EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0440

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Hogan, ippreżentati fit-8 ta’ Ottubru 2020.
Pometon SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Akkordji – Suq Ewropew tal-barraxa tal-azzar – Parteċipazzjoni f’kuntatti bilaterali u multilaterali bl-għan li jiġu kkoordinati l-prezzijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha – Proċedura ‘ibrida’ li wasslet suċċessivament għall‑adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tranżazzjoni u ta’ deċiżjoni fi tmiem proċedura ordinarja – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41 – Dmir ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni Ewropea – Artikolu 48 – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ksur uniku u kontinwu – Tul tal-ksur – Ugwaljanza fit-trattament – Ġurisdizzjoni sħiħa.
Kawża C-440/19 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:816

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fit‑8 ta’ Ottubru 2020(1)

Kawża C440/19 P

Pometon SpA

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Appell — Akkordji — Suq Ewropew tal-barraxa tal-azzar— Parteċipazzjoni f’kuntatti bilaterali u multilaterali bil-għan li jiġu kkoordinati l-prezzijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kollha — Proċedura ‘ibrida’ matul perijodu mifrux — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 41 — Prinċipju ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni — Artikolu 48 — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Obbligu ta’ motivazzjoni — Ksur uniku u kontinwu — Ugwaljanza fit-trattament — Ġurisdizzjoni sħiħa”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tal-appell tagħha, Pometon SpA (iktar ’il quddiem “Pometon” jew l-“appellanti”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑28 ta’ Marzu 2019, Pometon vs Il‑Kummissjoni (T‑433/16, EU:T:2019:201; iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3121 final tal‑25 ta’ Mejju 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-[Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] (Il-Każ AT.39792 — Barraxa tal-azzar) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u ffissat il-multa imposta fuq Pometon għas-somma ta’ EUR 3 873 375. Sussidjarjament, Pometon titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tnaqqas il-multa imposta.

2.        Għalkemm nipproponi li niffoka l-analiżi tiegħi f’dawn il-konklużjonijiet fuq l-ewwel u r-raba’ aggravji (kif ukoll fuq iż-żewġ kwistjonijiet ta’ liġi mqajma mill-appellanti insostenn ta’ dawn l-aggravji), it-tweġiba tiegħi għall-ewwel aggravju ser twassalni wkoll neżamina t-tieni u t-tielet aggravju fil-kuntest tal-ewwel. Dan tal-aħħar jikkonċerna l-portata tad-dmir ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni fil-kuntest speċifiku ta’ proċedura hekk msejħa “ibrida”. Ir-raba’ aggravju jikkonċerna, min-naħa tiegħu, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fil-kalkolu tal-multa fil-kuntest ta’ din it-tip ta’ proċedura.

3.        “Proċedura ibrida” hija proċedura li fiha proċedura għar-riżolviment skont l-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008 tat‑30 ta’ Ġunju 2008 fir-rigward ta’ kif jitmexxew il-proċeduri għar-riżolviment f’każi ta’ kartelli, (2) u proċedura amministrattiva ordinarja skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (3), jitwettqu b’mod parallel mill-Kummissjoni. Għalkemm din il-proċedura diġà tat lok għal deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li l-legalità tagħhom ġiet ikkontestata preċedentement quddiem il-Qorti Ġenerali (kif ukoll fl-appelli) (4), din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha effettivament tittratta wħud mill-kwistjonijiet speċifiċi mqajma minn din il-“proċedura ibrida”.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament Nru 1/2003

4.        L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:

“Fejn il-Kummissjoni, taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu [101] jew ta’ l-Artikolu [102 TFUE], tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li itemm dan il-ksur. Għal dan il-għan, tista’ timponi fuqhom kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li huma proporzjonali għall-ksur kommess u neċessarju biex iġib fit-temm dan il-ksur [...]”

5.        Il-formulazzjoni tal-Artikolu 23(2) u (3) ta’ dan ir-regolament hija kif ġej:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)      jiksru l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE] […]

[…]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

[…]

3.      Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

B.      Ir-Regolament Nru 773/2004

6.        L-Artikolu 10(a) tar-Regolament Nru 773/2004, intitolat “Proċeduri għar-riżolviment f’każi ta’ kartelli”, jipprovdi:

“1.      Wara li jibdew il-proċedimenti skond l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi skadenza li fiha l-partijiet jistgħu jindikaw li huma lesti li jidħlu għal diskussjonijiet għar-riżolviment bil-ħsieb li possibilment ikunu introdotti s-sottomissjonijiet għar-riżolviment. Il-Kummissjoni m’għandhiex tkun obbligata tikkunsidra t-tweġibiet riċevuti wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

[…]

2.      Il-partijiet li jkunu qed jieħdu sehem fid-diskussjonijiet għar-riżolviment jistgħu jiġu infurmati mill-Kummissjoni b’:

(a) l-oġġezzjonijiet li tkun qed tipprevedi li tressaq kontrihom;

(b) il-provi użati biex ikunu determinati l-oġġezzjonijiet previsti;

(c) verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ kwalunkwe dokument speċifiku aċċessibbli elenkat fil-fajl tal-każ f’dak il-mument partikolari, safejn talba tal-parti tkun iġġustifikata bl-iskop li tgħin lill-parti taċċerta l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-perjodu ta’ żmien jew ta’ kwalunkwe aspett ieħor dwar il-kartell; kif ukoll

(d) il-firxa tal-multi potenzjali.

[…]

Jekk isir progress fid-diskussjonijiet għar-riżolviment, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih il-partijiet jistgħu jkunu kommessi jsegwu l-proċedura għar-riżolviment billi jressqu sottomissjonijiet għar-riżolviment li jirriflettu r-riżultati tad-diskussjonijiet dwar ir-riżolviment u jirrikonoxxu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur ta’ l-Artikolu [101 TFUE] kif ukoll ir-responsabbiltà tagħhom. [...]

[...]

3.      Meta d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet innotifikata lill-partijiet tkun tirrifletti l-kontenut tas-sottomissjonijiet għar-riżolviment, it-tweġiba bil-miktub għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni, għandha tikkonferma li d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet indirizzata lilhom tkun tirrifletti l-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom għar-riżolviment. Il-Kummissjoni tista’ imbagħad tipproċedi biex tadotta deċiżjoni skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament [Nru 1/2003] wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prattiċi Ristrettivi u l-Pożizzjonijiet Dominanti skond l-Artikolu 14 tar-Regolament [Nru 1/2003].

4.      Il-Kummissjoni fi kwalunkwe ħin tista’ tiddeċiedi li twaqqaf għal kollox il-proċedura dwar d-diskussjonijiet għar-riżolviment għall-każ speċifiku jew fir-rigward ta’ parti jew partijiet speċifiċi involuti, jekk din tikkunsidra li aktarx li ma jinkisbux l-effiċjenzi proċedurali.”

C.      L-Avviż dwar ir-Riżolviment

7.        L-arranġamenti għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 773/2004 ġew stabbiliti fl-Avviż tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Lulju 2008 dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (5) (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar ir-Riżolviment”).

8.        Skont il-punt 32 tal-Avviż dwar ir-Riżolviment, “[j]ekk tiddeċiedi li tikkumpensa lil parti partikolari bħala riżolviment fil-qafas ta’ din in-Notifika, il-Kummissjoni tnaqqas b’10 % l-ammont tal-multa li kellha tkun imposta wara li jkun applikat il-limitu ta’ 10 % stabbilit fil-Linji Gwida għall-metodu ta’ kif jiġu ffissati l-multi imposti skond l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 [(ĠU 2006, C 210, p. 2); iktar ’il quddiem il-‘Linji Gwida tal‑2006’)]. […]”

D.      Il-Linji Gwida tal-2006

9.        Il-Linji Gwida tal‑2006 jistabbilixxu l-metodoloġija li l-Kummissjoni tuża għall-iffissar tal-multa li għandha tiġi imposta fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi meta, fuq b’mod intenzjonat jew b’negliġenza, dawn jiksru id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE.

10.      Il-punt 37 tal-Linji Gwida tal‑2006 jispeċifika li, “għalkemm dawn il-linji gwida jippreżentaw il-metodoloġija ġenerali għall-iffissar ta’ multi, il-karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw tbegħid minn din il-metodoloġija jew mil-limiti stabbiliti fil-punt 21” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

11.      Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-elementi essenzjali tad-deċiżjoni kkontestata ġew esposti fil-punti 1 sa 21 tas-sentenza appellata. Dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

12.      Pometon hija kumpannija Taljana speċjalizzata fit-trattament tal-metalli. Hija kienet attiva fis-suq tal-barraxa tal-azzar sas‑16 ta’ Mejju 2007, data li fiha hija biegħet in-negozju tal-barraxa tal-azzar tagħha lil waħda mill-kompetituri tagħha, il-kumpannija Franċiża Winoa SA. F’din id-data, l-attività msemmija hawn fuq ta’ Pometon kienet fil-fatt ġiet ittrasferita lil Pometon Abrasives Srl, kumpannija miżmuma mill-grupp Winoa.

13.      Il-barraxa tal-azzar huma partiċelli maħlula tal-azzar, li jkunu jew f’forma tonda (boċċi tal-azzar) jew angulari (naqal tal-azzar) Dawn jintużaw prinċipalment fl-industriji tal-azzar, tal-karozzi, tal-metallurġija, tal-petrokimika u tal-qtugħ tal-ġebel u huma mmanifatturati minn residwi ta’ ruttam tal-azzar.

