Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0762

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fl-14 ta’ Jannar 2021.
    "CV-Online Latvia" SIA va "Melons" SIA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesas kolēģija.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ġuridika tad-databases – Direttiva 96/9/KE – Artikolu 7 – Dritt ‘sui generis’ tal-produtturi ta’ databases – Projbizzjoni għat-terzi kollha li ssir ‘estrazzjoni’ jew ‘użu mill-ġdid’, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-produttur, tat-totalità jew ta’ parti sostanzjali tal-kontenut tad-database – Database aċċessibbli liberament fuq l-internet – Metamutur ta’ tfittxija speċjalizzat fit-tfittxija ta’ avviżi ta’ impjieg – Estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tal-kontenut ta’ database – Preġudizzju għall-investiment sostanzjali fil-kisba, fil-verifika jew fil-preżentazzjoni tal-kontenut ta’ database.
    Kawża C-762/19.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:22

     KONKLUŻJONJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fl‑14 ta’ Jannar 2021 ( 1 )

    Kawża C‑762/19

    SIA “CV‑Online Latvia”

    vs

    SIA “Melons”

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesas kolēģija (il-Qorti Reġjonali ta’ Riga, Kulleġġ Ċivili, il-Latvja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ġuridika tad-databases – Direttiva 96/9/KE – Artikolu 7 – Dritt ‘sui generis’ tal-produtturi ta’ databases – Projbizzjoni għat-terzi kollha li ssir ‘estrazzjoni’ jew ‘użu mill-ġdid’, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-produttur, tat-totalità jew ta’ parti sostanzjali tal-kontenut tad-database – Database disponibbli fuq sit internet – Wiri mill-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija ta’ link ipertest li jirreferik lejn dan is-sit u meta tags li jinkludu informazzjoni li tinsab fid-database”

    Introduzzjoni

    1.

    Fil-familja tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, id-dritt sui generis ta’ protezzjoni tad-databases huwa fost l-iktar reċenti. L-istabbiliment tiegħu huwa dovut għad-diġitalizzazzjoni u l-wasla tal-internet. Fil-fatt, iż-żieda esponenzjali tal-kwantità ta’ informazzjoni aċċessibbli grazzi għad-diġitalizzazzjoni rrendiet partikolarment utli, u għalhekk ekonomikament vantaġġuża, l-organizzazzjoni ta’ din l-informazzjoni f’databases li jistgħu jiġu kkonsultati online. Fl-istess waqt, fl-ambjent diġitali, huwa partikolarment faċli li ssir kopja ta’ kwalità perfetta tad-data ta’ database bi spiża negliġibbli u li jsiru għalhekk profitti indebiti mill-isforz ta’ ħaddieħor. Għalhekk ġie stabbilit mekkaniżmu ta’ protezzjoni fid-dritt tal-Unjoni.

    2.

    Ċertament, id-databases jistgħu, fid-dritt tal-Istati Membri, jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, din il-protezzjoni normalment teħtieġ ċertu livell ta’ oriġinalità fl-għażla jew fl-arranġament tad-data. Issa, sabiex database tkun utli, hija għandha, sa fejn huwa possibbli, tkun eżawrjenti u d-data għandha tkun irranġata skont ordni rilevanti għat-tip ta’ data kkonċernata, jiġifieri alfabetikament, kronoloġikament jew mod ieħor, sabiex tippermetti li d-data mfittxija tinstab faċilment, għaliex din hija l-ewwel funzjoni ta’ database. Konsegwentement, fil-parti l-kbira tas-sitwazzjonijiet, la l-għażla tal-materjali ta’ database u lanqas id-dispożizzjoni tagħhom ma jistgħu jkunu oriġinali ( 2 ). Barra minn hekk, minkejja li l-istruttura ta’ database tista’ tibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, dan ma jistax ikun il-każ għall-kontenut tagħha, sa fejn dan ma jkunx oriġinali fih innifsu.

    3.

    Minn din il-ħtieġa ta’ protezzjoni minbarra dik tad-drittijiet tal-awtur biss tnissel, fid-dritt tal-Unjoni, id-dritt sui generis ta’ protezzjoni tad-databases. Sikwit assimilat ma’ dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur ( 3 ), id-dritt sui generis huwa intiż li jipproteġi l-investiment tal-produttur ta’ database fil-kisba, fil-verifika u fil-preżentazzjoni ta’ din id-data. Peress li jinsab bejn id-dritt tal-proprjetà intellettwali u d-dritt tal-kompetizzjoni żleali ( 4 ), id-dritt sui generis jeħtieġ ibbilanċjar prudenti bejn, minn naħa, l-interessi leġittimi tal-produtturi tad-databases fil-protezzjoni tal-possibbiltajiet li jagħmlu tajjeb għall-investiment tagħhom, u min-naħa l-oħra, l-interess tal-utenti u tal-kompetituri ta’ dawn il-produtturi fl-aċċess għall-informazzjoni mhux ipproċessata u fil-possibbiltà ta’ ħolqien ta’ prodotti innovattivi abbażi ta’ din l-informazzjoni.

    4.

    Din il-kawża, li tirrigwarda tali bbilanċjar, hija bejn produttur ta’ database, f’dan il-każ ta’ offerti ta’ impjieg, u aggregatur tal-kontenut fuq l-internet li jippermetti li dawn l-offerti jiġu kkonsultati fuq siti internet differenti ( 5 ). B’mod partikolari, il-kwistjoni ser tirrigwarda dwar jekk is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-“metamuturi ta’ tfittxija” ( 6 ) hijiex trasponibbli f’dan il-każ. Din il-kawża tagħti wkoll l-okkażjoni li din is-soluzzjoni tiġi żviluppata u rfinuta fid-dawl tar-regoli ta’ kompetizzjoni, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-kompetizzjoni żleali u l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    5.

    Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases ( 7 ):

    “1.   Din id-Direttiva hija dwar il-protezzjoni legali ta’ databases ta’ kull xorta.

    2.   Għall-finiijiet ta’ din id-Direttiva, ‘database’ tfisser kollezzjoni ta’ xogħlijiet indipendenti, data jew materjali oħra irranġati b’mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra.”

    6.

    L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu III tagħha, intitolat “Dritt sui generis”, jipprovdi:

    “1.   Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id-database.

    2.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

    (a)

    ‘estrazzjoni’ tfisser it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma;

    (b)

    ‘użu mill-ġdid’ tfisser kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku il-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni. L-ewwel bejgħ [fl-Unjoni] ta’ kopja tad-database mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jkun hemm kontroll tal-bejgħ mill-ġdid ta’ dik il-kopja [fl-Unjoni].

    [...]

    5.   L-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid ta’ sikwit u sistematika ta’ partijiet żgħar tal-kontenut tad-database li jġibu magħhom atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jagħmlu ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database m’għandhomx jitħallew isiru.”

    7.

    Finalment, skont l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva:

    “Din id-Direttiva hi bla ħsara partikolarment għad-dispożizzjonijiet [...] dwar prattiċi ristrettivi u kompetizzjoni inġusta [...]”

    Id-dritt Latvjan

    8.

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/9 dwar id-dritt sui generis kienu trasposti fid-dritt Latvjan fl-Artikoli 57 sa 62 tal-Autortiesību likums (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur), tas‑6 ta’ April 2000 ( 8 ), kif emendata bil-Liġi tat‑22 ta’ April 2004 ( 9 ).

    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

    9.

