EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0787

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-26 ta’ Novembru 2020.
Skatteverket vs Sögård Fastigheter AB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) minn persuna taxxabbli differenti minn dik li inizjalment għamlet it-tnaqqis – Bejgħ minn kumpannija lil individwi ta’ immobbli mikrija mill-imsemmija kumpannija kif ukoll mill-kumpannija proprjetarja preċedenti – Tmiem tal-issuġġettar għall-VAT matul il-bejgħ tal-immobbli lil individwi.
Kawża C-787/18.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:964

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

26 ta’ Novembru 2020 ( *1 ) ( i )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) minn persuna taxxabbli differenti minn dik li inizjalment għamlet it-tnaqqis – Bejgħ minn kumpannija lil individwi ta’ immobbli mikrija mill-imsemmija kumpannija kif ukoll mill-kumpannija proprjetarja preċedenti – Tmiem tal-issuġġettar għall-VAT matul il-bejgħ tal-immobbli lil individwi”

Fil-Kawża C‑787/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

Skatteverket

vs

Sögård Fastigheter AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Kumin (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Iskatteverket, minn T. Johansson, bħala aġent,

għas-Sögård Fastigheter AB, minn C. Rosén, direttur ġenerali,

għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson kif ukoll minn L. Lozano Palacios, E. Ljung Rasmussen u G. Tolstoy, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 19, 188 u 189 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Iskatteverket (l-Awtorità tat-Taxxa, l-Isvezja) u Sögård Fastigheter AB dwar l-aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imwettaq preċedentement minn persuna taxxabbli oħra.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT:

“L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw bħala persuna taxxabbli lil kull min iwettaq […], fuq bażi okkażjonali […]

a)

il–provvista, qabel l-ewwel okkupazzjoni, ta’ bini jew parti minn bini u ta’ l-art li fuqha jinstab il-bini”.

4

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva jipprovdi li “[f’]każ ta’ trasferiment, bi ħlas jew mingħajr jew bħala kontribuzzjoni lil kumpannija, ta’ l-assi kollha jew parti minnhom, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li ma tkunx saret provvista ta’ merkanzija u li l-persuna li lilha tkun ġiet ittrasferita l-merkanzija għandha tkun trattata bħala s-suċċessur ta’ min jagħmel it-trasferiment”.

5

L-Artikolu 135(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(j)

il-provvista ta’ bini jew partijiet minnu, u ta’ l-art li fuqha hija tinsab, ħlief il-provvista msemmija fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 12(1);

[…]

(l)

il-kiri ta’ proprjetà immobbli.”

6

Skont l-Artikolu 137 tad-Direttiva tal-VAT

“1.   L-Istati Membri jistgħu iħallu lil persuni taxxabbli dritt ta’ għażla għat-tassazzjoni fir-rigward tat-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

il-provvista ta’ bini jew partijiet minnu, u ta’ l-art li fuqha jinsab il-bini, ħlief il-provvista msemmija fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 12(1);

[…]

(d)

il-kiri ta’ proprjetà immobbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ l-għażla skond il-paragrafu 1.

L-Istati Membri jistgħu jirristrinġu l-iskop ta’ dak id-dritt ta’ għażla.”

7

L-Artikolu 168(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)

il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra”.

8

L-Artikolu 184 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“It-tnaqqis inizjali għandu jiġi aġġustat fejn dan ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli kienet intitolata.”

9

Skont l-Artikolu 185(1) tad-Direttiva dwar il-VAT:

“L-aġġustament għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, per eżempju fejn ix-xirjiet huma kkanċellati jew hu miksub roħs fil-prezzijiet.”

10

L-Artikolu 186 ta’ din id-direttiva jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 184 u 185”.

11

L-Artikolu 187 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fil–każ ta’ merkanzija kapitali, l-aġġustment għandu jkun mifrux fuq ħames snin inkluża dik meta l-merkanzija kienet akkwistata jew iffabbrikata.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jibbażaw l-aġġustament fuq perijodu ta’ ħames snin sħaħ li jibda miż-żmien meta l-merkanzija hija użata għall-ewwel darba.

Fil–każ ta’ proprjetà immobbli akkwistata bħala merkanzija kapitali, il-perijodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż sa 20 sena.

2.   L-aġġustament annwali għandu jsir biss fir-rigward ta’ wieħed minn ħamsa tal-VAT imposta fuq il-merkanzija kapitali, jew, jekk il-perijodu ta’ referenza ġie estiż, fir-rigward tal-frazzjoni korrispondenti tiegħu.

L-aġġustament imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jsir abbażi tal-varjazzjonijet fid-dritt għal tnaqqis fi snin sussegwenti b’ relazzjoni għal dik fis-sena li fiha l-merkanzija kienet akkwistata, iffabbrikata jew, fejn hu xieraq, użata għall-ewwel darba.”

12

L-Artikolu 188 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:

“1.   Jekk ipprovduta matul il-perijodu ta’ aġġustament, merkanzija kapitali għandha tiġi trattata bħallikieku kienet applikata għal attività ekonomika tal-persuna taxxabbli sa l-iskadenza tal-perijodu ta’ aġġustament.

