EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0510

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fil-25 ta’ Ġunju 2020.
Openbaar Ministerie et vs AZ.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hof van beroep te Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 6(2) – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni’ – Artikolu 27(2) – Regola ta’ speċjalità – Artikolu 27(3)(g) u (4) – Deroga – Azzjoni kriminali għal ‘reat minbarra’ dak li fir-rigward tiegħu l‑persuna ġiet ikkonsenjata – Kunsens tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Kunsens tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.
Kawża C-510/19.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:494

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fil‑25 ta’ Ġunju 2020 ( 1 )

Kawża C‑510/19

Openbaar Ministerie,

YU,

ZV

vs

AZ

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju))

“Domanda preliminari — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Mandat ta’ arrest Ewropew — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Artikolu 6(2) — Kunċett ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 27(3)(g) u (4) — Talba għal kunsens addizzjonali milqugħa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni”

1. 

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi dwar il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI ( 2 ), billi ppreċiżat il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati mill-awtorità li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew (MAE) ( 3 ).

2. 

Din id-domanda preliminari tagħtiha l-opportunità tinterpreta dan l-istess kunċett, iżda issa b’rabta mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas, moqri fid-dawl tal-Artikolu 27 tagħha. Dan huwa mitlub minn qorti Belġjana, li tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi jistax jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja” li tagħti l-kunsens għall-estensjoni tar-reati indikati f’MAE preċedenti, diġà eżegwit.

I. Il-kuntest leġiżlattiv

A.   Id-dritt tal-Unjoni. Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

3.

Il-premessi 5, 6 u 8 jipprovdu:

“(5)

L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)

Il-[MAE] previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(8)

Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-[MAE] għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.”

4.

Skont l-Artikolu 1 (“Definizzjoni tal-[MAE] u l-obbligu li jiġi esegwit”):

“1.   Il-[MAE] hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe [MAE] abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

5.

L-Artikolu 6 (“Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”) jipprovdi:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ [MAE] permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-[MAE] permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.   Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

6.

Skont l-Artikolu 14 (“Smigħ tal-persuna rikjesta”):

“Fejn il-persuna arrestata ma tagħtix kunsens għall-konsenja tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 13, hija għandha tkun intitolata li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni.”

7.

L-Artikolu 15 (“Deċiżjoni dwar il-konsenja”) jipprovdi kif ġej:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

[…]”

8.

L-Artikolu 19 (“Smigħ tal-persuna sakemm tittieħed id-deċiżjoni”) jipprovdi:

“1.   Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ minn awtorità ġudizzjarja, assistita minn persuna oħra nominata skond il-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

2.   Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u bil-kondizzjonijiet stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u dawk ta’ esekuzzjoni.

3.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni kompetenti tista’ tinkariga awtorità ġudizzjarja oħra ta’ l-Istat Membru tagħha biex tieħu sehem fis-smigħ tal-persuna rikjesta sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni adatta ta’ dan l-Artikolu u tal-kondizzjonijiet stabbiliti.”

9.

Skont l-Artikolu 27 (“Azzjoni kriminali possibbli għal reati oħra”):

“1.   Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens hu kkunsidrat li ġie mogħti għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, barra dak li għaliha [għalih] ġiet konsenjata, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjaraja ta’ esekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.

2.   Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna.

3.   Il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

[…]

(g)

fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna tagħti l-kunsens tagħha skond il-paragrafu 4.

4.   Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 8(2). Il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu stess hu soġġett għall-konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. Il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4. Id-deċiżjoni għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba.

[…]”

B.   Id-dritt nazzjonali

1. Id-dritt Belġjan. Il-Liġi dwar il-MAE ( 4 )

10.

L-Artikolu 37 jistipula:

“1.   Il-persuna li ġiet ikkonsenjata abbażi ta’ [MAE] maħruġ minn awtorità ġudizzjarja Belġjana ma tistax tkun is-suġġett ta’ azzjoni kriminali, tiġi kkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih hija ġiet ikkonsenjata.

2.   Il-paragrafu 1 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

[…]

Jekk, barra mill-każijiet previsti fl-ewwel subparagrafu, il-qorti istruttorja, il-prosekutur jew il-qorti jkunu jixtiequ, skont il-każ, jissuġġettaw għal azzjoni kriminali, jikkundannaw jew iċaħħdu mil-libertà lill-persuna kkonsenjata, għal reat imwettaq qabel il-konsenja minbarra dak li għalih hija ġiet ikkonsenjata, talba għal kunsens għandha titressaq quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(4) kif ukoll, jekk ikun il-każ, ma’ traduzzjoni.”

2. Id-dritt Olandiż

a) Il-Liġi tad‑29 ta’ April 2004 li Tittrasponi d-Deċiżjoni Qafas ( 5 )

11.

L-Artikolu 14 jipprovdi:

“1.   Il-konsenja hija awtorizzata biss bil-kundizzjoni li l-persuna rikjesta ma tkunx is-suġġett ta’ azzjoni kriminali, ma tiġix issanzjonata jew b’xi mod ieħor imċaħħda mil-libertà tagħha għal reati mwettqa qabel il-konsenja tagħha minbarra dawk li għalihom hija ġiet ikkonsenjata, ħlief:

[…]

(f)

meta jkun intalab u nkiseb il-kunsens minn qabel tal-Prosekutur.

[…]

3.   Il-Prosekutur għandu jagħti l-kunsens imsemmi fil-paragrafu 1(f) […] fuq talba tal-awtorità ġudizzjarja emittenti u abbażi ta’ [MAE] ippreżentat u akkumpanjat minn traduzzjoni għal reati li fir-rigward tagħhom il-konsenja kienet tkun awtorizzata bis-saħħa ta’ din il-liġi […]”.

