This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CC0044
Opinion of Advocate General Szpunar delivered on 23 April 2020.#Repsol Petróleo, SA v Administración General del Estado.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal Supremo.#Reference for a preliminary ruling – Directive 2003/96/EC – Taxation of energy products and electricity – Article 21(3) – Absence of chargeable event giving rise to taxation – Consumption of energy products within the curtilage of an establishment in which they were produced for the production of final energy products from which non-energy products are also inevitably produced.#Case C-44/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-23 ta’ April 2020.
Repsol Petróleo SA vs Administración General del Estado.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku – Artikolu 21(3) – Assenza ta’ fatt taxxabbli – Konsum ta’ prodotti tal-enerġija ġewwa stabbiliment fejn ġew immanifatturati mwettqa għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-enerġija finali li matulhom jinkisbu wkoll, b’mod inevitabbli, prodotti mhux tal-enerġija.
Kawża C-44/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-23 ta’ April 2020.
Repsol Petróleo SA vs Administración General del Estado.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku – Artikolu 21(3) – Assenza ta’ fatt taxxabbli – Konsum ta’ prodotti tal-enerġija ġewwa stabbiliment fejn ġew immanifatturati mwettqa għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-enerġija finali li matulhom jinkisbu wkoll, b’mod inevitabbli, prodotti mhux tal-enerġija.
Kawża C-44/19.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:309
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fit‑23 ta’ April 2020 ( 1 )
Kawża C‑44/19
Repsol Petróleo, SA
vs
Administración General del Estado
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il‑Qorti Suprema, Spanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku – Artikolu 21(3) – Eżenzjoni tal-prodotti tal-enerġija użati fl-impjant li jimmanifattura prodotti tal-enerġija – Manifattura simultanja ta’ prodotti tal-enerġija u ta’ prodotti oħra”
Introduzzjoni
1. |
Id-dritt tal-Unjoni jarmonizza r-regoli bażiċi ta’ tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija filwaqt li jistabbilixxi wkoll livell minimu ta’ tali tassazzjoni. Madankollu din it-tassazzjoni ma tapplikax għall-użu ta’ prodotti tal-enerġija għall-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija oħra. Id-dispożizzjonijiet rilevanti diġà kienu s-suġġett ta’ numru ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 2 ). Madankollu la dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas l-imsemmija ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħtu risposta għad-domanda dwar kif għandhom jiġu ttrattati prodotti tal-enerġija użati għall-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija oħra f’każijiet fejn fil-kuntest ta’ din il-manifattura jinkisbu wkoll prodotti li ma jkunux prodotti tal-enerġija. Il-kawża preżenti titratta din il-kwistjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
2. |
L-Artikolu 21(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku ( 3 ) jipprovdi: “1. Flimkien mad-disposizzjonijiet ġenerali li jiddefinixxu l-att li jwassal għal ħlas u d-disposizzjonijiet imniżżla f’Direttiva [tal-Kunsill] 92/12/KEE [tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, u r-rettifiki fil-ĠU 2009, L 51M, p. 90 u fil-ĠU 2015, L 210, p. 39)], l-ammont ta’ tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija għandha tiġi dovuta fl-okkorrenza ta’ wieħed mill-atti li jwassal għal ħlas msemmija fl-Artikolu 2(3). […] 3. Il-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija f’żona tmiss ma stabilliment li jipproduċi prodotti ta’ enerġija ma għandux jiġi kkunsidrat bħala l-att li jwassal għal ħlas li jagħti lok għall-tassazzjoni, jekk il-konsum jikkonsisti fi prodotti ta’ enerġija magħmula fiż-żona ta’ l-isatbbiliment. Stati membri jistgħu jikkonsidraw ukoll il-konsum ta’ l-elettriku u prodotti oħra ta’ enerġija li ma jiġux magħmula fiż-żona ta’ stabbiliment bħal dan u l-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku fiż-żona tmiss ma stabbbiliment fejn issir produzzjoni ta’ karburanti biex jintużaw għall-ġenerazzjoni ta’ elettriku li ma jagħtux lok għal l-att li jwassal għal ħlas. Fejn il-konsum isir għall-skopijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-produzzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija u b’mod partikolari għall-propulsjoni ta’ vetturi, dan għandu jiġi kkonsidrat bħala l-att li jwassal għal ħlas, li jagħti lok għall-tassazzjoni”. |
Id-dritt Spanjol
3. |
L-Artikolu 47(1)(b) tal-Ley 38/1992, de Impuestos Especiales (il-Liġi 38/1992 fuq id-Dazji tas-Sisa) tat‑28 ta’ Diċembru 1992 jipprevedi ( 4 ): “Ma humiex suġġetti għad-dazju l-awtokonsum li jinvolvi: […]
|
Il-fatti, il-proċedura u d-domandapreliminari
4. |
