EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0637

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Hogan, ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2020.
BY vs CX.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Svea hovrätt – Patent- och marknadsöverdomstolen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett ta’ ‘pubbliku’ – Trażmissjoni b’mod elettroniku lil qorti ta’ xogħol protett, bħala prova fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja.
Kawża C-637/19.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:650

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fit‑3 ta’ Settembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑637/19

BY

vs

CX

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Svea Hovrätt, Patent‑ och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala Qorti Speċjalizzata fil-Qasam tal-Privattivi u tal-Kummerċ, l-Isvezja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/29/KE — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Artikolu 3(1) — Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku — Artikolu 4(1) — Dritt ta’ distribuzzjoni — Tifsira tal-kelma “pubbliku” — Trażmissjoni lil qorti ta’ kopja ta’ xogħol protett bħala prova — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 47 — Dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali — Artikolu 17(2) — Drittijiet tal-proprjetà intellettwali”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li ġiet ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Awwissu 2019, toriġina minn tilwima bejn żewġ persuni privati, BY u CX, fil-mori ta’ proċeduri ċivili ( 2 ) li issa waslu quddiem is-Svea Hovrätt, Patent‑ och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala Qorti Speċjalizzata fil-Qasam tal-Privattivi u tal-Kummerċ, l-Isvezja). Din tqajjem kwistjonijiet ta’ ċerta importanza fir-rigward tal-interazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-awtur u l-libertà nazzjonali tal-informazzjoni, flimkien mad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2.

Speċifikament, it-trażmissjoni lil qorti ta’ xogħol protett bid-drittijiet tal-awtur (f’dan il-każ ritratt) fi proċeduri tal-qorti nazzjonali tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku” u/jew “distribuzzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni ( 3 )?

3.

Madankollu, qabel ma nipproċedu iktar, huwa neċessarju li l-ewwel jiġi stabbilit il-kuntest ġuridiku rilevanti.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt internazzjonali

4.

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (iktar ’il quddiem it-“TDA”) fl‑20 ta’ Diċembru 1996 f’Genève. It-TDA mbagħad ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas‑16 ta’ Marzu 2000 ( 4 ).

5.

L-Artikolu 6 tat-TDA, intitolat “Dritt ta’ distribuzzjoni,” jipprovdi:

“(1)   L-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv fuq l-awtorizzazzjoni li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku x-xogħol oriġinali tagħhom jew kopji ta’ dan ix-xogħol permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B.   Id-dritt tal-Unjoni

6.

Il-premessi 3, 9, 10, 15 u 31 tad-Direttiva 2001/29 jiddikjaraw:

“(3)

L-armonizzazzjoni proposta tgħin biex timplimenta l-erba’ libertajiet tas-suq intern u għandha x’taqsam mall-konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi u speċjalment tal-proprjetà inkluża proprjetà intellettwali u libertà ta’ espressjoni u l-interess pubbliku.

[…]

(9)

Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)

Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi ‘fuq talba’, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

[…]

(15)

Il-Konferenza Diplomatika mlaqqa’ taħt l-awspiċi ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija ta’ Proprjetà Intellettwali (WIPO) f’Diċembru 1996 wasslet għall-adozzjoni ta’ żewġ Trattati ġodda, it-‘Trattat dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur WIPO’ u t-’Trattat dwar l-Artisti u l-Fonogrammi WIPO, li jittrattaw rispettivament il-protezzjoni ta’ l-awturi u l-protezzjoni ta’ l-artisti u produtturi ta’ fonogrammi. Dawn it-Trattati jaġġornaw il-protezzjoni internazzjonali għad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati b’mod sinifikanti, mhux l-anqas rigward l-hekk imsejħa ‘aġenda diġitali’ u jtejbu l-mezzi biex jiġġieldu l-piraterija madwar id-dinja. Il-Komunità u l-maġġoranza ta’ l-Istati Membri diġà ffirmaw it-Trattati u għaddej il-proċess biex jagħmlu arranġamenti għar-ratifika tat-Trattati mill-Komunità u l-Istati Membri, Din id-Direttiva sservi wkoll biex timplimenta għadd ta’ obbligi internazzjonali ġodda.

[…]

(31)

Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Differenzi eżistenti fl-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ ċerti atti ristretti għandhom effetti diretti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq intern tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati. Dawn id-differenzi jistgħu faċilment isiru aktar notevoli bħala riżultat ta’ żvilupp akbar ta’ sfruttament ta’ xogħolijiet li jaqsam il-fruntieri u attivitajiet transperiferali. Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern.”

7.

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[…]”

8.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”, jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

[…]”

9.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

[…]

(e)

użu għall-iskopijiet ta’ sigurtà pubblika jew biex jiżgura t-twettiq jew rappurtaġġ xieraq ta’ proċċdimenti amministrattivi, parlamentari jew ġudizzjarji;

[…]”

C.   Id-dritt nazzjonali

10.

