EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0080

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2020.
Kawża mressqa minn E. E.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali’ – Kunċett ta’ ‘residenza abitwali tad-deċedut’ – Artikolu 3(2) – Kunċett ta’ ‘qorti’ – Issuġġettar tan-nutara għar-regoli tal-ġurisdizzjoni internazzjonali – Artikolu 3(1)(g) u (i) – Kunċetti ta’ ‘deċiżjoni’ u ta’ ‘strument awtentiku’ – Artikoli 5, 7 u 22 – Ftehim dwar l-għażla tal-qorti u dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni – Artikolu 83(2) u (4) – Dispożizzjonijiet tranżitorji.
Kawża C-80/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:230

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2020 ( 1 )

Kawża C‑80/19

E. E.

fil-preżenza ta’:

Kauno miesto 4-ojo Notaro Biuro notarė Virginija Jarienė,

K.‑D. E.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (UE) Nru 650/2012 — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ suċċessjoni b’riperkussjoni transkonfinali — Kunċett ta’ residenza abitwali — Issuġġettar tan-nutara għar-regoli tal-ġurisdizzjoni internazzjonali — Kunċett ta’ strument awtentiku — Għażla tal-liġi li tirriżulta mit-termini ta’ dispożizzjoni mortis causa — Dispożizzjonijiet tranżitorji —Attribuzzjoni tal-kompetenza ġudizzjarja internazzjonali mill-partijiet interessati”

1.

Il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) tagħmel serje ta’ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 ( 2 ). Hija jidhrilha li dawn huma neċessarji sabiex tkun tista’ tiddeċiedi rikors ippreżentat kontra ċ-ċaħda ta’ nutar minn dan il-pajjiż li jilqa’ talba għall-ftuħ tas-suċċċessjoni u li jibgħat ċertifikat nazzjonali tad-drittijiet tas-suċċessjoni.

2.

Il-kawża tirrigwarda s-suċċessjoni mortis causa ta’ ċittadina Litwana residenti fil-Ġermanja ( 3 ), li kienet għamlet testment fil-Litwanja u li l-beni li hija ħalliet b’wirt jinsabu f’dak il-pajjiż. Binha, li huwa wkoll ta’ nazzjonalità Litwana, ressaq talba quddiem nutar f’Kaunas (il-Litwanja) għall-ftuħ tas-suċċessjoni u għall-ħruġ taċ-ċertifikat tas-suċċessjoni, li ġiet miċħuda min-nutar billi invoka r-residenza abitwali tat-testatriċi fil-Ġermanja.

3.

Fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għar-raba’ sas-sitt domanda preliminari. Madankollu, hekk kif inkun qiegħed nanalizzahom jiena ser ikolli nirreferi, inċidentalment, għall-kontenut ta’ wħud mill-oħrajn.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament Nru 650/2012

4.

Il-premessi li ġejjin huma rilevanti:

“(7)

Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali. Fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem. Id-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu garantiti b’mod effettiv.

[…]

(20)

Dan ir-Regolament għandu jirrispetta s-sistemi differenti biex jiġu ttrattati kwistjonijiet ta’ suċċessjoni applikati fl-Istati Membri. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament it-terminu ‘qorti‘ għandu għalhekk jingħata tifsira wiesgħa sabiex ikopri mhux biss il-qrati fil-veru sens tal-kelma, li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji, iżda wkoll in-nutara jew l-uffiċċji tar-reġistru f’xi Stati Membri li, f’ċerti kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji bħal qrati, u n-nutara u l-professjonisti legali li, f‘xi Stati Membri, jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji f’suċċessjoni speċifika permezz tad-delega tas-setgħa minn qorti. Il-qrati kollha kif iddefiniti f‘dan ir-Regolament għandhom ikunu marbutin bir-regoli tal-ġuriżdizzjoni msemmijin f’dan ir-Regolament. Kuntrarjament, it-terminu ‘qorti’ ma għandux ikopri l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji ta’ Stat Membru bis-setgħa skont il-liġi nazzjonali li jittrattaw kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, bħan-nutara fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fejn, bħal ma ssoltu jkun il-każ, huma ma jkunux qed jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji.

(21)

Dan ir-Regolament għandu jippermetti lin-nutara kollha li għandhom kompetenza fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni fl-Istati Membri biex jeżerċitaw tali kompetenza. Jekk in-nutara fi Stat Membru partikolari jkunux marbutin bir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni msemmijin f’dan ir-Regolament, għandu jiddependi minn jekk humiex koperti mit-terminu “qorti” għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

[…]

(23)

Minħabba l-mobbiltà taċ-ċittadini li qed tiżdied u sabiex tkun żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fl-Unjoni u jkun żgurat li jeżisti fattur ġenwin ta’ konnessjoni bejn is-suċċessjoni u l-Istat Membru li fih hija eżerċitata l-ġuriżdizzjoni, dan ir-Regolament għandu jipprovdi li l-fattur ta’ konnessjoni ġenerali għall-finijiet li jiġu determinati kemm il-ġuriżdizzjoni kif ukoll il-liġi applikabbli għandu jkun ir-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt. Sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali, l-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni għandha twettaq valutazzjoni ġenerali taċ-ċirkostanzi tal-ħajja tad-deċedut fis-snin qabel mewtu u fil-mument ta’ mewtu, filwaqt li tieħu kont tal-elementi fattwali rilevanti kollha, b’mod partikolari t-tul ta’ żmien u r-regolarità tal-preżenza tad-deċedut fl-Istat ikkonċernat kif ukoll il-kondizzjonijiet u r-raġunijiet għal dik il-preżenza. Ir-residenza abitwali hekk determinata għandha tiżvela rabta stabbli u mill-qrib mal-Istat ikkonċernat b’kont meħud tal-għanijiet speċifiċi ta’ dan ir-Regolament.

(24)

F’xi każijiet, id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tad-deċedut tista’ tkun kumplessa. Każ bħal dan jista’ jirriżulta, b’mod partikolari, fejn id-deċedut għal raġunijiet professjonali jew ekonomiċi jkun mar jgħix barra biex jaħdem hemm, xi drabi għal żmien twil, iżda jkun żamm rabta stabbli u mill-qrib mal-Istat tal-oriġini tiegħu. F‘każ bħal dan, id-deċedut, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, jista’ jitqies bħala wieħed li għad għandu r-residenza abitwali tiegħu fl-Istat ta’ oriġini tiegħu li fih kien jinsab iċ-ċentru ta’ interess tal-familja tiegħu u tal-ħajja soċjali tiegħu. Jistgħu jirriżultaw każijiet kumplessi oħra meta d-deċedut ikun għex f’diversi Stati alternattivament jew ikun vjaġġa minn Stat għall-ieħor mingħajr ma jkun issetilja b’mod permanenti f’xi wieħed minnhom. Jekk id-deċedut kien ċittadin ta’ wieħed minn dawk l-Istati jew kellu l-beni ewlenin tiegħu kollha f’wieħed minn dawk l-Istati, iċ-ċittadinanza tiegħu jew il-post ta’ dawk il-beni jista‘ jkun fattur speċjali fil-valutazzjoni ġenerali taċ-ċirkostanzi fattwali kollha.

(25)

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni l-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni tista’, f’każijiet eċċezzjonali — fejn, bħala eżempju, id-deċedut ikun mar jgħix fl-Istat tar-residenza abitwali tiegħu pjuttost reċentement qabel il-mewt tiegħu u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ juru li hu kien manifestament aktar marbut mill-qrib ma’ Stat ieħor — tasal għall-konklużjoni li l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni ma għandhiex tkun il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tad-deċedut iżda pjuttost il-liġi tal-Istat li d-deċedut kien manifestament aktar marbut miegħu. Madankollu, l-eqreb rabta manifesta ma għandhiex tiġi invokata bħala fattur ta’ konnessjoni sussidjarju kull darba li d-determinazzjoni tar-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt tixhed kumplessità.

[…]

(27)

Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament huma mfassla sabiex jiżguraw li l-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni, fil-biċċa l-kbira tas-sitwazzjonijiet, tapplika l-liġi tagħha proprja. Għalhekk dan ir-Regolament jipprevedi serje ta’ mekkaniżmi li jidħlu fis-seħħ meta d-deċedut ikun għażel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tiegħu l-liġi ta’ Stat Membru li kien ċittadin tiegħu.

(28)

Wieħed minn dawn il-mekkaniżmi għandu jkun li l-partijiet ikkonċernati ikunu jistgħu jikkonkludu ftehim dwar l-għażla tal-qorti favur il-qrati tal-Istat Membru tal-liġi magħżula […].

[…]

(37)

Sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu, biċ-ċertezza legali kollha, mill-vantaġġi offruti mis-suq intern, dan ir-Regolament għandu jippermettilhom jkunu jafu minn qabel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħhom. Għandhom jiġu introdotti regoli armonizzati ta’ kunflitti ta’ liġijiet biex jiġu evitati riżultati kontradittorji. Ir-regola prinċipali għandha tiżgura li s-suċċessjoni tkun irregolata minn liġi prevedibbli li magħha tkun marbuta mill-qrib. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suċċessjoni, dik il-liġi għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha, jiġifieri l-proprjetà kollha li tifforma parti mill-partimonju, irrispettivament min-natura tal-beni u minkejja jekk il-beni jkunux jinsabu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.

[…]

(39)

L-għażla ta’ liġi għandha ssir b’mod espliċitu f’dikjarazzjoni fil-forma ta’ trasferiment causa mortis jew tintwera bit-termini ta’ tali trasferiment. L-għażla tal-liġi tista’ titqies bħala murija minn trasferiment causa mortis fejn, bħala eżempju, id-deċedut kien irrifera fit-trasferiment tiegħu għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza tiegħu jew fejn huwa kien b’xi mod semma dik il-liġi.”

5.