12.

L-Artikolu 35(1) jistabbilixxi:

“Il-persuna rikjesta għandha tiġi effettivament ikkonsenjata kemm jista’ jkun malajr wara d-deċiżjoni li tawtorizza l-konsenja b’mod totali jew parzjali. Il-Prosekutur għandu jiddetermina, bi ftehim mal-awtorità ġudizzjarja emittenti, il-mument u l-post tal-konsenja.”

13.

Fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel it‑13 ta’ Lulju 2019, l-Artikolu 44 kien jipprovdi:

“Il-Prosekutur jista’ jaġixxi bħala awtorità ġudizzjarja emittenti”.

14.

Fil-verżjoni fis-seħħ mit‑13 ta’ Lulju 2019, l-Artikolu 44 huwa fformulat kif ġej:

“Il-qorti superviżorja [rechter-commissaris] tista’ taġixxi bħala awtorità ġudizzjarja emittenti”.

b) Il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja ( 6 )

15.

Skont l-Artikolu 127, il-Ministru għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà jista’ jagħti istruzzjonijiet ġenerali u speċifiċi relatati mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domanda preliminari

16.

Il-qorti istruttorja fi ħdan ir-rechtbank van eerste aanleg te Leuven (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Leuven, il-Belġju) ħarġet, fis‑26 ta’ Settembru 2017, MAE kontra AZ, ċittadin Belġjan, għall-finijiet tat-tressiq ta’ azzjonijiet kriminali għal reati ta’ falsifikazzjoni u ta’ frodi mwettqa fil-Belġju matul is-sena 2017.

17.

AZ, li ġie arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi b’eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE, kien ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Belġjani fit‑13 ta’ Diċembru 2017 permezz ta’ deċiżjoni tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi).

18.

Fis‑26 ta’ Jannar 2018, l-istess qorti istruttorja ta’ Leuven ħarġet (it-tieni) MAE, fejn intalbet il-konsenja ta’ AZ għal reati ta’ falsifikazzjoni u ta’ frodi distinti minn dawk indikati fl-ewwel wieħed.

19.

Fit‑13 ta’ Frar 2018, l-officier van justitie (il-Prosekutur) tal-arrondissementsparket Amsterdam (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tad-Distrett ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ta l-kunsens tiegħu sabiex AZ jitressaq quddiem qorti għall-atti kriminali kollha indikati fiż-żewġ MAE.

20.

Fl-aħħar nett, AZ ġie kkundannat għal tliet snin priġunerija.

21.

AZ appella mill-kundanna quddiem il-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), fejn ikkontesta l-klassifikazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż bħala “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(2) u tal-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas.

22.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[1.]1. “Il-kliem ‘awtorità ġudizzjarja’ imsemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni [Qafas] […] jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni?

[1.]2. Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1.1 tkun fl-affermattiv: fuq liema kriterji jista’ jiġi stabbilit li awtorità ta’ Stat Membru tal-eżekuzzjoni hija din l-awtorità ġudizzjarja u li l-[MAE] eżegwit minnha huwa konsegwentement tali deċiżjoni ġudizzjarja?

[1.]3. Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1.1 tkun fl-affermattiv, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod iktar preċiż l-officier van justitie (il-Prosekutur), jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ imsemmi fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas […] u l-[MAE] eżegwit minn din l-awtorità huwa konsegwentement deċiżjoni ġudizzjarja?

[1.]4. Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1.3 tkun fl-affermattiv, jista’ jiġi ammess li l-konsenja inizjali hija evalwata minn awtorità ġudizzjarja, b’mod iktar preċiż mill-[internationale rechtshulpkamer (l-Awla tal-Għajnuna Ġudizzjarja Reċiproka Internazzjonali) tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam)], skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas […], li jiggarantixxi b’mod partikolari r-rispett tad-dritt ta’ smigħ tal-parti fil-kawża u d-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja, filwaqt li l-konsenja supplimentari skont l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas […] tiġi ddevoluta lil awtorità oħra, jiġifieri l-officier van justitie (il-Prosekutur), li ma jiggarantixxix lill-parti fil-kawża la d-dritt ta’ smigħ u lanqas id-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja, b’tali mod li jiġi stabbilit nuqqas manifest ta’ koerenza fid-Deċiżjoni Qafas […] mingħajr ebda ġustifikazzjoni raġonevoli?

[1.]5. Jekk ir-risposta għad-domandi 1.3 u 1.4 tkun affermattiva, l-Artikoli 14, 19 u 27 tad-Deċiżjoni Qafas […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, qabel ma jkun jista’ jagħti l-kunsens tiegħu biex persuna tiġi [suġġetta] għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha skont il-[MAE] li ma huwiex dak li għalih ġiet mitluba l-konsenja, il-Prosekutur Pubbliku li jaġixxi bħala awtorità ġudizzjarja għandu l-ewwel jiżgura r-rispett tad-dritt ta’ smigħ u d-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja tal-parti fil-kawża?

L-officier van justitie (il-Prosekutur) tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Amsterdam li jaġixxi b’applikazzjoni tal-Artikolu 14 tal-[OLW] huwa l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas […] li kkonsenjat lill-persuna rikjesta u li tista’ tagħti l-kunsens fis-sens tal-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Lulju 2019.

24.

AZ, l-Openbaar Ministerie, il-Gvern Ġermaniż, Spanjol, Ungeriż u dak Olandiż kif il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub

25.

Ma tqisx li kien meħtieġ li tinżamm seduta.

