EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0398

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Hogan, ippreżentati fl-24 ta’ Settembru 2020.
Proċedura relatata mal-estradizzjoni ta' BY.
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Kammergericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 18 u 21 TFUE – Estradizzjoni lejn Stat terz ta’ ċittadin tal-Unjoni – Persuna li kisbet iċ-ċittadinanza tal-Unjoni wara li ttrasferixxiet iċ-ċentru tal-interessi tagħha fl-Istat Membru rikjest – Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata biss għaċ-ċittadini nazzjonali – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità – Informazzjoni tal-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità – Obbligu tal-Istati Membri rikjesti u ta’ oriġini li jitolbu lill-Istat terz rikjedenti t-trażmissjoni tal-fajl tal-investigazzjoni kriminali – Assenza.
Kawża C-398/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:748

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fl‑24 ta’ Settembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑398/19

Mill-

intervenjent fil-kawża:

Generalstaatsanwaltschaft Berlin

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Berlin, il-Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza Ewropea – Estradizzjoni lejn pajjiż terz ta’ ċittadin ta’ Stat Membru – Persuna rikjesta kisbet iċ-ċittadinanza Ewropea biss wara li kienet ittrasferixxiet iċ-ċentru tal-interessi tagħha fl-Istat Membru rikjest – Protezzjoni ta’ ċittadini mill-estradizzjoni – Obbligi tal-Istat rikjest u tal-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni – Għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità fi proċeduri kriminali”

I. Introduzzjoni

1.

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri ( 2 ) ssimplifikat b’mod sostanzjali s-sistema ta’ konsenja bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ persuni ssuspettati. Kif jidher mill-każ preżenti, madankollu, xorta waħda jqumu diffikultajiet fir-rigward ta’ talbiet għall-estradizzjoni li joriġinaw minn pajjiżi terzi.

2.

Għalkemm wieħed jista’ jaħseb li tali talbiet minn stati terzi għandhom bħala prinċipju jitqiesu li huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, madankollu, il-kwistjoni speċifika li tqum f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina mill-fatt li ħafna mill-Istati Membri ( 3 ) jipprekludu l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħhom lejn pajjiżi terzi, ( 4 ) u jippreferu minflok li f’dawn il-każijiet japplikaw l-“aut judicare” mill-prinċipju aut dedere, aut judicare (estradizzjoni jew prosekuzzjoni) ( 5 ). Peress li dawk l-Istati Membri li jirrifjutaw li jestradixxu ċ-ċittadini tagħhom lejn pajjiżi terzi invarjabbilment jipprovdu fid-dritt nazzjonali tagħhom li t-twettiq ta’ dawn ir-reati minn ċittadini tagħhom fi kwalunkwe post fid-dinja huwa suġġett għall-prosekuzzjoni fil-pajjiż tagħhom taħt prinċipju ta’ ġurisdizzjoni extraterritorjali f’kawżi kriminali li huwa aċċettat b’mod mifrux fid-dritt internazzjonali (senjatament, dak magħruf bħala l-“prinċipju ta’ personalità attiva”) ( 6 ), din ir-restrizzjoni fuq l-estradizzjoni hija effettivament kemxejn inqas problematika milli setgħet tkun kieku dan ma kienx il-każ.

3.

Huwa f’dan il-punt li d-diffikultajiet li ġew l-ewwel ippreżentati bil-fatti tas-sentenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Settembru 2016 f’Petruhhin ( 7 ) jibdew jidhru. X’inhi s-sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ Stat Membru jeżerċita drittijiet ta’ moviment liberu sabiex imur joqgħod fi Stat Membru ieħor fejn dan l-Istat l-ieħor jirrifjuta li jestradixxi ċ-ċittadini tiegħu lejn pajjiżi terzi u jagħmel użu mill-prinċipju ta’ aut dedere, aut judicare? Il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità (l-Artikolu 18 TFUE) u d-dritt ta’ moviment liberu (l-Artikolu 21 TFUE) jfissru li l-Istat Membru ospitanti, bħala prinċipju, huwa obbligat li b’xi mod jestendi r-regola li tipprojbixxi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu għal ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li jkunu għamlu użu mid-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu?

4.

Tweġiba fl-affermattiv – għalkemm b’ħafna kwalifiki – ingħatat għal dawn il-mistoqsijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Petruhhin. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li l-pożizzjoni tal-migrant f’dan l-eżempju ma tistax tiġi kompletament assimilata ma’ dik taċ-ċittadin tal-Istat Membru ospitanti, u dan preċiżament peress li l-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri ġeneralment ma jipprovdux għal ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ reati extraterritorjali mwettqa minn persuni li ma humiex ċittadini meta jkunu msiefrin, tal-inqas mingħajr xi kwalifiki. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja:

“[…] minkejja li […] in-nuqqas ta’ estradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali huwa ġeneralment ikkumpensat mill-possibbiltà, għall-Istat Membru li ssirlu t-talba, li jipproċedi bi prosekuzzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess għal reati serji mwettqa barra mit-territorju tiegħu, bħala regola ġenerali dak l-Istat Membru ma għandux ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar tali fatti meta la l-awtur u lanqas il-vittma tal-allegat reat ma jkollhom in-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru”. ( 8 )

Din id-dilemma tinsab fil-qalba tal-ġurisprudenza ta’ Petruhhin.

5.

Dan iwassalna immedjatament għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Permezz tat-talba tagħha, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Berlin, il-Ġermanja) qiegħda tfittex kjarifika fir-rigward tal-obbligi taħt it‑TFUE ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu tipprojbixxi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu għal pajjiż terz għal skopijiet ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ talbiet għall-estradizzjoni li jikkonċernaw ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jkunu qegħdin joqgħodu fil-fruntieri tiegħu.

6.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant mistiedna, għal darba oħra, sabiex tippreċiża l-obbligi ta’ Stati Membri li jirriżultaw mill-prinċipji deskritti f’Petruhhin. ( 9 ) Hija n-novità tas-soluzzjoni proposta f’Petruhhin li wasslet sabiex din is-sentenza forsi ma tgawdix aċċettazzjoni universali min-naħa tal-Istati Membri. Xi wħud indikaw id-diffikultajiet legali u prattiċi li din toħloq għall-Istati Membri sa fejn l-applikazzjoni tagħha hija kkonċernata. Madankollu qabel ma tiġi kkunsidrata xi waħda minn dawn il-kwistjonijiet, huwa neċessarju li l-ewwel jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet leġislattivi rilevanti u wara tingħata spjegazzjoni tal-fatti tal-kawża preżenti.

II. Qafas ġuridiku

A.   Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 ( 10 )

7.

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 huwa fformulat b’dan il-mod:

“Il-partijiet kontraenti għandhom jikkonsenjaw lil xulxin, skont ir-regoli u taħt il-kundizzjonijiet iddeterminati mill-artikoli segwenti, l-individwi suġġetti ta’ proċeduri minħabba reat jew rikjesta għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew miżura ta’ sigurtà mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-parti rikjedenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 jipprovdi:

“1   

(a)

Kull parti kontraenti għandha l-fakultà li tirrifjuta l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħha.

(b)

Kull parti kontraenti tista’, permezz ta’ dikjarazzjoni magħmula fil-mument tal-iffirmar jew tal-preżentazzjoni tal-istrument ta’ rettifika jew adeżjoni tagħha, tiddefinixxi, għal dak li jirrigwardaha, it-terminu ‘ċittadini’ fis-sens ta’ din il-konvenzjoni.

(c)

Il-kwalità ta’ ċittadin tkun evalwata fil-mument tad-deċiżjoni dwar l-estradizzjoni. Jekk, madankollu, il-persuna mitluba tkun irrikonoxxuta bħala ċittadina tal-Parti rikjesta għall-ewwel darba fil-perjodu bejn il-mument tad-deċiżjoni u l-mument ikkontemplat għall-konsenja, il-Parti rikjesta tista’ tipprevalixxi ruħha mid-dispożizzjoni li tinsab fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artiklu.

2   Jekk il-parti rikjesta ma testradixxix liċ-ċittadin tagħha, hija għandha, fuq talba tal-parti rikjedenti, tissottometti l-kawża lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jekk ikun hemm lok ikunu jistgħu jitressqu proċeduri ġudizzjarji. Fil-fatt, il-proċessi, informazzjoni u oġġetti relatati mar-reat jintbagħtu gratwitament skont kif previst fl-Artikolu 12(1). Il-parti rikjedenti għandha tiġi informata bl-eżitu li jkun ingħata lit-talba tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.

L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 (kif miżjud permezz tat-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 ( 11 )) issa jipprovdi:

“1   It-talba għandha tkun bil-miktub u għandha tiġi indirizzata mill-Ministeru għall-Ġustizzja tal-parti rikjedenti lill-Ministeru għall-Ġustizzja tal-parti rikjesta; madankollu, l-użu ta’ mezzi diplomatiċi ma huwiex eskluż. Mezzi oħra ta’ komunikazzjoni jistgħu jintużaw bi qbil dirett bejn żewġ partijiet jew iżjed [ ( 12 )].

2   It-talba għandha tkun akkumpanjata b’dawn id-dokumenti:

(a)

l-oriġinal jew kopja awtentikata tal-kundanna u tas-sentenza jew ordni ta’ detenzjoni li tkun enforzabbli immedjatament jew tal-mandat ta’ arrest jew ordni oħra li għandha l-istess effett u li tkun inħarġet skont il-proċedura stabbilita fil-liġi tal-parti rikjedenti;

(b)

dikjarazzjoni tar-reati li għalihom intalbet estradizzjoni. Il-ħin u l-post li fihom twettqu, id-deskrizzjoni legali tagħhom u referenza għad-dispożizzjonijiet legali rilevanti għandhom jiġu indikati bl-iktar mod preċiż possibbli; u

(c)

kopja tat-testi rilevanti jew, fejn dan ma jkunx possibbli, dikjarazzjoni tal-liġi rilevanti u deskrizzjoni preċiża kemm jista’ jkun tal-persuna mitluba, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni oħra li tgħin sabiex jiġu stabbiliti l-identità u n-nazzjonalità tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.

L-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 huwa intestat “Talbiet kunfliġġenti” u jipprovdi:

“Jekk tintalab l-estradizzjoni fl-istess waqt minn numru ta’ Stati, jew fir-rigward tal-istess reat, jew fir-rigward ta’ reati differenti, il-parti rikjesta għandha tiddeċiedi wara li tkun ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha u b’mod partikolari l-gravità relatata u l-post fejn seħħ ir-reat, id-dati rispettivi tat-talbiet, in-nazzjonalità tal-individwu rikjest u l-possibbiltà ta’ estradizzjoni ulterjuri lejn Stat Membru ieħor.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

11.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet is-segwenti dikjarazzjoni waqt il-preżentazzjoni tal-istrument ta’ ratifika, fit‑2 ta’ Ottubru 1976, b’konnessjoni mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957:

“Estradizzjoni ta’ Ġermaniżi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lejn pajjiż barrani ma hijiex permissibbli skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u għandha għalhekk tiġi rrifjutata f’kull każ. Il-kelma ‘ċittadini’ fit-tifsira tal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 tkopri l-Ġermaniżi kollha fit-tifsira tal-Artikolu 116(1) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.”

Wara li daħlet fis-seħħ il-liġi nazzjonali tagħha li tagħti effett lid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u wara deċiżjoni mill-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) rigward din il-materja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssupplimentat din id-dikjarazzjoni sabiex tagħti preċedenza lid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fir-relazzjoni reċiproka bejn il-Ġermanja u l-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea ( 13 ).

B.   Id-Dritt tal-Unjoni

12.

L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dwar il-kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew, jipprovdi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun jinsab fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-forma li tinsab fl-Anness:

(a)

l-identità u nazzjonalità tal-persuna rikjesta;

(b)

l-isem, indirizz, numri tat-telefon u l-fax u indirizz ta’ l-e-mail ta’ l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat;

(c)

il-prova ta’ sentenza li tista’ tiġi nfurzata, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja li tista’ tiġi nfurzata oħra li għandha l-istess effett, li taqa’ fl-iskop ta’ l-Artikoli 1 u 2;

(d)

in-natura u l-klassifikazzjoni legali ta’ l-offiża, partikolarment fir-rigward ta’ l-Artikolu 2;

(e)

deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettqet l-offiża, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fl-offiża mill-persuna rikjesta;

(f)

il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni preskritta għall-offiża taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat;

(g)

jekk possibbli, konsegwenzi oħra ta’ l-offiża.

[…]”

13.

L-ewwel u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intestat “Deċiżjoni fil-każ ta’ iżjed minn talba waħda” huma fformulati b’dan il-mod:

“1.   Jekk tnejn jew aktar Stati Membri ħarġu mandati ta’ arrest Ewropej għall-istess persuna, id-deċiżjoni fuq liema mill-mandati ta’ arrest Ewropej għandu jiġi esegwit għandha tiġi meħuda mill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi b’konsiderazzjoni xierqa taċ-ċirkostanzi kollha u speċjalment is-serjetà relativa u l-post ta’ l-offiżi, id-dati rispettivi tal-mandati ta’ arrest Ewropej u jekk il-mandat ġie maħruġ għall-iskopijiet ta’ prosekuzzjoni jew għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

[…]

3.   Fil-każ ta’ kunflitt bejn mandat ta’ arrest Ewropew u talba għall-estradizzjoni ppreżentata minn pajjiż terz, id-deċiżjoni fuq jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jew it-talba għall-estradizzjoni tieħu preċedenza għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi b’konsiderazzjoni xierqa taċ-ċirkostanzi kollha, partikolarment dawk imsejħin fil-paragrafu 1 u dawk imsemmijin fil-konvenzjoni applikabbli.

