EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0367

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fit-28 ta’ Mejju 2020.
Tax-Fin-Lex d.o.o. vs Ministrstvo za notranje zadeve.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mid-Državna revizijska komisija za revizijo postopkov oddaje javnih naročil.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Punt 5 tal-Artikolu 2(1) – Kunċett ta’ ‘kuntratt pubbliku’ – Kunċett ta’‘kuntratt b’titolu oneruż’ – Offerta ta’ offerent ta’ ammont ta’ EUR 0.00 – Ċaħda tal-offerta – Artikolu 69 – Offerta baxxa wisq.
Kawża C-367/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:400

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-28 ta’ Mejju 2020 ( 1 )

Kawża C‑367/19

Tax-Fin-Lex d.o.o.

vs

Ministrstvo za notranje zadeve,

fil-preżenza ta’

LEXPERA d.o.o.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Državna revizijska komisija za revizijo postopkov oddaje javnih naročil (il-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Reviżjoni tal-Proċeduri ta’ Għoti tal-Kuntratti Pubbliċi, is-Slovenja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Punt 5 tal-Artikolu 2(1) – Klassifikazzjoni ta’ ‘kuntratt pubbliku’ – Kunċett ta’‘kuntratt b’titolu oneruż’ – Offerta ta’ offerent ta’ ammont ta’ EUR 0.00 – Evalwazzjoni tan-natura oneruża tat‑tranżazzjoni – Nuqqas ta’ korrispettiv pekunjarju dovut mill-awtorità kontraenti – Ċaħda tal-offerta – Bażi legali – Artikolu 69 – Offerta baxxa wisq”

I. Introduzzjoni

1.

Żero huwa (numru) baxx wisq?

2.

Jekk inħallu fil-ġenb id-diskussjonijiet mqanqla li n-natura tan‑numru żero qajmet fil-kamp tal-matematika ( 2 ), huwa probabbli li din id‑domanda magħmula mil-lenti ġuridika lil persuna sekulari twassalha sabiex tħares lejn il-ġuristi bi stagħġib kif normalment jiġri meta dawn jippruvaw jispjegaw xogħolhom. Il-persuna sekulari probabbilment imbagħad tirrimarkalhom, mhux mingħajr sarkażmu, li huma biss il‑ġuristi li kapaċi jiddiskutu dwar ix-xejn (letteralment) paġni fuq paġni.

3.

Xorta jibqa’ l-fatt li, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi bħal fil‑matematika, żero jidher li huwa numru singulari, li diffiċli jitqiegħed fil-klassifikazzjoni ta’ analiżi eżistenti. Offerent li jipproponi provvisti jew servizzi bi prezz nominali ta’ EUR 0.00 jagħmel offerta baxxa wisq? Jew inkella dan l-offerent jeskludi lilu nnifsu awtomatikament mill-kamp tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi billi juża ċ-ċifra maġika “0” fl-offerta tiegħu minflok somma oħra nominali ħafna inqas mill-ispejjeż reali tal‑kuntratt (bħal pereżempju, EUR 1.5 jew EUR 101), peress li, differenti min-numru l-oħra kollha naturali, “0” ma jistax jidher f’kuntratt pubbliku?

4.

Din hija, fil-qosor, il-problema li tqum f’din il-kawża. Fil-qafas tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi mnedija mill‑Ministrstvo za notranje zadeve (il-Ministeru tal-Intern, is-Slovenja), l‑impriża Tax-Fin-Lex d.o.o. tefgħet offerta b’ammont ta’ EUR 0.00 sabiex tipprovdi wieħed mis-servizzi msemmija. Il-Ministeru tal-Intern ċaħad din l-offerta abbażi tal-fatt li din la kienet tippermetti li jiġi konkluż “kuntratt b’titolu oneruż” fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2014/24/UE ( 3 ) u konsegwentement, lanqas kienet taqa’ taħt ir-regoli ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Min-naħa l-oħra, Tax-Fin-Lex d.o.o. issostni li t-tranżazzjoni li permezz tagħha hija tobbliga ruħha li tagħti s‑servizz għal ammont ta’ EUR 0.00 ser titwettaq “b’titolu oneruż” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, fl-opinjoni tagħha, l-eżekuzzjoni tal‑kuntratt jippermettilha tibbenefika minn vantaġġ ekonomiku, minħabba referenzi li tkun tista’ tikseb sussegwentement għall-finijiet ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ġodda.

II. Il-kuntest ġuridiku

5.

Id-Direttiva 2014/24 tistabbilixxi regoli li jikkoordinaw il‑proċeduri nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ’il fuq minn ċertu ammont sabiex dawn ikunu konformi mal-prinċipji ta’ moviment liberu tal-merkanzija, libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll mal-prinċipji li jirriżultaw minnhom bħall-ugwaljanza fit-trattament, in-nondiskriminazzjoni, il-proporzjonalità u t-trasparenza. Hija intiża wkoll sabiex tiżgura kompetizzjoni effettiva fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

6.

B’mod partikolari, il-premessi 4 u 103 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdu:

“(4)

Il-forom dejjem aktar varji ta’ azzjoni pubblika jeħtieġu definizzjoni aktar ċara tal-kunċett ta’ akkwist innifsu; madankollu dik il-kjarifika ma għandhiex twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jitqabbel ma’ dak tad‑Direttiva 2004/18/KE [ ( 4 )]. Ir-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwisti pubbliċi mhumiex maħsuba li jkopru kull forma ta’ ħlas ta’ fondi pubbliċi, iżda dawk biss immirati lejn l‑akkwist ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi għal konsiderazzjoni permezz ta’ kuntratt pubbliku. Għandu jkun ikkjarifikat li dawn l-akkwisti ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi għandhom ikunu soġġett għal din id-Direttiva sew jekk ikunu implimentati permezz ta’ xiri, kiri jew forom kuntrattwali oħrajn.

Il-kunċett ta’ akkwist għandu jiġi interpretat fis-sens wiesa’ tal‑kisba tal-benefiċċji tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi inkwistjoni […]

[…]

(103)

L-offerti li jidhru baxxi wisq fir-rigward tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi jistgħu jkunu bbażati fuq assunzjonijiet jew prattiċi li teknikament, ekonomikament jew legalment mhumiex tajbin. Fejn l-offerent ma jkunx jista’ jipprovdi spjegazzjoni suffiċjenti, l‑awtorità kontraenti għandha tkun intitolata li tirrifjuta l-offerta. L‑awtorità kontraenti għandha tkun obbligata li tirrifjuta, f’każijiet fejn tkun stabbiliet li l-prezz baxx b’mod anormali jew l-ispejjeż proposti jirriżultaw min-nuqqas ta’ konformità mal-liġi obbligatorja tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali kompatibbli magħha fl-oqsma tal-liġi soċjali, tax-xogħol jew ambjentali jew id‑dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali tax-xogħol.”

7.

Fil-qafas tat-Titolu I tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni, definizzjonijiet u prinċipji ġenerali”, l-Artikolu 1(1) u (2) jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist mill-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal‑kuntratti pubbliċi kif ukoll tal‑kompetizzjonijiet ta’ disinn, li l-valur tagħhom huwa stmat li mhuwiex inqas mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4

2.   Fis-sens ta’ din id-Direttiva l-akkwist huwa akkwist permezz ta’ kuntratt pubbliku […] ta’ servizzi minn awtorità kontraenti waħda jew aktar mingħand operaturi ekonomiċi magħżula minn dawk l-awtoritajiet kontraenti, sew jekk […] is-servizzi huma maħsuba għal skop pubbliku u sew jekk le.”

8.

Il-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 jiddefinixxi “kuntratti pubbliċi” bħala “kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-eżekuzzjoni tax‑xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi.”

9.

L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi “[p]rinċipji tal‑akkwist”. Huwa jispjega kif ġej:

“1.   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw li fit-twettiq tal-kuntratti pubbliċi l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali tal-ambjent, soċjali u tax-xogħol elenkati fl-Anness X.”

10.

