Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TJ0163

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tat-12 ta’ Frar 2020 (Estratti).
    Gabriel Amisi Kumba vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo – Iffriżar ta’ fondi – Proroga tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista tal-persuni kkonċernati – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-Kunsill li jikkomunika l-elementi l-ġodda li jiġġustifikaw it-tiġdid tal-miżuri restrittivi – Żball ta’ liġi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Eċċezzjoni ta’ illegalità.
    Kawża T-163/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2020:57

     SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

    12 ta’ Frar 2020 ( *1 )

    “Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo – Iffriżar ta’ fondi – Proroga tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista tal-persuni kkonċernati – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-Kunsill li jikkomunika l-elementi l-ġodda li jiġġustifikaw it-tiġdid tal-miżuri restrittivi – Żball ta’ liġi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Eċċezzjoni ta’ illegalità”

    Fil-Kawża T‑163/18,

    Gabriel Amisi Kumba, residenti f’Kinxasa, (ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo), irrappreżentat minn T. Bontinck, P. De Wolf, M. Forgeois u A. Guillerme, avukati

    rikorrent,

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, H. Marcos Fraile u S. Van Overmeire, bħala aġenti,

    konvenut,

    li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2282 tal‑11 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2017, L 328, p. 19), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent,

    IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

    komposta minn S. Gervasoni, President tal-Awla, L. Madise, R. da Silva Passos (Relatur), K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

    Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Lulju 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza ( 1 ) ( 2 )

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrent, Gabriel Amisi Kumba, huwa ċittadin tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

    2

    Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi imposti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bil-għan li tiġi stabbilita paċi sostenibbli fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tal-eżerċizzju ta’ pressjonijiet fuq il-persuni u entitajiet li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi impost fuq dan l-Istat.

    3

    Fit‑18 ta’ Lulju 2005, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikoli 60, 301 u 308 KE, ir-Regolament (KE) Nru 1183/2005, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo ta’ l-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2005, L 193, p. 1).

    4

    Fl‑20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK (ĠU 2010, L 336, p. 30).

    5

    Fit‑12 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament (UE) 2016/2230 li jemenda r-Regolament Nru 1183/2005 (ĠU 2016, L 336 I, p. 1).

    6

    Fl-istess data, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788 (ĠU 2016, L 336 I, p. 7).

    7

    Il-premessi 2 sa 4 tad-Deċiżjoni 2016/2231 huma fformulati kif ġej:

    “(2)

    Fis-17 ta’ Ottubru 2016, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jesprimu tħassib serju dwar is-sitwazzjoni politika fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK). B’mod partikolari kkundanna bil-qawwa l-atti ta’ vjolenza estrema li seħħew fid-19 u l-20 ta’ Settembru f’Kinshasa, filwaqt li nnota li dawk l-atti komplew jaggravaw l-istaġnar fil-pajjiż minħabba n-nuqqas li jissejħu elezzjonijiet presidenzjali sal-iskadenza kostituzzjonali tal-20 ta’ Diċembru 2016.

    (3)

    Il-Kunsill saħaq li, sabiex tinħoloq klima favorevoli għad-djalogu u l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet, il-Gvern tar-RDK għandu jimpenja ruħu b’mod ċar li jiżgura li d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt jiġu rrispettati u għandu jwaqqaf kull użu tas-sistema tal-ġustizzja bħala għodda politika. Appella wkoll lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jirrifjutaw l-użu tal-vjolenza.

    (4)

    Il-Kunsill indika wkoll li hu lest li juża l-mezzi kollha disponibbli għalih, inkluż miżuri restrittivi kontra dawk responsabbli minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, dawk li jippromwovu l-vjolenza u dawk li jippruvaw joħolqu xkiel għal soluzzjoni kunsenswali u paċifika għall-kriżi li tirrispetta l-aspirazzjoni tal-poplu tar-RDK li jeleġġi r-rappreżentanti tiegħu.”

    8

    L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-Deċiżjoni 2016/2231, jipprevedi dan li ġej:

    “Il-miżuri restrittivi kif previst fl-Artikoli 4(1) u 5(1) u (2) għandhom jiġu imposti kontra persuni u entitajiet:

    (a)

    li jkunu qed jimpedixxu soluzzjoni kunsenswali u paċifika lejn elezzjonijiet fir-[Repubblika Demokratika tal-Kongo], inkluż b’atti ta’ vjolenza, repressjoni jew inċitament għall-vjolenza, jew billi jdgħajfu l-istat tad-dritt;

    (b)

    involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-[Repubblika Demokratika tal-Kongo];

    (c)

    assoċjati ma’ dawk imsemmijin fil-punti (a) u (b),

    kif elenkat fl-Anness II.”

    9

    Skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-Deċiżjoni 2016/2231, “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, tal-persuni msemmijin fl-Artikolu 3”.