Repsol Petróleo SA, kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Spanjol (iktar ’il quddiem, “Repsol”), topera, fost oħrajn, fil-qasam tal-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija fil-proċess ta’ raffinazzjoni taż-żejt naturali. F’dan il-proċess, minbarra prodotti tal-enerġija, jirriżultaw numru ta’ prodotti oħra bħall-kubrit, frazzjonijiet tqal ta’ żejt naturali jew idrokarbur aromatiku, kif ukoll fwar tal-ilma. Sussegwentement dawn il-prodotti jinbiegħu u jintużaw fl-industrija kimika, u jintużaw ukoll parzjalment mill-ġdid fil-proċess ta’ manifattura. |
5. |
Fit‑2 ta’ April 2012 l-awtoritajiet tat-taxxa Spanjoli taw deċiżjoni kontra Repsol fejn ordnatha tħallas id-dazju tas-sisa għaż-żjut minerali għas-snin ta’ taxxa 2007 u 2008 minħabba l-użu minn din il-kumpannija taż-żjut minerali mmanifatturati minnha nnifisha bħala kombustibbli fil-proċess ta’ manifattura, fejn f’dan il-proċess irriżultaw prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija. L-awtoritajiet tat-taxxa qiesu li ż-żjut minerali użati fil-proċess ta’ manifattura għandhom effettivament ikunu suġġetti għal tassazzjoni proporzjonalment għall-kwantità tal-prodotti l-oħra li ma humiex prodotti tal-enerġija li jirriżultaw f’dan il-proċess. |
6. |
Il-kontestazzjoni ta’ Repsol għal din id-deċiżjoni ġiet miċħuda, fil-proċedimenti amministrattivi kif ukoll fl-ewwel istanza tal-proċeduri ġudizzjarji. Id-deċiżjonijiet kienu bbażati, b’mod partikolari, fuq il-ġurisprudenza stabbilita tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li skontha l-awto‑konsum ta’ prodotti tal-enerġija ma huwiex suġġett għat-taxxa biss sa fejn iservi għall-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija oħra. Din il-ġurisprudenza ġiet iffurmata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet li kienu jikkostitwixxu t-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE ( 5 ). |
7. |
Repsol ippreżentat appell fil-kassazzjoni mis-sentenza fl-ewwel istanza tal-qorti tar-rinviju. |
8. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 21.3 tad-Direttiva 2003/96 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġu suġġetti għat-taxxa speċjali fuq iż-żjut minerali, dawk it-tranżazzjonijiet ta’ awto-konsum ta’ prodotti tal-enerġija, imwettqa fl-impjanti tal-produttur, fil-proporzjon li fih jinkisbu prodotti mhux tal-enerġija. Jew inkella, għall-kuntrarju, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa li jiġi eskluż mit-tassazzjoni l-użu ta’ prodotti tal-enerġija li huma meqjusa neċessarji sabiex jinkisbu l-prodotti tal-enerġija finali jimpedixxi t-tassazzjoni tal-istess awto-konsum sa fejn dan iwassal għall-kisba ta’ prodotti oħra mhux tal-enerġija, anki jekk din il-produzzjoni tkun residwa u sseħħ b’mod inevitabbli bħala konsegwenza tal-proċess ta’ produzzjoni nniffsu?”. |
9. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Jannar 2019. Saru osservazzjonijiet bil-miktub minn Repsol, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Ċek kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. Repsol, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni ġew irrappreżentati fis-seduta li nżammet fl‑4 ta’ Marzu 2020. |
Analiżi
10. |
Permezz tad-domanda preliminari f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li f’sitwazzjoni fejn fil-proċess ta’ manifattura ta’ prodotti tal-enerġija jinkisbu wkoll, inevitabbilment, prodotti li ma jkunux prodotti tal-enerġija, il-konsum ta’ prodotti tal-enerġija għal tali manifattura ma għandux jitqies bħala fatt li jagħti lok għal xi tip ta’ obbligu fiskali, sew jekk kompletament jew proporzjonalment biss, għall-parti ta’ dak il-proċess li minnu jirriżultaw prodotti tal-enerġija b’esklużjoni tal-partijiet li jikkorrispondu għal prodotti oħra. |
11. |
Qabel kollox jeħtieġ li jiġi osservat li l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 għandu struttura kumplessa. |
12. |
L-ewwel sentenza tiegħu tiddikjara li ma għandux jiġi rrikonoxxut bħala fatt li jagħti lok għal obbligu fiskali l-hekk imsejjaħ awto-konsum ta’ prodotti tal-enerġija, jiġifieri l-konsum ta’ prodotti fl-impjant li jkun ipproduċihom. |
13. |
It-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri ma jirrikonoxxux bħala fatt li jagħti lok għal obbligu fiskali anki l-konsum ta’ prodotti tal-enerġija (kif ukoll l-elettriku) fl-impjant ta’ manifattura ta’ prodotti tal-enerġija, li ma jkunux ġew prodotti fl-istess impjant. |
14. |
Fl-aħħar nett it-tielet sentenza tistipula li r-regolamentazzjoni msemmija iktar ’il fuq ma hijiex applikabbli f’sitwazzjonijiet fejn il-konsum ta’ prodotti tal-enerġija jservi għal skopijiet oħra minbarra għall-manifattura ta’ tali prodotti, bħal pereżempju għall-propulsjoni ta’ vetturi. |
15. |