[…]”

C.   Id-Dritt Ġermaniż

14.

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 16 tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland tat-23 ta’ Mejju 1949 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja”) ( 14 ) jipprovdi:

“Ebda Ġermaniż ma jista’ jiġi estradit barra mill-pajjiż. Tista’ tinħareġ regola li tidderoga minn dan permezz ta’ liġi sabiex isseħħ l-estradizzjoni lejn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew lejn qorti internazzjonali, sakemm il-prinċipju ta’ Stat tad-dritt ikun iggarantit.”

15.

L-Artikolu 7 tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali Ġermaniż) ( 15 ) jipprovdi:

“(1) Id-dritt Ġermaniż huwa applikabbli għal reati mwettqa barra l-Ġermanja kontra ċittadin Ġermaniż […]

(2)-Id-dritt kriminali Ġermaniż huwa applikabbli għal atti mwettqa barra l-Ġermanja meta l-att ikun prekluż fl-Istat fejn twettaq jew meta l-post fejn twettaq l-att ma jkun jaqa’ taħt ebda ġurisdizzjoni kriminali, u meta l-awtur tiegħu

1.

kien ċittadin Ġermaniż […] jew

2.

kien barrani fil-mument tal-fatti, instab fit-territorju nazzjonali u, minkejja li l-liġi ta’ estradizzjoni tawtorizza l-estradizzjoni tiegħu skont it-tip ta’ reat, huwa ma jkunx ġie estradit għax ma tkun saret l-ebda talba għall-estradizzjoni fi żmien raġonevoli jew din tkun ġiet miċħuda jew l-estradizzjoni fiha nnifisha ma tkunx tista’ tiġi eżegwita.”

III. Fatti tal-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

16.

Il-persuna rikjesta f’dawn il-proċeduri, BY, huwa ċittadin Ukrain. Fl‑2012 huwa emigra mill-Ukraina lejn il-Ġermanja (li għall-finijiet ta’ konvenjenza qiegħed nipproponi li niddeskriviha bħala l-“Istat Membru ospitanti” jew l-“Istat rikjest”). Fl‑2014 huwa kiseb ukoll iċ-ċittadinanza Rumena abbażi tal-fatt li hu kien dixxendent ta’ ex ċittadini Rumeni li kienu jgħixu f’Bukovina li preċedentement kienet tappartjeni lir-Rumanija. Madankollu huwa qatt ma kellu ċ-ċentru tal-interessi tiegħu ġewwa r-Rumanija (f’dan il-każ imsejjaħ iktar ’il quddiem l-“Istat Membru ta’ oriġini”).

17.

BY huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mill-Qorti Distrettwali ta’ Zastavna (l-Ukraina) fis‑26 ta’ Frar 2016. Qiegħed jiġi allegat li huwa wettaq miżapproprjazzjoni ta’ fondi ta’ impriża li hija proprjetà tal-Istat Ukrain fis-snin 2010 u 2011. Fil‑15 ta’ Marzu 2016, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina (li qiegħed nipproponi li niddeskriviha bħala l-“pajjiż terz” jew l-“Istat rikjedenti”) ħareġ talba formali għall-estradizzjoni li ġiet trażmessa lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja permezz tal-ministeri għall-ġustizzja rispettivi skont l-Artikolu 5 tat-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957. Sabiex ma ninsewx, huwa importanti li jingħad li BY naturalment igawdi mill-preżunzjoni ta’ innoċenza. Dawn il-konklużjonijiet huma għaldaqstant imsejsa fuq din il-bażi.

18.

Wara din it-talba għall-estradizzjoni, BY kien arrestat provviżorjament fis‑26 ta’ Lulju 2016 bis-saħħa tal-Artikolu 19 tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen ( 16 ). Fit‑28 ta’ Novembru 2016, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Berlin) ordnat ir-rilaxx ta’ BY mid-detenzjoni sakemm issir l-estradizzjoni kontra ħlas ta’ garanzija u suġġett għal ċertu kundizzjonijiet. Wara li ġiet iddepożitata l-garanzija, BY ġie rrilaxxat mid-detenzjoni fit‑2 ta’ Diċembru 2016.

19.

Invista tan-nazzjonalità Rumena ta’ BY u b’riferiment għas-sentenza f’Petruhhin, il-Generalstaatsanwaltschaft Berlin (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali f’Berlin) informa lill-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Rumanija bit-talba għall-estradizzjoni permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Novembru 2016, u hemeż kopja tal-ordni tal-qorti tar-rinviju tal‑1 ta’ Awwissu 2016 li permezz tagħha ġiet ordnata d-detenzjoni ta’ BY sakemm issir l-estradizzjoni. Huwa staqsa jekk l-awtoritajiet Rumeni kellhomx l-intenzjoni li huma stess jeżerċitaw il-proċeduri kriminali fil-konfront ta’ BY.

20.

Inizjalment dan ġie rrifjutat u l-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Rumanija wieġeb li talba mill-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi Ukraini kienet meqjusa bħala neċessarja. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali f’Berlin imbagħad staqsa jekk id-dritt kriminali Rumen kienx jippermetti li ssir prosekuzzjoni għar-reati li bihom huwa akkużat BY, irrispettivament mit-talba mill-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi Ukraini sabiex jeżerċitaw huma stess l-azzjoni (fis-sens tal‑Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957). Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Rumanija informa l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali li, bħala prerekwiżit għal mandat ta’ arrest Ewropew, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali kien jirrikjedi biżżejjed provi li jippontaw lejn it-twettiq tar-reati inkwistjoni mill-individwu mfittex. Huwa talab li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali f’Berlin jipprovdi dokumenti u kopji tal-provi mill-Ukraina.

21.

Il-qorti tar-rinviju tassumi minn dan l-iskambju ta’ korrispondenza li l-liġi Rumena, bħala prinċipju, tippermetti li ssir prosekuzzjoni ta’ ċittadin Rumen għal reati mwettqa f’pajjiż terz.

22.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-estradizzjoni ta’ BY lejn l-Ukraina, li saret talba għaliha mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali f’Berlin, tkun, bħala prinċipju, ammissibbli taħt id-dritt Ġermaniż. Madankollu, hija tħossha ristretta bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Petruhhin peress li, sa issa, l-awtoritajiet ġudizzjarji Rumeni la ddeċidew favur u lanqas kontra l-prosekuzzjoni ta’ BY fir-rigward tal-allegati reati li jikkostitwixxu l-qalba tat-talba għall-estradizzjoni. Madankollu hija tirreferi l-ewwel nett għad-differenzi fattwali tal-kawża preżenti fis-sens li BY ma kellux ċittadinanza Rumena fil-perijodu meta mexxa ċ-ċentru tal-interessi tiegħu mill-Ukraina lejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Madankollu, ġie sottomess li meta stabbilixxa r-residenza tiegħu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, huwa ma għamilx hekk fl-ambitu ta’ eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu ta’ moviment liberu li joriġinaw mill-Artikolu 21(1) TFUE.

23.

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal diffikultajiet prattiċi fl-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f’Petruhhin. L-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi Rumeni talbu lill-Ġermanja provi kontra BY sabiex jeżaminaw ir-reati li huwa allegat li wettaq. Dawn il-provi jippermettulhom li jiddeċiedu dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali li abbażi tiegħu jkun jista’ mbagħad jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew. L-awtoritajiet Ġermaniżi, madankollu, ma għandhomx din l-informazzjoni fil-pussess tagħhom. Dan ma huwiex sorprendenti peress li l-Ukraina bbażat it-talba tagħha fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957. L-Artikolu 12(2) ta’ din il-konvenzjoni ma jeħtieġx li l-Istat rikjedenti jipprovdi dawn id-dokumenti u l-Ukraina għalhekk ma pprovdithomx.

24.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Istat Membru ta’ oriġini huwiex obbligat li jitlob huwa stess il-fajls mill-Istat rikjedenti li jippermettulu jiddeċiedi jekk għandux jeżerċita huwa nnifsu l-proċeduri. B’mod addizzjonali, il-qorti tar-rinviju tirrimarka wkoll li anki li kieku l-awtoritajiet Ġermaniżi kellhom pussess tad-dokumenti pprovduti mill-Istat rikjedenti, ma huwiex ċar jekk dawn setgħux awtomatikament jintbagħtu mill-Istat rikjest lill-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni li tkun intalbet l-estradizzjoni tiegħu jew jekk il-kunsens tal-Istat rikjedenti jkunx neċessarju għal dan il-għan.

25.

Jekk, madankollu, informazzjoni bażika rigward it-talba għall-estradizzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex l-Istat Membru ta’ oriġini jivverifika jekk għandux jeżerċita huwa nnifsu l-proċeduri u l-Istat Membru ta’ oriġini jkollu jitlob lill-Istat rikjedenti l-fajls tal-kawża, dan ikun jinvolvi dewmien sostanzjali fil-proċeduri. Dan id-dewmien ikun minħabba komunikazzjoni permezz tal-mezzi diplomatiċi kif ukoll il-ħtieġa għal traduzzjoni. Il-qorti tar-rinviju tosserva li dan joħloq problemi speċjalment jekk l-individwu mitlub ikun qiegħed jinżamm f’detenzjoni.

26.

Il-qorti tar-rinviju tirrimarka wkoll li talba għall-fajl mill-Istat rikjest ma tkunx prattika peress li dan ma huwiex f’pożizzjoni li jevalwa jekk il-prosekuzzjoni mill-Istat Membru ta’ oriġini hijiex possibbli taħt id-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat. L-istess problemi jeżistu fir-rigward tan-nuqqas ta’ familjarità mill-Istat Membru ospitanti tad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll id-dewmien inevitabbli li jinħolqu li kieku l-Istat Membru rikjest kellu jistaqsi lill-Istat Membru rikjedenti sabiex jibgħat talba lill-Istat Membru ta’ oriġini sabiex jeżerċita huwa nnifsu l-proċeduri.

27.

It-tielet nett, meta wieħed iqis li l-punt 2 tal-Artikolu 7(2) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż jipprevedi kompetenza sussidjarja għal reati mwettqa barra l-Ġermanja, inkluż minn ċittadini barranin, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hijiex obbligata, sabiex tissodisfa l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stipulat fl-Artikolu 18 TFUE, li tiddikjara li l-estradizzjoni hija illegali. L-awtoritajiet Ġermaniżi li jeżerċitaw l-azzjoni kriminali mbagħad ikollhom jeżerċitaw huma nnifishom il-proċeduri.

28.

Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li dan l-approċċ jikkomprometti l-prosekuzzjoni kriminali effettiva ta’ dawn ir-reati. Dan ikun ifisser li l-estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stati Membri tkun prima facie illegali minħabba l-possibbiltà li l-awtoritajiet Ġermaniżi jeżerċitaw huma nnifishom il-proċeduri. Dan effettivament ikun qiegħed jagħmilha impossibbli taħt id-dritt Ġermaniż li jinħareġ mandat ta’ arrest għal skopijiet ta’ estradizzjoni ( 17 ) jew fl-ambitu ta’ proċeduri fil-Ġermanja ( 18 ). Id-dewmien li jiġi kkawżat minħabba f’hekk jista’ jippermetti lill-akkużat li (għal darba oħra) jevadi l-prosekuzzjoni.

29.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri fit‑23 ta’ Mejju 2019 u ressqet is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Il-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2016 fil-kawża Petruhhin (C-182/15) rigward l-applikazzjoni tal-Artikoli 18 u 21 TFUE fil-każ ta’ talba għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, magħmula minn Stat terz, japplikaw ukoll meta l-individwu mitlub ikun ittrasferixxa ċ-ċentru tal-interessi tiegħu lejn l-Istat Membru rikjest fi żmien meta kien għadu mhux ċittadin tal-Unjoni?

(2)

L-Istat Membru ta’ oriġini informat b’talba għal estradizzjoni huwa marbut, abbażi tas-sentenza Petruhhin, li jitlob li l-Istat terz li jagħmel it-talba jibgħat il-fajl, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-possibbiltà li jeżerċita huwa nnifsu l-proċeduri?

(3)

L-Istat Membru li jintalab għal estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni minn Stat terz huwa marbut, abbażi tas-sentenza Petruhhin, li jirrifjuta l-estradizzjoni u li jeżerċita huwa nnifsu l-proċeduri kriminali meta d-dritt nazzjonali tiegħu jippermettilu li jagħmel dan?”

30.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi għan-nom ta’ BY, tal-Gvern Ġermaniż, tal-Irlanda, tal-Gvern Grieg, Latvjan, Ungeriż, Awstrijak, Pollakk u Rumen u tal-Kummissjoni Ewropea. Is-seduta saret fi żmien il-pandemija tal-COVID-19 u rappreżentanti ta’ BY, tal-Gvern Ġermaniż u tal-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali waqt is-seduta, li saret fis‑16 ta’ Ġunju 2020. Bil-permess tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Irlanda tħalliet tidher remotament u sottomissjonijiet bil-miktub imħejjija mill-Gvern Latvjan u dak Pollakk inqraw fil-preżenza tal-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-rappreżentanti tal-partijiet preżenti.