L-Artikolu 69 tad-Direttiva 2014/24 huwa, min-naħa tiegħu, iddedikat għall-“[o]fferti baxxi wisq”. Dan l-artikolu jinsab fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu III tat-Titolu II ta’ din id-direttiva, li hija intitolata “L-għażla ta’ parteċipanti u l-għoti ta’ kuntratti”. Dan l-artikolu jipprovdi:

“1.   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jispjegaw il-prezz jew l-ispejjeż proposti fl-offerta meta l-offerti jkunu jidhru baxxi b’mod mhux normali fir-rigward tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi.

2.   L-ispjegazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu relatati b’mod partikolari ma’:

a)

l-ekonomija tal-metodu ta’ kostruzzjoni, tal-proċess ta’ manifattura jew tas-servizzi pprovduti jew tal-metodu tal-kostruzzjoni;

b)

is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula jew kwalunkwe kondizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli disponibbli għall-offerent għall‑forniment tal-prodotti jew servizzi jew għall-eżekuzzjoni tax‑xogħol;

c)

l-oriġinalità tax-xogħol, provvisti jew servizzi proposti mill‑offerent;

d)

konformità mal-obbligi msemmijin fl-Artikolu 18(2);

e)

konformità mal-obbligi msemmijin fl-Artikolu 71;

f)

il-possibbiltà li l-offerent jikseb għajnuna mill-Istat.

3.   L-awtorità kontraenti għandha tivvaluta l-informazzjoni pprovduta billi tikkonsulta lill-offerent. Din tista’ tiċħad l-offerta biss fejn il-provi pprovduti ma jispjegawx b’mod sodisfaċenti l-livell baxx tal-prezz jew tal-ispejjeż proposti, b’kont meħud tal-elementi msemmija fil‑paragrafu 2.

L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiċħdu l-offerta, fejn ikunu stabbilixxew li l-offerta hija baxxa wisq għax ma tikkonformax mal‑obbligi applikabbli msemmija fl-Artikolu 18(2).

[…]”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.

Fis-7 ta’ Ġunju 2018, il-Ministeru tal-Intern (l-awtorità kontraenti) beda proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi li jirrigwarda l-aċċess għal sistema ta’ informazzjoni ġuridika għal perijodu ta’ 24 xahar. Dan il-kuntratt huwa maqsum f’żewġ lottijiet. Il-valur ta’ dan il-kuntratt ġie stmat mill-Ministeru tal-Intern bħala EUR 39 959.01.

12.

Fir-rigward tal-ewwel lott li kien jirrigwarda l-aċċess għal sistema ta’ informazzjoni ġuridika, kienu biss żewġ operaturi ekonomiċi stabbiliti f’Ljubljana (is-Slovenja) u li huma speċjalizzati fil-qasam tal‑informazzjoni ġuridika li ppreżentaw offerti fit-termini stabbiliti: Tax-Fin-Lex d.o.o. (ir‑rikorrenti) u LEXPERA d.o.o. (l-intervenjenti).

13.

Ir-rikorrenti pproponiet li toffri dan is-servizz għal ammont ta’ EUR 0.00.

14.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2019, il-Ministeru tal‑Intern ipproċeda bl-għoti tal-kuntratt pubbliku magħmul mill-ewwel lott lill-intervenjenti u ċaħad l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti abbażi tal-fatt li din l-offerta kienet tmur kontra r-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

15.

Ir-rikorrenti ressqet talba għal reviżjoni ta’ din id-deċiżjoni. Fil‑kuntest tal-proċedura qabel ir-reviżjoni, il-Ministeru tal-Intern ċaħad din it-talba fil-5 ta’ Frar 2019. Fil-11 ta’ Frar 2019, huwa adixxa lid‑Državna revizijska komisija za revizijo postopkov oddaje javnih naročil (il-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Reviżjoni tal-Proċeduri ta’ Għoti tal‑Kuntratti Pubbliċi, is-Slovenja), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni.

16.

Ir-rikorrenti ssostni li offerta bħal dik inkwistjoni hija ammissibbli. Hija ssostni li, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, l‑offerent għandu d-dritt li jistabbilixxi b’mod liberu l-prezz propost u, konsegwentement, li joffri servizz b’xejn. Dan madankollu ma jfissirx li r-rikorrenti ma jkollha l-ebda korrispettiv għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Fil-fatt, hija tikkunsidra li l-konklużjoni tal‑kuntratt jagħtiha vantaġġ li jikkonsisti f’aċċess għal suq ġdid u utenti ġodda.

17.

Min-naħa l-oħra, il-Ministeru tal-Intern isostni li l-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku” imsemmi fil-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2014/24 ma jistax ikopri kuntratt li permezz tiegħu l‑operatur ekonomiku ppropona li jipprovdi s-servizz b’xejn lill-awtorità kontraenti. Huwa jikkunsidra li l-vantaġġ li l-operatur ekonomiku jieħu bl-għoti tal-kuntratt, jiġifieri l-aċċess potenzjali għal suq ġdid u referenzi, ma jikkostitwixxix korrispettiv għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku. Fil‑fatt, huwa jsostni li tali vantaġġ jirrappreżenta valur miżjud għall‑operaturi ekonomiċi kollha li madankollu ma jistax jiġi espress f’valur monetarju u, għalhekk, li jista’ jiġi ffatturat lill-awtorità kontraenti. Konsegwentement, il-Ministeru tal-Intern jikkunsidra li tranżazzjoni li fiha s-servizz ser jiġi pprovdut b’xejn ma tistax twassal għall-konklużjoni ta’ kuntratt b’titolu oneruż.

18.

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Ministeru tal-Intern eżamina din l-offerta fid-dawl tad‑dispożizzjonijiet relatati mal-offerti baxxi wisq. Madankollu, huwa ċaħad din l-offerta mhux għaliex din kienet baxxa wisq jew għaliex kienet kuntrarja għall-prinċipji li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, iżda sempliċement għaliex din kienet tindika l-ammont ta’ EUR 0.00.

19.

Il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha dwar l-interpretazzjoni tal‑kunċett ta’ “kuntratt b’titolu oneruż” imsemmi fil-kuntest tad‑definizzjoni ta’ “kuntratti pubbliċi” fil-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2014/24. Qabelxejn, hija tirrileva li, wieħed mill-elementi essenzjali tal-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku” imsemmi f’din id‑dispożizzjoni hija n-natura oneruża tal-kuntratt konkluż bejn l‑awtorità kontraenti u l-operatur ekonomiku. F’dan ir-rigward, hija tispjega li l-kunċett ta’ “kuntratti pubbliċi” huwa rilevanti mhux biss qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, peress li jimponi fuq l-awtorità kontraenti l-osservanza tar-regoli stabbiliti fil-qafas tad‑Direttiva 2014/24, iżda wkoll wara l-konklużjoni tiegħu sabiex jiġi evalwat jekk il-kuntratt ġiex effettivament konkluż bl-osservanza tal‑imsemmija regoli.

20.

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, jekk u, jekk ikun il‑każ, sa fejn, kuntratt li permezz tiegħu l-operatur ekonomiku jintrabat li jagħti b’xejn lill-awtorità kontraenti s-servizz indikat fis-sejħa għal offerti mingħajr ebda vantaġġ ieħor ħlief dak li jaċċessa suq ġdid u jikseb referenzi, jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt b’titolu oneruż” fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24. Din il-qorti taċċetta li l-għoti ta’ kuntratt pubbliku u l-ksib ta’ referenzi jistgħu jirrappreżentaw, fihom innifishom, vantaġġ għall-imsemmi operatur. Dan il-vantaġġ ma huwiex kwantifikabbli, minn perspettiva ekonomika, fil-mument tal‑għoti tal-kuntratt, madankollu xorta jista’ jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku futur marbut mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

21.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi wkoll li, f’sitwazzjoni fejn l-awtorità kontraenti ma tagħtix remunerazzjoni lill-operatur ekonomiku għall-provvista tas-servizz, jista’ jkun li l-kuntratt konkluż ma jkunx kuntratt ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku, peress li jkun kuntratt konkluż b’xejn, li jieħu l-forma, pereżempju, ta’ donazzjoni. Fl‑aħħar nett, hija tistaqsi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-punt 5 tal‑Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 jistax jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ deċiżjoni li tiċħad l-offerta ppreżentata mill-operatur ekonomiku.

