Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0722

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-28 ta’ Novembru 2019.
KROL - Zakład Robót Wodno-Kanalizacyjnych Sp. z o.o., S.k. vs Porr Polska Construction S.A.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie, XXIII Wydział Gospodarczy Odwoławczy.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2000/35/KE – Artikolu 1 u Artikolu 6(3) – Kamp ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Tranżazzjonijiet kummerċjali ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea – Esklużjoni.
Kawża C-722/18.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1028

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

28 ta’ Novembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2000/35/KE – Artikolu 1 u Artikolu 6(3) – Kamp ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Tranżazzjonijiet kummerċjali ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea – Esklużjoni”

Fil-Kawża C‑722/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie, XXIII Wydział Gospodarczy Odwoławczy (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, it-23 Sezzjoni Kummerċjali ta’ Appell, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura

KROL — Zakład Robót Wodno-Kanalizacyjnych sp. z o.o., sp.k.

vs

Porr Polska Construction S.A.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn D. Šváby, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, K. Jürimäe u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Mifsud-Bonnici u M. Rynkowski, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-premessi 13, 20 u 22 tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1 p. 226), kif ukoll l-Artikolu 18 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn KROL – Zakład Robót Wodno-Kanalizacyjnych sp. z o.o., sp.k. (iktar ’il quddiem “KROL”) u Porr Polska Construction S.A. (iktar ’il quddiem “Porr”) dwar il-ħlas minn din tal-aħħar ta’ interessi moratorji statutorji lill-ewwel waħda, fir-rigward ta’ remunerazzjoni għal xogħlijiet imwettqa minn KROL skont kuntratt konkluż bejn dawn iż-żewġ kumpanniji.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 9, 10, 13, 16, 20 u 22 tad-Direttiva 2000/35 jipprovdu:

“(9)      Id-differenzi bejn ir-regoli u l-prattiċi tal-ħlas fl-Istati Membri jikkostitwixxu ostaklu għall-iffunzjonar xieraq tas-suq intern.

(10)      Dawn għandhom l-effett li jillimitaw konsiderevolment transazzjonijiet kummerċjali bejn l-Istati Membri. Din hija f’kontradizzjoni ma’ l-Artikolu 14 tat-Trattat billi intraprendituri għandhom ikunu jistgħu jinnegozjaw mas-suq intern kollu taħt kondizzjonijiet li jiżguraw li operazzjonijiet li jsiru fil-fruntiera bejn pajjiż u ieħor ma jinvolvux riskji akbar mill-bejgħ domestiku. Tgħawwiġ fil-kompetizzjoni jsegwi jekk regoli sostanzjalment differenti japplikaw għall-operazzjonijiet domestiċi u dawk li jsiru fil-fruntiera bejn pajjiż u ieħor.

[…]

(13)      Din id-Direttiva għandha tkun limitata għall-ħlasijiet magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali u m’għandhiex tirregola transazzjonijiet mal-konsumaturi, interess b’konnessjoni ma’ ħlasijiet oħra, eż. ħlasijiet taħt il-liġijiet dwar ċekkijiet u kambjali, ħlasijiet magħmula bħala kumpens għall-ħsarat inklużi ħlasijiet minn kumpaniji ta’ assigurazzjoni.

[...]

(16)      Ħlas tard jikkostitwixxi ksur ta’ kuntratt li kien finanzjarjament attraenti għad-debituri fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri minn rati baxxi ta’ imgħax fuq ħlasijiet tard u/jew proċeduri bil-mod għar-rimedju. Ċaqliqa deċiżiva, inkluż il-kumpens għall-kredituri għall-ispejjeż magħmula, huwa meħtieġ biex titreġġa’ lura din ix-xejra u biex jiġi żgurat li l-konsegwenzi ta’ ħlasijiet tard ikun dawk li jiskoraġġixxu l-ħlas tard.

[...]

(20)      Il-konsegwenzi ta’ ħlas tard jistgħu jkunu disważivi biss jekk ikunu akkumpanjati minn proċeduri għal rimedji li huma rapidi u effettivi għall-kreditur. B’konformità mal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni li jinsab fl-Artikolu 12 tat-Trattat, dawk il-proċeduri għandhom ikunu disponibbli għall-kredituri kollha li huma stabbiliti fil-Komunità.

[...]