IV. Analiżi

A.   Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizza f’Petruhhin

31.

Peress li l-applikazzjoni tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Petruhhin – kif ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’deċiżjonijiet sussegwenti bħal Pisciotti ( 19 ) u Raugevicius ( 20 ) - għall-fatti f’din il-kawża hija fil-qalba tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati kemm il-fatti kif ukoll il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża.

32.

F’Petruhhin, ir-rikorrent kien ċittadin Estonjan li kien mar joqgħod il-Latvja. L-awtoritajiet Latvjani sussegwentement irċivew talba għall-estradizzjoni mill-Prosekutur Ġenerali tal-Federazzjoni Russa fejn ġie allegat li A. Petruhhin kien imfittex għal traffikar ta’ drogi fuq skala kbira assoċjat mal-attivitajiet ta’ organizzazzjoni kriminali. Id-dritt Latvjan, madankollu, jipprekludi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu u l-kawża ta’ A. Petruhhin kienet essenzjalment li n-nuqqas ta’ estensjoni ta’ dan id-dritt għalih bħala ċittadin tal-Unjoni li kien eżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ moviment liberu jammonta għal diskriminazzjoni mhux iġġustifikata għall-finijiet tal-Artikolu 18 TFUE.

33.

Fil-konklużjonijiet tiegħu mogħtija fl‑10 ta’ Mejju 2016, l-Avukat Ġenerali Bot qabel li kien minnu li ċ-ċittadini Latvjani kienu jgawdu protezzjoni taħt il-liġi li ma kinitx testendi għal dawk li ma humiex ċittadini Latvjani ( 21 ). Sa dan il-punt, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn kienu trattati b’mod differenti għal dan il-għan. L-Avukat Ġenerali Bot ikkunsidra, madankollu, li dan it-trattament differenti kien oġġettivament iġġustifikat mill-fatt li, filwaqt li l-Latvja kienet tgawdi ġurisdizzjoni extraterritorjali fir-rigward ta’ reati mwettqa miċ-ċittadini tagħha barra mill-pajjiż, id-dritt Latvjan b’mod ġenerali ma kienx jipprovdi għal dan id-dritt fir-rigward ta’ dawk li ma humiex ċittadini, bħal A. Petruhhin (li ma kellu ebda dritt permanenti sabiex jgħix fil-Latvja ( 22 )) ( 23 ). Wara li kkonkluda li A. Petruhhin “ma jistax ikun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fil-Latvja għal reat li huwa ssuspettat li wettaq fir-Russja”, l-Avukat Ġenerali Bot qal li:

“[…] fir-rigward tal-għan li tiġi evitata l-impunità ta’ persuni ssuspettati li wettqu reat fi Stat terz, dan iċ-ċittadin ma jinsabx f’sitwazzjoni komparabbli għal dik taċ-ċittadini Latvjani.

Għaldaqstant, id-differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ċittadini Latvjani li jirrisjedu l-Latvja u ċ-ċittadini Latvjani ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, sa fejn din hija ġġustifikata mill-għan li tiġi miġġielda l-impunità ta’ persuni ssuspettati li wettqu reat fi Stat terz” ( 24 ).

34.

Kif jiġri, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx dan l-aspett tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot, punt li ser nirritorna għalih fil-preżent. Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jipprekludi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu, mela l-prinċipju tat-trattament ugwali stipulat fl-Artikolu 18 TFUE jfisser li din ir-regola li ma ssirx estradizzjoni trid tiġi estiża wkoll għal dawk li ma humiex ċittadini. In-nuqqas li jsir dan ikun jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE ( 25 ).

35.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li restrizzjoni bħal din, sabiex tkun iġġustifikata, trid tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u trid tkun proporzjonata għall-għan leġittimament imfittex. Hija nnotat li filwaqt li stati li ma jestradixxux liċ-ċittadini tagħhom ġeneralment ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw huma stess il-proċeduri kontra dawn iċ-ċittadini, b’mod ġenerali dan ma jkunx il-każ għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Għalhekk, kien hemm tħassib li kien hemm riskju li l-allegat reat jibqa’ mhux punit. L-iżgurar li dan ir-riskju jiġi mmitigat kien għan leġittimu tad-dritt tal-Unjoni ( 26 ).

36.

Fid-dawl ta’ dawn id-diffikultajiet, il-Qorti tal-Ġustizzja pproponiet miżura li kkunsidrat li kienet tissodisfa r-rekwiżit tal-proporzjonalità. Din kienet ibbażata fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li, fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-estradizzjoni, dan il-prinċipju jobbliga lill-Istati Membri li jimplimentaw il-mekkaniżmi kollha ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza reċiproka eżistenti fil-qasam kriminali taħt id-dritt tal-Unjoni ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant qalet li:

“[…] l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta lil Stat Membru li lejh ikun iċċaqlaq ċittadin tal-Unjoni, li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, tiġi indirizzata talba għal estradizzjoni minn Stat terz li miegħu l-ewwel Stat Membru kkonkluda ftehim ta’ estradizzjoni, dan ikun obbligat jinforma lill-Istat Membru li tiegħu l-imsemmi ċittadin għandu n-nazzjonalità u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan l-aħħar Stat Membru, jikkonsenjalu lil dan iċ-ċittadin, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], jekk kemm-il darba skont id-dritt nazzjonali tiegħu, dan l-Istat Membru jkollu ġurisdizzjoni sabiex jieħu proċeduri kriminali kontra dik il-persuna għal fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu.” ( 28 )

B.   Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957

37.

Dalwaqt ser nerġa’ nirritorna għas-sentenza Petruhhin u l-implikazzjonijiet tagħha għall-kawża preżenti. Madankollu, huwa neċessarju f’dan l-istadju li ngħid xi ħaġa oħra dwar il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957. Kif tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma hemm ebda ftehim internazzjonali fis-seħħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina rigward l-estradizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regoli dwar l-estradizzjoni jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri. F’dan il-każ, huwa evidenti mir-rinviju li l-ftehim internazzjonali li abbażi tiegħu l-Ukraina qiegħda titlob l-estradizzjoni huwa l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957. Il-Konvenzjoni hija ftehim tal-Kunsill tal-Ewropa li tiegħu l-Ġermanja u l-Ukraina, kif ukoll ir-Rumanija, huma pajjiżi kontraenti. Qabel ma nkompli, qiegħed nipproponi li neżamina kif l-implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f’Petruhhin ( 29 ) taffettwa l-implimentazzjoni ta’ din il-konvenzjoni.

38.

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 fih obbligu għall-estradizzjoni jekk kemm-il darba l-persuna mitluba tkun akkużata b’reat estradibbli. Ma jidher li hemm ebda dubju li r-reat li bih qiegħed jiġi akkużat BY jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni għal “reat estradibbli”. Il-Konvenzjoni għandha diversi eċċezzjonijiet fejn l-estradizzjoni tista’ jew għandha tiġi rrifjutata (per eżempju, għal reati politiċi skont l-Artikolu 3 tagħha jew jekk ir-reat twettaq fit-territorju tal-Istat rikjest skont l-Artikolu 7) li ma humiex rilevanti hawnhekk. L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 ukoll jippermetti li pajjiż kontraenti jirrifjuta l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu. Huwa ċar li dan ma huwiex il-każ hawnhekk peress li filwaqt li BY għandu kemm iċ-ċittadinanza Rumena kif ukoll dik Ukraina, huwa ma huwiex ċittadin Ġermaniż.

39.

Għaldaqstant tqum il-mistoqsija dwar jekk u kif Stat rikjest jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 18 u 21(2) TFUE (li jinkludu l-obbligu tal-konsenja tal-persuna mitluba lill-Istat Membru ta’ oriġini skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584) ( 30 ), jekk l-Istat Membru ta’ oriġini joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew fl-istess waqt li jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt il-Konvenzjoni.

40.

Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li l-Ġermanja għamlet riferiment għall-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 dwar talbiet kunfliġġenti, kif ukoll għall-Artikolu 16(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 dwar kunflitti bejn mandat ta’ arrest Ewropew u talba għall-estradizzjoni mressqa minn pajjiż terz. Filwaqt li ż-żewġ dispożizzjonijiet jirrigwardaw talbiet kunfliġġenti, huma bl-ebda mod ma jagħtu preċedenza ċara lit-talba magħmula mill-Istat Membru ta’ oriġini. Madankollu, peress illi l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 hija konvenzjoni internazzjonali li għaliha l-Unjoni ma hijiex parti, għall-kuntrarju tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretaha. Madankollu, huwa utli li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni peress li dawn jifformaw l-isfond għat-talba tal-Ukraina għall-estradizzjoni.

41.

Peress li d-dikjarazzjoni li tinsab f’Note Verbale mir-Rappreżentazzjoni Permanenti tal-Ġermanja, datata t-8 ta’ Novembru 2010, irreġistrata fis-Segretarjat Ġenerali tal-Uffiċċju tat-Trattat tal-Kunsill tal-Ewropa fid‑9 ta’ Novembru 2010 rigward il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 tkopri biss relazzjonijiet ma’ Stati Membri oħrajn, l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 jibqa’ applikabbli għall-Ġermanja fir-relazzjoni tagħha mal-Ukraina. Kwalunkwe interpretazzjoni tal-Artikolu 16(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 mill-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ma ssolvix il-kwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957. Qiegħed nipproponi li nerġa’ niġi lura għal din il-kwistjoni fi stadju iktar tard.

C.   Ftit rimarki preliminari: Petruhhin ġiet deċiża b’mod korrett?

42.

Filwaqt li ser nindirizza t-tliet domandi mressqa, naħseb li hu neċessarju li l-ewwel tiġi kkonfrontata l-mistoqsija dwar jekk Petruhhin ġietx deċiża b’mod korrett, għalkemm, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, fil-preżent hija biss l-Irlanda li qiegħda tħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddipartixxi minn din is-sentenza. Fil-fehma tiegħi, madankollu, l-Avukat Ġenerali Bot kien kompletament korrett fl-analiżi tiegħu tal-kwistjoni marbuta mal-Artikolu 18 TFUE. Kif irrimarka, ir-regola li tipprekludi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tal-Istat innifsu hija konnessa intimament mal-kunċett tas-sovranità tal-Istat fir-rigward taċ-ċittadini tiegħu u l-obbligu korrispondenti min-naħa tal-Istat li jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu “mill-applikazzjoni ta’ sistema kriminali barranija, li la jkunu jafu l-proċedura u lanqas il-lingwa tagħha, u li fil-kuntest tagħha jkun diffiċli għalihom li jiddefendu ruħhom”. ( 31 )

43.

Filwaqt li jista’ jkun minnu li r-regola li ma jiġux estraditi ċ-ċittadini nazzjonali tirrifletti sens tradizzjonali ta’ nuqqas ta’ fiduċja f’sistemi kriminali barranin u li din issib l-oriġini tagħha f’dinja inqas globalizzata, dan ma huwiex eżattament il-punt. Il-punt veru tal-prassi statali rigward aut dedere, aut judicare kien li l-Istat tan-nazzjonalità tal-persuna mitluba kellu l-għażla li jibda proċeduri kriminali kontra din il-persuna taħt il-liġijiet tiegħu stess fir-rigward ta’ reati mwettqa barra mill-pajjiż. Huwa kien igawdi din il-ġurisdizzjoni extraterritorjali bis-saħħa tal-eżerċizzju tas-sovranità tiegħu fir-rigward taċ-ċittadini tiegħu. Huwa minnu li – kif turi s-sentenza klassika tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali f’Lotus ( 32 ) - hemm xi ċirkustanzi fejn Stat jista’ wkoll jeżerċita ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ reati mwettqa barra mill-pajjiż minn persuni li ma humiex ċittadini tiegħu. Madankollu s-sitwazzjoni hija li, sakemm ma jkunx hemm ftehim internazzjonali speċifiku li jagħti ġurisdizzjoni universali fir-rigward ta’ ċertu reati, b’mod ġenerali l-ġurisdizzjoni hija limitata għal ċirkustanzi partikolari fejn l-avvenimenti, atti u persuni li għalihom tapplika l-liġi b’mod extraterritorjali jkollhom effett fuq il-paċi, l-ordni jew il-governanza tajba tal-Istat inkwistjoni jew tal-inqas fuq l-interessi taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat sabiex ikun hemm rabta ġenwina bejn l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni extraterritorjali fir-rigward ta’ persuni li ma humiex ċittadini u l-Istat li jkun qiegħed jeżerċitaha ( 33 ).

44.

Filwaqt li r-raġunament u l-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Permanenti fil-kawża Lotus ( 34 ) kienu s-suġġett ta’ analiżi estensiva għal dawn l-aħħar madwar 90 sena li ilha deċiża u l-limitazzjonijiet u, saħansitra, ir-rilevanza ta’ din is-sentenza għal kundizzjonijiet moderni kienet suġġetta għal dibattiti, ( 35 ) min-naħa tiegħi ma nistax nesprimi ruħi b’mod aħjar minn din id-dikjarazzjoni dwar id-dritt u l-prassi internazzjonali kontemporanji li tinsab fil-konklużjonijiet separati tal-President Guillaume fis-sentenza tal-Mandat ta’ Arrest tal-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali:

“L-Istati primarjament jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni kriminali tagħhom fit-territorju tagħhom stess. Fid-dritt internazzjonali klassiku, huma normalment ikollhom biss ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ reat imwettaq barra mill-pajjiż jekk il-persuna li tkun wettqet ir-reat, jew, tal-inqas il-vittma, tkun tan-nazzjonalità tagħhom, jew jekk ir-reat jhedded is-sigurtà interna jew esterna tagħhom. Barra minn hekk, jistgħu jeżerċitaw ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ piraterija u fis-sitwazzjonijiet ta’ ġurisdizzjoni universali sussidjarja previsti minn diversi konvenzjonijiet jekk il-persuna li tkun wettqet ir-reat tkun preżenti fit-territorju tagħhom. Iżda minbarra dawn il-każijiet, id-dritt internazzjonali ma jaċċettax ġurisdizzjoni universali […]” ( 36 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

45.

