Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0107

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fit-13 ta’ Frar 2020.
XR vs Dopravní podnik hl. m. Prahy, a.s.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Obvodní soud pro Prahu 9.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kunċetti ta’ ‘ħin tax-xogħol’ u ta’ ‘perijodu ta’ serħan’ – Perijodu ta’ pawża li matulu l-impjegat għandu jibqa’ lest għal intervent ta’ emerġenza f’terminu ta’ żewġ minuti – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C-107/19.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:96

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fit-13 ta’ Frar 2020 ( 1 )

Kawża C‑107/19

XR

vs

Dopravní podnik hl. m. Prahy, a.s.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Obvodní soud pro Prahu 9 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 9, ir-Repubblika Ċeka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Perijodu ta’ pawża ta’ ħaddiem li matulu huwa obbligat ikun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah fi żmien żewġ minuti sabiex jipparteċipa f’intervent ta’ emerġenza – Obbligu li jiġu osservati l-evalwazzjonijiet legali ta’ qorti superjuri mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ( 2 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn XR u Dopravní podnik hl. m. Prahy, a.s. (iktar ’il quddiem “Dopravní podnik”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tħallas lil XR is-somma ta’ 95335 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 3735) ( 3 ) flimkien ma’ interessi moratorji, bħala remunerazzjoni tal-perijodi ta’ pawża meħuda matul l-attività professjonali tiegħu bħala pompier bejn ix-xhur ta’ Novembru 2005 u ta’ Diċembru 2008.

3.

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, l-Obvodní soud pro Prahu 9 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 9, ir-Repubblika Ċeka) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tindikalha l-kriterji li permezz tagħhom perijodu ta’ pawża jista’ jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol” jew bħala “perijodu ta’ serħan” skont id-Direttiva 2003/88.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-Direttiva 2003/88

4.

Il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/88 tipprovdi:

“Il-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan. Il-kunċett ta’ ‘serħan’ għandu jkun espress f’unitajiet ta’ ħin, i.e. f’jiem, f’sigħat u/jew frazzjonijiet tagħhom. Il-ħaddiema tal-[Unjoni Ewropea] għandhom ikunu mogħtija l-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa, u waqfien adekwati.”

5.

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Diretiva tapplika għal:

a)

il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u,

b)

ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.”

6.

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

2.

‘perjodu ta’ serħan’ ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

[…]

5.

‘xogħol bix-shift’ ifisser kwalunkwe metodu ta’ l-organizzazzjoni tax-xogħol bix-shift li permezz tagħha ħaddiema jkomplu wara xulxin fl-istess stazzjonijiet tax-xogħol skond ċerti tendenzi, inklużi t-tendenzi tar-rotazzjoni, u li jistgħu jkunu kontinwi jew mhux‑kontinwi, li jinvolvi għall-ħaddiema li jaħdmu f’ħinijiet differenti matul perjodu partikolari ta’ jiem jew ġimgħat;

[…]

9.

‘serħan adekwat’ ifisser li l-ħaddiema jkollhom perjodi regolari ta’ serħan, li t-tul tagħhom huwa espress f’unitajiet ta’ ħin u li huma suffiċjentement twal u kontinwi li jassiguraw li, bħala riżultat ta’ għajja jew tendenzi oħrajn irregolari tax-xogħol, li ma joħolqux xi korriment għalihom, għal ħaddiema sħabhom jew għal oħrajn u li ma jkunux ta’ ħsara għal saħħithom, la f’terminu qasir u l-anqas f’terminu fit-tul.”

7.

Il-Kapitolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jikkonċerna b’mod partikolari “[p]erjodi minimi ta’ serħan”. L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, li jikkonċerna s-“[s]erħan ta’ kuljum”, jipprovdi kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu ta’ serħan kull jum ta’ 11-il siegħa konsekuttivi f’perjodu ta’ 24-siegħa.”

8.

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, li jikkonċerna “[w]aqfien” [perijodi ta’ pawża], jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, meta l-jum tax-xogħol ikun itwal min sitt sigħat, li kull ħaddiem ikun intitolat għal waqfien ta’ serħan, li d-dettalji tiegħu, inkluż it-tul ta’ żmien u t-terminu li fuqhom jingħata, ikunu stabbiliti fi ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija jew, f’nuqqas ta’ dan, b’leġislazzjoni nazzjonali.”

9.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Perjodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa”, jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, f’kull perjodu ta’ sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ serħan kull perjodu ta’ 24 il-siegħa flimkien ma 11-il siegħa serħan ta’ kull jum kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3.”

10.

L-Artikolu 17(3)(ċ)(iii) ta’ din id-direttiva jipprovdi li jista’ jkun hemm deroga b’mod partikolari mill-Artikolu 4 fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-pompiera.

B.   Id-dritt Ċek

11.

L-Artikolu 83 taż-zákon č. 65/1965 Sb., zákoník práce (il-Liġi Nru 65/1965 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tax-Xogħol), applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2006, kien jipprovdi:

“(1)   Il-ħin tax-xogħol huwa l-perijodu li matulu l-impjegat huwa obbligat iwettaq xogħol għall-persuna li timpjega.

