EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0342

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fid-9 ta’ Lulju 2020.
Fabio De Masi u Yanis Varoufakis vs Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).
Appell – Aċċess għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Deċiżjoni 2004/258/KE – Artikolu 4(3) – Eċċezzjonijiet – Dokument rċevut mill-BĊE – Opinjoni mingħand fornitur estern – Użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari – Rifjut ta’ aċċess.
Kawża C-342/19 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:549

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fid-9 ta’ Lulju 2020 ( 1 )

Kawża C‑342/19 P

Fabio De Masi,

Yanis Varoufakis

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Appell – Aċċess għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Dokument relatat mal‑attività prinċipali tal-BĊE – Deċiżjoni 2004/258/KE – Artikolu 4(2) u (3) – Kamp ta’ applikazzjoni – Rifjut li jingħata l-aċċess għal dokument intiż għal użu intern – Rabta tad-dokument ma’ proċedura deċiżjonali pendenti jew magħluqa”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz tal-appell tagħhom, Fabio De Masi u Yanis Varoufakis jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Marzu 2019, De Masi u Varoufakis vs BĊE ( 2 ), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tas-16 ta’ Ottubru 2017 li rrifjutatilhom l-aċċess għal dokument tat-23 ta’ April 2015 intitolat “Risposti għal domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14.4 tal‑Protokoll dwar l‑Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE”.

2.

It-tilwim dwar l-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-BĊE wassal biss għal numru żgħir ħafna ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod differenti mit-tilwim ikkawżat mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 3 ), u din il-kawża b’hekk tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l‑opportunità li tiċċara l-ġurisprudenza tagħha f’dan il-qasam speċifiku.

3.

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu iffokati fuq it-tielet aggravju tal-appell li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-interrelazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fid-Deċiżjoni 2004/258/KE ( 4 ) u l-portata ta’ din fir-rigward tad‑dokumenti intiżi għal użu intern fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 4(3) tagħha.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt primarju

4.

L-Artikolu 15 TFUE jistipula:

“1.   Sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l‑parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ.

2.   Il-Parlament Ewropew, kif ukoll il-Kunsill meta jkun qiegħed jikkunsidra u jivvota dwar abbozz ta’ att leġislattiv, għandhom jiltaqgħu fil-pubbliku.

3.   Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l‑organi ta’ l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom, suġġett għall‑prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond dan il-paragrafu.

Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti permezz ta’ regolamenti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il‑proċedura leġislattiva ordinarja.

Kull istituzzjoni, korp jew organu għandu jassigura t-trasparenza tal‑ħidma tiegħu u jelabora fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu d‑dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-aċċess għad-dokumenti tiegħu, skond ir-regolamenti previst fit-tieni subparagrafu.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandhom ikunu suġġetti għal dan il‑paragrafu biss meta jeżerċitaw il-kompiti amministrattivi tagħhom.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jassiguraw il‑pubblikazzjoni tad-dokumenti dwar il-proċeduri leġislattivi skond il‑kondizzjonijiet previsti fir-Regolament imsemmi fit-tieni subparagrafu.”

B.   Id-Deċiżjoni 2004/258

5.

Il-premessi 1 sa 3 tad-Deċiżjoni 2004/258 huma redatti hekk:

“(1)

It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiġbor fih il-kunċett tat-trasparenza, jiddikjara li t-Trattat jikkaratterizza pass ġdid fil-proċess tal-ħolqien ta’ Unjoni dejjem aktar qrib tal-popli ta’ l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod miftuħ kemm jista’ jkun possibbli u kemm jista’ jkun mill-aktar qrib lejn iċ‑ċittadin. Il-ftuħ itejjeb il-leġittimità ta’ l-amministrazzjoni, l-effettività u l-kontabilità, b’hekk jissaħħu l-prinċipji tad-demokrazija.

(2)

Fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju, 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u d-dokumenti tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il‑Kunsill u l-Kummissjoni jsejħu lill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra ta’ l-Unjoni biex jaddottaw regoli interni dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti li jieħdu kunsiderazzjoni tal-prinċipji u l-limiti msemmija fir‑Regolament. Ir-reġim dwar l-aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal‑ECB kif stabbilit fid-Deċiżjoni ECB/1998/12 tat-3 ta’ Novembru, 1998, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumentazzjoni u l-arkivji tal-Bank Ċentrali Ewropej għandhom għalhekk jiġu riveduti.

(3)

Għandu jingħata aċċess aktar wiesa’ għad-dokumenti tal-ECB, filwaqt li fl-istess ħin jiġu protetti l-indipendenza tal-ECB u tal-banek ċentrali nazzjonali (NCB) previżta bl-Artikolu 108 [TFUE] u l‑Artikolu 7 [tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE], u l-kunfidenzjalità ta’ ċerti kwistjonijiet speċifiċi għat-twettiq tal-ħidmiet tal-ECB. Biex tiġi salvagwardjata l‑effettività tal-proċess li fih jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-ECB, inklużi l‑konsultazzjonijiet u l-preparazzjonijiet interni tiegħu, il-proċedimenti tal-laqgħat tal-korpi tal-ECB responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet huma kunfidenzjali, sakemm il-korp relevanti jiddeċiedi li jippubblika r‑riżultat tad-dibattiti tiegħu.”

6.

L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jistipula:

“1.   Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali li toqgħod jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat f’xi Stat Membru, għandha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-ECB, bla ħsara għall-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni..

2.   Il-ECB jista’, bla ħsara għall-istess kundizzjonijiet u limiti, jagħti aċċess għad-dokumenti tal-ECB lil kull perunsa naturali jew legali li ma togħqodx jew li m’għandhiex l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’xi Stat Membru.

[…]”

7.

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258 jistipula:

“[…]

[2.   ] Il-ECB għandu jiċħad l-aċċess għal xi dokument fejn il‑pubblikazzjoni ddgħajjef il-protezzjoni ta’:

[…]

il-proċedimenti tal-Qorti u l-avviż [parir] legali,

[…]

sakemm ikun hemm interess pubbliku superjuri għall-pubblikazzjoni.

3.   L-aċċess għal dokument abbozzat jew irċevut mill-BĊE għal użu intern bħala parti mid-deliberazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-BĊE, jew għall-iskambju ta’ fehmiet bejn il-BĊE u l-BĊNi, [l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali (NCA)] jew [l-awtoritajiet nazzjonali nominati (NDA)] għandu jkun miċħud anki wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet, ħlief jekk ikun hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar.

L-aċċess għad-dokumenti li jirriflettu skambji ta’ fehmiet bejn il-BĊE u awtoritajiet u korpi rilevanti oħrajn għandu jiġi miċħud anki wara li d‑deċiżjoni tkun ittieħdet, jekk l-iżvelar tad-dokument jimmina serjament l-effettività tal-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, ħlief jekk ikun hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar.

[…]

[5.   ] Jekk xi partijiet biss tad-dokument mitlub ikunu koperti b’xi waħda mill-eċċezzjonijiet [jew b’diversi], il-partijiet li jifdal tad-dokument għandhom jiġu kkomunikati.

[…]”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

8.

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati mill-Qorti Ġenerali fil‑punti 1 sa 6 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-finijiet ta’ din il‑proċedura, jitqassru bil-mod segwenti.

9.

Wara li ġew informati mill-BĊE dwar l-eżistenza ta’ parir legali estern tat-23 ta’ April 2015 intitolat “Risposti għal domandi dwar l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas‑Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew” (iktar ’il quddiem id-“dokument kontenzjuż), F. De Masi u Y. Varoufakis (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) talbu lill-BĊE, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2017, l-aċċess għal dan id-dokument.

10.

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Awwissu 2017, il-BĊE rrifjuta l-aċċess għall-imsemmi dokument abbażi, minn naħa waħda, tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar il‑protezzjoni tal-pariri legali, u, min-naħa l-oħra, tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ din id-deċiżjoni, dwar il‑protezzjoni tad-dokumenti intiżi għal użu intern.

