EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0739

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fit-3 ta’ Diċembru 2020.
VK vs An Bord Pleanála.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-avukati – Direttiva 77/249/KEE – Artikolu 5 – Obbligu għal avukat li jipprovdi servizzi u li jirrappreżenta klijent fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali li jaġixxi flimkien ma’ avukat li jipprattika quddiem il-qorti adita – Limiti.
Kawża C-739/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:988

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fit-3 ta’ Diċembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑739/19

VK

vs

An Bord Pleanála,

fil-preżenza ta’

The General Council of the Bar of Ireland,

The Law Society of Ireland and the Attorney General

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi minn avukati – Direttiva 77/249/KEE – Artikolu 5 – Obbligu għal avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor li jirrappreżenta klijent fi proċeduri legali quddiem il-qrati nazzjonali biex jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali – Possibbiltà għal parti f’kawża rrappreżentata minn avukat barrani fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari li tkun irrappreżentata mill-istess avukat fil-kumplament tal-proċedura nazzjonali”

I. Introduzzjoni

1.

Fil-kawża preżenti li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249/KEE tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati ( 2 ). Din it-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, VK, u An Bord Pleanála (il-Bord tal-Appelli għall-Ippjanar), rigward l-obbligu impost fuq l-avukat barrani ta’ dan ir-rikorrent sabiex jaġixxi flimkien ma’ avukat irreġistrat mal-Kamra tal-Avukati Irlandiża sabiex jirrappreżenta lill-imsemmi rikorrent quddiem il-qorti tar-rinviju.

2.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249 ma jispeċifikax eżattament dak li jinvolvi l-obbligu ta’ avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor u fornitur ta’ servizzi li jaħdem flimkien ma’ avukat ieħor taħt din id-dispożizzjoni, u b’hekk iħalli marġni ta’ manuvrar għall-Istati Membri fl-eżerċizzju ta’ din it-traspożizzjoni. Il-kawża preżenti tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità sabiex tispeċifika l-firxa ta’ dan il-marġni ta’ manuvrar, u b’mod iktar speċifiku sabiex tiddetermina ċ-ċirkustanzi li fihom huwa ġġustifikat li jiġi impost obbligu bħal dan. Attenzjoni parikolari għandha tingħata lill-kwistjoni ta’ kif tirrikonċilja l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE, ma’ interessi leġittimi oħra, bħall-ħtieġa li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-parti fil-kawża li jibbenefika minn servizzi legali u li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, interessi li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tipproteġi.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/249 jipprevedi:

“1.   Din id-direttiva għandha tapplika, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fiha, għall-attivitajiet ta’ l-avukati mwettqa permezz tal-provvediment ta’ servizzi.

[…]

2.   ‘Avukat’, ifisser kull persuna intitolata li twettaq l-attivitajiet professjonali tagħha taħt waħda mit-titoli li ġejjin:

[…]

Repubblika Federali tal-Ġermanja: Rechtsanwalt,

[…]”

4.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249 jipprevedi:

“Għat-twettiq ta’ l-attivitajiet relatati mar-rappreżentazzjoni ta’ klijent fi proċeduri legali, Stat Membru jista’ jeħtieġ li avukati li għalihom japplika l-Artikolu 1:

jiġu introdotti, skond ir-regoli jew id-drawwiet lokali, lill-imħallef li jippresjedi u, meta approprjat, lill-President tal-Bar rilevanti fl-Istat Membru li jospita;

jaħdmu flimkien ma’ avukat li jipprattika quddiem l-awtorità ġudizzjarja inkwistjoni u li, meta neċessarju, ikollu jwieġeb lil dik l-awtorità, jew permezz ta’ ‘avoué’ jew ‘procuratore’ li jipprattika quddiemha.”

B. Id-dritt Irlandiż

5.

L-Artikolu 2(1) tal-European Communities (Freedom to Provide Services) (Lawyers) Regulations 1979 (ir-Regolament tal-1979 (Libertà li Jiġu Pprovduti Servizzi) (Avukati), iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-1979”), li ttraspona d-Direttiva 77/249 fid-dritt Irlandiż, jiddefinixxi l-“avukat li jipprovdi servizzi” (“visiting lawyer”), li huwa intitolat li jipprattika quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, billi jirreferi għal-lista li tinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 77/249.

6.

L-Artikolu 6 tar-Regolament tal-1979 jipprovdi:

“Meta avukat li jipprovdi servizzi jwettaq, fit-territorju tal-Istat, attivitajiet relatati mar-rappreżentanza u d-difiża ta’ klijent fil-qorti, huwa jaġixxi flimkien ma’ avukat awtorizzat li jipprattika quddiem il-qorti adita u li jkun responsabbli, jekk ikun il-każ, fir-rigward ta’ dik il-qorti.”

III. Il-fatti li wasslu għat-tilwima, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, VK, huwa involut fi proċeduri ta’ appell quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) dwar id-determinazzjoni tal-piż tal-ispejjeż tal-proċeduri legali mibdija kontra l-permess maħruġ għall-kostruzzjoni, fil-viċinanzi tar-razzett tiegħu, ta’ faċilità ta’ spezzjoni għal annimali misjuba mejta.

8.

Ir-rinviju preżenti huwa parti minn tilwima li qabel kienet is-suġġett ta’ rinviju preliminari mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema) li mbagħad tat lok għas-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, Klohn (C‑167/17, EU:C:2018:833).

9.

VK kien iddeċieda li jiżgura huwa stess ir-rappreżentanza tiegħu quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema).

10.

Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa kien irrappreżentat minn B. O., avukata Ġermaniża stabbilita fil-Ġermanja (“Rechtsanwältin”).

11.

Wara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, Klohn (C‑167/17, EU:C:2018:833), il-kawża ġiet irrinvijata quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi fuq l-appell imressaq minn VK, fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li rriżultaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

12.

Huwa f’dan il-kuntest li VK xtaq jinkariga lil B. O., avukat mhux regolarment awtorizzat sabiex jaġixxi fl-Irlanda, sabiex jirrappreżenta l-interessi tiegħu quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema).

13.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-1979 li jimponi fuq l-avukat “barrani” li jipprovdi servizzi l-obbligu li jitlob avukat nazzjonali fi proċedura li fiha parti tkun intitolata li tidher hija stess.

14.

B’mod partikolari, hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lis-sentenza tal-25 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (427/85, EU:C:1988:98), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat id-dritt ta’ Stat Membru li jeżiġi li avukat li jipprovdi servizzi għandu jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali. Din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-imsemmija sentenza għandhiex bħala effett li tinvalida l-obbligu li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat ieħor fil-każ li l-parti li l-avukat li jipprovdi servizzi jixtieq jirrappreżenta hija awtorizzata li tidher hija stess skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

15.

F’dan ir-rigward, il-qorti tindika li r-rekwiżit li jaġixxu “flimkien” huwa limitat. Għalhekk, ma jkunx neċessarju li l-avukat nazzjonali jkun l-avukat inkarigat jew l-avukat li jippreżenta l-kawża l-qorti. Għandu jitħalla f’idejn iż-żewġ avukati kkonċernati, jiġifieri l-avukat li jipprovdi servizzi u l-avukat li jipprattika taħt il-liġi Irlandiża, il-kompitu li jiċċaraw ir-rwoli ta’ xulxin. Pjuttost ir-rwol tal-avukat li jipprattika skont il-liġi Irlandiża jkun li jinħatar bħala avukat li jassisti lill-avukat li jipprovdi servizzi fil-każ fejn ir-rappreżentazzjoni tajba tal-klijent u l-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi fir-rigward tal-qorti adita tkun teħtieġ għarfien jew pariri li jistgħu jkunu neċessarji preċiżament minħabba l-għarfien limitat possibbli, min-naħa tal-avukat li qiegħed jipprovdi servizzi, ta’ aspetti potenzjalment rilevanti tal-liġi, tal-prattika u tal-proċedura, u anki l-etika professjonali fuq livell nazzjonali. Għalhekk, il-firxa ta’ din il-kooperazzjoni tiddependi ħafna miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ individwali, billi huwa mifhum li jkun hemm riskju reali li avukat li jipprovdi servizzi jonqos, b’mod involontarju, li jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-klijent tiegħu jew tal-qorti adita jekk ma jkunx, tal-inqas, indika avukat li jipprattika skont id-dritt Irlandiż, sabiex jassistih f’dawn l-oqsma.

16.

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li wieħed mill-obbligi etiċi professjonali li għandu jiġi osservat minn kull avukat li jirrappreżenta parti quddiem il-qrati Irlandiżi huwa l-obbligu li ssir riċerka fl-oqsma rilevanti kollha tad-dritt u li tinġibed l-attenzjoni tal-qorti fuq kwalunkwe element legali, leġiżlattiv jew ġurisprudenzjali, li jista’ jkollu effett fuq l-iżvolġiment xieraq tal-proċedura. Dan l-obbligu japplika wkoll jekk l-element inkwistjoni ma jkunx favorevoli għall-kawża difiża minn dan l-avukat. Dan l-obbligu huwa meqjus bħala karatteristika tal-proċeduri fil-pajjiżi tal-common law fejn ħafna mir-riċerka meħtieġa sabiex il-qorti tiddeċiedi sewwa fuq kwistjonijiet ta’ dritt hija mwettaq mill-partijiet iktar milli mill-qorti stess. Huwa ovvju li dan ma jkunx il-każ fejn il-partijiet jiżguraw ir-rappreżentanza tagħhom huma stess. F’dawn il-każijiet, il-qrati għandhom jagħmlu li jistgħu sabiex jittrattaw il-kwistjonijiet legali mingħajr l-assistenza ta’ avukat għal waħda jew l-oħra miż-żewġ partijiet jew għat-tnejn.

17.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Stat Membru huwa prekluż milli jeżerċita l-possibbiltà mogħtija lilu mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249 […], li jippermetti li Stat Membru jimponi, fuq avukat li huwa impenjat fl-attività ta’ rappreżentazzjoni ta’ klijent fi proċeduri legali, ir-rekwiżit li dan ‘jaħdem flimkien […] ma’ avukat li jipprattika quddiem l-awtorità ġudizzjarja inkwistjoni’, fiċ-ċirkustanzi kollha fejn il-parti li lilha l-avukat minn Stat Membru ieħor jixtieq jirrappreżenta f’tali proċeduri tkun intitolata li tirrappreżenta lilha nnifisha?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija le, b’riferiment għal liema fatturi għandhom jiġu evalwati mill-qorti nazzjonali sabiex tiddetermina jekk huwiex permissibbli li jiġi impost ir-rekwiżit li li “jaħdem flimkien ma’”?

3)

B’mod partikolari, l-impożizzjoni ta’ obbligu limitat li jaħdem “flimkien ma’”, bil-mod deskritt preċedentement f’din id-deċiżjoni tar-rinviju, tammonta għal interferenza proporzjonali għal-libertà tal-avukat li jipprovdi servizzi b’tali mod li tkun iġġustifikata, fid-dawl tal-fatt li l-interessi pubbliċi inkwistjoni huma kemm il-bżonn li l-konsumaturi ta’ servizz legali jiġu protetti kif ukoll il-bżonn li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja?

4)

Jekk ir-risposta għat-tielet domanda hija iva, din il-pożizzjoni tapplika fiċ-ċirkustanzi kollha, u jekk dan ma huwiex il-każ, liema fatturi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minn qorti nazzjonali sabiex tiddetermina jekk tali rekwiżit jistax jiġi impost f’każ partikolari?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

Id-digriet tar-rinviju datat l-4 ta’ Ottubru 2019 wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ottubru 2019.

19.

VK, il-General Council of the Bar of Ireland, il-Law Society of Ireland, il-Gvern Irlandiż u dak Spanjol, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu mogħti mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

20.

Bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-14 ta’ Lulju 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet domandi għal risposta bil-miktub tal-Gvern Irlandiż. L-osservazzjonijiet bil-miktub fuq il-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ġew ippreżentati fit-terminu mogħti.

21.

Matul is-seduta tat-23 ta’ Settembru 2020, il-mandatarji ad litem ta’ VK, tal-General Council of the Bar of Ireland, tal-Law Society of Ireland, tal-Gvern Irlandiż u dak Spanjol, kif ukoll tal-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet.

