This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CC0331
Opinion of Advocate General Szpunar delivered on 27 February 2020.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-27 ta’ Frar 2020.
Staatssecretaris van Financiën vs X.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98 – Possibblità għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti kunsinni ta’ beni u provvisti ta’ servizzi – Anness III, punt 1 – Kunċetti ta’ ‘prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem’ u ta’ ‘prodotti li normalment jintużaw sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel’ – Prodotti afrodiżijaċi.
Kawża C-331/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-27 ta’ Frar 2020.
Staatssecretaris van Financiën vs X.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98 – Possibblità għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti kunsinni ta’ beni u provvisti ta’ servizzi – Anness III, punt 1 – Kunċetti ta’ ‘prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem’ u ta’ ‘prodotti li normalment jintużaw sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel’ – Prodotti afrodiżijaċi.
Kawża C-331/19.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:122
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fis-27 ta’ Frar 2020 ( 1 )
Kawża C‑331/19
Staatssecretaris van Financiën
vs
X
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxi — Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 98 — Rati mnaqqsa — Anness III, punt 1 — Prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem u prodotti li normalment jintużaw sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel — Prodotti li jistimulaw il-libido”
Introduzzjoni
1. |
It-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem, il-“VAT”) hija taxxa indiretta, fis-sens li l-piż ekonomiku tagħha jinkombi fuq il-konsumaturi tal-oġġetti u s-servizzi, b’żieda fil-prezz tagħhom. Bil-għan li jitnaqqas l-effett tat-taxxa fuq il-prezz ta’ wħud mill-oġġetti u s-servizzi meqjusa ta’ importanza soċjali partikolari, il-leġiżlatur stabbilixxa sensiela ta’ eżenzjonijiet tal-VAT u l-possibbiltà ta’ applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa ta’ din it-taxxa. Din l-aħħar possibbiltà tirreferi, fost l-oħrajn, għal prodotti tal-ikel kif ukoll għal prodotti intiżi għall-produzzjoni, għas-supplimenti jew għas-sostituzzjoni tagħhom. |
2. |
Madankollu, jidher li l-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fl-imsemmija kategoriji toħloq diffikultajiet, kif muri mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward ( 2 ). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-opportunità li tispeċifika dawn il-kunċetti, li għandhom inaqqsu n-numru ta’ tali tilwimiet fil-futur, għalkemm bla dubju ma hijiex ser tevitahom għalkollox. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3. |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel ( 3 ) jipprovdi kif ġej: “Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-assigurazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumatur li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ikel, waqt li jingħata kont b’mod partikolari tad-diversità fil-provvista ta’ l-ikel inklużi prodotti tradizzjonali, waqt li jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tas-suq intern.” |
4. |
Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, “ikel” (jew ‘oġġetti ta’ l-ikel’) tfisser kull sustanza jew prodotti, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem. ‘Ikel’ jinkludi x-xorb, chewing gum u kwalunkwe sustanza, inkluż l-ilma, intenzjonalment inkorporati fl-ikel waqt il-manifattura, tħejjija jew trattament […] ‘Ikel’ ma jinkludix:
|
5. |
Skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud ( 4 ), l-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT stabbilita minn kull Stat Membru bħala perċentwali tal-ammont taxxabbli li għandha tkun l-istess għall-kunsinni ta’ beni u għall-provvisti ta’ servizzi. |
6. |
L-Artikolu 98(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) ta’ din id-direttiva jipprovdu li: “1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa. 2. Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III. […]” |
7. |