Skont l-Artikolu 3(1), għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

“(g)

‘deċiżjoni’ tfisser kwalunkwe deċiżjoni f’materja ta’ suċċessjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, ikun xi jkun l-isem li jingħatalha, inkluża deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż jew l-infiq minn uffiċjal tal-qorti;

[…]

(i)

‘strument awtentiku’ tfisser dokument fi kwistjoni ta’ suċċessjoni li jkun tfassal jew ġie rreġistrat formalment bħala strument awtentiku fi Stat Membru u li l-awtentiċità tiegħu:

(i)

tirrigwarda l-firma u l-kontenut tal-istrument awtentiku; kif ukoll

(ii)

tkun ġiet stabbilita minn awtorità pubblika jew awtorità oħra bis-setgħa li tagħmel dan mill-Istat Membru tal-oriġini.”

6.

L-Artikolu 3(2) jindika li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘qorti’ jfisser kull awtorità ġudizzjarja u awtoritajiet u professjonisti legali oħra kollha bħal dawn b’kompetenza f’materji ta’ suċċessjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu taħt delegazzjoni ta’ setgħa minn xi awtorità ġudizzjarja jew jaġixxu taħt il-kontroll ta’ xi awtorità ġudizzjarja dment li dawn l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità u d-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu u dment li d-deċiżjonijiet tagħhom jittieħdu skont il-liġi tal-Istat Membru li fih joperaw:

(a)

jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell jew reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja; kif ukoll

(b)

għandhom forza u effett simili bħal deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja dwar l-istess materja.

[…]”

7.

Skont l-Artikolu 4:

“Il-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha”.

8.

L-Artikolu 5 jistipula:

“1.   Fejn il-liġi magħżula mid-deċedut biex tirregola s-suċċessjoni tiegħu skont l-Artikolu 22 hija l-liġi tal-Istat Membru, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jaqblu li qorti jew il-qrati ta’ dak l-Istat Membru għandu jkollhom ġuriżdizzjoni esklużiva biex jieħdu deċiżjoniji[et] dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mas-suċċessjoni.

2.   Tali ftehim dwar l-għażla tal-qorti għandu jiġi espress bil-miktub, iddatat u ffirmat mill-partijiet ikkonċernati. […]”

9.

Skont l-Artikolu 7:

“Il-qrati ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu ġiet magħżula mid-deċedut skont l-Artikolu 22 għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jieħdu deċiżjonijiet dwar is-suċċessjoni jekk:

[…]

(c)

il-partijiet għall-proċedimenti aċċettaw espressament il-ġuriżdizzjoni tal-qorti invokata.”

10.

Skont l-Artikolu 9(1):

“Meta, waqt il-proċedimenti quddiem qorti ta’ Stat Membru li teżerċita ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 7, ikun jidher li mhux il-partijiet kollha għal dawk il-proċedimenti kienu parti għall-ftehim dwar l-għażla tal-qorti, il-qorti għandha tkompli teżerċita ġuriżdizzjoni jekk il-partijiet għall-proċedimenti li ma jkunux parti għall-ftehim jidhru quddiem il-qorti mingħajr ma jikkontestaw il-ġuriżdizzjoni tal-qorti.”

11.

L-Artikolu 22 jipprovdi:

“1.   Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.

[…]

2.   L-għażla ta’ liġi għandha ssir b’mod espliċitu f’dikjarazzjoni fil-forma ta’ trasferiment causa mortis jew tintwera b’mod ċar bit-termini ta’ tali trasferiment.

[…]”

12.

Skont l-Artikolu 59(1):

“Strument awtentiku stabbilit fi Stat Membru għandu jkollu l-istess effetti evidenzjarji fi Stat Membru ieħor bħal ma għandu fl-Istat Membru tal-oriġini jew l-aktar effetti komparabbli, dment li dan ma jkunx manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku (‘ordre public’) fl-Istat Membru kkonċernat.

[…]”

13.

Skont l-Artikolu 83(2) u (4):

“2.   Fejn id-deċedut ikun għażel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu qabel is-17 ta’ Awwissu 2015, dik l-għażla għandha tkun valida jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III jew jekk kienet valida fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat fis-seħħ, fil-mument meta tkun saret l-għażla, fl-Istat fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu jew fi kwalunkwe wieħed mill-Istati li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza.

[…]

4.   Jekk trasferiment causa mortis kien sar qabel is-17 ta’ Awwissu 2015 skont il-liġi li l-mejjet ikun għażel skont dan ir-Regolament, dik il-liġi għandha titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.”

B.   Id-dritt nazzjonali

1. Lietuvos Respublikos cilinis kodeksas (il-Kodiċi Ċivili)

14.

L-Artikolu 5(4) jipprovdi:

“1.   Il-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni huwa dak fejn jinsab l-aħħar domiċilju tad-deċedut (Artikolu 2(12) ta’ dan il-kodiċi).

[…]

4.   Fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-qorti għandha tiddetermina l-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni fuq talba tal-partijiet ikkonċernati, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha.”

15.

L-Artikolu 5(66) jistipula:

“1.   Il-werrieta bil-liġi jew b’testment jistgħu jitolbu lin-nutar tal-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni sabiex joħroġ ċertifikat tad-dritt tagħhom għas-suċċessjoni […]”

2. Lietuvos Respublikos notariato įstatymas (il-Liġi dwar il-Professjoni Nutarili)

16.

L-Artikolu 1 jipprovdi:

“Il-Professjoni Nutarili tinkludi lin-nutara kollha li, skont din il-liġi, għandhom is-setgħa legali li jistabbilixxu d-drittijiet suġġettivi mhux ikkontestati u l-fatti ta’ rilevanza legali li jikkonċernaw persuni fiżiċi u ġuridiċi u li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi leġittimi tagħhom u ta’ dawk tal-Istat.”

17.

Skont l-Artikolu 26:

“In-nutara jistgħu jwettqu dawn l-atti nutarili:

[…]

(2)

ħruġ ta’ ċertifikati tad-dritt għall-wirt;

[…]

Il-fatti esposti fl-atti ċċertifikati minn nutar huma meqjusa stabbiliti u ma huwiex neċessarju li dawn jiġu pprovati sakemm ma tkunx ġiet iddikjarata n-nullità ta’ dawk l-atti (jew ta’ parti minnhom) fil-kuntest ta’ proċedura legali.”

3. Civilinio procedure kodeksas (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)

18.

L-Artikolu 444(2) jiddikjara:

“Il-qrati għandhom ġurisdizzjoni fuq kawżi:

[…]

(8)

dwar l-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni u d-determinazzjoni tal-post effettiv tal-ftuħ tas-suċċessjoni.”

19.

Skont l-Artikolu 511(1):

“Jista’ jiġi kkontestat l-għemil ta’ kwalunkwe att notarili jew ir-rifjut li jsir b’mod konformi mal-proċedura prevista f’dan il-kapitolu.”

II. Il-fatti, il-kawża u d-domandi preliminari

20.

E. E. huwa ċittadin Litwan li ommu żżewġet lil K.-D. E., ċittadin Ġermaniż. L-omm u t-tifel (li kien il-frott ta’ żwieġ preċedenti) marru jgħixu fil-Ġermanja, meta dan kien għadu minorenni.

21.

Fl-4 ta’ Lulju 2013, omm E. E. kitbet testment quddiem in-nutar ta’ Garliava (il-Litwanja), fejn hija nnominatu bħala l-uniku werriet tal-patrimonju kollu tagħha ( 4 ).

22.

Fis-17 ta’ Lulju 2017, E. E. talab lill-uffiċċju nutarili Nru 4 ta’ Kaunas (il-Litwanja) il-ftuħ tas-suċċessjoni u l-ħruġ ta’ ċertifikat tas-suċċessjoni ( 5 ).

23.

In-nutar ċaħad it-talba ta’ E. E. abbażi tal-fehma tiegħu li l-post tar-residenza abitwali tad-deċeduta fil-mument tal-mewt, fis-sens tar-Regolament, kien fil-Ġermanja.

24.

E. E. ikkontesta r-rifjut tan-nutar quddiem il-Kauno apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Kaunas, il-Litwanja). Din il-qorti affermat, fid-29 ta’ Jannar 2018, li, għalkemm omm E. E. kienet irrikonoxxiet li marret tgħix il-Ġermanja, hija ma kinitx qatgħet ir-rabtiet tagħha mal-Litwanja. Għal din ir-raġuni, abbażi tal-prinċipji tar-raġonevolezza u bona fides, hija laqgħet ir-rikors, annullat id-deċiżjoni tan-nutar u ordnatlu jeżegwixxi l-att notarili.

25.

In-nutar appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas, il-Litwanja), li, permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ April 2018, irrevokatha. Il-qorti tal-appell iddeċidiet li, meta l-post ta’ residenza abitwali tad-deċedut ikun ikkontestat, hija biss qorti li tista’ tistabbilixxi li r-residenza abitwali tiegħu kienet tinsab fl-Istat ta’ oriġini tiegħu; u li, f’din il-kawża, xejn ma kien jindika li r-rikorrent kien qajjem din il-kwistjoni quddiem qorti. Hija ddeċidiet ukoll li, meta annullat id-deċiżjoni nutarili kkontestata, il-qorti tal-ewwel istanza bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq prinċipji ġenerali.

26.

E. E. ippreżenta appell quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Sitwazzjoni bħal dik li qed tiġi eżaminata – li fiha ċittadina Litwana li l-post ta’ residenza abitwali tagħha fid-data ta’ mewtha kien possibbilment fi Stat Membru ieħor iżda li, fi kwalunkwe każ, qatt ma qatgħet ir-rabtiet tagħha ma’ pajjiżha u li, b’mod partikolari, kienet irrediġiet, qabel mewtha, testment fil-Litwanja fejn ħalliet l-assi kollha tagħha lill-eredi tagħha, ċittadin Litwan, u fejn fil-mument tal-ftuħ tas-suċċessjoni ġie stabbilit li l-eredità kienet komposta fl-intier tagħha minn proprjetajiet immobbli li kienu jinsabu esklużivament fil-Litwanja u fejn il-konjuġi superstiti, ċittadin tal-imsemmi Stat Membru ieħor, iddikjara espliċitament l-intenzjoni tiegħu li jirrinunzja kull dritt fuq l-eredità tal-persuna li ddeċediet, ma ħax sehem fil-proċeduri ġudizzjarji mressqa fil-Litwanja u aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani u l-applikazzjoni tal-liġi Litwana – għandha titqies li hija suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali skont it-tifsira tar-Regolament Nru 650/2012 li għaliha għandu jiġi applikat dan ir-regolament?