L-attività ekonomika għandha tiġi preżunta bħala kompletament intaxxata f’każijiet fejn il-provvista tal-merkanzija hi ntaxxata.

L-attività ekonomika għandha tkun preżunta bħala kompletament eżenti f’każijiet fejn il-provvista tal-merkanzija kapitali hija eżentati.

2.   L-aġġustament previst fil-paragrafu 1għandu jsir darba biss fir-rigward tal-perijodu kollu kopert mill-perijodu ta aġġustament li għad irid jiġi kopert. Madanakollu, fejn il-provvista ta’ merkanzija kapitali hi eżenti, l-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw l-ħtieġa għall-aġġustament sa kemm ix-xerrej hu persuna taxxabbli li juża’ l-merkanzija kapitali in kwistjoni biss għal transazzjonijiet li għalihom il-VAT tista’ titnaqqas.”

13

Skont l-Artikolu 189 ta’ din id-Direttiva tal-VAT:

“Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 187 sa 191, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)

jiddefinixxu l-kunċett ta’ merkanzija kapitali [investiment];

(b)

jispeċifikaw l-ammont tal-VAT li jrid jittieħed in konsiderazzjoni għall-aġġustament;

(ċ)

jaddottaw kalunkwe miżuri xierqa biex jiżguraw li l-aġġustament ma jwassalx għal kwalunkwe vantaġġ mhux ġustifikat;

(d)

jippermettu simplifikazzjonijet amministrattivi.”

14

L-Artikolu 193 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli li tkun qed twettaq forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra fejn din titħallas minn persuna oħra fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 194 sa 199 u fl-Artikolu 202.”

Id-dritt Svediż

Dispożizzjonijiet dwar l-issuġġettar obbligatorju u fakultattiv

15

Konformement mal-Artikolu 2 tal-Kapitolu 3 tal-mervärdesskattelagen (1994: 200) (il-Liġi 1994: 200 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), it-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment u ta’ kiri ta’ proprjetajiet immobbli huma, b’ċerti limitazzjonijiet, eżentati mill-VAT.

16

Il-proprjetarju ta’ proprjetà immobbli li, għal użu permanenti fil-kuntest ta’ attività taxxabbli, jikri bini kollu jew parti minnu li jikkostitwixxi proprjetà immobbli jista’ madankollu jagħżel l-issuġġettar għall-VAT tal-kiri skont l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 3, u l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 9 tal-imsemmija liġi.

17

Fil-każ ta’ trasferiment tal-imsemmija proprjetà immobbli, l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 9 tal-Liġi dwar il-VAT jipprevedi li l-issuġġettar fakultattiv jippersisti fil-persuna taċ-ċessjonarju mill-jum li fih jibda l-pussess u li dan tal-aħħar jissostitwixxi ruħu għall-proprjetarju preċedenti għad-drittijiet u għall-obbligi legali kollha.

18

Konformement mal-Artikolu 6 tal-Kapitolu 9 tal-Liġi dwar il-VAT, l-Awtorità tat-Taxxa għandha ttemm l-issuġġettar fakultattiv tat-tranżazzjonijiet ta’ kiri meta jittieħed il-pussess jekk il-proprjetarju preċedenti u l-proprjetarju l-ġdid jitolbu dan minn qabel u konġuntament. Barra minn hekk, l-issuġġettar fakultattiv għandu jintemm meta l-proprjetarju tal-proprjetà immobbli jibdel l-użu tagħha għal oġġett li ma huwiex attività ta’ kiri taxxabbli jew meta l-imsemmija proprjetà ma tkunx tista’ tiġi mikrija iktar minħabba nar jew għal raġuni oħra indipendenti mir-rieda tiegħu, jew anki fil-każ ta’ twaqqigħ.

Dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-VAT u l-aġġustamenti

19

Skont l-Artikolu 6 tal-Kapitolu 8a tal-Liġi dwar il-VAT, il-perijodu ta’ aġġustament huwa ffissat għall-beni ta’ investiment immobbli għal għaxar snin.

20

L-Artikoli 7 u 8 tal-Kapitolu 8 tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdu li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ investiment, it-tnaqqis tat-taxxa tal-input huwa s-suġġett ta’ aġġustament wieħed u uniku. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-aġġustament, l-ammont tat-tnaqqis li għandu jiġi aġġustat jitqassam fuq il-perijodu kollu ta’ aġġustament u l-aġġustament għandu jkopri s-sehem li jikkorrispondi għall-bqija ta’ dan il-perijodu.

21

Meta t-trasferiment ta’ investiment jitwettaq fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ negozju, iċ-ċessjonarju taxxabbli ta’ investiment għandu jieħu f’ismu d-drittijiet u l-obbligi taċ-ċedent fir-rigward tal-aġġustament, kif jipprevedi l-Artikolu 11 tal-Kapitolu 8 tal-Liġi dwar il-VAT.

22

Konformement mal-Artikolu 12 tal-Kapitolu 8 tal-Liġi dwar il-VAT, iċ-ċessjonarju għandu jieħu f’ismu d-drittijiet u l-obbligi taċ-ċedent fir-rigward ta’ aġġustament ukoll fil-każ ta’ trasferiment ta’ proprjetà immobbli mikrija taħt is-sistema tal-issuġġettar fakultattiv, iżda biss jekk iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju ma jkunux qablu li ċ-ċedent iwettaq l-aġġustament u li dan ma huwiex immotivat minn bidliet li seħħew matul il-perijodu li fih dan tal-aħħar żamm l-imsemmija proprjetà.

