EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CO0054

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-14 ta’ Frar 2019.
Cooperativa Animazione Valdocco Soc. coop. soc. Impresa Sociale Onlus vs Consorzio Intercomunale Servizi Sociali di Pinerolo u Azienda Sanitaria Locale To3 di Collegno e Pinerolo.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Piemonte.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri ta’ reviżjoni – Direttiva 89/665/KEE – Artikoli 1 u 2c – Proċeduri ta’ reviżjoni mid-deċiżjonijiet ta’ ammissjoni jew ta’ esklużjoni tal-offerenti – Termini għall-preżentata ta’ rikors – Terminu ta’ dekadenza ta’ 30 jum – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-possibbiltà li tiġi eċċepita l-illegalità ta’ deċiżjoni ta’ ammissjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ reviżjoni mill-atti sussegwenti – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
Kawża C-54/18.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:118

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Frar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri ta’ reviżjoni – Direttiva 89/665/KEE – Artikoli 1 u 2c – Proċeduri ta’ reviżjoni mid-deċiżjonijiet ta’ ammissjoni jew ta’ esklużjoni tal-offerenti – Termini għall-preżentata ta’ rikors – Terminu ta’ dekadenza ta’ 30 jum – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-possibbiltà li tiġi eċċepita l-illegalità ta’ deċiżjoni ta’ ammissjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ reviżjoni mill-atti sussegwenti – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑54/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

Cooperativa Animazione Valdocco Soc. coop. soc. Impresa Sociale Onlus

vs

Consorzio Intercomunale Servizi Sociali di Pinerolo,

Azienda Sanitaria Locale To3 di Collegno e Pinerolo,

fil-preżenza ta’:

Ati Cilte Soc. coop. soc.,

Coesa Pinerolo Soc. coop. soc. arl,

La Dua Valadda Soc. coop. soc.,

Consorzio di Cooperative Sociali il Deltaplano Soc. coop. soc.,

La Fonte Soc. coop. soc. Onlus,

Società Italiana degli Avvocati Amministrativisti (SIAA),

Associazione Amministrativisti.it,

Camera degli Avvocati Amministrativisti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe, D. Šváby, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Cooperativa Animazione Valdocco Soc. coop. soc. Impresa Sociale Onlus, minn A. Sciolla, S. Viale u C. Forneris, avvocati,

għal Consorzio Intercomunale Servizi Sociali di Pinerolo, minn V. Del Monte, avvocato,

għal Ati Cilte Soc. coop. soc., Coesa Pinerolo Soc. coop. soc. arl u La Dua Valadda Soc. coop. soc., minn L. Gili u A. Quilico, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli u de V. Nunziata, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Haasbeek kif ukoll minn G. Gattinara u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet immotivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi ta’ provvista u ta’ xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tla-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 94, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”), tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Cooperativa Animazione Valdocco Soc. coop. soc. Impresa Sociale Onlus (iktar ’il quddiem il-“Cooperativa Animazione Valdocco”) u l-Consorzio Intercomunale Servizi Sociali di Pinerolo (iktar ’il quddiem iċ-“CISS di Pinerolo”) flimkien mal-Azienda Sanitaria Locale To3 di Collegno e Pinerolo, fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ kura fid-dar lil konsorzju temporanju ta’ impriżi kkostitwit minn Ati Cilte Soc. coop. soc., Coesa Soc. coop. soc. arl u La Dua Valadda Soc. coop. soc. (iktar ’il quddiem il-“konsorzju temporanju ta’ impriżi offerenti rebbieħa”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 jipprovdu:

“1.   […]

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE [tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65)] jew id-Direttiva [2014/23], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

4

L-Artikolu 2c ta’ din id-direttiva, dwar it-“[t]ermini ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ reviżjoni”, jipprovdi:

“Meta Stat Membru jipprovdi li kwalunkwe applikazzjoni għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti meħuda fil-kuntest ta’, jew b’konnessjoni ma’, proċedura għall-għoti tal-kuntratti li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2014/24] jew Direttiva [2014/23] għandha ssir qabel l-iskadenza ta’ perijodu speċifikat, dan il-perijodu għandu jkun ta’ mill-anqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data meta d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat jekk jintuża faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, dan il-perijodu għandu jkun jew ta’ mill-anqas 15-il jum kalendarju, b’effett mill-jum wara d-data meta d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat jew ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data tar-riċevuta tad-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti. Il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti lil kull offerent jew kandidat għandha tkun akkumpanjata minn sommarju tar-raġunijiet rilevanti. Fil-każ ta’ applikazzjoni għal reviżjoni dwar deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-Direttiva li mhumiex soġġetti għal notifika speċifika, il-perijodu ta’ żmien għandu jkun ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata.”

