerazzjonijiet tal-assigurazzjoni li hija rċeviet ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni minħabba li r-riskji marbutin mal-bastimenti tan-navigazzjoni fl-ibħra li tagħhom huma proprjetarji l-kumpanniji marittimi ma jinstabux fil-Ġermanja. Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE, il-ġurisdizzjoni fiskali fuq dawn il-primjums tal-assigurazzjoni tiddependi biss mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tal-vettura. Bil-kliem “Stat Membru tar-reġistrazzjoni”, wieħed għandu jifhem l-Istat li d-dispożizzjonijiet legali tiegħu jiddeterminaw jekk vettura, fid-dawl tat-tip ta’ kostruzzjoni tagħha kif ukoll tal-istat tagħha u tat-tagħmir tekniku tagħha, hijiex konformi mar-rekwiżiti legali. Ir-rikorrenti ssostni li, jekk wieħed japplika din id-dispożizzjoni għall-bastimenti, din tirreferi għall-Istat li l-bastiment huwa awtorizzat itajjar il-bandiera tiegħu. Fil-fehma tagħha, din ir-reġistrazzjoni hija nieqsa fir-rigward tal-bastimenti koperti mill-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni, peress li, wara l-ħelsien mill-bandiera, dawn ma jibqgħux awtorizzati jtajru l-bandiera Ġermaniża skont l-Artikolu 7(1) tal-FlaggRG.

35.

Il-konvenut jikkunsidra, min-naħa tiegħu, li r-remunerazzjonijiet tal-assigurazzjoni rċevuti mir-rikorrenti fir-rigward tal-assigurazzjonijiet kontenzjużi huma suġġetti għat-taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni skont il-punt 2 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(2) tal-VersStG. Huwa jsostni li l-kundizzjoni legali marbuta mar-reġistrazzjoni f’reġistru uffiċjali jew uffiċjalment irrikonoxxut hija ssodisfatta bir-reġistrazzjoni tal-bastimenti fir-reġistru tal-bastimenti miżmum mill-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg). Skont il-konvenut, il-leġiżlatur nazzjonali, għal raġunijiet ta’ ċarezza, fisser ir-reġistrazzjoni fis-sens ta’ tniżżil f’reġistru uffiċjali jew uffiċjalment irrikonoxxut b’għoti ta’ numru ta’ identifikazzjoni. Huwa jsostni li din il-leġiżlazzjoni hija konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri t-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357.

IV. Id-domanda preliminari

36.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln) issospendiet il-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE […] moqri flimkien mal-ewwel parti tas-sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 25, jew mal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE […] għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li, għall-finijiet tal-ħarsien minn riskji fir-rigward tal-operat ta’ bastiment, l-Istat huwa dak li fit-territorju tiegħu bastiment jitniżżel fir-reġistru uffiċjali bil-għan ta[l-prova ta]t-titolu ta’ proprjetà, jew huwa l-Istat li l-bandiera tiegħu tittajjar mill-bastiment?”

37.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali jipproponu li tingħata risposta għad-domanda preliminari kif ġej:

Skont ir-rikorrenti, it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357, moqri flimkien mal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49 (jew mal-ewwel parti tas-sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 88/357) ma jipprekludix, fil-kuntest tal-interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni, dispożizzjoni li tipprovdi li d-dritt ta’ impożizzjoni tat-taxxa ta’ Stat Membru għal dak li jikkonċerna r-riskji marbutin mal-vetturi ta’ kull tip ikun suġġett għall-fatt li dawn il-vetturi huma jew għandhom ikunu mniżżla f’reġistru uffiċjali jew uffiċjalment irrikonoxxuti u jkunu mogħnija b’numru ta’ identifikazzjoni. It-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357, moqri flimkien mal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49 (jew mal-ewwel parti tas-sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 88/357) jipprekludi madankollu prattika amministrattiva li tinterpreta l-Artikolu 1(2)(2) tal-VersStG fis-sens li, għall-finijiet tal-lokalizzazzjoni tar-riskju marbut ma’ bastiment, it-tniżżil fir-reġistru Ġermaniż tal-bastimenti huwa determinanti wkoll meta dan il-bastiment ma jkunx għadu jtajjar il-bandiera Ġermaniża skont l-Artikolu 7 tal-FlaggRG.

Skont il-Gvern Ġermaniż, għandha tingħata risposta għad-domanda preliminari fis-sens li, fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-bastimenti, l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju kif ukoll id-dritt ta’ impożizzjoni tat-taxxa li jirriżulta minnu favur Stat Membru ma għandhomx ikunu stabbiliti skont il-bandiera effettivament imtajra, imma skont l-Istat Membru li fih ikun irreġistrat il-bastiment. Il-Gvern Ġermaniż isostni li, sabiex wieħed jistabbilixxi l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju fil-kuntest tal-assigurazzjonijiet tal-bastimenti, jeħtieġ li wieħed jibbaża ruħu fuq it-tniżżil tal-bastiment f’reġistru nazzjonali tal-bastimenti. Din il-pożizzjoni hija, fil-fehma tiegħu, konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif previsti fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357.