    10

    L-Artikolu 5(1), (2) u (5) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-Deċiżjoni 2016/2231, jipprevedi dan li ġej:

    “1.   Il-fondi, assi finanzjarji oħrajn u riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà ta’ jew huma kkontrollati direttament jew indirettament mill-persuni jew l-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 3 jew li huma miżmuma minn entitajiet li huma l-proprjetà ta’ jew huma kkontrollati direttament jew indirettament minnhom jew minn kwalunkwe persuna jew entità li taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, kif identifikat fl-Anness I u II, għandhom jiġu ffriżati.

    2.   Ebda fondi, assi finanzjarji oħrajn jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, tal-persuni jew l-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 jew għall-benefiċċju tagħhom.

    […]

    5.   Fir-rigward tal-persuni u l-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 3(2), l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza r-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li jsiru disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt tali kondizzjonijiet li hi tikkunsidra xierqa, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

    (a)

    meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni u l-entitajiet u l-membri tal-familja dipendenti minn dawn il-persuni fiżiċi, fosthom ħlasijiet għal ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, premiums tal-assigurazzjoni, u tariffi għal servizzi pubbliċi;

    (b)

    maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż imġarrba li huma assoċjati mal-forniment ta’ servizzi legali;

    […]

    (d)

    meħtieġa għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.”

    11

    L-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-Deċiżjoni 2016/2231, jipprevedi dan li ġej:

    “2.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness II.”

    12

    L-Artikolu 7(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-Deċiżjoni 2016/2231, jipprevedi dan li ġej:

    “2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), inkluż ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li jagħti lil tali persuna jew entità l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

    3.   Fejn jintbagħtu osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jerġa’ jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata b’dan.”

    13

    Skont l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-Deċiżjoni 2016/2231, “[i]l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(2) għandhom japplikaw sat-12 ta’ Diċembru 2017” u “[g]ħandhom jiġġeddu, jew jiġu emendati kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħhom ma jkunux intlaħqu”.

    14

    Fir-rigward tar-Regolament Nru 1183/2005, l-Artikolu 2b(1) ta’ dan tal-aħħar, kif emendat bir-Regolament 2016/2230, jipprevedi dan li ġej:

    “1.   L-Anness Ia għandu jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi identifikati mill-Kunsill għal kwalunkwe raġuni minn dawn:

    […]

    (b)

    li jippjanaw, jidderġu jew iwettqu atti li jikkostitwixxu ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-[Repubblika Demokratika tal-Kongo].”

    15

    Isem ir-rikorrent ġie miżjud permezz tad-Deċiżjoni 2016/2231 fil-lista ta’ persuni u entitajiet li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/788 (iktar ’il quddiem il-“lista kontenzjuża”) u permezz tar-Regolament 2016/2230 fil-lista ta’ persuni u entitajiet li tinsab fl-Anness Ia tar-Regolament Nru 1183/2005.

    16

    Fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-Deċiżjoni 2016/2231, u fl-Anness Ia tar-Regolament Nru 1183/2005, kif emendat bir-Regolament 2016/2230, il-Kunsill iġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent bir-raġunijiet li ġejjin:

    “Kmandant tal-ewwel żona tad-difiża tal-armata Kongoliża (FARDC) li l-forzi tagħha ħadu sehem fl-użu sproporzjonat ta’ forza u repressjoni vjolenti, f’Settembru 2016 f’Kinshasa. F’din il-kapaċità, Gabriel Amisi Kumba kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-[Repubblika Demokratika tal-Kongo].”

    17

    Fit‑13 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill ippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-attenzjoni tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2010/788, emendata bid-Deċiżjoni 2016/2231, u mir-Regolament Nru 1183/2005, emendat bir-Regolament Nru 2016/2230, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2016, C 463, p. 2). F’dan l-avviż, ġie ppreċiżat b’mod partikolari li l-persuni kkonċernati setgħu jindirizzaw talba lill-Kunsill, qabel l-1 ta’ Ottubru 2017, għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-ismijiet tagħhom kienu ġew inklużi fil-lista kontenzjuża u fil-lista ta’ persuni u entitajiet li tinsab fl-Anness Ia tar-Regolament Nru 1183/2005, u jinkludu dokumenti ta’ sostenn. L-imsemmi avviż kien jindika wkoll li kwalunkwe osservazzjoni rċevuta kienet ser tiġi kkunsidrata għall-finijiet tal-eżami mill-ġdid li jsir mill-Kunsill, skont l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2010/788.

    18

    B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent ippreżenta rikors intiż, essenzjalment, għall-annullament tar-Regolament 2016/2230 sa fejn dak l-att kien jikkonċernah. Dak ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑141/17.

    19

    Fid‑29 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 31(2) TUE u tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2010/788, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (PESK) 2017/905, li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/788 (ĠU 2017, L 138 I, p. 6). Fl-istess data, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/904, li jimplimenta l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1183/2005 (ĠU 2017, L 138 I, p. 1). Permezz ta’ dawn l-atti, l-ismijiet ta’ persuni fiżiċi oħra ġew miżjuda, rispettivament, fil-lista kontenzjuża u fil-lista li tinsab fl-Anness Ia tar-Regolament Nru 1183/2005.