IV. Analiżi

A.   Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

26.

Il-Gvern Ġermaniż jesprimi dubji dwar il-vijabbiltà tad-domanda preliminari (għalkemm ma jikkontestax formalment l-ammissibbiltà tagħha), peress li d-domandi magħmula ma humiex rilevanti sabiex il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar il-proċedura kriminali pendenti quddiemha.

27.

Dawn id-domandi jikkonċernaw atti ġuridiċi definittivi adottati fil-Pajjiżi l-Baxxi (il-konsenja ta’ AZ u l-kunsens ta’ Prosekutur Olandiż sabiex huwa jitressaq quddiem qorti għal atti mwettqa qabel din il-konsenja) iktar milli l-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju Belġjana. Din tal-aħħar ma tistax tirrevedi d-deċiżjoni ta’ konsenja adottata minn qorti Olandiża (jiġifieri, tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tal-MAE).

28.

Ċertament, il-qorti tar-rinviju ma tistax tiddeċiedi dwar il-validità tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Olandiżi, li għandha tiġi ddeterminata fil-kuntest tad-dritt intern tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (il-Pajjiżi l-Baxxi) u mill-qrati tiegħu stess.

29.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju effettivament għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-effetti li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Olandiżi, meta jiġi eżegwit il-MAE maħruġ mill-awtoritajiet Belġjani, għandu jkollhom taħt id-dritt Belġjan. Abbażi tal-validità ta’ dawn id-deċiżjonijiet — li għandha tiġi preżunta abbażi tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka –, il-qorti tar-rinviju tista’, nerġa’ ntenni, tqis ir-riperkussjonijiet li dawn jinvolvu taħt id-dritt nazzjonali tagħha.

30.

Il-persuna mressqa quddiem il-qrati Belġjani tgawdi mid-dritt, irrikonoxxut lilha mill-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas, “li tiġi pproċessata, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà biss għar-reat li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata”, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni ( 7 ).

31.

Abbażi ta’ din il-premessa, AZ ma jistax jiġi kkundannat jew imċaħħad mil-libertà, fil-Belġju, għal fatti differenti minn dawk imsemmija (fl-ewwel) MAE eżegwit mill-qorti ta’ Amsterdam, sakemm l-awtoritajiet Olandiżi ma jkunux taw il-kunsens tagħhom għall-estensjoni indikata (fit-tieni) MAE maħruġ mill-awtoritajiet Belġjani.

32.

Bħala detentur ta’ dan id-dritt, irrikonoxxut mid-Deċiżjoni Qafas, AZ għandu d-dritt jinvokah quddiem il-qrati Belġjani, li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiġġudikawh, jikkundannawh jew iċaħħduh mil-libertà. Għalhekk, huwa jista’ jinvoka favurih l-effetti li jirriżultaw, taħt id-dritt Belġjan, minn irregolarità eventwali tad-deċiżjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li permezz tagħha ngħata l-kunsens għall-estensjoni tar-reati indikati fil-MAE.

33.

Bla dubju l-kontestazzjoni ta’ AZ tista’ titressaq quddiem l-awtoritajiet Olandiżi, li huma dawk li taw il-kunsens kontenzjuż ( 8 ) u, għalhekk, jistgħu jannullawh f’ras il-għajn. Madankollu inkwantu AZ diġà ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Belġjani, il-fatt li huwa jiġi mġiegħel jikkontesta l-kunsens quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ta’ eżekuzzjoni (il-Pajjiżi l-Baxxi) li huwa diġà telaq minnu jista’ jirrendi iktar diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u jwassal għal dewmien fil-proċeduri kriminali.

34.

Il-qrati Belġjani, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiddeċiedu dwar il-validità tal-kunsens mogħti mill-awtoritajiet Olandiżi, jistgħu jevalwawh fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, bil-kollaborazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ dubju. Fi kliem ieħor, huma jistgħu janalizzaw il-portata ta’ dan il-kunsens li hija esklużivament ikkundizzjonata mid-Deċiżjoni Qafas.

35.

B’mod partikolari, u safejn huwa rilevanti għal dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tista’ tivverifika jekk il-kunsens ingħatax minn “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(2) u tal-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas, peress li dan il-kunċett (kif ser nispjega iktar ’il quddiem) huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.

36.

Jekk ir-riżultat ta’ din il-verifika jkun kontra r-rikonoxximent tal-kapaċità tal-Prosekutur Olandiż li jaġixxi bħala awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, skont l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas, il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tislet il-konsegwenzi xierqa taħt id-dritt Belġjan.

37.

Fil-qosor, inkwantu l-kwistjoni hija ristretta għad-determinazzjoni dwar jekk l-awtorità Olandiża li tat il-kunsens, fuq talba tal-Belġju, tistax tiġi kklassifikata bħala “ġudizzjarja”, fil-kuntest tal-MAE u skont id-dritt tal-Unjoni, inqis li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ammissibbli.

B.   Fuq il-mertu

1. Il-kunċett awtonomu ta’ “awtorità ġudizzjarja” (l-ewwel parti tad-domanda preliminari)

38.

Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ungeriż, li ma esprimiex ruħu espressament f’dan ir-rigward, l-intervenjenti fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari jaqblu dwar il-fatt li l-espressjoni “awtorità ġudizzjarja” li tinsab fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas hija kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.

39.

Naqbel ma’ din il-konstatazzjoni mingħajr riżerva. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, sal-lum, dwar dan il-kunċett fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas (awtorità emittenti), jiena tal-opinjoni li l-argumenti tagħha jistgħu jiġu trasposti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) (awtorità ta’ eżekuzzjoni).