11.

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Awwissu 2017, l-appellanti ppreżentaw talba għal aċċess għad-dokument kontenzjuż, abbażi tal‑Artikolu 7(2) tal-imsemmija deċiżjoni.

12.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2017, il-BĊE kkonferma r-rifjut ta’ aċċess għad-dokument kontenzjuż billi bbaża ruħu fuq l-istess eċċezzjonijiet bħal dawk imsemmija fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2017.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13.

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Diċembru 2017, l-appellanti ppreżentaw rikors għall-annullament tad‑deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2017.

14.

Insostenn ta’ dan ir-rikors, l-appellanti invokaw, essenzjalment, żewġ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tat-tieni inċiż tal‑Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258 u fuq ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ din id-deċiżjoni.

15.

Il-BĊE ddeċieda li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

16.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal‑appellanti bħala infondat. Fi tmiem l-eżami tat-tieni motiv tagħhom, hija ddeċidiet, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li l-BĊE seta’, ġustament, jibbaża r-rifjut tiegħu li jagħti l-aċċess għad-dokument kontenzjuż fuq l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 4(3) tad‑Deċiżjoni 2004/258. B’dan il-mod, hija kkunsidrat li ma kienx meħtieġ li teżamina l-ewwel motiv dwar l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-deċiżjoni.

17.

Sabiex għamlet dan, il-Qorti Ġenerali eskludiet il-fatt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmija deċiżjoni jirrikjedi prova ta’ preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali u, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, indikat li r-rifjut ibbażat fuq din id-dispożizzjoni kien jippreżupponi biss li għandu jiġi pprovat, minn naħa waħda, li d-dokument kontenzjuż huwa intiż għal użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-BĊE jew ta’ skambju ta’ fehmiet bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati u, min-naħa l-oħra, li ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id‑dokument. Hija b’hekk irrilevat li l-BĊE kien, ġustament, ikkunsidra li d-dokument kontenzjuż kien dokument intiż għal użu intern fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess deċiżjoni, sa fejn il-BĊE kkunsidra li dan id-dokument kien intiż sabiex jagħti informazzjoni u appoġġ għad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija lilu permezz tal-Artikolu 14.4 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE”).

18.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-argumenti mressqa mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fl-ewwel lok, id-dikjarazzjoni li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad‑Deċiżjoni 2004/258 ma kinitx applikabbli għad-dokument kontenzjuż, għaliex dan kien parir legali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal‑protezzjoni tal-pariri legali, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-deċiżjoni.

19.

Fit-tieni lok, hija ċaħdet l-argument tal-appellanti li l‑kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 4(3) tal-imsemmija deċiżjoni ma kinux issodisfatti, peress li d-dokument kontenzjuż, minn naħa waħda, ma kienx ta’ natura interna u, min-naħa l-oħra, ma kienx relatat ma’ proċedura konkreta.

20.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali analizzat u ċaħdet l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

21.

Fil-punti 62 sa 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż, u ċaħditu.

V. It-talbiet tal-partijiet

22.

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal‑Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, u

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż skont l-Artikolu 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, moqrija flimkien mal-Artikoli 137 et seq. ta’ dan ir-regolament.

23.

Il-BĊE jitlob:

iċ-ċaħda tal-appell, u

il-kundanna tal-appellanti għall-ispejjeż.

VI. Analiżi legali

24.

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 10(3) TUE, tal‑Artikolu 15(1) u tal-Artikolu 298(1) TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 42 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet nett, fuq ksur tal‑Artikolu 4(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2004/258, ir-raba’ nett, fuq id-dritt primarju inkwantu l-Qorti Ġenerali rrifjutat li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż.

25.

Dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw biss it-tielet aggravju, li jinqasam f’żewġ partijiet. B’hekk, il-Qorti Ġenerali, minn naħa waħda, interpretat b’mod żbaljat il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2004/258 u, min-naħa l-oħra, wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat bħala fondat ir-rifjut ta’ aċċess, skont l-Artikolu 4(3) ta’ din id-deċiżjoni, minkejja li d-dokument kontenzjuż ma kienx intiż għal użu intern fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni.

26.

Qabel ma nanalizza l-aggravju hawn fuq imsemmi, jidhirli li huwa meħtieġ li jiġi speċifikat il-kuntest ġuridiku ta’ din l-analiżi b’teħid inkunsiderazzjoni tar‑riferiment li sar kemm mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata kif ukoll mill-appellanti fl-appell tagħhom għas-soluzzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar ir-Regolament Nru 1049/2001.

A.   Fuq il-kuntest ġuridiku ta’ analiżi

27.

Huwa stabbilit li t-talbiet għal aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-BĊE għandhom jitressqu biss b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2004/258, li abbażi tagħha t-talba tal-appellanti ġiet miċħuda.

28.

Għandu jiġi rrilevat li l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2004/258 ġiet wara d-dikjarazzjoni komuni dwar ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l‑aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal‑Kunsill u tal-Kummissjoni ( 5 ), li permezz tagħha l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni talbu lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra tal‑Unjoni sabiex jadottaw regoli interni dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti li jieħdu inkunsiderazzjoni prinċipji u limitazzjonijiet iddefiniti permezz tal-imsemmi regolament.

29.

Id-Deċiżjoni 2004/258 hija intiża, kif tindika l-premessa 3 tagħha, sabiex tawtorizza aċċess usa’ għad-dokumenti tal-BĊE minn dak li kien jeżisti taħt is-sistema tad-Deċiżjoni 1999/284/KE tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti u għall‑arkivji tal-Bank Ċentrali Ewropew ( 6 ) (BĊE/1998/12), filwaqt li tiżgura l-protezzjoni tal-indipendenza tal-BĊE u tal-BĊN, prevista fl‑Artikolu 108 TFUE u fl-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l‑BĊE, kif ukoll il-kunfidenzjalità ta’ ċerti kwistjonijiet li jikkonċernaw it-twettiq ta’ kompiti tal-BĊE ( 7 ).

30.

Skont l-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, id-dokument imsemmi minn din tal-aħħar għandu jfisser dak imħejji jew miżmum mill‑BĊE “li għandu x’jaqsam mal-politiku tiegħu, l-attivitajiet jew id‑deċiżjonijiet”, kliem li huwa kkaratterizzat mill-ġeneralità tiegħu. Kif jispjega b’mod espliċitu l-BĊE fl-osservazzjonijiet tiegħu, ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id‑dritt ta’ aċċess mogħti minn din id-deċiżjoni ma jirrigwardax biss id‑dokumenti li huma relatati ma’ kompiti amministrattivi, iżda jestendi, b’mod ġenerali, għad-“dokumenti tal-BĊE” kollha.

31.

L-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2004/258 saret għalhekk qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009, li wassal għal emenda tal-qafas ġuridiku, fir-rigward tad-dritt primarju, tal-aċċess tal‑pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, peress li l‑introduzzjoni tal-Artikolu 15 TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 255 KE, kabbar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza fid-dritt tal‑Unjoni. Fil-fatt, b’mod differenti mill-Artikolu 255 KE, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kien limitat għad-dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal‑Kummissjoni, l-Artikolu 15(3) TFUE issa jipprevedi dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-BĊE u l-Bank Ewropew tal-Investiment, meta dawn jeżerċitaw funzjonijiet amministrattivi ( 8 ).

32.

Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFU, il-BĊE ma huwiex suġġett għas-sistema ta’ aċċess għad-dokumenti tal‑istituzzjonijiet, imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, ħlief meta jeżerċita funzjonijiet ammistrattivi. Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għal dokumenti miżmuma minn din l-istituzzjoni li huma marbuta mal-attività prinċipali tagħha ma jistgħux jiġu stabbiliti b’regolamenti adottati skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE ( 9 ).

33.