Mit-tielet sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 jista’ a contrario jinsilet li huwa biss il-konsum ta’ prodotti tal-enerġija għall-manifattura ta’ tali prodotti li ma jitqiesx (jew li jista’ ma jitqiesx) bħala fatt li jagħti lok għal obbligu fiskali. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni ekwivalenti li tippreċedi dik inkwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 92/81, li kienet tipprovdi li l-konsum ta’ żjut minerali fl-impjant ta’ manifattura ta’ żjut minerali ma huwiex meqjus bħala fatt li jagħti lok għal obbligu fiskali “jekk isir għall-finijiet [ta’ din] il-manifattura” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din id-dispożizzjoni kienet tinkludi wkoll id-dispożizzjoni ekwivalenti għal dik li tinsab fit-tielet sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 ( 6 ). |
16. |
Madankollu, kif diġà spjegajt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 ma jipprevedix jekk u sa fejn, għall-finijiet ta’ proċess ta’ manifattura li minnu jirriżultaw simultanjament prodotti tal-enerġija u prodotti oħra, il-konsum ta’ prodotti tal-enerġija għandu jiġi kkunsidrat bħala fatt li jagħti lok għal obbligu fiskali. |
17. |
Jidher li huwa possibbli li jiġu aċċettati żewġ tipi differenti ta’ raġunament. |
18. |
Minn naħa, kif ġustament jinnota l-Gvern Ċek fl-osservazzjonijiet tiegħu, interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 tista’ twassal għall-konklużjoni li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha ssir applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-prodotti tal-enerġija kollha użati fil-proċess ta’ manifattura applikat minn Repsol. |
19. |
Fil-fatt din id-dispożizzjoni ssemmi biss “[i]l-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija f’żona tmiss ma stabilliment li jipproduċi prodotti ta’ enerġija”, filwaqt li t-tielet sentenza tagħha teskludi “l-konsum […] għall-skopijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-produzzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija”. |
20. |
Hekk kif jirriżulta mill-informazzjoni li tinsab fid-digriet tar-rinviju kif ukoll fl-osservazzjonijiet tal-partijiet, fil-proċess ta’ raffinazzjoni taż-żejt naturali l-prodotti tal-enerġija li jintużaw għat-tisħin tiegħu għat-temperatura meħtieġa f’dan il-proċess jintużaw kollha kemm huma għall-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija. Il-kisba simultanja ta’ prodotti li ma jkunux prodotti tal-enerġija hija sempliċement riżultat residwu u inevitabbli ta’ dan il-proċess. Il-kisba ta’ dawn il-prodotti hija element inerenti għall-proċess ta’ manifattura ta’ prodotti tal-enerġija u għaldaqstant għandu jitqies li l-prodotti tal-enerġija kollha li jintużaw f’dan il-proċess teknoloġiku jservu għall-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija. Il-formulazzjoni litterali tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 tkun tindika li ġaladarba l-prodotti tal-enerġija msemmija iktar ’il fuq jintużaw fl-intier tagħhom għall-finijiet ta’ manifattura ta’ prodotti tal-enerġija, dawn għandhom ukoll jitqiesu li huma koperti fl-intier tagħhom mir-regolamentazzjoni inkwistjoni. |
21. |
Barra minn hekk, kif issostni ġustament Repsol, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 tista’ tiġi kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija ddeċidiet li “jista’ jiġi dedott mill-formulazzjoni negattiva tat-tielet sentenza ta’ din id-dispożizzjoni li din hija intiża biss sabiex teskludi mill-benefiċċju ta’ din l-eċċezzjoni l-konsum ta’ prodotti enerġetiċi li ma għandhom ebda rabta mal-produzzjoni ta’ prodotti enerġetiċi” kif ukoll li “l-konsum ta’ prodotti enerġetiċi ma jistax, mis-sempliċi fatt tal-modalitajiet tiegħu, jiġi mċaħħad mill-benefiċċju tal-imsemmija eċċezzjoni, sa fejn dan jikkontribwixxi għall-proċess teknoloġiku tal-manifattura ta’ prodotti enerġetiċi” ( 7 ). Huwa diffiċli li wieħed jiċħad li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-prodotti tal-enerġija li jintużaw fil-proċess teknoloġiku ma humiex prodotti tal-enerġija li “ma għandhom ebda rabta mal-produzzjoni ta’ prodotti enerġetiċi” kif ukoll li jikkontribwixxu bis-sħiħ “għall-proċess teknoloġiku tal-manifattura ta’ prodotti enerġetiċi”. |
22. |
Min-naħa l-oħra din l-interpretazzjoni, anki jekk hija aċċettabbli fid-dawl tal-formulazzjoni litterali tad-dispożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni, ma tiħux inkunsiderazzjoni aspetti sistemiċi suffiċjenti għall-interpretazzjoni tagħha ( 8 ) u tkun tagħti lok għal nuqqas ta’ tassazzjoni mhux iġġustifikat ta’ prodotti tal-enerġija użati għall-manifattura ta’ prodotti li ma jkunux prodotti tal-enerġija. |
23. |
Fil-fatt, f’sitwazzjoni fejn fil-proċess ta’ manifattura jinħolqu kemm prodotti tal-enerġija kif ukoll prodotti li ma jkunux prodotti tal-enerġija, tali proċess ta’ manifattura għandu jitqies bħala l-manifattura simultanja ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti. |
24. |
