EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0138

Kawża T-138/18: Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2018 – De Esteban Alonso vs Il-Kummissjoni

ĠU C 190, 4.6.2018, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 190/30


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2018 – De Esteban Alonso vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-138/18)

(2018/C 190/53)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Fernando De Esteban Alonso (Saint-Martin-de-Seignanx, Franza) (rappreżentant: C. Huglo, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna lill-OLAF tipproduċi b’mod komplet u sħiħ in-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 ippreżentata fil-Kawża Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T-48/05) quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 1 102 291,68 (miljun, mija u elfejn, mitejn u wieħed u disgħin euro u tmienja u sittin ċenteżmu) bħala kumpens għad-danni sostnuti, jew somma verjuri, imqassma kif ġej:

għad-dannu morali sostnut mill-fatt li qatt ma nstema’ dwar il-fatti li mmotivaw il-proċeduri kontrieh, is-somma ta’ EUR 60 000;

għad-danni sostnuti minħabba l-aġir illegali, mhux iġġustifikat u sproporzjonat tal-Kummissjoni Ewropea li pproċediet bi proċeduri infondati u mingħajr elementi materjali:

is-somma ta’ EUR 39 293,38 għad-dannu materjali rigwardanti l-ispejjeż tal-avukati;

is-somma ta’ EUR 872,74 għad-dannu materjali rigwardanti l-ispejjeż tal-ivvjaġġar;

is-somma ta’ EUR 500 000 għad-dannu morali rigwardanti l-preġudizzju inkontestabbli magħmul għar-reputazzjoni u l-unur tiegħu;

is-somma ta’ EUR 500 000 bħala kumpens għad-dannu fiżiku u morali ta’ degradazzjoni tal-kundizzjoni ta’ saħħtu;

is-somma ta’ EUR 2 125,56 bħala kumpens għad-dannu materjali rigwardanti l-ispejjeż ta’ eżaminazzjoni u dawk mediċi.

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għas-somma ta’ EUR 3 000 bħala spejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati kif ukoll għall-ispejjeż kollha, jew somma verjuri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka motiv uniku, ibbażat fuq l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni Ewropea u fuq in-nuqqasijiet serji li din tal-aħħar allegatament wettqet, sa fejn din ma osservatx, l-ewwel nett, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, it-tieni nett, id-dmir ta’ premura u, it-tielet nett, il-prinċipji tad-dritt tad-difiża billi kisret l-Artikoli 41 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.


Top