Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0814

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-22 ta’ Jannar 2020.
    Ursa Major Services BV vs Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni tas-sajd – Regolament (KE) Nru 1198/2006 – Artikolu 55(1) – Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) – Eliġibbiltà tal-infiq – Kundizzjoni – Nefqa li effettivament tħallset mill-benefiċjarji – Kunċett.
    Kawża C-814/18.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:27

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

    22 ta’ Jannar 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni tas-sajd – Regolament (KE) Nru 1198/2006 – Artikolu 55(1) – Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) – Eliġibbiltà tal-infiq – Kundizzjoni – Nefqa li effettivament tħallset mill-benefiċjarji – Kunċett”

    Fil-Kawża C‑814/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għal Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

    Ursa Major Services BV

    vs

    Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

    komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, T. von Danwitz u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro, K. Walkerová u S. Noë, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas‑27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU 2006, L 223, p. 1).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Ursa Major Services BV (iktar ’il quddiem “UMS”) u l-Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit (il-Ministru għall-Agrikoltura, in-Natura u l-Kwalità tal-Ikel, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), dwar talba għal emenda ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ sussidju għal proġett li jaqa’ fis-settur tas-sajd.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament Nru 1198/2006

    3

    Skont il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1198/2006:

    “Sabiex jissaħħaħ l-effett sollevanti tar-riżorsi Komunitarji billi, sa fejn ikun possibbli, jiġi ffavorit l-użu ta’ sorsi privati ta’ finanzjament u sabiex jittieħed kont aħjar tar-redditività ta’ l-operazzjonijiet, il-forom ta’ assistenza disponibbli mill-[Fond Ewropew għas-Sajd] għandhom ikunu diversifikati u r-rati ta’ l-assistenza differenzjati bl-iskop li jitmexxa ’l quddiem l-interess Komunitarju, li jitħeġġeġ l-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ riżorsi finanzjarji u li tiġi limitata l-kontribuzzjoni mill-[Fond Ewropew għas-Sajd] billi jitħeġġeġ l-użu ta’ forom adegwati ta’ assistenza.”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-ambitu ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi:

    “Dan ir-Regolament jistabbilixxi Fond Ewropew għas-Sajd (minn hawn ’il quddiem il-“FES”) u jiddefinixxi l-qafas għas-sostenn Komunitarju għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd, taż-żoni tas-sajd u tas-sajd f’ilmijiet interni.”

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    [...]

    l)

    “benefiċjarju”: il-persuna fiżika jew ġuridika li finalment tirċievi l-għajnuna pubblika;

    [...]”

    6

    L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1198/2006 (“L-intensità ta’ l-għajnuna pubblika”) jipprevedi:

    “L-intensità massima ta’ l-għajnuna pubblika hija disposta fit-Tabella fl-Anness II.”

    7

    L-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Non-akkumulazzjoni”, jipprevedi:

    “In-nefqa ko-finanzjata mill-FES ma għandhiex tirċievi assistenza minn strument finanzjarju Komunitarju ieħor”.

    8

    Skont l-Artikolu 55 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-eliġibbiltà tan-nefqa”:

    “1.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FES jekk tkun fil-fatt tħallset mill-benefiċjarji bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-program operattiv lill-Kummisjoni [Ewropea] jew mill-1 ta’ Jannar 2007, skond liema data tiġi l-ewwel, u l-31 ta’ Diċembru 2015. L-operazzjonijiet ko-finanzjati ma għandhomx ikunu tlestew qabel id-data tal-bidu ta’ l-eliġibbiltà.

    2.   Bħala deroga għall-paragrafu 1, il-kontribuzzjonijiet in natura, l-ispejjeż ta’ depprezzament u l-ispejjeż ġenerali jistgħu jiġu trattati bħala nefqa mħallsa minn benefiċjarji fl-implementazzjoni ta’ l-operazzjonijiet taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    regoli ta’ eliġibbiltà stabbiliti taħt il-paragrafu 4 jipprovdu għall-eliġibbiltà ta’ tali nefqa;

    b)

    l-ammont tan-nefqa ikun ġustifikat b’dokumenti ta’ kontabbiltà li jkollhom valur ta’ prova ekwivalenti għal riċevuti;

    c)

    fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet in natura, il-ko-finanzjament mill-FES ma jaqbiżx in-nefqa eliġibbli totali, eskluż il-valur ta’ tali kontribuzzjonijiet.