(2)   Il-perijodu ta’ serħan huwa l-perijodu li ma huwiex ħin tax-xogħol.

[…]

(5)   Ix-xogħol tal-għassa huwa l-perijodu li matulu l-impjegat, skont il-kuntratt tax-xogħol tiegħu, iżomm ruħu lest għal possibbiltà ta’ missjoni li, f’każ ta’ ħtieġa urġenti, għandha tiġi eżegwita barra mill-ħin tax-xift tax-xogħol tiegħu.

[…]”

12.

L-Artikolu 89 ta’ din il-liġi, relatat mal-“[p]erijodu ta’ pawża”, kien jindika:

“(1)   Il-persuna li timpjega hija obbligata tagħti lill-impjegat, wara massimu ta’ sitt sigħat ta’ xogħol mhux interrott, perijodu ta’ pawża għall-ikel u għas-serħan ta’ mhux inqas minn 30 minuta; din il-pawża għandha tingħata lill-minaturi wara massimu ta’ erba’ sigħat u nofs ta’ xogħol mhux interrott. Fil-każ ta’ xogħol li ma jistax jiġi interrott, għandu jiġi żgurat perijodu adegwat għas-serħan u għall-ikel lill-impjegat anki mingħajr interruzzjoni tas-servizz jew tax-xogħol; fil-każ ta’ minaturi, għandha dejjem tingħata pawża għall-ikel u għas-serħan skont l-ewwel sentenza.

(2)   Il-persuna li timpjega tista’ tistabbilixxi b’mod adegwat it-tul tal-pawża għall-ikel, wara konsultazzjoni mal-organu professjonali kompetenti.

(3)   Il-persuna li timpjega għandha tistabbilixxi l-bidu u t-tmiem ta’ dawn il-pawżi, wara konsultazzjoni mal-organu professjonali kompetenti.

(4)   Il-pawżi għall-ikel u għas-serħan ma għandhomx jingħataw fil-bidu jew fit-tmiem tal-ħin tax-xogħol.

(5)   Il-pawżi mogħtija għall-ikel u għas-serħan ma humiex inklużi fil-kalkolu tal-ħin tax-xogħol.”

13.

Dawn id-dispożizzjonijiet ġew emendati biż-zákon č. 262/2006 Sb., zákoník práce (il-Liġi Nru 262/2006 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tax‑Xogħol), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007. Skont l-Artikolu 78 ta’ din il-liġi:

“(1)   Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħin tax-xogħol u l-perijodu ta’ serħan, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘ħin tax-xogħol’, il-perijodu li matulu l-impjegat huwa obbligat iwettaq xogħol għall-persuna li timpjega u l-perijodu li matulu l-impjegat iżomm ruħu lest, fuq il-post tax-xogħol, sabiex iwettaq missjoni skont l-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjega;

[…]

h)

‘xogħol tal-għassa’, il-perijodu li matulu l-impjegat, skont il-kuntratt tax-xogħol tiegħu, iżomm ruħu lest għal possibbiltà ta’ missjoni li, f’każ ta’ ħtieġa urġenti, għandha tiġi eżegwita barra mill-ħin tax-xift tiegħu. Ix-xogħol tal-għassa jista’ biss iseħħ f’post differenti miftiehem mal-impjegat, liema post ikun differenti mill-postijiet tax-xogħol tal-persuna li timpjega;

[…]”

14.

Fir-rigward tal-perijodu ta’ pawża u tal-pawża ta’ sigurtà, l-Artikolu 88 ta’ din il-liġi jippreċiża:

“(1)   Il-persuna li timpjega hija obbligata tagħti lill-impjegat, wara massimu ta’ sitt sigħat ta’ xogħol mhux interrotti, perijodu ta’ pawża għall-ikel u għas-serħan ta’ mhux inqas minn 30 minuta; din il-pawża għandha tingħata lill-minaturi wara massimu ta’ erba’ sigħat u nofs ta’ xogħol mhux interrott. Fil-każ ta’ xogħol li ma jistax jiġi interrott, għandu jiġi żgurat perijodu adegwat għas-serħan u għall-ikel lill-impjegat anki mingħajr interruzzjoni tas-servizz jew tax-xogħol; dan il-perijodu huwa inkluż fil-kalkolu tal-ħin tax-xogħol. Fil-każ tal-minaturi, għandha dejjem tingħata pawża għall-ikel u għas-serħan skont l-ewwel sentenza.

(2)   Jekk il-perijodu ta’ pawża għall-ikel u għas-serħan ikollu jinqasam, parti minn din il-pawża għandha tkun ta’ mhux inqas minn ħmistax‑il minuta.

[…]”

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15.

Bejn ix-xahar ta’ Novembru 2005 u x-xahar ta’ Diċembru 2008, XR eżerċita l-professjoni ta’ pompier ma’ Dopravní podnik bħala pompier u kap tal-brigata tat-tifi tan-nar u sussegwentement bħala pompier.

16.

XR kien jaħdem b’sistema ta’ xift, b’xift ta’ filgħodu mis-6.45 sas-19.00, u b’xift ta’ billejl mis-18.45 sas-7.00. Dawn il-ħinijiet ta’ xogħol ta’ kuljum kienu jinkludi żewġ pawżi għall-ikel u għas-serħan ta’ 30 minuta l-waħda.