L-Anness III tad-Direttiva 2006/112 jelenka fil-punt 1 tiegħu: “Oġġetti ta’ l-ikel (inkluż ix–xorb imma eskluż ix-xorb alkoħoliku) għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali; annimali ħajjin, żerriegħa, pjanti u ingredjenti normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ affarijiet ta’ l-ikel; prodotti normalment maħsuba li jkunu użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-oġġetti ta’ l-ikel.” |
Id-dritt Olandiż
8. |
Id-dritt Olandiż jipprevedi l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għall-prodotti elenkati fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, skont l-Artikolu 9(2a) tal-Wet houdende vervanging van de bestaande omzetbelasting door een omzetbelasting volgens het stelsel van heffing over de toegevoegde waarde (il-Liġi li Tissostitwixxi t-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ b’Taxxa fuq il-Valur Miżjud) tat-28 ta’ Ġunju 1968, moqri flimkien mal-punt 1(a) sa (ċ) tat-Tabella I mehmuża ma’ dan l-att. |
Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
9. |
X, persuna taxxabbli għall-VAT, jopera ħanut tal-prodotti erotiċi (sex‑shop). Fost il-prodotti li jbigħ hemm pilloli, qtar, trab u sprays orali intiżi li jistimulaw ix-xewqa sesswali (afrodiżijaċi). L-ingredjenti ta’ dawn il-prodotti huma ta’ oriġini naturali. |
10. |
Bejn l-2009 u l-2013, il-persuna taxxabbli applikat, fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, rati mnaqqsa tal-VAT għall-prodotti tal-ikel. Madankollu, l-awtoritajiet tat-taxxa kkontestaw l-applikazzjoni ta’ din ir-rata peress li qiesu li l-prodotti inkwistjoni ma jikkostitwixxux prodotti tal-ikel għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-VAT u ordnaw li tiġi applikata r-rata ġenerali fir-rigward tagħhom. |
11. |
Din id-deċiżjoni ġiet appellata mill-persuna taxxabbli quddiem ir-rechtbank den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi). Fit-tieni istanza, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) laqgħet ir-rikors tal-persuna taxxabbli billi qieset li l-użu tal-prodotti inkwistjoni bħala afrodiżijaċi ma jipprekludix it-tassazzjoni tagħhom skont ir-rata prevista għall-prodotti tal-ikel. Din il-qorti qieset li dawn il-prodotti huma intiżi għal użu orali u huma magħmula minn ingredjenti li jistgħu jinsabu fi prodotti tal-ikel. Barra minn hekk, hija enfasizzat li d-definizzjoni ta’ prodotti tal-ikel adottata mil-leġiżlatur hija wiesgħa biżżejjed sabiex tinkludi prodotti li inambigwament ma humiex assoċjati mal-ikel, bħall-ħelu, iċ-chewing gum u l-kejkijiet. |
12. |
L-iStaatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) appella fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
13. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
Jekk din id-domanda tingħata risposta fin-negattiv, kif għandu jiġi interpretat dan il-kunċett?
|
14. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ April 2019. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr ma tinżamm seduta tas-smigħ. |
Analiżi
15. |
Il-qorti tar-rinviju għamlet żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mal-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum tal-bniedem” u “prodotti normalment użati sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel” fis-sens tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112. Din l-interpretazzjoni għandha l-għan li tiċċara jekk l-imsemmija kunċetti, jew wieħed minnhom, jinkludux prodotti li jistgħu jistimulaw ix-xewqa sesswali (afrodiżijaċi) intiżi għall-konsum orali. |
Fuq l-ewwel domanda preliminari
16. |
L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum tal-bniedem”. Il-qorti tar-rinviju tixtieq, b’mod partikolari, tiddetermina jekk l-imsemmija interpretazzjoni għandhiex tkun ibbażata fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodott tal-ikel” li jinsab fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002. Ir-risposta għal din id-domanda teżiġi interpretazzjoni letterali u teleoloġika tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, flimkien mal-Artikolu 98(1) u (2) tal-imsemmija direttiva, u interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002. |
Analiżi letterali
17. |
