Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0735

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2020.
Euromin Holdings (Cyprus) Limited.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa Senāts.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Direttiva 2004/25/KE – Offerta pubblika ta’ akkwiżizzjoni – L-ewwel u t-tieni subparagrafu Artikolu 5(4) – Protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji – Offerta obbligatorja ta’ akkwiżizzjoni – Metodu ta’ kalkolu tal-valur tal-azzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat il-prezz raġonevoli – Setgħa ta’ tibdil tal-prezz raġonevoli – Eċċezzjonijiet mill-mod ta’ kalkolu standard f’ċirkustanzi u skont kriterji ddeterminati b’mod ċar – Responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat – Dannu mġarrab mill-offerent li jirriżulta minn offerta ta’ prezz għoli wisq.
Kawża C-735/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:697

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑735/19

Euromin Holdings (Cyprus) Limited

vs

Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital, il-Latvja)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas (Senāts) (is-Senat tal-Qorti Suprema, il-Latvja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Direttiva 2004/25/KE – Offerti ta’ akkwiżizzjoni – Protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji – Offerta obbligatorja – Artikolu 5(4) – Determinazzjoni tal-prezz raġonevoli li għandu jiġi offrut – Applikazzjoni ta’ prezz differenti mill-ogħla prezz imħallas mill-offerent – Awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja tal-ogħla prezz imħallas – Kalkolu tal-prezz tal-azzjoni bbażat fuq il-valur tan-negozju avvjat – Kriterji oġġettivi ta’ valutazzjoni li ġeneralment jintużaw fl-analiżi finanzjarja – Responsabbiltà tal-Istat għal traspożizzjoni jew applikazzjoni mhux korretti tad-dritt tal-Unjoni – Dritt tal-offerent għal kumpens minħabba l-iffissar ta’ prezz sovravvalutat – Tnaqqis standard tal-kumpens – Natura xierqa tal-kumpens”

I. Introduzzjoni

1.

Meta investitur jakkwista azzjonijiet f’kumpannija b’tali mod li jkun jista’, minn dak iż-żmien ’il quddiem, jikkontrolla l-attivitajiet tagħha, dan ikollu impatt mhux biss fuq it-tmexxija tal-kumpannija, iżda wkoll fuq l-azzjonisti tagħha. Dawn l-azzjonisti ma ħadux id-deċiżjoni ta’ investiment tagħhom taħt dawn il-kundizzjonijiet, u għalhekk jistgħu jixtiequ, f’ċerti każijiet, li ma jibqax ikollhom sehem fil-kumpannija. Huwa għal din ir-raġuni li d-Direttiva Ewropea fuq offerti ta’ xiri ( 2 ) tobbliga lill-investitur li jikseb il-kontroll ta’ kumpannija, l-hekk imsejjaħ offerent, li joffri lill-azzjonisti minoritarji li jifdal biex jixtri l-azzjonijiet tagħhom bi prezz raġonevoli. Skont id-Direttiva, il-prezz raġonevoli huwa l-ogħla prezz li l-offerent ħallas għall-istess sigurtajiet f’perijodu ta’ żmien speċifikat qabel l-akkwiżizzjoni tal-kumpannija.

2.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk u taħt liema kundizzjonijiet l-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-offerent iħallas lill-azzjonisti l-oħra prezz differenti mill-ogħla prezz imħallas mill-offerent. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrattat ċerti aspetti ta’ din il-kwistjoni fi proċedura oħra ( 3 ).

3.

Min-naħa l-oħra, tqum il-mistoqsija dwar jekk l-offerent għandux rimedju kontra Stat Membru li jkun obbligah iħallas prezz eċċessiv, u, jekk ikun il-każ, liema.

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2004/25

4.

Il-premessi 6 sa 9 tad-Direttiva 2004/25 jagħtu, f’estratti, dan li ġej:

“(6)

Sabiex ikun effettiv, regolament ta’ xiri għandu jkun flessibli u kapaċi jimxi ma’ ċirkostanzi ġodda li jinħolqu u fejn meħtieġ għandu jkollu l-possibilità ta’ eċċezzjonijiet u derogi. Madankollu, fl-applikazzjoni ta’ kwalunkwe regola jew eċċezzjoni stabbilita jew fl-għotja ta’ xi deroga, l-awtoritajiet superviżorji għandhom isegwu ċerti prinċipji ġenerali.

[…]

(8)

Skond il-prinċipji ġenerali tal-Liġi tal-Komunità, u b’mod partikolari id-dritt għal seduta imparzjali, id-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità superviżorja għandhom f’ċirkostanzi xierqa ikunu suġġetti għal reviżjoni minn qorti jew tribunal indipendenti. Madankollu, għandhom ikunu l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk id-drittijiet għandhomx ikunu disponibbli għall-użu f’seduti amministrattivi jew ġudizzjarji, jew fi proċeduri kontra xi awtorità superviżorja jew fi proċeduri bejn partijiet għall-offerta.

(9)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu lid-detenturi tas-sigurtajiet, b’mod partikolari dawk b’assi f’minoranza, meta jinkiseb il-kontroll tal-kumpanniji tagħhom. L-Istati Membri għandhom jassiguraw din il-protezzjoni billi jobbligaw lill-persuna li tkun kisbet il-kontroll ta’ xi kumpannija biex tagħmel offerta lid-detenturi kollha tas-sigurtajiet tal-kumpannija għall-assi kollha tagħhom bi prezz raġonevoli skond id-definizzjoni komuni. […]”

5.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/25 jipprovdi:

“1.   Għall-iskop li tiġi implimentata din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-prinċipji kif ġejjin jiġu mħarsa:

a)

id-detenturi kollha tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta ta’ l-istess klassi għandhom jiġu trattati b’mod ugwali; aktar minn hekk jekk persuna tikseb il-kontroll ta’ kumpannija, id-detenturi l-oħra tas-sigurtajiet għadhom jiġu protetti;

b)

id-detenturi tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta għandu jkollhom żmien u informazzjoni biżżejjed biex ikunu kapaċi jieħdu deċiżjoni li tkun informata tajjeb fuq l-offerta; fejn jagħtu pariri lid-detenturi tas-sigurtajiet, il-bord tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta għandu jagħti l-opinjonijiet tiegħu fuq l-effetti ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-offerta fuq ix-xogħol, il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-postijiet ta’ negozju tal-kumpannija;

ċ)

il-bord tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta għandu jaħdem fl-interessi tal-kumpannija fl-intier tagħha u m’għandux iċaħħad lid-detenturi tas-sigurtajiet tal-kumpannija milli jkollhom l-opportunità jiddeċiedu fuq il-merti ta’ din l-offerta;

(d)

m’għandhomx jinħolqu swieq foloz fis-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta, tal-kumpannija li qed tagħmel l-offerta jew ta’ kwalunkwe kumpannija milquta mill-offerta fejn żieda jew roħs tal-prezzijiet tas-sigurtajiet isiru foloz u l-funzjonijiet normali tas-swieq jiġu mfixkla;

[…]

2.   Bl-iskop li tiġi aċċertata l-konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri:

a)

għandhom jassiguraw li l-ħtiġiet minimi kif stabbiliti f’din id-Direttiva jiġu osservati;

b)

jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet addizzjonali u disposizzjonijiet aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva għall-kontroll ta’ l-offerti.”

6.

Skont l-Artikolu 4(6) ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva m’għandiex tolqot il-poter ta’ l-Istati Membri biex dawn jaħtru awtoritajiet ġudizzjarji jew oħrajn responsabbli biex jieħdu ħsieb kwistjonijiet u biex jiddeċiedu fuq irregolaritajiet magħmula waqt l-offerti jew il-poter ta’ l-Istati Membri li jirregolaw taħt liema ċirkostanzi l-partijiet ta’ l-offerta jkunu intitolati jressqu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji. B’mod partikolari, din id-Direttiva m’għandiex tolqot il-poter li l-qrati jista’ jkollhom fi Stat Membru biex dawn jiċħdu s-smiegħ tal-proċeduri legali u biex jiddeċiedu jekk proċeduri bħal dawn jolqtux ir-riżultat ta’ l-offerta jew le. Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa l-poter ta’ l-Istati Membri li jiddeterminaw il-posizzjoni legali li tikkonċerna r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet superviżorji jew li tikkonċerna l-kwistjonijiet bejn il-partijiet ta’ l-offerta.”

7.

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, taħt it-titolu “Il-protezzjoni ta’ l-azzjonisti f’minoranza, l-offerta obbligatorja u l-prezz raġonevoli”, jipprevedi:

“(1)   Fejn persuna naturali jew legali, bħala riżultat ta’ l-akkwist tagħha jew ta’ l-akkwist tal-persuni li qed jaħdmu magħha, iżżomm sigurtajiet tal-kumpannija […] li, […] jagħtuha l-persentaġġ speċifiku tad-drittijiet tal-vot f’dik il-kumpannija, li jagħtuha l-kontroll ta’ dik il-kumpannija, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li persuni bħal dawn ikunu meħtieġa jagħmlu offerta bħala mezz ta’ protezzjoni għall-azzjonisti f’minoranza ta’ dik il-kumpannija. Offerta bħal din għandha tiġi indirizzata fl-aktar opportunità kmieni lid-detenturi kollha ta’ dawk is-sigurtajiet għall-assi kollha tagħhom bi prezz raġonevoli kif stabbilit fil-paragrafu 4.

[…]

(4)   L-għola prezz imħallas għall-istess sigurtajiet minn min qed jagħmel l-offerta, jew mill-persuni li qed jaħdmu flimkien magħha, f’perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, ta’ mhux inqas minn sitt xhur u mhux aktar minn 12-il xahar qabel ma l-offerta msemmija fil-paragrafu 1 tibda titqies bħala l-prezz raġonevoli. Jekk, wara li l-offerta tkun saret pubblika u qabel ma l-offerta tingħalaq għall-aċċettazzjoni, dak li qed jagħmel l-offerta jew kwalunkwe persuna li taħdem flimkien miegħu jixtru sigurtajiet bi prezz għola mill-prezz ta’ l-offerta, dak li qed jagħmel l-offerta għandu jgħolli l-offerta tiegħu biex ma tkunx anqas mill-għola prezz imħallas għas-sigurtajiet miksuba b’dan il-mod.

Jekk jiġu rispettati l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3(1), l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom biex jemendaw il-prezz imsemmi fl-ewwel subparagrafu fiċ-ċirkostanzi u skont il-kriterji li huma ddeterminati b’mod ċar. Għal dak il-għan, huma jistgħu jagħmlu lista taċ-ċirkostanzi li fihom l-għola prezz jista’ jiġi rranġat -il fuq jew ‘l isfel, pereżempju fejn l-għola prezz ikun stabbilit permezz ta’ ftehim bejn dak li jbiegħ u dak li jixtri, fejn il-prezzijiet tas-suq tas-sigurtajiet imsemmija jiġu manipulati, fejn il-prezzijiet tas-suq in ġenerali jew ċerti prezzijiet tas-suq ikunu partikolarment milquta minn ċirkostanzi eċċezzjonali jew biex tiġi mgħejjuna ditta li tkun f’diffikultà. Huma jistgħu jiddeterminaw ukoll il-kriterji li jiġu applikati f’dawn il-każi, pereżempju il-medja tal-valur tas-suq f’perjodu partikolari, il-valur maqsum ta’ kumpannija jew kriterji oħra ta’ valutazzjoni li ġeneralment jintużaw fl-analiżi finanzjarja.

