EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0106

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2021.
Ir-Repubblika Taljana u Comune di Milano vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Parlament Ewropew.
Rikors għal annullament – Dritt istituzzjonali – Regolament (UE) 2018/1718 – Iffissar tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) – Artikolu 263 TFUE – Ammissibbiltà – Interess ġuridiku – Locus standi – Inċidenza diretta u individwali – Deċiżjoni adottata mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fil-marġni ta’ laqgħa tal-Kunsill bil-għan li jiġi stabbilit il-post fejn tinsab is-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni Ewropea – Assenza ta’ effetti vinkolanti fl-ordinament ġuridiku tal‑Unjoni – Prerogattivi tal-Parlament Ewropew.
Kawżi magħquda C-106/19 u C-232/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:816

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis‑6 ta’ Ottubru 2021 ( 1 )

Kawżi Magħquda C‑106/19 u C‑232/19

Ir‑Repubblika Taljana (C‑106/19)

Comune di Milano (C‑232/19)

vs

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea

Il‑Parlament Ewropew

“Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Locus standi – Inċidenza diretta u individwali – Regolament (UE) 2018/1718 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-lok tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini – Prerogattivi tal-Parlament Ewropew – Deċiżjoni meħuda mir-rappreżentati tal-Istati Membri fil-marġni ta’ laqgħa tal-Kunsill sabiex jiddeterminaw il-post tas-sede ta’ aġenzija – Assenza ta’ effetti vinkolanti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni – Diskrezzjoni eżerċitata mill-Parlament Ewropew fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja – Limiti”

I. Introduzzjoni

1.

Il-liġi ma tħobbx tirriskja. Dan ma jfissirx li avukati, bħal kwalunkwe membru ta’ professjoni oħra, ma jkollhomx bżonn xi ftit xorti minn żmien għal żmien. Din id-dikjarazzjoni pjuttost timplika li dik li tinsab fil-bażi tal-ordinamenti ġuridiċi moderni hija (l-wiegħda ta’) razzjonalità u raġuni. Anki f’istanzi fejn wieħed jirrikorri għat-tlugħ tax-xorti jista’ fil-fatt jipproduċi eżiti li huma imparzjali u ekonomiċi, xorta jkollna problema bl-irrazzjonalità inerenti tagħhom. Ir-raġuni għal dan huwa li ma huwiex biżżejjed li wieħed jikseb eżitu. Minflok, dak li llum huwa normalment mistenni bħala l-eżitu tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ġuridiċi huwa deċiżjoni attribwibbli, u għalhekk kontabbli u li tista’ tiġi mistħarrġa ( 2 ).

2.

Mingħajr ma jittrattaw direttament l-implikazzjonijiet filosofiċi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet bit-tlugħ tax-xorti ( 3 ), il-Comune di Milano (il-Komun ta’ Milano, l-Italja) u r-Repubblika Taljana żgur li għandhom problema bl-eżitu ta’ dan il-proċess f’din il-kawża: l-għażla bit-tlugħ tax-xorti, fil-marġni ta’ laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-belt ta’ Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) bħala s-sede l-ġdida tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (iktar ’il quddiem EMA). Din l-għażla rriżultat f’żewġ sensieli ta’ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

3.

L-ewwel, fil-Kawżi Magħquda C‑59/18 u C‑182/18, ir-Repubblika Taljana u l-Comune di Milano rispettivament ikkontestaw id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri li jqiegħdu s-sede l-ġdida tal-EMA f’Amsterdam. Jiena nindirizza l-kwistjonijiet imqajma f’dawn il-kawżi, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tistax tkun suġġetta għal rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, fil-konklużjonijiet paralleli tiegħi li jkopru l-Kawżi Magħquda C‑59/18 u C‑182/18, kif ukoll il-Kawża C‑743/19 (li fiha l-Parlament Ewropew ikkontesta d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri li jqiegħdu s-sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (iktar ’il quddiem ELA) fi Bratislava (is-Slovakkja)) ( 4 ).

4.

Sussegwentement, ir-Regolament (UE) 2018/1718 ippreveda li s-sede l-ġdida tal-EMA kienet Amsterdam (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”) ( 5 ). Permezz ta’ dawn ir-rikorsi, intiżi kontra l-Kunsill u l-Parlament, ir-Repubblika Taljana u l-Comune di Milano qegħdin primarjament jikkontestaw il-legalità ta’ dan ir-regolament.

II. Il-kuntest ġuridiku

5.

Ir-Regolament (UE) 2018/1718, adottat fl‑14 ta’ Novembru 2018, u bbażat fuq l-Artikoli 114 u 168(4)(c) TFUE, jinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti:

“Artikolu 1

L-Artikolu li ġej jiddaħħal fir-Regolament (KE) Nru 726/2004:

‘Artikolu 71a

L-Aenzija għandu jkollha s-sede tagħha f’Amsterdam, fin-Netherlands.

L-awtoritajiet kompetenti tan-Netherlands għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-Aġenzija tkun tista’ tidħol fil-post temporanju tagħha mhux aktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2019 u li tkun tista’ tidħol fil-post permanenti tagħha mhux aktar tard mis‑16 ta’ Novembru 2019.

L-awtoritajiet kompetenti tan-Netherlands għandhom jippreżentaw rapport bil-miktub lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-adattamenti għall-uffiċċji temporanji u dwar il-kostruzzjoni tal-binja permanenti sas‑17 ta’ Frar 2019, u kull tliet xhur wara din id-data, sakemm l-Aġenzija tkun daħlet fil-post permanenti tagħha.’

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mit‑30 ta’ Marzu 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.”

6.

Matul il-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1718, il-Parlament adotta r-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal‑25 ta’ Ottubru 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini ( 6 ). F’din ir-riżoluzzjoni l-Parlament, inter alia,

“2. Jikkundanna d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati, tad‑19 ta’ Lulju 2012, u l-Approċċ Komuni mehmuż magħha, u jappella biex il-Parlament Ewropew ikun involut mill-qrib fil-proċess deċiżjonali dwar is-sede u r-rilokazzjoni tal-aġenziji” u

“5. Jiddispjaċih li l-Parlament Ewropew u, fl-aħħar mill-aħħar, ir-rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni, ma kinux involuti bis-sħiħ fil-proċedura tal-għażla tas-sede l-ġdida tal-[EMA], li finalment ittellgħet bix-xorti, minkejja l-importanza tad-deċiżjoni; deċiżjonijiet relatati mas-sede tal-korpi u l-aġenziji jeħtieġu u, legalment, iridu jittieħdu b’rispett sħiħ tal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li tqiegħed lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-istess livell bħala koleġiżlaturi”.

7.

L-annessi għar-regolament jinkludu d-dikjarazzjoni segwenti tal-Parlament:

“Il-Parlament Ewropew jiddispjaċih li r-rwol tiegħu ta’ koleġiżlatur ma ġiex ikkunsidrat peress li ma ġiex involut fil-proċedura li twassal għall-għażla tas-sede l-ġdida tal-[EMA].

Il-Parlament Ewropew jixtieq ifakkar il-prerogattivi tiegħu bħala koleġiżlatur u jinsisti fuq ir-rispett sħiħ tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja f’dak li għandu x’jaqsam mal-għażla tas-sede tal-korpi u l-aġenziji.

Bħala l-unika istituzzjoni tal-Unjoni li tiġi eletta direttament u tirrappreżenta ċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Parlament Ewropew huwa l-ewwel garanti tar-rispett tal-prinċipju demokratiku fl-Unjoni.

Il-Parlament Ewropew jikkundanna l-proċedura segwita għall-għażla tal-post il-ġdid tas-sede, li de facto ċaħħdet lill-Parlament Ewropew mill-prerogattivi tiegħu peress li ma ġiex involut effettivament fil-proċess, iżda issa qed jiġi mistenni sempliċement jikkonferma l-għażla magħmula għall-post il-ġdid tas-sede permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Il-Parlament Ewropew ifakkar li l-Approċċ Komuni mehmuż mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati, iffirmata fl‑2012, mhuwiex vinkolanti – kif rikonoxxut fid-Dikjarazzjoni nifisha – u li l-qbil intlaħaq mingħajr preġudizzju għas-setgħat leġiżlattivi tal-istituzzjonijiet.

Għalhekk, il-Parlament Ewropew jinsisti li l-proċedura segwita għall-għażla tas-sede l-ġdida tal-aġenziji tiġi riveduta u ma tibqax tintuża f’din il-forma fil-futur.

Fl-aħħar nett, il-Parlament Ewropew jixtieq ifakkar ukoll li fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat‑13 ta’ April 2016, it-tliet istituzzjonijiet impenjaw ruħhom favur kooperazzjoni leali u trasparenti filwaqt li fakkru fl-ugwaljanza taż-żewġ koleġiżlaturi kif minquxa fit-Trattati.”

III. Il-kuntest fattwali

8.

L-Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta’ Prodotti Mediċinali ġiet maħluqa mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2309/93 tat‑22 ta’ Lulju 1993 li jistipula proċeduri tal-Komunità għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta’ Prodotti Mediċinali ( 7 ).

9.

Fid‑29 ta’ Ottubru 1993, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tal-Istati Membri ddeċidew bi qbil komuni li jistabbilixxu s-sede tagħha f’Londra (ir-Renju Unit) ( 8 ).

10.

Ir-Regolament Nru 2309/93 ġie sussegwentement imħassar u ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini ( 9 ). B’dan ir-regolament, l-Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta’ Prodotti Mediċinali ġiet imsemmija mill-ġdid bħala l-EMA. Dan ir-regolament ma inkluda ebda dispożizzjoni dwar il-post tas-sede tal-EMA.

11.

Fid‑29 ta’ Marzu 2017, skont l-Artikolu 50(2) TUE, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni Ewropea.

12.

Fit‑22 ta’ Ġunju 2017, fil-marġni ta’ laqgħa tal-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50), il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tas‑27 Stat Membru l-ieħor aċċettaw, fuq proposta tal-President tal-Kunsill Ewropew u tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-proċedura għar-rilokazzjoni tas-sede tal-EMA u tal-Awtorità Bankarja Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“regoli tal-għażla”) ( 10 ).

13.

Dawn ir-regoli pprevedew li d-deċiżjoni dwar is-sede futura taż-żewġ aġenziji għandha tittieħed fuq il-bażi ta’ proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet ġust u trasparenti b’sejħa għal offerti organizzata bbażata fuq sitt kriterji stabbiliti fil-punt 3 tar-regoli għall-għażla.

14.

Kien previst ukoll li, f’każ ta’ riżultat indaqs bejn l-offerti li jkun fadal fit-tielet (u l-aħħar) votazzjoni, id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-Presidenza li ttella’ x-xorti bejn l-offerti li ġew indaqs.

15.

Fl‑20 ta’ Novembru 2017, l-offerta tar-Repubblika Taljana u dik tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rċevew l-istess numru ta’ voti fi ħdan it-tielet votazzjoni. L-offerta tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġiet sussegwentement magħżula wara t-tlugħ bix-xorti.

16.

Bħala riżultat, fl-istess ġurnata, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri għażlu, fil-marġni tat‑3579 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, lill-belt ta’ Amsterdam bħala s-sede l-ġdida tal-EMA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tar-rappreżentati tal-Istati Membri”). Din id-deċiżjoni tħabbret fil-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill ( 11 ) u rriżultat f’komunikat stampa ( 12 ). Ġie ddikjarat li “[l]-Kummissjoni issa ser tħejji proposti leġislattivi li jirriflettu l-votazzjoni tal-lum biex jiġu adottati permezz tal-proċedura leġislattiva ordinarja bl-involviment tal-Parlament Ewropew. […]”.

17.

Fid‑29 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għal abbozz ta’ regolament li jemenda r-Regolament Nru 726/2004 fir-rigward tal-post tas-sede tal-EMA. Il-memorandum ta’ spjegazzjoni tagħha ddikjara li l-“[Istati Membri], filwaqt li aġixxew fil-marġini tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali (Art. 50), għażlu lil Amsterdam, fin-Netherlands, bħala s-sede l-ġdida tal-[EMA]” ( 13 ).

18.

Bħala konsegwenza, ir-Regolament Nru 726/2004 ġie emendat mir-Regolament (UE) 2018/1718 sabiex jipprevedi li “[l]-Aenzija għandu jkollha s-sede tagħha f’Amsterdam, fin-Netherlands”. ( 14 )

19.

Sussegwentement, ġew ippreżentati erba’ rikorsi għal annullament.

20.

L-ewwel, fir-rikors tiegħu li attwalment jinsab pendenti bħala l-Kawża C‑59/18, il-Gvern Taljan jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri sa fejn stabbilixxiet li Amsterdam sejra tkun is-sede l-ġdida tal-EMA, u, konsegwentement, li talloka din is-sede lill-belt ta’ Milano (l-Italja).

21.

It-tieni, fil-Kawża C‑182/18, il-Comune di Milano, sostnut mill-Gvern Taljan u r-Regione Lombardia (ir-Reġjun ta’ Lombardia, l-Italja), jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri sa fejn stabbilixxiet li Amsterdam sejra tkun is-sede l-ġdida tal-EMA.

22.

Fid‑19 ta’ Novembru 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jgħaqqad il-Kawżi C‑59/18 u C‑182/18 għall-għanijiet tal-proċedura orali u s-sentenza.

23.

It-tielet, fil-Kawża C‑106/19, ir-Repubblika Taljana tfittex l-annullament tar-regolament ikkontestat.

24.

Ir-raba’, fil-Kawża C‑232/19, il-Comune di Milano jfittex l-annullament tar-regolament ikkontestat u d-dikjarazzjoni li d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri ma tipproduċi ebda effetti ġuridiċi vinkolanti.

25.

Fid‑19 ta’ Diċembru 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jgħaqqad il-Kawżi C‑106/19 u C‑232/19 (“dawn il-kawżi”) għall-għanijiet tal-proċedura orali u s-sentenza.

IV. Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.

Bil-maqlub tar-rikorsi fil-Kawżi Magħquda C‑59/18 u C‑182/18, ikkonċernati bil-legalità tad-deċiżjoni tar-rappreżentati tal-Istati Membri, dawn il-kawżi primarjament jikkonċernaw il-kwistjoni tal-legalità tar-regolament ikkontestat li ġie adottat wara d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri.

a)   Kawża C‑106/19

27.

Il-Gvern Taljan jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla r-regolament ikkontestat u li tordna lill-Kunsill u lill-Parlament iħallsu l-ispejjeż relatati mal-proċeduri. Il-Kunsill u l-Parlament jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u li tordna lill-Gvern Taljan iħallas l-ispejjeż relatati mal-proċeduri. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, bħala intervenjenti insostenn tal-Kunsill u l-Parlament, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tordna lill-Gvern Taljan iħallas l-ispejjeż relatati mal-proċeduri.

28.

Ir-rikors tal-Gvern Taljan jinvoka żewġ motivi insostenn tat-talba tiegħu li r-regolament ikkontestat huwa illegali. L-ewwel motiv jallega ksur tal-Artikoli 10, 13 u 14 TUE u tal-Artikoli 114, 168(4)(c), 289 u 294 TFUE. It-tieni motiv jallega li, anki li kieku jiġi konkluż li l-prerogattivi tal-Parlament ma nkisrux, l-illegalità tar-regolament ikkontestat tirriżulta mill-illegalità tad-deċiżjoni tar-rappreżentati tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-Gvern Taljan jallega użu ħażin ta’ poter minħabba nuqqas ta’ istruttorja u żnaturament tal-fatti. Għal żvilupp iktar iddettaljat tal-argumenti mressqa f’dan il-kuntest, il-Gvern Taljan jagħmel riferiment għar-rikors tiegħu fil-Kawża C‑59/18, ikkonċernata bil-legalità tad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri ( 15 ).

