This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CC0389
Opinion of Advocate General Tanchev delivered on 29 October 2020.#European Commission v Kingdom of Sweden.#Appeal – Regulation (EC) No 1907/2006 – Registration, evaluation, authorisation and restriction of chemicals – European Commission decision authorising certain uses of lead sulfochromate yellow and lead chromate molybdate sulfate red, substances listed in Annex XIV of that regulation – Substances of very high concern – Conditions of authorisation – Assessment of the lack of suitable alternatives.#Case C-389/19 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fid-29 ta’ Ottubru 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja.
Appell – Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Reġistrazzjoni, evalwazzjoni u awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi, kif ukoll restrizzjonijiet applikabbli għal dawn is-sustanzi – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tawtorizza ċerti użi tas-sulfokromat taċ-ċomb isfar u tas-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar, sustanzi mniżżla fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni – Eżami tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi.
Kawża C-389/19 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fid-29 ta’ Ottubru 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja.
Appell – Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Reġistrazzjoni, evalwazzjoni u awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi, kif ukoll restrizzjonijiet applikabbli għal dawn is-sustanzi – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tawtorizza ċerti użi tas-sulfokromat taċ-ċomb isfar u tas-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar, sustanzi mniżżla fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni – Eżami tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi.
Kawża C-389/19 P.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:874
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TANCHEV
ippreżentati fid‑29 ta’ Ottubru 2020 ( 1 )
Kawża C‑389/19 P
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju tal-Isvezja
“Appell – Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) – Artikoli 56, 58 u 60 – Awtorizzazzjoni – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-użu tas-sulfokromat taċ-ċomb isfar u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar – Eżami tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi xierqa – Rikors għal annullament – Żamma tal-effetti”
I. Introduzzjoni
1. |
F’dan l-appell, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (T‑837/16, EU:T:2019:144, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 5644 finali tas‑7 ta’ Settembru 2016 li tawtorizza għal ċerti użi s-sulfokromat taċ-ċomb isfar u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar taħt ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u ċaħdet it-talba tal-Kummissjoni li żżomm l-effetti ta’ din id-deċiżjoni sas-sostituzzjoni tagħha b’deċiżjoni ġdida. |
2. |
Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni ( 2 ) jistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni għal sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fir-rigward tar-riskji tagħhom għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. B’mod ġenerali, skont din is-sistema, ladarba tali sustanza hija inkluża fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament, din tista’ tintuża jew titqiegħed fis-suq wara ċerta data biss jekk tingħata awtorizzazzjoni speċifika mill-Kummissjoni. |
3. |
Konsegwentement, il-każ preżenti jipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi għall-ewwel darba dwar il-kundizzjonijiet li skonthom il-Kummissjoni tista’ tagħti awtorizzazzjoni, abbażi tal-Artikolu 60 tar-Regolament REACH, għal sustanza ta’ tħassib serju ħafna elenkata fl-Anness XIV għal dak ir-regolament ( 3 ). Il-kwistjoni ewlenija mqajma minn dan il-każ tikkonċerna l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni rigward in-nuqqas ta’ alternattivi adatti, li hija waħda mir-rekwiżiti ewlenin sabiex tingħata awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, din il-kawża tqajjem ukoll il-kwistjoni ġdida dwar jekk għandhomx jinżammu l-effetti tagħha sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida, fid-dawl tar-regoli tranżitorji previsti fl-Artikoli 56 u 58 tar-Regolament REACH. |
II. Il-kuntest ġuridiku
4. |
It-Titolu VII tar-Regolament REACH, intitolat “Awtorizzazzjoni”, jiddedika l-Kapitolu 1 għal “Ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni” u l-Kapitolu 2 għal “L-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet”. Il-Kapitolu 1 fih b’mod partikolari l-Artikoli 56 u 58. Il-Kapitolu 2 fih b’mod partikolari l-Artikolu 60. |
5. |
L-Artikolu 56 tar-Regolament REACH, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi: “1. Manifattur, importatur jew utent ‘downstream’ m’għandux iqiegħed fis-suq sustanza għall-użu jew jużaha huwa stess jekk dik is-sustanza tkun inkluża fl-Anness XIV, sakemm:
[…]
[…]” |
6. |
L-Artikolu 58 tar-Regolament REACH, intitolat “L-inklużjoni ta’ sustanzi fl-Anness XIV”, jipprovdi: “1. Kull meta tittieħed deċiżjoni sabiex jiġu inklużi fl-Anness XIV sustanzi msemmija fl-Artikolu 57, din id-deċiżjoni għandha tittieħed skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(4). Għandha tispeċifika għal kull sustanza: […]
[…]” |
7. |
L-Artikolu 60 tar-Regolament REACH, intitolat “L-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu: “4. Jekk ma tistax tingħata awtorizzazzjoni skond il-paragrafu 2 jew għal sustanzi elenkati fil-paragrafu 3, tista’ tingħata awtorizzazzjoni biss jekk jintwera li l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi jkunu akbar mir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza, u jekk ma jkunx hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed wara konsiderazzjoni ta’ l-elementi kollha li ġejjin, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika imsemmija fl-Artikolu 64(4) (a) u (b):
5. Fl-eżami jekk ikunux disponibbli sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adegwati, l-aspetti kollha relevanti għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni, inklużi:
|
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża
8. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif elenkati fil-punti 1 sa 30 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej għall-finijiet tal-kawża preżenti. Jeħtieġ li jingħataw ċerti osservazzjonijiet preliminari dwar ir-Regolament REACH u s-sistema ta’ awtorizzazzjoni (Taqsima A), qabel ma wieħed idur lejn il-fatti li wasslu għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (Taqsima B). |
A. Ir-regolament REACH u s-sistema ta’ awtorizzazzjoni
9. |
Ir-Regolament REACH huwa strument legali ewlieni li jirregola l-leġiżlazzjoni tal-kimiċi fl-Unjoni. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja għarfet, skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, il-finijiet tiegħu huma li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-evalwazzjoni tal-perikoli tas-sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni ( 4 ). |
10. |
B’mod partikolari, hekk kif huwa enfasizzat, inter alia, fil-premessi 69 u 70 tar-Regolament REACH, dan ir-regolament jagħti attenzjoni partikolari lis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna. Dawn is-sustanzi huma għalhekk suġġetti għas-sistema ta’ awtorizzazzjoni prevista fit-Titolu VII tar-Regolament REACH. L-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-iskop ta’ din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni huwa, “li jiżgura l-funzjonament korrett tas-suq intern filwaqt li jiżgura li r-riskji mis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu kontrollati tajjeb u li dawn is-sustanzi eventwalment jiġu sostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti fejn dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli” ( 5 ). |
11. |
Is-sistema ta’ awtorizzazzjoni tinkludi tliet stadji ( 6 ). L-ewwel stadju huwa l-proċedura ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament REACH. It-tieni stadju huwa l-inklużjoni ta’ dawn is-sustanzi fil-lista tas-sustanzi suġġetti għall-awtorizzazzjoni fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament. It-tielet fażi – li fiha tinsab din il-kawża – tikkonċerna l-proċedura li twassal, jekk ikun il-każ, għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal sustanza ta’ tħassib serju ħafna ( 7 ). |
12. |
Konsegwentement, kif stabbilit fl-Artikoli 56 u 58 tar-Regolament REACH, is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna inklużi fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament ma jistgħux jintużaw jew jitqiegħdu fis-suq sabiex jintużaw minn manifatturi, importaturi jew utenti downstream wara data speċifika (iktar ’il quddiem id-“id-data tat-terminazzjoni”), sakemm l-użu ma jkunx ġie awtorizzat jew japplikaw ċerti limitazzjonijiet, inkluż meta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tkun ġiet ippreżentata qabel l-aħħar data għall-applikazzjoniindikata għas-sustanza, iżda tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni mill-Kummissjoni ( 8 ). |
13. |
Manifatturi u importaturi jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni sabiex sustanza titqiegħed fis-suq, sabiex jużaw dik is-sustanza huma stess u sabiex jagħtu l-użu tagħha lill-utenti downstream tagħhom ( 9 ). Filwaqt li dawk l-applikazzjonijiet isiru lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar il quddiem l-“ECHA”) ( 10 ), stabbilita skont dan ir-regolament sabiex tgħin tamministra d-dispożizzjonijiet tagħha, hija l-Kummissjoni li tieħu d-deċiżjoni ( 11 ). Deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jispeċifikaw, inter alia, l-użu kopert(i), il-perijodu ta’ żmien għar-reviżjoni tal-awtorizzazzjoni u l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-awtorizzazzjoni ( 12 ). |
14. |
Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 60 tar-Regolament REACH jistabbilixxi żewġ rotot possibbli li bihom tista’ tingħata awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni: l-ewwel, ir-rotta ta’ kontroll adegwat skont l-Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH, fejn ir-riskju mill-użu tas-sustanza huwa kkontrollat b’mod adegwat, u, it-tieni, ir-rotta soċjo-ekonomika skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, inkwistjoni hawnhekk, li teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri (i) li l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi huma ikbar mir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li jirriżulta mill-użu tas-sustanza u (ii) li ma hemmx sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti ( 13 ). |
15. |