    20

    Fil-11 ta’ Diċembru 2017, wara l-proċess ta’ eżami mill-ġdid tal-miżuri kontenzjużi, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni (PESK) 2017/2282, li temenda d-Deċiżjoni 2010/788 (ĠU 2017, L 328, p. 19, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). L-Artikolu 1 ta’ dik id-deċiżjoni għalhekk issostitwixxa t-test tal-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni 2010/788 bit-test li ġej:

    “Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(2) għandhom japplikaw sat-12 ta’ Diċembru 2018. Għandhom jiġġeddu, jew jiġu emendati kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħhom ma jkunux intlaħqu.”

    21

    Wara r-rinunzja tar-rikorrent, il-Kawża T‑141/17, imsemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq, tħassret mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali b’digriet tas‑7 ta’ Diċembru 2018.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    22

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

    23

    Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ottubru 2018, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jgħaqqad din il-kawża mal-Kawżi T‑164/18, Kampete vs Il-Kunsill, T‑165/18, Kahimbi Kasagwe vs Il-Kunsill, T‑166/18, Luyoyo vs Il-Kunsill, T‑167/18, Kanyama vs Il-Kunsill, T‑168/18, Numbi vs Il-Kunsill, u T‑169/18, Kibelisa Ngambasai vs Il-Kunsill, għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-eventwali fażi orali tal-proċedura.

    24

    Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. Fil‑15 ta’ Mejju 2019, il-Qorti Ġenerali rrinvijat il-kawża quddiem id-Disa’ Awla Estiża.

    25

    It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑4 ta’ Lulju 2019.

    26

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan l-att jikkonċernah;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    27

    Il-Kunsill jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżżomm l-effetti tagħha fir-rigward tar-rikorrent sal-iskadenza tat-terminu tal-appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dan it-terminu, sakemm dan jiġi miċħud;

    tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    28

    Insostenn tat-talbiet tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent iqajjem erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal smigħ, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-dritt għall-proprjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, ir-raba’ wieħed, fuq l-illegalità tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Deċiżjoni 2010/788 u tal-Artikolu 2b(1)(b) tar-Regolament Nru 1183/2005.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal smigħ

    29

    L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, rispettivament, l-ewwel waħda, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tieni waħda, fuq ksur tad-dritt għal smigħ.

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

    30

    Fl-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju previst fl-Artikolu 296 TFUE. Ir-rikorrent isostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija partikolarment konċiża, peress li l-Kunsill ma fformula ebda akkuża preċiża, u ebda fatt partikolari u identifikabbli li jippermettu mingħajr dubju serju li jiġu attribwiti lilu l-akkużi magħmula fir-rigward tiegħu fl-imsemmija motivazzjoni. Skont ir-rikorrent, id-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk ibbażata fuq sempliċi affermazzjonijiet preżunti, li huma impossibbli li jiġu vverifikati u li jpoġġuh fl-obbligu li jipproduċi provi negattivi tal-ineżistenza tal-fatti ġenerali li huwa akkużat bihom, li jwasslu għall-qlib tal-oneru tal-prova.

    31

    Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

    32

    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dak l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit b’dan il-mod jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jiġi dderogat biss minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf ir-raġunijiet tal-att matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill, T‑562/10, EU:T:2011:716, punt 32).

    33

    Sussegwentement, il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun ġie adottat. L-eżiġenza ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 54, u tal‑14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 82).

    34

    L-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kunsill huwa marbut bih jirrigwarda, minn naħa, l-indikazzjoni tal-bażi legali tal-miżura adottata u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi li jippermettu li jitqies li kriterju wieħed jew ieħor ta’ inklużjoni huwa ssodisfatt fil-każ tal-persuni kkonċernati (sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2014, Central Bank of Iran vs Il-Kunsill, T‑262/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:777, punt 86).

    35

    Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-motivazzjoni tal-att ikkontestat tinkludix riferimenti espliċiti għall-kriterju ta’ inklużjoni kontenzjuż u jekk, jekk ikun il-każ, din il-motivazzjoni tistax titqies bħala suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrent jivverifika l-fondatezza tal-att ikkontestat, jiddefendi ruħu quddiem il-Qorti Ġenerali u lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2014, Central Bank of Iran vs Il-Kunsill, T‑262/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:777, punt 88).

    36

    Fl-aħħar nett, il-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva ma għandhiex biss tidentifika l-bażi legali ta’ din il-miżura, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ tali miżura (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 52, u tal‑25 ta’ Marzu 2015, Central Bank of Iran vs Il-Kunsill, T‑563/12, EU:T:2015:187, punt 55).

    37

    F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-għan li tipproroga l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista kontenzjuża billi żżomm ir-raġunijiet ikkunsidrati mill-Kunsill meta inkluda ismu l-ewwel darba fid-Deċiżjoni 2016/2231, li emendat id-Deċiżjoni 2010/788.

    38

    Skont ir-rikorrent, tali raġunijiet huma partikolarment konċiżi, peress li l-Kunsill ma għamel ebda kritika preċiża li tippermetti li jiġu attribwiti lilu l-akkużi magħmula fir-rigward tiegħu fl-imsemmija raġunijiet.