Kif ġustament irrilevat mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom, kif ukoll mill-qorti tar-rinviju fid-digriet tagħha, id-Direttiva 2006/112 ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem”, u lanqas ma tirreferi għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri f’dan ir-rigward. F’tali sitwazzjoni, l-imsemmi kunċett għandu jiġi interpretat f’konformità mat-tifsira normali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha ( 5 ). |
18. |
Fil-lingwaġġ kurrenti, il-prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu assimilati mal-kunċett ta’ “ikel”, jiġifieri, prodotti li l-bnedmin jikkonsmaw fil-proċess tal-alimentazzjoni. Dan il-proċess għandu bħala għan l-għoti ta’ nutrijenti lill-ġisem: kostitwenti, nutrimenti enerġetiċi u regolaturi, u ilma. Dawn in-nutrijenti jgħinu lill-ġisem jibqa’ ħaj, kif ukoll jikkundizzjonaw il-funzjoni u l-attività tiegħu. |
19. |
Għalhekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem” tinkludi l-prodotti kollha, ipproċessati jew le, li jipprovdu nutrijenti lill-ġisem tal-bniedem u li jiġu kkonsmati bil-għan li jipprovdu tali nutrijenti. |
20. |
Għalhekk, jien ma naqbilx mat-tħassib tal-qorti tar-rinviju espress fid-deċiżjoni tar-rinviju li element teleoloġiku fid-definizzjoni tal-imsemmi kunċett iwassal għal riskju għaċ-ċertezza legali. Skont l-imsemmija qorti tar-rinviju, ċerti prodotti tal-ikel huma kkonsmati għal għanijiet differenti miż-żamma tal-funzjonijiet vitali tal-ġisem u, madankollu, ma hemmx dubju li dawn jaqgħu fil-kuntest tal-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem”. Għalhekk, l-iskop tal-konsum tagħhom ma jistax jiddetermina l-klassifikazzjoni tagħhom. Id-deċiżjoni tal-qorti tat-tieni istanza fil-kawża prinċipali kienet ukoll ibbażata fuq dan ir-raġunament. |
21. |
Fl-opinjoni tiegħi, din l-allegazzjoni hija bbażata fuq malintiż. |
22. |
Is-sodisfazzjon tal-bżonnijiet bażiċi tal-bniedem ma għandux ikun limitat għall-mezzi l-iktar elementari li jservu dan il-għan. Għall-kuntrarju, it-tendenza għas-sofistikazzjoni u għal-lussu ilha parti mill-ħajja tal-bniedem sa mill-bidu taż-żminijiet u, fejn din tkun ristretta, dan iseħħ prinċipalment minħabba nuqqas ta’ mezzi materjali sabiex dan jintlaħaq. Dan jidher biċ-ċar fil-każ tad-djar jew tal-ħwejjeġ; lil hinn mill-funzjoni bażika protettiva tagħhom, dawn jaqdu funzjonijiet oħra, pereżempju, ta’ estetika jew ta’ prestiġju. Madankollu, dawn jibqgħu dak li essenzjalment huma: palazz ta’ stil rococo huwa dar u libsa ta’ disinjatur magħruf hija ħwejjeġ, bl-istess mod bħalma huma, rispettivament, dar tal-injam jew qmis tal-għażel mhux ipproċessat. |
23. |
Dan japplika wkoll fil-każ tal-ikel. Li xi ikel ikun iktar raffinat u għali minn ieħor ma jbiddilx il-fatt li dan iservi sabiex jissodisfa dan l-istess bżonn essenzjali li jagħti lill-ġisem sustanzi nutrittivi indispensabbli għall-ħajja. Hija kwistjoni differenti l-fatt li dan ikollu kwalitajiet oħra, bħal pereżempju t-togħma. Din l-idea hija espressa perfettament f’kuntest differenti ħafna evokat mir-Reġina Franċiża Marie-Antoinette fejn sostniet li, fil-każ li l-poplu ma jkollux ħobż, għandu jitħalla jiekol il-kejkijiet. |
24. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minbarra s-sustanzi nutrittivi, il-prodotti tal-ikel jista’ jkollhom numru ta’ sustanzi differenti, li jkunu diġà inklużi b’mod naturali jew jiġu miżjuda għall-konservazzjoni tagħhom, għat-titjib fit-togħma, eċċ. Bla dubju ta’ xejn, ma hemm ebda raġuni għalfejn dawn is-sustanzi jew il-prodotti li jinkluduhom ma jiġux ikklassifikati bħala prodotti tal-ikel fis-sens tad-dispożizzjoni inkwistjoni. |
25. |
Huwa irrilevanti, kif jindika ġustament il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-osservazzjonijiet tiegħu, li l-bniedem mhux dejjem jiekol bl-aqwa mod għal saħħtu, pereżempju jiekol ammonti kbar ta’ xaħmijiet u zokkor. Użu mhux adattat tal-prodotti tal-ikel mil-lat ta’ saħħa ma jċaħħadx lil dawn il-prodotti mill-kwalitajiet bażiċi nutrittivi. |
26. |
Bl-istess mod, huma wkoll irrilevanti ċ-ċirkustanzi li fihom jiġu kkonsmati l-prodotti tal-ikel. Il-kultura tal-bniedem tiġġenera numru ta’ drawwiet u ritwali li jakkumpanjaw azzjonijiet sempliċi min-natura tagħhom, bħall-konsum tal-ikel. Madankollu, il-karettun ma għandux jitqiegħed qabel iż-żiemel. Il-funzjonijiet soċjali tal-ikel, anki fil-każ li jkunu estensivi, huma sekondarji għall-funzjoni nutrittiva tiegħu. Anki l-bankett l-iktar lussuż iservi qabelxejn sabiex jissodisfa l-ġuħ u l-għanijiet l-oħra tiegħu għandhom biss irwol sekondarju ( 6 ). |