Din is-silta għandha similarità ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet f’Petruhhin, u senjatament, li Stat Membru “bħala regola ġenerali […] ma għandux ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar tali fatti” li jkunu jammontaw għal reati serji “mwettqa barra mit-territorju tiegħu” meta “la l-awtur u lanqas il-vittma tal-allegat reat ma jkollhom in-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru” ( 37 ).

46.

Dan kollu huwa biżżejjed sabiex juri li fil-fatt teżisti differenza materjali bejn il-pożizzjoni taċ-ċittadin ta’ Stat li ma jestradixxix iċ-ċittadini tiegħu, minn naħa, u ta’ persuni li ma humiex ċittadini, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-applikazzjoni extraterritorjali tad-dritt kriminali tal-Istat ikkonċernat. Kif osserva l-Avukat Ġenerali Bot f’Petruhhin ( 38 ), hemm riskju ta’ impunità f’dawn iċ-ċirkustanzi fil-każ tal-aħħar li ma jeżistix fil-każ tal-ewwel.

47.

Għalkemm l-istat inkwistjoni jista’ jagħżel li jibda proċeduri kriminali kontra ċ-ċittadini tiegħu stess fir-rigward ta’ reati allegatament imwettqa barra mill-pajjiż, is-sitwazzjoni normalment tkun differenti fil-każ ta’ reati allegatament imwettqa barra mill-pajjiż minn persuni li ma humiex ċittadini. Filwaqt li l-portata tal-ambitu tal-ġurisdizzjoni extraterritorjali ta’ Stat f’każijiet bħal dawn tal-aħħar tista’ tkun miftuħa għal dibattitu, dak li ma huwiex dibattibbli huwa li d-dritt u l-prassi internazzjonali jpoġġu ċerti limitazzjonijiet fuq il-kapaċità ta’ Stat li jilleġiżla b’effett extraterritorjali fir-rigward ta’ reati mwettqa minn persuni li ma humiex ċittadini barra mit-territorju tiegħu, li huma differenti minn dawk applikabbli fil-każ taċ-ċittadini tiegħu stess. Il-fatti ta’ Petruhhin bil-mod tagħhom stess jixhdu dan peress li taħt id-dritt Latvjan, ċittadin Estonjan li ma kellux dritt ta’ residenza permanenti fil-Latvja ma setax ikun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fil-Latvja fir-rigward tal-allegat involviment tiegħu f’attivitajiet ta’ traffikar ta’ droga fi ħdan il-Federazzjoni Russa ( 39 ).

48.

Dan kollu juri li ċittadini tal-Istat Membru tagħhom stess, minn naħa, u ċittadini oħra tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, ma humiex f’sitwazzjonijiet komparabbli għall-finijiet ta’ regola li permezz tagħha l-Istat Membru ospitanti jirrifjuta li jestradixxi ċ-ċittadini tiegħu. Fid-dawl ta’ din id-differenza fundamentali, jiena tal-fehma li fil-fatt ma kien – u għad – hemm l-ebda diskriminazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 18 TFUE fir-rigward tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tan-nazzjonalità, minħabba r-regoli differenti rigward l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni extraterritorjali fir-rigward ta’ reati mwettqa barra mill-pajjiż skont jekk il-persuna kkonċernata hijiex ċittadina ta’ dak l-Istat Membru jew le. Sabiex nirrepeti, għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi hemm riskju ta’ impunità kriminali fl-aħħar każ li ma jeżistix fl-ewwel każ. Din hija d-differenza materjali bejn iż-żewġ settijiet ta’ ċirkustanzi li tfisser li dawn ir-regoli differenti rigward l-estradizzjoni li jiddependu min-nazzjonalità tal-persuna mitluba ma jammontawx, fil-fehma tiegħi, għal diskriminazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 18 TFUE.

49.

Huwa minnu li Petruhhin hija sentenza relattivament riċenti tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, anki fil-perijodu relattivament qasir minn meta ġiet deċiża, hija wasslet għal serje ta’ każijiet dejjem iżjed kumplessi, u li kollha wrew bil-mod tagħhom kemm fir-realtà hija diffiċli l-implimentazzjoni fil-prattika tal-prinċipji ta’ Petruhhin ( 40 ).

50.

Dan jidher mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Raugevicius ( 41 ), każ fejn il-Federazzjoni Russa kienet talbet l-estradizzjoni mill-Finlandja ta’ ċittadin Litwan li kellu wkoll nazzjonalità Russa għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja li kienet ġiet mogħtija minn qorti Russa. Għalkemm id-dritt Finlandiż kien jipprojbixxi l-estradizzjoni għal pajjiż terz taċ-ċittadini tiegħu stess, kien hemm mekkaniżmu fil-liġi li permezz tiegħu sentenzi mogħtija minn pajjiżi terzi fir-rigward ta’ ċittadini Finlandiżi “jew ċittadin barrani li jirrisjedi b’mod permanenti fil-Finlandja” setgħu jiġu skontati fit-territorju tagħha stess. Il-kwistjoni li qamet imbagħad kienet jekk il-prinċipji ta’ Petruhhin setgħux jiġu implimentati f’dawn iċ-ċirkustanzi.

51.

Fil-konklużjonijiet tiegħu ( 42 ), l-Avukat Ġenerali Bot ġibed l-attenzjoni għad-diffikultajiet potenzjali. L-awtoritajiet ġudizzjarji Litwani ma setgħux jintalbu sabiex jingħataw l-opportunità li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali ġodda peress li dan imur kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem ( 43 ). L-Avukat Ġenerali Bot imbagħad osserva:

“Jidhirli li lanqas huwa possibbli li jinbena mekkaniżmu li permezz tiegħu l-awtoritajiet ġudizzjarji Litwani jkollhom il-possibbiltà li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena fit-territorju Litwan. Minbarra l-ostakolu legali li jikkostitwixxi l-fatt li l-piena li għandha tiġi eżegwita ngħatat minn qorti ta’ Stat terz, nirrileva li, f’tali każ, l-awtoritajiet Finlandiżi jistgħu jinvokaw il-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li tinsab fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jipprovdi li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’ tirrifjuta li teżegwixxi tali mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija meta l-persuna rikjesta ‘qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi’ u dak l-Istat jintrabat li jeżegwixxi din il-piena skont id-dritt intern tiegħu.” ( 44 )

52.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, kienet ta’ fehma differenti. Hija nnotat li l-eċċezzjoni Finlandiża tan-nazzjonalità kienet prima facie diskriminatorja għall-finijiet tal-Artikolu 18 TFUE u b’mod addizzjonali qalet li, b’applikazzjoni tal-prinċipji ta’ Petruhhin ( 45 ), tali regola tista’ biss tkun iġġustifikata “jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonata għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali” ( 46 ).

53.

Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ikkunsidrat id-domanda dwar jekk il-prinċipji ta’ Petruhhin kinux japplikaw fil-kuntest ta’ talba għall-estradizzjoni magħmula minn terz fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ piena. Hija rrikonoxxiet li t-tressiq ta’ proċeduri ġudizzjarji ġodda għall-prosekuzzjoni ta’ persuna li diġà tressqu kontriha proċeduri u ngħatat sentenza fl-Istat rikjedenti jista’ jmur kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad kompliet tgħid:

“[…] għalkemm il-prinċipju ta’ ne bis in idem, hekk kif inhu ggarantit mid-dritt nazzjonali, jista’ jikkostitwixxi ostakolu għall-prosekuzzjoni, minn Stat Membru, tal-persuni kkonċernati minn talba għal estradizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex jiġi evitat ir-riskju li tali persuni jibqgħu impuniti, jeżistu mekkaniżmi fid-dritt nazzjonali u/jew fid-dritt internazzjonali li jippermettu li dawn il-persuni jiskontaw il-pieni tagħhom, b’mod partikolari, fl-Istat li tiegħu huma ċ-ċittadini u, b’dan il-mod, iżidu l-possibbiltajiet tagħhom ta’ reintegrazzjoni soċjali wara li jiskontaw il-piena.” ( 47 )

54.

Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad irreferiet għall-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment tal-Persuni Kkundannati tal‑21 ta’ Marzu 1983 ( 48 ) li għaliha huma parti l-Istati Membri kollha kif ukoll il-Federazzjoni Russa. Il-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment tal-Persuni Kkundannati tippermetti t-trasferiment, taħt ċertu kundizzjonijiet, ta’ persuni li jkunu qegħdin jiskontaw il-piena f’ħabs barrani sabiex jiskontaw il-piena f’ħabs fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom.

55.

Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad innotat li l-Finlandja kienet tipprovdi li kemm iċ-ċittadini tagħha kif ukoll ċittadini barranin li jirrisjedu b’mod permanenti fil-Finlandja setgħu jibbenefikaw minn din il-konvenzjoni. Kien għalhekk possibbli li D. Raugevicius jiġi kkunsidrat bħala resident permanenti fil-Finlandja u għaldaqstant jiskonta l-bqija tal-piena tiegħu fil-Finlandja, ladarba kemm hu u kif ukoll il-Federazzjoni Russa jagħtu l-kunsens tagħhom għal dan.

56.

Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ikkonkludiet:

“[…] l-Artikoli 18 u 21 TFUE jirrikjedu li ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu b’mod permanenti fil-Finlandja u li jkunu suġġetti għal talba għal estradizzjoni minn pajjiż terz għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija jibbenefikaw mir-regola li tipprojbixxi l-estradizzjoni applikata għaċ-ċittadini Finlandiżi u jkunu jistgħu, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawn tal-aħħar, jiskontaw il-piena tagħhom fit-territorju Finlandiż. Jekk, min-naħa l-oħra, ċittadin bħal D. Raugevicius ma jistax jitqies li jirrisjedi b’mod permanenti fl-Istat Membru rikjest, il-kwistjoni tal-estradizzjoni tiegħu tiġi riżolta fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt internazzjonali applikabbli.” ( 49 )

57.

Għalkemm huwa minnu li Raugevicius ( 50 ) kienet tikkonċerna sitwazzjoni ftit differenti fejn intalbet estradizzjoni għall-finijiet ta’ infurzar ta’ sentenza, bil-mod tagħha hija xorta waħda tenfasizza d-diffikultajiet ta’ Petruhhin, preċiżament peress li b’mod ġenerali hemm differenzi għall-finijiet ta’ estradizzjoni bejn il-pożizzjoni ta’ ċittadini tal-Istat Membru ta’ oriġini, minn naħa, u dawk minn Stati Membri oħrajn, min-naħa l-oħra.

58.

L-effett aħħari tas-sentenza fil-kawża Raugevicius ( 51 ) kien li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li sakemm id-dritt Finlandiż ma assimilax il-pożizzjoni tal-persuna mitluba ma’ dik taċ-ċittadini tiegħu stess ( 52 ), sabiex il-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment tal-Persuni Kkundannati 1983 tkun tista’ tapplika għaliha, allura kien ikun impossibbli li tiġi applikata s-sentenza f’Petruhhin għall-fatti f’dik il-kawża.

59.

Barra minn hekk, nibża’ li Petruhhin kapaċi tikkawża diffikultajiet prattiċi, essenzjalment minħabba li kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-prassi dwar konsenja u estradizzjoni – kemm kif riflessi fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u kif ukoll fil-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 – ma humiex neċessarjament adattati tajjeb għal talbiet magħmula mill-Istat Membru ospitanti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini li jeżerċitaw l-azzjoni kriminali fir-rigward tal-prosekuzzjoni taċ-ċittadin tal-Istat Membru li minnu joriġina għal reati mwettqa f’pajjiż terz jew, tabilħaqq, għal talbiet magħmula mill-Istat Membru ta’ oriġini jew mill-Istat Membru ospitanti lill-pajjiż terz li fih twettaq ir-reat.

60.

Xi wħud mill-kwistjonijiet prattiċi li tqajmu minn Petruhhin issemmew mill-qorti tar-rinviju u tqajmu wkoll waqt is-seduta mir-rappreżentanti tad-diversi Stati Membri. Dawn il-problemi prattiċi kollha joħolqu kwistjonijiet b’rabta mal-kwistjoni tal-impunità kriminali potenzjali. Kemm irid jistenna, pereżempju, l-Istat Membru ospitanti qabel tittieħed deċiżjoni mill-Istat Membru ta’ oriġini? Jista’ jingħad obiter li dan id-dewmien jista’ jkun partikolarment problematiku fejn il-persuna rikjesta tkun inżammet f’detenzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Għalkemm dan l-Istat jaf ma jkunx lest li jħalli lill-persuna mitluba f’detenzjoni għal perijodu estiż sakemm jistenna l-eżitu tat-talba li tkun saret lill-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, kwalunkwe deċiżjoni li din il-persuna tiġi rrilaxxata provviżorjament tista’ wkoll tkun problematika, speċjalment jekk ikun hemm riskju li din il-persuna taħrab.

