EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0761

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Jannar 2021.
Päivi Leino-Sandberg vs Il-Parlament Ewropew.
Appell – Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Artikolu 10 – Rifjut ta’ aċċess – Rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kontra deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tirrifjuta l-aċċess għal dokument – Żvelar tad-dokument annotat minn terz wara l-preżentata tar-rikors – Dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali minħabba t-telf tal-interess ġuridiku – Żball ta’ liġi.
Kawża C-761/18 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:52

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Jannar 2021 ( *1 )

“Appell – Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Artikolu 10 – Rifjut ta’ aċċess – Rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kontra deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tirrifjuta l-aċċess għal dokument – Żvelar tad-dokument annotat minn terz wara l-preżentata tar-rikors – Dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali minħabba t-telf tal-interess ġuridiku – Żball ta’ liġi”

Fil-Kawża C‑761/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-3 ta’ Diċembru 2018,

Päivi Leino-Sandberg, residenti f’Ħelsinki (il-Finlandja), irrappreżentata minn O. W. Brouwer u B. A. Verheijen, advocaten, u minn S. Schubert, Rechtsanwalt,

appellanti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn M. Pere, bħala aġent,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat inizjalment minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev, J. Lundberg u H. Eklinder, u sussegwentement minn C. Meyer-Seitz, H. Shev u H. Eklinder, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn C. Burgos, I. Anagnostopoulou u L. Vétillard, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Päivi Leino-Sandberg titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Settembru 2018, Leino-Sandberg vs Il-Parlament (T‑421/17, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2018:628), li permezz tiegħu din iddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew A(2016) 15112, tat-3 ta’ April 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), li tirrifjuta li tagħtiha l-aċċess għad-Deċiżjoni tal-Parlament A(2015) 4931, tat-8 ta’ Lulju 2015, indirizzata lil Emilio De Capitani.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

L-appellanti, professura tad-dritt internazzjonali u tad-dritt Ewropew fil-University of Eastern Finland (l-Università tal-Finlandja tal-Lvant), ressqet quddiem il-Parlament, fil-kuntest ta’ żewġ proġetti ta’ riċerka dwar it-trasparenza fit-trilogi, talba għal aċċess għal dokumenti ta’ din l-istituzzjoni. F’dan il-kuntest, hija talbet speċifikament aċċess għad-Deċiżjoni A(2015) 4931 tal-Parlament Ewropew, tat-8 ta’ Lulju 2015, li tirrifjuta li tagħti lil E. De Capitani l-aċċess sħiħ għad-dokumenti LIBE‑2013–0091–02 u LIBE‑2013–0091–03 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni A(2015) 4931” jew id-“dokument mitlub”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Parlament irrifjuta, essenzjalment, lil E. De Capitani l-aċċess għar-raba’ kolonna ta’ żewġ tabelli redatti fil-kuntest ta’ trilogi li kienu għaddejjin dak iż-żmien.

3

L-imsemmija deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn E. De Capitani, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Settembru 2015 taħt in-numru tal-kawża T‑540/15. Fil-frattemp, E. De Capitani rrenda dan id-dokument pubbliku billi qiegħdu onlajn fuq blog (iktar ’il quddiem id-“dokument kontenzjuż”).

4

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Parlament irrifjuta lil-appellanti l-aċċess għad-dokument mitlub, minħabba li, fid-dawl tal-fatt li dan kien qiegħed jiġi kkontestat mid-destinatarju tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali u l-proċedura ġudizzjarja kienet għadha pendenti, l-iżvelar tiegħu kien jippreġudika l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji stabbilita fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001, L 145, p. 43).

5

Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament (T‑540/15, EU:T:2018:167), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni A(2015) 4931.

Proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

6

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Lulju 2017, l-appellanti bdiet azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja talbu li jintervjenu fil-proċedura insostenn tat-talbiet tal-appellanti.

7

Fl-14 ta’ Novembru 2017, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali staqsiet, b’mod partikolari, lill-appellanti jekk hija kinitx tqis li kienet issodisfatta, peress li hija setgħet tikkonsulta d-dokument kontenzjuż fuq l-internet. Fis-27 ta’ Marzu 2018, permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 130(2) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, il-Parlament ressaq talba sabiex jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

8

Fl-20 ta’ April 2018, l-appellanti ppreżentat, fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba sabiex jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, u talbet lill-Qorti Ġenerali tiċħad din it-talba.