Id-dritt Taljan

5

L-Artikolu 120(2bis) tal-Anness I tad-decreto legislativo no 104 – Codice del processo amministrativo (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 104 li Jistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva), tat‑2 ta’ Lulju 2010 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 156, tas‑7 ta’ Lulju 2010), kif emendat bl-Artikolu 204 tad-decreto legislativo n. 50 – Codice dei contratti pubblici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50, li Jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi), tat‑18 ta’ April 2016 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 91, tad‑19 ta’ April 2016) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva”), jipprovdi:

“L-att li fuqu hija bbażata l-esklużjoni mill-proċedura ta’ għoti u ta’ ammissjoni għal din tal-aħħar fi tmiem l-evalwazzjonijiet tal-kundizzjonijiet suġġettivi, ekonomiċi u finanzjarji, kif ukoll tekniċi u professjonali jista’ jiġi kkontestat fit-30 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fis-sit internet tal-awtorità kontraenti, konformement mal-Artikolu 29(1) tal-[Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi]. L-assenza ta’ kontestazzjoni tipprekludi l-invokazzjoni tal-illegalità tal-atti suċċessivi tal-proċedura ta’ għoti, anki permezz ta’ appell inċidentali. Il-kontestazzjoni tal-proposta ta’ għoti ta’ kuntratt, jekk din tkun ġiet deċiża, u ta’ atti oħra interni għall-proċedura li ma jkunux ta’ natura li jikkawżaw preġudizzju immedjat hija wkoll inammissibbli.”

6

L-Artikolu 29 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 50, li jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, tat‑18 ta’ April 2016, kif emendat bid-decreto legislativo no 56 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 56), tad‑19 ta’ April 2017, (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 1-3, tal‑5 ta’ Mejju 2017) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”) jipprevedi:

“[…] Sabiex tkun tista’ tippreżenta rikors eventwali previst fl-Artikolu 120(2bis) tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, għandhom jiġu ppubblikati wkoll, matul iż-żewġt ijiem wara d-data ta’ adozzjoni tagħhom, id-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-proċedura ta’ attribuzzjoni u d-deċiżjoni ta’ ammissjoni wara li tkun saret il-verifika tad-dokumenti li jiċċertifikaw l-assenza tar-raġunijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 80, u għandhom ukoll jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji u kundizzjonijiet tekniċi u professjonali. F’dan l-istess terminu ta’ żewġt ijiem, il-kandidat u l-offerenti huma nnotifikati […] b’din id-deċiżjoni, bl-indikazzjoni tal-uffiċċju jew tas-sit internet fejn l-imsemmija deċiżjonijiet ikunu disponibbli. It-terminu għall-kontestazzjoni msemmi fl-Artikolu 120(2bis) jibda jiddekorri biss meta l-atti msemmija fit-tieni sentenza, inklużi r-raġunijiet adottati mill-awtorità kontraenti, ikunu effettivament disponibbli.”

7

L-Artikolu 53(2) u (3) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi jipprovdi:

“2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti minn dan il-kodiċi dwar il-kuntratti mogħtija taħt kundizzjoni ta’ kunfidenzjalità u li l-eżekuzzjoni tagħhom tirrikjedi miżuri speċifiċi ta’ sigurtà, id-dritt ta’ aċċess huwa pospost:

a)

sal-iskadenza tat-terminu għat-tressiq tal-offerti fil-proċeduri miftuħa, fir-rigward tal-lista tal-persuni li ressqu offerti;

b)