L-Artikolu 2 tal-lagen (1960:729) om upphovsrätt till litterära och konstnärliga verk (upphovsrättslagen) (il-Liġi Nru 729 tal‑1960 dwar id-Drittijiet tal-Awtur f’Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur”) jipprovdi:

“[(1)] Bla ħsara għal-limitazzjonijiet stabbiliti f’din il-liġi, id-drittijiet tal-awtur jinkludu d-dritt esklużiv li jiddisponi mix-xogħol billi jirriproduċih u billi jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, kemm jekk fil-forma oriġinali tiegħu kif ukoll jekk f’forma modifikata, fi traduzzjoni, f’adattament b’forma letterarja jew artistika oħra jew b’teknika oħra.

[(2)] Kwalunkwe riproduzzjoni ta’ xogħol diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, bi kwalunkwe mezz u fi kwalunkwe forma, totali jew parzjali, għandha tiġi kkunsidrata bħala riproduzzjoni.

[(3)] Ix-xogħol isir disponibbli għall-pubbliku fil-każijiet li ġejjin:

1.

Meta x-xogħol ikun suġġett għal komunikazzjoni lill-pubbliku. Komunikazzjoni lill-pubbliku ssir meta x-xogħol isir disponibbli għall-pubbliku, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, minn post differenti minn dak fejn il-pubbliku jista’ jgawdi dan ix-xogħol. Din tinkludi kull komunikazzjoni mwettqa b’tali mod li membri tal-pubbliku jistgħu jaċċessaw ix-xogħol minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[…]

4.

Meta riproduzzjoni tax-xogħol hija offruta għall-bejgħ, għall-kiri jew għas-self, jew distribwita lill-pubbliku b’mod ieħor.

Kull komunikazzjoni jew prestazzjoni ta’ xogħol immirata lejn ċirku kbir magħluq, f’kuntest professjonali, għandha titqies bħala komunikazzjoni lill-pubbliku jew prestazzjoni pubblika, skont il-każ.”

11.

L-Artikolu 49a tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur jistabbilixxi:

“L-awtur ta’ ritratt għandu d-dritt esklużiv li jirriproduċi dak ir-ritratt u li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku. Id-dritt japplika indipendentement minn jekk l-istampa hijiex użata fil-forma oriġinali tagħha jew f’forma modifikata u irrispettivament mit-teknika użata.”

12.

Skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2 tat-tryckfrihetsförordningen (il-Liġi dwar il-Libertà tal-Istampa), il-promozzjoni tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni pluralistika tinvolvi d-dritt għal kulħadd li jkollu aċċess għal dokumenti pubbliċi. Il-Liġi dwar il-Libertà tal-Istampa hija waħda mill-erba’ liġijiet fundamentali bażiċi fl-Isvezja li tgawdi minn status partikolari u speċjali bħal dak ta’ kostituzzjoni fi Stati Membri oħra.

13.

Il-Liġi dwar il-Libertà tal-Istampa tipprovdi wkoll, inter alia, li kull att proċedurali trażmess lil qorti, fi kwalunkwe forma, huwa dokument pubbliku. L-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi dwar il-Libertà tal-Istampa għalhekk għandha l-effett li kull persuna tista’ tistaqsi għall-aċċess ta’ att proċedurali trażmess lil qorti. Din ir-regola ta’ prinċipju hija madankollu suġġetta għal eċċezzjoni relatata ma’ informazzjoni kunfidenzjali.

14.

Il-prinċipju huwa għalhekk li d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti jikkonċerna wkoll dokumenti koperti bid-drittijiet tal-awtur u bi drittijiet relatati.

III. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15.

BY u CX huma t-tnejn persuni naturali u t-tnejn li huma joperaw sit internet. Waqt tilwima preċedenti quddiem il-qrati ċivili, CX bagħat kopja ta’ paġna ta’ test, inkluż ritratt, mis-sit internet ta’ BY bħala prova fil-proċeduri ġudizzjarji sottostanti. Għaldaqstant, ir-ritratt jifforma parti mir-rekord bil-miktub fil-kawża.

16.

BY jallega li għandu d-drittijiet tal-awtur għal dak ir-ritratt u jitlob li CX jiġi ordnat sabiex iħallas id-danni, fl-ewwel lok, għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur u, fit-tieni lok, għall-ksur tal-protezzjoni speċjali mogħtija lir-ritratti permezz tal-Artikolu 49a tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur. CX jikkontesta kwalunkwe obbligu li jħallas id-danni u jsostni li l-iżvelar tal-materjal għall-finijiet tal-proċeduri ġudizzjarji ma jammontax għal ksur tad-drittijiet tal-awtur.

17.

