Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0606

    Kawża C-606/18 P: Appell ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2018 minn Nexans France, Nexans mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-449/14: Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 427, 26.11.2018, p. 29–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.11.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 427/29


    Appell ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2018 minn Nexans France, Nexans mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-449/14: Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-606/18 P)

    (2018/C 427/37)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Nexans France, Nexans (rappreżentanti: G. Forwood, advocate, M. Powell, A. Rogers, Solicitors)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Lulju 2018 fil-kawża Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (Kawża T-449/14, EU:T:2018:456);

    tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali sabiex tieħu deċiżjoni fuq l-azzjoni tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna lill-apellanti;

    tnaqqas il-multi imposti fuq l-appellanti b’ammont li jikkorrispondi għall-fattur ta’ gravita mnaqqas; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2)(b) u (c) tar-Regolament 1/2003 (1) fir-rigward tal-ikkupjar ta’ data elettronika mhux eżaminata, peress li l-ikkupjar ta’ data elettronika mhux eżaminata kienet taqa’ barra mis-setgħat tal-Kummissjoni;

    It-tieni aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 1/2003 fir-rigward tal-ispezzjoni kontinwata fil-bini tal-Kummissjoni fi Brussell, peress li s-setgħat tal-Kummissjoni taħt dik id-dispożizzjoni huma llimitati għall-bini tal-impriżi inkwistjoni;

    It-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi meta ġie kkonstatat li l-Kummissjoni ma marritx lil hinn mil-limiti tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, peress li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha tinftihem korrettament li tispeċifika li l-ispezzjoni setgħet isseħħ biss fil-bini kollu kkontrollat mill-appellanti;

    Ir-raba’ aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tan-nuqqas ta’ effetti tal-ksur, peress li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżerċita l-kompetenza illimitata tagħha taħt l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, u naqset milli hija stess tnaqqas il-fattur ta’ gravità sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-parti l-kbira tal-bejgħ kopert mid-deċiżjoni kkontestata kienet fil-fatt mhux affettwata mill-ksur; u

    Il-ħames aggravju bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u nuqqas ta’ raġjonevolezza fir-rigward tat-2 % żieda addizzjonali għall-“konfigurazzjoni Ewropea”, peress li ebda raġunijiet ma tressqu għala l-konfigurazzjoni Ewropea kkawżat distorsjoni addizzjonali tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE għall-konfigurazzjoni Ewropa-Ażja.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


    Top