F’dan il-kuntest, huwa irrilevanti li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-manifattura ta’ prodotti li ma jkunux prodotti tal-enerġija tkun ta’ natura residwa u inevitabbli, jiġifieri dan ma huwiex l-għan tal-proċess ta’ manifattura inkwantu tali, iżda pjuttost l-effett inevitabbli tiegħu. Sa fejn prodotti li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura jkollhom valur fis-suq u jistgħu jinbiegħu mill-manifattur tagħhom dawn il-prodotti jsiru merkanzija għal dan tal-aħħar, jiġifieri sors potenzjali ta’ dħul. Għalhekk il-punt dwar jekk il-manifattura tagħhom issirx b’mod intenzjonali jew jekk isseħħx biss bħala effett inevitabbli tal-manifattura ta’ prodotti oħra ma huwiex rilevanti. Mill-perspettiva ta’ tassazzjoni dawn iż-żewġ każijiet għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod. Dan huwa meħtieġ mill-prinċipju ta’ ugwaljanza u mill-ħtieġa li tiġi żgurata kompetizzjoni mhux distorta. Ikun mod ieħor biss li kieku prodotti oħra li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura ta’ prodotti tal-enerġija jkollhom biss valur fis-suq negliġibbli jew li kieku ma kellhom ebda valur u jkunu jikkostitwixxu biss spiża għall-manifattur. Għaldaqstant ma nikkondividix il-fehma ta’ Repsol li f’dan il-każ huwa deċiżiv l-“għan prinċipali” tal-attività ekonomika. L-attività ekonomika hija suġġetta għal dispożizzjonijiet legali, inklużi dispożizzjonijiet dwar tassazzjoni, mhux b’riżultat tal-għan ta’ din l-attività iżda pjuttost minħabba l-essenza reali u l-effetti tagħha. |
25. |
Issa, l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 jippermetti li l-konsum ta’ prodotti tal-enerġija ma jiġix ikkunsidrat bħala fatt li jagħti lok għal obbligu fiskali biss sa fejn dan il-konsum iservi għall-manifattura ta’ prodotti finali li sussegwentement ikunu suġġetti għal tassazzjoni taħt din id-direttiva bħala prodotti tal-enerġija intiżi għal użu bħala karburant jew bħala kombustibbli ( 9 ). |
26. |
Madankollu l-użu ta’ prodotti tal-enerġija bħala kombustibbli fil-proċess ta’ manifattura jkun suġġett għal tassazzjoni jekk il-prodott finali ma jkunx prodott enerġetiku jew ma jkunx intiż għal użu bħala karburant jew bħala kombustibbli. |
27. |
Nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija f’dan l-aħħar każ ikun joħloq lakuna fis-sistema ta’ tassazzjoni stabbilita bis-saħħa tad-Direttiva 2003/96 billi prodotti li bħala prinċipju għandhom ikunu suġġetti għal tali tassazzjoni ma jiġux intaxxati ( 10 ). |
28. |
L-assenza ta’ tassazzjoni ta’ dawn il-prodotti ma tiġix paċuta bit-tassazzjoni ta’ prodotti finali mmanifatturati b’tal-ewwel inkwantu dawn il-prodotti finali ma jkunux jagħtu lok għal tassazzjoni ( 11 ). |
29. |
Għalhekk il-koerenza tas-sistema ta’ tassazzjoni stabbilita bis-saħħa tad-Direttiva 2003/96 tirrikjedi tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija użati fil-proċess ta’ manifattura sa fejn f’dan il-proċess jinkisbu prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija. |
30. |
Filwaqt li huwa minnu li kif spjegajt fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’waħda mill-kawżi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 li din id-dispożizzjoni ma tapplikax biss f’każijiet ta’ użu ta’ prodotti tal-enerġija għal skopijiet li ma jkollhom ebda rabta mal-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija ( 12 ), is-sitwazzjoni tkun differenti fil-każ ta’ manifattura simultanja, bħala parti mill-istess uniku proċess teknoloġiku, ta’ prodotti tal-enerġija kif ukoll prodotti li ma jkunux prodotti tal-enerġija. |
31. |
Madankollu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih ingħatat l-imsemmija sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-kawża Petrotel‑Lukoil kienet tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 għall-prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni ta’ fwar tal-ilma li min-naħa tiegħu kien jintuża, fost oħrajn, fil-proċess ta’ manifattura ta’ prodotti tal-enerġija. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li bl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni huma esklużi biss sitwazzjonijiet li fihom prodotti tal-enerġija jintużaw għal skopijiet li ma humiex relatati mal-manifattura ta’ tali prodotti. Madankollu jekk dawn jintużaw għall-manifattura ta’ prodotti intermedji, li min-naħa tagħhom sussegwentement jintużaw għall-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija, din id-dispożizzjoni tkun għal kollox applikabbli. Madankollu ma kienx hemm dubju li l-prodotti finali fil-proċess ta’ manifattura inkwistjoni fil-kawża Petrotel-Lukoil huma prodotti tal-enerġija. |
32. |
Il-kawża preżenti tittratta sitwazzjoni differenti, b’mod speċifiku, il-proċess ta’ manifattura simultanja ta’ prodotti tal-enerġija u prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija. Għalhekk il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Petrotel‑Lukoil ma jistgħux jiġu awtomatikament trasposti għall-kawża inkwistjoni. |
33. |