A.      Il-proċedura istruttorja sad-deċiżjoni ta’ riżolviment

14.      Fis‑16 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni fetħet, konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 773/2004, il-proċedura istruttorja skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 kontra Pometon, il-grupp tal-Istati Uniti Ervin Industries Inc. (iktar ’il quddiem “Ervin”), Winoa u l-kumpanniji Ġermaniżi MTS GmbH u Würth GmbH, bil-għan li tibda diskussjonijiet għal riżolviment magħhom.

15.      Il-ħames partijiet kienu kkonfermaw ir-rieda tagħhom li jipparteċipaw f’diskussjonijiet għal riżolviment. Minn Frar 2013 sa Diċembru 2013, inżammu laqgħat għal riżolviment bejn kull parti u l-Kummissjoni. Matul dawn il-laqgħat, il-Kummissjoni informat lill-partijiet dwar l-oġġezzjonijiet li hija pprevediet li tqajjem fil-konfront tagħhom u kkomunikatilhom il-provi prinċipali fil-fajl tal-Kummissjoni invokati sabiex jiġu stabbiliti dawn l-oġġezzjonijiet eventwali. Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll lill-partijiet stima tal-firxa tal-multi li setgħu jiġu imposti.

16.      F’Jannar 2014, il-kumpanniji kkonċernati ppreżentaw it-talba formali tagħhom għal riżolviment fit-terminu stabbilit, bl-eċċezzjoni ta’ Pometon, li ddeċidiet li tirtira mill-proċedura. Fit‑13 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil kull waħda mill-erba’ partijiet l-oħra fl-akkordju allegat u, fit‑2 ta’ April 2014, hija adottat id-Deċiżjoni ta’ riżolviment C(2014) 2074 finali fil-konfront tagħhom, abbażi tal-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ riżolviment”).

B.      Id-deċiżjoni kkontestata

17.      Fit‑3 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni nnotifikat lil Pometon dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil‑25 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament Nru 1/2003.

18.      Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li, matul il-perijodu ta’ bejn it‑3 ta’ Ottubru 2003 u s‑16 ta’ Mejju 2007, Pometon kienet ipparteċipat, jew direttament jew permezz tar-rappreżentanti tagħha jew tar-rappreżentanti ta’ tnejn mis-sussidjarji tagħha, Pometon España SA u Pometon Deutschland GmbH, f’akkordju li jikkonsisti fi ftehimiet jew fi prattiki miftiehma mal-erba’ impriżi l-oħra msemmija iktar ’il fuq — jiġifieri Ervin, Winoa, MTS u Würth –, bil-għan prinċipali li jiġu kkoordinati l-prezzijiet tal-barraxa tal-azzar fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha (iktar ’il quddiem iż-“Żona Ekonomika Ewropea”).

19.      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

Pometon SpA kisret l-Artikolu 101(1) tat-Trattat u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu li jirrigwarda l-prezzijiet fis-settur tal-barraxa tal-azzar, fejn l-imsemmi ksur jikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-aġir tagħha fil-qasam tal-prezzijiet u jkopri ż-ŻEE kollha.

It-tul taż-żmien tal-ksur kien bejn it-3 ta’ Ottubru 2013 u s-16 ta’ Mejju 2007.

Artikolu 2

Għall-ksur intiż fl-Artikolu 1, il-multa imposta fuq Pometon SpA hija din li ġejja: EUR 6 197 000 [...]”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

20.      Essenzjalment, mid-deċiżjoni kkontestata kollha jirriżulta li Pometon u l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, minn naħa, introduċew (l-ewwel parti tal-akkordju) metodu uniformi ta’ kalkolu li kien jippermettilhom jaslu għal żieda kkoordinata fil-prezz tal-barraxa tal-azzar abbażi tal-indizji tal-prezzijiet tar-ruttam tal-metall (iktar ’il quddiem “iż-żieda fir-ruttam komuni”). Min-naħa l-oħra, u fl-istess ħin, huma qablu (it-tieni parti tal-akkordju) li jikkoordinaw l-aġir tagħhom f’dak li jikkonċerna l-prezzijiet tal-bejgħ tal-barraxa tal-azzar lil klijenti individwali, b’mod partikolari billi jimpenjaw ruħhom li ma jikkompetux ma’ xulxin permezz ta’ tnaqqis fil-prezz (premessi 32, 33, 37 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

21.      Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni qieset li dan kien ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Mhux biss l-arranġamenti antikompetittivi tal-parteċipanti kienu kollha jirrigwardaw il-koordinazzjoni tal-prezzijiet u kienu jikkonċernaw l-istess prodotti, iżda kienu seħħew skont l-istess termini u kundizzjonijiet matul il-perijodu kollu tal-ksur mit‑3 ta’ Ottubru 2003 sas‑16 ta’ Mejju 2007, data li fiha Pometon biegħet in-negozju tal-barraxa tal-azzar tagħha lil Winoa. Fl-aħħar nett, l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur u l-persuni li aġixxew f’isimhom kienu, essenzjalment, l-istess (premessi 107 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata).

22.      Finalment, il-Kummissjoni tqis li tali akkordju kellu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, b’effetti sinjifikattivi fuq il-kummerċ tal-prodott ikkonċernat bejn l-Istati Membri u l-partijiet għall-Ftehim ŻEE (premessi 142 u 154 tad-deċiżjoni kkontestata).

23.      Fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Pometon fil-ksur, il-Kummissjoni ffissat id-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Pometon bħala dik tat‑3 ta’ Ottubru 2003. Billi bbażat ruħha fuq il-fatt li Pometon ma kinitx iddissoċjat ruħha formalment mill-akkordju, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipazzjoni ta’ Pometon fl-akkordju kompliet sas‑16 ta’ Mejju 2007, li hija d-data li fiha Pometon biegħet in-negozju tal-barraxa tal-azzar tagħha lil Winoa (premessi 160 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata).

24.      Abbażi tal-Linji Gwida tal‑2006, il-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku tal-multa ta’ Pometon għal 16 % tal-valur tal-bejgħ imwettaq minn Pometon fis-swieq taż-ŻEE matul l‑2006, l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni ta’ Pometon fil-ksur, qabel ma hija biegħet in-negozju tal-barraxa tal-azzar tagħha lill-kompetitur Franċiż tagħha.

25.      Din il-perċentwali tikkorrispondi għal rata bażika ta’ 15 %, li reġgħet żdiedet b’1 % sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-portata ġeografika tal-ksur fiż-ŻEE kollha. Il-parti varjabbli tal-ammont bażiku tal-multa ġiet sussegwentement miżjuda b’ammont addizzjonali fiss ta’ 16 %, applikat sabiex jiddiswadi lill-impriżi milli jikkonkludu ftehimiet ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet, skont il-punt 25 tal-Linji Gwida tal‑2006 (premessa 220 tad-deċiżjoni kkontestata).

26.      Fl-aħħar nett, skont il-punt 37 tal-Linji Gwida tal‑2006, li jippermetti lill-Kummissjoni titbiegħed mill-metodoloġija prevista f’dawn il-linji gwida meta l-“karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jistgħu jiġġustifikaw dan, din l-istituzzjoni għamlet bidla fir-rigward tal-ammont bażiku aġġustat tal-multa (premessi 228 sa 231 tad-deċiżjoni kkontestata), li tikkonsisti fi tnaqqis ta’ 60 %.

27.      B’mod definittiv, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, wara dan il-kalkolu l-ammont tal-multa imposta fuq Pometon kien ta’ EUR 6 197 000.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

28.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Awwissu 2016, l-appellanti ppreżentat rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, għal tnaqqis tal-multa imposta fuqha.

29.      Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti invokat ħames motivi.

30.      L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità tal-proċedura, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn il-Kummissjoni attribwixxiet lill-appellanti aġir speċifiku diġà fid-deċiżjoni ta’ riżolviment, għalhekk b’determinazzjoni minn qabel tal-akkużi miġjuba sussegwentement kontriha fid-deċiżjoni kkontestata.

31.      It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, fuq in-natura insuffiċjenti u kontradittorja tal-motivazjoni u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tar-regoli relatati mal-oneru tal-prova, sa fejn il-Kummissjoni attribwixxitilha, fl-assenza ta’ provi, parteċipazzjoni f’akkordju li fih hija qatt ma pparteċipat.

32.      It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-akkordju kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

33.      Permezz tar-raba’ motiv tagħha, Pometon ikkontestat it-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

34.      Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames motiv tagħha insostenn tat-talba tagħha għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, Pometon allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, fir-rigward tal-aġġustament eċċezzjonali tal-ammont bażiku tal-multa magħmul mill-Kummissjoni skont il-punt 37 tal-Linji Gwida tal‑2006.

35.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel erba’ motivi iżda laqgħet il-ħames motiv imqajjem quddiemha. Għaldaqstant hija annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u naqqset il-multa imposta fuq Pometon mis-somma oriġinali ta’ EUR 6 197 000 għal EUR 3 873 375.

V.      It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36.      Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata u tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti u, fi kwalunkwe każ, tnaqqas din il-multa, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

37.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

VI.    L-appell

38.      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem erba’ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Pometon tallega ksur tad-dmir ta’ imparzjalità tal-proċedura u tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Pometon issostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-prinċipji relatati mal-oneru tal-prova u l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u tat motivazzjoni kontradittorja jew insuffiċjenti. Sussidjarjament, dawn l-aħħar elementi huma invokati wkoll insostenn tat-tielet aggravju intiż sabiex jinkiseb tnaqqis tal-multa imposta fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Pometon fl-akkordju. Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Pometon tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-multa, kif ukoll motivazzjoni kontradittorja jew insuffiċjenti f’dan ir-rigward.