Kull deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja għall-irranġar tal-prezz raġonevoli għandha tiġi verifikata u mressqa għall-pubbliku.

[…]”

2. Ir-Regolament Nru 1254/2012

8.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1254/2012 tal-11 ta’ Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 10 u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 11, l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 12, l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 27 (2011) u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 28 (2011) ( 4 ) jirregola l-adozzjoni ta’ ċerti standards tal-kontabbiltà internazzjonali fid-dritt tal-Unjoni.

9.

Il-punt 22 tal-anness ta’ dan ir-regolament dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità 10, Dikjarazzjonijiet Finanzjarji Konsolidati (iktar ’il quddiem “IFRS 10:22”), jipprovdi, taħt it-titolu “Interessi nonkontrollanti”, kif ġej:

“Kumpanija prinċipali għandha tippreżenta l-interessi nonkontrollanti fir-rapport ikkonsolidat tal-pożizzjoni finanzjarja fi ħdan l-ekwità, separatament mill-ekwità tas-sidien tal-kumpanija prinċipali.”

10.

L-Appendiċi A fl-anness imsemmi qabel bit-titolu “Termini definiti” jiddefinixxi l-kunċett ta’ “rapporti finanzjarji konsolidati” bħala r-“rapporti finanzjarji konsolidati ta’ grupp li fihom l-assi, l-obbligazzjonijiet, l-ekwità, l-introjtu, l-ispejjeż u l-flussi tal-flus tal-kumpannija prinċipali u tas-sussidjarji tagħha huma ppreżentati bħala dawk ta’ entità ekonomika waħda” ( 5 ).

11.

Il-kunċett ta’ “interessi nonkontrollanti” huwa ddefinit hemmhekk bħala “Ekwità f’sussidjarja li ma tkunx attribwita, direttament jew indirettament, lil kumpanija prinċipali” ( 6 ).

B.   Id-dritt Latvjan

12.

L-Artikolu 74(1) tal-Finanšu instrumentu tirgus likums (il-Liġi dwar is-Suq għall-Istrumenti Finanzjarji, iktar ’il quddiem il-“FITL”) jiddetermina l-prezz li għandu jiġi offrut f’offerta pubblika obbligatorja. Skont din id-dispożizzjoni, dan ma għandux ikun inqas minn:

“1.

Il-prezz li l-offerent jew li l-persuni li jaġixxu bi qbil miegħu jkunu ħallsu għall-azzjonijiet tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta matul l-aħħar tnax-il xahar. Jekk l-azzjonijiet ikunu ġew akkwistati bi prezzijiet differenti, il-prezz ta’ xiri lura għandu jkun l-ogħla prezz ta’ xiri tal-azzjonijiet matul it-tnax-il xahar preċedenti għat-tnissil tal-obbligu legali li ssir offerta ta’ xiri lura;

2.

Il-prezz medju ponderat tal-azzjoni f’suq irregolat jew f’sistema multilaterali ta’ kummerċ bl-ikbar volum ta’ skambji għall-azzjoni kkonċernata matul l-aħħar tnax-il xahar. Il-prezz medju ponderat tal-azzjoni għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-aħħar tnax-il xahar preċedenti għat-tnissil tal-obbligu legali li ssir offerta ta’ xiri lura;

3.

Il-valur tal-azzjoni li jiġi kkalkolat billi l-assi nett tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta jiġu diviżi bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa. Sabiex jiġu kkalkolati l-assi netti, għandhom jitnaqqsu mill-assi totali l-azzjonijiet miżmuma mill-kumpannija stess li qiegħda tirċievi l-offerta, kif ukoll l-impenji tagħha. Jekk il-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta jkollha azzjonijiet b’valuri nominali differenti, sabiex jiġi kkalkolat il-valur tal-azzjoni, l-assi netti għandhom jinqasmu skont x’jirrappreżentaw proporzjonalment l-azzjonijiet ta’ ċertu valur nominali fil-kapital tal-kumpannija.”

13.

Jekk il-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta tkun obbligata tipprepara rapporti finanzjarji kkonsolidati, l-Artikolu 74(2) tal-FITL jipprevedi li l-informazzjoni riżultanti għandha tintuża fil-kalkolu tal-valur tal-azzjonijiet skont il-metodu previst fil-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-Artikolu 74(1) tal-FITL.

14.

L-Artikolu 14(1) tal-Konsolidēto gada pārskatu likums (il-Liġi dwar ir-Rapporti Finanzjarji Kkonsolidati) jiddefinixxi r-rapporti finanzjarji kkonsolidati bħala r-riżultat tal-kombinazzjoni tal-kontijiet annwali tal-kumpannija omm tal-grupp u tal-kontijiet annwali tas-sussidjarji tagħha, fir-rigward tal-ammonti indikati fil-kontijiet annwali rispettivi tagħhom bħala attiv, passiv, kapital proprju, dħul u nfiq. L-elementi tal-attiv u tal-passiv fil-karti tal-bilanċ tal-kumpanniji kkonsolidati jiġu, imbagħad, integrati kollha kemm huma fil-karta tal-bilanċ ikkonsolidata.

15.

L-Artikolu 21(1) tal-istess liġi jipprevedi li l-proporzjon tal-kapital proprju tas-sussidjarji kkonsolidati li tikkorrispondi għall-azzjonijiet u għall-ishma miżmuma mill-azzjonisti minoritarji tagħhom għandha tiġi indikata bħala oġġett separat tal-kapital proprju, taħt it-terminu “sehem minoritarju”.

16.

L-Artikolu 5 tal-FITL jirregola r-responsabbiltà għal kumpens tal-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital) kif ukoll tal-impjegati u tal-aġenti tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, dawn ma għandhomx ir-responsabbiltà li jikkumpensaw lil parteċipanti fis-suq għall-istrumenti finanzjarji jew lil terzi. Barra minn hekk, ma humiex miżmuma responsabbli għal atti li jkunu wettqu b’mod legali, korrett, leġittimu u bona fide, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni xierqa tal-funzjonijiet superviżorji assenjati lilhom mil-liġi u minn dispożizzjonijiet oħra.

17.

L-Artikolu 13(3) tal-Valsts pārvaldes iestāžu nodarīto zaudējumu atlīdzināšanas likums (il-Liġi dwar il-Kumpens għal Danni Kkawżati minn Awtoritajiet Nazzjonali, iktar ’il quddiem il-“VPINZAL”) jirregola l-ammont tal-kumpens għal danni kkawżati minn awtoritajiet pubbliċi kif ġej:

“Bħala regola ġenerali, l-ammont ta’ kumpens huwa ddeterminat fuq il-bażi tal-ammont ikkalkolat skont l-Artikolu 12 ta’ din il-liġi u huwa:

1.

jekk l-ammont ikkalkolat ma jaqbiżx EUR 142288, 100 % ta’ dan l-ammont;

2.

jekk l-ammont ikkalkolat ikun bejn EUR 142289 u EUR 1422872, bejn 50 u 100 % ta’ dan l-ammont;

3.

jekk l-ammont ikkalkolat jaqbeż EUR 1422872, ammont raġonevoli, li jista’ jkun inqas minn 50% ta’ dan l-ammont;

[…]”

II. Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

18.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Euromin Holdings (Cyprus) Limited (iktar ’il quddiem “Euromin”), akkwistat azzjonijiet fil-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rreġistrata fil-borża “Ventspils nafta” (iktar ’il quddiem il-“kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta”) u b’hekk saret proprjetarja ta’ 93.24 % tal-azzjonijiet kollha bi dritt għal vot f’din il-kumpannija. L-akkwist wassal għall-obbligu li ssir offerta obbligatorja għall-akkwiżizzjoni tal-azzjonijiet lill-azzjonisti l-oħra kollha tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta. Għal dan il-għan, Euromin ssottomettiet għall-approvazzjoni lill-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital, iktar ’il quddiem il-“FKMK”) abbozz ta’ offerta obbligatorja bi prezz ta’ offerta ta’ EUR 3.12 għal kull azzjoni.

19.

B’deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2015, il-FKMK ċaħdet dan l-abbozz. Il-FKMK qieset li Euromin kellha tippreżenta offerta obbligatorja lill-azzjonisti minoritarji tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta b’offerta ta’ prezz ta’ EUR 4.56 għal kull azzjoni (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kontenzjuża”). Konsegwentement, Euromin għamlet offerta f’dan is-sens u sussegwentement akkwistat l-azzjonijiet tal-azzjonisti minoritarji bi prezz ta’ EUR 4.56 għal kull azzjoni.

20.

Fl-opinjoni tal-FKMK, il-prezz ta’ EUR 4.56 għal kull azzjoni jirriżulta jekk il-metodu ta’ kalkolu previst fil-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL jiġi applikat b’mod korrett. Skont din id-dispożizzjoni, il-prezz tal-offerta għandu jkun ibbażat fuq il-valur li jirriżulta jekk l-attiv nett tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta jiġi diviż bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-assi netti bħala l-assi totali tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, wara li jitnaqqsu l-azzjonijiet miżmuma minnha kif ukoll il-passiv tagħha, fejn, skont l-Artikolu 74(2) tal-FITL, fil-każ ta’ grupp, il-bażi għandha tkun l-informazzjoni meħuda mir-rapporti finanzjarji kkonsolidati. B’kuntrast ma’ Euromin, il-FKMK hija tal-fehma li l-hekk imsejħa interessi nonkontrollanti msemmija fir-rapporti finanzjarji kkonsolidati, li partijiet terzi għandhom f’sussidjarji tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, għandhom jiġu inklużi fl-assi netti tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta. Dawn l-azzjonijiet dehru fil-fatt fir-rapporti finanzjarji kkonsolidati tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta taħt entrata separata bħala kapital proprju u mhux bħala obbligazzjonijiet, u għalhekk, ma setgħux jitnaqqsu skont il-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL.

21.

Euromin ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) u talbet kumpens li jikkorrispondi għall-infiq addizzjonali tal-akkwiżizzjoni, fl-ammont totali ta’ EUR 7236 243.36, inkors minħabba d-differenza bejn il-prezz tal-offerta oriġinali u l-prezz miżjud tal-offerta.

22.

B’sentenza tal-10 ta’ Marzu 2017, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) laqgħet parzjalment ir-rikors billi ddikjarat id-deċiżjoni kontenzjuża bħala illegali u kkundannat lill-FKMK tħallas kumpens ta’ 50 % tad-differenza. It-tnaqqis tal-kumpens ġie bbażat fuq id-dispożizzjoni fl-Artikolu 13(3) tal-VPINZAL.

23.

Euromin u l-FKMK ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem l-Augstākās tiesas (Senāts) (is-Senat tal-Qorti Suprema, il-Latvja).

24.

Minn naħa, dan tal-aħħar għandu dubji dwar jekk l-applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL fil-kawża prinċipali hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25. Min-naħa l-oħra, huwa jistaqsi jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni mhux korretti tad-dritt tal-Unjoni tipprekludix l-applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 13(3) tal-VPINZAL.

III. Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.