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tingħata risposta għad-domanda li l-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49, moqri flimkien mat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ riskji marbutin mal-operat ta’ bastiment tan-navigazzjoni fl-ibħra, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dan il-bastiment ikun imniżżel f’reġistru uffiċjali għall-finijiet tal-prova tat-titolu ta’ proprjetà għandu jitqies bħala l-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni”.

V. Analiżi ġuridika

38.

L-analiżi tiegħi ser tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357, bil-għan li tagħti risposta għad-domanda preliminari li tkun konformi mat-test ta’ din id-dispożizzjoni, mal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.

A.   Fuq l-interpretazzjoni letterali tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357

39.

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357 jiddefinixxi l-“[Is]tat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju” billi jsemmi erba’ każijiet.

40.

L-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni jikkonċerna l-assigurazzjoni tal-proprjetà u jiddefinixxi l-“[Is]tat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju” billi jirreferi għall-post fejn tkun tinstab il-proprjetà assigurata.

41.

It-tieni inċiż jirrigwarda l-assigurazzjoni ta’ vetturi u jiddefinixxi l-“[Is]tat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju” billi jirreferi għall-post tar-reġistrazzjoni ta’ dawn il-vetturi.

42.

It-tielet inċiż jikkonċerna l-assigurazzjoni tar-riskji tal-ivvjaġġar jew ta’ vaganza u jiddefinixxi l-“[Is]tat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju” bħala l-Istat Membru li fih id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun ħareġ il-polza.

43.

Ir-raba’ inċiż huwa kategorija residwali li tapplika “fil-każijiet kollha li mhumiex espliċitament koperti bl-inċiżi ta’ qabel”, f’liema każijiet ir-riskju jkun jinstab fl-“Istat Membru fejn it-titolari tal-polza jkollu r-residenza abitwali tiegħu, jew jekk it-titolari tal-polza jkun persuna ġuridika, l-Istat Membru fejn l-istabbiliment ta’ dan ta’ l-aħħar, li jkun jirrelata għalih il-kuntratt, ikun jinstab”.

44.

Il-każijiet imsemmija fl-ewwel, fit-tielet u fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357 ma fihomx ambigwità fir-rigward tal-lokalizzazzjoni tar-riskju inkwantu dan huwa marbut ma’ element fiżiku u uniku li jippermetti li dan ir-riskju jiġi stabbilit direttament fuq livell ġeografiku. Pereżempju, fil-każijiet tal-proprjetà immobbli, dawn huma marbutin fiżikament mal-art li fuqha jkunu mibnijin. Għaldaqstant, huma jkunu jinstabu fit-territorju ta’ ċertu Stat Membru, b’mod li r-riskju jkun jista’ jiġi llokalizzat mingħajr l-iċken dubju f’dan l-Istat Membru. Bl-istess mod, il-lokalizzazzjoni tar-riskju b’riferiment għall-Istat Membru li fih id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun ħareġ il-polza ta’ assigurazzjoni għall-każijiet imsemmija fit-tielet u fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357 tippermetti wkoll lokalizzazzjoni diretta u inekwivoka.

45.

Peress li ma ġiex iddefinit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, il-kunċett ta’ “Stat Membru tar-reġistrazzjoni”, imsemmi fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357, jistrieħ fuq kriterju li r-rabta tiegħu mal-lokalizzazzjoni fiżika tar-riskju hija inqas diretta. Minn dan isegwi li dan il-kunċett jista’ fit-teorija jagħti lok għal diversi interpretazzjonijiet, kif turi l-kawża prinċipali. Jeħtieġ li jiġi ppreċiżat ukoll li d-dritt li jirregola r-reġistri tal-bastimenti ma ġie qatt armonizzat, la fuq livell tad-dritt internazzjonali u lanqas fuq livell tad-dritt tal-Unjoni. Kif osservat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu, skont ir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali, il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tkun tista’ ssir ir-reġistrazzjoni ta’ bastiment fir-reġistri tagħhom u sabiex dan il-bastiment jingħata d-dritt li jtajjar il-bandiera tagħhom, imma, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni ( 13 ).

46.

Fit-tieni lok, peress li l-formulazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357 ma fiha ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri biex jistabbilixxu s-sens u l-portata tiegħu, dawn għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi ( 14 ). Din l-uniformità hija iktar importanti peress li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi identifikat l-Istat Membru li għandu s-setgħa esklużiva li jintaxxa l-primjums tal-assigurazzjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49.

47.

F’din il-kawża, l-ambigwità tidher li toħroġ mill-fatt li l-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 88/357 u 2009/138 hija differenti mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra fis-sens li, fil-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża, il-kliem użat huwa dak tal-“Istat Membru tal-ammissjoni” (“Zulassungsmitgliedstaat”).