Analoġija iktar simili għall-kawża inkwistjoni tista’ tinsilet mill-kawża Cristal Union ( 13 ). Din il-kawża kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk eżenzjoni mit-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku, prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, tapplikax ukoll għall-prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni simultanja ta’ elettriku u ta’ sħana fi proċess ta’ koġenerazzjoni. |
34. |
Filwaqt li f’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ma interpretatx l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 din l-interpretazzjoni tifforma l-bażi għal analoġija utli għall-kawża preżenti minħabba li din kienet tirrigwarda eżenzjoni mit-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija użati għall-manifattura simultanja ta’ enerġija li tagħti dritt għal tali eżenzjoni (jiġifieri elettriku) u enerġija li ma tagħtix tali dritt (sħana). Din l-analoġija hija ulterjorment iġġustifikata inkwantu l-mekkaniżmu ta’ koġenerazzjoni huwa bbażat fuq l-idea ta’ użu b’mod effettiv u ekonomikament vijabbli tal-enerġija li tirriżulta mill-proċess ta’ manifattura ta’ tip ieħor ta’ enerġija li b’teknoloġija klassika ta’ manifattura ma kinitx tintuża u kienet tintilef. Bl-istess mod din il-kawża tirrigwarda prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija, li l-produzzjoni tagħhom hija effett residwu u inevitabbli tal-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija, li għandhom applikazzjoni ekonomika u li konsegwentement għandhom valur fis-suq. |
35. |
Fil-kawża Cristal Union il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex dubji li l-eżenzjoni mit-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku, li hija ta’ natura mandatorja, hija applikabbli fir-rigward tal-koġenerazzjoni ( 14 ). Madankollu barra minn hekk ma kienx hemm dubju li din l-eżenzjoni hija applikabbli biss għal dik il-parti ta’ prodotti tal-enerġija li tintuża fil-proċess ta’ koġenerazzjoni li sservi għall-produzzjoni ta’ elettriku proporzjonalment mal-ammont ta’ dan l-elettriku relattiv għall-produzzjoni simultanja ta’ sħana. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’dan il-mod minkejja li fil-proċess teknoloġiku ta’ koġenerazzjoni l-prodotti tal-enerġija kollha użati f’dan il-proċess iservu kemm għall-produzzjoni tal-elettriku kif ukoll tas-sħana. Ma huwiex possibbli li tiġi identifikata l-kwantità speċifika ta’ dawn il-prodotti li sservi għall-produzzjoni ta’ tip jew ieħor ta’ enerġija ( 15 ). |
36. |
Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja adottat il-prinċipju li fil-każ ta’ manifattura simultanja ta’ prodotti li jagħtu dritt għal eżenzjoni użati għal tali manifattura ta’ prodotti tal-enerġija u ta’ prodotti li ma jagħtux lok għal dan id-dritt, l-eżenzjoni għandha tkun proporzjonali għall-ammont ta’ kull kategorija ta’ prodotti finali li jirriżultaw minn dan il-proċess ta’ manifattura. |
37. |
Inqis li għandu jiġi applikat prinċipju analogu għall-kawża inkwistjoni. F’sitwazzjoni ta’ manifattura simultanja ta’ prodotti tal-enerġija u ta’ prodotti li ma jkunux prodotti tal-enerġija l-konsum ta’ prodotti tal-enerġija bil-għan ta’ din il-manifattura ma huwiex irrikonoxxut, fuq il-bażi tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, bħala fatt li jagħti lok għal obbligu fiskali, iżda dan biss għal dak il-proporzjon li jikkorrispondi għall-proporzjon ta’ prodotti tal-enerġija mmanifatturati f’dan il-proċess. |
38. |
Fl-istess waqt jeħtieġ li jiġi osservat li l-manifattur ta’ prodotti tal-enerġija li jkun jinsab f’sitwazzjoni bħal Repsol b’ebda mod ma huwa ppreġudikat bit-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija użati minnu fil-proporzjon li jikkorrispondi għall-proporzjon ta’ prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija mmanifatturati simultanjament. Fil-fatt, sa fejn il-prodotti tal-enerġija jintużaw għall-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija, dawn jibbenefikaw bis-sħiħ mill-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96. Madankollu, fl-ambitu tal-manifattura ta’ prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija, it-taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija użati għal din il-manifattura, inkwantu taxxa indiretta, tista’ tiġi kollha kemm hi paċuta mal-prezz ta’ dawk il-prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija mibjugħa fis-suq, bħalma huwa l-każ tal-prodotti l-oħra kollha li għall-manifattura tagħhom jintużaw prodotti tal-enerġija. |
39. |
Tali soluzzjoni hija barra minn hekk meħtieġa mill-perspettiva tar-rekwiżit ta’ nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fil-fatt jista’ jirriżulta li l-prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija mmanifatturati simultanjament ma’ prodotti tal-enerġija fi proċess teknoloġiku wieħed ikunu jinsabu f’kompetizzjoni ma’ prodotti simili li ma jkunux immanifatturati f’tali proċess ta’ manifattura konġunta u li għall-manifattura tagħhom madankollu jintużaw prodotti tal-enerġija. Madankollu dawn il-prodotti tal-enerġija jiġu intaxxati skont il-prinċipji ġenerali u konsegwentement prodotti tal-enerġija użati fil-proċess ta’ manifattura konġunta għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod. Dan ma jgħoddx biss għall-prodotti effettivament immanifatturati fil-proċess teknoloġiku applikat minn Repsol iżda għall-prodotti kollha li fil-preżent jew fil-futur jiġu jew jistgħu jiġu mmanifatturati simultanjament ma’ kwalunkwe prodotti tal-enerġija. |