    [...]

    4.   Ir-regoli dwar l-eliġibilità ta’ l-infiq għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali suġġett għall-eċċezzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament. Dawn għandhom ikopru l-infiq pubbliku kollu dikjarat taħt il-programm operattiv.

    [...]”

    9

    L-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1198/2006, intitolat “Il-funzjonijiet ta’ l-awtorità ta’ ġestjoni”, jipprevedi:

    “L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u l-implementazzjoni tal-programm operattiv skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u b’mod partikolari sabiex:

    [...]

    b)

    tivverifika li l-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati ġew konsenjati u li l-infiq dikjarat mill-benefiċjarji jkun sar tassew u jkun konformi mar-regoli Komunitarji u nazzjonali; [...]

    [...]”

    10

    L-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġestjoni u kontroll”, jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi operattivi b’mod partikolari permezz tal-miżuri li ġejjin:

    a)

    jiżguraw li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall-programmi operattivi huma stabbiliti skond l-Artikoli 57 sa 61 u jaħdmu b’mod effettiv;

    [...]”

    11

    L-Artikolu 78 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-dikjarazzjoni dwar l-infiq”, jipprevdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Id-dikjarazzjonijiet kollha dwar l-infiq għandhom jinkludu, għal kull assi prijoritarju u għal kull objettiv, l-ammont totali ta’ infiq eliġibbli mħallas mill-benefiċjarji fl-implementazzjoni ta’ l-operazzjonijiet u l-kontribuzzjoni pubblika korrispondenti mħallsa jew dovuta lill-benefiċjarji, skond il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-kontribuzzjoni pubblika. In-nefqa mħallsa mill-benefiċjarji għandha tiġi ġustifikata b’riċevuti kwittati jew b’dokumenti tal-kontabbiltà ta’ l-istess valur ta’ prova. [...]”

    Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014

    12

    Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 149, p. 1) jipprevedi fl-Artikolu 128(1) tiegħu:

    “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 129(2), ir-Regolamenti (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006, (KE) Nru 791/2007, (UE) Nru 1255/2011 u l-Artikolu 103 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 huma mħassra b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014.”

    13

    Skont l-Artikolu 129(2) tar-Regolament Nru 508/2014:

    “Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni sħiħa jew parzjali, tal-proġetti kkonċernati, sal-għeluq tagħhom, jew tal-għajnuna approvata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolamenti (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006, (KE) Nru 791/2007 u (KE) Nru 1255/2011 u l-Artikolu 103 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jew kwalunkwe leġislazzjoni oħra li tapplika għal dik l-għajnuna fil‑31 ta’ Diċembru 2013 li għandha tibqa’ tapplika għal tali proġetti jew assistenza.”

    Id-dritt Olandiż

    14

    Intitolat “Introduzzjoni tat-talba għall-għoti ta’ sussidju”, l-Artikolu 1:9 tar-Regeling houdende regels inzake de verstrekking van sussidjarji door de Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit (Regeling LNV‑subsidies) (ir-Regolament dwar l-Għoti tas-Sussidji tal-Ministru għall-Agrikoltura, in-Natura u l-Kwalità tal-Ikel), tal‑14 ta’ Frar 2007, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi:

    “[...]

    2.   Talba għall-għoti ta’ sussidju għal proġett għandha tkun akkumpanjata minn pjan ta’ proġett, fejn ikun hemm, mill-inqas, inkluż:

    [...]

    c)

    baġit f’bilanċ għall-proġett, li huwa baġit multiannwali bi pjan ta’ likwidità għal kull sena sakemm il-proġett idum iktar minn sena, ma’ spjegazzjonijiet dwar dan is-suġġett;

    [...]”

    15

    L-Artikolu 1:13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Obbligi tal-benefiċjarju tas-sussidju fil-kuntest ta’ proġetti”, kien jistabbilixxi:

    “1.   Fil-każ fejn sussidju jkun ingħata għall-eżekuzzjoni ta’ proġett, il-benefiċjarju tas-sussidju jeżegwixxi dan il-proġett konformement mal-pjan tal-proġett, li jagħmel parti integrali mid-deċiżjoni ta’ għoti tas-sussidju.

    [...]