L-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH jinkariga lill-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni wara li tqis diversi elementi, fosthom b’mod partikolari l-analiżi tal-alternattivi ppreżentati mill-applikant ( 14 ) u kull sottomissjoni ta’ terzi bħala parti mill-proċedura, kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitati għall-Istima tar-Riskji u għall-Analiżi Soċjo-ekonomika. L-Artikolu 60(5) tar-Regolament REACH jippreċiża barra minn hekk li, fl-evalwazzjoni dwar jekk alternattivi adatti humiex disponibbli, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti rilevanti kollha, inkluż, fl-ewwel lok, dwar jekk it-trasferiment lejn alternattivi jwassalx għal tnaqqis fir-riskji globali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent; u, fit-tieni lok, il-fattibbiltà teknika u ekonomika ta’ alternattivi għall-applikant. |
16. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha wara l-proċedura msemmija fl-Artikolu 64 tar-Regolament REACH. B’mod partikolari, dan jinvolvi, skont l-Artikolu 64(2) ta’ dan ir-regolament, konsultazzjoni pubblika, li tagħti lil terzi l-possibbiltà li jissottomettu informazzjoni dwar sustanzi jew teknoloġiji alternattivi. Skont l-Artikolu 64(3) u (4) tar-Regolament REACH, il-Kumitati għall-Istima tar-Riskji (iktar ’il quddiem ir-“RAC”) u għall-Analiżi soċjo-ekonomika (iktar ’il quddiem is-“SEAC”), li huma entitajiet li jaqgħu taħt l-ECHA għall-eżekuzzjoni ta’ kompiti differenti ( 15 ), għandhom jagħtu l-opinjonijiet tagħhom fuq l-aspetti rilevanti tat-talba, li jinkludu, fil-każ tas-SEAC, id-disponibbiltà ta’ alternattivi. Skont l-Artikolu 64(8) tar-Regolament REACH, il-Kummissjoni għandha tipprepara abbozz ta’ deċiżjoni f’terminu ta’ tliet xhur minn meta tirċievi dawn l-opinjonijiet u tadotta d-deċiżjoni finali skont il-proċedura ta’ komitoloġija applikabbli ( 16 ). |
B. Fatti li wasslu għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali
17. |
Is-sulfokromat taċ-ċomb isfar (C.I Pigment Yellow 34) u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar | (C.I. Pigment Red 104) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sustanzi inkwistjoni”) huma sustanzi magħmula miċ-ċomb u l-kromat VI. Minħabba d-durabbiltà, il-kulur ċar u l-fatt li jleqqu, huma kienu jintużaw b’mod partikolari fil-verniċ u ż-żebgħa (pereżempju, għall-pontijiet u għall-kostruzzjonijiet tal-ħadid u tal-azzar), sabiex jissodisfaw funzjoni ta’ sinjali (bħal fuq sinjali ta’ twissija) u għas-sinjali tat-triq sofor. |
18. |
Skont ir-Regolament Nru 125/2012 ( 17 ), is-sustanzi inkwistjoni ġew inklużi fil-lista ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fl-Anness XIV tar-Regolament REACH minħabba l-proprjetajiet tagħhom ta’ karċinoġeniċi u ta’ sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni umana. Konsegwentement, l-użu u t-tqegħid tagħhom fis-suq kienu suġġetti għal awtorizzazzjoni wara l‑21 ta’ Mejju 2015 (id-data tat-terminazzjoni) u l-aħħar data ta’ applikazzjoni kienet il‑21 ta’ Novembru 2013. |
19. |
Fid‑19 ta’ Novembru 2013, DCC Maastricht BV (iktar ’il quddiem “DCC Maastricht” jew l-applikant”) ( 18 ), li tipprovdi s-sustanzi inkwistjoni lil madwar 100 utent downstream fl-Unjoni, ippreżentat applikazzjoni għal awtorizzazzjoni (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni għal awtorizzazzjoni”) għat-tqegħid fis-suq ta’ dawn is-sustanzi għas-sitt użi li ġejjin, li huma identiċi għaż-żewġ sustanzi:
|
20. |
Fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika, organizzata skont l-Artikolu 64(2) tar-Regolament REACH, il-manifatturi, l-utenti downstream tas-sustanzi inkwistjoni, l-organizzazzjonijiet industrijali, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi ppreżentaw opinjonijiet dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni. B’mod partikolari, dawn l-utenti downstream indikaw li eventwali sustanzi alternattivi ma kinux joffru l-istess vantaġġi u kienu iktar għalja fil-parti l-kbira tal-każijiet. Kuntrarjament, il-membri tal-industrija taż-żebgħa u l-kisi indikaw li kien hemm sustanzi alternattivi iktar siguri u xierqa li jistgħu jintużaw għal spiża raġonevoli. DCC Maastricht wieġbet li numru ta’ impriżi kellhom bżonn sustanzi inkwistjoni sabiex jimmanifatturaw prodotti speċifiċi intiżi għal ċerti użi msejħa “niċċa”. |
21. |
Fil‑11 ta’ Diċembru 2014, ir-RAC u s-SEAC adottaw 12‑il opinjoni kkonsolidata fuq kull wieħed mis-sitt użi għaż-żewġ sustanzi inkwistjoni. Fl-opinjonijiet tagħha, is-SEAC “ikkonfermat li ma kienx jidher li kien hemm alternattivi adatti mill-perspettiva tal-fattibbiltà teknika u ekonomika tagħhom għall-applikant” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
22. |
Fil-laqgħat tas‑7 u tat‑8 ta’ Lulju 2015, tat‑22 u tat‑23 ta’ Settembru 2015, tat‑3 u tal‑4 ta’ Frar 2016 u tas‑6 u tas‑7 ta’ Lulju 2016, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ġiet eżaminata fi ħdan il-Kumitat tal-Komitoloġija stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament REACH (iktar ’il quddiem il-“Kumitat REACH”). B’mod partikolari, żewġ Stati Membri u r-Renju tan-Norveġja indikaw li s-sustanzi inkwistjoni ma kinux użati għas-sinjali tat-triq sofor u, f’wieħed minn dawn l-Istati Membri, tali użu kien ipprojbit 20 sena ilu. Il-Kumitat REACH finalment ta opinjoni pożittiva dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni; 23 Stati Membri vvotaw favur, filwaqt li 3 Stati Membri, fosthom ir-Renju tal-Isvezja, ivvotaw kontra u 2 Stati Membri astjenew. |
23. |
Fis‑7 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija tat awtorizzazzjoni lil DCC Maastricht, abbażi tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, għas-sustanzi inkwistjoni f’dak li jirrigwarda s-sitt użi mitluba, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet u limitazzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“awtorizzazzjoni”). |
24. |
Fil-premessi 8 u 9 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li, minħabba “Minħabba d-diffikultajiet li jiġi stabbilit kompletament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi teknikament fattibbli għall-użi kollha koperti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] l-awtorizzazzjoni għandha tiġi rriveduta iktar kmieni minn kif kien irrakkomandat mis-SEAC. Hija nnotat ukoll fil-premessa 9 ta’ din id-deċiżjoni li, wara evalwazzjoni mal-Istati Membri, deher li l-użu tas-sustanzi inkwistjoni fis-settur tas-sinjali tat-triq kien ġie ssostitwit jew ipprojbit f’ċerti Stati Membri, iżda mhux f’oħrajn. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, kien xieraq li l-perijodu ta’ reviżjoni jiġi ffissat għal 7 snin, minflok 12‑il sena, għall-użi 1, 2, 4 u 5 u għal 4 snin, minflok 7 snin, għall-użi 3 u 6. |
25. |
Fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni indikat: “Minħabba d-diffikultajiet li jiġi stabbilit kompletament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi teknikament fattibbli għall-użi kollha koperti mill-applikazzjoni, għandhom jiġu speċifikati wkoll l-użi awtorizzati, f’termini tal-karatteristiċi ta’ prestazzjoni teknikament meħtieġa ta’ taħlitiet [ta’ pigmenti] lesti minn qabel, ta’ żebgħat u ta’ komposti lesti minn qabel li fihom pigmenti u ta’ oġġetti li jinkluduhom, miksuba permezz taż-żewġ sustanzi u li ma jistgħux jinkisbu permezz ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji alternattivi adatti, ikunu liema jkunu. L-awtorizzazzjoni għandha għaldaqstant tkun suġġetta għall-kundizzjoni li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jippreżenta rapport dwar l-adegwatezza u d-disponibbiltà ta’ alternattivi għall-utenti downstream tiegħu u, fuq din il-bażi, jirfina d-deskrizzjoni tal-użi awtorizzati […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
26. |
Fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni awtorizzat is-sitt użi tas-sustanzi mitluba inkwistjoni f’dan il-każ, kif indikati fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), “bil-kundizzjoni li l-prestazzjoni tat-taħlitiet lesti minn qabel [tal-pigmenti], taż-żebgħat u tal-komposti ta’ kulur lesti minn qabel li jkun fihom [is-sustanzi inkwistjoni], jew tal-oġġetti lesti li jkunu jinkluduhom, f’termini ta’ funzjonalità, ta’ intensità tal-kulur, ta’ opaċità (setgħa ta’ ħabi) ta’ dispersibbiltà, ta’ reżistenza għall-kundizzjonijiet tad-dawl u t-temp, ta’ stabbiltà fis-sħana jew ta’ nuqqas ta’ tlissija, jew kombinazzjoni ta’ dawn, tista’ teknikament tintlaħaq biss permezz tal-użu tal-imsemmija sustanzi u li din il-prestazzjoni tkun meħtieġa għall-użu previst” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
27. |
Skont l-Artikolu 1(3)(d) tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-awtorizzazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-utenti downstream tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għandhom jipprovdu lill-ECHA, sat‑30 ta’ Ġunju 2017, informazzjoni dwar l-istatus dwar l-adattatezza u d-disponibbiltà ta’ alternattivi għall-użi tagħhom, bl-għoti ta’ ġustifikazzjoni b’mod iddettaljat tan-neċessità li jużaw is-sustanzi inkwistjoni f’dan il-każ. |
28. |
Fl-Artikolu 1(3)(e) tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-awtorizzazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li d-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jippreżenta lill-Kummissjoni, sal‑31 ta’ Diċembru 2017, rapport dwar l-elementi msemmija fl-Artikolu 1(3)(d), ta’ din id-deċiżjoni. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni huwa meħtieġ li jirfina, f’dak ir-rapport, id-deskrizzjoni tal-użi awtorizzati, abbażi tal-informazzjoni dwar l-alternattivi kif ipprovduta mill-utenti downstream tiegħu. |
29. |
Fl-aħħar nett, fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kontenzjuża, fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, l-utenti downstream għandhom jiġġustifikaw ir-raġunijiet li għalihom japplikaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) u (2) u għaliex il-parametri ta’ prestazzjoni huma neċessarji għall-użu previst. |
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
30. |
Fit‑28 ta’ Novembru 2016, ir-Renju tal-Isvezja ppreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali. |
31. |
Il-Kummissjoni talbet li r-rikors jiġi miċħud. Hija talbet ukoll lill-Qorti Ġenerali, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżżomm l-effetti tagħha sakemm tiġi ssostitwita permezz ta’ deċiżjoni ġdida. |
32. |
Permezz tad-deċiżjonijiet tal‑24 ta’ Marzu u tat‑3 ta’ Mejju 2017, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lill-Parlament Ewropew sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Isvezja. Barra minn hekk, permezz tad-digriet tal‑20 ta’ Lulju 2017, l-ECHA tħalliet tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tal-Kummissjoni. |
33. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem mir-Renju tal-Isvezja, li jallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH billi tat l-awtorizzazzjoni mingħajr ma stabbilixxiet debitament li ma kienx hemm alternattivi adatti sabiex jissostitwixxu s-sustanzi inkwistjoni għall-użi mitluba, u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża (punti 57 sa 106 tas-sentenza appellata) ( 19 ). |
34. |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll it-talba tal-Kummissjoni li żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża sakemm tiġi ssostitwita permezz ta’ deċiżjoni ġdida (punti 107 sa 112 tas-sentenza appellata). |