2)

Nutar Litwan li jiddikjara l-ftuħ tas-suċċessjoni, joħroġ iċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni u jwettaq l-azzjonijiet ulterjuri neċessarji għall-eredi sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu għandu jitqies li huwa ‘qorti’ fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, fid-dawl tal-fatt li, fl-iżvolġiment tal-funzjonijiet tagħhom, in-nutara josservaw il-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza, li d-deċiżjonijiet tagħhom huma vinkolanti għalihom infushom jew għall-awtoritajiet ġudizzjarji u li l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, iċ-ċertifikati ta’ suċċessjoni maħruġa min-nutara Litwani għandhom jiġu kkunsidrati li huma deċiżjonijiet skont l-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 u, għal din ir-raġuni, għall-finijiet tal-ħruġ tagħhom huwa meħtieġ li tiġi ddikjarata l-ġurisdizzjoni?

4)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 59 tar-Regolament Nru 650/2012 (moqrija flimkien jew separatament, iżda mhux waħedhom) għandhom jiġu interpretati fis-sens li n-nutara Litwani għandhom id-dritt li joħorġu ċertifikati ta’ suċċessjoni mingħajr ma japplikaw ir-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni kif ukoll fis-sens li l-imsemmija ċertifikati jitqiesu li huma atti pubbliċi li jagħtu lok għal effetti ġuridiċi anki fl-Istat Membri l-oħra?

5)

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 (jew dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmi regolament) għandu jiġi interpretat fis-sens li r-residenza abitwali tal-persuna ddeċeduta tista’ tiġi stabbilita biss fi Stat Membru speċifiku wieħed biss?

6)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4, 5, 7 u 22 tar-Regolament Nru 650/2012 (moqrija flimkien jew separatament, iżda mhux waħedhom) għandhom jiġu interpretati u applikati b’tali mod li, fil-każ inkwistjoni, abbażi tal-fatti spjegati fl-ewwel domanda, għandu jiġi konkluż li l-partijiet ikkonċernati jaqblu fuq il-fatt li għandhom ġurisdizzjoni l-qrati Litwani u li għandha tiġi applikata l-liġi Litwana?”

III. Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Frar 2019. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-Gvern tal-Awstrija, dak tal-Ungerija, dak tal-Litwanja, dak tar-Renju ta’ Spanja u dak tar-Repubblika Ċeka kif ukoll mill-Kummissjoni.

28.

Inżammet seduta fis-16 ta’ Jannar 2020, li fiha pparteċipaw ir-rappreżentanti tal-Gvern tal-Litwanja u tar-Renju ta’ Spanja kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea.

IV. Analiżi

29.

Fl-ewwel lok, ser nindirizza d-domanda (il-ħames) dwar il-possibbiltà li r-residenza abitwali ta’ persuna deċeduta tkun tinsab f’diversi Stati Membri. Biex nirrispondi għal din id-domanda, jeħtieġ inevitabbilment li nindirizza l-applikabbiltà tar-Regolament għall-kawża.

30.

Fit-tieni lok, ser nirreferi għad-domanda (ir-raba’) dwar iċ-ċertifikat tas-suċċessjoni, li jimplika, min-naħa tiegħu, li nirreferi għall-kwalifika tan-nutar li joħroġ dak iċ-ċertifikat bħala awtorità ġudizzjarja.

31.

Fl-aħħar nett, ser nillimita ruħi għall-aħħar (is-sitt) domanda, dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani u l-applikazzjoni tal-liġi ta’ dan il-pajjiż għas-suċċessjoni mortis causa inkwistjoni.

A.   Fuq il-ħames domanda preliminari

1. Applikabbiltà tar-Regolament

a) Suċċessjoni mortis causa “b’implikazzjonijiet transkonfinali”

32.

Ir-Regolament huwa intiż sabiex ineħħi “l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali” ( 6 ).

33.

Fir-Regolament, ma hemmx definizzjoni ta’ “suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali” u lanqas ma hemm lista ta’ elementi li, mifruxa f’diversi Stati, jippermettu li jiġu identifikati bi preċiżjoni dawn l-implikazzjonijiet. Fil-fehma tiegħi, l-għan tar-Regolament, li għadni kemm spjegajt, jissuġġerixxi evalwazzjoni flessibbli ta’ dawn it-termini, b’tali mod li jkopru kull suċċessjoni li l-organizzazzjoni tagħha (mid-deċedut) jew it-trattament tagħha (wara l-mewt ta’ dan tal-aħħar) tiltaqa’ ma’ ostakoli minħabba l-preżenza ta’ rabtiet ma’ iktar minn Stat wieħed.

34.

Għall-Kapitoli II u III tar-Regolament, ir-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt ( 7 ) hija l-kriterju komuni li jagħti ġurisdizzjoni ġudizzjarja internazzjonali u n-ness tar-regola ta’ kunflitt. Huwa abbażi ta’ dan l-element li għandu jiġi evalwat jekk, minħabba l-lokalizzazzjoni ta’ element ieħor fi Stat differenti minn dak ta’ residenza tad-deċedut, is-suċċessjoni hijiex purament domestika.

35.

Fuq il-kwistjoni dwar liema jista’ jkun dan l-“element ieħor”, dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament jikkontemplaw każijiet ta’ suċċessjoni mortis causa b’effett f’iktar minn forum wieħed, billi jipprovdu, b’mod mhux eżawrjenti, linji gwida sabiex tiġi rrikonoxxuta n-natura transnazzjonali tagħha. Is-sitwazzjoni tal-oġġetti, l-eredi, il-legatarji jew qraba oħra tad-deċedut, kif ukoll in-nazzjonalità tiegħu, huma elementi tipiċi oħrajn li jistgħu jiġu kkunsidrati.

b) Natura obbligatorja tal-applikazzjoni

36.

L-applikazzjoni tar-Regolament ma hijiex fakultattiva, jiġifieri ma tiddependix mir-rieda ta’ xi waħda mill-partijiet ( 8 ). Din hija obbligatorja għall-professjonist legali, li ma jistax jeħles minn dan l-obbligu meta, skont id-dispożizzjonijiet tal-istess regolament, jiġi stabbilit li suċċessjoni partikolari jista’ jkollha riperkussjonijiet f’iktar minn forum wieħed.

37.

Min-naħa l-oħra, ir-Regolament jagħti lill-persuni kkonċernati mezzi sabiex itaffu, sa ċertu punt, l-effetti li jirriżultaw min-natura transkonfinali tas-sitwazzjoni.

38.

B’mod partikolari, l-Artikolu 22 tar-Regolament jippermetti lid-deċedut jieħu l-inizjattiva, matul ħajtu, sabiex itaffi l-konsegwenzi ta’ residenza abitwali li tinsab fi Stat differenti minn dak fejn huma kkonċentrati l-fatturi l-oħra li (probabbilment) huma rilevanti għas-suċċessjoni. Madankollu, huwa jista’ jagħmel dan fil-qafas li jipprovdilu r-Regolament: unikament meta jkun ċittadin tat-tieni Stat. F’dan il-każ, huwa jkun jista’ jagħżel is-sistema legali ta’ dan l-Istat bħala applikabbli.

39.

Is-suċċessjoni ma tieqafx tkun waħda internazzjonali minħabba din il-possibbiltà: madankollu, minn din id-deċiżjoni, il-partijiet ikkonċernati jkollhom, wara l-mewt tad-deċedut il-possibbiltà li jagħtu ġurisdizzjoni internazzjonali lill-qrati tal-istess Stat ( 9 ) (Artikoli 5 et seq. tar-Regolament).

2. Fuq il-kunċett ta’ “residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt”

40.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-residenza abitwali tad-deċedut, fis-sens tar-Regolament, għandhiex tkun waħda jew, għall-kuntrarju, jistax jiġi aċċettat li kellu diversi residenzi abitwali ( 10 ).

a) Residenza abitwali waħda biss

41.

Kif diġà sostnejt, fl-istruttura tar-Regolament, ir-residenza abitwali hija, bħala regola, in-“ness ġenerali” sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali u l-liġi applikabbli. Fil-fehma tiegħi, din ir-residenza tista’ tkun biss waħda, u mhux iktar minn waħda.

42.

L-argumenti ta’ prevedibbiltà, ta’ ċertezza legali, ta’ prevenzjoni ta’ riżultati kontradittorji jew tal-intenzjoni tal-liġi applikabbli sabiex tiġi rregolata s-suċċessjoni kollha bil-għan li tiġi evitata l-frammentazzjoni tagħha, li huma elenkati fil-premessa 37 tar-Regolament, jimmilitaw favur li r-residenza abitwali għandha tkun waħda. Il-premessa 27, li tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament huma mfassla sabiex jiżguraw li l-awtorità li tkun qiegħda tittratta s-suċċessjoni tapplika, fil-biċċa l-kbira tas-sitwazzjonijiet, il-liġi tagħha stess, tikkoinċidi ma’ dan il-ħsieb.

43.

Huwa minnu li r-Regolament jikkontempla l-eventwalità li “[i]d-deċedut ikun għex f’diversi Stati alternattivament jew ikun vjaġġa minn Stat għall-ieħor mingħajr ma jkun issetilja b’mod permanenti f’xi wieħed minnhom” ( 11 ). Iżda f’dawn is-sitwazzjonijiet, li huma kkwalifikati bħala kumplessi, is-soluzzjoni proposta tikkombina diversi fatturi sabiex issir l-evalwazzjoni finali taċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha, bil-għan li jiġi ddeterminat liema hija “ir-residenza” abitwali.