    39

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(2)(b) tad-Deċiżjoni 2010/788, imdaħħal f’din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni 2016/2231, jistabbilixxi li l-Anness II jinkludi l-persuni u l-entitajiet li kienu meqjusa mill-Kunsill bħala “involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-[Repubblika Demokratika tal-Kongo]”.

    40

    Għandu jitfakkar ukoll li l-motivazzjoni adottata mill-Kunsill għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista kontenzjuża, riprodotta fil-punt 16 iktar ’il fuq, tirrigwarda r-rwol tiegħu ta’ kmandant tal-ewwel żona ta’ difiża tal-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (FARDC) u l-involviment ta’ dawn tal-aħħar fl-użu sproporzjonat ta’ forza u repressjoni vjolenti li ġew ordnati f’Settembru 2016 f’Kinxasa (ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo).

    41

    Tali motivazzjoni tidentifika l-elementi speċifiċi u konkreti, li jirrigwardaw kemm il-funzjonijiet professjonali eżerċitati mir-rikorrent kif ukoll it-tip ta’ att ikkonċernat, u tikkonstata li r-rikorrent kien involut fi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Fil-fatt, hija tippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet li wasslu lill-Kunsill sabiex jadotta miżuri restrittivi kontra r-rikorrent li jirrigwardaw l-allegata responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar, abbażi tal-funzjonijiet tiegħu ta’ kmandant tal-ewwel żona ta’ difiża tal-FARDC, għall-użu sproporzjonat tal-forza u tar-repressjoni vjolenti li ġew ordnati f’Settembru 2016 f’Kinshasa.

    42

    Kif isostni ġustament il-Kunsill, il-motivazzjoni tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista kontenzjuża, ipprorogata bid-deċiżjoni kkontestata, tesponi r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-kriterji ta’ inklużjoni kienu applikabbli għalih u, b’mod partikolari, minn naħa, issemmi bażi legali identifikata b’mod ċar u li tirreferi għall-kriterji ta’ inklużjoni u, min-naħa l-oħra, hija bbażata fuq raġunijiet relatati mal-attivitajiet tar-rikorrent li jippermettulu jifhem ir-raġunijiet li ġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kontenzjuża. Barra minn hekk, il-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien magħruf mir-rikorrent, peress li huwa kkontesta, essenzjalment, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-legalità tal-ewwel inklużjoni ta’ ismu, kif tfakkar fil-punti 18 u 21 iktar ’il fuq, u li r-raġunijiet għal din l-inklużjoni ma ġewx emendati bid-deċiżjoni kkontestata.

    43

    Konsegwentement, ir-rikorrent ma setax raġonevolment jinjora li, meta, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ikkonferma r-raġunijiet tal-inklużjoni inizjali ta’ ismu fil-lista kontenzjuża, deċiża fid-Deċiżjoni 2016/2231, huwa rrefera għall-fatt li, fid-dawl tal-funzjonijiet tiegħu ta’ kmandant tal-ewwel żona ta’ difiża tal-FARDC, huwa kellu s-setgħa de facto li jinfluwenza b’mod dirett l-aġir tas-suldati tal-FARDC, li allegatament kienu involuti fl-użu sproporzjonat tal-forza u tar-repressjoni vjolenti li kienu ġew ordnati f’Settembru 2016 f’Kinxasa.

    44

    Fid-dawl tar-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kontenzjuża, ir-rikorrent kien f’pożizzjoni li jikkontesta b’mod utli l-fondatezza tal-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tiegħu. Huwa seta’ għaldaqstant jikkontesta r-realtà tal-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari billi jiċħad ir-rwol tiegħu ta’ kmandant fi ħdan l-FARDC jew ir-responsabbiltà tiegħu għall-użu sproporzjonat tal-forza u tar-repressjoni vjolenti li involvew lill-FARDC f’Settembru 2016 f’Kinxasa, jew billi jikkontesta l-eżistenza ta’ tali avvenimenti, jew inkella billi jirrifjuta l-fatt li huwa kkontribwixxa għal atti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo li jikkostitwixxu ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem billi ppjanahom, iddireġihom jew wettaqhom. Barra minn hekk, dan huwa dak li essenzjalment għamel fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    45

    Minn dan isegwi li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrent jikkontesta l-validità tagħha u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

    46

    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser id-dritt tiegħu għal smigħ. Huwa jikkunsidra li, għalkemm huwa minnu li l-effett ta’ sorpriża neċessarju għal miżura ta’ ffriżar ta’ fondi jimplika li l-Kunsill ma huwiex obbligat jipproċedi għal smigħ qabel l-inklużjoni inizjali tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità f’lista li timponi miżuri restrittivi, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest, bħal f’dan il-każ, ta’ eżami mill-ġdid ta’ tali deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali, ma hemmx iktar lok għall-imsemmi effett u l-prinċipju ta’ kontradittorju għandu jiġi osservat kemm fir-rigward tal-komunikazzjoni tar-raġunijiet qabel id-deċiżjoni taż-żamma fuq il-lista kontenzjuża kif ukoll tad-dritt għal smigħ. Huwa jżid li huwa talab seduta quddiem il-Kunsill, iżda li, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, dan ma kienx iddeċieda dwar tali talba.