23

Fil-każ ta’ trasferiment ta’ investiment li għalih iċ-ċessjonarju għandu jassumi d-drittijiet u l-obbligi taċ-ċedent, dan tal-aħħar għandu jistabbilixxi att speċjali, konformement mal-Artikoli 15 u 17 tal-Kapitolu 8a tal-imsemmija liġi. Dan l-att għandu b’mod partikolari jippreċiża t-taxxa tal-input relatata max-xiri tal-investiment miċ-ċedent jew tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ġodda, ta’ estensjoni jew ta’ trasformazzjoni, il-parti ta’ din it-taxxa li tnaqqset wara regolarizzazzjonijiet eventwali, id-dati ta’ akkwist u ta’ tnaqqis kif ukoll kull element ieħor li jista’ jkun utli għall-evalwazzjoni tal-obbligi fiskali u tad-dritt għal tnaqqis taċ-ċessjonarju.

Dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti ta’ attività

24

L-Artikolu 25 tal-Kapitolu 3 tal-Liġi dwar il-VAT kien jipprevedi li t-trasferiment ta’ beni ta’ attività huwa eżenti meta jseħħ fil-kuntest ta’ trasferiment tal-attività, bil-kundizzjoni li ċ-ċessjonarju jkun jista’ jnaqqas jew jikseb rimbors tal-ammont tat-taxxa. Din id-dispożizzjoni kienet is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mal-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-VAT mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja) li ddeċidiet li trasferiment ta’ attività ma jikkostitwixxix kunsinna ta’ oġġetti għall-finijiet tal-VAT.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25

Sögård Fastigheter akkwistat proprjetà immobbli fl-2012 li hija kriet taħt l-iskema ta’ intaxxar fakultattiv.

26

Il-proprjetarju preċedenti ta’ din il-proprjetà kien għażel ukoll li jkun suġġett għall-VAT u kien għamel tnaqqis tat-taxxa tal-input imposta fuq tranżazzjonijiet ta’ żvilupp mill-ġdid tal-bini, li huwa kien inkluda f’att.

27

Waqt il-bejgħ, il-partijiet ma kinux qablu li l-proprjetarju preċedenti kien ser iwettaq l-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT imwettaq u ma kinux talbu lill-Awtorità tat-Taxxa sabiex ma titrasferixxix l-issuġġettar fakultattiv. Sögård Fastigheter kriet il-proprjetà immobbli, u għalhekk kompliet tużaha sabiex twettaq tranżazzjonijiet taxxabbli.

28

Sögård Fastigheter ittrasferixxiet din il-proprjetà immobbli fl-2013 lil żewġ individwi li ma kinux ser jużawha għal tranżazzjonijiet taxxabbli. Konsegwentement, l-issuġġettar fakultattiv għall-VAT intemm. Għalhekk l-Awtorità tat-Taxxa talbet lil Sögård Fastigheter taġġusta t-tnaqqis tat-taxxa tal-input imwettaq mill-proprjetarju preċedenti u tħallas lura l-VAT għall-perijodu ta’ aġġustament li kien għad fadal.

29

Peress li qieset li mis-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Pactor Vastgoed (C‑622/11, EU:C:2013:649), kien jirriżulta li hija ma kinitx obbligata tħallas il-VAT imnaqqsa mill-proprjetarju preċedenti, Sögård Fastigheter ippreżentat rikors quddiem il-Förvaltningsrätten (il-Qorti Amministrattiva, l-Isvezja) għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tat-Taxxa.

30

Il-Förvaltningsrätten (il-Qorti Amministrattiva), billi qieset li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Pactor Vastgoed (C‑622/11, EU:C:2013:649), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet dwar l-aġġustament tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-irkupru tas-somom dovuti wara l-aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT isir mingħand persuna taxxabbli differenti minn dik li tkun għamlet dan it-tnaqqis, ċaħdet dan ir-rikors.

31

Peress li l-appell ippreżentat minn Sögård Fastigheter intlaqa’ mill-Kammarrätten (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell, l-Isvezja), l-Awtorità tat-Taxxa appellat mis-sentenza ta’ din il-qorti quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema) u talbitha tiddeċiedi li Sögård Fastigheter hija obbligata tirrimborsa permezz ta’ aġġustament il-VAT imnaqqsa mill-proprjetarju preċedenti.

32

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-soluzzjoni tas-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Pactor Vastgoed (C‑622/11, EU:C:2013:649), tistax tiġi trasposta għal sitwazzjoni li fiha ċessjonarju, immedjatament wara li jkun akkwista proprjetà immobbli, jużaha biss għal tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis, imbagħad ibiegħha mill-ġdid lil terz li ma jużahiex għal tali tranżazzjonijiet.