61.

F’dan il-kuntest hemm qbil bejn l-Istati Membri kollha li huma parti minn dawn il-proċeduri li l-Istat Membru ta’ oriġini ma għandux biżżejjed informazzjoni sabiex joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew jekk jiġi avviċinat minn Stat Membru ospitanti bl-informazzjoni li pajjiż terz qiegħed jitlob l-estradizzjoni ta’ ċittadin tiegħu li jkun qiegħed preżenti fl-Istat Membru ospitanti u sabiex jiddeċiedi jekk iridx jitlob il-konsenja taċ-ċittadin tiegħu sabiex jeżerċita huwa nnifsu il-proċeduri.

62.

Hemm ukoll qbil virtwali bejn l-Istati Membri kollha li ma teżistix xi data ta’ skadenza speċifika li tista’ tiġi applikata fil-każijiet kollha u li fiha l-Istat Membru ospitanti jista’ jistenna li jirċievi risposta mill-Istat Membru ta’ oriġini dwar jekk dan għandux l-intenzjoni li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew jew saħansitra sa meta jrid joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew jekk jixtieq li jagħmel dan. Għalkemm din ma kinitx domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju, il-mistoqsija dwar dawn id-dati ta’ skadenzi tqajmet fil-mistoqsijiet li saru lill-partijiet waqt is-seduta, u kienet is-suġġett ta’ tweġiba bil-miktub tal-Kummissjoni għal mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja intiża li tikseb għarfien dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sentenza Petruhhin ( 53 ) fil-prassi tal-Istati Membri. Jidher li hemm qbil ġenerali bejn l-Istati Membri (inkluż dawk li kienu preżenti waqt is-seduta u wkoll skont id-dokumenti pprovduti mill-Kummissjoni li fittxet li teżamina l-implimentazzjoni effettiva tas-sentenza Petruhhin), li l-Istat Membru ta’ oriġini għandu jieħu d-deċiżjoni dwar jekk joħroġx mandat ta’ arrest Ewropew malajr kemm jista’ jkun iżda d-data ta’ skadenza tkun tiddependi mill-fatti speċifiċi tal-każ inkwistjoni. Waħda mill-kunsiderazzjonijiet prinċipali hija jekk il-persuna inkwistjoni hijiex qiegħda f’detenzjoni għal skopijiet ta’ estradizzjoni.

63.

Madankollu, jidher mit-tweġibiet li l-Kummissjoni talbet mingħand l-Istati Membri ( 54 ) li d-dati ta’ skadenzi stabbiliti sejrin ikunu bejn 10 u 45 jum b’dati ta’ skadenzi itwal mogħtija biss minn ftit Stati jew f’każijiet eċċezzjonali ( 55 ). Huma biss ftit Stati Membri li ma jistabbilixxux dati ta’ skadenzi. Dan, madankollu, jikkawża ammont kunsiderevoli ta’ inċertezza.

64.

Huwa diffiċli li tiġi evitata l-impressjoni li kwalunkwe dati ta’ skadenza li jistgħu jiġu stabbiliti b’mod ġenerali sejrin ikunu wisq qosra sabiex l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru ospitanti jikkuntattja lill-Istat rikjedenti permezz ta’ talba għal assistenza legali reċiproka, jirċievi tweġiba u jittraduċi u jevalwa fajl li jaf ikun fih mijiet ta’ paġni. Il-perijodu ta’ żmien huwa estremament strett u ċertament ħafna drabi jkun qasir wisq, anki jekk hemm trattati ta’ assistenza legali reċiproka. Fil-każijiet kollha fejn dan ma huwiex il-każ u jkunu jridu jintużaw mezzi diplomatiċi, ikun kważi impossibbli għal Stat Membru ta’ oriġini li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew f’dan il-perijodu ta’ żmien. Waqt is-seduta, l-aġent għall-Kummissjoni rrimarka li dan jista’ jkun differenti biss fil-każ eċċezzjonali li l-Istat Membru ta’ oriġini jkun diġà, b’mod parallel, beda investigazzjoni fuq il-persuna inkwistjoni.

65.

Problemi addizzjonali oħra qatt ma jkunu ’l bogħod. L-Istat Membru ospitanti huwa liberu li jittrażmetti d-dokumenti mibgħuta mill-pajjiż terz lill-Istat Membru ta’ oriġini, jew hemm bżonn il-kunsens tal-pajjiż terz sabiex isir dan? U jekk, fil-kawża preżenti, ir-Rumanija kellha taqbel li teżerċita hija nnifisha l-azzjoni minflok il-Ġermanja u jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għal dan il-għan, ikun hemm tal-inqas kwistjoni – suġġett għall-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni – dwar jekk il-Ġermanja f’dan l-każ kinitx konformi mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni, peress li dan neċessarjament ikun jinvolvi rifjut li tissanzjona l-estradizzjoni tas-suspettat lejn l-Ukraina għal raġunijiet li ma kinux ġew stabbiliti fid-dikjarazzjonijiet varji ppreżentati mill-Ġermanja għall-finijiet tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ( 56 ). Hemm ukoll il-mistoqsija dwar x’jiġri jekk il-persuna rikjesta ma tkunx tixtieq li l-Istat Membru ta’ oriġini tagħha jeżerċita huwa nnifsu l-proċeduri.

66.

Il-prattika u l-esperjenza wrew li ż-żewġ sitwazzjonijiet taċ-ċittadini u ta’ dawk li ma humiex ċittadini ma humiex fil-fatt komparabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza stipulati fl-Artikolu 18 TFUE. Dawn il-problemi prattiċi relatati mal-impunità kriminali potenzjali huma aggravati min-nuqqas ta’ struttura leġiżlattiva xierqa tal-Unjoni. Għaldaqstant nistieden lil din il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddipartixxi mis-sentenza Petruhhin għar-raġunijiet kollha spjegati iżjed ’il fuq.

67.

Fl-eventwalità, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax din l-analiżi, sejjer issa nipproċedi sabiex xorta waħda nirrispondi għat-tliet domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju. Sabiex nagħmel dan sejjer nassumi għal dan il-għan li (għall-kuntrarju tal-fehma tiegħi) il-kawża Petruhhin ġiet deċiża b’mod korrett.

D.   L-ewwel domanda

68.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex li tistabbilixxi jekk il-prinċipji deskritti iżjed ’il fuq rigward l-implimentazzjoni tal-Artikoli 18 u 21 TFUE japplikawx jekk il-persuna inkwistjoni tkun akkwistat ċittadinanza Ewropea biss wara li tkun marret toqgħod fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħha. Peress li l-argument tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Petruhhin huwa, b’mod ċar, ibbażat fuq il-fatt li hemm riskju ta’ restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE, il-mistoqsija li tqum hija jekk l-Artikolu 21 TFUE huwiex milqut fil-kawża preżenti.

69.

L-Irlanda ssostni li, sabiex tiskatta drittijiet oħra tal-Unjoni li jakkumpanjaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu, il-persuna li titlob dawn id-drittijiet għandha, l-ewwel nett, teżerċita dritt ta’ moviment liberu u, it-tieni nett, tagħmel dan fil-mument li jkollha ċ-ċittadinanza. Hemm qbil li BY ma kienx ċittadin tal-Unjoni fil-mument li stabbilixxa residenza fil-Ġermanja. L-Irlanda għaldaqstant issostni, preċiżament minħabba din ir-raġuni, li huwa ma kienx eżerċita xi dritt ta’ moviment liberu tal-Unjoni sempliċement għax kien joqgħod il-Ġermanja.

70.

Kif fakkret il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, ma hemm ebda ftehim internazzjonali rigward l-estradizzjoni fis-seħħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regoli tal-estradizzjoni jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri. F’din il-kawża, huwa evidenti mir-rinviju li l-ftehim internazzjonali li abbażi tiegħu qiegħda tintalab l-estradizzjoni mill-Ukraina huwa l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 li tagħha l-Ġermanja, l-Ukraina, kif ukoll ir-Rumanija, huma pajjiżi kontraenti. L-obbligi taħt din il-konvenzjoni ġew irratifikati fid-dritt nazzjonali. Dawn ir-regoli nazzjonali naturalment, f’sitwazzjonijiet koperti bid-dritt tal-Unjoni, għandhom ikunu konformi ma’ dan tal-aħħar ( 57 ). Fil-fatt, minkejja li, bħala prinċipju, il-leġiżlazzjoni kriminali u r-regoli tal-proċeduri kriminali fil-biċċa l-kbira tagħhom jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni jimponi limiti fuq il-kompetenza tagħhom f’dan il-qasam. Fil-fatt, din il-kompetenza tal-Istati Membri għandha tiġi eżerċitata b’mod konsistenti, mhux biss mal-libertajiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll mad-dritt tal-Unjoni kollu, b’mod partikolari mad-dritt primarju tal-Unjoni ( 58 ). Għalhekk dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ma jistgħux jiddiskriminaw kontra persuni li d-dritt tal-Unjoni jagħtihom id-dritt għal trattament ugwali jew jillimitaw il-libertajiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ( 59 ).

71.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 60 ), l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri, u b’hekk jippermetti li ċ-ċittadini tal-Istati Membri li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni jiksbu, fil-kamp tal-applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni u indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku. Fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni hemm dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, kif stabbiliti fl-Artikolu 21(1) TFUE.

72.

Min-naħa l-oħra, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, stabbilita bl-Artikolu 20 TFUE, ma hijiex intiża li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat għal sitwazzjonijiet li ma jkollhom ebda fattur ta’ konnessjoni ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni u li l-elementi rilevanti kollha tagħhom ikunu limitati fi ħdan Stat Membru wieħed ( 61 ).

73.

L-Artikolu 21(1) TFUE jistipula li “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri”. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti ddeċidiet f’dan il-kuntest li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu prinċipju fundamentali bħal dak tal-moviment liberu tal-persuni għandhom jingħataw interpretazzjoni wiesgħa, filwaqt li derogi minn dan il-prinċipju għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta ( 62 ).

74.

Ma naħsibx li din l-analiżi hija affettwata mis-sentenza fil-kawża McCarthy ( 63 ). Din il-kawża kienet tikkonċerna l-każ ta’ S. McCarthy li kellha ċittadinanza doppja, inkluż iċ-ċittadinanza tal-pajjiż li kienet qiegħda tgħix fih. Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li ma kien hemm ebda element fis-sitwazzjoni tagħha li kien jindika li l-miżura nazzjonali inkwistjoni kellha l-effett li ċċaħħadha mit-tgawdija effettiva tal-essenza tad-drittijiet marbuta mal-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni ( 64 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li l-fatt li ċittadin tal-Unjoni ma jkunx uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu ma jistax, minħabba dan il-fatt biss, jiġi ekwiparat għal sitwazzjoni purament interna ( 65 ).

75.

B’mod simili, fil-kawża Schempp, il-fatt li ma kienx E. Schempp innifsu iżda kienet l-ex mara tiegħu li eżerċitat id-dritt tagħha għal moviment liberu ġie kkunsidrat bħala li jqiegħed il-fatti lil hinn minn sitwazzjoni purament interna ( 66 ). Barra minn hekk, lanqas fil-kawża Zhu u Chen, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li twieled fl-Istat Membru ospitanti u li ma użax id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu jista’, sempliċement għal din ir-raġuni, jiġi assimilat ma’ sitwazzjoni purament interna, li ċċaħħad lil dan iċ-ċittadin mill-benefiċċju fl-Istat Membru ospitanti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ( 67 ). U fis-sentenza Garcia Avello, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet speċifikament li kienet teżisti rabta mad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ persuni li huma ċittadini ta’ Stat Membru u li legalment jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ( 68 ).

76.

Dan ir-raġunament jista’ jiġi applikat għal BY. Huwa kellu r-residenza tiegħu fil-Ġermanja fiż-żmien meta kiseb iċ-ċittadinanza Rumena u, b’estensjoni, iċ-ċittadinanza Ewropea. F’dawn iċ-ċirkustanzi ma tagħmilx differenza meta ċittadin tal-Unjoni jkun kiseb din iċ-ċittadinanza. Lanqas ma huwa neċessarju li ċittadin tal-Unjoni effettivament jaqsam fruntiera sabiex japplika l-Artikolu 21 TFUE.

77.

Għall-finijiet ta’ kompletezza nżid li l-fatt li BY għandu ċittadinanza doppja, u li waħda minnhom ma hijiex ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-Unjoni, ma tistax iċċaħħdu mil-libertajiet li huwa għandu taħt id-dritt tal-Unjoni bħala ċittadin ta’ Stat Membru ( 69 ). F’dan ir-rigward il-kawża preżenti hija differenti minn dik ta’ McCarthy ( 70 ) peress li, għall-kuntrarju ta’ dan il-każ, fil-kawża preżenti ma hemm ebda suġġeriment li d-dritt attwali ta’ BY li jgħix fil-Ġermanja joħroġ minn x’imkien li ma huwiex id-dritt tal-Unjoni: BY igawdi dan id-dritt bis-saħħa tal-fatt li bħala ċittadin Rumen huwa intitolat li joqgħod u jgħix hemmhekk, anki jekk dan ma kienx il-każ fil-mument li hu mar joqgħod il-Ġermanja l-ewwel darba fl‑2012.