V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
35. |
Permezz ta’ dan l-appell, ippreżentat fl‑20 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors imressaq mir-Renju tal-Isvezja u tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż. Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali għal kunsiderazzjoni mill-ġdid, tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell, u żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
36. |
L-ECHA, li intervjeniet fl-ewwel istanza insostenn tal-Kummissjoni, issostni t-talbiet tal-Kummissjoni. |
37. |
Ir-Renju tal-Isvezja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
38. |
Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Parlament, intervenjenti fl-ewwel istanza insostenn tar-Renju tal-Isvezja, isostnu t-talbiet tar-Renju tal-Isvezja. |
39. |
Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Novembru 2019 ( 20 ), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ t-talba għal miżuri provviżorji tal-Kummissjoni intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata sal-eżitu tal-appell ippreżentat kontra din is-sentenza. |
40. |
Inżammet seduta fis‑7 ta’ Lulju 2020 li matulha r-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Isvezja, il-Parlament, il-Kummissjoni u l-ECHA ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali. |
VI. Analiżi
41. |
Il-Kummissjoni tqajjem erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-oneru tal-prova dwar in-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq in-nuqqas li tiġi kkunsidrata s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex tiffissa limitu żero għal fattibbiltà teknika ta’ alternattivi, skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH f’dak li jirrigwarda l-portata parzjali u l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tat-talba għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
42. |
Għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, inqis li l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravji huma infondati filwaqt li r-raba’ aggravju huwa fondat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien tal-fehma li l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jiġi annullat u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża sakemm din tiġi ssostitwita b’deċiżjoni ġdida. |
A. L-ewwel aggravju (dwar l-oneru tal-prova applikabbli għan-nuqqas ta’ alternattivi adatti)
1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet
43. |
Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni, sostnuta b’mod ġenerali mill-ECHA, issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi manifest, fil-punti 79, 81, 85, 86, 90 u 101 tas-sentenza appellata, f’dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova applikabbli għan-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. |
44. |
L-ewwel, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali imponiet oneru tal-prova impossibbli meta eżiġiet li l-applikant għall-awtorizzazzjoni u l-Kummissjoni jeliminaw kull inċertezza xjentifika sabiex tipprova li ma hemm l-ebda alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Fil-fehma tagħha, l-evalwazzjoni tal-alternattivi timplika evalwazzjoni xjentifika li hija kkaratterizzata minn inċertezza sostanzjali, bir-riżultat li, jekk din l-inċertezza kollha għandha tiġi eskluża, din tikkostitwixxi “probatio diabolica” (jiġifieri rekwiżit legali li jiġu prodotti provi li huwa impossibbli li jinkisbu). |
45. |
It-tieni, il-Kummissjoni tikkritika l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, kien għad hemm inċertezzi sinjifikattivi fir-rigward tan-nuqqas ta’ alternattivi adatti. Hija ssostni li l-piż tal-prova, inklużi l-inċertezzi, turi li l-alternattivi ma kinux jilħqu l-istess livell ta’ prestazzjoni teknika bħas-sustanzi inkwistjoni. Għaldaqstant, hija setgħet tikkonkludi, abbażi tal-applikazzjoni minnha ta’ limitu żero għat-telf ta’ prestazzjoni teknika, li l-alternattivi ma kinux teknikament fattibbli u, għalhekk, inadegwati għall-użi awtorizzati. |
46. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat waqt is-seduta li l-argument tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ livell żero għall-fattibbiltà teknika ta’ alternattivi huwa ammissibbli, peress li jikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi, dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-alternattivi skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, u dan ma huwiex argument ġdid, peress li dan tressaq, inter alia, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Hija ssostni wkoll li l-appell tagħha kontra l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jeħtieġ li dan l-argument jiġi żviluppat b’mod iktar dettaljat. |
47. |
Ir-Renju tal-Isvezja, sostnut mir-Renju tad-Danimarka u mill-Parlament sostna li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli. Ir-Renju tal-Isvezja jsostni li l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ limitu żero għal fattibbiltà teknika ta’ alternattivi huwa argument ġdid li ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk ma jistax jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell. Għar-Renju tad-Danimarka u għall-Parlament, dan l-aggravju jirrigwarda l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali li ma jistgħux ikunu suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell. |
48. |
Ir-Renju tal-Isvezja, sostnut mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mill-Parlament, sostna, barra minn hekk, li l-ewwel aggravju huwa infondat. Fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali ma imponietx oneru tal-prova impossibbli rigward l-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ alternattivi adatti, u l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Ir-Renju tal-Isvezja jikkontesta wkoll l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ limitu żero ta’ fattibbiltà teknika ta’ alternattivi, peress li ma jirriżultax mid-deċiżjoni kontenzjuża jew minn dokumenti oħra fil-proċess u li ma huwiex konformi mal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. B’mod partikolari, dan huwa minħabba li hija ma tiħux inkunsiderazzjoni li l-prestazzjonijiet tekniċi għandhom ikunu neċessarji sabiex jissodisfaw funzjoni speċifika fl-użu li għalih intalbet l-awtorizzazzjoni. B’hekk, hija tneħħi kull sens mir-rekwiżit dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, peress li ebda sustanza ma għandha eżattament l-istess proprjetajiet tekniċi bħall-oħrajn. |
2. Evalwazzjoni tal-ewwel aggravju
a) Fuq l-ammissibbiltà
49. |
L-ewwel, ir-Renju tad-Danimarka u l-Parlament jikkontestaw, essenzjalment, l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju sa fejn dan jirrigwarda l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-fatti u tal-provi li abbażi tagħhom hija kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx debitament stabbilixxiet in-nuqqas ta’ alternattivi adatti, skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Fl-assenza ta’ allegazzjonijiet ta’ żnaturament tal-fatti u tal-provi, din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell. |
50. |
Fil-fehma tiegħi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tirnexxi. Il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball fir-rigward tal-oneru tal-prova applikabbli għan-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH tikkonċerna jekk il-Qorti Ġenerali applikatx l-istandard legali korrett bħala l-bażi għall-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u l-provi, li hija kwistjoni ta’ liġi suxxettibbli li tiġi riveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell ( 21 ). Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx korrettament tikkonkludi, abbażi tal-fatti u tal-provi quddiemha, li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tan-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH tikkonċerna l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti tal-kawża, li l-istħarriġ tagħha jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell ( 22 ). |
51. |
It-tieni, ir-Renju tal-Isvezja jikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ limitu żero għal fattibbiltà teknika ta’ alternattivi minħabba li dan huwa argument ġdid li ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali u li għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell. |
52. |
Fil-fehma tiegħi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà wkoll ma tistax tirnexxi. Skont ġurisprudenza stabbilita, rikorrent huwa intitolat li jippreżenta appell billi jinvoka motivi li jirriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha ( 23 ), bħalma huwa l-każ hawnhekk. Permezz tal-argument tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ limitu żero għal fattibbiltà teknika ta’ alternattivi, il-Kummissjoni tipprova turi li, għal din ir-raġuni, ma kienx hemm inċertezzi sinjifikattivi fir-rigward tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi u li hija wettqet evalwazzjoni xierqa ta’ dan ir-rekwiżit skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Għaldaqstant, dan l-argument huwa intiż sabiex jikkontesta l-fondatezza, fid-dritt, tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Barra minn hekk, dan l-argument kien tqajjem mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’, b’mod partikolari, it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-Renju tal-Isvezja, li fuqha huwa bbażat l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
53. |
Għalhekk, nikkunsidra, l-ewwel aggravju ammissibbli. |
b) Fuq il-mertu
54. |
Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta imponiet oneru tal-prova impossibbli skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, li jeħtieġ lill-applikant għall-awtorizzazzjoni u l-Kummissjoni li jeliminaw kull inċertezza sostanzjali li ma hemm l-ebda alternattiva adatta. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, abbażi tal-applikazzjoni minnha ta’ livell żero għall-fattibbiltà teknika tal-alternattivi, ma kienx hemm inċertezzi sinjifikattivi fl-evalwazzjoni tagħha tal-alternattivi adatti fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni kontenzjuża. |
55. |
Fil-fehma tiegħi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
56. |
Jidhirli li l-qari li tagħmel il-Kummissjoni tal-punti 79, 81, 85, 86, 90 u 101 tas-sentenza appellata ma huwiex konvinċenti. Dawn il-punti għandhom jinqraw fil-kuntest proprju tagħhom. Għalhekk, l-ewwel aggravju jidher li huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. |
57. |
L-ewwel nett, huwa ċar li, fil-punti 79, 81, 85, 86, 90 u 101 tas-sentenza appellata, meta moqrija flimkien, b’mod partikolari, mal-punti 77, 78, 84 u 87 sa 98 tagħha, il-Qorti Ġenerali ma rrikjedietx li kull inċertezza xjentifika tiġi eskluża min-naħa tal-applikant għall-awtorizzazzjoni jew tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, fl-imsemmija punti, il-Qorti Ġenerali applikat, fil-fehma tiegħi, oneru tal-prova raġonevoli li l-Kummissjoni għandha tissodisfa l-obbligu tagħha li tistabbilixxi, fid-dawl tal-informazzjoni ppreżentata fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, in-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Fil-fatt, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet naqset milli tivverifika informazzjoni sinjifikattiva qabel ma tat l-awtorizzazzjoni sabiex tkun tista’ tikkonkludi li ma kienx hemm alternattivi għall-użi kollha applikati jew li l-inċertezzi li jifdal kienu “negliġibbli”. |