33

Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikoli 188 u 189 tad-Direttiva tal-VAT jipprekludu t-trasferiment lejn iċ-ċessjonarju tal-obbligu ta’ aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT li kien impost fuq iċ-ċedent, hija jkollha tiddeċiedi dwar l-argumenti tal-Awtorità tat-Taxxa u tiddetermina jekk l-akkwist tal-proprjetà immobbli minn Sögård Fastigheter jikkostitwixxix trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom, fis-sens tal-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-VAT.

34

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet dwar it-trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom humiex effettivament applikabbli f’tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi miċ-ċirkustanzi tagħha u ma hijiex is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Hija tindika li ser tiddeċiedi fuq dan il-punt meta hija tiddeċiedi definittivament il-kawża preżenti. Madankollu, skont din il-qorti, jekk dan it-trasferiment kellu jiġi kklassifikat bħala trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li Sögård Fastigheter ikollha twettaq l-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT imwettaq mill-proprjetarju preċedenti huwiex kompatibbli mal-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-VAT.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Jekk minħabba regoli adottati minn Stat Membru, abbażi tal-Artikolu 188(2) tad-Direttiva [tal-VAT], iċ-ċedent ta’ proprjetà immobbli ma jkunx aġġusta t-tnaqqis tat-taxxa tal-input peress li ċ-ċessjonarju jkun se jużaha biss għal tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis, fil-każ fejn il-perijodu ta’ aġġustament għadu għaddej, jeżisti ostaklu sabiex iċ-ċessjonarju jiġi obbligat jaġġusta dan it-tnaqqis f’data sussegwenti, meta huwa nnifsu jiġi sabiex jitrasferixxi l-proprjetà immobbli inkwistjoni lil terz li ma jkunx se jużaha għal tali tranżazzjonijiet?

(2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti, jekk l-ewwel trasferiment imsemmi fiha jkun jikkostitwixxi trasferiment ta’ beni kif imsemmi fl-Artikolu 19 tad-Direttiva [tal-VAT]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

36

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva tal-VAT għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tipprevedi, abbażi tal-Artikolu 188(2) ta’ din id-direttiva, li ċ-ċedent ta’ proprjetà immobbli ma huwiex obbligat iwettaq l-aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input imwettaq meta ċ-ċessjonarju juża din il-proprjetà biss sabiex iwettaq tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis, timponi wkoll fuq iċ-ċessjonarju l-obbligu li jagħmel l-aġġustament ta’ dan it-tnaqqis għall-kumplament tal-perijodu ta’ aġġustament, meta jagħmel it-trasferiment, min-naħa tiegħu, tal-proprjetà immobbli lil terz li ma huwiex ser jużaha għal tali tranżazzjonijiet.

37

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 184 tad-Direttiva tal-VAT jistabbilixxi l-obbligu ta’ aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT imwettaq inizjalment meta dan ikun iktar jew inqas minn dak li l-persuna taxxabbli kellha dritt li twettaq.

38

Din id-dispożizzjoni, kif ukoll l-Artikoli 185 u 186 tad-Direttiva tal-VAT, tikkostitwixxi s-sistema applikabbli għat-tnissil ta’ dritt eventwali tal-Awtorità tat-Taxxa li teżiġi mingħand persuna taxxabbli aġġustament tal-VAT, inkluż fir-rigward tal-aġġustament tat-tnaqqis relatat ma’ investimenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2012, TETS Haskovo, C‑234/11, EU:C:2012:644, punt 26, u tas‑17 ta’ Settembru 2020, Stichting Schoonzicht, C‑791/18, EU:C:2020:731, punt 33).

39

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 186 tad-Direttiva tal-VAT jobbliga espressament lill-Istati Membri li jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 184 u 185 ta’ din id-direttiva, filwaqt li l-Artikoli 187 sa 192 tal-imsemmija direttiva jiffissaw ċerti modalitajiet tal-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT f’dak li jirrigwarda l-investiment (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2018, SEB bankas, C‑532/16, EU:C:2018:228, punt 27, kif ukoll tas‑17 ta’ Settembru 2020, Stichting Schoonzicht, C‑791/18, EU:C:2020:731, punti 2829).

40

L-Artikolu 188 tad-Direttiva tal-VAT ikopri l-każ partikolari tal-provvista ta’ investiment matul il-perijodu ta’ aġġustament. F’dan il-każ, l-aġġustament annwali previst fl-Artikolu 187 ta’ din id-direttiva huwa ssostitwit b’aġġustament wieħed, ibbażat fuq l-użu preżunt tal-investiment inkwistjoni għall-perijodu li jkun fadal jgħaddi. Skont dan l-Artikolu 188, in-natura deduċibbli tal-VAT tal-input tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk il-provvista mwettqa hijiex suġġetta jew le għal din it-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Centralan Property, C‑63/04, EU:C:2005:773, punt 56).

41

Konformement mal-imsemmi Artikolu 188, meta persuna taxxabbli tittrasferixxi investiment matul il-perijodu ta’ aġġustament u meta t-trasferiment inkwistjoni jkun eżentat, l-investiment jitqies li baqa’ allokat għal attività ekonomika tal-persuna taxxabbli sal-iskadenza tal-perijodu ta’ aġġustament u din l-attività hija preżunta li hija kompletament eżenti. Tali preżunzjoni twassal għall-obbligu li jsir aġġustament wieħed, għall-perijodu kollu ta’ aġġustament li jkun għad fadal, ħlief jekk Stat Membru jkun iddeċieda li jimplimenta l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 188(2) tad-Direttiva tal-VAT li ma jeżiġix l-imsemmi aġġustament.