17.

Bejn is-6.30 u s-13.30, XR seta’ jmur fil-kantin tax-xogħol, li kienet tinsab 200 metru ’l bogħod mill-post tax-xogħol tiegħu, bil-kundizzjoni li miegħu jieħu apparat li, f’każ li jkun hemm bżonn li jitlaq immedjatament minħabba intervent ta’ emerġenza, jinformah li kellu żewġ minuti sabiex jippreżenta ruħu fil-post tat-tluq u li jinformah bil-vettura ta’ intervent quddiem il-kantin tax-xogħol. Barra minn hekk, l-uffiċċju fejn kien iwettaq xogħlu XR kien mgħammar bi spazju fejn seta’ jiġi ppreparat ikel, b’mod partikolari, meta l-kantin tax-xogħol ma kinitx tkun miftuħa.

18.

Il-perijodi ta’ pawża ma kinux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ħin tax-xogħol ta’ XR ħlief meta kienu jiġu interrotti minn intervent ta’ emerġenza. Konsegwentement, il-perijodi ta’ pawża mhux interrotti ma kinux jiġu rremunerati.

19.

XR ikkontesta dan il-metodu ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni tiegħu u, peress li qies li l-perijodi ta’ pawża, anki jekk mhux interrotti, kienu jikkostitwixxu ħin tax-xogħol, huwa talab is-somma ta’ CZK 95335 (madwar EUR 3735), flimkien ma’ interessi moratorji, bħala remunerazzjoni dovuta lilu għaż-żewġ pawżi ta’ kuljum li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni matul il-perijodu tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

20.

Adita fl-ewwel istanza, il-qorti tar-rinviju laqgħet it-talba ta’ XR. Din is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016 ġiet sussegwentement ikkonfermata fl-appell mill-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka).

21.

Dopravní podnik appellat fil-kassazzjoni minn dawn is-sentenzi quddiem in-Nejvššyí soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), li annullat tali sentenzi permezz tas-sentenza tagħha tat-12 ta’ Ġunju 2018. Din il-qorti qieset, abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, li, filwaqt li ma huwiex eskluż li l-pawżi jistgħu jiġu interrotti minħabba intervent ta’ emerġenza, dawn l-interruzzjonijiet iseħħu biss b’mod okkażjonali u imprevedibbli, b’tali mod li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala aspett ordinarju tal-eżekuzzjoni tal-obbligi professjonali. Għalhekk, il-perijodi ta’ pawża bħala regola ma setgħux, fil-prinċipju, jitqiesu bħala ħin tax-xogħol.

22.

In-Nejvššyí soud (il-Qorti Suprema) għalhekk bagħtet il-kawża għal deċiżjoni dwar il-mertu quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar enfasizzat li, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, hija kienet marbuta bl-opinjoni tan-Nejvyššyí soud (il-Qorti Suprema).

23.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li ċ-ċirkustanzi li fihom XR kellu jieħu l-pawżi tiegħu jimmilitaw favur il-klassifikazzjoni tagħhom bħala “ħin tax-xogħol” skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88.

24.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Obvodní soud pro Prahu 9 (il-Qorti tad‑Distrett Amministrattiv ta’ Praga 9) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-perijodu ta’ pawża li matul tiegħu impjegat għandu jkun għad‑dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah fi żmien żewġ minuti fil-każ ta’ intervent ta’ emerġenza għandu jiġi kklassifikat bħala ‘ħin tax-xogħol’ fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2003/88]?

2)

L-evalwazzjoni tad-domanda preċedenti hija influwenzata mill-fatt li l-interruzzjoni [tal-pawża] fil-każ ta’ intervent ta’ emerġenza ssir biss okkażjonalment u imprevedibbilment jew, skont il-każ, mill‑frekwenza li biha sseħħ l-interruzzjoni?

3)

Il-Qorti tal-ewwel istanza, li tiddeċiedi wara li d-deċiżjoni tagħha tkun ġiet annullata minn qorti superjuri u l-kawża tkun intbagħtet lura quddiemha għal proċeduri sussegwenti, tista’ ma tosservax l‑opinjoni legali ta’ qorti superjuri li hija vinkolanti fuq il-qorti tal‑ewwel istanza, jekk din l-opinjoni ma tkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni?”

IV. Analiżi

A.   Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari

25.

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li fl-opinjoni tiegħi, għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-perijodu ta’ pawża mogħti lil ħaddiem matul il-ħin tax-xogħol tiegħu ta’ kuljum, li matulu għandu jkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah sabiex jipparteċipa f’intervent ta’ emerġenza fi żmien żewġ minuti f’każ ta’ bżonn, u jekk in-natura okkażjonali u imprevedibbli kif ukoll il-frekwenza tal-okkorrenza tal-interventi ta’ emerġenza matul dan il-perijodu ta’ pawża jaffettwawx din il-klassifikazzjoni.

26.