9

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors tal-appellanti, peress li, wara l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż fuq l-internet, l-imsemmi rikors kien tilef l-iskop tiegħu. Il-Qorti Ġenerali eskludiet l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tipprovdi li rikorrent jista’ jżomm interess sabiex jitlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni sabiex jiġi evitat li l-illegalità li bih ikun allegatament ivvizzjat ma sseħħx mill-ġdid fil-futur. Skont il-Qorti Ġenerali, ir-rifjut tal-Parlament kien partikolari għall-każ u ta’ natura ad hoc.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tiddeċiedi definittivament il-kawża;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż; u

tikkundanna lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

11

Ir-Repubblika tal-Finlandja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat; u

tirrinvija l-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid;

12

Ir-Renju tal-Isvezja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat; u

tiddeċiedi definittivament il-kawża.

13

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

14

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem żewġ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkonkludiet li r-rikors ma kienx għad għandu skop u li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-pubblikazzjoni tad-dokument kontenzjuż minn terz kienet wasslet għat-telf tal-interess ġuridiku tagħha.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

15

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li jinkludi żewġ ilmenti, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-pubblikazzjoni tad-dokument kontenzjuż fuq l-internet mid-destinatarju tiegħu kien irrendiet mingħajr skop ir-rikors fl-ewwel istanza.

16

L-appellanti ssostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju li jirriżulta mis-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660), li jgħid li tilwima żżomm l-iskop tagħha meta, minkejja l-pubblikazzjoni tad-dokumenti mitluba, l-istituzzjoni li oriġinarjament tkun irrifjutat l-aċċess għal dawn id-dokumenti ma tkunx irtirat id-deċiżjoni tagħha. Issa, fil-każ ineżami, il-Parlament ma rtirax id-deċiżjoni kontenzjuża.

17

Min-naħa l-oħra, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li applikat kriterju strett wisq u żbaljat billi sempliċement fittxet jekk hija setgħetx tuża “b’mod kompletament legali” d-dokument kontenzjuż wara l-pubblikazzjoni tiegħu minn E. De Capitani fuq il-blog tiegħu. Fil-fatt, u filwaqt li E. De Capitani indika huwa stess li l-verżjoni ppubblikata tad-dokument mitlub kienet “verżjoni li fiha [kien] enfasizza siltiet u daħħal noti”, l-appellanti tenfasizza li l-kwalità tagħha ta’ riċerkatriċi li hija marbuta tosserva standards universitarji ta’ kwalità, ta’ oġġettività u ta’ etika kienet tobbligaha tuża biss informazzjoni miksuba minn sorsi awtentiċi. Barra minn hekk, mill-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jirriżultax li dan tal-aħħar għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pubblikazzjoni ta’ dokument minn terz tista’ tissostitwixxi l-aċċess pubbliku mogħti mill-istituzzjoni inkwistjoni skont dan ir-regolament.

18

Il-Gvern Finlandiż u dak Svediż isostnu l-argumenti tal-appellanti u jsostnu li l-iskop tar-rikors ma ntilifx.

19

B’mod partikolari, il-Gvern Finlandiż josserva li, skont l-għarfien li għandu, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma qieset li l-iżvelar ta’ dokument minn terz huwa rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-interess ta’ rikorrent jippersistix f’kawża dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan il-gvern isostni, barra minn hekk, li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għad-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2006, Weber vs Il-Kummissjoni (T‑290/05, mhux ippubblikat, EU:T:2006:381) kif ukoll għas-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il-Kunsill (T‑63/10,EU:T:2012:516), u tal-15 ta’ Ottubru 2013, European Dynamics Belgium et vs EMA (T‑638/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:530), li għalihom irreferiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 27 tad-digriet appellata, huma differenti mis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-każ ineżami.

20

Min-naħa tiegħu, il-Parlament jitlob li l-ewwel aggravju jiġi miċħud.

21

Minn naħa, il-Parlament jenfasizza li l-fatti sottostanti għal din il-kawża u dawk li wasslu għas-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660), huma differenti u li r-raġunament magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza ma jistax jiġi traspost għas-sentenza preżenti. L-unika punt komuni għall-imsemmija sentenza u din il-kawża huwa l-fatt li l-istituzzjoni inkwistjoni ma rtiratx id-deċiżjoni kontenzjuża.

22

Min-naħa l-oħra, il-Parlament isostni li l-argument dwar l-istandards ta’ kwalità u dwar l-impossibbiltà għal persuna akkademika li tafda f’riċerka fuq l-internet ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, dan huwa motiv ġdid li jestendi s-suġġett tal-kawża u li, konsegwentement, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

23

Barra minn hekk, il-Parlament josserva li l-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li, u lanqas ma eżaminat jekk il-pubblikazzjoni tad-dokument kontenzjuż minn E. De Capitani setgħetx validament tissostitwixxi l-aċċess pubbliku, iżda li hija sempliċement evalwat jekk l-appellanti setgħetx tużah b’mod kompletament legali għall-finijiet tax-xogħlijiet universitarji tagħha.