42

Filfatt, l-Artikolu 188(2) tal-imsemmija direttiva jistipula li, meta l-provvista ta’ investiment hija eżenti, l-Istati Membri jistgħu ma jeżiġux aġġustament sakemm ix-xerrej huwa persuna taxxabbli li juża l-investiment inkwistjoni biss għal tranżazzjonijiet li għalihom il-VAT tista’ titnaqqas.

43

Minn dan isegwi li l-possibbiltà li ma jkunx meħtieġ aġġustament hija suġġetta, minn naħa, għall-kwalità ta’ persuna taxxabbli tax-xerrej tal-investiment inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, għan-natura tal-użu ta’ dan l-oġġett, jiġifieri li dan għandu jintuża biss għal tranżazzjonijiet li għalihom il-VAT tista’ titnaqqas.

44

Ċertament, meta x-xerrej tal-investiment jieqaf juża dan l-oġġett biss għal tranżazzjonijiet li għalihom il-VAT tista’ titnaqqas, il-kundizzjonijiet li kienu jiġġustifikaw li l-aġġustament ma jkunx meħtieġ ma jibqgħux issodisfatti.

45

Għalkemm l-Artikolu 188 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu ma jeżiġux aġġustament “sa kemm” il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 43 huma ssodisfatti, dan ma jipprevedix dispożizzjonijiet applikabbli għas-sitwazzjoni li fiha l-imsemmija kundizzjonijiet ma jkunux għadhom osservati.

46

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 189 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 188 ta’ din id-direttiva, jadottaw il-miżuri utli kollha sabiex jiżguraw li l-aġġustamenti ma jiġġeneraw ebda vantaġġ mhux iġġustifikat kif ukoll jawtorizzaw is-simplifikazzjonijiet amministrattivi.

47

Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jistgħux iwasslu sabiex l-aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT relatat ma’ kunsinna ta’ oġġetti jew ma’ provvista ta’ servizzi jkun impost fuq persuna taxxabbli differenti minn dik li tkun għamlet l-imsemmi tnaqqis.

48

Fil-fatt, għalkemm id-Direttiva tal-VAT ma tinkludi ebda indikazzjoni espressa dwar il-persuna taxxabbli responsabbli għall-ħlas tal-krediti fiskali li jirriżultaw mill-aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Istati Membri huma, fil-kuntest tal-modalitajiet li huma jistabbilixxu skont l-Artikolu 137(2) u l-Artikoli 186 u 189 ta’ din id-direttiva, liberi li jiddeċiedu minn liema persuna taxxabbli l-VAT għandha titħallas f’tali sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Pactor Vastgoed, C‑622/11, EU:C:2013:649, punti 3031).

49

Id-determinazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ħlas tas-somom dovuti wara l-aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT ma tikkostitwixxix “regoli dettaljati” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 193 tal-imsemmija direttiva, regola sostantiva tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mill-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Pactor Vastgoed, C‑622/11, EU:C:2013:649, punt 32).

50

Għalhekk mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-Artikolu 184 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT imwettaq minn persuna taxxabbli, is-somom dovuti f’dan ir-rigward għandhom jitħallsu minn din il-persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Pactor Vastgoed, C‑622/11, EU:C:2013:649, punti 3637).

51

Fil-fatt, għandu jitfakkar, minn naħa, li s-sistema ta’ tnaqqis hija intiża sabiex teħles lill-kummerċjant kompletament mill-piż tal-VAT pagabbli jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu. Konsegwentement, is-sistema komuni tal-VAT tiżgura n-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, sakemm l-imsemmija attivitajiet ikunu, fil-prinċipju, huma stess suġġetti għall-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Tóth, C‑324/11, EU:C:2012:549, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Min-naħa l-oħra, ir-regoli dwar l-aġġustament tat-tnaqqis jikkostitwixxu element essenzjali tas-sistema stabbilita mid-Direttiva tal-VAT sa fejn dawn huma intiżi li jiżguraw l-eżattezza tat-tnaqqis u, konsegwentement, in-newtralità tal-oneru fiskali. Permezz ta’ dawn ir-regoli, din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi relazzjoni mill-qrib u diretta bejn id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa u l-użu tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati għal tranżazzjonijiet sussegwenti ntaxxati fl-output (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2012, Gran Via Moineşti, C‑257/11, EU:C:2012:759, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Pactor Vastgoed, C‑622/11, EU:C:2013:649, punt 34).

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni, skont liema l-aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT relatat ma’ kunsinna ta’ oġġetti jew ma’ provvista ta’ servizzi jista’ jkun impost fuq persuna taxxabbli differenti minn dik li wettqet dan it-tnaqqis hija inkompatibbli mal-għanijiet, imfakkra fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, tar-regoli segwiti fil-qasam mid-Direttiva tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Pactor Vastgoed, C‑622/11, EU:C:2013:649, punt 37).