29.

Dwar l-ewwel motiv tar-rikors tiegħu, il-Gvern Taljan jissottometti, l-ewwel, li kien hemm ksur tal-Artikolu 10 TUE minħabba li l-proċedura segwita għall-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA ma ppermettietx liċ-ċittadini Ewropej jipparteċipaw f’din l-għażla. F’dan ir-rigward, dan irriżulta wkoll fi ksur tal-Artikolu 14(1) TUE, li jiddikjara li l-funzjoni leġiżlattiva hija eżerċitata mill-Parlament. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni u l-Kunsill kellhom jagħmluha possibbli li l-Parlament jipparteċipa. Il-fatt stess li ma għamlux dan irriżulta fi ksur tal-bilanċ istituzzjonali u l-kooperazzjoni leali u trasparenti espressa fl-Artikolu 13 TUE. Fir-rigward tal-Artikoli 289 u 294 TFUE, flimkien mal-bażi ġuridika tar-regolament ikkontestat, il-ksur tagħhom seħħ mill-fatt li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja ġiet segwita purament b’mod formali mingħajr il-Parlament ma kien verament kapaċi jinfluwenza l-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA.

30.

Fid-difiża tiegħu, il-Kunsill isostni li l-proċess leġiżlattiv seħħ bil-mod normali. Il-Parlament iddiskuta l-possibbiltajiet li s-sede titqiegħed xi mkien ieħor, speċjalment f’Milano, qabel ma ċaħad din l-għażla. Il-Parlament imbagħad ippreżenta (u anki kiseb) diversi emendi għar-regolament propost. Il-Kunsill isostni wkoll li l-kompetenza għall-għażla tas-sede ta’ aġenzija tappartjeni lill-Istati Membri li jaġixxu bi qbil komuni. Hija bbażata fuq l-Artikolu 341 TFUE. Il-ħatra tas-sede l-ġdida tal-EMA fir-regolament ikkontestat hija purament dikjaratorja peress li l-koleġiżlatur ma jistax jitbiegħed mill-għażla magħmula f’dan ir-rigward mill-Istati Membri. Fl-istess ħin, madankollu, il-Parlament jista’ (jikko)definixxi l-kundizzjonijiet tat-trasferiment, li għamel billi żied mal-Artikolu 71a l-ġdid tar-Regolament Nru 726/2004 żewġ inċiżi relatati mat-terminu għat-trasferiment, it-tul tal-post temporanju, u l-obbligu tal-awtoritajiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jippreżentaw rapport bil-miktub lill-Parlament u lill-Kunsill.

31.

Fid-difiża tiegħu, il-Parlament jaqbel mal-Gvern Taljan li d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri ma tistax tillimita s-setgħat tal-Parlament. Huwa madankollu tal-fehma li s-sitwazzjoni inkwistjoni ma rriżultatx fl-illegalità tar-regolament ikkontestat minħabba li r-rappreżentanti tal-Istati Membri ma għandhomx il-kompetenza li jiddeterminaw is-sede tal-EMA. Din il-kompetenza hija tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li ma jistax jastjeni milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Huwa għalhekk ma jistax purament u sempliċiment japprova proposta preċedenti magħmula mill-Istati Membri mingħajr ma jeżerċita kontroll fuqha. Id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri kienet purament politika, mingħajr ebda effetti vinkolanti. Il-fatt li l-għażla magħmula f’din id-deċiżjoni ġiet adottata fil-proposta tal-Kummissjoni kien, fil-fehma tal-Parlament, l-espressjoni tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni. Fl-approvazzjoni ta’ din l-għażla, il-Parlament bl-istess mod eżerċita d-diskrezzjoni tiegħu bħala koleġiżlatur.

32.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Gvern Taljan enfasizza d-differenzi fil-fehmiet rispettivi tal-Kunsill u l-Parlament fir-rigward tal-kwistjoni ċentrali tal-kompetenza tal-għażla tas-sede ta’ aġenzija. Jidher li dawn l-istituzzjonijiet ma kinux jafu, jew fi kwalunkwe każ kellhom fehmiet differenti, dwar liema kompetenzi ġew eżerċitati. Minħabba din il-konfużjoni, il-Gvern Taljan astjena milli jieħu pożizzjoni fir-rikors tiegħu dwar in-natura ta’ din il-kompetenza, iżda, madankollu, eskluda l-possibbiltà li din tkun parti mill-kompetenzi esklużivi tal-Istati Membri. Il-mod kif il-Parlament wera l-involviment tiegħu huwa formali u inaċċettabbli. Dan ma jurix li l-Parlament eżerċita rwol deċiżiv fl-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA.

33.

Fil-kontroreplika tiegħu, iffukata fuq l-ewwel motiv tar-rikors, il-Kunsill jiddikjara li l-pożizzjoni tiegħu, u dik tal-Parlament, dwar il-kwistjoni tal-kompetenza hija fi kwalunkwe każ irrilevanti, peress li ż-żewġ istituzzjonijiet jaqblu li l-prerogattivi tal-Parlament ġew irrispettati. Il-Kunsill jinnota wkoll li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet minn istituzzjoni huwa rifless fl-atti li tadotta. Dikjarazzjonijiet politiċi ma humiex determinattivi fl-evalwazzjoni dwar jekk il-poteri ġewx eżerċitati korrettament. L-istħarriġ tal-legalità ta’ att ma jistax jestendi għar-raġunijiet politiċi dwar għaliex ġie adottat ċertu att. Barra minn hekk, il-Kunsill jirrepeti li l-kompetenza għall-għażla tas-sede ta’ aġenziji hija l-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Il-Kunsill jenfasizza li l-kompetenza għad-determinazzjoni tas-sede ta’ aġenzija ma hijiex l-istess bħall-kompetenza għar-regolazzjoni ta’ qasam partikolari. Din hija differenti minħabba n-natura politika u simbolika tagħha u hija stabbilita fl-Artikolu 341 TFUE.

34.

Il-Parlament jenfasizza fil-kontroreplika tiegħu li, matul il-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, huwa pprova jipproteġi l-pożizzjoni istituzzjonali tiegħu b’kull mezz possibbli, filwaqt li jsegwi l-għan prinċipali li tiġi żgurata l-kontinwità tal-attivitajiet tal-EMA matul it-trasferiment tas-sede tagħha. Minħabba l-inizjattiva tal-Parlament, ir-regolament ikkontestat huwa kkumplimentat b’mekkaniżmu ta’ sorveljanza u skeda. L-adozzjoni min-naħa tiegħu ta’ pożizzjoni restrittiva fi ħdan dan il-proċess leġiżlattiv ma kinitx tkun kompatibbli mal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Il-mod li bih il-Parlament eżerċita l-prerogattivi tiegħu matul il-proċedura leġiżlattiva kien għalhekk ibbażat fuq għażla informata u ma kkostitwixxiex abdikazzjoni mir-rwol tiegħu.

35.

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, fir-rigward tal-ewwel motiv tar-rikors, l-argumenti żviluppati mill-Kunsill u l-Parlament.

36.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-adozzjoni tad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri ma setgħetx tostakola l-poteri tal-Kummissjoni jew tal-koleġiżlaturi. La l-Kummissjoni u lanqas il-Parlament ma huma marbuta bl-għażla politika tal-Istati Membri fir-rigward tas-sede ta’ aġenzija. Il-kompetenza tal-għażla tas-sede ta’ aġenzija taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Matul id-diskussjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, l-għażla li s-sede l-ġdida tal-EMA titqiegħed f’Milano ġiet iddibattuta u eskluża.

37.

Fir-rigward tat-tieni motiv tar-rikors, il-Gvern Taljan jallega, sussidjarjament, li, anki kieku jiġi konkluż li r-rwol tal-Parlament ma ġiex injorat, il-legalità tar-regolament ikkontestat tirriżulta mill-illegalità tad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri. Din id-deċiżjoni kienet ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter minħabba nuqqas ta’ istruttorja u żnaturament tal-fatti. Il-Gvern Taljan jipprovdi sommarju tal-argumenti tiegħu fir-rikors fil-Kawża parallela C‑59/18. Huwa mbagħad jindika punti oħra sabiex isostni l-fehma tiegħu li l-offerta tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kinitx taqbel mar-realtà u li fi kwalunkwe każ ma kinitx tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-proċess tal-għażla.

38.

Fid-difiża tiegħu, il-Kunsill jiddikjara li l-leġiżlatur ma jistax jitbiegħed mill-għażla magħmula mir-rappreżentanti tal-Istati Membri. Madankollu, huwa xorta għandu jivverifika jekk l-att inkwistjoni ġiex adottat f’konformità mar-regoli applikabbli. F’dan ir-rigward, ir-regolament ikkontestat jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju. Madankollu, il-leġiżlatur ma jistax jivverifika l-merti tal-għażla magħmula, inklużi l-kriterji jew il-proċess għall-evalwazzjoni tal-merti, jew imqar l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali.

39.

Barra minn hekk, il-Kunsill jikkunsidra li l-motiv relatat mal-użu ħażin tal-poter huwa inammissibbli u fi kwalunkwe każ infondat minħabba li ma ġiex stabbilit li d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri ttieħdet bl-għan jew skop li jinkiseb eżitu lil hinn minn dak ġenwinament imfittex mill-proċedura tal-għażla. L-ewwel, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tivverifika l-informazzjoni inkluża fl-offerti rispettivi. It-tieni, l-allegata differenza bejn l-offerta u l-istatus quo wara l-għażla ma hijiex rilevanti sabiex jiġi konkluż li l-offerta tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sofriet żnaturament matul il-proċedura tal-għażla. It-tielet, fi kwalunkwe każ, ma ntweriex li l-allegat żnaturament tal-offerta tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi wassal għal żball ta’ evalwazzjoni ta’ tali natura u serjetà li jiġġustifika l-invalidazzjoni tal-proċess tal-għażla.

40.

Fid-difiża tiegħu, il-Parlament huwa tal-fehma li, sa fejn il-Gvern Taljan jagħmel riferiment għall-argumenti tiegħu ppreżentati f’kawża oħra li l-Parlament ma huwiex parti fiha, dan il-motiv ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fuq il-merti, ma hemm ebda rabta proċedurali jew ġuridika oħra bejn id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri u r-regolament ikkontestat. Għalhekk, anki li kieku jiġi konkluż li d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri kienet ivvizzjata, dan ma jistax jaffettwa l-validità tar-regolament ikkontestat.

41.

Fit-tweġiba tiegħu l-Gvern Taljan jiddikjara li huwa mhux sempliċiment għamel riferiment għall-argumenti tiegħu fil-Kawża C‑59/18. Huwa jirrepeti li l-għażla magħmula mill-Parlament ma kinitx ħielsa u, għaldaqstant, peress li din l-għażla kienet marbuta mad-deċiżjoni magħmula preċedentement mill-Istati Membri, il-prerogattivi tal-Parlament ġew miksura.

42.

Fil-kontroreplika tiegħu, il-Parlament jirrepeti wkoll il-fehma tiegħu dwar l-assenza ta’ rabta ġuridika bejn id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri u r-regolament ikkontestat. Barra mill-ammissibbiltà tat-tieni motiv, li l-Parlament jibqa’ joġġezzjona għaliha, il-Gvern Taljan ma jippreżentax argumenti kontra r-regolament ikkontestat lil hinn min dawk li tressqu fl-ewwel motiv. L-argumenti mressqa taħt it-tieni motiv huma għalhekk ineffettivi.

43.

Il-Kummissjoni tiddikjara li t-tieni motiv huwa bbażat fuq il-premessa li l-koleġiżlatur ma għamel xejn iktar ħlief “iċċertifika” l-għażla politika. Dan, madankollu, sempliċiment ma kienx il-każ. Minkejja l-kumplessità tal-adozzjoni tagħha u l-involviment tal-Kummissjoni fil-proċess, id-deċiżjoni politika ma kinitx vinkolanti. Għaldaqstant, ma setgħetx tiddetermina minn qabel ir-riżultat tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

44.

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jiddikjara li t-tieni motiv huwa bbażat fuq il-premessa li ma rrispettax l-impenji tiegħu fl-offerta tiegħu tat‑28 ta’ Lulju 2017. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jindika li l-fatti kollha msemmija mill-Gvern Taljan attwalment seħħew wara d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, li l-legalità tagħha għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fatti li kienu jeżistu fil-mument tal-adozzjoni tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-Gvern Taljan ma weriex li kien hemm żball ta’ evalwazzjoni, li n-natura u s-serjetà tiegħu jirriżultaw fl-illegalità tad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri. Finalment, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-argumenti mressqa mill-Gvern Taljan ma jurux kif ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma rrispettax l-impenji tiegħu.

45.

Fit-tweġiba tiegħu għall-interventi tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, il-Gvern Taljan jiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-preżentata mill-Parlament ta’ rikors fil-Kawża C‑743/19 li fih il-Parlament jikkontesta d-Deċiżjoni (UE) 2019/1199 tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, meħuda bi qbil komuni sabiex is-sede tal-ELA titqiegħed fi Bratislava ( 16 ). Skont il-Gvern Taljan, il-Parlament isostni, f’dan ir-rikors, li d-deċiżjoni inkwistjoni ġiet adottata mhux mill-Istati Membri, iżda mill-Kunsill, u li din l-adozzjoni tinterferixxi mal-poteri tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Dawn l-argumenti jikxfu li l-Parlament jiddefendi l-fehma tiegħu f’din il-kawża bla konvinzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-fehma tal-Parlament hija inkompatibbli mat-talba relatata mal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

46.

Fit-tweġiba tiegħu għan-nota ta’ intervent ippreżentata mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Parlament jikkunsidra li ma jistax ikollu fehma dwar l-offerta tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fit-tweġiba tiegħu għan-nota ta’ intervent ippreżentata mill-Kummissjoni, il-Parlament jaqbel li t-Trattati ma jirriservawx il-kompetenza tal-għażla tas-sede tal-aġenziji lill-Istati Membri. L-importanza politika tad-deċiżjoni tat-tqegħid tas-sede ta’ aġenzija ma tistax twassal għall-konklużjoni li l-kompetenza hija dik tal-Istati Membri. Il-Parlament jaqbel ukoll li l-kumplessità u l-istruttura tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet fil-proċess tal-għażla, ma jagħtux natura vinkolanti lir-riżultat ta’ din il-kooperazzjoni.

47.

Il-Kunsill, fit-tweġiba tiegħu għan-nota ta’ intervent ippreżentata mill-Kummissjoni, jaqbel li l-Parlament eżerċita b’mod sħiħ il-prerogattivi tiegħu u kellu influwenza sinjifikattiva fuq il-kontenut tar-regolament ikkontestat. Il-Kunsill madankollu ma jaqbilx mad-dikjarazzjoni li d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tinkludi biss għażla politika bl-ebda effetti ġuridiċi vinkolanti.

48.

Fil‑11 ta’ Frar 2019, il-Gvern Taljan talab li l-Kawża C‑106/19 tiġi ġġudikata bi proċedura mħaffa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Frar 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba.

b)   Kawża C‑232/19

49.

Il-Comune di Milano talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla r-regolament ikkontestat, tiddikjara li d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri ma tipproduċi ebda effetti ġuridiċi, u tikkundanna lill-Kunsill u l-Parlament għall-ispejjeż relatati ma’ dawn il-proċeduri ( 17 ).