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar ir-remunerazzjoni ta’ ħaddiem għall-perijodi ta’ pawża għall-ikel u għas-serħan li ma humiex inklużi fil-kalkolu tal-ħin tax-xogħol u li għalhekk ma jagħtux lok għal ħlas ta’ salarju, peress li kienu biss il-perijodi effettivi ta’ intervent ta’ emerġenza tal-ħaddiem li kienu inklużi fil-kalkolu tal-ħin tax-xogħol u li kienu rremunerati bħala ħinijiet addizzjonali.

27.

Fir-rigward ta’ dan l-aspett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, ħlief għas-sitwazzjoni partikolari dwar il-leave annwali mħallas, prevista fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, din id-direttiva tirregola biss ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol b’tali mod li, bħala prinċipju, ma hijiex intiża li tapplika għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema ( 4 ).

28.

Madankollu, din il-konstatazzjoni ma taffettwax ir-rilevanza tad-domandi magħmula u l-ħtieġa li tingħata risposta. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tagħti lill-qorti tar-rinviju l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ serħan” li jinsabu fid-Direttiva 2003/88, bir-responsabbiltà sussegwenti fuq din il-qorti li tislet il-konklużjonijiet minnhom, skont id-dritt nazzjonali, għar-remunerazzjoni tal-perijodi ta’ pawża ( 5 ).

29.

Dan premess, nibda billi nfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod repetut li, skont id-Direttiva 2003/88, il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” għandu jinftiehem bħala kull perijodu li matulu l-ħaddiem ikun ix-xogħol, ikun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega u jkun qiegħed jeżerċità l-attività tiegħu jew il‑funzjonijiet tiegħu konformement mal-leġiżlazzjoni u/jew ma’ prattiki nazzjonali ( 6 ). Id-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id‑direttiva, tirriżulta għalhekk mill-kombinazzjoni ta’ tliet kriterji, jiġifieri, kriterju spazjali (fuq il-post tax-xogħol), kriterju ta’ awtorità (għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega) u kriterju professjonali (eżerċizzju tal-attività jew tal-funzjonijiet).

30.

Għall-klassifikazzjoni ta’ perijodi bħala “ħin tax-xogħol”, il-Qorti tal-Ġustizzja elaborat il-kunċett ta’ “perijodu ta’ serħan” b’riferiment riflessiv, li skont il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, huwa ddefinit bħala “kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol”. Il-“ħin tax-xogħol” huwa sussegwentement iddefinit b’kuntrast mal-“perijodu ta’ serħan”, peress li dawn iż-żewġ kunċetti jeskludu lil xulxin ( 7 ), mingħajr kategorija intermedja bejn l-imsemmija kunċetti. Minkejja li tali distinzjoni binarja tista’ tidher riġida ( 8 ), madankollu l-kliem tad‑Direttiva 2003/88 ma jħallix lok għal “perijodu griż” bejn il-ħin tax-xogħol u l-perijodu ta’ serħan. Għalhekk, ma hemmx lok għal eċċezzjoni minn din id-dikotomija, b’tali mod li “dak li ma jaqax taħt il-kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘perijodu ta’ serħan’, u bil-kontra” ( 9 ).

31.

Barra minn hekk, infakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ serħan”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu ddefiniti skont karatteristiċi oġġettivi, billi jsir riferiment għas-sistema u għall-finalità ta’ din id-direttiva, intiża sabiex tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema ( 10 ).

32.

Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-perijodu ta’ pawża bħala “ħin tax-xogħol” jew “perijodu ta’ serħan”, fis-sens tad‑Direttiva 2003/88, min-naħa l-oħra hija kemm‑il darba analizzat il-klassifikazzjoni tax-xogħol tal-għassa mwettaq mill-ħaddiema li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. L-eżami tal-ġurisprudenza elaborata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kuntest ser ikun ta’ gwida għar-raġunament tiegħi, mingħajr, madankollu, ma neskludi l-karatteristiċi partikolari tal-perijodu ta’ pawża.

33.

Billi ħadet bħala premessa li, “fl-istat preżenti tad-dritt tal-Unjoni, il-ħin on-call li jgħaddi minnu ħaddiem fil-kors tal-attivitajiet tiegħu għal min iħaddmu għandu jkun ikklassifikat jew bħala ‘ħin tax-xogħol’, jew ‘perijodu ta’ serħan’” ( 11 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2003/88, li huwa li jiġu żgurati s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, billi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ serħan u perijodi adegwati ta’ pawża, “il-preżenza fiżika u d-disponibbiltà tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol, matul il-perijodu on-call, sabiex jipprovdi servizzi professjonali, għandha titqies bħala li taqa’ fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, anki jekk l-attività li effettivament titwettaq tvarja skont iċ-ċirkustanzi” ( 12 ).

34.

B’hekk mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta “li l-fattur determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ ‘ħin tax-xogħol’, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, huwa l-fatt li l-ħaddiem huwa marbut li jkun fiżikament preżenti fil-post stabbilit mill-persuna li timpjegah u li jibqa’ għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex f’każ ta’ bżonn ikun jista’ jipprovdi x-xogħlijiet xierqa immedjatament. Fil-fatt, għandu jitqies li dawn l-obbligi, li bihom il-ħaddiema ma jkunux jistgħu jagħżlu l-post ta’ residenza tagħhom matul il-perjodi ta’ on-call, jaqgħu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom” ( 13 ).