    SIA CV‑Online Latvia (iktar ’il quddiem “CV‑Online”), kumpannija rregolata mid-dritt Latvjan, topera s-sit internet “CV.lv”. Dan is-sit jinkludi database, żviluppata u regolarment aġġornata minn CV‑Online, li tinkludi avviżi ta’ impjieg ippubblikati mill-persuni li jimpjegaw.

    10.

    Barra minn hekk, is-sit “CV.lv” fih meta tags, tat-tip “mikrodata” (microdata), skont vokabularju stabbilit minn Schema.org, konsorzju ta’ erba’ magni ta’ tfittxija fuq l-internet ewlenin ( 10 ). Dawn it-tags ma humiex viżibbli waqt il-ftuħ tal-paġna internet ta’ CV‑Online. Huma jippermettu lill-muturi ta’ tfittxija fuq l-internet jidentifikaw aħjar il-kontenut ta’ kull paġna sabiex jindiċjawh b’mod korrett. Dan huwa importanti sabiex il-paġna titpoġġa fir-riżultati ta’ tfittxija magħmula permezz ta’ mutur ta’ tfittxija. Fil-każ tas-sit internet ta’ CV‑Online, dawn il-meta tags jinkludu, għal kull avviż ta’ impjieg vakanti li jinsab fid-database, il-kliem ewlieni li ġej: “denominazzjoni tal-pożizzjoni”, “isem tal-impriża”, “post tax-xogħol” u “data ta’ pubblikazzjoni tal-avviż”.

    11.

    SIA Melons, kumpannija rregolata mid-dritt Latvjan ukoll, topera s-sit internet “KurDarbs.lv”, li huwa mutur ta’ tfittxija speċjalizzat fl-avviżi ta’ impjieg. Dan il-mutur jippermetti tfittxija fuq diversi siti internet li jinkludu avviżi ta’ impjieg, skont kriterji differenti, fosthom it-tip tal-pożizzjoni u l-post tax-xogħol. Permezz ta’ links ipertest, is-sit “KurDarbs.lv” jirreferi lill-utenti lejn is-siti internet fejn l-informazzjoni mfittxija tkun ġiet ippubblikata inizjalment, fosthom is-sit ta’ CV‑Online. Il-meta tags imdaħħla minn CV‑Online fil-programmazzjoni tas-sit internet tagħha huma murija wkoll fil-lista ta’ riżultati miksuba waqt l-użu tal-mutur ta’ tfittxija ta’ Melons.

    12.

    Peress li qieset li jeżisti ksur tad-dritt sui generis tagħha, CV‑Online ressqet azzjoni ġudizzjarja kontra Melons. Hija ssostni li Melons twettaq “estrazzjoni” u “użu mill-ġdid” ta’ parti sostanzjali tal-kontenut tad-database ppreżentata fuq is-sit “CV.lv”. Il-qorti tal-ewwel istanza kkonstatat ksur tad-dritt inkwistjoni, għar-raġuni li jeżisti “użu mill-ġdid” tad-database.

    13.

    Melons appellat mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li s-sit internet tagħha ma jiżgurax trażmissjoni online, jiġifieri ma jiffunzjonax “f’ħin reali”. Barra minn hekk, hija targumenta li għandha ssir distinzjoni bejn is-sit “CV.lv” u d-database li dan jinkludi. F’dan ir-rigward hija tenfasizza li huma l-meta tags użati minn CV‑Online li juru informazzjoni dwar l-offerti ta’ impjieg fir-riżultati miksuba permezz tal-mutur ta’ tfittxija “KurDarbs.lv”. Madankollu, dawn il-meta tags ma humiex parti mid-database.

    14.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesas kolēģija (il-Qorti Reġjonali ta’ Riga, Kulleġġ Ċivili, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-attività tal-konvenuta li hija li twassal lill-utent aħħari permezz ta’ ħolqa ta’ hypertext lejn is-sit internet tar-rikorrenti, fejn database dwar offerti ta’ impjieg tista’ tiġi kkonsultata, għandha tinftiehem fis-sens li taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ ‘użu mill-ġdid’ li tinsab fl-Artikolu 7(2)(b) tad-[Direttiva 96/9], jiġifieri, l-użu mill-ġdid ta’ database permezz ta’ trażmissjoni f’forom oħra?

    2)

    L-informazzjoni li fiha l-meta tags murija mill-mutur ta’ tfittxija tal-konvenuta għandha tiġi interpretata fis-sens li tidħol fid-definizzjoni ta’ ‘estrazzjoni’ li tinsab fl-Artikolu 7(2)(a) tad-[Direttiva 96/9], jiġifieri li dan jikkonsisti fit-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma?”

    15.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Ottubru 2019. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Latvjan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess persuni kkonċernati kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fit‑22 ta’ Ottubru 2020.

    Analiżi

    16.

    Il-qorti tar-rinviju tagħmel żewġ domandi preliminari li jirrigwardaw kemm l-estrazzjoni kif ukoll l-użu mill-ġdid eventwali tad-database ta’ CV‑Online minn Melons. Madankollu, nibża’ li dawn id-domandi, kif ifformulati, jħallu barra l-problemi ġuridiċi reali marbuta mal-użu magħmul minn Melons tad-database ta’ CV‑Online kif ukoll mar-rifjut ta’ din tal-aħħar li tittollera dan l-użu. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, id-domandi għandhom jiġu rriformulati sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju ( 11 ).

    17.

    Barra minn hekk, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq il-premessa li teżisti database protetta mid-dritt sui generis, iggarantit mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9, mingħajr madankollu ma tissemma xi konstatazzjoni min-naħa tal-qrati nazzjonali f’dan ir-rigward. Issa, analiżi tal-kundizzjonijiet għal din il-protezzjoni fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ tista’ tkun utli għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ eventwali ksur tad-drittijiet mogħtija minn dawn id-dispożizzjonijiet.

    Fuq l-eżistenza ta’ database protetta

    18.

    Infakkar li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9 jiddefinixxi d-database bħala “kollezzjoni ta’ xogħlijiet [...], data jew materjali [indipendenti] oħra irranġati b’mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra”. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li “materjali indipendenti” għandhom ifissru “materjali li jistgħu jkunu separati minn xulxin mingħajr ma jkun affetwat il-kontenut informattiv, litterarju, artistiku, mużikali jew kontenut ieħor tagħhom” ( 12 ). Fi kliem ieħor, dawn il-materjali għandu jkollhom “valur informattiv awtonomu” ( 13 ). Barra minn hekk, database għandha tinkludi “mezzi tekniċi bħal proċessi elettroniċi, elettromanjetiċi jew elettro-ottiċi, [...] jew mezzi oħra, [...] li jippermettu l-irkupru ta’ kull materjal indipendenti li jkun jinsab fil-kollezzjoni” ( 14 ). Għalhekk, materjal utli ta’ database huwa materjal li jista’ jiġi rkuprat u jkun aċċessibbli minn din id-database, li għandu valur informattiv awtonomu.

    19.

    Għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni ta’ database mid-dritt sui generis, din tapplika biss, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9, bil-kundizzjoni li l-kisba, l-verifika u l-preżentazzjoni tal-kontenut ta’ din id-database juru investiment sostanzjali mill-perspettiva kwalitattiva u kwantitattiva ( 15 ). Fil-fatt, l-iskop tad-dritt sui generis huwa li jipproteġi l-investiment tal-produttur tad-database fil-ħolqien tagħha ( 16 ). Peress li hija kwistjoni fattwali, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw jekk id-database li għaliha hija mitluba l-protezzjoni, tinvolvix tali investiment. Madankollu, din l-evalwazzjoni hija importanti mill-perspettiva tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 96/9 u tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jittrasponuha, għaliex l-eventwali ksur tad-dritt sui generis stabbilit minn din id-direttiva għandu jiġi analizzat mhux fid-dawl tad-database b’mod astratt iżda fid-dawl ta’ dan l-investiment ( 17 ).