48.

Ir-rikorrenti tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq il-kunċett tal-“Istat ta’ ammissjoni” (“Zulassungsmitgliedstaat”) sabiex tiddeduċi li l-bastimenti għandhom bżonn awtorizzazzjoni speċjali għat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tagħhom, barra mit-tniżżil tagħhom f’reġistru miżmum mill-qrati kompetenti. B’dan il-mod, ir-rikorrenti ssostni li l-bastimenti huma “ammessi” mill-Istat tal-bandiera peress li dan l-Istat jistabbilixxi r-regoli ta’ kwalità għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, u li għaldaqstant huwa responsabbli għar-riskju marbut ma’ dawn il-bastimenti. It-tniżżil f’reġistru għall-finijiet tal-prova tat-titolu ta’ proprjetà tal-bastiment, bħal f’dan il-każ, ma jirrendix lill-Istat li jżomm dan ir-reġistru bħala l-“Istat ta’ ammissjoni” (“Zulassungsmitgliedstaat”). Fil-fehma tagħha, il-Ġermanja titlef l-istatus ta’ Stat tar-reġistrazzjoni meta l-bastiment itajjar il-bandiera barranija.

49.

Madankollu, dan l-argument ma japplikax fir-rigward tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjonijiet l-oħra kollha jużaw jew il-kunċett ta’ Stat Membru ta’ “reġistrazzjoni”, jew dak tal-Istat Membru ta’ “immatrikulazzjoni” ( 15 ).

50.

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ( 16 ).

51.

Għandu jiġi osservat li, b’kuntrast mal-vetturi l-oħra msemmija mid-Direttiva 88/357, bħalma huma l-vetturi tal-art u l-ajruplani, ma jeżistux fil-livell tal-Unjoni leġiżlazzjonijiet li jikkonċernaw l-ammissjoni jew l-awtorizzazzjoni għaċ-ċirkulazzjoni tal-bastimenti. Ir-reġistrazzjoni, waħidha, hija suffiċjenti sabiex il-bastiment ikun jista’ jiġi awtorizzat ibaħħar sakemm din tkun akkumpanjata, fil-parti l-kbira tal-każijiet, mill-għoti ta’ bandiera.

52.

Fid-dawl tal-premess, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li t-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357 jirreferi, bi qbil mal-maġġoranza kbira ħafna tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, għall-Istat Membru ta’ “reġistrazzjoni” jew ta’ “immatrikulazzjoni”, u mhux għall-Istat Membru ta’ “ammissjoni” għaċ-ċirkulazzjoni bħala tali.

53.

Din l-interpretazzjoni tidher li hija kkorroborata wkoll mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari mill-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, fejn ir-“reġistrazzjoni” u l-“immatrikulazzjoni” tal-bastiment jidhru li huma espressjonijiet li jintużaw b’mod interkambjabbli. B’mod iktar partikolari, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 91(1) ta’ din il-konvenzjoni tipprovdi li “[k]ull Stat għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità tiegħu lill-vapuri, għar-reġistrazzjoni ta’ vapuri fit-territorju tiegħu, u tad-dritt li jtajjru il-bandiera tiegħu”.

B.   Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357

54.

Fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni wkoll jista’ jkollha elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha ( 17 ). Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat il-kuntest li kien jipprevali fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 88/357 sabiex jiġi eżaminat jekk jeżistux elementi li jippermettu li jiġi ċċarat il-kontenut tagħha u li tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni tagħha.

55.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li jirriżulta mill-oriġini tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357 li l-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitqies, preċiżament fil-każ tal-bastimenti, bħala li huwa l-Istat li miegħu għandu rabta d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li għandu interess fil-bastiment bħala proprjetarju, jew interess simili.

56.

Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda l-vetturi, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Diċembru 1975 ( 18 ), kienet tipprovdi li l-kliem “l-Istat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju” kellhom ifissru jew “l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni, meta l-assigurazzjoni tirrigwarda l-korpi ta’ vetturi terrestri” jew “l-Istat Membru fejn id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkollu r-residenza abitwali tiegħu, sakemm dan ikun jew il-proprjetarju tal-vettura jew ikollu interess finanzjarju f’din il-vettura jew ikun amministratur tal-vettura, u fin-nuqqas l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tal-vettura, meta l-assigurazzjoni tirrigwarda l-korpi tal-vetturi ferrovjarji, il-korpi ta’ vetturi tal-ajru u l-korpi ta’ vetturi marittimi, tal-lagi u tax-xmajjar”. Fil-proposta emendata tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Frar 1978 ( 19 ), dawn iż-żewġ kriterji kienu nżammu imma s-sekwenza tagħhom inqalbet, b’mod li l-kriterju msemmi tal-Istat Membru tar-residenza tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni kien applikabbli biss fil-każ fejn il-vettura ma kinitx irreġistrata (kriterju awtomatiku).

57.