sal-iskadenza tat-terminu għat-tressiq tal-offerti fil-proċeduri ristretti u nnegozjati u fis-sejħiet għal offerti informali, fir-rigward tal-lista tal-persuni li talbu stedina għal parteċipazzjoni jew li mmanifestaw l-interess tagħhom, u l-lista tal-persuni li ġew mistiedna jressqu offerti kif ukoll il-lista ta’ persuni li ressqu dawn l-offerti; il-persuni li t-talba tagħhom li jiġu mistiedna ġiet miċħuda jistgħu jaċċedu għal-lista tal-persuni li talbu stedina għal parteċipazzjoni jew li mmanifestaw l-interess tagħhom, wara l-komunikazzjoni uffiċjali, mill-awtoritajiet kontraenti, tal-isem tal-kandidati li għandhom jiġu mistiedna;

c)

fir-rigward tal-offerti, sal-għoti tal-kuntratt;

d)

fir-rigward tal-proċedura ta’ verifika tal-anomaliji tal-offerta, sal-għoti tal-kuntratt.

3.   L-atti indikati fil-paragrafu 2, sal-iskadenza tat-termini previsti fih, ma jistgħux jiġu kkomunikati lil terzi jew imxandra bi kwalunkwe mod ikun liema jkun.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Mejju 2017, iċ-CISS di Pinerolo, li kienet qed issegwi l-kriterju tal-l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża, tat lill-konsorzju temporanju ta’ impriżi rebbieħ tal-kuntratt il-luntratt pubbliku ta’ servizzi ta’ kura fid-dar fil-kompetenza territorjali tagħha, għall-perijodu mill‑1 ta’ Ġunju 2017 sal‑31 ta’ Mejju 2020.

9

Ikklassifikata fit-tieni post, il-Cooperativa Animazione Valdocco ppreżentat, ladarba ngħata l-kuntratt, rikors għal annullament quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri t-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte, l-Italja), kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni kif ukoll kontra l-atti differenti tal-proċedura ta’ għoti, fosthom id-deċiżjoni li l-konsorzju temporanju ta’ impriżi rebbieħa ma jiġix eskluż, fejn sostniet b’mod partikolari li, fl-assenza ta’ depożitu ta’ garanzija provviżorja tal-ammont rikjest u ta’ prova li l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni ġew issodisfatti, l-imsemmi konsorzju ma missux tħalla jipparteċipa fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

10

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-awtorità kontraenti u l-konsorzju temporanju ta’ impriżi rebbieħa qajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors, minħabba li ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni definittiva ta’ għoti. Issa, konformement mal-proċedura mħaffa organizzata mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi u tal-Artikolu 120(2bis) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, ir-rikors tal-Cooperativa Animazione Valdocco jmissu ġie ppreżentat f’terminu ta’ 30 jum mid-data tal-komunikazzjoni tal-att ta’ ammissjoni tal-offerenti sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

11

Hija esponiet, f’dan ir-rigward, li l-introduzzjoni tal-proċedura mħaffa ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni jew ta’ ammissjoni tal-offerenti, prevista fl-Artikolu 120(2bis) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, tissodisfa l-ħtieġa li tilwima tiġi deċiża qabel ma tingħata d-deċiżjoni ta’ għoti, billi jiġu ddeterminati, b’mod eżawrjenti, il-persuni aċċettati sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti qabel l-eżami tal-offerti, u sussegwentement, l-għażla tal-offerent rebbieħ.

12

Hija tenfasizza, madankollu, li din il-proċedura mħaffa ma hijiex inqas suġġetta għal kritika minn ċerti aspetti, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

13

F’dan ir-rigward, hija tosserva, qabel kollox, li din il-proċedura tobbliga lill-offerenti li ma ġietx aċċettata tipparteċipa fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti titlob ir-reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ ammissjoni jew ta’ nuqqas ta’ esklużjoni tal-offerenti kollha, filwaqt li, minn naħa, f’dan il-mument hija ma jkollhiex għarfien dwar min ser ikun l-offerent rebbieħ u, min-naħa l-oħra, jista’ ma jkollha ebda vantaġġ li tikkontesta l-għoti, ġaladarba tista’ ma tiksibx pożizzjoni fil-klassifikazzjoni finali. Għaldaqstant l-imsemmija offerenti jkollha tippreżenta azzjoni ġudizzjarja mingħajr ebda garanzija li tikseb vantaġġ konkret permezz ta’ din l-inizjattiva, filwaqt li jkollha tassumi l-ispejjeż marbuta mal-implimentazzjoni immedjata tal-azzjoni.