    20.

    Barra minn hekk, għalkemm id-Direttiva 96/9 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “investiment sostanzjali”, il-Qorti tal-Ġustizzja tat ċerti elementi ta’ din id-definizzjoni. Fil-fatt, hija ddeċidiet li l-investiment fil-kisba tal-kontenut ta’ database jirrigwarda l-“mezzi użati fir-riċerka ta’ materjal eżistenti u għall-ġabra tiegħu fl-imsemmija database , bl-esklużjoni tar-riżorsi użati fil-ħolqien stess ta’ materjal” ( 18 ). L-investiment fil-verifika ta’ tali kontenut jikkonsisti fil-“mezzi użati matul il-ħolqien tad-database kif ukoll matul il-perijodu ta’ operazzjoni tagħha għall-kontroll ta’ l-eżattezza tal-materjal riċerkat sabiex ikun assigurat li l-informazzjoni inkluża fl-imsemmija database tkun informazzjoni li ta’ min joqgħod fuqha” ( 19 ), li jinkludi neċessarjament l-aġġornament tad-database u l-eliminazzjoni ta’ materjal li ma għadux rilevanti. Finalment, l-investiment fil-preżentazzjoni tal-kontenut tad-database jinkludi l-“mezzi intiżi sabiex jikkonferixxu lil din id-database l-funzjoni tagħha ta’ pproċessar ta’ l-informazzjoni, jiġifieri dawk użati għall-arranġament sistematiku jew metodiku tal-materjal li jinsab f’din id-database kif ukoll għall-organizzazzjoni ta’ l-aċċessibbiltà individwali tiegħu” ( 20 ). Din l-aħħar kategorija tinkludi għalhekk l-investiment f’dispożittiv ta’ tfittxija, jekk id-database jkollha dan.

    21.

    Għal dak li jirrigwarda d-database ta’ CV‑Online, jidher li l-materjali indipendenti li jifformaw il-kontenut tagħha huma l-offerti ta’ impjieg. Fil-fatt, kull offerta ta’ impjieg tikkostitwixxi unità ta’ informazzjoni li, minn naħa, għandha valur informattiv awtonomu, u li min-naħa l-oħra, hija separabbli mill-offerti ta’ impjieg l-oħra inklużi f’din id-database. Barra minn hekk, kull offerta ta’ impjieg fid-database ta’ CV‑Online hija individwalment aċċessibbli grazzi għall-formola ta’ tfittxija inkluża f’din id-database.

    22.

    Dawn il-materjali ma humiex maħluqa minn CV‑Online iżda jiġu pprovduti lilha mill-persuni li jimpjegaw. Din il-kumpannija tiżgura wkoll, sa ċertu punt, il-verifika ta’ dawn il-materjali, kif ukoll il-preżentazzjoni tagħhom, b’mod partikolari billi tipprovdi formola ta’ tfittxija fuq is-sit internet tagħha. Minkejja li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk CV‑Online tistax turi investiment sostanzjali fil-ħolqien tad-database tagħha, mal-ewwel daqqa t’għajn, xejn ma jippermetti l-kontestazzjoni tal-premessa li dan huwa effettivament il-każ.

    Fuq il-kontenut tad-domandi preliminari

    23.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-fatt li l-utent jiġi rreferit, permezz ta’ link ipertest, lejn sit internet fejn il-kontenut ta’ database li jirrigwarda offerti ta’ impjieg jista’ jiġi kkonsultat, jaqax taħt id-definizzjoni ta’ “użu mill-ġdid” li tinsab fl-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 96/9.

    24.

    Anki jekk jitqies li dan ma huwiex xi riferiment “lejn database”, iżda riferiment lejn materjali individwali ta’ din id-database, f’dan il-każ, l-offerti ta’ impjieg, jidhirli li l-problema reali li tqajjem din id-domanda ma tinstabx fil-links ipertest fihom innifishom ( 21 ), iżda fil-mod kif jintgħażlu l-offerti ta’ impjieg li għalihom jirreferu dawn il-links.

    25.

    Issa, din l-għażla sseħħ bil-għajnuna tal-mutur ta’ tfittxija speċjalizzat fl-offerti ta’ impjieg ipprovdut minn Melons. Dan il-mutur ta’ tfittxija jirriproduċi u jindiċja s-siti li jinkludu offerti ta’ impjieg, bħas-sit “CV.lv”, u jippermetti imbagħad li jsiru tfittxijiet fil-kontenuti indiċjati ( 22 ) skont kriterji bħan-natura tal-impjieg u l-post tax-xogħol, li huma l-iktar żewġ kriterji importanti fit-tfittxija ta’ impjieg. Għalhekk, dan huwa mutur ta’ tfittxija speċjalizzat fit-tfittxija ta’ databases aċċessibbli fuq l-internet, f’dan il-każ databases ta’ offerti ta’ impjieg. Muturi ta’ tfittxija bħal dawn huma ħafna drabi “aggregaturi ta’ kontenuti”. Hija l-klassifikazzjoni, mill-perspettiva tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, tar-riżultati li jistgħu jinkisbu mill-utenti grazzi għal dan il-mutur ta’ tfittxija li tikkostitwixxi l-punt ta’ liġi rilevanti sabiex tingħata risposta utli lill-ewwel domanda preliminari.

    26.

    Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-informazzjoni li toriġina mill-meta tags ta’ sit internet li jinkludi database murija mill-mutur ta’ tfittxija fuq l-internet ipprovdut minn terz għandhiex tiġi interpretata fis-sens li taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “estrazzjoni” li tinsab fl-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 96/9.

    27.

    Il-kwistjoni dwar jekk ir-riproduzzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ meta tags ta’ sit internet li jinkludi database jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “estrazzjoni” tal-kontenut ta’ din id-database fis-sens tal-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 96/9, hija ċertament interessanti fiha nnifisha ( 23 ). Madankollu, jidhirli li din it-tieni domanda, bħall-ewwel waħda, tqajjem problema iktar ġenerali, jiġifieri, għal darba oħra, dik dwar l-evalwazzjoni tal-funzjonament ta’ mutur ta’ tfittxija speċjalizzat mill-perspettiva tad-dritt sui generis stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

    28.

    Għal dawn ir-raġunijiet, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, nipproponi li ż-żewġ domandi preliminari jiġu analizzati flimkien, billi jinftiehmu fis-sens li jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk skont l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 96/9 il-produttur ta’ database liberament aċċessibbli fuq l-internet għandux id-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ din id-database minn mutur ta’ tfittxija fuq l-internet speċjalizzat fit-tfittxija tal-kontenuti ta’ databases (aggregatur ta’ kontenut).

    Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 96/9

    29.

    Il-fatt li l-problema titressaq bil-mod stabbilit fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet jippermetti li tidher is-similarità bejn din il-kawża u l-kawża li tat lok għas-sentenza Innoweb, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni, mill-perspettiva tad-dritt sui generis previst mid-Direttiva 96/9, ta’ metamutur ta’ tfittxija li jippermetti li jsiru tfittxijiet f’databases ta’ ħaddieħor. Għalhekk, il-kwistjoni hija dwar jekk – u sa fejn – is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża hijiex trasponibbli għal dan il-każ.

    Il-kawża Innoweb

    30.