V. Analiżi legali

A. Rimarki preliminari

22.

Is-suq uniku tal-Unjoni huwa l-pedament tal-integrazzjoni Ewropea u mutur tat-tkabbir u tal-impjiegi li jipprevedi, fost l-oħrajn, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, stabbilita fl-Artikolu 56(1) TFUE. Il-provvista ta’ servizzi legali – b’mod iktar speċifiku, il-provvista ta’ pariri legali kif ukoll ir-rappreżentanza legali u d-difiża quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji – mill-avukati, li hija fil-qalba tal-kawża preżenti ( 3 ), taqa’ għalhekk taħt il-libertajiet iggarantiti mit-Trattati.

23.

Il-provvista ta’ servizzi legali hija kkaratterizzata minn partikolaritajiet intrinsikament marbuta mat-tradizzjonijiet diversi tal-Istati Membri. Fil-fatt, il-prattika ta’ professjoni ta’ avukat ġeneralment teħtieġ għarfien eċċellenti tar-regoli kollha li joħorġu mit-tradizzjonijiet imsemmija. Minkejja dan, l-Ewropa tospita, minħabba l-istorja twila u kumplessa tagħha, tradizzjonijiet numerużi li jistgħu jiġu attribwiti għad-diversità tal-kulturi legali, kull waħda bil-karatteristiċi speċifiċi tagħha ( 4 ). Fil-fatt, minkejja l-iskambji kulturali varji li seħħew bejn in-nazzjonijiet Ewropej ( 5 ) u l-approssimizzazzjoni tal-liġijiet promossi fil-kuntest tal-proċess ta’ integrazzjoni, is-sistemi legali u ġudizzjarji tal-Istati Membri jibqgħu msejsa fit-tradizzjonijiet rispettivi tagħhom, u dan huwa rifless fuq il-livell istituzzjonali iżda wkoll fuq il-livell tad-dritt kif ukoll tar-regoli etiċi professjonali. Importanti kemm tista’ tkun il-preservazzjoni ta’ tali diversità ta’ tradizzjonijiet legali, ftit li xejn hemm dubju li din x’aktarx toħloq ostakoli għall-prattika tal-professjoni ta’ avukat. L-avukat huwa ġeneralment meħtieġ li jiffamiljarizza ruħu mar-regoli fis-seħħ fi Stat Membru ieħor qabel ma jkun jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu hemmhekk, li jimplika ċertu sforz ta’ adattament.

24.

Bil-għan li jippermetti, kemm jista’ jkun, il-provvista transkonfinali ta’ servizzi legali u sabiex jegħleb l-ostakoli li jirriżultaw mid-differenzi bejn l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta diversi atti ta’ dritt sekondarju, inkluża d-Direttiva 77/249 immirata sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-avukati. Din id-direttiva tipprovdi għar-rikonoxximent reċiproku u awtomatiku tat-titoli professjonali tal-avukati kkwalifikati fl-Istati Membri tagħhom kif ukoll il-possibbiltà li jipprattikaw l-attività tagħhom fi Stati Membri oħrajn taħt ċerti kundizzjonijiet. Fost il-kundizzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jimponu skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva hemm l-obbligu għal avukat li jipprovdi servizzi li “jaħ[dem] flimkien ma’ avukat li jipprattika quddiem l-awtorità ġudizzjarja inkwistjoni u li, meta jkun neċessarju, ikollu jwieġeb lil dik l-awtorità”.

25.

Il-kawża preżenti tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tispeċifika l-estent tal-marġni diskrezzjonali disponibbli għall-Istati Membri fir-rigward tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ din il-kundizzjoni. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-kwistjoni dwar kif għandhom jiġu rrikkonċiljati l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u interessi leġittimi u rrikonoxxuti oħrajn f’dan il-qasam, bħall-ħtieġa li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-parti fil-kawża li tuża dawn is-servizzi kif ukoll li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li din il-kundizzjoni hija, fil-prinċipju, intiża li tipproteġi.

26.

Meqjus f’dan id-dawl, l-obbligu li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat li jipprattika quddiem il-qorti adita, bil-għan li tiġi żgurata konformità mar-regoli applikabbli, jista’ jkun restrittiv wisq fir-rigward tal-għanijiet segwiti. Ma għandux jintesa li din il-kundizzjoni timplika, fl-aħħar mill-aħħar, li l-parti fil-kawża jkollha tħallas l-ispejjeż relatati mal-fatt li għandha tirrikorri, b’mod parallel, għas-servizzi ta’ żewġ avukati, li jista’ jkollhom l-effett li jiddiswaduha milli tiddefendi d-drittijiet tagħha. Issa, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipproteġi d-dritt tal-persuni kollha li jieħdu parir, jiġu difiżi u rrappreżentati quddiem qorti. Dan id-dritt jiggarantixxi l-aċċess effettiv għall-ġustizzja, li jikkostitwixxi element essenzjali tal-Istat ta’ dritt ( 6 ). Dawn ir-rimarki preliminari għandhom l-għan li jenfasizzaw l-impatt li jkollhom ir-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

B. Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari

27.

Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt ta’ avukat li jirrappreżenta parti fi Stat Membru ieħor abbażi tad-Direttiva 77/249 jistax ikun suġġett għal obbligu impost minn dak l-Istat, li dan l-avukat, jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali, meta l-parti li l-avukat jixtieq jirrappreżenta hija awtorizzata li tidher hija stess quddiem il-qorti adita u, fl-affermattiv, b’liema mod jista’ jiġi fformulat dan l-obbligu.

1.   L-obbligu li taġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali jikkostitwixxi fih innifsu restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi legali

28.

Id-Direttiva 77/249 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 59 KEE, li sar l-Artikolu 56 TFUE. Kif diġà indikajt fir-rimarki preliminari tiegħi, id-Direttiva 77/249 timplimenta l-libertà li jiġu pprovduti servizzi sa fejn tfittex li tiffaċilita l-eżerċizzju effettiv ta’ din il-libertà mill-avukati. Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 56 TFUE jeħtieġ mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fir-rigward tal-fornitur ta’ servizzi minħabba n-nazzjonalità tiegħu, jew iċ-ċirkustanza li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor minn dak fejn is-servizz għandu jiġi eżerċitat, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni anki jekk din tapplika b’mod indistint għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din tkun ta’ natura li tipprojbixxi, li tostakola jew li tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi legalment servizzi simili ( 7 ).

29.

F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa rilevanti li nirrileva li kull obbligu li wieħed jaġixxi “flimkien” ma’ avukat nazzjonali jikkostitwixxi fih innifsu restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn avukati fit-tifsira tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq sa fejn dan jeħtieġ li l-parti fil-kawża li tixtieq tirrikorri għal fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor tħallas l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-fatt li taħtar, b’mod parallel, avukat nazzjonali. Din iċ-ċirkustanza x’aktarx li jkollha effett dissważiv fuq il-parti fil-kawża, speċjalment f’kawżi ta’ natura transkonfinali li ħafna drabi jeħtieġu l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tal-liġijiet ta’ diversi ordinamenti ġuridiċi. Mhux biss il-parti fil-kawża tiġi impedita milli tuża s-servizzi ta’ avukat “barrani”, iżda dan tal-aħħar ikun affettwat ukoll fuq il-bażi li ma jkunx jista’ joffri s-servizzi tiegħu fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu. Fir-rigward tal-pożizzjoni tal-avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor b’mod partikolari, għandu jiġi nnotat li, b’mod kuntrarju għal dak li jipprevedi l-Artikolu 57 TFUE, huwa ma huwiex f’pożizzjoni li jippratika fuq bażi temporanja l-attività tiegħu fl-Istat Membru fejn huwa pprovdut is-servizz taħt l-istess kundizzjonijiet li dak l-Istat jimponi fuq iċ-ċittadini tiegħu stess.

30.

Madankollu, għandu jitfakkar li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li tifforma parti mill-prinċipji fundamentali stabbiliti fit-Trattati, ma tistax tiġi ristretta ħlief b’regoli li huma ġġustifikati għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, xierqa sabiex jiggarantixxu l-kisba tal-għan segwit u proporzjonati fir-rigward ta’ dan il-għan ( 8 ). Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta lill-Istati Membri l-possibbiltà li jintroduċu restrizzjoni bħal din skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249 ma jfissirx li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni llimitat fl-eżerċizzju ta’ din il-fakultà. Għall-kuntrarju, restrizzjoni bħal din għandha tikkonforma mar-rekwiżiti msemmija, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ( 9 ), li hija partikolarment rilevanti għall-analiżi tal-kawża preżenti.

31.

Il-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja kellha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq mill-Kummissjoni, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba teżamina fid-dettall il-konformità mal-Artikoli 59 u 60 KEE kif ukoll mad-Direttiva 77/249 ta’ leġiżlazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li kienet tobbliga lill-avukati li jipprovdu servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jipprovdu servizzi relatati mar-rappreżentazzjoni u d-difiża ta’ klijent parti fil-kawża li jaġixxu biss flimkien ma’ avukat Ġermaniż. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn ir-regoli. F’din is-sentenza, l-eżami magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja kien iffokat fuq l-analiżi tal-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni introdotta mill-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Billi d-dritt sekondarju, interpretat fid-dawl tad-dritt primarju, jikkostitwixxi l-punt ta’ riferiment għall-finijiet li tiġi stabbilita l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni Irlandiża inkwistjoni, huwa propost li tiġi segwita l-istruttura ta’ analiżi stabbilita, imsemmija fil-punt preċedenti.

32.

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li, minkejja l-paralleli, il-kawża preżenti hija proċeduralment differenti mill-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja. Fil-fatt, ir-regoli li jirregolaw ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, b’mod partikolari l-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma japplikawx. Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, imressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, il-qorti tar-rinviju tfittex li tikseb interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tapplikah fit-tilwima li hija adita biha. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss indirettament fuq il-kwistjoni tal-konformità tal-leġiżlazzjoni Irlandiża mad-dritt tal-Unjoni, u tillimita ruħha li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni neċessarji sabiex tkun tista’ tippronunzja ruħha fuq din il-kwistjoni ( 10 ).

33.

Sabiex tingħata risposta preċiża għad-domandi preliminari, huwa neċessarju qabelxejn li jiġi ddeterminat il-kontenut eżatt tal-leġiżlazzjoni Irlandiża inkwistjoni, filwaqt li titqies l-interpretazzjoni mogħtija lilha mill-qrati nazzjonali. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, id-Direttiva 77/249 ma tipprovdi l-ebda preċiżjoni fuq l-espressjonijiet “jaġixxu flimkien” u “ikollu jwieġeb lil dik l-awtorità” ( 11 ), u tħalli għalhekk lill-Istati Membri ċerta libertà fir-rigward tat-traspożizzjoni. Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Irlandiża tirriproduċi, essenzjalment, il-kliem tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, li apparentement tirreferi għall-“istruzzjonijiet prattiċi” tagħha, li stabbilixxew rekwiżiti proċedurali ddettaljati rigward l-eżerċizzju tad-drittijet dedotti mid-Direttiva 77/249, id-dispożizzjoni li timponi dan l-obbligu, jiġifieri l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-1979, “isegwi mill-qrib il-kliem ipprovdut fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249”.

34.

Madankollu, jidher li din id-dispożizzjoni hija applikata b’mod flessibbli. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Irlandiża “tipprevedi l-obbligu minimu li wieħed ikollu aċċess għal avukat li jipprattika skont id-dritt Irlandiż li jipprovdi, jekk meħtieġ, assistenza fi kwistjonijiet ta’ dritt nazzjonali, ta’ prattika nazzjonali, jew saħansitra ta’ proċedura jew ta’ etika professjonali”. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssostni li “l-portata tal-obbligu li kien jeżisti fid-dritt Ġermaniż fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża 427/85, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, kien imur ferm lil hinn minn dak li huwa previst fid-dritt Irlandiż jekk l-Irlanda kienet awtorizzata li timponi l-obbligu li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat ieħor”. Huwa fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni li l-leġiżlazzjoni Irlandiża inkwistjoni għandha tiġi eżaminata taħt l-Artikolu 56 TFUE u d-Direttiva 77/249.

35.