44.

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament jitilfu l-utilità tagħhom jekk jiġi aċċettat li, sabiex jiġu solvuti l-problemi li huwa jipprova jsolvi, persuna jista’ jkollha, fl-istess ħin, residenza abitwali fi Stati differenti. Din il-possibbiltà tneħħi kull tifsira ta’ parti kbira mid-dispożizzjonijiet tat-test leġiżlattiv, li, nisħaq mill-ġdid, jirreferu għar-“residenza abitwali” fis-singular u mhux fil-plural.

b) Identifikazzjoni tar-residenza abitwali

45.

Ir-Regolament lanqas ma jagħti definizzjoni ta’ x’inhi “residenza abitwali” fil-kuntest ta’ suċċessjoni transkonfinali: jindika biss li għandha turi “rabta mill-qrib u stabbli” ma’ Stat ( 12 ).

46.

Ir-residenza abitwali hija kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li ma jirreferix għal xi wieħed mill-kunċetti użati għad-definizzjoni ta’ dan l-istess fenomenu fis-sistemi legali nazzjonali. Kieku dan ma kienx il-każ, tiġi ppreġudikata l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament, peress li l-bibien jkunu miftuħa għal opinjonijiet differenti mill-awtoritajiet inkarigati mill-applikazzjoni tiegħu.

47.

Għalkemm ma huwiex eskluż li jsir riferiment għad-definizzjoni ta’ “residenza abitwali” użata minn regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni, tali post, li huwa kkaratterizzat minn rabta mill-qrib u stabbli ma’ Stat, għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet speċifiċi ta’ dan ir-regolament ( 13 ), kif elenkati fil-premessa 7 tiegħu.

48.

L-operatur ġuridiku għandu, għalhekk, jillokalizza l-aħħar residenza abitwali tad-deċedut minn din il-perspettiva u, għaldaqstant, fid-dawl tal-indikazzjonijiet mogħtija lilu mill-istess regolament, billi jirrikorri għal oħrajn biss b’mod sussidjarju.

49.

Għalkemm ir-Regolament ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ residenza abitwali, huwa jipprovdi, fil-premessi 23 u 24 tiegħu, istruzzjonijiet utli sabiex dan jiġi stabbilit. Fl-ewwel lok, dan jistabbilixxi li d-determinazzjoni tar-residenza abitwali għandha tirriżulta minn evalwazzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi tal-ħajja tad-deċedut matul is-snin qabel il-mewt tiegħu u fil-mument li fih isseħħ.

50.

Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, għandhom jinġabru l-provi kollha rilevanti li huma legalment ammissibbli. F’dan il-kuntest, sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ persuni kkonċernati mis-suċċessjoni, miftiehma bejniethom u magħmula ma’ awtorità inkarigata mis-suċċessjoni li ma teżerċitax (kif ser nispjega) funzjonijiet ġudizzjarji, jidhirli li huma insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-residenza abitwali tad-deċedut.

51.

L-elementi fattwali kollha relatati mal-ħajja tad-deċedut, li għalihom tirreferi l-premessa 23, jippermettu li jiġi deċiż liema sitwazzjoni, kif prevista fiha u iktar ’il quddiem, tikkorrispondi għal dik ta’ deċedut partikolari.

52.

L-ewwel sitwazzjoni hija dik fejn l-informazzjoni fattwali dwar, b’mod partikolari, it-tul u r-regolarità tal-preżenza tad-deċedut fi Stat (fatturi oġġettivi) kif ukoll il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet ta’ din il-preżenza (fatturi suġġettivi) juru, bħala tali, l-eżistenza ta’ “rabta stabbli u mill-qrib” ma’ dan l-Istat ( 14 ).

53.

L-istabbiltà hija, ċertament, l-element imfittex f’dan l-ewwel stadju tal-analiżi. Madankollu, jidhirli li ladarba tiġi kkonfermata, ma jkunx meħtieġ li jinstiltu konsegwenzi definittivi dwar ir-residenza abitwali tad-deċedut. Barra minn hekk, jista’ jkun neċessarju li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikawha ( 15 ), sabiex jiġi identifikat il-post abitwali tal-ġestjoni tal-interessi tiegħu.

54.

Għalkemm il-kriterju tar-residenza abitwali ngħata prijorità mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ma tistax tiġi injorata l-mobbiltà dejjem ikbar tal-individwi. Minn dan jirriżulta li ż-żmien li t-testatur ikun qatta’ fi Stat Membru partikolari ma huwiex, fih innifsu, kriterju deċiżiv: l-importanti huwa li l-eżami jsir b’mod li elementi oħrajn, marbuta mal-integrazzjoni familjali u soċjali tal-persuna jew mal-viċinanza tagħha mal-post ikkonċernat, jikkorroboraw ir-riżultat indikat mill-element taż-żmien.

55.

It-tieni sitwazzjoni hija deskritta fil-premessa 24 tar-Regolament, diment li ma tiġix ikkonstatata preżenza regolari u twila tad-deċedut fi Stat partikolari ( 16 ). Żewġ ipoteżijiet jirriżultaw minn dan:

Jista’ jkun hemm għażla professjonali li wasslet lill-persuna għal espatrijazzjoni, mingħajr madankollu ma jkun inbidel “iċ-ċentru ta’ interess tal-familja tiegħu u tal-ħajja soċjali tiegħu”.

Jista’ wkoll jiġri li d-deċedut ikun qatta’ ħajtu bejn diversi Stati, mingħajr ma jkun ikkonsolida ebda rabta stabbli f’xi Stat minnhom.

56.

F’dawn il-każijiet, element personali (in-nazzjonalità tad-deċedut) jew element ekonomiku (il-post fejn ikunu jinsabu l-beni ewlenin tiegħu) jista’ jikkontribwixxi b’mod speċjali għall-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi fattwali kollha.

57.

Jidhirli li, fid-dawl tar-raġunament tal-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tenfasizza li n-nazzjonalità tad-deċedut jew il-post fejn jinsabu l-beni tiegħu huma elementi determinanti tar-residenza abitwali fuq bażi sussidjarja. Fi kliem ieħor: l-eżami konġunt tal-elementi ta’ fatt marbuta mal-istabbiltà tas-sitwazzjoni tad-deċedut u l-ġustifikazzjoni tiegħu huma validi sabiex jiġi stabbilit jekk is-sitwazzjoni tiegħu hijiex “kumplessa”, skont it-terminoloġija stess tal-premessa 24.

58.

Dan l-eżami neċessarjament jippreċedi r-referenza għan-nazzjonalità u għall-post fejn jinsabu l-beni ewlenin tad-deċedut, li huma ta’ natura eċċezzjonali fi ħdan is-sistema implimentata mir-Regolament sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali ( 17 ).

59.

Fl-aħħar nett, infakkar li l-premessa 25 in fine tar-Regolament, f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-liġi applikabbli, tipprojbixxi li jiġi kkunsidrat bħala ness sussidjarju l-kriterju tal-“eqreb rabta manifesta” tad-deċedut ma’ sistema ġuridika differenti minn dik tal-aħħar residenza abitwali tiegħu, anki meta jkun kumpless biex tiġi ddeterminata ( 18 ). Fil-fehma tiegħi, huwa ċar li ma tistax tiġi evitata l-identifikazzjoni ta’ residenza abitwali waħda, minkejja li dan jista’ jkun diffiċli.

3. Fil-kawża preżenti

a) Fuq l-aħħar residenza abitwali tad-deċeduta: Il-Ġermanja jew il-Litwanja?

60.

Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-informazzjoni dwar ir-residenza abitwali tad-deċeduta “ma hijiex ippreżentata b’mod preċiż fil-proċess jew hija kkontestata” ( 19 ). Għaldaqstant, il-qorti tal-ewwel istanza jew dik tal-appell ma jidhirx li ddeċidew dan il-punt.

61.

Kieku dan kien il-każ, l-istampa riżultanti kienet tkun ikkaratterizzata iktar minn nuqqas ta’ informazzjoni milli mill-preżenza ta’ dubji li jqumu mill-koeżistenza ta’ informazzjoni kontradittorja, li ma tippermettix li tintlaħaq konklużjoni dwar il-post tal-aħħar residenza abitwali.

62.

Kieku ma kienx possibbli, fil-kuntest tal-appell, li jinkisbu iktar elementi ta’ evalwazzjoni, il-kawża jkollha tinqata’ abbażi tal-elementi stabbiliti, peress li s-suċċessjoni ma tistax issir jekk din il-kwistjoni titħalla miftuħa. Fl-aħħar lok, jekk id-dubji dwar dan il-fatt ma jistgħux jingħelbu, tista’ tiġi kkunsidrata t-tieni ipoteżi deskritta fil-premessa 24 tar-Regolament. In-nazzjonalità tad-deċedut u l-post fejn jinsabu l-beni ewlenin tas-suċċessjoni għalhekk jieħdu prijorità fl-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha.

b) Fuq il-konsegwenzi transkonfinali tas-suċċessjoni

63.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, meta ma jkunx hemm ċertezza dwar l-aħħar residenza abitwali tad-deċeduta, il-konverġenza tal-elementi magħrufa l-oħra (affettwati mis-suċċessjoni) f’ġurisdizzjoni waħda (il-Litwanja) tippermettix li s-suċċessjoni tiġi kklassifikata bħala purament domestika. F’dak il-każ, ir-Regolament ma jkunx japplika.

64.

Kif diġà indikajt, l-applikazzjoni tar-Regolament ma hijiex operattiva. Minn din il-premessa jirriżulta li r-relevanza legali ta’ ċerti dikjarazzjonijiet jew aġir bħal dawk tar-raġel tad-deċeduta (li esprima li ma kienx interessat fil-wirt u ta l-kunsens tiegħu li jsir fil-Litwanja) tingħata mir-Regolament, jekk dan ikun applikabbli, u permezz ta’ sistema legali oħra jekk dan ma jkunx applikabbli.