27. |
Kif indikat hawn fuq, inqis li fost il-prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu inklużi l-prodotti kollha li fihom sustanzi nutrittivi u li jiġu kkonsmati bil-għan li l-ġisem jiġi pprovdut b’dawn is-sustanzi, minkejja l-funzjonijiet l-oħra li jista’ jkollhom dawn il-prodotti, bħall-massimizzazzjoni tal-pjaċir mis-sensazzjonijiet tat-togħma u li l-konsum tagħhom jista’ jkun marbut ma’ avvenimenti soċjali. |
28. |
Madankollu, prodotti bħal dawk imsemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri faqqiegħ alluċinoġeniku jew iċ-chewing gum, ma humiex intiżi li jipprovdu sustanzi nutrittivi lill-ġisem meta jiġu kkonsmati mill-bniedem, b’mod li ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala prodotti tal-ikel fis-sens tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112. |
29. |
Dan japplika wkoll fir-rigward tal-afrodiżijaċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dawn ma jittiħdux sabiex jipprovdu sustanzi nutrittivi lill-ġisem, iżda sabiex jistimulaw ix-xewqa sesswali. Għalhekk, għalkemm jistgħu jinfluwenzaw ċerti funzjonijiet tal-ġisem, dawn ma għandhomx funzjoni nutrittiva. |
30. |
Din il-konstatazzjoni b’ebda mod ma tippreġudika ċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq fid-deċiżjoni ta’ rinviju, li l-ingredjenti ta’ dawn l-afrodiżijaċi huma sustanzi li jistgħu wkoll jagħmlu parti mill-kompożizzjoni ta’ prodotti tal-ikel. Fil-fatt, jekk prodott ikun ta’ natura kumplessa, il-klassifikazzjoni tiegħu bħala prodott tal-ikel għall-finijiet tal-imsemmija dispożizzjonijiet għandha tiddependi min-natura tal-prodott fl-intier tiegħu u mhux mill-komponenti differenti tiegħu. L-ingredjenti tal-afrodiżijaċi jintgħażlu u jiġu kkombinati minħabba l-effett tagħhom fuq ix-xewqa sesswali u mhux minħabba l-kwalitajiet nutrittivi tagħhom. |
31. |
Din il-kwalità tiddistingwi lil dawn l-afrodiżijaċi minn prodotti tal-ikel, inklużi dawk il-prodotti tal-ikel li, minbarra l-kwalitajiet nutrittivi, għandhom ukoll effett afrodiżijaku, bħal pereżempju ċerti molluski. |
Analiżi teleoloġika
32. |
L-analiżi preċedenti hija kkonfermata mill-interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112. |
33. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha ċ-ċans li tiddikjara li l-iskop tal-Artikolu 98 u tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 huwa li jitnaqqas il-prezz ta’ ċerti oġġetti meqjusa bħala partikolarment bżonjużi u, għaldaqstant li dawn isiru iktar aċċessibbli għall-konsumatur, li fl-aħħar mill-aħħar huwa l-persuna li tħallas il-VAT ( 7 ). Fir-rigward tal-prodotti tal-ikel imsemmija fil-punt 1 ta’ dan l-anness, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikathom bħala oġġetti essenzjali ( 8 ). |
34. |
Fl-opinjoni tiegħi, dan l-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jimmilita favur interpretazzjoni li tillimita l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT għall-prodotti kkonsmati sabiex jiġi ssodisfatt wieħed mill-bżonnijiet bażiċi tal-bniedem, jiġifieri l-ħtieġa għal nutrizzjoni, mifhuma bħala l-provvista ta’ sustanzi nutrittivi lill-ġisem. |
35. |
Fir-rigward tal-argument li mhux il-prodotti kollha li normalment jitqiesu bħala ikel huma meħtieġa mill-perspettiva ta’ nutrizzjoni, intenni l-argumenti esposti fil-punti 22 sa 26 tal-konklużjonijiet preżenti: il-fatt li ċerti prodotti tal-ikel għandhom kwalitajiet supplimentari, minbarra dawk strettament nutrittivi, pereżempju, it-togħma, u jista’ jsir użu ħażin minnhom, ma jbiddilx il-fatt li fl-aħħar mill-aħħar l-għan tal-konsum tagħhom huwa li jiġi ssodisfatt bżonn nutrittiv. |
36. |
Barra minn hekk, ikun diffiċli li tinqata’ linja oġġettiva bejn il-prodotti tal-ikel meħtieġa għall-għanijiet nutrittivi u l-prodotti ta’ natura lussuża. Wara kollox, jista’ jittiekel ukoll ħobż bil-butir bħala esperjenza ta’ togħma u mhux biss sabiex jittaffa l-ġuħ. |
37. |