58. |
F’dan ir-rigward, kif jidher mill-punt 77 tas-sentenza appellata, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li l-applikant għall-awtorizzazzjoni isostni r-riskju ta’ eventwali impossibbiltà li jistabbilixxi n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi u għalhekk f’każ li jibqgħu l-inċertezzi, ma jistax jingħata awtorizzazzjoni, li tirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, moqri flimkien mal-premessa 69 tiegħu, li skont din l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-applikant għall-awtorizzazzjoni f’dan ir-rigward u għalhekk isostni r-riskju fejn dan ir-rekwiżit jibqa’ mhux ipprovat. |
59. |
Bl-istess mod, kif indikat mir-Renju tal-Isvezja, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma tistax tadotta deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni abbażi ta’ sempliċi ipoteżi, ma tistax tinqara bħala li jimponi fuqha l-oneru tal-prova impossibbli. Minn din il-konstatazzjoni jirriżulta li jekk hemm biss preżunzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi adatti, dan ir-rekwiżit ma ġiex stabbilit, filwaqt li jekk il-Kummissjoni għandha informazzjoni li ssostni l-allegazzjoni li ma hemmx alternattivi adatti, dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt. |
60. |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, moqri flimkien mal-punt 84 tagħha, il-Qorti Ġenerali, ġustament fil-fehma tiegħi, iddeċidiet li, jekk il-provi prodotti mill-analiżi tal-alternattivi tal-applikant għall-awtorizzazzjoni huma kontradetti mill-provi prodotti minn terzi jew minn Stati Membri, il-Kummissjoni għandha teżamina r-rekwiżit dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi b’mod iktar iddettaljat, b’tali mod li jekk għad hemm inċertezzi wara tali eżami, dan ir-rekwiżit ma huwiex issodisfatt u l-Kummissjoni ma tistax tagħti awtorizzazzjoni. |
61. |
Huwa fuq din il-bażi li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kinitx temmet l-eżami tagħha tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi u li, fl-assenza ta’ eżami iktar fil-fond ta’ dan ir-rekwiżit, l-awtorizzazzjoni ma setgħetx tingħata. Huwa ċar li tali konstatazzjoni kienet ibbażata fuq diversi kunsiderazzjonijiet, stabbiliti fil-punti 87 sa 98 tas-sentenza appellata: |
62. |
B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, moqri flimkien mal-punti 88 u 89 tagħha, li l-informazzjoni ppreżentata minn parti interessata kienet tpoġġi f’dubju l-affermazzjoni tal-applikant, fl-analiżi tagħha tal-alternattivi, li s-sustanzi inkwistjoni kienu kkaratterizzati minn prestazzjoni teknika għolja, li ma kienet tikkorrispondi għall-ebda mill-alternattivi. |
63. |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, l-argument tal-Kummissjoni li hija wettqet analiżi addizzjonali tan-nuqqas ta’ alternattivi adatti, minħabba li dawn l-analiżi kienu jikkonsistu f’informazzjoni addizzjonali mill-applikant li ma tiċċarax l-użi li għalihom ma kienx hemm alternattivi. |
64. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni minnha ta’ limitu żero ta’ fattibbiltà teknika ta’ alternattivi ma humiex konvinċenti, peress li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx pożizzjoni f’dan ir-rigward fil-punti tas-sentenza appellata kkontestata mill-Kummissjoni. Indipendentement mill-applikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ tali limitu, argumenti f’dan is-sens ma jippermettux li tiġi ssostanzjata l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali imponiet oneru tal-prova impossibbli skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Kif jidher mill-punti 86, 90 u 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi ġustament, qieset, fid-dawl tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni teknika tas-sustanzi inkwistjoni, li kienet teżisti evidenza ċara li l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi ma kinitx tlestiet u li l-Kummissjoni ma kinitx spjegat b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat dawn l-alternattivi mhux xierqa. |
65. |
Għaldaqstant, nipproponi li l-ewwel aggravju jiġi miċħud bħala infondat. |
B. It-tieni aggravju (dwar il-limitu żero ta’ fattibbiltà teknika ta’ alternattivi)
1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet
66. |
Permezz tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni, sostnuta b’mod ġenerali mill-ECHA, issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi manifest, fil-punti 86, 90 u 96 tas-sentenza appellata, billi injorat is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex tiffissa valur limitu ta’ fattibbiltà teknika u ekonomika fl-evalwazzjoni tal-alternattivi skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. B’konsegwenza ta’ dan, hija tal-fehma li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju ta’ stħarriġ ġudizzjarju żbaljat u ssostitwixxiet ruħha għall-Kummissjoni fl-ibbilanċjar tal-kunsiderazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u tekniċi rilevanti. |
67. |
Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kontenzjuża hija bbażata fuq l-applikazzjoni minnha ta’ limitu żero għal telf ta’ prestazzjoni teknika u li l-ebda alternattiva ma kienet tissodisfa dan il-limitu. Fil-fehma tagħha, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu dan inkunsiderazzjoni u għaqqdet dawn iż-żewġ elementi. Skont il-Kummissjoni, hija ma wettqitx żball meta ffissat limitu żero, imbagħad billi evalwat l-alternattivi fid-dawl ta’ dan il-limitu, peress li huwa impossibbli li tiġi evalwata l-fattibbiltà teknika ta’ alternattiva mingħajr ma tiddeċiedi liema livell ta’ telf ta’ prestazzjoni jista’ jitqies bħala aċċettabbli, li japplika b’mod simili għall-fattibbiltà ekonomika. Din id-deċiżjoni taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni, li tobbligaha tibbilanċja diversi kunsiderazzjonijiet. Huwa għalhekk, li hija ssostni, li l-evalwazzjoni tagħha tal-alternattivi taqa’ fil-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju bbażat fuq l-iżball manifest, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ April 2019, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (T‑108/17, EU:T:2019:215), iżda li hija naqset milli tapplika fis-sentenza appellata. |
68. |
Ir-Renju tal-Isvezja, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, teċċepixxi li t-tieni aggravju huwa inammissibbli għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali kkritikati jirrigwardaw kwistjoni ta’ fatt. It-tieni, l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ limitu żero ta’ fattibbiltà teknika ta’ alternattivi ma ġietx invokata quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk tikkostitwixxi argument ġdid li ma jistax jiġi invokat fl-appell. |
69. |
Ir-Renju tal-Isvezja, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mill-Parlament, iżżid li t-tieni aggravju huwa infondat. |
70. |
L-ewwel, ir-Renju tal-Isvezja u l-Parlament isostnu li l-approċċ tal-limitu żero adottat mill-Kummissjoni ma jirriżultax mid-deċiżjoni kontenzjuża u l-Kummissjoni lanqas ma qajmet dan l-argument quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, ir-Renju tal-Isvezja jafferma li ma hemm l-ebda prova li tissostanzja l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan l-element jew li injorat is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni. Il-Parlament isostni li, għalkemm dan l-argument jikkostitwixxi sempliċi “rikostruzzjoni retroattiva”, huwa, fi kwalunkwe każ, irrilevanti jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx tali limitu, peress li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi b’mod definittiv in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi u li huwa jammetti, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li ma huwiex ċar jekk jeżistux jew le alternattivi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti. |
71. |
It-tieni, ir-Renju tal-Isvezja, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mill-Parlament, issostni li l-approċċ tal-limitu żero tal-Kummissjoni jmur kontra r-Regolament REACH. Ir-Renju tal-Isvezja jsostni li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-alternattivi għandhom jiġu evalwati konkretament skont l-użu previst tagħhom u, għalhekk, billi jiġi stabbilit limitu ta’ telf ta’ prestazzjoni mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni li għaliha din il-prestazzjoni hija neċessarja fir-rigward tal-użu previst, il-Kummissjoni ma osservatx l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Ir-Renju tad-Danimarka u l-Parlament jenfasizzaw li tali approċċ ma huwiex konformi mal-formulazzjoni u mal-għanijiet tar-Regolament REACH u jista’ jċaħħad mis-sustanza tiegħu r-rekwiżit dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, peress li jillimita s-sostituzzjoni bbażata fuq alternattivi b’karatteristiċi ekwivalenti għas-sustanza inkwistjoni. Ir-Repubblika tal-Finlandja tqis ukoll li l-prestazzjoni teknika għandha tiġi evalwata separatament għal kull użu u li l-approċċ tal-Kummissjoni jwassal sabiex jiġu awtorizzati sustanzi ta’ tħassib serju ħafna faċilment, li jippreġudika s-sistema ta’ awtorizzazzjoni. |
2. Evalwazzjoni tat-tieni aggravju
a) Fuq l-ammissibbiltà
72. |
L-ewwel, ir-Renju tal-Isvezja, flimkien mar-Renju tad-Danimarka, jikkontestaw, essenzjalment, l-ammissibbiltà tat-tieni aggravju minħabba li dan jirrigwarda l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-fatti u tal-provi li abbażi tagħhom hija kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat debitament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, li, fl-assenza ta’ allegazzjonijiet ta’ żnaturament tal-fatti u tal-provi, ma jistgħux jiġu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell. |
73. |
Jiena ma naqbilx ma’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Kif enfasizzajt fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx korrettament tikkonkludi, abbażi tal-fatti u tal-provi prodotti quddiemha, li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tan-nuqqas ta’ alternattivi adatti tikkonċerna l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti tal-kawża, li l-istħarriġ tagħha jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell. |
74. |
It-tieni, ir-Renju tal-Isvezja, flimkien mar-Renju tad-Danimarka, jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-tieni aggravju minħabba li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni minnha ta’ limitu żero għal fattibbiltà teknika ta’ alternattivi huwa argument ġdid li ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk ma jistax jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell. |
75. |