40.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jindikaw fid-dritt nazzjonali tagħhom, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, l-“awtorità ġudizzjarja” kompetenti sabiex toħroġ MAE, ma humiex huma li għandhom jiddeterminaw is-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett, li “jeħtieġ, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kliem tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas […] fil-kuntest li jinsabu fih kif ukoll l-għan imfittex minn din id-deċiżjoni qafas” ( 9 ).

41.

L-istess raġunijiet jipprevalu fir-rigward tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” kompetenti sabiex teżegwixxi MAE u, b’estensjoni, skont l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas, sabiex tagħti l-kunsens li għalih jirreferu dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.

42.

Konsegwentement, l-ewwel parti tad-domanda preliminari għandha tingħata risposta affermattiva, fatt li jagħti lok għall-analiżi tal-kumplament, li ser nindirizza flimkien.

2. L-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala awtorità ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas

a) L-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala awtorità ġudizzjarja emittenti: il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

43.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet il-kundizzjonijiet li l-awtorità ġudizzjarja li għandha s-setgħa toħroġ MAE għandha tissodisfa. Dawn il-kundizzjonijiet jirriżultaw minn ħidma interpretattiva bbażata fuq tliet fatturi: (a) il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas; (b) il-kuntest li taħtu taqa’ din id-dispożizzjoni; u (c) l-għan imfittex mid-Deċiżjoni Qafas innifisha ( 10 ).

44.

Fir-rigward tal-ewwel wieħed, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kliem “awtorità ġudizzjarja”“ma jindikawx biss l-imħallfin u l-qrati ta’ Stat Membru, iżda jippermettu li jiġu koperti, b’mod iktar wiesa’, l-awtoritajiet imsejħa sabiex jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-ordinament ġuridiku kkonċernat” ( 11 ).

45.

Sabiex tippreċiża, fost dawk li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, dawk li jistħoqqilhom jitqiesu bħala “awtorità ġudizzjarja”, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet nota tal-fatt li d-Deċiżjoni Qafas hija “strument tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li hija bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku, mhux biss tad-deċiżjonijiet finali mogħtija mill-qrati kriminali, iżda wkoll tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri fil-qafas tal-proċeduri kriminali, inkluża l-fażi ta’ dawn il-proċeduri relatata mal-prosekuzzjoni kriminali” ( 12 ).

46.

B’mod partikolari, hija tkompli billi tgħid li “[i]t-terminu ‘proċedura’, li huwa ddefinit b’mod wiesa’, possibbilment ikopri l-proċedura kriminali kollha, jiġifieri l-istadju qabel il-proċess kriminali, l-istadju tal-proċess kriminali nnifsu u l-fażi tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni finali ta’ qorti kriminali kontra persuna kkundannata għal ksur kriminali” ( 13 ).

47.

Peress li l-MAE huma strument għall-kooperazzjoni ġudizzjarja, dawn jistgħu jinħarġu fil-proċeduri kriminali, fis-sens wiesa’ tagħhom; ukoll f’dawk li fir-rigward tagħhom l-Uffiċċji tal-Prosekutur “huma meħtieġa […] li jistabbilixxu l-prekundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja mill-qrati kriminali ta’ dan l-Istat Membru” ( 14 ).

48.

Il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, għalhekk jinkludi, bħala prinċipju, l-Uffiċċju tal-Prosekutur.

49.

Madankollu, peress li l-fiduċja reċiproka u r-rikonoxximent reċiproku huma kruċjali għas-sistema tad-Deċiżjoni Qafas ( 15 ), “l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun tista’ tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-assigurazzjoni li, fid-dawl tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, hija qed taġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti fir-rigward tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew” ( 16 ).

50.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ għalhekk jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja”, għall-finijiet tal-ħruġ ta’ MAE, meta huwa jibbenefika minn status li jiżgura l-indipendenza tiegħu, anki jekk din tal-aħħar ma għandhiex għalfejn tkun, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, identika għall-indipendenza ġudizzjarja.

51.

Minn din il-perspettiva, huwa biżżejjed “li jkun hemm regoli statutorji u organizzattivi sabiex jiġi żgurat li l-awtorita ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex jinħareġ tali mandat ta’ arrest, għal xi riskju li tkun suġġetta b’mod partikolari għal struzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv” ( 17 ).

52.

Maż-żewġ kundizzjonijiet preċedenti — parteċipazzjoni fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u indipendenza riflessa fl-esklużjoni ta’ istruzzjonijiet individwali mill-eżekuttiv — il-Qorti tal-Ġustizzja żżid t-tielet waħda, li tikkonċerna l-proċedura li fiha l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa awtorizzat joħroġ MAE: il-ħruġ ta’ MAE mill-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju ( 18 ).

53.

Fil-qosor, l-Uffiċċju tal-Prosekutur li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja jitqies bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” biss jekk huwa jibbenefika minn status istituzzjonali li jeskludi l-possibbiltà li huwa jirċievi istruzzjonijiet individwali mill-eżekuttiv. Jekk dan ikun il-każ, huwa jista’ joħroġ MAE, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti ( 19 ).

b) L-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza għall-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala awtorità ta’ eżekuzzjoni tal-MAE

54.

Il-kundizzjonijiet deskritti iktar ’il fuq, relatati mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità emittenti, huma applikabbli wkoll għall-Uffiċċju tal-Prosekutur sabiex huwa jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni” ta’ MAE?

55.