40. |
Ma huwiex importanti li l-manifattura ta’ prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija tkun effett residwu u inevitabbli tal-manifattura ta’ din it-tieni kategorija ta’ prodotti u lanqas li l-manifattura tagħhom, bħal pereżempju l-estrazzjoni ta’ kubrit fil-proċess ta’ desulfurizzazzjoni, tiġi imposta permezz ta’ regolamentazzjoni li jkollha bħala għan il-protezzjoni tal-ambjent. Kull imprenditur li għandu attività ekonomika f’qasam speċifiku għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż u l-limitazzjonijiet ta’ din l-attività. Iċ-ċirkustanza li fil-proċess ta’ manifattura ta’ prodotti tal-enerġija speċifiċi inevitabbilment jinkisbu wkoll ċerti prodotti li ma jkunux prodotti tal-enerġija hija fatt ġeneralment magħruf li jikkundizzjona dan it-tip ta’ attività, u l-possibbiltà li dawn l-aħħar prodotti jinbiegħu fis-suq hija komponent mill-kalkolu ekonomiku ta’ din l-attività. Bl-istess mod dan il-kalkolu għandu jinkludi t-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija użati għall-manifattura fi proporzjon li jikkorrispondi għall-proporzjon ta’ prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija miksuba. |
41. |
Barra minn hekk ma nikkondividix il-fehma ta’ Repsol li l-bidla fil-formulazzjoni tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 fil-konfront tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 92/81 tirrikjedi bidla fl-interpretazzjoni tagħha. |
42. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 92/81 kien jipprovdi li l-konsum ta’ żjut minerali fl-impjant ta’ manifattura ta’ tali żjut ma huwiex meqjus bħala fatt li jagħti lok għal obbligu fiskali “jekk [dan il-konsum] isir għall-finijiet tal-manifattura” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ dawn iż-żjut. It-tieni subpragrafu ta’ dan il-paragrafu kien jispeċifika sussegwentement li l-konsum għal skopijiet mhux relatati ma’ din il-manifattura jitqies li huwa fatt li jagħti lok għal obbligu fiskali. Din id-dispożizzjoni għamlet distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ konsum ta’ żjut minerali: dak għal skopijiet relatati mal-manifattura ta’ dawn iż-żjut u dak mhux għal skopijiet relatati ma’ din il-manifattura. Dawn il-kategoriji kienu fl-istess waqt skonnessi u eżawrjenti: ma kienu previsti la sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt iż-żewġ kategoriji u lanqas sitwazzjonijiet li ma jaqgħu taħt ebda waħda minnhom. |
43. |
Il-formulazzjoni tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 ma jbiddilx dan. Huwa minnu li fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu 3, li huwa l-ekwivalenti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 92/81, titħalla barra r-riżerva li l-konsum għandu jseħħ għal skopijiet relatati mal-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija. Madankollu din ir-riżerva nżammet fit-tielet sentenza tad-dispożizzjoni inkwistjoni, li hija l-ekwivalenti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 92/81 u l-formulazzjoni tagħha hija essenzjalment identika. Il-leġiżlatur tal-Unjoni qies b’mod ċar, fil-fehma tiegħi korrettament, li r-ripetizzjoni ta’ din l-istess riżerva fiż-żewġ sentenzi hija superfluwa. Peress li effettivament it-tielet sentenza teskludi l-każijiet ta’ konsum ta’ prodotti tal-enerġija għal skopijiet mhux marbuta ma’ manifattura, dan inevitabbilment ifisser li l-ewwel sentenza tirrigwarda biss każijiet ta’ konsum marbuta mal-imsemmija manifattura. Għalhekk it-tifsira tal-ewwel u tat-tielet sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 hija l-istess bħal tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 92/81 ( 16 ). Barra minn hekk, xejn ma jinbidel bl-inklużjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, li sempliċement testendi l-elenku ta’ każijiet ta’ konsum ta’ prodotti tal-enerġija li ma humiex meqjusa li huma fatt li jagħti lok għal obbligu fiskali. Dan ma jibdilx il-fatt li l-konsum għandu jkun bil-għan tal-manifattura ta’ tali prodotti. |
44. |
Għalhekk hawnhekk ma hemm ebda bidla fil-loġika li għaliha tagħmel riferiment Repsol fl-osservazzjonijiet tagħha. Skont l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-bażi tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 92/81 it-tassazzjoni tal-awto-konsum ta’ żjut minerali missha kienet ir-regola u n-nuqqas ta’ tassazzjoni tagħhom l-eċċezzjoni. Min-naħa l-oħra, fuq il-bażi tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, in-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-awto-konsum ta’ prodotti tal-enerġija għandha tkun ir-regola u t-tassazzjoni tagħhom – f’każijiet fejn il-konsum ma huwiex marbut mal-manifattura ta’ dawn il-prodotti – l-eċċezzjoni. |