22.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Državna revizijska komisija za revizijo postopkov oddaje javnih naročil (il-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Reviżjoni tal-Proċeduri ta’ Għoti tal-Kuntratti Pubbliċi) iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Ikun hemm ‘kuntratt b’titolu oneruż’, bħala element ta’ kuntratt pubbliku fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 meta l-awtorità kontraenti ma hija meħtieġa tipprovdi ebda korrispettiv iżda, bl-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku, l-operatur ekonomiku jikseb aċċess għal suq ġdid u referenzi?

2)

Huwa possibbli jew neċessarju li l-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2014/24 jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi bażi legali għal ċaħda ta’ offerta bi prezz ta’ EUR 0.00?”

23.

Ir-rikorrenti, il-Ministeru tal-Intern, il-Gvern Awstrijak u l‑Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV. Analiżi

24.

Dawn il-konklużjonijiet huma mqassma kif ġej. Ser nibda bl‑ammissibbiltà ta’ dan ir-riferiment (A). Sussegwentement, ser neżamina l-portata tal-kunċett ta’ “kuntratt b’titolu oneruż” imsemmi fil‑punt 5 tal‑Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 u, fuq kollox, tal‑kunċett relatat ta’ “korrispettiv” (B). Finalment, ser nittratta l‑kwistjoni dwar jekk offerta ta’ EUR 0.00 tistax xorta tiġi kklassifikata bħala “offerta baxxa wisq” sabiex tiġi evalwata u, jekk ikun il-każ, tiġi miċħuda skont id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 69 ta’ din id‑direttiva (C).

A.   Fuq l-ammissibbiltà

25.

L-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fl-opinjoni tiegħi ma tqajjem l-ebda diffikultà.

26.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kompetenza tad-Državna revizijska komisija za revizijo postopkov oddaje javnih naročil (il-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Reviżjoni tal-Proċeduri ta’ Għoti tal-Kuntratti Pubbliċi) sabiex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari, infakkar li l-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, Medisanus ( 5 ), li din tissodisfa l-kriterji sabiex tiġi kkunsidrata bħala “qorti nazzjonali” fis‑sens tal-Artikolu 267 TFUE ( 6 ).

27.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ammont tal-kuntratt inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, huwa veru li dan hu inqas mil-limitu ta’ EUR 144000 previst fl-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 2014/24, applikabbli għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi mogħtija minn awtoritajiet pubbliċi ċentrali.

28.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li, waqt it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali, il-leġiżlatur Sloven iddeċieda li l-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku” imsemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) taż-Zakon o javnem naročanju (il-Liġi dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi) ( 7 ), tat-30 ta’ Mejju 2015, japplika b’mod dirett u inkundizzjonat għal kuntratti li l-valur tagħhom huwa inqas mil-livell stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva Nru 2014/24, li, bħala regola, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.

29.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsejħa Dzodzi, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu hija ġġustifikata sabiex jiġi żgurat trattament identiku għas-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali u dawk irregolati mid-dritt tal-Unjoni, meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ġew reżi applikabbli għal tali sitwazzjonijiet mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat ( 8 ).

30.

F’dan il-każ, l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, li ma huma ikkontestati mill-ebda parti li ppreżentat osservazzjonijiet, jikkonfermaw li l-leġiżlatur nazzjonali ddeċieda li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għall‑kuntratti pubbliċi b’valur baxx sabiex jiżgura, preċiżament, li s‑sitwazzjonijiet li jaqgħu fid-dritt nazzjonali u dawk irregolati mid-dritt tal-Unjoni jiġu sottomessi għall-istess regoli. B’hekk, il-loġika li fuqha hija bbażata s-sentenza Dzodzi tidher li hija kompletament applikabbli f’din il-kawża.

31.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti risposta għad-domandi preliminari li ġew indirizzati lilha.

B.   Kuntratt “b’titolu oneruż”?

32.

Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad‑Direttiva 2014/24. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tistabbilixxi jekk, u, jekk ikun il-każ, sa fejn, tranżazzjoni li għaliha offerent jintrabat li joffri s-servizz għall-ammont ta’ EUR 0.00 tista’ twassal għall‑konklużjoni ta’ kuntratt “b’titolu oneruż” fis-sens tal-punt 5 tal‑Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva u b’hekk jiġi kklassifikat bħala “kuntratt pubbliku għal servizzi”. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “huwa biss kuntratt konkluż b’titolu oneruż li jista’ jikkostitwixxi kuntratt pubbliku li jaqa’ taħt id-Direttiva 2004/18” ( 9 ).

33.

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, għandu jiġi stabbilit jekk il-kunċett ta’ “kuntratt b’titolu oneruż” jistax ikopri tranżazzjoni li permezz tagħha offerent jagħmel offerta bl-ammont ta’ EUR 0.00, skont interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika. Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermettix, f’dan ir-rigward, li jiġi ċċarat dan il-punt b’spjegazzjoni dwar il-karatteristiċi essenzjali ta’ tali kuntratt.

1. Il-“kuntratt b’titolu oneruż” fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2014/24

34.

Il-kontenut letterali tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2014/24 ma huwiex biżżejjed sabiex joffri interpretazzjoni ċara tal-kunċett ta’ “kuntratt b’titolu oneruż”. Il-livell testwali diġà wera l-interpretazzjonijiet u t-tifsiriet differenti possibbli tat-termini “b’titolu oneruż”.

35.

Minn naħa waħda, ċerti verżjonijiet lingwistiċi jirreferu għall‑kundizzjoni ta’ onerożità ( 10 ). Ir-raġunament sottostanti huwa sempliċement li xi ħaġa għandha tingħata inkontrokambju. Min-naħa l‑oħra, verżjonijiet lingwistiċi oħra jidhru iktar restrittivi: din il-ħaġa li għandha tingħata inkontrokambju mill-awtorità kontraenti jidher li għandha natura speċifikament pekunjarja ( 11 ), jiġifieri fi flus. Verżjonijiet lingwistiċi oħra jidher, min-naħa tagħhom, li adottaw pożizzjoni fin-nofs ( 12 ).

36.

Madankollu, forsi l-kliem tad-Direttiva 2014/24 ma għandux jingħata wisq importanza inkwantu ċertu verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva stess jużaw termini differenti sabiex jittraduċu l-kunċett ta’ “kuntratt b’titolu oneruż”, skont jekk dan huwiex inkluż fil-premessi 4 u 70 jew fil-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva.

37.

Sfortunatament, l-argumenti intrasistematiċi (fir-rigward tad‑Direttiva 2014/24) lanqas ma huma ta’ għajnuna kbira. Fl‑Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni spjega li “l‑akkwist huwa akkwist permezz ta’ kuntratt pubbliku ta’ […] servizzi minn awtorità kontraenti waħda jew aktar mingħand operaturi ekonomiċi magħżula minn dawk l-awtoritajiet kontraenti, sew jekk […] is-servizzi huma maħsuba għal skop pubbliku u sew jekk le” ( 13 ).

38.

Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 4 tad‑Direttiva 2014/24, li fiha l-leġiżlatur tal-Unjoni indika li “[i]r-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwisti pubbliċi mhumiex maħsuba li jkopru kull forma ta’ ħlas ta’ fondi pubbliċi, iżda dawk biss immirati lejn l-akkwist ta’ […] servizzi għal konsiderazzjoni permezz ta’ kuntratt pubbliku” ( 14 ). Barra minn hekk, dan il-leġiżlatur żied li “dawn l‑akkwisti ta’ […] servizzi għandhom ikunu soġġett għal din id-Direttiva sew jekk ikunu implimentati permezz ta’ xiri, kiri jew forom kuntrattwali oħrajn”. Huwa essenzjali li hawnhekk jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “akkwist” għandu, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, “jiġi interpretat fis-sens wiesa’ tal-kisba tal‑benefiċċji ta[…]s-servizzi inkwistjoni”.

39.

Jekk l-għan prinċipali tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi huwa li jirregola l-akkwist ta’ provvisti jew ta’ servizzi mill-awtoritajiet pubbliċi, l-istruttura u l-għan tad-Direttiva 2014/24 allura ma jippermettux li realment jiġu stabbiliti l-karatteristiċi tal-kundizzjoni ta’ onerożità li għaliha jagħmel riferiment il-punt 5 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva. Il‑kunċett ta’ “akkwist” huwa suffiċjentement wiesa’ biex ikun anjostiku fir-rigward tal-modalitajiet ta’ dan l-akkwist, peress li l-essenzjal huwa li l-provvisti jew servizzi jiġu finalment miksuba mill-awtoritajiet kontraenti. Issa, il-provvisti u s-servizzi jistgħu jiġu akkwistati legalment b’diversi modi.