Jidher b’hekk li, fil-każ ta’ talba u ta’ rifjut ta’ aċċess li jirrigwarda dokument relatat mal-attività prinċipali tal-BĊE, is‑soluzzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jistgħux jintużaw fil‑kuntest ta’ applikazzjoni b’analoġija ta’ din il-ġurisprudenza ( 10 ), peress li l-BĊE ma huwiex marbut b’dan ir-regolament. Jidhirli li dan huwa effettivament il‑każ tad-dokument kontenzjuż li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni li wasslet għar-rifjut ta’ aċċess tiegħu tiżvela li huwa jikkonsisti f’parir legali li jevalwa l-poteri tal-Kunsill Governattiv taħt l-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE u li jeżamina l-azzjoni li l-imsemmi Kunsill għandu jieħu meta funzjonijiet lil hinn mis-SEBĊ eżerċitati mill-BĊN ikollhom mnejn jinterferixxu mal-għanijiet u mal-missjonijiet tas-SEBĊ. Dan id-dokument huwa deskritt bħala intiż sabiex iżid mar-riflessjonijiet interni tal-istanzi deċiżjonali u jagħti appoġġ għad-deliberazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet relatati mal-kwistjoni tal-provvista ta’ likwidità b’urġenza. Huwa għalhekk possibbli li jiġi kkunsidrat li d-dokument kontenzjuż huwa relatat mal-eżerċizzju tal-attività prinċipali tal-BĊE, fir-rigward b’mod partikolari tar-responsabbiltà tiegħu fil-qasam tal-politika monetarja u tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ( 11 ).

B.   Fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 4(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2004/258

34.

Għandu jitfakkar li l-allegat rifjut ta’ aċċess huwa bbażat, minn naħa waħda, fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad‑Deċiżjoni 2004/258 dwar il-protezzjoni tal-pariri legali u, min-naħa l-oħra, fuq l-eċċezzjoni ddefinita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal‑istess deċiżjoni dwar il-protezzjoni tad-dokumenti intiżi għal użu intern. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat biss wieħed miż-żewġ motivi ta’ annullament li bihom kienet adita, jiġifieri dak tal‑ksur tat-tieni dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, u wara li kkunsiderat li l‑BĊE seta’, ġustament, jibbaża r-rifjut tiegħu li jagħti l-aċċess għad‑dokument kontenzjuż fuq l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, hija kkunsidrat li ma kienx meħtieġ teżamina l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija deċiżjoni ( 12 ).

35.

Qabel din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali indikat, filwaqt li rreferiet għal żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jinterpretaw id‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, li l-BĊE seta’ jieħu inkunsiderazzjoni diversi raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 4 tad‑Deċiżjoni 2004/258 fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu ta’ talba għal aċċess u spjegat li l-eċċezzjonijiet li mmotivaw ir-rifjut ta’ aċċess għad‑dokument kontenzjuż “[kienu] jikkostitwixxu kull waħda minnhom motivi ta’ rifjut awtonomi”, peress li l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-pariri legali ma hijiex lex specialis meta mqabbla ma’ dik dwar il-protezzjoni tad-dokumenti intiżi għal użu intern ( 13 ).

36.

L-appellanti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad‑Deċiżjoni 2004/258 relatat mal-protezzjoni ta’ teħid ta’ pożizzjoni legali ma huwiex dispożizzjoni speċjali (lex specialis) meta mqabbel mal‑Artikolu 4(3) ta’ din id-deċiżjoni. L-ewwel dispożizzjoni għandha l‑effett li timblokka u twassal għall-inapplikabbiltà tat-tieni dispożizzjoni. Insostenn ta’ dan l-aggravju, l-appellanti sempliċement jiddikjaraw li l‑espressjoni “parir intiż għall-użu intern”, li tinsab fl-Artikolu 4(3) tad‑Deċiżjoni 2004/258, tista’ tirrigwarda biss pariri oħra mhux legali, għaliex inkella l-eċċezzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ din id‑deċiżjoni li tistabbilixxi l-protezzjoni tal-pariri legali tiċċaħħad minn kull sens.

37.

Kif tindika ġustament il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ( 14 ), id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-BĊE, mogħti fl-Artikolu 2(1) tad‑Deċiżjoni 2004/258 lil kull ċittadin tal-Unjoni u lil kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew bl-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru, huwa suġġett għal ċerti limitazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u skont il-premessa 4, id‑Deċiżjoni 2004/258 tistipula, fl-Artikolu 4 tagħha, sistema ta’ eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-BĊE jirrifjuta l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar jippreġudika wieħed mill-interessi protetti mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jew fil-każ fejn dan id‑dokument ikun intiż għal użu intern fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-BĊE jew għal skambju ta’ opinjonijiet bejn il-BĊE u l-BĊN, l-NCA jew l-NDA, jew ikun jesprimi skambju ta’ opinjonijiet bejn il-BĊE u awtoritajiet u korpi kkonċernati oħra.

38.

Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(1) sa (3) tad‑Deċiżjoni 2004/258 jikkorrispondi formalment mal-elenkar suċċessiv ta’ diversi raġunijiet għal rifjut ta’ aċċess, sempliċement imqiegħda wara xulxin u mingħajr indikazzjoni dwar xi interrelazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Il-preżentazzjoni tal-Artikolu 4(1) sa (3) tad-Deċiżjoni 2004/258 tikkorrobora l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura speċifika u awtonoma ta’ kull raġuni għal rifjut ta’ aċċess li tista’ tiġi invokata waħedha jew b’mod kumulattiv mill-BĊE. Skont l-istruttura tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258, iċ-ċaħda ta’ talba għal aċċess tkun iġġustifikata meta l-kundizzjonijiet mitluba minn waħda mill‑eċċezzjonijiet previsti f’dan l-artikolu jkunu ssodisfatti. Bl-istess mod, la l-kliem tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u lanqas dak tal‑Artikolu 4(3) ta’ din id-deċiżjoni ma jikkorroboraw b’xi mod l‑allegazzjoni tal-appellanti dwar in-natura ta’ lex specialis tal-ewwel dispożizzjoni meta mqabbla mat-tieni.

39.

Barra minn hekk u fuq kollox, l-Artikolu 4(5) tad‑Deċiżjoni 2004/258 isemmi l-iżvelar parzjali tad-dokument mitlub bil-mod segwenti: “[j]ekk xi partijiet biss tad-dokument mitlub ikunu koperti b’xi waħda mill-eċċezzjonijiet, il-partijiet li jifdal tad-dokument għandhom jiġu kkomunikati”. Dan il-kliem jirrifletti mingħajr dubju l‑possibbiltà ta’ applikazzjoni kumulattiva tad-diversi eċċezzjonijiet iddefiniti fil‑paragrafi 1 sa 3 tal-imsemmi artikolu fir-rigward ta’ dokument wieħed.

40.

Din il-possibbiltà hija spjegata bid-diffikultà li istituzzjoni li tirċievi talba għal aċċess jista’ jkollha sabiex tikklassifika d-dokument mitlub fid-dawl tal-kontenut tiegħu u tar-raġunijiet għal rifjut ta’ aċċess li huma ammissibbli. Minħabba n-natura kumplessa tiegħu, l-istess dokument jista’ jaqa’, a priori, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ diversi eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess ( 15 ) u jidhirli li ma huwiex raġonevoli li din l-istituzzjoni tkun limitata sabiex tagħżel eċċezzjoni waħda meta l-analiżi tagħha, probabbilment, tkun ser tiġi kkontestata u suġġetta għal stħarriġ ta’ legalità. B’dan il-mod, ma jkun hemm l-ebda preġudizzju għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti u għall-effett utli tiegħu, peress li min jitlob l-aċċess għandu l-possibbiltà li jikkontesta, permezz ta’ proċedura ta’ arbitraġġ u mbagħad ġudizzjarja, ir-rifjut ta’ aċċess ikkontestat li l-fondatezza tiegħu hija suġġetta għall-evalwazzjoni finali tal-qorti.

