EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0833

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2020.
SI u Brompton Bicycle Ltd vs Chedech / Get2Get.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal de l'entreprise de Liège.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikoli 2 sa 5 – Kamp ta’ applikazzjoni – Oġġett utilitarju – Kunċett ta’ ‘xogħol’ – Protezzjoni tax-xogħlijiet abbażi tad-drittijiet tal-awtur – Kundizzjonijiet – Forma ta’ prodott li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku – Rota li tintewa.
Kawża C-833/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:461

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

11 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikoli 2 sa 5 – Kamp ta’ applikazzjoni – Oġġett utilitarju – Kunċett ta’ ‘xogħol’ – Protezzjoni tax-xogħlijiet abbażi tad-drittijiet tal-awtur – Kundizzjonijiet – Forma ta’ prodott li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku – Rota li tintewa”

Fil-Kawża C‑833/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de l’entreprise de Liège (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Liège, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

SI,

Brompton Bicycle Ltd

vs

Chedech/Get2Get,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász (Relatur), M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Novembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SI u Brompton Bicycle Ltd, minn B. Van Asbroeck, G. de Villegas u A. Schockaert, avocats,

għal Chedech/Get2Get, minn A. Marín Melgar, abogado,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u C. Pochet kif ukoll minn J.-C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Frar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SI u Brompton Bicycle Ltd (iktar ’il quddiem “Brompton”) u Chedech/Get2Get (iktar ’il quddiem “Get2Get”) dwar azzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur imressqa kontra din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi

3

L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”) jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 7 tiegħu:

“1)   It-termini ‘xogħlijiet letterarji u artistiċi’ jkopru kull produzzjoni fil-qasam letterarju, xjentifiku u artistiku, indipendentement mill-mod jew mill-forma ta’ espressjoni bħal: […] ix-xogħlijiet ta’ disinn […]; ix-xogħlijiet tal-arti applikata; […]

[…]

7)   Il-leġiżlazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni [għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur dwar ix-xogħlijiet letterarji u artistiċi tagħhom stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Berna] għandhom il-possibbiltà li jirregolaw il-qasam ta’ applikazzjoni tal-liġijiet li jikkonċernaw ix-xogħlijiet tal-arti applikata u d-disinni industrijali, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet u disinni […]. Ix-xogħlijiet protetti unikament bħala disinni fil-pajjiż ta’ oriġini huma intitolati, f’pajjiż ieħor tal-Unjoni, biss għal dik il-protezzjoni speċjali li tingħata f’dak il-pajjiż lid-disinni; madankollu, jekk protezzjoni speċjali bħal din ma tingħatax f’dak il-pajjiż, dawn ix-xogħlijiet għandhom jiġu protetti bħala xogħlijiet artistiċi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

It-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur

4

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, li ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208), u daħal fis-seħħ, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, fl-14 ta’ Marzu 2010 (ĠU 2010, L 32, p. 1).

5

L-Artikolu 1 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, intitolat “Relazzjoni mal-Konvenzjoni ta’ Berne”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom iħarsu l-Artikoli 1 sa 21 u l-Appendiċi tal-[k]onvenzjoni ta’ Berne.”

6

L-Artikolu 2 ta’ dan l-istess trattat jistabbilixxi:

“Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur tkopri l-espressjoni iżda mhux l-ideja, proċeduri, metodi ta’ operazzjoni jew kunċetti matematiċi bħala tali.”

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2001/29

7

L-Artikoli 2 sa 5 tad-Direttiva 2001/29 jistabbilixxu d-drittijiet esklużivi tal-awturi fir-rigward tar-riproduzzjoni, tal-komunikazzjoni u tad-distribuzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom.

8

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjoni kontinwa ta’ disposizzjonijiet legali oħra” jipprevedi:

“Din id-Direttiva għħ ndha tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar drittijiet ta’ privattivi partikolari, trade marks, drittijiet ta’ disinni […]”.

Ir-Regolament (KE) Nru 6/2002

9

L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), intitolat “Disinji ddettati mill-funzjoni teknika tagħhom u d-disinji ta’ l-interkonnessjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Disinn [tal-Unjoni] ma għandux jeżisti fil-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li jkunu ddettati biss bil-funzjoni teknika tiegħu.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Brompton, kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż, li l-fundatur tagħha huwa SI, tikkummerċjalizza rota li tintewa, mibjugħa fil-forma attwali tagħha mis-sena 1987 (iktar ’il quddiem ir-“rota Brompton”).