Filwaqt li AZ u l-Gvern Ġermaniż u dak Spanjol iwieġbu fl-affermattiv għal din il-mistoqsija, il-Gvern Olandiż huwa inklinat lejn applikazzjoni inqas rigoruża f’dak li jikkonċerna r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ ssuġġettar għal stħarriġ ġudizzjarju.

56.

Infakkar li, skont id-digriet tar-rinviju:

AZ ġie kkonsenjat bis-saħħa tad-deċiżjoni ta’ qorti ta’ Amsterdam, li aġixxiet bħala “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

Min-naħa l-oħra, il-kunsens previst fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas ingħata minn prosekutur, ukoll ta’ Amsterdam, li l-idonejità tiegħu għal dan il-għan hija diskussa fil-proċedura a quo.

57.

Abbażi ta’ dawn il-fatti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż jistax jeżegwixxi MAE, jiġifieri jaġixxi bħala “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

58.

Madankollu, din id-domanda hija loġikament ibbażata fuq il-premessa li l-“awtorità ġudizzjarja li tagħti l-kunsens” (Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas) tikkoinċidi mal-“awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni” (Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas). Għadni kif spjegajt li, f’dan il-każ, kienet qorti Olandiża li ordnat l-eżekuzzjoni tal-MAE, filwaqt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż biss ta, sussegwentement, il-kunsens mitlub mill-awtoritajiet Belġjani sabiex jiġu estiżi r-reati imputabbli lil AZ.

59.

Għalhekk, dak li huwa rilevanti hawnhekk ma huwiex jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi kellux, fl-astratt, l-istatus ta’ “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, iżda jekk huwa setax jagħti l-kunsens tiegħu, skont l-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas, għal tali estensjoni ta’ reati sanzjonabbli.

60.

L-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas tindika li l-kunsens jista’ jingħata biss minn min eżegwixxa l-MAE. Il-kunsens li għalih jirreferi l-leġiżlatur f’din id-dispożizzjoni jirrigwarda, preċiżament, lill-“awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna”. Iċ-ċarezza tal-kliem, fil-fehma tiegħi, ma tippermettix wisq diskussjoni.

61.

L-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas b’hekk jeskludi li, fiċ-ċirkustanzi attwali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur seta’ jagħti l-kunsens tiegħu għall-estensjoni tar-reati li wasslu għall-konsenja ta’ AZ. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-kunsens kien jikkorrispondi għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni Olandiża (f’dan il-każ, il-qorti ta’ Amsterdam) li digà kienet ikkonsenjat lil din il-persuna lill-awtoritajiet Belġjani.

62.

Jekk dan huwa l-każ, id-domanda tal-qorti tar-rinviju ma hijiex marbuta maċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ. Hi x’inhi, fl-astratt, il-pożizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, peress li kienet qorti Olandiża li, f’dan il-każ, ikkonsenjat lill-persuna rikjesta, il-Prosekutur ta’ Amsterdam ma setax jagħti l-kunsens imsemmi fl-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas.

63.

L-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur) jirribatti, għall-kuntrarju, li, lil hinn mill-kliem litterali tal-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri tippermettilhom jindikaw bħala “awtorità ġudizzjarja li tagħti l-kunsens”“awtorità ġudizzjarja” distinta minn dik li teżegwixxi.

64.

Ma naħsibx li din id-dispożizzjoni tippermetti tali interpretazzjoni. Għall-kuntrarju, teskludiha.

65.

L-Istati Membri jistgħu ċertament jilleġiżlaw b’mod liberu liema awtorità ġudizzjarja hija kompetenti sabiex teżegwixxi MAE. Iżda, ladarba dan il-punt ikun irregolat, ir-rabta [stabbilita bl-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas] bejn din l-awtorità u l-awtorità li tagħti l-kunsens għall-estensjoni tal-MAE ma tistax tiġi miksura taħt il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali.

66.

Id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi relazzjoni ta’ identiċità bejn dawn iż-żewġ awtoritajiet, indisponibbli għal-leġiżlaturi nazzjonali. L-awtonomija tagħhom tiġi eżawrita meta huma jindikaw l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, iżda din ma testendix sal-punt li jistgħu jiddevjaw mir-regola stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas (l-awtorità li teżegwixxi għandha tkun ukoll dik li tagħti l-kunsens).

67.

Barra minn hekk, din ir-relazzjoni ta’ identiċità hija bbażata fuq motivi raġonevoli:

Minn naħa, l-awtorità li diġà tkun eżegwixxiet il-MAE tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk huwiex opportun li dan jiġi estiż, peress li hija kellha l-opportunità tkun taf id-dettalji tiegħu.

Min-naħa l-oħra, jekk l-awtorità li tagħti l-kunsens tkun distinta minn dik li diġà tkun eżegwixxiet il-MAE, id-deċiżjoni tagħha tkun teħtieġ perijodu ta’ żmien mhux meħtieġ minn din tal-aħħar, li tkun diġà familjari mal-kawża. Tali dewmien probabbilment ikun jimplika dewmien itwal tal-proċedura ta’ estensjoni u, b’dan l-istess mod, tas-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonsenjata, li, minnu nnifsu, huwa anomalu mill-perspettiva tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tagħha ( 20 ).

68.

Għalkemm ma naqbilx, b’mod definittiv, mal-premessa li fuqha jibbaża ruħu l-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur), ser neżamina l-argument tiegħu b’mod sussidjarju, billi nibda bil-kundizzjonijiet li huwa għandu jissodisfa sabiex jeżegwixxi MAE. Iktar ’il quddiem ser nindirizza dawk li huwa għandu jissodisfa sabiex ikun jista’ jagħti l-kunsens tiegħu għall-estensjoni tal-fatti indikati f’MAE diġà eżegwit.

c) Il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ MAE u l-istatus tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Pajjiżi l-Baxxi

69.