24

Barra minn hekk, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Gvern Finlandiż li l-appellanti ma jistax ikollha ċertezza kompleta fir-rigward tal-leġittimità tal-pubblikazzjoni u tal-użu tad-dokument kontenzjuż, il-Parlament isostni li din qatt ma esprimiet dubji dwar il-fatt li E. De Capitani, destinatarju tad-dokument mitlub, kien fil-fatt il-persuna li kienet ippubblikat id-dokument kontenzjuż. Il-Parlament iqis li ma hemm ebda dubju dwar dan il-punt.

25

Fl-aħħar nett, il-Parlament jenfasizza li, bil-kontra ta’ dak li jissuġġerixxi l-Gvern Finlandiż, mill-ġurisprudenza ċċitata fid-digriet appellat jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddefinixxiet kriterju ġenerali meta ddeċidiet li rikors għal annullament ta’ deċiżjoni li tirrifjuta aċċess għal dokumenti ma jkollhiex iktar skop meta d-dokumenti inkwistjoni jkunu saru aċċessibbli minn terz u r-rikorrent ikun jista’ jaċċedi għall-imsemmija dokumenti u jużahom b’tali mod li huwa daqstant legali daqslikieku kisibhom bħala riżultat tat-talba tiegħu skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti, sostnuta mill-Gvern Finlandiż u dak Svediż, issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn iddeċidiet li r-rikors ma kienx għad għandu skop. Minn naħa, fl-ewwel ilment, hija ssostni li, peress li l-Parlament ma rtirax id-deċiżjoni kontenzjuża, ir-rikors kien għad għandu skop. Min-naħa l-oħra, fit-tieni lment, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju wisq strett u żbaljat meta eżaminat sempliċement jekk hija setgħetx tuża b’mod legali d-dokument kontenzjuż wara l-iżvelar tiegħu minn terz fuq l-internet, f’verżjoni annotata u enfasizzata, filwaqt li l-kwalità tagħha ta’ riċerkatriċi universitarja kienet tobbligaha tuża biss informazzjoni miksuba minn sorsi awtentiċi.

27

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, esposta fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, ibbażata fuq il-fatt li t-tieni lment ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, dan ikun ifisser li din il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tilwima iktar estiża minn dik li tkun tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivi li jkunu ġew ittrattati quddiemha. Madankollu, argument li ma jkunx tqajjem fl-ewwel istanza ma jistax jitqies bħala argument ġdid, li jkun inammissibbli fl-istadju tal-appell, jekk dan ikun jikkostitwixxi biss elaborazzjoni ta’ argument li jkun diġà ġie żviluppat fil-kuntest ta’ motiv imressaq fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punti 113114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti sostniet, essenzjalment, fil-punt 3 tal-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba sabiex jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, li dokument ma jistax jitqies li kien is-suġġett ta’ “pubblikazzjoni” bħala tali meta jkun ġie żvelat fuq l-internet minn individwu, peress li tali żvelar ma huwiex paragunabbli mal-aċċess mogħti lilu mill-istituzzjoni jew mal-pubblikazzjoni tiegħu minn din l-istituzzjoni.

29

Għaldaqstant, u minkejja li l-appellanti ma semmietx espressament, fl-ewwel istanza, li l-kwalità tagħha ta’ riċerkatriċi li hija marbuta tosserva standards universitarji ta’ kwalità u ta’ oġġettività tobbligaha tuża biss informazzjoni miksuba minn sorsi awtentiċi, it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju strett wisq u żbaljat meta bbażat ruħha fuq il-fatt li l-appellanti setgħet legalment tuża d-dokument kontenzjuż wara l-pubblikazzjoni tiegħu minn terz, huwa l-elaborazzjoni tal-argument li hija ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment tal-ewwel aggravju huwa ammissibbli.

