EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TJ0248

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-14 ta’ Lulju 2021 (Estratti).
Diosdado Cabello Rondón vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi – Żamma tal-isem tar-rikorrent fil-lista – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Żball ta’ evalwazzjoni – Libertà ta’ espressjoni.
Kawża T-248/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:450

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

14 ta’ Lulju 2021 ( *1 )

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi – Żamma tal-isem tar-rikorrent fil-lista – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Żball ta’ evalwazzjoni – Libertà ta’ espressjoni”

Fil-Kawża T‑248/18,

Diosdado Cabello Rondón, residenti fi Caracas (Venezuela), irrappreżentat minn L. Giuliano u F. Di Gianni, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Kyriakopoulou, P. Mahnič, V. Piessevaux u A. Antoniadis, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/90 tat-22 ta’ Jannar 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 16 I, p. 14), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1656 tas-6 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 276, p. 10), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/88 tat-22 ta’ Jannar 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 16 I, p. 6), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1653 tas-6 ta’ Novembru 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 276, p. 1), sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw ir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos, President, I. Reine (Relattriċi) u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: B. Lefebvre, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-3 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

[omissis]

Fid-dritt

[omissis]

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-libertà tal-espressjoni

[omissis]

100

Għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa impost fuq kull azzjoni tal-Unjoni, inkluż fil-qasam tal-PESK, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 21 u 23 TUE (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Peress li l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni hija ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta kif ukoll, fil-kundizzjonijiet li ġejjin, mill-Artikolu 10 tal-KEDB, hemm lok li jiġi mistħarreġ ir-rispett ta’ dan id-dritt permezz tal-atti kkontestati.

101

Fir-rigward tal-Artikolu 10 tal-KEDB, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma tkunx aderixxiet miegħu, strument legali formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Konsegwentement, l-eżami tal-validità ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandu jsir biss fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. Madankollu, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u li, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 52(3) tal-Karta jirriżulta li d-drittijiet inklużi fiha, li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk mogħtija lilhom mill-KEDB. Skont l-ispjegazzjonijiet relatati ma’ din id-dispożizzjoni, li, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tagħha, is-sens u l-portata tad-drittijiet iggarantiti huma ddeterminati mhux biss mit-test tal-KEDB iżda wkoll, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Barra minn hekk, mill-imsemmija spjegazzjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fil-Karta u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din l-ekwivalenza bejn il-libertajiet iggarantiti mill-Karta u dawk iggarantiti mill-KEDB ġiet stabbilita formalment fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni (ara s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Korwin-Mikke vs Il‑Parlament, T‑770/16, EU:T:2018:320, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Mit-test innifsu tal-Artikolu 11(1) tal-Karta u mill-Artikolu 10(1) tal-KEDB jirriżulta li “[k] ull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ l-espressjoni”. Il-Qorti EDB diġà ddeċidiet li l-libertà tal-espressjoni tikkostitwixxi wieħed mill-bażijiet essenzjali ta’ soċjetà demokratika u li dan it-test ma jagħmilx distinzjoni skont in-natura tal-għan imfittex u lanqas skont ir-rwol li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kellhom fl-eżerċizzju ta’ din il-libertà (Qorti EDB, 28 ta’ Settembru 1999, Öztürk vs It-Turkija, CE:ECHR:1999:0928JUD002247993, punt 49).

103

Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti EDB tagħti piż partikolari lir-rwol tal-ġurnalisti bħala “klieb tal-kustodja” tas-soċjetà b’mod ġenerali u tad-demokrazija b’mod partikolari. Hija tirrakkomanda “l-ikbar prudenza” meta tiġi evalwata l-validità tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ espressjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 24 ta’ Ġunju 2014, Roșiianu vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2014:0624JUD002732906, punt 61). Hija tenfasizza wkoll li l-medja awdjoviżiva, bħar-radju u t-televiżjoni, għandhom rwol partikolarment importanti f’dan ir-rigward. Minħabba s-setgħa tagħhom li jagħmlu messaġġi mill-ħoss u mill-immaġni, huma għandhom effetti iktar immedjati u iktar b’saħħithom mill-istampa miktuba. Il-funzjoni tat-televiżjoni u tar-radju, sorsi familjari ta’ divertiment fil-qalba tal-intimità tat-telespettatur jew tal-awditur, tkompli ssaħħaħ l-impatt tagħhom (Qorti EDB, 17 ta’ Settembru 2009, Manole et vs Moldova, CE:ECHR:2009:0917JUD001393602, punt 97).