41.

F’dan il-każ, id-dokument kontenzjuż juri perfettament din is‑sitwazzjoni, peress li jirrigwarda teħid ta’ pożizzjoni legali mitluba mill-BĊE lil terz għall-finijiet ta’ diskussjoni interna fir-rigward ta’ liema l-appellanti jikkritikaw kemm il-klassifikazzjoni bħala parir intiż għal użu intern u anki dik ta’ parir legali kif ser naraw iktar ’il quddiem.

42.

Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-appellanti li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali twassal sabiex tneħħi l-effettività tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, għandha tiġi enfasizzata l-assenza ta’ natura sistematika tas-sitwazzjonijiet fejn ir-raġunijiet għal rifjut ta’ aċċess jikkoinċidu, b’tali mod li l-protezzjoni ta’ parir legali tista’ taqa’, f’sitwazzjoni speċifika, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-unika eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, anki kieku l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tad-dokumenti intiżi għal użu intern ġiet ikkunsidrata bħala infondata mill-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar kellha teżamina l-validità tar-rifjut ta’ aċċess fir-rigward tar-raġuni marbuta mal‑protezzjoni tal-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258.

43.

Finalment jidhirli utli li tiġi enfasizzata s-soluzzjoni adottata mill‑Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Portugal) (C‑442/18 P, EU:C:2019:1117). F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kienet iddikjarat invalida d-deċiżjoni tal-BĊE li tirrifjuta aċċess sħiħ għal proċessi verbali li jieħdu nota ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar il-provvista ta’ likwidità b’urġenza lil stabbiliment bankarju Portugiż, fir-rigward b’mod partikolari tal-informazzjoni dwar l-ammont ta’ kreditu kkonċernat. Wara li kkonstatat l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl‑evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni u sussegwentement annullat is-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet hija stess b’mod finali fuq it-tilwima billi eżaminat il-motiv proċedurali ċċitat iktar ’il fuq u wieħed mill-motivi ta’ mertu invokat mir-rikorrenti, f’dan il-każ, dak ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 dwar il‑kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE. Il‑Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dawn iż-żewġ motivi, billi kkunsidrat li d‑deċiżjoni li rrifjutat l-aċċess kienet suffiċjentement immotivata fid-dritt u bbażata b’mod validu fuq id-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija. Hija għalhekk ma ħaditx inkunsiderazzjoni u ma evalwatx it-tieni motiv ta’ mertu mqajjem mir-rikorrenti, dwar ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad‑Deċiżjoni 2004/258, u b’hekk stabbilixxiet l-individwalità u l‑awtonomija legali ta’ kull raġuni għal rifjut ta’ aċċess prevista f’din id‑deċiżjoni ( 16 ).

44.

L-appellanti jsostnu, fit-tieni lok, li, minkejja li d-dokument kontenzjuż ċertament jikkorrispondi ma’ teħid ta’ pożizzjoni legali li, bħala tali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad‑Deċiżjoni 2004/258, huwa ma jissodisfax il-kundizzjonijiet mitluba sabiex jibbenefika minn protezzjoni, għaliex huwa parir legali ta’ natura astratta u xjentifika li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ test li ma jistax jiġi kklassifikat bħala parir legali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ma ddikjaratx ruħha dwar dan l‑argument tal‑appellanti.

45.

Għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa inadegwat, peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat u ċaħdet l-argument tal-appellanti bħala intrinsikament kontradittorju ( 17 ), peress li kien jinvoka u jikkontesta, fl‑istess ħin, il-klassifikazzjoni tad-dokument kontenzjuż bħala parir legali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258. Fi kwalunkwe każ, peress li l-Qorti Ġenerali vvalidat ir-rifjut ta’ aċċess tal-BĊE abbażi biss tal‑Artikolu 4(3) ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr ma ddeċidiet dwar il‑klassifikazzjoni tad-dokument kontenzjuż bħala parir legali fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija deċiżjoni, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar argument ineffettiv tal-appellanti.

C.   Fuq il-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad‑Deċiżjoni 2004/258

46.

Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l‑protezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 u dik iddefinita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom suġġett uniku, jiġifieri dak li tiġi protetta l‑integrità ta’ proċess deċiżjonali intern marbut ma’ proċedura amministrattiva konkreta.

47.

Issa, parir estern li jirrigwarda kwistjoni legali astratta, bħal dik mitlub mill-BĊE u li l-aċċess għalih ġie rrifjutat, ma jikkostitwixxix dokument relatat ma’ proċess deċiżjonali jew ma’ deċiżjoni finali. Dan huwa pjuttost dokument li jistabbilixxi l-qafas estern tal-libertà deċiżjonali tal-istituzzjoni u għalhekk huwa estern għall-proċess deċiżjonali protett.

48.

Barra minn hekk, l-appellanti jallegaw li l-kliem “anki wara li d‑deċiżjoni tkun ittieħdet” li jinsab fl-Artikolu 4(3) tad‑Deċiżjoni 2004/258 juri li d-dokument ikkonċernat għandu jkun intiż għal użu intern fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva konkreta, soluzzjoni kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dispożizzjoni strutturalment simili, f’dan il-każ it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u interpretat b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

49.

Il-BĊE jikkontesta kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza ta’ din it-tieni parti tat-tielet aggravju.

1. Fuq l-ammissibbiltà

50.

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l‑provi li l-Qorti Ġenerali tkun aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti. Sakemm dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u sakemm il‑prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fir‑rigward tal-oneru u s-smigħ tal-provi jkunu ġew osservati, hija biss il‑Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi ppreżentati quddiemha. Għalhekk, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, minbarra fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt li tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 18 ).

51.

Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza stabbilita, il-BĊE jitlob li jiġi ddikjarat inammissibbli l-ilment li l-parir legali kontenzjuż ma jistax jikkostitwixxi dokument relatat ma’ proċess deċiżjonali intern, peress li dan l-ilment, essenzjalment, jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-provi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma ġie pprovat mill-appellanti li dawn ġew żnaturati.

52.

Dan l-argument, fl-opinjoni tiegħi, huwa bbażat fuq premessa żbaljata, jiġifieri interpretazzjoni żbaljata tal-kontenut tat-tielet motiv li fir-realtà ma jinkludi l-ebda kontestazzjoni ta’ evalwazzjoni ta’ fatt jew ta’ provi mwettqa mill-Qorti Ġenerali.

53.

Wara li rreferiet għall-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-BĊE li tirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess u wara li kkonstatat li r-raġunijiet ta’ dan ma kinux kontradetti mill-eżami tal-kontenut tad-dokument kontenzjuż, il‑Qorti Ġenerali kkonkludiet li dan tal-aħħar kien ikkostitwit minn parir legali, li kien ġej minn konsulent estern, dwar is-setgħat li għandu l‑Kunsill Governattiv skont l-Artikolu 14.4 du Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, u, peress li ma kienx relatat ma’ proċedura konkreta, ma kienx wassal għal teħid ta’ pożizzjoni tal-BĊE f’każ konkret b’mod definittiv ( 19 ).

54.

Għandu jiġi enfasizzat li dan il-qari tad-dokument kontenzjuż mill-Qorti Ġenerali ma huwiex ikkontestat mill-appellanti fil-kuntest tat‑tielet aggravju tal-appell. Min-naħa l-oħra, l-appellanti jikkritikaw b’mod espliċitu l-klassifikazzjoni legali ta’ dan il-parir mill-Qorti Ġenerali tad-dokument intiż għal użu intern skont l-Artikolu 4(3) tad‑Deċiżjoni 2004/258, kif interpretat minn din tal-aħħar fis-sentenza appellata, li jikkorrispondi ma’ evalwazzjoni fid-dritt suġġetta għall‑istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

55.

Għalhekk, l-ilment ta’ inammissibbiltà mqajjem mill‑BĊE għandu jiġi miċħud.

2. Fuq il-mertu

56.

