Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0252

    Kawża C-252/18 P: Appell ippreżentat fis-6 ta’ April 2018 mir-Repubblika Ellenika mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-1 ta’ Frar 2018 fil-Kawża T-506/15, Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 190, 4.6.2018, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 190/16


    Appell ippreżentat fis-6 ta’ April 2018 mir-Repubblika Ellenika mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-1 ta’ Frar 2018 fil-Kawża T-506/15, Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-252/18 P)

    (2018/C 190/22)

    Lingwa tal-kawża: il-Grieg

    Partijiet

    Appellanti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: G. Kanellopoulos, E. Leftheriotou, A. Vasilopoulou u E. Chroni)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tilqa’ l-appell tagħha, tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Frar 2018 fil-Kawża T-506/15, kif ġie espost speċifikatamernt fl-appell tagħha, tilqa’ r-rikors ippreżentat mir-Repubblika Ellenika fid-29 ta’ Awwissu 2015 skont l-appell tagħha, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2015/1119/UE tat-22 ta’ Ġunju 2015, sa fejn din timponi a) aġġustamenti finanzjarji u ta’ darba u b’rata fissa ta’ EUR 313 483 531,71 għas-snin ta’ talbiet 2009, 2010 u 2011 fil-qasam tal-għajnuna diretta marbuta mas-superfiċji u b) korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 2 %, fir-rigward tal-kundizzjonalità, fis-sena ta’ talba 2011, u tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-proċeduri.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji:

    A.

    Sa fejn is-sentenza appellata teżamina l-ewwel u t-tieni motiv, dwar il-korrezzjoni ta’ 25 % tal-għajnuna skont is-superfiċji (punti 48-140 tas-sentenza appellata).

    L-ewwel aggravju jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004, rigward id-definizzjoni ta’ mergħat, u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 296 TFUE, kif ukoll motivazzjoni insuffiċjenti u inadegwata tas-sentenza appellata.

    It-tieni aggravju jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tal-Linji gwida (dokument VI/5530/1997) u tikkonċerna l-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 %, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikoli 43, 44 u 137 tar-Regolament Nru 73/2009, għal motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorju tas-sentenza appellata, għall-ksur tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali tal-partijiet u għat-tibdil fir-rapport ta’ sinteżi.

    B.

    Sa fejn is-sentenza appellata teżamina t-tielet aggravju, dwar l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % għal nuqqas ta’ konformità tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-porzjonijiet agrikoli (SIPA) (punti 141 sa 162 tas-sentenza appellata).

    It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità, tal-amministrazzjoni tajba, tad-drittijiet ta’ difiża tal-amministrat, ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 296 TFUE u ta’ motivazzjoni mhux suffiċjenti.

    C.

    Sa fejn is-sentenza appellata teżamina r-raba’ aggravju, dwar l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ 2 % (punti 163 sa 183 tas-sentenza appellata).

    Ir-raba’ aggravju jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1122/2009 u tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 796/2004, motivazzjoni mhux suffiċjenti tas-sentenza appellata, kif ukoll żnaturament tal-kontenut tar-rikors.

    D.

    Sa fejn is-sentenza appellata teżamina l-ħames aggravju, dwar is-sistema ta’ kundizzjonalità (punti 184 sa 268 tas-sentenza appellata).

    Il-ħames aggravju jikkonċerna l-interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, kif ukoll motivazzjoni mhux suffiċjenti tas-sentenza appellata.


    Top