(22)      Din id-Direttiva għandha tirregola t-transazzjonijiet kummerċjali kollha irrispettivament ta’ jekk jitwettqux bejn intrapriżi privati jew pubbliċi jew bejn intrapriżi privati u awtoritajiet pubbliċi, waqt li jingħata kont tal-fatt li dawn ta’ l-aħħar jimmaniġġjaw volum konsiderevoli ta’ ħlasijiet lin-negozju. Għandha għalhekk tirregola wkoll it-transazzjonijiet kummerċjali kollha bejn il-kuntratturi prinċipali u dawk li jipprovdulhom u s-sottokuntratturi.

[...]”

4        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/35, intitolat “Skop”:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.”

5        L-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” bħala:

“transazzjonijiet bejn intrapriżi jew bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi li twassal għall-ġarr ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi għall-ħlas.”

6        L-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Fit-transposizzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jeskludu:

(a)      djun li huma s-suġġett ta’ proċeduri ta’ falliment istitwiti kontra d-debitur;

(b)      kuntratti li kienu ġew konklużi qabel it-8 ta’ Awissu 2002; u

(ċ)      talbiet għall-imgħax ta’ anqas minn EUR 5.”

7        Id-Direttiva 2000/35 tħassret bid-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2011, Vol. 48, p. 1), b’effett mis-16 ta’ Marzu 2013, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tagħha.

8        L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7 jipprevedi:

“Fit-traspożizzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk jeskludux il-kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013.”

9        Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, id-Direttiva 2000/35 tibqa’ applikabbli għall-kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013 li għalihom l-ewwel direttiva ma tapplikax skont l-Artikolu 12(4) tagħha.

 Id-dritt Pollakk

10      Id-Direttiva 2000/35 ġiet trasposta fid-dritt Pollakk permezz tal-ustawa o terminach zapłaty w transakcjach handlowych (il-Liġi dwar it-Termini ta’ Ħlas fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali) tat-12 ta’ Ġunju 2003 (Dz. U tal-2003, Nru 139, intestatura 1323), (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-12 ta’ Ġunju 2003”) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004.

11      Skont il-punt 3(c) tal-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, din ma tapplikax:

“[Għall-]kuntratti li għandhom bħala suġġett servizzi li jikkonsistu fil-provvista ta’ oġġetti jew fil-provvista ta’ servizzi bi ħlas, iffinanzjati kompletament jew parzjalment minn riżorsi li ġejjin minn:

[...]

c)      fondi strutturali u tal-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.”

12      Il-liġi tat-8 ta’ Marzu 2013 (Dz. U. tal-2013, intestatura 403) li tittrasponi d-Direttiva 2011/7 ħassret il-liġi tat-12 ta’ Ġunju 2003 b’effett mit-28 ta’ April 2013. Hija ma tinkludix dispożizzjonijiet li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha t-tranżazzjonijiet kummerċjali li l-finanzjament tagħhom huwa żgurat minn fondi strutturali jew mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.

13      Skont l-Artikolu 15 ta’ din il-liġi, it-tranżazzjonijiet kummerċjali konklużi qabel it-28 ta’ April 2013 huma rregolati bid-dispożizzjonijiet tal-Liġi tat-12 ta’ Ġunju 2003.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      Permezz ta’ kuntratt konkluż fl-10 ta’ Awwissu 2009, Teerag-Asdag Polska, li sussegwentement ingħaqdet ma’ Porr, ġiet inkarigata mit-Teżor Pollakk, bħala kuntrattur, bil-kostruzzjoni ta’ bini fit-triq. L-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt kienet iffinanzjata parzjalment minn riżorsi li ġejjin mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ kofinanzjament tal-proġett.

15      Permezz ta’ kuntratt konkluż fid-9 ta’ Settembru 2009, KROL ġiet fdata minn Porr bit-twettiq ta’ parti mix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ dan il-bini.

16      Il-ħlas tar-remunerazzjoni minn Porr kellu jseħħ fuq il-bażi tal-fatturi maħruġa minn KROL matul l-iżvolġiment tal-imsemmija xogħlijiet.

17      Wara li bagħtet lil Porr il-fatturi għall-finijiet tar-remunerazzjoni tax-xogħlijiet imwettqa, KROL bagħtitilha, fit-3 ta’ Settembru 2014, kalkolu ta’ interessi li għandhom jitħallsu kif ukoll, jumejn wara, intimazzjoni għall-ħlas tal-interessi moratorji statutorji f’terminu ta’ sebat ijiem minn meta tirċeviha.