Il-verżjoni finali tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357 tagħmel riferiment biss għall-“Istat tar-reġistrazzjoni”, u dan għall-vetturi kollha, inklużi l-bastimenti, u fis-sitwazzjonijiet kollha, b’mod li, fl-assenza ta’ “reġistrazzjoni”, ikun meħtieġ li jiġu applikati mhux ir-regoli partikolari li jirrigwardaw il-vetturi imma r-regola ġenerali awtomatika li tinstab fl-aħħar inċiż ta’ dan l-Artikolu 2(d).

58.

Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta biss il-kriterju tal-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni” fil-verżjoni finali tad-Direttiva 88/357, mingħajr ma rabat formalment il-lokalizzazzjoni tar-riskju mas-sede tal-proprjetarju tal-vettura jew tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, ħaġa li tippermetti lokalizzazzjoni inkontestabbli, huwa indikazzjoni, skont ir-rikorrenti, tar-rieda tal-leġiżlatur li jistabbilixxi regola speċjali għar-riskji marbutin mal-vetturi.

59.

Madankollu, il-fatt li huwa biss il-kriterju tal-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni” li ġie adottat fil-verżjoni finali ta’ din id-direttiva ma jistax jiġi interpretat bħala ċaħda, min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, tal-kriterju tal-lokalizzazzjoni tad-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni. Dan il-bdil fil-formulazzjoni tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357 jidher pjuttost li jrid jindika r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti ċerta flessibbiltà għall-identifikazzjoni tas-sistema fiskali applikabbli għall-assigurazzjoni tal-vetturi. Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta finalment, għal kull tip ta’ vettura, il-kriterju ċar u sempliċi tal-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni”, kriterju li ma jeħtieġx il-lokalizzazzjoni konkreta tar-riskju.

60.

Din il-konstatazzjoni tidher ikkonfermata wkoll mir-regola ġenerali awtomatika li tinstab fl-aħħar inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357, li tapplika wkoll għall-vetturi mhux irreġistrati u li skontha l-lokalizzazzjoni tar-riskju sseħħ fil-post tas-sede tad-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni. Issa, fil-prinċipju, xejn ma jiġġustifika trattament differenti għall-istess kategorija ta’ oġġetti assigurati, indipendentement minn jekk humiex irreġistrati jew le.

61.

Kif issostni l-Kummissjoni, din l-oriġini tista’ tindika li l-kriterju tal-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni” jirreferi impliċitament għar-rabta eżistenti, minn naħa, bejn persuna jew kumpannija li għandha t-titolu ta’ proprjetà jew dritt jew interess simili f’bastiment u, min-naħa l-oħra, l-Istat li fit-territorju tiegħu l-bastiment huwa mniżżel f’reġistru li jattesta l-proprjetà jew interess simili, bħalma huwa r-reġistru tal-bastimenti. Din it-terminoloġija tista’ tagħti lil wieħed x’jifhem li t-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357 jirreferi għall-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-bastiment huwa mniżżel f’reġistru għall-finijiet tal-prova tat-titolu ta’ proprjetà tiegħu.

62.

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 157 tad-Direttiva 2009/138 dwar it-taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjonijiet jipprovdi li “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt tal-assigurazzjoni għandu jkun suġġett esklużivament għat-taxxi indiretti u l-imposti parafiskali fuq premiums tal-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju jew fl-Istat Membru tal-impenn”. Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni żied, mal-kriterju preeżistenti tar-rabta tal-lokalizzazzjoni tar-riskju, il-kriterju tal-“Istat Membru tal-impenn”, li huwa ddefinit fl-Artikolu 13(14) ta’ din id-direttiva bħala “l-Istat Membru li fih jinsab wieħed minn dawn li ġejjin: (a) ir-residenza abitwali tat-titolari tal-polza; (b) jekk it-titolari tal-polza jkun persuna ġuridika, dak l-istabbiliment tat-titolari tal-polza li jkun relattiv għalih il-kuntratt”. Għaldaqstant, jidher li l-leġiżlatur ried “jerġa’ jintroduċi” l-kriterju tas-sede tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għall-identifikazzjoni tas-sistema fiskali applikabbli għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni. Anki jekk il-kawża prinċipali hija rregolata mid-Direttivi 88/357 u 92/49, l-Artikolu 157 tad-Direttiva 2009/138, li hija l-liġi attwali f’dan il-qasam, jidher li jikkonferma r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jorbot formalment is-suġġettar għat-taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni mas-sede tad-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni, li jippermetti għaldaqstant lokalizzazzjoni diretta ta’ dan tal-aħħar.

63.

Din l-interpretazzjoni hija konformi wkoll mad-dritt internazzjonali u b’mod iktar partikolari għall-Artikolu 91(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, li jeżiġi “rabta ġenwina” bejn l-Istat tar-reġistrazzjoni u l-bastiment.