14

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-offerenti li jkollha obbligu tippreżenta azzjoni skont il-proċedura mħaffa mhux biss ma jkollhiex interess konkret u attwali, iżda ġġarrab ukoll, b’applikazzjoni tal-Artikolu 120(2bis) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, diversi danni. L-ewwel jirriżulta mill-ispejjeż ekonomiċi importanti marbuta mal-preżentata ta’ numru ta’ rikorsi. It-tieni huwa marbut mal-kompromissjoni eventwali tal-pożizzjoni tagħha fid-dawl tal-awtorità kontraenti. It-tielet jirrigwarda l-konsegwenzi negattivi għall-klassifikazzjoni tagħha, inkwantu l-Artikolu 83 tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi jipprevedi bħala kriterju ta’ evalwazzjoni negattiv l-influwenza ta’ tilwim imressaq mill-offerenti.

15

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, fl-aħħar nett, li n-natura eċċessivament diffiċli tal-aċċess għall-ġustizzja amministrattiva hija aggravata permezz tal-Artikolu 53 tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, fejn il-paragrafu 3 tiegħu jipprojbixxi lill-uffiċjali pubbliċi jew inkarigati minn dipartiment pubbliku jikkomunikaw jew, fi kwalunkwe każ, li jagħmlu pubbliku, taħt piena ta’ sanzjoni kriminali, l-atti tas-sejħa għal offerti li l-aċċess għalihom huwa ddifferit sa ma jingħata l-kuntratt. Fid-dawl tan-natura obbligatorja ta’ din il-projbizzjoni, il-persuni responsabbli mill-proċedura jibqgħu lura milli jiżvelaw, minbarra d-deċiżjoni ta’ ammissjoni, id-dokumenti amministrattivi tal-offerenti, liema fatt iġiegħel lill-operaturi ekonomiċi jippreżentaw rikors “fid-dlam”.

16

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tad-drittijiet tad-difiża, ta’ smigħ xieraq u ta’ effettività sostanzjali tal-protezzjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali kif ukoll l-Artikolu 1(1)u (2) tad-Direttiva 89/665/KEE, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 120(2bis) tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, sa fejn din timponi fuq l-operatur offerent fi proċedura ta’ sejħa għal offerti li jippreżenta kull kontestazzjoni dwar l-ammissjoni jew l-assenza ta’ esklużjoni ta’ offerent ieħor f’terminu ta’ 30 jum minn meta tiġi kkomunikata d-deċiżjoni ta’ ammissjoni jew ta’ esklużjoni?

2)

Il-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tad-drittijiet tad-difiża, ta’ smigħ xieraq u ta’ effettività sostanzjali tal-protezzjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali kif ukoll l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 89/665/KEE, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 120(2bis) tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, sa fejn din tipprevedi li l-assenza ta’ kontestazzjoni preliminari tad-deċiżjonijiet ta’ ammissjoni fit-terminu msemmi iktar ’il fuq tipprekludi lill-operatur ekonomiku milli jinvoka, għall-finijiet tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, anki permess ta’ rikors inċidentali, l-illegalità tad-deċiżjonijiet ta’ ammissjoni ta’ offerenti oħra, b’mod partikolari tal-kontraent jew tar-rikorrent prinċipali?”

Fuq id-domandi preliminari

17

Bis-saħħa tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

18

F’din il-kawża għandu jiġi applikat dan l-artikolu.

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

19

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-valur tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jammonta għal EUR 5684000, jiġifieri somma ferm ogħla mil-limiti ffissati mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24.

20

Għaldaqstant id-Direttiva 89/665 tapplika għall-imsemmi kuntratt, konformement mal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2014/23, u t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax, għaldaqstant, tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba s-sempliċi nuqqas ta’ indikazzjoni, fid-deċiżjoni ta’ rinviju, tal-valur tal-istess kuntratt, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Taljan.

21

It-talba għal deċiżjoni preliminari lanqas ma tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba li tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-għażla diskrezzjonali magħmula mil-leġiżlatur Taljan fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 89/665, kif issostni ċ-CISS di Pinerolo. Fil-fatt, id-domandi magħmula jirrigwardaw kjarament l-interpretazzjoni ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

22

Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

23

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) u (2) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti li jammettu jew jeskludu l-parteċipazzjoni għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ 30 jum, taħt piena ta’ dekadenza, mid-data tal-komunikazzjoni tagħhom lill-persuni kkonċernati.