Fl-ewwel istanza, il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti Speċjalizzata fil-Qasam tal-Privattivi u tal-Kummerċ, l-Isvezja) iddeċidiet li r-ritratt kien protett bi drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur, jiġifieri, bil-protezzjoni speċjali mogħtija lir-ritratti. Din il-qorti kkonstatat, madankollu, li minħabba li r-ritratt kien ġie trażmess lilha bħala att proċedurali, kwalunkwe terz seta’ jitlob il-komunikazzjoni tar-ritratt skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi kostituzzjonali Svediża dwar l-aċċess għal dokumenti. Għalkemm il-Patent och- marknadsdomstolen (il-Qorti Speċjalizzata fil-Qasam tal-Privattivi u tal-Kummerċ) ikkonkludiet li CX kien iddistribwixxa dak ir-ritratt lill-pubbliku fis-sens tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, hija kkunsidrat li ma ġiex stabbilit li BY kien sofra danni u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors tiegħu.

18.

BY appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

19.

Il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tiddeċiedi b’mod partikolari dwar jekk li tintbagħat kopja ta’ dan ir-ritratt lil qorti bħala pass proċedurali jikkostitwixxix mod illegali ta’ kif wieħed jagħmel disponibbli x-xogħol fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti dwar id-drittijiet tal-awtur, kemm jekk bħala distribuzzjoni lill-pubbliku kif ukoll bħala komunikazzjoni lill-pubbliku.

20.

Ma huwiex ikkontestat li r-ritratt intbagħat b’mod elettroniku (bil-posta elettronika) lill-qorti adita bit-tilwima bejn il-partijiet fil-forma ta’ kopja elettronika. Il-qorti nazzjonali tistaqsi wkoll jekk qorti tistax titqies li taqa’ fil-kunċett ta’ “pubbliku” għal dawn l-għanijiet.

21.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li teżisti inċertezza dwar l-interpretazzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal-kunċetti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” u “distribuzzjoni lill-pubbliku” fil-każ ta’ trażmissjoni lil qorti fil-mori ta’ proċeduri ċivili ta’ xogħol protett bid-drittijiet tal-awtur. Din tqajjem il-kwistjoni, l-ewwel nett, dwar jekk qorti tistax titqies li taqa’ fil-kunċett ta’ “pubbliku” fis-sens tad-Direttiva 2001/29 u, it-tieni nett, dwar jekk il-kelma “pubbliku” għandhiex tingħata l-istess tifsira fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 3(1) u 4(1) tad-Direttiva 2001/29.

22.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “pubbliku” jirreferi għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jinvolvi, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni. Hija enfasizzat ukoll li l-għan huwa li jrendi xogħol perċettibbli bi kwalunkwe mod xieraq għal “persuni b’mod ġenerali”, għall-kuntrarju ta’ persuni speċifiċi li jappartjenu għal grupp privat ( 5 ).

23.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher ukoll li l-kunċett ta’ “distribuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu l-istess tifsira bħall-espressjoni “jagħmlu disponibbli għall-pubbliku […] permezz ta’ bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tat-TDA. Madankollu, mis-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Dimensione Direct Sales u Labianca (C‑516/13, EU:C:2015:315) jidher li sabiex ikun hemm “distribuzzjoni lill-pubbliku” huwa suffiċjenti li x-xogħol protett ikun ikkunsinnat lil membru tal-pubbliku.

24.

Huwa wkoll neċessarju li jiġi vverifikat jekk, meta att proċedurali jiġi trażmess lil qorti, kemm fil-forma ta’ dokument fiżiku (karta) kif ukoll bħala dokument mehmuż ma’ posta elettronika, huwiex “komunikazzjoni lill-pubbliku” jew “distribuzzjoni lill-pubbliku”, peress li tali trażmissjoni tipproduċi l-istess effetti u għandha l-istess għan fiż-żewġ każijiet.

25.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li la dik il-qorti nnifisha u lanqas il-membri tal-persunal tagħha ma jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu l-“pubbliku” fis-sens ġenerali tal-kelma. Dawn ma setgħux, madankollu, jitqiesu li jappartjenu għal grupp privat.

26.

Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, filwaqt li n-numru ta’ persuni li, wara trażmissjoni, ikollhom aċċess għax-xogħol huwa ċertament limitat għall-persunal tal-qorti biss, dak in-numru jkun neċessarjament varjabbli u għandu jitqies sa mill-bidu bħala wieħed għoli. Finalment, id-dritt nazzjonali jipprevedi li kulħadd għandu dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jaslu quddiem qorti.

27.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Il-kelma ‘pubbliku’ li tinsab fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, għandha tifsira uniformi?

(2)

F’każ li l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, qorti tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘pubbliku’ fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet?

(3)

F’każ li l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva:

a)

f’każ ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol protett lil qorti, din tal-aħħar tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘pubbliku’?

b)

f’każ ta’ distribuzzjoni ta’ xogħol protett lil qorti, din tal-aħħar tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘pubbliku’?

(4)

Il-fatt li d-dritt nazzjonali jipprevedi prinċipju ġenerali ta’ aċċess għad-dokumenti pubbliċi li skontu kull min iressaq talba jista’ jingħata aċċess għall-atti tal-proċedura trażmessi lil qorti, dment li dawn ma jkunux suġġetti għas-sigriet tal-kunfidenzjalità, jinċidi fuq l-evalwazzjoni dwar jekk it-trażmissjoni lil qorti ta’ xogħol protett tikkostitwixxix ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ jew ‘distribuzzjoni lill-pubbliku’?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Kummissjoni Ewropea.