Jiena ma naqbilx ukoll ma’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Abbażi tal-analiżi fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-argument tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni minnha ta’ limitu żero ta’ fattibbiltà teknika ta’ alternattivi għandu jitqies ammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li huwa intiż li jikkontesta l-fondatezza, fid-dritt, tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni naqset milli twettaq evalwazzjoni xierqa tan-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH u tibbaża ruħha fuq argumenti mqajma mill-Kummissjoni fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. |
76. |
Nikkunsidra, għalhekk, it-tieni aggravju ammissibbli. |
b) Fuq il-mertu
77. |
Bit-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat b’mod żbaljat id-diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha sabiex tiddetermina l-limitu ta’ fattibbiltà teknika u ekonomika tal-alternattivi skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH u l-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju fuq id-deċiżjonijiet tagħha meħuda skont din id-dispożizzjoni. |
78. |
Kif issemma fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet debitament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Din il-konstatazzjoni kienet ibbażata fuq diversi kunsiderazzjonijiet, stabbiliti fil-punti 87 sa 98 tas-sentenza appellata. |
79. |
B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li l-informazzjoni ppreżentata minn parti interessata kienet tindika li, taħt ċerti kundizzjonijiet, kienu disponibbli fis-suq tal-Unjoni alternattivi għall-użi kollha msemmija fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. |
80. |
Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li mill-premessi 8, 9 u 12 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni kien għad kellha dubji dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi teknikament fattibbli għall-użi kollha koperti mill-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. |
81. |
Fil-fehma tiegħi, ebda żball ta’ liġi ma jista’ jiġi identifikat f’dawn il-konstatazzjonijiet. |
82. |
L-ewwel nett, nosserva li d-determinazzjoni mill-Kummissjoni ta’ valur limitu għal fattibbiltà teknika ta’ alternattivi jew ekonomika ma tissemmiex la fid-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas fis-sentenza appellata, kemm fis-sommarju tal-argumenti tal-Kummissjoni fil-punti 51 sa 56 ta’ din is-sentenza u lanqas fil-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, is-sentenza appellata ma tiħux pożizzjoni ġenerali fuq is-setgħat diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex tevalwa l-fattibbiltà teknika ta’ alternattivi. Konsegwentement, kif jindikaw ir-Renju tal-Isvezja u l-Parlament, ebda prova ma tidher li ssostni l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni, l-applikazzjoni minnha ta’ livell żero ta’ prestazzjoni teknika fid-deċiżjoni kontenzjuża jew billi injorat is-setgħa diskrezzjonali tagħha li tiffissa limiti għal fattibbiltà teknika u ekonomika ta’ alternattivi. |
83. |
Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-premessi 8, 9 u 12 tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jidhirlix li tista’ tiġi kkritikata. Kif jirriżulta mill-punti 24 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-premessi 8, 9 u 12 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rrikonoxxiet “d-diffikultajiet li jiġi stabbilit kompletament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi teknikament fattibbli għall-użi kollha koperti” tal-użi msemmija fl-applikazzjoni. Għalhekk, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali tirriżulta mill-formulazzjoni ta’ dawn il-premessi. L-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li hija applikat limitu żero ta’ fattibbiltà teknika u kkonstatat li ebda alternattiva ma ssodisfat dan il-limitu ma jistgħux jinvalidaw dan. |
84. |
Madankollu, sa fejn il-Kummissjoni tallega li l-applikazzjoni minnha ta’ livell żero li jikkonċerna l-fattibbiltà teknika ta’ alternattivi tikkostitwixxi bażi tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija tqajjem il-kwistjoni dwar jekk tali approċċ huwiex konformi mar-Regolament REACH. Il-fehma tiegħi ta’ dan l-approċċ hija li alternattiva adatta hija teknikament fattibbli biss jekk hija toffri, għall-użi previsti, l-istess prestazzjoni teknika bħas-sustanzi inkwistjoni. Fuq din il-bażi, jidhirli li, kif jindikaw ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Parlament, jeżistu indizji serji, fid-dawl tal-formulazzjoni u l-għanijiet tar-Regolament REACH, li tali approċċ ma huwiex konformi mas-sistema ta’ awtorizzazzjoni implimentata minn dan ir-regolament. Lanqas ma hija konformi mas-sentenza appellata. |
85. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali esponiet l-interpretazzjoni tagħha, fil-punti 70 sa 76 tas-sentenza appellata, tal-kunċett ta’ alternattiva adatta għall-finijiet tar-Regolament REACH. B’mod partikolari, hija fakkret li, skont dokument ta’ gwida maħruġ mill-ECHA, alternattiva tindika sostituzzjoni possibbli tas-sustanza inkwistjoni, u li għandha tkun tista’ tissostitwixxi l-funzjoni li din is-sustanza twettaq. Fil-fehma tagħha, il-kunċett ta’ alternattiva adatta mhux biss huwa iktar sigur, iżda wkoll “ekonomikament u teknikament vijabbli” fis-sens tal-Artikolu 55 tar-Regolament REACH. Din il-frażi timplika, skont il-Qorti Ġenerali, li l-alternattivi adatti ma humiex limitati għall-eżistenza ta’ sustanzi jew teknoloġiji alternattivi fl-astratt jew skont kundizzjonijiet li huma biss ta’ natura eċċezzjonali, iżda li l-evalwazzjoni għandha ssir mill-perspettiva tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ dawn is-sustanzi, tal-fattibbiltà ta’ dawn it-teknoloġiji u tar-rekwiżiti legali u fattwali meħtieġa għat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tagħhom. |
86. |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żiedet li l-evalwazzjoni tal-alternattivi adatti timplika wkoll kriterju suġġettiv dwar jekk l-alternattivi humiex teknikament u ekonomikament fattibbli “għall-applikant” għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 60(5)(b) tar-Regolament REACH, b’tali mod li, meta alternattiva tkun disponibbli b’mod ġenerali, iżda għada mhux għall-applikant, l-awtorizzazzjoni tista’ dejjem tingħata jekk dak l-applikant jippreżenta pjan ta’ sostituzzjoni, kif previst minn dan ir-regolament, għal sostituzzjoni eventwali tas-sustanza permezz tal-alternattiva. |
87. |
Mis-sentenza appellata jirriżulta li r-rekwiżit dwar in-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH jimplika evalwazzjoni konkreta, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oġġettivi u suġġettivi, fir-rigward tal-kapaċitajiet tal-alternattiva għas-sostituzzjoni tal-funzjoni li twettaq is-sustanza ta’ tħassib serju ħafna fir-rigward tal-użi previsti mill-applikant għall-awtorizzazzjoni. |
88. |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li, għalkemm fir-Regolament REACH ma hemmx definizzjonijiet relatati mal-kunċetti ta’ alternattiva jew fattibbiltà teknika u ekonomika xierqa, mill-formulazzjoni tar-Regolament REACH, jiġifieri li l-alternattivi għall-finijiet tal-Artikolu 60(4) u (5) ta’ dan ir-regolament għandhom ikunu “adegwati” u “fattibbli”, jista’ jiġi dedott li dawn għandhom ikunu jistgħu, abbażi ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-ispejjeż, tad-disponibbiltà u tal-effikaċja, jwettqu l-funzjoni moqdija mis-sustanza inkwistjoni ( 24 ). Dan huwa sostnut b’mod partikolari mill-Artikolu 60(4)(d) (“kwalunkwe sustanza jew teknoloġija alternattiva”) u mill-Artikolu 60(5) (“l-aspetti kollha relevanti”) tar-Regolament REACH, li jikkostitwixxi kunċett wiesa’ ta’ alternattiva adatta li jista’ jkun kapaċi li jissostitwixxi s-sustanza, u ma huwiex limitat sempliċiment għal sostituti eżatti (“tnaqqis”). Dan jidher ukoll fid-dokumenti ta’ gwida tal-ECHA, li jindikaw li l-fattibbiltà teknika ta’ alternattiva hija bbażata fuq l-alternattiva li tissodisfa jew tissostitwixxi l-funzjoni li twettaq is-sustanza, filwaqt li l-fattibbiltà ekonomika hija kkonċentrata fuq it-tibdil fl-ispejjeż u d-dħul tal-applikant għall-awtorizzazzjoni b’riżultat tat-trasferiment għall-alternattiv ( 25 ). |
89. |
Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ alternattivi adatti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għan imfittex mir-Regolament REACH li jiġi żgurat livell għoli ta’ saħħa tal-bniedem u ta’ protezzjoni tal-ambjent, skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll l-għan speċifiku tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni, stabbilita fl-Artikolu 55 tiegħu, li jiġi żgurat li s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu progressivament issostitwiti b’alternattivi adatti, meta dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli (ara l-punti 9 u 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
90. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ livell żero ta’ fattibbiltà teknika ta’ alternattivi kif deskritt fil-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma jidhirlix li hija konformi mal-kunċett wiesa’ tal-alternattivi adatti riflessi fir-Regolament REACH u mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li l-evalwazzjoni tal-alternattivi adatti għandha tiġi evalwata konkretament fid-dawl taċ-ċirkustanzi u tal-kapaċitajiet rilevanti tal-alternattiva sabiex titwettaq il-funzjoni tas-sustanza għall-użi mitluba. Permezz tal-istabbiliment ta’ limitu għal telf ta’ prestazzjoni teknika mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni li għandha tiġi ssodisfatta mis-sustanza li għaliha din il-prestazzjoni hija neċessarja fl-użi mitluba, tali approċċ jinjora l-fatt li l-fattibbiltà teknika tal-alternattiva għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-funzjoni li għandha titwettaq għall-użu previst u mhux fir-rigward tal-prestazzjoni tas-sustanza ta’ tħassib serju ħafna. Konsegwentement, dan l-approċċ jista’ jkun li jċaħħad mis-sustanza tiegħu r-rekwiżit dwar in-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, peress li jillimita b’mod inevitabbli l-firxa ta’ alternattivi potenzjali. |
91. |
Tali approċċ jidher għalhekk li jmur kontra l-għan tar-Regolament REACH ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent sa fejn dan jista’ jwassal għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet f’sitwazzjonijiet fejn alternattivi adatti jistgħu effettivament ikunu disponibbli. Bl-istess mod, huwa jippreġudika l-għan tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni fl-Artikolu 55 tar-Regolament REACH li tiġi ffavorita s-sostituzzjoni progressiva tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, peress li tista’ twassal għall-possibbiltà li tiġi aċċettata sostituzzjoni fil-każijiet eċċezzjonali biss fejn din ma twassal għal ebda telf ta’ effikaċja. |
92. |