65.

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt, huwa diffiċli li jiġu evitati l-konsegwenzi transkonfinali tas-suċċessjoni inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li wieħed mill-eredi potenzjali jinsab fil-Ġermanja, l-eredi l-ieħor u l-beni li tħallew b’wirt jinsabu fil-Litwanja u d-deċeduta kellha l-aħħar residenza tagħha f’wieħed minn dawn l-Istati (probabbilment fil-Ġermanja, fejn hija ddikjarat li kienet tgħix meta għamlet it-testment). Bl-istess mod, ir-Regolament jirregola din is-suċċessjoni.

66.

Risposta li tikkundizzjona l-applikabbiltà tar-Regolament għad-deċiżjonijiet ta’ kull parti dwar l-aspetti tal-wirt li jikkonċernawha toħloq sitwazzjoni inċerta ferm. Ikun differenti jekk, ladarba jintgħażel li jiġi applikat ir-Regolament, dawn id-deċiżjonijiet jiġu evalwati skont id-dispożizzjonijiet tiegħu.

B.   Fuq ir-raba’ domanda preliminari

67.

Ir-raba’ domanda preliminari hija msejsa fuq l-ipoteżi li n-nutara Litwani ma jitqiesux bħala “qrati”, fis-sens tar-Regolament. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, abbażi ta’ din il-premessa, jekk dawk in-nutara humiex awtorizzati joħorġu ċertifikati ta’ drittijiet tas-suċċessjoni “mingħajr ma josservaw ir-regoli ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni”.

68.

It-tieni parti ta’ din l-istess domanda tirrigwarda l-klassifikazzjoni taċ-ċertifikati tad-drittijiet tas-suċċessjoni bħala “strument awtentiku”, fis-sens tar-Regolament.

1. Is-suġġettar tan-nutar Litwan għar-regoli tal-ġurisdizzjoni tar-Regolament

a) Fuq bażi preliminari: in-nutar fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament

69.

Ir-Regolament jiddefinixxi “qorti” fl-Artikolu 3(2) tiegħu. Jaqgħu taħt dan il-kunċett l-awtoritajiet ġudizzjarji u professjonisti legali oħra b’kompetenza fil-qasam tas-suċċessjoni.

70.

Il-leġiżlatur Ewropew, konxju li jeżistu mudelli differenti ta’ tqassim tal-ġurisdizzjoni biex jiġu rregolati s-suċċessjonijiet fl-Istati Membri, jinkorpora dan il-fatt fir-Regolament ( 20 ). B’dan il-mod, hija ċara l-intenzjoni ta’ newtralità tas-sistema, b’mod konformi ma’ strumenti preċedenti oħrajn, li fihom, direttament, jew permezz ta’ interpretazzjoni, ġie adottat il-kunċett ta’ “qorti” b’mod li ġew ikkombinati perspettiva istituzzjonali u organika u approċċ funzjonali.

71.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tirrileva, f’kuntest simili għal dak ta’ din il-kawża, li “l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji jimplika l-poter li tingħata deċiżjoni awtonoma fuq eventwali punti kontenzjużi bejn il-partijiet” ( 21 ).

72.

Fis-sentenza WB, il-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel lok ibbażat ruħha fuq l-interpretazzjoni tagħha tat-terminu “deċiżjoni”, li saret fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 fir-rigward ta’ tranżazzjoni ġudizzjarja, u fuq il-klassifikazzjoni tagħha għall-finijiet tal-kapitolu fuq ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ din il-konvenzjoni. It-tieni nett, hija rriproduċiet il-ġurisprudenza preliminari tagħha fir-rigward tal-Artikolu 267 TFUE.

73.

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li, fis-sentenza WB, hija ċaħdet l-argument li nutar għandu jitqies bħala “qorti” inkwantu huwa jista’ jeżerċita biss l-attivitajiet relatati mal-ħruġ taċ-ċertifikat tad-drittijiet fuq talba tal-persuni kkonċernati kollha, u b’hekk il-prerogattivi tal-qorti jibqgħu intatti fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet ( 22 ).

b) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fir-Regolament japplikaw?

74.

Il-kwalifikazzjoni ta’ awtorità mhux ġudizzjarja (jew ta’ professjonist legali) bħala “qorti”, fis-sens tar-Regolament, toħloq żewġ konsegwenzi: waħda minnhom, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni internazzjonali; l-oħra fir-rigward tar-reġim tal-moviment tal-prodott tal-attività tagħha.

75.

Meta l-awtorità mhux ġudizzjarja (jew il-professjonist legali) taġixxi bħala “qorti”, għaldaqstant, tibqa’ suġġetta biss għar-regoli tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tar-Regolament ( 23 ). B’dan il-mod, jiġi ggarantit li l-interventi tagħha jissodisfaw l-objettiv ta’ rabta mill-qrib bejn l-awtorità u s-suċċessjoni, li hija meħtieġa għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, u sabiex tiġi evitata frammentazzjoni tas-suċċessjoni fir-rigward tas-sustanza ( 24 ).

76.

Barra minn din l-ipoteżi, in-nutar ma huwiex suġġett għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tar-Regolament. B’estensjoni, lanqas ma għandu l-kompitu li jiddetermina jekk il-qrati tal-ġurisdizzjoni fejn jipprattika għandhomx ġurisdizzjoni ġenerali sabiex jiddeċiedu, fit-tieni lok, dwar il-kompetenza tiegħu stess, bħala nutar, skont it-tqassim tal-kompetenzi territorjali abbażi tal-lex fori.

77.

Il-qorti tar-rinviju ( 25 ) tidher li qiegħda tifhem ir-Regolament fis-sens li n-nutar ma għandux joħroġ ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni, jekk il-qrati tas-sistema ġuridika fejn jipprattika ma jkollhomx ġurisdizzjoni internazzjonali abbażi tar-Regolament. Din l-osservazzjoni hija kondiviża mill-Gvern Awstrijakk u dak Ungeriż, u saru kummenti dwar il-kontenut tagħha waqt is-seduta.

78.

Ċertament, din l-interpretazzjoni tiggarantixxi l-unità tat-trattament ta’ suċċessjoni b’rabtiet ma’ diversi sistemi ġuridiċi. Skont l-Artikolu 64 tar-Regolament, din hija, barra minn hekk, ir-regola rilevanti meta jintalab il-ħruġ ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni. Madankollu, ir-Regolament ma jimponix dan meta t-talba tkun għal ċertifikat nazzjonali.

79.

Fil-premessa 32 tiegħu, ir-Regolament jispjega li l-għan ta’ unità huwa kkombinat ma’ dak li tiġi ffaċilitata l-ħajja tal-eredi; dan l-għan jinsab f’dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 13. Meta awtoritajiet mhux ġudizzjarji (pereżempju nutara li ma jkollhomx dawn il-funzjonijiet) minn diversi Stati Membri joħorġu dokumenti dwar il-kwalità ta’ eredi jew id-drittijiet tiegħu, dan ma għandux jifframmenta s-suċċessjoni fir-rigward tar-riżultat sostantiv, peress li kollha japplikaw l-istess liġi.

80.

Naturalment meta jkun hemm għadd ta’ ċertifikati dan jipproduċi frammentazzjoni, mill-perspettiva tal-ġestjoni tas-suċċessjoni: iżda din il-possibbiltà (inevitabbli) hija aċċettata fir-Regolament, li jindirizzaha fil-premessa 36 fejn jindika bħala soluzzjoni l-qbil volontarju tal-partijiet dwar kif għandhom jipproċedu. Fin-nuqqas ta’ tali ftehim — għaldaqstant f’sitwazzjoni ta’ kunflitt — l-intervent ta’ qorti huwa meħtieġ: l-aħħar kelma b’hekk tkun tal-qorti kompetenti abbażi tar-Regolament.

c) Fil-kawża preżenti

81.

Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, li ġiet ikkonfermata waqt is-seduta, jirriżulta li nutar Litwan ma għandux kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar il-punti kontenzjużi li jeżistu bejn il-partijiet. Ma għandux il-possibbiltà li jistabbilixxi punti ta’ fatt li ma humiex ċari u evidenti, u lanqas li jiddeċiedi dwar il-fatti kontenzjużi; meta jkun hemm dubji dwar il-kontenut tat-testment, huwa ma għandux il-kompitu li jispjegah, u la jista’ jsegwi l-interpretazzjoni mogħtija minn xi wieħed mill-eredi, u lanqas, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejniethom, jiddetermina liema interpretazzjoni tat-test tirrifletti r-rieda reali tad-deċedut.

82.

Fil-każ ta’ kontestazzjoni jew dubju, in-nutar Litwan għandu jastjeni milli jiddeċiedi, u l-kwistjoni trid tiġi solvuta mill-qorti. Huma l-awtoritajiet ġudizzjarji li, fi kwalunkwe każ, jiddeċiedu dwar, fost l-oħrajn, il-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni, il-validità tat-testment, l-eżekuzzjoni tiegħu jew l-amministrazzjoni tas-suċċessjoni ( 26 ).

83.

Minn din l-informazzjoni (li l-qorti tar-rinviju għandha tikkorrabora) jirriżulta li l-ħruġ ta’ ċertifikat tad-drittijiet ta’ suċċessjoni nazzjonali min-nutara Litwani ma jinkludix l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji. Għalhekk, dawn in-nutara ma humiex “qrati” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012.

84.

Konsegwentement, in-nutar Litwan la huwa suġġett għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tar-Regolament u lanqas ma huwa kkundizzjonat miċ-ċirkustanza jekk dawn jagħtux jew le l-ġurisdizzjoni lill-qrati Litwani sabiex jiddeċiedu tilwima dwar is-suċċessjoni.