Fid-dawl ta’ dan, l-Augstākās tiesas (Senāts) (is-Senat tal-Qorti Suprema) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi għal deċiżjoni preliminari kif ġej, skont l-Artikolu 267 TFUE:

“1)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, għall-finijiet ta’ offerta obbligatorja ta’ xiri lura, il-valur tal-azzjoni għandu jiġi kkalkolat billi l-attiv nett tal-kumpannija li qegħda tirċievi l-offerta (inkluż is-sehem ta’ azzjonist minoritarju li, għaldaqstant, ma jagħtix kontroll) jiġi diviż bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva fir-rigward tal-punt dwar jekk is-sehem ta’ azzjonist minoritarju (li, għaldaqstant, ma jagħtix kontroll) għandux jiġi inkluż fl-attiv nett tal-kumpannija li qegħda tirċievi l-offerta, il-metodu tal-iffissar tal-prezz tal-azzjoni jista’ jitqies bħala ddeterminat b’mod ċar fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, jekk ikun neċessarju, sabiex jinftiehem il-kontenut ta’ dan il-metodu, li jiġi applikat wieħed mill-metodi ta’ interpretazzjoni praetorjana tad-dritt, jiġifieri dak tat-tnaqqis teleoloġiku?

3)

L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, jiġifieri d-dispożizzjoni ta’ din id-direttiva dwar l-iffissar ta’ prezz ekwu, jipprekludi leġiżlazzjoni li tipprevedi li għandu jintgħażel l-ogħla prezz fost it-tliet varjanti possibbli sussegwenti?

Il-prezz li [bih] l-offerent jew li l-persuni li qegħdin jaġixxu bi qbil miegħu kisbu [l]-azzjonijiet tal-kumpannija li qegħda tirċievi l-offerta matul l-aħħar tnax-il xahar. Jekk l-azzjonijiet inxtraw bi prezzijiet differenti, il-prezz ta’ xiri lura għandu jkun l-ogħla prezz ta’ xiri tal-azzjonijiet matul it-tnax-il xahar preċedenti għat-tnissil tal-obbligu legali li ssir offerta ta’ xiri lura;

Il-prezz medju ponderat tal-azzjoni f’suq irregolat jew f’sistema multilaterali ta’ kummerċ bl-ikbar volum ta’ skambji għall-azzjoni kkonċernata matul l-aħħar tnax-il xahar. Il-prezz medju ponderat tal-azzjoni għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-aħħar tnax-il xahar preċedenti għat-tnissil tal-obbligu legali li ssir offerta ta’ xiri lura;

Il-valur tal-azzjoni li jiġi kkalkolat billi l-attiv nett tal-kumpannija li qegħda tirċievi l-offerta jiġi diviż bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa. Sabiex jiġi kkalkolat l-attiv nett, għandhom jitnaqqsu mill-attiv totali l-azzjonijiet miżmuma mill-kumpannija stess li qegħda tirċievi l-offerta, kif ukoll l-impenji tagħha. Jekk il-kumpannija li qegħda tirċievi l-offerta jkollha azzjonijiet b’valuri nominali differenti, sabiex jiġi kkalkolat il-valur tal-azzjoni, l-attiv nett għandu jinqasam skont x’jirrappreżentaw proporzjonalment l-azzjonijiet ta’ ċertu valur nominali fil-kapital tal-kumpannija.

4)

Jekk il-metodu ta’ kalkolu ddefinit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom permezz tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25) iwassal għal prezz ogħla minn dak li kieku ġie applikat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tal-istess direttiva, ikun konformi mal-għan tad-Direttiva li dejjem jintgħażel l-ogħla prezz?

5)

Jekk individwu jissubixxi dannu minħabba l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali jista’ jipprevedi limitu fir-rigward tal-kumpens għal dan id-dannu meta tali limitu japplika kemm fir-rigward tad-danni subiti minħabba applikazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali kif ukoll fir-rigward ta’ dawk subiti minħabba applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni?

6)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/25, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, jagħtu drittijiet lill-individwi; fi kliem ieħor, ir-rekwiżit korrispondenti għar-responsabbiltà tal-Istat huwa ssodisfatt?”

26.

Euromin, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-domandi preliminari.

27.

Euromin, ir-Repubblika tal-Latvja u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali tad-9 ta’ Lulju 2020.

IV. L-analiżi legali

28.

Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tal-Augstākās tiesas (Senāts) (is-Senat tal-Qorti Suprema) jikkonċerna żewġ kwistjonijiet. Minn naħa, din il-qorti tistaqsi liema hija l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/25. Dan l-artikolu jirregola l-modalitajiet tal-offerta obbligatorja li offerent għandu jagħmel lill-azzjonisti minoritarji meta jakkwista sehem ta’ kontroll fil-kumpannija tagħhom. Min-naħa l-oħra, hija tqajjem il-kwistjoni dwar x’konsegwenzi għandhom jiġu dedotti minn eventwali traspożizzjoni mhux korretta ta’ din id-dispożizzjoni fid-dritt Latvjan. B’mod partikolari, hija għandha tiddeċiedi jekk u sa liema punt l-offerent fil-kawża prinċipali għandu dritt għal kumpens mill-awtoritajiet Latvjani minħabba l-ħlas ta’ prezz ta’ xiri lura eċċessiv.

29.

L-ewwel erba’ domandi jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-“prezz raġonevoli” ta’ offerta obbligatorja fis-sens tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25. Fl-opinjoni tal-awtorità superviżorja Latvjana, għall-kuntrarju ta’ dak previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4), il-prezz tal-offerta ma għandux ikun ibbażat fuq dak imħallas għall-istess sigurtajiet mill-offerent fil-perijodu stipulat legalment qabel l-offerta ta’ xiri (iktar ’il quddiem “l-ogħla prezz imħallas mill-offerent”). Minflok, għandu jsir riferiment għall-valur tal-azzjoni, li jirriżulta mid-diviżjoni tal-assi netti tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, iddeterminat skont ir-regoli nazzjonali, bin-numru tal-azzjonijiet maħruġa, minħabba li dan il-valur kien ogħla mill-ogħla prezz imħallas mill-offerent.

30.

F’dan ir-rigward, b’rabta mat-tielet u r-raba’ domanda għandu l-ewwel nett jiġi ċċarat jekk huwiex kompatibbli mad-Direttiva 2004/25 li jsir riferiment għal valur differenti mill-ogħla prezz imħallas mill-offerent, jekk tali valur ikun ogħla mill-ogħla prezz imħallas mill-offerent (ara taħt A.). Huwa biss wara li jsir dan li jistgħu jiġu kkunsidrati l-ewwel u t-tieni domanda, rigward il-kalkolu korrett tal-assi netti tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta bl-għan li jiġi ddeterminat prezz raġonevoli tal-offerta. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu eżaminati r-rekwiżiti imposti mid-Direttiva f’ċerti każijiet għall-kalkolu ta’ tali valur alternattiv (ara taħt B.).

31.

Sussegwentement, għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi li traspożizzjoni mhux korretta tad-Direttiva tista’ toħloq fil-kawża prinċipali. Is-sitt domanda li saret hija dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva humiex intiżi sabiex jagħtu drittijiet lill-offerent fil-kawża prinċipali, li jkunu jippermettulu jressaq azzjoni għad-danni kontra l-Istat minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara taħt Ċ.).

32.

Finalment, jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv, għandu jiġi eżaminat ukoll, b’rabta mal-ħames domanda preliminari, jekk il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jipprekludux tnaqqis standard ta’ din it-talba fil-kawża prinċipali (ara taħt D.).

A.   Fuq it-tielet u r-raba’ domanda preliminari

33.

Bit-tielet u r-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2004/25 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha, l-ogħla minn tliet prezzijiet iddeterminati bl-użu ta’ metodi jew kriterji ta’ kalkolu differenti għandu dejjem jintuża bħala l-prezz tal-offerta, b’wieħed minn dawn il-kriterji biss ikun l-ogħla prezz imħallas mill-offerent għall-istess sigurtajiet fi żmien qabel l-offerta li jkun iddeterminat mill-Istat Membru kkonċernat, kif imsemmi fl-Artikolu 5(4).

34.

Essenzjalment, dawn iż-żewġ domandi huma intiżi sabiex jiġi ċċarat jekk, jew taħt liema kundizzjonijiet, Stat Membru jista’ jippermetti l-użu ta’ valuri jew metodi ta’ kalkolu oħra fid-determinazzjoni legali tal-“prezz raġonevoli” għal offerta obbligatorja, minflok il-prezz imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25. F’dan ir-rigward, l-ewwel isir riferiment għar-regola prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) (ara taħt 1.), imbagħad jiġu analizzati l-possibbiltajiet ta’ deroga (ara taħt 2.). Finalment, ser jiġu eżaminati l-konsegwenzi ta’ dan fuq id-dispożizzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali (ara taħt 3.)

1. Protezzjoni għall-azzjonisti minoritarji bis-sottomissjoni ta’ offerta obbligatorja bl-ogħla prezz imħallas mill-offerent

35.

Skont l-idea tad-Direttiva 2004/25, il-protezzjoni tal-azzjonisti tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta fil-każ ta’ akkwiżizzjoni hija b’mod ġenerali ggarantita permezz ta’ obbligi ta’ informazzjoni estensivi, li huma maħsuba biex jippermettu lill-azzjonisti jevalwaw l-effetti tal-akkwiżizzjoni fuq il-kumpannija jew id-drittijiet tal-azzjonisti eżistenti fiha u, b’hekk, ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet indipendenti u taħt ir-responsabbiltà tagħhom ( 7 ). L-azzjonisti minoritarji li jifdal huma protetti wkoll b’mod speċjali permezz tal-obbligu tal-offerent li jagħmel offerta obbligatorja ( 8 ). Dan jagħti lill-azzjonisti minoritarji l-opportunità li jbigħu s-sigurtajiet tagħhom b’kundizzjonijiet ġusti, b’mod partikolari, bi prezz raġonevoli ( 9 ). Dan jieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet mibdula bħala riżultat tal-bidla fil-kontroll u jipprevjeni li l-azzjonisti minoritarji jġorru r-riskju ta’ tnaqqis fil-prezz bħala riżultat tal-akkwiżizzjoni.

36.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, għall-finijiet ta’ din l-offerta obbligatorja, l-ogħla prezz li l-offerent ħallas għall-istess sigurtajiet f’suq irregolat f’perijodu qabel l-offerta ddeterminat mill-Istat Membru kkonċernat, kif previst fil-paragrafu 1 tal-istess dispożizzjoni, għandu jitqies bħala raġonevoli. Dan il-prezz jirrappreżenta l-limitu minimu tal-offerta obbligatorja li l-offerent għandu, mill-inqas, jagħmel.

37.

Fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li suq tal-kapital li jiffunzjona tajjeb joħloq prezz tal-azzjonijiet li la jissottovaluta u lanqas jissopravaluta l-kumpannija, u għalhekk jirrifletti l-valur reali ta’ azzjoni fil-kumpannija kkonċernata. Il-leġiżlatur Ewropew kien iggwidat, hawnhekk, mill-mudell ta’ suq effiċjenti, trasparenti u likwidu ( 10 ).

38.

Barra minn hekk, meta l-offerta tkun ibbażata fuq l-ogħla prezz li l-offerent ikun ħallas, l-azzjonist minoritarju jista’ jibbenefika, fejn ikun applikabbli ( 11 ), mill-hekk imsejjaħ primjum ta’ kontroll ( 12 ), filwaqt li l-offerent jingħata ċ-ċertezza li ma jkollux għalfejn iħallas iktar fil-kuntest tal-offerta obbligatorja milli kien lest li jħallas fil-perijodu preċedenti ( 13 ).