11

Ir-rota Brompton, li għandha l-partikolarità li tista’ tadotta tliet pożizzjonijiet differenti (pożizzjoni mitwija, pożizzjoni miftuħa u pożizzjoni intermedjarja li tippermetti lir-rota li tibqa’ f’ekwilibriju fuq l-art), kienet protetta minn privattiva, li llum skadiet.

12

Min-naħa tagħha, Get2Get tikkummerċjalizza rota (iktar ’il quddiem ir-“rota Chedech”) li l-aspett viżiv tagħha jixbah ħafna dak tar-rota Brompton u li tista’ tadotta t-tliet pożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti.

13

Fil-21 ta’ Novembru 2017, SI u Brompton ressqu kawża quddiem it-tribunal de l’entreprise de Liège (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Liège, il-Belġju) sabiex din tikkonstata li r-roti Chedech jiksru d-drittijiet tal-awtur ta’ Brompton u d-drittijiet morali ta’ SI u, konsegwentement, tordna lil Get2Get li twaqqaf l-attivitajiet tagħha li jiksru d-drittijiet tagħhom u li ssejjaħ lura l-prodotti mill-punti ta’ bejgħ kollha.

14

Bħala difiża, Get2Get issostni li d-dehra tar-rota Chedech hija imposta mis-soluzzjoni teknika mfittxija, li hija li din ir-rota tkun tista’ tadotta tliet pożizzjonijiet differenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali dehra tista’ tiġi protetta biss mid-dritt tal-privattivi, mhux mid-drittijiet tal-awtur.

15

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirribattu li t-tliet pożizzjonijiet tar-rota Brompton jistgħu jinkisbu permezz ta’ forom differenti minn dawk mogħtija lil din ir-rota mill-kreatur tagħha, li jimplika li l-forma tagħha tista’ tiġi protetta abbażi tad-drittijiet tal-awtur.

16

It-tribunal de l’entreprise de Liège (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Liège) tosserva li, skont id-dritt Belġjan, kull kreazzjoni hija protetta mid-drittijiet tal-awtur meta tiġi espressa f’forma partikolari u tkun oriġinali, li jimplika li oġġett utilitarju, bħal rota, jista’ jiġi protett mid-drittijiet tal-awtur. F’dan ir-rigward, għalkemm il-forom imposti mill-kisba ta’ riżultat tekniku huma esklużi mill-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur, xorta jibqa’ l-fatt li jeżisti dubju meta tali riżultat jista’ jinkiseb permezz ta’ forom oħra.

17

Din il-qorti tindika li, fis-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172), li ngħatat fil-qasam tad-dritt tad-disinni, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott humiex esklużivament imposti mill-funzjoni teknika tiegħu, hemm lok li jiġi stabbilit li din il-funzjoni hija l-uniku fattur li ddetermina dawn il-karatteristiċi, peress li l-eżistenza ta’ disinni alternattivi ma hijiex determinanti f’dan ir-rigward.

18

Konsegwentement, hija tistaqsi dwar jekk soluzzjoni simili għandhiex tiġi adottata fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur meta d-dehra tal-prodott li l-protezzjoni tiegħu hija mitluba f’dan ir-rigward, skont id-Direttiva 2001/29, tkun neċessarja sabiex jintlaħaq effett tekniku preċiż.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de l’entreprise de Liège (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Liège) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, id-Direttiva [2001/29], li tistabbilixxi b’mod partikolari l-varji drittijiet esklużivi rrikonoxxuti lill-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur fl-Artikoli 2 sa 5 tagħha, għandu jiġi interpretat bħala li jeskludi mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ix-xogħlijiet li l-forma tagħhom hija neċessarja sabiex jintlaħaq ir-riżultat tekniku?

2)

Sabiex tiġi evalwata n-natura neċessarja ta’ forma sabiex jintlaħaq ir-riżultat tekniku, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji li ġejjin:

L-eżistenza ta’ forom oħra possibbli li jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat tekniku?

L-effettività tal-forma sabiex jintlaħaq l-imsemmi riżultat?