Irrispettivament mill-grad ta’ preġudizzju li l-obbligu li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat ieħor skont il-leġiżlazzjoni Irlandiża jista’ joħloq, huwa inkontestabbli li dik il-kundizzjoni tikkostitwixxi fiha nnifisha restrizzjoni għal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi għar-raġunijiet li ġew stabbiliti f’dawn il-konklużjonijiet ( 12 ). Il-kwistjoni essenzjali li tqum f’din il-kawża hija jekk hemmx raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw restrizzjoni bħal din, u fl-affermattiv, jekk din ir-restrizzjoni hijiex proporzjonata fir-rigward tal-għanijiet segwiti mill-leġiżlatur nazzjonali. Il-grad ta’ preġudizzju għal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi jista’ jkollu rwol importanti fil-kuntest tal-analiżi tal-proporzjonalità u għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-modalitajiet tal-ħidma flimkien ma’ avukat ieħor meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Irlandiża.

2.   L-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-protezzjoni tal-parti fil-kawża jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali

36.

Fir-rigward tar-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni bħal din, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-leġiżlazzjoni Irlandiża hija intiża li tipproteġi żewġ interessi, jiġifieri l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-protezzjoni tal-parti fil-kawża bħala konsumatur. Sussegwentement, għandu jiġi vverifikat, jekk dawn l-għanijiet humiex irrikonoxxuti bħala raġunijiet impertattivi ta’ interess ġenerali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

37.

Qabelxejn, f’dan ir-rigward nosserva dak li indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 23 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja li “jekk [id-Direttiva 77/249] tippermetti lil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jeżiġu li l-avukat li jipprovdi servizzi jaġixxi flimkien ma’ avukat [nazzjonali], hija għandha l-għan li tpoġġi lill-ewwel wieħed f’pożizzjoni li jwettaq il-kompiti li huwa fdat bihom mill-klijent tiegħu, filwaqt li jiġi rrispettat il-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja” ( 13 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “f’dan id-dawl, l-obbligu li huwa impost fuqu li jaġixxi flimkien ma’ avukat [nazzjonali] għandu bħala għan li jipprovdilu l-appoġġ meħtieġ sabiex jaġixxi f’sistema legali differenti minn dik li huwa mdorri biha, u li jagħti lill-qorti adita l-assigurazzjoni li l-avukat li qed jipprovdi s-servizzi fil-fatt għandu dan l-appoġġ u għalhekk huwa f’pożizzjoni li jikkonforma bis-sħiħ mar-regoli proċedurali u etiċi professjonali applikabbli”.

38.

Jiena ninterpreta din is-silta ta’ din is-sentenza, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tispjega l-għan leġiżlattiv tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249, bħala rikonoxximent espress li l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika, fil-prinċipju, l-impożizzjoni fuq l-avukat li jipprovdi servizzi ta’ obbligu li jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali.

39.

Fir-rigward tal-protezzjoni tal-parti fil-kawża bħal konsumatur, nixtieq ninnota li dan l-interess jikkoinċidi, b’ċertu mod, ma’ dak marbut mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, minħabba l-fatt li d-difiża u r-rappreżentazzjoni effettiva tal-klijent quddiem il-qrati nazzjonali tiddependi wkoll, sostanzjalment, minn preparazzjoni professjonali tajba tal-avukat mandatarju. Avukat li juri għarfien fil-fond tad-dritt kif ukoll tar-regoli etiċi professjonali applikabbli jkun ċertament f’pożizzjoni li jissodisfa r-rekwiżiti kemm tas-sistema legali kif ukoll tad-destinatarju tas-servizzi legali ( 14 ). Dawn l-interessi huma inseparabbli u jikkostitwixxu, f’ċertu sens, żewġ naħat tal-istess munita, kif urew diversi kawżi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja u li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-provvista ta’ servizzi legali fl-Istati Membri. F’dawk il-kawżi, iż-żewġ interessi ġew invokati fl-istess ħin bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal din il-libertà fundamentali, wara li rċevew l-approvazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40.

Qabelxejn, niġbed l-attenzjoni għall-kawżi magħquda li taw lok għas-sentenza Cipolla et ( 15 ), li fihom il-Qorti tal-Ġistizzja stabbilixxiet li “il-protezzjoni, minn naħa, bħala konsumaturi, b’mod partikolari tad-destinatarji ta’ servizzi legali pprovduti minn professjonisti legali, u min-naħa l-oħra, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huma finijiet inklużi fost dawk li jistgħu jitqiesu li huma raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi”. Sussegwentement, għandu jitfakkar li fil-kawża li tat lok għas-sentenza Reisebüro Broede ( 16 ), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “l-applikazzjoni ta’ regoli professjonali għall-avukati, b’mod partikolari r-regoli ta’ organizzazzjoni, ta’ kwalifikazzjoni, ta’ etika professjonali, ta’ kontroll u ta’ responsabbiltà, tipprovdi l-garanzija meħtieġa ta’ integrità u ta’ esperjenza għall-konsumaturi finali tas-servizzi legali u għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”. Iktar reċentement, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Lahorge ( 17 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “il-protezzjoni tal-parti f’kawża bħala konsumatur finali tas-servizzi ġuridiċi u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huma marbuta, b’mod partikolari, mar-rekwiżiti ta’ stħarriġ tal-fornitur tas-servizz”. Din il-kawża ma għandha ebda karatteristika li twassal għal konklużjoni differenti. Konsegwentement, il-prinċipji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza għandhom japplikaw għall-kawża preżenti.

41.

Minn dan isegwi li l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-protezzjoni tal-parti f’kawża bħala konsumatur jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li jistgħu jiġġustifikaw l-impożizzjoni fuq l-avukat fornitur ta’ servizzi l-obbligu li jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali.

3.   L-eżami tal-modalitajiet previsti fil-leġiżlazzjoni Irlandiża fir-rigward tal-obbligu li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali fid-dawl tal-interessi invokati

42.

Għandha tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-obbligu li wieħed jaġixxi flimkien mal-avukat nazzjonali huwiex effettivament iġġustifikat fir-rigward tal-interessi invokati abbażi tal-modalitajiet previsti mil-leġiżlazzjoni Irlandiża fid-dawl tal-kriterji oġġettivi determinati. Kif diġà ġie indikat, id-Direttiva 77/249 ma tipprovdi l-ebda kjarifika tal-kunċett “taġixxi flimkien”, u b’hekk tħalli ċertu marġni ta’ manuvrar lill-Istati Membri fil-livell ta’ traspożizzjoni, fil-każ li dawn jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-fakultà mogħtija lilhom mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249. Għalhekk, diversi modalitajiet ta’ azzjoni flimkien ma’ avukat nazzjonali huma, fit-teorija, prevedibbli, fost liema xi wħud jistgħu jkunu iktar restrittivi għall-provvista ta’ servizzi minn oħrajn.

43.

Fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza, eżami ta’ dawn il-modalitajiet fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi huwa meħtieġ sabiex jiġu evitati ostakoli insormontabbli possibbli li jagħmlu l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fundamentali illużorju. Fost il-kriterji oġġettivi rrikonoxxuti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li jidhirli li huma rilevanti f’din il-kawża, hemm ir-rekwiżiti ta’ koerenza u ta’ proporzjonalità li għandhom jiġu applikati iktar ’il quddiem ( 18 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq biss jekk verament tirrifletti l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku ( 19 ). B’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-restrizzjonijiet imposti ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex ( 20 ). Iktar ’il quddiem, ser neżamina ċerti aspetti tal-modalitajiet previsti mil-leġiżlazzjoni Irlandiża li, fil-fehma tiegħi, iqajmu dubji fir-rigward tal-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni.

a)   Fuq l-inkoerenza tar-rekwiżit li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali minkejja l-possibbiltà għall-parti fil-kawża li tidher mingħajr rappreżentazzjoni

44.

L-obbligu li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali minkejja l-possibbiltà għall-parti fil-kawża li tidher mingħajr rappreżentazzjoni huwa wieħed mill-aspetti l-iktar rimarkabbli tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Mid-digriet ta’ rinviju jirriżulta li din il-possibbiltà għandha l-oriġini tagħha fi dritt fundamentali ta’ aċċess għall-qrati, u b’mod partikolari għall-qrati supremi, iggarantit mid-dritt kostituzzjonali Irlandiż. Il-persuni fiżiċi, b’differenza mill-persuni ġuridiċi, jistgħu jaġixxu “personalment f’kawża” fil-proċeduri kollha iżda, fil-każijiet l-oħra kollha fejn parti għandha (fil-każ tal-kumpanniji) jew tixtieq (fil-każ ta’ persuni fiżiċi) tkun irrappreżentata, hija għandha taħtar avukat awtorizzat skont il-liġi sabiex jipprattika fl-Irlanda.

45.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Irlandiża tixbah ħafna l-leġiżlazzjoni Ġermaniża eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, sa fejn l-ordinament ġuridiku nazzjonali kien jippermetti lill-parti fil-kawża, f’ċerti każijiet, li tidher hija stess quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru ( 21 ). Xebh ieħor li nqis li huwa rilevanti sabiex jiġi rrilevat f’dan il-kuntest jinsab fil-fatt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża pprevediet, mingħajr eċċezzjoni, l-obbligu li l-parti fil-kawża taħtar avukat nazzjonali fil-każ li hija tirrinunzja għad-dritt tagħha li tiżgura d-difiża tagħha stess u tagħżel minflok is-servizzi ta’ avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor.

46.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ebda kunsiderazzjoni ta’ interess ġenerali ma tista’ tiġġustifika l-obbligu impost fuq avukat irreġistrat mal-Kamra tal-Avukati ta’ Stat Membru ieħor u li jipprovdi s-servizzi tiegħu f’kapaċità professjonali sabiex jaġixxi flimkien ma’ avukat Ġermaniż ( 22 ). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-avukat li jipprovdi servizzi, li barra minn hekk kellu jikkonforma fl-attivitajiet kollha tiegħu quddiem il-qrati Ġermaniżi mar-regoli professjonali applikabbli f’dak l-Istat Membru, b’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/249, ma setax jiġi obbligat mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża li jaġixxi flimkien ma’ avukat li jipprattika quddiem il-qorti adita fil-każ ta’ tilwim li għalih din il-leġiżlazzjoni ma teħtieġx l-assistenza obbligatorja ta’ avukat ( 23 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, sa fejn il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, bil-ġeneralità tat-termini tagħha, estendiet dan l-obbligu għal dan it-tilwim, kienet tmur kontra d-Direttiva 77/249 u l-Artikoli 59 u 60 KEE (illum l-Artikoli 56 u 57 TFUE) ( 24 ).

47.

Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja tenniet din il-ġurisprudenza fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza ( 25 ), li kellha bħala suġġett leġiżlazzjoni Franċiża li kienet teħtieġ ukoll lill-avukat li jipprovdi servizzi li jaġixxi flimkien ma’ avukat irreġistrat mal-Kamra tal-Avukati fi Franza sabiex jipprattika l-attivitajiet li għalihom id-dritt Franċiż ma jeħtieġx l-assistenza obbligatorja ta’ avukat ( 26 ). Fi kliem sempliċi, il-karatteristiċi essenzjali li għadni kif semmejt u li attiraw l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ( 27 ) kienu jinsabu wkoll fl-ordinament ġuridiku Franċiż. Fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza, il-verdett tal-Qorti tal-Ġustizzja ma setax ikun differenti. Kien billi rreferiet għar-raġunijiet tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika Franċiża kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 59 u 60 KEE (illum l-Artikoli 56 u 57 TFUE) u d-Direttiva 77/249 ( 28 ).

48.

Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ir-raġunament tagħha, evidentement, fuq in-nuqqas ta’ koerenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Fil-fatt, jidher irraġonevoli li wieħed jissuġġerixxi li, filwaqt li l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur u tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ma jipprekludix parti f’kawża li tidher hija stess, il-parti f’kawża għandha madankollu titwaqqaf milli tirrikorri għas-servizzi ta’ avukat li huwa awtorizzat li jeżerċita l-professjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor u li huwa suġġett għall-obbligi etiċi professjonali kollha marbuta mal-istatus professjonali tiegħu.

49.