Fl-aħħar nett, fil-fehma tiegħi, l-ilmenti bbażati fuq il-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kontenzjuża ma humiex konvinċenti. B’mod partikolari, ir-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑4 ta’ April 2019, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (T‑108/17, EU:T:2019:215) ( 26 ), jidhirli mhux f’loku. Kif indikat mir-Repubblika tal-Finlandja, iċ-ċirkustanzi li jirriżultaw minn din il-kawża huma differenti minn dawk li jirriżultaw f’dik is-sentenza, iktar u iktar peress li dan ma kienx jikkonċerna l-eżami mill-ġdid mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq ir-Regolament REACH, iżda pjuttost deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006, li timplimenta l-obbligi li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 27 ). |
93. |
Barra minn hekk, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-istħarriġ tagħha għal żball manifest jirrigwarda l-evalwazzjoni minn istituzzjoni tal-Unjoni ta’ fatti kumplessi, tali li l-provi mogħtija mill-applikant għandhom ikunu biżżejjed sabiex tagħmel l-evalwazzjonijiet fattwali użati fl-att adottat minn dik l-istituzzjoni mhux plawżibbli ( 28 ). B’kuntrast, il-punti kkontestati tas-sentenza appellata ma jirrigwardawx il-plawżibbiltà tal-evalwazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni bħala l-bażi għall-awtorizzazzjoni, iżda pjuttost in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ evalwazzjoni tagħha li tistabbilixxi n-nuqqas ta’ alternattivi adatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. B’mod simili, jien ma nara l-ebda bażi għall-affermazzjoni li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet lilha nfisha għall-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tad-disponibbiltà ta’ alternattivi, peress li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq din il-kwistjoni f’dawk il-punti. |
94. |
Għaldaqstant nipproponi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
C. It-tielet aggravju (dwar il-portata u l-kundizzjonijiet parzjali ta’ awtorizzazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża)
1. L-argumenti tal-partijiet mfakkra
95. |
Permezz tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni, sostnuta b’mod ġenerali mill-ECHA, tafferma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi manifest, fil-punti 86, 97 u 98 tas-sentenza appellata, fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. |
96. |
Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tawtorizza l-użi kollha msemmija fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, iżda pjuttost kienet tikkostitwixxi awtorizzazzjoni parzjali għal ċerti użi tas-sustanzi inkwistjoni li fihom il-proprjetajiet tekniċi ta’ prestazzjoni ta’ dawn is-sustanzi kienu neċessarji għall-użu previst. Għalhekk hija ssostni li d-deċiżjoni kontenzjuża ma setgħetx tiġi interpretata fis-sens li r-rekwiżiti tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH ma kinux issodisfatti għal awtorizzazzjoni parzjali. |
97. |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li ċerti kundizzjonijiet fid-deċiżjoni kontenzjuża jindikaw li l-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH ma ġietx kompluta. Fil-fehma tagħha, huwa possibbli li l-portata tal-awtorizzazzjoni tiġi limitata permezz ta’ kriterji oġġettivi u li jiġi ddefinit l-użu awtorizzat billi jsir riferiment għall-funzjonalitajiet imfittxija, kif sar fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kontenzjuża. Skont il-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(3)(d) u (e) ta’ din id-deċiżjoni dwar ir-rekwiżiti li jingħata rendikont tad-detentur tal-awtorizzazzjoni u tal-utenti downstream tiegħu kienu intiżi sabiex itejbu l-informazzjoni disponibbli għall-ECHA u l-Kummissjoni fl-istadju tal-eżami mill-ġdid, jew saħansitra qabel. Hija ssostni wkoll li hija ma ddelegatx lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru l-kompitu diskrezzjonali li jevalwaw l-alternattivi skont l-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fid-dawl ta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH dwar ir-rwol tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dak ir-regolament, bħall-Artikoli 122, 125 u 126 u l-premessi 119 sa 121 tiegħu, hija tikkunsidra li l-fatt li l-Istati Membri ma humiex permessi jwettqu kompiti ta’ monitoraġġ u verifika ta’ konformità fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni tinjora d-diviżjoni tal-kompetenzi previsti f’dak ir-regolament u jista’ jkollha effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. |
98. |
Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li t-tielet aggravju huwa inammissibbli, peress li huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mill-Qorti Ġenerali, li ma tistax tiġi mistħarrġa fl-appell. |
99. |
Ir-Renju tal-Isvezja, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mill-Parlament, issostni, barra minn hekk, li t-tielet aggravju huwa infondat. Huma tal-fehma, li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-Kummissjoni naqset milli tasal għal konklużjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, kif jirriżulta mill-kundizzjonijiet fid-deċiżjoni kontenzjuża li kienu jeħtieġu lid-detentur tal-awtorizzazzjoni u l-utenti downstream tiegħu jipprovdu informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ alternattivi adatti u fuq l-utenti downstream li jastjenu milli jużaw is-sustanzi inkwistjoni fil-każ fejn huma jidentifikaw alternattiva. Huma jenfasizzaw li, għalkemm huwa possibbli li l-portata tal-awtorizzazzjoni tiġi limitata minn kriterji oġġettivi, il-Kummissjoni ma tistax tifformula kundizzjonijiet li jirrappreżentaw ir-rekwiżiti li hija responsabbli li tevalwa skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. Ir-Renju tal-Isvezja jsostni wkoll li l-Kummissjoni ma tistax tiddelega lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-kompiti fdati lilha skont ir-Regolament REACH; dawn l-awtoritajiet għandhom is-setgħa li jinforzaw id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, iżda ma jistgħux jieħdu pożizzjoni dwar jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 60(4) humiex issodisfatti. |
2. Evalwazzjoni tat-tielet aggravju
a) Fuq l-ammissibbiltà
100. |
Ir-Renju tad-Danimarka jikkontesta, essenzjalment, l-ammissibbiltà tat-tielet aggravju minħabba li jirrigwarda l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali li abbażi tagħha hija kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet debitament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, li ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell. |
101. |
Fil-fehma tiegħi, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tirnexxi. Kif rilevat fil-punti 50 u 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx korrettament tikkonkludi, abbażi tal-fatti u tal-provi prodotti quddiemha, li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ alternattivi xierqa għall-għoti tal-awtorizzazzjoni tikkonċerna l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti tal-kawża, li l-istħarriġ tagħha jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell. |
102. |
Għalhekk, nikkunsidra, it-tielet aggravju ammissibbli. |
b) Fuq il-mertu
103. |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH għad-deċiżjoni kontenzjuża. Fl-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li kienet awtorizzat l-użi kollha msemmija fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni filwaqt li kienet tat biss awtorizzazzjoni parzjali. Fit-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tikkritika l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li ċerti kundizzjonijiet fid-deċiżjoni kontenzjuża kienu juru li hija kienet tat l-awtorizzazzjoni qabel ma wettqet eżami suffiċjenti tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi. |
104. |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel parti tat-tielet aggravju jidhirli li hija infondata fil-fatt. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, moqri flimkien mal-punti 54 sa 56 tagħha, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tawtorizza l-użi kollha mitluba, iżda kienet “limitata biss għall-każijiet” li fihom il-karatteristiċi ta’ prestazzjoni tas-sustanzi inkwistjoni kienu neċessarji. |
105. |
Madankollu, huwa minnu li, kif tallega l-Kummissjoni fl-ewwel u fit-tieni parti tat-tielet aggravju, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 97 u 98 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjonijiet marbuta mill-Kummissjoni mal-awtorizzazzjoni isostnu l-konstatazzjoni tagħha, li tinsab fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet debitament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
106. |
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjoni fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kontenzjuża, li skontha l-Kummissjoni llimitat l-awtorizzazzjoni għal dawk il-każijiet li fihom il-prestazzjonijiet tal-kompożizzjonijiet li jinkludu s-sustanzi inkwistjoni kienu realment neċessarji, kienet tammonta għal dikjarazzjoni li utent downstream, kull darba li jidentifika alternattiva, għandu jastjeni milli juża s-sustanzi inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali hija tal-fehma li tali kundizzjoni tikkostitwixxi indikazzjoni qawwija li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-eżami tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi kien konkluż. |
107. |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 1(3)(d) u (e) tad-deċiżjoni kontenzjuża, li skonthom l-utenti downstream tad-detentur tal-awtorizzazzjoni kellhom jipprovdu l-informazzjoni dwar l-alternattivi adatti u disponibbli li kienu jiġġustifikaw b’mod iddettaljat in-neċessità li jintużaw is-sustanzi inkwistjoni u d-detentur tal-awtorizzazzjoni kellu jippreżenta rapport li fih kellu jirfina d-deskrizzjoni tal-użu awtorizzati bbażata fuq l-alternattivi pprovduti mill-utenti downstream tiegħu, kienu prova li l-eżami mill-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi kien għadu mhux konkluż. |
108. |
Fil-fehma tiegħi, dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex ivvizzjati minn żball ta’ liġi. |
109. |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, in-nuqqas ta’ alternattivi adatti hija kundizzjoni minn qabel għall-awtorizzazzjoni mogħtija skont din id-dispożizzjoni u għalhekk l-evalwazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit għandha tkun tlestiet qabel it-teħid tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għalkemm ir-Regolament REACH jeżiġi, b’mod ġenerali, li l-kundizzjonijiet ikunu imposti fuq l-awtorizzazzjonijiet (ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u ma jidhirx li jeskludi, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-limitazzjoni tal-portata tal-awtorizzazzjoni permezz ta’ kriterji oġġettivi, mill-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tissuġġetta awtorizzazzjoni għal kundizzjonijiet li hija obbligata tevalwa skont din id-dispożizzjoni. Kif il-Qorti Ġenerali, ġustament fil-fehma tiegħi, iddeċidiet fil-punti 82 u 83 tas-sentenza appellata, il-possibbiltà li jiġu marbuta kundizzjonijiet ma’ awtorizzazzjoni ma tistax b’mod partikolari tintuża bħala mezz li jippermetti lill-Kummissjoni tħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH humiex issodisfatti jew sabiex tirrimedja l-irregolaritajiet fl-evalwazzjoni li hija għandha twettaq skont din id-dispożizzjoni. |