31

Għal dak li jirrigwarda l-fondatezza tal-ewwel motiv, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 27 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza tagħha li tgħid li “rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti ma jkollhiex iktar skop meta d-dokumenti inkwistjoni jkunu saru aċċessibbli minn terz u r-rikorrent ikun jista’ jaċċedi għal dawn id-dokumenti u jużahom b’tali mod li huwa daqstant legali daqslikieku kisibhom bħala riżultat tat-talba tiegħu skont ir-Regolament Nru 1049/2001”. Barra minn hekk, fil-punt 28 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li din il-ġurisprudenza tapplika iktar u iktar f’dan il-każ, “peress li l-verżjoni kompleta tad-dokument [kontenzjuż] [kienet] saret aċċessibbli mid-destinatarju ta’ dan id-dokument stess, b’tali mod li ma [kien] hemm ebda dubju li r-rikorrenti [setgħet] tagħmel użu minnu b’mod kompletament legali għall-finijiet tax-xogħlijiet universitarji tagħha”.

32

Għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tal-iskop tar-rikors, jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu, u fin-nuqqas ta’ dan, ir-rikors għandu jitqies li huwa inammissibbli. Dan l-iskop tat-tilwima, l-istess bħall-interess ġuridiku, għandu jippersisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 61; tat-23 ta’ Novembru 2017, Bionorica u Diapharm vs Il-Kummissjoni, C‑596/15 P u C‑597/15 P, EU:C:2017:886, punti 8485; tas-6 ta’ Settembru 2018, Bank Mellat vs Il-Kunsill, C‑430/16 P, EU:C:2018:668, punt 50, kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Alcogroup u Alcodis vs Il-Kummissjoni, C‑403/18 P, EU:C:2019:870, punt 24).

33

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk id-dokument kontenzjuż kien ġie żvelat minn terz, id-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx ġiet irtirata formalment mill-Parlament, b’tali mod li t-tilwima, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 27 u 28 tad-digriet appellat, żammet l-iskop tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għaldaqstant, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors, għandu jiġi eżaminat, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, jekk l-appellanti setgħetx tibqa’ tinvoka, minkejja dan l-iżvelar, interess ġuridiku, li jimplika li jiġi ddeterminat jekk l-appellanti kisbitx, permezz tal-imsemmi żvelar, sodisfazzjon sħiħ fid-dawl tal-għanijiet li hija kienet qiegħda tfittex permezz tat-talba tagħha għal aċċess għad-dokument ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 47).

35

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li l-interess ġuridiku, li għandu jippersisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, jikkostitwixxi kundizzjoni proċedurali indipendenti mid-dritt sostantiv applikabbli għall-mertu ta’ kawża, dan madankollu ma jistax jiġi sseparat minn dan id-dritt, peress li l-eżistenza tal-interess ġuridiku għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-talba materjali li tkun ġiet ifformulata fir-rikors promotur.

36

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, konformement mal-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jagħmel parti mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, li jistabbilixxi pass ġdid fil-proċess tal-ħolqien ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu fl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ ftuħ u l-eqreb possibbli taċ-ċittadin (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Dan l-għan fundamentali tal-Unjoni huwa rifless ukoll, minn naħa, fl-Artikolu 15(1) TFUE, li jipprevedi, b’mod partikolari, li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ, prinċipju kkonfermat ukoll fl-Artikolu 10(3) TUE u fl-Artikolu 298(1) TFUE, kif ukoll, min-naħa l-oħra, mir-rikonoxximent tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fid-dawl ta’ dan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, hekk kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-usa’ possibbli (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 33).

39

Għal dan il-għan, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k] ull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament”, u jżid jgħid, fil-paragrafu 4 tiegħu, li “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 9 [ta’ dan ir-regolament], dokumenti għandhom isiru aċċessibbli għall-pubbliku jew wara applikazzjoni bil-miktub jew direttament f’forma elettronika jew permezz ta’ reġistru”.

40

B’hekk, dan ir-regolament jistabbilixxi, minn naħa, id-dritt, bħala prinċipju, ta’ kull persuna li jkollha aċċess għad-dokumenti ta’ istituzzjoni u, min-naħa l-oħra, l-obbligu, bħala prinċipju, ta’ istituzzjoni li tagħti l-aċċess għad-dokumenti tagħha.

41

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jelenka b’mod eżawrjenti l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li abbażi tagħhom dawn tal-aħħar jistgħu jirrifjutaw l-aċċess għal dokument, u dan sabiex jiġi evitat li l-iżvelar tiegħu jippreġudika wieħed mill-interessi protetti minn dan l-Artikolu 4 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Jurašinović vs Il-Kunsill, C‑576/12 P, EU:C:2013:777, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata)

42

Fir-rigward tal-Artikolu 10 tal-istess regolament, li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ aċċess għal dokumenti wara applikazzjoni, dan jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-“applikant għandu jkollu aċċess għad-dokumenti jew billi jarhom fil-post jew billi jirċievi kopja, inkluż, fejn disponibbli, kopja elettronika, skond il-preferenza ta’ l-applikant”.

