Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0429

    Kawża C-429/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo de Madrid (Spanja) fit-28 ta’ Ġunju 2018 – Berta Fernández Álvarez, BMM, TGV, Natalia Fernández Olmos u María Claudia Téllez Barragán vs Consejería de Sanidad de la Comunidad de Madrid

    ĠU C 373, 15.10.2018, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 373/3


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo de Madrid (Spanja) fit-28 ta’ Ġunju 2018 – Berta Fernández Álvarez, BMM, TGV, Natalia Fernández Olmos u María Claudia Téllez Barragán vs Consejería de Sanidad de la Comunidad de Madrid

    (Kawża C-429/18)

    (2018/C 373/03)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Qorti tar-rinviju

    Juzgado Contencioso-Administrativo de Madrid

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Berta Fernández Álvarez, BMM, TGV, Natalia Fernández Olmos u María Claudia Téllez Barragán

    Konvenut: Consejería de Sanidad de la Comunidad de Madrid

    Domandi preliminari

    1)

    Hija konformi mal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE (1) l-interpretazzjoni mogħtija mill-Juzgado Contencioso-Administrativo, li r-reklutaġġ temporanju tar-rikorrenti jikkostitwixxi abbuż, sa fejn il-persuna pubblika li timpjega tuża forom differenti ta’ reklutaġġ, kollha temporanji, għat-twettiq[,] b’mod permanenti u stabbli, ta’ funzjonijiet ordinarji li jsiru mill-impjegati statutorji fissi; ikopru difetti strutturali u ħtiġijiet li, fil-fatt, ma humiex provviżorji, iżda permanenti u stabbli? Huwa għalhekk li dan ir-reklutaġġ temporanju hawn deskritt ma huwiex iġġustifikat fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim Qafas, bħala raġuni oġġettiva, sa fejn tali użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien iddeterminat jipprekludi direttament it-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim Qafas u l-punti 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ dan il-ftehim, peress li ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw tali kuntratti ta’ xogħol għal żmien iddeterminat ma humiex issodisfatti?

    2)

    Hija konformi mal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE l-interpretazzjoni mogħtija mill-Juzgado Contencioso-Administrativo, li l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ selezzjoni ordinarja li għandha l-karetteristiċi deskritti[,] ma hijiex miżura ekwivalenti, u lanqas ma tista’ titqies bħala sanzjoni, peress li ma hijiex proporzjonali għall-abbuż imwettaq, li l-konsegwenza tiegħu huwa t-tmiem tas-servizz tal-ħaddiem temporanju, bi ksur tal-għanijiet tad-Direttiva u ż-żamma tal-qagħda sfavorevoli tal-impjegati statutorji temporanji, u lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala miżura effettiva minħabba li ma tikkawża l-ebda ħsara lill-persuna li timpjega u lanqas ma tissodisfa kwalunkwe funzjoni dissważiva, u għalhekk ma tikkonformax mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70 peress li ma tiggarantixxix li l-Istat Spanjol jilħaq ir-riżultati stabbiliti fid-Direttiva?

    3)

    Hija konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70 u mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża C-16/15 (2) l-interpretazzjoni mogħtija mill-Juzgado Contencioso-Administrativo, li l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ selezzjoni konformi mal-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera ma tikkostitwixxix sanzjoni adegwata sabiex tissanzjona l-abbuż fir-reklutaġġ temporanju suċċessiv, peress li l-leġiżlazzjoni Spanjola ma tipprovdix għal mekkaniżmu ta’ sanzjoni effettiva u dissważiva li ttemm l-abbuż fil-ħatra ta’ persunal statutorju temporanju, u ma tippermettix li dawn il-pożizzjonijiet strutturali jimtlew mill-persunal li kien is-suġġett ta’ abbuż, b’tali mod li s-sitwazzjoni ta’ prekarjetà ta’ dawn il-ħaddiema tippersisti?

    4)

    Hija konsistenti l-interpretazzjoni mogħtija mill-Juzgado Contencioso-Administrativo, li l-konverżjoni ta’ impjiegi tal-ħaddiema temporanji vittmi ta’ abbuż “għal żmien indeterminat mhux permanenti” ma tikkostitwixxix sanzjoni effettiva, sa fejn jistgħu jintemmu l-funzjonijiet ta’ ħaddiem li jkun kiseb dan l-istatus, jew billi l-pożizzjoni tiegħu tiġi koperta permezz ta’ proċedura ta’ selezzjoni jew bit-tneħħija ta’ din il-pożizzjoni, u għalhekk ma hijiex konformi mal-Ftehim Qafas sabiex jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien iddeterminat, sa fejn ma jiġix issodisfat l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70 peress li ma tiggarantixxix li l-Istat Spanjol jilħaq ir-riżultati stabbiliti fid-Direttiva?