    Il-kawża li tat lok għas-sentenza Innoweb kienet tirrigwarda mutur ta’ tfittxija speċjalizzat fir-reklami ta’ bejgħ ta’ vetturi użati. Dan il-mutur ta’ tfittxija, disponibbli fuq l-internet, kien jippermetti li jsiru tfittxijiet fuq siti internet ta’ reklami ta’ vetturi kklassifikati bħala databases protetti mid-dritt sui generis previst mid-Direttiva 96/9, permezz tal-użu ta’ formola ta’ tfittxija tal-imsemmija siti internet stess, u għalhekk huwa msejjaħ “metamutur ta’ tfittxija”. Dan il-metamutur ta’ tfittxija kien jittraduċi t-talbiet tal-utenti b’mod li dawn isiru jinftiehmu mill-formoli ta’ tfittxija tas-siti internet li jinkludu reklami ta’ vetturi, u b’hekk jippermetti lill-utenti jwettqu tfittxija fuq diversi siti simultanjament, bejn wieħed u ieħor abbażi tal-istess kriterji bħal dawk użati minn dawn is-siti, jiġifieri l-karatteristiċi rilevanti tal-vetturi użati. Ir-riżultati ta’ tfittxija tal-metamutur kienu jinkludu r-reklami disponibbli skont il-kriterji magħżula, b’mod partikolari, b’links ipertest lejn siti internet li fuqhom ikunu tqiegħdu dawn ir-reklami ( 24 ).

    31.

    Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-proċedura prinċipali f’din il-kawża, l-operatur ta’ metamutur ta’ tfittxija kien wettaq użu mill-ġdid, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9, tat-totalità jew ta’ parti sostanzjali tal-kontenut ta’ database mwettaq permezz tas-sit internet li fih dan il-metamutur kien jippermetti li jsiru tfittxijiet ( 25 ).

    32.

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, b’mod partikolari, li metamutur ta’ tfittxija, billi jippermetti li tiġi esplorata d-data kollha li tidher f’database protetta, kien jipprovdi lill-utenti tiegħu, li għandhom jiġu kklassifikati bħala pubbliku, aċċess għal kontenut kollu ta’ din id-database b’mezz ieħor differenti minn dak previst mill-produttur tagħha ( 26 ). Għalhekk dan il-metamutur ta’ tfittxija jixbah lil prodott kompetitur parassitiku previst mill-premessa 42 tad-Direttiva 96/9, għaliex huwa simili għal database mingħajr, madankollu, ma jkollu data huwa stess ( 27 ). Għalhekk, l-operatur ta’ metamutur ta’ tfittxija wettaq intenzjonalment l-użu mill-ġdid ta’ parti sostanzjali, jew saħansitra tat-totalità, tal-kontenut tad-database li fiha dan il-metamutur wettaq tfittxijiet ( 28 ). Barra minn hekk, ma kienx importanti li, sabiex jaċċedu għall-informazzjoni kollha dwar offerta ta’ bejgħ ta’ karozza użata, kien neċessarju li jsegwu l-link lejn d-database ta’ oriġini ta’ dan ir-reklam ( 29 ).

    Applikazzjoni għal din il-kawża

    33.

    Mutur ta’ tfittxija speċjalizzat bħal dak ipprovdut minn Melons għandu funzjonament differenti minn dak ta’ metamutur ta’ tfittxija. Fil-fatt, huwa ma jużax il-formoli ta’ tfittxija tas-siti internet li fuqhom jippermetti li ssir it-tfittxija u lanqas jittraduċi f’ħin reali t-talbiet tal-utenti tiegħu fi kriterji użati minn dawn il-formoli. Minflok, huwa jindiċja regolarment dawn is-siti u jżomm kopja fuq is-servers tiegħu stess. Imbagħad, grazzi għall-formola ta’ tfittxija tiegħu, huwa jippermetti lill-utenti jwettqu tfittxijiet skont il-kriterji li huwa jipproponi, u din it-tfittxija ssir fost id-data li tkun ġiet indiċjata. Għalhekk, il-mutur ta’ tfittxija ta’ Melons jaħdem b’mod simili għall-muturi ta’ tfittxija fuq l-internet ġenerali, bħal Google. Id-differenza hija li għalkemm il-muturi ta’ tfittxija ġenerali jfittxu bħala prinċipju fil-World Wide Web kollu, billi jgħaddu minn paġna tal-internet għall-oħra permezz ta’ links ipertest li jinsabu f’dawn il-paġni, mutur ta’ tfittxija speċjalizzat huwa pprogrammat sabiex jindiċja biss is-siti tal-internet tal-qasam ta’ speċjalizzazzjoni tiegħu, f’dan il-każ is-siti li jinkludu offerti ta’ impjieg. Barra minn hekk, il-metodu ta’ indiċjar u l-formola ta’ tfittxija tiegħu huma ottimizzati sabiex jippermettu tfittxijiet u l-għażla tar-riżultati skont il-kriterji rilevanti mill-perspettiva tal-persuni li qed ifittxu impjieg, b’mod partikolari t-tip tal-pożizzjoni u l-post tax-xogħol. Għalhekk, mutur ta’ tfittxija bħal dan juża b’mod intenzjonat is-siti internet partikolari, bħal dak ta’ CV‑Online.

    34.

    Issa, fis-sentenza Innoweb, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat il-karatteristiċi ta’ metamutur ta’ tfittxija li l-funzjonament tiegħu huwa kklassifikat bħala użu mill-ġdid tal-kontenut ta’ databases li fihom dan il-mutur jippermetti li ssir tfittxija. Dawn il-karatteristiċi huma l-provvista ta’ formola ta’ tfittxija li toffri, essenzjalment, l-istess karatteristiċi bħall-formoli ta’ tfittxija tad-databases użati mill-ġdid, it-traduzzjoni f’ħin reali tat-talbiet u l-preżentazzjoni tar-riżultati f’ordni bbażat fuq kriterji komparabbli għal dawk użati minn dawn id-databases, bil-ġbir tad-duplikati misjuba f’diversi databases ( 30 ).

    35.

    Madankollu, naħseb li din is-sentenza tista’ tiġi interpretata bil-kontra, fis-sens li kull servizz ieħor ipprovdut fuq l-internet ma jagħmilx użu mill-ġdid ta’ database sempliċement għaliex ma għandux l-istess karatteristiċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tagħti risposta preċiża lill-qorti tar-rinviju. Il-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex madankollu bbażata fuq id-dettalji tal-funzjonament tal-metamutur ta’ tfittxija inkwistjoni f’dak il-każ, iżda fuq il-fatt li dan kien jippermetti li jiġi esplorat, b’mod mhux previst mill-produttur tad-database inkwistjoni, il-kontenut kollu ta’ din id-database, u għalhekk qiegħed dan il-kontenut għad-dispożizzjoni tal-utenti tiegħu.

    36.