C.   Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357

1. Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-lokalizzazzjoni tar-riskju bħala kriterju li jiddetermina l-Istat li għandu s-setgħa li jintaxxa u li jippermetti li jiġu eliminati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi ta’ Stati Membri differenti li joffru servizzi ta’ assigurazzjoni

64.

Fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti ( 20 ).

65.

Għal dak li jikkonċerna l-għan tad-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357, jeħtieġ li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza Kvaerner ( 21 ).

66.

Il-kriterji msemmija fl-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva huma determinanti għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49, li jirriżerva s-setgħa ta’ impożizzjoni ta’ taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni għall-Istat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju ( 22 ).

67.

L-għażla tal-lokalizzazzjoni tar-riskju bħala kriterju li jiddetermina l-Istat li jkollu s-setgħa li jintaxxa hija tali li telimina d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn l-impriżi tal-Istati Membri differenti li joffru s-servizzi ta’ assigurazzjoni ( 23 ). Din l-għażla tippermetti wkoll, fir-rigward b’mod speċifiku tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357, li tevita l-perikolu ta’ taxxa doppja kif ukoll il-possibbiltà tal-evażjoni tat-taxxa, peress li għal kull riskju hemm jikkorrispondi stabbiliment u għaldaqstant Stat Membru ( 24 ).

68.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni jillimita ruħu għaldaqstant, suġġett għal armonizzazzjoni sussegwenti, sabiex jagħti, skont il-kriterji ġenerali, il-ġurisdizzjoni fil-qasam tat-taxxa fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni lil Stat Membru wieħed biss. Inizjalment, l-armonizzazzjoni tirrigwarda għaldaqstant, mhux il-liġijiet fiskali tal-Istati Membri, imma biss id-dispożizzjonijiet li jiddeterminaw liema Stat Membru għandu d-dritt li jimponi t-taxxa.

69.

Dwar ir-riskju ta’ taxxa doppja, jidher li l-kriterju tar-reġistrazzjoni ma jistax, waħdu, jevita tali riskju, peress li, kif turi l-kawża prinċipali, bastiment jista’ jkun imniżżel f’żewġ reġistri differenti jew iktar u, konsegwentement, ikollu rabta xi ftit jew wisq diretta ma’ tal-inqas żewġ Stati. Huwa minnu wkoll li, sal-lum, il-liġi li tirregola r-reġistri tal-bastimenti qatt ma kienet armonizzata, la fil-livell tad-dritt internazzjonali u lanqas fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, b’mod li jeskludi t-tniżżil tal-istess bastiment fir-reġistri ta’ żewġ Stati differenti. Konsegwentement, f’każ ta’ reġistrazzjoni doppja fl-Unjoni, kull wieħed miż-żewġ Stati jkun jista’ jitqies bħala “Stat Membru tar-reġistrazzjoni”, ħaġa li tista’ twassal għal taxxa doppja.

70.

Min-naħa l-oħra, peress li bastiment jista’ jtajjar bandiera waħda biss, ir-riferiment għall-Istat tal-bandiera sabiex tiġi stabbilita l-lokalizzazzjoni tar-riskju jikkostitwixxi soluzzjoni sempliċi u mingħajr ambigwità.

71.

Madankollu, kif tippreċiża s-sentenza Kvaerner ( 25 ), l-għan tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357 huwa mhux biss li jaħdem kontra t-taxxa doppja imma wkoll li jevita l-possibbiltà ta’ evażjoni tat-taxxa.

72.

Issa, huwa ċar li l-użu tal-Istat tal-bandiera sabiex jiġi llokalizzat ir-riskju ma jidhirx li jista’ jevita l-ipoteżi ta’ evażjoni tat-taxxa minħabba r-rabtiet inqas diretti u konkreti li l-Istat tal-bandiera jkollu f’ċerti sitwazzjonijiet, kif ġara f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, ir-reġistru tal-bastimenti, inkwantu għandu l-għan essenzjali li jidentifika lill-proprjetarju tal-bastiment, jippermetti f’kull każ li tiġi identifikata l-ġurisdizzjoni kompetenti fil-qasam tal-impożizzjoni tat-taxxa fuq is-servizzi tal-assigurazzjoni.

73.

Minn dan isegwi li l-użu tal-Istat tar-reġistrazzjoni jew tal-immatrikulazzjoni għall-finijiet tal-lokalizzazzjoni tar-riskju jippermetti li jinqdew aħjar l-għanijiet kollha tad-Direttiva 88/357 fir-rigward tar-riskju tat-taxxa doppja u tal-evażjoni tat-taxxa. Ċertament, jidher li, kif turi l-kawża prinċipali, din l-għażla ma tistax teskludi kompletament il-possibbiltà ta’ taxxa doppja. Madankollu, dan ir-riskju jidher li huwa ipotetiku jew limitat għal każijiet partikolari ħafna, bħalma huwa dak li wassal għall-kawża prinċipali fejn it-tniżżil parallel fir-reġistru Malti u dak Liberjan, bil-għan li l-bastimenti inkwistjoni jkunu jistgħu jtajru ż-żewġ bnadar, seħħ wara awtorizzazzjoni speċjali bbażata fuq waħda mill-eċċezzjonijiet għall-prinċipju stabbilit mid-dritt Ġermaniż li skontu l-bastimenti rreġistrati fil-Ġermanja għandhom itajru l-bandiera Ġermaniża.