29.

Numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub ġew indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Gvern Svediż. Il-Gvern Svediż wieġeb dawn il-mistoqsijiet fis‑6 ta’ Mejju 2020.

V. Analiżi

A.   Fuq l-ewwel domanda

30.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kelma “pubbliku” fl-Artikoli 3(1) u 4(1) tad-Direttiva 2001/29 għandhiex tifsira uniformi ( 6 ).

31.

Fil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE li tipprovdi għal kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija din tal-aħħar li għandha tipprovdi lill-qorti nazzjonali b’risposta li tkun ta’ użu għaliha u li biha hija tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. Għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tirriformula d-domandi magħmula lilha wara li tislet mill-informazzjoni kollha pprovduta lilha mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 7 ).

32.

Fil-fehma tiegħi, ma huwiex neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi l-ewwel domanda u, għalhekk, id-domandi l-oħra għandhom jiġu rriformulati. F’dan ir-rigward, mill-punti 3 u 6 tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta b’mod ċar li r-ritratt protett, ( 8 ) li huwa s-suġġett tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, intbagħat permezz ta’ posta elettronika bħala prova lill-qrati ċivili fil-mori tal-proċeduri li huma kienu aditi bihom.

33.

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, awturi għandhom id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawhom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-awturi għandhom, fir-rigward tal-oriġinal tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ kopji ta’ dawn ix-xogħlijiet, id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kwalunkwe forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew b’mod ieħor. L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 jipprevedi wkoll li dan id-dritt jiġi eżawrit fil-każ tal-ewwel bejgħ jew tal-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà fl-Unjoni tal-oriġinal tax-xogħol jew ta’ kopja tiegħu mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu ( 9 ).

34.

Mill-punti 39 sa 45 u 51 u 52 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:111), inter alia, jirriżulta b’mod ċar li sabiex ikun hemm “distribuzzjoni lill-pubbliku” skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, ix-xogħol għandu jitqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni bħala kopji fiżiċi, prodotti materjali jew oġġetti tanġibbli ( 10 ). Dan ir-rekwiżit partikolari tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jiġix issodisfatt meta xogħol jiġi trażmess fil-forma intanġibbli bil-posta elettronika ( 11 ).

35.

It-trażmissjoni ta’ xogħol bil-posta elettronika, minflok, tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, att ta’ komunikazzjoni jew tqegħid ta’ xogħol għad-dispożizzjoni, bil-fili jew mingħajr fili, li jista’ jiġi aċċessat mid-destinatarju minn post u f’ħin magħżul individwalment minnu skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Il-kwistjoni ewlenija f’din il-kawża madankollu hija jekk dik it-trażmissjoni hijiex komunikazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-“pubbliku” għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ( 12 ).

36.

Għalhekk nikkunsidra li ma huwiex neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 f’din il-kawża.

37.

Fi kwalunkwe każ, irrispettivament minn jekk l-Artikolu 3(1) jew saħansitra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 jistgħux ikunu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, kif deskritt fis-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Dimensione Direct Sales u Labianca (C‑516/13, EU:C:2015:315, punt 34), id-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata b’mod li jiżgura protezzjoni effettiva u rigoruża tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

38.

Dan ir-rekwiżit strett huwa enfasizzat ukoll mill-Artikolu 17(2) tal-Karta, li jipprevedi li l-proprjetà intellettwali “għandha tiġi protetta” ( 13 ).

39.

Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti li jiena issa nipproponi li nindirizza d-domandi l-oħra tal-qorti tar-rinviju, suġġett għar-riformulazzjonijiet neċessarji.

B.   Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari

40.

Filwaqt li t-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jirkbu fuq xulxin, dawn essenzjalment jistaqsu jekk, u fl-affermattiv, f’liema ċirkustanzi, l-iżvelar bil-posta elettronika lil qorti ta’ materjal protett bid-drittijiet tal-awtur bħala prova fil-mori ta’ proċeduri jistax jammonta għal komunikazzjoni lill-pubbliku għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. L-ewwel ser niddiskuti dawn il-kwistjonijiet ġenerali u mbagħad ser nikkonkludi billi nirrispondi d-domandi speċifiċi magħmula.

41.

Fil-qalba tal-protezzjoni mogħtija bl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 hemm l-idea li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur huwa intitolat għal protezzjoni kontra l-komunikazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-materjal protett bid-drittijiet tal-awtur lill-“pubbliku” ( 14 ). Għalhekk, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, l-atti kollha ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol lil terz jeħtieġu l-kunsens minn qabel tal-awtur tagħhom.

42.