    47

    Fir-replika, minn naħa, ir-rikorrent isostni li huwa qatt ma nstema’ mill-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNJHRO) waqt it-tfassil tad-diversi rapporti użati mill-Kunsill sabiex isostni d-deċiżjoni kkontestata, li ma josservax il-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza u juri li huwa kellu jinstema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iktar u iktar peress li huwa pprovda lill-Kunsill, fil‑21 ta’ Frar 2018, evidenza li tista’ tikkontesta l-fondatezza tar-raġunijiet ikkunsidrati. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent isostni li, meta mqabbel mad-deċiżjoni inizjali għall-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kontenzjuża, il-Kunsill ikkunsidra provi ġodda fir-rigward tiegħu fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    48

    Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti billi jenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-lista kontenzjuża, skont id-Deċiżjoni 2016/2231. Minn dan isegwi li huwa ma kienx obbligat li jisma’ lir-rikorrent qabel ma jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

    49

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt għal smigħ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament.

    50

    Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni jew ta’ żamma tal-isem ta’ persuna f’lista li tinsab fl-anness għal att li jirrigwarda miżuri restrittivi, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeżiġi li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi li hija għandha kontra l-imsemmija persuna sabiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha, sabiex din il-persuna tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni jekk ikunx utli li tressaq każ quddiem il-qorti tal-Unjoni. Barra minn hekk, waqt din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tippermetti lil din il-persuna li turi utilment il-perspettiva tagħha fir-rigward tar-raġunijiet ikkunsidrati kontriha (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 111 u 112, u tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 93).

    51

    Fir-rigward ta’ att inizjali li bih jiġu ffriżati l-fondi ta’ persuna jew ta’ entità, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jikkomunika minn qabel lill-persuna jew lill-entità kkonċernata r-raġunijiet li fuqhom huwa għandu l-intenzjoni li jibbaża l-inklużjoni inizjali ta’ isimha fil-lista ta’ persuni u entitajiet li l-fondi tagħhom huma ffriżati. Fil-fatt, tali miżura, sabiex ma tikkompromettix l-effettività tagħha, għandha, min-natura tagħha stess, tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża u tiġi applikata b’mod immedjat. F’tali każ, huwa biżżejjed, bħala prinċipju, li l-istituzzjoni tipproċedi bil-komunikazzjoni tar-raġunijiet lill-persuna jew lill-entità kkonċernata u li tiftaħ id-dritt għas-smigħ tagħha flimkien jew immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61).

    52

    Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi li permezz tagħha l-isem ta’ persuna jew ta’ entità li jinsab diġà fil-lista ta’ persuni u entitajiet li l-fondi tagħhom huma ffriżati jinżamm f’din il-lista, dan l-effett ta’ sorpriża ma jibqax neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżura, b’tali mod li l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni għandha, bħala prinċipju, tkun ippreċeduta minn komunikazzjoni tal-provi meqjusa kontra kif ukoll mill-opportunità mogħtija lill-persuna jew lill-entità kkonċernata li tinstema’ (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 62).

    53

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-element ta’ protezzjoni li joffru r-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni tal-provi kontra u d-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni ta’ atti li jżommu l-isem ta’ persuna jew ta’ entità f’lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi huwa fundamentali u essenzjali għad-drittijiet tad-difiża. Dan huwa iktar u iktar minnu meta tali miżuri restrittivi inkwistjoni għandhom impatt kbir fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni u tal-gruppi kkunsidrati (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 64).

    54

    Dan id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ tali atti huwa meħtieġ meta l-Kunsill ikun ikkunsidra, fid-deċiżjoni li żżomm l-inklużjoni ta’ isem persuna jew entità f’dik il-lista, elementi ġodda kontra dik il-persuna jew entità, jiġifieri elementi li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni ta’ isimha f’dik l-istess lista (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il-Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ April 2016, Central Bank of Iran vs Il-Kunsill, C‑266/15 P, EU:C:2016:208, punt 33).

    55

    F’dan il-każ, ċertament, kif jenfasizza l-Kunsill, iż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista kontenzjuża, deċiża fid-deċiżjoni kkontestata, hija bbażata fuq l-istess raġunijiet li ġġustifikaw l-adozzjoni tal-att inizjali li jimponi l-miżuri restrittivi inkwistjoni.

    56

    Madankollu, dan il-fatt waħdu ma jistax jimplika li l-Kunsill ma kienx obbligat jirrispetta d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, u b’mod partikolari li jagħtih il-possibbiltà li jesprimi b’mod utli l-opinjoni tiegħu dwar il-punti ta’ fatt li abbażi tagħhom huwa adotta d-deċiżjoni kkontestata dwar iż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kontenzjuża.