Għandu jiġi osservat ukoll li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT taħt l-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112 hija ta’ natura eċċezzjonali u fakultattiva. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li japplikaw rata mnaqqsa biss għal ċerti kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi msemmija fil-punti differenti tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 jew li jeskludu l-applikazzjoni tagħha għal ċerti kategoriji tal-imsemmija prodotti jew servizzi. L-uniku rekwiżit huwa li jiddemarkaw preċiżament l-imsemmija kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi u l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali ( 9 ). |
38. |
Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jeskludu ċerti kategoriji ta’ prodotti tal-ikel mill-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT jekk iqisu li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet li jimmotivaw l-applikazzjoni ta’ tali rata. |
39. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu għamel użu minn din il-possibbiltà billi eskluda x-xarbiet alkoħoliċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112. Dan il-leġiżlatur qies b’mod ċar li tali xarbiet, għalkemm huma prodotti tal-ikel, jistgħu jkunu wkoll kawża ta’ dipendenzi varji u ta’ mard, b’tali mod li l-konsum tagħhom ma għandux ikun imħeġġeġ permezz tat-tnaqqis tar-rata tal-VAT. |
40. |
L-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, ma tippermettix għaldaqstant li f’din id-dispożizzjoni jiġu inklużi dawk il-prodotti li jservu sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet differenti minn dawk nutrittivi, bħall-afrodiżijaċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali
41. |
Fl-aħħar nett, għandu jingħad li, kif sostna ġustament il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-interpretazzjoni li skontha l-afrodiżijaċi intiżi għall-użu orali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 u b’hekk ikunu suġġetti għal tassazzjoni b’rata mnaqqsa tal-VAT tista’ timplika ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. |
42. |
Dan il-prinċipju jipprekludi li beni jew provvisti ta’ servizzi simili, li jkunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT ( 10 ). |
43. |
Kif inhu magħruf, minbarra l-afrodiżijaċi intiżi għall-użu orali, jeżistu wkoll prodotti b’effetti simili, li huma intiżi li jintużaw b’mod differenti. Dawn il-prodotti għandhom jitqiesu li qegħdin jikkompetu mal-afrodiżijaċi orali li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, dawn ma jistgħux jibbenefikaw minn tassazzjoni b’rata mnaqqsa tal-VAT peress li ma huma inklużi f’ebda waħda mill-kategoriji msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2006/112. |
44. |
Għalhekk, trattament differenzjat tal-kategoriji differenti ta’ prodotti li jservu sabiex jistimulaw ix-xewqa sesswali skont kif jintużaw imur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali. |
L-effett tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002
45. |
Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem” fis-sens tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat b’riferiment għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodott tal-ikel” fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002. |
46. |
Fl-opinjoni tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv. Kif jenfasizzaw il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħhom, din il-leġiżlazzjoni għandha għanijiet kompletament differenti mill-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112 u mill-Anness III ta’ din. |
47. |
Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, l-għan tiegħu huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tan-nies u l-interess tal-konsumaturi fir-rigward tal-ikel. Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodott tal-ikel” fis-sens tal-imsemmi regolament tkopri kwalunkwe sustanza jew prodott “maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem”, jiġifieri kwalunkwe sustanza jew prodott li jistgħu raġonevolment jittieħdu mill-bnedmin u li jistgħu jkollhom effett fuq is-saħħa tal-bniedem (inkluż b’mod negattiv), indipendentement mill-għan tal-konsum. L-unika eċċezzjoni f’dan il-każ huma prodotti suġġetti għal standards speċjali sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tagħhom għas-saħħa tal-bniedem, bħal prodotti mediċinali. Għall-kuntrarju, id-definizzjoni fl-imsemmi regolament madankollu ma tkoprix il-prodotti li ma għandhomx effett dirett fuq is-saħħa tal-bniedem, peress li dawn normalment ma jiġux ikkonsmati mill-bniedem, bħall-għalf, l-annimali ħajjin jew il-pjanti qabel il-ħsad tagħhom ( 11 ). |