45. |
Huwa diffiċli li wieħed jaqbel ma’ din il-pożizzjoni. Kemm fuq il-bażi tad-Direttiva 92/81 kif ukoll fuq dik tad-Direttiva 2003/96 il-loġika hija waħda, jiġifieri, li r-regola hija t-tassazzjoni, rispettivament, ta’ żjut minerali jew ta’ prodotti tal-enerġija, filwaqt li n-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-awto-konsum ta’ dawn il-prodotti hija eċċezzjoni li tapplika suġġett għall-kundizzjoni li dan il-konsum iseħħ għal skopijiet relatati mal-manifattura ta’ dawn il-prodotti. |
46. |
Il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-koerenza tas-sistema ta’ tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija stabbilita bis-saħħa tad-Direttiva 2003/96, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi protetta l-kompetizzjoni mhux distorta fis-suq tal-merkanzija li għall-produzzjoni tagħha jintużaw prodotti tal-enerġija, fil-fehma tiegħi jirrikjedu interpretazzjoni tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva f’sens li jmur lil hinn mill-konklużjonijiet li jistgħu jinsiltu biss mill-formulazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni. Jeħtieġ li jiġi osservat li din il-formulazzjoni ma tagħtix tweġiba inekwivoka għall-mistoqsija dwar il-mod xieraq ta’ tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija użati għall-manifattura simultanja ta’ prodotti tal-enerġija u prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija. Għalhekk hawnhekk ma hijiex kwistjoni ta’ interpretazzjoni contra legem, iżda biss kwistjoni li jiġu pprovduti l-elementi ta’ interpretazzjoni sistemika tal-konklużjonijiet li jirriżultaw minn interpretazzjoni litterali. |
47. |
Konsegwentement l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li f’sitwazzjoni fejn fil-proċess ta’ manifattura ta’ prodotti tal-enerġija jinkisbu wkoll, inevitabbilment, prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija, il-konsum ta’ prodotti tal-enerġija għall-iskopijiet ta’ din il-manifattura ma għandux jitqies li huwa fatt li jagħti lok għal obbligu fiskali b’rabta ma’ dak il-proporzjon ta’ dawn il-prodotti li miegħu jikkorrispondi l-proporzjon ta’ prodotti tal-enerġija mmanifatturati. |
48. |
Jeħtieġ li jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 21(3) tad-direttiva kkonċernata japplika biss għall-prodotti tal-enerġija użati għall-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija intiżi għal użu bħala karburant jew bħala kombustibbli. Għalhekk, prodotti tal-enerġija użati mhux biss għall-manifattura ta’ prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva iżda wkoll għall-manifattura ta’ prodotti li effettivament jissodisfaw id-definizzjoni li tinsab fl-artikolu msemmi, iżda li fir-rigward tagħhom id-Direttiva 2003/96 ma tapplikax, konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tagħha peress li dawn ma humiex intiżi għal użu bħala karburant jew bħala kombustibbli. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 17 ). Għaldaqstant bi prodotti tal-enerġija wieħed għandu jifhem biss prodotti suġġetti għas-sistema ta’ tassazzjoni stabbilita bis-saħħa tad-Direttiva 2003/96. |
49. |
Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet fid-Direttiva 2003/96 li jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-proporzjon ta’ prodotti tal-enerġija rregolati mill-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 din id-determinazzjoni tibqa’ taħt il-kompetenza tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ( 18 ). Madankollu din il-kwistjoni kienet is-suġġett ta’ diskussjoni waqt is-seduta u għalhekk jeħtieġ li jsiru l-osservazzjonijiet li ġejjin. |
50. |
L-ewwel nett, sa fejn il-prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija miksuba fil-proċess ta’ manifattura ta’ prodotti tal-enerġija sussegwentement jerġgħu jintużaw f’dan il-proċess ta’ manifattura (bħal pereżempju fil-każ tal-fwar tal-ilma), dawn jitqiesu li huma prodott intermedju li l-manifattura tiegħu tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 ( 19 ). |
51. |
It-tieni nett nikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni li l-iktar mod adegwat biex jiġi kkalkolat il-proporzjon ta’ prodotti tal-enerġija li jibbenefikaw mill-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 isir b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kwantità ta’ prodotti finali mmanifatturati għal kull kategorija, u mhux, pereżempju, għall-valur fis-suq tagħhom. |
52. |
Din hija l-fehma tiegħi iżda, kif issostni l-Kummissjoni, mhux minħabba li t-taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija hija kkalkolata fuq il-kwantità ta’ dawn il-prodotti. Din it-taxxa effettivament tapplika għall-prodotti tal-enerġija li jintużaw bħala karburant fil-proċess ta’ manifattura u mhux għall-prodotti finali ta’ din il-manifattura. |