Filwaqt li l-komunikazzjoni tal-materjal protett lil terzi li jwettqu funzjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji tista’ tassew taqbeż “ċertu limitu de minimis” minħabba n-numru ta’ persuni potenzjalment involuti ( 15 ), din normalment ma tikkostitwixxix, fil-fehma tiegħi, “komunikazzjoni lill-pubbliku” skont kif previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, preċiżament għaliex dawn il-persuni, filwaqt li ma humiex grupp privat ( 16 )per se, madankollu jkunu ristretti min-natura tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom. B’mod partikolari, huma ma jkunux jistgħu jqisu l-materjal protett bid-drittijiet tal-awtur bħala ħieles mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

43.

Il-komunikazzjoni, pereżempju, ta’ tali materjal minn parti fil-mori ta’ proċeduri ġudizzjarji lil uffiċjali tal-qorti jew detenturi ta’ uffiċji ġudizzjarji, minbarra l-fatt li ma jkollha l-ebda sinjifikattiv ekonomiku indipendenti ( 17 ), ma tippermettix lid-destinatarji ta’ dan il-materjal sabiex jagħmlu dak li jridu bih. Wara kollox, f’dan l-eżempju l-materjal kien ikun ikkomunikat lil tali persuni fil-kapaċitajiet amministrattivi tagħhom jew, skont il-każ, dawk ġudizzjarji u r-riproduzzjoni, komunikazzjoni jew distribuzzjoni ulterjuri ta’ tali materjal minnhom kienu jkunu suġġetti għal ċerti restrizzjonijiet legali u etiċi espliċiti jew impliċiti, inkluż il-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, previsti fid-dritt nazzjonali.

44.

Minkejja n-numru għoli ta’ uffiċjali tal-qorti involuti, il-komunikazzjoni ma tkunx għalhekk indirizzata lejn numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali kif meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 37 tas-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764). Minflok, il-komunikazzjoni tkun orjentata lejn grupp ta’ persuni kjarament iddefinit u limitat jew magħluq li jwettqu l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fl-interess pubbliku u li huma, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, marbuta b’regoli legali u etiċi li jikkonċernaw, inter alia, l-użu u l-iżvelar ta’ informazzjoni u provi rċevuti fil-mori ta’ proċeduri ġudizzjarji.

45.

Fil-fehma tiegħi, il-komunikazzjoni lil qorti ta’ materjal protett bid-drittijiet tal-awtur bħala prova fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji bħala prinċipju ma tmurx kontra d-drittijiet esklużivi tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan il-materjal, billi, pereżempju, iċċaħħad lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur mill-opportunità li jitlob remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħol tiegħu. Il-kapaċità li jippreżenta materjal protett bid-drittijiet tal-awtur bħala prova fi proċeduri ċivili, minflok, isservi sabiex tiżgura d-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess imparzjali kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta. Id-drittijiet tad-difiża ta’ parti fil-kawża jkunu kompromessi jekk din ma tkunx tista’ tippreżenta provi lil qorti f’każ li parti oħra f’din il-kawża jew saħansitra terz jislet il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward ta’ din il-prova ( 18 ).

46.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tal-Karta ma humiex drittijiet assoluti imma għandhom jiġu bbilanċjati jew imqabbla ma’ drittijiet oħra ggarantiti mill-Karta ( 19 ).

47.

Is-sustanza ta’ dawn id-drittijiet ma hijiex kompromessa minħabba leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tippermetti lill-partijiet f’kawża li jużaw jew jirreferu għal materjal protett bid-drittijiet tal-awtur fi proċeduri ġudizzjarji, jekk xejn minħabba li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ma hijiex mitlufa sempliċement għaliex hija msemmija b’dan il-mod f’dawn il-proċeduri.

48.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk din l-evalwazzjoni hijiex mibdula bil-fatt li l-leġiżlazzjoni Svediża tistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ aċċess għal dokumenti pubbliċi li skontha kwalunkwe persuna li tagħmel talba tista’ taċċedi għal atti proċedurali trażmessi lil qorti, ħlief fejn dawn ikun fihom informazzjoni kunfidenzjali ( 20 ). Fil-fehma tiegħi, u kif ġie indikat kemm mill-Kummissjoni ( 21 ) kif ukoll mill-Gvern Svediż ( 22 ), il-komunikazzjoni lil qorti ta’ materjal protett bid-drittijiet tal-awtur minn parti fil-kawża f’tali ċirkustanzi ma tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku mill-parti fil-kawża peress li fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nnifisha (jew l-uffiċjali tal-qorti) li eventwalment tista’ tagħti aċċess għall-materjal skont ir-regoli nazzjonali tal-libertà tal-informazzjoni jew tat-trasparenza ( 23 ).

49.

F’dan ir-rigward, ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-qrati jew l-uffiċjali tal-qorti fl-Isvezja fil-fatt taw aċċess għall-materjal bid-drittijiet tal-awtur inkwistjoni jew saħansitra li tali aċċess intalab.

50.