35.

Skont din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal trattament partikolari tas-sitwazzjoni li fiha l-ħaddiem ikun fuq għassa skont is-sistema ta’ għassa li teżiġi li jkun aċċessibbli fil-ħinijiet kollha mingħajr madankollu ma jkun marbut li jkun preżenti fuq il-post tax-xogħol. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “anki jekk huwa disponibbli għall-persuna li timpjegah sa fejn jista’ jiġi kkuntattjat, f’din is-sitwazzjoni, il-ħaddiem jista’ jiġġestixxi l-ħin tiegħu b’inqas limitazzjonijiet u jiddedika ruħu għall-interessi tiegħu stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss il-ħin marbut mal-provvista effettiva ta’ servizzi li għandu jitqies bħala ‘ħin tax-xogħol’, fis-sens tad-Direttiva 2003/88” ( 14 ).

36.

Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Matzak, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tindirizza dan il-każ partikolari: Rudy Matzak ma kellux biss ikun jista’ jiġi kkuntattjat matul il-perijodu ta’ għassa tiegħu. Minn naħa, huwa kien marbut iwieġeb għat-telefonati tal-persuna li timpjegah fi żmien tmien minuti u, min-naħa l-oħra, kien obbligat ikun fiżikament preżenti fil-post iddeterminat mill-persuna li timpjegah. Madankollu, dan il-post kien id-dar ta’ R. Matzak u mhux il-post tax-xogħol tiegħu.

37.

Bħala reazzjoni għal din is-sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-obbligu li jibqa’ fiżikament preżenti fil-post iddeterminat minn min iħaddem kif ukoll ir-restrizzjoni li tirriżulta, minn perspettiva ġeografika u temporali, mill-ħtieġa li jasal fil-post tax-xogħol f’terminu ta’ 8 minuti, huma tali li jillimitaw b’mod oġġettiv il-possibbiltajiet li ħaddiem fil‑kundizzjoni ta’ R. Matzak għandu sabiex jiddedika ruħu għall-interessi personali u soċjali tiegħu” ( 15 ). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[f]id-dawl ta’ tali restrizzjonijiet, is-sitwazzjoni ta’ R. Matzak hija differenti minn dik ta’ ħaddiem li, matul is-servizz on-call tiegħu, għandu sempliċement ikun disponibbli għall-persuna li timpjegah sabiex dan tal-aħħar jista’ jikkuntattjah” ( 16 ). Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni fejn ħaddiem ikun kostrett jibqa’ d-dar waqt il-perijodu ta’ għassa tiegħu, ikun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah u jkun jista’ jasal il-post tax-xogħol tiegħu fi żmien tmien minuti ( 17 ). Fir-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza sinjifikattiva għall-fatt li l-obbligu tal-ħaddiem li jirrispondi għat-telefonati tal-persuna li timpjegah f’terminu ta’ tmien minuti waqt il-ħin ta’ għassa f’daru jirrestrinġi b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltajiet li jkollu attivitajiet oħra ( 18 ).

38.

Inqis li dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Matzak jgħodd a fortiori għas-sitwazzjoni li fiha ħaddiem, diġà limitat fil-libertà ta’ moviment tiegħu matul il-perijodu ta’ pawża tiegħu, minħabba l-ħin qasir tagħha, ikun suġġett għar-restrizzjoni li, minn perspettiva ġeografika u temporali, tirriżulta mill-ħtieġa li jkun lest għal intervent ta’ emerġenza fi żmien żewġ minuti f’każ ta’ bżonn.

39.

Minħabba din ir-restrizzjoni importanti, ħaddiem ma jkunx jista’ jiġġestixxi l-perijodu ta’ pawża tiegħu kif jixtieq, billi jiddedikah għall-interessi personali u soċjali tiegħu. Għall-kuntrarju, dan il-ħaddiem għandu jitqies li jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah matul il-ħin tal-pawża, peress li huwa obbligat, legalment, jobdi l-ordnijiet tal-persuna li timpjegah u jwettaq l-attività tiegħu għaliha ( 19 ). Inżid li r-restrizzjoni li ħaddiem jibqa’ disponibbli għal intervent ta’ emerġenza fi żmien żewġ minuti f’każ ta’ bżonn matul il-perijodu ta’ pawża tiegħu tpoġġi lil dan il-ħaddiem f’sitwazzjoni ta’ eżerċizzju kontinwu tal-funzjonijiet tiegħu u ta’ allert permanenti. Barra minn hekk nirrileva li l-imsemmi ħaddiem ma huwiex issostitwit matul il-perijodu ta’ pawża tiegħu.

40.

Meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, il-klassifikazzjoni ta’ perijodu ta’ pawża bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad‑Direttiva 2003/88, ma għandhiex, fl-opinjoni tiegħi, tiddependi min-natura okkażjonali u imprevedibbli kif ukoll mill-frekwenza tal-interventi ta’ emerġenza matul dan il-perijodu ta’ pawża. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni tiegħu ma għandhiex tiddependi mill-varjazzjoni ta’ tali kontinġenza, għaliex inkella tidħol f’każwistika li toħloq inċertezza legali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet tal-pompiera, “għalkemm l-interventi li dawn l-attivitajiet jistgħu jagħtu lok huma, min-natura tagħhom, imprevedibbli” ( 20 ).