L-appellanti jsostnu li l-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 ma setax jiġi applikat f’dan il-każ billi jsostnu, fl-ewwel lok, li, minħabba l‑oriġini esterna tiegħu u minħabba l-kontenut tiegħu, jiġifieri parir li jirrigwarda kwistjoni legali astratta ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, id‑dokument kontenzjuż ma jistax jiġi kkunsidrat bħala relatat ma’ proċess deċiżjonali intern.

57.

Dan l-argument ibbażat biss fuq in-natura intrinsika tad-dokument kontenzjuż ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jiġi aċċettat, għaliex jinjora l-għan stess tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, li tirrigwarda l-għan tad-dokument ikkonċernat, filwaqt li jitfakkar li dan tal-aħħar jista’ jkun ġie abbozzat jew sempliċement “riċevut” mill-BĊE.

58.

La l-fatt li d-dokument kontenzjuż tħejja minn konsulent legali estern, mitlub b’mod speċifiku għal dan il-għan mill-BĊE, u lanqas il-fatt li huwa jirriżulta minn parir li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ regola li tispeċifika l-kuntest ġuridiku tal-kompetenzi tal-BĊE ma huma a priori inkompatibbli mal-għan ta’ użu intern tal-imsemmi dokument. Barra minn hekk, il‑kwistjoni legali diskussa f’dan il-parir ma tistax b’mod ċar tiġi kklassifikata, kif jagħmlu b’mod żbaljat l-appellanti, bħala “sitwazzjoni legali esterna”.

59.

L-appellanti jallegaw, fit-tieni lok, li d-dokument kontenzjuż ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni ddefinita fl-Artikolu 4(3) tad‑Deċiżjoni 2004/258, fl-assenza ta’ kwalunkwe rabta ma’ proċedura deċiżjonali konkreta, argument li jqajjem il-kwistjoni tal-portata tal‑imsemmija eċċezzjoni.

60.

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss il‑kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti ( 20 ).

a) Fuq l-intepretazzjoni tal-kunċett ta’ “dokument intiż għal użu intern”

61.

Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li dan tal-aħħar jirreferi għal dokumenti intiżi għal użu intern fil-kuntest ta’ “deliberazzjonijiet”, huwa jirreferi wkoll għas-sitwazzjoni ta’ “konsultazzjonijiet”, jew saħansitra anki għal sempliċi “skambji ta’ fehmiet” bejn il-BĊE u entitajiet oħra, u dawn l-aħħar żewġ kunċetti jidhru li huma differenti mir-riferiment għal proċess deċiżjonali. Jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata kollha kemm hi, u li għalhekk għandha tinkludi wkoll l-użu tal-espressjoni “anki wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet” li tirreferi b’mod ċar għall-kunċett ta’ “proċess deċiżjonali”, pendenti jew magħluq fil-mument tat-tressiq tat-talba għal aċċess.

62.

Il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk din l-espressjoni hijiex relatata mas-sitwazzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4(3) tad‑Deċiżjoni 2004/258 jew inkella biss ma’ dik tad-“deliberazzjonijiet” jew inkella biss mal-“skambji ta’ fehmiet” bejn il-BĊE u entitatjiet oħra, biex b’hekk tagħmel kompletament awtonomu l-każ marbut mad‑dokument għal użu purament intern fi ħdan il-BĊE. Issa, l-ewwel każ hawn fuq imsemmi huwa kompletament kompatibbli mal-pożizzjoni tal‑imsemmija espressjoni fl-ewwel subparagrafu, kif ikkonfermat minn verżjonijiet tat-test f’lingwi oħra minbarra l-Franċiż ( 21 ). Huwa koerenti wkoll mas-sens tal-aġġettiv “preliminari” magħqud mal-kunċett ta’ “konsultazzjonijet”, għaliex dan tal-aħħar jirreferi għal dak li jiġi qabel jew iħejji xi ħaġa oħra kkunsidrata bħala iktar importanti, avveniment jew att.

63.

Jista’ jiġi mistoqsi jekk il-kliem “anki wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet” jistax jintiehem bħala l-espressjoni ta’ sempliċi ppreċiżar tat-“tragward”ratione temporis tal-protezzjoni mfittxija, li ma jintlaħaqx bit-teħid ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4(3) tad‑Deċiżjoni 2004/258, jekk tkun ġiet adottata, peress li din l‑ispjegazzjoni tal-aħħar hija impliċita. Minbarra d-diffikultà li tiġi rrikonċiljata mal-użu tal-artikolu ddefinit “d-” fl-espressjoni ċċitata iktar ’il fuq, id‑dgħufija intrinsika ta’ tali raġunament li jirreferi għas-sens impliċitu ma jidhirlix li hija ta’ natura li tikkontesta r-riżultat tal-analiżi interpretattiva li tiżvela r-rabta meħtieġa tad-dokument kontenzjuż ma’ proċess deċiżjonali, u dan huwa sostnut mill-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika.

64.

F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni kuntestwali, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 fih żewġ subparagrafi, u t‑tieni wieħed jirrigwarda l-produzzjoni tad-dokumenti “li jirriflettu skambji ta’ fehmiet bejn il-BĊE u awtoritajiet u korpi rilevanti […] anki wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet, jekk l-iżvelar tad-dokument jimmina serjament l-effettività tal-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tiegħu […]”.

65.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 żdid bid‑Deċiżjoni 2015/529, li emendat l-ewwel test, li l-premessa 8 tagħha tispjega li l-BĊE huwa obbligat li jikkollabora mal-awtoritajiet u korpi nazzjonali, l-istituzzjonijiet, il-korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-awtoritajiet superviżorji u ta’ amministrazzjoni ta’ pajjiż terz ikkonċernati, u dan skont l-Artikolu 127(1) u (5) TFUE u skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas‑superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu ( 22 ). Imbagħad huwa indikat: “[s]abiex il-BĊE jikkoopera b’mod effettiv, huwa essenzjali li jipprovdi u jippreżerva ‘spazju għal riflessjoni’ għall‑iskambju ta’ fehmiet u informazzjoni li jkun liberu u kostruttiv bejn l-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet u korpi oħrajn imsemmijin iktar ’il fuq. Fuq din il-bażi, il-BĊE għandu jkun intitolat li jipproteġi dokumenti skambjati bħala parti mill-kooperazzjoni tiegħu ma’ banek ċentrali nazzjonali, awtoritajiet kompetenti nazzjonali, awtoritajiet nazzjonali nominati u awtoritajiet u korpi relevanti oħrajn”.

66.

Minkejja li hija prevista l-protezzjoni ta’ dokumenti marbuta sempliċement ma’ “skambji ta’ fehmiet” bejn il-BĊE u ċerti entitatjiet, minbarra dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad‑Deċiżjoni 2004/258, għandu jiġi kkonstatat li ġie deċiż li fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmija deċiżjoni tiddaħħal l-espressjoni “anki wara li d‑deċiżjoni tkun ittieħdet”, li hija identika għal dik użata fl-ewwel subparagrafu u li tirreferi b’mod ċar għal rabta ma’ proċess deċiżjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi mistoqsi kif l-“iskambji ta’ fehmiet” bejn il-BĊE u l-BĊNi, NCA jew NDA msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jkunu tali li jiġġustifikaw qari differenti minn dak tar-rabta hawn fuq imsemmija u sa fejn dan l-aħħar qari ma huwiex rilevanti għall-integralità tal-imsemmija dispożizzjoni ( 23 )?

67.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika, u kif il-Qorti Ġenerali enfasizzat ġustament, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad‑Deċiżjoni 2004/258 għandu l-għan, b’mod partikolari, li jipproteġi spazju għal riflessjoni interna fil-BĊE li jippermetti skambju ta’ opinjonijiet kunfidenzjali fi ħdan korpi deċiżjonali tal-istituzzjoni fil‑kuntest tad-deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari tagħhom. Madankollu għad irid jiġi stabbilit, sabiex nibqgħu fit-terminoloġija ġeometrika, il-perimetru ta’ dan l-ispazju.