    3.   Il-Ministru jista’ jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal emenda li sseħħ fil-frattemp ta’ pjan ta’ proġett, sakemm l-emenda:

    a)

    tikkonċerna l-għanijiet, deskritti fil-pjan tal-proġett;

    b)

    tagħti lok għal żieda tal-ammont tas-sussidju jew tal-ammont massimu li għalih is-sussidju, konformement mad-deċiżjoni ta’ għoti tas-sussidju, jista’ jiġi ffissat.

    4.   Fil-każ ta’ approvazzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 3, il-Ministru jista’ jemenda d-deċiżjoni tal-għoti tas-sussidju kif ukoll l-obbligi imposti fuq il-benefiċjarju tas-sussidju.

    [...]”

    16

    L-Artikolu 1:15 tal-imsemmi regolament, intitolat “Infiq eliġibbli u mhux eliġibbli”, kien jipprevedi:

    “1.   L-infiq segwenti ma huwiex eliġibbli għal sussidju:

    a)

    l-infiq li ġiew, jew huwa, issussidjat jew iffinanzjat taħt xi titolu ieħor mill-awtoritajiet;

    b)

    l-infiq li ma tistax issir il-prova tiegħu li huwa direttament attribwibbli għall-attività li tikkonċerna s-sussidju;

    c)

    l-interessi fuq id-djun;

    d)

    l-infiq għal attivitajiet li huma eżerċitati bi ksur ta’ miżuri tal-KE jew ta’ regoli nazzjonali li japplikaw għalihom.

    [...]

    4.   Minbarra r-regoli, previsti f’dan ir-regolament, il-ministru jista’, meta tinfetaħ [il-possibbiltà li jitwettqru talbiet għal sussidji], imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1:3, jistabbilixxi modalitajiet regoli iktar preċiżi fuq l-infiq eliġibbli għal sussidju.

    [...]”

    17

    Fil-Kapitolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Sajd”, hemm l-Artikolu 4:33i tiegħu, intitolat “Ammont tas-sussidju”, kien jipprevedi:

    “1.   Is-sussidju għandu jkun sa massimu ta’ 60 % tal-infiq eliġibbli.

    2.   B’deroga għall-paragrafu 1, is-sussidju jitla’ sa massimu ta’ 40 % tal-infiq eliġibbli tal-proġetti, kif imsemmi fil-grupp 2 u fil-grupp 4 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1198/2006.

    [...]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    18

    UMS, sussidjarja tan-Nederlandse Vissersbond (il-Federazzjoni Olandiża tas-Sajjieda), tikkoordina proġetti ta’ sussidju fis-settur tas-sajd. Wieħed minn dawn il-proġetti għandu bħala għan li jiffavorixxi l-investimenti fit-tul tal-impriżi fi Friesland tas-sajd tal-gambli li jipparteċipaw fl-użu ta’ materjal tas-sajd li għadu kif ġie żviluppat, is-‘seewing’ (iktar ’il quddiem il-“proġett inkwistjoni”).

    19

    Wara talba ta’ UMS, imressqa f’isem fondazzjoni u disa’ impriżi tas-sajd, il-Ministru ta, permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Awwissu 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-għoti tas-sussidju”), sussidju ta’ ammont massimu ta’ EUR 118056 għal dan il-proġett, li jikkorrispondi għal 60 % tal-infiq eliġibbli. Dan l-ammont kien ġej għal 50 % mill-provinċja ta’ Friesland (il-Pajjiżi l-Baxxi) u għal 50 % mill-FES.

    20

    L-infiq li jifdal, jiġifieri dak li kienu sostnew il-benefiċjarji ta’ dan is-sussidju, iżda li ma setax jitqies bħala nfiq eliġibbli, kif ukoll l-40 % li fadal tal-infiq eliġibbli, kellu jiġi ffinanzjat b’mod ieħor mill-benefiċjarji tal-imsemmi sussidju. Inizjalment, dan l-infiq li fadal kellu jiġi ffinanzjati mill-fondazzjoni u d-disa’ impriżi tas-sajd imsemmija iktar ’il fuq. Madankollu, din il-fondazzjoni kif ukoll tlieta minn dawn id-disa’ impriżi tas-sajd irtiraw mill-proġett inkwistjoni. Sabiex tkomplu b’dan tal-aħħar, UMS, konsegwentement, indirizzat lil Visserjbedrijf J. Seepma (iktar ’il quddiem “Seepma”) u lil VCU TCD BV (iktar ’il quddiem “VCU”), impriżi ta’ sajd diġà implikati f’dan il-proġett, bħala rispettivament, espert tal-qasam u ta’ fornitur tas-seewing, u li ġew disposti li jagħtu kontribuzzjoni finanzjarja. Issa, skont id-deċiżjoni tal-għoti tas-sussidju, huma biss is-sitt impriżi tas-sajd l-oħra li jibbenefikaw minn dan tal-aħħar, peress li Seepma u VKU jitqiesu bħala terzi li jipparteċipaw fil-proġett.