40.

B’hekk, sempliċi qari letterali u sistematiku ma huwiex suffiċjenti sabiex tinftiehem it-tifsira ta’ “kuntratt b’titolu oneruż” u b’mod partikolari tal-kunċett ewlieni ta’ “korrispettiv” li jinħeba wara l-kunċett stess ta’ kuntratt: x’inhi n-natura konkreta tal-korrispettiv li għandha tingħata mill-awtorità kontraenti sabiex il-kuntratt pubbliku jista’ jiġi kkunsidrat bħala validu?

2. L-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tal-kunċett ta’ “kuntratt b’titolu oneruż”

41.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, skont is-sens ġuridiku abitwali tal-kunċett ta’ “kuntratt b’titolu oneruż” użat għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ kuntratti pubbliċi, dawn it-termini jirreferu għal kuntratt li permezz tiegħu kull waħda mill-partijiet tintrabat li tiżgura prestazzjoni bħala korrispettiv ( 15 ). L-eżistenza ta’ “korrispettiv” jew ta’ “ħlas” min-naħa tal‑awtorità kontraenti u b’hekk ir-rapport sinallagmatiku jikkostitwixxu għall-Qorti tal-Ġustizzja elementi essenzjali sabiex tiġi evalwata l‑eżistenza ta’ kuntratt konkluż b’titolu oneruż ( 16 ).

42.

Din il-ġurisprudenza taqa’ fil-linja difiża mill-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma oħra tad-dritt, b’mod partikolari fil-qasam ta’ tranżazzjoni suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). B’hekk, fis-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, SAWP ( 17 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l‑provvista ta’ servizzi tingħata b’titolu oneruż, fis-sens tad‑Direttiva 2006/112/KE ( 18 ), biss meta teżisti relazzjoni legali bejn il‑fornitur u l-benefiċjarju li matulha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-fornitur jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju ( 19 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “dan ikun il-każ jekk teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut, billi s-somom imħallsin jikkostitwixxu l‑korrispettiv effettiv għal servizz individwabbli pprovdut fil-kuntest ta’ tali relazzjoni legali” ( 20 ).

43.

Madankollu, għandu jiġi rrikonoxxut li hemm żewġ linji ġurisprudenzjali dwar in-natura tal-korrispettiv mitlub sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni ta’ onerożità. Dawn iż-żewġ linji jirriflettu, sa ċertu punt, id-diverġenzi letterali tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2014/24 ( 21 ).

44.

L-ewwel linja tippreferi interpretazzjoni stretta tal-kriterju oneruż tal-kuntratt, billi tirrikjedi l-ħlas ta’ remunerazzjoni jew ta’ prezz fi flus mill-awtorità kontraenti.

45.

B’hekk, fis-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Malpensa Logistica Europa ( 22 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx il-klassifikazzjoni “kuntratt ta’ servizzi” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2004/17 u l‑applikazzjoni tar-regoli relatati miegħu għal kuntratt li permezz tiegħu l-entità li tmexxi l-ajruport ta’ Milan Malpensa (Italja) ma kisbitx is‑servizz ipprovdut mill-fornitur bi ħlas ( 23 ). F’din is-sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja rreferiet b’mod espress għall-approċċ difiż mill‑Kummissjoni, li n-natura oneruża tar-rapport kuntrattwali mnissel minn kuntratt għal servizzi jfisser b’mod ċar li dan tal-aħħar għandu jinkludi remunerazzjoni mħallsa direttament mill-awtorità kontraenti sabiex “takkwista” servizz direttament mingħand fornitur.

46.

Min-naħa l-oħra, it-tieni linja ġurisprudenzjali tiddefendi interpretazzjoni iktar wiesgħa tal-kundizzjoni ta’ onerożità fis-sens ta’ “korrispettiv” ( 24 ) jew ta’ “ħlas” ( 25 ). Din hija l-pożizzjoni tal-maġġoranza, inkluż tal-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha sħubija pubblika-privata u d-dritt Komunitarju tal-kuntratti pubbliċi u tal-konċessjonijiet, tat‑30 ta’ April 2004 ( 26 ).

47.

Skont din il-linja ġurisprudenzjali, il-kunċett ta’ “onerożità” mhux neċessarjament jimplika l-ħlas ta’ somma flus mill-awtorità kontraenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk tikkunsidra li jistgħu jiġu konklużi b’titolu oneruż u jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni ta’ “kuntratti pubbliċi” il-kuntratti li fihom l-provvista hija mħallsa b’forom oħra ta’ korrispettivi, bħar‑rimbors ta’ spejjeż sostnuti sabiex jiġi pprovdut is-servizz miftiehem jew inkella l-eżenzjoni ta’ spejjeż. Dan japplika wkoll anki meta l-korrispettivi mħallsa ma jikkumpensawx l-ispejjeż sostnuti mill‑offerent ( 27 ).

48.

F’dan ir-rigward, żewġ sentenzi juru dan b’mod partikolarment ċar.

49.

B’hekk, fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Ordine degli Architetti et ( 28 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-elementi li jiffurmaw id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet” fis-sens tad-Direttiva 93/37/KEE ( 29 ) għandha ssir b’mod li tiżgura l-effett utli ta’ dan it-test u, b’mod partikolari, sabiex tippromwovi kompetizzjoni effettiva permezz tal-pubbliċità tas-sejħiet għal offerti ( 30 ). Hija b’hekk aċċettat in-natura oneruża ta’ kuntratt u l‑klassifikazzjoni ta’ “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet” f’sitwazzjoni fejn l-operatur ekonomiku, proprjetarju ta’ permess ta’ bini, iwettaq ix‑xogħol permezz tal-eżenzjoni tal-kontribuzzjoni infrastrutturali imposta fuqu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dan il-każ, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l-element dwar in-natura oneruża tal-kuntratt għandu jiġi kkunsidrat bħala ssodisfatt inkwantu, bit-twettiq tax‑xogħlijiet inkwistjoni, l-operatur ekonomiku ħallas dejn tal-istess valur, favur il-muniċipalità ( 31 ).

50.

Fis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, IBA Molecular Italy ( 32 ), il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li “kuntratt li jipprevedi skambju ta’ servizzi jaqa’ taħt il-kunċett ta’ kuntratt pubbliku anki jekk ir‑remunerazzjoni prevista tkun limitata għar-rimbors parzjali tal-ispejjeż inkorsi sabiex jiġi pprovdut is-servizz miftiehem” ( 33 ). F’din is-sentenza, il‑Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li kuntratt li permezz tiegħu operatur ekonomiku jintrabat li jipproduċi u li jipprovdi prodott lil amministrazzjonijiet differenti inkambju ta’ finanzjament speċifiku, li l‑uniku skop tiegħu huwa t-twettiq ta’ dan l-għan, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ kuntratt “kuntratt b’titolu oneruż” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad‑Direttiva 2004/18, “anki meta l-ispejjeż stess ta’ manifattura u ta’ distribuzzjoni ta’ dan il-prodott ma jkunux kompletament ikkumpensati minn dan l-istess sussidju jew permezz tal-ispejjeż ta’ kunsinna li jistgħu jiġu ffatturati lil dawn l-amministrazzjonijiet” ( 34 ).

51.

Għandu jiġi nnotat li dan l-istess approċċ ġie difiż mill-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Informatikgesellschaft für Software-Entwicklung ( 35 ). Effettivament, din il-kawża tirrigwarda, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk it-tqegħid għad‑dispożizzjoni ta’ softwer miftiehem bil-miktub bejn żewġ awtoritajiet kontraenti għandux natura oneruża fis-sens tal-punt 5 tal‑Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, meta l-entità li tirċievi s-softwer ma għandhiex tħallas prezz u lanqas tikkumpensa l-ispejjeż tiegħu, iżda, hija obbligata, bħala regola, li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-parti l‑oħra, mingħajr ħlas, l-iżviluppi u l-aġġornamenti suċċessivi ta’ dan is‑softwer.