39.      Il-kwistjonijiet ta’ liġi li l-Qorti tal-Ġustizzja tixtieq jiġu ttrattati f’dawn il-konklużjonijiet huma diskussi fl-ewwel u r-raba’ aggravju. Għalhekk ser nikkonċentra, l-ewwel nett, fuq il-portata tad-dmir ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni u, it-tieni nett, fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fil-kalkolu tal-multa, iżda, kif indikat fil-parti introduttiva ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-kuntest speċifiku tal-proċedura hekk msejħa “ibrida”.

A.      L-ewwel aggravju dwar il-prinċipju ta’ imparzjalità tal-proċedura u l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

1.      L-argumenti tal-partijiet

40.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Pometon issostni li, fil-punti 63 sa 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn ma kkonstatatx li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ imparzjalità proċedurali u l-preżunzjoni ta’ innoċenza. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali stess injorat il-prinċipju ta’ imparzjalità u l-preżunzjoni ta' innoċenza.

41.      Skont Pometon, il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata b’difett li jwassal għall-illegalità ta’ din id-deċiżjoni. Dan id-difett allegatament irriżulta mid-deċiżjoni ta’ riżolviment, li, minkejja li tikkonċerna lill-parteċipanti fl-allegat akkordju għajr lil Pometon, tirreferi għal din tal-aħħar fil-premessi 26, 28, 29, 31 u 36 sa 38.

42.      Fid-deċiżjoni ta’ riżolviment, il-Kummissjoni attribwixxiet aġir partikolari lil Pometon, li, kuntrarjament għal dak li kkonkludiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 103 tas-sentenza appellata, kien ippreġudika l-kapaċità tal-Kummissjoni li twettaq evalwazzjoni imparzjali fil-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-ġurisprudenza rilevanti, b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il-Ġermanja (EC:ECHR:2014:0227JUD001710310, iktar ’il quddiem is-“sentenza Karaman”), u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il-Kummissjoni (T‑180/15, EU:T:2017:795, iktar ’il quddiem is-“sentenza Icap tal-Qorti Ġenerali”).

43.      Skont Pometon, il-Qorti Ġenerali bbażat din il-konklużjoni fuq motiv formali u sostantiv.

44.      Fir-rigward tal-forma, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-prinċipju ta’ imparzjalità kien ostakolat mill-fatt li l-Kummissjoni, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, eskludiet espressament il-ħtija ta’ Pometon. Madankollu, Pometon issostni li mis-sentenzi Karaman u Icap tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li prekawzjonijiet redazzjonali, bħan-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, ma humiex suffiċjenti sabiex jiġu evitati malintiżi fir-rigward tar-responsabbiltà tal-kumpanija lil hinn mid-deċiżjoni rilevanti.

45.      Fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, għas-sentenza Karaman, li skontha għandu jiġi vverifikat jekk ir-riferimenti għall-aġir ta’ Pometon fid-deċiżjoni ta’ riżolviment kinux neċessarji sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tad-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni. Fil-punti 79, 81 u 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod konformi ma’ din il-ġurisprudenza. Madankollu, f’dawn il-punti, hija injorat il-kriterji stabbiliti fil-punt 64 tas-sentenza Karaman, li skonthom, sabiex ikunu kompatibbli mal-preżunzjoni ta’ innoċenza, ir-riferimenti għandhom ikunu imperattivi jew essenzjali għall-evalwazzjoni tal-ħtija tal-konvenuti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali aċċettat riferimenti li ma humiex neċessarji iżda li “jistgħu jkunu oġġettivament utli” jew li “huma intiżi sabiex jistabbilixxu r-responsabbiltà unika” tal-partijiet li rriżolvew il-każ.

46.      F’dan il-kuntest, l-appellanti ssostni li huwa biżżejjed li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment tissuġġerixxi li l-Kummissjoni tqis lill-impriża kkonċernata bħala ħatja jew li r-riferiment iqajjem dubju dwar l-eżistenza ta’ eventwali deċiżjoni prematura għal ksur tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Barra minn hekk, Pometon tqis li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata meta injorat is-sentenza Icap ta’ din l-istess qorti, il-fatt li r-riferimenti għal Pometon allegatament ma jinkludu ebda klassifikazzjoni ġuridika huwa irrilevanti. Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li d-deċiżjoni prematura tal-Kummissjoni fir-rigward tagħha tirriżulta b’mod ċar mit-test tal-proposta ta’ riżolviment, li tikkaratterizza ċertu aġir attribwit lil Pometon bħala “akkordju[i]” jew “kuntatt antikompetittiv”.

47.      Għall-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa inammissibbli, għaliex jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali (mingħajr, madankollu, ma jinvoka żnaturament tal-fatti jew tal-provi) jew jirrepeti argumenti diġà mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, u l-argumenti dwar il-proposta ta’ riżolviment jirrappreżentaw ilment ġdid. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju huwa infondat, peress li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Karaman u mis-sentenza Icap tal-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ dan il-każ.

2.      Analiżi

a)      Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju

48.      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli prinċipalment għaliex jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fatti jew jirrepeti argumenti diġà mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali.

49.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni eskużiva, l-ewwel nett, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżatezza sostantiva tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti ppreżentati lilha, u, it-tieni nett, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 256 TFUE, sabiex tistħarreġ il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti mill-Qorti Ġenerali u l-konsegwenzi legali li hija tkun siltet minnhom. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni ġenerali ta’ konstatazzjoni tal-fatti. Lanqas ma tista’, bħala prinċipju, teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti. Għalhekk, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi, punt ta’ liġi li huwa suġġett bħala tali għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja (6).

50.      Huwa minnu wkoll li, min-naħa l-oħra, appell huwa inammissibbli sa fejn sempliċement jirrepeti l-motivi u l-argumenti mqajma qabel quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk ibbażati fuq fatti espressament miċħuda minnha. Tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba għal eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu fl-appell. Madankollu, sakemm l-appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul l-appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma jkunx jista’, għalhekk, jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li kienu diġà tqajmu quddiem il-Qorti Ġenerali, appell ikun imċaħħad minn parti mill-iskop tiegħu (7).

51.      F’dan il-każ, Pometon issostni, essenzjalment, permezz tal-argumenti tagħha insostenn tal-ewwel aggravju, li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ imparzjalità tal-proċedura u l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza billi applikat b’mod żbaljat it-tagħlim tas-sentenza Karaman u s-sentenza Icap tal-Qorti Ġenerali.

52.      Jidhirli li dawn l-allegazzjonijiet għandhom iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-applikabbiltà ta’ dawn is-sentenzi fil-kuntest ta’ proċedura ibrida u, meta tagħmel hekk, eventwalment tistħarreġ il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali u l-konsegwenzi legali li hija siltet minnhom fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza.

53.      F’dawn iċ-ċirkustanzi. minkejja li xi argumenti ta’ Pometon jikkontestaw ċerti konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, jew huma simili għal argumenti diġà argumentati quddiem il-Qorti Ġenerali, madankollu l-ewwel aggravju jqajjem kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali minn din il-qorti u għalhekk jirrigwarda punti ta’ liġi li jistgħu jiġu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja f’appell. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-ewwel aggravju mqajma mill-Kummissjoni tista’ tintlaqa’ biss fir-rigward tal-argument dwar il-proposta ta’ riżolviment tal-Kummissjoni.

54.      Tassew, dan l-argument tqajjem minn Pometon għall-ewwel darba fl-appell. Dan jikkostitwixxi għalhekk, skont l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli fil-kuntest ta’ appell skont l-Artikolu 190(1) tal-istess regoli, motiv ġdid li huwa inammissibbli peress li ma huwiex ibbażat fuq punti ta’ dritt jew ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura (8).

b)      Fuq il-mertu tal-ewwel aggravju

55.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Pometon issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fis-sentenza appellata sa fejn ma kkonstatatx li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ imparzjalità proċedurali u l-preżunzjoni ta’ innoċenza. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali stess injorat il-prinċipju ta’ imparzjalità u l-preżunzjoni ta' innoċenza.

56.      Ma hemm l-ebda dubju li dawn iż-żewġ prinċipji jistgħu jiġu invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha.

57.      Tassew, filwaqt li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB, hija madankollu obbligata wkoll li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni matul il-proċedura amministrattiva, li jinkludu d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fndamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (9). Madankollu, din id-dispożizzjoni tipprevedi li kull persuna għandha d-dritt, inter alia, li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li l-ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li għandu jkun hemm garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu fir-rigward ta’ parzjalità min-naħa tal-istituzzjoni kkonċernata (10).

58.      Barra minn hekk, il-preżunzjoni ta' innoċenza tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, attwalment stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju japplika għall-proċeduri dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penalità (11).

59.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-preżunzjoni ta’ innoċenza stabbilita fl-Artikolu 48 tal-Karta tikkorrispondi għall-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB, kif jidher mill-ispjegazzjonijiet tal-Karta. Minn dan isegwi, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 48 tal-Karta, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (12).