    21

    Fil-prattika, Seepma naqqset il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha mill-fatturi maħruġa għall-provvista ta’ servizzi li hija pprovdiet bħala espert tal-qasam. B’hekk, id-dejn ta’ UMS fir-rigward ta’ Seepma, imnissel mill-impenn meħud minn din tal-aħħar li tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja kien suġġett għal tpaċija mad-dejn ta’ Seepma fir-rigward ta’ UMS minħabba l-provvista ta’ servizzi pprovduta. Billi għamlet hekk, UMS ħallset lil Seepma ammonti inqas mill-infiq li Seepma sostniet għall-proġett inkwistjoni. Fir-rigward ta’ VCU, ma saret ebda tpaċija, iżda saru fatturi separati, relatati mal-kunsinna tas-seewing, li UMS ħallset lil VCU, kif ukoll abbażi tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ VCU, li din tal-aħħar ħallset lil UMS.

    22

    Wara li ta s-sussidju kkonċernat, il-Ministru, fuq talba ta’ UMS, ta ħlas bil-quddiem abbażi tal-fatturi prodotti minn din tal-aħħar. Fost dawn il-fatturi kien hemm ukoll dawk maħruġa minn Seepma lil UMS, li taw lok għat-tpaċija msemmija iktar ’il fuq.

    23

    Permezz ta’ ittra tad‑28 ta’ Settembru 2015, UMS talbet lill-Ministru jadatta, wara l-emenda tal-finanzjament, is-sinteżi tal-baġit u tal-finanzjament tal-proġett inkwistjoni, li hija parti integrali mid-deċiżjoni ta’ għoti tas-sussidju.

    24

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Jannar 2016, il-Ministru ċaħad din it-talba, għar-raġuni li Seepma u VCU ma kinux koapplikanti jew kobenefiċjarji tas-sussidju kkonċernat, iżda kienu biss sħab ta’ dan il-proġett. F’dan ir-rigward, huwa kkunsidra li kontribuzzjoni għall-finanzjament minn tali msieħba jew minn terzi ma setgħetx tiġi ssussidjata, peress li dan l-infiq ma kellux jitħallsu mill-applikant ta’ dan is-sussidju. B’hekk, skont il-Ministru, kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-imsemmi proġett minn sħab ta’ dan tal-aħħar jew minn terzi għandha titnaqqas mill-infiq eliġibbli, u dan jagħti lok għal tnaqqis tal-ammont tas-sussidju mogħti.

    25

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Lulju 2016, il-Ministru ssupplimenta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu tal‑20 ta’ Jannar 2016 billi rrefera għall-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1198/2006, li minnu jirriżulta li l-infiq huwa eliġibbli biss jekk il-benefiċjarju tas-sussidju stess ikun sostnih u ħallsu.

    26

    UMS ippreżentat rikors kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għal Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi). Din il-qorti tesponi li, qabel, il-Ministru kien inkluda l-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ terzi fl-infiq eliġibbli. Madankollu, huwa biddel il-pożizzjoni tiegħu abbażi ta’ informazzjoni ġejja mill-Kummissjoni.

    27

    L-imsemmija qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1198/2006 huwiex applikabbli għar-relazzjoni bejn min jagħti s-sussidju, jiġifieri, f’dan il-każ, il-Ministru, u l-benefiċjarju ta’ sussidju, jew jekk din id-dispożizzjoni tirrigwardax biss ir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Membru kkonċernat, f’liema każ il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija determinanti għall-finijiet tal-eliġibbiltà tal-infiq tal-proġett inkwistjoni. Issa, din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix, skont l-istess qorti, li l-infiq ma huwiex eliġibbli minħabba li ġie sostnut minn terz.