Il-qorti tar-rinviju indikat biss fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari li d-dritt nazzjonali dwar il-libertà tal-informazzjoni jippermetti lill-pubbliku ġenerali li jaċċessa dan il-materjal bħala dritt ( 24 ). Dan, wara kollox, huwa l-għan ġenerali tad-dritt dwar il-libertà tal-informazzjoni kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni ( 25 ). Fil-fatt, dan il-kunċett huwa fil-qalba tal-Liġi Svediża dwar il-Libertà tal-Istampa ( 26 ) — hija nnifisha l-ispirazzjoni għal-leġiżlazzjoni dwar il-libertà tal-informazzjoni f’ħafna Stati Membri oħra u fil-livell tal-Unjoni — b’tali mod li, permezz tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2 ta’ din il-liġi, id-dokumenti tal-qorti huma ġeneralment aċċessibbli mill-membri tal-pubbliku bħala dritt ( 27 ). Il-Gvern Svediż indika wkoll li d-drittijiet tal-awtur huma protetti bil-Kostituzzjoni Svediża skont ir-regoli stabbiliti fil-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur. L-Artikolu 26b(1) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur jipprevedi, madankollu, li minkejja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur, dokumenti pubbliċi għandhom jiġu kkomunikati lill-pubbliku taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu 2 tal-Liġi dwar il-Libertà tal-Istampa.

51.

Għal dan il-prinċipju ġenerali ta’ trasparenza, madankollu, hemm l-eċċezzjonijiet. Filwaqt li din fl-aħħar mill-aħħar hija kwistjoni li l-qorti nazzjonali għandha tivverifika, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet informata mill-Gvern Svediż b’risposta għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 23 tal-Kapitolu 31 tal-OSL ( 28 ) fih riżerva għall-materjal protett bid-drittijiet tal-awtur. L-effett ta’ din ir-riżerva għalhekk jidher li huwa — għal darba oħra, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju — li informazzjoni li tinsab f’materjal li huwa suġġett għad-drittijiet tal-awtur titqies, taħt ċerti kundizzjonijiet, bħala kunfidenzjali u ma tistax tiġi żvelata fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika għall-kuntrarju ( 29 ).

52.

Barra minn hekk, u forsi iżjed importanti, il-Gvern Svediż sostna li filwaqt li l-Artikolu 26b(1) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur jirregola l-iżvelar ta’ dokumenti pubbliċi, huwa ma jagħtix dritt għall-użu ta’ tali dokumenti. Skont dan il-gvern, “kull min ġie mogħti kopja tax-xogħol skont din id-dispożizzjoni ma jistax għalhekk jiddisponi minnu bi ksur tal-[Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur]. Kwalunkwe użu ieħor jeħtieġ il-permess tal-awtur jew għandu jkun ibbażat fuq wieħed mill-eċċezzjonijiet għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur previsti mil-[Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur]”.

53.

Għaldaqstant jidher li l-materjal protett bid-drittijiet tal-awtur b’hekk ma jidħolx fil-qasam pubbliku permezz tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà tal-informazzjoni fil-Liġi dwar il-Libertà tal-Istampa sempliċement għaliex dan ġie żvelat jew muri jew sar disponibbli b’mod ieħor bħala prova fil-mori ta’ proċeduri ġudizzjarji.

54.

Fi kliem ieħor, l-iżvelar ta’ tali materjal protett bid-drittijiet tal-awtur taħt ir-regoli tat-trasparenza ma għandux l-effett sostantiv sa tali punt li dan il-materjal jitlef l-istatus tiegħu bħala wieħed protett bid-drittijiet tal-awtur u b’hekk jidħol fil-qasam pubbliku.

55.

Għalhekk, bla ħsara, ovvjament, għall-verifika fl-aħħar mill-aħħar tal-qorti nazzjonali, huwa ċar li d-dritt Svediż la jipprevedi u lanqas jippermetti li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jintilfu biss għaliex waħda mill-partijiet fil-kawża ippreżentat dak il-materjal fil-mori ta’ proċeduri ċivili u li terz jista’ sussegwentement jikseb aċċess għal dan il-materjal permezz tad-dritt Svediż dwar il-libertà tal-informazzjoni.

56.

Wieħed jista’ josserva, b’konklużjoni, li kieku dan id-dritt kien saħansitra differenti u d-drittijiet tal-awtur b’hekk setgħu effettivament jintilfu permezz tas-sempliċi mezz ta’ preżentazzjoni tad-dokument protett bid-drittijiet tal-awtur fi proċeduri ċivili, allura, fil-fehma tiegħi ir-Renju tal-Isvezja kien kjarament ikun naqas milli jittrasponi b’mod xieraq ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/29 u, għaldaqstant, naqas milli josserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 17(2) tal-Karta fir-rigward tal-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali. Tali sitwazzjoni kienet kjarament tikkomprometti l-mertu tal-livell meħtieġ ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur li huma żgurati għad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet permezz tad-Direttiva 2001/29 (u, għaldaqstant, permezz tal-Artikolu 17(2) tal-Karta), għaliex dawn kienu jispiċċaw mingħajr il-protezzjoni effettiva sabiex ikunu jistgħu jevitaw it-telfien tad-drittijiet tal-awtur b’dan il-mod.