43

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li “l-istituzzjoni tista’ taderixxi ma’ l-obbligazzjoni li tagħti l-aċċess billi tavża ’l-applikant kif jista’ jikseb id-dokument mitlub”, iżda dan biss “[j]ekk dokument [ikun] diġà ġie żvelat mill-istituzzjoni rilevanti u [jkun] faċilment aċċessibbli lill-applikant”.

44

Għaldaqstant, billi tinforma lill-applikant dwar il-mezzi kif jikseb dokument mitlub, li jkun diġà ġie żvelat mill-istituzzjoni kkonċernata, din tissodisfa l-obbligu tagħha li tagħti l-aċċess għal dan id-dokument bħallikieku hija stess kienet ikkomunikatu direttament lill-applikant. Fil-fatt, tali informazzjoni tikkostitwixxi prerekwiżit essenzjali sabiex tiġi kkonfermata n-natura eżawrjenti, l-integrità u l-użu legali tad-dokument mitlub.

45

Min-naħa l-oħra, ma jistax jitqies li l-istituzzjoni kkonċernata tkun issodisfat l-obbligu tagħha li tagħti l-aċċess għal dokument minħabba s-sempliċi fatt li dan id-dokument ikun ġie żvelat minn terz u li l-applikant ikun sar jaf bih.

46

Fil-fatt, bil-kontra tas-sitwazzjoni li fiha l-istituzzjoni kkonċernata tkun żvelat dokument hija stess, li jippermetti għaldaqstant lill-applikant li jsir jaf bih u li jagħmel użu minnu b’mod kompletament legali filwaqt li jkun żgurat min-natura eżawrjenti u mill-integrità ta’ dan id-dokument, dokument żvelat minn terz ma jistax jitqies li jikkostitwixxi dokument uffiċjali jew bħala li jesprimi l-pożizzjoni uffiċjali ta’ istituzzjoni fl-assenza ta’ approvazzjoni inekwivoka ta’ din l-istituzzjoni li tgħid li dak li nġabar joriġina fil-fatt minnha u jesprimi l-pożizzjoni uffiċjali tagħha.

47

Jekk tiġi aċċettata l-pożizzjoni sostnuta mill-Parlament u adottata mill-Qorti Ġenerali, istituzzjoni tiġi meħlusa mill-obbligu tagħha li tagħti aċċess għad-dokument mitlub, minkejja li ebda waħda mill-kundizzjonijiet li jippermettulha tevita dan l-obbligu, previsti fir-Regolament Nru 1049/2001, ma tkun issodisfatta.

48

Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik fil-każ ineżami, fejn l-appellanti kisbet sempliċement aċċess għad-dokument kontenzjuż żvelat minn terz u fejn il-Parlament ikompli jirrifjutalha l-aċċess għad-dokument mitlub, ma jistax jitqies li l-appellanti kisbet l-aċċess għal dan l-aħħar dokument, fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001, u lanqas, għaldaqstant, li hija tilfet l-interess li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sempliċement minħabba dan l-iżvelar. Bil-kontra, f’tali sitwazzjoni, l-appellanti għad għandha interess reali li tikseb l-aċċess għal verżjoni awtentikata tad-dokument mitlub, fis-sens tal-Artikolu 10(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, li jiggarantixxi li din l-istituzzjoni hija l-awtur tiegħu u li dan id-dokument jesprimi l-pożizzjoni uffiċjali tagħha.

49

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 27 u 28 tad-digriet appellat, billi assimilat l-iżvelar ta’ dokument minn terz mal-iżvelar mill-istituzzjoni kkonċernata tad-dokument mitlub, fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001, u billi ddeduċiet, fil-punt 37 ta’ dan id-digriet, li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors tal-appellanti minħabba li, peress li d-dokument kien ġie żvelat minn terz, l-appellanti setgħet taċċedi għalih u tagħmel użu minnu b’mod daqstant legali daqslikieku hija kienet kisbitu bħala riżultat ta’ talba magħmula skont dan ir-regolament.

50

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’ u li d-digriet appellat għandu jiġi annullat, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra ta’ dan l-aggravju u lanqas it-tieni aggravju tal-appell.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

51

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

52

Fil-każ ineżami, peress li l-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba tal-Parlament sabiex jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mingħajr ma eżaminat ir-rikors tal-appellanti fuq il-mertu, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-kawża qiegħda tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Settembru 2018, Leino-Sandberg vs Il-Parlament (T‑421/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:628), huwa annullat.

 

2)

Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-proċedura: l-Ingliż.

Top