52.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali qies li l-kundizzjoni ta’ onerożità hija ssodisfatta. Minn naħa waħda, huwa rrileva li l‑korrispettiv, jiġifieri l-aġġustamenti u l-iżviluppi futuri tas-softwer, għandu valur ekonomiku. Min-naħa l-oħra, huwa qies li dan il‑korrispettiv jikkostitwixxi obbligu eżegwibbli, peress li huwa indispensabbli għall-provvista tas-servizz pubbliku li għandhom l‑imsemmija entitajiet ( 36 ).

3. Il-kunċett estensiv ta’ “korrispettiv” u l-limitazzjonijiet tiegħu

53.

Dak li nifhem bħala li hija l-pożizzjoni dominanti fil‑ġurisprudenza (pożizzjoni li magħha naqbel kompletament) tista’ titqassar hekk.

54.

L-ewwel nett, in-natura tal-korrispettiv, inerenti mal-kundizzjoni ta’ onerożità, li tingħata mill-awtorità kontraenti jista’ jkollha forom oħra minbarra prezz imħallas fi flus. Għalhekk ma hemmx neċessarjament il‑bżonn ta’ trasferiment ta’ somma ta’ flus. Tipi oħra ta’ pagamenti, inkluż ta’ natura mhux monetarja, huma kkunsidrati.

55.

Fit-tieni lok, il-korrispettiv għandu jippreżenta ċertu valur ekonomiku mingħajr il-bżonn, madankollu, li jikkorrispondi b’mod eżatt mal-valur tal-provvisti jew tas-servizzi pprovduti. B’hekk, l-awtorità kontraenti u l-offerent jistgħu jaqblu fuq il-possibbiltà li jagħtu l‑pagament taħt forom differenti, bil-kundizzjoni li dawn ikollhom valur ekonomiku ċar.

56.

Fit-tielet lok, in-natura u l-kontenut tal-korrispettiv li għandu jitħallas mill-awtorità kontraenti għandhom jirriżultaw mill-kuntratt bħala obbligu legali dirett u eżegwibbli li jirriżulta minn dan il-kuntratt. Huwa f’dan il-kuntest li r-riferiment tal-Qorti tal-Ġustizzja u dak tal-Avukat Ġenerali Mengozzi għan-natura sinallagmatika tal-kuntratt pubbliku huwa rifless fil-ħolqien ta’ obbligi legalment vinkolanti għaż-żewġ partijiet tal-kuntratt ( 37 ).

57.

B’hekk, sabiex jiġi stabbilit jekk il-kuntratt fihx korrispettiv (u, konsegwentement, jekk il-kundizzjoni ta’ onerożità prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 hijiex issodisfatta), jiena tal‑opinjoni li l-punt essenzjali tal-analiżi ma hijiex is-somma eżatta ta’ flus inkluża fil-kuntratt. Hija iktar kwistjoni dwar jekk, abbażi ta’ dan il‑kuntratt, iż-żewġ partijiet kontraenti jinsabux marbuta f’relazzjoni ta’ obbligi legali reċiproċi li kull waħda tista’ teżegwixxi kontra l-oħra u li fil-kuntest tagħhom l-awtorità kontraenti tipprovdi tal-inqas korrispettiv ċar u preċiż ta’ natura ekonomika.

58.

Tali approċċ ibiddel, b’mod intenzjonali, it-termini tad‑diskussjoni dwar in-natura eżatta tal-“korrispettiv” meħtieġa għall‑kwistjoni iktar wiesgħa tad-definizzjoni tal-kontenut preċiż tal‑obbligi reċiproċi ta’ kull waħda mill-partijiet. Minkejja li huwa possibbli li l-kunċett ta’ “korrispettiv” ikun fluwidu ħafna minn pajjiż għal ieħor fl-Ewropa ( 38 ), jidher li hemm konsensus wiesa’ dwar il-fatt li l‑formazzjoni tal-kuntratt tirrikjedi li l-partijiet jaqblu b’mod suffiċjentement preċiż dwar it-termini tal-kuntratt, li jippreżupponi ċ‑ċarezza tad-drittijiet u obbligi reċiproċi ta’ kull parti sabiex il-kuntratt ikun jista’ jiġi eżegwit ( 39 ). Minn ċerta perspettiva, din id-diskussjoni tmur lura għad-dritt Ruman ta’ oriġini u għad-distinzjoni ta’ bażi, li għadha fis-seħħ fis-sistemi legali tad-dritt ċivili, bejn ir-rapporti legali sinallagmatiċi (pereżempju, il-kuntratti) u unilaterali (pereżempju, id‑donazzjonijiet u legati).

59.

Kuntratt b’titolu oneruż huwa għalhekk, qabelxejn, kuntratt sinallagmatiku li jimplika li l-partijiet jintrabtu b’obbligi fil-konfront ta’ xulxin li jkunu preċiżi u reċiproċi. In-natura ta’ dawn l-obbligi għandha tiġi stabbilita skont il-formazzjoni tal-kuntratt. L-imsemmija obbligi għandhom ikunu eżegwibbli abbażi ta’ dan il-kuntratt. Min-naħa l-oħra, il-korrispettiv mitlub huwa iktar flessibbli. Dan ma għandux neċessarjament jikkonsisti f’kumpens ta’ natura monetarja. Dak li huwa importanti huwa li dan il-korrispettiv ikun ċar, preċiż u eżegwibbli abbażi tal-kuntratt miftiehem.

4. Applikazzjoni għall-każ inkwistjoni

60.

Kuntrarjament għall-kawżi msemmija fil-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq f’dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi nnotat, preliminarjament, li f’dan il-każ, ma hemmx kuntratt konkluż bejn l‑awtorità kontraenti u l-offerent, peress li l-kawża tressqet quddiem il‑qorti nazzjonali fl-istadju meta l-offerta mressqa minn dan tal-aħħar ġiet miċħuda. F’dan l-istadju tal-proċedura, għalhekk ma hemmx dispożizzjoni kuntrattwali li eventwalment juru l-eżistenza ta’ korrispettiv dovut mill-awtorità kontraenti, taħt kwalunkwe forma.

61.

Id-domanda li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għalhekk hija jekk, f’sitwazzjoni li fiha l-offerta tal-offerent timplika n‑nuqqas ta’ xi remunerazzjoni diretta għas-servizz mill-awtorità kontraenti, il-vantaġġ li l-offerent jista’ jieħu bl-għoti tal-kuntratt stess jistax jikkostitwixxi “korrispettiv” li jippermetti l-konklużjoni ta’ kuntratt b’titolu oneruż fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2014/24.

62.

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi fattwali ta’ din il-kawża, kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju, ma narax f’hiex tali korrispettiv jista’ jikkonsisti, anki bl-adozzjoni tal-interpretazzjoni wiesgħa ferm ta’ tali kunċett kif murija fit-taqsima preċedenti. Hemm tliet vantaġġi potenzjali li jistgħu jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ din il-kawża: l-ewwel nett, l‑iżvilupp ta’ esperjenza rilevanti; sussegwentement, il-ksib ta’ riferenzi għal kuntratti futuri; finalment, il-bini ta’ reputazzjoni għal sejħiet għal offerti futuri li jistgħu jitnedew mill-istess awtorità kontraenti għal lottijiet oħra.

63.

L-ewwel nett, l-iżvilupp ta’ esperjenza rilevanti huwa ċertament importanti għall-operaturi ġodda fis-suq jew għall-impriżi żgħar u medji li jixtiequ jikbru. Madankollu dan ċertament ma huwiex korrispettiv li l‑awtorità kontraenti tagħti inkambju. Dan huwa sempliċement fatt legali li jirriżulta mill-għoti tal-kuntratt.

64.