57.

Peress li, madankollu, bla ħsara għall-verifika tal-qorti tar-rinviju, dan kjarament ma huwiex il-każ, ma huwiex neċessarju li din il-kwistjoni tkompli tiġi indirizzata.

58.

Għalhekk nikkunsidra li t-trażmissjoni elettronika minn parti fil-kawża jew minn parti fil-proċedura lil qorti ta’ materjal protett bid-drittijiet tal-awtur bħala prova ma tikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku” jew “distribuzzjoni lill-pubbliku” skont l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29. Is-sempliċi fatt li tali prova hija kkunsidrata bħala dokument pubbliku u li l-pubbliku jista’ għalhekk, bħala prinċipju, ikollu aċċess għall-materjal protett bid-drittijiet tal-awtur inkwistjoni skont ir-regoli nazzjonali tal-libertà tal-informazzjoni jew tat-trasparenza ma jfissirx li din tidħol fil-qasam pubbliku u li tkun ħielsa mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

VI. Konklużjoni

59.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Svea Hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala Qorti Speċjalizzata fil-Qasam tal-Privattivi u tal-Kummerċ, l-Isvezja) kif ġej:

“It-trażmissjoni elettronika minn parti fil-kawża jew minn parti fil-proċedura lil qorti ta’ materjal protett bid-drittijiet tal-awtur bħala prova ma tikkostitwixxix ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ jew ‘distribuzzjoni lill-pubbliku’ skont l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni. Is-sempliċi fatt li tali prova hija kkunsidrata dokument pubbliku u li l-pubbliku jista’ għalhekk, bħala prinċipju, ikollu aċċess għall-materjal protett bid-drittijiet tal-awtur inkwistjoni skont ir-regoli nazzjonali tal-libertà tal-informazzjoni u tat-trasparenza ma jfissirx li din tidħol fil-qasam pubbliku u li tkun ħielsa mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Jista’ jiġi nnotat li ma huwiex ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari dik li hija effettivament in-natura tal-proċeduri ċivili inkwistjoni jew jekk il-prova inkwistjoni hijiex rilevanti fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas‑16 ta’ Marzu 2000 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Dritt ta’ l-Awtur u tat-Trattat WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

( 5 ) Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379, punti 4142, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 ) Il-kelma “pubbliku” ma hijiex imfissra fid-Direttiva 2001/29.

( 7 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111, punti 3132 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ara, b’analoġija, il-punt 14 tas-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li ritratt jista’ jiġi protett mid-dritt tal-awtur, bil-kundizzjoni li dan ikun il-kreazzjoni intellettwali tal-awtur li tirrifletti l-personalità tiegħu u li timmanifesta ruħha mill-għażliet liberi u kreattivi tiegħu waqt il-ħolqien ta’ dan ir-ritratt.

( 9 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111, punti 3536).

( 10 ) Nuża dan il-kliem b’mod interkambjabbli għal finijiet illustrattivi biss. Jiena nikkunsidra madankollu li “distribuzzjoni lill-pubbliku” isseħħ fid-dinja “reali” iktar milli dik “virtwali” u għalhekk teħtieġ iċ-ċirkulazzjoni ta’ oġġett fiżiku jew tanġibbli.

( 11 ) Barra minn hekk, fil-punti 22 u 26 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Syed (C‑572/17, EU:C:2018:1033), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li distribuzzjoni lill-pubbliku hija kkaratterizzata minn sensiela ta’ operazzjonijiet li jvarjaw, għall-inqas mill-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ sal-eżekuzzjoni tal-istess bil-kunsinna lil membru tal-pubbliku. Barra minn hekk, att li jsir qabel it-twettiq ta’ bejgħ ta’ xogħol jew ta’ kopja tax-xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur, imwettaq mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur ta’ dan id-dritt u bl-għan li jsir tali bejgħ, jista’ jikser id-dritt ta’ distribuzzjoni kif iddefinit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29. Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li t-trażmissjoni tar-ritratt bħala prova fil-mori ta’ proċeduri ġudizzjarji ma tikkostitwixxix bejgħ ta’ dan ix-xogħol jew it-trasferiment ta’ proprjetà tiegħu jew inkella preparazzjoni għall-bejgħ ta’ dan ix-xogħol.

( 12 ) Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 tinkludi żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dak ix-xogħol lill-“pubbliku”. Fir-rigward tal-ewwel minn dawn l-elementi, jiġifieri l-eżistenza ta’ “att ta’ komunikazzjoni”, kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, sabiex ikun hemm tali att huwa suffiċjenti, b’mod partikolari, li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’tali mod li l-persuni li jifformaw dan il-pubbliku jkun jista’ jkollhom aċċess għalih, irrispettivament minn jekk jużawx din il-possibbiltà jew le. F’dak li jirrigwarda t-tieni mill-kriterji msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri li x-xogħol protett għandu fil-fatt jiġi kkomunikat lill-“pubbliku”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “pubbliku” jirreferi għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni. Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punti 192022, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-punt 68 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-kunċett ta’ “pubbliku” jinvolvi ċertu limitu de minimis, li jeskludi minn dan il-kunċett numru żgħir ħafna ta’ persuni kkonċernati, u, barra minn hekk, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi li jirriżultaw mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħol protett, permezz ta’ tniżżil, mid-destinatarji potenzjali. Għaldaqstant, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-numru ta’ persuni li jistgħu jaċċedu għall-istess xogħol simultanjament, iżda wkoll kemm minnhom jistgħu jaċċedu għalih suċċessivament.