60.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-kuntest ta’ “proċedura ibrida” – jiġifieri proċedura li fiha proċedura ta’ riżolviment u proċedura amministrattiva ordinarja jitwettqu b’mod parallel mill-Kummissjoni –, huwa għalhekk rilevanti li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sentenza Karaman, li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, kif protett mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB, jistax jiġi miksur permezz ta’ dikjarazzjonijiet li jinsabu f’sentenza diretta kontra kopersuni ssuspettati fi proċeduri separati li ma għandhomx effett legali vinkolanti fi proċeduri kriminali pendenti jew futuri kontra persuna oħra.

61.      Dan huwa iktar u iktar rilevanti peress li l-Qorti tal-Ġustizzja stess diġà integrat ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn din is-sentenza fil-ġurisprudenza tagħha stess relatata mal-Artikolu 48 tal-Karta.

62.      Tassew, fis-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-QEDB iddeċidiet fis-sentenza Karaman, li l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza jiġi miksur jekk deċiżjoni ġudizzjarja jew dikjarazzjoni ta’ uffiċjal pubbliku dwar persuna akkużata b’reat kriminali ikun fiha dikjarazzjoni ċara li l-persuna kkonċernata wettqet ir-reat inkwistjoni, fl-assenza ta’ kundanna definittiva f’dan is-sens (13).

63.      Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-QEDB irrikonoxxiet ukoll li, fi proċeduri kriminali kumplessi li jinvolvu diversi persuni li ma jistgħux jiġu ġġudikati flimkien, riferimenti mill-qorti nazzjonali għall-parteċipazzjoni ta’ terzi persuni, li jistgħu sussegwentement jiġu ġġudikati separatament, jistgħu jkunu indispensabbli għall-evalwazzjoni tal-ħtija ta’ dawk li qegħdin jiġu ġġudikati. Madankollu, hija ppreċiżat li, jekk ikollhom jiġu ppreżentati fatti relatati mal-involviment ta’ terzi, il-qorti rilevanti għandha tevita li tagħti iktar informazzjoni milli hija neċessarja għall-evalwazzjoni tar-responsabbiltà ġuridika ta’ dawk il-persuni li jkunu akkużati fil-proċess quddiemha (14).

64.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-QEDB enfasizzat l-importanza tal-għażla tal-kliem mill-awtoritajiet ġudizzjarji kif ukoll taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom dan ġie fformulat u tan-natura u l-kuntest tal-proċeduri inkwistjoni (15). Huwa għalhekk li, għal darba oħra skont il-QEDB, il-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji f’dawn il-kawżi hija partikolarment importanti: din għandha tiġi fformulata b’mod li jiġi evitat eventwali ġudizzju minn qabel fuq il-ħtija tat-terzi kkonċernati, li jista’ jikkomprometti l-eżami xieraq tal-akkużi miġjuba kontrihom fil-proċeduri separati (16).

65.      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (17), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li ftehim, li għandu jiġi approvat minn qorti nazzjonali, jirreferi għall-parteċipazzjoni tal-persuni akkużati, għajr il-persuna li kkonkludiet dan il-ftehim u li b’hekk irrikonoxxiet il-ħtija tagħha. Dan huwa permess f’ċirkustanzi fejn dawn l-individwi l-oħra jiġu sussegwentement iġġudikati separatament u li l-identifikazzjoni tagħhom hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel, dan ir-riferiment għandu jkun neċessarju għall-klassifikazzjoni tar-responsabbiltà ġuridika tal-persuna li kkonkludiet il-ftehim u, it-tieni, dan l-istess ftehim għandu jindika b’mod ċar li dawn il-persuni l-oħra huma akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali separati u li l-ħtija tagħhom ma ġietx stabbilita legalment (18).

66.      Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li, f’dan ir-rigward, sabiex tiġi mistħarrġa l-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, huwa neċessarju dejjem li tiġi analizzata deċiżjoni ġudizzjarja u l-motivazzjoni tagħha fl-intier tagħha u fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li din ġiet adottata fihom. Tassew, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, kull riferiment espliċitu, f’ċerti siltiet ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, għall-assenza ta’ ħtija tal-koakkużati jkun mingħajr sinjifikat jekk siltiet oħra ta’ din id-deċiżjoni jkunu jistgħu jinftiehmu bħala espressjoni prematura tal-ħtija tagħhom (19).

67.      Dan il-qafas għandu evidentement jiġi traspost fil-kuntest ta’ “proċedura ibrida”. Tassew, dan huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB mill-QEDB u diġà applikat għal dispożizzjoni li ttrasponiet, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-garanziji previsti fl-Artikolu 48 tal-Karta f’kuntest simili ta’ żewġ proċeduri li jikkonċernaw l-istess fatti iżda sseparati fiż-żmien. Peress li huwa stabbilit b’mod ċar li l-preżunzjoni ta’ innoċenza hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit attwalment fl-Artikolu 48(1) tal-Karta, li japplika għall-proċeduri relatati mal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (20), ikun inkoerenti li jiġu applikati rekwiżiti oħra għal proċedura ibrida.

68.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkontestat li l-Qorti Ġenerali tat, fis-sentenza appellata, attenzjoni partikolari għall-għażla tal-kliem użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ riżolviment. Hija ħadet ħsieb tistħarreġ iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jiġifieri, l-fatt li r-riferiment għal Pometon kien neċessarju għall-klassifikazzjoni tar-responsabbiltà ġuridika tal-impriżi l-oħra li kkonkludew il-ftehim u l-indikazzjoni ċara li Pometon kienet is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fil-kuntest ta’ proċeduri separati u li l-ħtija tagħha kienet għadha ma ġietx stabbilita legalment (ara l-punti 72, 74, 77, 81, 85 tas-sentenza appellata).

69.      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball meta ddeċidiet, fil-punti 65, 82 u 83 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet indikat b’mod ċar fid-deċiżjoni ta’ riżolviment li Pometon kienet impriża suġġetta għall-proċedura ordinarja, iżda mhux għall-proċedura ta’ riżolviment (ara l-punt 2.2.5 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment) u li l-Kummissjoni kienet eskludiet espressament ir-responsabbiltà ta’ Pometon fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżolviment (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment).

70.      Madankollu jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni tagħha tal-elementi li jiġġustifikaw in-neċessità li jsir riferiment għal Pometon fid-deċiżjoni ta’ riżolviment u fil-konsegwenzi legali li siltet minnhom fil-punti 84, 90 u 103 tas-sentenza appellata. Wasalt għal din il-konklużjoni għar-raġunijiet li ġejjin.

71.      L-ewwel nett, billi insistiet fuq il-kunsiderazzjoni formali li l-punti tad-deċiżjoni ta’ riżolviment li jirreferu għal Pometon ma jippreżentaw ebda klassifikazzjoni ġuridika, il-Qorti Ġenerali wettqet qari formali u limitat tad-deċiżjoni, filwaqt li, kif indikajt preċedentement, huwa neċessarju li tiġi analizzata din it-tip ta’ deċiżjoni u l-motivazzjoni tagħha fl-intier tagħha u fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom hija ġiet adottata.

72.      Kif il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet hija stess, ċerti siltiet li jidhru fil-parti ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi l-fatti jistgħu madankollu jiżvelaw b’mod ċar ħafna l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ impriża fl-aġir illegali inkwistjoni (21). Mingħajr ma mmorru daqshekk ’il bogħod, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza jista’ jkun diġà miksur jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew, f’dan il-każ, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma tkunx ifformulata b’mod li jkun jista’ jiġi evitat ġudizzju minn qabel eventwali dwar il-ħtija tat-terzi kkonċernati (22). Tassew, skont il-ġurisprudenza tal-QEDB, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza jiġi miksur ukoll meta deċiżjoni ġudizzjarja jew dikjarazzjoni minn uffiċjal pubbliku dwar persuna akkużata b’reat kriminali tkun tirrifletti opinjoni – “le sentiment” fil-verżjoni Franċiża tas-sentenza Karaman – li din hija ħatja (23).

73.      Id-deċiżjoni ta’ riżolviment għandha, naturalment, tinqara b’mod olistiku. Sempliċement għaliex, pereżempju, kelma jew espressjoni okkażjonali xejn feliċi tkun intużat fid-dokument ma jfissirx li din il-kelma jew din l-espressjoni għandhom jiġu mifhuma bħala li qegħdin jissuġġerixxu ġudizzju minn qabel minn min jieħu d-deċiżjoni jekk, moqrija oġġettivament, id-deċiżjoni ta’ riżolviment fl-intier tagħha ma tagħtix lok għal din l-interpretazzjoni.

74.      Bl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għal dan il-każ u bl-analiżi tad-deċiżjoni ta’ riżolviment fl-intier tagħha, wieħed xorta waħda jibqa’ bl-impressjoni li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni kienet ifformulata b’mod li jqajjem dubji dwar eventwali ġudizzju minn qabel dwar il-ħtija ta’ Pometon, u sabiex b’hekk jikkomprometti l-eżami xieraq tal-akkużi miġjuba kontriha fil-proċedura ordinarja.