Konsegwentement, nissuġġerixxi li jiġu applikati għall-kawża preżenti l-prinċipji stabbiliti fis-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (427/85, EU:C:1988:98), u tal-10 ta’ Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑294/89, EU:C:1991:302), u li jiġi indikat lill-qorti tar-rinviju li hija għandha teżamina b’mod rigoruż il-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-kriterju ta’ koerenza, filwaqt li tingħata l-elementi neċessarji ta’ interpretazzjoni għal dan il-għan. Il-kunsiderazzjonijiet esposti f’dawn il-konklużjonijiet għandhom l-għan li jassistu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżviluppa preċiżament dawn l-elementi ta’ interpretazzjoni.

b)   In-nuqqas fid-dritt nazzjonali tal-possibbiltà ta’ parti f’kawża li tiġi rrappreżentata minn persuna li ma hijiex avukat ma huwiex fattur deċiżiv sabiex tiġi stabbilita l-koerenza tad-dritt

50.

Kuntrarjament għal dak li jargumentaw ċerti partijiet ikkonċernati, jiġifieri l-Law Society of Ireland u l-General Council of the Bar of Ireland, m’iniex konvint li l-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix espressament il-possibbiltà għal parti f’kawża li tiġi rrappreżentata minn persuna li ma hijiex avukat huwa fattur deċiżiv sabiex tiġi stabbilita l-koerenza tagħha.

51.

L-argument invokat mill-imsemmija partijiet, li jfittex li jeskludi l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal-25 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (427/85, EU:C:1988:98), fil-każ ineżami, huwa bbażat fuq qari ta’ dik is-sentenza skont liema l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala determinanti l-fatt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża kienet tippermetti li parti f’kawża tidher hija stess jew tkun irrappreżentata minn persuna mingħajr taħriġ legali. Skont din l-argumentazzjoni, l-applikazzjoni tal-imsemmija prinċipji għal każ ineżami ma tkunx ammissibbli fid-dawl tal-fatt li d-dritt Irlandiż ma jippermettix dan il-każ previst tal-aħħar. Il-parti fil-kawża jkollha l-għażla biss li tidher hija stess jew li tiġi rrappreżentata minn avukat.

52.

Madankollu, kif spjegat preċedentement ( 29 ), kien pjuttost ir-rekwiżit li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali minkejja l-possibbiltà għall-parti fil-kawża li tidher mingħajr rappreżentanza li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonkludi li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma kinitx konformi mar-rekwiżit ta’ koerenza. Mill-motivi tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja jirriżulta li l-possibbiltà prevista fid-dritt Ġermaniż li wieħed jiġi rrappreżentat minn persuna li ma tipprattikax bħala avukat kien biss element addizzjonali li saħħaħ lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-konvinzjoni tagħha ( 30 ). L-ewwel karatteristika hija suffiċjenti sabiex wieħed jikkonkludi li r-regoli tas-sistema nazzjonali huma inkoerenti.

53.

Barra minn hekk, dan il-qari huwa kkonfermat mill-motivi tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, fejn jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Franċiża eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja kellha, fost oħrajn, iż-żewġ elementi msemmija hawn fuq, bir-rekwiżit ikun li l-avukat li jipprovdi servizzi jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali minkejja l-possibbiltà għall-parti fil-kawża li tidher hija stess, element li, barra minn hekk, ġibed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-fatt li din il-partikolarità tal-leġiżlazzjoni Franċiża ssemmiet diversi drabi jindika li kienet fattur deċiżiv fl-analiżi ( 31 ).

54.

Minn dan isegwi li l-argumenti tal-imsemmija partijiet ikkonċernati jidhru li huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiġi injorata. Konsegwentement, il-fatt li l-leġiżlazzjoni Irlandiża tvarja fuq dan il-punt mil-leġiżlazzjoni li kienet is-suġġett ta’ eżami fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq ma huwiex ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, bħala konsegwenza, sabiex jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni Irlandiża ma ssegwix l-għanijiet imsemmija fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet b’mod koerenti.

c)   Il-kuntest ġuridiku Irlandiż jidher li jipprevedi eċċezzjonalment il-possibbiltà ta’ rappreżentazzjoni ta’ parti fil-kawża minn persuna oħra għajr avukat

55.

Irrispettivament mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nixtieq nirrileva l-fatt li l-kuntest ġuridiku Irlandiż ma jidhirx li huwa ovvju daqs kemm jiddeskrivuh l-imsemmija partijiet ikkonċernati. Ċerti kontradizzjonijiet fil-preżentazzjoni tal-kuntest ġuridiku, f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà ta’ parti fil-kawża li tiġi rrappreżentata minn persuna li ma tipprattikax bħala avukat, iwassluni sabiex naħseb li dan l-element jista’ wkoll jiġi kkunsidrat fl-eżami tal-koerenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

56.

Minn naħa, jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-imsemmija partijiet li l-parti fil-kawża lajka tista’ tibbenefika minn għajnuna limitata sa fejn, pereżempju, persuna li ma hijiex awtorizzata li tirrappreżentaha fil-qorti tista’ tagħtiha pariri jew tieħu xi noti. Din il-persuna, li tissejjaħ “McKenzie friend” fid-dritt Irlandiż, madankollu ma jkollhiex id-dritt li taġixxi bħala avukat jew li tmexxi l-kawża. Din l-informazzjoni hija kkorroborata minn informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, li skontha l-persuna inkwistjoni taġixxi biss bħala assistent amministrattiv sabiex tippermetti lill-parti inkwistjoni tiddefendi l-kawża bl-aħjar mod possibbli. Tali “McKenzie friend”, b’mod partikolari, ma jkollux id-dritt li jidher quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) bħala rappreżentant tal-parti fil-kawża. Madankollu, jista’ jintervjeni f’każijiet limitati, iżda biss meta l-parti li tirrappreżenta lilha nnifisha tbati minn forma ta’ diżabbiltà li ma tħallihiex tippreżenta u tiddefendi l-każ tagħha.

57.

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li r-rappreżentanza ta’ parti fil-kawża lajka minn persuna mhux professjonali hija fil-fatt possibbli fl-Irlanda, għalkemm din hija eċċezzjoni għar-regola. B’mod iktar konkret, jidher li rappreżentanza bħal din tista’ tiġi awtorizzata f’każijiet rari, meta l-parti fil-kawża nnifisha titlobha quddiem il-qorti adita bil-kawża. Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, din il-possibbiltà ma hijiex prevista mil-liġi iżda hija pjuttost suġġetta għad-diskrezzjoni tal-qorti. Nixtieq nindika li dawn l-osservazzjonijiet huma bbażati fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Attorney General fil-kwalità tiegħu ta’ parti kkonċernata, fost oħrajn, fil-kawża preżenti. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din l-informazzjoni dwar is-sistema legali Irlandiża ġiet ikkonfermata espliċitament mill-Gvern Irlandiż fir-risposta bil-miktub tiegħu għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura ( 32 ). Konsegwentement, wieħed għandu jitlaq mill-premessa li dawn l-osservazzjonijiet jirriflettu b’mod korrett il-kuntest ġuridiku Irlandiż.

58.

Fid-dawl tal-kostatazzjonijiet preċedenti, ninsab inklinat li naqbel mal-evalwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatt li d-dritt Irlandiż, kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (427/85, EU:C:1988:98), jawtorizza parti fil-kawża li tagħżel li tkun irrappreżentata minn persuna li ma hijiex avukat. Il-fatt li din il-possibbiltà hija awtorizzata biss fuq bażi eċċezzjonali fl-Irlanda ma tipprekludix paragun ta’ ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Għall-kuntrarju, kif jirrileva ġustament ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ir-rappreżentanza minn persuni li ma humiex professjonisti legali hija wkoll eċċezzjoni għar-regola fil-Ġermanja u, hemmhekk ukoll, awtorizzata biss meta l-interess pubbliku ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ma jirrikjedix rappreżentanza minn professjonist legali ( 33 ).

59.

Konsegwentement, mingħajr ħsara għall-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali, li huwa kompitu tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi konkluż li l-possibbiltà eventwali għal parti f’kawża li tkun irrappreżentata minn persuna li ma hijiex avukat tikkostitwixxi element li jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-koerenza tal-leġiżlazzjoni Irlandiża.

d)   Ir-rilevanza tar-regoli ta’ proċedura fis-sistema ta’ “common law” għall-eżami ta’ konformità

1) Sommarju tal-argumenti ppreżentati mill-qorti tar-rinviju u ċerti partijiet ikkonċernati

60.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sistema legali Irlandiża, ibbażata fuq il-common law, tistax tkun ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal-25 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (427/85, EU:C:1988:98), għall-kawża preżenti, kif jaffermaw ċerti partijiet ikkonċernati. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li, b’konformità mas-sistema legali Irlandiża, huma l-avukati tal-partijiet li jwettqu r-riċerka legali meħtieġa u jindikaw lill-imħallef sedenti l-aspetti tad-dritt favorevoli (u sfavorevoli) għall-parti fil-kawża filwaqt li l-imħallef għandu rwol pjuttost passiv. Fi kliem ieħor, ir-regoli ta’ proċedura jagħmlu lill-partijiet responsabbli għal parti essenzjali tar-riċerka legali, peress li hija konswetudini f’pajjiżi tal-common law. Min-naħa l-oħra, meta parti fil-kawża ma tkunx irrappreżentata minn avukat, dan l-irwol jaqa’ fuq l-imħallef sedenti. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ssemmi d-diffikultà li din il-kawża tal-aħħar tippreżenta għall-qorti adita u tesprimi r-riżervi tagħha rigward il-possibbiltà li tippermetti lill-parti fil-kawża tirrinunzja għall-possibbiltà li tkun irrappreżentata minn avukat, jew billi tidher hija nnifisha jew billi tiddependi fuq persuna li ma tipprattikax il-professjoni ta’ avukat.

2) Risposta għall-argumenti li jallegaw l-eżistenza ta’ allegata karatteristika partikolari tal-ordinament ġuridiku Irlandiż

i) Sinteżi tal-konklużjonijiet tal-analiżi ta’ ġurisprudenza

61.

Nixtieq ninnota mill-bidu li din l-argumentazzjoni, li hija bbażata fuq allegata karatteristika partikolari tal-ordinament ġuridiku Irlandiż, fir-realtà hija intenzjonata li tpoġġi f’dubju dak li ġie ppruvat preċiżament mill-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, jidhirli li huwa ovvju li l-leġiżlazzjoni Irlandiża tippreżenta l-istess karatteristiċi essenzjali bħal dawk li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi nuqqas ta’ koerenza tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża u ta’ dik Franċiża fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq, jiġifieri li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali minkejja l-possibbiltà għall-parti fil-kawża li tidher mingħajr rappreżentanza ( 34 ). Barra minn hekk, jiena ma nidentifika l-ebda karatteristika partikolari tal-ordinament ġuridiku Irlandiż meta mqabbel ma’ oħrajn li tista’ tiġġustifika konklużjoni differenti minn dik fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ koerenza.

62.

Nosserva wkoll li dan l-argument huwa essenzjalment intiż sabiex jenfasizza l-fatt li l-leġiżlazzjoni Irlandiża ma tipprevedix il-possibbiltà għal parti f’kawża li tkun irrappreżentata minn persuna li ma hijiex avukat. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar, kif diġà ntwera, li l-ewwel nett, din iċ-ċirkustanza ma hijiex determinanti sabiex tistabbilixxi l-koerenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 35 ) u, it-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ġie affermat, jidher li l-kuntest ġuridiku Irlandiż jipprevedi b’mod eċċezzjonali din il-possibbiltà, bħall-ordinament ġuridiku Ġermaniż ( 36 ). Sa fejn din il-linja ta’ argumentazzjoni ma tinvalidax il-konklużjonijiet li wasalt għalihom fil-kuntest tal-analiżi tiegħi, din għandha tiġi miċħuda. Sabiex nevita repetizzjoni, nirreferi għall-osservazzjonijiet tiegħi relatati.

ii) Fuq l-allegati karatteristiċi partikolari tas-sistema legali tal-common law

63.

B’dan premess, nirrimarka li l-qorti tar-rinviju donnha qed tinsinwa li l-massima “iura novit curia” ma tapplikax fis-sistema legali tal-common law jew, tal-inqas, taf biss ambitu pjuttost limitat b’paragun mas-sistema tad-dritt kontinentali Ewropew meta r-rappreżentanza minn avukat hija prevista fil-kuntest ta’ tilwima. Madankollu, niddubita li wieħed jista’ jsostni teżi bħal din b’mod daqshekk kategoriku. Din hija r-raġuni għalfejn nqis li huwa neċessarju li nagħmel xi rimarki qosra dwar dan is-suġġett.