24

Qabel kollox jeħtieġ li jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 2c tad-Direttiva 89/665, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu termini sabiex jikkontstaw deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti adottata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24.

25

Din id-dispożizzjoni tipprevedi li dan it-terminu huwa ugwali għal għaxart ijiem kalendarji mill-inqas mill-għada tal-jum li fih tintbagħat id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti lill-offerenti jew lill-kandidat jekk jintuża kopjatur jew mezz elettroniku ieħor jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, jew għal ħmistax-il jum kalendarji mill-inqas mill-għada tal-jum li fih tintbagħat id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti lill-offerenti jew lill-kandidat, jew għal għaxart ijiem kalendarji mill-inqas mill-għada tal-jum li fih tiġi rċevuta d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti. Barra minn hekk, din l-istess dispożizzjoni tippreċiża li d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti hija kkomunikata lil kull offerent jew kandidat, flimkien ma’ espożizzjoni fil-qosor tar-raġunijiet rilevanti.

26

Għalhekk mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 2c tad-Direttiva 89/665 jirriżulta li terminu ta’ 30 jum, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti li jaċċettaw jew jeskludu l-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 għandhom, mill-mument li jiġu kkomunikati lill-persuni kkonċernati, taħt piena ta’ dekadenza, huwa, bħala prinċipju, kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sakemm dawn id-deċiżjonijiet jinkludu espożizzjoni tar-raġunijiet rilevanti.

27

Barra minn hekk, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jimponi lill-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jkunu suġġetti għal proċeduri ta’ reviżjoni effikaċi u kemm jista’ jkun rapidi. Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażżjoni li tenfasizza, l-iffissar ta’ termini għat-tressiq ta’ proċeduri ta’ reviżjoni taħt piena ta’ dekadenza jippermetti li jintlaħaq l-għan ta’ rapidità segwit mid-Direttiva 89/665, billi l-operaturi jiġu obbligati jikkontestaw f’termini qosra l-miżuri preparatorji jew id-deċiżjonijiet intermedjarji adottati fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑456/08, EU:C:2010:46, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iffissar ta’ termini raġonevoli għal proċeduri ta’ reviżjoni taħt piena ta’ dekadenza jkun jissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżit ta’ effettività li jirriżulta mid-Direttiva 89/665, sa fejn dan jikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Universale‑Bau et, C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 76, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑17/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:33, punt 22), u jkun kompatibbli mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Fastweb,C‑19/13, EU:C:2014:2194, punt 58).

29

L-għan ta’ rapidità li jrid jintlaħaq mid-Direttiva 89/665 għandu, madankollu, jitwettaq fid-dritt nazzjonali fl-osservanza tar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali. Huwa għalhekk li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jistabbilixxu sistema ta’ termini suffiċjentement preċiżi, ċari u prevedibbli sabiex l-individwi jkunu f’pożizzjoni li jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑361/88, EU:C:1991:224, punt 24, u tas‑7 ta’ Novembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑221/94, EU:C:1996:424, punt 22).

30

F’dan ir-rigward, meta jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali tal-proċeduri ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-kandidati u lill-offerenti leżi mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti, l-Istati Membri għandhom iħarsu sabiex ma tiġi ppreġudikata la l-effikaċja tad-Direttiva 89/665 u lanqas id-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt ta’ aċċess għal qorti imparzjali, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punti 43 sa 45).

31

L-għan iffissat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 li tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ rimedji effikaċi kontra l-ksur tad-dispożizzonijiet applikabbli fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għalhekk jista’ jintlaħaq biss jekk it-termini imposti għall-preżentata ta’ dawn ir-rikorsi jibdew jiddekorru biss mid-data fejn ir-rikorrent ikun ħa konjizzjoni jew imissu ħa konjizzjoni tal-ksur allegat tal-imsemmija dispożizzjonijiet (sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2010, Uniplex (UK), C‑406/08, EU:C:2010:45, punt 32; tat‑12 ta’ Marzu 2015, eVigilo, C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 52, kif ukoll tat‑8 ta’ Mejju 2014, Idrodinamica Spurgo Velox et, C‑161/13, EU:C:2014:307, punt 37).