104

Madankollu, il-Qorti EDB tikkunsidra li d-dritt tal-ġurnalisti li jikkomunikaw informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali huwa protett bil-kundizzjoni li jaġixxu in bona fide, abbażi ta’ fatti eżatti, u jipprovdu informazzjoni “affidabbli u preċiża” b’osservanza tal-etika ġurnalistika. L-Artikolu 10(2) tal-KEDB jenfasizza li l-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni jinvolvi “dmirijiet u responsabbiltajiet”, li japplikaw ukoll għall-midja anki fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ interess ġenerali kbir (ara l-Qorti EDB, 17 ta’ Diċembru 2004, Pedersen u Baadsgaard vs Id-Danimarka, CE:ECHR:2004:1217JUD004901799, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-fatt li l-mezzi tax-xandir awdjoviżivi għandhom effetti ħafna iktar immedjati u b’saħħithom milli l-istampa bil-miktub huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tad- “dmirijiet u responsabbiltajiet” imsemmija iktar’ il fuq (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 16 ta’ Ġunju 2015, Delfi AS vs L‑Estonja, CE:ECHR:2015:0616JUD006456909, punt 134).

105

Barra minn hekk, il-Qorti EDB sostniet li l-Artikolu 10(2) tal-KEDB ftit li xejn iħalli spazju għal restrizzjonijiet għal-libertà tal-espressjoni fil-qasam tad-diskors politiku jew ta’ kwistjonijiet ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, fil-prinċipju, id-dikjarazzjonijiet relatati ma’ tali kwistjonijiet ta’ interess pubbliku jeħtieġu protezzjoni qawwija, kuntrarjament għal dawk li jiddefendu jew jiġġustifikaw il-vjolenza, il-mibegħda, il-ksenofobija jew forom oħra ta’ intolleranza, li ma humiex normalment protetti. Id-diskors politiku, min-natura tiegħu, huwa sors ta’ kontroversji spis qawwija, iżda jibqa’ madankollu fl-interess pubbliku, sakemm ma jaqbiżx il-limitu u jiddeġenera f’sejħa għall-vjolenza, għall-mibegħda jew għall intolleranza (Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2015, Perinçek vs l-Isvizzera, CE:ECHR:2015: 1015JUD002751008, punti 197, 230 u 231); ara wkoll, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 8 ta’ Lulju 1999, Sürek vs It-Turkija (Nru 1), CE:ECHR:1999:0708JUD002668295, punti 61 u 62). Skont il-Qorti EDB, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dikjarazzjonijiet magħmula fit-totalità tagħhom jistgħux jgħaddu bħala inċentiv għall-vjolenza, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni il-kliem użati u l-kuntest li fih isir ix-xandir tagħhom (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 6 ta’ Lulju 2010, Gözel u Özer vs It-Turkija, CE:ECHR:2010:0706JUD004345304, punt 52) B’mod partikolari, jekk dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu saru f’kuntest politiku jew soċjali, din il-qorti tirrikonoxxi ġeneralment li ċerta forma ta’ ndħil li tirrigwarda tali dikjarazzjonijiet tista’ tkun iġġustifikata skont l-Artikolu 10(2) tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2015, Perinçek vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2015:1015JUD002751008, punt 205).

106

Għall-applikazzjoni tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq għal dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din il-kawża, li huwa kkaratterizzat minn partikolaritajiet li jiddistingwuha minn dawk li ppermettew lill-Qorti EDB tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 93).

107

Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ġew stabbiliti fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li fihom persuna li tkun għamlet dikjarazzjonijiet jew wettqet azzjonijiet meqjusa bħala inaċċettabbli minn Stat li aderixxa mal-KEDB sfat imposta fuqha minn dan l-Istat, miżuri ripressivi, spiss ta’ natura kriminali, u invokat il-libertà tal-espressjoni bħala mezz ta’ difiża kontra l-imsemmi Stat (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 94).