Fit-tieni lok, ma hemmx dubju wkoll li l-ksib ta’ riferimenti jista’ jkun vantaġġ. Dawn ir-riferimenti jista’ jkollhom rwol strateġiku fl-għoti futur ta’ kuntratti pubbliċi. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-għoti ta’ riferimenti ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura sinallagmatika tal-kuntratt inkwistjoni. Fil-fatt, dan ma huwiex obbligu fuq l-awtorità kontraenti, b’tali mod li ma jikkostitwixxix korrispettiv eżegwibbli fuqha. Dan il-vantaġġ huwa kundizzjoni li l‑materjalizzazzjoni tagħha hija każwali u inċerta peress li r-riferimenti li l-impriża tista’ tieħu fil-futur jiddependu fir-realtà minn ċirkustanzi fattwali marbuta mal-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt. Għalhekk ma hemm ebda garanzija dwar ir-riferenzi li minnhom jista’ jibbenefika l-offerent. Din hija sempliċement spekulazzjoni fuq il-kuntratt.

65.

Fit-tielet lok, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li, f’dan il-każ inkwistjoni, il-kuntratt kien magħmul minn żewġ lottijiet ( 40 ). Is-sejħa għal offerti hawnhekk kienet tirrigwarda biss l-ewwel lott. Ma ġiet prodotta l‑ebda informazzjoni addizzjonali dwar ir-relazzjoni eventwali bejn l‑ewwel u t-tieni lott. Madankollu, lanqas ma huwa mistenni li tali sitwazzjoni jkollha rwol fid-definizzjoni tal-korrispettiv fis-sens tal‑obbligu legali li l-awtorità kontraenti jkollha fir-rigward tal-offerent fil-konfront taż-żewġ lottijiet. Ċertament ma huwiex mixtieq la li jiġi aċċettat u lanqas li tiġi promossa politika, espliċita jew impliċita, li permezz tagħha impriża titfa’ offerta baxxa wisq meta mqabbla mal‑ispejjeż, inkluż is-somma ta’ EUR 0.00, fil-qafas ta’ lott filwaqt li tittama li eventwalment tirkupra dawn l-ispejjeż bl-għoti tat-tieni lott li jifforma parti mill-kuntratt.

66.

Fil-qosor, l-ebda waħda mit-tliet possibbiltajiet ta’ “vantaġġi” potenzjali li jistgħu jitressqu bħala korrispettiv miksub mill-offerent li jipproponi li jipprovdi ċerti servizzi b’xejn ma taqa’ fil-kunċett ta’ “kuntratt b’titolu oneruż” fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2014/24. Fl-ebda waħda minn dawn il-każijiet ma hemm korrispettiv li l-eżekuzzjoni tiegħu jista’ jiġi legalment mitlub mill‑awtorità kontraenti fil-qafas tal-kuntratt. Id-denominatur komuni ta’ dawn il-vantaġġi huwa li kollha huma spekulazzjoni fuq il-futur.

67.

Bħala konklużjoni, jista’ jingħad ukoll li dan l-aħħar element fattwali jippermetti li ssir distinzjoni ċara bejn din il-kawża u l-approċċ ħafna iktar flessibbli tal-korrispettiv u tal-onerożità li ġiet użata, pereżempju, mill-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil‑konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Informatikgesellschaft für Software-Entwicklung ( 41 ). Fil-fatt, b’mod partikolari f’settur pjuttost dinamiku bħal dak tal-iżvilupp ta’ softwer, huwa possibbli li jiġi kkonċepit numru ta’ korrispettivi pjuttost atipiċi. B’hekk, l-ewwel softwer jista’ jiġi pprovdut b’xejn, mhux bħall-aġġornamenti futuri tiegħu; l-awtorità kontraenti tista’ twettaq pagament in natura billi tagħti d-data tagħha stess inkambju, sabiex il-programmatur ikun jista’ jużaha f’applikazzjonijiet sussegwenti; l-awtorità kontraenti tista’ twiegħed li tagħti informazzjoni mill-ġdid f’intervalli regolari, biex b’hekk tippermetti lill-iżviluppatur jipperfezzjona l-prodott tiegħu u jżid il-kummerċjalizzazzjoni, eċċ. Dawn is‑sitwazzjonijiet kollha jistgħu jagħtu lok għall-konklużjoni ta’ kuntratti b’titolu oneruż, peress li dawn l-obbligi jirriżultaw b’mod ċar mill-ftehim konkluż mal-awtorità kontraenti u jiddefinixxu korrispettiv legalment eżegwibbli, minkejja li, effettivament, xorta ma huwiex faċli li jingħata prezz għal kull korrispettiv konkret.

68.

Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, l-ebda korrispettiv ċar dovut mill‑awtorità kontraenti ma joħroġ minn obbligu ċar u eżegwibbli li jirriżulta mill-kuntratt li mistenni jiġi konkluż. L-ewwel “vantaġġ” huwa sempliċement fatt legali awtomatiku. It-tieni wieħed huwa purament spekulattiv u inċert. Fir-rigward tat-tielet, anki jekk jiġi ippjanat, huwa problematiku ħafna. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ korrispettiv dovut mill‑awtorità kontraenti, il-kuntratt futur ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt b’titolu oneruż” fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2014/24.

C.   Offerta fl-ammont ta’ EUR 0.00 hija offerta baxxa wisq?

69.

It-tieni domanda preliminari titlob, min-naħa tagħha, li tiġi stabbilita l-bażi legali li fuqha għandha tiġi bbażata ċ-ċaħda ta’ offerta, bħal dik inkwistjoni, ta’ ammont ta’ EUR 0.00.

70.

Jekk il-qorti tar-rinviju tiffoka d-domanda tagħha fuq id‑dispożizzjonijiet previsti fil-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2014/24, madankollu infakkar li, skont l-indikazzjonijiet mogħtija minnha, il-Ministeru tal-Intern kien eżamina l-offerta inkwistjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-“offerti baxxi wisq” previsti fl-Artikolu 69 ta’ din id-direttiva. Madankollu huwa ċaħad l‑offerta tar-rikorrenti mhux għax kienet baxxa wisq jew għaliex ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti u l-obbligi msemmija fis-sejħa għal offerti, iżda għaliex din kienet fl-ammont ta’ EUR 0.00.

71.

B’hekk, it-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija ta’ natura proċedurali: jekk awtorità kontraenti tirċievi offerta li tipproponi EUR 0.00 fil-kaxxa tal-“prezz”, (i) l-awtorità kontraenti għandha awtomatikament teskludi l-offerta direttament abbażi tal-punt 5 tal‑Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 inkwantu ebda offerta ta’ dan it‑tip ma tista’ qatt twassal għall-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku validu; jew inkella (ii) tali offerta għandha wkoll tiġi eżaminata skont il‑proċedura relatata mal-offerti baxxi wisq prevista fl-Artikolu 69 tad‑Direttiva 2014/24?

72.

Fid-dawl tar-risposta proposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar‑rinviju (il-korrispettiv eżegwibbli fil-qafas ta’ kuntratt pubbliku mhux neċessarjament jimplika trasferiment dirett ta’ flus, iżda jista’ jkun korrispettiv in natura sakemm tal-inqas jippreżenta ċertu valur ekonomiku), ir-risposta loġika għat-tieni domanda preliminari hija dik issuġġerita minn (ii): offerta li tipproponi prezz nominali ta’ EUR 0.00 għandha tiġi ttrattata wkoll bħala offerta baxxa wisq.

73.

Fl-ewwel lok, il-proċedura tal-Artikolu 69 tad-Direttiva 2014/24 tirrigwarda l-istadji tal-offerta u tan-negozjar. F’dan l-artikolu, il‑leġiżlatur tal-Unjoni jirrikjedi, effettivament, li l-awtorità kontraenti toffri lill-offerent il-possibbiltà li jispjega l-ammont tal-offerta tiegħu u li jiġġustifika s-serjetà tagħha. Sussegwentement, jitlob li l-awtorità kontraenti tikkunsidra mhux biss il-ġustifikazzjonijiet mogħtija, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-ekonomija tal-provvista, għas‑soluzzjonijiet tekniċi adottati jew inkella l-kundizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli disponibbli għall-offerent biex jipprovdi s‑servizz maqbul ( 42 ), iżda wkoll l-elementi kollha rilevanti fir-rigward tal‑provvista inkwistjoni u tal-obbligi assoċjati mat-twettiq tagħha ( 43 ).

74.

B’hekk, sakemm in-natura tal-kuntratt jew tal-offerta stess ma jindikawx mingħajr ambigwità li ma jistax ikun hemm korrispettiv ieħor u li, għalhekk, huwa inutli li l-offerent jingħata l-possibbiltà li jagħti spjegazzjonijiet dwar l-offerta tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li l-kuntratt eventwali jista’, finalment, ikun kuntratt “b’titolu oneruż” fis-sens tal‑punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24.