75.      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 87 tas-sentenza appellata, ma jistax jiġi eskluż li l-kliem tal-premessa 38 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment qajmu dubji dwar eventwali ġudizzju minn qabel dwar il-ħtija ta’ Pometon, filwaqt li l-Kummissjoni tindika, minn naħa, fil-premessa 49 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, li hija “tqis li Ervin, Winoa u Würth, billi pparteċipaw fl-aġir deskritt fit-Taqsima 4, ipparteċipaw preċiżament fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 tat-Trattat u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u li, minn naħa l-oħra, il-ftehim dwar l-element ewlieni ta’ dan il-ksur – żieda fir-ruttam komuni – huwa deskritt preċiżament fil-premessa 38 tat-Taqsima 4 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment f’formulazzjoni li tinkludi lil Pometon. L-impressjoni li Pometon ipparteċipat f’dan il-ksur tkompli tiżdied permezz tal-premessa 39 tal-istess deċiżjoni, li fiha l-Kummissjoni tindika li “l-parteċipanti fil-laqgħa tat‑3 ta’ Ottubru [– espressament imsemmija fil-premessa 38 bħal Winoa, Ervin u Pometon –] sussegwentement kienu f’kuntatt maż-żewġ produtturi Ġermaniżi tal-barraxa tal-azzar, jiġifieri MTS u Würth, bil-ħsieb li jinkluduhom fis-sistema l-ġdida ta’ kalkolu taż-żieda fir-ruttam” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (24). L-użu tat-terminu “jinkludi” jissuġġerixxi li t-tlieta l-oħra – mingħajr eċċezzjoni – kienu diġà qegħdin jipparteċipaw f’din is-sistema.

76.      Id-dubji dwar il-ħtija ta’ Pometon jirriżultaw ukoll mill-premessa 59 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, li tgħid li “[h]uwa ċar mill-fatti deskritti fit-Taqsima 4, li Ervin, Winoa, MTS u Würth kienu involuti f’arranġamenti antikompetittivi orizzontali li kienu jifformaw parti minn pjan globali li l-għan antikompetittiv uniku tiegħu kien li tiġi ristretta l-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet tal-barraxa tal-azzar. Fil-kuntest tal-pjan globali, deskritt fil-premessi (26)-(36), Ervin, Winoa, MTS u Würth ikkoordinaw l-aġir tagħhom sabiex ineħħu bejniethom l-inċertezza fir-rigward tal-prezzijiet fis-suq tal-barraxa tal-azzar” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

77.      Madankollu, f’dawn il-premessi 26 sa 36 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, huwa indikat, b’mod partikolari, li “Winoa, Ervin u Pometon iltaqgħu f’Lago di Garda (l-Italja) sabiex jiftiehmu dwar metodu uniformi ta’ kalkolu sabiex tiġi applikata żieda fir-ruttam komuni minnhom ilkoll. Huma qablu li jużaw formula unika […] Wara din il-laqgħa l-parteċipanti skambjaw numru ta’ posta elettronika fejn ikkoordinaw fid-dettall l-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ żieda fir-ruttam u d-data tal-bidu komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (25). Huwa affermat ukoll li MTS u Würth “ma pparteċipawx fl-istadji inizjali tal-proċess meta ġie konkluż il-ftehim bejn Winoa, Ervin u Pometon” (26) [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “[m]atul it-tul kollu tal-kuntatti, il-partijiet [– mingħajr ebda eċċezzjoni fir-rigward ta’ Pometon –] ikkoordinaw ukoll l-attivitajiet tagħhom fir-rigward ta’ klijenti individwali” (27) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

78.      Minkejja li dawn huma konstatazzjonijiet ta’ fatt, dawn id-dikjarazzjonijiet — li jirreferu espressament għal Pometon — huma madankollu l-bażi għall-klassifikazzjoni ġuridika, fil-premessa 59 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, tal-eżistenza ta’ ftehimiet antikompetittivi orizzontali.

79.      Barra minn hekk, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment ma jirriżultax b’liema mod ir-riferimenti għal Pometon kienu effettivament neċessarji għall-klassifikazzjoni tar-responsabbiltà ġuridika tal-erba’ impriżi li kkonkludew il-ftehim. Għall-kuntrarju, il-parteċipazzjoni ta’ dawn l-erba’ impriżi fis-sistema deskritta mill-Kummissjoni kienet suffiċjenti sabiex tikkostitwixxi l-akkordju inkwistjoni. Kuntrarjament għal dak li ġie indikat fid-deċiżjoni kkontestata (28), mid-deċiżjoni ta’ riżolviment ma jirriżultax li Pometon kellha rwol indispensabbli, jew saħansitra speċifiku, fl-istabbiliment ta’ din is-sistema (għall-kuntrarju, pereżempju, ta’ Winoa, li kienet responsabbli mill-komunikazzjoni lill-parteċipanti taż-żieda l-ġdida kull xahar u, minn Mejju 2004, ippubblikat ukoll iż-żieda fuq is-sit internet tagħha kif spjegat fil-premessa 30 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment).

80.      B’mod simili, fir-rigward tal-premessa 37 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, ma nsibx, bir-rispett, l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 88 tas-sentenza appellata, konvinċenti. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li, peress li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li kien hemm ksur uniku u kontinwu, kien neċessarju li tiġi ppreċiżata l-portata territorjali tal-akkordju fl-intier tiegħu. Madankollu, mid-deċiżjoni ta’ riżolviment ma jirriżultax sa fejn il-parteċipazzjoni ta’ Pometon kellha rwol determinanti – u għalhekk “neċessarju” fis-sens tas-sentenza Karaman – fil-portata territorjali tal-ksur, għalkemm din l-impriża hija inkluża b’mod ċar fil-premessa 37 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment fuq il-portata ġeografika tal-ftehim.

81.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta d-deċiżjoni ta’ riżolviment tiġi analizzata fl-intier tagħha, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi b’mod xieraq, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li r-riferimenti għal Pometon ma setgħux oġġettivament joħolqu suspett li l-Kummissjoni ġġudikat minn qabel il-ħtija u r-responsabbiltà ta’ din l-impriża fl-akkordju inkwistjoni sa mill-istadju tad-deċiżjoni ta’ riżolviment indirizzata lill-erba’ impriżi l-oħra involuti fl-akkordju inkwistjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta indikat, fil-punti 90 u 103 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li kisret id-dmir tagħha ta’ imparzjalità fil-konfront ta’ Pometon u li kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza fid-deċiżjoni kkontestata.

82.      Madankollu, l-aggravju relatat ma’ dan l-iżball ta’ liġi ma huwiex neċessarjament effettiv. Tassew, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex id-deċiżjoni ta’ riżolviment, iżda pjuttost id-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva ordinarja prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003. Id-deċiżjoni ta’ riżolviment ma hijiex il-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata u ż-żewġ deċiżjonijiet ġew adottati fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri distinti u indipendenti. Il-ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza ta’ Pometon fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment għalhekk ma għandux neċessarjament effett dirett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

83.      Kif spjegat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Icap, il-kwistjoni ta’ jekk nuqqas possibbli ta’ imparzjalità oġġettiva min-naħa tal-Kummissjoni setax kellu effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata hija inseparabbli mill-kwistjoni ta’ jekk il-konstatazzjonijiet li saru fl-imsemmija deċiżjoni humiex debitament sostnuti mill-provi li l-Kummissjoni pproduċiet (29). Fi kliem ieħor, kif jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza stabbilita, l-irregolarità marbuta ma’ nuqqas possibbli ta’ imparzjalità oġġettiva min-naħa tal-Kummissjoni tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk kien stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din id-deċiżjoni kien ikollha kontenut differenti (30).

84.      Għaldaqstant, din il-konstatazzjoni tiddependi fuq eżami tal-aggravji l-oħra mqajma mill-appellanti u li jirrigwardaw l-istabbiliment b’mod suffiċjenti fid-dritt tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni, jiġifieri t-tieni u t-tielet aggravju. Huma dawn il-kwistjonijiet li issa nistgħu nittrattaw.

1)      It-tieni aggravju bbażat fuq applikazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipji relatati mal-oneru tal-prova, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u l-eżistenza ta’ motivazzjoni kontradittorja jew insuffiċjenti tas-sentenza appellata fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Pometon fl-ewwel parti tal-akkordju.

85.      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Pometon issostni, essenzjalment, li, kuntrarjament għal dak li ġie kkonstatat fil-punt 129 tas-sentenza appellata, hija kkontestat ir-responsabbiltà tagħha fir-rigward tal-ewwel parti tal-akkordju fir-rikors tagħha, b’mod partikolari fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 tiegħu. It-tieni nett, Pometon tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt li ż-żieda fir-ruttam komuni kienet awtomatikament applikabbli, fis-sens li Pometon setgħet tapplikaha mingħajr ma tirċievi regolarment informazzjoni min-naħa ta’ wieħed mill-kompetituri tagħha. Fil-fehma ta’ Pometon, din il-konklużjoni hija bbażata biss fuq il-probabbiltà jew il-preżunzjoni ta’ ċerti avvenimenti, kif jirriżulta mill-punti 142, 144 u 145 tas-sentenza appellata.

86.      Madankollu, għalkemm huwa minnu li Pometon ċaħdet li pparteċipat fi kwalunkwe akkordju fin-nota ta’ qiegħ il-paġna inkwistjoni, ma jistax jiġi injorat il-fatt li hija madankollu ammettiet espressament fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali li kienet ipparteċipat fil-laqgħa tat‑3 ta’ Ottubru 2003. Kien matul din il-laqgħa li kien intlaħaq ftehim dwar is-sistema taż-żieda fir-ruttam komuni.