54

Fil-fatt, il-fatt li jiġi rikjest li t-tnaqqis magħmul miċ-ċedent ta’ proprjetà immobbli jiġi aġġustat miċ-ċessjonarju ta’ din il-proprjetà jwassal sabiex dan tal-aħħar jiġi obbligat iħallas kreditu fiskali relatat ma’ tranżazzjoni li huwa barrani għaliha u li twettqet fil-kuntest tal-attività ekonomika ta’ persuna taxxabbli oħra. Min-naħa l-oħra, iċ-ċedent li għamel it-tnaqqis jkompli jibbenefika minn tnaqqis ogħla minn dak li huwa intitolat għalih minħabba l-użu effettiv tal-proprjetà immobbli u l-għan tan-newtralità tal-piż fiskali ma jintlaħaqx fir-rigward tiegħu.

55

Madankollu, l-Awtorità tat-Taxxa kif ukoll il-Gvern Finlandiż isostnu, minn naħa, li l-motivi tas-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Pactor Vastgoed (C‑622/11, EU:C:2013:649), ma jistgħux jiġu trasposti għal din il-kawża, minħabba d-differenzi fis-sitwazzjonijiet inkwistjoni fiż-żewġ kawżi, u, min-naħa l-oħra, li r-raġunijiet marbuta maċ-ċertezza legali, kif ukoll man-neċessità li jiġi żgurat li l-aġġustamenti ma jiġġeneraw ebda vantaġġ inġustifikat u ma jwasslux għall-ħolqien ta’ taxxa moħbija, jiġġustifikaw l-irkupru tas-somom dovuti wara l-aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT minn persuna taxxabbli differenti minn dik li tkun għamlet dan it-tnaqqis.

56

Fl-ewwel lok, sabiex issir distinzjoni bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Pactor Vastgoed (C‑622/11, EU:C:2013:649), l-Awtorità tat-Taxxa u l-Gvern Finlandiż jesponu li, fil-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iċ-ċessjonarju ġie mitlub iwettaq l-aġġustament tat-tnaqqis minħabba l-bidla fl-użu tal-proprjetà immobbli kkonċernata, wara t-trasferiment ta’ din tal-aħħar lil individwi, u li l-ammont tat-taxxa mitlub f’dan ir-rigward jirrigwarda biss il-perijodu ta’ aġġustament li kien fadal. Huma jżidu li t-teħid lura tad-drittijiet u tal-obbligi fil-qasam ta’ aġġustament huwa fakultattiv u li ċ-ċessjonarju għandu l-informazzjoni dwar it-tnaqqis li l-aġġustament tiegħu huwa mitlub.

57

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija ċirkustanzi ma jistgħux jikkontestaw ir-rilevanza, għal din il-kawża, tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Pactor Vastgoed, (C‑622/11, EU:C:2013:649).

58

Qabelxejn, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Pactor Vastgoed (C‑622/11, EU:C:2013:649), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT jistax jitwettaq fir-rigward ta’ persuna taxxabbli differenti minn dik li wettqet dan it-tnaqqis, meta hija din l-ewwel persuna taxxabbli li ma kkonformatx ruħha mal-modalitajiet li kienu jiġġustifikaw it-tnaqqis imwettaq mit-tieni waħda. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fin-negattiv għal din id-domanda, billi kkunsidrat essenzjalment, fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, li, f’tali sitwazzjoni, il-fatt li jintalab l-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT min-naħa ta’ persuna taxxabbli differenti minn dik li wettqet l-imsemmi tnaqqis kien jikkomprometti l-eżattezza tat-tnaqqis u n-newtralità tal-VAT, li r-regoli dwar l-aġġustament tat-tnaqqis għandhom l-għan li jiżguraw.

59

Fil-kawża prinċipali, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-irkupru tas-somom dovuti wara l-aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT jistax isir mingħand persuna taxxabbli li ma wettqitx dan it-tnaqqis, meta, minħabba t-trasferiment tal-proprjetà immobbli minn din il-persuna taxxabbli lil individwi li ma jibqgħux jużawha għal tranżazzjonijiet taxxabbli, il-modalitajiet li kienu jiġġustifikaw li l-aġġustament ma jkunx meħtieġ ma humiex iktar issodisfatti. Issa, din il-kwistjoni hija analoga għal dik magħmula fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Pactor Vastgoed (C‑622/11, EU:C:2013:649), sa fejn, f’dawn iż-żewġ kawżi, l-aġir ta’ persuna taxxabbli għandu bħala konsegwenza li l-amministrazzjoni fiskali titlob lil din tal-aħħar l-aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT imwettaq minn persuna taxxabbli oħra.

60

Sussegwentement, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li l-aġġustament mitlub f’din il-kawża jirrigwarda biss l-ammont li jikkorrispondi għall-perijodu ta’ aġġustament li għad irid jiddekorri, peress li t-tnaqqis li l-aġġustament tiegħu huwa meħtieġ twettaq minn persuna taxxabbli oħra.

61

Fil-fatt, mit-tweġibiet bil-miktub mogħtija għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-Awtorità tat-Taxxa jsegwi li l-assorbiment miċ-ċessjonarju tad-drittijiet u tal-obbligi taċ-ċedent fil-qasam tal-aġġustament, previst mil-leġiżlazzjoni Svediża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jimplika t-teħid tat-taxxa tal-input relatata ma’ investiment li għalih iċ-ċedent ma wettaq ebda tnaqqis totali jew parzjali. Minn dan isegwi, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li meta ċ-ċedent ikun għamel it-tnaqqis tal-VAT, kompletament jew parzjalment, iċ-ċessjonarju ma jistax jibbenefika mid-dritt li jnaqqas din it-taxxa.