74.

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Gvern Malti ma ppreżentax osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-kawża, minkejja li ċerti bastimenti inkwistjoni jtajru l-bandiera ta’ dan l-Istat.

75.

Għaldaqstant, għandu jiġi nnotat li, fil-prinċipju, it-tniżżil parallel jew it-tniżżil doppju f’diversi reġistri jidher li huwa eskluż fil-maġġoranza tal-każijiet minħabba r-regoli fis-seħħ fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, li skonthom il-bdil permanenti tal-bandiera ikun akkumpanjat jew iwassal għall-kanċellament mir-reġistru tal-bastimenti ( 26 ). Dan il-prinċipju jinstab ukoll fid-dritt Ġermaniż, li ma jippermettix ir-reġistrazzjoni fir-reġistru Ġermaniż tal-bastimenti li huma rreġistrati f’reġistru marittimu barrani ( 27 ). B’hekk, jekk bastiment jitlob it-tniżżil fir-reġistru Ġermaniż tal-bastimenti meta huwa mniżżel f’reġistru tal-bastimenti barrani, il-proprjetarju għandu jipproċedi għall-kanċellament tar-reġistrazzjoni f’dak ir-reġistru barrani ( 28 ). Iktar minn hekk, skont ir-regoli fis-seħħ fid-dritt Ġermaniż, il-bastimenti li għandhom itajru l-bandiera Ġermaniża ma humiex awtorizzati jtajru bnadar oħra bħala bandiera nazzjonali ( 29 ). Għaldaqstant, huwa b’mod eċċezzjonali biss u għal perijodu limitat ta’ żmien li l-ħelsien temporanju mill-bandiera jista’ jiġi awtorizzat. Fid-dawl tal-premess, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-problema ta’ reġistrazzjoni parallela tidher li tikkonċerna biss ċerti każijiet eċċezzjonali.

2. Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji ta’ natura konkreta u fiżika għall-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357

76.

Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta wkoll, mill-ewwel sar-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipproponi, għat-tipi kollha ta’ riskji assigurati, soluzzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit l-Istat fejn ikun jinstab ir-riskju billi jibbaża ruħu fuq kriterji ta’ natura konkreta u fiżika iktar milli kriterji ta’ natura legali. L-għan imfittex kien li kull riskju jkun jikkorrispondi ma’ element konkret li jippermetti li dan jiġi llokalizzat fi Stat Membru partikolari ( 30 ).

77.

Għaldaqstant, jirriżulta, pereżempju, mit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357, li, jekk il-kuntratt jirrigwarda vettura, l-Istat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju huwa dak tar-reġistrazzjoni tal-vettura, anki jekk dan ma jkunx l-Istat Membru li fih tintuża l-vettura ( 31 ).

78.

Ir-riferiment għal-lokalizzazzjoni tar-riskju abbażi tar-reġistrazzjoni tal-bastiment jippermetti fil-fatt li tiġi stabbilita rabta diretta u konkreta bejn, minn naħa, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-proprjetarju tal-bastiment u, min-naħa l-oħra, il-bastiment assigurat. Ir-reġistru tal-bastimenti, inkwantu għandu bħala għan essenzjali li jidentifika lill-proprjetarju tal-bastiment li fuqu taqa’, finalment, ir-responsabbiltà għar-riskji li joħloq il-bastiment u l-operat tiegħu, li hija r-raġuni għaliex dan jidħol f’kuntratt ta’ assigurazzjoni li tkopri dawn ir-riskji, jippermetti wkoll li jiġu llokalizzati r-riskji tal-bastiment fi Stat Membru partikolari abbażi ta’ element konkret u fiżiku. Dan l-element huwa r-rabta bejn, minn naħa, il-proprjetarju tal-bastiment u, min-naħa l-oħra, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa rreġistrat il-bastiment, li jista’ jkun, jekk ikun il-każ, l-Istat Membru li tiegħu dan il-proprjetarju għandu n-nazzjonalità u/jew l-Istat Membru li fih dan il-proprjetarju għandu r-residenza tiegħu jew huwa stabbilit.

79.

Tali kriterju ta’ rabta sempliċi u uniformi jippermetti wkoll li jkopri każijiet kumplessi, li huma kurrenti fil-qasam tal-assigurazzjonijiet marittimi. Qabelxejn, ma huwiex rari li kuntratt ta’ assigurazzjoni marittima jkopri, fir-rigward ta’ bastiment, riskji ta’ natura differenti. Bħal fil-kawża prinċipali, inzerta wkoll li l-kumpannija marittima proprjetarja ta’ bastiment ma toperax hija stess lil dan tal-aħħar, iżda tinkariga, għal dan l-għan, terza persuna, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ bareboat charter. F’dawn is-sitwazzjonijiet kollha, ir-regola li tillokalizza r-riskju fl-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni” toffri soluzzjoni ċara, sempliċi u prevedibbli.

