Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CO0495

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2019.
    Proċeduri kriminali kontra YX.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.
    Kawża C-495/18.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:808

     DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    1 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

    Fil-Kawża C‑495/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

    YX,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe, D. Šváby, S. Rodin u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Gvern Rumen, minn C.‑R. Canţăr kif ukoll minn A. Wellman u L. Liţu, bħala aġenti,

    għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u R. Troosters, bħala aġenti,

    wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) u (2), kif ukoll tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008 L 327, p. 27), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2008/909”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, fis-Slovakkja, ta’ sentenza fil-qasam kriminali mogħtija minn qorti Ċeka li kkundannat lil YX, ċittadin Slovakk, għal piena ta’ priġunerija ta’ ħames snin għal reati kklassifikati bħala “evażjoni tat-taxxi, imposti u ħlasijiet obbligatorji oħra”.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprovdi:

    “L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hija li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena.”

    4

    L-Artikolu 4(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprovdi:

    “1.   Dment li l-persuna sentenzjata fl-Istat emittenti jew fl-Istat ta’ esekuzzjoni, u dment li l-persuna tat il-kunsens tagħha fejn meħtieġ taħt l-Artikolu 6, sentenza, flimkien ma’ ċertifikat li tieghu tingħata l-formula standard fl-Anness I, jista’ jintbagħat lil wieħed mill-Istati Membri li ġejjin:

    a)

    l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna sentenzjata fejn hija j/tgħix; […]

    […]”

    5

    L-Artikolu 13 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprovdi:

    “Sakemm l-infurzar tal-piena fl-Istat ta’ esekuzzjoni ma jkunx beda, l-Istat emittenti jista’ jirtira ċ-ċertifikat minn dak l-Istat, billi jagħti r-raġunijiet għal dan. Malli ċ-ċertifikat jiġi rtirat, l-Istat ta’ esekuzzjoni m’għandux jibqa’ jinforza l-piena.”

    Id-dritt Slovakk

    6

    Mill-Artikolu 4(1)(a) taz-Zákon č. 549/2011 Z.z. o uznávaní a výkone rozhodnutí, ktorými sa ukladá trestná sankcia spojená s odňatím slobody v Európskej únii (il-Liġi Nru 549/2011 dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet li Jimponu Sanzjonijiet Kriminali li Jċaħħdu l-Libertà fl-Unjoni Ewropea) jirriżulta essenzjalment li deċiżjoni ta’ kundanna tista’ tiġi rrikonoxxuta u eżegwita fir-Repubblika Slovakka jekk il-fatti li għalihom tkun ingħatat din id-deċiżjoni jikkostitwixxu ksur skont l-ordinament ġuridiku Slovakk, u jekk il-persuna kkundannata tkun ċittadina Slovakka li tirrisjedi abitwalment fit-territorju tar-Repubblika Slovakka jew li għandha rabtiet familjari, soċjali jew professjonali hemmhekk li jistgħu jiffaċilitaw l-inklużjoni mill-ġdid tagħha filwaqt li hija tiskonta s-sanzjoni li ċċaħħadha mil-libertà.

    7

    Skont l-Artikolu 3(g) tal-Liġi Nru 549/2011, għall-finijiet tagħha, ir-“residenza abitwali” għandha tinftiehem bħala r-residenza permanenti jew ir-residenza temporanja.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8

    B’deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2014 tal-Krajský soud v Ústi nad Labem (il-Qorti Reġjonali ta’ Ústi nad Labem, ir-Repubblika Ċeka), ikkonfermata b’deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2015 tal-Vrchní soud v Praze (il-Qorti Superjuri ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), YX, ċittadin Slovakk, ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ ħames snin għal ksur ta’ natura fiskali (iktar ’il quddiem is-“sentenza inkwistjoni”).

    9

    Fis-16 ta’ Ottubru 2017, il-Krajský súd v Trenčíne (il-Qorti Reġjonali ta’ Trenčín, is-Slovakkja) irċeviet mill-Krajský soud v Ústi nad Labem (il-Qorti Reġjonali ta’ Ústi nad Labem), is-sentenza inkwistjoni, flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fl-Anness I tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

    10

    Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2017, il-Krajský súd v Trenčíne (il-Qorti Reġjonali ta’ Trenčín) irrikonoxxiet is-sentenza inkwistjoni.