    28

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għar-relazzjoni bejn min jagħti s-sussidju u l-benefiċjarju, tqum, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk l-infiq sostnut minn terz, jekk ikun il-każ permezz ta’ tpaċija, jistax jitqies bħala infiq li effettivament tħallas mill-benefiċjarju tas-sussidju, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 55(1).

    29

    Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, jekk jirriżulta mir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-interpretazzjoni li għamel il-Ministru tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1198/2006 hija korretta, dan għandu wkoll jagħti deċiżjoni fuq jekk jistgħux jiġu invokati b’mod validu l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll il-prinċipju nazzjonali ta’ ċertezza legali, f’ċirkustanzi li fihom il-Ministru qies, mal-għoti tal-ħlas bil-quddiem, li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ terzi kienu jikkostitwixxu infiq eliġibbli, iżda biddel il-pożizzjoni tiegħu minħabba interpretazzjoni differenti tad-dritt tal-Unjoni mill-Kummissjoni.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għal Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1198/2006 huwa applikabbli għar-relazzjoni bejn il-fornitur ta’ sussidju, fil-każ odjern il-Ministru, u l-benefiċjarju (il-benefiċjarju tas-sussidju)?

    2)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 55(1) tar-Regolament 1198/2006 huwa applikabbli għar-relazzjoni bejn il-fornitur ta’ sussidju u l-benefiċċjarju: spejjeż li tħallsu minn terz (bħala kumpens jew le) jistgħu jitqiesu bħala spejjeż li effettivament tħallsu mill-benefiċċjarju, fis-sens tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament 1198/2006?

    3)

    Jekk ir-risposta għat-tieni domanda hija li spejjeż li tħallsu minn terz (bħala kumpens jew le) ma jistgħux jitqiesu bħala spejjeż li effettivament tħallsu mill-benefiċjarju, fis-sens tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament 1198/2006:

    a)

    prassi ta’ implimentazzjoni li fiha l-fornitur ta’ sussidju b’mod sistematiku qies kontribuzzjonijiet minn terzi bħala spejjeż li effettivament tħallsu mill-benefiċjarju, fis-sens tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament 1198/2006, timplika li ma setax jiġi mistenni mill-benefiċjarju li huwa jiskorpi din l-interpetazzjoni żbaljata tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament 1198/2006 mogħtija mill-fornitur ta’ sussidju, b’tali mod li l-benefiċjarju jkun intitolat għas-sussidju kif ingħata lilu, u

    b)

    il-kontribuzzjonijiet ta’ terzi għandhom jiġu inklużi fost l-ispejjeż li effettivament tħallsu mill-benefiċjarju, fis-sens tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament 1198/2006 (f’liema każ is-sussidju huwa ffissat f’ammont superjuri) jew

    c)

    hemm lok għal rinunzja, abbażi tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u/jew tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għall-irkupru tas-sussidju mogħti b’mod żbaljat?

    d)

    il-ħlas minn qabel mogħti fuq is-sussidju, bħal f’dan il-każ, għandu effett f’dan ir-rigward?”

    Fuq id-domandi preliminari

    31

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1198/2006 ġie mħassar u ssostitwit, mill‑1 ta’ Jannar 2014, bir-Regolament Nru 508/2014. Madankollu, minn qari flimkien tal-Artikolu 128(1) u tal-Artikolu 129(2) ta’ dan tal-aħħar jirriżulta li r-Regolament Nru 1198/2006 jibqa’ japplika għall-proġetti approvati filwaqt li kien japplika ratione temporis sat-tlestija tagħhom. Għaldaqstant, il-proġett li huwa s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jibqa’ rregolat minn dan l-aħħar regolament.

    Fuq l-ewwel domanda

    32

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1198/2006 huwiex applikabbli għar-relazzjoni bejn l-awtorità ta’ ġestjoni ta’ programm operattiv, bħall-Ministru, u l-benefiċjarju ta’ sussidju mogħti abbażi tal-FES, b’tali mod li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata kontrih.