32

Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li proċeduri ta’ kontestazzjoni kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti li jaċċettaw jew jeskludu l-parteċipazzjoni għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandhom jitressqu f’terminu ta’ 30 jum taħt piena ta’ dekadenza, mid-data tal-komunikazzjoni tagħhom lill-partijiet ikkonċernati, huma kompatibbli mad-Direttiva 89/665 biss bil-kundizzjoni li d-deċiżjonijiet ikkomunikati f’dan ir-rigward jinkludu espożizzjoni tar-raġunijiet rilevanti, li tiggarantixxi li l-imsemmija persuni kkonċernati kellhom jew setgħu kellhom għarfien tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni li huma jallegaw.

33

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta jirrikjedi li l-persuna kkonċernata tkun f’qagħda li tiġi informata dwar ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha kemm permezz tal-qari stess tad-deċiżjoni, kif ukoll permezz ta’ komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet li ssir fuq talba tagħha, sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk huwiex utli li tadixxi l-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din il-qorti tkun fl-aħjar pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, EU:C:1987:442, punt 15, kif ukoll tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 53).

34

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-offerent li għandu l-intenzjoni li jikkontesta deċiżjoni ta’ ammissjoni ta’ kompetitur għandu jressaq il-proċeduri ta’ reviżjoni f’terminu ta’ 30 jum mid-data tal-komunikazzjoni tagħha, jiġifieri fil-mument li ta’ spiss ma jkunx f’pożizzjoni li jiddetermina jekk hemmx verament interess, inkwantu ma jkunx jaf jekk finalment l-imsemmi kompetitur huwiex ser ikun ir-rebbieħ jew jekk huwa stess ikunx f’pożizzjoni li jirbaħ.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 jimponi lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu aċċessibbli, skont il-modalitajiet li l-Istat Membri jistgħu jiddeterminaw, mill-inqas għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess li tikseb kuntratt speċifiku u li jkun ġiet leża jew tkun tinsab fir-riskju li tiġi leża minħabba allegat ksur.

36

Din l-aħħar dispożizzjoni hija intiża li tapplika, b’mod partikolari, għas-sitwazzjoni ta’ kull offerent li jqis li deċiżjoni ta’ ammissjoni ta’ kompetitur fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku hija illegali u tista’ toħloqlu dannu, fejn dan ir-riskju huwa suffiċjenti sabiex jinħoloq interess immedjat għat-tressiq ta’ proċeduri ta’ reviżjoni kontra l-imsemmija deċiżjoni, minbarra d-dannu li, barra minn hekk, jista’ jirriżulta mill-għoti tal-kuntratt lil kandidat ieħor.

37

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-deċiżjoni li offerent jitħalla jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt tikkostitwixxi att li jista’ bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665, ikun suġġett għal rikors ġudizzjarju awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Marina del Mediterráneo et, C‑391/15, EU:C:2017:268, punti 26 sa 2934).

38

Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 89/665, u b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2 u 2c, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti li jammettu jew jeskludu l-parteċipazzjoni għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ 30 jum, taħt piena ta’ dekadenza, mid-data tal-komunikazzjoni tagħhom lill-persuni kkonċernati bil-kundizzjoni li d-deċiżjonjiet hekk ikkomunikati jinkludu espożizzjoni tar-raġunijiet rilevanti li jiggarantixxu li l-imsemmija persuni kkonċernati kellhom jew setgħu kellhom għarfien tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni li huma jallegaw.

Fuq it-tieni domanda

39

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 89/665, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, fl-assenza ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti li jaċċettaw lil offerenti fil-parteċipazzjoni ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi f’terminu ta’ 30 jum mid-data ta’ komunikazzjoni tagħhom, ma jkunx iżjed possibbli għall-persuni kkonċernati li jeċċepixxu l-illegalità tal-imsemmija deċiżjonijiet fil-kuntest ta’ rikorsi diretti kontra l-atti sussegwenti, u b’mod partikolari kontra d-deċiżjonijet ta’ għoti.