    Issa, kif jirriżulta mill-informazzjoni fit-talba għal deċiżjoni preliminari u fl-osservazzjonijiet tal-partijiet, l-istess kapaċità ta’ esplorazzjoni tal-kontenut kollu ta’ database (jew, b’mod iktar preċiż, ta’ diversi databases f’daqqa) hija offruta minn mutur ta’ tfittxija speċjalizzat, bħal dak ta’ Melons. Dan il-mutur ta’ tfittxija jippermetti li jsiru tfittxijiet fuq diversi siti tal-internet ta’ offerti ta’ impjieg, skont il-kriterji rilevanti u mingħajr l-użu tal-formoli ta’ tfittxija ta’ dawn is-siti. Ir-riżultat ta’ din it-tfittxija tagħti lill-utent l-aċċess għal offerti ta’ impjieg magħżula skont l-imsemmija kriterji. Sa fejn l-imsemmija siti internet jistgħu jiġu kklassifikati bħala databases protetti mid-dritt sui generis previst mid-Direttiva 96/9, il-mutur ta’ tfittxija inkwistjoni jippermetti li jiġi esplorat il-kontenut kollu ta’ dawn id-databases, billi jwettaq użu mill-ġdid ta’ dan il-kontenut, fis-sens mogħti lit-terminu użu mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Innoweb. Barra minn hekk, peress li jindiċja u jikkopja mill-ġdid fuq is-server tiegħu stess il-kontenut tas-siti internet, il-mutur ta’ tfittxija ta’ Melons iwettaq estrazzjoni tal-kontenut tad-databases li jikkostitwixxu dawn is-siti. Il-provvista ta’ links ipertest lejn avviżi li jinsabu fis-sit internet ta’ CV‑Online u r-riproduzzjoni tal-informazzjoni kontenuta fil-meta tags ta’ dan is-sit, imsemmija fid-domandi preliminari, huma biss manifestazzjonijiet esterni, ta’ importanza sekondarja, ta’ din l-estrazzjoni u ta’ dan l-użu mill-ġdid. Għalhekk, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex differenti b’mod sostanzjali minn dik tal-kawża li tat lok għas-sentenza Innoweb.

    37.

    Għalhekk għandu jiġi konkluż li mutur ta’ tfittxija li jikkopja u jindiċja t-totalità jew parti sostanzjali ta’ databases liberament aċċessibbli fuq l-internet u li jista’ jippermetti lill-utenti tiegħu jwettqu tfittxijiet f’dawn id-databases skont kriterji rilevanti mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, iwettaq estrazzjoni u użu mill-ġdid ta’ dan il-kontenut fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 96/9. Madankollu, ma naħsibx li l-analiżi għandha tieqaf hemm. Fil-fatt, id-dritt li jiġu pprojbiti tali estrazzjoni u użu mill-ġdid għandu, fil-fehma tiegħi, jissodisfa rekwiżiti ulterjuri.

    Is-suġġett u l-għan tal-protezzjoni mid-dritt sui generis

    38.

    Bilfors għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza Innoweb, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu mill-ġdid” protettiva ħafna tal-interessi tal-produttur tad-databases ( 31 ). Fil-fatt, metamutur ta’ tfittxija seta’ kien analizzat bħala sempliċi awtomatizzazzjoni tat-tfittxija f’diversi databases. Issa, din il-funzjonalità ta’ tfittxija hija fi kwalunkwe każ prevista mill-produtturi tad-databases ( 32 ). Il-kontenut ta’ database huwa diġà mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, sa fejn din tirrigwarda database disponibbli b’aċċess liberu fuq l-internet, mill-produttur tagħha stess.

    39.

    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tagħti lill-produtturi tad-databases il-protezzjoni kontra l-metamuturi ta’ tfittxija f’sitwazzjonijiet bħal dik fil-kawża li tat lok għas-sentenza Innoweb, dan kien bil-għan li tipprevjeni l-ħolqien ta’ prodotti parassitiċi kompetituri. Fil-fatt, tali attività kienet tfisser li tneħħi d-dħul tal-imsemmija produtturi u ċċaħħadhom għalhekk mid-dħul li kellu jagħmel tajjeb għall-investimenti tagħhom fil-ħolqien u fil-funzjonament tad-databases ( 33 ). Fil-fatt, kif diġà indikajt ( 34 ), il-protezzjoni ta’ dawn l-investimenti tikkostitwixxi r-ratio legis aħħari tad-Direttiva 96/9 ( 35 ). Fil-fehma tiegħi, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-direttiva mingħajr, fl-istess ħin, ma jiġu ppreġudikati interessi leġittimi oħrajn, huwa neċessarju li t-tħassib li ggwida lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija kawża jiġi inkorporat fl-interpretazzjoni tad-dritt sui generis previst fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.

    40.

    Fil-fatt, għalkemm id-dritt sui generis previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 għandu l-għan li jipproteġi l-produtturi ta’ databases mill-ħolqien ta’ prodotti parassitiċi kompetituri ( 36 ), huwa ma għandux iwassal, fl-istess ħin, sabiex jipprekludi l-ħolqien ta’ prodotti innovattivi li għandhom valur miżjud ( 37 ). Issa, jista’ jirriżulta diffiċli li ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti. Dak li jidher parassitiku għall-produttur ta’ database jirrappreżenta valur miżjud kbir għall-utenti.

    41.

    L-aggregaturi differenti ta’ kontenut fuq l-internet huma eżempju eċċellenti ta’ dan. Dawn mhux biss jippermettu strutturar aħjar u tfittxija iktar effettiv tal-informazzjoni fuq l-internet, iżda jikkontribwixxu wkoll għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni u għat-trasparenza tal-offerti u tal-prezzijiet. Għalhekk, dawn jippermettu tnaqqis tal-ispejjeż għall-konsumaturi u allokazzjoni iktar effettiva tar-riżorsi. F’ċerti setturi, l-aggregaturi ta’ kontenut kienu l-oriġini ta’ rivoluzzjoni reali fis-suq, pereżempju f’dak tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri. Għalhekk, dawn l-aggregaturi kellhom rwol mhux negliġibbli fil-funzjonament tal-internet, u b’mod iktar ġenerali, f’dak tal-ekonomija diġitali.

    42.

    Fl-istess ħin, huwa inkontestabbli li dawn l-aggregaturi, billi jgħaqqdu s-servizzi tagħhom ma’ dawk tad-disinjaturi tal-kontenut fuq l-internet, jagħmlu profitt mill-isforz ekonomiku ta’ dawn id-disinjaturi. B’hekk, huma jidħlu, f’livelli varjabbli, fuq il-modelli ekonomiċi tal-operaturi li l-kontenut tagħhom huwa suġġett għall-aggregazzjoni, bħall-produtturi ta’ databases aċċessibbli fuq l-internet. Għalhekk, il-kwistjoni hija li jiġi stabbilit bilanċ ġust bejn l-interessi ta’ dawn il-produtturi u dawk tal-aggregaturi tal-kontenut u tal-utenti tagħhom.

    43.

    Fil-każ tad-databases protetti mid-dritt sui generis skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, jidhirli li r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jibbaża dan il-bilanċ fuq il-kunċett tal-investiment tal-produttur tad-database. Għalhekk, il-kriterju tal-preġudizzju għall-investiment, fis-sens tar-riskju miġjub għall-possibbiltà li jagħmel tajjeb għal dan l-investiment, bħala rekwiżit għall-għoti tal-protezzjoni mid-dritt sui generis, jidhirli li jippermetti li jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan id-dritt ( 38 ) mingħajr ma tiġi limitata b’mod sproporzjonat l-innovazzjoni tas-suq tal-informazzjoni.

    44.

    Fil-fehma tiegħi, it-test tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 jippermetti l-użu ta’ tali kriterju. Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, il-produttur ta’ database jgawdi d-dritt li jipprojbixxi l-estrazzjoni jew l-użu mill-ġdid tat-totalità jew ta’ parti sostanzjali tal-kontenut tagħha, meta l-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut juru li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv.

    45.

    Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-ewwel għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tillimita l-protezzjoni mid-dritt sui generis biss għad-databases, li l-ħolqien jew il-funzjonament tagħhom jeħtieġu investimenti sostanzjali. Dan l-għan huwa fuq l-istess linja ta’ dak tad-Direttiva 96/9, li huwa li tipproteġi u tistimula tali investimenti. Din il-limitazzjoni għandha madankollu funzjoni ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-investiment inkwistjoni għandu jirrigwarda, b’mod partikolari, il-ġbir ta’ informazzjoni li jifforma l-kontenut tad-database, bl-esklużjoni ta’ investimenti fil-ħolqien ta’ din l-informazzjoni ( 39 ). Dan jippermetti li jipprekludi l-monopolizzazzjoni tal-informazzjoni mill-entità li ħolqot din l-informazzjoni ( 40 ).

    46.

    Fl-istess spirtu, il-protezzjoni mogħtija mid-dritt sui generis għandha tingħata biss meta l-estrazzjoni jew l-użu mill-ġdid inkwistjoni jikkostitwixxu preġudizzju għall-investiment fil-ħolqien jew fil-funzjonament tad-database li l-protezzjoni tagħha hija mfittxija, fis-sens li jikkostitwixxu riskju għall-possibbiltajiet li jagħmlu tajjeb għal dan l-investiment, b’mod partikolari, billi jheddu d-dħul mill-operat tad-database inkwistjoni. Fil-fatt, l-iskop imfittex mil-limitazzjoni tal-protezzjoni għal databases li taw lok għal investimenti sostanzjali biss, jintlaħaq biss parzjalment jekk din il-protezzjoni tkun tista’ tiġi invokata kontra aġir li ma jippreġudikax l-investiment inkwistjoni.

    47.

    Il-qrati nazzjonali għandhom għalhekk jivverifikaw mhux biss jekk seħħitx estrazzjoni jew użu mill-ġdid tat-totalità jew ta’ parti sostanzjali tal-kontenut ta’ database u jekk il-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni ta’ dan il-kontenut jurux investiment sostanzjali, iżda wkoll jekk l-estrazzjoni jew l-użu mill-ġdid inkwistjoni jikkostitwixxix riskju għall-possibbiltajiet li jagħmlu tajjeb għal dan l-investiment. Huwa biss jekk dan ikun il-każ li l-produtturi tad-databases għandu jkollhom id-dritt li jipprojbixxu l-estrazzjoni jew l-użu mill-ġdid tal-kontenut tad-databases tagħhom.

    48.

    CV‑Online tiddikjara li d-dħul tagħha huwa mill-ħlasijiet magħmula mill-persuni li jimpjegaw għall-avviżi mqiegħda fuq is-sit internet tagħha. Għalhekk, dan huwa mod ta’ finanzjament differenti minn dak tad-database inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Innoweb, li kien ibbażat fuq ir-reklamar. Skont CV‑Online, il-prezz li hija tkun tista’ titlob mingħand dawn il-persuni li jimpjegaw jiddependi min-numru ta’ persuni li jżuru s-sit tagħha. Issa, dan in-numru jonqos minħabba l-eżistenza ta’ servizzi bħall-mutur ta’ tfittxija ta’ Melons.

    49.

    Madankollu, l-ewwel, din id-dikjarazzjoni tidher purament ipotetika u teħtieġ li tkun ibbażata fuq provi solidi sabiex tkun tista’ tkun il-bażi ta’ preġudizzju għall-investiment fid-database ta’ CV‑Online minħabba l-eżistenza ta’ muturi ta’ tfittxija speċjalizzati bħal dawk ta’ Melons. It-tieni, tali mutur ta’ tfittxija ma jissostitwixxix il-formola ta’ tfittxija tas-sit internet ta’ CV‑Online. Mill-banda l-oħra, dan is-sit internet jibqa’ l-intermedjarju neċessarju bejn dawk li jfittxu impjieg u l-persuni li jimpjegaw, għaliex dan is-sit biss jinkludi l-informazzjoni kompluta dwar l-offerti ta’ impjieg kif ukoll dispożittiv li jippermetti lill-utenti jissottomettu l-kandidatura tagħhom direttament minn dan is-sit ( 41 ). Għalhekk, mill-perspettiva tal-persuni li jimpjegaw, l-effettività ta’ CV‑Online bħala post ta’ tfittxija ta’ impjegati ma tidhirx li hija affettwata. It-tielet, u finalment, id-dritt sui generis huwa intiż sabiex jipproteġi, mhux kontra l-eżistenza ta’ kull kompetizzjoni, iżda kontra l-parassitiżmu kummerċjali. Għalhekk, CV‑Online ma tistax tipprevalixxi minn dan id-dritt sabiex topponi għall-eżistenza ta’ kull mutur ta’ tfittxija ieħor fil-qasam tal-offerti ta’ impjieg. Madankollu, dawn huma kollha evalwazzjonijiet fattwali li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju.

    50.

    Barra minn hekk, din il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll aspett addizzjonali, jiġifieri l-protezzjoni tal-kompetizzjoni.

    L-aspetti marbuta mal-protezzjoni tal-kompetizzjoni

    51.

    Infakkar li, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 96/9, din id-direttiva ma taffettwax id-dispożizzjonijiet dwar, b’mod partikolari, id-dritt tal-kompetizzjoni żleali. Din ir-regola, li barra minn hekk tinkludi lista twila ta’ oqsma tad-dritt li ma humiex affettwati mill-imsemmija direttiva, tista’ tidher li tikkostitwixxi biss riżerva ritwali, preżenti f’numru kbir ta’ testi leġiżlattivi tal-Unjoni. Madankollu, fil-każ tad-Direttiva 96/9, u b’mod partikolari tad-dritt sui generis li hija tistabbilixxi, din l-invokazzjoni tal-kompetizzjoni żleali għandha importanza kunsiderevoli.

    52.

    Fil-fatt, ladarba d-dritt sui generis għandu l-forma ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, l-oriġini tiegħu tinsab fid-dritt tal-kompetizzjoni żleali ( 42 ). L-għan tiegħu huwa li jipproteġi lill-produtturi ta’ databases kontra l-prattika karatteristika tal-kompetizzjoni żleali li hija l-parassitiżmu. Madankollu, jidhirli li din il-protezzjoni ma tistax twassal għal aġir antikompetittiv ieħor, jiġifieri l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Issa, il-protezzjoni tal-produtturi ta’ databases mid-dritt sui generis jirriskja li jwassal għal tali prattiki. L-awturi tad-Direttiva 96/9 kienu barra minn hekk konxji ta’ dan ir-riskju. L-għan li dan jiġi evitat huwa għalhekk imsemmi espressament bħala r-raġunament tar-regola ta’ nuqqas ta’ effett stabbilita mid-Direttiva 96/9 tad-dritt ta’ kompetizzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni li tinsab fl-Artikolu 13 tagħha ( 43 ).

    53.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha diversi okkażjonijiet tiddeċiedi li l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv li jipproteġi database jista’ jagħti lok għal aġir abbużiv, peress li dan ir-rifjut kien jirrigwarda informazzjoni indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività inkwistjoni, kien jostakola l-ħruġ ta’ prodott ġdid li għalih teżisti domanda potenzjali, ma kienx iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi u kien ta’ natura li jeskludi kull kompetizzjoni f’suq idderivat ( 44 ).

    54.