75.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ifakkru fil-paradoss tal-qattus ta’ Schrödinger. Sakemm il-kaxxa ma hijiex miftuħa u l-kontenut tagħha eżaminat, ma jistax jiġi eskluż li l-qattus ta’ ġo fiha huwa ħaj. Bl-istess mod, jekk l-awtorità kontraenti ma toffrix lill-offerent, abbażi tal‑Artikolu 69 tad-Direttiva 2014/24, l-opportunità li jispjega l-loġika u l-istruttura tal-ispejjeż li jirregolaw l-offerta tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li l-offerta inkwistjoni tista’ twassal għall-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku, mingħajr preġudizzju, finalment, għal ċaħda tal-offerta mill‑awtorità kontraenti. Madankollu, tali ċaħda ma għandhiex tkun purament u sempliċement ibbażata fuq il-fatt li offerta nominali ta’ EUR 0.00 ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ onerożità prevista fil-punt 5 tal‑Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

76.

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2014/24 ma tiddefinixxix il-kliem “offerta baxxa wisq” u lanqas tispeċifika l‑ammont numeriku li din tkopri ( 44 ). It-termini użati mil-leġiżlatur tal‑Unjoni huma ġenerali, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża wkoll il‑kunċett ta’ “prezz baxx propost [f]l-offerta” ( 45 ).

77.

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din tipprekludi li jkun stabbilit kriterju ta’ esklużjoni matematika. Il‑Qorti tal-Ġustizzja tippreferi kompetizzjoni effettiva konformi mal‑għanijiet tar-regoli ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Fis-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo ( 46 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kriterju ta’ esklużjoni matematika jipprekludi lill-offerenti li jkunu ppreżentaw offerti partikolarment baxxi mill-possibbiltà li jagħtu prova li dawn l‑offerti huma serji u konsegwentement, huwa kuntrarju għall-għan tad‑Direttiva 71/305/KEE ( 47 ), li huwa li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

78.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher għalhekk li xejn ma jipprekludi li l-kunċett ta’ “offerta baxxa wisq” jista’ jinkludi offerta ta’ ammont ta’ EUR 0.00. Ċertament, ammont ta’ “EUR 0” jirrifletti tip ta’ ostakolu psikoloġiku. Madankollu, f’termini ekonomiċi, xejn ma jiġġustifika li tiġi trattata b’mod differenti minn offerta ta’ ammont ta’ EUR 10 jew ta’ EUR 100, jekk dawn l-offerti kollha huma inqas mill‑ispejjeż tal-kuntratt.

79.

Fit-tielet u fl-aħħar lok, ma hemm l-ebda dubju li jistgħu jitressqu ċertu numru ta’ argumenti addizzjonali li jimmilitaw favur ċaħda li jiġu eżaminati offerti ta’ EUR 0.00. Il-fatt li jitħallew tali offerti jista’, fil-fatt, imur kontra l-għan ta’ trasparenza fil-qasam tal-fondi pubbliċi u tal‑ġlieda kontra l-korruzzjoni: l-ispejjeż reali u l-pagamenti sussegwenti sempliċement jiġu ssostitwiti u moħbija fi tranżazzjonijiet oħra paralleli. Bl-istess mod, minkejja li tali approċċ jidher, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, pożittiv għall-baġits pubbliċi, kuntratt pubbliku konkluż bi prezz nominali ta’ EUR 0.00 jista’, finalment, jirriżulta f’iktar spejjeż u diffiċli biex jiġi eżegwit għall-awtorità kontraenti u, b’hekk, iwassal għal żieda fl-ispejjeż minflok il-ħlas pur u sempliċi tal-prezz miftiehem mill-bidu. Barra minn hekk, prattika użata mill-awtoritajiet kontraenti ta’ prezzijiet predatorji tista’ tipprovoka xi tħassib mill-perspettiva tad-dritt tal‑kompetizzjoni.

80.

Fi kwalunkwe każ, hi x’inhi l-leġittimità ta’ dan it-tħassib, l-istess argumenti jistgħu jiġu użati fis-sens oppost, jiġifieri favur l-eżami ta’ tali offerti ( 48 ). Madankollu, fuq kollox, dawn l-argumenti kollha jistgħu jiġu użati kontra kwalunkwe eżami ta’ offerti baxxi wisq. L-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk spjegati fil-punt preċedenti ta’ dawn il‑konklużjonijiet japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull offerta baxxa wisq: dan ikun il-każ, pereżempju, għal kuntratt stmat EUR 150000, ta’ offerta ta’ EUR 1000, EUR 101 jew ta’ EUR 1 simboliku. Filwaqt li dawn l-offerti kollha huma inqas mill-ispejjeż reali, l-awtorità kontraenti ma tistax tiċħadhom b’mod awtomatiku. Dawn għandhom jiġu eżaminati billi tiġi segwita l-proċedura speċifikament prevista fl-Artikolu 69 tad‑Direttiva 2014/24.

81.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel tali għażla leġiżlattiva fil-kuntest tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi wara li jkunu ġew ikkunsidrati l-vantaġġi u l-iżvantaġġi inerenti mal-offerti baxxi wisq, ma nsib l-ebda argument loġiku li jippermetti li jiġu esklużi l-offerti ta’ EUR 0.00 minn tali proċess. Dawn għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod. B’hekk, jekk il‑Qorti tal-Ġustizzja kellha taċċetta l-proposta tiegħi fir-rigward tal‑ewwel domanda (“kuntratt b’titolu oneruż” fis-sens tal-punt 5 tal‑Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 mhux neċessarjament jirrikjedi l‑pagament ta’ somma flus, iżda jista’ jimplika korrispettiv in natura dovut mill-awtorità kontraenti), allura l-ammont tas-somma nominali indikata fl-offerta tal-kuntratt ma huwiex determinanti.

82.

Konsegwentement, nikkunsidra li huwa permezz tal-ispettru ta’ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 69 tad-Direttiva 2014/24 li l‑awtorità kontraenti għandha teżamina offerta ta’ EUR 0.00 sabiex, jekk ikun il-każ, tiċħadha minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li ma tistax twassal għall-konklużjoni ta’ kuntratt b’titolu oneruż fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, għaliex l-ebda korrispettiv ta’ natura ekonomika ma ġie ipprovdut mill-awtorità kontraenti fil-qafas ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti.

V. Konklużjoni

83.

Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi bil-mod segwenti għad-domandi preliminari magħmula mid-Državna revizijska komisija za revizijo postopkov oddaje javnih naročil (il-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Reviżjoni tal-Proċeduri ta’ Għoti tal-Kuntratti Pubbliċi, is-Slovenja):

1)

Il-kunċett ta’ “kuntratt b’titolu oneruż” imsemmi fil-punt 5 tal‑Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2365 tat-18 ta’ Diċembru 2017, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li tiġi kklassifikata bħala “kuntratt pubbliku għal servizzi” tranżazzjoni li permezz tagħha l-offerent jipproponi lill‑awtorità kontraenti li jipprovdi s-servizz għall-ammont ta’ EUR 0.00 sa fejn il-partijiet tal-kuntratt ma jiftehmux fuq korrispettiv ta’ valur ekonomiku dovut mill-awtorità kontraenti.

2)

Offerta bi prezz ta’ EUR 0.00 għandha tiġi eżaminata skont id‑dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 69 tad-Direttiva 2014/24 kif emendata bir-Regolament Delegat Nru 2017/2365, dwar l-offerti baxxi wisq, jekk ikun il-każ wara li tinkiseb mingħand l-offerent informazzjoni addizzjonali dwar in-natura eżatta tal-korrispettiv ta’ valur ekonomiku dovut mill-awtorità kontraenti. Tali offerta għandha tiġi miċħuda f’każ li ma tippermettix li twassal, fil-qafas ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, għall-konklużjoni ta’ “kuntratt b’titolu oneruż” fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Għal introduzzjoni aċċessibbli (dgħajfa fil-matematika u rikka fl-istorja kulturali), ara, pereżempju, Kaplan, R., The Nothing that Is: A Natural History of Zero, Oxford University Press, Oxford, 1999.