39.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni hija vinkolanti fuq l-Istati Membri, u ma hijiex fakultattiva ( 14 ). Dan ifisser li l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu a priori prezz differenti (raġonevoli) mill-ogħla prezz imħallas mill-offerent.

2. Possibbiltajiet għal deroga mir-regola tal-ogħla prezz imħallas

a) Deroga mid-dispożizzjoni li jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni

40.

Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jipprevedu prezz ogħla minn dak stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 bħala l-prezz minimu għall-offerti obbligatorji sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni għall-azzjonisti minoritarji.

41.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jidher mill-premessa 25, id-Direttiva 2004/25 għandha l-għan li toħloq rekwiżiti minimi biex jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni għad-detenturi tas-sigurtajiet. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/25, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu b’mod partikolari “kundizzjonijiet addizzjonali u disposizzjonijiet aktar stretti” għall-offerti.

42.

Madankollu, il-kwistjoni tqum dwar jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/25 japplikax wkoll għad-determinazzjoni tal-prezz raġonevoli tal-offerta fil-kuntest ta’ offerta obbligatorja. Dispożizzjonijiet iktar stretti u kundizzjonijiet addizzjonali huma konċepibbli b’mod partikolari fir-rigward tad-dokumenti u l-informazzjoni li għandhom jiġu pprovduti lill-azzjonisti fil-kuntest tal-offerta tax-xiri. Fil-każ li l-prezz tal-offerta obbligatorja msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) ma jkunx raġonevoli, it-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni jipprovdi għal korrezzjoni ta’ dan il-prezz mill-awtoritajiet superviżorji mhux biss ’il fuq, iżda wkoll ’l isfel ( 15 ). Dan jissuġġerixxi li ma hemmx rekwiżit minimu.

43.

Madankollu, il-klassifikazzjoni tar-regola tal-ogħla prezz imħallas bħala rekwiżit minimu fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a), tikkontradixxi, fuq kollox, il-kunċett ġenerali tad-Direttiva fuq offerti ta’ xiri ( 16 ). Din għandha l-għan li tistabbilixxi l-libertà ta’ stabbiliment, billi toħloq iktar trasparenza u ċertezza legali fix-xiri transkonfinali ( 17 ). F’dan il-kuntest, ir-realizzazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment tippreżupponi livell għoli ta’ prevedibbiltà għall-investituri, għaliex l-inċertezza dwar l-ispejjeż ta’ akkwiżizzjoni tista’ tillimita investimenti transkonfinali ( 18 ). F’dan is-sens, il-bażi legali rilevanti tal-Artikolu 50(2)(g) TFUE tikkunsidra li huwa neċessarju li jiġu kkoordinati d-dispożizzjonijiet protettivi għall-azzjonisti sabiex jiġi ffaċilitat ix-xiri transkonfinali billi tirrendi d-dispożizzjonijiet protettivi ekwivalenti. Għaldaqstant, il-protezzjoni tal-azzjonisti ma taġixxix bħala restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment, iżda sservi biex timplimentaha ( 19 ). Huwa preċiżament għal dawn ir-raġunijiet li l-premessa 9 tad-Direttiva 2004/25 tipprovdi li d-definizzjoni tal-prezz raġonevoli għandha tkun waħda komuni għall-Unjoni kollha ( 20 ).

44.

Konsegwentement, ir-regola tal-ogħla prezz imħallas, kif stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, tikkostitwixxi prinċipju li l-Istati Membri kollha għandhom jaderixxu miegħu sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali fil-każ ta’ xiri transnazzjonali fl-interessi tal-partijiet kollha, filwaqt li, fl-istess waqt, tipproteġi lill-azzjonisti minoritarji ( 21 ).

b) Possibbiltà ta’ deroga fil-każ li l-ogħla prezz imħallas mill-offerent ma jkunx raġonevoli jew ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat

45.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ogħla prezz imħallas mill-offerent jitqies bħala raġonevoli fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 biss prinċipalment ( 22 ), jiġifieri biss bħala regola ġenerali ( 23 ).

46.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom biex jaġġustaw dan il-prezz ’il fuq jew ’l isfel f’ċerti ċirkustanzi skont kriterji ddeterminati b’mod ċar. Din id-dispożizzjoni telenka bħala eżempji ta’ ċirkustanzi li fihom tali aġġustament jista’ jkun xieraq, ftehim bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ, ċirkustanzi eċċezzjonali jew manipulazzjoni tal-prezzijiet tas-suq tas-sigurtajiet inkwistjoni ( 24 ). Dak li għandhom komuni dawn is-sitwazzjonijiet huwa li l-ogħla prezz imħallas mill-offerent ma jikkorrispondix għal dak li kien ikun stabbilit f’suq tal-kapital li jiffunzjona tajjeb. Skont l-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2004/25, sitwazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu evitati.

47.

Madankollu, is-suppożizzjoni li l-ogħla prezz imħallas mill-offerent huwa raġonevoli hija ġġustifikata biss f’suq li jiffunzjona tajjeb ( 25 ). It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, min-naħa l-oħra, juri li, fil-fehma tal-leġiżlatur Ewropew, dan il-prezz jista’ ma jitqiesx bħala raġonevoli fil-każijiet imsemmija fih ( 26 ). Il-possibbiltà ta’ aġġustament ’il fuq u ’l isfel twassal biex prezz ta’ azzjoni jista’ ma jkunx raġonevoli, kemm meta wieħed jissopravalutah, kif ukoll meta jissottovalutah. Għandu jiġi enfasizzat li huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw meta l-ogħla prezz imħallas mill-offerent ma jkunx raġonevoli. Dan għaliex id-Direttiva ma telenkax b’mod eżawrjenti l-gruppi ta’ każijiet li fihom jista’ jkun xieraq aġġustament mill-awtoritajiet superviżorji ( 27 ).

48.

Is-setgħa tal-awtoritajiet superviżorji prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, li jaġġustaw l-offerta f’każijiet individwali, hija biss fakultattiva ( 28 ), jiġifieri l-Istati Membri ma għandhomx bżonn jagħtu tali setgħa lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom. Madankollu, huwa biss l-istrument li huwa fakultattiv; l-obbligu li jiġi ggarantit prezz raġonevoli ma huwiex. Konsegwentement, Stat Membru għandu jkun jista’ jipprovdi għal mekkaniżmi jew proċeduri oħra biex jiżgura dan il-prezz f’każijiet bħal dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 ( 29 ). B’mod partikolari, Stat Membru jista’ jipprovdi wkoll għal deroga ipso iure mill-prezz imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, fil-każ li dan ma jkunx raġonevoli. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-prezz raġonevoli tal-offerta jekk dak li hemm riferiment għalih fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat ( 30 ).

49.

Dan huwa kkorroborat ukoll mid-dispożizzjoni fil-punt (i) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2004/25 u mis-sitt premessa tagħha ( 31 ). Barra minn hekk, titkompla altrimenti sitwazzjoni ikkawżata minn distorsjonijiet tas-suq jew distorsjoni fil-funzjonament normali tas-swieq, kuntrarjament għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2004/25.

50.

Madankollu, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u l-prevedibbiltà tagħha ( 32 ), u sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 għall-aġġustament tal-prezz tal-offerta mill-awtoritajiet superviżorji, leġiżlazzjoni bħal din tista’ tipprovdi metodu ta’ kalkolu differenti biss f’ċirkustanzi speċifiċi ħafna u skont kriterji li huma ddefiniti b’mod ċar. Fil-fatt, ma għandhiex tagħmel differenza f’dan ir-rigward jekk awtorità superviżorja nazzjonali hijiex awtorizzata skont it-tieni subparagrafu ta’ din il-leġiżlazzjoni biex taġġusta l-prezz tal-offerta f’każijiet individwali, jew jekk tingħatax il-kompitu tal-implimentazzjoni ta’ regoli ġenerali u astratti fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva.

51.

Konsegwentement, minn naħa, il-leġiżlazzjoni għandha tindika b’mod ċar f’liema każijiet jista’ jittieħed prezz differenti mill-ogħla prezz imħallas mill-offerent bħala l-prezz minimu għal offerta obbligatorja. Dawn il-każijiet għandhom ukoll ikunu essenzjalment komparabbli mas-sitwazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 ( 33 ). Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni għandha tistabbilixxi b’mod ċar kif il-prezz l-ieħor għandu jiġi ddeterminat f’dawn il-każijiet.

52.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-użu ta’ termini legali astratti ma jipprekludix dan, sakemm l-interpretazzjoni tat-terminu inkwistjoni tkun tista’ tiġi dedotta mid-dispożizzjoni b’mod suffiċjentement ċar, preċiż u prevedibbli abbażi tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti mid-dritt nazzjonali ( 34 ).

3. Konsegwenzi għad-dispożizzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali

53.

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 74(1) tal-FITL li għandha tiġi applikata fil-kawża prinċipali ma tagħtix, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, prijorità fundamentali lill-kriterju msemmi fil-punt 1 tagħha, jiġifieri l-ogħla prezz imħallas mill-offerent. Lanqas ma jidher li tistipula xi kundizzjonijiet jew sitwazzjonijiet speċifiċi li jwasslu għall-użu ta’ metodu ta’ kalkolu wieħed jew ieħor. Għall-kuntrarju, l-obbligu li jintgħażel l-ogħla mill-prezzijiet rispettivi miksuba jindika li t-tliet metodi ta’ kalkolu jiġu applikati b’mod parallel għal kull offerta obbligatorja. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jipprekludi leġiżlazzjoni mifhuma b’dan il-mod.

54.

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) fl-ewwel istanza qieset li interpretazzjoni tal-Artikolu 74(1) tal-FITL, li skontha l-punt 1 tiegħu ġeneralment huwa applikat bi prijorità, hija possibbli u neċessarja. Min-naħa l-oħra, il-metodi ta’ kalkolu previsti fil-punti 2 u 3 japplikaw biss bħala eċċezzjoni jekk ikunu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali. Dan ir-rekwiżit jidher li ġie dedott minn din il-qorti mill-Artikolu 74(8) tal-FITL, li jirregola s-setgħa tal-awtoritajiet superviżorji biex jaġġustaw il-prezz tal-offerta f’ċirkustanzi eċċezzjonali u, f’dan il-każ, biex jirrikorru għall-metodu ta’ kalkolu previst fil-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL.

55.

L-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali), min-naħa tagħha, qieset in-nuqqas ta’ likwidità tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta bħala ċirkustanza eċċezzjonali. F’dan il-kuntest, il-Gvern Latvjan ikkonferma li l-leġiżlatur Latvjan, fit-tfassil tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL, kien ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tas-suq tal-azzjonijiet Latvjan, li allegatament huwa estremament illikwidu u kontinwament inattiv.

56.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-Artikolu 74(1) tal-FITL jistax jiġi interpretat f’dan is-sens. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tar-rinviju għandha tibda mill-premessa li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jikkonforma mad-Direttiva, anki jekk id-dispożizzjoni inkwistjoni ma nħolqitx speċifikament għall-iskop tat-traspożizzjoni tad-Direttiva, jew kienet diġà teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva ( 35 ).

57.