87.      Huwa minn dan il-punt ta’ tluq inkontestabbli li, fuq il-bażi tad-diversi elementi tal-proċess identifikati fil-punti 143 sa 145 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni, fil-punt 160 tal-istess sentenza, li l-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-ewwel parti tal-akkordju kienet stabbilita. Għal dan il-għan, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq il-probabbiltà jew il-preżunzjoni ta’ ċerti avvenimenti. Għall-kuntrarju, fl-eżempji mogħtija minn Pometon, il-Qorti Ġenerali għamlet konstatazzjoni fuq il-bażi ta’ provi identifikati b’mod ċar. Huwa biss għat-tieni darba, sabiex tiċħad l-argument imressaq kontra l-ewwel konstatazzjoni, li l-Qorti Ġenerali tuża, f’forma negattiva, avverbju bħal “probabbli” (“ma huwiex probabbli li”, punt 142 tas-sentenza appellata) jew espressjoni bħal “ma hemm xejn li jippermetti li jiġi preżunt li”, punt 144).

88.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr lanqas ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li Pometon tidher li qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti permezz tat-tieni aggravju tagħha – li fir-rigward tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni fi proċedura ta’ appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi (31), fatt li ma huwiex allegat minn Pometon –, jiena tal-fehma li minn qari tal-punti 129 sa 160 tas-sentenza appellata fl-intier tagħhom jirriżulta li r-responsabbiltà ta’ Pometon u l-parteċipazzjoni tagħha fl-ewwel parti tal-akkordju kienu fil-fatt dedotti minn numru ta’ koinċidenzi jew indizji li, meħuda flimkien, jistgħu jikkostitwixxu prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (32).

89.      Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt il-parteċipazzjoni ta’ Pometon fl-ewwel parti tal-akkordju u li l-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipji invokati insostenn tat-tieni aggravju.

2)      It-tielet aggravju bbażat fuq applikazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipji relatati mal-oneru tal-prova u mal-preżunzjoni ta’ innoċenza fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Pometon fl-akkordju

90.      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, imqajjem sussidjarjament sabiex tikseb tnaqqis tal-multa imposta, Pometon issostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-prinċipji relatati mal-oneru tal-prova u mal-preżunzjoni ta’ innoċenza fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Pometon fl-akkordju. Essenzjalment, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova meta qieset li Pometon ma kinitx ipproduċiet elementi suffiċjenti sabiex tipprova l-interruzzjoni tal-akkordju, minkejja l-assenza ta’ kuntatt kollużiv bejn Pometon u l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju bejn it‑18 ta’ Novembru 2005 u l‑20 ta’ Marzu 2007.

91.      Ma naħsibx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fis-sentenza appellata f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, naqbel mal-ġurisprudenza tagħha li skontha l-kwistjoni dwar jekk perijodu huwiex twil biżżejjed jew le sabiex jikkostitwixxi interruzzjoni ta’ ksur ma tistax tiġi eżaminata b’mod astratt, iżda għandha tiġi evalwata, għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-funzjonament tal-akkordju inkwistjoni (33).

92.      Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 308 tas-sentenza appellata, mingħajr ma ġiet validament ikkontradetta, li l-akkordju inkwistjoni kien ikkaratterizzat mill-applikazzjoni awtomatika taż-żieda fir-ruttam komuni, mir-rabtiet stretti eżistenti bejn iż-żewġ partijiet tal-akkordju u mill-assenza, ħlief għas-suq Ġermaniż, ta’ organizzazzjoni strutturata ta’ kuntatt bejn il-parteċipanti sabiex tiġi implimentata l-koordinazzjoni fir-rigward ta’ klijenti individwali, b’kuntatt okkażjonali jseħħ biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil.

93.      Minn naħa l-oħra, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li parti li b’mod taċitu tapprova inizjattiva illegali, mingħajr ma titbiegħed pubblikament mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tirrapportaha lill-awtoritajiet amministrattivi, effettivament tinkoraġġixxi t-tkomplija tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tiegħu. Din il-kompliċità tikkostitwixxi mod passiv ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, li għalhekk tista’ tirrendi lill-impriża responsabbli fil-kuntest ta’ ftehim uniku. Lanqas il-fatt li impriża ma taġixxix fuq ir-riżultat ta’ laqgħa b’għan antikompetittiv ma huwa tali li jeżentaha mir-responsabbiltà għall-fatt tal-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju, sakemm hija ma tkunx tbegħdet pubblikament minn dak li jkun ġie miftiehem fil-laqgħa (34). F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat jekk impriża effettivament tbegħditx, hija l-fehma li l-parteċipanti l-oħra f’akkordju għandhom tal-intenzjoni ta’ din l-impriża li hija ta’ importanza kritika fl-evalwazzjoni dwar jekk hija ppruvatx titbiegħed mill-ftehim illegali (35).

94.      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali għalhekk irrilevat korrettament, fil-punt 306 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni hija jekk l-assenza ta’ kuntatt bejn Pometon u l-parteċipanti l-oħra kinitx ta’ tul suffiċjenti sabiex il-partijiet tal-aħħar ikunu fehmu l-intenzjoni ta’ Pometon li tinterrompi l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

95.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “tbegħid pubbliku” jirreferi għal sitwazzjoni fattwali, li l-eżistenza tagħha hija kkonstatata mill-Qorti Ġenerali, każ b’każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li jkunu tressqu quddiemha u wara evalwazzjoni globali tal-provi u tal-indizji kollha rilevanti. Ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod xieraq u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-provi jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu prodotti quddiemha. Kif diġà ntqal, din l-evalwazzjoni għalhekk ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (36).

96.      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 309 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat, qabelxejn, li l-appellanti ma bbażatx ruħha fuq elementi li jistgħu jissuġġerixxu li kuntatti kollużorji kienu indispensabbli għall-parteċipazzjoni kontinwa tagħha fl-akkordju bejn id‑9 ta’ Ġunju 2005 u Marzu 2007. Sussegwentement, fil-punt 310 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet mill-fatt li Pometon kienet fl-oriġini tas-sistema ta’ żieda fir-ruttam komuni u li kienet ikkontribwixxiet b’mod attiv għall-implimentazzjoni tagħha li l-assenza tal-appellanti minn ċerti laqgħat jew kuntatti kollużorji matul dan il-perijodu ma kinitx tiġi interpretata mill-parteċipanti l-oħra bħala tbegħid mill-akkordju. Fl-aħħar nett, fil-punt 311 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-fatt li Pometon kellha rwol attiv fil-preparazzjoni tal-laqgħa li saret f’Milano (l-Italja) fis‑16 ta’ Mejju 2007 u li hija lanqas ma ħabbret lill-parteċipanti l-oħra l-bejgħ tagħha ta’ din il-parti tan-negozju tal-barraxa tal-azzar tagħha jikkonferma l-kontinwità tal-aġir illegali ta’ Pometon.

97.      Abbażi tal-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u tal-provi, il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet, fil-punt 313 tas-sentenza appellata, li xejn ma kien jindika li Pometon kienet tbegħdet mill-akkordju u li l-Kummissjoni kienet ipprovat b’mod suffiċjenti fid-dritt li Pometon ma kinitx interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni.

98.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li, permezz tat-tielet aggravju, Pometon qiegħda tipprova, għallinqas parzjalment, tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata b’dik tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-eżami tad-dokumenti inkwistjoni ma juri ebda żnaturament manifest. Konsegwentement, minħabba li ma kkonstatajt ebda żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Pometon fil-ksur inkwistjoni, jiena tal-opinjoni li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

c)      Konklużjoni fuq l-ewwel aggravju

99.      Fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ riżolviment fl-intier tagħha, wasalt għall-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li r-riferimenti għal Pometon ma setgħux oġġettivament joħolqu suspett li l-Kummissjoni ġġudikat minn qabel il-ħtija u r-responsabbiltà ta’ din l-impriża fl-akkordju inkwistjoni sa mill-istadju tad-deċiżjoni ta’ riżolviment indirizzata lill-erba’ impriżi l-oħra involuti.

100. Konsegwentement, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta affermat, fil-punti 90 u 103 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li kisret id-dmir tagħha ta’ imparzjalità fil-konfront ta’ Pometon u li kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza fid-deċiżjoni kkontestata.

101. Madankollu, jiena tal-fehma li l-ewwel aggravju huwa ineffettiv. Tassew, in-nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva min-naħa tal-Kummissjoni fl-istadju tad-deċiżjoni ta’ riżolviment ma affettwax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata peress li l-konstatazzjonijiet magħmula f’din id-deċiżjoni tal-aħħar huma, huma stess, debitament sostnuti mill-provi prodotti mill-Kummissjoni.

102. Bħala konklużjoni, inqis għalhekk li l-ewwel aggravju kif ukoll it-tieni u t-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda.

B.      Ir-raba’ aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-multa u motivazzjoni kontradittorja jew insuffiċjenti f’dan ir-rigward.

1.      L-argumenti tal-partijiet

103. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Pometon issostni li, fil-punti 365 sa 396 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza u/jew l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fil-mod li bih iffissat il-multa. Għalhekk, huwa allegat li l-Qorti Ġenerali applikat rata ta’ tnaqqis għall-multa li ma hijiex konformi mar-rati ta’ tnaqqis mogħtija lill-partijiet li ftehmu li jirriżolvu.

104. Għalkemm il-Qorti Ġenerali annullat il-multa ffissata mill-Kummissjoni minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u kkalkolat mill-ġdid l-ammont tal-multa imposta fuq Pometon abbażi tal-punt 37 tal-Linji Gwida tal‑2006, l-appellanti tqis li r-rata ta’ tnaqqis ġdida applikata – 75 % minflok 60 % – għadha ma hijiex konformi mar-rati ta’ tnaqqis mogħtija lill-partijiet l-oħra involuti fl-akkordju inkwistjoni (37).