48. |
Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 huwa differenti. Fil-fatt, dan l-anness għandu l-għan li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT skont l-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva. L-għan li titnaqqas ir-rata tal-VAT huwa t-tnaqqis tal-prezzijiet ta’ ċerti oġġetti u servizzi li, skont il-leġiżlatur, jissodisfaw bżonnijiet essenzjali tal-konsumaturi ( 12 ). Għalhekk, il-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 mhux biss jinkludi l-prodotti intiżi għall-konsum mill-bniedem, iżda saħansitra l-beni intiżi għall-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti, bħall-għalf, l-annimali ħajjin, iż-żerriegħa, il-pjanti u l-ingredjenti normalment intiżi għall-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel ( 13 ). Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda x-xorb alkoħoliku mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni peress li ma jissodisfax il-kriterji teleoloġiċi ta’ tnaqqis tar-rata tal-VAT. |
49. |
Konsegwentement, il-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002 għandhom għanijiet differenti, li jikkorrispondu għall-kamp ta’ applikazzjoni materjali differenti tagħhom. Għalhekk, l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament ma jistax iservi bħala punt ta’ riferiment għall-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112. |
50. |
Kif issostni ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal konklużjonijiet simili meta eżaminat ir-relazzjoni bejn il-kunċett ta’ “annimali ħajjin […] normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ affarijiet ta’ l-ikel” fis-sens tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, u l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament Nru 504/2008 ( 14 ) fir-rigward taż-żwiemel ( 15 ). |
51. |
Għal dawn ir-raġunijiet, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002 ma jaffettwax l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem” fis-sens tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112. |
52. |
Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun fis-sens li l-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett previst hemmhekk ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem” jirreferi għal prodotti li fihom sustanzi nutrittivi u li, fil-prinċipju, jiġu kkonsmati bil-għan li jipprovdu lill-ġisem uman bl-imsemmija sustanzi nutrittivi. |
Fuq it-tieni domanda preliminari
53. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “prodotti normalment użati sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel”. Din id-domanda tressqet sabiex isir magħruf jekk l-istess afrodiżijaċi bħal dawk imsemmija fl-ewwel domanda jistgħux possibbilment jitqiesu li jikkostitwixxu tali prodotti. |
54. |
Nixtieq infakkar li, f’konformità mar-risposta li nipproponi li tingħata lill-ewwel domanda preliminari, għandhom jiġu inklużi mal-prodotti tal-ikel fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni dawk il-prodotti kkonsmati minħabba s-sustanzi nutrittivi li fihom jew minħabba l-irwol tagħhom fil-proċess ta’ nutrizzjoni. |
55. |
Raġunament simili jista’ jiġi applikat fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti normalment użati sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel”. Jekk il-karatteristika tal-prodotti tal-ikel hija li jkun fihom sustanzi nutrittivi u li dawn jittieħdu prinċipalment sabiex jipprovdu tali sustanzi lill-ġisem, is-supplimenti jew is-sostitwenti tal-prodotti tal-ikel għandu jkollhom l-istess karatteristiċi. |
56. |
B’mod partikolari, il-prodotti li jissostitwixxu prodotti tal-ikel għandhom jinftiehmu, fl-opinjoni tiegħi, bħala dawk il-prodotti li ma humiex prodotti tal-ikel, iżda li fihom sustanzi nutrittivi u li jittieħdu minflok prodotti tal-ikel sabiex jipprovdu lill-ġisem bl-imsemmija sustanzi f’każ ta’ nuqqas tagħhom f’dieta normali. |