    Huwa minnu li din il-ġurisprudenza kienet tirrigwarda r-rifjut ta’ liċenzja, filwaqt li din il-kawża tirrigwarda użu mill-ġdid tal-kontenut ta’ database mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-produttur ta’ din id-database. Madankollu, il-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiddeċiedi kienu jirrigwardaw databases protetti mid-drittijiet tal-awtur, li jagħti lid-detentur tiegħu l-possibbiltà esklużiva li jawtorizza jew jipprojbixxi kull forma ta’ użu tas-suġġett protett. Fil-każ ta’ tali dritt, kull indħil fl-isfera rriżervata esklużivament lid-detentur tad-dritt jikkostitwixxi ksur tal-imsemmi dritt. Mill-banda l-oħra, id-dritt sui generis previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 ma jagħtix dritt esklużiv estiż daqs id-drittijiet tal-awtur. Dan l-artikolu jistabbilixxi biss il-possibbiltà li l-produttur ta’ database jipprojbixxi l-estrazzjoni jew l-użu mill-ġdid tal-kontenut ta’ din id-database. Għalhekk, huwa l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà li għandha tiġi evalwata mill-perspettiva tal-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.

    55.

    Is-sit internet “CV.lv” huwa ppreżentat bħala l-iktar sit importanti tal-avviżi ta’ impjieg fil-Latvja. Għalhekk, huwa konċepibbli li l-użu tal-informazzjoni li huwa jinkludi huwa indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività ta’ aggregazzjoni ta’ offerti ta’ impjieg fuq l-internet f’dan l-Istat Membru ( 45 ). Għalhekk, ir-rifjut ta’ aċċess għal din l-informazzjoni jostakola l-provvista ta’ tali servizzi f’dan is-suq. Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-funzjonament ta’ muturi ta’ tfittxija bħal dak ta’ Melons ma jippreġudikax b’mod serju l-investiment ta’ CV‑Online fid-database tagħha ( 46 ), dan iwassal sabiex tisparixxi, fil-fehma tiegħi, l-unika ġustifikazzjoni oġġettiva tar-rifjut.

    56.

    Finalment, ir-rifjut inkwistjoni huwa evidentement tali li jeskludi l-kompetizzjoni tas-suq inkwistjoni. Fil-fatt, fl-ewwel lok, CV‑Online teżerċita d-dritt tagħha li tipprojbixxi l-estrazzjoni u l-użu mill-ġdid tal-kontenut tad-database tagħha b’mod selettiv. Din il-kumpannija stess tiddikjara li ma tipprekludix l-indiċjar u r-riproduzzjoni tas-sit internet tagħha mill-muturi ta’ tfittxija ġenerali, bħal Google. Għall-kuntrarju, hija tiffaċilita dan l-indiċjar billi tqiegħed fis-sit tagħha meta tags sabiex tirrendi dan l-indiċjar iktar preċiż u tiġbed l-utenti li jfittxu offerti ta’ impjieg bl-intervent ta’ dawn il-muturi ta’ tfittxija ġenerali. Mill-banda l-oħra, CV‑Online tipprekludi l-istess aġir ta’ muturi ta’ tfittxija speċjalizzati bħal dak ta’ Melons, għaliex dawn jistgħu jidħlu f’kompetizzjoni mal-attività tagħha.

    57.

    Fit-tieni lok, CV‑Online hija attiva mhux biss fis-suq prinċipali ta’ offerti ta’ impjieg fuq l-internet, iżda wkoll fis-suq idderivat tal-aggregaturi ta’ tali offerti permezz tas-sit internet l-ieħor tagħha “Visidarbi.lv”, aggregatur ta’ avviżi ta’ impjieg minn sorsi differenti, fosthom is-sit “Cv.lv” ( 47 ). Għalhekk, huwa possibbli li l-eżerċizzju minn CV‑Online tad-dritt tagħha li tipprojbixxi l-estrazzjoni u l-użu mill-ġdid tal-kontenut tas-sit internet tagħha “Cv.lv” fir-realtà ma kellux l-għan li jiġi protett l-investiment fid-database tagħha, iżda t-tneħħija ta’ Melons mis-suq idderivat tal-aggregaturi ta’ offerti ta’ impjieg.

    58.

    Naturalment, il-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja japplikaw fil-kuntest tal-Artikolu 102 TFUE. Jekk l-aġir ta’ CV‑Online ma jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri, allura dan l-artikolu ma huwiex applikabbli. Madankollu, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 96/9 jirreferi għad-dritt tal-kompetizzjoni kemm tal-Unjoni kif ukoll nazzjonali. Għalhekk, huwa fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni Latvjan li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk l-aġir ta’ CV‑Online jikkostitwixxix abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Fl-affermattiv, din il-qorti għandha, fil-fehma tiegħi, tislet il-konsegwenzi li jirriżultaw, fid-dritt tal-kompetizzjoni, minn tali abbuż. Dawn il-konsegwenzi jistgħu jwasslu, jekk il-qorti tar-rinviju jidhrilha xieraq, għar-rifjut li CV‑Online tibbenefika mill-protezzjoni mid-dritt sui generis previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9.

    Il-limitazzjoni tad-dritt tal-produttur ta’ database

    59.

    Kif semmejt ( 48 ), il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ preġudizzju għall-investiment tal-produttur ta’ database għandha, fil-fehma tiegħi, tkun parti mid-delimitazzjoni tad-dritt ta’ dan il-produttur li jipprojbixxi l-estrazzjoni u l-użu mill-ġdid tat-totalità jew ta’ parti sostanzjali tal-kontenut ta’ din id-database. L-istess japplika għar-riskju ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, għaliex tali abbuż ikun mingħajr ebda dubju kuntrarju għall-għan tad-dritt sui generis stabbilit mid-Direttiva 96/9. Għalhekk, nipproponi li l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jiġi interpretat fis-sens li l-produttur ta’ database ma għandux id-dritt li jipprojbixxi l-estrazzjoni jew l-użu mill-ġdid tat-totalità jew ta’ parti sostanzjali tal-kontenut ta’ din id-database ħlief meta dawn l-atti jippreġudikaw l-investiment tiegħu fil-kisba, fil-verifika jew fil-preżentazzjoni ta’ dan il-kontenut, jiġifieri jikkostitwixxi riskju għall-possibbiltajiet li jagħmel tajjeb għal dan l-investiment permezz tal-użu normali tad-database inkwistjoni. Barra minn hekk, tali projbizzjoni ma tistax tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti tal-produttur tad-database fis-suq ikkonċernat jew fis-suq idderivat. Naturalment, huma l-qrati kompetenti li għandhom jivverifikaw jekk dawn ir-rekwiżiti humiex issodisfatti.

    Konklużjoni

    60.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula mir-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesas kolēģija (il-Qorti Reġjonali ta’ Riga, Kulleġġ Ċivili, il-Latvja):

    L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    mutur ta’ tfittxija li jikkopja u jindiċja t-totalità jew parti sostanzjali tal-kontenut ta’ databases liberament aċċessibbli fuq l-internet u li mbagħad jippermetti lill-utenti tiegħu jwettqu tfittxijiet f’dawn id-databases skont kriterji rilevanti mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom iwettaq estrazzjoni u użu mill-ġdid ta’ dan il-kontenut fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni,

    il-produttur ta’ database ma għandux id-dritt jipprojbixxi l-estrazzjoni jew l-użu mill-ġdid tat-totalità jew ta’ parti sostanzjali tal-kontenut ta’ din id-database ħlief meta dawn l-atti jippreġudikaw l-investiment tiegħu fil-kisba, fil-verifika jew fil-preżentazzjoni ta’ dan il-kontenut, jiġifieri jikkostitwixxu riskju għall-possibbiltajiet li jagħmel tajjeb għal dan l-investiment permezz tal-użu normali tad-database inkwistjoni, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ projbizzjoni tal-estrazzjoni jew tal-użu mill-ġdid tat-totalità jew ta’ parti sostanzjali tal-kontenut ta’ database ma jwassalx għal abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE jew tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, mill-produttur ta’ din id-database fis-suq ikkonċernat jew f’suq idderivat.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Ara b’mod partikolari, Derclaye, E., The Legal Protection of Databases : A Comparative Analysis, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2008, p. 44 sa 47.