105. Abbażi tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li skonthom ir-responsabbiltà individwali ta’ Pometon, l-impatt tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tagħha fuq il-kompetizzjoni tal-prezzijiet u d-daqs tagħha kienu inqas sinjifikanti minn dawk ta’ Winoa, l-appellanti ssostni li l-ksur imputabbli lilha huwa ħafna inqas serju minn dak ta’ Winoa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Pometon tqis li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza meta ttrattat bl-istess mod sitwazzjonijiet differenti. Għall-kuntrarju, hija kellha tapplika fil-konfront tagħha rata ta’ tnaqqis bejn dik mogħtija mill-Kummissjoni lil Winoa, jiġifieri 75 %, u dik mogħtija lil MTS, jiġifieri 90 %.

106. Għall-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa inammissibbli peress li, permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ fuq il-mertu l-multa imposta mill-Qorti Ġenerali, fatt li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fuq bażi ta’ ekwità, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li qiegħda tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni, b’dik tagħha.

107. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li r-raba’ aggravju huwa infondat peress li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza billi ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, billi pprovdiet spjegazzjoni ddettaljata tal-metodoloġija użata u tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tagħha dwar l-iffissar tal-ammont tal-multa, immotivat suffiċjentement id-deċiżjoni li hija adottat fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

2.      Analiżi

a)      Fuq l-ammissibbiltà tar-raba’ aggravju

108. Għall-Kummissjoni, ir-raba’ aggravju huwa inammissibbli peress li, l-appellanti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ fuq il-mertu l-multa imposta mill-Qorti Ġenerali.

109. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, ma għandhiex tissostitwixxi, fuq bażi ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tkun qiegħda teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tiddeċiedi fuq l-ammont ta’ multi imposti fuq impriżi għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’dik tagħha (38). Għalhekk, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni mhux biss ma huwiex xieraq, iżda huwa wkoll eċċessiv sal-punt li jkun sproporzjonat, li jkun hemm lok li tikkonstata żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont ta’ multa (39).

110. Madankollu, jekk, permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti titlob, sussidjarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa stabbilita, dan huwa biss minħabba l-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

111. F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tad-determinazzjoni tal-multi, ma jistax jirriżulta f’diskriminazzjoni bejn l-impriżi li jkunu pparteċipaw fi ftehim li tmur kontra l-Artikolu 101(1) TFUE (40). Bħala tali, l-allegazzjoni tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza mill-Qorti Ġenerali hija għalhekk kwistjoni ta’ liġi li tista’ titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

b)      Fuq il-mertu

112. L-ewwel nett, l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li, fl-iffissar tal-ammont ta’ multa għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-gravità kif ukoll it-tul tal-ksur.

113. F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ multa, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-fatturi kollha li jistgħu jaffetwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu, bħall-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol ta’ kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-profitt li dawn setgħu jiksbu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata u t-theddida li ksur ta’ dan it-tip joħloq għall-Unjoni (41).

114. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li, minn naħa, il-gravità tal-ksur għandha tiġi evalwata fuq bażi individwali u li, min-naħa l-oħra, ma teżistix lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur (42).

115. It-tieni nett, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-fondatezza tar-raba’ aggravju, ma hemm l-ebda dubju li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa żgurat mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fejn huma kkonċernati multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (43).

116. Tassew, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, għajr jekk dan it-trattament ikun iġġustifikat oġġettivament (44). Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita wkoll li, meta l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat, ma tistax issir, permezz ta’ applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu differenti, diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma li tmur kontra Artikolu 101(1) TFUE (45).

117. It-tielet nett, kif diġà msemmi, l-istess prinċipju japplika għall-qrati tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom. Tassew, f’dan l-eżerċizzju, huma jistgħu jissostitwixxu l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħhom u, konsegwentement, jikkanċellaw, inaqqsu jew iżidu l-multa imposta (46), mingħajr ma jkunu marbuta bir-regoli indikattivi ddefiniti mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha, anki meta dawn tal-aħħar jistgħu jiggwidaw lill-qrati tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom (47).

118. Madankollu, għalkemm hija l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali li għandhom jevalwaw huma stess iċ-ċirkustanzi tal-każ u n-natura tal-ksur inkwistjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax iwassal, meta l-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti huwa ddeterminat, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma li tmur kontra l-Artikolu 101(1) TFUE (48).

119. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet:

–        l-ewwel nett, li kien jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha li tiddetermina l-ammont xieraq tal-adattament eċċezzjonali tal-ammont bażiku tal-multa, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (punt 369 tas-sentenza appellata),

–        it-tieni nett, li hija kienet marbuta biss mill-gravità u mit-tul tal-ksur (punt 371 tas-sentenza appellata) u,

–        it-tielet nett, peress li t-tul ittieħed inkunsiderazzjoni fl-ammont bażiku – li ma ġiex ikkontestat minn Pometon –, kien xieraq fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur li tittieħed inkunsiderazzjoni r-responsabbiltà individwali ta’ Pometon, il-kapaċità tagħha li tinfluwenza, permezz tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tagħha, il-kompetizzjoni fis-suq tar-ruttam tal-metall tal-barraxa u d-daqs tagħha, u li kull wieħed minn dawn il-fatturi jiġi pparagunat mar-responsabbiltà u s-sitwazzjoni individwali tal-impriżi l-oħra involuti fl-akkordju (punt 376 tas-sentenza appellata).

120. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kkonformat formalment mar-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, filwaqt li żammet, a priori, l-ugwaljanza bejn l-impriżi kkonċernati, fejn l-ispeċifiċità minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura ta’ riżolviment ittieħdet inkunsiderazzjoni permezz tat-tnaqqis speċifiku ta’ 10 % previst fil-punt 32 tal-Avviż dwar ir-Riżolviment. Dan indikat, xorta nqis madankollu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza meta tat importanza sproporzjonata lill-kriterju tad-daqs tal-impriża fl-evalwazzjoni tat-tnaqqis tal-multa.

121. Tassew, fi tmiem l-analiżi tagħha tal-ewwel żewġ kriterji msemmija iktar ’il fuq – jiġifieri r-responsabbiltà individwali ta’ Pometon u l-influwenza konkreta tal-aġir tagħha li jikkostitwixxi ksur fuq il-kompetizzjoni tal-prezzijiet – il-Qorti Ġenerali tikkonkludi, minn naħa, fil-punt 382 tas-sentenza appellata, li Pometon, “b’differenza minn Ervin u Winoa, iżda bħal MTS u Würth, kellha globalment rwol iktar limitat fl-akkordju” u, min-naħa l-oħra, fil-punt 386 tas-sentenza appellata, li l-paragun tal-valur tal-bejgħ speċifiku fiż-ŻEE juri li “il-piż ta’ Pometon fil-ksur jidher erba’ darbiet inqas sinjifikattiv minn dak ta’ Winoa, iżda li huwa relattivament viċin għal dak ta’ MTS u ferm superjuri għal dawk ta’ Ervin u ta’ Würth”. Għaldaqstant, huwa biss fid-dawl tat-tielet kriterju – jiġifieri d-daqs tal-impriża – li l-Qorti Ġenerali tosserva, fil-punt 390 tas-sentenza appellata, li l-appellanti kienet tinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ MTS peress li d-dħul mill-bejgħ tagħha fl-aħħar sena ta’ parteċipazzjoni sħiħa fl-akkordju kien ta’ EUR 99 890 000 minflok ta’ EUR 25 082 293 għal MTS.

122. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi din l-analiżi billi tiddeċiedi, fil-punt 393 tas-sentenza appellata, li “tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami [...]billi Pometon tingħata rata ta’ tnaqqis eċċezzjonali ta’ 75 % fuq l-ammont bażiku tal-multa aġġustat abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti”.

123. Billi tat lil Pometon l-istess rata ta’ tnaqqis eċċezzjonali bħal lil Ervin u lil Winoa meta hija kienet ikkonstatat, abbażi ta’ żewġ kriterji minn tlieta, li s-sitwazzjoni ta’ Pometon kienet simili għal dik ta’ MTS, inqis li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza. Billi applikat il-metodu ta’ kalkolu tagħha b’mod inkoerenti, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ħolqot forma ta’ diskriminazzjoni bejn id-diversi impriżi li pparteċipaw fl-istess akkordju.

124. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-uniku kriterju sabiex issir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ Pometon u dik ta’ MTS huwa bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali, filwaqt li l-Qorti Ġenerali spjegat espressament, fil-punti 384 u 392 tas-sentenza appellata, li t-teħid inkunsiderazzjoni predominanti mill-Kummissjoni ta’ kriterju ieħor fuq livell dinji – jiġifieri l-valur tal-bejgħ speċifiku – ma kienx adegwat, peress li l-bejgħ speċifiku magħmul fiż-ŻEE kien jirrifletti b’mod iktar xieraq il-piż ekonomiku tal-impriża fil-ksur u d-dannu kkawżat lill-kompetizzjoni.