Jekk il-qorti tar-rinviju fl-eżami tagħha tasal għall-konklużjoni li l-Artikolu 74(1) tal-FITL jista’ jiġi interpretat f’dan is-sens, xorta jkollu jiġi eżaminat jekk ir-rekwiżiti msemmija fil-punti 51 u 52 humiex issodisfatti. B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-metodi ta’ kalkolu previsti fil-punti 2 u 3 tal-Artikoli 74(1) tal-FITL għandhom ikunu suffiċjentement ċari, preċiżi u prevedibbli, jiġifieri għandu jkun ċar meta jiġu preżunti ċirkustanzi eċċezzjonali.

58.

F’dan ir-rigward, għandu jingħad qabel kollox li l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri bid-Direttiva 2004/25 huwa maħsub preċiżament biex jippermetti li jittieħdu suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq kapitali varji u ċ-ċirkustanzi partikolari li jeżistu fl-Istati Membri ( 36 ). Suq tal-kapital illikwidu u inattiv ċertament ma jikkorrispondix mal-mudell li l-leġiżlatur Ewropew kellu f’moħħu meta ħoloq ir-regola misjuba fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 ( 37 ). Prezz stabbilit f’dawn iċ-ċirkustanzi jista’ għalhekk ma jkunx raġonevoli. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel din l-evalwazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ.

59.

It-tieni nett, ir-riferiment għall-“assenza ta’ likwidità” jew l-“inattività” tas-suq tal-kapital ma jiddefinixxix b’mod ċar iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali. Fil-fatt, mill-aspett ekonomiku, dawn it-termini ma jiddeskrivux xenarju fiss. Sabiex tkun “iddeterminata b’mod ċar” fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-liġi Latvjana għandha, għalhekk, mill-inqas tiddetermina ċerti volumi jew frekwenzi ta’ kummerċ li, f’każ ta’ volumi inqas minnhom, sigurtà titqies illikwida. Hija mill-ġdid il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk dan huwiex il-każ.

60.

Barra minn hekk, tqum il-mistoqsija dwar jekk ir-regola li skontha, mill-metodi ta’ kalkolu applikabbli f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għandu jintgħażel dejjem dak li jwassal għall-ogħla riżultat, hijiex suffiċjentement ċara, preċiża u prevedibbli. Fil-fehma tiegħi, dan huwa l-każ għaliex meta jitqabblu żewġ valuri fissi jista’ jiġi ddeterminat b’mod ċar liema mit-tnejn huwa l-ogħla. Il-kwistjoni dwar jekk il-metodi alternattivi ta’ kalkolu nfushom humiex ddefiniti b’mod ċar fis-sens imsemmi hawn fuq, sabiex dawn il-valuri jkunu jistgħu jiġu ddeterminati u mqabbla mingħajr dubju, hija s-suġġett tal-ewwel u t-tieni domanda preliminari, li ser jiġu eżaminati issa.

4. Konklużjoni

61.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom, bħala regola ġenerali, jipprevedu li l-prezz imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni huwa l-prezz minimu għall-offerti obbligatorji. Dan ma japplikax f’każijiet bħal dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, li fihom l-ogħla prezz imħallas mill-offerent fil-perijodu qabel l-offerta stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat ma jistax jitqies bħala raġonevoli, u dan għandu jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju. Konsegwentement, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’każ bħal dan, tieħu bħala bażi prezz differenti minn dak speċifikat f’din id-dispożizzjoni, sakemm, minn naħa, il-kundizzjonijiet li fihom dan il-prezz jitqies li ma huwiex raġonevoli u, min-naħa l-oħra, il-kriterji skont liema l-valur alternattiv huwa ddeterminat, ikunu suffiċjentement ċari, preċiżi u prevedibbli, bl-għajnuna tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti mid-dritt nazzjonali.

L-“assenza ta’ likwidità” tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta ma tistax titqies bħala kundizzjoni suffiċjentement ċara, preċiża u prevedibbli għall-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jistgħu jiġġustifikaw deroga mid-dispożizzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, sakemm il-liġi ma tistipulax b’mod ċar il-volumi jew il-frekwenzi ta’ kummerċ li, b’volumi jew frekwenzi inqas, sigurtà titqies li ma hijiex likwida.

B.   Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari

62.

Jekk, fil-kuntest tal-eżami li hija marbuta li tagħmel, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-Artikolu 74(1) tal-FITL jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-punt 3 tiegħu japplika biss inkwantu eċċezzjoni u li l-kundizzjonijiet għal dan huma ddefiniti b’mod ċar, l-ewwel u t-tieni domanda preliminari jkunu jirrigwardaw ir-rekwiżiti li l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jimponi fuq il-kriterji għall-kalkolu ta’ prezz li huwa differenti minn dak fl-ewwel subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni ( 38 ).

63.

Il-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL jipprovdi li l-prezz tal-offerta obbligatorja huwa kkalkolat billi jiġu diviżi l-assi netti tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa. Skont din id-dispożizzjoni, sabiex jiġu kkalkolati l-assi netti (jew il-valur nett) tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, għandhom jitnaqqsu l-azzjonijiet miżmuma minnha u l-passiv mill-assi totali (assi) tagħha. Fil-fatt, l-assi tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta ma humiex allokati finanzjarjament fl-ammont tal-passiv ( 39 ). Jekk il-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta hija l-kumpannija omm ta’ grupp, l-informazzjoni meħuda mir-rapport finanzjarju kkonsolidat l-iktar reċenti sservi bħala bażi għall-kalkolu skont l-Artikolu 74(2) tal-FITL. Dan ir-rapport jelenka l-assi u l-passiv kollha tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta kif ukoll il-valuri tal-karta tal-bilanċ tas-sussidjarji kkontrollati kollha tagħha ( 40 ).

64.

Fil-każ preżenti, il-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta ma żżomm 100 % tal-azzjonijiet fl-ebda waħda mis-sussidjarji tagħha. Madankollu, hija għandha diversi ishma ta’ maġġoranza, b’tali mod li rapporti finanzjarji kkonsolidati għandhom jiġu stabbiliti skont l-IFRS. Skont l-IFRS 10:22, l-ishma tal-azzjonisti minoritarji tas-sussidjarji (l-hekk imsejħa interessi nonkontrollanti) ma humiex murija mill-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta fuq in-naħa tal-passiv tar-rapporti finanzjarji kkonsolidati bħala parti mill-obbligazzjonijiet, imma bħala oġġett separat tal-kapital. Għal din ir-raġuni, il-FKMK hija tal-fehma li dawn l-azzjonijiet jagħmlu wkoll parti mill-assi netti tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta. Fil-fatt, mill-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL, jidher li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-assi netti, biss il-passiv jista’ jiġi dedott minbarra l-azzjonijiet proprji, u mhux il-kapital proprju.

65.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tal-ewwel domanda tagħha, jekk l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jipprekludix leġiżlazzjoni li skontha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-prezz raġonevoli tal-offerta, assi li huma assenjati lill-azzjonisti minoritarji ta’ sussidjarja jiġu inklużi totalment mal-assi netti tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, anki jekk din il-kumpannija ma jkollhiex 100 % tal-azzjonijiet ta’ sussidjarja. Bit-tieni domanda preliminari, hija tistaqsi, fil-każ li dan ma jkunx ammissibbli, jekk tnaqqis teleoloġiku tal-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL huwiex permissibbli taħt id-dritt tal-Unjoni. Fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, jekk dan it-tnaqqis ikun meħtieġ, dan jista’ jfisser li d-dispożizzjoni ma tistax tibqa’ titqies bħala suffiċjentement ċara, preċiża u prevedibbli fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

66.

Hawnhekk ukoll, il-punt tat-tluq tal-analiżi għandu jkun minn żewġ aspetti. L-ewwel nett, jekk, eċċezzjonalment, huma jistabbilixxu prezz differenti minn dak li hemm fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) bħala l-prezz għal offerta obbligatorja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan il-prezz ikun raġonevoli (ara taħt 1.). It-tieni nett, il-kriterji għall-kalkolu ta’ dan il-prezz għandhom ikunu stabbiliti b’mod ċar, jiġifieri huma għandhom ikunu jistgħu jiġu dedotti mil-leġiżlazzjoni b’mod suffiċjentement ċar, preċiż u prevedibbli, bl-użu tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti mid-dritt nazzjonali (ara taħt 2.).

1. Fuq in-natura raġonevoli tal-prezz

67.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jagħti eżempji ta’ kriterji li awtorità superviżorja nazzjonali tista’ tkun awtorizzata li tapplika sabiex tiddetermina prezz li jidderoga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4). Dawn jinkludu, pereżempju, il-valur tal-likwidazzjoni tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta jew kriterji oġġettivi ta’ valutazzjoni li ġeneralment jintużaw fl-analiżi finanzjarja. Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement ( 41 ), dispożizzjoni legali dwar id-determinazzjoni ta’ prezz raġonevoli differenti għandha wkoll tkun ibbażata fuq tali kriterji. Dawn l-eżempji jagħmluha ċara li, sa fejn l-użu tal-prezzijiet tas-suq ma jkunx possibbli, il-punt tat-tluq biex jiġi ddeterminat prezz tal-azzjonijiet differenti għandu jkun il-valur tan-negozju avvjat tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, li għandu jiġi ddeterminat mod ieħor.

68.

Il-valur ta’ kumpannija jista’ jiġi ddeterminat bl-użu ta’ kriterji varji u proċessi differenti. F’dan il-kuntest, mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur Ewropew ried iħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla ta’ metodu mieraq ( 42 ) lill-Istati Membri, sakemm dawn jagħżlu wieħed jew iktar mill-kriterji li ġeneralment jintużaw fl-analiżi finanzjarja.

69.

Madankollu, id-diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom fid-determinazzjoni tal-kriterji hija limitata mis-sens u l-iskop tad-dispożizzjoni, li huma li jiġi ddeterminat prezz tal-azzjoni raġonevoli għal offerta obbligatorja lill-azzjonisti minoritarji tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta waqt ix-xiri.

70.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit li l-prezz ikun raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva ma jimplikax neċessarjament li għandu jintuża l-ogħla prezz ta’ azzjoni possibbli ( 43 ). Bil-kontra, prezz ta’ azzjoni raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 għandu jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ azzjoni fil-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta. Minn naħa, ix-xiri għandu jiġi ffaċilitat sabiex tkun irrealizzata l-libertà ta’ stabbiliment u, min-naħa l-oħra, l-azzjonisti minoritarji ma għandhomx ikunu żvantaġġati u lanqas ma għandhom jinkisru d-drittijiet fundamentali tagħhom tal-proprjetà. Dan jintwera wkoll mid-deċiżjoni leġiżlattiva bażika li normalment tqis l-ogħla prezz imħallas mill-offerent bħala prezz raġonevoli. Fil-fatt, f’suq ta’ kapital li jiffunzjona tajjeb, li jservi bħala mudell, kumpannija la hija sottovalutata u lanqas sopravalutata ( 44 ).

71.

Konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat prezz tal-azzjoni li eċċezzjonalment jidderoga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kwalunkwe kriterju ta’ valutazzjoni rrikonoxxut fl-analiżi finanzjarja li huwa adattat għad-determinazzjoni tal-valur ekonomiku reali ta’ sehem fil-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta.

72.