62

Fl-aħħar nett, Stat Membru ma jistax jimponi fuq persuna taxxabbli obbligi li jmorru lil hinn minn dak li huwa permess mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, anki meta l-imsemmija persuna taxxabbli tkun informata minn qabel dwar il-portata ta’ dawn l-obbligi jew jekk l-applikazzjoni ta’ tali obbligi tkun fakultattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Gielen, C‑440/08, EU:C:2010:148, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Konsegwentement, huwa inutli li l-Awtorità tat-Taxxa kif ukoll il-Gvern Finlandiż jargumentaw li s-soluzzjoni tas-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Pactor Vastgoed (C‑622/11, EU:C:2013:649), ma hijiex trasponibbli għal din il-kawża.

64

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Awtorità tat-Taxxa kif ukoll il-Gvern Finlandiż, l-argumenti dwar iċ-ċertezza legali u n-neċessità li jiġi żgurat li l-aġġustamenti ma jagħtu ebda vantaġġ mhux iġġustifikat jew ma jwasslux għall-ħolqien ta’ taxxa moħbija ma jistgħux jiġġustifikaw l-irkupru ta’ somom dovuti wara l-aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT mingħand persuna taxxabbli differenti minn dik li tkun għamlet dan it-tnaqqis.

65

Qabel xejn, l-argument skont liema jkun kuntrarju għaċ-ċertezza legali li wieħed jeżiġi li l-aġġustament tat-tnaqqis jitwettaq mill-persuna taxxabbli li tkun ipproċediet għat-tnaqqis tal-VAT, f’dan il-każ iċ-ċedent tal-proprjetà immobbli, meta jkun iċ-ċessjonarju li biddel l-użu tal-imsemmija proprjetà u meta ċ-ċedent ma jkollu ebda influwenza fuq l-imsemmi użu, ma jistax jirnexxi.

66

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza, huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet utli kollha għall-applikazzjoni tal-Artikolu 188 tad-Direttiva tal-VAT fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 189 ta’ din id-direttiva, filwaqt li josservaw id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva, kif ukoll il-prinċipji ġenerali, bħall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

67

Sussegwentement, l-Awtorità tat-Taxxa kif ukoll il-Gvern Finlandiż iqisu li ċ-ċessjonarju tal-proprjetà immobbli jkun jibbenefika minn vantaġġ mhux iġġustifikat jekk, wara l-bidla fl-użu tal-imsemmija proprjetà minnu, l-aġġustament tat-tnaqqis imwettaq miċ-ċedent tal-proprjetà ma jkunx meħtieġ minnu. Fil-fatt, iċ-ċessjonarju għalhekk kien akkwista proprjetà immobbli li ma kienet suġġetta għal ebda taxxa.

68

Issa, l-ewwel nett, tali sitwazzjoni tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Svediż li jeżentaw mit-tassazzjoni tal-VAT it-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ proprjetajiet immobbli, mingħajr ma jippermettu lill-persuni taxxabbli jagħżlu t-tassazzjoni tagħhom, filwaqt li l-Artikolu 137(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jagħtu lill-persuni taxxabbli tagħhom id-dritt ta’ għażla tat-tassazzjoni tal-provvista ta’ bini.

69

It-tieni, kif ġie rrilevat fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, meta ċ-ċedent ikun għamel it-tnaqqis tal-VAT, kompletament jew parzjalment, iċ-ċessjonarju ma jistax, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jibbenefika mid-dritt li jnaqqas din it-taxxa. Konsegwentement, iċ-ċessjonarju ma jibbenefikax minn “vantaġġ mhux iġġustifikat” fil-forma ta’ tnaqqis li ma huwiex intitolat għalih minħabba l-użu tal-proprjetà immobbli.

70

It-tielet, l-iffissar ta’ prezz ta’ akkwist tal-proprjetà immobbli inferjuri għall-prezz tas-suq, li ċ-ċedent kien ta l-kunsens għalih peress li ċ-ċessjonarju jkun eventwalment marbut jaġġusta t-tnaqqis li jkun sar preċedentement, jirriżulta mil-libertà kuntrattwali tal-partijiet u lanqas ma jista’ jiġi kklassifikat bħala “vantaġġ mhux iġġustifikat”, fis-sens tad-Direttiva tal-VAT.

71

Fl-aħħar nett, l-Awtorità tat-Taxxa u l-Gvern Finlandiż iqisu li, fl-assenza tal-possibbiltà li jsir l-aġġustament mix-xerrej, il-kontinwità tas-sistema tal-VAT tkun kompromessa sa fejn il-prezz tal-bejgħ tal-proprjetà immobbli jkun ikkalkolat b’mod li jkopri aġġustament eventwali tat-tnaqqis tal-VAT u jinkludi, għaldaqstant, tassazzjoni latenti li ċ-ċessjonarju ma jkunx jista’, min-naħa tiegħu, inaqqas, meta juża dan l-oġġett għal tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għat-tnaqqis tal-VAT.