80.

Iktar minn hekk, dan il-kriterju jista’ jiġi applikat b’mod uniformi għall-vetturi ta’ kull tip, bħalma huma dawk imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357.

81.

Min-naħa l-oħra, ir-rabta bejn il-proprjetarju tal-bastiment u l-Istat tal-bandiera ma hijiex dejjem ibbażata fuq kriterji ta’ natura konkreta u din ir-rabta tista’ tkun indiretta u provviżorja, kif tixhed il-kawża prinċipali. Kif osservat ukoll il-Kummissjoni, ma teżistix a priori rabta rilevanti bejn l-Istat tal-bandiera tal-bastiment u r-responsabbiltà minħabba r-riskju li joħloq il-bastiment li tippermetti li dan ir-riskju jiġi llokalizzat fit-territorju ta’ dan l-Istat. Fil-fatt, għalkemm, ċertament, l-Istat tal-bandiera jeżerċita setgħa regolatorja u ta’ kontroll fuq il-bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, inkluż għal dak li jirrigwarda s-sigurtà tiegħu, dawn l-elementi ma jirrigwardawx, bħala tali, ir-riskju li jġib miegħu l-operat tal-bastiment għall-proprjetarju tiegħu.

82.

F’dan l-istadju jeħtieġ li ssir distinzjoni ċara bejn is-sistema legali u fiskali applikabbli għall-bastimenti, li hija bla ebda dubju stabbilita mill-Istat tal-bandiera li tittajjar mill-bastiment, u dik applikabbli għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni marbutin ma’ dawn il-bastimenti. Għal dak li jikkonċerna lil dawn tal-aħħar, l-issuġġettar tal-primjums tal-assigurazzjoni għat-taxxa tidher li għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ kriterji iktar konkreti li jistabbilixxu rabta diretta bejn il-proprjetarju tal-bastiment, is-sede tiegħu u l-bastiment li huwa s-suġġett tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

D.   Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji koperti mill-kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357

83.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju kopert b’kuntratt ta’ assigurazzjoni, għandha tiġi identifikata, b’mod partikolari, l-attività preċiża li r-riskji tagħha huma koperti mid-diversi kuntratti ta’ assigurazzjoni ( 32 ).

84.

Il-kuntratti fil-kawża prinċipali huma kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru, taħt polza waħda, it-tipi differenti ta’ riskji marbutin mal-bastimenti, jiġifieri kuntratti tat-tip “Protection and Indemnity [protezzjoni u kumpens]”. Dawn huma, f’dan ir-rigward, riskji koperti taħt ir-responsabbiltà ċivili, il-protezzjoni legali, id-danni kkaġunati mill-bastiment lil bastimenti oħra kif ukoll riskji marbutin mat-telf jew ħsara lill-bastiment minħabba l-gwerra.

85.

Il-kuntratti ffirmati mill-proprjetarju jkopru għaldaqstant riskji differenti marbutin mal-operat tal-bastimenti, kemm jekk dawn tal-aħħar ikunu użati mill-proprjetarju tagħhom kif ukoll minn terz fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ bareboat charter, u indipendentement mill-bandiera/bnadar li jtajru l-bastimenti inkwistjoni. Dawn il-kuntratti kienu ġew konklużi bejn il-proprjetarju tal-bastimenti u r-rikorrenti qabel ma dan kiseb l-awtorizzazzjoni tal-ħelsien mill-bandiera, jiġifieri meta dawn il-bastimenti kienu mniżżla fir-reġistri Ġermaniżi tal-bastimenti u kienu obbligati jtajru bandiera Ġermaniża. Issa, jidher li l-imsemmija kuntratti baqgħu fis-seħħ matul il-perijodu li fih il-bastimenti kienu qegħdin itajru bandiera Maltija u Liberjana, mingħajr ma l-partijiet ikkonċernati kienu għamlu modifiki kuntrattwali minħabba l-bdil tal-bnadar. Għaldaqstant, mill-perspettiva tar-riskji li jġorr il-proprjetarju tal-bastimenti u koperti mill-kuntratti ta’ assigurazzjoni u l-proprjetarju tagħhom, li fuqu taqa’ r-responsabbiltà għar-riskji li joħolqu dawn il-bastimenti, il-bdil tal-bandiera għal perijodu limitat ma jidhirx li jaffettwa r-relazzjoni kuntrattwali bejn id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u r-rikorrenti. Il-bdil fil-lokalizzazzjoni tar-riskju kif issuġġerit mir-rikorrenti, li huwa bbażat fuq il-bdil tal-bandiera tal-bastimenti tagħha, ma jidhirx li huwa ġġustifikat fid-dawl tal-premess.