Ir-rieda tal-allegata persuna li tkun wettqet il-ksur li tilħaq dan ir-riżultat? |

L-eżistenza ta’ privattiva preċedenti, li llum skadiet, fuq il-proċess li jippermetti li jintlaħaq ir-riżultat tekniku mfittex?”

Fuq id-domandi preliminari

20

Permezz taż-żewġ domandi tagħha li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2 sa 5 tad-Direttiva 2001/29 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur li huma jipprevedu tapplika għal prodott li l-forma tiegħu hija, tal-inqas parzjalment, neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku.

21

Konformement mal-Artikoli 2 sa 5 tad-Direttiva 2001/29, l-awturi huma protetti kontra r-riproduzzjoni, il-komunikazzjoni lill-pubbliku u d-distribuzzjoni lill-pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom tax-xogħlijiet tagħhom.

22

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “xogħol” huwa kompost minn żewġ elementi. Minn naħa, dan jimplika suġġett oriġinali li huwa kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu stess u, min-naħa l-oħra, dan jeħtieġ l-espressjoni ta’ din il-kreazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Cofemel, C‑683/17, EU:C:2019:721, punti 29 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fir-rigward tal-ewwel element, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex oġġett ikun jista’ jitqies bħala oriġinali, huwa kemm neċessarju kif ukoll suffiċjenti li dan jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu, billi jimmanifesta l-għażliet liberi u kreattivi ta’ dan tal-aħħar (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Cofemel, C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta t-twettiq ta’ oġġett ikun ġie ddeterminat minn kunsiderazzjonijiet tekniċi, permezz ta’ regoli jew permezz ta’ restrizzjonijiet oħra li ma ħallewx lok għall-eżerċizzju ta’ libertà kreattiva, dan l-oġġett ma jistax jitqies bħala li għandu l-oriġinalità neċessarja sabiex ikun jista’ jikkostitwixxi xogħol u konsegwentement jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mid-drittijiet tal-awtur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Cofemel, C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fir-rigward tat-tieni element imsemmi fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “xogħol” imsemmi fid-Direttiva 2001/29 jimplika neċessarjament l-eżistenza ta’ oġġett identifikabbli bi preċiżjoni u b’oġġettività suffiċjenti (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Cofemel, C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Minn dan jirriżulta li oġġett li jissodisfa l-kundizzjoni ta’ oriġinalità jista’ jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, anki jekk it-twettiq tiegħu jkun ġie ddeterminat minn kunsiderazzjonijiet tekniċi, sakemm tali determinazzjoni ma tkunx ipprekludiet lill-awtur milli jirrifletti l-personalità tiegħu f’dan l-oġġett, billi juri għażliet liberi u kreattivi.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kriterju tal-oriġinalità ma jistax jiġi ssodisfatt mill-komponenti ta’ oġġett li jkunu kkaratterizzati unikament mill-funzjoni teknika tagħhom, peress li jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 2 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur li l-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur ma testendix għall-ideat. Li dawn tal-aħħar jiġu protetti permezz tad-drittijiet tal-awtur iwassal, fil-fatt li tiġi offruta l-possibbiltà li jiġu mmonopolizzati l-ideat, għad-dannu, b’mod partikolari, tal-progress tekniku u tal-iżvilupp industrijali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2012, SAS Institute, C‑406/10, EU:C:2012:259, punti 33 u 40). Issa, meta l-espressjoni tal-imsemmija komponenti hija stipulata mill-funzjoni teknika tagħhom, il-modi differenti kif tiġi implimentata idea huma tant limitati li l-idea u l-espressjoni jitfixklu ma’ xulxin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Deċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace, C‑393/09, EU:C:2010:816, punti 48 u 49).

28

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rota li tintewa inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tikkostitwixxi xogħol, li jibbenefika mill-protezzjoni prevista mid-Direttiva 2001/29, filwaqt li jiġi osservat li d-domandi tal-qorti tar-rinviju ma jirreferux għat-tieni element imsemmi fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, peress li din ir-rota tidher li hija identifikabbli bi preċiżjoni u b’oġġettività suffiċjenti, iżda għall-ewwel element.

29

F’dan il-każ, huwa minnu li l-forma li tippreżenta l-imsemmija rota tidher neċessarja sabiex jinkiseb ċertu riżultat tekniku, jiġifieri l-kapaċità ta’ din ir-rota li tadotta tliet pożizzjonijiet, li waħda minnhom tippermetti li tinżamm f’ekwilibriju fuq l-art.