Inqis li t-tliet kundizzjonijiet imsemmija qabel, sabiex l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikun jista’ joħroġ MAE (jiġifieri: parteċipazzjoni fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, indipendenza u possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju) ( 21 ) jistgħu jiġu trasposti għall-eżekuzzjoni ta’ MAE.

70.

Infakkar li, għall-Qorti tal-Ġustizzja, “[f]ir-rigward ta’ miżura li, bħall-ħruġ ta’ [MAE], hija tali li tippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, imnaqqax fl-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, din il-protezzjoni timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata […]” ( 22 ).

71.

Dan l-istess kriterju għandu jirregola l-eżekuzzjoni ta’ MAE, peress li din ukoll tista’ ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mid-dritt tagħha għal-libertà personali. Naturalment, dan ikun il-każ meta l-eżekuzzjoni twassal, indirettament, fi tmiem il-proċedura mibdija kontra l-persuna kkonsenjata, għal piena ta’ priġunerija. Iżda dan ikun il-każ ukoll, anki qabel, minħabba ċ-ċaħda (temporanja) tal-libertà li tista’ tiġi deċiża mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, waqt li din tiddeċiedi dwar il-konsenja, b’mod konformi mal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas.

72.

B’differenza minn dak li jseħħ fir-rigward tal-ħruġ ta’ MAE, il-ħarsien tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuna kkonċernata mill-eżekuzzjoni tiegħu ma huwiex fuq f’żewġ livelli: fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-MAE ma jeżistix ekwivalenti għall-proċess tal-adozzjoni tal-mandat ta’ arrest nazzjonali ( 23 ). Madankollu fl-uniku livell eżistenti, dak tad-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni, il-garanzija tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi osservata.

73.

Konsegwentement, l-“awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas, għandha tkun f’pożizzjoni li teżerċita din il-funzjoni b’mod oġġettiv u indipendenti. Hija ma tistax tkun esposta, kif lanqas ma għandha tkun esposta l-awtorità ġudizzjarja emittenti, “għar-riskju li s-setgħa deċiżjonali tagħha tista’ tkun suġġetta għal ordnijiet jew struzzjonijiet esterni, b’mod partikolari mill-poter eżekuttiv, sabiex ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li d-deċiżjoni li jinħareġ il-[MAE] tkun ta’ dik l-awtorità u mhux, finalment, ta’ dak il-poter” ( 24 ).

74.

Korollarju għal dak li ntqal iktar ’il fuq huwa l-fatt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa awtorizzat jeżegwixxi MAE b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni biss jekk huwa ma jistax jirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet mill-eżekuttiv. Dan ma kienx il-każ fil-Pajjiżi l-Baxxi fiż-żmien meta seħħew il-fatti ta’ din il-kawża, peress li, skont l-Artikolu 127 tal-Wet RO, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż seta’ jirċievi istruzzjonijiet individwali maħruġa mill-eżekuttiv.

75.

F’dan l-istadju, ma hemmx lok li jiġi vverifikat, barra minn hekk, jekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-MAE fdata lill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi, huwiex previst rimedju ġudizzjarju ekwivalenti għal dak meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-MAE li dik l-istituzzjoni, li kieku kienet indipendenti mill-eżekuttiv, tkun tista’ toħroġ ( 25 ).

76.

F’din l-ipoteżi, l-istess rekwiżit jiġi ttrasferit għall-eżekuzzjoni ta’ MAE mill-Uffiċċju tal-Prosekutur. L-appell mid-deċiżjonijiet tiegħu quddiem qorti għandu wkoll “[j]iggarantixxi li l-istħarriġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ dan il-[MAE] […] [j]osserva r-rekwiżiti li jirriżultaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva” ( 26 ).

d) Il-kundizzjonijiet li fihom l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż ikun jista’ jagħti l-kunsens tiegħu għall-estensjoni tal-fatti indikati f’MAE diġà eżegwit

77.

Fir-rigward tal-kunsens previst fl-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas, inqis li dan għandu jkun suġġett għall-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-eżekuzzjoni tal-MAE, li t-tieni waħda minnhom ma hijiex issodisfatta mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż (l-indipendenza sħiħa mill-eżekuttiv).

78.

Għaldaqstant, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż lanqas ma jista’ jagħti dan il-kunsens, mingħajr ma r-rekwiżit ta’ indipendenza jkun jista’ jiġi rrelativizzat lil hinn minn dak li jirriżulta diġà mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas ( 27 ).

79.

Lanqas ma jista’ jitwarrab ir-rekwiżit ta’ rimedju ġudizzjarju meta l-kunsens jingħata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur li jkun indipendenti mill-eżekuttiv.

80.

Fil-fatt, permezz tat-talba indirizzata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tagħti l-kunsens sabiex il-persuna diġà kkonsenjata tkun is-suġġett ta’ azzjoni kriminali, tiġi kkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat differenti minn dak indikat fil-MAE li wassal għall-konsenja, l-awtorità ġudizzjarja emittenti tkun qiegħda toħroġ, mill-perspettiva materjali jew sostantiva, MAE ġdid.

81.

Dan il-kunsens huwa mitlub fir-rigward ta’ “reat differenti” (jiġifieri reat li ma kienx ġie kkunsidrat, għal xi raġuni, fil-MAE li ta lok għall-konsenja tal-persuna rikjesta), b’tali mod li dan jista’ jiġi fformalizzat biss permezz ta’ proċedura ekwivalenti għal dik li wasslet għall-eżekuzzjoni ta’ dak il-MAE.