    57

    Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, b’mod partikolari, tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli legali li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    58

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-miżuri restrittivi għandhom natura kawtelatorja u, mid-definizzjoni tagħhom, provviżorja, li l-validità tagħhom hija dejjem suġġetta għall-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li wasslu għall-adozzjoni tagħhom kif ukoll għall-ħtieġa taż-żamma tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan relatat magħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2014, Yusef vs Il-Kummissjoni, T‑306/10, EU:T:2014:141, punti 62 u 63). Huwa f’dan is-sens li l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-Deċiżjoni 2016/2231, jipprevedi li l-miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo għandhom japplikaw sat‑12 ta’ Diċembru 2017 u “għandhom jiġġeddu, jew jiġu emendati kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħhom ma jkunux intlaħqu”.

    59

    Minn dan isegwi li, waqt l-eżami mill-ġdid perijodiku ta’ dawn il-miżuri restrittivi, huwa l-Kunsill li għandu jwettaq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni u jistabbilixxi bilanċ tal-impatt ta’ tali miżuri, sabiex jiddetermina jekk dawn ippermettewx li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tal-persuni u entitajiet ikkonċernati fil-lista kontenzjuża jew jekk għadux possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni fir-rigward tal-imsemmija persuni u entitajiet.

    60

    F’dan ir-rigward, fis-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 316 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża kien jimplika li l-Kunsill għandu jikkomunika lir-rikorrenti, qabel ma jadotta deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-miżuri restrittivi fil-konfront tagħhom, l-elementi li permezz tagħhom huwa kien wettaq, waqt l-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri inkwistjoni, aġġornament tal-informazzjoni li kienet iġġustifikat l-inklużjoni inizjali ta’ isimhom fil-lista ta’ persuni suġġetti għal tali miżuri restrittivi.

    61

    Għalhekk, f’dan il-każ, fid-dawl tal-għan inizjali mfittex mill-miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo, jiġifieri, essenzjalment, li tinħoloq klima favorevoli għall-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet u li jitwaqqaf kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill kien obbligat, matul l-eżami mill-ġdid perjodiku tal-miżuri restrittivi imposti fuq ir-rikorrent, li jikkomunikalu, jekk ikun il-każ, l-elementi l-ġodda li permezz tagħhom kien aġġorna l-informazzjoni mhux biss dwar is-sitwazzjoni personali tiegħu iżda wkoll dwar is-sitwazzjoni politika u ta’ sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

    62

    Issa, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-Kunsill, kif ikkonferma dan tal-aħħar waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, adotta d-deċiżjoni kkontestata billi ħa inkunsiderazzjoni, minbarra l-informazzjoni li huwa diġà kellu waqt l-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-lista kontenzjuża, dik li tinsab fid-dokument intern tat‑23 ta’ Ottubru 2017 bir-referenza COREU CFSP/1492/17. L-ewwel nett, dan id-dokument tat‑23 ta’ Ottubru 2017 kien isemmi l-assenza, f’din id-data, tal-pubblikazzjoni ta’ kalendarju elettorali u t-tħabbir mill-Kummissjoni elettorali nazzjonali indipendenti, fil-11 ta’ Ottubru 2017, tal-ħtieġa ta’ mill-inqas 504 ijiem sabiex jiġu organizzati l-elezzjonijiet. It-tieni nett, fl-istess dokument, ġie indikat li l-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO) kienet irrappurtat, minn naħa, degradazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ sigurtà f’diversi partijiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u, min-naħa l-oħra, żieda fl-instabbiltà reġjonali wara t-tluq tal-popolazzjoni ċivili li kienet qiegħda taħrab miż-żoni ta’ kunflitt. It-tielet nett, l-imsemmi dokument kien isemmi li l-libertajiet ta’ laqgħa, ta’ opinjoni u ta’ espressjoni kienu għadhom iċċensurati, kif kienu jixhdu l-projbizzjoni ta’ manifestazzjonijiet kontra n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ kalendarju elettorali u, f’Awwissu 2017, l-imblukkar tal-midja soċjali wara t-tħabbir ta’ strajk ġenerali.

    63

    Bl-istess mod, mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2017 jirriżulta li dan tal-aħħar kien jaf, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’element ieħor ta’ aġġornament, jiġifieri t-tħabbir ta’ kalendarju elettorali li, fil-5 ta’ Novembru 2017, kien iffissa l-elezzjonijiet presidenzjali għat‑23 ta’ Diċembru 2018. Madankollu, tali aħbar ma waqqfitx lill-Kunsill milli jikkunsidra li l-istatus quo kien għadu jippersisti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

    64

    Għaldaqstant, minkejja li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ġedded il-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent għall-istess raġunijiet ikkunsidrati, għall-inklużjoni inizjali ta’ ismu fil-lista kontenzjuża, fid-Deċiżjoni 2016/2231, l-elementi ta’ aġġornament imsemmija fil-punti 62 u 63 iktar ’il fuq jikkostitwixxu elementi ġodda li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, il-Kunsill kellu jiġbor l-osservazzjonijiet tar-rikorrent fuq dawn l-elementi qabel l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, konformement ma’ dak li ġie stabbilit fil-punt 61 iktar ’il fuq. Issa, huwa paċifiku li dan ma kienx il-każ.