50.

Bi preżentata separata, il-Parlament qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li l-Comune di Milano wieġeb għaliha u li ġiet magħquda mal-merti tal-kawża.

51.

Fit-tweġibiet rispettivi tagħhom, il-Kunsill u l-Parlament jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat, u li tikkundanna lill-Comune di Milano iħallas l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

52.

Il-Kummissjoni bħala intervenjenti insostenn tal-Kunsill u l-Parlament titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, bħala intervenjent insostenn tal-Kunsill u l-Parlament, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Comune di Milano jħallas l-ispejjeż relatati ma’ dawn il-proċeduri.

53.

Fir-rikors tiegħu, il-Comune di Milano jqajjem erba’ motivi. Wieħed huwa intiż kontra r-regolament ikkontestat. It-tlieta l-oħra huma intiżi kontra d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri.

54.

Fir-rigward tal-ewwel motiv, intiż kontra r-regolament ikkontestat, il-Comune di Milano jiddikjara li, l-ewwel, il-prinċipji tad-demokrazija rappreżentattiva (l-Artikolu 10 TUE) u tal-bilanċ istituzzjonali u ta’ kooperazzjoni leali (l-Artikolu 13 TUE) ġew miksura. Huwa jallega wkoll ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali u tal-Artikolu 14 TUE. Il-Parlament ġie mċaħħad mill-poteri tiegħu u mill-possibbiltà li jipparteċipa fil-proċess tal-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA. Is-sede l-ġdida ntgħażlet mill-Kunsill biss, u barra mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Fi ħdan il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Parlament ma ngħata ebda spazju biex jintervjeni sabiex jevalwa jew saħansitra jiddubita din id-deċiżjoni. Skont il-Comune di Milano, kieku l-Parlament imblokka l-għażla ta’ Amsterdam bħala s-sede l-ġdida tal-EMA, dan kien jipprovoka kriżi politika li kienet tkun detrimentali għal aġenzija li hija essenzjali għall-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej, u setgħet tħalli lill-persunal tal-EMA u l-familji tagħhom fuq it-territorju ta’ pajjiż terz.

55.

Fir-rigward tat-tieni, it-tielet u r-raba motivi, intiżi kontra d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, il-Comune di Milano jsostni li kien hemm użu ħażin ta’ poter, ksur tal-prinċipji tat-trasparenza, u ta’ amministrazzjoni tajba u l-ekwità (it-tieni motiv), ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, trasparenza u kooperazzjoni leali (it-tielet motiv) u ksur tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal‑1 ta’ Diċembru 2009 ( 18 ), u tar-“regoli tal-proċedura tal-Kunsill tal‑31 ta’ Ottubru 2017” ( 19 ) (ir-raba’ motiv).

56.

Iktar speċifikament, fil-kuntest tat-tieni motiv, il-Comune di Milano jikkontesta l-użu ta’ proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet bix-xorti minħabba li tali proċess ma jippermettix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji tekniċi stabbiliti u l-għażla tal-aqwa offerta. Huwa jallega li l-Kummissjoni fil-fatt naqset milli tinvestiga, xi ħaġa li kienet antiċipata mir-regoli tal-għażla. L-evalwazzjoni insuffiċjenti magħmula mill-Kummissjoni wasslet għal ksur manifest tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Din influwenzat il-vot tal-Istati Membri, li matulu l-offerta tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġiet żnaturata. Barra minn hekk, bdil sussegwenti għal dik l-offerta, innegozjat bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-EMA, kiser il-prinċipji tat-trasparenza u tal-amministrazzjoni tajba.

57.

Dwar it-tielet motiv, il-Comune di Milano rrepeta li proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet bix-xorti huwa illegali. Huwa jikkritika wkoll l-assenza ta’ minuti li jiddokumentaw il-proċess tal-votazzjoni, u jiġbed attenzjoni għall-fatt li l-elementi prinċipali tal-proċedura ma ġewx magħmula pubbliċi. Dawn l-elementi prinċipali ma ġewx mifhuma mill-Kummissjoni u l-Istati Membri (kif isegwi mill-assenza ta’ investigazzjoni), u ma ġewx ikkomunikati lilhom (fir-rigward tal-emendi sussegwenti). Finalment, ma kien hemm ebda possibbiltà li jitwettaq stħarriġ minn dawk li applikaw.

58.

Dwar ir-raba’ motiv, il-Comune di Milano ddikjara li l-karatteristiċi tal-votazzjoni, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, kisru diversi regoli proċedurali tal-Kunsill (li għalihom hija attribwibbli din id-deċiżjoni skont din il-parti). F’dan il-kuntest, il-Comune di Milano sostna li l-assenza tal-minuti tammonta għal istanza ta’ ksur tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal‑1 ta’ Diċembru 2009 ( 20 ). Huwa jindika wkoll li kien hemm nuqqas ta’ osservazzjoni tar-rekwiżiti formali stabbiliti fir-“Regoli tal-Proċeduri tal-Kunsill tal‑31 ta’ Ottubru 2017” ( 21 ), jiġifieri: assenza ta’ dikjarazzjoni ta’ raġunijiet; l-impossibbiltà għar-rappreżentanti tal-Istati Membri li jibqgħu fil-kamra matul l-għadd tal-voti; kif ukoll l-assenza ta’ pawża bejn it-tielet votazzjoni u t-tlugħ tax-xorti, li kieku kien jippermetti evalwazzjoni oħra tal-offerti.

59.

Fid-difiża tiegħu, il-Kunsill isostni li r-rikors huwa manifestament inammissibbli minħabba l-fatt li l-Comune di Milano ma għandux locus standi skont l-Artikolu 263 TFUE. Fuq il-merti, il-Kunsill jiddikjara, dwar l-ewwel motiv, li ma ġiex ippruvat li l-prerogattivi tal-Parlament ma ġewx irrispettati. Il-Parlament ipparteċipa fil-proċess leġiżlattiv u ddiskuta għażliet oħra barra mill-belt ta’ Amsterdam qabel ċaħadhom. Huwa għamel u kiseb ukoll diversi emendi għall-abbozz tar-regolament. Barra minn hekk, il-kompetenza tal-għażla tas-sede ta’ aġenzija hija l-kompetenza tal-Istati Membri. L-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA fir-regolament ikkontestat hija sempliċiment dikjaratorja.

60.

Fir-rigward tat-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi intiżi kontra l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Istati Membri, il-Kunsill iddikjara li ma hemm xejn li jistabbilixxi li l-proċess bix-xorti ntuża sabiex jinkiseb għan barra minn dak tal-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA. Huwa ħażin li jiġi ddikjarat li l-għażla saret indipendentement minn kwalunkwe tqabbil kwalitattiv. Il-Kummissjoni lanqas ma kienet meħtieġa tivverifika l-elementi fattwali. L-allegati differenzi fl-offerta tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-fatti li rriżultaw wara l-proċedura tal-għażla ma jwasslux għall-konklużjoni li l-offerta tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġiet żnaturata. Fil-fatt, l-allegat żnaturament ma kienx ta’ tali serjetà u natura li jinvalida l-proċedura tal-għażla. Barra minn hekk, in-nota tal-Kunsill tal‑31 ta’ Ottubru 2017 ma kinitx tipprevedi pawża bejn it-tielet votazzjoni u t-tlugħ bix-xorti.

61.

Il-Parlament jispjega, fid-difiża tiegħu, li d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri ma tistax tiġi kkunsidrata li tillimita l-poteri tiegħu iżda pjuttost bħala indikazzjoni tan-natura politika ta’ din id-deċiżjoni. Lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala fażi preparatorja għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja sussegwenti. It-Trattati ma jagħtux il-kompetenza għad-deċiżjoni dwar is-sede tal-aġenziji lill-Istati Membri. L-istituzzjonijiet ma jistgħux jastjenu milli jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom għall-benefiċċju tal-Istati Membri. Meta l-Parlament approva l-għażla tal-belt ta’ Amsterdam, huwa għamel dan billi eżerċita d-diskrezzjoni tiegħu. Il-Parlament ma kien marbut f’ebda mument bl-għażla tal-Istati Membri. Barra minn hekk, ma hemmx rabta ġuridika bejn id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri u r-regolament ikkontestat.

62.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Comune di Milano ċaħad l-argumenti intiżi kontra l-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu ratione personae u, fir-rigward tal-merti tiegħu, isostni li teżisti rabta bejn id-deċiżjoni tal-Istati Membri u r-regolament ikkontestat u li l-Parlament ma setax effettivament jinfluwenza l-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA.

63.

Il-Parlament u l-Kunsill ippreżentaw kontrorepliki. Il-Parlament jinnota li d-deċiżjoni tal-Istati Membri kienet sors ta’ ambigwità matul id-diskussjonijiet leġiżlattivi li wasslu għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, li jispjega wkoll il-perspettivi differenti tal-Parlament u l-Kunsill dwar il-valur ġuridiku tagħha. Huwa f’dan il-kuntest li l-Parlament adotta d-dikjarazzjoni tiegħu annessa mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal‑25 ta’ Ottubru 2018 sabiex jiċċara fejn fil-fatt tinsab il-kompetenza għad-determinazzjoni tas-sede ta’ aġenzija. Il-Kunsill jinnota li n-nuqqas ta’ qbil dwar din il-kwistjoni wassal għall-Kawża pendenti C‑743/19 Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (Sede tal-ELA), u jżid, fir-rigward tar-raba’ motiv tar-rikors, li r-regoli tal-proċedura tiegħu ma kinux japplikaw għal deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri.

64.

Fin-nota ta’ intervent tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri hija purament politika. Din ma għandha ebda valur vinkolanti u għalhekk ma tistax tantiċipa l-proċess leġiżlattiv. Huwa permezz tal-proċess leġiżlattiv li l-linji gwida politiċi jittraduċu f’effetti ġuridiċi. Id-dikjarazzjoni tal-Parlament tal‑25 ta’ Ottubru 2018 ma hijiex deċiżiva. L-espressjoni deċiżiva tar-rieda politika tal-Parlament hija dik li ġiet tradotta fil-vot favur ir-regolament ikkontestat. Il-motivi intiżi kontra d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri jistrieħu fuq il-premessa li din iddeterminat minn qabel id-deċiżjoni tas-sede l-ġdida tal-EMA fir-regolament ikkontestat. Tali allegazzjoni hija miċħuda mill-Kummissjoni.

65.

Bi tweġiba għat-tieni, tielet u raba’ motivi, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Comune di Milano li l-proċedura tal-għażla hija vvizzjata.

66.

Fit-tweġiba tiegħu għall-Kummissjoni, il-Kunsill joġġezzjona għad-dikjarazzjoni li d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri hija purament politika. Is-sede l-ġdida tal-EMA ġiet iddeterminata b’din id-deċiżjoni u mhux bir-regolament ikkontestat.

67.

Il-Parlament u l-Comune di Milano wkoll wieġbu għad-dikjarazzjonijiet tal-intervent.

c)   Proċedura oħra quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

68.

Permezz tad-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Diċembru 2019, dawn il-kawżi ngħaqdu għall-għanijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

69.

It-tweġibiet bil-miktub f’dawn il-kawżi magħquda ġew ippreżentati mill-Gvern Taljan, il-Comune di Milano, il-Parlament, il-Kunsill, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll mill-Kummissjoni.

70.

Il-Gvern Taljan, il-Comune di Milano, ir-Regione Lombardia, il-Parlament, il-Kunsill, il-Gvern Ċek, l-Irlanda, il-Gvern Spanjol, Franċiż, Lussemburgiż, tal-Pajjiżi l-Baxxi, u Slovakk, kif ukoll il-Kummissjoni, ressqu argument orali fis-seduta li seħħet fit‑8 ta’ Ġunju 2021. Din is-seduta ġiet organizzata b’mod komuni għall-Kawżi Magħquda C‑59/18 u C‑182/18, dawn il-Kawżi Magħquda C‑106/19 u C‑232/19, kif ukoll il-Kawża C‑743/19, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (Sede tal-ELA).

V. Evalwazzjoni

71.

Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Sejjer nibda bl-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat fil-Kawża C‑232/19 mill-Comune di Milano. Wara li nkun issuġġerejt li, fil-fehma tiegħi, il-Comune di Milano ma għandu locus standi biex jikkontesta r-regolament ikkontestat (A), imbagħad sejjer indur għall-merti ta’ dawn il-kawżi magħquda, almenu sa fejn fil-fatt huma qegħdin jisfidaw ir-regolament ikkontestat. Fil-fehma tiegħi, ebda mill-argumenti mressqa mill-Gvern Taljan u l-Comune di Milano f’dan ir-rigward ma jistgħu jirnexxu (B).

A.   L-ammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża C‑232/19

72.

Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li r-rikors ippreżentat mill-Comune di Milano huwa inammissibbli. Fil-fehma tagħhom, dan il-komun la huwa kkonċernat direttament u lanqas individwalment. Huwa lanqas ma għandu ebda interess ġuridiku.

73.

Il-Comune di Milano huwa entità b’personalità ġuridika skont il-liġi Taljana. Unità territorjali ta’ Stat Membru, li għandha personalità ġuridika skont id-dritt nazzjonali, tista’, bħala prinċipju, tippreżenta rikors għal annullament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 22 ). Skont din id-dispożizzjoni, hemm tliet sitwazzjonijiet li fihom il-persuni fiżiċi u ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikorsi għal annullament: L-ewwel, jekk l-att ikkontestat huwa indirizzat lilhom: It-tieni, jekk dan l-att jikkonċerna lil din il-persuna direttament u individwalment: u, t-tielet, jekk l-att ikkontestat huwa att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni u jikkonċerna lil din il-persuna direttament.

74.

F’din il-kawża, ir-regolament ikkontestat ma huwiex indirizzat lill-Comune di Milano. Dan ir-regolament lanqas ma huwa att regolatorju. Il-locus standi tal-Comune di Milano għaldaqstant għandu jkun evalwat meta mqabbel mar-rekwiżiti tat-tieni xenarju skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE: l-att għandu jikkonċernah direttament (1) u individwalment (2). Barra minn hekk, bħala rekwiżit ġenerali, il-Comune di Milano (il-Komun ta’ Milano) għandu juri li għandu interess ġuridiku (3).

75.

Fil-fehma tiegħi, il-Comune di Milano jissodisfa dawn ir-rekwiżiti kollha f’din il-kawża.

1. Inċidenza diretta

76.

Skont ġurisprudenza stabbilita, “inċidenza diretta” teħtieġ li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti fl-istess ħin: li l-miżura kkontestata tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u li ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, liema implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra ( 23 ). Sejjer nibda bit-tieni kriterju (a), qabel ma ndur għal jekk is-sitwazzjoni ġuridika tal-Comune di Milano ġietx affettwata (b).

a) Assenza ta’ diskrezzjoni jew miżuri ta’ implimentazzjoni

77.

Il-Comune di Milano jsostni li r-regolament ikkontestat, li jistabbilixxi erga omnes li l-EMA għandha s-sede tagħha f’Amsterdam, huwa att obbligatorju u applikabbli direttament skont l-Artikolu 288 TFUE. L-applikazzjoni tiegħu ma hijiex suġġetta għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni sussegwenti.

78.