2. It-tieni parti tar-raba’ domanda. Strument awtentiku

85.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk iċ-ċertifikat maħruġ min-nutar Litwan huwiex “strument awtentiku” fis-sens tar-Regolament, li għandu effetti legali fi Stati Membri oħra ( 27 ).

86.

Fuq il-kunċett ta’ “strument awtentiku”, li huwa ddefinit fl-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat il-pożizzjoni tagħha f’diversi okkażjonijiet; reċentament, fis-sentenza WB ( 28 ). Barra minn hekk, il-kundizzjoni u l-portata tal-“awtentiċità”, element essenzjali tal-istrument awtentiku, huma deskritti fir-Regolament u ġew indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess sentenza ( 29 ).

87.

Skont din il-ġurisprudenza u l-informazzjoni disponibbli ( 30 ), iċ-ċertifikat tan-nutar Litwan jidher li jissodisfa l-karatteristiċi preċiżi sabiex jiġi kklassifikat bħala “strument awtentiku” għall-finijiet tar-Regolament, peress li:

in-nutar huwa awtorizzat mill-Artikolu 26 tal-liġi nutarili li joħroġ ċertifikati tas-suċċessjoni;

skont l-istess artikolu tal-liġi nutarili, il-fatti kkonstatati fl-atti nutarili huma stabbiliti u ma jeħtieġu ebda prova, sakemm dawn l-atti ma jiġux annullati;

skont l-Artikolu 40 tal-liġi nutarili, in-nutar għandu jirrifjuta li jagħmel att li jmur kontra l-liġi;

iċ-ċertifikat tas-suċċessjoni huwa strument awtentiku konformi ma’ mudell uffiċjali stabbilit mill-Ministeru tal-Ġustizzja li jiċċertifika l-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni u tad-drittijiet fuq il-beni tal-eredi; u

qabel ma joħorġu, in-nutar għandu jwettaq numru ta’ atti, fosthom il-konstatazzjoni tal-eżistenza jew tal-assenza ta’ testment; meta jkun hemm testment, il-verifika tal-kontenut u tal-validità tiegħu; id-determinazzjoni tal-beni li jkunu tħallew b’wirt; l-identifikazzjoni tal-eredi, billi jiġu eżaminati d-dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni jew ta’ rinunzja għas-suċċessjoni; l-evalwazzjoni tar-rabtiet ta’ parentela u matrimonjali u ta’ titoli ta’ proprjetà.

88.

Għal darba oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi b’mod definittiv f’dan ir-rigward, peress li minħabba l-għarfien tagħha tal-liġi domestika tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddeċiedi f’dan ir-rigward. Jekk hija tiddeċiedi li ċ-ċertifikat huwa strument awtentiku, is-saħħa probatorja tiegħu għandha tiġi aċċettata fi Stati Membri oħrajn, skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament.

C.   Fuq is-sitt domanda preliminari

89.

Il-qorti tar-rinviju tifformula, fir-realtà, żewġ domandi konnessi, billi tieħu bħala punt ta’ tluq il-fatti deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha. Hija tixtieq tkun taf jekk, skont dawn il-fatti, “[i]l-partijiet ikkonċernati jaqblu[x] fuq il-fatt li għandhom ġurisdizzjoni l-qrati Litwani u li għandha tiġi applikata l-liġi Litwana?”.

90.

Ir-risposta għalhekk teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament. Fid-dawl tad-data tat-testment, qabel is-17 ta’ Awwissu 2015, ser nikkunsidra wkoll id-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu.

91.

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament, l-għażla mid-deċedut tal-liġi ta’ Stat Membru tiftaħ għall-partijiet ikkonċernati mis-suċċessjoni l-possibbiltà li jagħtu, bi ftehim, ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati ta’ dan l-Istat, taħt ċerti kundizzjonijiet. L-Artikolu 7(c) jestendi l-għażla, billi jippermetti li ssir espressament quddiem il-qorti li tkun adita bil-kawża. Id-deċiżjoni tar-rinviju titlob ukoll l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

1. Għażla ta’ liġi li ma tinsabx espressament fit-testment

a) Dispożizzjonijiet testamentarji li saru mis-17 ta’ Awwissu 2015 ( 31 )

92.

Ir-rikonoxximent tal-awtonomija tar-rieda tal-partijiet fil-qasam tas-suċċessjoni huwa wieħed mill-aspetti l-iktar importanti tar-Regolament. Il-validità tal-għażla hija, madankollu, suġġetta għal kundizzjonijiet suġġettivi, oġġettivi u formali.

93.

Għal raġunijiet ovvji, huwa biss id-deċedut li għandu l-fakultà tal-għażla. Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament, dan jista’ jagħżel biss il-liġi nazzjonali tiegħu ( 32 ).

94.

Sabiex ikun assigurat li kellu r-rieda li jagħżel u ċarezza dwar is-suġġett, l-Artikolu 22(2) tar-Regolament jimponi kundizzjonijiet formali: l-għażla għandha ssir espressament fil-forma ta’ trasferiment causa mortis jew tirriżulta mit-termini ta’ dispożizzjoni ta’ dan it-tip. Hija din it-tieni possibbiltà li tqajjem l-iktar diffikultajiet fil-prattika.

95.

Il-kwistjoni dwar jekk kienx hemm għażla ta’ liġi fil-qasam tas-suċċessjoni teħtieġ attenzjoni partikolari, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-rieda ta’ individwu (id-deċedut) li, mid-definizzjoni tiegħu stess, la jista’ jikkonfermaha u lanqas jiddiskutiha mal-ftuħ tas-suċċessjoni.

96.

Huwa għalhekk li, u permezz tal-kundizzjonijiet formali li diġà semmejt, inqis li wieħed ma jistax jinferixxi l-professio juris minn informazzjoni esterna għad-dispożizzjoni testamentarja stess. Iktar u iktar, meta din tkun saret quddiem nutar u għaldaqstant kien ingħata (jew jista’ jiġi preżunt li kien ingħata) parir dwar il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

97.

Għalhekk, fatturi esterni għad-dispożizzjoni testamentarja (bħal, pereżempju, jekk id-deċedut ikun siefer lejn ċertu pajjiż biex jagħmel testment, in-nazzjonalità tal-awtorità intervenjenti jew liema sistema ġuridika tagħtiha kompetenza) ma humiex deċiżivi. Jekk ikun il-każ, dawn jgħoddu bħala argumenti ad abundantiam, jiġifieri insostenn tal-konklużjoni dwar jekk kinitx saret jew le għażla tal-liġi, li tirriżulta mid-dispożizzjoni testamentarja stess.

98.

Fuq din tal-aħħar, jista’ jiġi kkunsidrat, skont il-premessa 39 tar-Regolament, li l-għażla tal-liġi “tista’ titqies bħala murija minn trasferiment causa mortis fejn […] id-deċedut kien irrifera […] għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza tiegħu jew fejn huwa kien b’xi mod semma dik il-liġi”.

99.

Din il-konsegwenza tiddependi, fil-biċċa l-kbira, mill-kwistjoni dwar liema huma d-dispożizzjonijiet speċifiċi ċċitati iktar ’il fuq. Paragun mal-liġi tar-residenza abitwali, li hija applikabbli fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, huwa neċessarju sabiex jiġi stabbilit sa liema punt id-dispożizzjonijiet iċċitati huma tipiċi biss tas-sistema ġuridika li l-għażla tagħha hija kkontestata.

b) Testmenti qabel is-17 ta’ Awwissu 2015

100.

Dak li ntqal sa issa jista’ jinbidel, madankollu, fil-każ ta’ testmenti li jkunu saru qabel id-data ta’ applikabbiltà sħiħa tar-Regolament.

101.

L-Artikolu 83 tar-Regolament jipprovdi reġim tranżitorju għad-dispożizzjonijiet testamentarji li jkunu saru qabel is-17 ta’ Awwissu 2015. L-għan ta’ dan ir-reġim tranżitorju huwa li jissalvagwardjahom minn emendi leġiżlattivi li jsiru wara l-mument meta d-deċedut ikun organizza l-assenjazzjoni tal-patrimonju tiegħu wara mewtu.

102.

L-Artikolu 83(2), bil-għan li jħares ir-rieda tat-testatur, jirregola l-validità tal-għażla tal-liġi, kemm jekk nazzjonali jew oħra, magħmula qabel is-17 ta’ Awwissu 2015 (jekk id-deċedut ikun ġie nieqes dakinhar jew wara). Dik l-għażla hija valida jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament, jew dawk fis-seħħ, meta tkun saret l-għażla, fl-Istat fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu jew fi kwalunkwe wieħed mill-Istati li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza

103.

Skont l-Artikolu 83(4) tar-Regolament, jekk trasferiment causa mortis li kien sar qabel is-17 ta’ Awwissu 2015 huwa validu skont “il-liġi li d-deċedut ikun għażel skont dan ir-regolament, dik il-liġi għandha titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni”.

104.

Il-finzjoni maħluqa minn din id-dispożizzjoni tneħħi l-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk, f’testment li sar qabel is-17 ta’ Awwissu 2015, kienx hemm għażla ta’ liġi, meta din ma tirriżultax b’mod ċar mit-test (f’liema każ għandu jsir riferiment għall-Artikolu 83(2)): naturalment, dejjem jekk tkun issodisfatta l-kundizzjoni stipulata fl-istess dispożizzjoni.

c) Fil-kawża preżenti

105.

Ma huwiex ikkontestat li t-testment sar quddiem nutar fil-Litwanja, fl-4 ta’ Lulju 2013. F’dak il-mument, is-suċċessjoni diġà kienet tippreżenta elementi barranin magħrufa għad-deċeduta: in-nazzjonalità Litwana tagħha, il-preżenza stabbli tagħha fil-Ġermanja, is-sitwazzjoni tal-patrimonju tagħha fil-Litwanja u n-nazzjonalitajiet differenti ta’ żewġha u binha, rispettivament.

106.