78.

Sa fejn l-Irlanda tistrieħ fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Lounes ( 71 ) u b’mod partikolari fuq il-punt 55 tagħha fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “Stat Membru ma jistax jillimita l-effetti li jirriżultaw mill-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, b’mod partikolari d-drittijiet li huma marbuta magħha bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, u li jirriżultaw mill-eżerċizzju, minn ċittadin, tal-libertà ta’ moviment tiegħu”, il-ħsieb sottostanti jidher li hu li l-eżerċizzju tad-drittijiet taħt l-Artikolu 21(1) TFUE dejjem jinvolvi l-qsim ta’ fruntiera. Madankollu, kif jidher iżjed ’il fuq, dan ma huwiex neċessarjament il-każ.

79.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati bħala li ma jipprekludux li ċittadin tal-Unjoni jinvoka d-drittijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet sempliċement minħabba li jkun kiseb iċ-ċittadinanza tal-Unjoni biss wara li jkun mar joqgħod fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru li iktar tard kiseb iċ-ċittadinanza tiegħu u għalhekk ma jkunx eżerċita d-drittijiet tiegħu għal moviment liberu wara li jkun sar ċittadin tal-Unjoni. Fejn (bħal f’dan il-każ) id-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni li jgħix fi Stat Membru joħroġ mid-dritt tal-Unjoni, tali ċittadin huwa intitolat li jinvoka d-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 18 u 21 TFUE.

E.   It-tieni domanda

80.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-obbligi tal-Istat Membru ta’ oriġini fejn dan l-Istat ikun informat b’talba għall-estradizzjoni magħmula minn pajjiż terz lil Stat Membru ieħor rigward ċittadin ta’ dan l-Istat Membru ta’ oriġini. B’mod speċifiku, il-mistoqsija li tqum hija jekk l-Istat Membru ta’ oriġini huwiex obbligat li jitlob lill-pajjiż terz li qiegħed jitlob l-estradizzjoni sabiex jipprovdilu l-fajls rilevanti tal-każ.

81.

Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Grieg, l-Istati Membri kollha li ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan il-każ jaqblu li l-Istat Membru ta’ oriġini ma huwiex obbligat li jieħu azzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni. Din hija wkoll il-pożizzjoni tal-Kummissjoni. L-Istati Membri jaqblu wkoll li l-Istat Membru ta’ oriġini ma jkollux biżżejjed informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiddeċiedi jekk joħroġx mandat ta’ arrest Ewropew jekk ikun ipprovdut biss bl-informazzjoni li talba għall-estradizzjoni għandu jkun fiha skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957. Dan ifisser – skont l-Istati Membri – li huwa prattikament impossibbli għall-Istat Membru ta’ oriġini li jiddeċiedi jekk joħroġx mandat ta’ arrest Ewropew.

1. Is-sentenza fil-kawża Petruhhin u l-Istat Membru ta’ oriġini

82.

Minbarra l-paragrafi introduttorji li jiddeskrivu l-fatti, huwa forsi impressjonanti li, possibbilment bl-eċċezzjoni tal-punti 48 u 49 tas-sentenza Petruhhin, ftit li xejn intqal f’din is-sentenza rigward l-obbligi u d-drittijiet tal-Istat Membri ta’ oriġini. Filwaqt li f’dawn il-punti ġie diskuss l-obbligu tal-Istat Membru ospitanti li jiskambja informazzjoni mal-Istat Membru ta’ oriġini, ma ntqal xejn rigward l-obbligi potenzjali tal-Istat Membru ta’ oriġini.

83.

B’hekk jidher li s-sentenza fil-kawża Petruhhin ma tittrattax b’mod espliċitu l-obbligi tal-Istat Membri ta’ oriġini u, fil-verità, lanqas ma tagħmel dan b’mod impliċitu. Id-domanda preżenti mressqa mill-qorti tar-rinviju għaldaqstant tobbligana nikkunsidraw jekk il-prinċipju li fuqu hija bbażata dik il-kawża jistax jobbliga lill-Istat Membru ta’ oriġini li jieħu passi ta’ din ix-xorta.

84.

Kif ġie stabbilit iżjed ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża Petruhhin, ( 72 ) li l-Istat Membru ospitanti li l-eċċezzjoni tan-nazzjonalità tiegħu tikser l-Artikoli 18 u 21 TFUE huwa obbligat, bis-saħħa tar-regola ta’ kooperazzjoni leali fl-Artikolu 4(3) TUE, li jikkoopera mal-Istat Membru ta’ oriġini.

85.

Is-sitwazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini, madankollu, hija pjuttost differenti. Dan irid jieħu deċiżjoni jekk huwiex ser jeżerċita huwa nnifsu l-proċeduri kriminali fil-konfront tal-persuna mitluba li hija ċittadina tiegħu. Dan hu neċessarju sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti rigward il-kontenut ta’ mandat ta’ arrest Ewropew skont l-Artikolu 8(1)(c) sa (f) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. L-uniku rekwiżit li min-natura tiegħu ma huwiex sempliċiment formalistiku huwa dak tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li jirrikjedi minnu l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, skont ir-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali tiegħu.

86.

Il-mistoqsija jekk jinbdewx proċeduri kriminali hija, naturalment, kwistjoni li taqa’ fil-kompetenza tad-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru, kif inhuma wkoll il-miżuri amministrattivi u miżuri oħra li jittieħdu sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li jippermettulu jieħu din id-deċiżjoni. Peress li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni, ir-regoli nazzjonali inkwistjoni għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, BY, li għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, ma jistax jiġi ddiskriminat għal din ir-raġuni. Madankollu, ħadd mill-partijiet ma argumenta li r-Rumanija tittratta lil BY b’mod differenti miċ-ċittadini (l-oħra) tagħha li ma għamlux użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, u ma hemm ebda indikazzjoni li dan jista’ jkun il-każ ( 73 ).

87.

Għaldaqstant, għall-kuntrarju tal-każ tal-Istat Membru ospitanti, ir-Rumanija ma ssibx lilha nnifisha f’sitwazzjoni fejn l-implimentazzjoni tar-regoli nazzjonali tagħha tikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 18 u 21 TFUE li jirrikjedi ġustifikazzjoni. Tali obbligu min-naħa tal-Istat Membru ta’ oriġini għalhekk iqum fil-kuntest ta’ regoli diskriminatorji ta’ Stat Membru ieħor li jwasslu għal ksur tal-libertà ta’ moviment ta’ ċittadini tal-Unjoni.

2. Obbligi tal-Istat Membru ospitanti?

88.

Diversi Stati Membri kkummentaw ukoll dwar jekk jistax ikun l-Istat Membru rikjest li għandu jipprovdi lill-Istat Membru ta’ oriġini b’informazzjoni addizzjonali, u jekk, għal dan il-għan, l-Istat Membru rikjest jistax ikun obbligat li jitlob mingħand il-pajjiż terz l-informazzjoni li l-Istat Membru ta’ oriġini jitlob mingħand l-Istat rikjedenti sabiex jiddeċiedi jekk għandux jeżerċita huwa nnifsu l-prosekuzzjoni. Ladarba din l-informazzjoni tkun ġiet riċevuta, din naturalment tkun trid tintbagħat lill-Istat Membru ta’ oriġini sabiex isservi dan il-għan.

89.

Il-Latvja fil-fatt emendat id-dritt domestiku tagħha minħabba s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Petruhhin sabiex timplimenta din is-sentenza. Hija żiedet it-tieni paragrafu mal-Artikolu 704 tal-Kriminālprocesa likums (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) ( 74 ) li jittratta l-każ fejn tintalab l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni. F’dan il-każ, il-prosekutur pubbliku huwa mitlub jibgħat informazzjoni lill-pajjiż tan-nazzjonalità tal-persuna mitluba rigward il-possibbiltà għas-sottomissjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u jispeċifika data ta’ skadenza għas-sottomissjoni ta’ tali mandat.

90.

Ħafna mill-partijiet argumentaw li permezz tas-sentenza tagħha fil-kawża Pisciotti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà effettivament iddeterminat din il-kwistjoni. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fir-rigward ta’ talba minn pajjiż terz għall-estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, ir-rekwiżiti tal-Artikoli 18 u 21 TFUE kienu ssodisfatti fejn l-Istat Membru rikjest li ma jestradixxix ċittadini tiegħu stess “jkun qiegħed minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin ikollu n-nazzjonalità f’pożizzjoni li jitolbu l-konsenja ta’ dan iċ-ċittadin fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u dan l-Istat Membru tal-aħħar ma jkun ħa ebda miżura f’dan is-sens” qabel l-estradizzjoni ta’ tali persuna ( 75 ).

91.

Fil-kawża Pisciotti, ċittadin Taljan kien ġie arrestat fi tranżitu fl-ajruport ta’ Frankfurt abbażi ta’ talba għall-estradizzjoni magħmula mill-Istati Uniti tal-Amerika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. F’dan il-każ, madankollu, uffiċjali konsulari Taljani kienu nżammu aġġornati dwar is-sitwazzjoni ta’ R. Pisciotti qabel mal-qrati Ġermaniżi għamlu l-ordni għall-estradizzjoni relattiva u ma kien inħareġ ebda mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtoritajiet Taljani. Effettivament, għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligi Petruhhin ( 76 ) kienu ġew issodisfatti f’dan il-każ peress li l-Istat Membru ta’ oriġini – senjatament, f’dan l-eżempju, l-Italja – kien informat sew fir-rigward tal-każ u kien tpoġġa f’pożizzjoni mill-Istat Membru ospitanti - senjatament, f’dan l-eżempju, il-Ġermanja – “li [jitlob] [i]l-konsenja ta’ dan iċ-ċittadin fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u [l-Istat Membru ta’ oriġini] ma […] ħa ebda miżura f’dan is-sens.” ( 77 ) Din tidher li hija konformi mal-interpretazzjoni tas-sentenza mil-leġiżlatur Latvjan.

92.

Fil-fehma tiegħi, is-sentenza fil-kawża Pisciotti ( 78 ) hija pjuttost determinanti għal din id-domanda. Kif tagħmilha ċara din is-sentenza, il-portata tal-obbligu ta’ Petruhhin ( 79 ) min-naħa tal-Istat Membru ospitanti huwa sempliċement li dan ipoġġi lill-Istat Membru ta’ oriġini f’pożizzjoni fejn dan ikun jista’ jiddeċiedi li jitlob il-konsenja taċ-ċittadin tiegħu u jipproċedi huwa nnifsu bi proċeduri kontrih fir-rigward tar-reati speċifikati fit-talba għall-estradizzjoni mill-pajjiż terz. Fil-kawża preżenti, għalhekk, ikun biżżejjed għall-Ġermanja li tittrasferixxi t-talba tal-Ukraina lir-Rumanija sabiex l-awtoritajiet li jeżerċitaw il-proċeduri kriminali f’dak l-Istat ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni dwar jekk jitolbux mandat ta’ arrest Ewropew għall-konsenja ta’ BY mill-Ġermanja għal skopijiet ta’ prosekuzzjoni. Is-sentenza fil-kawża Pisciotti ( 80 ) tagħmilha ċara li l-Ġermanja ma għandhiex iżjed obbligi f’dan ir-rigward.

93.

Minn dan isegwi li, b’risposta għat-tieni domanda, jiena tal-fehma li la l-Istat Membru ta’ oriġini u lanqas l-Istat Membru ospitanti ma huma obbligati, abbażi tas-sentenza fil-kawża Petruhhin, li jitolbu li l-Istat rikjedenti jipprovdi l-fajls tal-każ għall-finijiet ta’ evalwazzjoni dwar jekk għandhomx jeżerċitaw huma stess il-proċeduri.

F.   It-tielet domanda

94.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk Stat Membru li ntalab minn pajjiż terz sabiex jestradixxi ċittadin tal-Unjoni huwiex obbligat bis-saħħa ta’ Petruhhin li jirrifjuta li jagħmel ordni għall-estradizzjoni ta’ din il-persuna, u minflok li jeżerċita huwa nnifsu l-azzjoni kriminali jekk ikun possibbli li jagħmel dan skont id-dritt nazzjonali tiegħu.

95.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tittressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni ( 81 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn xieraq, teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija adita minn qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni proprja tagħha u, b’mod partikolari, tistabbilixxi jekk l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija mitluba għandhiex rabta mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx meħtieġa tagħti opinjonijiet fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi ( 82 ).

96.

Il-qorti tar-rinviju tistrieħ fuq il-punt 2 tal-Artikolu 7(2) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż, u targumenta li jkun possibbli li tiġi kkunsidrata l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni taħt l-Artikolu 18 TFUE billi jiġi ddikjarat li l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni għal stat terz hija illegali u billi l-awtoritajiet Ġermaniżi li jeżerċitaw il-proċeduri kriminali jeżerċitaw huma nfushom dawn il-proċeduri. Madankollu, skont il-gvern Ġermaniż, li ċċita kawża riċenti tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) ( 83 ), il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi abbażi tal-punt 2 tal-Artikolu 7(2) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż hija biss ta’ natura sussidjarja. Dan ifisser li l-qrati Ġermaniżi jkollhom biss ġurisdizzjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jekk l-ebda Stat barrani ma jkun jista’ jew irid jeżerċita huwa nnifsu l-azzjoni. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li l-Ukraina b’mod ċar għandha ġurisdizzjoni biex teżerċita l-azzjoni kontra BY u trid teżerċita din il-ġurisdizzjoni ( 84 ). Fuq din il-bażi, it-tielet domanda kif imressqa mill-qorti tar-rinviju tidher li hija irrilevanti għall-eżitu tal-kawża u għaldaqstant inammissibbli.