Huwa minnu li, bħalma jsostnu l-Parlament u l-Kunsill, il-fatt li l-att ikkontestat huwa regolament, li huwa applikabbli ġeneralment u direttament, ma huwiex biżżejjed per se sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti relatati mal-locus standi ( 24 ). Fil-fatt, “inċidenza diretta” ma hijiex sovrapposta fuq l-“applikazzjoni diretta” ta’ regolament ( 25 ). Għandha titwettaq evalwazzjoni differenti sabiex jintwera li dan ir-regolament jaffettwa direttament is-sitwazzjoni ġuridika tal-Comune di Milano.

79.

Madankollu, ma hemmx dubju li r-regolament ikkontestat ma jħalli ebda diskrezzjoni fl-għażla ta’ Amsterdam bħala s-sede l-ġdida tal-EMA. L-għażla tas-sede tal-EMA hija awtomatika u tirriżulta preċiżament minn dan ir-regolament biss, mingħajr ma huma neċessarji ebda regoli intermedji oħra. Il-kriterju relatat mal-“assenza ta’ diskrezzjoni jew miżuri ta’ implimentazzjoni” għaldaqstant huwa ssodisfatt b’mod ċar f’din il-kawża.

b) Effetti ġuridiċi tar-regolament ikkontestat

80.

Il-Comune di Milano jsostni li s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu hija affettwata direttament peress li, permezz tal-offerta tar-Repubblika tal-Italja li ppreżentat lil Milano bħala l-belt kandidata tagħha, hija pparteċipat fil-proċeduri li wasslu għall-għażla tas-sede tal-EMA, u kisbet l-ogħla numru ta’ voti. Ir-regolament ikkontestat jagħmel uffiċjali ċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti u jikkonferma li s-sede tal-EMA ma hijiex sejra tkun fit-territorju tagħha.

81.

Il-Kunsill u l-Parlament, sostnuti mill-Kummissjoni, isostnu li l-Comune di Milano ma huwiex ikkonċernat direttament mir-regolament ikkontestat.

82.

Fil-fehma tal-Parlament, id-deċiżjoni dwar is-sede tal-EMA tappartjeni lil-leġiżlatur. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal‑20 ta’ Novembru 2017 hija nieqsa minn effetti ġuridiċi vinkolanti. Peress li hemm nuqqas ta’ xi rabta ġuridika vinkolanti bejn din id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-fatt li l-għażla tal-belt ta’ Amsterdam, li rriżultat mill-azzjoni konġunta tal-Istati Membri, ġiet adottata, ma jistax fih u minnu nnifsu jfisser li l-Comune di Milano huwa kkonċernat direttament. Ir-regolament ikkontestat sempliċiment jistabbilixxi li s-sede tal-EMA ser tkun f’Amsterdam. F’ebda punt ma ġiet ippreżentata proposta lil-leġiżlatur sabiex Milano tintgħażel bħala s-sede tal-EMA.

83.

Għall-Kunsill, il-Comune di Milano ma weriex li sofra xi effetti preġudizzjali minħabba l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat peress li dan ir-regolament kien ta’ natura purament dikjaratorja. Fil-fatt, id-deċiżjoni dwar is-sede tal-EMA tappartjeni lill-Istati Membri u, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri hija vinkolanti. L-argumenti relatati mal-parteċipazzjoni ta’ Milano fil-proċess tal-għażla jappartjenu għall-għażliet ta’ opportunità interni fl-Istati Membri. Bħala riżultat, tali argumenti ma jistgħux iwasslu għall-konklużjoni li l-Comune di Milano huwa kkonċernat direttament. Il-fatt li l-belt ta’ Milano, bħala post ġeografiku, intgħażlet mir-Repubblika Taljana fil-qafas tal-offerta tagħha ma jfissrix li l-Comune di Milano, bħala entità territorjali, tammonta għal persuna kkonċernata direttament.

84.

Minkejja l-fehmiet dijametrikament opposti tal-Parlament u tal-Kunsill rigward in-natura ġuridika tad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, iż-żewġ istituzzjonijiet jidhru li jaqblu li l-għażla ta’ Amsterdam fir-regolament ikkontestat ma tikkonċernax direttament lill-Comune di Milano. L-argumenti mressqa, jekk jiġu kkunsidrati prima facie, jagħmluha faċli li tiġi miċħuda l-“inċidenza diretta” tar-rikorrenti. Minn naħa, jekk id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri ma hijiex ġuridikament vinkolanti fuq il-leġiżlatur, il-proċess tal-offerti li jwassal għaliha ma għandu ebda riperkussjonijiet fuq il-pożizzjoni ġuridika tar-rikorrenti. Il-fatt li r-Repubblika Taljana ppreżentat il-belt ta’ Milano bħala l-belt kandidata tagħha ma jipprovdix lill-Comune di Milano b’xi tip ta’ interess ġuridiku minħabba li, quddiem il-leġiżlatur tal-Unjoni, din l-offerta sempliċiment qatt ma eżistiet. Min-naħa l-oħra, jekk id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri hija vinkolanti, mela r-regolament ikkontestat huwa wieħed ta’ natura purament dikjaratorja. Din il-linja ta’ argument jidher li tissuġġerixxi li, f’sitwazzjoni bħal din, ir-regolament ikkontestat jista’ jiġi kkunsidrat bħala att konfermattiv, li jwassal ukoll għall-inammissibbiltà tar-rikors ( 26 ).

85.

Il-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ linji alternattivi ta’ argumenti tammonta għal sofiżmu notevoli: l-għażla ta’ Amsterdam bħala s-sede tal-EMA ma tistax tiġi kkontestata minħabba (i) li ġiet deċiża permezz ta’ att mhux vinkolanti (ii) li mbagħad ġie inkluż f’att vinkolanti li kien minnu nnifsu sempliċiment konfermatorju. Jidher għalhekk li d-deċiżjoni ma hija xejn ħlief miraklu: hija sempliċiment immaterjalizzat fiż-żmien u fl-ispazju, mingħajr ħadd ma fil-fatt ħadha u mingħajr ħadd ma huwa responsabbli għaliha. Ma hemmx għalfejn ngħidu, kreazzjoni (divina) bħal din tħalli lil rikorrent potenzjali f’vakwu, li hija proposta pjuttost diffiċli biex tiġi aċċettata, partikolarment fid-dawl ta’ regolament li b’mod ċar huwa att ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni.

86.

Għar-raġunijiet stabbiliti fid-dettall fil-konklużjonijiet paralleli tiegħi f’EMA 1/ELA ( 27 ), jiena fil-fatt naqbel li d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri hija att nieqes minn kwalunkwe effetti ġuridiċi fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Huwa għalhekk ma jistax jiġi mistħarreġ skont l-Artikolu 263 TFUE.

87.

Madankollu, ir-regolament ikkontestat huwa att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa għaldaqstant, bħala prinċipju, suġġett għal stħarriġ sħiħ mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan ma jistax ikun mod ieħor: mal-poter (kbir) tiġi r-responsabbiltà (kbira). Li wieħed ikollu l-poter jiddeċiedi xi ħaġa jmur id f’id ma’ li wieħed jerfa’ r-responsabbiltà għal din id-deċiżjoni.

88.

Għaldaqstant, jekk is-sitwazzjoni ġuridika tal-Comune di Milano hijiex affettwata għandu jiġi evalwat billi r-regolament ikkontestat jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod esklużiv. Hemm rabta diretta bejn ir-regolament ikkontestat u s-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti?

89.

Fil-fehma tiegħi, fil-fatt hemm. Milano, irrappreżentata mill-Comune di Milano bħala l-entità territorjali li tgawdi l-personalità ġuridika, kienet kompetitriċi diretta għall-għażla tas-sede tal-EMA.

90.

F’oqsma oħra tad-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-kompetituri jistgħu jkunu kkonċernati direttament minn atti tad-dritt tal-Unjoni li jiddeċiedu dwar ir-riżultati ta’ tali kompetizzjoni. Oqsma notevoli fejn dan kien il-każ huma, pereżempju, antidumping, għajnuna mill-Istat, jew anki f’kawżi ta’ kontestazzjoni ta’ deċiżjonijiet li ddikjaraw konċentrazzjonijiet bħala kompatibbli mas-suq intern ( 28 ). Minflok ma hija element fattwali biss ( 29 ), l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni sikwit tiddefinixxi pożizzjoni ġuridika f’oqsma differenti tad-dritt tal-Unjoni. Dan ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, jekk rikorrent juri li deċiżjoni tal-Kummissjoni x’aktarx tqiegħdu jew tqiegħdha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġjuża, dan ifisser li hija tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu jew tagħha ( 30 ).

91.

Huwa madankollu l-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li joffri l-eqreb analoġija possibbli għal dawn il-kawżi. L-offerenti telliefa huma kkonċernati direttament bid-deċiżjonijiet tal-għoti ta’ kuntratti lil offerenti oħra ( 31 ). Madankollu, f’dan il-qasam tad-dritt, l-“inċidenza diretta” tal-offerenti mhux magħżula normalment ma hijiex kwistjoni peress li d-deċiżjoni tal-għoti ta’ kuntratt lil offerent hija akkumpanjata mid-deċiżjoni li tiċħad lill-offerenti telliefa ( 32 ). Madankollu, il-fatt li l-“inċidenza diretta” tal-kompetituri f’dan il-qasam pjuttost ma hijiex kwistjoni ma jnaqqasx mill-fatt li s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni li jsibu ruħhom fiha l-offerenti differenti hija biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex tirriżulta f’inċidenza diretta. Pjuttost bil-maqlub, ir-rikonoxximent tad-drittijiet proċedurali tal-offerenti telliefa permezz ta’ dritt sekondarju huwa rikonoxximent espress tal-fatt li dawn huma kkonċernati direttament bir-riżultati tal-proċedura tal-offerta.

92.

Ċertament, firxa ta’ sistemi speċifiċi tad-dritt sekondarju diffiċli tkun deċiżiva għal sitwazzjoni unika ħafna bħalma hija din f’din il-kawża. Madankollu, jiena xorta nissuġġerixxi li, barra mill-partikolaritajiet ta’ dawn is-sistemi speċifiċi, hemm l-istess tema: il-kompetituri jistgħu jiġu affettwati ġuridikament f’ċirkustanzi fejn qegħdin jikkompetu għal assi jew riżorsa direttament mogħtija mid-dritt tal-Unjoni. Deċiżjoni għall-allokazzjoni ta’ assi lil persuna waħda tikkonċerna direttament lil dawk il-kompetituri l-oħra li ma jistgħux jiksbu din l-assi. Is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom tinbidel minn dik fejn huma potenzjalment kandidat rebbieħ għal dik fejn huma kandidat tellief. Dak li huwa probabbilment l-iktar eżempju ċar ta’ dan ir-raġunament pjuttost sempliċi jista’ jinsab f’Les Verts, fejn l-għoti ta’ għajnuna mill-Bureau tal-Parlament lil gruppi politiċi rivali ġie kkunsidrat, b’relattivament ftit diskussjoni, li huwa ta’ inċidenza diretta għall-assoċjazzjoni rikorrenti ( 33 ).

93.

Madankollu, żgur li hemm limiti għal din il-loġika. Wieħed ma jistax jilmenta dwar il-fatt li ma rebaħx il-lotterija mingħajr ma l-ewwel ikun xtara biljett. Fi kliem ieħor, il-Comune di Milano ma setax jiġi kkunsidrat bħala kkonċernat direttament kieku l-ewwel ma ppreżentax lilu nnifsu bħala kompetitur.

94.

Dan, madankollu, b’mod ċar ma huwiex il-każ. Ma huwiex ikkontestat li, minn perspettiva fattwali, Milano kienet waħda mill-ibliet kandidati għas-sede tal-EMA. Dan il-fatt huwa fuq kollox deċiżiv għad-determinazzjoni tal-inċidenza individwali għar-rikorrenti. Madankollu, huwa rilevanti wkoll fid-determinazzjoni tal-pożizzjoni ġuridika ta’ rikorrent bħala kompetitur għall-għanijiet tal-iżgurar tal-inċidenza diretta tiegħu jew tagħha. Huwa biżżejjed li jiġi nnotat f’dan il-punt li l-belt ta’ Milano ma kinitx biss u b’mod ċar waħda mill-ibliet kandidati matul il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, iżda wkoll li l-offerta tagħha ġiet ikkunsidrata espressament matul il-proċedura leġiżlattiva, billi kienet is-suġġett ta’ diversi proposti ta’ emendi fi ħdan il-proċedura quddiem il-Parlament. Il-pożizzjoni ta’ Milano bħala kompetitur għaldaqstant ma tistax tiġi ddubitata.

95.

Il-Comune di Milano huwa kkonċernat b’dan il-mod? Jekk fhimt sewwa l-argument imressaq mill-Kunsill, il-fatt li belt, bħala post ġeografiku, għandha tintgħażel bħala s-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni, ma jfissirx li l-entità territorjali li għandha l-personalità ġuridika, f’dan il-każ il-Comune di Milano, hija kkonċernata.

96.

Dan l-argument sempliċiment ma jistax ikun korrett. Jekk dan l-argument jittieħed sal-konsegwenzi loġiċi tiegħu, dan ikun ifisser li anki l-belt magħżula bħala s-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni ma tkunx ikkonċernata direttament mill-att tal-Unjoni li jistabbilixxiha bħala s-sede. B’mod simili, belt li aġenzija tiġi rrilokata minnha ma tkunx ikkonċernata lanqas ( 34 ).

97.

Jiena nikkunsidraha diffiċli li naċċetta konklużjoni bħal din. Huwa fil-fatt diffiċli li jiġu injorati l-konsegwenzi fattwali, u anki ġuridiċi, partikolarment sinjifikattivi li l-għażla tas-sede ta’ aġenzija tinvolvi għal awtorità lokali, mhux biss f’termini tal-benefiċċji u l-isfidi, iżda anki f’termini ta’ drittijiet u obbligi. Minkejja l-fatt li d-drittijiet u obbligi speċifiċi għal entitajiet lokali jistgħu jkunu artikolati f’dettall ikbar fil-Ftehim dwar is-Sede li għandu jiġi konkluż mal-Istat Membru kkonċernat, id-deċiżjoni li s-sede tiġi stabbilita f’belt waħda, u mhux f’oħra, hija bla dubju ta’ inċidenza diretta għall-entità territorjali lokali. Irrispettivament minn kwalunkwe konsegwenzi prattiċi marbuta mal-possibbiltà ta’ benefiċċji ekonomiċi u soċjali, l-att stess tal-għażla ta’ belt bħala s-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni intrinsikament u immedjatament jinvolvi impatt mal-pożizzjoni ġuridika tagħha bħala kompetitriċi għal din is-sede ( 35 ).

98.

Ir-rwol tal-bliet Ewropej li huma (jew jixtiequ jkunu) is-sede ta’ aġenziji tal-Unjoni ma jistax jiġi ridott għal dak ta’ sempliċi post fiżiku fi Stat Membru. B’differenza mill-fehma tal-Kunsill, l-għażla ta’ belt bħala s-sede ta’ aġenzija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kwistjoni interna tal-Istat Membru biss. Jista’ jkun xieraq li jiġi enfasizzat li, bil-maqlub ta’ ċerti istanzi oħra fil-passat, ir-regolament ikkontestat jistabbilixxi s-sede ta’ aġenzija billi speċifikament jagħżel belt bħala l-unità territorjali, u mhux Stat Membru ( 36 ).

99.