125. Barra minn hekk, filwaqt li huwa minnu li huwa permissibbli, skont il-ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-iffissar tal-multa, li jitqies kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, li jagħti indikazzjoni, għalkemm approssimattiva u imperfetta, tad-daqs tal-impriża u tal-poter ekonomiku tagħha, kif ukoll il-proporzjon ta’ dan id-dħul mill-bejgħ li jirrappreżenta l-merkanzija li fir-rigward tagħha twettaq il-ksur, li jagħti indikazzjoni tal-grad tal-ksur (49), importanza sproporzjonata ma għandhiex tiġi attribwita lil dan id-dħul mill-bejgħ meta mqabbel ma’ fatturi rilevanti oħra (50). Madankollu, dan jidher li huwa l-konsegwenza ċara li l-Qorti Ġenerali tasal għaliha fil-punt 393 tas-sentenza appellata, peress li fir-rigward ta’ Pometon tiġi stabbilita r-rata tat-tnaqqis eċċezzjonali tal-multa tagħha fuq l-istess livell bħal dak ta’ Winoa, filwaqt li l-aġir ta’ Winoa fil-ksur inkwistjoni huwa iktar serju minn dak ta’ Pometon fid-dawl ta’ tnejn minn tliet kriterji użati.

126. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li r-raba’ aggravju mressaq minn Pometon insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi milqugħ sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Konsegwentement, inqis li l-appell għandu jiġi milqugħ u li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn tiffissa r-rata tat-tnaqqis eċċezzjonali għal 75 % tal-ammont bażiku tal-multa u, konsegwentement, sa fejn tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq Pometon għal EUR 3 873 375.

VII. Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

127. Konformement mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jekk l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ li fih id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi annullata, tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

128. Dan huwa l-każ f’din il-kawża peress li l-kriterju u l-informazzjoni neċessarji sabiex jiġi evalwat l-ammont tat-tnaqqis eċċezzjonali tal-multa ġew stabbiliti mill-Qorti Ġenerali mingħajr ma twettaq ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiddeċiedi l-kawża.

129. Fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa u, b’mod iktar speċifiku, tal-gravità tal-ksur – Pometon ikkonfermat li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta t-tul tal-ksur fil-kuntest tar-raba’ aggravju – (51), mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ħames impriżi involuti fl-akkordju inkwistjoni jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ Pometon tixbah lil dik ta’ MTS fir-rigward tar-responsabbiltà individwali tagħha u tal-influwenza konkreta tal-aġir tagħha li jikkostitwixxi ksur fuq il-kompetizzjoni tal-prezzijiet. Madankollu, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ globali rilevanti, li jagħti indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tal-impriżi kkonċernati, id-dħul mill-bejgħ ta’ Pometon huwa erba’ darbiet ogħla minn dak ta’ MTS.

130. Abbażi ta’ dawn il-kriterji u sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-impriżi involuti fl-akkordju inkwistjoni, jiena tal-fehma li t-tnaqqis mogħti lil Pometon skont il-punt 37 tal-Linji Gwida tal‑2006, għandu jkun ta’ bejn 75 % u 90 %, jiġifieri bejn ir-rata mogħtija lil Winoa u dik mogħtija lil MTS.

131. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi f’din il-kawża, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq Pometon għar-rata ta’ 83 %, jiġifieri bejn ir-rata ta’ 75 % għal Winoa u r-rata ta’ 90 % għal MTS. Fid-dawl ta’ dan it-tnaqqis propost, nissuġġerixxi għaldaqstant li l-multa kif imnaqqsa għandha tkun EUR 2 633 895.

VIII. Fuq l-ispejjeż

132. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha tagħti sentenza definittiva fil-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

133. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu fit-talbiet tal-parti rebbieħa. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

134. F’dan l-appell, peress li l-appell ta’ Pometon ġie milqugħ parzjalment, jidher li huwa xieraq li jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess kemm fir-rigward tal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll ta’ dik tal-appell, nofs l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti relatati ma’ dawn iż-żewġ proċeduri. Konsegwentement, Pometon għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha marbuta ma’ dawn il-proċeduri.

IX.    Konklużjoni

135. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑28 ta’ Marzu 2019, Pometon vs Il‑Kummissjoni (T‑433/16, EU:T:2019:201), sa fejn il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq Pometon SpA, iffissat ir-rata tat-tnaqqis eċċezzjonali għal 75 % tal-ammont bażiku tal-multa, iffissat l-ammont tal-multa imposta fuq Pometon għal EUR 3 873 375 u ddeċidiet li l-partijiet għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom;

–        tnaqqas l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Pometon għar-rata ta’ 83 % u konsegwentement tiffissa l-multa għas-somma ta’ EUR 2 633 895;

–        tiċħad il-kumplament tal-appell;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha marbuta kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell, nofs l-ispejjeż sostnuti minn Pometon relatati ma’ dawn iż-żewġ proċeduri.

–        tikkundanna lil Pometon tbati nofs l-ispejjeż tagħha marbuta ma’ dawn il-proċeduri.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2008, L 171, p. 3.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.


4      Hawnhekk wieħed jaħseb fis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni (T‑456/10, EU:T:2015:296) (fl-appell, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il Kummissjoni, C‑411/15 P, EU:C:2017:11), u tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni (T‑180/15, EU:T:2017:795) (fl-appell, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Icap Management Services u Icap New Zealand, C‑39/18 P, EU:C:2019:584).


5      ĠU 2008, C 167, p. 1


6      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China) (C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 33), u tat‑13 ta’ Settembru 2018, ANKO vs Il‑Kummissjoni (C‑173/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:718, punt 23).


7      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 32), kif ukoll tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service (C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punti 14 u 15).


8      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France Bétail et Viande et vs Il‑Kummissjoni (C‑101/07 P u C‑110/07 P, EU:C:2008:741, punt 110), u tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni (C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 72).


9      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 154).


10      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155).


11      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 72 u 73), kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2017, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il‑Kummissjoni (C‑90/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:123, paragrafu 18).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 41).


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 43) u s-sentenza Karaman (punt 63).


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 44) u s-sentenza Karaman (punt 64).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 43) u s-sentenza Karaman (punt 63).


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 44) u s-sentenza Karaman (punt 65).


17      ĠU 2016 L 65, p. 1. Skont din id-dispożizzjoni, “l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, sakemm ma jkunx ippruvat li persuna suspettata jew akkużata hija ħatja skont il-liġi, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi, u deċiżjonijiet ġudizzjarji, għajr dawk dwar il-ħtija, ma jirreferux għal dik il-persuna bħala li hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-atti tal-prosekuzzjoni li jkollhom l-għan li jippruvaw il-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għad-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħra u li huma bbażati fuq suspett jew evidenza inkriminanti”.


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 45).


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 46).


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 72 u 73), u tas‑16 ta’ Frar 2017, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il‑Kummissjoni (C‑90/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:123, punt 18).


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, Icap, punt 259.


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 44) u s-sentenza Karaman (punt 65).


23      Sentenza Karaman, punt 63.


24      Enfasi miżjuda.


25      Deċiżjoni ta’ riżolviment, premessa 28 (enfasi miżjuda).


26      Deċiżjoni ta’ riżolviment, premessa 29 (enfasi miżjuda).


27      Deċiżjoni ta’ riżolviment, premessa 36 (enfasi miżjuda).


28      Ara, pereżempju, il-premessi 35 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-rwol speċifiku ta’ Pometon fl-oriġini tal-akkordju.


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Icap tal-Qorti Ġenerali, punt 276.


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Icap tal-Qorti Ġenerali, punt 278.


31      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China) (C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 33), u tat‑13 ta’ Settembru 2018, ANKO vs Il‑Kummissjoni (C‑173/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:718, punt 23).


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Il‑Kummissjoni vs Keramag Keramische Werke et (C‑613/13 P, EU:C:2017:49, punt 51).


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il‑Kummissjoni (T‑18/05, EU:T:2010:202, punt 89), iċċitata fil-punt 305 tas-sentenza appellata.


34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 84 u 85); tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 143 u 144), kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il‑Kummissjoni (C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punt 136).


35      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 62).


36      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 63).


37      Fid-deċiżjoni ta’ riżolviment, il-Kummissjoni applikat rata ta’ tnaqqis ta’ 67 % lil Würth, ta’ 75 % lil Winoa u lil Ervin u ta’ 90 % lil MTS.


38      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 125).


39      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 126), u tas‑26 ta’ Jannar 2017, Zucchetti Rubinetteria vs Il‑Kummissjoni (C‑618/13 P, EU:C:2017:48, punt 43).


40      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni (C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 105); tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 75); u tat‑18 ta’ Diċembru 2014, I‑-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin (C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 77).


41      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs IlKummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 56); tas‑26 ta’ Jannar 2017, Zucchetti Rubinetteria vs IlKummissjoni (C‑618/13 P, EU:C:2017:48, punt 42), u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs IlKummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 196).


42      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punti 196 u 198).


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Deltafina vs Il‑Kummissjoni (C‑578/11 P, EU:C:2014:1742, punt 75).


44      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 132), u tas‑26 ta’ Jannar 2017, Zucchetti Rubinetteria vs Il‑Kummissjoni (C‑618/13 P, EU:C:2017:48, punt 38).


45      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs IlKummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 133); tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs IlKummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 62), u tas‑26 ta’ Jannar 2017, Zucchetti Rubinetteria vs IlKummissjoni (C‑618/13 P, EU:C:2017:48, punt 38).


46      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 62), u tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 78).


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90).


48      Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40.


49      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 54); tad‑9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il‑Kummissjoni (C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 47), u tas‑7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni (C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 17).


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 257).


51      Punt 31 tar-risposta ta’ Pometon.

Top