108

Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, ir-rikorrent huwa ċittadin Venezweljan, residenti fil-Venezwela, li jeżerċita f’pajjiżu funzjonijiet politiċi u li għandu aċċess importanti għall-midja awdjoviżiva fl-imsemmi pajjiż.

109

Huwa f’tali kuntest li l-rikorrent jinvoka d-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Għalhekk huwa ma jinvokax dan id-dritt bħala motiv ta’ difiża kontra l-Istat Venezweljan, iżda sabiex jipproteġi lilu nnifsu mill-miżuri restrittivi, li għandhom natura kawtelatorja, u mhux kriminali, li l-Kunsill adotta sabiex jirreaġixxi quddiem is-sitwazzjoni li tipprevali fil-Venezwela (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 97).

110

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li għandu jiġi eżaminat dan il-motiv.

111

Għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrent ġie inkluż u nżamm fil-listi kontenzjużi bħala personalità politika Venezweljana tal-ewwel livell, talli pubblikament ikkontesta u hedded l-oppożizzjoni politika, tal-midja u tas-soċjetà ċivili. Dan il-motiv ippermetta lill-Kunsill li japplika l-kriterju previst fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Deċiżjoni 2017/2074 dwar l-inklużjoni tal-ismijiet tal-persuni fiżiċi li l-azzjonijiet, il-politika jew l-attivitajiet tagħhom idgħajfu b’xi mod id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

112

Għandu jiġi rrilevat li l-interventi medjatiċi tar-rikorrent, li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqhom sabiex jiġġustifika l-atti kkontestati, jaqgħu, b’mod partikolari, taħt l-atti politiċi tiegħu u tad-dikjarazzjonijiet waqt mobilizzazzjoni, quddiem l-istampa u waqt konferenzi stampa.

113

Minn dan isegwi li r-rikorrent kien is-suġġett tal-miżuri restrittivi inkwistjoni bħala personalità politika li ppreġudikat id-demokrazija u l-istat tad-dritt permezz ta’ theddid pubbliku u mmirat kontra l-oppożizzjoni politika, tal-midja u tas-soċjetà ċivili.

114

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li permezz tiegħu jinvoka l-istatus ta’ kummentatur, ta’ ġurnalist u ta’ imprenditur ta’ spettakli, għandu jiġi rrilevat li l-emissjoni tiegħu ta’ televiżjoni ta’ kull ġimgħa, l-unika prova, barra minn hekk, tal-istatus ta’ ġurnalist li huwa jinvoka għall-benefiċċju tiegħu, tidher bħala estensjoni tal-attivitajiet politiċi tiegħu. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 81 sa 83 iktar ’il fuq, ir-rikorrent uża l-emissjoni tiegħu sabiex jikkontesta l-opponenti politiċi tiegħu u sabiex jagħti istruzzjonijiet dwar azzjonijiet kontra l-oppożizzjoni. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punt 112 iktar ’il fuq, l-atti tar-rikorrent meqjusa mill-Kunsill ma jaqgħux esklużivament taħt l-emissjoni tat-televiżjoni tiegħu. Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-prinċipji dwar il-bona fide u l-obbligi etiċi tal-ġurnalisti li dawn għandhom josservaw sabiex ikunu jistgħu jinvokaw protezzjoni ikbar tal-indħil li jaffettwa l-libertà ta’ espressjoni tagħhom (ara l-punt 104 iktar ’il fuq) japplikaw ukoll għall-persuni l-oħra li jimpenjaw ruħhom fid-dibattitu pubbliku (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 15 ta’ Frar 2005, Steel u Morris vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2005:0215JUD006841601, punt 90, u 29 ta’ Novembru 2005, Urbino Rodrigues vs Il-Portugall, CE:ECHR:2005:1129JUD007508801, punt 25). Għalhekk, l-imsemmija prinċipji huma rilevanti fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-rikorrent, li mingħajr ebda dubju saret fid-dibattitu pubbliku pendenti fil-Venezwela.

115

Mill-eżami tal-proċess jirriżulta li, mingħajr ma assuma d-“dmirijiet u responsabbiltajiet” imsemmija mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, ir-rikorrent uża liberament il-midja sabiex jhedded u jintimidja pubblikament l-oppożizzjoni politika, il-mezzi ta’ komunikazzjoni l-oħra u s-soċjetà ċivili.