    33

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, ir-regolament huwa obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. B’hekk, minħabba n-natura tagħhom stess u l-funzjoni tagħhom fl-iskema ta’ sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr ma jkun neċessarju li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta’ applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑541/16, EU:C:2018:251, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Sa fejn l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ regolament jirrikjedi dan, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar jekk ma jostakolawx l-applikabbiltà diretta tiegħu, jekk ma jaħbux in-natura tiegħu ta’ att ta’ dritt tal-Unjoni u jekk jispeċifikaw l-eżerċizzju ta’ marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom minn dan ir-regolament filwaqt li jibqgħu fil-parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑541/16, EU:C:2018:251, punti 27 u 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    F’dan ir-rigward, huwa b’riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament ikkonċernat, interpretati fid-dawl tal-għanijiet ta’ dan tal-aħħar, li għandu jiġi stabbilit jekk dawn jipprojbixxux, jimponux jew jippermettux lill-Istati Membri li jadottaw ċerti miżuri ta’ applikazzjoni u, b’mod partikolari f’din l-aħħar ipoteżi, jekk il-miżura kkonċernata tidħolx fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lil kull Stat Membru (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑541/16, EU:C:2018:251, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Għandu jitfakkar ukoll li kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi prodott effett dirett hija vinkolanti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, jiġifieri mhux biss il-qrati nazzjonali, iżda wkoll il-korpi tal-amministrazzjoni kollha, inklużi l-awtoritajiet deċentralizzati, u dawn l-awtoritajiet huma marbuta li japplikawha (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm l-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll il-qrati nazzjonali inkarigati li japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jiżguraw l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Fir-rigward tar-Regolament Nru 1198/2006, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 70(1)(a) tiegħu, l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi operattivi, b’mod partikolari sa fejn jiżguraw li s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-programm operattiv huma stabbiliti konformement mal-Artikoli 57 sa 61 ta’ dan ir-regolament.

    39

    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 59(b) tal-imsemmi regolament jirriżulta li hija l-awtorità ta’ ġestjoni ta’ programm operattiv li għandha tikkontrolla li l-infiq iddikjarat mill-benefiċjarji kien effettivament twettaq u li huwa konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni u mar-regoli nazzjonali.

    40

    Fir-rigward tar-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-infiq, l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 1198/2006 jipprevedi li dawn għandhom jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali, b’riżerva għall-eċċezzjonijiet previsti f’dan ir-regolament. L-Artikolu 55(1) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi li nefqa hija eliġibbli għal kontribuzzjoni tal-FES biss jekk effettivament tkun tħallset mill-benefiċjarji bejn id-data li fiha l-programm operazzjonali jkun ġie sottomess lill-Kummissjoni jew l‑1 ta’ Jannar 2007, jekk din id-data tkun qabel l-ewwel waħda, u l‑31 ta’ Diċembru 2015, tikkostitwixxi tali eċċezzjoni. Fil-fatt, b’riżerva għall-applikazzjoni ta’ regoli derogatorji tad-dritt tal-Unjoni, bħal dak tal-Artikolu 55(2) tal-istess regolament, din id-dispożizzjoni tipprekludi li nefqa li ma tissodisfawx l-imsemmija rekwiżiti titqies li hija eliġibbli għal kontribuzzjoni tal-FES.

    41

    Għaldaqstant, għalkemm, skont l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 1198/2006, huma l-Istati Membri li għandhom l-obbligu li jistabbilixxu r-regoli ta’ eliġibbiltà tan-nefqa, il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija rrikonoxxuta lilhom hija rregolata mill-Artikolu 55(1) ta’ dan ir-regolament li, mill-perspettiva tal-kontenut tiegħu, huwa inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż, u jissodisfa, b’dan il-mod, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikollu effett dirett.

    42

    Fil-fatt, sa fejn l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1198/2006 jipprevedi li nefqa hija eliġibbli għal kontribuzzjoni tal-FES jekk din tkun effettivament tħallset mill-benefiċjarji matul il-perijodu msemmi f’din id-dispożizzjoni, din tal-aħħar tistabbilixxi, f’termini li ma humiex ekwivoki, rekwiżit li ma huwa suġġett għal ebda miżura ta’ eżekuzzjoni diskrezzjonali u ma jagħtix lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni li, b’mod partikolari, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 55(2) ta’ dan ir-regolament, madankollu dawn ma humiex rilevanti f’dan il-każ.

    43

    Għaldaqstant, ladarba l-infiq iddikjarat huwa rregolat mill-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1198/2006, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata li tirrikjedi li dan l-infiq ikun effettivament imħallas mill-benefiċjarji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, billi jkunu bbażata direttament fuq dan tal-aħħar.