97.

Wieħed, naturalment, irid jiftakar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni u fuq l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali. Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjonijiet bejn il-qrati tal-Unjoni u dawk nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domanda preliminari, kif deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 85 ).

98.

Peress li jidher li hemm disgwid bejn il-partijiet rigward din il-kwistjoni ( 86 ), u l-premessa li fuqha hija bbażata t-tielet domanda turi li l-qorti tar-rinviju ma għamlet, tal-inqas sa issa, ebda determinazzjoni oħra, id-domanda ma tistax titqies bħala ovvjament irrilevanti. It-tielet domanda għandha għalhekk tiġi evalwata fil-kuntest leġiżlattiv deskritt, jew aħjar li fuqu hija bbażata t-talba tal-qorti tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

99.

Preżunzjoni sottostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Petruhhin hija, kif rajna, li Stati Membri, bħala regola ġenerali, ma għandhomx ġurisdizzjoni li jeżerċitaw huma l-proċeduri jekk reat ma jkunx twettaq fit-territorju tagħhom, jew minn ċittadini tagħhom, jew jekk il-vittma tal-allegat reat ma tkunx ċittadina ta’ dak l-Istat Membru ( 87 ). Abbażi ta’ din il-premessa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kwalunkwe impunità setgħet tiġi evitata fin-nuqqas ta’ estradizzjoni ladarba l-Istat Membru ta’ oriġini kellu ġurisdizzjoni, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, li jeżerċita huwa nnifsu l-proċeduri kriminali kontra l-persuna mitluba għal reati mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu. Is-sitwazzjoni li kellha f’moħħha kienet waħda li hija prevalenti f’diversi Stati Membri li d-dritt nazzjonali tagħhom ma jħallihomx jestradixxu ċ-ċittadini tagħhom stess.

100.

B’kuntrast mal-kawża preżenti, jekk wieħed isegwi l-interpretazzjoni li l-qorti tar-rinviju tidher li tat lill-punt 2 tal-Artikolu 7(2) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż, fil-kawża Petruhhin id-dritt Latvjan ma kienx jipprovdi għal ġurisdizzjoni extraterritorjali f’każijiet fejn la l-awtur u lanqas il-vittma ma kienu ċittadini Latvjani jew, fl-ewwel każ, kellhom permessi ta’ residenza permanenti ġewwa l-Latvja. F’dak il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu pprovat tiżgura trattament ugwali għall-persuna li kien qiegħed jiċċaqlaq liberalment fl-Unjoni fejn l-Istat Membru ospitanti kellu regola li kienet tipprekludi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu lejn pajjiżi terzi. Kif rajna, is-soluzzjoni għal din il-problema kienet li tinforma lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini bit-talba u li tiffaċilita, jekk ikun hemm bżonn, mandat ta’ arrest Ewropew sabiex issir il-konsenja tal-persuna mitluba għall-finijiet tal-proċess ġudizzjarju fl-Istat Membru ta’ oriġini. Madankollu, dan huwa l-estent tal-obbligu u bit-teħid ta’ dawn il-passi, l-Istat Membru ospitanti jiżgura l-ugwaljanza skont Petruhhin.

101.

F’dan ir-rigward naqbel mal-argumenti tal-Kummissjoni li tressqu waqt is-seduta li, fis-sentenza tagħha fil-kawża Petruhhin, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet soluzzjoni innovattiva għall-kwistjoni tat-trattament ugwali f’dak il-kuntest u li stabbilixxiet sett ta’ obbligi limitati ta’ Stat Membru ospitanti li ma jestradixxix ċittadini tiegħu stess. Dan iservi l-interess taċ-ċertezza legali li huwa ta’ importanza kbira għall-partijiet fil-qasam tad-dritt kriminali. Fil-fehma tiegħi, ma hemm ebda obbligu fuq l-Istat Membru ospitanti taħt id-dritt tal-Unjoni li jagħmel iżjed minn hekk. B’mod speċifiku, konklużjoni li l-Istat Membru ospitanti għandu awtomatikament jirrifjuta li jestradixxi ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni u li jeżerċita huwa nnifsu l-proċeduri kriminali tkun, għal darb’oħra, soluzzjoni preskrittiva ħafna li ma tkunx konformi mal-indipendenza u l-awtonomija ġenerali tal-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni tal-Istat Membru ospitanti.

102.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Petruhhin ma kkunsidratx miżuri oħrajn li huma inqas restrittivi mill-estradizzjoni li Stat Membru ospitanti jista’ jkollu jieħu sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 18 u 21 TFUE.

103.

Din ma hijiex l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet rinfaċċata bid-dispożizzjoni Ġermaniża inkwistjoni f’din il-kawża u bir-raġunament li Stat Membru għandu, jekk ikollu ġurisdizzjoni sabiex jagħmel dan, jeżerċita huwa nnifsu l-proċeduri kriminali fil-konfront ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, bħala miżura inqas restrittiva mill-estradizzjoni lejn pajjiż terz. Dan jippreżupponi, naturalment, li Stat Membru ma jestradixxix iċ-ċittadini tiegħu stess, peress li kwalunkwe limitazzjoni fuq l-estradizzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni hija derivata minn din ir-regola, iktar milli dritt li huwa inerenti għaċ-ċittadinanza Ewropea.

104.

Jista’ jiġi nnotat li fil-kawża Pisciotti ( 88 ) r-rikorrenti kien ukoll ressaq dan l-argument. F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali Bot irrefera għall-ispjegazzjoni tal-Gvern Ġermaniż li l-Artikolu 7(2) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż ma kienx applikabbli peress li waħda mill-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni, u senjatament li l-estradizzjoni mitluba ma tistax isseħħ, ma ġietx issodisfatta ( 89 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, irrimarkat li “il-kwistjoni tqum biss fir-rigward ta’ jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħetx taġixxi fir-rigward ta’ R. Pisciotti b’mod li jippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi tibagħtu lura lir-Repubblika Taljana minflok testradixxih lejn l-Istati Uniti tal-Amerika” ( 90 ).

105.

Lil hinn minn dan, li tobbliga Stat Membru li jeżerċita huwa nnifsu l-proċeduri kriminali fil-konfront ta’ ċittadin barrani minflok ma jestradixxih, f’ħafna każijiet, ma jkunx konformi mal-obbligi li dan l-Istat Membru għandu taħt trattati internazzjonali dwar estradizzjoni. L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 jippermetti li l-partijiet kontraenti jirrifjutaw l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħhom stess, basta, fuq talba tal-Istat rikjedenti, dawn jissottomettu l-każ lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex dawn jibdew il-proċeduri jekk ikun hemm lok li jsir dan. Ma teżistix dispożizzjoni komparabbli f’każ li parti kontraenti teżerċita hija nnifisha l-proċeduri kriminali fil-konfront ta’ ċittadin barrani. Kif ġie enfasizzat minn diversi partijiet għal dawn il-proċeduri, assistenza legali internazzjonali f’materji kriminali, u b’mod partikolari fil-qasam tal-estradizzjoni, tiddependi mill-kunfidenza tal-partijiet kontraenti f’xulxin. Restrizzjoni addizzjonali fuq l-estradizzjoni ta’ allegati awturi ta’ reati kriminali tista’ twassal għal riluttanza minn partijiet kontraenti oħrajn li jidħlu fi ftehim ma’ Stati Membri tal-Unjoni. Dan, madankollu, ma jistax ikun fl-interess tal-Unjoni Ewropea li, kif inhu stabbilit b’mod ċar fil-premessi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, qablu: “li jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’ persuni, waqt li jassiguraw il-ħarsien u s-sigurtà tal-popli tagħhom, billi jistabbilixxu spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja […]”.

106.

Fi kwalunkwe każ, wara din id-diskussjoni twila, huwa biżżejjed li jingħad b’risposta għat-tielet domanda li fil-fatt ma hemm ebda obbligu impost mis-sentenza Petruhhin fuq l-Istat rikjest li jeżerċita huwa nnifsu l-proċeduri kriminali fil-konfront ta’ persuna li ma hijiex ċittadina u li kienet is-suġġett ta’ talba għall-estradizzjoni magħmula minn pajjiż terz.

V. Konklużjoni

107.

Sabiex nagħlaq, għaldaqstant, nikkonkludi s-segwenti:

Is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C-182/15, EU:C:2016:630), kienet, bir-rispett dovut, deċiża b’mod żbaljat u ma għandhiex issa tiġi segwita mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-prattika u l-esperjenza wrew li s-sitwazzjoni taċ-ċittadin ta’ Stat Membru li ma jestradixxix iċ-ċittadini tiegħu u dik ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn ma humiex fil-fatt komparabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE. Dawn il-problemi prattiċi relatati mal-impunità kriminali potenzjali huma aggravati min-nuqqas ta’ struttura leġiżlattiva xierqa tal-Unjoni. Għaldaqstant nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddipartixxi mis-sentenza fil-kawża Petruhhin għar-raġunijiet kollha spjegati iżjed ’il fuq.

108.

Irrispettivament minn jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbilx ma’ din l-analiżi jew le, jiena wasalt għall-konklużjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb għad-domandi mressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Berlin, il-Ġermanja) b’dan il-mod:

(1)

L-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati bħala li ma jipprekludux li ċittadin tal-Unjoni jinvoka d-drittijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet sempliċement minħabba li jkun kiseb iċ-ċittadinanza tal-Unjoni biss wara li jkun mar joqgħod fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru li iktar tard kiseb iċ-ċittadinanza tiegħu u għalhekk ma jkunx eżerċita d-drittijiet tiegħu għal moviment liberu wara li jkun sar ċittadin tal-Unjoni. Fejn (bħal f’dan il-każ) id-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni li jgħix fi Stat Membru joħroġ mid-dritt tal-Unjoni, tali ċittadin ikun intitolat li jinvoka d-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 18 u 21 TFUE.

(2)

L-Istat Membru ta’ oriġini ma huwiex obbligat taħt id-dritt tal-Unjoni li jitlob li l-pajjiż terz rikjedenti jipprovdi l-fajls tal-każ għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-possibbiltà li jeżerċita huwa nnifsu l-proċeduri.

(3)

Id-dritt tal-Unjoni ma jimponix obbligu fuq l-Istat rikjest li jeżerċita huwa nnifsu l-proċeduri kriminali fil-konfront ta’ persuna li ma tkunx ċittadina ta’ dan l-Istat li tkun is-suġġett ta’ talba għall-estradizzjoni minn pajjiż terz.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009 L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

( 3 ) 21 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea hemżu dikjarazzjoni mal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat‑13 ta’ Diċembru 1957 (Serje tat-Trattati Ewropej - Nru 24) fejn iddikjaraw li ma humiex ser jestradixxu ċittadini u/jew iddefinixxew it-tifsira tal-kelma “ċittadini” għal dan l-iskop taħt il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, xi daqqiet b’limitazzjonijiet jew estensjonijiet. Hekk, per eżempju, id-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja estendew l-eċċezzjoni għal ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi kif ukoll għal dawk tan-Norveġja u l-Isvizzera u għal nies iddomiċiljati f’wieħed minn dawn il-pajjiżi. Il-Polonja u r-Rumanija, min-naħa l-oħra, estendew l-eċċezzjoni għal persuni li ngħataw ażil fil-pajjiż tagħhom. Id-dikjarazzjonijiet u riżervi huma disponibbli online fuq is-sit elettroniku tal-Kunsill tal-Ewropa, https://www.coe.int/en/web/conventions/search-on-treaties/-/conventions/treaty/024/declarations?p_auth=nQgwv713 (l-aħħar aċċess sar fil‑11 ta’ Settembru 2020). Dan huwa indikattiv tal-prevalenza tal-eċċezzjoni tan-nazzjonalità. Għal informazzjoni dwar id-dikjarazzjoni tal-Ġermanja, ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 4 ) L-“eċċezzjoni tan-nazzjonalità”. Hawnhekk wieħed għandu jikkunsidra l-kummenti magħmula f’Deen-Ryacsmány, Z., u Blekxtoon, R., “The Decline of the Nationality Exception in European Extradition”, European Journal of Crime, Criminal Law and Criminal Justice, Vol. 13(3), Brill Nijhof, p. 317-364, fejn l-awturi f’paġna 322 jirrimarkaw li “L-istorja tan-nuqqas ta’ estradizzjoni ta’ ċittadini fl-Ewropa tmur lura tal-inqas għas-seklu 18-19. Id-dominanza ta’ ordinamenti ġuridiċi ċivili kellha r-riżultat li l-eċċezzjoni tan-nazzjonalità ssir regola rrikonoxxuta, protetta b’dispożizzjonijiet kostituzzjonali, liġijiet nazzjonali u ftehim ta’ estradizzjoni. Anki trattati konklużi ma’ stati b’ordinament ġuridiku komuni – li ma humiex opposti għall-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħhom – ħafna drabi ħallew mhux mittiefsa il-libertà tal-partijiet li ma jestradixxux ċittadini tagħhom.” [traduzzjoni libera]

( 5 ) Kif diġà qal l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:330, nota ta’ qiegħ il-paġna 25), l-“obbligu ta’ prosekuzzjoni” hija l-frażi li hija wżata l-iżjed f’dan il-kuntest. Effettivament, madankollu, l-obbligu huwa limitat għas-sottomissjoni tal-każ lill-awtoritajiet li jeżerċitaw l-azzjoni kriminali. Ma jinvolvix obbligu li effettivament tinbeda prosekuzzjoni. Jekk jinfetħux proċeduri jiddependi mill-provi: ara b’mod ġenerali “The obligation to extradite or prosecute (aut dedere aut judicare)”, Final Report of the International Law Commission 2014, punt 21).