( 13 ) Fil-punt 18 tas-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li mill-premessi 4, 9 u 10 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-għan prinċipali ta’ din tal-aħħar huwa li tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-awturi, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, inkluż fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, kif tgħid espressament il-premessa 23 tad-direttiva.

( 14 ) Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kelma “pubbliku” tirreferi għal persuni fiżiċi u għalhekk ma tirreferix għal istituzzjonijiet jew ġurisdizzjonijiet. Jiena, madankollu, ma naqbilx li l-kelma “pubbliku” hija limitata għal persuni fiżiċi, għaliex nemmen li tista’ tinkludi persuni ġuridiċi bħal kumpanniji.

( 15 ) Tali grupp ma jistax ikun żgħir jew insinjifikattiv imma jista’ fil-fatt jinkludi grupp pjuttost kbir ta’ persuni. Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 43).

( 16 ) Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara, b’analoġija, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29.

( 18 ) Fil-punt 71 tas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett stess ta’ proċess imparzjali, jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inkluż li tipproduċi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha. Fil-fatt, nikkunsidra li l-evitar ta’ tali riskju huwa l-funzjoni stess tal-eċċezzjoni jew limitazzjoni fakultattiva għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal użanzi fi proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji previsti fl-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29. Għandu jiġi enfasizzat, madankollu, li l-qorti tar-rinviju speċifikament sostniet fil-punt 6 tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari li d-domandi magħmula minnha ma humiex marbuta mal-applikazzjoni ta’ Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29.

( 19 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Pelham et (C‑476/17, EU:C:2019:624, punti 3334). Ara wkoll is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 72).

( 20 ) Filwaqt li ma huwiex ċar mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dak li huwa forsi l-qalba ta’ din id-domanda huwa r-riskju li l-proċeduri ġudizzjarji jistgħu jiġu strumentalizzati minħabba l-wirja opportunistika ta’ materjal protett bid-drittijiet tal-awtur f’dawk il-proċeduri sabiex il-pubbliku jkun jista’ jkollu aċċess għall-materjal protett bid-drittijiet tal-awtur taħt ir-regoli tal-libertà tal-informazzjoni jew tat-trasparenza, u b’hekk imur kontra d-drittijiet esklużivi tal-awturi.

( 21 ) Ara l-punt 20 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

( 22 ) Ara l-punt 25 tar-risposta tal-Gvern Svediż tas‑6 ta’ Mejju 2020 għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 23 ) Ara l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29, li jipprevedi li din id-direttiva għandha tkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw, inter alia, l-aċċess għal dokumenti pubbliċi. Il-Gvern Svediż indika li skont il-leġiżlazzjoni Svediża, id-dokumenti miġjuba lil qorti minn parti fil-kawża huma dokumenti pubbliċi u għalhekk huma, bħala prinċipju, aċċessibbli għall-pubbliku. Fil-punt 26 tas-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2017, ITV Broadcasting et (C‑275/15, EU:C:2017:144), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-premessa 60 ta’ din id-direttiva, huwa maħsub sabiex iżomm id-dispożizzjonijiet applikabbli f’oqsma li ma humiex dak armonizzat bid-direttiva.

( 24 ) Ara l-punt 18 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 25 ) Ara l-Artikolu 15(3) TFUE.

( 26 ) Il-Gvern Svediż indika li l-aċċess pubbliku għal noti u għal provi trażmessi lil qorti huma ttrattati bl-offentlighets — och sekretesslag (2009:400) (il-Liġi Nru 400 tal‑2009 dwar it-Trasparenza u l-Kunfidenzjalità ta’ Dokumenti Pubbliċi, iktar ’il quddiem l-“OSL”) u bil-Kapitolu 2 tal-Liġi dwar il-Libertà tal-Istampa.

( 27 ) Il-Gvern Svediż indika li filwaqt li kull min jitlob l-aċċess għal dokument pubbliku għandu wkoll dritt għal kopja ta’ dak id-dokument mal-ħlas ta’ spejjeż amministrattivi, l-amministrazzjoni pubblika ma hijiex, bħala prinċipju, obbligata li tikkomunika dak id-dokument b’mezzi elettroniċi. Ara l-punt 37 tar-risposta tal-Gvern Svediż. Dan għalhekk jidher li jiżgura, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-materjal protett bid-drittijiet tal-awtur ma huwiex, bħala prinċipju, ikkomunikat lill-pubbliku mill-qrati.

( 28 )

( 29 ) Ara l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 8 tal-OSL.

Top