41.

Barra minn hekk, nosserva li l-elementi karatteristiċi tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, ma jinkludux l-intensità tax-xogħol imwettaq mill-impjegat jew l-effiċjenza tiegħu ( 21 ). Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-direttiva, ta’ perijodu ta’ preżenza tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol tiegħu ma tiddependix fuq l-intensità tal-attività ta’ dan il-ħaddiem, iżda tirriżulta biss mill-obbligu ta’ dan tal-aħħar li jkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah ( 22 ). Barra minn hekk, il-konstatazzjoni li l-attività li effettivament titwettaq tvarja skont iċ-ċirkustanzi ma tipprekludix lill-ħaddiem milli jitqies li qiegħed jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ( 23 ).

42.

Minn dak li ntqal niddeduċi li l-klassifikazzjoni ta’ “ħin tax‑xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, ma għandhiex tkun irriżervata biss għall-interventi ta’ emerġenza li ħaddiem iwettaq matul il-perijodu ta’ pawża tiegħu, iżda għandha testendi b’mod iktar wiesa’ għall-perijodu li matulu dan il-ħaddiem jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah sabiex jipparteċipa f’intervent ta’ emerġenza fi żmien żewġ minuti f’każ ta’ bżonn.

43.

Jiena nirrikonoxxi li, kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, il-perijodu ta’ pawża, minħabba n-natura tiegħu stess, għandu karatteristiċi partikolari li jiddistingwuh minn perijodi ta’ serħan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa previsti fl-Artikoli 3 u 5 tad‑Direttiva 2003/88 u li jistgħu jikkumplikaw il-perijodi ta’ pawża b’limitazzjonijiet u restrizzjonijiet speċifiċi ( 24 ). Għalhekk, ma jistax jiġi sostnut li l-perijodi ta’ pawża għandhom, fuq livell kwalitattiv, joffru lill-ħaddiema l-istess possibbiltajiet li jiddedikaw ruħhom għall-interessi personali u soċjali tagħhom bħall-perijodi ta’ serħan l-oħra li, minħabba b’mod partikolari t-tul tagħhom, joffru opportunitajiet oħra lil dawn il-ħaddiema f’termini ta’ okkupazzjonijiet personali ( 25 ). Minkejja dan, l-interpretazzjoni li nissuġġerixxi hija, fl-opinjoni tiegħi, l-unika waħda li tiżgura li l-perijodu ta’ pawża previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/88 effettivament jippermetti lill-ħaddiem jiddedika dan il-ħin għas-serħan.

44.

Il-perijodu ta’ pawża jikkostitwixxi, fil-fatt, perijodu ta’ serħan, kif attestat mill-premessa 5 tad-Direttiva 2003/88 li tinkludi l-“perjodi adekwati ta’ serħan” fir-rekwiżit li “[i]l-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan”. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, minn naħa, l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jinsab fil-Kapitolu 2 tal-imsemmija direttiva, li jirrigwarda b’mod partikolari l-“[p]erjodi minimi ta’ serħan”, u, min-naħa l-oħra, li dan l-artikolu jinsab bejn l-Artikolu 3, dwar is-serħan ta’ kuljum, u l-Artikolu 5, dwar is-serħan ta’ kull ġimgħa.

45.

F’dan ir-rigward, infakkar li d-Direttiva 2003/88 għandha l-għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ armonizzazzjoni ta’ regoli nazzjonali dwar, b’mod partikolari, it-tul tal-ħin tax-xogħol ( 26 ).

46.

Din l-armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża sabiex tiżgura protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, billi tiżgura li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ serħan – b’mod partikolari ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa – kif ukoll minn perijodi ta’ pawża adegwati, u billi tipprovdi limitu massimu għall-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa ( 27 ).

47.

Għaldaqstant, apparti l-miżuri li huma obbligati jieħdu skont l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2003/88 ( 28 ), l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, jieħdu “l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, meta l-jum tax-xogħol ikun itwal min sitt sigħat, li kull ħaddiem ikun intitolat għal waqfien ta’ serħan, li d-dettalji tiegħu, inkluż it-tul ta’ żmien u t-terminu li fuqhom jingħata, ikunu stabbiliti fi ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija jew, f’nuqqas ta’ dan, b’leġislazzjoni nazzjonali”.

48.

Sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-Direttiva 2003/88, jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-osservanza ta’ dawn il-perijodi minimi ta’ serħan previsti minn din id-direttiva ( 29 ). Dan jimplika li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodu ta’ pawża effettivament jippermetti lill-ħaddiem jiddedika dan il-ħin għas-serħan.

49.

Huwa minnu li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/88 ma jistabbilixxix il-modalitajiet konkreti li bihom l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni tad-dritt għal perijodu ta’ pawża, li għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ ftehimiet kollettivi jew ta’ ftehimiet konklużi bejn l-imsieħba soċjali jew, fin-nuqqas ta’ dan, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

50.

Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-perijodi minimi ta’ serħan previsti fl-Artikoli 3 u 5 tad‑Direttiva 2003/88, għandu jitqies li, minkejja li l-Istati Membri jiddisponu b’hekk minn marġni ta’ diskrezzjoni għal dan il-għan, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-għan essenzjali li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva, li huwa li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema kif ukoll protezzjoni ikbar tas-sigurtà u tas-saħħa tagħhom, huma obbligati jiżguraw li l-effett utli tad-dritt previst fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jiġi żgurat b’mod sħiħ, billi jippermettu li dawn il-ħaddiema jibbenefikaw b’mod effettiv minn perijodu ta’ pawża meta l-ħin tax-xogħol kuljum ikun itwal minn sitt sigħat ( 30 ).

51.

Minn dan isegwi li l-modalitajiet iddefiniti mill-Istati Membri sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/88 ma għandhomx ikunu jistgħu jxejnu s-sustanza tad-dritt għal perijodu ta’ pawża previst fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva ( 31 ).

52.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ħaddiem għandu jitqies bħala l-parti dgħajfa fir-relazzjoni tax-xogħol, b’tali mod li huwa neċessarju li l-persuna li timpjega tiġi prekluża milli jkollha l-possibbiltà li timponi fuqu restrizzjoni fuq id-drittijiet tiegħu ( 32 ).

53.

Madankollu, l-għan tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/88 ma jidhirlix li jista’ jintlaħaq meta l-ħaddiem jista’ jkollu l-perijodu ta’ pawża tiegħu interrott fi kwalunkwe ħin. Kif indikajt preċedentement, din l-inċertezza marbuta mal-okkorrenza ta’ intervent ta’ emerġenza hija tali li tpoġġi lill-ħaddiem f’sitwazzjoni ta’ allert permanenti, u dan imur kontra l-għan ta’ serħan tal-perijodu ta’ pawża. La l-fatt li l-interruzzjonijiet tal-perijodu ta’ pawża jkunu okkażjonali u imprevedibbli u lanqas il-frekwenza tagħhom ma jaffettwaw, fl-opinjoni tiegħi, din il-konklużjoni.

54.

Fl-aħħar nett, għall-finijiet ta’ kompletezza, nirrileva li l-Artikolu 17(3)(c)(iii) tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li jista’ jkun hemm deroga b’mod partikolari mill-Artikolu 4 fir-rigward, fost l-oħrajn, tas-servizzi tal-pompiera jew tal-protezzjoni ċivili. Madankollu, peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-perijodu ta’ pawża meħud minn XR, bħala “ħin tax-xogħol” jew bħala “perijodu ta’ serħan”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, ma huwiex neċessarju li din id-dispożizzjoni li, nispeċifika, ma ssemmietx fid-deċiżjoni tar-rinviju, tittieħed inkunsiderazzjoni. Fi kwalunkwe każ, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 17(3)(c)(iii) tad-Direttiva 2003/88 ma jippermettix lill-Istati Membri jidderogaw, fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, mill-Artikolu 2 tagħha, li jiddefinixxi b’mod partikolari l-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ serħan” ( 33 ).

55.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat bħala li jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-direttiva, il-perijodu ta’ pawża mogħti lil ħaddiem matul il-ħin tax-xogħol ta’ kuljum tiegħu, li matulu huwa għandu jkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah sabiex jipparteċipa f’intervent ta’ emerġenza fi żmien żewġ minuti f’każ ta’ bżonn. In-natura okkażjonali u imprevedibbli jew il-frekwenza tal-okkorrenza ta’ interventi ta’ emerġenza matul dan il-perijodu ta’ pawża ma jaffettwawx din il-klassifikazzjoni.

B.   Fuq it-tielet domanda preliminari

56.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li qorti nazzjonali, li tintalab tagħti deċiżjoni dwar kawża rrinvijata lura lilha minn qorti superjuri li tkun annullat id-deċiżjoni tagħha, tkun marbuta, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, b’evalwazzjonijiet legali magħmula minn din il-qorti superjuri, fil-każ li dawn l-evalwazzjonijiet ma jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni.

57.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, fl-assenza tal-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali konformement mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali li tkun responsabbli tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha l-obbligu tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun meħtieġ ma tapplikax, ex officio, kwalunkwe dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kunfliġġenti, anki jekk adottata sussegwentement, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna l-annullament preċedenti tagħha permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor ( 34 ).

58.

Id-dmir li għandha qorti nazzjonali li tiżgura s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni teżisti irrispettivament mill-grad li tokkupa din il-qorti fl-ordinament ġuridiku nazzjonali.

59.

Għaldaqstant, fil-kuntest tar-relazzjoni bejn il-qrati nazzjonali inferjuri u superjuri insegwitu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja hija vinkolanti fuq il-qorti nazzjonali, fir-rigward tal-interpretazzjoni jew tal-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni inkwistjoni, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ( 35 ). Konsegwentement, il-qorti nazzjonali, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni mogħtija lilha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, hija marbuta, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u għandha, jekk ikun il-każ, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-qorti superjuri jekk tqis, fid-dawl ta’ din l-interpetazzjoni, li dawn ma jikkonformawx mad-dritt tal-Unjoni ( 36 ).