110. |
Konsegwentement, jidhirli li l-Kummissjoni ma tistax, skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, tissuġġetta awtorizzazzjoni għar-rekwiżit li ma jkun hemmx hemm alternattiva adatta għal sustanza partikolari, li huwa rifless fil-kundizzjoni fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-prestazzjoni għandha tkun teknikament vijabbli biss permezz tal-użu tas-sustanzi inkwistjoni u li din il-prestazzjoni hija neċessarja għall-użu previst (ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fil-fehma tiegħi, din il-kundizzjoni tħalli, essenzjalment, lid-detentur tal-awtorizzazzjoni u lill-utenti downstream tiegħu jiddeċiedu huma stess jekk hemmx alternattiva adatta. Għaldaqstant, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali, din il-kundizzjoni timplika li l-Kummissjoni ma wettqitx l-evalwazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. |
111. |
Jiena naqbel ukoll mal-qari li l-Qorti Ġenerali għamlet tal-kundizzjonijiet fl-Artikolu 1(3)(d) u (e) tad-deċiżjoni kontenzjuża. L-Artikolu 1(3)(d) ta’ din id-deċiżjoni jobbliga b’mod partikolari lill-utenti downstream jipprovdu informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ alternattivi u jiġġustifikaw in-neċessità li jintużaw is-sustanzi inkwistjoni, filwaqt li l-Artikolu 1(3)(e) ta’ din id-deċiżjoni jobbliga lid-detentur tal-awtorizzazzjoni jirrapporta dwar din l-informazzjoni ppreżentata mill-utenti downstream tiegħu u jirfina d-deskrizzjoni tal-użi awtorizzati abbażi ta’ din l-informazzjoni (ara l-punti 27 u 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fil-fehma tiegħi, dawn il-kundizzjonijiet, essenzjalment, ifissru li jitolbu lid-detentur tal-awtorizzazzjoni u lill-utenti downstream tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni intiża għall-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi għall-użi tas-sustanzi inkwistjoni wara li dan l-użu jkun ġie awtorizzat mill-Kummissjoni. Għalhekk, jidhirli li din il-kundizzjoni tindika wkoll li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi ma kinitx tlestiet. |
112. |
Għandu jingħad ukoll li jistgħu jinsiltu konklużjonijiet simili fir-rigward tal-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kontenzjuża, li jippreċiża li, fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, l-utenti downstream tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għandhom jiġġustifikaw ir-raġunijiet li għalihom japplikaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni u għaliex il-parametri ta’ prestazzjoni huma neċessarji għall-użu previst (ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fil-fehma tiegħi, dan jipprevedi, essenzjalment, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jivverifikaw jekk l-utenti downstream iddeterminawx korrettament li ma jeżistux alternattivi adatti għall-użi tas-sustanzi inkwistjoni. Għalhekk, jista’ jitqies li jiġi ssostanzjat iktar li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi ma kinitx konkluża. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma hemm xejn li jissuġġerixxi, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH dwar ir-rwol tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li huma jistgħu jwettqu kompiti li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH. |
113. |
Għaldaqstant, nipproponi li t-tielet aggravju jiġi miċħud bħala infondat. |
D. Ir-raba’ aggravju (dwar iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża)
1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet
114. |
Permezz tar-raba’ aggravju, ippreżentat sussidjarjament, il-Kummissjoni, sostnuta b’mod ġenerali mill-ECHA, targumenta li l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali rrifjutat li żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi manifest fil-punt 112 ta’ din is-sentenza. |
115. |
L-ewwel, il-Kummissjoni ssostni li l-punt 112 tas-sentenza appellata huwa bbażat fuq premessa żbaljata – li hija tammetti li sar ukoll fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali – li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta fi projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tas-sustanzi inkwistjoni. Fil-fehma tagħha, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża għandu l-effett li jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni legali eżistenti qabel l-adozzjoni tagħha, li jimplika li, fid-dawl tar-regoli tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 56(1)(d) tar-Regolament REACH, is-sustanzi inkwistjoni jistgħu jkomplu jintużaw u jitqiegħdu fis-suq mill-applikant u l-utenti downstream tiegħu għall-użi mitluba sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. |
116. |
It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li l-effett immedjat tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jippreżenta riskju sinjifikattivament ogħla għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, peress li s-sustanzi inkwistjoni jistgħu jintużaw u jitqiegħdu fis-suq mingħajr ma jkunu suġġetti għall-kundizzjonijiet u għal-limitazzjonijiet previsti mid-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, hija tqis li, anki jekk l-aggravji l-oħra jiġu miċħuda, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża sakemm dan jiġi ssostitwit b’deċiżjoni ġdida. |
117. |
Ir-Renju tal-Isvezja, sostnut mir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Finlandja, jikkontesta ir-raba’ aggravju bħala infondat. |
118. |
Ir-Renju tal-Isvezja, flimkien mar-Repubblika tal-Finlandja, isostni li, għalkemm l-effetti tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża huma differenti minn dawk previsti mill-Qorti Ġenerali, iċ-ċaħda minnha tat-talba tal-Kummissjoni hija fondata, għaliex il-kundizzjonijiet għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża ma humiex issodisfatti. B’mod partikolari, dawk l-Istati Membri jaffermaw li l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ma jwassalx għal konsegwenzi gravi għal DCC Maastricht, peress li hija tista’ tkompli tikkummerċjalizza s-sustanzi inkwistjoni għall-użu mitlub sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida. Huwa ma joħloqx riskji wkoll għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, minħabba li hemm regoli tal-UE fis-seħħ sabiex jipproteġu lill-ħaddiema mill-espożizzjoni għas-sustanzi inkwistjoni ( 29 ). Il-Kummissjoni lanqas ma wriet li l-kwantitajiet awtorizzati mid-deċiżjoni kontenzjuża huma inqas minn dawk imsemmija fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni. |
119. |
Ir-Renju tad-Danimarka jargumenta li r-regoli tranżitorji fl-Artikolu 56(1)(d) tar-Regolament REACH jiskadu ladarba l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha u ma jistgħux jiġu stabbiliti mill-ġdid meta din id-deċiżjoni tkun annullata, bħal fil-każ preżenti, għaliex dan imur kontra l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent imfittex minn dan ir-regolament. Fil-fehma tagħha, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi eċċezzjoni għall-projbizzjoni ġenerali ta’ użu u ta’ tqegħid fis-suq ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u għalhekk għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. |
2. Evalwazzjoni tar-raba’ aggravju
120. |
Permezz tar-raba’ aggravju, ippreżentat sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-talba tagħha għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. |
121. |
Għandu jiġi rrilevat li jkun neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar dan l-aggravju biss jekk tiċħad l-aggravji l-oħra u tikkonferma l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif nipproponi jien. |
122. |
Qabelxejn nixtieq nindika li r-raba’ aggravju huwa fondat. Ir-raġunijiet li hija bbażata fuqhom din il-konklużjoni huma s-segwenti. |
123. |
Għandu jiġi mfakkar li l-annullament ta’ att tal-Unjoni ġeneralment jirriżulta fl-eliminazzjoni tiegħu mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni mid-data meta dak l-att daħal fis-seħħ, jiġifieri, għandu effetti retroattivi (ex tunc) ( 30 ). Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, li ssemmiet fil-punti 109 sa 111 tas-sentenza appellata, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE jippermetti lill-qrati tal-Unjoni jtaffu l-effetti retroattivi tal-annullament billi jsostnu li huma jistgħu, jekk jidhrilhom li dan hu meħtieġ, jindikaw liema mill-effetti tal-att iddikjarat null għandhom jitqiesu bħala definittivi. Din id-dispożizzjoni ġiet interpretata, inter alia, bħala li tippermetti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali kif ukoll għal raġunijiet intiżi li jipprevjenu degradazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, bħal fl-oqsma tas-saħħa pubblika u tal-protezzjoni tal-ambjent, li jinżammu l-effetti ta’ att tal-Unjoni ddikjarat null sakemm l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni kkonċernat jadotta l-miżuri xierqa ( 31 ). |
124. |
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li l-annullament b’effett immedjat tad-deċiżjoni kontenzjuża seta’ jwassal għal konsegwenzi negattivi serji għal DCC Maastricht, peress li hija ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tikkummerċjalizza s-sustanzi kontenzjużi. Madankollu, hija enfasizzat li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kien ibbażat fuq raġunijiet relatati mal-legalità fuq il-mertu tagħha. Hija ħadet il-fehma wkoll li ż-żamma tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni ma kinitx kompatibbli mal-għan tar-Regolament REACH li jiġi żgurat livell għoli ta’ saħħa tal-bniedem u ta’ protezzjoni tal-ambjent. Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali rrifjutat, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
125. |
Fil-fehma tiegħi, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 112 tas-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. |
126. |
Għandu jiġi kkunsidrat li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kellu l-effett li jmur lura għar-regoli tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 56(1)(d), moqri flimkien mal-Artikolu 58(1)(ċ)(ii) tar-Regolament REACH, li jindikaw li applikant jista’ jkompli jqiegħed is-sustanza inkwistjoni fis-suq għall-użi mitluba wara d-data tat-terminazzjoni sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, bil-kundizzjoni li din it-talba tkun tressqet fl-aħħar data tal-applikazzjoni għal sustanza elenkata fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament (ara l-punti 5, 6 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
127. |