82.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunsens huwa fir-realtà awtorizzat permezz ta’ estensjoni (sostanzjali) ( 28 ) tar-reati imputabbli lil din il-persuna. Huwa għalhekk loġiku li l-Uffiċċju tal-Prosekutur, sabiex jagħti l-kunsens tiegħu, għandu jikkonforma mal-istess rekwiżiti bħal dawk li huwa kellu josserva fir-rigward tal-MAE oriġinali, inkluża l-possibbiltà li tiġi kkontestata d-deċiżjoni tiegħu ( 29 ).

83.

Fil-qosor, anki jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u d-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju eventwali, ir-riskju li jkun espost għal ordnijiet jew għal istruzzjonijiet individwali mill-eżekuttiv jimplika li huwa ma jistax jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas, u lanqas ma jista’ jagħti l-kunsens imsemmi fl-Artikolu 27(3)(g) tagħha.

3. Id-dritt għal smigħ fil-proċess ta’ għoti tal-kunsens previst fl-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas

84.

Ir-risposta li qiegħed nissuġġerixxi għad-domandi preċedenti tirrendi superfluwu li nirrispondi għal din. Madankollu, sabiex inkun eżawrjenti, ser nesprimi wkoll il-pożizzjoni tiegħi dwar l-aħħar problema mqajma mill-qorti tar-rinviju.

85.

Skont l-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur) u l-Gvern Olandiż, id-Deċiżjoni Qafas ma tirrikonoxxix lill-persuna diġà kkonsenjata d-dritt għal smigħ mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni qabel ma din tiddeċiedi jekk tagħtix il-kunsens tagħha għall-estensjoni tar-reati li fir-rigward tagħhom hija tista’ tiġi ġġudikata.

86.

Id-Deċiżjoni Qafas tipprevedi, fl-Artikolu 14 tagħha, id-dritt għal smigħ tal-“persuna arrestata [li] ma tagħtix kunsens għall-konsenja tagħha”, li għalih l-Artikolu 19 jipprevedi seduta. Min-naħa l-oħra, ma tipprevedi xejn dwar il-kunsens tal-persuna diġà kkonsenjata għat-talba għall-estensjoni tar-reati. Peress li din it-talba hija indirizzata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, wieħed jista’ jaħseb li din teħtieġ biss il-kunsens ta’ din l-awtorità.

87.

Fil-fehma tiegħi, is-silenzju tad-Deċiżjoni Qafas fir-rigward ta’ dan il-punt ma jistax iċaħħad lill-persuna kkonsenjata mid-dritt tagħha li tinstema’ (li jifforma parti mid-drittijiet tad-difiża, inerenti għad-dritt li tinkiseb protezzjoni ġudizzjarja effettiva) qabel ma jiġu estiżi r-reati indikati fil-MAE oriġinali.

88.

Tali estensjoni, jekk tiġi aċċettata, tista’ timplika li l-persuna kkonċernata tkun is-suġġett ta’ azzjoni kriminali, tiġi kkundannata jew imċaħħda mil-libertà, għal reat li ma huwiex dak li kontrih hija setgħet, fil-passat, tiddefendi ruħha. Għalhekk, id-delimitazzjoni tar-reati li għalihom din il-persuna tista’ finalment tiġi ġġudikata tiddependi xejn inqas mir-riżoluzzjoni tat-tilwima relatata ma’ dawn il-kwistjonijiet, fatt li juri biċ-ċar in-natura perentorja tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

89.

Ma narax għalfejn dawn id-drittijiet tad-difiża jistgħu jitneħħew fil-kuntest tat-tieni proċedura, li ninsisti l-konsegwenzi tagħha jistgħu jkunu sfavorevoli daqs jew iktar minn dawk tal-ewwel waħda (li wasslet għall-MAE inizjali).

90.

Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedura ta’ estensjoni tar-reati jista’ jieħu waħda minn dawn il-forom:

Jew, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, għandha tinżamm seduta fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas.

Jew inkella l-persuna diġà kkonsenjata tingħata l-possibbiltà topponi għal tali estensjoni quddiem l-awtorità emittenti, bħala proċedura preliminari sabiex din tibgħat it-talba lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

C.   Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

91.

L-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur) talab li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa ma jistax jitqies bħala “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas, is-sentenza li tiddeċiedi dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jkollhiex effetti immedjati.

92.

Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà li l-persuni kkonċernati jinvokaw dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li jiġu kkontestati relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti f’bona fide. Għall-għoti ta’ din il-limitazzjoni, jeħtieġ li jkun hemm kemm il-bona fide tal-partijiet ikkonċernati kif ukoll ir-riskju ta’ diffikultajiet serji ( 30 ).

93.

Għandha tittieħed bħala fatt il-bona fide tal-awtoritajiet Olandiżi, li ma qagħdux lura milli jadattaw, mingħajr dewmien il-leġiżlazzjoni tagħhom għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas. Madankollu, ma jistax jingħad l-istess fir-rigward tar-riskju ta’ diffikultajiet serji: l-applikazzjoni immedjata tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas proposta hawnhekk ma għandhiex twassal għal dawn id-diffikultajiet li, barra minn hekk, lanqas ma ġew identifikati b’mod preċiż mill-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur).

V. Konklużjoni

94.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju):

“L-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni’, inkwantu kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, ma jinkludix l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru li jkun espost għar-riskju li jkun suġġett, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal istruzzjonijiet individwali mill-eżekuttiv.