18      Peress li din it-talba ma ġietx segwita, KROL ressqet kawża quddiem is-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja, il-Polonja). Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Settembru 2017, din il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ KROL li kien intiż sabiex jinkiseb il-ħlas tal-interessi moratorji indikati, minħabba li s-servizz li kellu jsir minnha kien jagħmel parti minn proġett kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni u, konsegwentement, kien eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tat-12 ta’ Ġunju 2003.

19      KROL ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie, XXIII Wydział Gospodarczy Odwoławczy (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, it-23 Sezzjoni Kummerċjali ta’ Appell, il-Polonja). Din għandha dubji dwar il-kompatibbiltà, mad-Direttiva 2000/35, tal-Liġi tat-12 ta’ Ġunju 2003, sa fejn din teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha t-tranżazzjonijiet kummerċjali li jinvolvu finanzjament, kompletament jew parzjalment, minn riżorsi li ġejjin mill-fondi strutturali jew mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni.

20      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li d-Direttiva 2000/35 ma tagħmilx distinzjoni bejn it-tranżazzjonijiet kummerċjali abbażi tal-oriġini tal-mezzi finanzjarji li jikkostitwixxu s-sors ta’ finanzjament tagħhom u ma tipprevedix trattament differenti għat-tranżazzjonijiet iffinanzjati minn fondi strutturali tal-Unjoni. Din il-qorti żżid li l-esklużjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tat-12 ta’ Ġunju 2003 tista’ tinvalida l-għan ta’ ġlieda kontra l-ħlas tardiv fis-suq intern segwit mid-Direttiva 2000/35. Hija tirrileva, fl-aħħar nett, li, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, KROL ma kinitx taf dwar il-fatt li dan kien iffinanzjat parzjalment mill-Fondi ta’ Koeżjoni tal-Unjoni u li, fi kwalunkwe każ, dan il-kuntratt ta’ kofinanzjament ma kienx jirrigwarda l-kuntratt konkluż bejn KROL u Porr.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie, XXIII Wydział Gospodarczy Odwoławczy (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, it-23 Sezzjoni Kummerċjali ta’ Appell, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-premessi 13, 20 u 22 tad-Direttiva 2000/35 [...] u l-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, jippermettu li jiġi eskluż il-kumpens għal ħlas tardiv, fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet iffinanzjati kompletament jew parzjalment b’riżorsi mill-fondi strutturali u mill-Fondi ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea, liema esklużjoni tirriżulta mill-punt 3(c) tal-Artikolu 4 tal-[Liġi tat-12 ta’ Ġunju 2003]?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

22      Il-Gvern Pollakk informa li, wara l-preżentata ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Liġi tat-12 ta’ Ġunju 2003, li kienet teskludi l-kumpens għal għal ħlas tardiv fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali ffinanzjati kompletament jew parzjalment minn riżorsi li ġejjin minn fondi strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni, tħassret bil-liġi tat-8 ta’ Marzu 2013, li ma tipprevedix iktar tali esklużjoni.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Lenz, C‑315/02, EU:C:2004:446, punti 53 u 54).

24      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2011/7, trasposta fid-dritt Pollakk permezz tal-Liġi tat-8 ta’ Marzu 2013, tipprevedi, fl-Artikolu 12(4) tagħha, li l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk jeskludux mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013. Meta Stat Membru jagħmel użu minn din il-possibbiltà, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, id-Direttiva 2000/35 tibqa’ tapplika għall-kuntratti konklużi qabel din id-data.

25      Din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/7 il-ħlasijiet tardivi fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż qabel is-16 ta’ Marzu 2013, anki meta dan il-ħlas tardiv iseħħ wara din id-data (sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2017, Zarski, C‑330/16, EU:C:2017:418, punt 34).

26      Issa, mill-atti tal-proċess ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 15 tal-Liġi tat-8 ta’ Marzu 2013 jipprevedi espressament li t-tranżazzjonijiet kummerċjali konklużi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet applikabbli sa dak iż-żmien, fosthom, b’mod partikolari, dawk tal-Liġi tat-12 ta’ Ġunju 2003. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, peress li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż fid-9 ta’ Settembru 2009, huwa jaqa’ taħt din l-aħħar liġi, li ttrasponiet id-Direttiva 2000/35.