Jiena għalhekk nikkunsidra li l-argument imressaq mill-Kunsill huwa impossibbli li jiġi sostnut. Ċertament, l-għażla inizjali ta’ liema belt fi ħdan Stat Membru hija kapaċi tikkompeti hija kwistjoni interna ta’ Stat Membru. Madankollu, l-għażla tal-belt li sejra tospita l-aġenzija, u ċ-ċaħda simultanja tal-kompetituri l-oħra kollha, ma tibqax “biss kwistjoni interna tal-Istat Membru”. L-att tal-Unjoni b’mod ċar jieħu deċiżjoni fil-livell tal-belt individwali, u mhux biss fil-livell ta’ Stat Membru, li għalhekk jikkonċernaha direttament ( 37 ).

100.

B’analoġija, għaldaqstant dan ikun ifisser ukoll li persuna fiżika, bħal Kummissarju, ma jkunx ikkonċernat direttament bl-att tad-dritt (tal-Unjoni) relatat mal-ħatra (jew ċaħda) tiegħu jew tagħha bħala Kummissarju peress li, fl-aħħar mill-aħħar, kien Stat Membru li ssuġġerixxa ismu jew isimha fl-ewwel lok ( 38 )? Il-fatt li huwa Stat Membru li inizjalment “jinnomina” ma jistax ifisser li entità li għandha personalità ġuridika sseparata u awtonoma hija għal dejjem sempliċiment “oġġett” u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “suġġett”, anki jekk b’mod ċar tkun ikkonċernata direttament bl-atti li espressament jagħmlu riferiment għalih jew għaliha u jaffettwaw il-pożizzjoni ġuridika tiegħu jew tagħha.

101.

Bħala konklużjoni, fil-fehma tiegħi, il-pożizzjoni ġuridika tal-Comune di Milano ġiet direttament mibdula mill-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Dan ir-regolament stabbilixxa, b’effetti ġuridikament vinkolanti, lill-belt ta’ Amsterdam bħala s-sede tal-EMA, u għalhekk awtomatikament kellu l-effett li jeskludi lil Milano bħala s-sede ta’ din l-aġenzija.

2. Inċidenza individwali

102.

Sabiex miżura ta’ applikazzjoni ġenerali adottata minn istituzzjoni tal-Unjoni tkun ta’ inċidenza individwali għal persuna fiżika jew ġuridika, il-persuna għandha tkun affettwata mill-miżura inkwistjoni permezz ta’ ċerti karatteristiċi li huma speċifiċi għal dik il-persuna, jew minħabba sitwazzjoni fattwali differenti għal dik il-persuna mill-persuni l-oħra kollha u tiddistingwih jew tiddistingwiha bl-istess mod bħal destinatarju ( 39 ).

103.

Fir-rikors tiegħu, il-Comune di Milano jiddikjara li huwa kien involut b’mod sħiħ fil-preparazzjoni tal-offerta u fil-proċess tal-għażla msemmi fil-premessa 1 u fl-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat. Fil-pożizzjoni partikolari tiegħu bħala belt kandidata fil-kuntest tal-proċedura tal-għażla, il-Comune di Milano huwa individwalment ikkonċernat mir-regolament ikkontestat. Fil-fatt, Milano kienet tissemma fl-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat kieku l-belt ta’ Amsterdam ma ntgħażlitx. Barra minn hekk, billi ppreżenta lil Milano bħala l-offerta Taljana, il-Comune di Milano immira biex irawwen, skont l-Artikolu 3 tal-Istatut tiegħu, l-iżvilupp soċjoekonomiku u industrijali tat-territorju tiegħu. L-istabbiliment tas-sede tal-EMA f’Amsterdam ifixkel l-abbiltà tal-komun li jeżerċita l-kompetenzi tiegħu bil-mod li jikkunsidra xieraq. Barra minn hekk, il-Comune di Milano sostna l-ispejjeż u wettaq ir-riċerka. Huwa rċieva wkoll delegazzjoni tal-EMA sabiex jifhem aħjar u jissodisfa l-kriterji tal-għażla. Il-komun ifakkar ukoll li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fejn persuna tissemma espressament fl-atti preparatorji tal-atti tal-Unjoni kkontestati u anki fejn dawn l-atti jieħdu inkunsiderazzjoni elementi speċifiċi li jikkonċernaw lir-rikorrenti. F’dan is-sens, il-Comune di Milano jagħmel riferiment għall-ġurisprudenza dwar dazji antidumping ( 40 ) u għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 41 ).

104.

Il-Kunsill u l-Parlament, sostnuti mill-Kummissjoni, isostnu li l-Comune di Milano ma huwiex individwalment ikkonċernat.

105.

Il-Kunsill isostni li, minkejja l-invokazzjoni tiegħu tal-Artikolu 3 tal-Istatut tiegħu, il-Comune di Milano ma weriex kif l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat affettwat l-eżerċizzju speċifiku tal-kompetenzi tiegħu kif attribwiti mill-ordinament ġuridiku nazzjonali. L-ispejjeż finali ta’ dan il-komun huma irrilevanti wkoll. Fil-fatt, dawn huma relatati purament ma’ kwistjoni ta’ organizzazzjoni interna li għandha tiġi ttrattata mal-Istat Taljan. Il-Kunsill isostni wkoll li l-Comune di Milano ma kien assoċjat bl-ebda mod matul il-proċedura għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Il-parteċipazzjoni tiegħu fil-preparazzjoni tal-offerta Taljana ma hijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi inċidenza individwali. Ir-regoli tal-proċedura tat‑22 ta’ Ġunju 2017 ma jagħtu ebda dritt lil xi suġġett ieħor barra l-Istati Membri: huma dawn li għandhom jippreżentaw l-offerti, jiskambjaw l-informazzjoni mal-Kummissjoni u jipparteċipaw fil-proċess tal-votazzjoni. Il-fatt li xi Stati Membri assoċjaw l-ibliet kandidati tagħhom matul il-preparazzjoni tal-offerti rispettivi tagħhom huwa immaterjali.

106.

Min-naħa tiegħu, il-Parlament isostni li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz tar-regoli tal-proċedura tat‑22 ta’ Ġunju 2017 hija kompletament differenti mill-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni. Kwalunkwe parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan il-qafas ta’ kooperazzjoni ma setgħetx “tindividwalizza” lir-rikorrenti b’mod li jissodisfaw r-rekwiżit ta’ inċidenza individwali. Barra minn hekk, ma hemm ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tobbliga lil-leġiżlatur jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tar-rikorrenti matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Fi kwalunkwe każ, mingħajr preġudizzju għall-valur tar-regoli tal-proċedura tat‑22 ta’ Ġunju 2017, dawn ir-regoli jagħtu biss rwol lill-Istati Membri, mhux lill-awtoritajiet lokali ( 42 ).

107.

Naqbel mal-Parlament u l-Kunsill li l-argumenti mressqa mill-Comune di Milano rigward l-impatt soċjoekonomiku li kien ikollha l-għażla tas-sede fit-territorju tiegħu, kif ukoll l-ispejjeż u l-impenji li għamel fil-preparazzjoni tal-offerta Taljana, ma humiex tali li jistabbilixxu, fihom innifishom, inċidenza individwali. L-invokazzjoni minn entità reġjonali tal-fatt li att tal-Unjoni huwa kapaċi jaffettwa ċerti kundizzjonijiet soċjoekonomiċi fi ħdan il-ġurisdizzjoni territorjali tagħha ma huwiex biżżejjed sabiex din l-entità tiġi kkunsidrata bħala kkonċernata, lanqas, a fortiori, individwalment ( 43 )

108.

Jiena naqbel ukoll mal-Kunsill li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Comune di Milano ġie affettwat fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu mir-regolament ikkontestat. Fil-fehma tiegħi, l-eżami Vlaams Gewest ( 44 ) ma huwiex rilevanti għal dawn il-proċeduri. Ma narax kif il-fatt li Amsterdam intgħażlet bħala s-sede tal-EMA mir-regolament ikkontestat, u mhux Milano, jista’ jfixkel lil din tal-aħħar milli teżerċita l-poteri awtonomi tagħha għall-għanijiet tal-eżami Vlaams Gewest. Ir-rabta mal-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat hija, l-iktar l-iktar, indiretta u ipotetika.

109.

Madankollu, din il-kawża ma hijiex dwar entità territorjali li hija kkonċernata minħabba l-limitazzjoni tal-eżerċizzju tal-kompetenzi awtonomi tagħha (l-eżami Vlaams Gewest) ( 45 ). L-inċidenza għall-Comune di Milano f’din il-kawża toriġina minħabba l-pożizzjoni tiegħu bħala kompetitur, minħabba li l-belt ta’ Milano ma ntgħażlitx bħala s-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni skont ir-regolament ikkontestat. Huwa preċiżament fir-rigward tal-għażla speċifika tas-sede tal-EMA, li seħħet minħabba r-regolament ikkontestat, li għandha tiġi evalwata l-inċidenza individwali ta’ dan il-komun. Dak li huwa rilevanti f’dan ir-rigward huwa dak li b’mod komuni huwa msemmi bħala l-eżami Plaumann: il-kriterju deċiżiv jistrieħ fuq il-karatteristiċi speċifiċi tar-rikorrent, jew, alternattivament, is-sitwazzjoni fattwali differenti għal dik il-persuna mill-persuni l-oħra kollha u tiddistingwih jew tiddistingwiha bl-istess mod bħal destinatarju ( 46 ).

110.

Hemm numru ta’ fatturi li “jindividwalizzaw” is-sitwazzjoni tal-Comune di Milano u għalhekk jagħmluh differenti minn kwalunkwe persuna oħra, billi jagħmluha simili għal dik ta’ destinatarju. L-enfasi għandha titqiegħed fuq is-sitwazzjoni fattwali li r-regolament ikkontestat u l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tiegħu qiegħdu fuq il-Comune di Milano.

111.

L-ewwel, l-ewwel premessa nnifisha tar-regolament ikkontestat tiddikjara li l-għażla ta’ Amsterdam bħala s-sede l-ġdida tal-EMA ssegwi mid-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri. Din il-permessa tinkorpora l-għan innifsu tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Irrispettivament jekk din id-deċiżjoni tipproduċix effetti ġuridiċi jew le, minn perspettiva fattwali, din id-deċiżjoni tifforma l-bażi li fuqha ġiet stabbilita s-sede tal-EMA. Għaldaqstant, minn perspettiva fattwali wkoll, ma jistax jiġi injorat li Milano kienet waħda mill-ibliet kandidati li kienet qiegħda tiġi kkunsidrata u waħda li rċeviet voti. Bħala tali, il-belt ta’ Milano, u b’mod iktar preċiż il-Comune di Milano, ma kienx jappartjeni biss għall-grupp magħluq, pjuttost limitat, ta’ bliet kandidati, iżda kienet iktar individwalizzata minħabba l-proċedura tal-għażla quddiem l-Istati Membri, fejn waslet fl-istadju finali bħala l-unika kompetitriċi diretta għal Amsterdam, u rat l-offerta tagħha tiġi miċħuda minħabba l-applikazzjoni tar-regoli dwar it-tlugħ bix-xorti.

112.

It-tieni, bħalma l-Kunsill indika fid-difiża tiegħu fil-Kawża C‑106/19, Milano ġiet diskussa wkoll bħala sede potenzjali tal-EMA matul il-proċedura leġiżlattiva, peress li ġew proposti diversi emendi (bla suċċess) matul il-proċeduri parlamentari ( 47 ).

113.

Bħala sommarju, il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tal-Istati Membri, kif ukoll il-proċedura leġiżlattiva li kkulminat fl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, jikxfu ċ-ċirkustanzi fattwali partikolari li jiddistingwu, u anki jindividwalizzaw, il-Comune di Milano. Dan il-komun, bħala l-inkorporazzjoni ġuridika ta’ waħda mill-ibliet kandidati, huwa kkonċernat individwalment mir-regolament, li jiddetermina d-destin taċ-ċansijiet tiegħu li jintgħażel bħala s-sede tal-EMA ( 48 ).

3. Interess ġuridiku

114.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jeħtieġ li l-annullament ta’ dan l-att jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali. Ir-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jikseb vantaġġ għall-parti li tkun ippreżentatu. Il-prova ta’ tali interess, li għandu jiġi evalwat fil-jum li fih jiġi ppreżentat ir-rikors u li jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u primordjali għal kull rikors ġudizzjarju, għandha titressaq mir-rikorrent ( 49 ).

115.

Fir-rikors tiegħu, il-Comune di Milano jsostni li huwa għandu interess ġuridiku. L-ewwel, jekk ir-rikors tagħha tirnexxi, il-belt ta’ Milano tista’ tikseb l-offerta għas-sede tal-EMA mingħajr ma tkun neċessarja proċedura tal-għażla ġdida. Fil-każ li jkun neċessarju li tali proċedura tiġi rrepetuta, l-offerta Taljana tkun dik bl-aqwa ċansijiet ta’ suċċess fid-dawl tal-kwalitajiet oġġettivi tagħha. Anki jekk is-sede tal-EMA ma tiġix allokata lill-belt ta’ Milano għal xi raġuni, Milano żżomm l-interess ġuridiku tagħha. Hija tista’ titlob li s-sitwazzjoni tagħha tiġi rrestawrata fil-forma ta’ kumpens ekonomiku. Hija tista’ tibbenefika wkoll jekk tkun il-kandidata f’offerti futuri għas-sede ta’ aġenziji jew organi oħra tal-Unjoni, peress li l-proċeduri tal-għażla ma jkunux affettwati mill-irregolaritajiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata f’dawn il-proċeduri. Finalment, il-Comune di Milano għandu interess ġuridiku minħabba l-impatt soċjoekonomiku u industrijali importanti tat-trasferiment tas-sede tal-EMA għat-territorju tiegħu.

116.

Il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-Comune di Milano ma għandux interess ġuridiku. L-ewwel, il-Kunsill u l-Parlament essenzjalment isostnu li s-suċċess tar-rikors tar-rikorrenti mhux neċessarjament ifisser li s-sede tal-EMA tiġi allokata f’Milano. Anki kieku r-Repubblika Taljana ddeċidiet li tippreżenta għal darba oħra lil Milano bħala l-belt kandidata tagħha, huwa impossibbli li jiġu previsti r-riżultati ta’ għażliet futuri. Kwalunkwe potenzjal ta’ inċidenza futura fi proċedura tal-għażla futura li ma hijiex ivvizzjata bl-illegalità huwa fil-fatt ipotetiku. Ma hemm ebda inċidenza diretta u attwali, iżda biss waħda potenzjali u indiretta. It-tieni, skont il-Kunsill, l-argument relatat mal-potenzjal ta’ talba għal kumpens għandu jiġi miċħud ukoll. Ir-regolament ikkontestat ma huwiex il-kawża tal-allegat dannu li sofra l-Comune di Milano. It-tielet, il-konsegwenzi relatati mal-interessi soċjoekonomiċi u industrijali ma humiex rilevanti peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi ppruvat interess ġuridiku. Ir-raba’, skont il-Parlament, ir-regolament ma jinterferixxix mal-awtonomija leġiżlattiva jew finanzjarja tar-rikorrenti. Lanqas ma jista’ jinvoka inċidenza personali bbażata fuq il-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura tal-għażla. Il-Comune di Milano ma għandux inċidenza personali li hija differenti minn dik tal-Istat Taljan.

117.

Jiena naqbel li, anki jekk bħala prinċipju, il-possibbiltà ta’ rikors għal kumpens hija biżżejjed sabiex tiġġustifika interess ġuridiku ( 50 ), dan ir-rikors ma jistax ikun sempliċiment ipotetiku. Il-Comune di Milano ma jistax sempliċiment jinvoka s-sempliċi possibbiltà li jippreżenta tali rikors mingħajr ma jippreżenta evidenza speċifika dwar l-impatti speċifiċi tal-allegata illegalità u n-natura tad-dannu ( 51 ).