L-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru li jkun espost għar-riskju li jkun suġġett, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal istruzzjonijiet individwali mill-eżekuttiv ma jistax jagħti l-kunsens imsemmi f’din id-dispożizzjoni”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

( 3 ) Għal kollha, ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand‑Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, iktar ’il quddiem is-“sentenza Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours”), u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 4 ) Wet betreffende het Europees aanhoudingsbevel tad‑19 ta’ Diċembru 2003 (Belgisch Staatsblad, 22 ta’ Diċembru 2003, p. 60075).

( 5 ) Wet van 29 April 2004 tot implementatie van het kaderbesluit van de Raad van de Europese Unie betreffende det Europees aanhoudingsbevel en procedures van overlevering tussen de lidstaten van de Europese Unie (Stb. 2004, Nru 195, iktar ’il quddiem l-“OLW”) Din ġiet emendata mit‑13 ta’ Lulju 2019.

( 6 ) Wet op de Rechterlijke Organisatie tat‑18 ta’ April 1827 (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja, iktar ’il quddiem il-“Wet RO”).

( 7 ) Sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov (C‑388/08 PPU, EU:C:2008:669, iktar ’il quddiem is-“sentenza Leymann u Pustovarov”), punt 44.

( 8 ) Permezz tal-kelma “kunsens” qiegħed nirreferi, konvenzjonalment, għal dak mogħti mill-awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, skont l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas, sabiex il-persuna diġà kkonsenjata tkun is-suġġett ta’ azzjoni kriminali, tiġi kkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih hija ġiet ikkonsenjata.

( 9 ) Sentenza Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours (punt 51) u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 10 ) Għal kollha, ara s-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457, iktar ’il quddiem is-“sentenza Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja”), punt 28.

( 11 ) Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, iktar ’il quddiem is-“sentenza Poltorak”), punt 33.

( 12 ) Sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, iktar ’il quddiem is-“sentenza Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau”), punt 52, korsiv miżjud.

( 13 ) Ibidem, punt 54.

( 14 ) Ibidem, punt 62.

( 15 ) Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas (C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kovalkovas”), punt 27: il-fiduċja reċiproka u r-rikonoxximent reċiproku “jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati sabiex iqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħrajn kollha jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt”.

( 16 ) Sentenza Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau, punt 74, korsiv miżjud.

( 17 ) Ibidem, punt 74.

( 18 ) Dan ir-rekwiżit “ma [j]ikkostitwixxix kundizzjoni sabiex din l-awtorità tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas […] [u lanqas] ma jaq[a’] taħt ir-regoli statutorji u organizzattivi tal-imsemmija awtorità, iżda jirrigwarda l-proċedura ta’ ħruġ ta’ tali mandat”. Sentenza Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours, punt 48.

( 19 ) Dan huwa il-każ, strettament, għall-ħruġ ta’ MAE li għandu bħala għan l-eżerċizzju ta’ azzjonijiet kriminali. Fil-każ ta’ MAE għall-eżekuzzjoni ta’ piena, il-Qorti tal-Ġustizzja twarrab il-ħtieġa li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur ta’ Brussell) (C‑627/19 PPU, EU:C:2019:1079, iktar ’il quddiem is-“sentenza Prosekutur ta’ Brussell), punt 39.

( 20 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat fis-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2019, NJ (Prosekutur ta’ Vjenna) (C‑489/19 PPU, EU:C:2019:849), li qorti “tapprova” il-MAE maħruġ minn Uffiċju tal-Prosekutur li jaqa’ taħt l-eżekuttiv. Madankollu, dan ma jimplikax li l-Istati Membri jistgħu jaqsmu bejn żewġ awtoritajiet il-kompetenza sabiex jinħareġ MAE. Dan ifisser biss li l-awtorità emittenti tkun biss dik li tkun “approvat” id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri jistgħu jinvolvu fil-proċedura tal-għoti tal-kunsens taħt l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas lil awtorità differenti minn dik li tkun eżegwixxiet il-MAE, iżda l-kunsens formali għandu jingħata minn din tal-aħħar.

( 21 ) Ara l-punti 43 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Sentenza Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau, punt 68.

( 23 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob‑Dogi (C‑241/15, EU:C:2016:385), punti 55 sa 57. Strettament, wieħed jista’ jaħseb li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-MAE tibbenefika minn protezzjoni fuq tliet livelli: it-tnejn inklużi fil-proċedura ta’ ħruġ tal-MAE u dak irrappreżentat mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

( 24 ) Sentenza Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau, punt 73.

( 25 ) Sentenza Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours, punt 62: “meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti s-setgħa sabiex jinħareġ [MAE] lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dak l-Istat Membru, ma hijiex fiha nfisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest bħal dan u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ deċiżjoni bħal din għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”.

( 26 ) Ibidem, punt 63.

( 27 ) Li kieku jkun mod ieħor, il-mudell tad-Deċiżjoni Qafas jiġi żnaturat inkwantu sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji mingħajr parteċipazzjoni - lil hinn minn dik strettament strumentali u amministrattiva - tal-awtorità governattiva (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2012West, (C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404), punt 54.

( 28 ) Din it-talba ma għandhiex tiġi konfuża ma’ dik li tippermetti li jsiru bidliet purament deskrittivi jew aċċidentali għall-fatti deskritti fil-MAE diġà eżegwit. Il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta emendi li ma jbiddlux in-natura tar-reat oriġinali u li ma jinvolvu ebda raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni (sentenza Leymann u Pustovarov, punt 57).

( 29 ) Il-Gvern Olandiż sostna li dan ir-rimedju jeżisti fid-dritt nazzjonali, minkejja li ma ntużax minn AZ.

( 30 ) Sentenza Kovalkovas, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata.

Top