    Minħabba f’din is-sitwazzjoni huwa meħtieġ li wieħed itenni d-domandi li ġejjin magħmula fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tat-30 ta’ Jannar 2018, imressaq mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 8 de Madrid (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali no 8 ta’ Madrid, Spanja) fil-proċedura mħaffa 193/2017 (3):

    5)

    Peress li l-qorti nazzjonali kkonstatat l-abbuż fir-reklutaġġ suċċessiv tal-impjieg pubbliku statutorju temporanju interim għas-servizz ta’ SERMAS [is-servizz tas-saħħa ta’ Madrid tal-Komunità Awtonoma ta’ Madrid], li huwa intiż sabiex ikopri neċessitajiet permanenti u strutturali tal-provvista ta’ servizzi tal-impjegati statutorji fissi, peress li fl-ordinament ġuridiku nazzjonali ma teżisti ebda miżura effettiva sabiex dan l-abbuż jiġi ssanzjonat u li jiġu eliminati l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt Komunitarju, il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li tobbliga lill-qorti nazzjonali li tadotta miżuri effettivi u dissważivi li jiggarantixxu l-effett utli tal-Ftehim Qafas, u għaldaqstant, li tissanzjona dan l-abbuż u telimina l-konsegwenzi tal-ksur ta’ din ir-regola Ewropea, u b’hekk tipprekludi milli tiġi applikata r-regola nazzjonali li timpedixxi dan?

    F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, u fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 tas-sentenza tagħha tal-14 ta’ Settembru 2016, C-184/15 u C-197/15 (4):

    Il-konverżjoni tar-relazzjoni statutorja ta’ xogħol temporanja interim/eventwali/sostituzzjoni, f’relazzjoni statutorja stabbli, permezz ta’ din il-ħatra bħala impjegat pubbliku fiss jew għal żmien indeterminat, bl-istess stabbiltà fl-impjieg bħall-impjegati statutorji fissi paragunabbli, u dan fid-dawl tal-fatt li l-liġi Spanjola tipprojbixxi b’mod assolut, fis-settur pubbliku, il-konverżjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat u ma tinkludix xi miżura effettiva oħra sabiex tevita u, jekk ikun il-każ, tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat, hija konformi mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 1999/70/KE, bħala miżura għall-prevenzjoni u għall-issanzjonar tal-abbuż fir-relazzjoni ta’ xogħol temporanja suċċessiva u sabiex tiġi eliminata l-konsegwenza tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni?

    6)

    Fil-każ ta’ abbuż fir-relazzjoni ta’ xogħol temporanja suċċessiva, il-konverżjoni tar-relazzjoni statutorja temporanja interim f’relazzjoni għal żmien indeterminat jew fissa tista’ tinftiehem li titwettaq biss skont l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70/KE u tal-Ftehim Qafas tagħha, meta l-impjegat statutorju temporanju li jkun safa vittma tal-abbuż igawdi mill-istess kundizzjonijiet ta’ xogħol fir-rigward tal-persunal statutorju fiss (fil-qasam ta’ protezzjoni soċjali, promozzjoni professjonali, ħruġ ta’ pożizzjonijiet vakanti, taħriġ professjonali, leave mingħajr ħlas, sitwazzjonijiet amministrattivi, leave ta’ tip ieħor, drittijiet għall-pensjoni, u waqfien ta’ pożizzjonijiet ta’ xogħol, kif ukoll il-parteċipazzjoni għall-kompetizzjonijiet organizzati sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti u l-promozzjoni professjonali), konformement mal-prinċipji ta’ permanenza u ta’ irremovibbiltà, bid-drittijiet u obbligi inerenti kollha, fuq livell ta’ ugwaljanza mal-ispeċjalisti informatiċi statutorji fissi?

    7)

    Fil-każ tal-eżistenza ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti temporanji ta’ impjieg sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet permanenti, mingħajr ma tkun teżisti raġuni oġġettiva, liema kuntratti ma jkunux jissodisfaw il-ħtieġa urġenti u imperattiva li tiġġustifikahom, fl-assenza ta’ sanzjonijiet jew limiti effettivi fid-dritt nazzjonali [Spanjol], kumpens, ekwiparabbli għal dak li jingħata fil-każ ta’ tkeċċija abbużiva, bħala sanzjoni adegwata, proporzjonat, effettiva u dissważiva, huwa konformi mal-għanijiet li d-Direttiva 1999/70/KE tipprova tilħaq, bħala miżura għall-prevenzjoni tal-abbuż u sabiex konsegwentement jiġi eliminat il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, meta l-persuna li timpjega ma toffrix pożizzjoni permanenti lill-ħaddiem?


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

    (2)  Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C-16/15, EU:C:2016:679).

    (3)  Kawża C-103/18, Sánchez Ruiz.

    (4)  Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López (C-184/15 u C-197/15, EU:C:2016:680).


    Top