    44

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1198/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għar-relazzjoni bejn l-awtorità ta’ ġestjoni ta’ programm operattiv u l-benefiċjarju ta’ sussidju mogħti abbażi tal-FES, b’tali mod li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata kontra dan il-benefiċjarju.

    Fuq it-tieni domanda

    45

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ammont iffatturat lill-benefiċjarju ta’ sussidju mogħti abbażi tal-FES u mħallas minn dan il-benefiċjarju jistax jitqies bħala nefqa effettivament imħallsa, fis-sens tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1198/2006, anki jekk it-terz li jkun iffattura dan l-ammont ukoll ta kontribuzzjoni finanzjarja għall-proġett issussidjat, jew billi jwettaq tpaċija bejn id-dejn tiegħu fir-rigward tal-imsemmi benefiċjarju u d-dejn ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tiegħu, li nħoloq mill-impenn li huwa ħa li jipprovdi kontribuzzjoni, jew billi joħroġ fattura separata.

    46

    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1198/2006 ma tippermettix, waħedha, li tingħata risposta għal din id-domanda.

    47

    Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-użu tat-termini “fil-fatt tħallset”, l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li, sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà ta’ nefqa, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-flussi finanzjarji kollha bejn il-benefiċjarju u l-fornitur jew min jipprovdihom, b’tali mod li jkun eliġibbli biss l-ammont li dan tal-aħħar jiffattura wara tnaqqis ta’ kontribuzzjoni finanzjarja magħmula minnu. Din il-kontribuzzjoni tiġi għalhekk ittrattata bħala tnaqqis fuq il-prezz tal-oġġett jew tas-servizz ipprovdut.

    48

    Madankollu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1198/2006 tista’ tinftiehem ukoll fis-sens li l-fatt li jkun hemm dejn tal-fornitur jew ta’ min jipprovdih fir-rigward tal-benefiċjarju, u li dan id-dejn jitħallas minn dan tal-aħħar, huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm nefqa li “fil-fatt tħallset”, mingħajr ma l-fatt li ngħatat kontribuzzjoni finanzjarju b’mod parallel tkun rilevanti f’dan ir-rigward.

    49

    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi u tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 51, u tad‑19 ta’ Settembru 2019, Gesamtverband Autoteile-Handel, C‑527/18, EU:C:2019:762, punt 30).

    50

    Fir-rigward tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1198/2006, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament, li skontu nefqa kkofinanzjata mill-FES ma tistax tibbenefika mill-intervent ta’ strument finanzjarju ieħor tal-Unjoni, l-imsemmi regolament ma jipprekludix lill-benefiċjarju ta’ sussidju mogħti abbażi tal-FES milli jiġbor kontribuzzjonijiet ta’ terzi, li permezz tagħhom huwa jħallas l-infiq marbut mal-proġett ikkonċernat.

    51

    Kuntrarjament għal dak li ħadet inkunsiderazzjoni l-qorti tar-rinviju, ma jistax b’mod partikolari jiġi dedott mill-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1198/2006 li proġett jista’ jiġi ffinanzjat biss permezz ta’ għajnuna pubblika, minn naħa, u ta’ fondi proprji tal-benefiċjarji ta’ sussidji mogħtija abbażi tal-FES, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, dan l-artikolu huwa intiż biss sabiex jillimita l-ammont totali tal-kontribuzzjoni pubblika, mingħajr preġudizzju għall-modalitajiet ta’ finanzjament tal-proġett ikkonċernat.

    52

    Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1198/2006 bl-ebda mod ma jissuġġetta l-eliġibbiltà tal-infiq għall-mod ta’ finanzjament ta’ proġett partikolari, hekk li l-modalitajiet magħżula mill-benefiċjarju ta’ tali sussidji sabiex jiffinanzja l-infiq tiegħu ma għandhomx effett fuq il-kwistjoni jekk dawn tal-aħħar humiex eliġibbli għal kontribuzzjoni tal-FES. B’hekk, il-fatt li terz jagħti kontribuzzjoni finanzjarju ma huwiex rilevanti, bħala tali, sabiex jiġi ddeterminat il-livell tal-infiq effettivament imħallas mill-imsemmi benefiċjarju, fis-sens tal-Artikolu 55(1) ta’ dan ir-regolament.