Fid-dawl ta’ dan, hija l-qorti tar-rinviju li, minn naħa, għandha teżamina jekk il-valutazzjoni ta’ kumpannija abbażi tal-assi netti tagħha bl-użu tal-informazzjoni meħuda minn rapporti finanzjarji kkonsolidati skont ir-regoli tal-International Financial Reporting Standard 10 (IFRS 10) hijiex metodu rrikonoxxut mill-analisti finanzjarji. Min-naħa l-oħra, hija għandha teżamina jekk il-metodi ta’ kalkolu previsti fid-dritt nazzjonali f’dan il-kuntest humiex adattati biex jirriflettu l-valur ekonomiku reali ta’ sehem fil-kumpannija kkonċernata.

73.

Fir-rigward tal-ewwel aspett, il-Kummissjoni rrimarkat fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, skont it-tip ta’ kumpannija, metodu ta’ valutazzjoni bbażat fuq il-karta tal-bilanċ jista’ ma jirriflettix b’mod adegwat il-valur reali tagħha ( 45 ).

74.

Madankollu, kif indika ġustament il-Gvern Latvjan, leġiżlazzjoni li skontha, l-assi netti tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta għandhom jinqasmu bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tal-offerta, hija essenzjalment komparabbli ma’ leġiżlazzjoni bbażata fuq il-valur ta’ likwidazzjoni tal-kumpannija kkonċernata. Dan il-kriterju huwa msemmi b’mod espliċitu fid-Direttiva u, fil-fehma tiegħi, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li d-Direttiva tagħti lill-Istati Membri, ma jistax, fil-prinċipju, jiġi kkontestat.

75.

Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi, ma tantx jista’ jkun hemm dubju li l-valuri f’rapporti finanzjarji kkonsolidati ppreparati skont l-IFRS 10 huma, fil-prinċipju, kriterji ta’ valutazzjoni ġeneralment użati fl-analiżi finanzjarja. Dan minħabba li dawn l-istandards tal-kontabbiltà internazzjonali ġew adottati fid-dritt tal-Unjoni permezz tar-Regolament Nru 1254/2012 u, skont il-premessa 9 tar-Regolament Nru 1606/2002 ( 46 ), huma intiżi sabiex jagħtu stampa vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja u tar-riżultati ta’ kumpannija.

76.

F’dak li għandu x’jaqsam mat-tieni aspett, il-partikolarità tal-kawża prinċipali hija li r-rapporti finanzjarji kkonsolidati l-iktar reċenti ppreparati skont ir-regoli tal-IFRS 10 għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat il-valur tax-xiri tal-kumpannija omm ta’ dan il-grupp. Madankollu, ir-rapporti finanzjarji kkonsolidati jinkludu fuq in-naħa tal-assi l-assi totali tal-kumpannija omm u tas-sussidjarji kollha tagħha, irrispettivament mill-perċentwali tas-sehem li l-kumpannija omm għandha fis-sussidjarji. L-interessi nonkontrollanti li terzi għandhom fis-sussidjarji tal-kumpannija omm huma ppreżentati fuq in-naħa tal-passiv bħala oġġett separat tal-kapital proprju ( 47 ).

77.

Ir-raġuni għal dan hija li l-IFRS 10 jservi primarjament biex jagħti lill-kredituri l-istampa l-iktar fidili possibbli tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ grupp. Għal dan l-għan, skont l-Appendiċi A tal-IFRS 10, l-assi, il-passiv, il-kapital proprju, id-dħul, l-infiq u l-flussi ta’ flus tal-kumpannija omm u tas-sussidjarji tagħha huma ppreżentati bħallikieku jappartjenu għal entità ekonomika waħda ( 48 ). L-iggruppar tal-kumpannija omm u tas-sussidjarji huwa għalhekk iġġustifikat fid-dawl tal-għan partikolari tal-IFRS 10. L-inklużjoni separata tal-interessi nonkontrollanti bħala “kapital proprju” isservi sabiex tagħmilha ċara lill-kredituri li s-sussidjarja inkwistjoni ma hijiex 100 % proprjetà tal-kumpannija omm u għalhekk ma għandhiex tiġi assimilata għal kapital proprju “normali”.

78.

Fid-dawl ta’ dan, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk l-iggruppar tal-assi totali tal-kumpannija omm u tas-sussidjarji, mingħajr il-possibbiltà li ssir korrezzjoni, permezz tat-tnaqqis proporzjonali ta’ interessi nonkontrollanti, huwiex adattat għad-determinazzjoni tal-valur ekonomiku ta’ azzjoni fil-kumpannija omm. B’mod partikolari, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni li, skont l-Appendiċi A tal-IFRS 10 ( 49 ), l-interessi nonkontrollanti ta’ terzi huma ddefiniti bħala kapital proprju ta’ sussidjarja, li ma humiex direttament jew indirettament attribwibbli lil kumpannija omm u għalhekk huma elenkati separatament fir-rapporti finanzjarji kkonsolidati. Dan jista’ jindika li, sabiex jiġi kkalkolat il-valur tal-akkwist ta’ kumpannija omm, dawn l-azzjonijiet ta’ terzi għandhom jiġu ttrattati daqs li kieku huma kapital meħud b’self.

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, jirriżulta li kwalunkwe kriterju oġġettiv ta’ valutazzjoni li ġeneralment jintuża fl-analiżi finanzjarja biex jiġi ddeterminat il-valur ekonomiku reali ta’ sehem fil-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta f’akkwiżizzjoni jista’ jiġi previst bħala kriterju fid-determinazzjoni legali ta’ prezz raġonevoli li jiddevja mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-prezz iddeterminat bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jirriflettix dan il-valur.

2. Fuq id-definizzjoni ċara tal-kriterji għall-kalkolu

80.

Il-metodu ta’ kalkolu li, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ azzjoni fil-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, għandu jkun jista’ jiġi dedott mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod suffiċjentement ċar, preċiż u prevedibbli, bl-użu tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti mid-dritt nazzjonali ( 50 ).

81.

Il-qorti tar-rinviju tidher li tassumi li, mill-obbligu li tintuża l-informazzjoni mir-rapporti finanzjarji kkonsolidati, jirriżulta inevitabbilment li, fil-kuntest tal-kalkolu li għandu jitwettaq skont il-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL, jistgħu jitnaqqsu biss dawk li fir-rapporti finanzjarji kkonsolidati huma ddikjarati bħala “obbligazzjonijiet”. Madankollu, jekk il-valur ekonomiku reali ta’ azzjoni fil-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat b’dan il-mod, hija tkun obbligata tagħmel tnaqqis teleoloġiku tal-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL. Fid-dawl ta’ dan, il-qorti tar-rinviju tiddubita kemm il-metodu ta’ kalkolu previst f’din id-dispożizzjoni huwa ċar.

82.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni jirrikjedi li l-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli nazzjonali kollha ta’ dan id-dritt u tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti mid-dritt nazzjonali għall-interpretazzjoni tiegħu, sakemm ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha u għalhekk, tkun konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE ( 51 ).

83.

Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, qabel kollox, jekk il-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL jistax jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġu kkalkolati l-assi netti tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, għandu jitnaqqas mill-ammont totali tal-assi li hemm riferiment għalih, ammont li jikkorrispondi għas-sehem mill-valuri tas-sussidjarji fil-karta tal-bilanċ, li ma huwiex allokat ekonomikament lill-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta (jiġifieri l-interessi nonkontrollanti). Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, dan jidher li huwa sostnut mill-fatt li, sa fejn nista’ nara, id-dritt nazzjonali ma jirreferix b’mod espliċitu għal obbligazzjonijiet fis-sens tal-IFRS 10.

84.

Jekk, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, dan ir-riżultat ma jkunx jista’ jinkiseb permezz tal-interpretazzjoni klassika, hija għandha tikkunsidra wkoll tnaqqis teleoloġiku, sakemm l-ordinament ġuridiku Latvjan jirrikonoxxi din l-istrument legali. Bl-istess mod, jista’ jagħti l-każ li fiċ-ċirkustanzi jkollha (parzjalment) ma tapplikax dispożizzjonijiet nazzjonali kunfliġġenti sabiex jinkiseb riżultat konformi mad-dritt tal-Unjoni ( 52 ).

85.

Jekk tali tnaqqis teleoloġiku tad-dispożizzjoni jew in-nuqqas (parzjali) tal-applikazzjoni tagħha jkun neċessarju, fil-fehma tiegħi, il-metodu ta’ kalkolu ma jistax jitqies bħala suffiċjentement ċar, preċiż u prevedibbli fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit huwa intiż sabiex jagħti ċertezza legali lill-offerent fir-rigward tal-prezz tal-offerta li għandu jitħallas minnu.

86.

Bħala konklużjoni, jista’ jingħad li kriterju li jservi għad-determinazzjoni legali ta’ prezz raġonevoli li jidderoga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 ma jistax jitqies bħala suffiċjentement ċar, preċiż u prevedibbli jekk dispożizzjoni teżiġi tnaqqis teleoloġiku għall-applikazzjoni tagħha jew għandha tibqa’ mhux applikata peress li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

C.   Fuq is-sitt domanda preliminari

87.

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/25, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tagħha, humiex intiżi sabiex jagħtu drittijiet lill-offerent fil-kuntest ta’ akkwiżizzjoni.

88.

L-isfond ta’ din id-domanda huwa l-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lil individwu minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni minn dak l-Istat Membru tiddependi minn tliet kundizzjonijiet: ir-regola tad-dritt tal-Unjoni li ġiet miksura għandu jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwu, il-ksur ta’ din ir-regola għandu jkun suffiċjentement serju, u għandu jkun hemm rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu sostnut ( 53 ).

89.

In-natura partikolari ta’ dan il-każ hija li, skont l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2004/25, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jirregolaw jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-partijiet fl-offerta jistgħu jibdew proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja. B’mod partikolari, huma jistgħu jirrifjutaw li jieħdu konjizzjoni ta’ proċedura legali u jiddeċiedu jekk din il-proċedura taffettwax l-eżitu tal-offerta. Barra minn hekk, id-Direttiva ma taffettwax is-setgħa tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-pożizzjoni legali fir-rigward tar-responsabbiltà tal-awtoritajiet superviżorji.

90.

Tali restrizzjoni tad-drittijiet tal-partijiet f’offerta hija ġġustifikata mill-kunsiderazzjoni li l-akkwiżizzjoni ma għandhiex tkun imxekkla minn tilwim fit-tul, pereżempju dwar in-natura raġonevoli tal-prezz tal-offerta ( 54 ). Madankollu, id-Direttiva ma hijiex intiża sabiex tinterferixxi fid-dritt ta’ parti leża li tressaq azzjoni legali, mill-inqas għal kumpens ( 55 ).

91.

Fid-dawl ta’ dan, jekk l-Istati Membri jirregolaw il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet mill-partijiet fl-offerta u, f’ċerti ċirkustanzi, jistgħu jirrestrinġuhom f’ċerti stadji tal-proċedura tal-akkwiżizzjoni, fl-opinjoni tiegħi ma jistax jiġi konkluż mill-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2004/25 li l-Istati Membri jistgħu sempliċement jeskludu drittijiet suġġettivi, meta d-Direttiva tipprovdi għalihom.

92.