40

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li d-Direttiva 89/665 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li kull kontestazzjoni ta’ deċiżjoni tal-awtorità kontraenti għandha ssir f’terminu previst f’dan is-sens u li kull irregolarità tal-proċedura ta’ għoti invokata insostenn ta’ dan ir-rikors għandha titqajjem fl-istess terminu, taħt piena ta’ dekadenza, b’tali mod li, ladarba jiddekorri dan it-terminu, ma jkunx iżjed possibbli li tali deċiżjoni tiġi kkontestata jew li titqajjem tali irregolarità, dejjem sakemm it-terminu inkwistjoni jkun raġonevoli (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 79; tas‑27 ta’ Frar 2003, Santex, C‑327/00, EU:C:2003:109, punt 50, kif ukoll tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Lämmerzahl, C‑241/06, EU:C:2007:597, punt 50).

41

Din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li r-realizzazzjoni kompleta tal-għan tad-Direttiva 89/665 tiġi kompromessa li kieku kien possibbli li l-kandidati u l-offerenti jinvokaw, f’kull mument tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, ksur tar-regoli tal-għoti tal-kuntratti, u b’hekk jobbligaw lill-awtorità kontraenti terġa’ tibda l-proċedura kollha sabiex tikkoreġi dan il-ksur (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et,C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 75; tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Lämmerzahl, C‑241/06, EU:C:2007:597, punt 51, kif ukoll tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑456/08, EU:C:2010:46, punt 52). Fil-fatt, tali aġir, sa fejn jista’ jdewwem mingħajr raġuni oġġettiva t-tressiq ta’ proċeduri ta’ reviżjoni, li l-implimentazzjoni tagħhom ġiet imposta lill-Istati Membri mid-Direttiva 89/665, huwa ta’ natura li jippreġudika l-applikazzjoni effettiva tad-direttivi tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2004, Grossmann Air Service, C‑230/02, EU:C:2004:93, punt 38).

42

F’dan il-każ, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-Direttiva 89/665, b’mod partikolari l-Artikolu 2c tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix, bħala prinċipju, li, fl-assenza ta’ kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti fit-terminu ta’ 30 jum previst mil-leġiżlazzjoni Taljana, ma jkunx iktar possibbli għal offerent li jeċċepixxi l-illegalità tal-imsemmija deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ reviżjoni diretti kontra att sussegwenti.

43

Madankollu, għalkemm ma jidhirx li regoli nazzjonali ta’ dekadenza huma fihom infushom kuntrarji għal dak li jipprovdi l-Artikolu 2c tad-Direttiva 89/665, madankollu ma jistax jiġi eskluż li, fil-kuntest ta’ ċirkustanzi partikolari jew fid-dawl ta’ wħud mill-modalitajiet tagħhom l-applikazzjoni tagħhom tista’ tippreġudika d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2003, Santex, C‑327/00, EU:C:2003:109, punt 57, kif ukoll tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Lämmerzahl, C-241/06, EU:C:2007:597, punti 5556).

44

B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi li d-Direttiva 89/665 kellha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li regoli ta’ dekadenza pprovduti mid-dritt nazzjonali huma applikabbli b’tali mod li l-aċċess ta’ offerent għal proċeduri ta’ reviżjoni kontra deċiżjoni illegali tiġi rrifjutata lilu meta huwa, essenzjalment, seta’ jkollu għarfien dwar din l-illegalità biss wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2003, Santex, C‑327/00, EU:C:2003:109, punt 60, kif ukoll tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Lämmerzahl, C‑241/06, EU:C:2007:597, punti 59 sa 6164).

45

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, hekk kif tfakkar fil-punt 31 ta’ dan id-digriet, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li kontestazzjonijiet effikaċi kontra l-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jistgħu jiġu żgurati biss jekk it-termini previsti għat-tressiq ta’ dawn il-proċeduri jibdew jiddekorru biss mid-data li fiha r-rikrrent kellu għarfien jew imissu kellu għarfien tal-ksur allegat tal-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2015, eVigilo, C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Hija, għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-Cooperativa Animazione Valdocco effettivament kellhiex jew setgħetx ikollha konoxxenza, permezz tal-komunikazzjoni mill-awtorità kontraenti tad-deċiżjoni ta’ ammissjoni tal-konsorzju temporanju ta’ impriżi li ngħata l-kuntratt, konformement mal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, tar-raġunijiet ta’ illegalità tal-imsemmija deċiżjoni li hija qed tallega, meħuda fl-assenza ta’ preżentazzjoni ta’ garanzija provviżorja għall-ammont mitlub u tal-prova li l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni kienu ġew issodisfatti u li hija kienet, b’hekk, effettivament tqiegħdet f’sitwazzjoni li kellha tressaq kontestazzjoni f’terminu tassattiv ta’ 30 jum, previst fl-Artikolu 120(2bis) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva.