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil‑ĠU 2015, L 275, p. 68), kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2365, tat-18 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 337, p. 19) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”).

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6,Vol. 7, p. 132).

( 5 ) C‑296/15, EU:C:2017:431.

( 6 ) Ara l-punt 38 ta’ din is-sentenza.

( 7 ) Uradni list RS, Nru 91/15.

( 8 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, iktar ’il quddiem “is-sentenza Dzodzi”, punti 36 sa 42), u, iktar reċenti, tal-14 ta’ Frar 2019, CCC ‑ Consorzio Cooperative Costruzioni (C‑710/17, mhux ippubblikata, EU:C:2019:116, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-24 ta’ Ottubru 2019, Belgische Staat (C‑469/18 u C‑470/18, EU:C:2019:895, punti 2223 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2010, Helmut Müller (C‑451/08, EU:C:2010:168, punt 47), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985, punt 43). Infakkar li d-Direttiva 2014/24 ħassret id-Direttiva 2004/18.

( 10 ) B’mod partikolari, il-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola (“oneroso”), Franċiża (“à titre onéreux”), Taljana (“a titolo oneroso”), Portugiża (“a título oneroso”) u dik Rumena (“cu titlu oneros”).

( 11 ) B’mod partikolari, il-verżjonijiet fil-lingwa Ingliża (“for pecuniary interest”) u dik Kroata (“financijski interes”).

( 12 ) Bħall-verżjonijiet fil-lingwa Ċeka u dik Slovakka (fejn il-kunċett ta’ “úplatné smlouvy” jew it-termini “odplatné zmluvy” ifissru qabel xejn pagament bħala korrispettiv, iżda li jistgħu jiġu interpretati wkoll bħala li jinkludu korrispettivi mhux pekunjarji) jew inkella l-verżjoni Svediża li tuża l-espressjoni “kontrakt med ekonomiska villkor”, li tirreferi għall-valur ekonomiku tal-kuntratt.

( 13 ) Korsiv miżjud minni.

( 14 ) Korsiv miżjud minni.

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et (C‑220/05, EU:C:2007:31, punt 45), u tat-18 ta’ Ottubru 2018, IBA Molecular Italy (C‑606/17, EU:C:2018:843, punt 28).

( 16 ) Ara, b’dan il-mod, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku” imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) tad‑Direttiva 2004/18.

( 17 ) C‑37/16, EU:C:2017:22.

( 18 ) Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).

( 19 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, SAWP (C‑37/16, EU:C:2017:22, punt 25 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, SAWP (C‑37/16, EU:C:2017:22, punt 26 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) C‑701/15, EU:C:2017:545. Din is-sentenza tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19). Skont dan l-artikolu, “kuntratti ta’ provvista, xogħlijiet u servizz” huma “kuntratti għal interess ta’ flus (pecuniary) konklużi bil‑miktub”.

( 23 ) Ara l-punt 29 ta’ din is-sentenza.

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2010, Helmut Müller (C‑451/08, EU:C:2010:168, punti 47 sa 52), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985, punt 43).

( 25 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Ordine degli Architetti et (C‑399/98, EU:C:2001:401, punti 77 sa 86).

( 26 ) COM(2004) 327 final. Fil-punt 10 ta’ din il-Green Paper, il-Kummissjoni tindika li “in-natura oneruża tal-kuntratt inkwistjoni mhux neċessarjament timplika l-ħlas dirett ta’ prezz mill-entità pubblika, iżda tista’ tirriżulta minn kwalunkwe forma oħra ta’ ħlas ekonomiku li tirċievi l-entità privata”.

( 27 ) Ara l-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2010, Helmut Müller (C‑451/08, EU:C:2010:168), li kuntratt ta’ bejgħ ta’ art jista’ jikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, anki jekk, minbarra t‑trasferiment tal-imsemmija art, l-awtorità kontraenti ma tagħti ebda korrispettiv lill-parti kontraenti l-oħra.

( 28 ) C‑399/98, EU:C:2001:401.

( 29 ) Direttiva tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal‑proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163).

( 30 ) Punt 52 ta’ din is-sentenza.

( 31 ) Għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx l-approċċ difiż mill-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Ordine degli Architetti et (C‑399/98, EU:C:2000:671), li qies li l-kriterju ta’ onerożità ma kienx issodisfatt.

( 32 ) C‑606/17, EU:C:2018:843.

( 33 ) Punt 29 ta’ din is-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata. Korsiv miżjud minni. Ara, ukoll, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2012, Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et (C‑159/11, EU:C:2012:817, punt 29); tat-13 ta’ Ġunju 2013, Piepenbrock (C‑386/11, EU:C:2013:385, punt 31), u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet (C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 37).

( 34 ) Punt 31 tal-imsemmija sentenza. Korsiv miżjud minni.

( 35 ) C‑796/18, EU:C:2020:47.

( 36 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-argumenti li jinsabu fil-punti 52 sa 63 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

( 37 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985, punt 43), li minn naħa tagħha segwit il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:504, punt 36). Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Juru li s-sistemi legali tal-kuntratti huma kkaratterizzati minn diversità konsiderevoli; ara b’mod partikolari, Kötz, H., “Comparative Contract Law” f’Reimann, M. u Zimmermann, R., The Oxford Handbook of Comparative Law, it-tieni edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2019, pp. 902 sa 932, b’mod partikolari, pp. 910 sa 912, jew Chloros, A., G., “The Doctrine of Consideration and the Reform of the Law of Contract: A Comparative Analysis”, International and Comparative Law Quarterly, British Institute of International and Comparative Law, Londra, 1968, vol. 17, n 1, pp. 137 sa 166.

( 39 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 2:101 (Conditions for the Conclusion of a Contract) u 2:103 (Sufficient Agreement) tal-“Principles of European Contract Law” (Principes du droit européen du contrat) (ara Lando, O. u Beale, H., Principles of European contract law, Parts I and II, Kluwer Law International, Den Haag, 2000); jew l‑Artikoli II.–I:101(I) (definizzjoni tal-kuntratt) u III.–I:102(4) (dwar in-natura reċiproka tal-obbligi) tad-Draft Common Frame of Reference (abbozz ta’ qafas ta’ riferiment komuni) (ara von Bar, C., et al., Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law, draft Common Frame of Reference: outline edition, Sellier European Law Publishers, Munich, 2009). Ara, fl-istess sens ukoll, Projet de cadre commun de référence. Terminologie contractuelle commune, Société de législation comparée, kollezzjoni “Droit comparé et européen”, Pariġi, 2008, Vol. 6, p. 25, miktub mill-Association Henry Capitant des amis de la culture juridique française u mis-Société de législation comparée.

( 40 ) Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) C‑796/18, EU:C:2020:47. Ara l-punti 51 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Dawn il-ġustifikazzjonijiet huma msemmija fl-Artikolu 69(2) tad‑Direttiva 2014/24.

( 43 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2019, Transtec vs Il-Kummissjoni (T‑228/18, EU:T:2019:336, punt 69 u l-ġurisprudenza msemmija).

( 44 ) Fis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Data Medical Service (C‑568/13, EU:C:2014:2466), il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk fakkret li huma l-Istati Membri u, b’mod partikolari, l-awtoritajiet kontraenti li għandhom jiddeterminaw il-metodu ta’ kalkolu ta’ livell minimu ta’ anomalija li jikkostitwixxi “offerta anormalment baxxa” (punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Data Medical Service (C‑568/13, EU:C:2014:2466, punt 46).

( 46 ) 103/88, EU:C:1989:256, punt 18.

( 47 ) Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 1971 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet (ĠU 1971, L 185, p. 5).

( 48 ) B’mod partikolari, fir-rigward tal-kompetizzjoni, jista’ jiġi argumentat li dawn ir-regoli huma fir-realtà favur il-kompetizzjoni: huwa probabbli li l-impriżi żgħar u medji kif ukoll l-istart ups ikollhom spejjeż fissi inqas għoljin u jistgħu jintegraw marġni nulli għal ċertu kuntratt. F’tali ċirkustanzi, offerti ta’ EUR 0.00 jistgħu jkunu kompetittivi billi jippermettu impriżi żgħar jidħlu fis-suq.

Top