Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0423

    Kawża C-423/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Ġermanja) fis-27 ta’ Ġunju 2018 – Südzucker AG vs Hauptzollamt Karlsruhe

    ĠU C 373, 15.10.2018, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 373/2


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Ġermanja) fis-27 ta’ Ġunju 2018 – Südzucker AG vs Hauptzollamt Karlsruhe

    (Kawża C-423/18)

    (2018/C 373/02)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Finanzgericht Baden-Württemberg

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Südzucker AG

    Konvenut: Hauptzollamt Karlsruhe

    Domandi preliminari

    1

    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006 (1) għandha tiġi interpretata fis-sens li t-terminu previst fiha japplika wkoll għar-rettifika ta’ komunikazzjoni magħmula fi żmien xieraq tal-imposta fuq l-ammont żejjed, li tirriżulta mir-rettifika tad-determinazzjoni tal-kwantità ta’ zokkor żejjed li għandu jiġi suġġett għal imposta li saret wara l-iskadenza tat-terminu wara kontroll imwettaq skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 952/2006 (2)?

    2.

    Fil-każ li l-ewwel domanda titlob risposta fl-affermattiv:

    Meta komunikazzjoni magħmula fi żmien xieraq hija rrettifikata wara konstatazzjonijiet magħmula f’kontrolli, il-kundizzjonijiet li taħthom is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2002, British Sugar (C-101/99, EU:C:2002:7) tippermetti qbiż tat-terminu previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2670/81, fil-verżjoni emendata bir-Regolament Nru 3559/91 (3), jgħoddu wkoll għal qbiż tat-terminu previst mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 967/2006?

    3.

    Jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006 ma tapplikax għar-rettifiki kkomunikati wara kontrolli (ara l-ewwel domanda) jew meta l-kundizzjonijiet ta’ qbiż tat-terminu jkunu ssodisfatti (ara t-tieni domanda), it-terminu li fih għandha tiġi kkomunikata r-rettifika tal-imposta fuq l-ammont żejjed għandu jiġi stabbilit għall-1 ta’ Mejju jew għandhom jiġu applikati r-regoli tad-dritt intern?

    4.

    Jekk, skont ir-risposta għat-tielet domanda, it-terminu ma għandux jiġi stabbilit għall-1 ta’ Mejju u r-regoli tad-dritt intern ma għandhomx jiġu applikati:

    Huwa konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, inkużi wkoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li, f’każ bħal dan il-każ ineżami, minħabba t-tul tal-kontroll, iż-żmien sabiex jiġi stabbilit ir-rapport ta’ kontroll, u l-analiżi tiegħu, l-imposta għas-sena 2007/2008 tiġi kkomunikata fl-20 ta’ Ottubru 2010 u fis-27 ta’ Ottubru 2011? Il-fatt li l-manifattur taz-zokkor ikkontesta jew ma kkontestax id-determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda huwa rilevanti f’dan ir-rigward?


    (1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (ĠU 2006, L 176, p. 22).

    (2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 952/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jipprovdi regoli dettaljati għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-ġestjoni tas-suq intern taz-zokkor u l-iskema tal-kwoti (ĠU 2006, L 178, p. 39).

    (3)  Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3559/91 tas-6 ta’ Diċembru 1991 li jemenda Regolament (KEE) Nru 2670/81 li jistabbilixxi regolamenti implimentati dettaljati għall-produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 12, p. 131).


    Top