64.

Kif indika l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda C‑430/93 u C‑431/93, van Schijndel u van Veen ( 37 ), “jista’ jkun hemm it-tentazzjoni li wieħed isostni li teżisti distinzjoni bażika bejn żewġ tipi fundamentalment differenti ta’ dritt ta’ proċedura fl-Istati Membri: distinzjoni bejn, b’mod ġenerali, is-sistemi kontinentali minn naħa, u s-sistema Ingliża, is-sistema Irlandiża u dik Skoċċiża min-naħa l-oħra. Skont dan il-perspettiva, fis-sistemi kontinentali, il-qorti hija meqjusa li taf id-dritt (‘iura novit curia’ jew ‘curia novit legem’); hija għandha tapplika r-regoli tad-dritt xierqa għall-fatti ppreżentati lilha mill-partijiet (‘da mihi factum, dabo tibi ius’) u, jekk ikun meħtieġ, tagħmel ir-riċerki legali tagħha stess għal dak il-għan. Fis-sistema Ingliża, dik Irlandiża u dik Skoċċiża, min-naħa l-oħra, il-qorti għandha rwol inqas attiv, jew saħansitra wieħed passiv: il-liġi proċedurali ġeneralment hija bbażata fuq il-premessa li l-qorti ma għandhiex għarfien indipendenti tad-dritt, li jiddependi mill-argumenti mressqa mill-avukati tal-partijiet u li l-funzjoni tiegħu hija essenzjalment li jiddeċiedi biss fuq il-bażi tal-argumenti tagħhom. Skont kummentatur, ‘il-karatteristika li x’aktarx hija l-iktar spettakolari tad-dritt proċedurali Ingliż hija li r-regola ‘curia novit legem’ qatt ma kienet parti mid-dritt Ingliż, u ma hijiex parti minnu’” ( 38 ). Jidhirli li l-argumentazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li skontha l-qorti adita ma tistax toqgħod fuq l-għarfien legali tagħha stess fil-kuntest ta’ tilwima minħabba r-regoli ta’ proċedura tagħha, titlaq preċiżament minn din il-premessa.

65.

Madankollu, għandu jitfakkar li l-Avukat Ġenerali Jacobs ikkonkluda billi ddikjara li “eżami iktar fil-fond ħafna drabi juri li kuntrasti bħal dawn bejn sistemi legali huma eżaġerati”. Huwa spjega li “[a]nki fil-każ ta’ proċeduri ċivili, fejn il-kuntrast huwa l-inqas mhux eżatt — għandu ftit rilevanza fi proċeduri kriminali jew quddiem qrati amministrattivi, fejn japplikaw prinċipji differenti — id-differenza bejn iż-żewġ approċċi bilkemm hija sostenibbli” ( 39 ). F’dan is-sens, l-avukat Ġenerali Jacobs iċċita xi eżempji konkreti, b’mod li kkontradixxa t-teżi dwar l-allegati differenzi bejn is-sistema ġudizzjarja tal-common law u s-sistemi ġudizzjarji kontinentali.

66.

B’mod ġenerali, fir-rigward tal-allegati karatteristiċi speċifiċi tas-sistema ġudizzjarja Irlandiża, għandu jitfakkar li l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri kollha għandhom karatteristiċi li huma speċifiċi għalihom. F’dan ir-rigward, nirreferi għar-rimarki preliminari tiegħi fejn fihom nirreferi għall-wirt kulturali għani tal-Ewropa, inklużi t-tradizzjonijiet legali ( 40 ). Fid-dawl tal-obbligu tal-Unjoni li tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali tagħha, stabbilit fir-raba’ subparagarfu tal-Artikolu 3(3) TUE, ma jidhirlix li huwa xieraq li nagħti status “privileġġat” lil sistema legali nazzjonali partikolari b’paragun ma’ oħrajn. Approċċ bħal dan imur b’mod ċar kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati li l-Unjoni għandha tosserva, b’konformità mal-Artikolu 4(2) TUE.

67.

Madankollu, nikkunsidra li approċċ bħal dan lanqas ma huwa meħtieġ għall-finijiet tal-kawża preżenti, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni diġà kkunsidra l-isfidi li din id-diversità toħloq għat-twettiq tas-suq intern fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi legali, wara li ta lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249, il-fakultà li jirrikjedu li l-avukat li jipprovdi s-servizzi jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali. L-għan ta’ din il-kooperazzjoni bejn il-professjonisti legali ta’ diversi Stati Membri jikkonsisti speċifikament f’li jiġi żgurat li r-rekwiżiti imposti mis-sistemi legali rispettivi jkunu osservati filwaqt li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi legali tkun tista’ tiġi eżerċitata b’mod effettiv sa fejn possibbli. Fil-fatt, il-possibbiltà għal avukat li jipprovdi servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jiddependi – f’każ ta’ ħtieġa u meta dan jidher oġġettivament iġġustifikat – fuq il-pariri ta’ avukat nazzjonali li għandu l-għarfien meħtieġ tas-sistema ġudizzjarja kkonċernata tikkostitwixxi vantaġġ li jista’ jiffaċilita l-adattament tiegħu għal ambjent professjonali ġdid u, konsegwentement, tagħmel possibbli l-provvista transkonfinali ta’ servizzi legali ( 41 ). Għalhekk, fir-rigward tal-fatt li l-Artikolu 5 tad-Dirertiva 77/249 għandu bħala effett li jintroduċi mekkaniżmu li jippermetti li fatturi speċifiċi marbuta mat-tradizzjonijiet legali nazzjonali jittieħdu suffiċjentement inkunsiderazzjoni, il-preokupazzjonijiet espressi mill-qorti tar-rinviju kif ukoll ċerti minn partijiet ikkonċernati jidhru li ma humiex iġġustifikati.

68.

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li ma huwiex xieraq li l-allegati differenzi bejn is-sistemi legali tal-Istati Membri inkwistjoni jingħataw rilevanza eċċessiva. Dan huwa iktar u iktar veru f’kawża bħal dik ineżami li fiha ġie stabbilit li r-regoli ta’ proċedura eżaminati għandhom l-istess inkoerenzi. Nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha pjuttost tiffoka fuq l-eżami tal-koerenza u kif ukoll fuq il-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni Irlandiża inkwistjoni.

e)   Il-leġiżlazzjoni Irlandiża tesponi lill-parti fil-kawża għall-possibbiltà li jitqiegħed f’sitwazzjoni prekarja, li tista’ taffettwa d-drittijiet tad-difiża u tal-aċċess għall-ġustizzja

69.

Barra minn hekk, kunsiderazzjonijet marbuta mal-kriterju ta’ proporzjonalità jwassluni sabiex niddubita mill-konformità tal-leġiżlazzjoni Irlandiża inkwistjoni. B’mod iktar konkret, nosserva li l-parti fil-kawża inevitabbilment tiffaċċja l-għażla jew li tidher hija stess jew li taħtar avukat nazzjonali. Fil-fatt, ma jistax jiġi affermat bis-serjetà li l-parti fil-kawża ma hijiex miżmuma milli tuża s-servizzi tal-avukat “barrani” tal-fiduċja tagħha (minbarra li jkollha taħtar avukat nazzjonali). Minn perspettiva prattika, huwa probabbli ħafna li l-obbligu li wieħed ikollu jħallas l-ispejjeż marbuta mal-fatt li jiġu maħtura żewġ avukati b’mod parallel jobbliga lill-parti fil-kawża li tiddefendi lilha nnifisha. Issa, ma jistax jiġi eskluż li dan jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet insostenibbli mill-perspettiva tad-drittijiet tad-difiża u tal-aċċess għall-ġustizzja. Kif juru ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jiġifieri l-inkapaċità tar-rikorrent li jiżgura d-difiża tiegħu u li jħallas żewġ avukati, il-parti fil-kawża hija esposta għall-possibbiltà li ssostni żvantaġġi serji, b’mod partikolari fit-tilwim amministrattiv fejn ikollha tiffaċċja lill-Istat bir-riżorsi kunsiderevoli tiegħu.

70.

Naqbel mal-argument imressaq mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jipprovdi li l-parti fil-kawża tinsab f’sitwazzjoni partikolarment prekarja, mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-konsumaturi ta’ servizzi legali jekk, minħabba l-impossibbiltà prattika li tibbenifika minn servizzi ta’ fornitur ta’ servizzi transkonfinali, hija tkun obbligata li tidher hija stess u tiffaċċja l-isfidi kollha minħabba l-fatt li tiżgura d-difiża tagħha stess. Kif jindika ġustament ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, dawn il-partijiet fil-kawża jinsabu f’sitwazzjoni diffiċili fil-kuntest ta’ pajjiżi bis-sistema legali tal-common law fejn huma, fuq kollox, enfasizzati l-argumenti orali quddiem il-qrati ( 42 ).

71.

Jekk parti f’kawża mhux professjonali għandha tagħżel bejn li tiżgura r-rappreżentanza tagħha stess jew li tiġi rrappreżentata minn avukat li għandha fiduċja fih u li taha sodisfazzjon sħiħ fil-passat, ir-risposta għad-domanda dwar liema għażla toffri l-iktar protezzjoni hija evidenti. Huwa ċar li kemm l-interess tal-protezzjoni tal-konsumaturi ta’ servizzi legali kif ukoll dak tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huma moqdija l-aħjar meta l-qorti tista’ tibbenefika mill-preżenza ta’ avukat, kemm jekk avukat nazzjonali kemm avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor, li huwa l-iktar kapaċi sabiex jippreżenta argumenti legali ċari u rilevanti u li jiżgura li l-informazzjoni xierqa tinġieb għall-attenzjoni tal-qorti ( 43 ).

72.

F’dan il-kuntest, jidhirli ovvju li x-xenarju ideali li jqis bl-aħjar mod l-interessi hawn fuq imsemmija huwa dak li fih il-parti fil-kawża tista’ tiddependi fuq is-servizzi tal-avukat tal-għażla tagħha. Xenarju bħal dan josserva l-prinċipji li jikkaretterizzaw ir-relazzjoni speċjali bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, jiġifieri l-libertà kuntrattwali iżda fuq kollox il-fiduċja reċiproka ( 44 ). Jekk dan l-avukat ma huwiex avukat nazzjonali, jiġifieri jekk dan huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor, li jista’ jiġri f’kawżi li huma ta’ natura transkonfinali, għandu, fil-prinċipju, jkun biżżejjed li jiġi żgurat li dan tal-aħħar jissodisfa kriterji oġġettivi li minnhom huwa possibbli li jiġi dedott li huwa kapaċi li jieħu r-responsabbiltà li jirrappreżenta l-parti fil-kawża. Jidhirli li miżura bħal din hija ħafna inqas restrittiva, mill-perspettiva tal-proporzjonalità, mill-obbligu tal-avukat li jipprovdi servizzi legali li jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali. Ser nerġa’ niġi lura għall-aspett tal-proporzjonalità f’iktar dettall. Sa fejn dan l-avukat nazzjonali jkun ħafna drabi mhux magħruf, l-obbligu li jaħdmu flimkien jeżiġi mill-parti fil-kawża u l-avukat li jipprovdi servizzi sforz kunsiderevoli ta’ koordinazzjoni, li jista’ jsir ostakolu amministrattiv sinjifikattiv u għali għall-partijiet kollha, u jista’ jsir eċċessiv f’ċerti każijiet. Issa, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma għandux jiddependi mill-mezzi finanzjarji ta’ individwu.

73.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa probabbli li l-leġiżlazzjoni Irlandiża jkollha effett negattiv fuq l-għan li, fit-teoriija, hija tfittex li tilħaq. Minflok tiggarantixxi aċċess effettiv għall-ġustizzja, hija pjuttost tirrestrinġiha, billi tillimita l-għażliet tal-parti fil-kawża, u b’hekk possibbilment iddgħajjef id-drittijiet tad-difiża.

74.