VI. Konklużjoni

86.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja) bil-mod kif ġej:

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja), moqri flimkien mat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’ oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-bastimenti, l-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni” huwa dak li fit-territorju tiegħu l-bastiment jinstab imniżżel f’reġistru uffiċjali għall-finijiet tal-prova tat-titolu ta’ proprjetà.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) It-Tieni Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’ oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 198).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 346).

( 4 ) C‑191/99, EU:C:2001:332.

( 5 ) Recueil des traités des Nations unies, Vol. 1834, p. 3.

( 6 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tagħha (98/392/KE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260, rettifika fil-ĠU 2014, L 316, p. 69).

( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 262, p. 34, u fil-ĠU 2019, L 316, p. 107).

( 8 ) BGBl. I, p. 22.

( 9 ) ĠU 1994, L 1, p. 3.

( 10 ) BGBl. I, p. 1133.

( 11 ) BGBl. I, p. 1342.

( 12 ) It-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu tipprovdi eċċezzjonijiet għall-obbligu li jiġi rreġistrat bastiment tan-navigazzjoni fl-ibħra, li ma humiex rilevanti għall-kawża prinċipali.

( 13 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et (C‑221/89, EU:C:1991:320, punti 1314).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley (C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 42), kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2013, RVS Levensverzekeringen (C‑243/11, EU:C:2013:85, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) B’mod iktar preċiż, għaxar verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni kollha jagħmlu riferiment għall-Istat Membru ta’ “reġistrazzjoni”, b’mod partikolari l-verżjonijiet bil-lingwa Daniża (“den medlemsstat, hvor registreringen er sket”), Griega (“το κράτος μέλος καταχώρισης”), Ingliża (“the Member State of registration”), Olandiża (“Lid-Staat van registratie”), Finlandiża (“rekisteröintijäsenvaltiota”), Svediża (“medlemsstat där registrering”), Maltija (“l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni”), jew għas-sinonimu ta’ “immatrikulazzjoni”, b’mod partikolari l-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“Estado miembro de matriculación”), Franċiża (“État membre d’immatriculation”), Taljana (“Stato membro di immatriculazione”) u Portugiża (“Estado-membro de matrícula”).

( 16 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, A et (C‑347/17, EU:C:2019:720, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, G.S. u V.G. (Theddida għall-ordni pubbliku) (C‑381/18 u C‑382/18, EU:C:2019:1072, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Proposta għat-tieni direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’ oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (COM(75) 516 final).

( 19 ) Emenda tal-proposta għat-tieni direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’ oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (COM(78) 63 final).

( 20 ) Sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983(Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12); tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner (C‑191/99, EU:C:2001:332, punt 30); tal-1 ta’ Marzu 2007, Schouten (C‑34/05, EU:C:2007:122, punt 25); tad-19 ta’ Lulju 2012, ebookers.com Deutschland (C‑112/11, EU:C:2012:487, punt 12); u tal-21 ta’ Frar 2013, RVS Levensverzekeringen (C‑243/11, EU:C:2013:85, punt 23).

( 21 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001 (C‑191/99, EU:C:2001:332).

( 22 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner (C‑191/99, EU:C:2001:332, punt 48).

( 23 ) Ara l-premessa 30 tad-Direttiva 92/49 u s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner (C‑191/99, EU:C:2001:332, punt 50).

( 24 ) Ara l-premessi 1 u 2 tad-Direttiva 92/49 u s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner (C‑191/99, EU:C:2001:332, punt 51).

( 25 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001 (C‑191/99, EU:C:2001:332, punt 51).

( 26 ) Ara, pereżempju, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tad-Dritt Marittimu Pubbliku Grieg (nomothetiko diatagma 187/1973 peri kodikos dimosiou naytikou dikaiou (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 187/1973 dwar il-Kodiċi tad-Dritt Marittimu Pubbliku (FEK A’261/3.19.1973), kif emendat permezz tal-Liġi 4256/2014 (FEK A’92,14.4.2014))) u b’mod iktar preċiż l-Artikolu 18(3) ta’ dan il-kodiċi, li skontu, il-bdil tal-bandiera (wara t-talba tal-proprjetarju tal-bastiment) iwassal għall-kanċellament tal-bastiment inkwistjoni mir-reġistru Grieg tal-bastimenti.

( 27 ) Ara l-Artikolu 14(1) tax-SchRegO.

( 28 ) Ara l-Artikolu 14(2) tax-SchRegO.

( 29 ) Ara l-Artikolu 6 tal-FlaggRG.

( 30 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner (C‑191/99, EU:C:2001:332, punt 44).

( 31 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner (C‑191/99, EU:C:2001:332, punt 45).

( 32 ) Sentenza tas-17 ta’ Jannar 2019, A (C‑74/18, EU:C:2019:33, punt 31).

Top