    11

    YX appella kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka). Insostenn tal-appell tiegħu, huwa sostna li, mis-sena 2015, huwa jgħix fir-Repubblika Ċeka, fatt li seta’ jipproduċi prova tiegħu li kieku ġie informat bil-proċedura quddiem il-Krajský súd v Trenčíne (il-Qorti Reġjonali ta’ Trenčín), b’tali mod li l-post tar-residenza abitwali tiegħu ma kienx jiġi ddeterminat li huwa fit-territorju tar-Repubblika Slovakka.

    12

    Il-qorti tar-rinviju tindika li mir-reġistru tal-popolazzjoni tar-Repubblika Slovakka jirriżulta li, mit-22 ta’ Ottubru 1986, ir-residenza permanenti ta’ YX kienet irreġistrata fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Hija tirrileva wkoll li, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali rilevanti, ir-residenza permanenti jew temporanja ta’ ċittadin Slovakk fit-territorju tar-Repubblika Slovakka hija purament indikattiva u ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li ċ-ċittadin jirrisjedi effettivament hemmhekk jew li jkollu rabtiet familjari, soċjali, professjonali jew oħrajn ma’ dak it-territorju. Għalhekk, deċiżjoni ta’ Stat Membru ieħor li timponi piena li ċċaħħad il-libertà tista’ tiġi rrikonoxxuta u eżegwita fis-Slovakkja meta ċ-ċittadin Slovakk ikkundannat, anki jekk ma jirrisjedix effettivament fit-territorju Slovakk, ikollu r-residenza permanenti jew temporanja tiegħu hemmhekk, fuq livell formali.

    13

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kriterji stabbiliti fih jiġu ssodisfatti biss jekk il-persuna kkundannata jkollha, fl-Istat Membru li tiegħu hija tkun ċittadin, rabtiet tal-familja, soċjali, professjonali jew oħrajn li jippermettu li raġonevolment jiġi preżunt li l-eżekuzzjoni tal-kundanna f’dak l-Istat Membru tista’ tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tagħha [u] li dan l-artikolu għaldaqstant jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 4(1)(a) tal-liġi 549/2011 li tippermetti f’tali każijiet li tiġi rrikonoxxuta u eżegwita sentenza unikament abbażi ta’ residenza abitwali formali, irreġistrata fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk il-persuna kkundannata għandhiex rabtiet konkreti ma’ dan l-aħħar Stat li jippermettulha li ssaħħaħ il-probabbiltajiet tagħha ta’ integrazzjoni mill-ġdid soċjali?

    2)

    F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909] għandu jiġi interpretat fis-sens li, anki fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti għandha, qabel it-trażmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat, taċċerta ruħha li l-eżekuzzjoni tal-kundanna mill-Istat ta’ eżekuzzjoni sejra tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fil-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tal-persuna kkundannata u li hija għandha wkoll tindika, fil-parti d), punt 4, ta’ dan iċ-ċertifikat, l-informazzjoni miġbura f’dan ir-rigward, b’mod partikolari meta l-persuna kkundannata tiddikjara, fl-osservazzjonijiet tagħha previsti fl-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li għandha rabtiet tal-familja, soċjali jew professjonali konkreti fl-Istat emittenti?

    3)

    F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 9(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909] għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżisti motiv għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza wkoll meta, fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas, ma tkunx murija, minkejja l-konsultazzjoni mwettqa skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu u l-għoti eventwali ta’ informazzjoni neċessarja oħra, l-eżistenza ta’ rabtiet tal-familja, soċjali, professjonali jew oħrajn, li jippermettu raġonevolment li jiġi preżunt li l-eżekuzzjoni tal-kundanna fl-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tal-persuna kkundannata?”