68.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar il-kliem tal-premessa 3 tad‑Deċiżjoni 2004/258 li tistipula li din tal-aħħar hija intiża sabiex tawtorizza “aċċess aktar wiesa’ għad-dokumenti tal-ECB”, filwaqt li tipproteġi l-indipendenza tal-BĊE u l-kunfidenzjalità ta’ ċerti kwistjonijiet speċifiċi marbuta mat-twettiq tal-ħidmiet tiegħu. Fit-tieni parti tagħha, l-imsemmija premessa tagħti spjegazzjoni essenzjali sabiex l‑għan ta’ dan l-att jinftiehem tajjeb billi tispjega li, “[s]abiex tiġi salvagwardjata l-effettività tal-proċess li fih jittieħdu d-deċiżjonijiet tal‑ECB, inklużi l-konsultazzjonijiet u l-preparazzjonijiet interni tiegħu, il-proċedimenti tal-laqgħat tal-korpi tal-ECB responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet huma kunfidenzjali, sakemm il-korp relevanti jiddeċiedi li jippubblika r-riżultat tad-dibattiti tiegħu”. Minkejja li l-imsemmija premessa tesprimi modulazzjoni tad-dritt ta’ aċċess, il-kliem użat jenfasizza l-għan li għandu jintlaħaq ta’ protezzjoni tal-effettività tal‑“proċess deċiżjonali” tal-BĊE u jorbot b’mod espliċitu x‑xogħol preparatorju intern mal-imsemmi proċess. Il-protezzjoni tal‑proċess konsultattiv u ta’ riflessjoni preliminari ma tidhirx li hija separabbli minn dik tal-proċess deliberatorju u tal-istadju finali tiegħu li jinvolvi teħid ta’ deċiżjoni dwar il-mertu f’fajl dwar każ speċifiku.

69.

Huwa fid-dawl tal-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2004/258 li għandu jiġi interpretat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ din id-deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ użu intern tal‑BĊE, li jkopru biss, fl-opinjoni tiegħi, id-dokumenti abbozzati jew riċevuti fil-kuntest ta’ proċess deċiżjonali speċifiku, pendenti jew magħluq fil-mument tat-tressiq tat-talba għal aċċess.

70.

Barra minn hekk, nirrileva li dikjarazzjonijiet differenti tal-BĊE li jinsabu fir-risposta tiegħu jikkorrispondu perfettament mal-interpretazzjoni teleoloġika msemmija hawn fuq. Il-BĊE jiddikjara b’hekk li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 huwa bbażat fuq regola (ta’ preżunzjoni) ġenerali li l-fatt li jingħata aċċess għal dokumenti intiżi għal użu intern joħloq ir-riskju ta’ “preġudizzju għall-proċess deċiżjonali tal-BĊE” u li, għall-finijiet tal‑protezzjoni tal-ispazju għal riflessjoni, dawn id‑dokumenti huma, konsegwentement, bħala regola, kunfidenzjali. Bl‑istess mod, huwa indikat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad‑Deċiżjoni 2004/258 jipproteġi l-ispazju għal riflessjoni interna tal-BĊE fil-kuntest tal‑“preparazzjoni ta’ deċiżjonijiet indirizzati lil terzi” jew li d‑Deċiżjoni 2004/258 tirrikonoxxi li qabel “deċiżjonijiet tal-BĊE indirizzati lil terzi”, għandu jkun hemm spazju għal riflessjoni interna li tippermetti skambju effettiv, informali u fuq kollox kunfidenzjali ta’ fehmiet, ideat, interpretazzjonijiet u ta’ proposti ta’ soluzzjonijiet ( 24 ).

71.

L-interpretazzjoni proposta ma hijiex tali li tneħħi l‑effett utli tal-eċċezzjoni kkonċernata u tagħtiha portata li, fl-opinjoni tiegħi, hija konformi mal-ekwilibriju mfittex bid-Deċiżjoni 2004/258 bejn id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-BĊE u t-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura speċifika ta’ din l-istituzzjoni li, skont l-Artikolu 130 TFUE, għandha tkun tista’ ssegwi, b’mod effettiv, l‑għanijiet mogħtija lill-kompiti tagħha, permezz tal-eżerċizzju indipendenti tas-setgħat speċifiċi li hija għandha għal dawn il-finijiet taħt it-Trattat u taħt l-Istatuti tas-SEBĊ ( 25 ).

72.

Fil-kuntest ta’ din it-tfittxija ta’ ekwilibriju bejn trasparenza u kunfidenzjalità, din l-aħħar kunsiderazzjoni tista’ ċertament tkun importanti f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-riżultat tad‑deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv kif jirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Portugal) (C‑442/18 P, EU:C:2019:1117).

73.

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 dwar il‑kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE fid-dawl tat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE li tipprevedi li huwa l-Kunsill Governattiv li għandu jiddeċiedi jekk għandux jiġi żvelat ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu, billi bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq ġurisprudenza stabbilita li test ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fis‑sens tal-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ikkunsidrat li l-Artikolu 4(1)(a) tad‑Deċiżjoni 2004/258, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal‑Artikolu 10(4) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipproteġi l-kunfidenzjalità tar-riżultat tad‑deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv, mingħajr ma huwa meħtieġ li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li jinkludu dan ir-riżultat jiġi suġġett għall-kundizzjoni li l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku ( 26 ).

74.

Fis-sentenza appellata ( 27 ), il-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll għat‑tieni sentenza tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll dwar SEBĊ u l-BĊE kif ukoll għall-Artikolu 14.4 tal-imsemmi protokoll, li jistabbilixxi l‑kompetenza tal-Kunsill Governattiv sabiex jopponi l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet nazzjonali mill-BĊN, sabiex tinterpreta l-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 u sabiex tiddikjara li d‑dokument kontenzjuż kien effettivament dokument intiż għal użu intern, sa fejn kien “intiż li jagħti informazzjoni u appoġġ għad‑deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv” fil-kuntest tal‑kompetenzi mogħtija lilu fl-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is‑SEBĊ u l-BĊE. Billi jqiegħed l-enfasi fuq id-deliberazzjonijiet tal‑Kunsill Governattiv bħala għan tad-dokument kontenzjuż, dan il-qari tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati mill-Qorti Ġenerali jikkorrobora, fl‑opinjoni tiegħi, l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 li jitlob rabta bejn id‑dokument ikkonċernat u l-proċess deċiżjonali, pendenti jew magħluq, li jinvolvi każ konkret.

75.

F’dan il-mument u f’dan il-kuntest, għandha tiġi evalwata l‑klassifikazzjoni tad-dokument kontenzjuż bħala dokument użat għal użu intern fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad‑Deċiżjoni 2004/258.

b) Fuq il-klassifikazzjoni tad-dokument kontenzjuż

76.