Huwa fil-fatt dejjem fid-dawl tad-dispożizzjoni speċifika li għandu jiġi eżaminat jekk din hijiex maħsuba biex tagħti drittijiet lill-individwu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan is-sens li ma hemm l-ebda risposta ġenerali għal din id-domanda, billi rreferiet għall-għanijiet tad-Direttiva li fiha tinsab din id-dispożizzjoni ( 56 ). Barra minn hekk, il-fatt li dispożizzjoni sservi wkoll interessi oħra ma jeskludix li hija maħsuba wkoll sabiex tipproteġi l-individwi ( 57 ).

93.

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, dan ifisser li l-għan iddikjarat tad-Direttiva 2004/25, li huwa li jiġu protetti l-azzjonisti minoritarji tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta ( 58 ), ma jipprekludix li d-dispożizzjoni fl-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva tkun intiża wkoll sabiex tipproteġi lill-offerent. F’dan ir-rigward, diġà ġie stabbilit li r-regola stipulata fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar l-ogħla prezz imħallas mill-offerent hija maħsuba sabiex tagħti ċertezza legali lill-offerent ( 59 ). Barra minn hekk, il-kriterju tan-natura raġonevoli tal-prezz tal-offerta huwa maħsub biex jiżgura li l-azzjonist minoritarju jiġi kkumpensat għall-valur ekonomiku reali tas-sehem tiegħu fil-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta ( 60 ). Il-possibbiltà msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva li jiġi aġġustat ’l isfel l-ogħla prezz imħallas mill-offerent turi li l-offerent għandu fl-istess ħin ikun protett milli jkollu jħallas iktar mill-prezz raġonevoli.

94.

Madankollu, mill-perspettiva tiegħi, il-fattur deċiżiv huwa li l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jinterferixxi direttament fil-pożizzjoni legali tal-offerent u, b’mod partikolari, mad-drittijiet tiegħu għall-proprjetà, peress li huwa obbligat iħallas il-prezz raġonevoli tal-offerta. F’dan is-sens, sabiex tirrispondi għad-domanda dwar jekk dispożizzjoni hijiex maħsuba sabiex tipproteġi lill-individwu, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni għandha effett dirett fuq il-pożizzjoni legali tal-individwu ( 61 ).

95.

Madankollu, fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja il-Gvern Latvjan oġġezzjona li l-ebda prezz ta’ offerta speċifiku ma jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, iżda li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni dwar dak li jikkunsidraw bħala “raġonevoli”. Madankollu, b’dan il-mod, huwa ħallat il-kwistjoni tan-natura ta’ regola li tipproteġi l-individwu mal-kwistjoni tal-applikabbiltà diretta tagħha. Huwa biss għal din tal-aħħar li huwa meħtieġ li r-regola inkwistjoni tkun inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża ( 62 ). Fil-kuntest tar-responsabbiltà tal-Istat, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjoni miksura u l-portata tad-diskrezzjoni li hija tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali, huma fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni dwar jekk hemmx ksur suffiċjentement serju ( 63 ). Madankollu, l-eżistenza ta’ din il-kundizzjoni ma hijiex is-suġġett tas-sitt domanda preliminari u għandha, għaldaqstant, tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju.

96.

Madankollu, l-applikabbiltà diretta ta’ regola ma hijiex prerekwiżit biex wieħed jassumi li din għandha l-għan li tipproteġi lill-individwu ( 64 ). Għall-kuntrarju, il-possibbiltà ta’ azzjoni għad-danni kontra l-Istat għandha tkun miftuħa għall-individwu fejn huwa ma jkunx jista’ jinvoka direttament id-dritt tal-Unjoni ( 65 ).

97.

Huma l-Istati Membri, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom skont l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2004/25, li għandhom jirregolaw, skont il-liġi amministrattiva, ċivili u proċedurali nazzjonali tagħhom, il-mod ta’ kif tiġi speċifikament iggarantita l-protezzjoni tal-offerent fil-proċedura tal-offerti intiża mill-Artikolu 5(4). F’dak li għandu x’jaqsam mal-kawża prinċipali, biżżejjed jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li d-dritt Latvjan donnu jagħti lill-offerent dritt għal rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja.

98.

Ir-risposta għas-sitt domanda għandha għalhekk tkun li l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipproteġi lill-offerent fi proċedura ta’ offerta milli jkollu jħallas iktar mill-prezz raġonevoli tal-offerta fil-kuntest ta’ offerta obbligatorja.

D.   Fuq il-ħames domanda preliminari

99.

Bil-ħames domanda tiegħu, l-Augstākās tiesas (Senāts) (is-Senat tal-Qorti Suprema) finalment jistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà ta’ tnaqqis standard tal-kumpens minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, meta t-talba għal kumpens tkun ’il fuq minn ċertu ammont.

100.

Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, huwa fil-kompetenza ta’ kull Stat Membru li jirrimedja fil-kuntest tad-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà l-konsegwenzi ta’ dannu kkawżat mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, huwa għandu jiggarantixxi, minn naħa, li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kumpens għad-danni ma jkunux inqas favorevoli milli fil-każ ta’ azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza). Min-naħa l-oħra, ma għandhomx ikunu mfasslin b’mod li jagħmlu l-ksib ta’ kumpens prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) ( 66 ). Fil-prinċipju, dan japplika wkoll għad-determinazzjoni tal-portata tat-talba għal kumpens ( 67 ).

101.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, mill-ħames domanda jirriżulta li l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 13(3)(3) tal-VPINZAL ta’ tnaqqis standard tal-kumpens tapplika bl-istess mod għal ksur tad-dritt nazzjonali u għal ksur tad-dritt tal-Unjoni.

102.

Għad irid jiġi eżaminat, għalhekk, jekk il-limitazzjoni tal-kumpens tippreġudikax b’mod inadegwat l-effettività tad-dritt għal kumpens taħt id-dritt tal-Unjoni.

103.

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jkun proporzjonat mad-dannu mġarrab, sabiex id-drittijiet tagħhom ikunu protetti b’mod effettiv ( 68 ). Il-Gvern Latvjan jikkonkludi minn dan li d-dannu ma għandux neċessarjament jiġi kkumpensat fl-intier tiegħu sakemm il-kumpens jista’ jitqies bħala raġonevoli.

104.

Fil-każ preżenti, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidratx bħala suffiċjenti, f’ċerti kawżi fil-passat, kumpens raġonevoli minflok kumpens sħiħ ( 69 ). Għall-finijiet tal-kawża prinċipali, biżżejjed jiġi kkonstatat li, fil-każ ta’ telf monetarju kwantifikabbli b’mod ċar, il-kumpens għal inqas mill-ammont sħiħ tad-dannu, fl-ebda każ ma jista’ jitqies bħala raġonevoli ( 70 ). F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-eċċezzjoni ġenerali ta’ dan it-tip ta’ dannu minn dannu li jista’ jiġi kkumpensat, ma tikkostitwixxix kumpens raġonevoli ( 71 ).

105.

L-argument tal-Gvern Latvjan fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali f’dan ir-rigward, li tnaqqis tal-kumpens ġej mill-impreċiżjoni relattiva tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 u l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Istati Membri, ma huwiex konvinċenti. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-iktar fl-evalwazzjoni dwar jekk il-ksur huwiex suffiċjentement serju ( 72 ).

106.

Barra minn hekk, il-Gvern Latvjan jirrimarka, minn naħa, li l-limitazzjoni tal-portata tal-kumpens isservi sabiex jiġi evitat piż sproporzjonat fuq il-finanzi pubbliċi fil-qasam tar-responsabbiltà tal-Istat. Min-naħa l-oħra, l-offerent jista’ jirritorna l-ammont imħallas żejjed mill-azzjonisti minoritarji skont ir-regoli dwar l-arrikkiment indebitu.

107.

B’risposta għal dawn l-oġġezzjonijiet, l-ewwel għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset limitazzjoni tal-obbligu ta’ Stat Membru li joħloq sitwazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni jekk ikunu preżenti ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna, u li deċiżjoni dwar dan hija, f’kull każ, riżervata għall-Qorti tal-Ġustizzja ( 73 ). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13 tal-VPINZAL jipprevedi, bħala regola, tnaqqis tal-kumpens. Fil-kawża prinċipali wkoll, it-tnaqqis lanqas ma jidher li kien ibbażat fuq theddida imminenti għall-istabbiltà tal-finanzi pubbliċi ( 74 ). Konsegwentement, dawn il-kunsiderazzjonijiet purament baġitarji ma jistgħux jiġġustifikaw limitazzjoni tal-kumpens tal-offerent.

108.

It-tieni nett, l-offerent ma jistax jiġu riferut għal azzjoni għal arrikkiment indebitu kontra l-azzjonisti minoritarji. Huwa minnu li l-Istati Membri, kif diġà rajna, jistgħu jiddeterminaw, skont l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2004/25, il-pożizzjoni legali fir-rigward tar-responsabbiltà tal-awtoritajiet superviżorji jew fir-rigward tal-azzjonijiet li l-partijiet fl-offerta jistgħu jibdew kontra xulxin. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, min-naħa tagħhom, jikkonformaw mal-prinċipju ta’ effettività. B’dan il-mod, il-liġi nazzjonali għandha tistabbilixxi mekkaniżmu raġonevoli għall-irkupru mill-azzjonisti minoritarji tal-ammont eċċessiv imħallas. Madankollu, l-offerent ma jistax ikun mistenni li jibda numru ta’ azzjonijiet kontra kull wieħed mill-azzjonisti minoritarji. F’każ bħal dan, ikun iġorr ukoll ir-riskju sħiħ ta’ telf u l-insolvenza tal-parti l-oħra. Għaldaqstant, il-ksib ta’ kumpens ikun impossibbli f’ċerti ċirkustanzi u, fi kwalunkwe każ, eċċessivament diffiċli. Id-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx li l-partijiet leżi jagħmlu użu sistematiku mir-rimedji kollha disponibbli għalihom, jekk dan iwassal għal diffikultajiet eċċessivi jew ma jkunux jistgħu jiġu mistennija minnhom ( 75 ). Mingħajr dubju, dan ma jeskludix iċ-ċaħda ta’ talba għal kumpens jekk l-offerent ikun diġà effettivament irċieva kumpens minn parti oħra għall-ammonti mħallsa żejda ( 76 ).

109.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ħames domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ dannu finanzjarju kwantifikabbli b’mod ċar, li jkun ikkawżat direttament lill-individwu minħabba ksur serju, imwettaq mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħtih protezzjoni, twassal għal tnaqqis standard ta’ 50 % tal-kumpens meta dan ikun ’il fuq minn ċertu ammont.

V. Konklużjoni

110.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Augstākās tiesas (Senāts) (is-Senat tal-Qorti Suprema) kif ġej:

1.