Huwa veru li xenarju bħal dan jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari. Il-mod li bih hija applikata l-leġiżlazzjoni Irlandiża mill-qrati nazzjonali jikkostitwixxi fattur determinanti. Għalhekk, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit b’ċertezza jekk il-leġiżlazzjoni Irlandiża fil-fatt tiksirx id-drittijiet tad-difiża. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina dan filwaqt li tqis ukoll dan l-aspett.

f)   Il-leġiżlazzjoni Irlandiża għandha portata ġenerali u ma tqisx biżżejjed iċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari

75.

Il-leġiżlazzjoni Irlandiża inkwistjoni hija kkaratterizzata wkoll mill-fatt li għandha portata ġenerali sa fejn l-obbligu li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali ma jidhirx li jipprovdi għal xi eċċezzjoni għar-regola. Riġidità eċċessiva tal-leġiżlazzjoni nnifisha jew fuq il-livell tal-implimentazzjoni tagħha mill-qrati nazzjonali tista’ tirriżulta problematika fir-rigward tal-kriterju ta’ proporzjonalità. Dan l-aspett jeħtieġ eżami fil-fond.

76.

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, l-avukat li jipprovdi servizzi suppost jikkomunika lill-qrati nazzjonali l-isem tal-avukat li jipprattika taħt id-dritt Irlandiż, li jkun disponibbli sabiex jassistih fil-każ li dan l-avukat ikollu bżonn l-għajnuna dwar kwistjonijiet relatati mad-dritt nazzjonali, mal-prattika u mal-proċedura jew mar-regoli tal-etika professjonali fuq livell nazzjonali. Jidher li l-leġiżlazzjoni tħalli f’idejn l-avukat li jipprovdi servizzi u l-avukat nazzjonali sabiex jiddefenixxu r-rwoli rispettivi tagħhom f’kull każ partikolari, li jippermetti lill-professjonisti inkwistjoni li jiġġestixxu l-kooperazzjoni tagħhom b’mod relattivament flessibbli. F’dan il-kuntest, l-indħil fil-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jidhirx li jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija.

77.

Argument addizzjonali ta’ appoġġ għall-proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal ma hija dik inkwistjoni f’dan il-każ, li tippermetti ġestjoni flessibbli tal-kooperazzjoni bejn l-avukat li jipprovdi servizzi u l-avukat nazzjonali tista’ tiġi dedotta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, jirriżulta mis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ( 45 ) u Il-Kummissjoni vs Franza ( 46 ) li “[l-avukat li jipprovdi servizzi u l-avukat nazzjonali], suġġetti għar-regoli ta’ etika professjonali applikabbli fl-Istat Membru ospitanti, għandhom jiġu kkunsidrati li jiddefenixxu flimkien, fl-osservanza ta’ dawn ir-regoli ta’ etika professjonali u fl-eżerċizzju tal-awtonomija professjonali tagħhom, il-modalitajit ta’ kooperazzjoni xierqa għall-mandat fdat lilhom”. Ninterpreta s-silta msemmija hawn fuq fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja hija fundamentalment favorevoli għall-adozzjoni ta’ qafas regolatorju nazzjonali li jirrispetta l-awtonomija li tradizzjonalment tgawdi l-professjoni ta’ avukat kif ukoll l-interessi tal-parti fil-kawża. Madankollu, is-salvagwardja tal-imsemmija interessi teħtieġ grad kunsiderevoli ta’ flessibbiltà sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tal-każ preżenti. Il-kwistjonijiet legali ta’ kull kawża, l-ispeċjalizzazzjoni u l-esperjenza tal-avukati, kif ukoll il-fiduċja li tqiegħed fihom il-parti fil-kawża jeħtieġu intervent adegwat u adattat għas-sitwazzjoni rispettiva.

78.

Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li “[d]in il-kunsiderazzjoni ma teskludix il-possibbiltà għal-leġiżlaturi nazzjonali li jistabbilixxu l-qafas ġenerali tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ avukati”, għandu jiġi ppreċiżat li, l-ewwel nett, dan jikkonċerna biss “il-qafas ġenerali ta’ kooperazzjoni” u li, it-tieni nett, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza hija suġġetta għall-kundizzjoni li “l-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet tad-dmir li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali” ( 47 ). Billi jidher li l-leġiżlazzjoni Irlandiża toqgħod lura milli tirregola fid-dettall din il-kooperazzjoni bejn l-avukati, u tħalli f’idejhom x’jagħmlu, ma jidhirx li huwa neċessarju li neżaminawha fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

79.

Bħala konklużjoni preliminari, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Irlandiża tissodisfa, f’termini ġenerali, ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, hija timplimenta preċiżament dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkunsidrat dak iż-żmien bħala l-approċċ ideali li jiġi segwit, u tħalli f’idejn l-avukati sabiex jiddefinixxu flimkien, fl-osservanza ta’ dawn ir-regoli ta’ etika professjonali u fl-eżerċizzju tal-awtonomija professjonali tagħhom, il-modalitajiet xierqa tal-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-mandat fdat lilhom.

80.

Minkejja l-flessibbiltà murija fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, jiena għandi l-istess fehma espressa minn bosta partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari r-rikorrent u l-Kummissjoni, skont liema jista’ jkollok ċirkustanzi li jistgħu jagħmlu inutli l-obbligu tal-avukat li jipprovdi servizzi li jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali. Qiegħed naħseb b’mod partikolari fil-każ li fih l-avukat “barrani”, minħabba t-taħriġ jew l-esperjenza professjonali tiegħu, ikollu l-għarfien meħtieġ sabiex jirrappreżenta u jiddefendi l-parti fil-kawża fit-tilwimiet pendenti quddiem il-qrati nazzjonali. Barra minn hekk, huwa possibbli wkoll li wieħed jaħseb f’każijiet ta’ kumplessità baxxa li l-avukat “barrani” jkun kapaċi jiġġestixxi waħdu.

81.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-eżiġenza li wieħed jirrikorri għas-servizzi ta’ avukat nazzjonali twassal għas-sitwazzjoni fejn dan jiżvolġi rwol purament “simboliku”, jiġifieri bl-ebda mod neċessarju għall-bżonnijiet tal-ġustizzja u tal-parti fil-kawża. Madankollu, l-iżvantaġġi tat-tip finanzjarju u prattiku għall-parti fil-kawża u l-avukat li jipprovdi servizzi, diġà msemmija f’dawn il-konklużjonijiet, jibqgħu l-istess. Minn dan isegwi li, sa fejn dan ir-rekwiżit, fil-kundizzjonijiet deskritti preċedentement, imur b’mod ċar lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-interessi leġittimi protetti mil-leġiżlazzjoni Irlandiża, huwa għandu jitqies bħala sproporzjonat.

82.

Kunsiderazzjonijiet bħal dawn huma meħtieġa b’mod partikolari f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn huwa paċifiku li l-avukata li tirrappreżenta lir-rikorrent, minkejja l-fatt li hija ngħatat it-taħriġ tagħha fil-Ġermanja, ipprattikat il-professjoni tagħha ta’ avukat fl-Irlanda bis-saħħa tad-drittijiet mogħtija lilha bid-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni ( 48 ). Għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 98/5 għandha l-għan li timplimenta d-dritt ta’ stabbiliment minqux fl-Artikolu 57 KEE, illum l-Artikolu 53 TFUE. Kuntrarjament għal-libertà tal-provvista ta’ servizzi li tippermetti lil persuna li tipprovdi servizz li teżerċita temporanjament l-attività tagħha fl-Istat Membru li fih huwa pprovdut is-servizz, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk imposti mill-Istat Membru liċ-ċittadini tiegħu stess, id-dritt ta’ stabbiliment ikopri d-dritt ta’ aċċess għal attivitajiet independenti u tal-eżerċizzju tagħhom u dak ta’ ħolqien u ta’ ġestjoni ta’ impriżi bil-ħsieb li tiġi eżerċitata attività permanenti f’kuntest stabbli u kontinwu, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbilit fid-dritt tal-Istat Membru għaċ-ċittadini tiegħu stess.

83.

Jidhirli li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ raġonevolment ikun mistenni li avukat “barrani” jakkwista ċerta familjarità mal-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru ospitanti, inkluż id-dritt nazzjonali u r-regoli ta’ etika professjonali. Għalhekk, wieħed jista’ jassumi li huwa jkun jista’ jipprattika l-professjoni ta’ avukat b’mod relattivament awtonomu.

84.

F’dan il-kuntest, nixtieq nirrimarka li l-premessa 14 tad-Direttiva 98/5 tikkonferma din l-evalwazzjoni, minħabba li minnha jirriżulta li, minn naħa, “l-Istat Membru li jilqa’ għandu jikkonsidra kull esperjenza professjonali miksuba fit-territorju tiegħu” u li, min-naħa l-oħra, “wara li effettivament u regolarment isegwi fl-Istat Membru attività fil-liġi ta’ dak l-Istat inkluża l-liġi [tal-Unjoni] għal perijodu ta’ tliet snin, [avukat oriġinarjament ta’ Stat Membru ieħor] jista’ raġonevolment ikun meqjus li kiseb il-kapaċità meħtieġa sabiex isir kompletament integrat fil-professjoni legali hemmhekk; billi fl-aħħar ta’ dak il-perijodu l-avukat li jista’, suġġett għall-verifikazzjoni, jagħti xhieda tal-kompetenza professjonali tiegħu fl-Istat Membru ospitanti”. Fil-każ fejn l-avukat tar-rikorrent ikun issodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 98/5, ma għandu jkun hemm l-ebda dubju dwar l-integrazzjoni tiegħu fil-professjoni ta’ avukat fl-Irlanda.

85.

Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-avukat diġà rrappreżenta lir-rikorrent quddiem il-qrati nazzjonali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-mertu tal-kawża kien jikkonċerna d-dritt tal-Unjoni ( 49 ), u mhux id-dritt nazzjonali, u fejn il-kwistjonijiet li kellhom jiġu deċiżi kienu jikkonċernaw spejjeż u, possibbilment, rimedji għal ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri kwistjonijiet li ma jeħtiġux l-għajnuna sostanzjali ta’ avukat nazzjonali.

86.

Minn dan isegwi, bla ħsara għall-konstatazzjonijiet fattwali li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jidhru li jiġġustifikaw approċċ iktar sfumat. Il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni Irlandiża inkwistjoni effettivament tiħux inkunsderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ u, jekk ikun il-każ, jekk applikazzjoni iktar flessibbli ta’ din il-leġiżlazzjoni, jew saħansitra eżenzjoni mill-obbligu li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat ieħor, humiex meħtieġa minħabba dawn iċ-ċirkustanzi.

87.

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ liema kriterji speċifiċi l-qorti tar-rinviju għandha tapplika sabiex tiddetermina jekk l-obbligu li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat ieħor jistax jiġi impost f’każ partikolari, għandu jiġi osservat li dan huwa s-suġġett tar-raba’ domanda preliminari. Għalhekk, għal raġunijiet ta’ ċarezza, huwa xieraq li dan is-suġġett jiġi ttrattat fil-kuntest tal-analiżi rispettiva.

88.

F’dan l-istadju tal-analiżi, huwa biżżejjed li wieħed jiftakar li l-obbligu li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat ieħor ma jidhirx sproporzjonat sa fejn jeżiġi biss il-komunikazzjoni lill-qrati nazzjonali tal-isem ta’ avukat li jipprattika skont id-dritt Irlandiż, li jkun disponibbli li joffri għajnuna lill-avukat li jipprovdi servizzi fil-każ ta’ bżonn, filwaqt li tħalli lill-professjonisti sabiex jiddefinixxu l-irwol rispettiv tagħhom f’kull każ partikolari.

89.

Madankollu, għandi dubji dwar il-proporzjonalità ta’ obbligu bħal dan li kieku jirriżulta li dan ikun strett wisq sabiex l-aspetti diversi tal-każ inkwistjoni jittieħdu suffiċjentement inkunsiderazzjoni, aspetti bħal dawk li semmejt fl-osservazzjonijiet tiegħi preċedenti. Interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Irlandiża konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-qorti tar-rinviju tista’ tikkontribwixxi sabiex tevita inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni.