72

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-istess konsegwenzi, jekk jitqiesu li huma stabbiliti, jistgħu jirriżultaw ukoll fis-sitwazzjoni fejn Stat Membru jiddeċiedi li ma jimplimentax il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 188(2) tad-Direttiva tal-VAT li ma jeżiġix l-aġġustament. Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 137(1)(b) ta’ din id-direttiva jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jagħtu lill-persuni taxxabbli tagħhom id-dritt ta’ għażla tat-tassazzjoni tal-provvista ta’ bini, li jippermetti li jiġu evitati l-konsegwenzi invokati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva tal-VAT għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tipprevedi, abbażi tal-Artikolu 188(2) ta’ din id-direttiva, li ċ-ċedent ta’ proprjetà immobbli ma huwiex obbligat iwettaq l-aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input imwettaq meta ċ-ċessjonarju ser juża din il-proprjetà immobbli biss għal tranżazzjonijiet li jagħtu lok għal dritt għal tnaqqis, timponi wkoll fuq iċ-ċessjonarju l-obbligu li jwettaq l-aġġustament ta’ dan it-tnaqqis għall-perijodu rimanenti tal-perijodu ta’ aġġustament, meta huwa jittrasferixxi, min-naħa tiegħu, il-proprjetà immobbli inkwistjoni lil terz li ma huwiex ser jużaha għal tali tranżazzjonijiet.

Fuq it-tieni domanda

74

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-risposta għall-ewwel domanda kinitx differenti fil-każ fejn l-ewwel trasferiment li hija ssemmi jikkostitwixxi trasferiment ta’ beni, fis-sens tal-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-VAT.

75

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, s-sentenza tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-kawża tressqet quddiemha mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni rispettiva tagħha. Fil-fatt, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jirrenja fil-funzjonament tal-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali tirrikonoxxi l-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Fil-fatt, il-ġustifikazzjoni ta’ domanda preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ tali opinjonijiet, iżda hija l-ħtieġa inerenti għall-eżitu effettiv ta’ kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 38, u tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Rodríguez Sànchez,C‑351/14, EU:C:2016:447, punt 56).

78

Ċertament, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fid-dawl tas-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn il‑qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jintalab li, qabel ma tagħmel ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet fattwali kollha u l-evalwazzjonijiet ta’ dritt kollha li hija mistennija tagħmel fil-kuntest tal-funzjoni ġudizzjarja tagħha. Fil-fatt, huwa biżżejjed li s-suġġett tat-tilwima fil‑kawża prinċipali kif ukoll il-konsegwenzi prinċipali tagħha għas-sistema ġuridika tal-Unjoni jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati l-oħrajn ikunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom konformement mal-Artikolu 23 tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fil‑proċedura quddiem din tal-aħħar (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 39).

79

Madankollu, f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tippreċiża espressament li l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti ta’ attivitajiet fil-kawża prinċipali għandha tiġi ddeterminata skont iċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali u ma hijiex is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, u li l-qorti tar-rinviju ser tiddeċiedi din il-kwistjoni meta hija tiddeċiedi definittivament it-tilwima fil-kawża prinċipali. Huwa biss kieku kellu jiġi kkonstatat li l-akkwist, mis-Sögård Fastigheter, tal-proprjetà immobbli kellu jiġi kklassifikat bħala “trasferiment ta’ attività” li tqum il-kwistjoni dwar jekk huwiex kompatibbli mal-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-VAT li wieħed jeżiġi li tkun hi li twettaq l-aġġustament tat-tnaqqis magħmul mill-proprjetarju preċedenti.

80

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-VAT hija, f’dan l-istadju tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ipotetika u ma hemmx bżonn inerenti tar-risposta għal din id-domanda għas-soluzzjoni tat-tilwima.

81

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti risposta għat-tieni domanda billi tagħmel opinjoni konsultattiva fuq problema li, f’dan l-istadju, hija ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, C‑156/15, EU:C:2016:851, punt 56; tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 194, kif ukoll tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 166). Il-fatt li din il-kwistjoni tista’ tkun rilevanti jekk il-qorti nazzjonali tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet dwar it-trażmissjoni ta’ attivitajiet kellhom jiġu applikati fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

82

Minn dan isegwi li t-tieni domanda hija inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

83

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tipprevedi, abbażi tal-Artikolu 188(2) ta’ din id-direttiva, li ċ-ċedent ta’ proprjetà immobbli ma huwiex obbligat iwettaq l-aġġustament ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imwettaq meta ċ-ċessjonarju ser juża din il-proprjetà immobbli biss għal tranżazzjonijiet li jagħtu lok għal dritt għal tnaqqis, timponi wkoll fuq ċ-ċessjonarju l-obbligu li jwettaq l-aġġustament ta’ dan it-tnaqqis għall-perijodu rimanenti tal-perijodu ta’ aġġustament, meta huwa jittrasferixxi, min-naħa tiegħu, il-proprjetà immobbli inkwistjoni lil terz li ma huwiex ser jużaha għal tali tranżazzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

( i ) Fid-dispożittiv ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.

Top