F’dan il-każ, DCC Maastricht, li applikat għal awtorizzazzjoni fit-terminu mogħti, ibbenefikat minn din is-sistema tranżitorja (ara l-punti 18, 19 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Peress li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kellu l-effett li jeħtieġ lill-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra mill-ġdid l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, jidhirli li DCC Maastricht terġa’ tikseb il-benefiċċju ta’ dawk ir-regoli tranżitorji sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida dwar dik l-applikazzjoni. Kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tad-Danimarka, ma hemm xejn li jissuġġerixxi mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li huma ma japplikawx fis-sitwazzjoni fejn deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ġiet annullata. |
128. |
Għalhekk, jidhirli li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 112 tas-sentenza appellata billi naqset milli tikkunsidra r-regoli tranżitorji fl-Artikoli 56(1)(d) u 58(1)(ċ)(ii) tar-Regolament REACH. |
129. |
Barra minn hekk, huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, l-effetti ta’ att tal-Unjoni ddikjarat null jistgħu jinżammu b’mod partikolari fejn il-legalità ta’ dak l-att hija kkontestata, mhux minħabba l-għan jew il-kontenut tiegħu, iżda minħabba raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza jew ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali ( 32 ). Madankollu, qari mill-qrib tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja juri li, filwaqt li dak l-element jista’ jitqies bħala ostakolu li jipprevjeni lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi li l-effetti ta’ att tal-Unjoni jinżammu f’xi każijiet ( 33 ), f’oħrajn, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet l-effetti ta’ att tal-Unjoni li ġie annullat għal raġunijiet relatati mal-legalità fuq il-mertu tiegħu ( 34 ). Għalhekk, jidher li, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sal-lum, dan l-element ma huwiex rekwiżit li jrid jiġi ssodisfatt f’kull każ, iżda jiddependi mis-sitwazzjoni partikolari. |
130. |
Fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi eskluż, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, li ċ-ċaħda tat-talba tal-Kummissjoni li jinżammu l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża tippreżenta riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Kuntrarjament għall-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Finlandja u mir-Renju tal-Isvezja, id-deċiżjoni kontenzjuża tistabbilixxi kundizzjonijiet u limitazzjonijiet li jirrestrinġu, effettivament, l-użu tas-sustanzi inkwistjoni barra mir-regoli tal-Unjoni li jipproteġu lill-ħaddiema mill-espożizzjoni l dawk is-sustanzi inkwistjoni msemmija fil-punt 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dan jinkludi, inter alia, il-programm speċifiku dwar it-tagħmir ta’ protezzjoni personali u t-taħriġ tal-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 1(3)(b) u fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll il-limiti ta’ tunnellaġġ annwali, imsemmija fl-Artikolu 1(3)(c) u fil-premessa 13 tal-imsemmija deċiżjoni, sabiex jiġi żgurat li l-kwantitajiet tas-sustanzi inkwistjoni ma jeċċedux dawk indikati fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, it-termini limitati ta’ reviżjoni previsti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża jiġu mħassra ( 35 ). Għalhekk, fil-kuntest tal-bilanċ, iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża hija preferibbli għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. |
131. |
Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u tordna ż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. |
VII. Spejjeż
132. |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti sentenza definittiva hija stess, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-regoli, li japplika għall-appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tagħhom, fejn kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fiċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li parti għandha, minbarra li tbati l-ispejjeż tagħha, tħallas parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Peress li l-Kummissjoni rebħet biss fir-rigward tat-talbiet sussidjarji tagħha, jidher li huwa raġonevoli li l-Kummissjoni tbati erba’ partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż sostnuti mir-Renju tal-Isvezja, filwaqt li r-Renju tal-Isvezja għandu jbati parti minn ħamsa tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni. |
133. |
Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li japplika għall-appelli skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Skont l-Artikolu 184(4) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent fl-ewwel istanza li jipparteċipa fl-appell għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess. Għalhekk, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, il-Parlament u l-ECHA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. |
VIII. Konklużjoni
134. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU 2006 L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22, u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84.
( 3 ) Hemm kawża oħra pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tqajjem kwistjonijiet simili, iżda mhux identiċi, relatati b’mod partikolari mal-evalwazzjoni tal-alternattivi mill-Kummissjoni fil-kuntest taċ-ċaħda tagħha ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni: ara ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑458/19 P (ara wkoll il-punti 92 u 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Kawża dwar iċ-ċaħda mill-Kummissjoni ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deċiżjoni inkwistjoni hija wkoll pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali: ara ClientEarth et vs Il‑Kummissjoni, T‑436/17.
( 4 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Polynt vs ECHA (C‑323/15 P, EU:C:2017:207, punt 20).
( 5 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, PPG u SNF vs ECHA (C‑650/15 P, EU:C:2017:802, punt 55).
( 6 ) Għal diskussjoni fil-fond, ara, pereżempju, Herbatschek, N. et al., “The REACH Programmes and proceedings”, f’Bergkamp, L. (edizzjoni), The European Union REACH Regulation for Chemicals: Law and Practice, Oxford University Press, 2013, p. 83‑170, fil-p. 133‑146.
( 7 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, PPG u SNF vs ECHA (C‑650/15 P, EU:C:2017:802, punt 56).
( 8 ) Ara r-Regolament REACH, Artikoli 56(1)(a) u (d), u 58(1)(ċ)(ii).
( 9 ) Ara r-Regolament REACH, Artikoli 56(1)(e) u (2), u 62(2) u (3).
( 10 ) Ara r-Regolament REACH, Artikolu 62(1).
( 11 ) Ara r-Regolament REACH, Artikolu 60(1).
( 12 ) Ara r-Regolament REACH, Artikoli 60(8) u (9), u 61; premessa 72.
( 13 ) Ara wkoll ir-Regolament REACH, premessi 22 u 69.
( 14 ) Skont l-Artikolu 62(4)(e) tar-Regolament REACH, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandu jinkludi, inter alia, analiżi tal-alternattivi li tikkunsidra r-riskji tagħhom u l-fattibbiltà teknika u ekonomika tas-sostituzzjoni.
( 15 ) Ara, b’mod partikolari, ir-Regolament REACH, Artikoli 76(1)(ċ) u (d), 77(3) u 85.
( 16 ) Ara wkoll ir-Regolament REACH, premessa 83.
( 17 ) Ara r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 125/2012 tal‑14 ta’ Frar 2012 li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2012, L 41, p. 1), premessi 6 u 7; Anness, Numri tad-dħul 11 u 12.
( 18 ) Kif indikat fil-punt 5 tas-sentenza appellata, DCC Maastricht hija l-uniku rappreżentant, fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament REACH, ta’ manifattur tas-sustanzi inkwistjoni barra mill-Unjoni (Kanadiż), b’tali mod li tirrappreżentah għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tas-sustanzi tagħha skont dan ir-regolament.
( 19 ) Il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti u l-motivi l-oħra mqajma fil-kawża (punti 46, 47 u 106 tas-sentenza appellata).
( 20 ) Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C‑389/19 P‑R, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1007). Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet u t-test li jakkumpanjaha.
( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 51), u tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni (C‑110/10 P, EU:C:2011:687, punt 46); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni (C‑417/12 P, EU:C:2014:286, punt 55).
( 22 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591, punt 31).
( 23 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑4/17 P, EU:C:2018:678, punt 24).
( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u r-Regolament (KE) {dwar il-materjal organiku persistenti li jniġġes}, COM(2003) 644 final tad‑29 ta’ Ottubru 2003, Memorandum ta’ Spjegazzjoni, abbozz tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 57.
( 25 ) Ara, pereżempju, ECHA, Gwida dwar it-tħejjija ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni (ĠU 2011, C 28, p. 1), b’mod partikolari l-punti 3.6 u 3.8. Ara wkoll, iktar reċentement, ECHA, How to apply for authorisation (Kif tapplika għal awtorizzazzjoni), Ottubru 2017, disponibbli fuq https://echa.europa.eu/, punt 3.3.
( 26 ) L-appell kontra din is-sentenza huwa pendenti: ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 27 ) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).
( 28 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (T‑108/17, EU:T:2019:215, b’mod partikolari l-punti 246, 248, 249, u 259 sa 262).
( 29 ) Dawk l-Istati Membri jirreferu, f’dan ir-rigward, għad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110); għad-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas‑7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax‑il Direttiva individwali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 279); u għad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma’ l-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 35).
( 30 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni (97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 30), u tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 61).
( 31 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑164/97 u C‑165/97, EU:C:1999:99, punti 22 sa 24); tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punti 72 sa 74); u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid vs Il‑Kummissjoni (T‑339/16, T‑352/16 u T‑391/16, EU:T:2018:927, punt 160). Għal diskussjoni ddettaljata, ara, pereżempju, Rosenkranz, F., “Temporal Effects of CJEU Judgments”, f’Riesenhuber, K. (ed.), European Legal Methodology, Intersentia, 2017, p. 561‑590.
( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400, punt 90), u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑660/13, EU:C:2016:616, punt 51).
( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790, punt 89), u tas‑7 ta’ Settembru 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑113/14, EU:C:2016:635, punt 84).
( 34 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑310/04, EU:C:2006:521, punti 138 sa 141, moqrija flimkien mal-punti 135 sa 137), u tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 373 sa 376, moqrija flimkien mal-punti 333 sa 372).
( 35 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C‑389/19 P‑R, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1007, punti 77 sa 80).