Preliminarjament, għandu jitfakkar li parti mill-motivazzjoni tad‑deċiżjoni tal-BĊE li tirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess għad-dokument kontenzjuż, hija fformulata b’dan il-mod:

“Sa fejn il-parir legali jirrigwarda kwistjonijiet ġenerali relatati mal‑applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14.4 tal-Istatuti tas‑SEBĊ, huwa ma jeżaminax il-każ speċifiku tal-provvista ta’ likwidità b’urġenza (PLU) lill-banek Griegi, u lanqas ma jevalwa l-legalità ta’ deċiżjonijiet oħra konkreti meħuda mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE bis‑saħħa tal‑Artikolu 14.4 tal-Istatuti tas-SEBĊ, inkluż deċiżjonijiet li jopponi jew le proposta ta’ BĊN dwar il-provvista ta’ likwidità b’urġenza […]

Il-Bord Eżekuttiv jippreċiża li t-talba magħmula f’dan il-każ tirrigwarda parir legali mitlub sabiex il-korpi deċiżjonali tal-BĊE jingħataw informazzjoni legali aħjar fid-dawl tad-diskussjonijiet u riflessjonijiet interni tagħhom u li bħala tali, dan il-parir huwa wkoll protett mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni [2004/258] […]

Peress li l-parir legali kien intiż sabiex jipprovdi perizja legali li tippermetti li jiġi ppreċiżat il-kuntest ġuridiku, li jżid mar‑riflessjonijiet interni tal-korpi deċiżjonali u li jissostanzja d‑deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet dwar il-PLU, mhux biss fl-2015 iżda wkoll f’okkażjonijiet futuri. Bħala tali, il-parir legali huwa utli għal kull eżami attwali jew futur ta’ sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 14.4 tal-Istatuti tas-SEBĊ (dispożizzjoni dwar il-funzjonijiet nazzjonali tal-BĊN – pereżempju l‑previżjoni ta’ PLU – u dwar ir-regoli legali u l-kundizzjonijiet li l-BĊE tista’ timponi fuq il-BĊN f’dan il-kuntest) […]”.

77.

Fid-dawl ta’ din il-motivazzjoni u tal-eżami tal-kontenut tad‑dokument kontenzjuż, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-dokument kontenzjuż ma kienx marbut ma’ proċedura konkreta u, konsegwentement, ma kienx jikkostitwixxi dokument li sussegwentement għalih il-BĊE ħa pożizzjoni f’każ konkret b’mod definittiv, li, madankollu, ma kienx tali li jeskludi l-imsemmi dokument mill-kamp ta’ applikazzjoni tal‑eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad‑Deċiżjoni 2004/258, u dan għal żewġ raġunijiet ( 28 ).

78.

Fi tmiem analiżi ta’ interpretazzjoni komparattiva tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 u tal‑Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti Ġenerali, l‑ewwel nett, enfasizzat li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl‑ewwel dispożizzjoni ċċitata ma kinitx tirrikjedi li l-BĊE jipprova li l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż jikkawża preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali tiegħu u li, għalhekk, il-fatt li d-dokument kontenzjuż ma huwiex marbut ma’ proċedura konkreta ma kienx suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l‑applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni.

79.

Din l-evalwazzjoni bbażata fuq differenza fil-kliem meta mqabbel ma’ regola li ma taqax fil-qafas legali applikabbli fir-rigward tan-natura tad-dokument kontenzjuż, marbut mal-eżerċizzju tal-attività prinċipali tal-BĊE, tidher li ma hijiex rilevanti ( 29 ). Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma pproċedietx b’interpretazzjoni letterali intrinsika tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 u b’mod iktar partikolari tal-espressjoni “anki wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet”, u lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni t-termini tal-premessa 3 ta’ dan l-att. Il‑konstatazzjoni li l-eċċezzjoni mid-dritt ta’ aċċess previst fid‑dispożizzjoni hawn fuq imsemmija ma hijiex suġġetta għal kundizzjoni ta’ prova ta’ kwalunkwe effett sfavorevoli tal-iżvelar tad‑dokument ikkonċernat ma tirrispondix il-mistoqsija dwar jekk dan tal-aħħar jaqax fid-definizzjoni ta’ dokument intiż għal użu intern, fir‑rigward tar-rabta tiegħu ma’ proċedura deċiżjonali, u jaqax, għaldaqstant, fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni.

80.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-dokument kontenzjuż kien intiż sabiex jagħti, b’mod ġenerali, appoġġ għad‑deliberazzjonijiet li l-Kunsill Governattiv huwa mistenni li jieħu abbażi tal‑Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, matul is‑sena 2015 u sussegwentement, u li dan kien, għaldaqstant, “dokument preparatorju, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ eventwali deċiżjonijiet tal-korpi tal-BĊE”.

81.

Minn din il-motivazzjoni jirriżulta li l-użu intern tad-dokument inkwistjoni jista’ jiġi kkonċepit f’perspettiva, ftit jew wisq distanti, tal‑adozzjoni ta’ att fil-kuntest ta’ proċedura li tinvolvi sitwazzjoni speċifika. Is-sempliċi possibbiltà ta’ rabta tad-dokument ma’ proċedura amministrattiva futura u ipotetika hija għalhekk suffiċjenti, skont il-Qorti Ġenerali, sabiex dan id-dokument jiġi kklassifikat bħala “preparatorju” u sabiex tqiegħdu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad‑Deċiżjoni 2004/258.

82.

Jidhirli li din l-evalwazzjoni tirriżulta minn interpretazzjoni wiesgħa wisq tat-terminu “preparatorju” u, b’dan il-mod, tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni li tippermetti lill-BĊE li jirrifjuta l‑aċċess għal kull dokument, ikun x’ikun, minħabba użu minnu potenzjalment intern fil-futur. Dan l-approċċ b’hekk ippermetta li jirrendi kunfidenzjali, f’dan il-każ, dokument li l-uniku għan tiegħu huwa li jżid ma’ riflessjoni dwar tema legali ta’ natura ġenerali.

83.

Ċertament tista’ ssir diskussjoni dwar il-portata tal-kunċett ta’ “rabta” tad-dokument ma’ proċedura amministrattiva pendenti jew magħluqa. Għandu jkun dokument li b’mod ċar huwa ddelimitat mill-fatt li jagħmel parti minn fajl relatat ma’ tali proċedura jew, jekk tiġi aċċettata interpretazzjoni inqas stretta iżda perfettament konċepibbli, dokument sempliċement relatat mal-kwistjonijiet ittrattati f’dan il-proċess, jiġifieri li jirrigwarda l‑imsemmija kwistjonijiet, mingħajr saħansitra ma jkun ġie speċifikatament abbozzat jew riċevut fil-kuntest tal-imsemmi proċess?

84.

Jibqa’ l-fatt li din id-diskussjoni tippreżupponi l-eżistenza ta’ proċess intern ta’ deliberazzjoni li jwassal in fine għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni individwali dwar il-mertu rigward sitwazzjoni speċifika. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt 28 tar-risposta tiegħu ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, il-BĊE indika b’mod ċar li d‑“deċiżjonijiet tal-BĊE skont l-Artikolu 14.4 tal-Istatuti tas-SEBĊ huma dejjem deċiżjonijiet individwali” rigward ir-relazzjonijiet tiegħu mal‑BĊN li jagħtu l-likwidità b’urġenza.

85.

Issa, minkejja li d-deċiżjoni tal-BĊE li tirrifjuta l-aċċess tmur lura għas-16 ta’ Ottubru 2017, jiġifieri iktar minn sentejn wara r-redazzjoni tad-dokument kontenzjuż bid-data tat-23 ta’ April 2015, il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ma ssemmi l-ebda proċess pendenti ta’ deliberazzjoni li jirrigwarda sitwazzjoni speċifika jew deċiżjoni individwali li magħhom l-imsemmi dokument huwa marbut direttament bħala relatat permezz tal-kontenut tiegħu mal-kwistjonijiet ittrattati fih. Kif tfakkar, id-deċiżjoni li tirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess sempliċement issemmi dokument intiż sabiex jagħti appoġġ għad-“deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet dwar il-PLU, mhux biss fl-2015 iżda wkoll f’okkażjonijiet futuri” u utli għal kull eżami “attwali jew futur” ta’ sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 14.4 tal‑Istatuti tas-SEBĊ, mingħajr spjegazzjonijiet ulterjuri.

86.

Bħala konklużjoni, filwaqt li l-ispazju għal riflessjoni interna tal-BĊE għandu, mingħajr l-iċken dubju, jiġi protett, dan għandu jsir b’korrelazzjoni mal-għan tiegħu, jiġifieri dak li jitħejjew deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi speċifiċi, li għandhom jiġu indirizzati lil terzi, li effettivament huwa tali li jiggarantixxi l-indipendenza ta’ din l-istituzzjoni fit-twettiq tal‑kompiti tagħha.