4.   Risposta għall-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari

90.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li Stat Membru jista’ biss juża l-għażla li tinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249 jekk ir-restrizzjoni imposta fuq il-parti koperta minn din l-istess direttiva hija ġġustifikata għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u hija xierqa u proporzjonata għat-twettiq ta’ dan il-għan. Għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ, meta l-parti koperta mid-Direttiva 77/249 tixtieq tirrappreżenta persuna li għandha dritt tidher mingħajr rappreżentanza quddiem il-qorti adita, ma jidhirx li restrizzjoni bħal din tilħaq tali għan b’mod koerenti.

91.

Barra minn hekk, jiena nqis li, fil-każ fejn huwa, fil-prinċipju, xieraq li jsir użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249, sistema bħal dik prevista fil-leġiżlazzjoni Irlandiża, li hija limitata għall-ħtieġa tal-komunikazzjoni lill-qrati nazzjonali tal-isem tal-avukat li jipprattika skont id-dritt Irlandiż, li jkun disponibbli sabiex joffri għajnuna lil avukat li jipprovdi servizzi fil-każ ta’ bżonn, filwaqt li tħalli lill-professjonisti sabiex jiddefinixxu l-irwol rispettiv tagħhom f’kull każ partikolari, tikkostitwixxi ksur proporzjonat għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

C. Fuq ir-raba’ domanda preliminari

1.   Fuq in-neċessità ta’ interpretazzjoni konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità

92.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifiki dwar l-obbligu impost fuq avukat li jipprovdi servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor li jaġixxi flimkien ma’ avukat nazzjonali. Hija tixtieq tkun taf jekk huwiex permissibbli, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, li jiġi impost obbligu bħal dan fiċ-ċirkustanzi kollha u, jekk dan ma huwiex il-każ, liema huma l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali meta hija tiddetermina jekk tali obbligu jistax ikun impost f’każ partikolari.

93.

Kif ġie spjegat fl-analiżi tiegħi tal-ewwel tliet domandi preliminari, sistema bħal dik prevista mill-leġiżlazzjoni Irlandiża tikkostitwixxi, fid-dawl tal-modalitajiet għall-ħidma flimkien preskritti, ksur proporzjonat għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu, għandi nispeċifika li din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-premessa li huwa assolutament neċessarju li tintuża l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249 sabiex jintlaħqu l-għanjiet segwiti mill-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jiġifieri l-ħtieġa li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-parti fil-kawża kif ukoll li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

94.

Il-leġiżlazzjoni Irlandiża li tittrasponi l-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249, li timponi l-obbligu li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat ieħor, tqajjem dubji dwar il-proporzjonalità tagħha, għar-raġuni li tidher li tapplika fil-każijiet kollha mingħajr ma tieħu suffiċjentement inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami. Jiena diġà ġbidt l-attenzjoni għall-fatt li ċerti ċirkustanzi jistgħu jagħmlu tali obbligu bla bżonn. Fid-dawl tal-grad ta’ ndħil li miżura bħal din għandha fuq l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jidhirli evidenti li din għandha titqies bħala sproporzjonata u, konsegwentement, inkompatibbli mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249, kif interpretata fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE, jekk hija għandha tiġi applikata b’mod strett, mingħajr possibbiltà ta’ eċċezzjonijiet meta r-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali applikabbli ma jkunux imqiegħda f’ perikolu mis-servizzi pprovduti minn avukat li jipprovdi servizzi li jixtieq jidher f’kawża mingħajr ma jkun akkumpanjat minn avukat nazzjonali.

95.

Fost dawn iċ-ċirkustanzi, nistgħu niċċitaw b’mod partikolari, is-sitwazzjoni li fiha l-avukat li jipprovdi servizzi, fuq il-bażi tat-taħriġ jew l-esperjenza professjonali tiegħu, għandu l-għarfien meħtieġ sabiex jirrappreżenta u jiddefendi l-parti fil-kawża fit-tilwimiet pendenti quddiem il-qrati nazzjonali. Barra minn hekk, hemm każijiet ta’ kumplessità baxxa u li ma jeħtiġux l-intervent ta’ avukat nazzjonali. Dawn il-każijiet kollha għandhom bħala aspett komuni li l-avukat li jipprovdi servizzi jkun ġeneralment f’pożizzjoni li jirrappreżenta l-parti fil-kawża huwa stess filwaqt li jissodisfa l-interessi leġittimi hawn fuq imsemmija.

96.

Inqis li huwa essenzjali li tiġi żviluppata serje ta’ kriterji oġġettivi abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi b’ċertezza liema każijiet ikunu jeħtieġu applikazzjoni iktar flessibli tal-obbligu li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat ieħor, jew saħansitra eżenzjoni minnha, skont il-każ. Dan ikollu l-effett li jippermetti lill-qorti tar-rinviju timplimenta l-prinċipju ta’ proporzjonalità fejn jidher xieraq. L-interpretazzjoni konformi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterji msemmija tiżgura l-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

2.   Fuq il-kriterji li l-qorti tar-rinviju għandha tapplika meta tiddetermina jekk għandux jiġi impost obbligu li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat ieħor

97.

L-ewwel kategorija ta’ kriterji li jistgħu jippermettu lill-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk obbligu li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat ieħor huwiex proporzjonat mal-interessi leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali hija marbuta mat-taħriġ kif ukoll l-esperjenza professjonali tal-avukat li jipprovdi servizzi fl-Irlanda. Studji u korsijiet ta’ taħriġ possibbilment imwettqa fid-dritt ta’ dan l-Istat Membru jistgħu jagħtu indikazzjonijiet utli fuq il-kompetenza professjonali tiegħu fi kwistjonijiet ta’ liġi sostantiva u proċedurali, ta’ terminoloġija legali u ta’ regoli ta’ etika professjonali. Il-fatt li diġà ġie awtorizzat minn qrati oħra tal-istess Stat Membru sabiex jirrappreżenta lill-parti fil-kawża inkwistjoni (jew f’kawżi konnessi) jista’ wkoll ikun utli.

98.

It-tieni kategorija ta’ kriterji tinkludi in-natura tal-proċedura, il-kumplessità tal-kawża kif ukoll il-qasam tad-dritt applikabbli. Għalhekk, kawżi li ma jippreżentaw ebda kumplessità partikolari u li ma jeħtiġux neċessarjament l-intervent ta’ avukat nazzjonali jistgħu jiġu fdati lill-avukat li jipprovdi servizzi waħdu. Bl-istess mod, kawżi li jaqgħu taħt id-dritt internazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni jistgħu ma jipprevedux neċessarjament il-parteċipazzjoni ta’ avukat nazzjonali, minħabba l-fatt li dawn l-oqsma ta’ dritt imorru lil hinn mill-kuntest purament nazzjonali minħabba n-natura tagħhom. Min-naħa l-oħra, kawża li taqa’ esklużivament taħt id-dritt Irlandiż, u li possibbilment teħtieġ ċertu grad ta’ speċjalizzazzjoni, tista’ teħtieġ intervent kbir ta’ avukat nazzjonali.

99.

Dan il-katalogu ta’ kriterji oġġettivi bl-ebda mod ma huwa eżawrjenti, iżda jservi sabiex juri ċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw approċċ iktar flessibbli meta wieħed jiġi biex jiddetermina jekk hemmx lok li jiġi impost obbligu li wieħed jaġixxi flimkien ma’ avukat ieħor f’każ partikolari. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-kriterji li għandhom jiġu applikati għandhom valur indikattiv, peress li l-qorti tar-rinviju jkollha teżerċita l-marġni ta’ evalwazzjoni tagħha sabiex tidentifika hija stess iċ-ċirkustanzi tal-każ. Fir-rigward tal-proċedura preċiża li għandha tiġi segwita, inqis li huwa xieraq li nafda r-regolamentazzjoni tal-modalitajiet lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Bla ħsara għall-kompetenzi tal-qorti tar-rinviju skont id-dritt Irlandiż, jidhirli li din għandha tkun f’pożizzjoni li tfassal proċedura simili għal dik li żviluppat permezz tal-ġurisprudenza meta parti fil-kawża lajka titlob li tiġi rrappreżentata minn persuna mhux professjonista ( 50 ).

100.

Barra minn hekk, l-approċċ propost għandu l-vantaġġ li jieħu debitament inkunsiderazzjoni preokupazzjonijiet espressi mill-qorti tar-rinviju dwar ir-riskju li jkollha tawtorizza l-intervent ta’ persuna li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-protezzjoni effettiva tal-parti fil-kawża. Billi tivverifika għaliha nnifisha li l-avukat li jipprovdi servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor jissodisfa effettivament il-kriterji li jistgħu juru kompetenza suffiċjenti li jkun jista’ tieħu ħsieb ir-rappreżentanza tal-parti fil-kawża fil-kuntest ta’ tilwima pendenti quddiemha, il-qorti tar-rinviju tkun f’pożizzjoni li tiżgura li l-interessi leġittimi msemmija jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni.

3.   Risposta għar-raba’ domanda preliminari

101.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nasal għall-konklużjoni li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra li huwa permess, fil-kuntest tas-sistema Irlandiża, li timponi l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249, jidher madankollu li jkun sproporzjonat li tapplika approċċ bħal dan b’mod strett, mingħajr il-possibbiltà ta’ eċċezzjonijiet meta r-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ma jkunux f’perikolu bis-servizzi pprovduti minn avukat li jipprovdi servizzi li jixtieq jidher f’kawża mingħajr ma jkun akkumpanjat. Għall-kuntrarju, is-sistema għandha tkun kapaċi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, filwaqt li tikkunsidra t-taħriġ u l-esperjenza speċifiċi tal-avukat li jipprovdi servizzi kkonċernat kif ukoll in-natura tal-proċedura li fiha jixtieq jipparteċipa l-avukat li jipprovdi servizzi, il-kumplessità tal-kawża u l-qasam tad-dritt applikabbli.

VI. Konklużjoni

102.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda):

Stat Membru jista’ biss juża l-għażla li tinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249 tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġi pprovduti servizzi minn avukati jekk ir-restrizzjoni imposta fuq il-parti koperta minn din l-istess direttiva hija ġġustifikata għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u li hija xierqa u proporzjonata għat-twettiq ta’ dan il-għan. Għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ, meta l-parti koperta mid-Direttiva 77/249 tixtieq tirrappreżenta persuna li għandha dritt tidher mingħajr rappreżentanza quddiem il-qorti adita, ma jidhirx li restrizzjoni bħal din tilħaq tali għan b’mod koerenti.

Fil-każ fejn huwa, fil-prinċipju, xieraq li jsir użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249, sistema bħal dik prevista fil-leġiżlazzjoni Irlandiża, li teżiġi biss li jiġi indikat l-avukat awtorizzat sabiex jidher quddiem il-qorti nazzjonali adita u li jkun aċċetta li jipparteċipa fil-proċedura, tikkostitwixxi ksur proporzjonat għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

Madankollu, jkun sproporzjonat li tali approċċ jiġi applikat b’mod strett, mingħajr il-possibbiltà ta’ eċċezzjonijiet meta r-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ma humiex f’perikolu minħabba l-provvista tas-servizzi previsti. Sistema, bħal dik prevista mid-dritt Irlandiż, għandha għall-kuntrarju tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, billi tieħu inkunsiderazzjoni t-taħriġ u l-esperjenza speċifiċi tal-avukat li jipprovdi servizzi kkonċernat kif ukoll in-natura tal-proċedura li fiha jixtieq jipparteċipa l-avukat li jipprovdi servizzi, il-kumplessità tal-kawża u l-qasam tad-dritt applikabbli.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 62.

( 3 ) Għandu jiġi speċifikat liema huma s-servizzi inkwistjoni fil-kawża preżenti peress li l-attivitajiet eżerċitati minn avukat jistgħu jinkludu firxa wiesgħa ta’ kompiti. Kif jindika l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Wouters et (C‑309/99, EU:C:2001:390, punt 50), l-attivitajiet eżerċitati minn avukat huma tradizzjonalment ikkonċentrati madwar żewġ funzjonijiet essenzjali: minn naħa, pariri legali (li jinkludu konsultazzjoni, negozjar u l-abbozzar ta’ ċerti atti) u, min-naħa l-oħra, l-assistenza u r-rappreżentazzjoni tal-klijent quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji u extra ġudizzjarji.