    L-iżviluppi li seħħew wara l-preżentata tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    14

    B’ittri tal-4 ta’ Ġunju 2019, il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Gvern Ċek informaw lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Krajský soud v Ústi nad Labem (il-Qorti Reġjonali ta’ Ústi nad Labem) irtirat it-talba tagħha għal rikonoxximent tas-sentenza inkwistjoni. Il-Gvern Ċek informa wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja li ġiet ordnata l-eżekuzzjoni tal-kundanna fir-Repubblika Ċeka u li YX ilu jiskonta l-piena tiegħu f’ħabs f’dan l-Istat Membru mill-4 ta’ Marzu 2019.

    15

    Il-qorti tar-rinviju, barra minn hekk, sostniet li hija ma tixtieqx tirtira t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari peress li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża tista’ tkun rilevanti għad-deċiżjoni ta’ kawża oħra pendenti quddiemha.

    16

    Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’ittra tal-11 ta’ Ġunju 2019, talbet lill-qorti tar-rinviju, minn naħa, tikkonferma jekk hija għadhiex adita bil-kawża li fil-kuntest tagħha hija ressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha u, min-naħa l-oħra, tindika jekk iżżommx din it-talba.

    17

    B’ittra tas-27 ta’ Ġunju 2019, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2019, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-proċedura li tat lok għat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-qorti tar-rinviju kkonfermat ukoll li ma hijiex qiegħda tirtira din it-talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-fatt li “s-sentenza li kellha tingħata [hija] importanti għad-deċiżjoni li għandha tingħata f’kawża oħra quddiem[ha], li tinvolvi l-istess punti ta’ liġi u ta’ fatt u li fiha ġiet sospiża l-proċedura […] sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.”

    Fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari

    18

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali bil-kriterji ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jaqtgħu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (digriet tal-10 ta’ Jannar 2019, Mahmood et, C‑169/18, EU:C:2019:5, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    19

    Kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi li jkun hemm effettivament tilwima pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jintalbu jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari (ara, b’mod partikolari, digrieti tat-22 ta’ Ottubru 2012, Šujetová, C‑252/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:653, punt 14, u tat-3 ta’ Marzu 2016, Euro Bank, C‑537/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:143, punt 32).

    20

    Fil-fatt, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għar-riżoluzzjoni effettiva ta’ tilwima (ara, b’mod partikolari, digrieti tat-22 ta’ Ottubru 2012, Šujetová, C‑252/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:653, punt 15, u tat-3 ta’ Marzu 2016, Euro Bank, C‑537/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:143, punt 33).

    21

    F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda d-deċiżjoni tal-Krajský súd v Trenčíne (il-Qorti Reġjonali ta’ Trenčín) dwar ir-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni eżekutorja fit-territorju Slovakk tas-sentenza inkwistjoni, li ġiet trażmessa lilha mill-Krajský soud v Ústi nad Labem (il-Qorti Reġjonali ta’ Ústi nad Labem), flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fl-Anness I tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

    22

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, wara l-irtirar taċ-ċertifikat imsemmi fl-Anness I tagħha, l-Istat Membru eżekutorju ma jeżegwixxix iktar il-kundanna.

    23

    Mill-ittri mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 u fis-27 ta’ Ġunju 2019 jirriżulta li l-Krajský soud v Ústi nad Labem (il-Qorti Reġjonali ta’ Ústi nad Labem) irtirat it-talba tagħha għal rikonoxximent tas-sentenza inkwistjoni u li, mill-4 ta’ Marzu 2019, is-sentenza mogħtija kontra YX qiegħda tiġi eżegwita fl-Istat Membru emittenti.

    24

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, wara dan l-irtirar, il-kawża prinċipali saret mingħajr skop.

    25

    Minn dan isegwi li d-domandi preliminari issa huma ta’ natura ipotetika u li l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tissokta bil-proċedura għal deċiżjoni preliminari ma humiex issodisfatti.

    26

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

    27

    Din il-konstatazzjoni hija bla ħsara għall-possibbiltà jew, skont il-każ, għall-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari ġdida quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE jekk tqis li tali deċiżjoni hija neċessarja għar-riżoluzzjoni ta’ kawża li hija adita biha u li, fil-kuntest tagħha, fil-fehma tagħha, iqumu l-istess kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    28

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2018.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.

    Top