    65

    F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li, minn naħa, l-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-lista kontenzjuża ġiet segwita mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ avviż lill-persuni kkonċernati mill-imsemmija miżuri, li abbażi tiegħu dawk il-persuni kienu mistiedna jressqu talba għal eżami mill-ġdid quddiem il-Kunsill qabel l‑-1 ta’ Ottubru 2017 u li, min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma għamilx użu minn din il-possibbiltà. Fil-fatt, il-Kunsill ma jistax jinħall mill-obbligu tiegħu li jirrispetta d-drittijiet tad-difiża minħabba li persuna suġġetta għal miżuri restrittivi għandha l-possibbiltà li titlob li tali miżuri jieqfu milli jiġu applikati għaliha.

    66

    Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li r-rikorrent seta’ jipprevedi li l-Kunsill jikkonkludi dwar l-istatus quo tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo billi jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi deskritti fil-punti 62 u 63 iktar ’il fuq, dwar l-assenza ta’ pubblikazzjoni ta’ kalendarju elettorali, l-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ sigurtà u l-kontinwazzjoni tar-repressjoni tal-libertajiet pubbliċi f’diversi reġjuni tal-pajjiż, elementi li fuqhom ir-rikorrent ma ngħatax l-opportunità li jibgħat l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-miżuri restrittivi għandhom natura provviżorja (ara l-punt 58 iktar ’il fuq), li hija ggarantita mill-istess dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 20 iktar ’il fuq).

    67

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet fi tmiem proċedura li matulha d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent ma ġewx irrispettati.

    68

    Madankollu, minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq ma jistax jiġi dedott li l-assenza ta’ komunikazzjoni mill-Kunsill lir-rikorrent tal-elementi ġodda msemmija fid-dokument intern tat‑23 ta’ Ottubru 2017, bir-referenza COREU CFSP/1492/17, u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2017 kif ukoll il-fatt li r-rikorrent ma ngħatax l-opportunità li jibgħat l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dawn l-elementi qabel ma l-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata għandhom iwasslu għall-annullament ta’ din tal-aħħar.

    69

    Fil-fatt, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, fid-dawl ta’ irregolarità li taffettwa d-drittijiet tad-difiża, jekk, skont iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt speċifiċi għall-każ, il-proċedura inkwistjoni setgħetx tirriżulta f’eżitu differenti sa fejn ir-rikorrent kien ikun jista’ jiddefendi ruħu aħjar fl-assenza ta’ dik l-irregolarità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punti 81, 88, 92, 94 u 107, u tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 325 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    70

    Issa, f’dan il-każ, l-ebda element tal-proċess ma jissuġġerixxi li, li kieku r-rikorrent ġie mgħarraf bl-elementi ġodda li permezz tagħhom il-Kunsill aġġorna l-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni politika u ta’ sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-miżuri restrittivi kkonċernati fir-rigward tiegħu setgħu jitwaqqfu.

    71

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma pprovdiex indizji preċiżi li jindikaw li, li kieku ngħata l-possibbiltà, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-elementi ġodda deskritti fil-punti 62 u 63 iktar ’il fuq, huwa kien ikun f’pożizzjoni li jikkontesta l-kontenut tagħhom jew ir-rilevanza tagħhom għall-proroga tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kontenzjuża.

    72

    Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrent ma kkontestax, bħala tali, l-eżistenza ta’ status quo fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo bejn il-mument tal-inklużjoni inizjali ta’ ismu fil-lista kontenzjuża, deċiża fit‑13 ta’ Diċembru 2016, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dwar iż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni.

    73

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li, anki li kieku r-rikorrent ġie mgħarraf bl-elementi msemmija fil-punti 62 u 63 iktar ’il fuq qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżitu tal-proċedura seta’ kien differenti. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kunsill ikkunsidra ċerti elementi ġodda meta ġedded il-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent ma huwiex ta’ natura li jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata għandhomx ġurisdizzjoni.

    74

    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrent jibbaża argument, insostenn tat-tieni parti tal-ewwel motiv, fuq il-fatt li ma nstemax mill-UNJHRO fil-kuntest tat-tfassil, minn dan tal-aħħar, ta’ rapporti invokati mill-Kunsill insostenn tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-qrati tal-Unjoni ma sabiex jistħarrġu l-konformità tal-investigazzjonijiet immexxija mill-korpi tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) mad-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Badica u Kardiam vs Il-Kunsill, T‑619/15, EU:T:2017:532, punt 65).

    75

    Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrent li l-Kunsill kellu jipproċedi għas-smigħ tiegħu għandu jiġi miċħud, peress li la l-leġiżlazzjoni inkwistjoni u lanqas il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jagħtuh id-dritt għal seduta formali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    76

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni

    77

    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill wettaq żbalji meta kkonkluda li huwa kien “involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo”.

    78

    Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Kunsill wettaq żball ta’ liġi meta żamm l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kontenzjuża minħabba fatti li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienu waqfu. Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrent jikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Kunsill dwar il-funzjonijiet u l-missjonijiet tiegħu kif ukoll il-preżenza ta’ elementi fattwali suffiċjentement preċiżi u konkreti insostenn taż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kontenzjuża.

    Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv

    79

    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni li l-fatti kkunsidrati mill-Kunsill, fir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kontenzjuża, jaqgħu taħt perijodu ta’ żmien skadut. Fil-fatt, mill-użu tal-partiċipju attiv fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-Deċiżjoni 2016/2231, jirriżulta li l-fatti allegati kontra l-persuni jew l-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi għandhom jippersistu fil-mument tat-tiġdid tagħhom. Issa, l-assenza ta’ involviment attwali tar-rikorrent fil-fatti li huwa kien akkużat bihom, fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iwassal għall-obsolexxenza tal-miżuri restrittivi inkwistjoni.

    80

    Ir-rikorrent iżid li, billi żamm dawn il-miżuri għal fatti li ma baqgħux attwali, il-Kunsill adotta, fir-realtà, piena kriminali moħbija, meta l-miżuri restrittivi għandhom biss portata kawtelatorja, li l-għan tagħha huwa li ġġiegħel lid-destinatarji tagħhom ibiddlu l-aġir tagħhom.

    81

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif tfakkar fil-punt 8 iktar ’il fuq, l-Artikolu 3(2)(b) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-Deċiżjoni 2016/2231, jipprovdi li l-miżuri restrittivi għandhom jiġu adottati kontra persuni u entitajiet “involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-[Repubblika Demokratika tal-Kongo]”. Huwa fuq din il-bażi li isem ir-rikorrent ġie inizjalment inkluż fil-lista kontenzjuża, permezz tad-Deċiżjoni 2016/2231, minħabba li, bħala kmandant tal-ewwel żona ta’ difiża tal-FARDC, huwa kien involut fil-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fl-użu sproporzjonat tal-forza u fir-repressjoni vjolenti li ġew ordnati f’Settembru 2016 f’Kinshasa (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ipproroga l-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent sat‑12 ta’ Diċembru 2018, billi żamm l-istess raġunijiet għall-inklużjoni inizjali ta’ ismu fil-lista kontenzjuża (ara l-punt 20 iktar ’il fuq).

    82

    Issa, l-ewwel nett, ma jistax jitqies li l-użu tal-partiċipju attiv, fl-Artikolu 3(2)(b) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-Deċiżjoni 2016/2231, fid-definizzjoni tal-kriterji ta’ inklużjoni fil-lista kontenzjuża jimplika li l-fatti li wasslu għall-inklużjoni tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità f’dik il-lista għandhom jippersistu fil-mument meta jiġu deċiżi l-inklużjoni jew iż-żamma ta’ dik l-inklużjoni. Fil-fatt, diġà ġie deċiż li, fil-qasam tal-inklużjoni f’lista tal-ismijiet ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi, il-partiċipju attiv jirreferi għas-sens ġenerali tad-definizzjonijiet legali, u mhux għal perijodu speċifiku ta’ żmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 108).

    83

    It-tieni nett, il-fatt li r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista kontenzjuża jirreferu għal fatti li seħħew qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li kienu ntemmu f’dik id-data ma jimplikax neċessarjament l-obsolexxenza tal-miżuri restrittivi miżmuma fir-rigward tiegħu minn dik id-deċiżjoni. Evidentement, sa fejn il-Kunsill iddeċieda li jirreferi, fir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista kontenzjuża, għal sitwazzjonijiet konkreti li jimplikaw lill-forzi armati li huwa kien jikkmanda, setgħet biss tkun kwistjoni ta’ aġir fil-passat. Tali riferiment ma jistax jiġi kkunsidrat bħala irrilevanti għar-raġuni biss li l-aġir inkwistjoni jaqa’ taħt passat xi ftit jew wisq imbiegħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2015, Tomana et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑190/12, EU:T:2015:222, punt 236).

    84

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mit-tieni sentenza tal-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-deċiżjoni kkontestata, li tipprevedi li l-miżuri restrittivi inkwistjoni għandhom jiġġeddu, jew jiġu emendati kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħhom ma jkunux intlaħqu. Sabiex din id-dispożizzjoni ma tiġix imċaħħda mill-effett utli tagħha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li hija tippermetti ż-żamma fil-lista kontenzjuża tal-ismijiet ta’ persuni u ta’ entitajiet li ma jkunu wettqu ebda ksur ġdid tad-drittijiet tal-bniedem matul il-perijodu ta’ qabel l-eżami mill-ġdid, jekk din iż-żamma tibqa’ ġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li l-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi ma jkunux intlaħqu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 108).

    85

    Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ ismu fil-lista kontenzjuża ma jagħtux lill-miżuri restrittivi li kien suġġett għalihom, u li ġew ipprorogati permezz tad-deċiżjoni kkontestata, natura kriminali.

    86

    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

    [omissis]

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Gabriel Amisi Kumba huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    Gervasoni

    Madise

    da Silva Passos

    Kowalik-Bańczyk

    Mac Eochaidh

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Frar 2020.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    ( 1 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.

    ( 2 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni. F’dak li jirrigwarda l-punti li tħallew barra, isir riferiment għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali ta’...,.../... (T-..., EU:...).

    Top