( 4 ) Ara, f’dan ir-rigward, Visegrády, A., “Legal Cultures in the European Union”, Acta Juridica Hungarica, Vol. 42, Nru 3-4 (2001), p. 203, li tiddistingwi, b’mod ġenerali ħafna, bejn il-familji ġuridiċi Rumani, Ġermaniċi, Nordiċi u tal-“common law”.

( 5 ) Il-kittieb, filosfu u mużiċist minn Ġinevra Jean-Jacques Rousseau kiteb fis-seklu XVIII: “illum ma hemmx iktar Franċiżi, Ġermaniżi, Spanjoli, anki Ingliżi, jista’ wieħed jgħid; hawn biss Ewropej.”

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:102, punti 37 u 39) kif ukoll is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punti 31 u 59). Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-irwol tal-avukat, l-Artikolu 1.1. tal-Karta tal-Prinċipji Essenzjali tal-Avukat Ewropew u l-Kodiċi tal-Etika Professjonali tal-Avukati Ewropej, Kunsill tal-Kmamar tal-Avukati Ewropej (CCBE), 2019, jipprovdi li “[f’]soċjetà mwaqqfa fuq l-osservanza tal-ġustizzja, l-avukat jaqdi rwol prominenti. Il-missjoni tiegħu ma hijiex limitata għall-eżekuzzjoni leali ta’ mandat fil-qafas tal-liġi. L-avukat għandu jiżgura l-osservanza tal-Istat ta’ dritt u r-rispett tal-interessi ta’ dawk li jiddefendi d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom. Huwa d-dmir tal-avukat mhux biss li jiddefendi l-kawża tal-klijent tiegħu iżda wkoll li jkun l-avukat tiegħu. Ir-rispett tal-missjoni tal-avukat hija kundizzjoni essenzjali għall-Istat ta’ dritt u għal soċjetà demokratika”.

( 7 ) Sentenzi tas-26 ta’ Frar 2020, Stanleyparma u Stanleybet Malta (C‑788/18, EU:C:2020:110, punt 17), tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos (C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 98), tat-12 ta’ Settembru 2013, Konstantinides (C‑475/11, EU:C:2013:542, punt 44), tat-18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management (C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 57), u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑577/10, EU:C:2012:814, punt 38).

( 8 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Taxxa ta’ Reġistrazzjoni) (C‑552/15, EU:C:2017:698, punt 74).

( 9 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (427/85, EU:C:1988:98, punti 12 u 13).

( 10 ) Sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund et (C‑292/92, Ġabra p. I‑6787, punt 8); tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, Ġabra p. I-349, punt 50), u tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 23).

( 11 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 1988, (427/85, EU:C:1988:98, punt 22).

( 12 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 1988 (427/85, EU:C:1988/98). Korsiv miżjud minni.

( 14 ) Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Lahorgue (C‑99/16, EU:C:2017:107, punt 56), l-Avukat Ġenerali Wathelet indika li jeżisti kunċett komuni tal-irwol tal-avukat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni: dik ta’ kollaboratur tal-ġustizzja li jintalab sabiex jipprovdi, b’indipendenza sħiħa u fl-interess superjuri tagħha, l-assistenza legali li l-klijent ikollu bżonn. Din il-protezzjoni għandha bħala korrispettiv id-dixxiplina professjonali, imposta u kkontrollata mill-interess ġenerali.

( 15 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006 (C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 64).

( 16 ) Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996 (C‑3/95, EU:C:1996:487, punt 38).

( 17 ) Sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017 (C‑99/16, EU:C:2017:391, punt 35).

( 18 ) Peress li, l-ewwel nett, l-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju kif ukoll tal-partijiet ikkonċernati jindirizzaw esklużivament ir-rekwiżiti ta’ koerenza u ta’ proporzjonalità u, it-tieni nett, ħadd ma jikkontesta l-propensità tal-leġiżlazzjoni Irlandiża li tikseb l-għanijiet imsemmija fil-punt 36 tal’ dawn il-konklużjonijiet, issa ser niffoka fuq l-analiżi ta’ dawn iż-żewġ kriterji.

( 19 ) Sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Garkalns (C‑470/11, EU:C:2012:505, punt 37), tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 43), tat-12 ta’ Ġunju 2014, Digibet u Albers (C‑156/13, EU:C:2014:1756, punt 26), u tal-14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia (C‑342/17, EU:C:2018:906, punt 52).

( 20 ) Sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C‑243/01, EU:C:2003:597), tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑158/03, mhux ippubblikata, EU:C:2005:642, punt 48), u tad-19 ta’ Diċembru 2018, Stanley International Betting u Stanleybet Malta (C‑375/17, EU:C:2018:1026, punt 76).

( 21 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 1988 (427/85, EU:C:1988:98, punt 13).

( 22 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (427/85, EU:C:1988:98, punt 14).

( 23 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (427/85, EU:C:1988:98, punt 15).

( 24 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (427/85, EU:C:1988:98, punt 15).

( 25 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1991Il-Kummissjoni vs Franza (C‑294/89, EU:C:1991:302).

( 26 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑294/89, EU:C:1991:302, punt 18).

( 27 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 1988Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (427/85, EU:C:1988:98, punt 13).

( 28 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑294/89, EU:C:1991:302, punti 17 sa 20).

( 29 ) Ara l-punti 44 sa 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Frar 1988 (427/85, EU:C:1988:98, punt 13 u d-dispożittiv), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet id-dritt Ġermaniż sempliċement bħala “li ma jimponix l-assistenza obbligatorja ta’ avukat” mingħajr ma kienet iktar speċifika.

( 31 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑294/89, EU:C:1991:302, punti 18 u 19 kif ukoll id-dispożittiv), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet id-dritt Franċiż bħala “ma jeżiġix l-assistenza obbligatorja ta’ avukat” mingħajr ma speċifikat il-karatteristiċi tiegħu.

( 32 ) Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Irlandiż jagħmlu riferiment għas-sentenza mogħtija mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema) fil-kawża Coffey v. The Environmental Protection Agency [2014] 2 IR 125. Il-possibbiltà li tiġi awtorizzata r-rappreżentanza ta’ parti fil-kawża lajka minn persuna mhux professjonista tidher li tirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza.

( 33 ) Id-dritt Ġermaniż fil-kamp ta’ proċedura ċivili jistabbilixxi distinzjoni bejn “Bevollmächtigte” u “Beistand”, irregolati rispettivament mill-Artikolu 79(2) u l-Artikolu 90 taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). Il-funzjoni tagħhom hija, b’mod ġenerali, li jirrappreżentaw u jappoġġjaw lill-parti fil-kawża quddiem il-qrati u t-tnejn li huma għandhom il-possibbiltà li jagħmlu dikjarazzjonijiet f’isimha, għalkemm ċertament hemm differenzi importanti bejn il-kompetenzi rispettivi tagħhom. Dawn ma humiex neċessarjament professjonisti legali. Huwa espressament previst li membri adulti tal-familja jistgħu jassumu dawn l-irwoli. Huwa biss il-“Bevollmächtigte” li għandu jkun avukat meta l-liġi tirrikjedi dan. Il-“Beistand” hija ġeneralment persuna partikolarment qrib tal-parti fil-kawża, li għandha l-fiduċja sħiħa tagħha u li hija kapaċi tagħmel espożizzjoni tal-kawża. Il-qorti tista’ tirrifjuta l-intervent tagħhom meta ma jissodisfawx il-kriterji previsti mil-liġi jew ma jkunux jistgħu jippreżentaw il-kawża kif suppost (ara Krüger, W., et Rauscher, T. (dir.), Münchener Kommentar zur Zivilprozessordnung, is-sitt edizzjoni, Munich, C. H. Beck, 2020). Dispożizzjonijiet simili jeżistu f’kodiċijiet ta’ proċedura oħrajn, pereżempju, fl-Artikolu 67(2) u (7) tal-Verwaltungsgerichtsordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva) u fl-Artikolu 22(1) tal-Bundesverfassungsgerichtsgesetz (il-Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali Federali) (ara Posser, H., u Wolff, H. A. (dir.), Kommentar zur Verwaltungsgerichtsordnung, l-erbgħa u ħamsin edizzjoni, Munich, C. H. Beck, 2020).

( 34 ) Ara l-punti 46 sa 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Ara l-punti 50 sa 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Ara l-punti 57 u 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawżi magħquda van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:185).

( 38 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawżi magħquda Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:185, punt 33).

( 39 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawżi magħquda van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:185, punt 34). Korsiv miżjud minni.

( 40 ) Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Ara l-punti 23 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, Bakshi, P. M., “Pleadings: Role and Significance”, Journal of the Indian Law Institute, Vol. 34, Nru 3 (Lulju-Settembru 1992), p. 355, jindika li l-mod ta’ ligitazzjoni darba kiseb importanza kbira fl-Ingilterra, li kien ġibed l-attenzjoni tal-imħallfin u l-avukati; Clark, C. E., “History, Systems and Functions of Pleading”, Virginia Law Review (1925) 11, p. 525 et seq., jispjega li s-sistema ta’ litigazzjoni ġiet stabbilita fl-Ingilterra wara l-konkwista Normanna u saret vera “xjenza” denja li tiġi kkultivata; Thornburg, E.G., “Defining Civil Disputes: Lessons from Two Jurisdictions”, Melbourne University Lew Review, Vol. 35, Nru 1, Novembru 2011, p. 211, jispjega li inizjalment, il-proċedura fis-sistema Ingliża tal-common law kienet tipprevedi biss fażi orali. Kien mill-XV-il seklu ’il quddiem li l-proċedura pprevediet ukoll fażi li tippermetti lill-partijiet fil-kawża li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

( 43 ) Kif jirrileva l-Avukat Ġenerali Bobek fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Uniwersytet Wrocławski u l-Polonja vs REA (C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2019:774, punt 103), “ir-rappreżentanza legali taqdi rwol kruċjali fl-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Mingħajr rappreżentanza legali xierqa, ir-rikorrent jaf ma jkunx kapaċi jressaq, u l-imħallef jieħu konjizzjoni ta’, l-argumenti neċessarji kollha favur ir-rikorrent”. Ara, f’dan is-sens, Charte des principes essentiels de l’avocat européen u Code de déontologie des avocats européens, op. cit., nota 11, p. 7, punt 6, fejn l-avukat b’mod partikolari huwa deskritt bħala “attur indispensabbli għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”. Ara, ukoll, p. 9, “Prinċipju (i) - ir-rispett tal-Istat tad-dritt huwa kontribuzzjoni għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”. Korsiv miżjud minni.

( 44 ) Kif ifakkar l-Avukat Ġenerali Bobek fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Uniwersytet Wrocławski u il-Polonja vs REA (C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2019:774, punt 111), “jekk tirriżulta xi tema komuni mill-għarfien (naturalment limitat) tiegħi tal-prassi fl-Istati Membri […], ir-rappreżentanza legali hija primarjament kwistjoni ta’ għażla privata u ta’ libertà kuntrattwali (miż-żewġ naħat). Il-klijent huwa liberu li jagħżel lill-avukat tiegħu, u l-avukat huwa liberu, bħala prinċipju, li jagħżel lill-klijenti tiegħu. Ir-relazzjoni hija bbażata fuq il-fiduċja. Kwalunkwe intervent f’din ir-relazzjoni għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet serji li juru neċessità ċara u imperattiva li ‘jiġi protett ir-rikorrent mill-avukat tiegħu’. Iktar minn hekk, jekk xi kwistjonijiet problematiċi jiġu identifikati, dawn ikunu indirizzati b’mod iktar xieraq mill-korpi regolatorji rispettivi fi proċeduri dixxiplinari jew fi proċeduri oħra.” Korsiv miżjud minni.

( 45 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 1988 (427/85, EU:C:1988:98, punt 24). Korsiv miżjud minni.

( 46 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1991 (C‑294/89, EU:C:1991:302, punt 31).

( 47 ) Sentenzi tal-25 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (427/85, EU:C:1988:98, punt 25), u tal-10 ta’ Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑294/89, EU:C:1991:302, punt 32).

( 48 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83.

( 49 ) Nixtieq nirrimarka li l-Kawża C‑167/17, Klohn, li fiha l-avukat irrappreżenta lir-rikorrent fil-kawża prinċipali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kellha bħala suġġett talba għal domanda preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema), jiġifieri l-qorti tar-rinviju fil-kawża preżenti, u kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 85/337/KEE tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151), kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).

( 50 ) Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijet.

Top