Barra minn hekk, f’din id-data, ir-Regolament kien diġà daħal fis-seħħ. Għażla espliċita ta’ liġi, jew li tirriżulta mit-termini tad-dispożizzjoni testamentarja, setgħet issir abbażi tal-Artikolu 83(2).

107.

Fi kwalunkwe każ, jekk it-testment ikun validu skont il-liġi nazzjonali tad-deċedut fil-mument meta jkun sar, jew fil-mument tal-mewt, l-Artikolu 83(4) tar-Regolament jawtorizza l-użu tal-finzjoni li din il-liġi tkun effettivament intgħażlet, mingħajr il-ħtieġa li jsir xejn iktar.

2. Għażla tal-forum li ssegwi l-għażla tal-liġi.

a) Ġustifikazzjoni u kundizzjonijiet

108.

Il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt tiegħu għandhom, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament, ġurisdizzjoni internazzjonali esklużiva biex jagħtu deċiżjoni dwar kwalunkwe aspett relatat ma’ suċċessjoni b’elementi transkonfinali.

109.

Probabbilment, tkun teżisti rabta mill-qrib bejn il-qrati hekk indikati u l-beni tas-suċċessjoni kif ukoll il-persuni kkonċernati minnha. Peress li l-liġi applikabbli hija, awtomatikament, dik tal-aħħar residenza abitwali tad-deċedut, tirriżulta wkoll awtomatikament korrelazzjoni forum/ius. It-tnejn huma għanijiet ċentrali tar-Regolament, kif jispjegaw il-premessi 23 u 27 tiegħu.

110.

Il-mobbiltà dejjem ikbar tal-persuni, flimkien mal-possibbiltà li tintgħażel il-liġi nazzjonali bħala applikabbli għas-suċċessjoni futura, tippreġudika, jew tipprekludi direttament, l-għanijiet li għadni kif semmejt. Konxju ta’ dan, il-leġiżlatur Ewropew adotta regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali li, taħt ċerti kundizzjonijiet, ibiddlu dik tal-Artikolu 4 tar-Regolament.

111.

Waħda minn dawn ir-regoli toffri lill-persuni kkonċernati mis-suċċessjoni l-fakultà li jagħtu ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat tan-nazzjonalità tad-deċedut, meta dan ikun għażel il-liġi nazzjonali tiegħu bħala applikabbli.

112.

Wieħed jista’ jistaqsi jekk l-għażla mogħtija lill-partijiet ikkonċernati u li, intenni, tiddependi minn għażla tal-liġi minn qabel mid-deċedut, teżistix ukoll meta ma jkunx hemm ċertezza dwar jekk kienx hemm għażla espliċita, iżda l-liġi nazzjonali tad-deċedut tiġi imposta minħabba l-finzjoni stabbilita fl-Artikolu 83(4) tar-Regolament (għal tesmenti qabel is-17 ta’ Awwissu 2015).

113.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għandha tkun fl-affermattiv. Għandu jiġi evitat qari formalistiku tar-Regolament (minkejja li dejjem jirreferi għal-liġi “magħżula” mid-deċedut) filwaqt li nħallu l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni f’idejn l-awtorità li għandha l-aħjar għarfien tad-dritt sostantiv applikabbli. Jidhirli li din hija s-soluzzjoni l-iktar koerenti mal-għan iddikjarat fil-premessa 27 tar-Regolament.

114.

Meta l-liġi magħżula mid-deċedut sabiex tirregola s-suċċessjoni tiegħu tkun dik ta’ Stat Membru, l-Artikolu 5 tar-Regolament jipprovdi li l-partijiet ikkonċernati jistgħu jagħtu l-ġurisdizzjoni esklużiva lil qorti ta’ dak l-Istat sabiex tiddeċiedi kull kawża fil-qasam tas-suċċessjoni.

115.

Din is-sottomissjoni espressa hija, madankollu, suġġetta għal kundizzjonijiet formali stretti b’mod konformi mal-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 5. B’hekk għandu jkun żgurat li kull min jiffirma ftehim li jagħti ġurisdizzjoni esklużiva jkun jaf il-kontenut tiegħu, ikun ta l-kunsens tiegħu u jkun konxju tal-konsegwenzi tiegħu: l-għoti ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati magħżula u t-tneħħija tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-aħħar residenza abitwali tad-deċedut.

116.

L-Artikolu 7(c) tar-Regolament jipprovdi wkoll li l-partijiet fil-kawża (jiġifieri fi proċeduri diġà pendenti) jaċċettaw espressament il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita. L-Artikolu 9 jestendi l-ġurisdizzjoni tal-qorti magħżula bi ftehim, li diġà hija adita bil-kawża, għal partijiet fil-proċedura li ma kinux preżenti f’dak il-ftehim, jekk huma jidhru quddiem din il-qorti mingħajr ma jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tagħha.

117.

Ma hemmx possibbiltajiet oħra ta’ attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni fir-Regolament. Jekk xi parti kkonċernata li tkun ġiet innotifikata bil-ftuħ tal-proċedura ta’ suċċessjoni tonqos milli tidher, din ma hijiex ekwivalenti għas-sottomissjoni taċita tagħha. Id-dikjarazzjoni magħmula minn parti interessata barra minn kull kawża dwar id-drittijiet jew l-obbligi tagħha fir-rigward tas-suċċessjoni lanqas ma toħloq dak l-effett.

118.

Il-leġiżlatur Ewropew ma jimponix l-istess kundizzjonijiet formali stretti fl-Artikolu 5 li jimponi fl-Artikolu 7. F’din it-tieni ipoteżi, il-proċedura tkun pendenti: il-partijiet ikkonċernati msejħa biex jipparteċipaw fiha, u li f’dak il-mument jaċċettaw il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, jitqiesu li kellhom l-elementi rilevanti kollha sabiex il-kunsens tagħhom jitqies li kien wieħed informat.

119.

Madankollu l-aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni għandha tkun espressa, sabiex jiġi evitat kull dubju dwar l-eżistenza tagħha. Huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jippreċiża kundizzjonijiet oħra ta’ żmien u dawk formali sabiex tkun valida l-aċċettazzjoni fil-proċedura pendenti, b’ħarsien tal-prinċipji ta’ effettività u ekwivalenza.

b) Fil-kawża preżenti

120.

Abbażi tal-informazzjoni mogħtija fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma jidhirx li kien hemm ftehim min-naħa tal-partijiet li tingħata ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Litwanja. Min-naħa l-oħra, jeżistu dikjarazzjonijiet unilaterali tar-raġel tad-deċeduta, li saru fil-Ġermanja, fejn huwa rrinunzja għal kull pretensjoni fuq il-wirt, jagħti l-kunsens tiegħu għall-ġurisdizzjoni tal-qorti Litwana u jirrifjuta li jidher quddiemha fil-proċeduri pendenti f’dan l-Istat.

121.

Hija biss it-tieni waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet li hija rilevanti, inkwantu tista’ tikkorrispondi għas-sitwazzjoni deskritta fl-Artikolu 7(c) tar-Regolament. Il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ, fid-dawl tat-termini ta’ din id-dikjarazzjoni, b’mod partikolari tal-portata tal-kunsens li huwa espress fiha. Hija għandha tivverifika wkoll il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ żmien u dawk formali, previsti fis-sistema ġuridika tagħha, sabiex din id-dikjarazzjoni tipproduċi effett li jagħti ġurisdizzjoni fil-proċeduri pendenti.

122.

Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni bi ftehim bejn il-partijiet, jidhirli li għandu jitfakkar li r-Regolament ma għandux jinqara b’mod li jipprekludi lill-partijiet milli jsolvu s-suċċessjoni barra minn kull tilwima, fi Stat Membru li jkunu għażlu, jekk dan ikun possibbli skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Din il-possibbiltà għandha tibqa’ miftuħa, anki jekk il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni ma tkunx il-liġi ta’ dan l-Istat Membru. Dan il-kriterju, li huwa espress b’mod ċar fil-premessa 29 tar-Regolament, jista’ jkun utli għall-qorti tar-rinviju.

V. Konklużjoni

123.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta li għandha tingħata lil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) għandha tkun skont kif ġej:

“1)

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, kif ukoll il-kumplament tad-dispożizzjonijiet relatati mar-residenza abitwali tad-deċedut, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-imsemmija residenza abitwali tista’ tkun biss waħda.

2)

Meta r-residenza abitwali tad-deċedut tkun tinsab fi Stat filwaqt li elementi rilevanti oħrajn tas-suċċessjoni jkunu jinsabu fi Stat jew Stati oħrajn, is-suċċessjoni jkollha natura transkonfinali u r-Regolament Nru 650/2012 huwa, konsegwentement, applikabbli.

3)

L-Artikoli (2) u 4 tar-Regolament Nru 650/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li nutar li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “qorti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex suġġett għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-imsemmi regolament.

4)

L-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat nazzjonali ta’ drittijiet ta’ suċċessjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, maħruġ min-nutar fuq talba ta’ parti, skont mudell uffiċjali, u wara li jkunu saru konstatazzjonijiet dwar il-materjalità tal-fatti u dikjarazzjonijiet elenkati fih, jikkostitwixxi “strument awtentiku” u joħloq fi Stati Membri oħra l-effetti probatorji marbuta miegħu.

5)

L-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għażla tal-liġi mid-deċedut li ma tkunx saret espliċitament f’dikjarazzjoni fil-forma ta’ trasferiment causa mortis għandha tirriżulta esklużivament mit-termini ta’ tali dispożizzjoni.

6)

L-Artikolu 83(4) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta dispożizzjoni testamentarja li tkun saret qabel is-17 ta’ Awwissu 2015 ma tinkludix għażla tal-liġi, jew jekk din ma tirriżultax mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, il-liġi nazzjonali tad-deċedut, li tipprovdi li l-imsemmija dispożizzjoni testamentarja hija valida, għandha tapplika għas-suċċessjoni, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk din il-liġi ġietx effettivament magħżula.