47

Hija għandha, b’mod partikolari, tiżgura li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-applikazzjoni flimkien tad-dispożizjonijiet tal-Artikolu 29 u tal-Artikolu 53(2) u (3) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, li jirregolaw l-aċċess għad-dokumenti tal-offerti u t-tixrid tagħhom, ma teskludix kull possibbiltà għall-Cooperativa Animazione Valdocco li jkollha effettivament konoxxenza tal-illegalità tad-deċiżjoni ta’ ammissjoni tal-konsorzju temporanju ta’ impriżi li ngħata l-kuntratt li hija qed tallega u li tressaq kontestazzjoni, mill-mument li ħadet konjizzjoni tagħha, fit-terminu tassattiv previst fl-Artikolu 120(2bis) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva.

48

Għandu jingħad ukoll li hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti interpretazzjoni konformi mal-għan tad-Direttiva 89/665 lil-leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha tapplika. Jekk applikazzjoni bħal din ma tkunx possibbli, hija għandha tiskarta l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Lämmerzahl, C‑241/06, EU:C:2007:597, punti 6263), peress li l-Artikolu 1(1) tagħha huwa assolut u preċiż biżżejjed sabiex jiġi invokat fil-konfront tal-awtorità kontraenti (sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Koppensteiner, C‑15/04, EU:C:2005:345, punt 38, u tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Lämmerzahl, C‑241/06, EU:C:2007:597, punt 63).

49

Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tieni domanda tkun li d-Direttiva 89/665, u b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2, u 2c tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, fl-assenza ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti li jaċċettaw lil offerenti fil-parteċipazzjoni ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi f’terminu ta’ 30 jum mid-data ta’ komunikazzjoni tagħhom, ma jkunx iżjed possibbli għall-persuni kkonċernati li jeċċepixxu l-illegalità tal-imsemmija deċiżjonijiet fil-kuntest ta’ rikorsi diretti kontra l-atti sussegwenti, u b’mod partikolari kontra d-deċiżjonijet ta’ għoti, sakemm tali dekadenza tkun tista’ tiġi kkontestata mill-imsemmija persuni kkonċernati biss taħt il-kundizzjoni li kellhom jew setgħu kellhom għarfien, permezz tal-imsemmija komunikazzjoni, tal-illegalità li huma jallegaw.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi ta’ provvista u ta’ xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tla-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014, u b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2 u 2c, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti li jammettu jew jeskludu l-parteċipazzjoni għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ 30 jum, taħt piena ta’ dekadenza, mid-data tal-komunikazzjoni tagħhom lill-persuni kkonċernati bil-kundizzjoni li d-deċiżjonijiet hekk ikkomunikati jinkludu espożizzjoni tar-raġunijiet rilevanti li jiggarantixxu li l-imsemmija persuni kkonċernati kellhom jew setgħu kellhom għarfien tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni li huma jallegaw.

 

2)

Id-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2014/23, u b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2, u 2c tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġu interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, fl-assenza ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti li jaċċettaw lil offerenti fil-parteċipazzjoni ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi f’terminu ta’ 30 jum mid-data ta’ komunikazzjoni tagħhom, ma jkunx iżjed possibbli għall-persuni kkonċernati li jeċċepixxu l-illegalità tal-imsemmija deċiżjonijiet fil-kuntest ta’ rikorsi diretti kontra l-atti sussegwenti, u b’mod partikolari kontra d-deċiżjonijet ta’ għoti, sakemm tali dekadenza tkun tista’ tiġi kkontestata mill-imsemmija persuni kkonċernati biss taħt il-kundizzjoni li kellhom jew setgħu kellhom għarfien, permezz tal-imsemmija komunikazzjoni, tal-illegalità li huma jallegaw.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top