116

B’mod partikolari, ir-rikorrent akkuża ġurnalisti b’kompliċità f’attakk bomba mwettqa kontra l-Garda nazzjonali. Barra minn hekk, huwa ma kkontestax li wettaq manuvri ta’ intimidazzjoni fuq is-sit internet tiegħu fir-rigward tal-movimenti li jallegaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela, jew ukoll li uża, fil-kuntest tal-emissjoni televiżiva tiegħu, informazzjoni li toriġina mir-reġistrazzjoni illegali ta’ konverżazzjonijiet privati sabiex jiġu kkontestati l-opponenti politiċi. Huwa lanqas ma kkontesta l-informazzjoni li tgħid li huwa ħeġġeġ ir-repressjoni brutali permezz ta’ retorika infjammatorja, huwa ta struzzjonijiet sabiex jadotta korpi tal-ġlied kontra l-manifestazzjonijiet tal-oppożizzjoni, huwa hedded pubblikament lid-diriġenti tal-oppożizzjoni billi ddikjara “nafu fejn intom”, huwa esibixxa pubblikament “manwal għall-ġellieda revoluzzjonarji” li kien jinkludi informazzjoni personali dwar id-diriġenti tal-oppożizzjoni, u b’mod partikolari l-post ta’ residenza tagħhom, sabiex intimidhom. Ir-rikorrent lanqas ma kkontesta l-informazzjoni li tinsab f’rapport tal-OEA tal-14 ta’ Marzu 2017 li huwa kien involut f’atti ta’ tortura.

117

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-atti tar-rikorrent eżaminati mill-Kunsill fil-fajl tiegħu jikkostitwixxu inċitament għall-vjolenza, għall-mibegħda u għall-intolleranza fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 105 iktar’ il fuq, b’tali mod li ma jistgħux jibbenefikaw mil-libertà ta’ espressjoni msaħħa li tipproteġi fil-prinċipju l-proposti magħmula fil-kuntest politiku. Dawn l-atti huma, fil-fatt, attakki reali li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

118

Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq ir-rwol tiegħu ta’ ġurnalist dwar il-libertà ta’ espressjoni li jgawdu minnha l-ġurnalisti għandhom jiġu miċħuda.

119

Barra minn hekk, huwa minnu li, kif tfakkar fil-punt 102 iktar ’il fuq, “kull persuna” tibbenefika mil-libertà tal-espressjoni. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-miżuri restrittivi imposti fuq ir-rikorrent jistgħu jwasslu għal limitazzjonijiet għal-libertà tal-espressjoni fir-rigward tiegħu peress li dawn ġew deċiżi mill-Kunsill minħabba, b’mod partikolari, ċerti kummenti tiegħu u għalhekk jistgħu jiddiswaduh milli jesprimi ruħu f’termini simili. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-libertà tal-espressjoni ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta u tista’ tkun suġġetta għal limitazzjonijiet fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

120

B’hekk, sabiex jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, ksur tal-libertà tal-espressjoni għandu jissodisfa tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, il-limitazzjoni inkwistjoni għandha tkun “prevista mil-liġi”. Fi kliem ieħor, l-istituzzjoni tal-Unjoni li tadotta miżuri li jistgħu jirrestrinġu l-libertà tal-espressjoni ta’ persuna għandu jkollha bażi legali għal dan l-iskop. It-tieni nett, il-limitazzjoni inkwistjoni għandu jkollha għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni. It-tielet nett, il-limitazzjoni inkwistjoni ma għandhiex tkun eċċessiva (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T-262/15, EU:T:2017:392, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, il-limitazzjoni hija “prevista mil-liġi”, fid-dawl tal-fatt li din hija stabbilita f’atti li għandhom b’mod partikolari portata ġenerali u għandha bażijiet legali ċari fid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 72).

122

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni motiv, l-atti kkontestati huma konformi, fir-rigward tar-rikorrent, mal-għan, imsemmi fl-Artikolu 21(2)(b) TUE, intiż sabiex jikkonsolida u jsostni d-demokrazija u l-istat tad-dritt sa fejn dawn jaqgħu fil-kuntest ta’ politika intiża li tiffavorixxi d-demokrazija fil-Venezwela.