    53

    Kull interpretazzjoni oħra tmur kontra l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1198/2006, peress li mill-premessa 16 ta’ dan tal-aħħar jirriżulta li huwa xieraq li jiġi ffavorit sa fejn huwa possibbli l-użu ta’ riżorsi privati ta’ finanzjament u li jiġi inkoraġġut l-użu ta’ riżorsi finanzjarji differenti.

    54

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li jkun hemm dejn tal-fornitur jew ta’ min jipprovdi fir-rigward tal-benefiċjarju ta’ sussidju mogħti abbażi tal-FES, u li dan id-dejn tħallas minn dan il-benefiċjarju, huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li teżisti nefqa li “fil-fatt tħallset”, fis-sens tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1198/2006, mingħajr ma huwa rilevanti l-fatt li dan it-terz għamel ukoll kontribuzzjoni finanzjarja lill-proġett issussidjat.

    55

    F’dan il-kuntest, huma irrilevanti l-modalitajiet li bihom il-kontribuzzjoni finanzjarja kkonċernata ġiet ipprovduta. Din tal-aħħar tista’ b’mod partikolari tnaqqasha mill-ammont iffatturat lill-imsemmi benefiċjarju, peress li d-dejn ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tat-terz, li jinħoloq mill-impenn meħud minn dan tal-aħħar, li kien is-suġġett ta’ tpaċija mad-dejn ta’ dan it-terz fir-rigward tal-benefiċjarju minħabba l-provvista ta’ oġġett jew ta’ servizz. Madankollu, kull nefqa u kull kontribuzzjoni għandhom, kif jirrkjedi l-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 1198/2006, tiġi debitament iġġustifikata permezz ta’ fatturi mħallsa jew permezz ta’ dokumenti tal-kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    56

    F’dan ir-rigward, hija b’mod partikolari din il-qorti li għandha teżamina, permezz ta’ dokumenti ta’ sostenn li ġew ippreżentati lilha, jekk hijiex effettivament fil-preżenza ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-proġett ikkonċernat, li ma għandhiex effett fuq il-livell tal-infiq effettivament imħallas, fis-sens tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1198/2006, jew jekk fir-realtà, kienx hemm tnaqqis fuq il-prezz ta’ oġġett jew ta’ servizz ipprovdut, li jwassal għal tnaqqis fl-infiq effettivament imħallas mill-benefiċjarju tas-sussidju mogħti abbażi tal-FES.

    57

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1198/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li ammont iffatturat lill-benefiċjarju ta’ sussidju mogħti abbażi tal-FES u mħallas minnu jista’ jiġi kkunsidrat bħala nefqa effettivament imħallsa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk it-terz li jkun iffattura dan l-ammont ukoll ta kontribuzzjoni finanzjarja għall-proġett issussidjat, jew billi jagħmel tpaċija bejn dejn fil-konfront tal-benefiċjarju u dejn ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tiegħu, li jirriżulta mill-impenn li huwa ħa li jipprovdi kontribuzzjoni, jew billi joħroġ fattura separata, bil-kundizzjoni li n-nefqa u l-kontribuzzjoni kkonċernata jkunu debitament iġġustifikati minn fatturi mħallsa jew minn dokumenti tal-kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq it-tielet domanda

    58

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    59

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 55(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas‑27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għar-relazzjoni bejn l-awtorità ta’ ġestjoni ta’ programm operattiv u l-benefiċjarju ta’ sussidju mogħti skont il-Fond Ewropew għas-Sajd, b’tali mod li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata fil-konfront ta’ dan il-benefiċjarju.

     

    2)

    L-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1198/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li ammont iffatturat lill-benefiċjarju ta’ sussidju mogħti abbażi tal-Fond Ewropew għas-Sajd u mħallas minnu jista’ jiġi kkunsidrat bħala nefqa effettivament imħallsa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk it-terz li jkun iffattura dan l-ammont ukoll jagħti kontribuzzjoni finanzjarja għall-proġett issussidjat, jew billi jagħmel tpaċija bejn dejn fir-rigward tal-benefiċjarju u dejn ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tiegħu, li jirriżulta mill-impenn li huwa ħa li jipprovdi kontribuzzjoni, jew billi joħroġ fattura separata, bil-kundizzjoni li n-nefqa u l-kontribuzzjoni kkonċernata jkunu debitament iġġustifikati minn fatturi mħallsa jew minn dokumenti tal-kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top