This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CN0560
Case C-560/18 P: Appeal brought on 3 September 2018 by Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych against the judgment of the General Court (Fifth Chamber) delivered on 10 July 2018 in Case T-514/15: Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych v Commission
Kawża C-560/18 P: Appell ippreżentat fit-3 ta’ Settembru 2018 mill-Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-10 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-514/15, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il-Kummissjoni
Kawża C-560/18 P: Appell ippreżentat fit-3 ta’ Settembru 2018 mill-Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-10 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-514/15, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il-Kummissjoni
ĠU C 112, 25.3.2019, p. 10–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
25.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 112/10 |
Appell ippreżentat fit-3 ta’ Settembru 2018 mill-Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-10 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-514/15, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-560/18 P)
(2019/C 112/15)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych (rappreżentant: P. Hoffman, adwokat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Repubblika tal-Polonja
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2018 fil-kawża T-514/15, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il-Kummissjoni; |
— |
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta’ Ġunju 2015, GESTDEM 2015/1291, li tirrifjuta aċċess lill-appellanti għall-opinjoni ddettaljata maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika 2014/537/PL, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-17 ta’ Lulju 2015, GESTDEM 2015/1291, li tirrifjuta aċċess lill-appellanti għall-opinjoni ddettaljata maħruġa mir-Repubblika ta’ Malta fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika 2014/537/PL, u tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż rispettivi tagħha u għal dawk tal-appellanti; jew, |
— |
sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax li t-tilwima tinsab fi stat li tiġi deċiża, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u tirriżerva l-ispejjeż. |
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell huwa bbażat fuq l-aggravji li ġejjin:
— |
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi kemm (i) meta qieset, fil-punti 30 u 32 tad-digriet appellat, li huwa improbabbli li l-aġir illegali allegat mill-appellanti fir-rikors jerġa’ jseħħ fil-futur u li l-appellanti ma għandhiex interess fit-tkomplija tal-azzjoni, kif ukoll (ii) meta qieset, fl-istess punti, li l-kwistjoni rilevanti f’dan il-kuntest hija jekk huwiex probabbli li, fil-futur, tinħoloq sitwazzjoni li fiha abbozz ta’ liġi jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni bħala tweġiba għat-tħassib tagħha fir-rigward tal-leġiżlazzjoni eżistenti fl-Istat Membru notifikanti li huwa s-suġġett ta’ proċedimenti pendenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u li fihom il-Kummissjoni tirrifjuta aċċess għall-opinjoni ddettaljata maħruġa fuq il-bażi tad-Direttiva 98/34 (1) u relatata ma’ dan l-abbozz ta’ liġi, minħabba preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar li tirriżulta mill-bżonn ta’ protezzjoni tal-iskop ta’ dawn il-proċedimenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, filwaqt li, fid-dritt, il-kwistjoni rilevanti ma hijiex jekk huwiex probabbli li tali sitwazzjoni partikolari terġa’ sseħħ, iżda jekk huwiex probabbli li l-interpretazzjonijiet tar-Regolament 1049/2001 (2) jew tad-Direttiva 98/34 invokati mill-Kummissjoni u kkontestati fir-rikors tal-appellanti jerġgħux jiġu applikati mill-Kummissjoni fil-futur. |
— |
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 33 tad-digriet appellat, li n-neċessità li tingħata deċiżjoni f’kawża li tirrigwarda r-rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela dokumenti minħabba allegata “rabta indissolubbli” bejniethom u proċedimenti pendenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li fihom il-proċedura orali ngħalqet ma tistax tirriżulta min-neċessità li r-rikorrent jingħata protezzjoni ġudizzjarja effettiva u mill-fatt li, fl-assenza ta’ deċiżjoni, il-Kummissjoni tkun tista’ taħrab minn stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tagħha, peress li għall-kuntrarju kull rikorrent li t-talba tiegħu ta’ aċċess għal dokumenti tkun ġiet inizjalment irrifjutata jkun jista’ jitlob rimedju ġudizzjarju fil-konfront tal-Kummissjoni, anki meta t-talba tintlaqa’ wara li tkun ġiet ippreżentata l-azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. |
— |
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 34 tad-digriet appellat, li, għalkemm l-azzjoni mressqa mill-appellanti kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati kienet pendenti għal kważi 3 snin u kienet tinkludi diversi atti proċedurali kif ukoll seduta, l-għeluq tal-proċedimenti u t-talba lill-appellanti jew lill-membri tagħha sabiex jerġgħu jsostnu, din id-darba fil-kuntest ta’ rikors għad-danni kontra l-Kummissjoni, l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ma jikkostitwixxux piż mhux iġġustifikat fuqhom. |
— |
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 34 tad-digriet appellat, li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-bażi tat-talbiet għad-danni ikkawżati mid-deċiżjonijiet ikkontestati tal-appellanti jew tal-membri tagħha, sempliċement għaliex (i) l-appellanti naqset milli tispeċifika jekk hija jew il-membri tagħha kellhomx “verament” l-intenzjoni li jkomplu b’tali talbiet, (ii) ma pproduċietx provi preċiżi, speċifiċi u verifikabbli dwar l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati, u (iii) ma pprovdietx dettalji dwar il-kundanni li rriżultaw mir-rifjut ta’ għoti ta’ aċċess għal dokumenti, u dan minkejja li (iv) il-Qorti Ġenerali fl-istess ħin ikkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż rispettivi tagħha, li jikkostitwixxu għalhekk dannu ċert u speċifiku kkawżat lill-appellanti mid-deċiżjonijiet ikkontestati. |
— |
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 34 tad-digriet appellat, li l-appellanti ma għandhiex interess li tkompli l-azzjoni, minkejja li l-annullament tad-deċiżjonijiet kkontestati huwa neċessarju, bħala kumpens għad-dannu morali kkawżat lill-appellanti bħala organizzazzjoni professjonali, u ma jeżisti l-ebda mezz ieħor sabiex tali dannu jiġi kkumpensat. |
(1) Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (GU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337).
(2) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (GU 2001, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).