7)

L-Artikolu 7(ċ) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjoni magħmula minn parti interessata barra mill-proċedura, li permezz tagħha hija taċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qrati għal proċedura pendenti mressqa minn partijiet oħra, hija ekwivalenti għal ammissjoni espressa tal-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati, jekk hija tissodisfa r-rekwiżiti proċedurali u tal-ħin meħtieġa mir-regoli proċedurali tal-forum”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107); iktar ’il quddiem, ir-“Regolament”).

( 3 ) Dan il-punt ta’ fatt huwa suġġett ta’ diskussjoni fil-kawża.

( 4 ) Hija ddikjarat li tħallilu l-proprjetajiet immobbli kollha tagħha, kemm jekk jinsabu fil-Litwanja kif ukoll jekk le, kif ukoll il-flus iddepożitati f’bank fil-Litwanja. Hija ddikjarat ukoll li tgħix il-Ġermanja.

( 5 ) Mill-informazzjoni li tirriżulta mill-proċess jista’ jiġi konkluż li d-deċeduta mietet wara s-17 ta’ Awwissu 2015.

( 6 ) Il-premessa 7. Ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485; iktar ’il quddiem is-“sentenza Oberle”), punt 32.

( 7 ) Meta tqum il-kwistjoni tal-applikabbiltà tar-Regolament sabiex tiġi deċiża l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni futura, ir-risposta ser titlaq, bħala regola ġenerali, mill-ipoteżi li r-residenza abitwali attwali tkun l-aħħar waħda. Ma huwiex meħtieġ li l-Istat fejn ikollu l-għeruq tiegħu jkun Membru tal-Unjoni u marbut bir-regolament: ara l-Artikolu 10, applikabbli jekk ir-residenza abitwali tat-testatur kienet tinsab fi Stat li ma huwiex suġġett għar-regolament, iżda hemm oġġetti tas-suċċessjoni fi Stat li jkun suġġett għal dak ir-regolament; jew l-Artikolu 20, dwar l-applikazzjoni universali tar-regoli ta’ kunflitt tar-regolament.

( 8 ) Ir-Regolament jagħti, min-naħa l-oħra, ċerta importanza lir-rieda tat-testatur u tal-partijiet ikkonċernati l-oħrajn: ara iktar ’il quddiem, il-punti 92 et seq. b’rabta mas-sitt domanda tal-qorti tar-rinviju.

( 9 ) Dejjem sakemm ikun Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, marbut bir-Regolament.

( 10 ) Fil-punt 63 tad-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li mir-Regolament jidher li jirriżulta li hija possibbli biss residenza abitwali waħda, iżda żżid li “din il-pożizzjoni ma hijiex madankollu prevista expressis verbis [b’tali mod li] teżisti, f’dan il-kuntest, il-ħtieġa ta’ ċarezza ikbar u spjegazzjonijiet min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja”. L-intervenjenti kollha fis-seduta kkonfermaw li hemm biss residenza abitwali waħda. Kwistjoni oħra, u essenzjali sabiex tiġi deċiża din il-kawża, hija l-mod li bih hija ddeterminata.

( 11 ) Il-premessa 24.

( 12 ) Il-premessa 23.

( 13 ) Il-premessa 23 in fine. Korsiv miżjud.

( 14 ) F’dan il-kuntest, jidhirli li wieħed ma jista jiddeduċi ebda konklużjoni immedjata mir-residenza fiskali jew matrimonjali tad-deċedut: dawn l-elementi għandhom jiġu eżaminati, flimkien mal-kumplament tal-indikazzjonijiet relevanti, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha.

( 15 ) B’mod partikolari, trid tiġi kkunsidrata l-attività — bi ħlas jew le — eżerċitata mit-testatur, it-tul tagħha, in-natura tal-kuntratt (jekk ikun il-każ), il-preżenza jew le ta’ akkomodazzjoni permanenti, l-ambjent tal-familja u soċjali tiegħu, il-post fejn huwa kien jirċievi trattament mediku, liema amministrazzjoni kienet tagħmel tajjeb għall-ispejjeż relatati... fost fatturi oħra.

( 16 ) Din it-tieni ipoteżi hija ġeneralment murija minn koppji ta’ pensjonanti li jkollhom żewġ ċentri ta’ għajxien, wieħed fit-tramuntana u l-ieħor fin-nofsinhar tal-Ewropa. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) tad-29 ta’ Mejju 2019 (Cass. 1re civ., 29 ta’ Mejju 2019, nru 18-13.383, JurisData nru 2019-009044).

( 17 ) Ir-residenza abitwali tat-testatur hija l-kriterju ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni u tal-liġi applikabbli, adottati rispettivament fl-Artikoli 4 u 21 tar-Regolament. Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, il-post fejn jinsabu l-beni huwa biss ta’ natura sussidjarja (ara l-Artikolu 10 tar-Regolament); huwa ta’ natura eċċezzjonali fir-rigward tal-liġi applikabbli (Artikolu 30, u jekk applikabbli, l-Artikolu 34). In-nazzjonalità hija irrilevanti, ħlief fil-każ ta’ għażla ta’ liġi mit-testatur (Artikoli 5 u 22 tar-Regolament).

( 18 ) Din ir-rabta sservi, fir-rigward tal-liġi applikabbli, sabiex tikkoreġi r-riżultat tal-użu tar-residenza abitwali bħala fattur ta’ konnessjoni. Ara l-Artikolu 21(2) tar-Regolament.

( 19 ) Punt 41 tad-deċiżjoni ta’ rinviju.

( 20 ) Għalkemm ir-Regolament jesprimi fil-premessa 20 tiegħu din ir-rieda, xorta jibqa’ l-fatt li mill-kliem tiegħu jirriżulta li l-assimilazzjoni funzjonali tan-nutara (u ta’ professjonisti oħra) mal-imħallfin hija residwa.

( 21 ) Sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, WB (C‑658/17, EU:C:2019:444); iktar ’il quddiem is-“sentenza WB”), punt 55.

( 22 ) Sentenza WB, punt 59 u l-ewwel punt tad-dispożittiv.

( 23 ) Il-premessa 22 tar-Regolament. Skont is-sentenza Oberle, qorti fis-sens strett (jiġifieri skont kriterju organiku, għall-kuntrarju ta’ kriterju funzjonali) hija min-naħa l-oħra suġġetta għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kull proċedura li hija tkun inkarigata minnha fil-qasam tas-suċċessjoni, anki meta l-intervent tagħha ma jinkludix deċiżjoni li taqta’ tilwima: dan ikun il-każ pereżempju meta toħroġ ċertifikat nazzjonali tad-drittijiet tas-suċċessjoni.

( 24 ) L-argument ta’ unità fit-trattament proċedurali (f’sens wiesa’, inklużi wkoll ir-riċeviment u l-ifformalizzar ta’ espressjonijiet tar-rieda kif ukoll il-ħruġ ta’ ċertifikati) tas-suċċessjoni transkonfinali ma huwiex assolut. Kieku nirreferu għalih biss, kwalunkwe attività marbuta ma’ suċċessjoni li taqa’ taħt ir-Regolament ikollha titwettaq fi Stat Membru wieħed biss: b’mod konkret, f’dak l-Istat Membru li l-qrati tiegħu jkollhom ġurisdizzjoni skont ir-Regolament, jekk tkun tressqet proċedura quddiemhom. Madankollu, din ma hijiex l-għażla magħmula mil-leġiżlatur Ewropew.

( 25 ) Punt 54 tad-digriet tar-rinviju.

( 26 ) F’dan ir-rigward ingħataw kjarifiki dwar id-deskrizzjoni tal-kompetenza tan-nutar bħala “esklużiva”: din tirrikjedi biss li l-eredi jitolbu l-ftuħ tas-suċċessjoni quddiem nutar.

( 27 ) Il-premessa 22 tikkonċepixxi l-atti nutarili skont sistema doppja: jew huma “riżoluzzjonijiet” jew inkella “strumenti awtentiċi”. Ċertament, dawn jistgħu jkunu la wieħed u lanqas l-ieħor.

( 28 ) Sentenza WB, punt 67.

( 29 ) Premessa 62 tar-Regolament u sentenza WB, punt 68: “Barra minn hekk, mill-premessa 62 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li għandha tingħata interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ ‘awtentiċità’, b’reazzjoni għal numru ta’ fatturi, b’mod partikolari l-veraċità tal-miżura, ir-rekwiżiti formali applikabbli għaliha, is-setgħat tal-awtorità determinanti u l-proċedura segwita għat-tfassil tagħha. L-awtentiċità għandha tkopri wkoll l-elementi fattwali rreġistrati fl-istrument awtentiku mill-awtorità kkonċernata, bħall-fatt li l-partijiet indikati jkunu dehru quddiem din l-awtorità fid-data indikata u jkunu għamlu d-dikjarazzjonijiet indikati”.

( 30 ) Minbarra dak ippreżentat mill-qorti tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Litwan, bil-miktub u waqt is-seduta, l-istudju ta’ Beaumont, P, Fitchen, J. u Holliday, J., The evidentiary effects of authentic acts in the Member States of the European Union, in the context of successions, https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/556935/IPOL_STU(2016)556935_EN.pdf, pp. 152 et seq.

( 31 ) L-Artikolu 84 jippreċiża li r-Regolament “għandu japplika mis-17 ta’ Awwissu 2015”. Skont l-Artikolu 83(1), id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom japplikaw għas-suċċessjoni ta’ persuni li jmutu fis-17 ta’ Awwissu 2015 jew wara dik id-data. Id-dispożizzjonijiet testamentarji implimentati fl-istess jum, jiġifieri fis-17, għalhekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrument Ewropew.

( 32 ) L-għażla tista’ tkun usa’ fil-każijiet ikkontemplati fl-Artikolu 83(2) minħabba r-riferiment għar-regoli tad-dritt internazzjonali privat fis-seħħ fl-Istati tar-residenza abitwali, jew ta’ kwalunkwe waħda min-nazzjonalitajiet tat-testatur, fil-mument meta jkun għamel l-għażla.

Top