30

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, minkejja din iċ-ċirkustanza, din ir-rota tikkostitwixxix xogħol oriġinali li jirriżulta minn kreazzjoni intellettwali.

31

F’dan ir-rigward, hekk kif tfakkar fil-punti 24, 26 u 27 ta’ din is-sentenza, dan ma jistax ikun il-każ meta t-twettiq ta’ oġġett ikun ġie ddeterminat minn kunsiderazzjonijiet tekniċi, permezz ta’ regoli jew permezz ta’ restrizzjonijiet oħra li ma ħallewx spazju għall-eżerċizzju ta’ libertà kreattiva jew spazju tant limitat li l-idea u l-espressjoni tagħha jitfixklu ma’ xulxin.

32

Anki jekk teżisti possibbiltà ta’ għażla fir-rigward tal-forma ta’ oġġett, ma jistax jiġi konkluż li dan neċessarjament jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2001/29. Sabiex jiġi stabblit jekk dan huwiex effettivament il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 22 sa 27 ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti.

33

Fil-każ fejn il-forma tal-prodott hija stipulata unikament mill-funzjoni teknika tiegħu, l-imsemmi prodott ma jistax jaqa’ taħt il-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur.

34

Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk il-prodott ikkonċernat jaqax taħt il-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, permezz ta’ din l-għażla tal-forma tal-prodott, l-awtur tiegħu esprimiex il-kapaċità kreattiva tiegħu b’mod oriġinali billi wettaq għażliet liberi u kreattivi u billi mmudella l-prodott b’mod li jirrifletti l-personalità tiegħu.

35

F’dan il-kuntest, u peress li hija biss l-oriġinalità tal-prodott ikkonċernat li għandha tiġi evalwata, l-eżistenza ta’ forom possibbli oħra li jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat tekniku, jekk tippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ għażla, ma hijiex determinanti sabiex jiġu evalwati l-fatturi li ggwidaw l-għażla mwettqa mill-kreatur. Bl-istess mod, ir-rieda tal-persuna li allegatament wettqet il-ksur hija irrilevanti fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni.

36

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ privattiva preċedenti, li llum skadiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll tal-effikaċja tal-forma sabiex ikun hemm l-istess riżultat tekniku, hemm lok li din tittieħed inkunsiderazzjoni biss sa fejn dawn l-elementi jippermettu li jiġu żvelati l-kunsiderazzjonijiet li ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-għażla tal-forma tal-prodott ikkonċernat.

37

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex jiġi evalwat jekk ir-rota li tintewa inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex kreazzjoni oriġinali u għalhekk hija protetta abbażi tad-drittijiet tal-awtur, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, kif kienu jeżistu waqt it-tfassil ta’ dan l-oġġett, indipendentement mill-fatturi esterni u sussegwenti għall-kreazzjoni tal-prodott.

38

Konsegwentement, id-domandi preliminari għandhom jiġu risposti li l-Artikoli 2 sa 5 tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur li huma jipprevedu tapplika għal prodott li l-forma tiegħu hija, tal-inqas parzjalment, neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku meta dan il-prodott jikkostitwixxi xogħol oriġinali li jirriżulta minn kreazzjoni intellettwali, sa fejn, permezz ta’ din il-forma, l-awtur tiegħu jesprimi l-kapaċità kreattiva tiegħu b’mod oriġinali billi jwettaq għażliet liberi u kreattivi b’mod li l-imsemmija forma tirrifletti l-personalità tiegħu, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali b’kunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha tal-kawża prinċipali.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L‑Artikoli 2 sa 5 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur li huma jipprevedu tapplika għal prodott li l-forma tiegħu hija, tal-inqas parzjalment, neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku meta dan il-prodott jikkostitwixxi xogħol oriġinali li jirriżulta minn kreazzjoni intellettwali, sa fejn, permezz ta’ din il-forma, l-awtur tiegħu jesprimi l-kapaċità kreattiva tiegħu b’mod oriġinali billi jwettaq għażliet liberi u kreattivi b’mod li l-imsemmija forma tirrifletti l-personalità tiegħu, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali b’kunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha tal-kawża prinċipali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top