( 6 ) Ara, per eżempju, is-sentenza tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali tas‑7 ta’ Settembru 1927, Il-Kawża ta’ SS Lotus, Franza vs It-Turkija, Serje A, Nru 10.

( 7 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016 (C‑182/15, EU:C:2016:630) (iktar ’il quddiem “Petruhhin”).

( 8 ) Punt 39 tas-sentenza Petruhhin.

( 9 ) Punt 50 tas-sentenza Petruhhin.

( 10 ) Daħlet fis-seħħ fil-Ġermanja fl‑1 ta’ Jannar 1977 u fl-Ukraina fid‑9 ta’ Ġunju 1998. Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 ilha wkoll fis-seħħ fir-Rumanija sa mid‑9 ta’ Diċembru 1997.

( 11 ) Serje tat-Trattati Ewropej Nru 98, li ilu fis-seħħ għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja mis‑6 ta’ Ġunju 1991, għar-Rumanija mid‑9 ta’ Diċembru 1997 u għall-Ukraina mid‑9 ta’ Ġunju 1998. Ir-Raba’ Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, Serje ta’ Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 212 li fih iżjed emendi għall-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni 1957 ma huwiex applikabbli hawnhekk peress li sa issa ma ġiex irratifikat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u għalhekk ma japplikax bejn il-Ġermanja u l-Ukraina.

( 12 ) Skont l-Artikolu 5 tat-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tas‑17 ta’ Marzu 1978, Serje tat-Trattati Ewropej Nru 98.

( 13 ) Dikjarazzjoni li tinsab f’Note Verbale mir-Rappreżentazzjoni Permanenti tal-Ġermanja, datata 8 ta’ Novembru 2010, irreġistrata fis-Segretarjat Ġenerali tal-Uffiċċju tat-Trattat tal-Kunsill tal-Ewropa fid‑9 ta’ Novembru 2010.

( 14 ) BGBl 1949, p. 1, kif emendat mill-Gesetz zur Änderung des Grundgesetzes (Artikel 16) [il-Liġi li Temenda l-Liġi Fundamentali (Artikolu 16)] tad‑29 ta’ Novembru 2000, BGBl. I 2000, p. 1633.

( 15 ) Fil-verżjoni ppubblikata fit‑13 ta’ Novembru 1998 (BGBl. I, p. 3322), kif l-aħħar emendata permezz tal-Artikolu 62 tal-Att tal‑20 ta’ Novembru 2019 (BGBl. I, p. 1626).

( 16 ) Att dwar Kooperazzjoni Internazzjonali f’Materji Kriminali fil-verżjoni ppubblikata fis‑27 ta’ Ġunju 1994, BGBl. I S. 1537, kif emendat sussegwentement (iktar ’il quddiem l-“IRG”).

( 17 ) L-Artikolu 15 tal-IRG jipprovdi fit-tieni paragrafu tiegħu li ma tista’ ssir ebda ordni sabiex l-individwu mitlub jinżamm f’detenzjoni sakemm issir l-estradizzjoni meta l-estradizzjoni tkun tidher prima facie li hija illegali.

( 18 ) L-Artikolu 112(1) tal-iStrafprozeßordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) jipprovdi li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest jirrikjedi “suspett qawwi” li jista’ jiġi stabbilit biss abbażi tal-analiżi tal-provi disponibbli. Kif intqal iżjed ’il fuq, l-Istat rikjest b’mod ġenerali ma jkollux pussess tal-fajl sabiex jagħmel dan.

( 19 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2018 (C‑191/16, EU:C:2018:222).

( 20 ) Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018 (C‑247/17, EU:C:2018:898).

( 21 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:330).

( 22 ) Il-fatt li persuna jkollha permess ta’ residenza permanenti għal-Latvja kienet tikkostitwixxi bażi addizzjonali għal ġurisdizzjoni extraterritorjali taħt id-dritt kriminali Latvjan; ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:330, punt 65).

( 23 ) Ara punti 49 sa 70 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:330).

( 24 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:330, punti 6869).

( 25 ) Punt 33 tas-sentenza Petruhhin.

( 26 ) Punt 37 tas-sentenza Petruhhin. Ara wkoll sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punti 4647 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Punti 42 u 47 tas-sentenza Petruhhin.

( 28 ) Punt 50 tas-sentenza Petruhhin.

( 29 ) Punt 50 tas-sentenza Petruhhin.

( 30 ) Dan jimplika li l-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ġurisdizzjoni skont id-dritt nazzjonali tagħhom li jipproċedu bi prosekuzzjoni kontra din il-persuna għar-reati mwettqa barra mit-territorju ta’ dan l-Istat.

( 31 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:330, punt 51).

( 32 ) Sentenza tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali tas‑7 ta’ Settembru 1927, Il-Każ ta’ SS Lotus, Franza vs It-Turkija, Serje A, Nru 10.

( 33 ) Ara O’Connell, D., International Law, it-tieni edizzjoni, Vol. 2, Stevens, 1979, p. 602; Crawford, J., Brownlie’s Principles of Public International Law, it-tmien edizzjoni, Oxford University Press, 2012 p. 457; Ipsen, K., Völkerrecht, is-sitt edizzjoni, punti 71 sa 74; ara wkoll Combacau, J., u Sur, S., Droit international public, it-tlettax-il edizzjoni, p. 390, li jirrimarkaw li l-eżerċizzju tal-poter normattiv extraterritorjali, jekk ma jkunx hemm rabta territorjali jew rabta ta’ nazzjonalità, huwa sussidjarju u limitat għal verament ftit każijiet. L-eżerċizzju ta’ dan il-prinċipju preskrittiv ta’ ġurisdizzjoni huwa illustrat sew mill-Artikolu 4(3) tad-dritt kriminali Latvjan inkwistjoni fil-kawża Petruhhin li ppermetta l-prosekuzzjoni ta’ persuni li ma humiex ċittadini għal “reati gravi jew gravi ħafna” imwettqa barra mil-Latvja u li kienu diretti “kontra l-interessi tar-Repubblika tal-Latvja jew tal-abitanti tagħha”: ara punt 67 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:330).

( 34 ) Sentenza tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali tas‑7 ta’ Settembru 1927, Il-Każ ta’ SS Lotus, Franza vs It-Turkija, Serje A, Nru 10.

( 35 ) Ara, per eżempju, Ryngaert, C., Jurisdiction in International Law, it-tieni edizzjoni, Oxford University Press, 2015, p. 30 sa 48; Beaulac, S., “The Lotus Case in Context” f’Allen, S., et al., Oxford Handbook of Jurisdiction in International Law, Oxford University Press, 2019, p. 40 sa 58.

( 36 ) Sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Frar 2002, Mandat ta’ Arrest tal‑11 ta’ April 2000 (Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo vs Il-Belġju), Rapporti I.C.J. 2002, punt 16 tal-opinjoni separata tal-President Guillaume.

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 39 tas-sentenza Petruhhin.

( 38 ) Punti 68 u 69 tal-konklużjonijiet (C‑182/15, EU:C:2016:330).

( 39 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:330, punt 68).

( 40 ) Punt 50 tas-sentenza Petruhhin.

( 41 ) Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018 (C‑247/17, EU:C:2018:898).

( 42 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:616).

( 43 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:616, punt 55).

( 44 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:616, punt 56).

( 45 ) Punt 50 tas-sentenza Petruhhin.

( 46 ) Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 31).

( 47 ) Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C-247/17, EU:C:2018:898, punt 36).

( 48 ) Serje tat-Trattati Ewropej Nru. 112 (“Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati”).

( 49 ) Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C-247/17, EU:C:2018:898, punti 4748).

( 50 ) Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C-247/17, EU:C:2018:898).

( 51 ) Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018 (C-247/17, EU:C:2018:898).

( 52 ) Jiġifieri, bis-sejbien (jekk ikun il-każ) li D. Raugevicius kien residenti fit-tul tal-Finlandja u allura kien intitolat li jkun ittrattat daqslikieku kien ċittadin Finlandiż.

( 53 ) Punt 50 tas-sentenza Petruhhin.

( 54 ) Il-Kummissjoni tindika li dawn intalbu f’qasir żmien u ntalbu biss fil-livell tal-persunal, li jfisser li l-Istati Membri jistgħu jissupplimentaw u/jew jagħtu iżjed dettall rigward it-tweġiba tagħhom fi kwalunkwe ħin.

( 55 ) Perjodi ta’ żmien itwal ikunu inqas problematiċi jekk il-persuna mitluba diġà tkun qiegħda f’detenzjoni għal reat li ma huwiex ir-reat li saret it-talba minħabba fih.

( 56 ) Għalkemm dan ma huwiex fattur deċiżiv minħabba s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ trattati internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti. Ara wkoll, iktar ’l isfel, il-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 57 ) Sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1997, Hayes (C‑323/95, EU:C:1997:169, punt 13) u punt 27 tas-sentenza Petruhhin u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 58 ) Ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u ECB vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 57).

( 59 ) Ara, f’dan is-sens, sentenzi tat‑2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, EU:C:1989:47, punt 19); tal‑24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz (C‑274/96, EU:C:1998:563, punt 17); u tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punti 5354).

( 60 ) Sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539, punti 22 sa 24), u tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi (C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, sentenza tat‑2 ta’ April 2020, I.N. (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 40).

( 61 ) Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2000, Yiadom (C‑357/98, EU:C:2000:604, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, għall-ewwel parti ta’ din id-dikjarazzjoni, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 31).

( 63 ) Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011 (C-434/09, EU:C:2011:277).

( 64 ) Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 49).

( 65 ) Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 46).

( 66 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C‑403/03, EU:C:2005:446, punt 25).

( 67 ) Sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 19).

( 68 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539, punt 27).

( 69 ) Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 29), ara wkoll sentenza tas‑7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 19).

( 70 ) Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C-434/09, EU:C:2011:277).

( 71 ) Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017 (C‑165/16, EU:C:2017:862).

( 72 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 42 tas-sentenza Petruhhin.

( 73 ) Peress li l-persuna mitluba hija ċittadina tal-Istat Membru ta’ oriġini, hija biss diskriminazzjoni retroattiva li tista’ ġġib il-każ tagħha fl-ambitu tal-Artikoli 18 u 21 TFUE. Fis-sentenza tagħha tal‑11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 30) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ikun inkompatibbli mad-dritt tal-moviment liberu li ċ-ċittadin jista’ jkun is-suġġett, fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, ta’ trattament anqas favorevoli minn dak li kien jibbenefika minnu li kieku ma għamilx użu mill-opportunitajiet mogħtija lilu mit-Trattat f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu”. Dawn il-każijiet jikkonċernaw ċittadini li jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom wara li jkunu użaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u jkunu ġew ittrattati b’mod differenti minn ċittadini li jkunu baqgħu fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ BY. Ara wkoll, f’dan is-sens, sentenza tas‑7 ta’ Lulju 1992, Singh (C‑370/90, EU:C:1992:296, punt 23).

( 74 ) Latvijas Vēstnesis, 11.05.2005, Nru 74 (3232). Disponibbli online fuq: https://likumi.lv/ta/en/en/id/107820 (l-aħħar aċċess sar fil‑11 ta’ Settembru 2020). Skont it-tweġiba bil-miktub tal-Kummissjoni għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika tal-Awstrija wkoll emendat il-liġi tagħha b’mod simili billi żiedet subparagrafu (1a) mal-paragrafu 31 tal-Bundesgesetz über die Auslieferung und die Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar l-Estradizzjoni u l-Assistenza Reċiproka), ippubblikat fil-BGBl. I. Nru. 20/2020, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2020.

( 75 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 56).

( 76 ) Punt 50 tas-sentenza Petruhhin.

( 77 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 56).

( 78 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2018 (C‑191/16, EU:C:2018:222).

( 79 ) Punt 50 tas-sentenza Petruhhin.

( 80 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2018 (C‑191/16, EU:C:2018:222).

( 81 ) Sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Crespo Rey (C‑2/17, EU:C:2018:511, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 82 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C‑180/12, EU:C:2013:693, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 83 ) Bundesgerichtshof, Digriet tat‑23 ta’ April 2019 (4StR 41/19), disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja: https://juris.bundesgerichtshof.de/cgi-bin/rechtsprechung/document.py?Gericht=bgh&Art=en&sid=09ff6a4c826bba36ff9531132f1210e7&nr=96151&pos=0&anz=1 (l-aħħar aċċess sar fil‑11 ta’ Settembru 2020).

( 84 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2017:878, punt 48), u s-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 49), li jirreferu għal qari simili ta’ din id-dispożizzjoni.

( 85 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Kostov (C‑62/12, EU:C:2013:391, punti 2425 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 86 ) L-avukati ta’ BY argumentaw li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-kawża preżenti.

( 87 ) Punt 39 ta’ Petruhhin.

( 88 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2018 (C‑191/16, EU:C:2018:222).

( 89 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2017:878, punt 48).

( 90 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 50).

Top