    ( 3 ) Ara Derclaye, E., op. cit., p. 53 u 54.

    ( 4 ) Ara Derclaye, E., op. cit., p. 53.

    ( 5 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 6 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Innoweb (C‑202/12, EU:C:2013:850, iktar ’il quddiem is-“sentenza Innoweb”).

    ( 7 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459.

    ( 8 ) Latvijas Vēstnesis, 2000, Nru 148/150.

    ( 9 ) Latvijas Vēstnesis, 2004, Nru 69.

    ( 10 ) Bing, Google, Yahoo u Yandex.

    ( 11 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 12 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing (C‑444/02, EU:C:2004:697, punt 29).

    ( 13 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing (C‑444/02, EU:C:2004:697, punt 33).

    ( 14 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing (C‑444/02, EU:C:2004:697, punt 30).

    ( 15 ) Il-fatt li l-protezzjoni ta’ database hija suġġetta għall-eżistenza ta’ investiment sostanzjali jiddistingwi d-dritt sui generis stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 minn ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur li l-għan prinċipali tagħhom huwa wkoll l-ippremjar ta’ investiment, iżda li ma jinvolvux kundizzjoni simili (bħad-dritt tal-produtturi ta’ fonogrammi inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Pelham et (C‑476/17, EU:C:2019:624).

    ( 16 ) Ara l-premessi 39 sa 42 tad-Direttiva 96/9.

    ( 17 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et (C‑203/02, EU:C:2004:695, punt 69).

    ( 18 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing (C‑338/02, EU:C:2004:696, punt 24).

    ( 19 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing (C‑338/02, EU:C:2004:696, punt 27).

    ( 20 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing (C‑338/02, EU:C:2004:696, punt 27).

    ( 21 ) Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-links ipertest, fosthom id-“deep links”, ma jikkostitwixxux ksur tad-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku taħt is-sistema tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230) (sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76), jiena ma narax raġuni għaliex dawn il-links jikkostitwixxu ksur tad-dritt ta’ użu mill-ġdid tal-kontenut ta’ database aċċessibbli fuq l-internet, peress li dan l-użu mill-ġdid huwa ddefinit bħala “kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku” dan il-kontenut.

    ( 22 ) Skont id-deskrizzjoni tal-funzjonament ta’ dan il-mutur ta’ tfittxija mogħtija waqt is-seduta minn CV‑Online u mhux ikkontestata minn Melons.

    ( 23 ) F’dan ir-rigward, jistgħu jinstabu ċerti indikazzjonijiet fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, hija ddeċidiet li l-kunċetti ta’ “estrazzjoni” u ta’ “użu mill-ġdid”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, ma jistgħux ikunu limitati għall-każijiet ta’ estrazzjoni u ta’ użu mill-ġdid imwettqa direttament mid-database oriġinali u lanqas jeżiġu aċċess dirett għal din id-database (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et, C‑203/02, EU:C:2004:695, punti 5253). Jidhirli li dan iwieġeb għall-argument prinċipali ta’ Melons, li l-meta tags li fih is-sit internet ta’ CV‑Online ma jikkostitwixxux parti mid-database tagħha. Madankollu, għad irid jiġi ddeterminat jekk l-informazzjoni inkluża f’dawn it-tags tikkostitwixxix parti sostanzjali tal-kontenut ta’ din id-database.

    ( 24 ) Ara s-sentenza Innoweb, punti 9 sa 11, kif ukoll 25 u 26.

    ( 25 ) Sentenza Innoweb, dispożittiv.

    ( 26 ) Sentenza Innoweb, punti 40 u 51.

    ( 27 ) Sentenza Innoweb, punt 48.

    ( 28 ) Sentenza Innoweb, punti 52 u 53.

    ( 29 ) Sentenza Innoweb, punti 44 u 45.

    ( 30 ) Sentenza Innoweb, dispożittiv.

    ( 31 ) Saħansitra protettiva żżejjed skont ċerti awturi. Ara b’mod partikolari, Husovec, M., “The End of (Meta) Search Engines in Europe?”, Chicago-Kent Journal of Intellectual Property, 2014, Nru 1, p. 145 sa 172.

    ( 32 ) U tbiddel amalgama ta’ informazzjoni f’database billi tirrendi l-materjali tagħha individwalment aċċessibbli, kif jeħtieġ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9 (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing, C‑444/02, EU:C:2004:697, punt 31).

    ( 33 ) Sentenza Innoweb, punti 41 sa 43, kif ukoll punt 48.

    ( 34 ) Ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 35 ) Ara l-premessi 7 sa 12, kif ukoll 40 u 41 ta’ din id-direttiva.

    ( 36 ) Ara l-premessa 42 ta’ din id-direttiva.

    ( 37 ) Ara l-premessa 47 ta’ din id-direttiva.

    ( 38 ) Għandha ssir distinzjoni bejn is-suġġett tal-protezzjoni mid-dritt sui generis, jiġifieri l-kontenut tad-database, u l-għan ta’ din il-protezzjoni, jiġifieri l-investiment.

    ( 39 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et (C‑203/02, EU:C:2004:695, l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tad-dispożittiv).

    ( 40 ) Ara b’mod partikolari, Derclaye, E., op.cit., p. 94.

    ( 41 ) Dan l-aħħar dispożittiv ma jagħmilx parti mid-database, iżda jikkostitwixxi servizz addizzjonali. Madankollu, huwa involut fl-operat normali tad-database tiegħu minn CV‑Online. Dan l-operat ma huwiex affettwat, dwar dan il-punt, mill-eżistenza tal-mutur ta’ tfittxija ta’ Melons.

    ( 42 ) Ara l-proposta tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali ta’ databases, COM(92) 24 final, punti 5.3.6 sa 5.3.10, p. 35.

    ( 43 ) Skont il-premessa 47 tad-Direttiva 96/9, “m’għandhiex tingħata protezzjoni mid-dritt sui generis b’mod li jitħaffu l-abbużi minn pożizzjoni dominanti [...] għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Komunità jew nazzjonali”.

    ( 44 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2004, IMS Health (C‑418/01, EU:C:2004:257, punti 3537 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 45 ) Fil-fatt, tali attività ma tantx hija utli għall-utenti jekk l-attur prinċipali tas-suq ma jkunx preżenti fir-riżultati aggregati.

    ( 46 ) Ara l-punti 48 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 47 ) Għalkemm ir-rappreżentant ta’ CV‑Online, mistoqsi dwar dan is-sit waqt is-seduta, indika li ma għandux mandat sabiex jitkellem dwar dan is-suġġett, l-informazzjoni li tinsab fis-sit “Visidarbi.lv” tindika b’mod ċar li dan huwa aggregatur ta’ avviżi ta’ impjieg fuq l-internet li jappartjeni lil CV-Online. Il-funzjonament ta’ dan l-aggregatur huwa ppreżentat fid-dettall mill-kostruttur tiegħu fl-indirizz li ġej: https://arkbauer.com/portfolio/building-a-brand-new-visidarbi-lv-job-portal-and-aggregator/.

    ( 48 ) Ara l-punti 39 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    Top