57. |
Barra minn hekk, is-supplimenti tal-prodotti tal-ikel jistgħu jinkludu prodotti kkonsmati sabiex jikkumplimentaw il-funzjonijiet nutrittivi tal-prodotti tal-ikel, pereżempju, it-titjib tal-assorbiment tas-sustanzi nutrittivi. Għalhekk, dawn huma prodotti differenti minn prodotti farmaċewtiċi, peress li huma suġġetti għal regolamentazzjoni differenti skont il-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112. |
58. |
Din il-konklużjoni hija wkoll konsistenti mal-għanijiet tal-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112, imfakkra fil-punt 33 tal-konklużjonijiet preżenti. |
59. |
Dan ifisser li għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti normalment użati sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel” dawk il-prodotti li, għalkemm jistgħu jiġu kkonsmati mill-bniedem, ma jkollhom ebda rabta mal-konsum ta’ prodotti tal-ikel fis-sens imsemmi iktar ’il fuq u jiġu kkonsmati bi skop ieħor għajr dak li jipprovdu nutrijenti lill-ġisem. Dan huwa l-każ, fost oħrajn, tal-afrodiżijaċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
Konklużjoni
60. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għad-domandi preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej: Il-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett previst hemmhekk ta’ “prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem” jirreferi għal prodotti li fihom sustanzi nutrittivi u li, fil-prinċipju, jiġu kkonsmati bil-għan li jipprovdu lill-ġisem uman bl-imsemmija sustanzi nutrittivi, filwaqt li l-kunċett ta’ “prodotti normalment użati sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel” ifisser prodotti li ma humiex prodotti tal-ikel iżda li fihom sustanzi nutrittivi u li jiġu kkonsmati minflok prodotti tal-ikel sabiex jipprovdu l-imsemmija sustanzi lill-ġisem, kif ukoll prodotti kkonsmati sabiex jistimulaw il-funzjonijiet nutrittivi ta’ prodotti tal-ikel jew ta’ prodotti użati sabiex jissupplimentawhom jew jissostitwixxuhom. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk.
( 2 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑41/09, EU:C:2011:108); tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et (C‑497/09, C‑499/09, C‑501/09 u C‑502/09, EU:C:2011:135); u tad-9 ta’ Novembru 2017, AZ (C‑499/16, EU:C:2017:846).
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2016, L 227, p. 5, u fil-ĠU 2014, L 327, p. 9.
( 4 ) ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335,p. 60.
( 5 ) Ara s-sentenza reċenti tad-29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 65).
( 6 ) Skont aforiżmu magħruf, “il-Ħallieq, meta obbliga lill-bniedem jiekol sabiex jibqa’ ħaj, iħeġġu jagħmel dan permezz tal-aptit u jikkumpensah għal dan bi pjaċir” (“Le Créateur, en obligeant l’homme à manger pour vivre, l’y invite par appétit et l’en récompense par le plaisir”; J. A. Brillat-Savarin, Physiologie du goût, Pariġi, 1825).
( 7 ) Ara s-sentenza reċenti tad-9 ta’ Marzu 2017, Oxycure Belgium (C‑573/15, EU:C:2017:189, punt 22), kif ukoll is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑41/09, EU:C:2011:108, punt 53), fir-rigward ta’ prodotti tal-ikel.
( 8 ) Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑41/09, EU:C:2011:108, punt 53).
( 9 ) Ara, rigward kategorija speċifika ta’ prodotti tal-ikel, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, AZ (C‑499/16, EU:C:2017:846, punti 23 u 24).
( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, AZ (C‑499/16, EU:C:2017:846, punt 30).
( 11 ) Ara l-esklużjoni prevista fil-punti (a), (b) u (ċ) tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002.
( 12 ) Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 13 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan l-iskop tal-inklużjoni tal-annimali ħajjin fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑41/09, EU:C:2011:108, punti 54 sa 57).
( 14 ) Regolament tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2008 li jimplimenta d-Direttivi tal-Kunsill 90/426/KEE u 90/427/KEE fir-rigward tal-metodi għall-identifikazzjoni ta’ l-equidae (ĠU 2008, L 149, p. 3).
( 15 ) Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑41/09, EU:C:2011:108, punti 61 sa 64).