L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom, bħala regola ġenerali, jipprevedu li l-prezz imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni huwa l-prezz minimu għall-offerti obbligatorji. Dan ma japplikax f’każijiet bħal dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, li fihom l-ogħla prezz imħallas mill-offerent fil-perijodu qabel l-offerta stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat ma jistax jitqies bħala raġonevoli, u dan għandu jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju. Konsegwentement, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’każ bħal dan, tieħu bħala bażi prezz differenti minn dak speċifikat f’din id-dispożizzjoni, sakemm, minn naħa, il-kundizzjonijiet li fihom dan il-prezz jitqies li ma huwiex raġonevoli u, min-naħa l-oħra, il-kriterji skont liema l-valur alternattiv huwa ddeterminat, ikunu suffiċjentement ċari, preċiżi u prevedibbli, bl-għajnuna tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti mid-dritt nazzjonali.

a)

L-“assenza ta’ likwidità” tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta ma tistax titqies bħala kundizzjoni suffiċjentement ċara, preċiża u prevedibbli għall-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jistgħu jiġġustifikaw deroga mid-dispożizzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, sakemm il-liġi ma tistipulax b’mod ċar il-volumi jew il-frekwenzi ta’ kummerċ li, b’volumi jew frekwenzi inqas, sigurtà titqies li ma hijiex likwida.

b)

Kwalunkwe kriterju oġġettiv ta’ valutazzjoni li ġeneralment jintuża fl-analiżi finanzjarja biex jiġi ddeterminat il-valur ekonomiku reali ta’ sehem fil-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta f’akkwiżizzjoni jista’ jiġi previst bħala kriterju fid-determinazzjoni legali ta’ prezz raġonevoli li jiddevja mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-prezz iddeterminat bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jirriflettix dan il-valur.

c)

Kriterju ta’ valutazzjoni ma jistax madankollu jitqies bħala suffiċjentement ċar, preċiż u prevedibbli jekk dispożizzjoni teżiġi tnaqqis teleoloġiku għall-applikazzjoni tagħha jew għandha tibqa’ mhux applikata peress li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

2.

L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipproteġi lill-offerent fi proċedura ta’ offerta milli jkollu jħallas iktar mill-prezz raġonevoli tal-offerta fil-kuntest ta’ offerta obbligatorja.

3.

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ dannu finanzjarju kwantifikabbli b’mod ċar, li jkun ikkawżat direttament lill-individwu minħabba ksur serju, imwettaq mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħtih protezzjoni, twassal għal tnaqqis standard ta’ 50 % tal-kumpens meta dan ikun ’il fuq minn ċertu ammont.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2 p. 20), kif emendata bid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/25”) (ĠU 2014, L 173, p. 190).

( 3 ) Sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et (C‑206/16, EU:C:2017:572).

( 4 ) ĠU 2012, L 360, p. 1.

( 5 ) Enfasi fl-oriġinal.

( 6 ) Enfasi fl-oriġinal.

( 7 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2004/25, kif ukoll il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) u (ċ) tal-istess direttiva.

( 8 ) Sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et (C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 28).

( 9 ) Ara r-rapport tal-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli fid-dritt tal-kumpanniji dwar kwistjonijiet relatati ma’ offerti ta’ xiri, Brussell, 10 ta’ Jannar 2002 (iktar ’il quddiem ir-“rapport Winter I”), p. 53.

( 10 ) Ara, pereżempju, it-tieni premessa u l-Artikolu 13(2)(a) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) (ĠU 2014, L 173, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 287, p. 320) jew il-premessa 10 tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta sigurtajiet jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 356, rettifika fil-ĠU 2014, L 218, p. 8).

( 11 ) Jiġifieri jekk l-akkwiżizzjoni titwettaq b’tali mod li azzjonist individwali jakkwista azzjonijiet sal-punt li dan jagħtih maġġoranza ta’ kontroll. Madankollu, maġġoranza ta’ kontroll tista’ tkun stabbilita wkoll permezz tax-xiri ta’ inqas azzjonijiet, u l-fużjoni sussegwenti ma’ azzjonist ieħor.

( 12 ) Dan huwa l-“primjum” li offerent għandu jħallas għal pakkett ta’ azzjonijiet f’suq li jiffunzjona li jagħtih maġġoranza ta’ kontroll, billi mhux biss jakkwista l-proprjetà tal-azzjonijiet iżda wkoll l-kapaċità li jinfluwenza n-negozju tal-kumpannija.

( 13 ) Ara, f’dan ir-rigward, ir-rapport Winter I, p. 58.

( 14 ) Sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et (C‑206/16, EU:C:2017:572, punti 28 u 30).

( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’mod iktar iddettaljat, il-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Fir-rigward tal-għanijiet ġenerali tad-Direttiva li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-risposta għad-domanda dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tagħha, ara s-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1990, Van den Burg (C‑169/89, EU:C:1990:227, punt 10), u tat-30 ta’ April 1998, Bellone (C‑215/97, EU:C:1998:189, punt 17).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 3 u 25 tad-Direttiva 2004/25, kif ukoll il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar offerti ta’ xiri, COM (2002) 534 final (ĠU 2003 C 45 E, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“proposta għal direttiva”), p. 2.

( 18 ) Ara r-rapport Winter I, p. 57.

( 19 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll Dougan, Minimum Harmonization and the Internal Market, (2000) 37 CLMR 853 (876).

( 20 ) Id-determinazzjoni tal-ogħla prezz imħallas mill-offerent hija, barra minn hekk, relattivament faċli u ċertament possibbli, u għalhekk, tiżgura livell għoli ta’ ċertezza legali; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Marco Tronchetti Provera et (C‑206/16, EU:C:2017:212, punt 31).

( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-proposta għal direttiva, p. 2.

( 22 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et (C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 30), li tgħid li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva jikkunsidra, “prinċipalment”, li l-ogħla prezz imħallas mill-offerent huwa l-prezz raġonevoli. Il-parti enfasizzata hija assenti fit-traduzzjoni Ġermaniża tas-sentenza.

( 23 ) Ara wkoll ir-rakkomandazzjoni fir-rapport Winter I, p. 58 u 59. Fir-rigward tad-definizzjoni tal-prezz raġonevoli fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/25, il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva ssegwi b’mod espliċitu dawn ir-rakkomandazzjonijiet, ara l-proposta għal direttiva, p. 2.

( 24 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et (C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 38).

( 25 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Marco Tronchetti Provera et (C‑206/16, EU:C:2017:212, punt 33) u s-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal-10 ta’ Diċembru 2010, Periscopus vs Oslo Børs u Erik Must (E‑1/10, EFTA Court Report 2009‑10, p. 200, punt 47).

( 27 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et (C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 37).

( 28 ) Sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et (C‑206/16, EU:C:2017:572, punti 28 u 31).

( 29 ) Skont ir-rapport Winter I, p. 59 u 61, dan huwa partikolarment il-każ meta l-prezz identifikat b’dan il-mod ikun manifestament inġust.

( 30 ) Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dan jista’ jkun il-każ jekk il-maġġoranza kontrollanti tinkiseb permezz tas-sempliċi għaqda ta’ diversi azzjonisti minoritarji, l-hekk imsejħa acting in concert.

( 31 ) Fuq dan l-aħħar punt, ara s-sentenza tal-EFTA tal-10 ta’ Diċembru 2010, Periscopus vs Oslo Børs u Erik Must (E‑1/10, EFTA Court Report 2009-10, p. 200, punt 46).

( 32 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 43 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et (C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 38), kif ukoll il-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Ara, mutatis mutandis, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et (C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 46) u d-digriet tal-11 ta’ Jannar 2018, Amber Capital Italia et (C‑654/16, C‑657/16 u C‑658/16, mhux ippubblikat, EU:C:2018:7, punt 36).

( 35 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8 u 9), tas-16 ta’ Diċembru 1993, Wagner Miret (C‑334/92, EU:C:1993:945, punti 20 u 21), u tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, EU:C:1997:413, punt 43).

( 36 ) Ara wkoll il-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet tar-rapport Winter I, p. 57.

( 37 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 50 u 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Huwa minnu li fil-karta tal-bilanċ, l-azzjonijiet proprji ma huma assenjati lil ebda detentur ieħor. Madankollu, fil-każ ta’ likwidazzjoni tal-kumpannija, huma mingħajr valur. Għalhekk, ma jiġux inklużi mal-assi netti.

( 40 ) Ara l-Artikolu 14(1) tal-Liġi Latvjana dwar ir-Rapporti Finanzjarji Kkonsolidati.

( 41 ) Ara wkoll il-punti 48 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Marco Tronchetti Provera et (C‑206/16, EU:C:2017:212, punt 38).

( 43 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 42 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Ara wkoll il-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, jekk l-assi intanġibbli jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-valur tal-kumpannija; biżżejjed wieħed jaħseb dwar kumpanniji bbażati fuq l-internet b’mudelli ta’ negozju diġitali bħal Facebook jew Google.

( 46 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 609), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 297/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 (ĠU 2008 L 97, p. 62).

( 47 ) Ara IFRS 10:22.

( 48 ) Dan bl-ebda mod ma huwa obbligatorju, iżda ġej mill-fatt li l-IFRS 10 huwa bbażat fuq it-teorija hekk imsejħa tal-entità (entity theory) tal-kontabbiltà tal-fużjonijiet u tal-akkwisti. Abbażi tal-kunċett tal-kumpannija omm (parent company concept), li huwa l-kontra ta’ dan l-approċċ, l-azzjonisti nonkontrollanti jkollhom jiġu inklużi bħala kredituri esterni. Ara wkoll Pellens, Amshoff u Sellhorn, Einheitstheorie in der M&A-Bilanzierung, Betriebsberater (BB) 2008, p. 602 et seq.

( 49 ) Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 ) Sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 113 u 114), tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 48), u tad-19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 31).

( 52 ) Ara, fuq dan l-obbligu, is-sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 37).

( 53 ) Sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51), tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 51), u tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová (C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 22).

( 54 ) Ara, f’dan ir-rigward, ir-rapport Winter I, p. 57.

( 55 ) Ara l-proposta għal direttiva, p. 4 (Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 4). L-Artikolu 4(6) ġie adottat kif previst fil-proposta għal direttiva, mingħajr tibdil.

( 56 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Paul et (C‑222/02, EU:C:2004:606, punt 40).

( 57 ) Sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1996, Dillenkofer et (C‑178/94, C‑179/94 u C‑188/94 sa C-190/94, EU:C:1996:375, punt 39).

( 58 ) Ara, pereżempju, il-premessa 2 u l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2004/25, kif ukoll is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et (C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 24).

( 59 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 38 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 37 u 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 61 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 103).

( 62 ) Sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punti 11 u 12).

( 63 ) Sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 56), tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová (C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 25), u tad-29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 42).

( 64 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807,punt 97).

( 65 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 21).

( 66 ) Sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 46 u 58), tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 31), u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 122).

( 67 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 83), tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová (C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 39).

( 68 ) Sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 82), tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 92), u tad-29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 46).

( 69 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawżi magħquda Sole-Mizo u Dalmandi Mezőgazdasági (C‑13/18 u C‑126/18, EU:C:2019:708, punti 43 et seq.).

( 70 ) Sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 30). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho (C‑407/14, EU:C:2015:831, punt 33).

( 71 ) Sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 87), tad-29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 47, u tat-23 ta’ April 2020, Sole-Mizo u Dalmandi Mezőgazdasági (C‑13/18 u C‑126/18, EU:C:2020:292, punt 49).

( 72 ) Ara f’dan ir-rigward il-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 73 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C‑209/03, EU:C:2005:169, punti 67 sa 69), tad-29 ta’ Lulju 2010, Brouwer (C‑577/08, EU:C:2010:449, punt 33 et seq.), u tad-29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław (C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 45).

( 74 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawżi magħquda Sole-Mizo u Dalmandi Mezőgazdasági (C‑13/18 u C‑126/18, EU:C:2019:708, punt 41).

( 75 ) Sentenzi tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 62), tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 77), u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 142).

( 76 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 94).

Top