118.

Madankollu, irrispettivament minn jekk jistax jiġi ppreżentat xi rikors futur potenzjali għal danni, fil-fehma tiegħi, il-Comune di Milano pprova l-interess ġuridiku tiegħu biżżejjed.

119.

Fil-każ li r-regolament ikkontestat jiġi annullat, huwa ċar li tinfetaħ mill-ġdid il-possibbiltà li tintgħażel belt oħra barra minn Amsterdam bħala s-sede tal-EMA. Dan jinkludi lil Milano, bħala waħda mill-kompetituri li kellhom l-iktar suċċess fil-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri.

120.

F’dan ir-rigward, minkejja li mwassla f’qasam differenti u speċifiku tad-dritt tal-Unjoni, ir-ratio legis bażiku wara l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huwa għal darba oħra applikabbli bis-sħiħ f’din il-kawża. Kompetitur għandu interess ġuridiku sa fejn l-annullament tal-att ikkontestat ikun ifisser ftuħ mill-ġdid tal-proċedura tal-għażla, u l-possibbiltà għar-rikorrenti li tippreżenta rikors ġdid ( 52 ). L-inċidenza tista’ teżisti wkoll fejn il-kompetitur ikun tilef kull ċans li jikseb suċċess fis-sejħa għal offerti peress li hu jew hi jkunu potenzjalment sejrin jibbenefikaw fil-futur minn proċeduri “ħielsa minn żbalji” tal-istess tip ( 53 ). Ir-ratio legis li tiġi evitata illegalità futura fil-fatt imur lil hinn mill-qafas speċifiku tal-ġurisprudenza dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 54 ). Għal darba oħra, minkejja li l-proċedura tal-għażla kkontestata kienet speċifika ħafna u sui generis fin-natura, x’loġika oħra hemm fi ħdan dan il-kuntest speċifiku, li, bil-ħsieb tal-ħallieqa tagħha, tixbah ħafna dik ta’ sejħa għal offerti?

121.

Finalment, il-fatt li l-Gvern Taljan ippreżenta rikors indipendenti huwa immaterjali. Kif ġie stabbilit bil-ġurisprudenza, il-fatt li Stat Membru u waħda mill-entitajiet tiegħu t-tnejn għandhom interess ġuridiku kontra l-istess miżura ma jfissirx li l-interess ġuridiku tal-entità ma kienx biżżejjed sabiex jagħmel inammissibbli rikors għal annullament ibbażat fuq ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 55 ).

122.

Fil-qosor, nikkunsidra li l-Comune di Milano għandu locus standi sabiex jikkontesta r-regolament ikkontestat u interess ġuridiku sabiex jagħmel dan. Jiena ferm konxju li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija stretta f’termini ta’ locus standi għal rikorrenti mhux ipprivileġġjati skont ir-raba’ paragrafu tal-Aritkolu 263 TFUE. Filwaqt li din il-ġurisprudenza hija ċertament eżiġenti, hija madankollu ma għandhiex tiddaħħal fid-dinja tal-assurd u għalhekk tal-inġust. Fuq xi livell bażiku ta’ intuwizzjoni, qabel ma l-kwistjoni ma tiġi mċajpra minn valanga ta’ ġurisprudenza mimlija dettall dwar għaliex ħadd ma jista’ jikkontesta xejn direttament quddiem il-Qrati tal-Unjoni, il-kwistjoni ta’ locus standi tal-Comune di Milano hija fil-fatt pjuttost sempliċi: f’ċirkustanzi partikolari u rari ħafna bħal dawn, din il-belt b’mod ċar hija kkonċernata mill-fatt li hija ma ntgħażlitx.

123.

F’dan ir-rigward, dejjem sibt utli ħafna li okkażjonalment nivverifika s-soluzzjonijiet ġuridiċi li qiegħed nikkontempla ma’ persuni normali: jiġifieri mhux avukati tal-Unjoni, idealment lanqas biss avukati. Tista’ tissejjaħ verifika tar-realtà. Jiena kapaċi nispjega ċerti ideat u proposti ġuridiċi lil bnedmin intelliġenti? Jekk ma jiniex, x’aktarx li dawn l-ideat ma humiex kapaċi jikkonvinċu. Jew inkella huma sempliċiment ħżiena. Jiena nikkunsidraha pjuttost diffiċli biex nispjega (u niġġustifika), fi ħdan kuntest bħal dan, il-proposta li xi ħadd li pparteċipa fi proċedura (magħluqa) tal-għażla li iżda ma ntgħażilx ma huwiex ikkonċernat bl-eżitu ta’ din il-proċedura tal-għażla, u ma għandu ebda interess ġuridiku sabiex jikkontestaha. Dan anki qabel ma nżid li jekk dan il-kompetitur ma għandux locus standi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, realistikament hu jew hi ma jistgħu jmorru mkien iktar.

B.   Merti

124.

F’termini tal-merti, dawn il-kawżi huma estremament kumplessi, iżda fl-istess ħin possibbilment pjuttost ċari.

125.

Fuq spezzjoni inizjali, numru mill-argumenti mressqa mill-partijiet f’dawn il-kawżi huma sempliċiment imħawda, billi jammontaw għal xejn inqas minn akrobaziji ġuridiċi avvanzati. Stat Membru u entità lokali qegħdin ifittxu l-protezzjoni tal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew f’kawża speċifika, apparentament kontra r-rieda ta’ dan l-istess Parlament, filwaqt li fi proċeduri paralleli dan l-organu qiegħed jinsisti fuq il-ħarsien ta’ dawn l-istess prerogattivi. Stat Membru qiegħed jallega li l-Istati Membri ma għandhomx il-kompetenza sabiex jieħdu deċiżjoni dwar is-sede ta’ aġenziji, iżda preċedentement u apparentament sussegwentement kien lest jipparteċipa preċiżament f’dawn il-proċeduri tal-għażla. Il-Kunsill, min-naħa tiegħu, isostni li d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri dwar is-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni adottata skont l-Artikolu 341 TFUE hija vinkolanti fuq kulħadd, mingħajr ma ħadd ma attwalment ġie sussegwentement limitat fil-poteri leġiżlattivi tiegħu, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ fejn eżattament għandha tiġi solvuta din il-kwistjoni.

126.

Hemm diversi raġunijiet dwar għaliex il-fehmiet argumentattivi differenti huma interessanti. Dan il-kontenzjuż jgħaqqad ħames kawżi differenti li fi ħdanhom atturi differenti qegħdin ifittxu interessi pjuttost speċifiċi. Hemm ukoll kumplessità sinjifikattiva bħala riżultat tar-rabta, ċertament f’termini fattwali u fil-prattika istituzzjonali passata, bejn id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-“implimentazzjoni” sussegwenti tagħha fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. F’seduti bħal dawn, huwa fil-fatt impossibbli li tiġi sostnuta fehma ġenerali koerenti matul il-kawżi kollha, u li jiġu magħquda t-tipi differenti ta’ prattika fil-passat mal-istabbiliment kostituzzjonali attwali, filwaqt li jiġi żgurat ukoll li kollox jidħol tajjeb flimkien f’armonija perfetta.

127.

Madankollu, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha taqbel mas-soluzzjoni proposta, indikata fil-konklużjonijiet paralleli tiegħi f’EMA 1/ELA, għall-kwistjoni (upstream) kruċjali rigward in-natura ġuridika tad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, li stabbilixxew il-preferenzi tagħhom dwar fejn għandha tkun is-sede ta’ aġenzija ġdida tal-Unjoni, mela s-soluzzjoni għall-kwistjonijiet (downstream), miġjuba b’dawn il-kawżi magħquda, dwar att tad-dritt tal-Unjoni, ma kellhiex tkun daqshekk diffiċli. Billi nibbaża ruħi fuq din il-preżunzjoni, fit-taqsima segwenti, sejjer nissuġġerixxi li l-motiv li jallega ksur tal-prerogattivi tal-Parlament (1), u dak li jallega li l-proċedura interna (leġiżlattiva ordinarja) tal-Unjoni essenzjalment ġiet ivvizzjata bl-assoċjazzjoni tagħha mad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri (2), ma jistgħux jirnexxu fil-fehma tiegħi.

1. L-ewwel motivi fil-Kawża C‑106/19 u fil-Kawża C‑232/19: l-allegat ksur tal-prerogattivi tal-Parlament.

128.

Bħala l-ewwel motiv tiegħu fil-Kawża C‑106/19, il-Gvern Taljan qiegħed jallega ksur tal-Artikoli 10, 13, 14(1) TUE u tal-Artikoli 114, 168(4)(c), 289 u 294 TFUE. Dawn l-argumenti huma rrepetuti fl-ewwel motiv tal-Comune di Milano fil-Kawża C‑232/19. Dawn l-argumenti, li sejrin jiġu ttrattati flimkien, jissuġġerixxu essenzjalment li r-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur ġie mnaqqas fil-proċess li wassal għall-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA.

129.

Jiena nikkunsidra li huwa neċessarju li nibda l-ewwel billi ninnota li, b’differenza mill-Kawżi Magħquda C‑59/18 u C‑182/18, dawn il-kawżi ma jqajmu ebda kwistjoni dwar jekk ir-regolament ikkontestat huwiex att li l-legalità tiegħu tista’ tiġi mistħarrġa skont l-Artikolu 263 TFUE. Ir-regolament ikkontestat ġie adottat permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont l-Artikolu 294 TFUE u għaldaqstant jikkostitwixxi att leġiżlattiv ( 56 ).

130.

It-tieni, l-argumenti tal-Gvern Taljan u tal-Comune di Milano, li jsostnu li l-Parlament ġie eskluż mill-proċess tal-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA, jidhru li huma bbażati fuq il-premessa li hemm rabta ġuridikament vinkolanti bejn id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri u r-regolament ikkontestat. Din il-premessa tikkonsisti fil-preżentazzjoni ta’ din tal-ewwel bħala sors vinkolanti għat-tieni waħda f’termini tal-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA.

131.

Bħall-fehmiet espressi mill-Parlament u l-Kummissjoni f’dawn il-proċeduri, jiena nikkunsidra din il-premessa bħala skorretta. Kif ġie spjegat fid-dettall fil-konklużjonijiet paralleli tiegħi f’EMA 1/ELA ( 57 ), id-deċiżjoni politika tar-rappreżentanti tal-Istati Membri ġiet adottata fuq il-bażi tar-regoli proċedurali speċifiċi maqbula minn dawn l-Istati Membri lil hinn mis-sistema tad-dritt tal-Unjoni. Filwaqt li huwa minnu li dawn ir-regoli attribwixxew rwol speċifiku lill-Kummissjoni, dawn ma attribwixxew ebda rwol lill-Parlament.

132.

Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-Parlament ma kienx involut fi proċedura li wasslet għad-deċiżjoni politika – u bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni mhux vinkolanti – tal-Istati Membri dwar is-sede l-ġdida tal-EMA, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ksur jew evitar tal-prerogattivi tal-Parlament bħala koleġiżlatur ugwali.

133.

It-tielet, u bħalma l-Kummissjoni ġustament tfakkar fin-nota ta’ intervent tagħha fil-Kawża C‑232/19, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, li “huma esklużivament [il-Parlament u l-Kunsill] li għandhom jiddeterminaw il-kontenut ta’ att leġiżlattiv” fl-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva tagħhom “rriżervata […] fl-Artikolu 14(1) TUE u fl-Artikolu 16(1) TUE” […]” ( 58 ).

134.

Kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tal-Kunsill, magħmula fit-tweġiba tiegħu għan-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni, ma nikkunsidrax li r-rilevanza ta’ din il-ġurisprudenza hija limitata għal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew. Ir-rwol tal-Kunsill Ewropew huwa fil-fatt deskritt fl-Artikolu 15 TUE. Madankollu, dan ma jistax loġikament ikun il-każ ta’ proċedura stabbilita mill-Istati Membri bejniethom li tibqa’ ’l barra mill-istruttura tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li ma tistax tipproduċi xi effetti ġuridiċi fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dak li għandhom komuni s-sitwazzjoni inkwistjoni f’Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill u din huwa li deċiżjoni politika meħuda barra mill-proċedura leġiżlattiva ma tistax tippreċediha fir-rigward tal-eżitu speċifiku tagħha.

135.

Huwa fid-dawl ta’ dan il-kuntest, meħud bħala l-punt ta’ tluq, li għandha tiġi mistħarrġa l-legalità tar-regolament ikkontestat. Hekk, l-istandard tal-istħarriġ huwa neċessarjament ċirkoskritt min-natura tad-diskrezzjoni politika eżerċitata minn istituzzjoni tal-Unjoni bħall-Parlament ( 59 ).

136.

Rigward il-proċedura leġiżlattiva ordinarja li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, infakkar li l-Parlament igawdi drittijiet proċedurali li joriġinaw mill-istatus tiegħu bħala koleġiżlatur li jqiegħdu fuq livell ugwali mal-Kunsill, kif previst mill-Artikolu 294 TFUE. Dawn id-drittijiet proċedurali, li jistgħu jiġu eżerċitati waqt il-qari rispettiv jew fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, effettivament jipprovdu lill-Parlament bil-possibbiltà mhux biss li jinfluwenza, iżda li jifforma b’mod konġunt l-eżitu tal-proċess leġiżlattiv. Jekk hemm bżonn, il-Parlament jista’ anki jiċħad l-att leġiżlattiv propost.

137.

Għalhekk, kieku l-Parlament ma qabilx mad-deċiżjoni taċ-ċaqliq tas-sede tal-EMA lejn Amsterdam, huwa kellu l-possibbiltà li jipprevjeni d-deċiżjoni politika meħuda preċedentement mill-Istati Membri, u proposta mill-Kummissjoni, milli tiġi stabbilita fil-kontenut ta’ att leġiżlattiv vinkolanti tad-dritt l-Unjoni. Madankollu, dan b’mod ċar ma kienx il-każ matul il-proċedura leġiżlattiva ordinarja li seħħet f’dawn il-kawżi, kif indikat mill-Parlament stess.

138.

L-ewwel, il-Parlament iddiskuta l-abbozz tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ( 60 ) fil-proċediment tiegħu fit‑12 sal‑15 ta’ Marzu 2018. Huwa adotta numru ta’ emendi, waqt li ma esprima ebda nuqqas ta’ qbil mad-deċiżjoni li l-EMA għandu jkollha s-sede tagħha f’Amsterdam ( 61 ). Qabel dan, u kif il-Kunsill isemmi fil-Kawża C‑106/19, ġew proposti emendi fil-kumitat rispettiv li jissuġġerixxu li s-sede l-ġdida tal-EMA għandha tkun f’Milano ( 62 ). Il-ġustifikazzjoni ta’ waħda minn dawn l-emendi semmiet li “[m]inn għadd ta’ sorsi uffiċjali u tal-istampa jidher li sa Marzu 2019 mhux ser tkun disponibbli sede xierqa, anke jekk temporanja, f’Amsterdam għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini. Għaldaqstant jitqies li, attwalment, id-Deċiżjoni tal-Kunsill [sic] ma tistax tiġi implimentata. Milan, b’sede disponibbli, kompletament adegwata u operattiva immedjatament tippermetti li jiġu inkonvenjenzi, spejjeż addizzjonali u riperkussjonijiet fuq id-dritt għassaħħa taċ-ċittadini u tiżgura l-kontinwità tal-ħidma.” ( 63 ) Madankollu, il-Parlament ma żammx dawn is-suġġerimenti ( 64 ).