87.

Minn dan isegwi, fl-opinjoni tiegħi, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-BĊE seta’, f’tali ċirkustanzi, jirrifjuta l-aċċess għad-dokument kontenzjuż.

88.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddikjara, kif qiegħed nipproponi, bħala ammissibbli u fondata t-tieni parti tat-tielet aggravju, ikun hemm lok li l-appell jintlaqa’ u li s-sentenza appellata tiġi annullata. Il-kawża għandha, fl-opinjoni tiegħi, tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, skont l‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, peress li t-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Fil-fatt, peress li r‑rikors għal annullament kontra r-rifjut ta’ aċċess ġie miċħud fuq is-sempliċi konstatazzjoni tal-fondatezza tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, hemm lok li l‑kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi dwar l-ewwel aggravju ta’ annullament tal-appellanti ibbażat fuq ksur tat‑tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija deċiżjoni, relatat mal‑protezzjoni tal-pariri legali.

VII. Konklużjoni

89.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara ammissibbli u fondata t-tieni parti tat-tielet aggravju u, konsegwentement, tilqa’ l-appell.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) SentenzaT‑798/17, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2019:154.

( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l‑aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal‑Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3 p. 331).

( 4 ) Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51), kif emendata permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2015/529 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2015 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2004/258”).

( 5 ) ĠU 2001, L 73, p. 5.

( 6 ) ĠU 1999, L 110, p. 30.

( 7 ) Id-Deċiżjoni 2004/258 ġiet emendata bid-Deċiżjonijiet tal-BĊE 2011/342/UE, tad-9 ta’ Mejju 2011 (BĊE/2011/6) (ĠU 2011, L 158, p. 37) u (UE) 2015/529, tal-21 ta’ Jannar 2015 (BĊE/2015/1) (ĠU 2015, L 84, p. 64). Dan l-aħħar att introduċa emenda tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, li abbażi tiegħu ġie adottat l-allegat rifjut ta’ aċċess, u inkluda t-tieni subparagrafu taħt l-imsemmi paragrafu.

( 8 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Il-Kummissjoni vs Breyer (C‑213/15 P, EU:C:2017:563, punti 5051).

( 9 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Il-Kummissjoni vs Breyer (C‑213/15 P, EU:C:2017:563, punt 48).

( 10 ) L-istess japplika, b’mod partikolari, fir-rigward tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal‑eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet skont il‑kliem tal-premessa 4 u l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001 li jgħid li dan tal-aħħar huwa intiż sabiex jagħti l-ikbar effett possibbli lid-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet ikkonċernati (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2017, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑60/15 P, EU:C:2017:540, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Nirrileva li minkejja l-Qorti Ġenerali ma indikatx espressament li d-dokument kontenzjuż huwa relatat mal-attività prinċipali tal-BĊE, din il-klassifikazzjoni tirriżulta mill-punti ta’ evalwazzjoni li jinsabu fil-punti 33, 34 u 36 tas-sentenza appellata.

( 12 ) Punti 4, 18 u 74 tas-sentenza appellata.

( 13 ) Punti 44 u 45 tas-sentenza appellata.

( 14 ) Punti 16 u 17 tas-sentenza appellata.

( 15 ) Fis-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Office of Communications (C‑71/10, EU:C:2011:525), li tirrigwarda d-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, li jelenka d-derogi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu għar-regola ġenerali tal-iżvelar tal-informazzjoni lill-pubbliku, bħala li jippermetti lill-awtorità pubblika li tirċievi talba għal aċċess li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod kumulattiv diversi raġunijiet għal rifjut imsemmija f’din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil‑punt 30 ta’ din is-sentenza, li l-fatt li l-interessi koperti bir-rifjut ta’ żvelar u dawk koperti bl-iżvelar huma msemmija b’mod separat fl-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva 2003/4 ma jipprekludix il-kumulazzjoni ta’ dawn id-derogi għar-regola ġenerali ta’ żvelar, peress li l-interessi koperti bir-rifjut ta’ żvelar jistgħu xi drabi jikkoinċidu fl-istess sitwazzjoni jew fl-istess ċirkustanzi.

( 16 ) Jeħtieġ li niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-applikazzjoni kumulattiva tar-raġunijiet għal rifjut ta’ aċċess hija fil-fatt stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitati fil-punt 44 tas-sentenza appellata) li jinkludi wkoll l-Artikolu 4 li jistabbilixxi eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess u li huwa strutturat bl-istess mod bħad‑dispożizzjoni korrispondenti tad-Deċiżjoni 2004/258. Madankollu, għall‑kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-parti ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar il‑kuntest ġuridiku ta’ analiżi, ma hemmx lok li jsir riferiment għal din il-ġurisprudenza għall-finijiet ta’ applikazzjoni b’analoġija f’din il-kawża.

( 17 ) Ara l-punt 47 tas-sentenza appellata.

( 18 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Tralli vs BĊE (C‑301/02 P, EU:C:2005:306, punt 78).

( 19 ) Ara l-punti 33, 34, 36 u 50 tas-sentenza appellata.

( 20 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya (C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Pereżempju, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża “Access to a document drafted or received by the ECB for internal use as part of deliberations and preliminary consultations within the ECB, or for exchanges of views between the ECB and NCBs, NCAs or NDAs, shall be refused even after the decision has been taken, unless there is an overriding public interest in disclosure”, bil-lingwa Spanjola “El acceso a documentos redactados o recibidos por el BCE para su uso interno en el marco de deliberaciones y consultas previas en el BCE o para intercambios de opinión entre el BCE y los BCN, las ANC o las AND, se denegará incluso después de adoptada la decisión de que se trate, salvo que la divulgación de los documentos represente un interés público superior”, bil-lingwa Taljana “L’accesso a un documento elaborato o ricevuto dalla BCE per uso interno, come parte di deliberazioni e consultazioni preliminari in seno alla BCE stessa, o per scambi di opinioni tra la BCE e le BCN, le ANC o le AND, viene rifiutato anche una volta adottata la decisione, a meno che vi sia un interesse pubblico prevalente alla divulgazione” u bil-lingwa Estonjana “Juurdepääsust EKP koostatud või saadud sisekasutuses olevale dokumendile, mis on osa EKP-sisestest arutlustest või eelkonsultatsioonidest ning EKP seisukohtade vahetusest RKP-dega, riiklike pädevate asutustega või riiklike määratud asutustega, tuleb keelduda ka pärast otsuse vastuvõtmist, kui puudub ülekaalukas avalik huvi avalikustamiseks”.

( 22 ) ĠU 2013, L 287, p. 63.

( 23 ) Nirrileva, mill-bqija, li d-differenza bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 hija espressa bil-fatt li l-kunfidenzjalità tad‑dokumenti msemmija fit-tieni subparagrafu hija suġġetta għall-kundizzjoni tal-prova ta’ riperkussjoni negattiva tal-iżvelar tal-imsemmija dokumenti f’dak li jirrigwarda l‑effettività tal-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

( 24 ) Ara l-punti 48, 59 u 78 tar-risposta tal-BĊE.

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs BĊE (C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 134).

( 26 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Portugal) (C‑442/18 P, EU:C:2019:1117, punti 4043).

( 27 ) Ara l-punti 38 sa 41 tas-sentenza appellata.

( 28 ) Għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt 76 tar-risposta tiegħu u wara li fakkar il-punti ta’ evalwazzjoni adottati mill-Qorti Ġenerali, il-BĊE indika li d-dikjarazzjonijiet ta’ din tal-aħħar kienu “legalment inkontestabbli”, u b’hekk esprima l-qbil tiegħu mingħajr riżervi mal-analiżi li saret minn din il-qorti.

( 29 ) L-istess japplika għar-riferiment li sar mill-appellanti għas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni (C-60/15 P, EU:C:2017:540) dwar l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previst fl‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li tirrigwarda l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, fil-kuntest speċifiku ta’ talba għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent.

Top