53. |
Madankollu il-metodu bbażat fuq il-proporzjon ta’ kategoriji individwali ta’ prodotti finali jippermetti li jiġi rifless bl-aħjar mod is-sehem tal-prodotti tal-enerġija fil-proċess ta’ manifattura ta’ kull waħda mill-kategoriji ta’ prodotti finali. L-ammont ta’ prodotti tal-enerġija meħtieġa huwa pjuttost iktar marbut ma’ kull ammont ta’ prodotti finali individwali milli mal-valur tagħhom. |
54. |
Għaldaqstant, kif tenfasizza ġustament Repsol, peress li ma huwiex possibbli li jsir kalkolu eżatt tal-ammonti ta’ konsum ta’ prodotti tal-enerġija għal kull waħda mill-kategoriji ta’ prodotti finali, minħabba li fil-proċess ta’ raffinazzjoni ta’ żejt naturali kull prodott finali li jirriżulta jinkiseb taħt temperaturi differenti, fil-fehma tiegħi l-metodu kwantitattiv jippermetti approssimazzjoni raġonevoli tal-proporzjon ta’ prodotti tal-enerġija meħtieġa għall-kisba ta’ kull waħda mill-kategoriji ta’ prodotti finali. |
55. |
Dan il-metodu ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ limitu de minimis speċifiku fid-dritt nazzjonali li permezz tiegħu kwantità ta’ prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija użati fil-proċess ta’ manifattura ssir tant insinjifikanti li tista’ titħalla barra u l-prodotti tal-enerġija kollha użati f’dan il-proċess jistgħu jkunu suġġetti għall-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96. Madankollu l-limitu de minimis ma jsolvix il-problema tal-kalkolu tal-proporzjon ta’ prodotti tal-enerġija suġġetti għal din ir-regolamentazzjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-kwantità mmanifatturata ta’ prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija teċċedi dan il-limitu. |
I. Konklużjoni
56. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nipproponi r-risposta li ġejja għad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja): L-Artikolu 21(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku għandu jiġi interpretat fis-sens li f’sitwazzjoni fejn fil-proċess ta’ manifattura ta’ prodotti tal-enerġija jinkisbu wkoll, inevitabbilment, prodotti li ma humiex prodotti tal-enerġija, il-konsum ta’ prodotti tal-enerġija għall-iskopijiet ta’ din il-manifattura ma għandux jitqies li huwa fatt li jagħti lok għal obbligu fiskali b’rabta ma’ dak il-proporzjon ta’ dawn il-prodotti li miegħu jikkorrispondi l-proporzjon ta’ prodotti tal-enerġija mmanifatturati. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk.
( 2 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Koppers Denmark (C‑49/17, EU:C:2018:395); tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Turbogás (C‑90/17, EU:C:2018:498); u tas‑7 ta’ Novembru 2019, Petrotel‑Lukoil (C‑68/18, EU:C:2019:933).
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405.
( 4 ) BOE Nru 312 tad-29 ta’ Diċembru 1992, p. 44305.
( 5 ) Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq żjut minerali (ĠU 1992, L 316, p. 12). Id-direttiva ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2003/96.
( 6 ) Min-naħa l-oħra d-Direttiva 92/81 ma kinitx tinkludi awtorizzazzjoni għall-Istati Membri bħal dik fl-attwali tieni sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96.
( 7 ) Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Petrotel‑Lukoil (C‑68/18, EU:C:2019:933, punt 30 (enfasi miżjuda minni)).
( 8 ) It-teħid inkunsiderazzjoni tal-aspetti sistemiċi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, fir-rigward tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Koppers Denmark, C‑49/17, EU:C:2018:395, punt 22).
( 9 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Koppers Denmark (C‑49/17, EU:C:2018:395, punt 32).
( 10 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Koppers Denmark (C‑49/17, EU:C:2018:395, punt 29).
( 11 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Koppers Denmark (C‑49/17, EU:C:2018:395, punt 30).
( 12 ) Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Petrotel‑Lukoil (C‑68/18, EU:C:2019:933, punt 30).
( 13 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union (C‑31/17, EU:C:2018:168).
( 14 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union (C‑31/17, EU:C:2018:168, dispożittiv).
( 15 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union (C‑31/17, EU:C:2018:168, punt 45), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja titratta l-kwistjoni dwar diffikultajiet eventwali fil-kalkolu tal-proporzjonijiet ta’ prodotti tal-enerġija għal kull wieħed mit-tipi ta’ enerġija prodotta.
( 16 ) Ħlief, ovvjament, għall-estensjoni tal-portata tal-prodotti koperti mid-Direttiva 2003/96.
( 17 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Koppers Denmark (C‑49/17, EU:C:2018:395, dispożittiv).
( 18 ) Ara, bl-istess mod, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union (C‑31/17, EU:C:2018:168, punt 45).
( 19 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Petrotel‑Lukoil (C‑68/18, EU:C:2019:933, punt 28 u d-dispożittiv 1).