139.

It-tieni, l-emendi tal-Parlament ġew sottomessi lill-Kunsill ( 65 ). Segwew negozjati informali bejn il-Kunsill u l-Parlament, li matulhom ġew aċċettati diversi punti mqajma mit-tieni wieħed, kif jidher mit-test finali tar-regolament ikkontestat li ż-żewġ koleġiżlaturi qablu fuqu fis‑16 ta’ Ottubru 2018 ( 66 ).

140.

It-tielet, il-Parlament ivvota fuq l-abbozz tal-att leġiżlattiv fil‑25 ta’ Ottubru 2018, billi ħa inkunsiderazzjoni numru ta’ skambji informali li kienu seħħew bejn il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni bl-intenzjoni li jintlaħaq ftehim dwar il-kwistjoni fl-ewwel qari, u għalhekk jiġi evitat il-bżonn għal tieni qari jew konċiljazzjoni ( 67 ).

141.

Finalment, ir-regolament ikkontestat ġie adottat fl‑14 ta’ Novembru 2018 u ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fis‑16 ta’ Novembru 2018 ( 68 ).

142.

Fid-dawl tad-dettalji tal-proċess leġiżlattiv deskritt iktar ’il fuq, li wassal għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, insibha diffiċli nifhem kif ir-rwol tal-Parlament ġie ridott għal wieħed purament formali.

143.

Għal darba oħra, kieku l-Parlament xtaq jesprimi n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-għażla ta’ Amsterdam bħala s-sede l-ġdida tal-EMA, huwa kellu numru ta’ opportunitajiet formali u informali sabiex jagħmel dan. Madankollu, il-proċedura leġiżlattiva tikxef li ħafna mill-emendi tal-Parlament ġew fil-fatt aċċettati mill-Kunsill u sabu ruħhom fit-test finali tar-regolament ikkontestat. Madankollu, is-sede nnifisha qatt ma ġiet ikkontestata mill-Parlament matul il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

144.

Fil-fehma tiegħi, huwa biss fid-dawl ta’ dan il-kuntest ġenerali li wieħed jista’ jevalwa b’mod xieraq id-“dispjaċir” espress mill-Parlament fl-anness għar-reżoluzzjoni tiegħu tal‑25 ta’ Ottubru 2018 ( 69 ). Fil-fatt, f’dik l-okkażjoni, il-Parlament innota li r-rwol tiegħu ta’ koleġiżlatur “ma ġiex ikkunsidrat peress li ma ġiex involut fil-proċedura li twassal għall-għażla tas-sede l-ġdida tal-[EMA]” ( 70 ).

145.

Madankollu, l-ewwel, din id-dikjarazzjoni għandha tinftiehem bħala relatata mal-proċess tal-għażla li jseħħ fil-laqgħa tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, li seħħ qabel il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li l-Parlament ma kienx assoċjat miegħu minħabba li l-Istati Membri ma xtaqux dan minn din l-istituzzjoni. Il-fatt li l-Istati Membri ma xtaqux jassoċjaw lill-Parlament ma jistax minnu nnifsu jammonta għal ksur tal-prerogattivi tal-Parlament peress li, fir-rigward ta’ dak li jseħħ barra mis-sistema ġuridika tal-Unjoni, il-Parlament ma jgawdi ebda prerogattivi ta’ kodeċiżjoni previsti mit-Trattati.

146.

It-tieni, fir-rigward tar-riperkussjonijiet ta’ deċiżjoni li diġà ttieħdet mill-Istati Membri barra mis-sistema tat-Trattati, huwa fil-fatt kompletament possibbli li tinftiehem ix-xewqa tal-Parlament, espressa fir-riżoluzzjoni msemmija iktar ’il fuq, għal involviment fil-proċess informali li ppreċeda dak leġiżlattiv ordinarju, speċjalment jekk diġà kellha sseħħ deċiżjoni dwar is-sede ta’ aġenzija hemm.

147.

Madankollu, ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li taġixxi fuq dispjaċir politiku dwar il-passat, lanqas xewqat għall-futur. Il-konklużjoni tibqa’ li l-Parlament kellu l-opportunità jgħid x’jaħseb dwar il-kwistjoni fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Huwa madankollu ddeċieda, għal xi raġuni, li ma jikkontestax l-għażla tas-sede magħmula preċedentement mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, u li ma jiddefendix il-pożizzjoni tiegħu f’din l-okkażjoni ( 71 ). Il-verità hija li, dawn l-għażliet huma sempliċiment kwistjoni ta’ opportunità politika, senjaletika u strateġija, mingħajr xejn li jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju.

148.

Dan jidher li huwa kkonfermat mill-pożizzjoni adottata mill-Parlament fil-Kawża C‑232/19. Il-Parlament fil-fatt isostni li l-kontenut tar-regolament ikkontestat ġie adottat indipendentement mid-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, fi proċedura fejn il-Parlament qeda r-rwol awtonomu tiegħu bħala koleġiżlatur, billi eżerċita d-diskrezzjoni tiegħu, u mingħajr ma kien marbut fi kwalunkwe mument mill-għażla politika magħmula mill-Istati Membri.

149.

Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi indikat li l-Gvern Taljan u l-Comune di Milano) ma allegawx li l-Parlament naqas milli jeżerċita d-diskrezzjoni koleġiżlattiva tiegħu sal-punt li jirriżulta ksur tal-istandards meħtieġa. Jista’ jiġi mfakkar għal darba oħra li d-diskrezzjoni wiesgħa li jgawdu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat leġiżlattivi tagħhom hija, bħala prinċipju, suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju limitat, bl-għan tad-determinazzjoni, inter alia, tas-suffiċjenza tal-motivazzjoni tagħha u l-assenza ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni manifesti ( 72 ).

150.

F’dan ir-rigward, il-preambolu tar-regolament ikkontestat jagħmel riferiment għall-kuntest maħluq mid-deċiżjoni tar-Renju Unit li jirtira mill-Unjoni u d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal‑20 ta’ Novembru 2017 (l-ewwel premessa), u l-bżonn li “jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Aġenzija fil-post il-ġdid tagħha” jew “[i]l-funzjonament bla interruzzjoni tal-Aġenzija matul u wara r-rilokazzjoni” (it-tielet u r-raba’ premessa). Hija tirrikonoxxi wkoll l-eżistenza tas-“sitwazzjoni straordinarja” (ir-raba’ premessa) kif ukoll l-“urġenza” tagħha (is-sitt premessa).

151.

Minkejja li pjuttost konċiżi, dawn id-dikjarazzjonijiet ċertament jipprovdu raġunijiet plawżibbli u suffiċjenti, fid-dawl tal-istandard ta’ stħarriġ, għalfejn il-belt ta’ Amsterdam intgħażlet bħala s-sede l-ġdida tal-EMA mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

152.

Fid-dawl tal-preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel motiv tar-rikors fil-Kawża C‑106/19 u l-ewwel motiv tar-rikors fil-Kawża C‑232/19.

2. It-tieni motiv fil-Kawża C‑106/19 dwar l-illegalità tar-regolament ikkontestat riżultanti mill-illegalità tad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri u t-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi fil-Kawża C‑232/19

153.

It-tieni motiv tar-rikors ippreżentat mill-Gvern Taljan fil-Kawża C‑106/19, kif ukoll it-tieni sar-raba’ motiv fil-Kawża C‑232/19, jikkonsistu f’allegazzjoni li l-illegalità tar-regolament ikkontestat tirriżulta mill-illegalità inizjali tad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri. Dawn l-argumenti fil-fatt iqajmu l-argument tal-“frott tas-siġra velenuża”: peress li d-deċiżjoni inizjali tar-rappreżentanti tal-Istati Membri ġiet adottata illegalment, l-għażla tas-sede tal-EMA, sussegwentement stabbilita fir-regolament ikkontestat, naturalment kienet ivvizzjata mill-istess nuqqas.

154.

Għandhom jingħataw żewġ tweġibiet bħala tweġiba għal dawn l-argumenti.

155.

L-ewwel, peress li l-Parlament ma kellu ebda rwol x’jaqdi fl-istadju informali tal-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA, mela l-prerogattivi tal-Parlament ma setgħux jiġu miksura f’dan l-istadju informali. Dawn il-prerogattivi lanqas ma ġew miksura matul il-proċedura leġiżlattiva ordinarja li ppreċediet l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat għar-raġunijiet li ġew spjegati diġà fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

156.

It-tieni, id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri dwar is-sede ta’ aġenzija, li ma taqax taħt l-Artikolu 341 TFUE u għaldaqstant ma tistax tkun ibbażata fuqu, ma hijiex att kontestabbli skont l-Artikolu 263 TFUE. Tali att, magħmul mill-Istati Membri, ma għandu ebda effetti ġuridiċi vinkolanti fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Bħala tali, l-istituzzjonijiet li jieħdu sehem fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja li tikkonċerna l-għażla ta’ aġenzija jistgħu naturalment jinjoraw b’mod ħieles xewqa politika mhux vinkolanti bħal din fir-rigward tal-post tas-sede l-ġdida ta’ aġenzija. Madankollu, dan ma jfissirx li n-nuqqasijiet possibbli ta’ dan l-att (mhux vinkolanti) ma jistgħux jaffettwaw il-legalità tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja li hija indipendenti minnha.

157.

Fil-qosor, peress li ma hijiex vinkolanti, il-loġika ta’ “illegalità b’assoċjazzjoni”, sostnuta taħt dan it-titolu mill-Gvern Taljan u l-Comune di Milano, sempliċiment ma taħdimx. Barra minn hekk, mill-bqija, it-tieni motiv fil-Kawża C‑106/19 u t-tieni sar-raba’ motivi fil-Kawża C‑232/19 huma fil-fatt intiżi kontra deċiżjoni tal-Istati Membri li taqa’ barra mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

158.

Għalhekk, fid-dawl tal-preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni motiv fil-Kawża C‑106/19, kif ukoll it-tieni sar-raba’ motivi fil-Kawża C‑232/19.

159.

Bħala konklużjoni, nixtieq inżid li wieħed jista’ jifhem in-nuqqas ta’ sodisfazzjoni ta’ offerent tellief f’kompetizzjoni li, filwaqt li tibda bħala kompetizzjoni bbażata fuq il-merti b’lista ddefinita ta’ kriterji li fuqhom sejrin jiġu evalwati l-kompetituri, tispiċċa b’deċiżjoni li finalment tiddependi sempliċiment fuq ix-xorti permezz tat-tlugħ tax-xorti.

160.

Madankollu, f’termini strutturali, u sabiex inżid iktar dettall mal-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet, jista’ fil-fatt ikun hemm ċirkustanzi li fihom l-eżitu li ma jistax jiġi mistħarreġ permezz tat-tlugħ tax-xorti fil-fatt jagħmel ħafna sens, inkluż fit-teħid ta’ deċiżjonijiet legali. Dan b’mod partikolari fl-interess li ssir deċiżjoni (ekonomika) bejn, dak li f’dan l-istadju x’aktarx ikunu, kandidati ugwalment plawżibbli. Hemm differenza naturali fil-loġika tat-tlugħ tax-xorti bħala l-kriterju tal-għażla uniku (fejn il-mertu ma jgħoddx, ikun sempliċiment riżultat tax-xorti), kuntrarjament għat-tlugħ tax-xorti fit-tmiem ta’ proċess ta’ għażla bbażat fuq il-merti, fejn is-sitwazzjoni ipotetika hija dik li hemm biss ftit kandidati ndaqs, li kollha huma ftit jew wisq ugwali fil-merti (u ma hemmx xewqa partikolari li jitqattgħu l-ġranet segwenti magħluqa fil-Kappella Sistina, fejn jagħmlu votazzjonijiet suċċessivi sakemm joħroġ duħħan abjad).

161.

Madankollu, meta ġew stabbiliti r-regoli għall-għażla kkontestata, ir-Repubblika Taljana, kif ukoll l-Istati Membri l-oħra kollha li qablu ma’ dawn ir-regoli, kien wara “velu ta’ injoranza” kważi perfett dwar ir-riżultat tal-proċess tal-għażla. Fil-fatt, ftit hemm dubju li dawn l-Istati Membri kienu qegħdin jaqblu mar-regoli fl-astratt, mingħajr ma kienu konxji li iktar ’il quddiem dawn ir-regoli attwalment kienu sejrin jiġu applikati għall-benefiċċju jew detriment tagħhom. Jekk il-filosofija politika għandha titwemmen dwar dan il-punt, ir-regoli maqbula b’dan il-mod huma b’definizzjoni iktar ġusti minn kwalunkwe regoli oħra ( 73 ).

162.

Dan ma jfissirx li l-proċedura tal-għażla konkreta kienet perfetta. Dan pjuttost huwa biex jiġi ssuġġerit li jekk, b’mod iktar ġenerali, attwalment, ir-Repubblika Taljana, u/jew kwalunkwe Stati Membri oħra, u fid-dawl tal-kompetenza tal-Unjoni li tiddeċiedi dwar is-sede ta’ aġenzija, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ma jibqgħux jemmnu li, fid-dawl tal-għanijiet u interessi ddikjarati, tali regoli huma xierqa, mela dawn huma naturalment ħielsa sabiex jaħsbuhom (b’mod konġunt) b’mod aħjar għall-futur.

C. Spejjeż

163.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

164.

Fil-livell formali, huwa minnu li f’dawn il-kawżi, il-Comune di Milano u r-Repubblika Taljana tilfu l-kawża sa fejn ġie stabbilit li l-motivi mmirati kontra r-regolament ikkontestat huma infondati u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni fuq dawk il-motivi fil-Kawża C‑232/19 li huma mmirati kontra d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri.

165.

Madankollu, fid-dawl tal-fatti li (i) dan kien kontenzjuż kumpless, intrinsikament istituzzjonali, li kkonċerna kawżi preċedenti daqskemm ikkonċerna l-kjarifikazzjoni tar-regoli għall-futur; (ii) l-eżitu ta’ dawn il-kawżi magħquda effettivament sar marbut mal-eżitu ta’ sensiela ta’ kawżi magħquda oħra, li fil-kuntest tagħhom ġiet effettivament ipprovduta d-dikjarazzjoni mitluba mill-Comune di Milano f’din il-proċedura; u (iii) il-Qorti tal-Ġustizzja għaqqdet dawn il-kawżi u żammet seduta komuni mal-Kawżi C‑59/18, C‑182/18 u C‑743/19, li warajha jista’ jkun eżerċizzju pjuttost kumpless li jiġu indikati b’mod retroattiv l-ispejjeż eżatti għal kull kawża individwali, nikkunsidra li jkun iktar ġust u ekwu li jiġi applikat b’mod eċċezzjonali l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura u li l-partijiet (kollha) jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom.

D. Konklużjoni

166.

Fil-Kawża C‑106/19, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

Tiċħad ir-rikors;

Tikkundanna li-Repubblika Taljana, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għall-ispejjeż tagħhom;

Tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tagħhom.

167.

Fil-Kawża C‑232/19, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

Tiċħad ir-rikors;

Tiddeċiedi li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ r-rikors sa fejn dan jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri adottata fl‑20 ta’ Novembru 2017 fil-marġni ta’ laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar it-tqegħid tas-sede l-ġdida tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini f’Amsterdam ma għandhiex effetti ġuridiċi;

Tikkundanna lill-Comune di Milano, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għall-ispejjeż tagħhom.

Tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Duxbury, N., Random Justice: On Lotteries and Legal Decision-Making, Clarendon Press, Oxford, 1999, b’mod partikolari p. 5 u 14.

( 3 ) Filwaqt li għamlu dan indirettament, bis-sottomissjonijiet tal-Comune di Milano b’mod partikolari jsostnu li l-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA li twettqet b’dan il-mod kienet ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter, ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ekwità.

( 4 ) Konklużjonijiet f’L‑Italja u Comune di Milano vs Il‑Kunsill (Sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini) u Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (Sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol) (Kawżi Magħquda C‑59/18 u C‑182/18, u Kawża C‑743/19) (iktar ’il quddiem L-“EMA 1/ELA”, mogħtija fl-istess ġurnata ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 5 ) Regolament (UE) 2018/1718 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU 2018, L 291, p. 3).

( 6 ) Dokument P8_TA(2018)0427, Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal‑25 ta’ Ottubru 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (COM(2017)0735–C8-0421/20172017/0328(COD))

( 7 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 151.

( 8 ) Id-Deċiżjoni meħuda bi ftehim komuni bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-istati membri, li qed jiltaqgħu fuq livell ta’ kap ta’ stat u gvern, fuq il-post tas-sede ta’ ċerti korpi u dipartimenti tal-komunitajiet ewropej u l-europol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 229).

( 9 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 229.

( 10 ) Dokument tal-Kunsill XT 21045/17 – Proċedura li twassal għal deċiżjoni dwar ir-rilokazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u tal-Awtorità Bankarja Ewropea fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

( 11 ) Dokument tal-Kunsill 14559/17 – Eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill (Laqgħa tal-Kunsill 3579, Affarijiet Ġenerali (Artikolu 50)).

( 12 ) Komunikat Stampa tal‑20 ta’ Novembru 2017, “L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini ser tiġi rilokata f’Amsterdam, in-Netherlands” – https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/11/20/european-medicines-agency-to-be-relocated-to-city-country/

( 13 ) Ara l-aħħar sentenza tal-punt 1 tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (COM/2017/0735 final).

( 14 ) Ara l-Artikolu 71a tar-Regolament Nru 726/2004, kif emendat mill-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2018/1718 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 (ĠU 2018, L 291, p. 3).

( 15 ) Għall-kompletezza, għandu jiġi rrikonoxxut li, qabel ma ttratta fid-dettall iż-żewġ motivi invokati, il-Gvern Taljan, anki fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri li jikkontestaw il-legalità tar-regolament ikkontestat, jistabbilixxi l-fehma tiegħu dwar għalfejn id-deċiżjoni fuq is-sede tal-aġenziji hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni u mhux waħda tal-Istati Membri. Dawn l-argumenti huma, madankollu, indirizzati fid-dettall fil-konklużjonijiet paralleli tiegħi f’EMA 1/ELA (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), li l-Gvern Taljan ipparteċipa u nstema’ bis-sħiħ fihom. Għaldaqstant, nillimita d-dikjarazzjoni mill-ġdid tal-fehma tal-Gvern Taljan għall-għanijiet tal-konklużjonijiet attwali għal tnejn biss mill-motivi invokati speċifikament fir-rigward tar-regolament ikkontestat.

( 16 ) Deċiżjoni meħuda bi Ftehim Komuni bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tat‑13 ta’ Ġunju 2019 dwar il-post tas-sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ĠU 2019, L 189, p. 68). Id-deċiżjoni dwar is-sede tal-ELA ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU 2019, L 186, p. 21).

( 17 ) Ir-rikors kien inizjalment ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawża T‑75/19). Fit‑13 ta’ Marzu 2019, il-Qorti Ġenerali, iddeċidiet, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 128 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiċħad il-ġurisdizzjoni favur il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar dan ir-rikors fid-dawl tal-fatt li, fil-Kawża T‑75/19, tqajmet il-kwistjoni tal-validità tal-istess att bħal fil-Kawża C‑106/19 (Digriet tat‑13 ta’ Marzu 2019, Comune di Milano vs Il‑Parlament u Il‑KunsillT‑75/19, mhux ippubblikat, EU:T:2019:163).

( 18 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tal‑1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (2009/937/UE) (ĠU 2009, L 325, p. 35).

( 19 ) Il-kwotazzjonijiet ġew miżjuda minni. Isegwi mill-Anness 5 għar-rikors tal-Comune di Milano li din il-parti qiegħda tagħmel riferiment għan-nota tal-Kunsill tal‑31 ta’ Ottubru 2017, Dokument tal-Kunsill XT 21092/17 – Proċedura li twassal għal deċiżjoni dwar ir-rilokazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u tal-Awtorità Bankarja Ewropea fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, li tissupplimenta r-regoli tal-għażla dwar mistoqsijiet prattiċi rigward il-votazzjoni (Dokument tal-Kunsill XT 21045/17, iċċitat iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 10).

( 20 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tal‑1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (2009/937/UE) (ĠU 2009, L 325, p. 35 u rettifiki fil-ĠU 2010, L 55, p. 83, ĠU 2010, L 175, p. 38, ĠU 2017, L 44, p. 8).

( 21 ) Ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Digriet tad‑9 ta’ Lulju 2013, Regione Puglia vs Il‑Kummissjoni (C‑586/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:459, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Digriet tat‑12 ta’ Ottubru 2011, GS vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑149/11, mhux ippubblikat, EU:T:2011:590, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Bl-istess mod li “effett dirett” ma jammontax għal “inċidenza diretta” fir-rigward tal-locus standi għall-kontestazzjoni tad-direttivi – ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Nordstream 2 AG vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, punti 35 sa 46).

( 26 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il‑Kummissjoni (26/76, EU:C:1977:167, punt 4), jew tal‑15 ta’ Diċembru 1988, Irish Cement vs Il‑Kummissjoni (166/86 u 220/86, EU:C:1988:549, punt 16).

( 27 ) Konklużjonijiet tiegħi f’EMA 1/ELA, punti 164 sa 176.

( 28 ) Ara, għal sistemizzazzjoni tal-ġurisprudenza rigward il-locus standi ta’ kompetituri f’dawn l-oqsma, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, Distillerie Bonollo et vs Il‑Kunsill (T‑431/12, EU:T:2018:251, punti 54 sa 59).

( 29 ) Il-pożizzjoni kompetittiva fis-suq ġiet ikkunsidrata bħala element fattwali f’ċerti istanzi. Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott f’Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:21, punt 71), u s-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, Distillerie Bonollo et vs Il‑Kunsill (T‑431/12, EU:T:2018:251, punt 52).

( 30 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 47).

( 31 ) Ara, għal eżempju reċenti, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2021, Sophia Group vs Il‑Parlament (T‑578/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:77). Ara wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2013, Nexans France vs Joint Undertaking Fusion for Energy (T‑415/10, EU:T:2013:141, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara, pereżemju, l-Artikolu 170 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).

( 33 ) Sentenza tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punti 29 sa 31).

( 34 ) F’din il-kawża, il-belt ta’ Londra tkun f’pożizzjoni simili bħal Amsterdan stess, sa fejn in-nazzjonalità hija irrilevanti għall-għanijiet ta’ locus standi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, anki fir-rigward tal-locus standi ta’ Stati terzi (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill, C‑872/19 P, EU:C:2021:507). Ir-raġunament żviluppat fil-paragrafi 40 sa 53 ta’ din is-sentenza huwa applikabbli b’mod sħiħ għall-entitajiet territorjali ta’ Stati terzi.

( 35 ) Ma hemmx dubju li l-ġurisprudenza li tikkonċerna l-fondi tal-Unjoni ma hijiex, għal din ir-raġuni, applikabbli bl-istess mod f’dan ir-rigward. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni (C‑15/06 P, EU:C:2007:183).

( 36 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1365/75 tas‑26 ta’ Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta’ Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 181), li ppreveda li “[i]s-sede tal-Fondazzjoni għandu jkun l-Irlanda”. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fuq livell ta’ Kap ta’ Stat u Gvern fid‑29 ta’ Ottubru 1993, iddeċidew li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandu jkollu s-sede tiegħu fi Spanja, f’belt magħżula mill-Gvern Spanjol – Deċiżjoni meħuda bi ftehim komuni bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, li qed jiltaqgħu fuq livell ta’ Kap ta’ Stat u Gvern, fuq il-post tas-sede ta’ ċerti korpi u dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej u l-Europol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 229).

( 37 ) Kieku kellu jiġi segwit ir-raġunament tal-Kunsill sal-konklużjoni (il)loġika tiegħu, u dan kollu fil-fatt kien kwistjoni “purament interna” ta’ Stat Membru, mela dan l-Istat Membru, li l-belt proposta tiegħu ġiet magħżula, għandu jkun ħieles ukoll sabiex sempliċiment “iċaqlaq” is-sede tal-aġenzija għal post ieħor fi ħdan it-territorju ġeografiku tiegħu. Għalhekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jibqa’ ħieles sabiex iċaqlaq l-EMA fi kwalunkwe mument, pereżempju, għal Tilburg jew Lelystad.

( 38 ) Inċidentalment, ma tinsab ebda diskussjoni dwar ir-rekwiżit ta’ “inċidenza diretta” fis-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il‑Kumissjoni (T‑562/12, EU:T:2015:270), rigward l-applikazzjoni għall-annullament ta’ deċiżjoni orali li allegatament ittieħdet mill-ex President tal-Kummissjoni sabiex jeżerċita s-setgħa tiegħu li jitlob ir-riżenja tar-rikorrent minn Membru tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(6) TUE.

( 39 ) Ara f’dan is-sens, inter alia, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 107), u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il‑Kunsill (C‑358/89, EU:C:1991:214, punti 1415 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 1982, Groupement des Agences de voyages vs Il‑Kummissjoni (135/81, EU:C:1982:371, punt 11).

( 42 ) Billi jiċċitaw, b’analoġija, id-digriet tat‑2 ta’ Ġunju 2008, WWF-UK vs Il‑Kunsill (T‑91/07, mhux ippubblikat, EU:T:2008:170, punt 72).

( 43 ) Ara f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 1998, Comunidad Autónoma de Cantabria vs Il‑Kunsill (T‑238/97, EU:T:1998:126, punti 4950 u l-ġurisprudenza ċċitata), u d-digriet tat‑23 ta’ Ottubru 1998, Regione Puglia vs Il‑Kummissjoni u Spanja (T‑609/97, EU:T:1998:249, punti 2122).

( 44 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il‑Kummissjoni (T‑214/95, EU:T:1998:77, punt 29); tat‑23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa vs Il‑Kummissjoni (T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99, EU:T:2002:258, punt 41); tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Regione Autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il‑Kummissjoni (T‑288/97, EU:T:1999:125, punt 32); jew tal‑5 ta’ Ottubru 2005, Land Oberösterreich vs Il‑Kummissjoni (T‑366/03 u T‑235/04, EU:T:2005:347, punt 28). Għal analiżi iktar estensiva ta’ din il-ġurisprudenza, ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni (C‑352/19 P, EU:C:2020:588, punti 58 sa 62).

( 45 ) Fi kwalunkwe każ, l-eżami Vlaams Gewest b’mod ċar ma huwiex l-unika mod li bih entità reġjonali tista’ tipprova l-inċidenza diretta u individwali tagħha – ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2000, Nederlandse Antillen vs Il‑Kummissjoni (T‑32/98 u T‑41/98, EU:T:2000:36, punti 50 sa 57).

( 46 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 39.

( 47 ) Ara “Emendi 39, 46, 47 u 48’. Proposta għal regolament tal‑31 ta’ Jannar 2018 mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta’ l-Ikel, “Emendi 1-51, Abbozz ta’ rapport Giovanni La Via, Il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini” (COM(2017)0735 – C8-0421/2017 – 2017/0328(COD)) – https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/ENVI-AM-616891_EN.pdf.

( 48 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni (92/78, EU:C:1979:53, punti 2526), u tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta (C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punt 57).

( 49 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill (C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punt 91).

( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 6979 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni (C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 43). Jista’ jiġi mfakkar ukoll f’dan il-kuntest li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, anki meta jaġixxu barra mill-kuntest ġuridiku tal-Unjoni, ma humiex protetti minn rikorsi għal kumpens skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE. Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u ECB (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701 punti 54 sa 60).

( 51 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il‑Kummissjoni (C‑560/18 P, EU:C:2020:330, punti 7374).

( 52 ) Sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2000, AICS vs Il‑Parlament (T‑139/99, EU:T:2000:182, punt 33).

( 53 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2010, PC-Ware Information Technologies vs Il‑Kummissjoni (T‑121/08, EU:T:2010:183, punt 40). jew tal‑20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs EIB (T‑461/08, EU:T:2011:494, punti 64 sa 66).

( 54 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bank Mellat vs Il‑Kunsill (C‑430/16 P, EU:C:2018:668, punt 64), jew is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punti 50 sa 52), u tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament (T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 32).

( 55 ) Sentenzi tat‑30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il‑Kummissjoni (T‑214/95, EU:T:1998:77, punt 30), u tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni (T‑132/96 u T‑143/96, EU:1999:326, punt 92). Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2000, Nederlandse Antillen vs Il‑Kummissjoni (T‑32/98 u T‑41/98, EU:T:2000:36, punt 58).

( 56 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑18/10, EU:T:2011:419, punt 60).

( 57 ) Il-konklużjonijiet tiegħi f’EMA 1/ELA, punti 83 sa 143 u 164 sa 176.

( 58 ) Is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 59 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni (C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punti 9596).

( 60 ) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (COM/2017/0735 finali - 2017/0328 (COD))

( 61 ) Emendi adottati mill-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (COM(2017)0735 – C8-0421/2017 – 2017/0328(COD)) 11 (ĠU 2019, C 162, p. 147)

( 62 ) Ara “Emendi 39, 46, 47 u 48”. Proposta għal regolament tal‑31 ta’ Jannar 2018 mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta’ l-Ikel, “Emendi 1‑51, Abbozz ta’ rapport Giovanni La Via Il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini” (COM(2017)0735 – C8-0421/2017 – 2017/0328(COD)) – https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/ENVI-AM-616891_MT.pdf

( 63 ) Ibid., ġustifikazzjoni tal-Emenda 46.

( 64 ) Emendi adottati mill-Parlament Ewropew tal‑15 ta’ Marzu 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (COM(2017)0735 – C8-0421/2017 – 2017/0328(COD)) 11 (ĠU 2019, C 162, p. 147)

( 65 ) Fajl interistituzzjonali 2017/0328 (COD), Nru 7098/18, tal‑21 ta’ Marzu 2018.

( 66 ) Fajl interistituzzjonali 2017/0328 (COD), Nru 13176/18, tas‑16 ta’ Ottubru 2018.

( 67 ) Fajl interistituzzjonali 2017/0328 (COD), Nru 13316/18, tat‑30 ta’ Ottubru 2018.

( 68 ) Regolament (UE) 2018/1718 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU 2018, L 291, p. 3).

( 69 ) Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal‑25 ta’ Ottubru 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (COM(2017)0735 – C8-0421/2017 – 2017/0328(COD))

( 70 ) Ibid., punt 5.

( 71 ) B’kuntrast għall-Kawża pendenti parallela C‑743/19, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (Sede tal-ELA), fejn il-Parlament iddeċieda li jipproċedi b’mod differenti.

( 72 ) Ara iktar ’il fuq, in-nota ta’qiegħ il-paġna 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 73 ) Rawls, J. A Theory of Justice: Revised Edition, Harvard University Press, 1999, p. 118 et seq.

Top