123

Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, għandu jiġi rrilevat li din tinkludi żewġ partijiet: minn naħa, il-limitazzjonijiet għal-libertà tal-espressjoni li jistgħu jirriżultaw mill-miżuri restrittivi inkwistjoni għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati għall-għan imfittex u, min-naħa l-oħra, is-sustanza ta’ din il-libertà ma għandhiex tiġi ppreġudikata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 84). Fir-rigward tal-ewwel parti, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. B’hekk, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi adottata l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 87).

124

F’dan is-sens, il-ġurisprudenza tispeċifika li, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma li min-naħa ta’ dan tal-aħħar jinvolvu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għaldaqstant, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 88).

125

F’dan il-każ, fir-rigward tan-natura adegwata tal-miżuri restrittivi, bħal dawk imposti fuq ir-rikorrent, fid-dawl ta’ għan ta’ interess ġenerali daqstant fundamentali għall-komunità internazzjonali bħall-protezzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, jidher li l-iffriżar ta’ fondi, ta’ assi finanzjarji u ta’ riżorsi ekonomiċi oħra tal-persuni identifikati bħala implikati fit-theddid għad-demokrazija fil-Venezwela ma jistax, bħala tali, jitqies inadegwat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2020, Boshab vs Il-Kunsill, T‑171/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:55, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 117 iktar ’il fuq, permezz tal-inċentivi tiegħu għall-vjolenza, għall-mibegħda u għall-intolleranza, ir-rikorrent ta lok għal tali danni.

126

Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-limitazzjonijiet inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li miżuri restrittivi alternattivi u inqas restrittivi, bħal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew obbligu ta’ ġustifikazzjoni a posteriori tal-użu tal-fondi mħallsa, ma jippermettux li jintlaħqu b’mod daqstant effettiv l-għanijiet imfittxija, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ pressjoni fuq ir-responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-Venezwela responsabbli għas-sitwazzjoni fil-Venezwela, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu evitati r-restrizzjonijiet imposti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 85).

127

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(4) tad-Deċiżjoni 2017/2074 u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2017/2063 jipprevedu l-possibbiltà li jiġi awtorizzat ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi ffriżati sabiex il-persuni msemmija jkunu jistgħu jissodisfaw bżonnijiet fundamentali jew jissodisfaw ċerti impenji.

128

Peress li l-limitazzjonijiet għal-libertà tal-espressjoni tar-rikorrent li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jistgħu jinvolvu fir-rigward tar-rikorrent huma neċessarji u proporzjonati għall-għan imfittex, għandu jiġi eżaminat jekk dawn jagħmlux ħsara lis-sustanza ta’ din il-libertà.

129

Għandu jitfakkar li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jipprevedu, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu d-dħul jew il-passaġġ tiegħu fi tranżitu fit-territorju tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tiegħu li jitqiegħdu fl-Unjoni.

130

Issa, ir-rikorrent huwa ċittadin ta’ Stat terz għall-Unjoni, il-Venezwela, u jirrisjedi f’dan l-Istat fejn jeżerċita l-attività professjonali tiegħu ta’ bniedem politiku attiv ukoll fil-midja ta’ dan il-pajjiż. Għaldaqstant, il-miżuri restrittivi inkwistjoni ma jippreġudikawx is-sustanza tad-dritt tar-rikorrent li jeżerċita l-libertà ta’ espressjoni tiegħu b’mod partikolari fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu fis-settur tal-midja, fil-pajjiż fejn jirrisjedi u jaħdem (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 123).

131

Barra minn hekk, dawn il-miżuri għandhom natura temporanja u riversibbli. Fil-fatt, mill-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 2017/2074 jirriżulta li din hija s-suġġett ta’ sorveljanza kostanti (ara l-punt 7 iktar ’il fuq).

132

Konsegwentement, il-miżuri restrittivi li għalihom huwa suġġett ir-rikorrent ma jiksrux il-libertà tal-espressjoni tiegħu.

133

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

[omissis]

 

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Diosdado Cabello Rondón huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

da Silva Passos

Reine

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Lulju 2021.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Huma biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li huma xierqa għall-pubblikazzjoni li huma riprodotti hawnhekk.

Top