27      Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva hija neċessarja, fid-dawl tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju dwar il-kompatibbiltà magħha tal-Liġi tat-12 ta’ Ġunju 2003.

28      Għaldaqstant għandha tingħata risposta fuq il-mertu għad-domanda magħmula.

 Fuq il-mertu

29      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2000/35 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha t-tranżazzjonijiet kummerċjali ffinanzjati kompletament jew parzjalment minn riżorsi li ġejjin minn fondi strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni huma esklużi mill-benefiċċju tal-kumpens għal ħlas tardiv żgurat mill-imsemmija direttiva.

30      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/35 japplikaw, skont l-Artikolu 1 tagħha “għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali”.

31      Skont l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali” huwa ddefinit bħala “transazzjonijiet bejn intrapriżi jew bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi li twassal għall-ġarr ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi għall-ħlas”. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessi 13 u 22 tal-imsemmija direttiva, li minnhom jirriżulta, b’mod partikolari, li, essenzjalment, l-istess direttiva hija intiża sabiex tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal tranżazzjonijiet kummerċjali, inklużi dawk bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi, u bl-esklużjoni tat-tranżazzjonijiet magħmula mal-konsumaturi u tipi oħra ta’ ħlas.

32      Minn dan isegwi li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/35, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 2 tagħha, jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva b’mod wiesa’ ħafna. Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, bl-ebda mod ma jidher li hija eskluża minn dan il-kamp tranżazzjoni kummerċjali li l-finanzjament tagħha huwa żgurat kompletament jew parzjalment minn riżorsi li ġejjin minn fondi strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni.

33      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2000/35 jippermetti, ċertament, lill-Istati Membri jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva d-djun suġġetti għal proċedura ta’ insolvenza fil-konfront tad-debitur, il-kuntratti konklużi qabel it-8 ta’ Awwissu 2002 u t-talbiet għal interessi ta’ ammont inqas minn EUR 5. Madankollu, bħala dispożizzjoni derogatorja għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/35, li abbażi tieħu d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-ħlasijiet kollha mwettqa bħala remunerazzjoni għal tranżazzjonijiet kummerċjali, l-imsemmi Artikolu 6(3) għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li d-Direttiva 2000/35 ma tipprevedix l-esklużjoni, fit-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali, tat-tranżazzjonijiet kummerċjali li l-finanzjament tagħhom huwa żgurat kompletament jew parzjalment minn riżorsi li ġejjin minn fondi strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni, hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li twettaq tali esklużjoni.

35      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-għan tad-Direttiva 2000/35 li, kif jindikaw il-premessi 9, 10 u 20 tagħha, huwa intiż sabiex jarmonizza l-konsegwenzi ta’ ħlas tardiv sabiex jagħtihom effett dissważiv, b’tali mod li t-tranżazzjonijiet kummerċjali fis-suq intern kollu ma jkunux ostakolati.

36      Issa, l-esklużjoni ta’ parti mhux negliġibbli tat-tranżazzjonijiet kummerċjali, jiġifieri dawk li l-finanzjament tagħhom huwa żgurat kompletament jew parzjalment minn riżorsi li ġejjin minn fondi strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni, mill-benefiċċju tal-mekkaniżmi ta’ ġlieda kontra l-ħlasijiet tardivi previsti mid-Direttiva 2000/35 ikollha neċessarjament bħala konsegwenza t-tnaqqis tal-effett utli tal-imsemmija mekkaniżmi, inkluż fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li jistgħu jinvolvu operaturi li joriġinaw minn Stati Membri differenti.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li f’dan il-kuntest jiġi interpretat l-Artikolu 18 TFUE.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1 u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2000/35 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha t-tranżazzjonijiet kummerċjali ffinanzjati kompletament jew parzjalment minn riżorsi li ġejjin minn fondi strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni huma esklużi mill-benefiċċju tal-kumpens għal ħlas tardiv previst mill-imsemmija direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1 u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha t-tranżazzjonijiet kummerċjali ffinanzjati kompletament jew parzjalment minn riżorsi li ġejjin minn fondi strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea huma esklużi mill-benefiċċju tal-kumpens għal ħlas tardiv previst minn din id-direttiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top