60.

Għandu jingħad ukoll li r-rekwiżit li jiġi żgurat l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li, jekk ikun il-każ, jemendaw ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt intern li tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 37 ). Għalhekk, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jiżguraw l-effett sħiħ tal-Artikolu 267 TFUE billi fejn ikun neċessarju ma japplikawx, ex officio, kwalunkwe regola nazzjonali, kif interpretata minn qorti superjuri, meta din l-interpretazzjoni ma tkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 38 ).

61.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda preliminari fis-sens li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li qorti nazzjonali, li tintalab tagħti deċiżjoni dwar kawża rrinvijata lura lilha minn qorti superjuri li tkun annullat id-deċiżjoni tagħha, tkun marbuta, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, b’evalwazzjonijiet legali magħmula minn din il-qorti superjuri, fil-każ li dawn l-evalwazzjonijiet ma jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni.

V. Konklużjoni

62.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Obvodní soud pro Prahu 9 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 9, ir-Repubblika Ċeka):

1)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-perijodu ta’ pawża mogħti lil ħaddiem matul il-ħin tax-xogħol ta’ kuljum tiegħu, li matulu huwa għandu jkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah sabiex jipparteċipa f’intervent ta’ emerġenza fi żmien żewġ minuti f’każ ta’ bżonn. In-natura okkażjonali u imprevedibbli jew il-frekwenza tal-okkorrenza ta’ interventi ta’ emerġenza matul dan il-perijodu ta’ pawża ma jaffettwawx din il-klassifikazzjoni.

2)

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li qorti nazzjonali, li tintalab tagħti deċiżjoni dwar kawża rrinvijata lura lilha minn qorti superjuri li tkun annullat id-deċiżjoni tagħha, tkun marbuta, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, b’evalwazzjonijiet legali magħmula minn din il-qorti superjuri, fil-każ li dawn l-evalwazzjonijiet ma jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.

( 3 ) Skont ir-rata ta’ kambju tat-3 ta’ Jannar 2019, id-data tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 4 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 5 ) Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-domandi preliminari tagħha ma humiex intiżi li jistabbilixxu l-ammont tar-remunerazzjoni għall-perijodu kkontestat (ara l-punt 23 tad-deċiżjoni tar-rinviju).

( 6 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Hälvä et (C‑175/16, EU:C:2017:617, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Matzak, EU:C:2018:82, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Matzak (C‑518/15, EU:C:2017:619, punt 49).

( 9 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑87/14, EU:C:2015:192, punt 40).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Matzak (punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara s-sentenza Matzak (punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Matzak (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Matzak (punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara s-sentenza Matzak (punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara s-sentenza Matzak (punt 63).

( 16 ) Ara s-sentenza Matzak (punt 64).

( 17 ) Ara s-sentenza Matzak (punt 65).

( 18 ) Ara s-sentenza Matzak (punt 66).

( 19 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 36).

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Matzak (punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Matzak (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 58).

( 23 ) Ara s-sentenza Matzak (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) B’mod partikolari, il-perijodu ta’ pawża għandu restrizzjonijiet temporali u ġeografiċi inerenti minħabba l-ħin qasir tiegħu. Il-fatt li dan iseħħ bejn żewġ perijodi ta’ xogħol jista’ wkoll ikollu l-konsegwenza li l-ħaddiem ikollu, pereżempju, f’ċerti tipi ta’ xogħol, jibqa’ bl-uniformi waqt il-pawża tiegħu.

( 25 ) Huwa għalhekk evidenti li ħaddiem ma jistax juża l-ħin tiegħu bl-istess mod meta jibbenefika minn tletin minuta ta’ pawża u meta jibbenefika minn ħdax-il siegħa ta’ serħan kuljum jew ta’ erbgħa u għoxrin siegħa ta’ serħan fil-ġimgħa.

( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri permezz tal-Artikolu 4 tad‑Direttiva 2003/88 huwa intiż biss sabiex jippermetti li t-tul u l-frekwenza tal-perijodi ta’ pawża jkunu adattati għar-restrizzjonijiet marbuta mal-organizzazzjoni tax-xogħol u man-natura tiegħu. Din l-idea hija riflessa wkoll fl-Artikolu 13, li jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li min iħaddem li jkollu l-intenzjoni li jorganizza x-xogħol skond ċerta tendenza billi jieħdu akkont tal-prinċipju ġenerali ta’ l-adattazzjoni tax-xogħol għall-ħaddiem, bil-għan, partikolarment, ħalli jtaffu l-monotonija tax-xogħol u x‑xogħol b’rata pre-determinata tax-xogħol, dipendenti mit-tip ta’ l-attività, u tal‑ħtiġiet tas-sigurtà u tas-saħħa, speċjalment fir-rigward tal-waqfien matul il-ħin tax-xogħol” (korsiv miżjud minni).

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ara s-sentenza Matzak (punt 39).

( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 30).

( 37 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 36).

Top